Language of document : ECLI:EU:C:2019:472

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

6 ta’ Ġunju 2019 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi – Direttiva 2014/24/UE – Artikolu 10(c) u (d)(i), (ii) u (v) – Validità – Kamp ta’ applikazzjoni – Esklużjoni tas-servizzi ta’ arbitraġġ u ta’ konċiljazzjoni u ta’ ċerti servizzi legali – Prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ sussidjarjetà – Artikoli 49 u 56 TFUE”

Fil-Kawża C‑264/18,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Grondwettelijk Hof (il-Qorti Kostituzzjonali, il-Belġju), permezz ta’ deċiżjoni tad-29 ta’ Marzu 2018, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-13 ta’ April 2018, fil-proċedura

P. M.,

N. G.d.M.,

P. V.d.S.

vs

Ministerraad,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

komposta minn E. Regan (Relatur), President tal-Awla, C. Lycourgos, E. Juhász, M. Ilešič u I. Jarukaitis, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Bobek,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal P. M., P. V.d.S, u N. G.d.M., minn P. Vande Casteele, advocaat,

–        għall-Gvern Belġjan, minn J.-C. Halleux u P. Cottin kif ukoll minn L. Van den Broeck u C. Pochet, bħala aġenti, assistiti minn D. D’Hooghe, C. Mathieu u P. Wytinck, advocaten,

–        għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek u J. Vláčil, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Elleniku, minn M. Tassopoulou, S. Papaioannou u S. Charitaki, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Ċiprijott, minn D. Kalli u E. Zachariadou, bħala aġenti,

–        għall-Parlament Ewropew, minn A. Pospíšilová Padowska u R. van de Westelaken, bħala aġenti,

–        għall-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, minn M. Balta u F. Naert, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn L. Haasbeek u P. Ondrůšek, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali, li l-kawża tiġi deċiża mingħajr ma jsiru konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 10(c) u (d)(i), (ii) u (v) tad-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE (ĠU 2014, L 94, p. 65).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn P. M., N. G.d.M. u P. V.d.S. u l-Ministerraad (il-Kunsill tal-Ministri, il-Belġju) dwar is-suġġett tal-esklużjoni, mil-leġiżlazzjoni Belġjana li tittrasponi d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2014/24, ta’ ċerti servizzi legali relatati mal-proċeduri ta’ għoti ta’ akkwist pubbliku.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

3        Il-premessi 1, 4, 24 u 25 tad-Direttiva 2014/24 jistipulaw:

“(1)      L-għoti ta’ kuntratti pubbliċi minn jew f’isem l-awtoritajiet tal-Istati Membri għandu jkun konformi mal-prinċipji tat-Trattat [FUE], b’mod partikolari mal-moviment liberu tal-merkanzija, il-libertà tal-istabbiliment u l-libertà li jingħataw servizzi, kif ukoll mal-prinċipji li jitnisslu minnhom, bħat-trattament ugwali, in-nondiskriminazzjoni, ir-rikonoxximent reċiproku, il-proporzjonalità u t-trasparenza. Madankollu, għal kuntratti pubbliċi li jaqbżu ċertu valur, għandhom jitfasslu dispożizzjonijiet li jikkoordinaw il-proċeduri ta’ akkwist nazzjonali sabiex jiġi żgurat li dawk il-prinċipji jingħataw effett prattiku u li l-akkwist pubbliku jkun miftuħ għall-kompetizzjoni.

[…]

(4)      Il-forom dejjem aktar varji ta’ azzjoni pubblika jeħtieġu definizzjoni aktar ċara tal-kunċett ta’ akkwist innifsu; madankollu dik il-kjarifika ma għandhiex twessa’ l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva meta jitqabbel ma’ dak tad-Direttiva 2004/18/KE [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31ta’ Marzu 2004 fuq kordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi] [kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi](ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 7, p. 132)]. Ir-regoli tal-Unjoni dwar l-akkwisti pubbliċi mhumiex maħsuba li jkopru kull forma ta’ ħlas ta’ fondi pubbliċi, iżda dawk biss immirati lejn l-akkwist ta’ xogħlijiet, provvisti jew servizzi għal konsiderazzjoni permezz ta’ kuntratt pubbliku. […]

[…]

(24)      Għandu jiġi mfakkar li s-servizzi ta’ arbitraġġ u ta’ konċiljazzjoni u forom oħra simili ta’ riżoluzzjoni alternattiva għat-tilwim normalment jiġu pprovduti minn korpi jew individwi li jkun hemm qbil dwarhom, jew magħżula, b’mod li ma jistax jiġi regolat minn regoli ta’ akkwist. Għandu jiġi ċċarat li din id-Direttiva ma tapplikax għal kuntratti ta’ servizzi għall-provvista ta’ dawn is-servizzi, irrispettivament mid-denominazzjoni tagħhom taħt id-dritt nazzjonali.

(25)      Ċertu numru ta’ servizzi legali jitwettqu minn fornituri tas-servizzi li huma maħtura minn qorti jew tribunal ta’ Stat Membru, jinvolvu rappreżentanza ta’ klijenti fi proċedimenti ġudizzjarji minn avukati, għandhom jiġu pprovduti min-nutara jew huma marbuta mal-eżerċizzju tal-awtorità uffiċjali. Servizzi legali bħal dawn huma normalment ipprovduti minn korpi jew individwi maħtura jew magħżula b’mod li ma jistax jiġi rregolat minn regoli ta’ akkwist, bħal per eżempju l-ħatra ta’ Avukati tal-Istat f’ċerti Stati Membri. Dawk is-servizzi legali għandhom għalhekk ikunu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva.”

4        L-Artikolu 10 tad-direttiva bit-titolu “Esklużjonijiet speċifiċi għal kuntratti ta’ servizzi”, jipprovdi fil-paragrafi (ċ) u (d) tiegħu:

“Din id-Direttiva ma għandhiex tapplika għal kuntratti pubbliċi ta’ servizzi għal:

[…]

(c)      servizzi ta’ arbitraġġ u konċiljazzjoni;

(d)      kwalunkwe wieħed mis-servizzi legali li ġejjin:

(i)      rappreżentanza legali ta’ klijent minn avukat fis-sens tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 77/249/KEE tal-Kunsill [tat-22 ta’ Marzu 1977 biex jiġi ffaċilitat l-eżerċizzju effettiv tal-libertà biex jiġu pprovduti servizzi minn avukati (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 1, p. 52)] fi:

–        arbitraġġ jew konċiljazzjoni li ssir fi Stat Membru, pajjiż terz jew quddiem istanza internazzjonali ta’ arbitraġġ jew konċiljazzjoni; jew

–        proċedimenti ġudizzjarji quddiem il-qrati nazzjonali, tribunali jew awtoritajiet pubbliċi ta’ Stat Membru jew, pajjiż terz jew quddiem qrati, tribunali jew istituzzjonijiet internazzjonali;

(ii)      parir legali mogħti bi tħejjija għal kwalunkwe wieħed mill-proċedimenti msemmi fil-punt (i) ta’ dan il-punt jew meta jkun hemm indikazzjoni tanġibbli u probabbiltà għolja li l-kwistjoni li dwarha jingħata l-parir issir is-suġġett ta’ tali proċedimenti, dment li l-parir jingħata minn avukat fis-sens tal-Artikolu 1 tad-Direttiva [77/249];

[…]

(v)      servizzi legali oħrajn li fl-Istat Membru kkonċernat huma konnessi, anke b’mod okkażjonali, mal-eżerċizzju tal-awtorità uffiċjali”.

 Id-dritt Belġjan

5        Permezz tal-liġi relatata mal-kuntratti pubbliċi, tas-17 ta’ Ġunju 2016 (Moniteur belge tal-14 ta’ Lulju 2016, p. 44219), il-leġiżlatur Belġjan irreveda r-regoli tal-għoti ta’ kuntratti u kkonforma l-leġiżlazzjoni tiegħu mad-Direttiva 2014/24. L-Artikolu 28 ta’ din il-liġi jipprovdi:

“§ 1.      Bla ħsara għall-paragrafu 2, ma humiex suġġetti għall-applikazzjoni ta’ din il-liġi l-kuntratti pubbliċi ta’ servizzi li l-għan tagħhom huwa:

[…]

(3)      servizzi ta’ arbitraġġ u konċiljazzjoni;

(4)      kwalunkwe wieħed mis-servizzi legali li ġejjin:

(a)      rappreżentanza legali ta’ klijent minn avukat fis-sens tal-Artikolu 1 tad-Direttiva [77/249] u dan fi:

(i)      arbitraġġ jew konċiljazzjoni li ssir fi Stat Membru, pajjiż terz jew quddiem istanza internazzjonali ta’ arbitraġġ jew konċiljazzjoni jew

(ii)      proċedimenti ġudizzjarji quddiem il-qrati nazzjonali, tribunali jew awtoritajiet pubbliċi ta’ Stat Membru jew pajjiż terz jew quddiem qrati, tribunali jew istituzzjonijiet internazzjonali;

(b)      il-parir legali mogħti bi tħejjija għal kwalunkwe wieħed mill-proċedimenti msemmijin fil-punt (a) ta’ dan il-punt jew meta jkun hemm indikazzjoni tanġibbli u probabbiltà għolja li l-kwistjoni li dwarha jingħata l-parir issir is-suġġett ta’ tali proċedimenti, dment li l-parir jingħata minn avukat fis-sens tal-Artikolu 1 tad-Direttiva [77/249] iċċitata iktar ’il fuq;

[…]

(e)      servizzi legali oħrajn li, fir-Renju, huma konnessi, anke b’mod okkażjonali, mal-eżerċizzju tal-awtorità uffiċjali;

[…]

§ 2.      Ir-Re jista’ jistabbilixxi r-regoli li jirregolaw l-għoti li għalihom huma suġġetti l-kuntratti msemmija fil-paragrafu 1, 4(a) u (b), f’każijiet li jiddetermina.”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

6        Fis-16 ta’ Jannar 2017, P. M., N. G.d.M. u P. V.d.S., rikorrenti fil-kawża prinċipali, avukati u avukati tat-taħriġ, ressqu quddiem il-qorti tar-rinviju, il-Grondwetelijk Hof (il-Qorti Kostituzzjonali, il-Belġju), rikors għal annullament intiż għad-dispożizzjonijiet tal-Liġi dwar il-Kuntratti Pubbliċi, li teskludi ċerti servizzi legali, kif ukoll ċerti servizzi ta’ arbitraġġ u konċiljazzjoni, mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dik il-liġi.

7        Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jargumentaw li dawk id-dispożizzjonijiet joħolqu, fis-sens li dawn għandhom l-effett li jeskludu l-għoti ta’ servizzi hemm imsemmija mir-regoli tal-għoti tal-kuntratti pubbliċi previsti minn dik il-liġi, differenza fit-trattament li ma tkunx tista’ tiġi ġġustifikata.

8        Il-qorti tar-rinviju għalhekk tqis li tqum il-kwistjoni dwar jekk l-esklużjoni ta’ dawn is-servizzi mill-proċeduri tal-kuntratti pubbliċi tippreġudikax l-għanijiet segwiti mil-leġiżlatur tal-Unjoni meta jkun qiegħed jadotta d-Direttiva 2014/24 dwar il-kompetizzjoni sħiħa, il-libertà li jiġu pprovduti servizzi u l-libertà tal-istabbiliment, u jekk il-prinċipji tas-sussidjarjetà u ta’ ugwaljanza fit-trattament kellhomx iwasslu għal armonizzazzjoni tar-regoli tad-dritt tal-Unjoni anki fir-rigward ta’ dawk is-servizzi.

9        Skont dik il-qorti, sabiex tiġi evalwata l-kostituzzjonalità tad-dispożizzjonijiet leġiżlattivi nazzjonali li l-annullament tagħhom huwa mfittex quddiemha, huwa meħtieġ li jiġi eżaminat jekk id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 10(c) u (d)(i), (ii) u (v) ta’ dik id-direttiva humiex kompatibbli mal-prinċipji tal-ugwaljanza fit-trattament u s-sussidjarjetà u mal-Artikoli 49 u 56 TFUE.

10      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Grondwettelijk Hof (il-Qorti Kostituzzjonali) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“L-Artikolu 10(c) u (d)(i), (ii) u (v) tad-Direttiva [2014/24] huwa kompatibbli mal-prinċipju ta’ ugwaljanza, flimkien jew le mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà u mal-Artikoli 49 u 56 [TFUE], sa fejn is-servizzi previsti minnu huma esklużi mill-applikazzjoni tar-regoli tal-għoti ta’ kuntratti li jinsabu fid-direttiva hawn fuq iċċitata, li madankollu jiggarantixxu kompetizzjoni sħiħa u moviment liberu fl-għoti ta’ kuntratti għal servizzi mill-awtoritajiet pubbliċi?”

 Fuq l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari

11      Il-Gvern Ċek u dak Ċiprijott jikkontestaw l-ammissibbiltà tad-domanda preliminari u, għalhekk, tat-talba għal deċiżjoni preliminari.

12      Il-Gvern Ċek jallega li din id-domanda ma għandha l-ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tat-tilwima tal-kawża prinċipali, li jirrigwarda l-kwistjoni dwar jekk il-Kostituzzjoni Belġjana tipprekludix li d-dritt nazzjonali jeskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-regoli nazzjonali fil-qasam tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi ċerti servizzi legali wkoll esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2014/24. Issa, id-dritt tal-Unjoni ma jimponix lil Stat Membru li jinkludi s-servizzi inkwistjoni fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-regoli nazzjonali ta’ traspożizzjoni. Din il-kwistjoni għandha għalhekk tiġi evalwata biss fid-dawl tal-Kostituzzjoni Belġjana.

13      Il-Gvern Ċiprijott isostni li l-mistoqsija li tqajmet tikkonċerna l-konformità tal-Artikolu 10(c) u (d)(i), (ii) u (v) ta’ dik id-direttiva mal-Artikoli 49 u 56 TFUE. Issa, kull miżura nazzjonali li kienet is-suġġett ta’ armonizzazzjoni eżawrjenti fuq il-livell tal-Unjoni għandha tiġi evalwata fid-dawl tad-dispożizzjonijiet ta’ dik il-miżura ta’ armonizzazzjoni, u mhux fid-dawl ta’ dawk tad-dritt primarju.

14      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, meta tqum domanda dwar il-validità ta’ att adottat mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni quddiem qorti nazzjonali, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi jekk deċiżjoni dwar dan il-punt hijiex neċessarja sabiex tagħti s-sentenza tagħha u, għaldaqstant, tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi dwar din id-domanda. Konsegwentement, peress li d-domandi riferuti mill-qorti nazzjonali jirrigwardaw il-validità ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, fil-prinċipju, meħtieġa tieħu deċiżjoni (sentenzi tal-11 ta’ Novembru 1997, Eurotunnel et, C‑408/95, EU:C:1997:532, punt 19; tal-10 ta’ Diċembru 2002, British American Tobacco (Investments) u Imperial Tobacco, C‑491/01, EU:C:2002:741, punt 34; kif ukoll tat-28 ta’ Marzu 2017, Rosneft, C‑72/15, EU:C:2017:236, punt 49).

15      Ma huwiex possibbli għall-Qorti tal-Ġustizzja li tirrifjuta li tiddeċiedi fuq domanda preliminari magħmula minn qorti nazzjonali, fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE, ħlief meta, b’mod partikolari, ir-rekwiżiti rigward il-kontenut tat-talba għal deċiżjoni preliminari li jinsabu fl-Artikolu 94 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja ma jiġux osservati jew meta jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni jew l-evalwazzjoni tal-validità ta’ regola tal-Unjoni, mitluba mill-qorti nazzjonali, ma jkollhomx x’jaqsmu mar-realtà jew mas-suġġett tat-tilwima tal-kawża prinċipali jew meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika (sentenza tat-28 ta’ Marzu 2017, Rosneft, C‑72/15, EU:C:2017:236, punt 50).

16      F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li d-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li l-annullament tagħhom qiegħed jintalab quddiem il-qorti tar-rinviju, jirrigwardaw il-liġi li tittrasponi d-Direttiva 2014/24 fil-liġi Belġjana, u b’mod partikolari l-esklużjoni ta’ ċerti servizzi legali mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħha.

17      F’ċirkostanzi bħal dawn, għall-kuntrarju ta’ dak li jsostnu l-Gvern Ċek u dak Ċiprijott, il-kwistjoni tal-validità tal-Artikolu 10(c) u (d)(i), (ii) u (v) tad-Direttiva 2014/24 ma hijiex irrilevanti għall-eżitu tat-tilwima tal-kawża prinċipali. Fil-fatt, fil-każ li l-esklużjoni prevista f’dawn id-dispożizzjonijiet titqies invalida, id-dispożizzjonijiet li l-annullament tagħhom huwa mitlub quddiem il-qorti tar-rinviju għandhom jitqiesu li jmorru kontra d-dritt tal-Unjoni.

18      Mill-kunsiderazzjonijiet ta’ hawn fuq jirriżulta li d-domanda magħmula u, għaldaqstant, it-talba għal deċiżjoni preliminari, hija ammissibbli.

 Fuq id-domanda preliminari

19      Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi dwar il-validità tal-Artikolu 10(c) u (d)(i), (ii) u (v) tad-Direttiva 2014/24 fid-dawl tal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u tas-sussidjarjetà, kif ukoll tal-Artikoli 49 u 56 TFUE.

20      L-ewwel nett, fir-rigward tal-prinċipju tas-sussidjarjetà u l-konformità mal-Artikoli 49 u 56 TFUE, għandu jitfakkar, minn naħa waħda, li l-prinċipju ta’ sussidjarjetà, kif stabbilit fl-Artikolu 5(3) TUE, jipprevedi li, f’oqsma li ma jaqgħux fil-kompetenza esklużiva tagħha, l-Unjoni għandha tintervjeni biss jekk, u sa fejn l-għanijiet tal-azzjoni proposta ma jkunux jistgħu jinkisbu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri u jistgħu għalhekk, minħabba l-iskala jew l-effetti tal-azzjoni proposta, jinkisbu aħjar fil-livell tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-4 ta’ Mejju 2016, Philip Morris Brands et, C‑547/14, EU:C:2016:325, punt 215 u l-ġurisprudenza ċċitata).

21      Jirriżulta neċessarjament mill-fatt li l-leġiżlatur tal-Unjoni eskluda mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2014/24 is-servizzi msemmija fl-Artikolu 10(c) u (d)(i), (ii) u (v) tagħha li, meta għamel dan, qies li kien f’idejn il-leġiżlaturi nazzjonali li jiddeterminaw jekk dawk is-servizzi kellhomx ikunu suġġetti għar-regoli tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi.

22      Għalhekk, ma jistax jiġi argumentat li dawn id-dispożizzjonijiet ġew adottati bi ksur tal-prinċipju tas-sussidjarjetà.

23      Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-konformità mal-Artikoli 49 u 56 tat-TFUE, il-premessa 1 tad-Direttiva 2014/24 tistipula li l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi minn jew f’isem l-awtoritajiet tal-Istati Membri jrid jikkonforma mal-prinċipji tat-Trattat FUE, b’mod partikolari mad-dispożizzjonijiet dwar il-libertà tal-istabbiliment u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi.

24      Fil-fatt, skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-koordinazzjoni fuq livell tal-Unjoni tal-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi hija maħsuba sabiex telimina l-ostakoli għall-moviment ħieles ta’ servizzi u ta’ oġġetti li dawn il-proċeduri jistgħu jistabbilixxu u sabiex għalhekk jiġu protetti l-interessi tal-operaturi ekonomiċi stabbiliti fi Stat Membru, li beħsiebhom joffru oġġetti jew servizzi lill-awtoritajiet kontraenti stabbiliti fi Stat Membru ieħor (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta’ Novembru 2007, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda, C‑507/03, EU:C:2007:676, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).

25      Madankollu, ma jsegwix li billi jiġu esklużi s-servizzi msemmija fl-Artikolu 10(c) u (d)(i), (ii) u (v) tad-Direttiva 2014/24 mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din tal-aħħar u, għalhekk, billi l-Istati Membri ma jiġux sfurzati jissuġġettawhom għar-regoli tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi, dik l-istess direttiva ddgħajjef il-libertajiet iggarantiti mit-Trattati.

26      Fir-rigward, it-tieni nett, tad-diskrezzjoni tal-leġiżlatur tal-Unjoni u l-prinċipju ġenerali ta’ ugwaljanza fit-trattament, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, din irrikonoxxiet il-leġiżlatur tal-Unjoni, fl-eżerċizzju tal-kompetenzi mogħtija lilu, diskrezzjoni wiesgħa fejn l-azzjoni tiegħu tinvolvi għażliet ta’ natura politika, ekonomika u soċjali u meta jintalab jagħmel valutazzjonijiet u evalwazzjonijiet kumplessi (sentenzi tas-16 ta’ Diċembru 2008, Arcelor Atlantique et Lorraine et, C‑127/07, EU:C:2008:728, punt 57, kif ukoll tat-30 ta’ Jannar 2019, Planta Tabak, C‑220/17, EU:C:2019:76, punt 44). Hija biss in-natura manifestament inadegwata ta’ miżura adottata f’dan il-qasam, fid-dawl tal-għan li l-istituzzjonijiet kompetenti jixtiequ jilħqu, li jista’ jolqot il-legalità ta’ miżura bħal din (sentenza tal-14 ta’ Diċembru 2004, Swedish Match, C‑210/03, EU:C:2004:802, punt 48).

27      Madankollu, anki fil-preżenza ta’ tali setgħa, il-leġiżlatur tal-Unjoni huwa obbligat li jibbaża l-għażla tiegħu fuq kriterji oġġettivi u xierqa fir-rigward tal-għan segwit mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni (sentenza tas-16 ta’ Diċembru 2008, Arcelor Atlantique et Lorraine et, C‑127/07, EU:C:2008:728, punt 58).

28      Minbarra dan, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-prinċipju ġenerali ta’ ugwaljanza fit-trattament, bħala prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, jeżiġi li sitwazzjonijiet komparabbli ma jiġux ittrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux ittrattati bl-istess mod, sakemm tali trattament ma jkunx oġġettivament iġġustifikat (ara s-sentenza tas-16 ta’ Diċembru 2008, Arcelor Atlantique et Lorraine et, C‑127/07, EU:C:2008:728, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata).

29      In-natura paragunabbli ta’ sitwazzjonijiet differenti għandha tiġi evalwata fid-dawl tal-elementi kollha li jikkaratterizzawhom. Dawn l-elementi għandhom, b’mod partikolari, jiġu ddeterminati u evalwati fid-dawl tas-suġġett u tal-għan tal-att tal-Unjoni li jistabbilixxi d-distinzjoni inkwistjoni. Minbarra dan, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-prinċipji u l-għanijiet tal-qasam li jagħmel parti minnu l-att inkwistjoni (sentenzi tat-12 ta’ Mejju 2011, Il-Lussemburgu vs Il-Parlament u Il-Kunsill, C‑176/09, EU:C:2011:290, punt 32, kif ukoll tat-30 ta’ Jannar 2019, Planta Tabak, C‑220/17, EU:C:2019:76, punt 37).

30      Huwa fid-dawl ta’ dawk il-prinċipji li l-validità tal-Artikolu 10(c) u (d)(i), (ii) u (v) tad-Direttiva 2014/24 għandha tiġi eżaminata fid-dawl tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

31      Għalhekk, fir-rigward, l-ewwel nett, tas-servizzi ta’ arbitraġġ u ta’ konċiljazzjoni msemmija fl-Artikolu 10(c) tad-Direttiva 2014/24, il-premessa 24 tagħha tistipula li l-korpi jew il-persuni li jipprovdu servizzi ta’ arbitraġġ u ta’ konċiljazzjoni u metodi alternattivi oħra ta’ soluzzjoni tat-tilwim jintgħażlu b’mod li ma jistax ikun suġġett għar-regoli tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi.

32      Fil-fatt, l-arbitri u l-konċiljaturi għandhom dejjem jiġu aċċettati mill-partijiet kollha fit-tilwima u għandhom jinħatru bi ftehim komuni bejniethom. Korp pubbliku li jniedi proċedura ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi għal servizz ta’ arbitraġġ jew konċiljazzjoni ma jistax, għalhekk, jobbliga lill-parti l-oħra offerent rebbieħ ta’ dan il-kuntratt bħala arbitru jew konċiljatur konġunt.

33      Fid-dawl tal-karatteristiċi oġġettivi tagħhom, is-servizzi ta’ arbitraġġ u ta’ konċiljazzjoni, imsemmija fl-Artikolu 10(c), għalhekk ma humiex komparabbli mas-servizzi l-oħra inklużi fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2014/24. Minn dan isegwi li huwa mingħajr preġudizzju għall-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament li l-leġiżlatur tal-Unjoni seta’, fil-kuntest tad-diskrezzjoni tiegħu, jeskludi s-servizzi msemmija fl-Artikolu 10(c) tad-Direttiva 2014/24 mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din tal-aħħar.

34      It-tieni nett, fir-rigward ta’ servizzi pprovduti minn avukati, imsemmija fl-Artikolu 10(d)(i) u (ii) tad-Direttiva 2014/24, jirriżulta mill-premessa 25 ta’ dik id-direttiva li l-leġiżlatur tal-Unjoni ħa inkunsiderazzjoni l-fatt li dawn is-servizzi legali normalment jiġu pprovduti minn korpi jew persuni li huma maħtura jew magħżula b’tali mod li ma jistgħux ikunu suġġetti għar-regoli tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi f’ċerti Stati Membri, b’mod li kellu jeskludi dawn is-servizzi legali mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dik id-direttiva.

35      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 10(d)(i) u (ii) tad-Direttiva 2014/24 ma jeskludix is-servizzi kollha li jistgħu jiġu pprovduti minn avukat għall-benefiċċju ta’ awtorità kontraenti mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dik id-direttiva, iżda biss ir-rappreżentanza legali tal-klijent tiegħu fil-kuntest ta’ proċedura quddiem istanzi ta’ arbitraġġ jew ta’ konċiljazzjoni internazzjonali, quddiem il-qrati jew l-awtoritajiet pubbliċi ta’ Stat Membru jew ta’ pajjiż terz kif ukoll quddiem il-qrati jew l-istituzzjonijiet internazzjonali, iżda wkoll il-konsulenza legali pprovduta fil-kuntest tat-tħejjija jew il-possibbiltà ta’ tali proċedura. Tali provvista ta’ servizzi pprovduti minn avukat tista’ tidher biss fil-kuntest ta’ relazzjoni intuitu personae bejn l-avukat u l-klijent tiegħu, ikkaratterizzata b’kunfidenzjalità mill-iktar stretta.

36      Issa, minn naħa waħda, tali relazzjoni intuitu personae bejn l-avukat u l-klijent tiegħu, ikkaratterizzata mill-għażla libera tal-avukat tiegħu u r-relazzjoni ta’ fiduċja li tgħaqqad il-klijent u l-avukat tiegħu, tagħmilha diffiċli li tingħata deskrizzjoni oġġettiva tal-kwalità mistennija tas-servizzi li għandhom jiġu pprovduti.

37      Min-naħa l-oħra, il-kunfidenzjalità tar-relazzjoni tal-avukat mal-klijent tiegħu, li s-suġġett tagħha huwa, b’mod partikolari fiċ-ċirkostanzi deskritti fil-punt 35 ta’ din is-sentenza, kemm biex tissalvagwardja l-eżerċizzju sħiħ tad-drittijiet tad-difiża ta’ parti f’kawża kif ukoll biex tipproteġi r-rekwiżit li kull parti f’kawża għandu jkollha l-possibbiltà li tindirizza b’mod liberu lill-avukat tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-18 ta’ Mejju 1982, AM & S Europe vs Il-Kummissjoni, 155/79, EU:C:1982:157, punt 18), tista’ tiġi pperikolata mill-obbligu tal-awtorità kontraenti li tispeċifika l-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ kuntratt bħal dan u l-pubbliċità li għandha tingħata lil dawn il-kundizzjonijiet.

38      Minħabba l-karatteristiċi oġġettivi tagħhom, jirriżulta minn dan li s-servizzi msemmija fl-Artikolu 10(d)(i) u (ii) tad-Direttiva 2014/24 ma humiex paragunabbli mas-servizzi l-oħra inklużi fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva. Fid-dawl ta’ dik id-differenza oġġettiva, huwa wkoll mingħajr preġudizzju għall-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament li l-leġiżlatur tal-Unjoni seta’, fil-kuntest tad-diskrezzjoni tiegħu, jeskludi dawn is-servizzi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dik id-direttiva.

39      It-tielet nett, fir-rigward tas-servizzi legali relatati ma’ attivitajiet li jieħdu sehem, anki okkażjonalment, fl-eżerċizzju ta’ awtorità pubblika, kif imsemmi fl-Artikolu 10(d)(v) tad-Direttiva 2014/24, dawk l-attivitajiet, u għalhekk dawk is-servizzi, huma esklużi, skont l-Artikolu 51 TFUE, mill-kamp tal-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ dak it-trattat dwar il-libertà tal-istabbiliment u dawk dwar il-libertà li jiġu pprovduti servizzi skont l-Artikolu 62 TFUE. Dawn is-servizzi huma distinti minn dawk li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva sa fejn ikunu direttament jew indirettament involuti fl-eżerċizzju ta’ awtorità pubblika u fil-funzjonijiet li għandhom bħala l-għan tagħhom il-protezzjoni tal-interessi ġenerali tal-Istat jew ta’ korpi pubbliċi oħra.

40      Minn dan jirriżulta li, min-natura tagħhom stess, is-servizzi legali marbuta, anki b’mod okkażjonali, mal-eżerċizzju ta’ awtorità pubblika ma humiex paragunabbli, minħabba l-karatteristiċi oġġettivi tagħhom, mas-servizzi l-oħra inklużi fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2014/24. Fid-dawl ta’ dik id-differenza oġġettiva, huwa għal darba oħra mingħajr preġudizzju għall-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament li l-leġiżlatur tal-Unjoni seta’, fil-kuntest tad-diskrezzjoni tiegħu, jeskludi dawn is-servizzi mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2014/24.

41      Għalhekk, l-eżami tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 10(c) u (d)(i), (ii) u (v) tad-Direttiva 2014/24 ma żvela l-ebda fattur li jista’ jaffettwa l-validità tagħhom fid-dawl tal-prinċipji tal-ugwaljanza fit-trattament u tas-sussidjarjetà kif ukoll tal-Artikoli 49 u 56 TFUE.

42      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet ta’ hawn fuq, ir-risposta għad-domanda għandha tkun li l-eżami tagħha ma żvela l-ebda fattur ta’ tali tip li jaffettwa l-validità tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 10(c) u (d)(i), (ii) u (v) tad-Direttiva 2014/24 fid-dawl tal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u tas-sussidjarjetà u tal-Artikoli 49 u 56 TFUE.

 Fuq l-ispejjeż

43      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-eżami tal-kwistjoni ma żvela l-ebda fattur ta’ tali tip li jaffettwa l-validità tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 10(c) u (d)(i), (ii) u (v) tad-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku [l-għoti tal-kuntratti pubbliċi] u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE, fid-dawl tal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u tas-sussidjarjetà kif ukoll tal-Artikoli 49 u 56 TFUE.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.