Language of document :

Appell ippreżentat fil-11 ta’ Settembru 2019 minn Bruno Gollnisch mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Is-Sitt Awla) fil-11 ta’ Lulju 2019 fil-Kawża T-95/18, Gollnisch vs Il-Parlament

(Kawża C-676/19 P)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Appellant: Bruno Gollnisch (rappreżentant: B. Bonnefoy-Claudet, avukat)

Partijiet oħra fil-proċedura: Il-Parlament Ewropew, Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Talbiet

L-appellant jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-11 ta’ Lulju 2019(T-95/18);

tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali;

tordna li r-rikorrent jingħata s-somma ta’ EUR 12 500 bħala spejjeż ta’ proċedura;

tikkundanna lill-Parlament għall-ispejjeż;

L-appellant jitlob ukoll jogħġob lill-Qorti tal-Ġustizzja, f’każ li jintlaqa’ l-appell:

jekk tqis li hija biżżejjed informata, tiddeċiedi l-kawża fil-mertu;

tannulla d-deċiżjoni tal-uffiċċju tal-Parlament tat-23 ta’ Ottubru 2017;

tilqa’ t-tabliet tal-appellant fl-ewwel istanza;

tikkundanna lill-Parlament għall-ispejjeż kollha.

Aggravji u argumenti prinċipali

1. L-ewwel aggravju, ibbażat fuq applikazzjoni retroattiva in defavorem tal-ġurisprudenza posterjuri sabiex ir-rikors jiġi ddikkjarat inammissibbli

Sabiex tiċħad ir-rikors, is-sentenza appellata applikat b’mod retroattiv, sfavorevoli u kuntrarju għad-dritt ta’ ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja posterjuri għall-preżentata tar-rikors, minkejja li dan ġie espressament deskritt bħala ammissibbli abbażi tas-sitwazzjoni preċedenti.

2. It-tieni aggravju, ibbażat fuq rifjut tal-applikazzjoni tal-Artikolu 47 tal-Karta dwar id-Drittijiet Fundamentali u tal-Artikolu 6(1) tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem

Il-Qorti tal-Ġustizzja ma applikatx dawn iż-żewġ artikoli għall-kawża, minkejja li mill-Artikolu 52 tal-Karta u tal-ispjegazzjonijiet tal-artikoli tagħha ammessa mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dawn kienu relevanti.

3. It-tielet aggravju, ibbażat fuq interpretazzjoni żbaljata tal-ġurisprudenza dwar id-dritt għal smiegħ

Is-sentenza appellata bbażat ruħha b’mod żbaljat fuq sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tikkontesta lill-appellant id-dritt tiegħu għal seduta, meta din is-sentenza kienet tikkonċerna biss il-partijiet intervenjenti matul proċedura preċiża u marġniali, li barra minn hekk kienet tawtorizza s-seduta.

4. Ir-raba’ aggravju, ibbażat fuq kontradizzjoni tal-motivi u fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża

Sabiex jiġi kkunsidrat regolari li dokument ma jkunx ġie trażmess lill-appellant matul il-proċedura inkwistjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja tat lil dan id-dokument kwalifiki kontradittorji li għandhom bħala konsegwenza ksur tad-drittijiet tad-difiża.

____________