Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-High Court of Justice Business and Property Courts of England and Wales (Ir-Renju Unit) fit-22 ta’ April 2020 – Joint Trustee (1) in Bankruptcy of Mr M. and Joint Trustee (2) in Bankruptcy of Mr M. v Mrs M, MH, ILA and Mr M

(Kawża C-168/20)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliz

Qorti tar-rinviju

High Court of Justice Business and Property Courts of England and Wales

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Joint Trustee (1) in Bankruptcy of Mr M. and Joint Trustee (2) in Bankruptcy of Mr M.

Konvenuti: M, MH, ILA u M

Domandi preliminari

Meta ċittadin ta’ Stat Membru jkun eżerċita d-drittijiet tiegħu skont l-Artikoli 21, 49 TFEU u d-Direttiva dwar id-Drittijiet taċ-Ċittadini (id-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill) 1 peress li jkun iċċaqlaq jew stabbilixxa ruħu fir-Renju Unit, huwa kompatibbli ma’ dawn id-dispożizzjonijiet li l-Artikolu 11 tal-Welfare Reform and Pensions Act 1999 (il-Liġi tal-1999 dwar ir-riforma tal-protezzjoni soċjali u tal-pensjonijiet, iktar ’il quddiem il-“WRPA 1999”) jissuġġetta l-esklużjoni, mill-massa fallimentari, tad-drittijiet għall-pensjoni taħt skema tal-irtirar, inklużi dawk stabbiliti u approvati għall-finijiet tat-taxxa fi Stat Membru ieħor, għall-fatt li, fil-mument tal-falliment, l-iskema tal-irtirar tkun irreġistrata skont l-Artikolu 153 tal-Financial Act 2004 (il-Liġi dwar il-Finanzi tal-2004) jew stabbilita mill-Artikolu 2 tal-Occupational and Personal Pension Schemes (Bankruptcy) (no 2) (Regulations) 2002 (id-Digriet Nru 2 tal-2002 dwar l-iskemi tal-pensjoni professjonali u personali (falliment)) u għalhekk tkun approvata għall-finijiet tat-taxxa fir-Renju Unit?

Sabiex tingħata risposta għall-ewwel domanda, huwa rilevanti jew neċessarju:

li jiġi ddeterminat jekk l-individwu jkunx stabbilixxa ruħu fir-Renju Unit sabiex, primarjament, jiddikjara l-falliment tiegħu fir-Renju Unit?

li jittieħdu inkunsiderazzjoni (i) il-protezzjonijiet li jistgħu jkunu disponibbli għall-persuna li tkun falliet fir-rigward ta’ skemi tal-irtirar li ma humiex approvati taħt l-Artikolu 12 tal-WRPA 1999 u li tittieħed inkunsiderazzjoni (ii) il-possibbiltà għall-amministraturi tal-falliment li jirkupraw ammonti fir-rigward ta’ arranġamenti tal-pensjoni approvati?

li jittieħdu inkunsiderazzjoni r-rekwiżiti li huma suġġetti għalihom skemi tal-irtirar irreġistrati u approvati għall-finijiet tat-taxxa fir-Renju Unit?

____________

1 Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar id-drittijiet taċ-ċittadini ta’ l-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju ta’ l-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 46).