Language of document :

Rikors ippreżentat fl-14 ta' Settembru 2009 - Nijs vs Il-Qorti tal-Awdituri Ewropea

(Kawża F-77/09)

Lingwa tal-kawża: Il-Franċiż

Partijiet

Rikorrenti: Bart Nijs (Bereldange, il-Lussemburgu) (rappreżentant: Fränk Rollinger, avukat)

Konvenuta: Il-Qorti tal-Awdituri Ewropea

Suġġett u deskrizzjoni tal-kawża

Talba għall-annullament tad-deċiżjoni tal-kumitat ad hoc tal-Qorti tal-Awdituri Ewropea, tal-15 ta' Jannar 2009, dwar it-tkeċċija tar-rikorrent mingħajr ebda tnaqqis fil-pensjoni tiegħu b'effett mill-1 ta' Frar 2009.

Talbiet tar-rikorrent

-    Prinċipalment, jannulla d-deċiżjoni tal-kumitat ad hoc tal-Qorti tal-Awdituri Ewropea, tal-15 ta' Jannar 2009, dwar it-tkeċċija tar-rikorrent mingħajr ebda tnaqqis fil-pensjoni tiegħu b'effett mill-1 ta' Frar 2009;

-    Jannulla d-Deċiżjoni tal-Qorti tal-Awdituri Ewropea 81-2007, tal-20 ta' Settembru 2007, li tagħti setgħat ta' Awtorità tal-Ħatra lil kumitat ad hoc;

-    Jannulla d-deċiżjonijiet preparatorji kollha meħuda minn dan il-kumitat ad hoc, b'mod partikolari dawk tat-22/29 ta' Ottubru, tat-23 ta' Novembru 2007 u tat-12 ta' Ġunju 2008 li tinbeda investigazzjoni amministrattiva;

-    Alternattivament, jekk it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ma jilqgħax it-talbiet għal annullament ifformulati b'mod prinċipali, jiddeċiedi li s-sanzjoni mogħtija mill-kumitat ad hoc tal-Qorti tal-Awdituri Ewropea fil-15 ta' Jannar 2009 hija, skont l-Artikolu 10 tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal u għall-motivi spjegati iktar 'il fuq, ħarxa wisq;

Jirrinvija l-każ tiegħu quddiem l-Awtorità tal-Ħatra diversament komposta tal-Qorti tal-Awdituri Ewropea, jew jagħti sanzjoni, jekk fil-fehma tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku din tkun verament neċessarja, li tkun iktar xierqa għall-fatti;

-    Bħala alternattiva ulterjuri, jiddeċiedi espressament li l-prinċipju ta' żmien raġonevoli tal-proċedura ma ġiex osservat fil-każ tiegħu, kif spjegat iktar 'il fuq, u jieħu dan inkunsiderazzjoni meta jiddeċiedi dwar is-sanzjoni, jekk ikun il-każ;

-    jikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż.

____________