Language of document : ECLI:EU:F:2008:52

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU
(L-Ewwel Awla)

7 ta’ Mejju 2008


Kawża F-36/07


Giorgio Lebedef

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

“Servizz pubbliku – Uffiċjali – Evalwazzjoni – Proċedura ta’ evalwazzjoni għas-sena 2005 – Rapport tal-iżvilupp tal-karriera – Rappreżentanti tal-persunal – Rappreżentanza sindakali u rappreżentanza skont ir-Regolamenti tal-Persunal – Kollokament parzjali għal finijiet ta’ rappreżentanza sindakali – Konsultazzjoni tal-grupp ad hoc”

Suġġett: Rikors, ippreżentat skont l-Artikoli 236 KE u 152 KEEA, li permezz tiegħu G. Lebedef jitlob l-annullament tar-rapport tal-iżvilupp tal-karriera tiegħu għall-proċedura ta’ evalwazzjoni għall-perijodu bejn l-1 ta’ Jannar u l-31 ta’ Diċembru 2005 u, b’mod iktar speċifiku, tal-parti minn dan ir-rapport redatta mill-Eurostat għal dan il-perijodu.

Deċiżjoni: Il-parti mir-rapport tal-iżvilupp tal-karriera tar-rikorrent, redatta mill-Eurostat għall-proċedura ta’ evalwazzjoni għall-perijodu bejn l-1 ta’ Jannar u l-31 ta’ Diċembru 2005, hija annullata. Il‑Kummissjoni hija kkundannata għall-ispejjeż.


Sommarju


1.      Uffiċjali – Rikors – Suġġett – Annullament parzjali

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 43, 90 u 91)

2.      Uffiċjali – Evalwazzjoni – Rapport tal-iżvilupp tal-karriera – Redazzjoni

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 43; Anness II, is-sitt paragrafu tal-Artikolu 1)


1.      Minkejja li l-Artikolu 43 tar-Regolamenti tal-Persunal jirregola l-proċedura ta’ evalwazzjoni b’mod li jipprevedi biss rapport ta’ evalwazzjoni wieħed, dan ma għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li l-istituzzjonijiet, b’mod partikolari sabiex jieħdu inkunsiderazzjoni l-każ tar-rappreżentanti tal-persunal, jipprovdu għal evalwazzjoni separata għal kull qasam tal-attività eżerċitata. Fil-fatt, tali evalwazzjoni separata hija ta’ natura li tieħu inkunsiderazzjoni b’mod adegwat l-indipendenza tar-rwol tar-rappreżentant tal-persunal, b’mod partikolari meta r-rappreżentanza ssir fl-ambitu ta’ kollokament, jew fejn il-parti interessata tkun, għall-parti mill-ħin tax-xogħol tagħha li matulha tkun ikkollokata, eżenti milli twettaq ix-xogħol tagħha tad-dipartiment fejn taħdem, sabiex tkun tista’ twettaq ix-xogħol ta’ rappreżentanza. F’sitwazzjoni bħal din, kull wieħed mir-rapporti ta’ evalwazzjoni jikkostitwixxi element separat mir-rapport l-ieħor u minħabba f’hekk jikkostitiwixxi att li jista’ jiġi kkontestat. Għalhekk, il-qorti Komunitarja ma tkunx qed tirriskja li tiddeċiedi ultra petita meta teżamina biss il-legalità ta’ wieħed minn dawn ir-rapporti.

(ara l-punti 30 u 31)


2.      Fil-kuntest tas-sistema ta’ evalwazzjoni stabbilita mid-dispożizzjonijiet ġenerali ta’ implementazzjoni tal-Artikolu 43 tar-Regolamenti tal-Persunal stipulati mill-Kummissjoni, li jipprevedu, minn naħa, il-modalitajiet speċifiċi ta’ evalwazzjoni għall-uffiċjali kkollokati inkwantu rappreżentanti tal-persunal, li jkunu, għall-parti mill-ħin tax-xogħol li matulha jkunu jkkollokati, eżenti milli jwettqu x-xogħol tagħhom f’dipartiment tal-istituzzjoni, sabiex ikunu jistgħu jwettqu x-xogħol ta’ rappreżentanza, u, min-naħa l-oħra, il-konsultazzjoni obbligatorja ta’ grupp ad hoc għall-evalwazzjoni tar-rappreżentanti tal-persunal li jappartjenu għal kategoriji oħra li ma jinkludux dik tal-ikkollokati, il-konsultazzjoni tal-imsemmi grupp hija obbligatorja wkoll, fil-każ ta’ uffiċjal ikkollokat parzjalment, meta tkun qed tiġi evalwata l-parti mill-ħin tax-xogħol li dan tal-aħħar juża għad-dipartiment tiegħu fejn jaħdem, li matulha jeżerċita wkoll attivitajiet ta’ rappreżentanza.

Fil-fatt, sa fejn il-Kummissjoni stess taċċetta li l-uffiċjali kkollokati parzjalment jistgħu jeżerċitaw ukoll attivitajiet ta’ rappreżentanza matul il-kumplament tal-ħin tax-xogħol li matulu huma mistennija jaħdmu għad-dipartiment tagħhom, u dan billi jwettqu biss attivitajiet “speċifiċi” u limitati fil-ħin, il-konsultazzjoni tal-grupp ad hoc hija l-uniku mezz sabiex jiġi żgurat li r-rappreżentanti tal-persunal ma jsofrux preġudizzju, fl-evalwazzjoni tagħhom, minħabba l-attivitajiet tagħhom ta’ rappreżentanza. Fin-nuqqas ta’ dan, l-evalwazzjoni ta’ dawn tal-aħħar, għall-finijiet tar-redazzjoni tar-rapporti tal-iżvilupp tal-karriera tagħhom, ikollha lakuni u tirriskja li toħloqilhom preġudizzju, peress li tkun qed tiġi injorata r-regola tas-sitt paragrafu tal-Artikolu 1 tal-Anness II tar-Regolamenti tal-Persunal, regola li tipprovdi speċifikament għall-protezzjoni tad-drittijiet statutorji tal-membri tal-kumitat tal-persunal, kif ukoll ta’ uffiċjali delegati minnhom f’korp statutorju jew maħluq mill-istituzzjoni.

In-nuqqas ta’ din il-konsultazzjoni ma jistax jiġi rrimedjat la bil-fatt li l-president tal-grupp ad hoc ikun aġixxa bħala validatur tar-rapport tal-iżvilupp tal-karriera redatt għall-parti mill-ħin tax-xogħol tal-ikkollokat, la mill-kuntatti diretti tal-evalwaturi tad-dipartiment fejn l-uffiċjal jaħdem mal-istess uffiċjal evalwat, u lanqas, fl-aħħar nett, billi jiġi kkunsidrat, mill-awturi tar-rapport tal-iżvilupp tal-karriera fir-rigward tal-parti mill-ħin tax-xogħol li matulha l-uffiċjal ikun ħadem f’dipartiment partikolari, ir-rapport dwar il-parti mill-ħin tax-xogħol iddedikat għall-kollokament, peress li dawn il-possibbiltajiet jinkludu, fi kwalunkwe każ, inqas garanziji għall-uffiċjal evalwat milli għandha l-konsultazzjoni tal-grupp ad hoc.

Din il-konklużjoni tibqa’ valida tkun xi tkun il-parti mill-ħin tax-xogħol dovuta għad-dipartiment li l-uffiċjal parzjalment ikkollokat juża għall-attivitajiet ta’ rappreżentanza, u dan, anki jekk dawn jokkupaw dan il-ħin kollu. F’dan ir-rigward, in-natura possibbilment abbużiva tal-imġiba tal-uffiċjal, fis-sens li dan ikun eżerċita attivitajiet ta’ rappreżentanza matul il-ħin tax-xogħol tad-dipartiment fejn jaħdem b’mod li jeċċedi dak li jista’ jiġi kkunsidrat bħala attivitajiet “speċifiċi” u limitati fil-ħin, ma tirrendix daqstant abbużiva t-talba tiegħu li jibbenefika mill-konsultazzjoni tal-grupp ad hoc għar-redazzjoni tar-rapport tal-iżvilupp tal-karriera tiegħu dwar il-parti mill-ħin tax-xogħol tiegħu dovuta lid-dipartiment fejn jaħdem. Jekk il-Kummissjoni tikkunsidra l-imġiba tal-uffiċjal illegali, hija għandha timplementa l-proċeduri xierqa, bħal, pereżempju, dik dwar l-assenzi irregolari, minflok ma tippenalizzah billi ċċaħħdu minn garanzija li minnha kull rappreżentant tal-persunal għandu normalment jibbenefika.

Għalhekk, in-nuqqas ta’ konsultazzjoni tal-grupp ad hoc tinvolvi, minħabba l-kontenut u l-għan tar-regola miksura, il-ksur ta’ rekwiżit proċedurali sostanzjali u tinvolvi l-annullament tar-rapport ivvizzjat, mingħajr ħtieġa li tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ dannu.

(ara l-punti 46 sa 50, 52 u 56)

Referenza: Il-Qorti tal-Prim’Istanza 13 ta’ Diċembru 2007, Angelidis vs Il‑Parlament, T‑113/05, Ġabra p. I‑0000, punti 62 u 76