Language of document : ECLI:EU:F:2007:128

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU TA’ L-UNJONI EWROPEA (Assemblea Plenarja)

11 ta’ Lulju 2007 (*)

“Servizz pubbliku – Uffiċjali – Pensjonijiet – Żieda tar-rata ta’ kontribuzzjoni għall-iskema ta’ pensjoni skond id-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal fil-verżjoni fis-seħħ mill-1 ta’ Mejju 2004”

Fil-kawża F‑105/05,

li għandha bħala suġġett rikors imressaq skond l-Artikoli 236 KE u 152 EA,

Dieter Wils, uffiċjal tal-Parlament Ewropew, residenti f’Altrier (il-Lussemburgu), irrappreżentat minn G. Vandersanden u C. Ronzi, avocats,

rikorrent,

vs

Il-Parlament Ewropew, irrappreżentat minn J. F. De Wachter u M. Mustapha Pacha, bħala aġenti,

konvenut,

sostnut minn

Il-Kunsill ta’ l-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn M. Arpio Santacruz u M. Simm, bħala aġenti,

u mill-

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn J. Currall u D. Martin, bħala aġenti,

intervenjenti,

IT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU (Assemblea Plenarja),

komposta minn P. Mahoney, President, H. Kreppel u S. Van Raepenbusch, Presidenti ta’ Awla, I. Boruta, H. Kanninen, H. Tagaras u S. Gervasoni (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: W. Hakenberg,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-13 ta’ Frar 2007,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz ta’ rikors li ġie ppreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-Komunitajiet Ewropej fil-21 ta’ Ottubru 2005 permezz ta’ faks (il-preżentata ta’ l-oriġinali sar fit-28 ta’ Ottubru ta’ wara), D. Wils qed jitlob l-annullament tad-dikjarazzjoni tas-salarju tiegħu għax-xahar ta’ Jannar 2005, safejn, skond ir-Regolamenti tal-Persunal ta’ l-uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej, fil-verżjoni fis-seħħ mill-1 ta’ Mejju 2004 (iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti tal-Persunal” jew ir-“Regolamenti tal-Persunal il-ġodda”), din id-dikjarazzjoni żiedet ir-rata ta’ kontribuzzjoni ta’ l-iskema tal-pensjoni għal 9.75 %, b’effett retroattiv mill-1 ta’ Lulju 2004.

 Il-kuntest ġuridiku

2        L-Artikolu 83 tar-Regolamenti tal-Persunal ta’ l-uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej, fil-verżjoni fis-seħħ qabel l-1 ta’ Mejju 2004 (iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti tal-Personal il-qodma”), jipprovdi :

“ 1. Il-benefiċċji mħallsa taħt din l-iskema tal-pensjonijiet għandhom jitħallsu mill-estimi tal-Komunitajiet. L-Istati Membri għandhom flimkien jiggarantixxu l-pagament tat-tali benefiċċji skond l-iskala mniżżla għall-iffinanzjar tat-tali spejjeż.

[…]

2. L-uffiċjali għandhom jikkontribwixxu terz ta’ l-ispiża biex tkun iffinanzjata din l-iskema tal-pensjoni. Il-kontribuzzjoni tkun ta’ 8.25 % tas-salarju bażiku ta’ l-uffiċjal, il-peżati pprovduti fl-Artikolu 64 ma jkunux ikkunsidrati. Titnaqqas kull xahar mis-salarji ta’ l-uffiċjali.

[…]

4. Jekk stima attwarjali tas-sistema tal-pensjoni, li ssir minn espert [jew esperti] ikkwalifikat[i] [wieħed jew aktar] fuq talba tal-Kunsill [ta’ l-Unjoni Ewropea], turi li l-kontribuzzjonijiet ta’ l-uffiċjali mhux biżżejjed biex tiffinanzja terz tal-benefiċċji pagabbli taħt l-iskema tal-pensjoni, l-awtoritajiet ta’ l-estimi, billi jaġixxu skond il-proċedura ta’ l-estimi u wara li jikkonsultaw il-Kumitat tar-Regolamenti tal-Persunal ipprovdut fl-Artikolu 10, għandhom jistabbilixxu liema bidliet għandhom isiru fir-rati tal-kontribuzzjonijiet jew fl-età ta’ l-irtirar.”

3        Ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 723/2004, tat-22 ta’ Marzu 2004, li jemenda r-Regolamenti tal-Persunal ta’ l-uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej u l-Kondizzjonijiet ta’ l-Impjieg ta’ ħaddiema oħra tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 2, p. 130), daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Mejju 2004. L-Artikolu 83 tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Komunitajiet Ewropej, fil-verżjoni tiegħu fis-seħħ mill-1 ta’ Mejju 2004 jipprovdi :

“1. Il-benefiċċji mħallsa taħt din l-iskema tal-pensjonijiet għandhom jitħallsu mill-estimi tal-Komunitajiet. L-Istati Membri għandhom flimkien jiggarantixxu l-pagament tat-tali benefiċċji skond l-iskala mniżżla għall-iffinanzjar tat-tali spejjeż.

[…]

2. L-uffiċjali għandhom jikkontribwixxu terz ta’ l-ispiża biex tkun iffinanzjat din l-iskema tal-pensjoni. Il-kontribuzzjoni tkun ta’ 9.25 % tas-salarju bażiku ta’ l-uffiċjal, il-peżati pprovduti fl-Artikolu 64 ma jkunux ikkunsidrati. Titnaqqas kull xahar mis-salarji ta’ l-uffiċjali. Il-kontribuzzjoni għandha tkun aġġustata skond ir-regoli mniżżlin fl-Anness XII.

3. Il-proċedura biex jinħadmu l-pensjonijiet ta’ l-uffiċjali li qattgħu parti mis-servizz tagħhom mal-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar jew li jappartjenu lill-istituzzjonijiet jew organi komuni għall-Komunitajiet, u t-tqassim ta’ l-ispiża biex tingħata t-tali għotja bejn il-fond tal-pensjoni tal-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar u l-estimi tal-Komunità Ekonomika Ewropea u l-Komunità Ewropea ta’ l-Enerġija Atomika jsir b’Regolament magħmul bil-ftehim bejn il-Kunsill u l-Kumitat tal-Presidenti tal-Komunità Ewropea tal-Faħam u ta’ l-Azzar wara li jkun ikkonsultat il-Kumitat tar-Regolamenti tal-Persunal.”

4        Barra minn hekk, ir-Regolament Nru 723/2004 inkluda l-Artikolu ġdid 83a fir-Regolamenti, li bis-saħħa tiegħu :

“1. L-iskema għandha tinżamm ibbilanċata skond ir-regoli dettaljati ppreżentati fl-Anness XII.

2. L-aġenziji li ma jirċevux sussidju mill-estimi ġenerali ta’ l-Unjoni Ewropea, għandhom iħallsu f’dawk l-estimi l-ammont sħiħ tal-kontribuzzjonijiet meħtieġa biex tkun iffinanzjata dik l-iskema.

3. Fl-okkażjoni ta’ l-istima attwarjali ta’ kull ħames snin, skond l-Anness XII u sabiex jiżgura l-bilanċ tas-sistema, il-Kunsill għandu jiddeċiedi fuq ir-rata tal-kontribuzzjoni u kull bidla fl-età tal-pensjoni.

4. Kull sena l-Kummissjoni [tal-Komunitajiet Ewropej] għandha tippreżenta lill-Kummissjoni verżjoni aġġornata ta’ l-istima attwarjali, skond l-Artikolu 1(2) ta’ l-Anness XII. Fejn jintwera li hemm qabża ta’ mill-anqas 0,25 punti bejn ir-rata tal-kontribuzzjoni applikata bħalissa u r-rata meħtieġa biex jinżamm il-bilanċ attwarjali, il-Kunsill għandu jikkunsidra jekk ir-rata għandhiex tkun applikata, skond l-arranġamenti mniżżla fl-Anness XII.

5. Għall-iskopijiet tal-paragrafi 3 u 4 ta’ dan l-Artikolu, il-Kunsill għandu jaġixxi b’maġġoranza kkwalifikata fuq proposta mill-Kummissjoni, kif ipprovdut fl-ewwel inċiż ta’ l-Artikolu 205(2) tat-Trattat tal-KE. Għall-iskopijiet tal-paragrafu 3, il-proposta tal-Kummissjoni għandha tkun ippreżentat[a] wara konsultazzjoni mal-Kumitat tar-Regolamenti tal-Persunal.”

5        L-Anness XII tar-Regolamenti, li jinkludi regoli għall-implementazzjoni ta’ l-Artikolu 83a, jipprevedi, fl-Artikolu 1 :

“ 1. Sabiex tkun stabbilita l-kontribuzzjoni ta’ l-uffiċjali lejn l-iskema tal-pensjoni riferuta fl-Artikolu 83(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, kull ħames snin li jibdew mill-2004, il-Kummissjoni għandha tagħmel eżami attwarjali fuq il-bilanċ ta’ l-iskema tal-pensjoni riferuta fl-Artikolu 83a (3) tar-Regolamenti tal-Persunal. Dan l-eżami għandu jindika jekk il-kontribuzzjoni ta' l-uffiċjali hi[j]iex biżżejjed biex tiffinanzja terz mill-ispiża taħt l-iskema tal-pensjoni.

2. Bi preparazzjoni għall-eżami riferut fl-Artikolu 83a(4) tar-Regolamenti tal-Persunal, il-Kummissjoni għandha taġġorna dan l-eżami attwarjali kull sena, wara li tikkunsidra l-bidliet fil-popolazzjoni kif definiti fl-Artikolu 9 ta’ dan l-Anness, fir-rata ta’ l-imgħax kif definita fl-Artikolu 10 ta’ dan l-Anness u fir-rata tal-bidla fis-sena fl-iskali tas-salarju ta’ l-uffiċjali tal-KE kif definita fl-Artikolu 11 ta’ dan l-Anness.

3. L-eżami u l-aġġornamenti għandhom isiru f'kull sena n, fuq il-bażi tal-popolazzjoni ta' membri attivi ta' l-iskema tal-pensjoni fil-31 ta' Diċembru tas-sena ta' qabel (n-1).”

6        L-Artikolu 2 ta’ l-Anness XII tar-Regolamenti jipprovdi :

“1. Kull aġġustament għar-rata tal-kontribuzzjoni għandha tidħol fis-eħħ mill-1 ta’ Lulju fl-istess ħin bħall-aġġustament ta’ kull sena tar-remunerazzjonijiet taħt l-Artikolu 65 tar-Regolamenti tal-Persunal. Kull aġġustament ma jwassalx għal kontribuzzjoni li hija aktar minn punt wieħed ta’ persentaġġ aktar jew anqas ir-rata valida tas-sena ta’ qabel.

2. L-aġġustament li jidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Lulju 2004 ma għandux jirriżulta f'kontribuzzjoni ogħla minn 9.75 %. L-aġġustament li jidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Lulju 2005 ma għandux jirriżulta f’kontribuzzjoni ogħla minn 10,25 %.

3. Id-differenza stabbilita bejn l-aġġustament tar-rata tal-kontribuzzjoni li kieku kienet tirriżulta mill-kalkolu attwarjali u l-aġġustament li jirriżulta mill-varjazzjoni riferuta fil-paragrafu 2 ma għandhiex tkun irkuprata f’xi ħin, jew, bħala konsegwenza, tkun ikkunsidrata f’kalkolu attwarjali ta’ wara. Ir-rata tal-kontribuzzjoni li kieku kienet tirriżulta mill-kalkolu attwarjali għandha tissemma’ fir-rapport ta’ l-eżami pprovdut fl-Artikolu 1 ta’ dan l-Anness.”

7        Skond l-Artikolu 4 ta’ l-Anness XII tar-Regolamenti :

“1. Il-bilanċ attwarjali għandu jkun eżaminat fuq il-bażi tal-metodu tal-kalkolazzjoni, ippreżentat f'dan il-kapitolu.

2. Taħt dan il-metodu, “il-valur attwarjali” tad-drittijiet għall-pensjoni li qalgħu qabel id-data tal-kalkolu jirrappreżenta obbligu passat tas-servizz, filwaqt li l-valur attwarjali tad-drittijiet tal-pensjoni li se jinqala’ fis-sena tas-servizz li tibda fid-data tal-kalkolu tirrappreżenta “l-ispiża tas-servizz”.

3. Hemm is-suppożizzjoni li l-irtirar (minbarra għall-invalidità) se jsiru f’età medja stabbilita (r). L-età medja ta’ l-irtirar għandha tkun aġġornata biss fl-okkażjoni ta’ l-eżami attwarjali ta’ kull ħames snin riferut fl-Artikolu 1 ta’ dan l-Anness u jista’ jkun differenti għal gruppi differenti tal-persunal.

4. Biex il-valuri attwarjali jkunu stabbiliti,

a) il-bidliet futuri fis-salarju bażiku ta’ kull uffiċjal bejn id-data tal-kalkolu u l-età supposta ta’ l-irtirar għandhom ikunu kkunsidrati ;

b) id-drittijiet tal-pensjoni li qalgħu qabel id-data tal-kalkolu (l-obbligu passat tas-servizz) ma għandux ikun ikkunsidrat.

5. Id-dispożizzjonijiet kollha relevanti pprovduti f’dan ir-Regolamenti tal-Persunal (b’mod partikolari fl-Annessi VIII u XIII) għandhom ikunu kkunsidrati fil-valutazzjoni attwarjali ta’ l-ispiża tas-servizz.

6. Proċess li jieħu ħsieb id-diffikultajiet għandu jkun applikat biex jistabbilixxi r-rata reali ta’ l-iskont u r-rata tal-bidla fi-sena fl-iskali tas-salarju ta’ l-uffiċjali tal-Komunitajiet. Dan il-proċess li jieħu ħsieb id-diffikultajiet għandu jinkiseb b’medja li tiċċaqlaq fuq [tnax]-il sena għar-rata ta’ l-imgħax u għaż-żieda fl-iskali tas-salarji.”

8        Skond l-Artikolu 10 ta’ l-Anness XII tar-Regolamenti :

“1. Ir-rati ta’ l-imgħax li għandhom ikunu kkunsidrati għall-kalkoli attwarjali għandhom ikunu bbażati fuq ir-rati osservati medji ta’ l-imgħax fis-sena dwar is-self pubbliku fit-tul ta’ l-Istati Membri kif ippubblikati mill-Kummissjoni. Indiċi xieraq tal-prezz ta’ l-għajxien għandu jintuża biex tinħadem ir-rata ta’ l-imgħax li tikkorrospondi, imnaqqsa bl-inflazzjoni, kif meħtieġa għall-kalkoli attwarjali.

2. Ir-rata effettiva ta’ l-imgħax fis-sena li għandha tkun ikkunsidrata għall-kalkoli attwarjali għandha tkun il-medja tar-rati reali medji ta’ l-imgħax għat-tnax-il xahar ta’ qabel is-sena kurrenti.”

9        L-eżekuzzjoni teknika ta’ l-Anness XII tar-Regolamenti hija fdata f’idejn l-Eurostat, megħjuna minn espert jew esperti indipendenti kkwalifikati sabiex iwettqu stimi attwarjali. Skond l-Artikolu 13 ta’ l-Anness XII tar-Regolamenti :

“[…]

3. Kull sena fl-1 ta’ Settembru, il-Eurostat għandha tibgħat rapport dwar l-istimi u l-aġġornamenti riferuti fl-Artikolu 1 ta’ dan l-Anness.

4. Il-Eurostat tieħu ħieb kull mistoqsija dwar il-metodoloġija li titqajjem bl-implimentazzjoni ta’ dan l-Anness, bil-koperazzjoni ta’ l-esperti nazzjonali mid-dipartimenti relevanti ta’ l-Istati Membri u l-espert jew esperti indipendenti kkwalifikati. Il-Eurostat għandha ssejjaħ laqgħa ta’ dan il-grupp għal dak l-iskop mill-anqas kull sena. Iżda, il-Eurostat tista’ ssejjaħ laqgħat aktar frekwenti jekk tħoss li hemm il-bżonn.”

10      Id-Deċiżjoni tal-Kunsill, tat-23 ta’ Ġunju 1981, li tistabbilixxi proċedura ta’ konsultazzjoni bejn tliet partijiet fil-qasam tar-relazzjonijiet mal-persunal (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni tat-23 ta’ Ġunju 1981”) tipprovdi :

“ I.  Konsultazzjoni fil-kuntest tal-kummissjoni ta’ konsultazzjoni

1.       Ir-relazzjonijiet bejn il-Kunsill u l-persunal, irrappreżentat mill-organizzazzjonijiet sindakali u professjonali, huma bbażati fuq proċedura ta’ konsultazzjoni li għaliha jipparteċipaw l-awtoritajiet amministrattivi ta’ l-istituzzjonijiet u l-organi assimilati u li matulha kull informazzjoni disponibbli u l-pożizzjonijiet tal-partijiet jiġu eżaminati bl-għan li jiffaċilitaw, safejn huwa possibbli, il-konverġenza tal-pożizzjonijiet u sabiex jiżguraw li l-fehmiet tal-persunal u ta’ l-awtoritajiet amministrattivi huma magħrufa mar-rappreżentanti ta’ l-Istati Membri qabel ma dawn jieħdu pożizzjoni finali.

2.       a) Il-konsultazzjoni għandha ssir fi ħdan il-Kumitat tal-Konsultazzjoni komposta minn :

–        rappreżentant minn kull Stat Membru ;

–        numru ekwivalenti ta’ rappreżentanti tal-persunal maħtura mill-organizzazzjonijiet sindakali u professjonali ;

–        kap ta’ l-amministrazzjoni ta’ kull istituzzjoni (jiġifieri r-Reġistratur tal-Qorti tal-Ġustizzja [tal-Komunitajiet Ewropej] u s- [S]egretarji Ġenerali ta’ kull istituzzjoni oħra) jew persuna maħtura sabiex tirrappreżentah.

[…]

3.       Il-proċedura ta’ konsultazzjoni tista’ tiġi applikata biss għal proposti li jitressqu quddiem il-Kunsill mill-Kummissjoni dwar l-emenda tar-Regolamenti tal-Persunal […] jew tal-Kundizzjonijiet ta’ l-impjieg ta’ ħaddiema oħra tal-Komunitajiet Ewropej, jew dwar l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal imsemmija jew ta’ l-iskema dwar il-paga jew il-pensjoni. Din tapplika għal dawn il-proposti kull darba li membru tal-Kumitat tal-Konsultazzjoni jitlobha.

[…]

7.       Il-Kumitat tal-Konsultazzjoni għandu jlesti rapport dwar ir-riżultati ta’ l-eżami tal-proposta li sar fi ħdanu, u għandu jibagħtu […] lill-Kumitat tar-Rappreżentanti Permanenti sabiex jippreżentawh quddiem il-Kunsill.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

11      Ir-rikorrent huwa uffiċjal fil-Parlament Ewropew fejn ilu jaħdem mill-1991. Qabel ma beda jaħdem fil-qasam “Trasport u ġarr”, huwa kien il-Kap tad-dipartiment “Pensjonijiet” fil-Parlament.

12      Wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolamenti tal-Persunal il-ġodda, ir-rikorrent ikkonstata li l-emenda tal-liġi setgħet twassal għal żieda fil-kontribuzzjoni tiegħu għall-finanzjament ta’ l-iskema Komunitarja tal-pensjoni.

13      B’ittra tat-23 ta’ Lulju 2004, ir-rikorrent indirizza serje ta’ 41 mistoqsijiet u talbiet relatati lis-Segretarju Ġenerali tal-Parlament dwar, b’mod partikolari, il-leġittimità tar-Regolamenti tal-Persunal il-ġodda u ta’ l-Anness XII tagħhom.

14      B’ittra tat-30 ta’ Novembru 2004, il-Parlament irrisponda parzjalment lir-rikorrent, fejn numru kbir tal-mistoqsijiet u t-talbiet tiegħu kienu ġew evitati jew mhux sodisfatti.

15      Wara li rċieva l-ittra tat-30 ta’ Novembru 2004 imsemmija iktar ’il fuq, ir-rikorrent ikkonstata li d-dikjarazzjoni tas-salarju tiegħu għax-xahar ta’ Jannar 2005 kienet tindika li l-kontribuzzjoni tiegħu għall-iskema tal-pensjoni kienet ġiet miżjuda b’effett retroattiv fl-1 ta’ Lulju 2004 u minn dak in-nhar żdiedet għal 9.75 %.

16      B’ittra tat-28 ta’ Jannar 2005, ir-rikorrent ressaq ilment, skond l-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, li permezz tiegħu huwa kkontesta r-risposti mogħtija mill-Parlament fl-ittra tat-30 ta’ Novembru 2004 imsemmija iktar ’il fuq, u talab l-annullament tad-dikjarazzjoni tas-salarju tiegħu għax-xahar ta’ Jannar 2005.

17      B’ittra tat-13 ta’ Lulju 2005, il-President tal-Parlament ċaħad l-ilment tar-rikorrent.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

18      Dan l-ilment kien inizjalment irreġistrat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza bin-numru T-399/05.

19      Permezz ta’ digriet tal-15 ta’ Diċembru 2005, il-Qorti tal-Prim’Istanza, skond l-Artikolu 3(3) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill, 2004/752/CE, Euratom, li tistabbilixxi t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ta’ l-Unjoni Ewropea (ĠU L 153M, 7.6.2006, p. 84), irrinvijat il-kawża preżenti quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku. Ir-rikors ġie rreġistrat fir-Reġistru ta’ dan ta’ l-aħħar bin-numru F-105/05.

20      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza, permezz ta’ faks fl-1 ta’ Diċembru 2005 (il-preżentazzjoni ta’ l-att oriġinali seħħet fil-5 ta’ Diċembru ta’ wara), il-Kunsill talab sabiex jintervjeni fil-kawża preżenti in sostenn tat-talbiet tal-Parlament. B’digriet tat-22 ta’ Frar 2006, il-President ta’ l-Ewwel Awla tal-Qorti tal-Prim’Istanza laqa’ dan l-intervent.

21      B’att separat, li wasal fir-Reġistru tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fit-3 ta’ April 2006 permezz ta’ faks (il-preżentazzjoni ta’ l-att oriġinali seħħet fil-5 ta’ Diċembru ta’ wara), il-Kunsill issolleva eċċezzjoni skond l-Artikolu 114(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, li japplikaw mutatis mutandis għat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku skond l-Artikolu 3(4) tad-Deċiżjoni 2004/752, sad-dħul fis-seħħ tar-Regoli tal-Proċedura ta’ dan ta’ l-aħħar. B’dan l-att, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ġie mitlub ineħħi mill-proċess tal-kawża preżenti, l-opinjoni tas-servizz legali tal-Kunsill, ta’ l-10 ta’ April 2003, li ġiet ippreżentata mir-rikorrent bħala anness fir-rikors tiegħu.

22      B’digriet ta’ l-20 ta’ Ġunju 2006, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku laqa’ t-talba tal-Kunsill billi neħħa l-opinjoni tas-servizz legali, ta’ l-10 ta’ April 2003 mill-proċess, u rriżerva l-ispejjeż.

23      B’applikazzjoni ta’ l-Artikolu 51(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, wara li sema’ lill-partijiet, iddeċieda, fl-4 ta’ Ottubru 2006, li jirrinvija l-kawża quddiem l-Assemblea Plenarja.

24      Fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku talab lill-partijiet, lill-parti intervenjenti u lill-Kummissjoni, li sa dakinhar kienet parti terza fl-istanza, sabiex jirrispondu għall-mistoqsijiet bil-miktub u sabiex jippreżentawlu d-dokumenti.

25      B’att ippreżentat fir-Reġistru tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fis-7 ta’ Diċembru 2006, il-Kummissjoni talbet li tintervjeni fil-kawża preżenti in sostenn tat-talbiet tal-Parlament. Skond l-Artikolu 115(1) u ta’ l-Artikolu 116(6) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, il-President tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, b’digriet ta’ l-10 ta’ Jannar 2007, aċċetta li l-Kummissjoni tintervjeni matul il-proċedura orali.

26      B’faks li wasal fir-Reġistru tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fit-8 ta’ Frar 2007, il-Kummissjoni talbet, f’isem it-tliet istituzzjonijiet preżenti fl-istanza, li uffiċjal mill-Eurostat ikun jista’ jesponi ċerti elementi tekniċi matul is-seduta. Fid-dawl tan-natura teknika tal-kwistjonijiet imqajma mill-kawża, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku aċċetta li l-uffiċjali ta’ l-istituzzjonijiet jistgħu jiġu megħjuna matul is-seduta, għall-bżonnijiet tad-difiża tagħhom, minn uffiċjal ta’ l-Eurostat. Meta ġie informat mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku bil-preżenza ta’ l-uffiċjal imsemmi matul is-seduta permezz ta’ faks tad-9 ta’ Frar 2007, ir-rappreżentant tar-rikorrent ma ssollevax oġġezzjoni, b’mod partikolari, dak in-nhar tas-seduta, għall-fatt li l-uffiċjal jista’ jirrispondi għal mistoqsijiet ta’ natura teknika magħmula mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku.

27      It-trattazzjoni orali tal-partijiet u r-risposta tagħhom għall-mistoqsijiet magħmula mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ġew mismugħa matul is-seduta tat-13 ta’ Frar 2007.

28      Ir-rikorrent jitlob sabiex it-Tribunal jogħġbu :

–        jannulla d-dikjarazzjoni tas-salarju tiegħu għax-xahar ta’ Jannar 2005, b’effett retroattiv mill-1 ta’ Lulju 2004 ;

–        jordna lill-Parlament sabiex ibati l-ispejjeż.

29      Il-Parlament jitlob lit-Tribunal sabiex jogħġbu :

–        jiddikjara r-rikors bħala parzjalment inammissibbli, u fil-bqija, infondat ;

–        jiddeċiedi kemm fuq l-ispejjeż kif ukoll fuq id-dritt.

30      Il-Kunsill u l-Kummissjoni, bħala intervenjenti, isostnu t-talbiet tal-Parlament.

 Id-dritt

31      Ir-rikorrent isostni li ż-żieda tar-rata ta’ kontribuzzjoni għall-iskema tal-pensjoni għal 9.75 %, li tidher fid-dikjarazzjoni tas-salarju tiegħu tax-xahar ta’ Jannar 2005, hija nieqsa minn bażi ġuridika legali, safejn l-imsemmija rata ta’ kontribuzzjoni ġiet stabbilita skond l-Anness XII tar-Regolamenti, li fir-rigward tagħha r-rikorrent iqajjem l-eċċezzjoni ta’ l-illegalità.

32      L-eċċezzjoni ta’ l-illegalità ssollevata mir-rikorrent fir-rigward ta’ l-Anness XII tar-Regolamenti, hija bbażata, essenzjalment, fuq ħames motivi. L-ewwel motiv huwa bbażat fuq il-fatt li r-Regolament Nru 723/2004 ġie adottat bi ksur tal-proċedura ta’ konsultazzjoni prevista permezz tad-Deċiżjoni tat-23 ta’ Ġunju 1981. It-tieni motiv huwa bbażat fuq il-fatt li l-Anness XII tar-Regoli huwa vvizzjat bi żball manifest ta’ evalwazzjoni tal-fatti li wassal għal żball ta’ dritt. It-tielet motiv huwa bbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità. Ir-raba’ motiv huwa bbażat fuq abbuż tal-poter. Il-ħames motiv huwa bbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni ta’ l-aspettattivi leġittimi.

1.     1. Fuq l-interess li jitressqu proċeduri 

33      Matul is-seduta, il-Kummissjoni sostniet li fir-rikors imkien ma tissemma’ s-sitwazzjoni personali tar-rikorrent, iżda hemm biss mistoqsijiet istituzzjonali, politiċi u sindakali. Ir-rikors kien ġie ppreżentat fl-interess biss tal-liġi u għandu, għal dan il-motiv, jiġi miċħud bħala inammissibbli.

34      Huwa veru, l-ewwel nett, li l-motivi kollha tar-rikors huma bbażati fuq l-illegalità ta’ l-Anness XII tar-Regolamenti tal-Persunal, li ma jikkonċernax lir-rikorrent individwalment, fis-sens li dan ma joħloqlux ħsara minħabba ċerti karatteristiċi li huma partikolari għalih jew minħabba sitwazzjoni ta’ fatt li tikkaratterizzah meta mqabbel ma’ kull persuna oħra, iżda jikkonċernah biss bl-istess mod bħal kull uffiċjal ieħor. Huwa għalhekk li, skond ir-raba’ subparagrafu ta’ l-Artikolu 230 KE, mhux ammissibbli għar-rikorrent li jitlob direttament l-annullament ta’ l-imsemmi Anness (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Lulju 1963, Plaumann vs Il-Kummissjoni, 25/62, Ġabra p. 197, 223 ; sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tad-29 ta’ Novembru 2006, Agne-Dapper et vs Il-Parlament, Il-Kunsill, Il-Kummissjoni, Il-Qorti ta’ l-Awdituri u KESE, T-35/05, T-61/05, T-107/05, T‑108/05 u T-139/05, Ġabra p. II-110, punt 58).

35      Madankollu, skond l-Artikolu 241 KE, ir-rikorrent għandu l-possibbiltà li jsostni, permezz ta’ eċċezzjoni, l-illegalità ta’ l-atti Komunitarji ta’ portata ġenerali li ma jikkonċernawhx individwalment bħala uffiċjal, b’mod partikolari, ir-Regolamenti tal-Persunal, bħala uffiċjal. Skond il-Qorti tal-Ġustizzja, din il-possibbiltà tissuġġetta l-osservanza tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-25 ta’ Lulju 2002, Unión de Pequeños Agricultores vs Il-Kunsill, C 50/00 P, Ġabra p. I-6677, punt 40). Huwa għalhekk li r-rekwiżit ta’ rabta diretta u individwali bejn ir-rikorrent u l-att ta’ portata ġenerali li huwa jikkontesta ma tistax tipprekludi l-introduzzjoni ta’ azzjoni indiretta abbażi ta’ l-Artikolu 241 KE.

36      L-ammissibbiltà tal-kontestazzjoni, b’mod indirett, ta’ att Komunitarju ta’ portata ġenerali huwa biss suġġett għall-kundizzjoni doppja li l-att individwali kkontestat ikun ġie adottat b’applikazzjoni diretta ta’ l-att ta’ portata ġenerali (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-5 ta’ Ottubru 2000, Il-Kunsill vs Chvatal et, C- 432/98 P u C-433/98 P, Ġabra. p. I 8535, punt 33) u li r-rikorrent għandu interess li jikkontesta d-deċiżjoni individwali li hija s-suġġett ta’ l-azzjoni prinċipali (sentenza Agne-Dapper et vs Il-Parlament, Il-Kunsill, Il-Kummissjoni, Il-Qorti ta’ l-Awdituri u KESE, iċċitata iktar ’il fuq, punti 42 u 43).

37      Madankollu, fil-kawża preżenti, la huwa kkontestat li ż-żieda tar-rata ta’ kontribuzzjoni tal-pensjonijiet li tidher fid-dikjarazzjoni tas-salarju tar-rikorrent ta’ Jannar 2005 ġiet deċiża b’applikazzjoni diretta ta’ l-Anness XII tar-Regolamenti tal-Persunal u lanqas li r-rikorrent għandu interess li jitlob l-annullament ta’ din iż-żieda.

38      It-tieni nett, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li r-rikorrent mhuwiex intitolat jaġixxi fl-interess tal-liġi jew ta’ l-istituzzjonijiet u ma jistax jitlob, in sostenn tar-rikors għal annullament, li l-ilmenti huma personali (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-30 ta’ Ġunju 1983, Schloh vs Il-Kunsill, 85/82, Ġabra. p. 2105, punt 14). Iżda dan ir-rekwiżit ma jistax jinftiehem bħala li jfisser li l-qorti Komunitarja ma taċċettax l-ammissibbiltà ta’ lment ħlief jekk dan huwa marbut mas-sitwazzjoni personali tar-rikorrent biss. Bl-istess mod kif ir-rikors huwa ammissibbli biss jekk ir-rikorrent għandu interess personali li l-att li huwa jikkontesta jiġi annullat (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-28 ta’ Settembru 2004, MCI vs Il-Kummissjoni, T 310/00, Ġabra p. II 3253, punt 44, u, a contrario, id-digriet tal-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ l-24 ta’ Jannar 2000, Cuenda Guijarro et vs Il-Kunsill, T 179/98, ĠabraSP p. I-A-1 u II-1, punt 60), l-ilmenti tar-rikorrent mhumiex ammissibbli ħlief jekk dawn jistgħu jwasslu għal annullament li abbażi tiegħu jista’ jieħu vantaġġ minnhom, jiġifieri, li fir-rigward tiegħu hemm interess personali (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Marzu 1973, Marcato vs Il-Kummissjoni, 37/72, Ġabra p. 361, punt 7, u tas-16 ta’ Diċembru 1976, Perinciolo vs Il-Kunsill, 124/75, Ġabra p. 1953, punt 26). Hekk ukoll, eċċezzjoni ta’ illegalità hija ammissibbli biss jekk din tista’, bir-riżultat tagħha stess, tipprovdi benefiċċju lill-parti li jqajjimha (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tad-29 ta’ Novembru 2006, Campoli vs Il-Kummissjoni, T-135/05, ĠabraSP p. I-A-2-297, II-A-2-1527, punt 132).

39      B’hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li uffiċjal tal-Kunsill ma kellux interess li jressaq ilment dwar il-fatt li post vakanti ta’ impjieg in kwistjoni ma kienx ġie nnotifikat lill-persunal ta’ l-istituzzjonijiet Komunitarji ħlief lill-Kunsill, fir-rigward ta’ omissjoni li ma tatx lok għal dannu għalih (sentenza Schloh vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, punti 13 u 14). Il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet ukoll fis-sentenza tagħha Campoli vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, (punt 133), li, peress illi r-rikorrent ma kienx stabbilixxa l-fatt li huwa jista’ jibbenefika finanzjarjament minn sentenza ta’ l-imsemmija Qorti tal-Prim’Istanza li ddikjarat bħala illegali l-introduzzjoni ta’ koeffiċjent ta’ korrezzjoni għall-pensjonijiet minimi ta’ 100 % għall-Istati Membri fejn l-għoli tal-ħajja huwa inqas għoli, dan l-ilment, imressaq fil-kuntest ta’ eċċezzjoni ta’ illegalità magħmul kontra l-Artikolu 20 ta’ l-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal, kien, konsegwentement, inammissibbli.

40      Fil-kawża preżenti, huwa veru li l-motivi allegati mir-rikorrent in sostenn ta’ l-eċċezzjoni ta’ illegalità ta’ l-Anness XII tar-Regolamenti ma jikkonċernawx is-sitwazzjoni personali tiegħu biss. Madankollu, huma bbażati fuq irregolaritajiet li setgħu kkawżawlu dannu. Ir-rikorrent għandu interess li jsostni skond il-liġi, permezz ta’ azzjoni indiretta, li l-anness imsemmi ma ġiex adottat b’osservanza tar-regoli ta’ konsultazzjoni li kien stabbilixxa l-Kunsill, li l-metodu ta’ kalkolu tal-kontribuzzjoni għall-pensjonijiet tiegħu huwa manifestament żbaljat u inadegwat sabiex jintlaħaq l-għan tal-bilanċ attwarjali ta’ l-iskema tal-pensjoni, jew fejn jirriżulta abbuż tal-poter, u li l-aspettattivi leġittimi li huwa kellu fl-osservanza tar-regoli ta’ finanzjament ta’ l-imsemmija skema kellhom jiġu debitament protetti.

41      B’hekk, is-sitwazzjoni li l-ilmenti mressqa mir-rikorrent huma bbażati fuq kunsiderazzjonijiet istituzzjonali, politiċi u sindakali u li ma jikkonċernawx biss is-sitwazzjoni personali tiegħu mhijiex ta’ natura li tistabbilixxi li dawn l-ilmenti huma inammissibbli.

42      Minn dak li ntqal jirriżulta li, l-eċċezzjponi ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni għandha tiġi miċħuda.

2.     Fuq il-mertu

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-proċedura ta’ konsultazzjoni

 L-argumenti tal-partijiet

43      Ir-rikorrent isostni fir-rikors tiegħu (fil-punt 31 u fin-nota ta’ qiegħ il-paġna numru 9) li l-proċedura ta’ adozzjoni tar-reviżjoni ta’ l-iskema Komunitarja tal-pensjoni kienet ivvizzjata, peress illi l-konsultazzjoni prevista mid-Deċiżjoni tat-23 ta’ Ġunju 1981 ma seħħitx abbażi ta’ proposta formali mill-Kummissjoni.

44      Skond l-affermazzjonijiet tal-Parlament fir-risposta tiegħu, ir-rikorrent ma ressaqx il-prova li l-Kumitat tal-Konsultazzjoni ma setgħetx tiġi kkonsultata ħlief fuq proposta formali tal-Kummissjoni lill-Kunsill. Id-Deċiżjoni tat-23 ta’ Ġunju 1981 imkien ma tirreferi għal dan ir-rekwiżit.

45      Ir-rikorrent jafferma mill-ġdid, fir-replika tiegħu, li l-Anness XII tar-Regolamenti tal-Persunal ġie adottat bi ksur tal-proċedura ta’ konsultazzjoni prevista mid-Deċiżjoni tat-23 ta’ Ġunju 1981. Fil-fatt, minkejja li l-Kumitat tal-Konsultazzjoni kellu jiġi nnotifikat b’kull proposta tal-Kummissjoni magħmula lill-Kunsill, skond l-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tat-23 ta’ Ġunju 1981, il-Kumitat tal-Konsultazzjoni ma ġiex ikkonsultat ħlief dwar il-proposta inizjali ta’ l-Anness XII ppreżentata mill-Kummissjoni, u mhux dwar it-tieni proposta tal-Kummissjoni, li ħadet in kunsiderazzjoni l-linji gwida tal-Kunsill tad-19 ta’ Mejju 2003 (il-kompromess tal-Presidenza Griega). Il-Kumitat tal-Konsultazzjoni kien ġie kkonsultat direttament mill-Kunsill dwar il-kompromess ta’ l-imsemmija Presidenza. Peress li l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta emendata tagħha biss f’Novembru 2003, il-verżjoni finali ta’ l-Anness XII ma kinitx ġiet ippreżentata mill-Kummissjoni lill-Kumitat tal-Konsultazzjoni u b’konsegwenza ma rċevietx l-approvazzjoni ta’ l-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw il-persunal.

46      Il-Kunsill isostni, fin-nota ta’ intervent tiegħu li, bħala awtorità Komunitarja kompetenti sabiex temenda r-Regolamenti tal-Persunal, huwa adotta r-Regolament Nru 723/2004 fuq proposta tal-Kummissjoni kif emendata mid-dokument COM (2003) 721 tat-18 ta’ Novembru 2003 u wara li kkonsulta l-istituzzjonijiet ikkonċernati, skond l-Artikolu 283 KE. Minbarra dan, il-Kunsill ifakkar li l-proposta inizjali tal-Kummissjoni, tas-26 ta’ Novembru 2002, diġà kienet tinkludi Anness XII tar-Regolamenti tal-Persunal ġdid, li kien jipprovdi metodu sabiex jiżgura l-bilanċ ta’ l-iskema tal-pensjoni. Minħabba raġunijiet ta’ urġenza, il-Kummissjoni ma inkludietx id-dettalji tal-metodi ta’ kalkolu f’din il-proposta inizjali. Madankollu, wara n-negozjati, dan il-metodu ġie ppreżentat fit-tieni proposta tal-Kummissjoni, tat-18 ta’ Novembru 2003. Għalhekk, l-Anness XII tar-Regolamenti tal-Persunal ġie adottat fuq proposta formali tal-Kummissjoni u wara konsultazzjoni formali mal-Kumitat tal-Konsultazzjoni. Barra minn hekk, il-premessa 38 tar-Regolament Nru 723/2004 tirreferi għall-aċċettazzjoni tar-regoli ġodda “mill-organizzazzjonijiet li [j]irrappreżenta[w] [lil]l-persunal ikkonsultat ġewwa l-qafas għall-Kumitat tal-Konsultazzjoni stabbilit mid-Deċiżjoni […] tat-23 ta’ Ġunju 1981”.

47      Fil-kontroreplika tiegħu, il-Parlament isostni prinċipalment li, il-motiv ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju tal-proċedura ta’ konsultazzjoni ġie invokat formalment mir-rikorrent biss fl-istadju tar-replika u konsegwentement, dan il-motiv għandu jiġi ddikjarat bħala inammissibbli. Sussidjarjament, il-Parlament ifakkar li irregolarità ta’ proċedura ma twassalx għall-annullament ta’ deċiżjoni ħlief jekk huwa stabbilit li fin-nuqqas ta’ din l-irregolarità, id-deċiżjoni kkontestata setgħet kellha kontenut differenti. Hekk, fil-każ preżenti, ir-rikorrent ma ressaq ebda argument li jimplika li, jekk il-Kumitat tal-Konsultazzjoni kienet ikkunsidrat formalment it-tieni proposta tar-Regolament, tat-18 ta’ Novembru 2003, il-kontenut ta’ l-Anness XII tar-Regolamenti seta’ kien differenti. Fl-aħħar nett, id-Deċiżjoni tat-23 ta’ Ġunju 1981 ma timponix, taħt piena ta’ illegalità tar-Regolament adottat, li l-Kumitat tal-Konsultazzjoni tieħu deċiżjoni dwar proposta li temenda regolament.

48      Fl-aħħar nett, skond il-fehma espressa mill-Kummissjoni matul is-seduta, ir-rikorent ma għandu ebda interess personali li jikkritika r-regolarità tal-proċedura ta’ konsultazzjoni u għaldaqstant, dan l-ilment huwa inammissibbli.

 Il-kunsiderazzjonijiet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku

49      Mid-dokumenti tal-proċess jirriżulta li, l-ewwel proposta tar-Regolament tal-Kunsill li temenda r-Regolamenti tal-Persunal ta’ l-uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej ġiet ippreżentata mill-Kummissjoni f’April 2002. Din il-proposta ma pprovdietx emenda sinjifikattiva ta’ l-iskema tal-pensjoni. B’deċiżjoni tad-19 ta’ Mejju 2003, il-Kunsill stabbilixxa l-linji gwida tar-reviżjoni ta’ l-iskema tal-pesnjoni u ddeċieda li jorbot din ir-reviżjoni ma’ dik tar-Regolamenti tal-Persunal. Il-proċedura ta’ konsultazzjoni żvolġiet minn Ġunju sa Settembru 2003, fuq il-bażi ta’ l-ewwel proposta tal-Kummissjoni u l-linji gwida tal-Kunsill. Fit-18 ta’ Novembru ta’ wara, il-Kummissjoni ppreżentat it-tieni proposta tar-Regolament tal-Kunsill billi ħadet in kunsiderazzjoni l-linji gwida tal-Kunsill fid-19 ta’ Mejju 2003 u r-riżultati tal-proċedura ta’ konsultazzjoni.

50      L-argument tar-rikorrent dwar l-irregolarità tal-proċedura ta’ konsultazzjoni jinqasam f’żewġ partijiet. L-ewwel parti hija bbażata fuq il-fatt li, kontra d-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni tat-23 ta’ Ġunju 1981, il-konsultazzjoni ma seħħitx abbażi ta’ proposta formali tal-Kummissjoni, iżda fuq inizjattiva tal-Kunsill, u abbażi ta’ test elaborat direttament minn dan ta’ l-aħħar. Skond it-tieni parti, it-tieni proposta tal-Kummissjoni li inkludiet il-verżjoni ġdida ta’ l-Anness XII tar-Regolamenti tal-Persunal ma tressqitx quddiem il-Kumitat tal-Konsultazzjoni.

51      L-ewwel nett, skond id-dispożizzjonijiet tal-punt I 3 tad-Deċiżjoni tat-23 ta’ Ġunju 1981, il-proċedura ta’ konsultazzjoni tista’ tapplika biss għal proposti li jitressqu lill-Kunsill mill-Kummissjoni dwar l-emendi tar-Regolamenti tal-Persunal jew tal-kondizzjonijiet ta’ impjieg ta’ aġenti oħra tal-Komunitajiet Ewropej, jew dwar l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijet ta’ l-imsemmija Regolamenti tal-Persunal jew dwar l-imsemmija skema dwar il-paga jew il-pensjoni. Dawn id-dispożizzjonijiet jissuġġettaw l-organizzazzjoni ta’ proċedura ta’ konsultazzjoni għal żewġ kundizzjonijiet, jiġifieri proposta tal-Kummissjoni lill-Kunsill fil-qasam ikkonċernat u talba minn membru tal-Kumitat tal-Konsultazzjoni. Min-naħa l-oħra, dawn id-dispożizzjonijiet ma għandhomx bħala għan li jipprojbixxu lill-Kumitat tal-Konsultazzzjoni, kif barra minn hekk ikun kontra l-għan tal-proċedura, li jestendu l-konsultazzjoni għal elementi oħra barra dawk li jinsabu fil-proposta tal-Kummissjoni u li jieħu in kunsiderazzjoni l-elementi rilevanti, imressqa mill-organizzazzjonijiet sindakali jew professjonali, l-Istati Membri jew l-istituzzjonijiet, sabiex jiżgura l-missjoni tiegħu ta’ konsultazzjoni bejn tliet partijiet. B’konsegwenza, id-Deċiżjoni tat-23 ta’ Ġunju 1981 ma tipprekludix, kuntrarjament għal dak li jsostni r-rikorrent fl-ewwel parti ta’ l-argument tiegħu, il-fatt li l-Kumitat tal-Konsulatazzjoni jeżamina, bħal fil-każ preżenti, l-emendi li l-Kunsill ikollu l-intenzjoni li jitlob lill-Kummissjoni li twettaq għall-ewwel proposta tagħha.

52      It-tieni nett, kif tfakkar, il-proċedura ta’ konsultazzjoni tapplika biss għall-proposti tal-Kummissjoni jekk membru tal-Kumitat tal-Konsultazzjoni jitlob dan. Din id-dispożizzjoni hija intiża sabiex tevita li l-proċedura ta’ konsultazzjoni ma sseħħx meta din ma tidhirx li tippreżenta utilità għal dawk li għandhom ir-responsabbiltà tat-tmexxija tagħha. L-imsemmija dispożizzjoni tista’ b’mod partikolari tippermetti lill-Kumitat tal-Konsultazzjoni li ma jeżaminax il-proposti ta’ emendi mill-Kummissjoni, meta l-ewwel proposta diġà tkun suġġetta għal konsultazzjoni li titqies suffiċjenti.

53      F’dan il-każ, matul is-seduta, il-Kunsill sostna, mingħajr ma ġie kkontestat, li ebda membru tal-Kumitat tal-Konsultazzjoni ma kien talab l-applikazzjoni tal-proċedura ta’ konsultazzjoni għat-tieni proposta ta’ emenda tal-Kummissjoni, ippreżentata fit-18 ta’ Novembru 2003. Għaldaqstant, ma kien jeżisti ebda obbligu legali li tinbeda l-proċedura ta’ konsultazzjoni fuq din il-proposta, kuntrarjament għal dak li tippresupponi t-tieni parti ta’ l-argument tar-rikorrent.

54      Fl-aħħar nett u barra minn hekk, skond ġurisprudenza stabbilita, irregolarità ta’ proċedura mhijiex ta’ natura li tivvizzja att ħlief jekk jiġi stabbilit li, fin-nuqqas ta’ din l-irregolarità, l-att imsemmi seta’ kellu kontenut differenti (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-5 ta’ Marzu 2003, Staelen vs Il-Parlament, T 24/01, ĠabraSP p. I A 79 u II 423, punt 53).

55      Madankollu, mid-dokumenti tal-proċess ma jirriżultax li l-fatt li t-tieni proposta tal-Kummissjoni, tat-18 ta’ Novembru 2003, ma ġietx suġġetta għal konsultazzjoni seta’ kellu influwenza fuq il-kontenut ta’ l-Anness XII tar-Regolamenti tal-Persunal. Fil-fatt, jekk ir-rikorrent sostna matul is-seduta li l-konsultazzjoni ma setgħetx tirrigwarda l-verżjoni l-ġdida ta’ l-imsemmi Anness XII, ifformalizzata fit-tieni proposta tal-Kummissjoni, huwa ma jindikax b’mod preċiż liema huma l-elementi li kienu, minħabba dan il-fatt, mhux suġġetti għal konsultazzjoni. Bil-kontra, jirriżulta mill-punt 18 tar-riżultati tal-Kumitat tal-Konsultazzjoni, li ġew ikkomunikati lit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku b’faks tat-8 ta’ Diċembru 2006 mill-Kunsill b’risposta għal mistoqsijiet bil-miktub tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tas-26 ta’ Ottubru 2006, li l-Kumitat tal-Konsultazzjoni approva l-metodu attwarjali li kien finalment inkluż fl-Anness XII tar-Regolamenti tal-Persunal, jiġifieri l-metodu li jirriżulta minn studju ta’ l-Eurostat ta’ Settembru 2003, imqassam fi tliet punti. Il-parti l-kbira ta’ l-organizzazzjonijiet sindakali, b’mod partikolari, approvaw ir-reviżjoni, kif fakkar il-Kunsill matul is-seduta.

56      Minn dan isegwi li mhuwiex stabbilit li, jekk il-proċedura ta’ konsultazzjoni kienet ġiet applikata fit-tieni proposta tal-Kummissjoni, l-Anness XII tar-Regolamenti tal-Persunal seta’ kellu kontenut differenti. Għaldaqstant, jekk jitqies li l-Anness XII tar-Regolamenti tal-Persunal huwa vvizzjat minn irregolarità ta’ proċedura f’dan ir-rigward, irregolarità bħal din ma tistax, f’ebda każ , tivvizzja l-imsemmi anness.

57      Minn dak li ntqal jirriżulta li l-motiv ibbażat fuq il-ksur tal-proċedura ta’ konsultazzjoni għandu jiġi miċħud, mingħajr il-bżonn li tittieħed deċiżjoni dwar l-ammissibbiltà.

 Fuq it-tieni u t-tielet motivi, ibbażati fuq l-iżball manifest ta’ evalwazzjoni u tal-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità

58      F’dan il-każ, peress li hemm rabta stretta bejn dawn iż-żewġ motivi, hemm lok li jiġu eżaminati flimkien.

 L-argumenti tal-partijiet

59      L-ewwel nett, fir-rigward tal-motiv ibbażat fuq l-iżball manifest ta’ evalwazzjoni, żball bħal dan, skond ir-rikorrent, jivvizzja l-għażla, magħmula fl-Artikolu 10(2) ta’ l-Anness XII tar-Regolamenti tal-Persunal, li tiġi kkalkolata r-rata ta’ imgħax reali medju għal perijodu ta’ tnax-il sena ta’ qabel is-sena kurrenti. Fil-fatt, fl-evalwazzjoni attwarjali li saret fl-2003, huwa fuq perijodu ta’ għoxrin sena qabel is-sena kurrenti li l-Eurostat u l-grupp ta’ esperti nazzjonali waslu għal qbil fuqu. Il-perijodu ta’ referenza ta’ tnax-il sena ġie adottat sabiex il-kalkolu jwassal għal rata ogħla ta’ kontribuzzjoni mill-uffiċjali. Ir-rikorrent jirrileva li l-minuti tal-laqgħa tal-grupp ta’ esperti, li saret fis-7 ta Ġunju 2004, li kien inkaragat, skond l-Artikolu 13(4) ta’ l-Anness XII tar-Regolamenti tal-Persunal, sabiex jassisti lil Eurostat fil-missjoni ta’ eżekuzzjoni teknika tagħha ta’ l-Anness imsemmi (iktar ’il quddiem il-“grupp ta’ xogħol ‘Artikolu 83’”), jipprovdu li l-perijodu ta’ referenza ta’ għoxrin sena, li madankollu ġie mogħti mill-istudju attwarjali li sar mill-kumpannija KPMG fl-1998 u approvat mir-rapport ta’ l-Eurostat ta’ l-2003, skond l-istandards internazzjonali tal-kontabbiltà IAS Nru 19, ġie ssostitwit minn perijodu ta’ referenza ta’ tnax-il sena wara negozjati politiċi. Għalhekk, dan il-kriterju ma ġiex magħżul sabiex jiżgura l-bilanċ attwarjali ta’ l-iskema. Huwa obbligu tal-Parlament jew tal-Kunsill li jispjegaw il-motivi ta’ din l-għażla.

60      Il-Parlament isostni li l-motiv ibbażat fuq l-iżball manifest ta’ evalwazzjoni li wassal għal żball ta’ dritt ma kienx ġie invokat fl-ilment u konsegwentement, huwa inammissibbli. Fuq il-mertu, b’kunsiderazzjoni tal-marġni diskrezzjonali li jiddisponi minnu l-Kunsill bħala leġiżlatur fil-qasam ta’ dispożizzjonijiet statutorji, huwa biss żball manifest ta’ evalwazzjoni li jista’ jiġi prekluż mill-qorti u l-għażla ta’ perijodu ta’ referenza ta’ tnax-il sena ma tikkostitwixxix żball bħal dan. Barra minn hekk, espert indipendenti, il-kumpannija Ernst & Young Actuaires-Conseils, ikkonferma l-proċeduri u s-suppożizzjonijiet attwarjali użati bħala rilevanti u ta’ min jorbot fuqhom.

61      Il-Kunsill isostni fin-nota ta’ intervent tiegħu li, jekk huwa veru li t-tnaqqis tal-perijodu ta’ referenza minn għoxrin għal tnax-il sena rriżulta fi tnaqqis tar-rata ta’ l-iskont użat matul l-evalwazzjoni attwarjali fil-31 ta’ Diċembru 2003 (3,9 % minflok 4,7 %) u li dan it-tnaqqis fir-rata ta’ skont jispjega in parti ż-żieda tar-rata ta’ kontribuzzjoni (minn 10,43 %, qabel l-applikazzjoni tar-regola relatati mal-massimu sa 9.75 %, li tinsab fl-Artikolu 2(2) ta’ l-Anness XII tar-Regolamenti tal-Persunal), dan ma jwassalx għal konklużjoni li l-miżura adottata mhijiex adegwata sabiex tiggarantixxi l-bilanċ attwarjali ta’ l-iskema tal-pensjoni.

62      Il-Kunsill jammetti li t-tnaqqis fin-numru ta’ snin li għandhom jittieħdu in kunsiderazzjoni fil-kalkolu tar-rata ta’ imgħax reali jagħmilha, u flimkien magħha r-rata ta’ kontribuzzjoni, iktar volatili, iżda jsostni li din l-għażla ma taffettwax il-bilanċ ta’ l-iskema tal-pensjoni fit-tul, peress illi r-rati ta’ l-imgħax huma kkalkolati mill-ġdid kull sena, u dan jippermetti li r-rata ta’ kontribuzzjoni tiġi aġġustata kull sena sabiex jiġi assigurat il-bilanċ attwarjali. Mhemm xejn li jafferma li r-rata ta’ imgħax reali medju kkalkolata fuq tnax-il sena ser tkun, fil-futur sistematikament inqas mir-rata ta’ imgħax reali medju kkalkolata fuq għoxrin sena. Barra minn hekk, il-Kunsill isostni li perijodu ta’ tnax-il sena huwa wkoll rilevanti sabiex tiġi ddeterminata r-rata ġenerali ta’ żieda tas-salarji li għandhom jittieħdu in kunsiderazzjoni fil-kalkoli attwarjali, fl-Artikolu 4(6) ta’ l-Anness XII tar-Regolamenti.

63      Ir-raġunament fuq il-bilanċ attwarjali jippresupponi viżjoni fit-tul. Ma jistax jiġi konkluż li d-dispożizzjonijiet ta’ l-Anness XII tar-Regolamenti mhumiex xierqa mill-fatt biss li l-kalkoli attwarjali jirriżultaw f’sena partikolari f’żieda tar-rata tal-kontribuzzjoni tal-pensjonijiet.

64      It-tieni nett, fir-rigward tal-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, skond ir-rikorrent, dan jirriżulta mill-fatt li ż-żieda ta’ l-ammont tal-kontribuzzjoni ta’ l-uffiċjali għall-iskema tal-pensjoni mhijiex la neċessarja u lanqas xierqa sabiex jiġi assigurat il-bilanċ attwarjali. Fid-dawl ta’ l-elementi li kellu l-leġiżlatur, b’mod partikolari, ir-rapport ta’ l-Eurostat ta’ Settembru 2003, iż-żieda tar-rata ta’ kontribuzzjoni tidher manifestament spoporzjonali. Dan ir-rapport ta’ l-Eurostat kien wera li żieda fir-rata tal-kontribuzzjoni għal 8,7 % kienet suffiċjenti sabiex tiggarantaxxi l-bilanċ attwarjali. Ir-rikorrent isostni li kienet l-għażla li jittieħed perijodu ta’ tnax-il sena għall-kalkolu tar-rata ta’ imgħax reali medju, milli perijodu ta’ għoxrin sena, li wasslet għal kalkolu ta’ rata ta’ kontribuzzjoni nettament ogħla. Madankollu, skond ir-rapport ta’ l-attwarju EIS Belgium, li r-rikorrenti kien ordna li jsir, dan il-perijodu ta’ tnax-il sena huwa inqas xieraq.

65      Il-Parlament jikkunsidra li l-motiv ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità għandu jiġi ddikjarat inammissibbli, f’każ fejn dan ma ġiex ippreżentat b’mod ċar fl-ilment preliminari u f’każ fejn dan l-ilment ma inkluda ebda element li abbażi tiegħu l-Parlament seta’ jiddeduċi li r-rikorrent kellu l-intenzjoni li jinvoka l-motiv imsemmi.

66      Sussidjarjament, il-Parlament ifakkar li, skond il-ġurisprudenza, il-leġiżlatur għandu setgħa diskrezzjonali wiesgħa fil-qasam ekonomiku. Din il-ġurisprudenza tapplika wkoll għall-qasam statutorju, fir-rigward ta’ l-evalwazzjoni tal-bilanċ attwarjali ta’ l-iskema tal-pensjoni. B’konsegwenza, hija biss in-natura manifestament mhux xierqa ta’ miżura adottata f’dan il-qasam, meta mqabbla ma’ l-għan li l-istituzzjonijiet kompetenti għandhom intenzjoni li jilħqu, li tista’ taffettwa l-legalità ta’ miżura bħal din. Għalhekk, il-metodu ta’ l-Anness XII tar-Regolamenti tal-Persunal u l-kriterji tiegħu, b’mod partikolari, l-iffissar ta’ tnax-il sena għal perijodu ta’ referenza għall-kalkolu tar-rata ta’ imgħax reali medju, mhuwiex manifestament inadegwat fid-dawl ta’ l-għan li jrid jintlaħaq, jiġifieri li jiġi assigurat il-bilanċ attwarjali.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

–       Fuq il-medda ta’ l-istħarriġ ġudizzjarju eżerċitat mill-qorti fir-rigward tad-dispożizzjonijiet ta’ l-Anness XII tar-Regolamenti

67      Il-qorti Komunitarja teżerċita, bħala prinċipju, stħarriġ ġudizzjarju sħiħ fuq il-legalità tal-mertu ta’ l-att, jiġifieri stħarriġ ġudizzjarju li jirrigwarda kemm il-motivi ta’ dritt u ta’ fatt ta’ l-att kif ukoll fuq il-kontenut tiegħu. F’dan il-każ, il-qorti Komunitarja tivverifika b’mod partikolari l-validità ta’ l-evalwazzjonijiet ta’ fatt li saru mill-awtur ta’ l-att.

68      Madankollu, fl-oqsma li jimplikaw evalwazzjoni kumplessa, b’mod partikolari ta’ sitwazzjonijiet (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-19 ta’ Novembru 1998, Ir-Renju Unit vs Il-Kunsill, C-150/94, Ġabra p. I‑7235, punt 54) jew ta’ metodi statistiċi (ara għal adattament tal-koeffiċjenti ta’ korrezzjoni tal-pagi, is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-8 ta’ Novembru 2000, Bareyt et vs Il-Kummissjoni, T-158/98, ĠabraSP p. I‑A‑235 u II‑1085, punt 57, u tal-25 ta’ Settembru 2002, Ajour et vs Il-Kummissjoni, T-201/00 u T-384/00, ĠabraSP p. I‑A‑167 u II‑885, punt 48) kif ukoll fl-eżerċizzju ta’ responsabbiltajiet politiċi attribwiti mit-Trattati (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Settembru 2006, Spanja vs Il-Kunsill, C-310/04, Ġabra p. I‑7285, punt 96 ; is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ l-1 ta’ Diċembru 1999, Boehringer vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, T-125/96 u T-152/96, Ġabra p. II‑3427, punt 74), il-qorti rrikonoxxiet setgħa diskrezzjonali wiesgħa lill-istituzzjonijiet.

69      Għalhekk, filwaqt li tistħarreġ l-eżerċizzju ta’ din il-kompetenza, il-qorti għandha tillimita ruħha sabiex teżamina jekk l-att li huwa suġġett għall-istħarriġ ġudizzjarju tagħha huwiex ivvizzjat minn żball manifest jew minn abbuż ta’ poter, jew anke jekk l-istituzzjoni qabżitx b’mod manifest il-limitu tas-setgħa diskrezzjonali tagħha (ara s-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-25 ta’ Jannar 1979, Racke, 98/78, Ġabra p. 69, punt 5 ; tas-17 ta’ Jannar 1985, Piraiki-Patraiki et vs Il-Kummissjoni, 11/82, Ġabra p. 207, punt 40, u tal-25 ta’ Ottubru 2001, L-Italja vs Il-Kunsill, C-120/99, Ġabra p. I‑7997, punti 44 u 45).

70      Fil-każ preżenti, il-bilanċ attwarjali ta’ l-iskema Komunitarja tal-pensjoni, li l-Anness XII tar-Regolamenti tal-Persunal jiddefinixxi r-regoli tiegħu, jimplika t-teħid in kunsiderazzjoni fit-tul ta’ l-iżviluppi ekonomiċi u l-varjazzjonijiet finanzjarji u jeżiġi t-twettiq ta’ kalkoli statistiċi kumplessi. Huwa għalhekk li l-leġiżlatur Komunitarju għandu setgħa diskrezzjonali wiesgħa’ sabiex jadotta r-regoli tal-bilanċ attwarjali ta’ l-imsemmija skema tal-pensjoni. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet li l-Kunsill għandu setgħa diskrezzjonali wiesgħa sabiex jamministra skema Komunitarja tal-pensjoni ġdida, li tikkorrispondi mar-responsabbiltajiet politiċi li t-Trattat jassenjalu (sentenza Campoli vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punti 143 u 144).

71      Minn dak li ntqal jirriżulta li, fir-rigward tad-dispożizzjonijiet ta’ l-Anness XII tar-Regolamenti tal-Persunal, b’mod partikolari dawk ta’ l-Artikolu 10(2), li r-rikorrent jikkontesta permess ta’ eċċezzjoni, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jeżerċita biss stħarriġ ġudizzjarju ta’ l-iżball manifest ta’ evalwazzjoni.

72      Skond il-prinċipju ta’ proporzjonalità, il-legalità ta’ leġiżlazzjoni Komunitarja hija wkoll suġġetta għall-kundizzjoni li l-metodi li hija timplementa huma adatti sabiex jintlaħaq l-għan li huwa leġittimament imfittex mil-leġiżlazzjoni in kwistjoni u li ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex dan jintlaħaq, fid-dawl tal-fatt li, meta jkun hemm għażla bejn numru ta’ miżuri xierqa, bħala prinċipju għandu jkun hemm rikors għal dik l-inqas oneruża (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-5 ta’ Ġunju 1996, NMB France et vs Il-Kummissjoni, T 162/94, Ġabra p. II-427, punt 69, u l-ġurisprudenza ċċitata).

73      Madankollu, hija ġurisprudenza stabbilita li, fir-rigward ta’ qasam fejn il-leġiżlatur Komunitaru għandu, bħal fil-każ preżenti, setgħa diskrezzjonali wiesgħa li tikkorrispondi mar-responsabbiltajiet politiċi li t-Trattat jassenjalu, l-istħarriġ ta’ proporzjonalità huwa limitat għall-eżami tan-natura manifestament mhux xierqa tal-miżura in kwistjoni biss, meta mqabbla ma’ l-għan li l-istituzzjoni kompetenti għandha l-obbligu li ssegwi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza L-Italja vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, punti 44 u 45; is-sentenzi NMB France et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 70, u Campoli vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 143).

74      Fid-dawl ta’ l-istħarriġ ristrett eżerċitat mill-qorti fuq id-dispożizzjonijiet leġiżlattivi in kwistjoni, matul is-seduta, il-Kummissjoni staqsiet dwar il-preċiżjoni u t-teknikalità tal-mistoqsijiet bil-miktub kif ukoll dwar it-tifsira tat-talbiet sabiex jitressqu dokumenti, indirizzati mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku lill-partijiet u lill-intervenjenti, billi sostniet li r-rikorrent baqa’ ma ressaqx il-prova, kif kellu l-obbligu li jagħmel, li turi li f’dan il-każ, id-dritt superjuri ġie miksur mil-leġiżlatur Komunitarju. Skond din l-istituzzjoni, il-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura li ġew deċiżi mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jistgħu wkoll jippreġudikaw il-prinċipju ta’ l-osservanza tad-drittijiet tad-difiża, u t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jidħol f’riskju li jelabora, huwa stess, barra mill-argumenti tal-partijiet, is-soluzzjoni tal-kawża.

75      F’dan il-każ, argument bħal dan ma jistax jiġi aċċettat. Fil-fatt, tali stħarriġ ġudizzjarju eżerċitat f’dan il-każ, anke jekk għandu portata limitata, jirrikjedi li l-Kunsill, l-awtur ta’ l-att in kwistjoni, ikun f’pożizzjoni li jistabblixxi quddiem il-qorti Komunitarja li l-att kien gie adottat permezz ta’ eżerċizzju effettiv tas-setgħa diskrezzjonali tiegħu, li jippresupponi t-teħid in kunsiderazzjoni ta’ l-elementi u ċ-ċirkustanzi rilevanti kollha tas-sitwazzjoni li dan l-att kien intiż sabiex jirregola (sentenza tas-7 ta’ Settembru 2006, Spanja vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, punt 122).

76      Minn dan isegwi li l-Kunsill għandu, mill-inqas, jipprova jipproduċi u jesponi b’mod ċar u mhux ekwivoku, l-informazzjoni li kellha tiġi kkunsidrata sabiex jittieħdu l-miżuri kkontestati u li fuqhom kien jiddependi l-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tiegħu (sentenza tas-7 ta’ Settembru 2006, Spanja vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, punt 123).

77      Madankollu, in sostenn tal-motivi bbażati fuq l-iżball manifest ta’ evalwazzjoni u tal-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, ir-rikorrent ipprovda elementi suffiċjentement preċiżi, oġġettivi u konverġenti li ġġustifikaw il-fatt li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jintervjeni direttament fir-riċerka tal-provi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta’ Marzu 2001, Connolly vs Il-Kummissjoni, C-274/99 P, Ġabra p. I -611, punt 113), sabiex jiġi vverifikat jekk il-Kunsill kienx għamel użu manifestament żbaljat jew mhux xieraq tas-setgħa diskrezzjonali wiesgħa tiegħu.

78      Ir-rikorrent sostna l-argument tiegħu b’diversi dokumenti, jiġifieri total ta’ 47 dokument annessi man-noti differenti tiegħu, u wettaq permezz ta’ attwarju, EIS Belgium, studju komparattiv tal-metodi attwarjali użati mir-rapporti ta’ l-Eurostat ta’ Settembru 2003 u ta’ Settembru 2004. Għalhekk, huwa pproduċa l-massimu ta’ elementi għad-dispożizzjoni tiegħu u wkoll dokument li huwa ma kellux jipproduċi, li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ddeċieda li jneħħi mill-proċess, permezz ta’ digriet ta’ l-20 ta’ Ġunju 2006.

79      Min-naħa l-oħra, l-istituzzjonijiet ipproduċew spontanjament biss numru żgħir ta’ dokumenti jew ma pproduċew ebda dokument: il-Parlament ma pproduċa ebda Anness u l-Kunsill hemeż żewġ dokumenti man-nota ta’ intervent tiegħu.

80      Għalhekk, tnejn minn tliet studji attwarjali li minnhom ġiet elaborata r-reviżjoni ta’ l-iskema tal-pensjoni, jiġifieri l-istudju li sar mill-kumpannija KPMG, ta’ Diċembru 1998, u studju li sar mill-attwarju Watson Wyatt Brans & Co, ta’ Diċembru 2002, ma jidhrux fil-proċess minkejja li dawn ġew imsemmija ripetutament mill-partijiet u ċċitati, bħala eżempji, mill-Kunsill fin-nota ta’ intervent tiegħu. Minbarra dan, il-partijiet iddiskutew l-obbligi tal-Kunsill li jirriżultaw mid-Deċiżjoni tat-23 ta’ Ġunju 1981 u l-istandards internazzjonali tal-kontabbiltà IAS Nru 19, mingħajr ma pproduċew dawn it-testi. It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku talab ukoll li dawn id-dokumenti jiddaħħlu fil-proċess.

81      Barra minn hekk, peress li la l-Parlament u lanqas il-Kunsill ma indikaw fin-noti tagħhom, ir-raġunijiet li għalihom il-perijodu ta’ referenza ta’ tnax-il sena kien ġie magħżul mil-leġiżlatur, billi invokaw biss is-setgħa diskrezzjonali wiesgħa tal-Kunsill, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku qies li kellu l-obbligu jfittex dawn ir-raġunijiet fix-xogħlijiet preparatorji ta’ l-Anness XII tar-Regolamenti tal-Persunal u li b’konsegwenza, id-dokument, sabiex huwa wkoll ikun f’pożizzjoni li jevalwa, permezz ta’ l-għarfien tal-kwistjoni, il-mertu ta’ l-ilmenti bbażati fuq in-natura manifestament żbaljata jew manifestament inadegwata ta’ l-għażla ta’ dan il-perijodu ta’ referenza.

82      Minbarra dan, iċ-ċirkustanza li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, li qies lilu nnifsu insuffiċjentement ikkjarifikat dwar ċerti punti, kien iddeċieda, fl-interess ta’ l-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, li jindirizza lil-Parlament u lill-Kunsill diversi mistoqsijiet bil-miktub, ma tistax tiġi kkunsidrata bħala inkompatibbli mad-drittijet tad-difiża.

83      Fl-aħħar nett, għall-istess raġunijiet, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ddeċieda li kien neċessarju, fid-dawl tar-rwol tal-Kummissjoni, b’mod partikolari, ta’ l-Eurostat, fl-elaborazzjoni ta’ l-Anness XII tar-Regolamenti, li jindirizza mistoqsijiet lil din l-istituzzjoni wkoll.

–       Fuq il-perijodu ta’ referenza ta’ tnax-il sena

84      Kif jirriżulta mid-dispożizzjonijiet magħquda ta’ l-Artikolu 83a(1) u ta’ l-Artikolu 4(1) ta’ l-Anness ta’ l-imsemmija Regolamenti tal-Persunal, l-għan tal-metodu ta’ kalkolu espost f’dan l-anness huwa li jiżgura l-bilanċ attwarjali ta’ l-iskema Komunitarja tal-pensjoni. Skond l-Artikolu 1(1) u l-Artikolu 5 ta’ l-Anness XII tar-Regolamenti, ir-rata ta’ kontribuzzjoni mill-uffiċjali għandha tkun stabbilita fuq livell suffiċjenti sabiex tiffinanzja terz mill-ispiża taħt l-iskema tal-pensjoni, ikkalkolata fuq bażi attwarjali.

85      Bid-differenza ta’ l-iskemi magħrufa bħala “tqassim”, li l-bilanċ tagħhom li huwa ddefinit fid-dawl ta’ estimi, jintlaħaq jekk it-total tar-riżorsi li huma magħmula mill-kontribuzzjonijiet imħallsa minn min iħaddem u mill-impjegati matul is-sena jkopri t-total tal-benefiċċji mħallsa l-istess sena lill-pensjonanti, l-iskema Komunitarja tal-pensjoni hija bbilanċjata, fis-sens attwarjali ta’ l-Anness XII tar-Regolamenti, jekk il-livell tal-kontribuzzjonijiet li għandhom jitħallsu kull sena mill-uffiċjali f’impjieg attiv jippermetti li jiġi ffinanzjat l-ammont futur tad-drittijiet li dawn l-uffiċjali jkunu akkwistaw matul l-istess sena. Għalhekk, għad-differenza ta’ l-approċċ ta’ l-estimi, l-approċċ attwarjali jħares lejn il-finanzjament ta’ l-iskema tal-pensjoni fit-tul. L-Artikolu 83(2) tar-Regolamenti tal-Persunal jipprovdi li l-uffiċjali għandhom jikkontribwixxu terz ta’ l-ispiza biex tkun iffinanzjata din l-iskema tal-pensjoni, u ż-żewġ terzi l-oħra huma mħallsa mill-istituzzjonijiet.

86      L-Anness XII tar-Regolamenti juża’ l-metodu magħruf bħala “previżjonijiet ta’ l-unità ta’ kreditu”, li huwa rrakkomandat mill-istandards internazzjonali tal-kontabbiltà IAS Nru 19. Skond dan il-metodu, is-somma tal-valuri attwarjali tad-drittijiet tal-pensjoni miksuba minn persuni attivi f’sena, imsejħa mill-attwarjali “prezz tas-servizz”, hija mqabbla mat-total annwali tas-salarju bażiku tagħhom. Ir-rata ta’ kontribuzzjoni ta’ l-uffiċjali tammonta għal terz ta’ dan il-proporzjon, b’kunsiderazzjoni għall-kriterju ta’ tqassim tal-finanzjament kif jirriżulta mill-Artikolu 83(2) tar-Regolamenti tal-Persunal. Il-kalkolu tal-prezz tas-servizz jirrikjedi suppożizzjonijiet attwarjali, jiġifieri l-istima tal-valur futur ta’ numru ta’ kriterji (rata ta’ imgħax, mortalità, progress tas-salarju, eċċ.). Sabiex jittieħdu in kunsiderazzjoni l-valuri effettivament osservati, l-osservanza tal-bilanċ attwarjali jeħtieġ aġġustament perjodikui ta’ dawn is-suppożizzjonijiet li l-Artikolu 1(2) ta’ l-Anness XII jipprevedi li jwettaq kull sena.

87      Kif enfasizzaw il-partijiet u l-intervenjenti kollha, ir-rata ta’ kontribuzzjoni tal-pensjonijiet hija, b’mod partikolari, sensittiva ħafna għall-varjazzjonijiet tar-rati ta’ imgħax reali użati għall-kalkolu attwarjali. It-teħid in kunsiderazzjoni tar-rata ta’ imgħax reali baxx iwassal għal żieda sinjifikattiva tar-rata ta’ kontribuzzjoni tal-pensjonijiet. Bil-kontra, jekk jittieħdu rati ta’ imgħax reali għoljin għall-finijiet tal-kalkolu attwarjali, dan għandu l-effett li jnaqqas ir-rata ta’ kontribuzzjoni b’mod sinjifikattiv. Fid-dawl ta’ din is-sensittività tar-rata ta’ kontribuzzjoni għall-varjazzjonijiet tar-rati ta’ imgħax reali u sabiex jiġu evitati emendi frekwenti u wkoll bidliet drastiċi tar-rata ta’ kontribuzzjoni, l-attwarji jirrakkomandaw l-użu ta’ rata ta’ imgħax reali medju kkalkolata għal perijodu twil.

88      Għalhekk, l-Artikolu 10(2) ta’ l-Anness XII tar-Regolamenti tal-Persunal jiddefenixxi r-rata ta’ imgħax li għandha tittieħed in kunsiderazzjoni għall-kalkolu attwarjali bħala l-medja tar-rati ta’ imgħax reali medji tat-tnax-il sena qabel is-sena kurrenti.

89      Ir-rikorrent jikkontesta l-għażla ta’ dan il-perijodu. Huwa jsostni, ġustament, li l-istudji attwarjali kollha li kellu l-Kunsill sabiex jadotta l-metodu ta’ l-Anness XII tar-Regolamenti tal-Persunal kienu adottaw perijodu itwal, ta’ għoxrin sena, għall- kalkolu tar-rata ta’ imgħax reali medju. Fil-fatt, dan huwa l-każ ta’ l-istudju tal-kumpannija KPMG ta’ Diċembru 1998, ta’ l-istudju ta’ l-attwarji Watson Wyatt Brans & Co ta’ Diċembru 2002 kif ukoll ir-rapport ta’ l-Eurostat ta’ Settembru 2003. Għalhekk, jidher li l-Anness XII tar-Regolamenti tal-Persunal ma jiħdux kunsiderazzjoni ta’ dan il-punt tal-prassi abitwali ta’ l-attwarji.

90      Barra minn hekk, il-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura meħuda mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ppermettew li jiġi stabbilit li l-Kunsill ma kellux, matul l-adozzjoni ta’ l-Anness XII tar-Regolamenti tal-Persunal, studju attwarjali ta’ l-iskema Komunitarja tal-pensjoni li sar billi ttieħed perijodu ta’ tnax-il sena. Min-naħa l-oħra, jirriżulta mill-minuti tal-laqgħa tal-grupp ta’ xogħol “Artikolu 83” tas-7 ta’ Ġunju 2004, li huwa anness mar-replika, li l-perijodu tnaqqas minn għoxrin għal tnax-il sena “wara negozjati politiċi”.

91      Wara li sostna biss, fin-nota ta’ intervent tiegħu, li l-għażla tal-perijodu ta’ tnax-il sena taqa’ taħt is-setgħa diskrezzjonali wiesgħa tiegħu, il-Kunsill spjega, bħala risposta għal mistoqsija bil-miktub tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, ir-raġunijiet li għalihom huwa ma żammx mal-prassi attwarjali segwita mit-tliet studji li huwa kellu : l-għażla tal-perijodu ta’ tnax-il sena li hija r-riżultat ta’ kompromess, approvata mill-organizzazzjonijiet rappreżentattivi tal-persunal, bejn perijodu ta’ għoxrin sena propost mill-Kummissjoni u perijodu ta’ ħames snin mixtieq minn ċerti Stati Membri.

92      Id-dokumenti tal-proċess, b’mod partikolari, id-dokumenti informali (“non-paper”) tal-Presidenza tal-Kumitat tar-Rappreżentanti Permanenti (Coreper) tat-23 ta’ Settembru 2003, li ġew ippreżentati mill-Kunsill bħala risposta għal talba għal dokumenti indirizzata mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, jippermettu li dawn l-argumenti jiġu kkompletati. Peress li r-rati ta’ imgħax annwali kienu partikolarment baxxi matul is-snin qabel l-2004, ir-rata ta’ imgħax reali medju setgħet tkun ftit għola kieku ġiet ikkalkolata fuq perijodu qabel din is-sena. Safejn din ir-rata sservi sabiex jiġi kkalkolat il-valur futur tal-kontribuzzjonijiet imħallsa mill-uffiċjali matul is-sena kurrenti, iktar ma r-rata hija baxxa, iktar il-kontribuzzjonijiet ta’ l-uffiċjali għandhom ikunu għolja sabiex jiġi assigurat bilanċ attwarjali tas-sistema. Għalhekk, mid-dokumenti informali tat-23 ta’ Settembru 2003 jirriżulta li, minbarra l-fatt li l-affarijiet l-oħra huma l-istess, l-għażla ta’ perijodu ta’ ħames snin għall-kalkolu tar-rata ta’ l-imgħax reali medju kienet wasslet għal rata ta’ kontribuzzjoni ta’ 12.4 % fl-1 ta’ Jannar 2004 minflok ta’ 8,9 %, kieku ttieħed perijodu ta’ għoxrin sena. Minn dan il-paragun jirriżulta li t-tqassir tal-perijodu ta’ referenza, finalment imnaqqas għal tnax-il sena, kien ġie deċiż sabiex tinkiseb żieda immedjata iktar sinjifikattiva tar-rata ta’ kontribuzzjoni ta’ l-uffiċjali.

93      Minkejja dan, din il-konstatazzjoni mhijiex ta’ natura li turi l-perijodu ta’ tnax-il sena bħala kriterju manifestament żbaljat jew manifestament inadegwat għall-finijiet tal-kalkolu attwarjali.

94      Fil-fatt, l-ewwel nett, jekk l-attwarji japplikaw, minflok, perijodu ta’ għoxrin sena, il-prassi tagħhom ma għandhiex valur ta’ norma obbligatorja. B’mod partikolari, l-istandard internazzjonali tal-kontabbiltà IAS Nru 19, invokat mir-rikorrent, li ma għandux portata vinkolanti għal-leġiżlatur Komunitarju, ma jirrakkommandax tqarrib tar-rata ta’ imgħax reali medju matul perijodu stabbilit.

95      It-tieni nett, kif ġie espost fil-punt 87 tas-sentenza preżenti, il-kalkolu tal-medja tar-rata ta’ imgħax fuq perijodu stabbilit qabel is-sena kurrenti għandu l-għan li jevita li r-rata ta’ kontribuzzjoni tvarja kull sena skond ir-rata ta’ imgħax annwali. Iżda l-fatt li tiġi użata medja fuq tnax-il sena minflok medja fuq għoxrin sena ma jippreġudikax il-bilanċ attwarjali.

96      Huwa ċert li l-Kunsill jammetti huwa stess fin-nota ta’ intervent tiegħu li t-tnaqqis tan-numru ta’ snin li għandhom jittieħdu in kunsiderazzjoni fil-kalkolu tar-rata ta’ imgħax reali medju jagħmluh, u miegħu wkoll ir-rata ta’ kontribuzzjoni għall-pensjonijiet, “iktar volatili”. L-għan tal-perijodu ta’ referenza kien preċiżament li jillimita l-volatilità tar-rata ta’ kontribuzzjoni, u l-perijodu ta’ għoxrin sena jidher, b’konsegwenza, iktar xieraq minn dak ta’ tnax-il sena, kif jenfasizza l-istudju attwarjali ta’ EIS Belgium li r-rikorrent inserixxa fil-proċess.

97      Madankollu, l-għażla ta’ perijodu ta’ referenza ta’ tnax-il sena ma taffettwax il-validità tal-metodu attwarjali stabbilit mill-Kunsill. Minn naħa, il-valur prospettiv ta’ rata ta’ imgħax reali medju kkalkolata fuq perijodu fil-passat hija, f’kull każ, approssimattiva, ikun kemm ikun twil dan il-perijodu. Min-naħa l-oħra, kif intqal iktar ’il fuq, il-perijodu ta’ referenza ma jistax jaffettwa l-bilanċ attwarjali, bil-kundizzjoni li l-kriterju mhuwiex emendat għal perijodu twil. Kif espona matul is-seduta l-uffiċjal ta’ l-Eurostat, huwa biss jekk, fil-futur, dan il-perijodu jkun, b’kunsiderazzjoni ta’ l-evoluzzzjoni tar-rata ta’ imgħax, imtawwal jew imnaqqas sabiex jinżamm livell baxx tar-rata ta’ imgħax reali medju użat fil-kalkolu attwarjali u, b’konsegwenza, għal livell għoli ta’ rata ta’ kontribuzzjoni ta’ l-uffiċjali, li l-għan tal-metodu ta’ kalkolu jista’ jitqiegħed f’dubju u li l-għan li jiġi assigurat il-bilanċ attwarjali fuq fondamenti trasparenti u inkostestabbli jiġi affettwat.

98      Minn dak li ntqal jirriżulta li l-perijodu ta’ tnax-il sena, imsemmi fl-Artikolu 10(2) u l-Artikolu 4(6) ta’ l-Anness XII tar-Regolamenti tal-Persunal la huwa manifestament żbaljat u lanqas manifestament inadegwat. Għalhekk, il-motivi bbażati fuq il-fatt li l-metodu attwarjali ta’ l-Anness XII tar-Regolamenti tal-Persunal huwa vvizzjat minħabba dan il-punt ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni u ta’ ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, għandhom jiġu miċħuda, mingħajr ma hemm il-bżonn, b’konsegwenza, li tingħata deċiżjoni fuq it-talbiet ta’ inammissibbiltà mqajma kontra dawn il-motivi.

 Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq abbuż tal-poter

 L-argumenti tal-partijiet

99      Ir-rikorrent jesponi li l-metodu ta’ kalkolu ta’ l-Anness XII tar-Regolamenti tal-Persunal, allegatament elaborat sabiex jiġi assigurat il-bilanċ attwarjali ta’ l-iskema Komunitarja tal-pensjoni, kellu, fil-verità, jiġi mfassal sabiex jiġġustifika żieda tar-rata ta’ kontribuzzjoni ta’ l-uffiċjali għall-iskema ta’ pensjoni. L-għan ta’ dan l-argument huwa, minn naħa, li d-defiċit ta’ l-iskema tal-pensjoni jiġi sostnut mill-uffiċjali, li żdied minħabba l-fatt li l-Istati Membri naqsu għal żmien twil milli jħallsu l-kontribuzzjoni tagħhom għall-iskema, u min-naħa l-oħra, li tiġi allinjata s-sistema Komunitarja mas-sistemi nazzjonali, li huma inqas vantaġġużi.

100    Min-naħa, l-Anness XII tar-Regolamenti tal-Persunal jmur kontra l-Artikolu 83(4) tar-Regolamenti tal-Persunal il-qodma, li pprovda li l-kontribuzzjoni ta’ l-uffiċjali għall-iskema ma setgħetx tiġi miżjuda ħlief sabiex jiġi assigurat il-bilanċ attwarjali ta’ l-iskema tal-pensjoni, u min-naħa l-oħra, huwa vvizzjat minn applikazzjoni ħażina tal-proċedura.

101    L-Istati Membri kellhom l-intenzjoni li jiffinanzjaw id-defiċit ta’ l-iskema tal-pensjoni mill-uffiċjali, minkejja li dan mhuwiex imputabbli fuqhom. L-eżistenza ta’ defiċit li kien jeżisti qabel ir-reviżjoni statutorja tirriżulta mir-rapport tar-Relatur Ġenerali tal-Kumitat għall-Baġits tal-Parlament, is-Sinjura Dührkop Dührkop, dwar il-progett ta’ estimi ġenerali ta’ l-Unjoni Ewropea għas-sena 1999 (iktar ’il quddiem ir-“rapport Dührkop Dührkop”), li stabbilixxa dan id-defiċit għal EUR 14,3 biljun fil-31 ta’ Diċembru 1997. Dan ir-rapport ikkonstata li, sa l-1997, l-Istati Membri ma ħallsux, jew ma ħallsux għal kollox, il-parti tal-kontribuzzjonijiet għall-iskema ta’ pensjoni li kien responsabbli minnha min iħaddem. Sa l-1982, ebda kontribuzzjoni ta’ min iħaddem għall-iskema tal-pensjoni ma ġiet imħallsa u, mill-1982 sa l-1998, din il-kontribuzzjoni ġiet imħallsa parzjalment. Skond ir-rapport Dührkop Dührkop, “peress li n-numru ta’ l-uffiċjali tal-Komunità baqa’ jiżdied, maż-żieda fl-estensjoni tal-kompetenzi tal-Komunità u t-tkabbir ta’ l-Unjoni […], ir-‘rendiment bijoloġiku’ tas-sistema kien, sa data reċenti, biżżejjed sabiex iżomm il-bilanċ ta’ l-iskema, jiġifieri li l-kontribuzzjonijiet kollha mħallsa skond l-iskema tal-pensjoni[jiet] ma kinux superjuri għas-somma tal-kontribuzzjonijiet ta’ l-uffiċjali u ta’ min iħaddem [;] [li[ barra minn hekk, sa l-1982, il-kontribuzzjoni tas-salarju li tammonta għal terz tal-finanzjament kienet waħedha suffiċjenti sabiex tkopri l-kontribuzzjonijiet kollha mħallsa għall-iskema tal-pensjoni [;] fl-1998, il-kontribuzzjonijiet kollha mħallsa [qabżu] it-total teoretiku […] tal-[kontribuzzjonijiet] tas-salarji għall-pensjoni, […] ta’ min iħaddem ipotetikament jew nominalment u […] tal-fidwa tad-drittijiet għal pensjoni miksuba skond l-iskemi nazzjonali”.[traduzzjoni mhux uffiċjali]

102    Il-metodu stabbilit fl-Anness XII tar-Regolamenti tal-Persunal huwa r-riżultat ta’ “negozjati politiċi”, fejn numru ta’ Stati Membri talbu li n-nefqa eċċessiva ta’ l-iskema tal-pensjoni tiġi mħallsa mill-uffiċjali. Il-proposta inizjali ta’ l-Anness XII tar-Regolamenti tal-Persunal indirizzata lill-Kunsill mill-Kummissjoni pproponiet biss prinċipji importanti, iżda wara li ġie kkonstatat li l-metodoloġija stabbilita fl-2003 ma ssodisfatx l-għan prinċipali taż-żieda tar-rata ta’ kontribuzzjoni, ġie deċiż li jiġi inkluż metodu ddettaljat ġdid fl-imsemmi Anness XII, bi kriterji arbitrarji. Huwa għalhekk li ż-żidiet tar-rata ta’ kontribuzzjoni mill-uffiċjali previsti mir-Regolamenti tal-Persunal ma jistgħux jiġu dedotti mill-istudji li saru mill-Eurostat fl-2003 skond l-istandards internazzjonali tal-kontabilità IAS Nru 19 u ma għandhomx bħala għan uniku li jiġi assigurat il-bilanċ attwarjali ta’ l-iskema.

103    Fir-risposta tiegħu, il-Parlament josserva li, billi qed jiġi allegat li l-Anness XII tar-Regolamenti tal-Persunal huwa illegali, ir-rikorrent jinvoka l-motiv ibbażat fuq il-ksur tat-Trattati jew regola li hija superjuri għad-dispożizzjonijiet inklużi fl-imsemmi Anness XII. Madankollu, ir-rikorrent baqa’ ma ppreċiżax liema regola superjuri għal dan l-Anness kienet ġiet applikata b’mod żbaljat. Fil-fatt, id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 83(4) tar-Regolamenti tal-Persunal il-qodma ma għandhomx valur legali superjuri għad-dispożizzjonijiet ġodda adottati mill-Kunsill, taħt il-forma ta’ l-Anness XII tar-Regolamenti tal-Persunal. Għaldaqstant, fin-nuqqas ta’ bażi ġuridika speċifika, il-motiv huwa inammissibbli. Fis-sitwazzjoni fejn dan il-motiv għandu jiġi interpretat bħala denunzja ta’ l-applikazzjoni ħażina tal-proċedura, il-Parlament jenfasizza li dan ma kienx ġie espressament ippreżentat fl-istadju ta’ l-ilment preliminari u għandu wkoll jiġi miċħud bħala inammissibbli.

104    Fuq il-mertu, il-Parlament isostni li ż-żieda tar-rata ta’ kontribuzzjoni ta’ l-uffiċjali kienet neċessarja sabiex jinżamm il-bilanċ attwarjali ta’ l-iskema Komunitarja tal-pensjoni. Din iż-żieda, deċiża mill-Kunsill, kienet ġiet adottata fuq proposta tal-Kummissjoni bbażata fuq rapport dwar l-evalwazzjoni attwarjali ta’ l-iskema tal-pensjoni. Skond dan ir-rapport, “sabiex jiġi assigurat il-bilanċ ta’ l-iskema tal-pensjoni, ir-rata ta’ kontribuzzjoni neċessarja sabiex tiffinanzja terz tal-kontribuzzjonijiet previsti mill-iskema [Komunitarja] tal-pensjoni […] [kienet] tilħaq 10,43 % tas-salarju”. Għalhekk, iż-żieda tar-rata ta’ kontribuzzjoni kellha bħala bażi studju attwarjali li sar skond il-prinċipji ta’ l-Anness XII tar-Regolamenti tal-Persunal u skond il-prassi attwarjali li huma ġeneralment aċċettati.

105    Fl-aħħar nett, il-Parlament ifakkar li abbuż tal-poter jeżisti biss jekk, abbażi ta’ indizji oġġettivi, rilevanti u konkordanti, l-att ikkontestat ikun ġie adottat bl-għan esklużiv, jew mill-inqas determinanti, li jintlaħqu għanijiet oħra barra dawk eċċepiti. Madankollu, ir-rikorrent ma weriex li s-saldu tad-defiċit finanzjarju ta’ l-iskema tal-pensjoni kien ikkostitwixxa l-għan esklużiv jew determinanti ta’ l-adozzjoni ta’ l-Anness XII tar-Regolamenti tal-Persunal, u lanqas li l-adozzjoni ta’ dan l-Anness kienet intiża għal għan esklużiv jew determinanti li tiġi allinjata ’l isfel l-iskema Komunitarja tal-pensjoni, sabiex jiġu approssimati l-iskemi nazzjonali. F’dan ir-rigward, il-Parlament isostni li d-dokumenti ppreżentati mir-rikorrent ma jikkostitwixxu ebda indizju suffiċjenti li jippermetti li jintwera b’mod ċert li l-Anness XII tar-Regolamenti tal-Persunal huwa intiż għal finijiet oħra minn dawk eċċepiti. Anki jekk jitqies, quod non, li kien hemm “negozjati politiċi”, kif jallega r-rikorrent, l-għan prinċipali ta’ l-Anness XII tar-Regolamenti tal-Persunal kien l-adozzjoni ta’ proċedura li tippermetti li jiġi assigurat il-bilanċ attwarjali ta’ l-iskema tal-pensjoni.

106    Fir-replika tiegħu, ir-rikorrent jikkunsidra li huwa invoka impliċitament l-applikazzjoni ħażina tal-proċedura fl-ilment preliminari tiegħu, minkejja li l-argumenti tiegħu ma kinux ifformulati f’termini strettament ġuridiċi. Skond il-ġurisprudenza, ma jistax ikun meħtieġ li l-ilmenti invokati in sostenn ta’ l-ilment preliminari jiġu fformulati f’dawn it-termini.

107    Ir-rikorrent jirreferi għall-istudju li huwa kien ordna mingħand l-attwarju EIS Belgium, li analizza l-bidla tal-metodu attwarjali, li sar bejn l-2003 u l-2004 u d-differenza tar-riżultati miksuba minn dan il-metodu u metodi oħra. Minkejja t-talbiet tar-rikorrent, il-Parlament ma pprovda ebda spjegazzjoni dwar ir-raġunijiet ta’ din il-bidla fil-metodu. Ir-rikorrent jissuġġerixxi li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jitlob il-produzzjoni tad-dokumenti li jispjegaw din il-bidla.

108    Kuntrarjament għal dak li jallega l-Parlament, ir-rapport magħmul fl-2004 minn Ernst & Young Actuaires-Conseils, fuq talba ta’ l-Eurostat, ma jaffermax li l-metodu inkluż fl-Anness XII tar-Regolamenti tal-Persunal huwa konformi mal-prassi attwarjali. Dan ir-rapport kien ikkonsista biss f’verifika tal-bilanċ attwarjali kif stabbilit fl-Anness XII tar-Regolamenti tal-Persunal, fuq bażi ta’ l-informazzjoni pprovduta mill-Eurostat.

109    Ir-rikorrent jikkontesta li l-leġiżlatur jista’ jiddeċiedi b’mod diskrezzjonarju l-metodu ta’ kalkolu tal-bilanċ attwarjali. Peress li huwa jirreferi għal bilanċ attwarjali, il-leġiżlatur kellu jirrispetta l-prinċipji użati mill-ispeċjalisti għall-kalkolu tiegħu.

110    Fin-nota ta’ intervent tiegħu, il-Kunsill jesponi li l-metodi ta’ kalkolu adottati fl-Anness XII tar-Regolamenti tal-Persunal huma esklużivament intiżi għall-għan, li huwa komuni għar-Regolamenti tal-Persunal kemm qodma u dawk ġodda, li jiġi assigurat bilanċ attwarjali ta’ l-iskema tal-pensjoni.

111    Il-Kunsill isostni l-argumenti tal-Parlament. Barra minn hekk, huwa jikkunsidra li, b’kunsiderazzjoni tan-natura ta’ l-iskema tal-pensjoni ta’ l-uffiċjali Komunitarji, l-argumenti tar-rikorrent dwar allegata insuffiċjenza tal-kontribuzzjonijiet ta’ l-Istati Membri huma żbaljati. Mhemmx “kontribuzzjonijiet” mill-Istati Membri sa ċertu perċentwali tat-total tal-pensjonijiet, kif dan seta’ kien il-każ fis-sistema ta’ fondi tal-pensjoni. Min-naħa l-oħra, l-Istati Membri għandhom l-obbligu li jiffinanzjaw l-estimi tal-Komunitajiet, b’mod li dawn l-estimi jistgħu jiżguraw il-ħlas tal-pensjonijiet, ikun kemm ikun l-ammont tagħhom.

112    Matul l-adozzjoni tar-Regolament Nru 723/2004, il-Kunsill qies li fir-Regolament kellu jiġi inkluż metodu li jiggarantixxi l-bilanċ attwarjali ta’ l-iskema Komunitarja tal-pensjoni. Minkejja dan, fid-dawl tal-varjabbiltà tal-kriterji ekonomiċi li għandhom jittieħdu in kunsiderazzjoni, il-Kunsill għandu marġni diskrezzjonjali sabiex jiddefinixxi dan il-metodu. Madankollu, ir-rikorrent ma spjegax kif il-metodu previst fl-Anness XII tar-Regolamenti tal-Persunal kien qabeż dan il-marġni diskrezzjonali u lanqas liema dispożizzjoni ta’ l-imsemmi Anness XII kellha tiġi adottata sabiex jintużaw il-kontribuzzjonijiet ta’ l-uffiċjali fl-iskema tal-pensjoni għal għanijiet oħra minbarra l-garanzija tal-bilanċ attwarjali.

113    Ir-rikorrent ma għandux bażi sabiex isostni, filwaqt li jirreferi għar-rapport ta’ l-Eurostat ta’ Settembru 2003, b’mod partikolari għall-analiżi statistika magħmula fil-punt 8.2.3.1. tiegħu, li r-rata ta’ kontribuzzjoni ta’ l-uffiċjali li għandha tiġi applikata sabiex jiġi assigurat il-bilanċ attwarjali kellha tkun inferjuri għal dik li ġiet finalment adottata mir-Regolamenti tal-Persunal, jiġifieri 9.25 %. Fil-fatt, ċerti miżuri tar-Regolamenti tal-Persunal, bħat-tnaqqis tal-perċentwali ta’ l-akkwist annwali tad-drittijiet tal-pensjonijiet (1,9 % minflok 2 %), ma jipproduċux l-effetti tagħhom fis-sens ta’ tnaqqis tar-rata tal-kontribuzzjoni ħlief għal żmien twil. Hekk ukoll, parti kbira tal-bidliet previsti mir-Regolamenti tal-Persunal għandhom effett immedjat żgħir, peress li mhumiex applikabbli jew mhumiex applikabbli għal kollox għall-uffiċjali rreklutati qabel id-dħul fis-seħħ tar-Regolamenti tal-Persunal. Min-naħa l-oħra, il-bdil tar-regoli fir-rigward tal-kalkolu ta’ l-imgħax reali li għandu jintuża fil-kalkoli attwarjali (medja fuq tnax-il sena minflok għoxrin sena) kellu effett immedjat fuq ir-rata ta’ kontribuzzjoni kkalkolata.

114    Fl-osservazzjonijiet tiegħu dwar in-nota ta’ intervent tal-Kunsill, ir-rikorrent isostni li huwa l-metodu ta’ l-Anness XII tar-Regolamenti tal-Persunal fl-intier tiegħu li ġie mfassal b’mod li jiġġustifika żieda tar-rata ta’ kontribuzzjoni. Għalhekk, ir-rata ta’ kontribuzzjoni ġiet stabbilita għal 9.25 % minkejja li l-istudju ta’ l-Eurostat ta’ Settembru 2003 kien jindika b’mod ċar li rata ta’ kontribuzzjoni ta’ 8,91 % kienet suffiċjenti sabiex tiggarantixxi l-bilanċ attwarjali u ppreveda wkoll li d-dħul fis-seħħ tar-Regolamenti tal-Persunal il-ġodda jippermetti li din ir-rata titnaqqas għal madwar 8,7 %.

115    Il-marġni diskrezzjonali tal-leġiżlatur Komunitarju ma tiġġustifikax dak li mhuwiex raġonevoli. F’dan ir-rigward, il-Kunsill ma pprovda ebda spjegazzjoni dwar l-għażla tal-leġiżlatur li jqassar il-perijodu ta’ referenza minn għoxrin għal tnax-il sena fir-rigward tal-kalkolu ta’ imgħax reali medju stabbbilit mill-medja tar-rata ta’ imgħax reali matul il-perijodu ta’ referenza.

116    Fil-kontroreplika tiegħu, il-Parlament isostni li l-qorti Komunitarja teżerċita stħarriġ ġudizzjarju limitat għall-iżbalji manifesti jew gravi meta din tistħarreġ il-legalità ta’ regola leġiżlattiva Komunitarja li għandha kunsiderazzjonijiet kumplessi. Għalhekk, l-istudju ta’ EIS Belgium, prodott mir-rikorrent, ma wera ebda żball gravi jew manifest fl-Anness XII tar-Regolamenti tal-Persunal. Fir-rigward tal-perijodu ta’ tnax-il sena, li jinsab f’dan l-Anness għall-kalkolu tar-rata ta’ imgħax reali medja, l-awtur ta’ dan l-istudju kien kuntent li jindika li perijodu ta’ għoxrin sena seta’ kien iktar adegwat. Fil-fatt, ebda standard ta’ kontabbiltà ma jipprojbixxi li jintuża perijodu ta’ referenza ta’ tnax-il sena għal dan il-kalkolu.

117    Ir-raġuni li għaliha l-metodu użat mir-rapport ta’ l-Eurostat ta’ Settembru 2003 ma ġiex finalment adottat hija sempliċi: il-leġiżlatur kien għamel użu mill-marġni diskrezzjonali li huwa għandu sabiex jagħżel il-metodu tal-kalkolu tal-bilanċ attwarjali.

 Il-kunsiderazzjonijiet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku

118    Preliminarjament, għandu jiġi miċħud l-argument ibbażat fuq il-fatt li l-Anness XII tar-Regolamenti tal-Persunal imur kontra l-Artikolu 83(4) tar-Regolamenti tal-Persuanl il-qodma. Peress li dawn id-dispożizzjonijiet ġew imħassra mad-dħul fis-seħħ tar-Regolamenti tal-Persunal, fi kwalunkwe każ, ir-rikorrent ma għandux bażi sabiex isostnihom (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-17 ta’ Settembru 1997, Antillean Rice Mills vs Il-Kummissjoni, T 26/97, Ġabra p. II- 1347, punti 14 sa 16).

119    Kif il-Qorti ddeċidiet diversi drabi, att huwa vvizzjat minħabba abbuż ta’ poter biss jekk fuq il-bażi ta’ provi oġġettivi, rilevanti u konkordanti, jidher li dan ġie adottat esklużivament jew almenu b’mod determinati, sabiex jintlaħqu għanijiet differenti minn dawk li huwa jiddikjara jew sabiex tiġi evitata proċedura speċjalment prevista mit-Trattat (ara s-sentenza tal-21 ta’ Ġunju 1958, Groupement des hauts fourneaux et aciéries belges vs L-Awtorità Għolja, 8/57, Ġabra p. 223, 256 ; ara wkoll, fir-rigward ta’ l-atti tal-leġiżlatur Komunitarju, is-sentenzi ta’ l-10 ta’ Marzu 2005, Spanja vs Il-Kunsill, C 342/03, Ġabra p. I-1975, punt 64, u tas-7 ta’ Settembru 2006, Spanja vs Il-Kunsill, iċċitata, punt 69).

120    L-għan ta’ l-Anness XII tar-Regolamenti, hekk kif ġie espost fil-punt 84 ta’ din is-sentenza u kif jirriżulta wkoll mill-premessa 28 tar-Regolament Nru 723/2004 huwa li tiġi assigurata ż-żamma tal-bilanċ attwarjali ta’ l-iskema Komunitarja tal-pensjoni fir-rispett tal-kriterju ta’ tqassim previst għall-finanzjament ta’ din l-iskema, billi tiġi kkalkolata r-rata ta’ kontribuzzjoni mill-uffiċjali li hija suffiċjenti sabiex tiffinanzja terz tal-prezz tas-servizz.

121    Għalhekk, ir-rikorrent isostni li l-miżuri adottati mill-Kunsill, b’mod partikolari, l-għażla li tiġi kkalkolata r-rata ta’ imgħax reali medju fuq tnax-il sena minflok għoxrin sena, ma kinux jaqblu ma’ l-għan li din l-istituzzjoni sostniet li xtaqet tilħaq, peress illi preokkupazzjonijiet finanzjarji immedjati wassluha sabiex tistabbilixxi, fuq bażijiet l-iżjed oġġettivi, il-kalkolu tal-bilanċ attwarjali.

122    F’dan ir-rigward, indipendentement miċ-ċaħdiet, anke jekk sodi, li għamel il-Kunsill matul is-seduta, mid-dokumenti tal-proċess jirriżulta li kunsiderazzjonijiet finanzjarji effettivament saru fl-għażla tal-perijodu ta’ tnax-il sena, kif diġà ġie espost fil-punt 92 ta’ din is-sentenza.

123    L-ewwel nett, din l-għażla tidderoga mill-prassi abitwali fil-qasam tal-kalkolu attwarjali, li tikkonsisti fil-kalkolu ta’ medja tar-rata ta’ imgħax fuq perijodu itwal, ta’ għoxrin sena, bl-għan li tinkiseb l-aħjar tqarrib tal-varjabbiltà. Fit-tieni lok, mill-istudju li sar mill-Eurostat f’Settembru 2003 jirriżulta li żieda tar-rata ta’ kontribuzzjoni għal 8,9 %, jew għal 8,7 %, b’kunsiderazzjoni għall-emendi statutorji maħsuba, kienet suffiċjenti fl-1 ta’ Jannar 2004 sabiex tassigura l-bilanċ attwarjali ta’ l-iskema tal-pensjoni, kieku nżammet ir-rata ta’ imgħax reali medju kkalkolata fuq perijodu ta’ għoxrin sena qabel is-sena kurrenti. Fit-tielet lok, l-istudju li sar mill-atttwarju EIS Belgium kien wera li l-għażla tal-perijodu ta’ referenza tispjega essenzjalment li l-Eurostat seta’ kkalkola, fir-rapport tiegħu ta’ Settembru 2004, rata ta’ kontribuzzjoni ta’ 10.43 %. Fl-aħħar nett, ix-xogħlijiet preparatorji tar-reviżjoni tal-pensjonijiet, b’mod partikolari n-nota tal-Kunsill tas-7 ta’ Marzu 2003, mehmuża mar-rikors, juru l-volontà sostnuta minn numru ta’ Stati Membri sabiex tiżdied il-kontribuzzjoni mill-uffiċjali bl-għan li tonqos in-nefqa ta’ l-estimi ta’ l-iskema tal-pensjoni.

124    Madankollu, jidher li l-kunsiderazzjonijiet finanzjarji ma affettwawx b’mod determinanti l-metodu ta’ l-Anness XII tar-Regolamenti tal-Persunal. Fil-fatt, l-inklużjoni fir-Regolamenti tal-Persunal ta’ metodu attwarjali tipprekludi li l-kontribuzzjonijiet mill-uffiċjali jiġu mibdula skond is-sitwazzjoni finanzjarja, peress li huwa meta mqabbel mal-bżonnijiet futuri tal-finanzjament ta’ l-iskema tal-pensjoni, stabbiliti oġġettivament skond il-metodu attwarjali msemmi, li huma kkalkolati l-kontribuzzjonijiet tas-sena kurrenti.

125    Il-kalkolu tar-rata ta’ imgħax reali medju fuq perijodu ftit jew wisq twil ma jinfluwenzax, kif ġie espost fil-punti 95 sa 97 ta’ din is-sentenza, il-bilanċ attwarjali, minħabba li dan il-perijodu għandu l-għan waħdieni li jiżgura t-tqarrib matul iż-żmien tar-rata ta’ imgħax u, b’konsegwenza, tar-rata ta’ kontribuzzjoni. Barra minn hekk, l-għażla ta’ perijodu ta’ tnax-il sena ma tippreġudikax il-funzjoni ta’ tqarrib tal-perijodu ta’ referenza, kif setgħet għamlet l-għażla ta’ perijodu qasir wisq bħal dak ta’ ħames snin, li kien propost minn ċerti delegazzjonijiet fi ħdan il-Kunsill sabiex tinkiseb rata’ ta’ kontribuzzjoni ogħla fl-2004. Għalhekk, bejn l-istabbiltà tar-rata ta’ kontribuzzjoni assigurata b’perijodu ta’ referenza li huwa twil biżżejjed u żieda immedjata iktar sinjifikattiva tar-rata ta’ kontribuzzjoni, il-Kunsill ipprefera l-ewwel objettiv. B’konsegwenza, ma jistax jiġi sostnut li l-perijodu ta’ tnax-il sena ġie adottat esklużivament, u lanqas b’mod deċiżiv, għall-finijiet finanzjarji.

126    Fl-aħħar nett, mir-Regolamenti tal-Persunal ma jirriżultax li, fl-eżerċizzju ta’ setgħa diskrezzjonali wiesgħa tal-leġiżlatur sabiex jiżgura l-bilanċ attwarjali ta’ l-iskema tal-pensjoni Komunitarja, it-teħid in kunsiderazzjoni mill-Kunsill ta’ kull kunsiderazzjoni finanzjarja hija illegali. Dan it-teħid in kunsiderazzjoni huwa wkoll neċessarju, peress illi, fin-nuqqas ta’ fondi Komunitarja tal-pensjonijiet, il-ħlas tal-benefiċċji tal-pensjoni jikkostitwixxi ħlas mill-estimi tal-Komunitajiet, skond l-Artikolu 83(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, l-istess kif il-kontribuzzjoni mill-uffiċjali tirrappreżenta dħul. Barra minn hekk, l-Artikolu 14(2) ta’ l-Anness XII tar-Regolamenti tal-Persunal jipprovdi li, fl-okkażjoni ta’ l-evalwazzjonijiet attwarjali għal ħames snin, l-imsemmi Anness XII jista’ jiġi eżaminat mill-ġdid mill-Kunsill mhux biss sabiex jittieħed in kunsiderazzjoni l-bilanċ attwarjali, iżda anke “minħabba l-implikazzjonijiet tiegħu fuq l-estimi”.

127    Minn dak li ntqal jirriżulta li, il-motiv ibbażat fuq il-fatt li l-Kunsill, meta adotta l-Anness XII tar-Regolamenti tal-Persunal, kien prinċipalment segwa objettiv finanzjarju u b’konsegwenza vvizzja l-imsemmi Anness b’abbuż ta’ poter għandu jiġi miċħud, mingħajr ma hemm bżonn li tittieħed deċiżjoni dwar l-ammissibbiltà ta’ dan il-motiv.

 Fuq il-ħames motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni ta’ l-aspettattivi leġittimi

 L-argumenti tal-partijiet

128    Ir-rikorrent isostni fir-rikors tiegħu li l-metodu ta’ l-Anness XII tar-Regolamenti tal-Persunal ġie stabbilit bi ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni ta’ l-aspettattivi leġittimi.

129    Filwaqt li l-Parlament assigura ripetutament lill-uffiċjali u lill-aġenti tiegħu li l-kontribuzzjoni tagħhom ma kinitx ser tiżdied ħlief safejn ikun strettament neċessarju għaż-żamma tal-bilanċ attwarjali, din il-kontribuzzjoni ġiet miżjuda b’mod ogħla sew, b’mod artifiċjali u bi ksur tal-prinċipju tal-bilanċ attwarjali. Għalhekk, il-Parlament ma rrispettax il-garanziji li huwa kien ta lill-uffiċjali u lill-aġenti tiegħu u għalhekk kiser l-aspettattivi li dawn ta’ l-aħħar kienu leġittimament qiegħdu fih.

130    Barra minn hekk, ir-rikorrent iqis li, permezz ta’ żieda inġustifikata tar-rata ta’ kontribuzzjoni, min iħaddem qiegħed id-dejn ta’ l-iskema Komunitarja tal-pensjoni f’idejn uffiċjali, minkejja li huwa kellu jsostnihom. Fil-fatt, matul numru ta’ snin, il-kontribuzzjonijiet tas-salarji biss kienu biżżejjed sabiex ikopru l-infiq ta’ l-iskema tal-pensjoni, filwaqt li min iħaddem ma kienx ħallas il-kontribuzzjonijiet neċessarji għall-finanzjament ta’ din l-iskema. Ir-rikorrent jirrileva li, fl-ittra tiegħu ta’ l-2001, il-President tal-Kummissjoni kien ammetta l-eżistenza ta’ drittijiet akkwistati importanti li jikkorrispondu għall-kontribuzzjonijiet li saru fil-passat għal pensjonijiet li kellhom jitħallsu u assigura li “[f[’kull każ, żieda eventwali tal-kontribuzzjonijiet fl-ebda każ ma jista’ jkollha bħala kawża l-finanzjament ta’ dawn id-drittijiet akkwistati”.

131    Il-Parlament ifakkar fir-risposti tiegħu li l-ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni ta’ l-aspettattivi leġittimi jista’ jseħħ biss fl-ipoteżi fejn garanziji preċiżi, inkundizzjonali u konkordanti, li jkunu ġejjin minn sorsi awtorizzati u affidabbli, li nisslu aspettattivi fondati fil-parti kkonċernata. Madankollu, dan mhuwiex il-każ f’din il-kawża peress illi l-Parlament, li ma għandux kompetenza sabiex jadotta d-dispożizzjonijiet statutorji u kien ġie biss ikkonsultat matul il-proċedura ta’ adozzjoni tar-Regolament Nru 723/2004, f’ebda każ ma seta’ jagħti garanziji inkundizzjonali matul ir-reviżjoni ta’ l-iskema tal-pensjoni. Għalhekk, il-garanziji eventwali li rċieva r-rikorrent min-naħa tal-Parlament ma setgħux inisslu fih aspettattivi fondati skond liema r-rata ta’ kontribuzzjoni għall-iskema Komunitarja tal-pensjoni ma kinitx ser tiżdied.

132    Il-Parlament isostni wkoll li l-uffiċjali ma jistgħux jibbażaw ruħhom fuq il-prinċipju tal-protezzjoni ta’ l-aspettattivi leġittimi sabiex jikkontestaw il-legalità ta’ dispożizzjoni regolamentarja ġdida, b’mod partikolari f’qasam fejn l-għan jirrikjedi adattament kostanti minħabba l-varjazzjoni tas-sitwazzjoni ekonomika.

133    Fir-replika tiegħu, ir-rikorrent jafferma li mhuwiex importanti li d-dispożizzjonijiet statutorji ma kinux ġew adottati mill-Parlament, li kien biss ikkonsultat, iżda mill-Kunsill. Fil-fatt, l-opinjoni tal-Parlament hija element essenzjali u indispensabbli tal-proċedura, li fin-nuqqas tagħha r-Regolamenti tal-Persunal ġodda ma setgħux jiġu adottati. Billi ta opinjoni pożittiva fir-rigward tal-metodu ta’ l-Anness XII, il-Parlament ma rrispettax il-garanziji li huwa kien ta lill-uffiċjali u lill-aġenti tiegħu.

134    Barra minn hekk, ir-rikorrent isostni li l-aspettattivi leġittimi tiegħu jirriżultaw mhux biss mill-garanziji li l-ġerarkija tal-Parlament setgħet ittih, iżda anke mill-formulazzjoni tat-test tar-Regolamenti.

135    Fin-nota ta’ intervent tiegħu, il-Kunsill jirrispondi għal osservazzjonijiet tar-rikorrent skond liema ż-żieda tar-rata ta’ kontribuzzjoni għall-iskema ta’ pensjoni ma setgħetx ikollha bħala kawża l-finanzjament tad-drittijiet għal pensjoni li kienu diġà akkwistati. L-adozzjoni tar-Regolamenti tal-Persunal il-ġodda u ż-żamma tal-garanzija in solidum ta’ l-Istati Membri li jħallsu l-pensjonijiet jistabbilixxu de facto bilanċ attwarjali fit-30 ta’ April 2004. Minħabba n-natura ta’ l-iskema Komunitarja tal-pensjoni, l-uffiċjali u l-istituzzjoni kienu koprew id-drittijiet għal pensjoni ta’ l-uffiċjali u l-aġenti li kienu diġà ġew akkwistati sa din id-data. Ir-Regolamenti tal-Persunal il-ġodda ma pprovdewx għall-irkupru ta’ l-eventwali differenzi pożittivi jew negattivi dovuti għal presupposti inadegwati tar-rati ta’ kontribuzzjoni. Il-metodu ta’ evalwazzjoni attwarjali stabbilit mill-Anness XII tar-Regolamenti huwa intiż biss sabiex jiggarantixxi li r-rati ta’ kontribuzzjonijiet li għandhom jiġu applikati wara l-1 ta’ Mejju 2004 huma suffiċjenti sabiex ikopru d-drittijiet għal pensjoni li kienu akkwistati mill-uffiċjali minn din id-data.

136    Fl-osservazzjonijiet tiegħu dwar in-nota ta’ intervent tal-Kunsill, ir-rikorrent jikkonstata li l-partijiet kollha jammettu li l-uffiċjali u l-aġenti għandhom iħallsu terz biss tal-kontribuzzjonijiet neċessarji sabiex jiġi assigurat il-ħlas futur tad-drittijiet li huma jakkwistaw attwalment u li għalhekk, id-defiċit tal-passat għandu b’hekk jiġi ffinanzjat kollu mill-Istati Membri permezz ta’ l-estimi Komunitarji. In-nuqqas ta’ qbil dwar l-implementazzjoni ta’ dan il-prinċipju. Kuntrarjament għal dak li jsostni l-Kunsill, il-metodu ta’ l-Anness XII tar-Regolamenti tal-Persunal żied artifiċjalment il-kontribuzzjoni mill-uffiċjali u mill-aġenti.

137    Fil-kontroreplika tiegħu, il-Parlament isostni li l-osservanza tal-bilanċ attwarjali jaqa’ taħt qasam kumpless li l-għan tiegħu jirrikjedi adattament kostanti skond il-varjazzjonijiet tas-sitwazzjoni ekonomika. Barra minn hekk, in-natura varjabbli tal-livell tal-kontribuzzjoni tirriżulta b’mod ċar mid-dispożizzjonijiet statutorji, b’mod partikolari, l-Artikolu 83(4) tar-Regolamenti tal-Persunal il-qodma. Għalhekk, ir-rikorrent ma jistax jibbaża ruħu fuq il-prinċipju ta’ protezzjoni ta’ l-aspettattivi leġittimi sabiex jikkontesta l-legalità tad-dispożizzjonijiet ġodda dwar il-metodu ta’ kalkolu tal-bilanċ attwarjali.

 Il-kunsiderazzjonijiet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku

138    Il-prinċipju ta’ protezzjoni ta’ l-aspettattivi leġittimi ġie stabbilit mill-ġurisprudenza bħala “regola superjuri ta’ dritt” (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-14 ta’ Mejju 1975, CNTA vs Il-Kummissjoni, 74/74, Ġabra p. 533, punt 44), wieħed mill-“prinċipji fundamentali tal-Komunità” (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-14 ta’ Ottubru 1999, Atlanta vs Il-Komunità Ewropea, C-104/97 P, Ġabra p. I‑6983, punt 52, u tas-7 ta’ Ġunju 2005, VEMW et, C-17/03, p. I‑4983, punt 73) jew ukoll prinċipju ġenerali (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-4 ta’ Ottubru 2001, L-Italja vs Il-Kummissjoni, C-403/99, Ġabra p. I‑6883, punt 35).

139    Dan il-prinċipju huwa l-korollarju tal-prinċipju taċ-ċertezza legali, li jeżiġi li l-leġiżlazzjoni Komunitarja tkun ċerta u li l-applikazzjoni tagħha tkun prevedibbli għall-individwi, fis-sens li timplika, fil-każ ta’ emenda tar-regola tad-dritt, li tassigura l-protezzjoni tas-sitwazzjonijiet leġittimament miksuba minn persuni fiżiċi jew legali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Frar 1996, Duff et., C-63/93, Ġabra p. I‑569, punt 20, u tat-18 ta’ Mejju 2000, Rombi & Arkopharma, C-107/97, Ġabra p. I‑3367, punt 66 ; sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-16 ta’ Settembru 1999, Partex vs Il-Kummissjoni, T-182/96, Ġabra p. II‑2673, punt 191).

140    Skond ġurisprudenza stabbilita, id-dritt li tintalab il-protezzjoni ta’ l-aspettattivi leġittimi huwa estiż għal kull individwu li jinsab f’sitwazzjoni li minnha jirriżulta li l-amministrazzjoni Komunitarja, billi pprovdietu b’assiguranzi preċiżi, nisslet fih aspettattivi fondati (sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-5 ta’ Frar 1997, Petit-Laurent vs Il-Kummissjoni, T-211/95, ĠabraSP p. I‑A‑21 u II‑57, punt 72, u tal-5 ta’ Novembru 2002, Ronsse vs Il-Kummissjoni, T-205/01, ĠabraSP p. I‑A‑211 u II‑1065, punt 54).

141    Skond l-ewwel parti tal-motiv, ir-rikorrent jallega li l-Parlament kien ta lill-uffiċjali tiegħu, fir-rigward tal-kontentut tar-reviżjoni fil-futur tal-pensjonijiet, garanziji li ġew miksura, bi ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni ta’ l-aspettattivi leġittimi.

142    Madankollu, huma biss il-garanziji preċiżi mogħtija minn awtorità kompetenti sabiex tagħti dak li hija twiegħed li jistgħu jwasslu għall-aspettattivi leġittimi ta’ l-uffiċjal ikkonċernat (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-8 ta’ Diċembru 2005, Reynolds vs Il-Parlament, T-237/00, Ġabra p. I‑A‑385 u II‑1731, punt 146).

143    Madankollu, il-Parlament għandu biss rwol konsultattiv fil-proċess ta’ adozzjoni jew ta’ reviżjoni tar-Regolamenti tal-Persunal. Fil-fatt, skond l-Artikolu 283 KE, “[il]-Kunsill, b’votazzjoni unanima, għandu, fuq proposta tal-Kummissjoni u wara li jikkonsulta l-istituzzjonijiet l-oħra interessati, jistabbilixxi r-Regolamenti […] u l-Kondizzjonijiet ta’ l-Impjieg applikabbli għall-aġenti l-oħra [tal-Komunitajiet Ewropej]”. Huwa għalhekk li ma jistax jiġi sostnut, taħt piena li jiġu miċħuda l-istipulazzjonijiet tat-Trattati li jirregolaw it-tqassim tal-kompetenzi bejn l-istituzzjonijiet, li l-Parlament seta’ jipprovdi lill-uffiċjali tiegħu, rigward ir-reviżjoni ta’ l-iskema Komunitarja tal-pensjoni, garanziji li fir-rigward tagħhom il-Kunsill kien sussegwentement marbut.

144    F’dawn iċ-ċirkustanzi, id-dikjarazzjonijiet tal-Parlament dwar ir-reviżjoni ta’ l-iskema Komunitarja tal-pensjoni meta sar l-istudju ma setgħux inisslu aspettattivi fondati fir-rikorrent.

145    Skond it-tieni parti tal-motiv, ir-rikorrent isostni li l-aspettattivi tiegħu f’żieda ħafna inqas drastika tal-kontribuzzjoni mill-uffiċjali għall-pensjonijiet kienu bbażati fuq id-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal li jillimitaw l-imsemmija kontribuzzjoni għal terz tal-bżonnijiet finanzjarji ta’ l-iskema Komunitarja tal-pensjoni u fuq il-fatt li, fil-passat, il-kontribuzzjonijiet ta’ l-uffiċjali qabżu dan il-limitu. Kuntarjament għal dak li sostna l-Kunsill matul is-seduta, għalhekk, l-aspettattivi invokati mir-rikorrent mhumiex ibbażata fuq sempliċi prassi.

146    Id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 83(2) tar-Regolamenti tal-Persunal il-qodma, li nżammu fir-Regolamenti tal-Persunal il-ġodda, kienu diġà jipprovdu li l-uffiċjali jikkontribwixxu terz tal-finanzjament ta’ l-iskema tal-pensjoni. Anke qabel id-dħul fis-seħħ tar-Regolamenti tal-Persunal il-ġodda, l-iskema Komunitarja tal-pensjoni kellha tiġi ffinanzjata b’żewġ terzi mill-Komunità bħala persuna li tħaddem u l-aħħar terz b’kontribuzzjonijiet mill-uffiċjali u mill-aġenti l-oħra.

147    Madankollu, ir-rikorrent iqis li l-metodu ta’ l-Anness XII tar-Regolamenti tal-Persunal fil-passat ippreġudika dan il-kriterju ta’ tqassim tal-finanzjament.

148    L-ewwel nett, il-Parlament joġġezzjona dwar il-fatt li r-rikorrent ma jistax jibbaża ruħu fuq il-prinċipju ta’ protezzjoni ta’ l-aspettattivi leġittimi kontra d-dispożizzjonijiet ta’ l-Anness XII tar-Regolamenti tal-Persunal.

149    Skond ġurisprudenza stabbilita sew, l-uffiċjali ma jistgħux jibbażaw ruħhom fuq il-prinċipju ta’ protezzjoni ta’ l-aspettattivi leġittimi sabiex jikkontestaw il-legalità ta’ dispożizzjoni regolamentari ġdida, speċjalment f’qasam li l-għan tiegħu jinkludi adattament kostanti skond il-varjazzjonijiet tas-sitwazzjoni ekonomika (sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-22 ta’ Ġunju 1994, Di Marzio u Lebedef vs Il-Kummissjoni, T-98/92 u T-99/92, ĠabraSP p. I‑A‑167 u II‑541, punt 68, u tal-11 ta’ Diċembru 1996, Barraux et vs Il-Kummissjoni T-177/95, ĠabraSP p. I‑A‑541 u II‑1451, punt 47). Dan huwa b’mod partikolari l-każ ta’ l-iżvilupp ta’ l-iskema tas-sigurtà soċjali Komunitarja, li fir-rigward tagħha l-leġiżlatur għandu, barra minn hekk, setgħa diskrezzjonali wiesgħa f’dak li jikkonċerna l-ħtieġa tar-reviżjonijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Campoli vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punti 71 et 72).

150    Madankollu, jekk il-leġiżlatur huwa, f’kull ħin, liberu li jwettaq l-emendi lir-Regolamenti tal-Persunal li huwa jqis konformi ma’ l-interess ġenerali u li jadotta dispożizzjonijiet statutorji iktar sfavorevoli għall-uffiċjali kkonċernati, bil-kundizzjoni li jipprovdi, skond il-każ, perijodu tranżitorju suffiċjenti, dan huwa bil-kundizzjoni li d-deċiżjoni tapplika għall-futur (ara s-sentenza Campoli vs Il-Kummissjoni, iċċitata, punt 85), jiġifieri l-kundizzjoni li l-leġiżlazzjoni l-ġdida tapplika biss għal sitwazzjonijiet ġodda u għall-effetti futuri tas-sitwazzjonijiet li tqajmu taħt il-leġiżlazzjoni preċedenti (ara, a contrario, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Mejju 1979, Tomadini, 84/78, Ġabra p. 1801, punt 21, u tal-5 ta’ Mejju 1981, Dürbeck, 112/80, Ġabra p. 1095, punt 48, u, fil-qasam tas-servizz pubbliku, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-26 ta’ Ottubru 1993, Reinarz vs Il-Kummissjoni, T-6/92 u T-52/92, Ġabra p. II‑1047, punt 85).

151    Għalhekk, għandu jiġi kkonstatat li l-limitu li jiddefinixxi l-invokabbiltà tal-prinċipju ta’ protezzjoni ta’ l-aspettattivi leġittimi kontra dispożizzjoni leġiżlattiva ġdida, mhuwiex vinkolanti fir-rigward tar-rikorrent f’dan il-każ.

152    Fil-fatt, ir-rikorrent ma jsostnix li fil-futur jiġi ppreġudikat minħabba l-kriterju ta’ tqassim ta’ l-Artikolu 83(2) tar-Regolamenti tal-Persunal il-qodma, bi ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni ta’ l-aspettattivi leġittimi. Kif ġie espost fil-punt 146 ta’ din is-sentenza, id-dispożizzjonijiet in kwistjoni ġew barra minn hekk adottati mingħajr emendi fl-Artikolu 83(2) tar-Regolamenti tal-Persunal il-ġodda. L-ilment li r-rikorrent iressaq kontra l-Anness XII tar-Regolamenti tal-Persunal huwa dak li ppreġudika l-kriterju ta’ tqassim tal-finanzjament għal perijodu preċedenti għad-dħul fis-seħħ ta’ l-imsemmi Anness, jiġifieri b’mod retroattiv biss.

153    Huwa għalhekk, kuntrarjament għal dak li jsostni l-Parlament, li l-ġurisprudenza ċċitata iktar ’il fuq, dwar dispożizzjonijiet leġiżlattivi ġodda, ma tistax tapplika fil-każ preżenti u għalhekk, ma tistax tiġi invokata effettivament sabiex iċċaħħad ir-rikorrent mid-dritt li jibbaża ruħu fuq il-prinċipju ta’ protezzjoni ta’ l-aspettattivi leġittimi. Bil-kontra, il-Qorti tal-Ġustizzja pprekludiet, fis-sentenza tal-11 ta’ Lulju 1991, Crispoltoni (C-368/89, Ġabra p. I‑3695, punt 21), id-dannu magħmul fuq l-aspettattivi leġittimi ta’ l-operaturi ekonomiċi minn żewġ regolamenti Komunitarji minħabba l-effetti retroattivi tagħhom.

154    It-tieni nett, għandu jiġi eżaminat jekk, kif isostni r-rikorrent, l-Anness XII tar-Regolamenti tal-Persunal effettivament ippreġudika, għall-perijodu qabel l-1 ta’ Mejju 2004, ir-regola ta’ finanzjament ta’ l-iskema Komunitarja tal-pensjoni.

155    Mir-rapport Dührkop Dührkop jirriżulta li l-istituzzjonijiet ma ħallsu ebda kontribuzzjoni għall-iskema Komunitarja tal-pensjoni sa l-1982 u ħallsu biss integralment il-parti tal-Komunità bħala persuna li tħaddem mill-1998.

156    Kif espona l-Kunsill fin-nota ta’ intervent tiegħu, il-metodu attwarjali stabbilit bl-Anness XII tar-Regolamenti tal-Pesunal huwa intiż biss li jiżgura li r-rata ta’ kontribuzzjoni għall-pensjonijiet li għandha tapplika wara l-1 ta’ Mejju 2004 hija biżżejjed sabiex tkopri d-drittijiet tal-pensjonijiet li huma akkwistati mill-uffiċjali minn din id-data. In-nuqqas ta’ teħid in kunsiderazzjoni tal-passat mill-Anness XII tar-Regolamenti tal-Persunal għandu żewġ korollarji u li għandha tintwera d-differenza bejniethom fl-eżami ta’ l-argument tar-rikorrent.

157    L-ewwel nett, il-bilanċ attwarjali ma jiħux in kunsiderazzjoni d-drittijiet tal-pensjoni miksuba qabel id-data tal-kalkolu, skond l-Artikolu 4(4)(b) ta’ l-Anness XII tar-Regolamenti tal-Persunal. Din id-dispożizzjoni tassigura li d-defiċits ta’ l-iskema Komunitarja tal-pensjoni eventwalment akkumulati sa l-1 ta’ Mejju 2004 ma jiġux sostnuti mill-uffiċjali u għalhekk żieda tar-rata ta’ kontribuzzjoni ma tistax ikollha bħala kawża l-finanzjament tad-drittijiet għal pensjoni li dawn ta’ l-aħħar diġà akkwistaw kuntrarjament għal dak li jsostni r-rikorrent.

158    It-tieni nett, ir-Regolamenti lanqas ma jipprovdu l-irkupru ta’ l-eventwali differenzi pożittivi u negattivi dovuti għall-inadegwatezzi tar-rata ta’ kontribuzzjoni fil-passat. Fi kliem ieħor, id-definizzjoni tal-bilanċ attwarjali stabbilit mill-Anness XII tar-Regolamenti ma jiħux in kunsiderazzjoni l-kontribuzzjonijiet imħallsa sat-30 ta’ April 2004 u jistabbilixxi li d-drittijiet tal-pensjoni miskuba sa din id-data kienu koperti skond il-kriterju ta’ tqassim tal-finanzjament.

159    Issa, ir-rikorrent jibbaża ruħu fuq ir-rapport Dührkop Dührkop sabiex isostni li l-Komunità bħala persuna li tħaddem ma tiffinanzjax l-iskema ta’ pensjoni għal aktar minn żewġ terzi ħlief mill-1998 u li l-uffiċjali kkontribwixxew fil-passat għal aktar minn terz tal-finanzjament ta’ l-imsemmija skema.

160    Madankollu, ir-rapport Dührkop Dührkop, peress li ma kienx ibbażat fuq studju attwarjali ta’ l-iskema tal-pensjoni, jillimita ruħu sabiex jikkonstata l-fatt li l-kontribuzzjoni annwali ta’ l-uffiċjali ilha żmien twil li qabżet terz tan-nefqa finanzjarja ta’ l-iskema Komunitarja tal-pensjoni. Madankollu, id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 83(2) tar-Regolamenti tal-Persunal il-qodma, li pprovdew, fl-istess termini bħar-Regolamenti tal-Persuanl il-ġodda, li l-uffiċjali jikkontribwixxu terz tal-finanzjament ta’ l-iskema, kellhom diġà jiġu inklużi f’sens attwarjali, u mhux finanzjarju, kif jirriżulta b’mod ċar mid-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 83(4) tar-Regolamenti tal-Persunal il-qodma. Dawn id-dispożizzjonijiet implikaw li terz tas-somma tal-valuri attwarjali tad-drittijiet għall-pensjoni akkwistati minn persuni li jaħdmu matul is-sena, jiġifieri terz tal-prezz tas-servizz, għandu jiġi ffinanzjat mill-uffiċjali.

161    Il-konstatazzjoni li, matul għexieren ta’ snin, minkejja li l-iskema Komunitarja tal-pensjoni kienet għadha komposta minn numru limitat ħafna ta’ pensjonanti, l-ammont tal-kontribuzzjonijiet ta’ l-uffiċjali qabeż terz tan-nefqa finanzjarja ta’ l-imsemmija skema ma tippermettix li jingħad li l-kontribuzzjoni mill-uffiċjali ukoll qabżet it-terz tal-prezz tas-servizz.

162    Fil-fatt, qabel kollox, konklużjoni bħal tdin ista’ tiġi bbażata biss fuq studju attwarjali. Matul is-seduta, il-Kummissjoni sostniet, mingħajr ma ġiet ikkontestata, li ebda studju attwarjali ta’ l-iskema Komunitarja ma twettaq qabel l-1998. Sussegwentement, mhuwiex ċert li b’rati ta’ kontribuzzjoni stabbiliti għal 6,75 % u wara għal 8,25 %, l-uffiċjali ffinanzjaw, fil-passat, iktar minn terz tal-prezz tas-servizz. Fl-aħħar nett, anki jekk jitqies li l-osservanza tal-kriterju ta’ finanzjament jista’ jiġi vverifikat permezz ta’ informazzjoni finanzjarja u li l-konklużjoni tar-rapport Dührkop Dührkop, li jsostni li l-kontribuzzjoni ta’ min iħaddem tħallset parzjalment sa l-1998, tista’, b’konsegwenza, tiġi ammessa, għandu jiġi vverifikat li dak l-ammont mistenni li jeċċedi l-kontribuzzjonijiet mill-uffiċjali sa din id-data ma ġiex ikkumpensat minn bilanċ favorevoli tal-kontribuzzjonijiet tal-Komunitajiet bejn l-1998 u l-2004.

163    Minn dan isegwi, li mhuwiex stabbilit li l-leġiżlazzjoni l-ġdida kellha l-effett li tippreġudika retroattivament il-kriterju tal-finanzjament ta’ l-iskema Komunitarja tal-pensjoni.

164    Għaldaqstant, billi jitqies impliċitament li din ir-regola ġiet irrispettata qabel id-dħul fis-seħħ ta’ l-Anness XII tar-Regolamenti tal-Persunal, il-Kunsill ma jistax jiġi kkunsidrat bħala li ppreġudika l-aspettattivi li l-uffiċjali setgħu leġittimament ikollhom fl-osservanza ta’ l-imsemmija regola.

165    Minn dak li ntqal jirriżulta li l-motiv ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni ta’ l-aspettattivi leġittimi għandu jiġi miċħud fir-rigward tal-partijiet differenti tiegħu.

166    Minn dak kollu li ntqal, hemm lok li r-rikors jiġi miċħud bħala infondat.

 Fuq l-ispejjeż

167    Kif iddeċieda t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fis-sentenza tiegħu tas-26 ta’ April 2006, Falcione vs Il-Kummissjoni (F‑16/05, ĠabraSP p. I-A-1-3, II-A-1-7, punti 77 sa 86), sakemm ir-Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, u b’mod partikolari, id-dispożizzjonijiet partikolari dwar l-ispejjeż għadhom ma daħlux fis-seħħ, hemm lok, fl-interess ta’ l-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja u sabiex tiġi assigurata prevedibbiltà suffiċjenti lill-individwi fir-rigward tar-regoli dwar l-ispejjeż ta’ l-istanza, li jiġu applikati r-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza.

168    Skond l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura kull parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Madankollu, skond l-Artikolu 88 ta’ l-istess Regoli, fil-kawżi bejn il-Komunitajiet u l-impjegati tagħhom, l-istituzzjonijiet għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

169    Barra minn hekk, skond l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 87(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, il-Qorti tal-Prim’Istanza tista’, għal raġunijiet eċċezzjonali, taqsam l-ispejjeż.

170    F’dan il-każ, il-Parlament wieġeb parzjalment biss għall-ilment, u fis-sottomissjonijiet tiegħu ma pprovda ebda spjegazzjoni dwar l-għażla tal-perijodu ta’ tnax-il sena, li madankollu hija kkontestata b’mod serju u speċfiku mir-rikorrent, u ma hemeż ebda dokument bħala risposta għal argument sostnut bil-provi. Sabiex jikkompleta l-proċess u sabiex isir jaf ir-ratio legis tad-dispożizzjonijiet ikkontestati, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku sab ruħu li kellu jordna diversi miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura.

171    F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li l-Parlament ibati l-ispejjeż tiegħu, kif ukoll nofs l-ispejjeż tar-rikorrent. Ir-rikorrent ibati nofs l-ispejjeż tiegħu.

172    Fl-aħħar nett, skond l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 87(4), tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, il-Kunsill u l-Kummissjoni, li kienu intervenjenti fil-kawża, għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

Għal dawn il-motivi,

IT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU (Assemblea Plenarja)

jaqta’ u jiddeċiedi :

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Il-Parlament Ewropew għandu jbati l-ispejjeż tiegħu u nofs l-ispejjeż ta’ D. Wils.

3)      D. Wils għandu jbati nofs l-ispejjeż tiegħu.

4)      Il-Kunsill ta’ l-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

Mahoney

Kreppel

Van Raepenbusch

Boruta

Kanninen      Tagaras      

Gervasoni

Mogħtija fil-Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu fil-11 ta’ Lulju 2007.

W. Hakenberg

 

       P. Mahoney

Reġistratur

 

      President

It-test ta’ din id-deċiżjoni kif ukoll tad-deċiżjonijiet tal-qrati Komunitarji ċċitati fiha u li għadhom mhux ippubblikati fil-Ġabra jinsabu fis-sit internet tal-Qorti tal-Ġustizzja: www.curia.europa.eu


* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.