Language of document :

Appell ippreżentat fit-22 ta’ Frar 2019 minn Slovak Telekom, a.s. mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Id-Disa’ Awla Estiża) fit-13 ta’ Diċembru 2018 fil-Kawża T-851/14, Slovak Telekom vs Il-Kummissjoni

(Kawża C-165/19 P)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Appellanti: Slovak Telekom, a.s. (rappreżentanti: D. Geradin, Rechtsanwalt, R. O’Donoghue QC)

Partijiet oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea, Slovanet, a.s.

Talbiet

L-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali, b’mod sħiħ jew parzjalment;

tannulla d-deċiżjoni kkontestata, b’mod sħiħ jew parzjalment;

sussidjarjament, tannulla jew tnaqqas iktar il-multi imposti fuq ST; u

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż kollha relatati mal-proċedura preżenti u mal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali.

Aggravji u argumenti prinċipali

L-ewwel aggravju – żbalji ta’ liġi u/jew żball manifest jew nuqqas ta’ motivazzjoni dwar ir-rifjut ta’ bejgħ:

L-ewwel parti: ST issostni li l-konstatazzjoni tal-Qorti Ġenerali li l-kundizzjonijiet tas-sentenza Bronner għar-rifjut ta’ provvista skont l-Artikolu 102 TFUE ma japplikawx meta jkun hemm obbligu regolamentari ex ante ta’ aċċess, hija inkorretta. Barra minn hekk, l-argument tal-Qorti Ġenerali li l-kundizzjoni tas-sentenza Bronner ta’ “natura indispensabbliˮ ma kinitx teħtieġ li tiġi ssodisfatta peress li leġiżlazzjoni ex ante kienet diġà rrikonoxxiet “in-neċessità ta’ aċċess għan-netwerk lokali tar-rikorrentiˮ u li, konsegwentement, il-Kummissjoni ma kellhiex bżonn teżamina (mill-ġdid) in-“natura indispensabbliˮ skont l-Artikolu 102, huwa żball ta’ liġi.

It-tieni parti: ST issostni li l-konstatazzjoni tal-Qorti Ġenerali li s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja mogħtija fil-Kawża TeliaSonera tappoġġja l-proposta li r-rifjuti ta’ bejgħ li daħlet għalihom ST ma jeħtiġux turija li l-kundizzjonijiet tas-sentenza Bronner huma ssodisfatti hija żball ta’ liġi.

It-tielet parti: ST issostni li l-konstatazzjoni tal-Qorti Ġenerali li għandha ssir distinzjoni bejn is-sentenza tal-Qorti Ġenerali fil-kawża Clearstream u l-kawża ST għaliex, kuntrarjament għall-kawża ST, il-kawża Clearstream ma kinitx tinvolvi ex monopolju tal-Istat jew obbligu regolamentari ex ante ta’ aċċess, hija żball ta’ liġi.

Ir-raba’ parti: ST issostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi u/jew żball manifest jew nuqqas ta’ motivazzjoni fil-konstatazzjoni tagħha li rifjut impliċitu ma huwiex neċessarjament inqas gravi minn rifjut attwali, u li hija meħtieġa evalwazzjoni każ b’każ.

Il-ħames parti: ST issostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi u/jew wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta kkonkludiet li l-fatt li ST hija ex monopolju tal-Istat ipprovda bażi legali sabiex, fil-kawża ineżami, ma jiġux applikati l-kundizzjonijiet tas-sentenza Bronner.

It-tieni aggravju – ST issostni li l-konstatazzjoni tal-Qorti Ġenerali li l-Kummissjoni ma kisritx id-drittijiet tad-difiża tagħha meta naqset milli tikkomunika l-metodoloġija, il-prinċipji u d-data tagħha dwar l-ispejjeż medji inkrementali fit-tul (iktar ’il quddiem is-“SMITˮ) lil ST, u li ppermettiet lil ST li tikkummenta, qabel id-deċiżjoni kkontestata, u fi żmien limitu li kien jagħti lil ST opportunità kunsiderevoli sabiex teżerċita d-drittijiet tad-difiża tagħha, hija żball ta’ liġi.

It-tielet aggravju – ST issostni li r-raġunijiet tal-Qorti Ġenerali sabiex tiċħad l-aġġustamenti tagħha ta’ “ottimizzazzjoniˮ kienu jinvolvu żbalji ta’ liġi inkwantu dawn japplikaw b’mod żbaljat il-kunċett legali ta’ “operatur daqstant effettivˮ (iktar ’il quddiem l-“ODEˮ) fil-kuntest partikolari tal-kawża ineżami.

____________