Language of document : ECLI:EU:F:2012:6

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU
TAL-UNJONI EWROPEA

(It-Tieni Awla)

tal-1 ta’ Frar 2012

Kawża F‑123/10

Giovanni Bancale u Roberto Buccheri

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Servizz pubbliku — Membri tal-persunal temporanju — Kompetizzjonijiet interni — Kundizzjonijiet għad-dħul — Esperjenza professjonali miksuba wara l-kisba ta’ diploma — Diploma — Kwalifiki miksuba qabel l-kisba tad-diploma — Ekwivalenza”

Suġġett:      Rikors, ippreżentat skont l-Artikolu 270 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEEA bis-saħħa tal-Artikolu 106a tiegħu, li permezz tiegħu G. Bancale u R. Buccheri, membri tal-persunal temporanji tal-Kummissjoni mal-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF), ippreżentaw dan ir-rikors sabiex jitolbu, essenzjalment l-annullament tad-deċiżjonijiet tal-Bord tal-Għażla tal-Kompetizzjonijiet COM/INT/OLAF/09/AD 8 u COM/INT/OLAF/09/AD 10 li ċaħdu l-kandidatura rispettiva tagħhom għal dawn il-kompetizzjonijiet.

Deċiżjoni:      Ir-rikors huwa miċħud. Ir-rikorrenti għandhom ibatu l-ispejjeż kollha tagħhom.

Sommarju

1.      Proċedura — Rikors promotur — Rekwiżiti proċedurali — Identifikazzjoni tas-suġġett tat-tilwima

(Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, Artikolu 35(1)(e))

2.      Uffiċjali — Rikorsi — Att li jikkawża preġudizzju — Deċiżjoni adottata wara eżami mill-ġdid ta’ deċiżjoni preċedenti — Deċiżjoni adottata minn Bord tal-Għażla tal-kompetizzjonijiet wara eżami mill-ġdid ta’ fajl ta’ kandidat li ma ġiex aċċettat biex jikkompeti

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 90(2) u 91(1))

3.      Uffiċjali — Kompetizzjoni — Kundizzjonijiet għall-ammissjoni — Rekwiżiti superjuri li huma kkunsidrati mir-Regolamenti tal-Persunal fil-qasam tal-klassifikazzjoni ta’ pożizzjonijiet — Ammissibbiltà

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 5 u 29; Anness III )

4.      Uffiċjali — Kompetizzjoni — Kundizzjonijiet għall-ammissjoni — Rekwiżit ta’ ċertu numru ta’ snin ta’ esperjenza professjonali wara l-kisba tad-diploma li tagħti aċċess għall-kompetizzjoni

(Regolamenti tal-Persunal, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 27 u l-Artikolu 29(1))

1.      Skont l-Artikolu 35(1)(e) tar-Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, ir-rikors għandu jinkludi espożizzjoni tal-motivi u tal-argumenti fattwali u legali invokati. Din l-informazzjoni għandha tkun ċara u preċiża biżżejjed sabiex tippermetti lill-konvenut jipprepara d-difiża tiegħu u lill-Qorti Ġenerali li tiddeċiedi fuq ir-rikors, skont il-każ, mingħajr ebda informazzjoni oħra sabiex issostniha. Sabiex tiġi ggarantita ċ-ċertezza legali u amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, huwa meħtieġ, sabiex rikors ikun ammissibbli, li l-elementi essenzjali ta’ fatt u ta’ dritt li jkun ibbażat fuqhom ir-rikors jirriżultaw b’mod koerenti u komprensibbli mit-test tar-rikors stess.

(ara l-punt 38)

Referenza:

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 15 ta’ Frar 2011, AH vs Il-Kummissjoni, F‑76/09, punt 29

2.      Meta kandidat f’kompetizzjoni jitlob ir-reviżjoni ta’ deċiżjoni meħuda minn bord tal-għażla, hija d-deċiżjoni meħuda minn dan tal-aħħar wara reviżjoni tas-sitwazzjoni tal-kandidat li tikkostitwixxi l-att li jikkawża preġudizzju.

(ara l-punt 42)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 31 ta’ Jannar 2006, Giulietti vs Il-Kummissjoni, T‑293/03, punt 27; 13 ta’ Diċembru 2006, Heus vs Il-Kummissjoni, T‑173/05, point 19

3.      Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 5 tar-Regolamenti tal-Persunal li jiddefinixxu, b’mod ġenerali, skont in-natura tal-funzjonijiet li għalihom jikkorrispondu l-pożizzjonijiet, il-livelli minimi ta’ tagħlim universitarju jew sekondarju u l-formazzjoni professjonali mitluba, f’xi każijiet esperjenza professjonali, għal kull grupp ta’ funzjonijiet u l-gradi differenti u ma jikkonċernawx il-kundizzjonijiet ta’ reklutaġġ, li huma, rregolati mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 29 u tal-Anness III tar-Regolament tal-Persunal. Minn dan isegwi li xejn ma jostakola li jsiru, għal ċerti pożizzjonijiet jew ċerti kategoriji ta’ pożizzjonijiet, kundizzjonijiet iktar ibsin minn dawk li jikkorrispondu għall-kundizzjonijiet minimi li jirriżultaw mill-klassifikazzjoni ta’ pożizzjonijiet li huma stabbiliti permezz tal-Avviż tal-Kompetizzjoni, jew biex jimtela post vojt jew inkella sabiex tiġi magħmula lista ta’ riżerva bil-għan li jimtela impjieg ta’ ċertu kategorija.

(ara l-punt 52)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 16 ta’ Marzu 2005, Ricci vs Il-Kummissjoni, T‑329/03, punt 70

4.      Ir-Regolamenti tal-Persunal jagħti setgħa wiesgħa ta’ diskrezzjoni lill-istituzzjonijiet fil-qasam tal-organizzazzjoni tal-kompetizzjoni. Din is-setgħa tiġi eżerċitata meta l-Awtorità tal-Ħatra toħroġ l-avviż tal-kompetizzjoni u tispeċifika l-kundizzjonijiet tal-ammissibbiltà għall-kompetizzjoni. L-eżerċizzju ta’ din is-setgħa diskrezzjonali wiesgħa għandha, madankollu, tkun kompatibbli mad-dispożizzjonijiet imperattivi tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 27 tar-Regolamenti tal-Persunal, kif ukoll tal-Artikolu 29(1) tal-imsemmi regolamenti tal-Persunal.

L-għażla fir-rigward tal-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali wiesgħa rrikonoxxuta f’dan il-qasam lill-Awtorità tal-Ħatra għandha, konsegwentement, dejjem tkun eżerċitata skont l-eżiġenzi marbuta mal-pożizzjonijiet li jkun irid jimtela’ u, iktar ġeneralment, mal-interess tas-servizz.

Mill-Artikolu 5(2) tar-Regolamenti tal-Persunal moqri flimkien mal-paragrafu (3) tal-istess artikolu, jirriżulta li l-gradi AD 8 u AD 10 huma gradi għoljin tal-grupp ta’ funzjonijiet ta’ amministraturi, li huma msejħin jagħmlu, b’mod partikolari, kompiti ta’ amministrazzjoni, ippjanar u studju.

F’sitwazzjoni fejn kompetizzjoni tkun intiża sabiex timla pożizzjonijiet ta’ uffiċjali ta’ dawn il-gradi ir-rekwiżit ta’ ċertu numru ta’ snin ta’ esperjenza professjonali wara l-kisba tad-diploma li tagħti aċċess għall-kompetizzjoni tidher bħala mezz xieraq sabiex l-istituzzjoni tiżgura l-kollaborazzjoni tal-uffiċjali li jkollhom il-kwalitajiet preskritti mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 27 tar-Regolament tal-Persunal, u għaldaqstant sabiex tiggarantixxi l-interess tas-servizz.

Fil-fatt, esperjenza professjonali miksuba wara l-kisba ta’ diploma u b’rabta magħha hija iktar kapaċi li tagħti lill-kandidati apprezzament profond dwar l-applikazzjoni tal-approċċi xjentifiċi għall-problemi prattiċi minn esperjenza professjonali miksuba qabel il-kisba tad-diploma. Fil-prinċipju, hija iktar ta’ valur minn dik miksuba qabel id-diploma sa fejn din tippermetti li jitpoġġew fil-prattika il-kunċetti akkademiċi miksuba preċedentement u għaldaqstant li jiġu mwessgħin il-kompetenzi professjonali. Barra minn hekk, hija żżid il-probabbiltà li l-kandidati li jkollhom realment esperjenza professjonali fl-eżekuzzjoni tal-kompiti fil-livell ta’ amministratur. Għaldaqstant, hija tikkostitwixxi indiċi affidabbli li l-kandidati jippossjedu l-kwalitajiet mistennija.

(ara l-punti 66, 76 u 79 sa 81)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 21 ta’ Novembru 2000, Carrasco Benítez vs Il-Kummissjoni, T‑214/99, punti 52 u 53