Language of document : ECLI:EU:F:2011:135

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU

(L-Ewwel Awla)

13 ta’ Settembru 2011

Kawża F-68/10

Thorsten Behnke

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Servizz pubbliku — Uffiċjali — Proċedura ta’ evalwazzjoni u ta’ promozzjoni 2009 — Motivazzjoni tal-opinjoni tal-Kumitat konġunt tal-evalwazzjoni u tal-promozzjoni — Żball manifest ta’ evalwazzjoni”

Suġġett:      Rikors ippreżentat skont l-Artikolu 270 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEEA skont l-Artikolu 106a tiegħu, li permezz tiegħu T. Behnke jitlob l-annullament tad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni li jikklassifikawh fil-grupp ta’ ħidma II fil-kuntest tal-proċedura ta’ evalwazzjoni li tikkonċerna l-perijodu inkluż bejn l-1 ta’ Jannar u l-31 ta’ Diċembru 2008 u li jingħata 5 punti ta’ promozzjoni fil-kuntest tal-proċedura ta’ promozzjoni 2009.

Deċiżjoni:      Ir-rikors huwa miċħud. Il-Kummissjoni Ewropea għandha tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha, kwart tal-ispejjeż tar-rikorrent. Ir-rikorrent għandu jbati tliet kwarti tal-ispejjeż tiegħu.

Sommarju

1.      Uffiċjali — Rikors — Ilment amministrattiv li għandu jitressaq qabel — Konkordanza bejn l-ilment u r-rikors

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 90 u 91)

2.      Uffiċjali — Evalwazzjoni — Kumitat konġunt tal-evalwazzjoni — Opinjoni

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 43)

3.      Uffiċjali — Promozzjoni — Eżami komparattiv tal-merti — Setgħa diskrezzjonali tal-amministrazzjoni — Elementi li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 43 u 45)

4.      Uffiċjali — Evalwazzjoni — Rapport ta’ evalwazzjoni — Koerenza neċessarja bejn kummenti deskrittivi u evalwazzjoni ċċifrata

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 43)

5.      Uffiċjali — Evalwazzjoni — Rapport ta’ evalwazzjoni — Stabbiliment formali ta’ għanijiet

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 43)

1.      Bla ħsara għall-eċċezzjonijiet ta’ illegalità, u naturalment għall-motivi ta’ ordni pubbliku, normalment ikun hemm bidla fil-kawża tat-tilwima u, għaldaqstant, inammissibbiltà minħabba nuqqas ta’ osservanza tar-regola ta’ konkordanza bejn l-ilment u r-rikors biss jekk ir-rikorrent, li fl-ilment tiegħu jikkritika biss il-validità formali tal-att li jikkawżalu preġudizzju, inkluż l-aspetti proċedurali tiegħu, iqajjem fir-rikors motivi fuq il-mertu jew fil-każ oppost fejn ir-rikorrent, wara li fl-ilment tiegħu ikun ikkontesta biss il-legalità fil-mertu tal-att li jikkawżalu preġudizzju, jippreżenta rikors li jinkludi motivi relatati mal-validità formali tiegħu, inkluż l-aspetti proċedurali tiegħu.

Uffiċjal li ma qajjimx motiv ta’ legalità esterna fl-ilment tiegħu ma jistax iqajjem, għall-ewwel darba fir-rikors tiegħu, motiv ibbażat fuq l-irregolarità formali tar-rapport ta’ evalwazzjoni tiegħu.

(ara l-punti 32 u 33)

Referenza:

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 1 ta’ Lulju 2010, Mandt vs Il‑Parlament, F‑45/07, punt 120

2.      L-obbligu għall-Kumitat konġunt tal-evalwazzjoni li jiddeċiedi dwar il-kontenut tar-rapporti ta’ evalwazzjoni jikkostitwixxi formalità sostanzjali. Madankollu, id-dispożizzjonijiet ġenerali ta’ implementazzjoni tal-Artikolu 43 tar-Regolamenti tal-Persunal adottati mill-Kummissjoni ma jipprevedux proċedura formalizzata ta’ votazzjoni fi ħdan dan il-kumitat. Barra minn hekk, ebda distinzjoni, barra dik purament semantika, ma tista’ tiġi stabbilita bejn opinjoni mogħtija b’kunsens u opinjoni mogħtija b’unanimità. Madankollu, l-adozzjoni ta’ opinjoni minn dan il-kumitat permezz ta’ kunsens ma tistax teżonerah mill-obbligu ta’ motivazzjoni li huwa għandu. Issa, l-Artikolu 8(4) ta’ dawn id-dispożizzjonijiet ġenerali ta’ implementazzjoni jipprevedu li anki l-opinjonijiet adottati b’unanimità għandhom jinkludu motivazzjoni tal-konklużjoni operazzjonali.

Issa, meta opinjoni hija miktuba b’mod stereotipiku u ma tirreferix għal elementi relatati mas-sitwazzjoni speċifika tal-uffiċjal, din l-opinjoni ma hijiex motivata.

Madankollu, l-istanzi ta’ ksur tar-regoli proċedurali, b’mod partikolari dawk li jikkonċernaw ir-redazzjoni tar-rapporti ta’ evalwazzjoni, jikkostitwixxu irregolaritajiet sostanzjali ta’ natura li tiġi vvizzjata l-validità tar-rapport biss bil-kundizzjoni li l-persuna kkonċernata turi li dan ir-rapport seta’ jkollu kontenut differenti fl-assenza ta’ dawn l-istanzi ta’ ksur.

(ara l-punti 8 sa 42)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 22 ta’ Diċembru 2008, Gordon vs Il‑Kummissjoni, C‑198/07 P, punti 71 sa 75

Il-Qort tal-Prim’Istanza: 9 ta’ Marzu 1999, Hubert vs Il‑Kummissjoni, T‑212/97, punt 53, u l-ġurisprudenza ċċitata

3.      Fil-Kummissjoni, hemm rabta’ ta’ korrelazzjoni stretta bejn ir-rapport ta’ evalwazzjoni, li jistabbilixxi l-livell ta’ prestazzjoni, u d-deċiżjoni sussegwenti ta’ attribuzzjoni tal-punti ta’ promozzjoni, anki jekk l-Awtorità tal-Ħatra għandha marġni ta’ diskrezzjoni kbira, fil-kuntest tal-proċedura ta’ promozzjoni, sabiex tiffissa n-numru eżatt ta’ punti ta’ promozzjoni. F’dan is-sens, il-proċeduri ta’ evalwazzjoni u ta’ promozzjoni fil-Kummissjoni huma indissoċjabbli. F’dan ir-rigward, huwa aċċettat li, fl-evalwazzjoni tal-merti ta’ uffiċjal, din l-awtorità tista’ tieħu inkunsiderazzjoni l-promozzjoni reċenti ta’ uffiċjal.

Barra minn hekk, sabiex tevalwa l-merti ta’ uffiċjal, l-amministrazzjoni hija obbligata tieħu inkunsiderazzjoni l-kundizzjonijiet diffiċli li fihom huwa eżerċita l-funzjonijiet tiegħu u b’mod partikolari l-fatt li d-diviżjoni tiegħu kellha inqas persunal minn dak previst meta l-għanijiet li dan l-uffiċjal kien mistenni li jilħaq kienu ġew stabbiliti.

(ara l-punti 52, 56 u 62)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 31 ta’ Jannar 2007, Aldershoff vs Il‑Kummissjoni, T‑236/05, punti 85 et seq

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 21 ta’ Frar 2008, Semeraro vs Il‑Kummissjoni, punt 56; 23 ta’ Frar 2010, Faria vs UASI, F‑7/09, punt 53

4.      Il-kummenti deskrittivi li jinsabu f’rapport ta’ evalwazzjoni huma intiżi sabiex jiġġustifikaw l-evalwazzjonijiet analitiċi magħmula fir-rapport. Dawn il-kummentarji jservu ta’ bażi għar-redazzjoni tal-evalwazzjoni u jippermettu lill-uffiċjal jifhem il-punti miksuba. Għaldaqstant, fid-dawl tar-rwol predominanti tagħhom sabiex jiġi redatt ir-rapport ta’ evalwazzjoni, il-kummenti għandhom ikunu koerenti mal-punti mogħtija, peress illi l-evalwazzjoni għandha titqies bħala traskrizzjoni ċċifrata jew analitika tal-kummenti. Fid-dawl tas-setgħa diskrezzjonali wiesgħa ħafna mogħtija lill-evalwaturi fid-deċiżjonijiet relatati max-xogħol tal-persuni li huma inkarigati jevalwaw, inkoerenza eventwali fir-rapport ta’ evalwazzjoni tista’ tiġġustifika l-annullament ta’ dan ir-rapport biss jekk din tkun manifesta.

(ara l-punt 78)

Referenza:

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 13 ta’ Diċembru 2007, Sequeira Wandschneider vs Il‑Kummissjoni, F‑28/06, punti 109 u 110

5.      Skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 5 tad-dispożizzjonijiet ġenerali ta’ implementazzjoni tal-Artikolu 43 tar-Regolamenti tal-Persunal adottati mill-Kummissjoni, l-evalwazzjoni tal-effiċjenza ta’ uffiċjal hija intiża sabiex jiġi evalwat sa fejn intlaħqu l-għanijiet li kienu ġew stabbiliti. Minn dawn l-istess dispożizzjonijiet jirriżulta li l-għanijiet għandhom jiġu ddefiniti billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-kundizzjonijiet normali tax-xogħol. Meta l-amministrazzjoni tiddeċiedi li tibbaża l-evalwazzjoni tal-uffiċjali tagħha fuq għanijiet debitament ifformalizzati, id-dokument li jippreċiża l-għanijiet li uffiċjal huwa mistenni li jilħaq jikkostitwixxi element essenzjali waqt l-evalwazzjoni tal-prestazzjonijiet tiegħu.

(ara l-punt 79)

Referenza:

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 10 ta’ Novembru 2009, N vs Il‑Parlament, F‑93/08, punt 64