Language of document : ECLI:EU:C:2012:447

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

12 ta’ Lulju 2012 (*)

“Agrikoltura — Direttivi 98/95/KE, 2002/53/KE, 2002/55/KE u 2009/145/KE — Validità — Ħxejjex — Bejgħ, fis-suq nazzjonali taż-żrieragħ, ta’ żrieragħ tal-ħaxix li ma jinsabux fil-katalogu komuni uffiċjali tal-varjetajiet ta’ speċi ta’ ħxejjex — Nuqqas ta’ osservanza tas-sistema ta’ awtorizzazzjoni minn qabel għat-tqegħid fis-suq — Trattat Internazzjonali dwar Riżorsi Ġenetiċi tal-Pjanti għall-Ikel u l-Argikoltura — Prinċipju ta’ proporzjonalità — Libertà ta’ impriża — Moviment liberu tal-merkanzija — Ugwaljanza fit-trattament”

Fil-Kawża C‑59/11,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-cour d’appel de Nancy (Franza), permezz tad-deċiżjoni tal-4 ta’ Frar 2011, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid-9 ta’ Frar 2011, fil-proċedura

Association Kokopelli

vs

Graines Baumaux SAS,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn K. Lenaerts, President tal-Awla, J. Malenovský, R. Silva de Lapuerta, G. Arestis (Relatur) u D. Šváby, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għall-association Kokopelli, minn B. Magarinos Rey, avukat,

–        għal Graines Baumaux SAS, minn P. de Jong, C. Ronse u S. Lens, avukati,

–        għall-Gvern Franċiż, minn G. de Bergues u B. Cabouat, kif ukoll minn R. Loosli-Surrans, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Spanjol, minn A. Rubio González, bħala aġent,

–        għall-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, minn P. Mahnič Bruni u E. Sitbon Bercain, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn D. Bianchi u Z. Malůšková, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tad-19 ta’ Jannar 2012,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-validità tad-:

–        Direttiva tal-Kunsill 98/95/KE, tal-14 ta’ Diċembru 1998 li temenda, fir-rigward tal-konsolidazzjoni tas-suq intern, il-varjetajiet ta’ pjanti ġenetikament immodifikati u r-riżorsi ġenetiċi tal-pjanti, id-Direttivi 66/400/KEE, 66/401/EEC, 66/402/KEE, 66/403/KEE, 69/208/KEE, 70/457/KEE u 70/458/KEE dwar il-kummerċ taż-żerriegħa tal-pitravi, iż-żerriegħa tal-pjanti tal-għalf, iż-żerriegħa taċ-ċereali, il-patata taż-żrigħ, iż-żerriegħa tal-pjanti taż-żejt u l-fibri u ż-żerriegħa tal-ħxejjex tal-ikel u l-katalogu komuni tal-varjetajiet tal-ispeċi tal-pjanti agrikoli (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 24, p. 334),

–        Direttiva tal-Kunsill 2002/53/KE, tat-13 ta’ Ġunju 2002, dwar il-varjetajiet komuni ta’ katalgi ta’ speċi ta’ pjanti agrikoli (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 36, p. 281),

–        Direttiva tal-Kunsill 2002/55/KE, tat-13 ta’ Ġunju 2002, dwar il-marketing ta’ żrieragħ tal-ħxejjex (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 36, p. 313), u

–        Direttiva tal-Kummissjoni 2009/145/KE, tas-26 ta’ Novembru 2009, li tipprevedi ċerti derogi, għall-approvazzjoni ta’ landraces (tipi partikulari) u varjetajiet tal-ħxejjex tradizzjonalment imkabbra f’lokalitajiet u f’reġjuni partikulari u li huma mhedda minn tagħwir ġenetiku u varjetajiet tal-ħxejjex bla ebda valur intrinsiku għall-produzzjoni kummerċjali tal-għelejjel iżda żviluppati biex jitkabbru f’kundizzjonijiet partikulari u t-tqegħid fis-suq ta’ dawk il-landraces u l-varjetajiet (ĠU L 312, p. 44).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn l-Association Kokopelli (iktar ’il quddiem “Kokopelli”) u Graines Baumaux SAS (iktar ’il quddiem “Baumaux”), dwar il-kummerċjalizzazzjoni ta’ żrieragħ ta’ ħxejjex.

 Il-kuntest ġuridiku

 It-Trattat Internazzjonali dwar Riżorsi Ġenetiċi tal-Pjanti għall-Ikel u l-Argikoltura

3        Permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/869/KE, tal-24 ta’ Frar 2004, ġiet approvata l-konklużjoni, għan-nom tal-Komunità Ewropea, tat-Trattat Internazzjonali dwar Riżorsi Ġenetiċi tal-Pjanti Għall-Ikel u l-Agrikoltura (ĠU L 378, p. 1, iktar ’il quddiem it-“TIRĠPIA”).

4        Skont l-Artikolu 1 tat-TIRĠPIA, dan it-trattat għandu bħala għan “il-konservazzjoni u l-użu sostenibbli tar-riżorsi ġenetiċi tal-pjanti għall-ikel u l-agrikoltura u t-tqassim ġust u xieraq tal-vantaġġi li jirriżultaw mill-użu tagħhom f’armonija mal-Konvenzjoni fuq id-Diversità Bioloġika, għal agrikoltura sostenibbli u għas-sigurtà tal-ikel”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

5        L-Artikolu 5 tat-TIRĠPIA jipprovdi li:

“5.1.          Kull parti kontraenti għandha, bla ħsara għal-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħha, u b’kooperazzjoni mal-partijiet kontraenti l-oħra, fejn xieraq, tippromwovi approċċ integrat għall-esplorazzjoni, konservazzjoni u użu sostenibbli tar-riżorsi ġenetiċi tal-pjanti għall-ikel u l-agrikoltura u għandha b’mod partikolari timpenja ruħha, skont kif jixraq, biex:

[...]

ċ)       tinkoraġġixxi jew issostni, fejn xieraq, l-isforzi tal-bdiewa u tal-komunitajiet lokali sabiex jimmaniġġjaw u jikkonservaw fir-razzett stess ir-riżorsi ġenetiċi tagħhom tal-pjanti għall-ikel u l-agrikoltura;

[...]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

6        L-Artikolu 6 tat-TIRĠPIA jistipula:

“6.1.           Il-partijiet kontraenti għandhom ifasslu u jżommu fis-seħħ politiki u dispożizzjonijiet legali adatti sabiex jippromwovu l-użu sostenibbli tar-riżorsi ġenetiċi tal-pjanti għall-ikel u l-agrikoltura.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

7        Skont il-paragrafu 7.1 tal-Artikolu 7 tat-TIRĠPIA, “kull parti kontraenti għandha, skont kif jixraq, tinkorpora fil-politiki u programmi agrikoli u ta’ żvilupp rurali tagħha, l-attivitajiet imsemmija fl-Artikoli 5 u 6 u tikkoopera mal-partijiet kontraenti l-oħra, direttament jew permezz [tal-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Ikel u l-Agrikoltura (FAO)] u ta’ organizzazzjonijiet internazzjonali kompeteni oħrajn, fl-oqsma tal-konservazzjoni u tal-użu sostenibbli tar-riżorsi ġenetiċi tal-pjanti għall-ikel u l-agrikoltura”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

8        L-Artikolu 9 tat-TIRĠPIA jipprovdi li:

“9.1.           Il-partijiet kontraenti jirrikonoxxu l-kontribuzzjoni enormi li l-komunitajiet u indiġeni kif ukoll il-bdiewa tar-reġjuni kollha tad-dinja, u speċjalment dawk taċ-ċentri ta’ oriġini u ta’ diversità tal-pjanti agrikoli taw u jkomplu jagħtu għall-konservazzjoni u l-iżvilupp tar-risorsi ġenetiċi tal-pjanti għall-ikel li jikkostitwixxu l-bażi tal-produzzjoni tal-ikel u produzzjoni agrikola fid-dinja kollha.

[...]

9.3.  L-ebda parti minn dan l-artikolu ma għandha tiġi interpretata fis-sens li tillimita d-drittijiet li jista’ jkollhom il-bdiewa li jikkonservaw, li jużaw, li jpartu jew li jbiegħu żrieragħ li jintrefgħu mir-razzett innifsu jew materjal għall-propagazzjoni, bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni nazzjonali jew skont kif xieraq.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

 Id-dritt tal-Unjoni

 Id-Direttiva 2002/55

9        Id-Direttiva 2002/55 tistabbilixxi katalogu komuni tal-varjetajiet ta’ speċi ta’ ħxejjex.

10      Il-premessi 2 sa 4 u 12 ta’ din id-direttiva huma ffomulati kif ġej:

“(2)  Il-produzzjoni taż-żrieragħ tal-ħxejjex tokkupa post importanti fl-agrikoltura tal-Komunità.

(3)       Riżultati sodisfaċenti fil-koltivazzjoni tal-ħxejjex tiddependi fil-parti l-kbira fuq l-użu ta’ żerriegħa xierqa.

(4)       Tintlaħaq produttività akbar fil-koltivazzjoni Komunitarja tal-ħxejjex jekk għall-għażla ta’ varjetajiet aċċettati għal marketing l-Istati Membri japplikaw regoli uniformi li huma stretti kemm jista’ jkun.

[…]

(12)      Żerriegħa ta’ varjetajiet fil-katalgu komuni ta’ varjetajiet m’għandhomx ikunu soġġetti ġewwa l-Komunità għal xi restrizzjonijiet ta’ bejgħ fir-rigward tal-varjetà.”

11      Skont l-Artikolu 1 tad-Direttiva 2002/55, din “għandha tapplika għall-produzzjoni għall-iskop ta’ marketing, u għall-marketing, ta’ żerriegħa tal-ħaxix ġewwa l-Komunità”.

12      L-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“1.       Stati Membri għandhom jipprovdu li ż-żerriegħa tal-ħaxix m’għandiex tkun ċertifikata, verifikata bħala żerriegħa standard u mibjugħa kemm-il darba l-varjetà hija uffiċjalment aċċettata fi Stat Membru wieħed jew iżjed.”

13      Rigward l-ammissjoni ta’ varjetajiet fil-katalogu uffiċjali, l-Artikolu 4(1) u (4) tal-imsemmija direttiva jipprovdi li:

“1.       Stati Membri għandhom jiżguraw li varjetà hija aċċettata biss jekk hija distinta, stabbli u suffiċjentement uniformi.

[...]

4.       Fl-interess tal-konservazzjoni tar-riżorsi ġenetiċi tal-pjanti kif speċifikat fl-Artikolu 44(2), l-Istat Membru jista’ jitbiegħed mill-kriterji ta’ aċċettazzjoni provduti fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 safejn il-kondizzjonijiet speċifiċi huma stabbiliti skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 46 waqt li jkunu kkunsidrati il-ħtiġiet ta’ l-Artikolu 44(3).”

14      L-Artikolu 5 tad-Direttiva 2000/55 huwa fformulat kif ġej:

“1.       Varjetà għandha titqies bħala distinta jekk, tkun xi tkun l-oriġini, artifiċjali jew naturali, tal-varjazzjoni inizjali li tkun ġiet minnha, hija distingwibbli b’mod ċar f’karatteristika waħda jew iżjed importanti minn kull varjetà oħra magħrufa fil-Komunità.

Il-karatteristiċi għandhom ikunu jistgħu jkunu rikonoxxuti u definiti b’mod preċiż.

[...]

2.      Varjetà għandha titqies bħala stabbli jekk, wara propagazzjoni jew moltiplikazzjonijiet suċċessivi jew fi tmiem ta’ kull ċiklu (fejn min irabbi jkun definixxa ċiklu partikolari ta’ propagazzjoni jew moltiplikazzjonijiet) tibqa’ vera għad-deskrizzjoni tal-karatteristiċi essenzjali tagħha.

3.      Varjetà għandha titqies bħala suffiċjentement uniformi jekk, ħlief għal xi ftit abberazzjonijiet, il-pjanti li hija komposta minnhom huma, wara li jitqiesu l-karatteristiċi distintivi tas-sistemi riproduttivi tal-pjanti, simili jew ġenetikament identiċi fir-rigward tal-karatteristiċi, meħuda fit-total, li huma kkunsidrati għal dan l-iskop.”

15      L-Artikolu 44(2) u (3) tad-Direttiva 2002/55 jipprovdi li:

“2.       Għandhom ikunu stabbiliti kondizzjonijiet speċifiċi skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 46(2) biex jitqiesu l-iżviluppi fir-rigward tal-konservazzjoni in situ u l-użu sostenibbli tar-riżorsi ġenetiċi tal-pjanti permezz tat-tkabbir u l-marketing taż-żerriegħa ta’:

(a)       landraces u varjetajiet li tkabbru tradizzjonalment f’lokalitajiet partikolari u reġjuni u mhedda bl-erożjoni ġenetika mingħajr preġudizzju għad-disposizzjonijiet tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1467/94 ta’ l-20 ta’ Ġunju 1994 fuq il-konservazzjoni, il-karatterizzazzjoni, il-ġabra u l-użu tar-riżorsi ġenetiċi fl-agrikoltura [ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 16, p. 208];

(b)       varjetajiet bl-ebda valur intrinsiku għall-produzzjoni kummerċjali ta’ l-uċuħ imma żviluppati għat-tkabbir taħt kondizzjonijiet partikolari.

3.       Il-kondizzjonijiet speċifiċi msemmija fil-paragrafu 2 għandhom jinkludu partikolarment il-punti li ġejjin:

(a)       fil-każ tal-paragrafu 2, punt (a), il-landraces u l-varjetajiet għandhom ikunu aċċettati skond id-disposizzjonijiet ta’ din id-Direttiva. Partikolarment ir-riżultati tal-verifiki mhux uffiċjali u t-tagħrif miksub mill-esperjenza prattika matul il-koltivazzjoni, riproduzzjoni u l-użu u d-deskrizzjonijiet dettaljati tal-varjetajiet u d-denominazzjonijiet rilevanti, kif notifikati lill-Istati Membri kkonċernati, għandhom jitqiesu u, jekk biżżejjed, għandhom jirriżultaw f’eżenzjoni mill-ħtieġa ta’ eżami uffiċjali. Ma’ l-aċċettazzjoni ta’ tali landrace jew varjetà, għandha tkun indikata bħala ‘varjetà ta’ konservazzjoni’ fil-katalgu komuni;

(b)       fil-każ tal-pargrafu 2, punti (a) u (b), restrizzjonijiet kwantitattivi xierqa.”

16      Skont l-Artikolu 48 tad-Direttiva 2002/55:

“1.       Jistgħu jkunu stabbiliti kondizzjonijiet speċifiċi skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 46(2) biex jitqiesu l-iżviluppi fil-kamp ta’:

[...]

(b)       kondizzjonijiet li taħthom iż-żerriegħa tista’ tinbiegħ fir-rigward tal-konservazzjoni in situ u l-użu sostenibbli tar-riżorsi ġenetiċi tal-pjanti, inkluż taħlit taż-żerriegħa ta’ speċi li jinkludu wkoll speċi elenkati fl-Artikolu 1 tad-Direttiva [2002/53], u huma assoċjati ma’ abitat speċifiku naturali u semi-naturali u li huma mhedda bl-erożjoni ġenetika;

[...]

2.      Il-kondizzjonijiet speċifiċi msemmija fil-paragrafu 1(b) għandhom jinkludu partikolarment il-punti li ġejjin:

(a)       iż-żerriegħa ta’ dawn l-ispeċi għandhom ikunu ta’ provenjenza magħrufa approvata mill-awtorità xierqa f’kull Stat Membru għall-marketing taż-żerriegħa f’kampi definiti;

(b)       restrizzjonijiet kwantitattivi xierqa.”

 Id-Direttiva 2009/145

17      Id-Direttiva 2009/145 timplementa l-Artikoli 4(4), 44(2) u 48(1)(b) tad-Direttiva 2002/55 bl-għan li jiġu kkonservati r-riżorsi ġenetiċi tal-pjanti għall-ikel.

18      Skont il-premessi 1 sa 3 u 14 tad-Direttiva 2009/145:

“(1)      Il-kwistjonijiet dwar il-bijodiversità u l-konservazzjoni ta’ riżorsi ġenetiċi tal-pjanti kibru fl-importanza tagħhom matul dawn l-aħħar snin, kif huwa rifless fi żviluppi differenti fuq livell internazzjonali u Komunitarju. L-eżempji jinkludu d-Deċiżjoni tal-Kunsill 93/626/KEE tal-25 ta’ Ottubru 1993 dwar il-konklużjoni tal-Konvenzjoni fuq id-Diversità Bijoloġika [ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 19, p. 126], id-Deċiżjoni [2004/869], ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 870/2004 tal-24 ta’ April 2004 li jistabbilixxi programm tal-Komunità dwar il-ħarsien, karatterizzazzjoni, ġbir u l-użu ta’ riżorsi ġenetiċi fl-agrikoltura u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1467/94 [ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 45, p. 167]u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005 tal-20 ta’ Settembru 2005 dwar l-appoġġ għall-iżvilupp rurali tal-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (EAFRD) [ĠU L 286M, p. 26]. Għandhom jiġu stabbiliti kundizzjonijiet speċifiċi skont id-Direttiva [2002/55] biex jittieħdu inkunsiderazzjoni dawn il-kwistjonijiet fir-rigward tat-tqegħid fis-suq taż-żrieragħ tal-ħxejjex.

(2)       Biex ikunu żgurati l-konservazzjoni in situ u l-użu sostenibbli ta’ riżorsi ġenetiċi tal-pjanti, għandhom jitkabbru u jitqiegħdu fis-suq landraces u varjetajiet tradizzjonalment imkabbar f’lokalitajiet u f’reġjuni partikulari u li huma mhedda mit-tagħwir ġenetiku (varjetajiet ta’ konservazzjoni) ukoll fejn ma jkunux konformi mar-rekwiżiti ġenerali fir-rigward tal-approvazzjoni ta’ varjetajiet u t-tqegħid fis-suq taż-żrieragħ. Flimkien mal-iskop ġenerali ta’ protezzjoni tar-riżorsi ġenetiċi tal-pjanti, l-interess partikulari ta’ konservazzjoni ta’ dawn il-varjetajiet huwa marbut mal-fatt li huma partikolarment adattati tajjeb għal kundizzjonijiet partikulari lokali.

(3)       Biex jiġi żgurat l-użu sostenibbli tar-riżorsi ġenetiċi tal-pjanti, il-varjetajiet li ma għandhom l-ebda valur intrinsiku għall-produzzjoni kummerċjali tal-għelejjel iżda li ġew żviluppati biex jikbru f’kundizzjonijiet partikulari (varjetajiet żviluppati biex jitkabbru f’kundizzjonijiet partikulari) għandhom jitkabbru u jitqiegħdu fis-suq ukoll fejn ma jkunux konformi mar-rekwiżiti ġenerali fir-rigward tal-approvazzjoni ta’ varjetajiet u t-tqegħid fis-suq taż-żrieragħ. Flimkien mal-iskop ġenerali ta’ protezzjoni tar-riżorsi ġenetiċi tal-pjanti, l-interess partikulari ta’ konservazzjoni ta’ dawn il-varjetajiet huwa marbut mal-fatt li huma adattati biex jitkabbru f’kundizzjonijiet klimatiċi, pedagoġiċi jew agrotekniċi partikulari (bħalma huma kura manwali, u ħsad ripetut).

[...]

(14)  Wara tliet snin il-Kummissjoni għandha tivvaluta jekk il-miżuri previsti f’din id-Direttiva, partikolarment, id-dispożizzjonijiet li jikkonċernaw ir-restrizzjonijiet kwantitattivi għat-tqegħid fis-suq ta’ żerriegħa ta’ varjetajiet ta’ konservazzjoni u varjetajiet żviluppati biex jitkabbru f’kundizzjonijiet partikulari, humiex effettivi.”

19      L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2009/145 jipprovdi li:

“1.       F’dak li għandu x’jaqsam mal-ispeċi tal-ħxejjex koperti mid-Direttiva [2002/55], din id-Direttiva tistipula ċerti derogi, fir-rigward tal-konservazzjoni in situ u l-użu sostenibbli tar-riżorsi ġenetiċi tal-pjanti peermezz tat-tkabbir u t-tqegħid fis-suq:

(a)      għall-approvazzjoni tal-inklużjoni fil-katalgi nazzjonali ta’ varjetajiet ta’ speċi tal-ħxejjex, kif previsit fid-Direttiva [2002/55], ta’ landraces u varjetajiet tradizzjonalment imkabbra f’lokalitajiet u f’reġjuni partikulari u li huma mhedda minn tagħwir ġenetiku, minn issa ‘l quddiem ‘varjetajiet ta’ konservazzjoni’, u

(b)       għall-approvazzjoni għall-inklużjoni fil-katalgi msemmija fil-punt (a) ta’ varjetajiet bl-ebda valur intrinsiku kummerċjali għal produzzjoni kummerċjali tal-għelejjel iżda żviluppati biex jitkabbru f’kundizzjonijiet partikulari, minn issa ‘l quddiem ‘varjetajiet żviluppati biex jikbru f’kundizzjonijiet partikulari’, u

(ċ)       għat-tqegħid fis-suq ta’ żerriegħa ta’ varjetajiet ta’ konservazzjoni u varjetajiet żviluppati biex jitkabbru f’kundizzjonijiet partikulari bħal dawn.

2.       Sakemm ma jkunx previst mod ieħor f’din id-Direttiva, għandha tapplika d-Direttiva [2002/55].”

20      L-Artikolu 35 tad-Direttiva 2009/145 jipprovdi li:

“Sal-31 ta’ Diċembru 2013 il-Kummissjoni għandha tevalwa l-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva.”

 Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

21      Kokopelli hija għaqda mingħajr skop ta’ lukru li tbigħ żrieragħ ta’ varjetajiet ta’ ħxejjex u fjuri qodma li joriġinaw mill-agrikoltura bioloġika u li tqiegħed għad-dispożizzjoni tal-membri tagħha varjetajiet ta’ ħaxix li ma jitkabbrux wisq fi Franza.

22      L-attività ta’ Baumaux hija l-produzzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni ta’ żrieragħ ta’ fjuri u ħxejjex. Matul is-sena 2005, din il-kumpannija fetħet kawża għal kompetizzjoni żleali kontra Kokopelli, li fiha talbet fost oħrajn, danni fil-forma ta’ somma f’daqqa fl-ammont ta’ EUR 50 000 kif ukoll il-waqfien ta’ kwalunkwe reklamar li jikkonċerna l-varjetajiet ikkummerċjalizzati minnha.

23      Permezz ta’ sentenza tal-14 ta’ Jannar 2008, it-Tribunal de grande instance de Nancy kkundannat lil Kokopelli għall-ħlas ta’ danni lil Baumaux għal kompetizzjoni żleali. Din il-qorti kkonstatat li Kokopelli u Baumaux kienu involuti fis-settur taż-żrieragħ qodma jew tal-kollezzjoni, li fost il-prodotti li huma kienu jikkummerċjalizzaw 233 prodott kienu identiċi jew simili u li l-attività tagħhom kienet indirizzata lill-istess klijentela ta’ ġardinari dilettanti u li għaldaqstant kienu jinsabu f’sitwazzjoni ta’ kompetizzjoni. Konsegwentement, hija kkunsidrat li Kokopelli kienet qiegħda twettaq atti ta’ kompetizzjoni żleali billi poġġiet għall-bejgħ żrieragħ tal-ħxejjex li la jinsabu fil-katalogu Franċiż u lanqas fuq il-katalogu komuni tal-varjetajiet ta’ speċi ta’ ħxejjex.

24      Kokopelli appellat din is-sentenza quddiem il-Cour d’appel de Nancy.

25      Kien f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-cour d’appel de Nancy ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“Id-Direttivi tal-Kunsill 98/95/KE , 2002/53/KE u 2002/55/KE u tal-Kummissjoni 2009/145 , huma validi fid-dawl tad-drittijiet u prinċipji fundamentali li ġejjin tal-Unjoni Ewropea, jiġifieri, dawk tal-libertà li tiġi eżerċitata attività ekonomika, ta’ proporzjonalità, ta’ ugwaljanza jew ta’ nondiskriminazzjoni, ta’ movement liberu tal-merkanzija u fid-dawl tal-impenji li jirriżultaw mit-[TIRĠPIA], b’mod partikolari sa fejn jimponu restrizzjonijiet fuq il-produzzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni ta’ żerriegħa u pjanti qodma?”

 Fuq id-domanda preliminari

 Fuq l-ammissibbiltà

26      Baumaux tikkunsidra li t-talba għal deċiżjoni preliminari hija inammissibbli peress li Kokopelli ma tistax tinvoka l-invalidità tad-direttivi kkontestati, billi dawn ma jinvolvu l-ebda dritt kif ukoll l-ebda obbligu għall-individwi. Kokopelli hija biss f’pożizzjoni li tikkontesta l-validità tal-leġiżlazzjoni nazzjonali li tittrasponi dawn id-direttivi.

27      Barra minn hekk, Baumaux tqis li r-riferiment għad-Direttiva 98/95 ma huwiex rilevanti għall-finijiet tas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali. Id-Direttiva 2002/53 hija wkoll nieqsa minn kull rilevanza peress li tikkonċerna esklużivament il-kummerċ ta’ varjetajiet ta’ speċi ta’ pjanti agrikoli, filwaqt li mill-fatti inkwistjoni f’din il-kawża jirriżulta li Kokopelli tallega li tikkummerċjalizza żrieragħ ta’ ħxejjex. Baumaux tgħid ukoll li peress li d-Direttiva 2009/145 ġiet adottata ħafna wara li Baumaux bdiet l-azzjoni tagħha kontra Kokopelli, il-validità tagħha ma għandha l-ebda impatt fuq is-soluzzjoni tal-imsemmija kawża.

28      F’dan ir-rigward għandu jitfakkar li, meta tqum domanda dwar il-validità ta’ att adottat mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea quddiem qorti nazzjonali, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi jekk deċiżjoni dwar dan il-punt hijiex neċessarja sabiex tagħti s-sentenza tagħha u, għaldaqstant, tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi dwar din id-domanda. Konsegwentement, meta d-domandi magħmula mill-qorti nazzjonali jirrigwardaw il-validità ta’ regola tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija obbligata, bħala regola, li tiddeċiedi (sentenzi tat-8 ta’ Lulju 2010, Afton Chemical, C‑343/09, Ġabra p. I‑7027, punt 13 u l-ġurisprudenza ċċitata).

29      Huwa biss possibbli għall-Qorti tal-Ġustizzja li tirrifjuta li tiddeċiedi dwar domanda preliminari magħmula minn qorti nazzjonali meta, b’mod partikolari, jkun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni jew l-evalwazzjoni tal-validità ta’ regola tad-dritt tal-Unjoni, mitluba mill-qorti nazzjonali, ma jkollhom l-ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali jew meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika (sentenza Afton Chemical, iċċitata iktar ’il fuq, punt 14).

30      F’dan ir-rigward għandu jitfakkar li d-Direttiva 2002/53 hija relattiva għall-katalogu komuni ta’ varjetajiet ta’ speċi ta’ pjanti agrikoli. Peress li mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-kawża prinċipali tirrigwarda l-kummerċjalizzazzjoni minn Kokopelli ta’ żrieragħ ta’ ħxejjex ma hemmx lok li tiġi eżaminata l-validità tal-imsemmija direttiva.

31      Għandu jiġi ppreċiżat ukoll li d-Direttiva 98/95 hija att legali li jemenda d-Direttiva tal-Kunsill 66/400/KEE, tal-14 ta’ Ġunju 1966, dwar il-kummerċjalizzazzjoni taż-żerriegħa tal-pittravi (ĠU 1966, 125, p. 2290), id-Direttiva tal-Kunsill 66/401/KEE, tal-14 ta’ Ġunju 1966, dwar it-tqegħid fis-suq ta’ żerriegħa ta’ pjanti tal-għalf (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 1, p. 55), id-Direttiva tal-Kunsill 66/402/KEE, tal-14 ta’ Ġunju 1966, dwar il-marketing taż-żerriegħa tal-ġwież (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 1, p. 66), id-Direttiva tal-Kunsill 66/403/KEE, tal-14 ta’ Ġunju 1966, dwar il-kummerċjalizzazzjoni taż-żerriegħa tal-patata taż-żrigħ (ĠU 1966, 125, p. 2320), id-Direttiva tal-Kunsill 69/208/KEE, tat‑30 ta’ Ġunju 1969, dwar il-kummerċjalizzazzjoni taż-żerriegħa tal-pjanti taż-żejt u l-fibri (ĠU L 169, p. 3), id-Direttiva tal-Kunsill 70/457/KEE, tad-29 ta’ Settembru 1970, dwar il-katalogu komuni tal-varjetajiet tal-ispeċi tal-pjanti agrikoli ĠU L 225,p. 1), u d-Direttiva tal-Kunsill 70/458/KEE, tad-29 ta’ Settembru 1970, dwar il-kummerċjalizzazzjoni taż-żerriegħa tal-ħxejjex (ĠU L 225, p. 7), u li d-dispożizzjonijiet ta’ dawn id-direttivi tal-aħħar ġew ikkodifikati bid-Direttivi 2002/53 u 2002/55. F’dawn iċ-ċirkustanzi, lanqas ma hemm lok li tiġi eżaminata l-validità tad-Direttiva 98/95.

32      Fir-rigward tad-Direttiva 2009/145, huwa paċifiku li din ġiet adottata matul is-sena 2009, jiġifieri wara l-kawża għal kompetizzjoni żleali mibdija minn Baumaux kontra Kokopelli. Madankollu, hekk kif tirrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 48 tal-konklużjonijiet tagħha, l-eżami tal-validità ta’ din id-direttiva jista’ jkun utli għall-qorti tar-rinviju għall-finijiet tas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali.

33      Konsegwentement, ma jidhirx b’mod manifest, li l-evalwazzjoni tal-validità tad-Direttivi 2002/55 u 2009/145 ma għandha l-ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali jew li hija tikkonċerna problema ta’ natura ipotetika.

34      Barra minn hekk għandu jitfakkar li, fis-sistema kompluta ta’ rimedji legali u ta’ proċeduri stabbiliti mit-Trattat FUE bil-għan li jiġi żgurat stħarriġ tal-legalità tal-atti tal-istituzzjonijiet, fejn persuni fiżiċi jew ġuridiċi ma jistgħux, minħabba l-kundizzjonijiet għall-ammissibbiltà stipulati fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, jikkontestaw direttament atti tal-Unjoni ta’ applikazzjoni ġenerali, huma jistgħu, skont il-każ, isostnu l-invalidità ta’ dawn l-atti jew, b’mod indirett taħt l-Artikolu 277 TFUE, quddiem il-qorti tal-Unjoni, jew quddiem il-qrati nazzjonali, u jitolbuhom, peress li ma għandhomx il-ġurisdizzjoni sabiex huma stess jikkonstataw l-invalidità tal-imsemmija atti, jistaqsu f’dan ir-rigward lill-Qorti tal-Ġustizzja permezz ta’ domandi preliminari (sentenza Afton Chemical, iċċitata iktar ’il fuq, punt 18).

35      Issa, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li, bla dubju ta’ xejn, Kokopelli ma kellhiex locus standi sabiex tippreżenta rikors għall-annullament, fuq il-bażi tal-Artikoli 230 KE u 263 TFUE, tad-Direttivi 2002/55 u 2009/145. Għaldaqstant, hija għandha d-dritt li, fil-kuntest ta’ rikors ippreżentat skont id-dritt nazzjonali, tinvoka l-invalidità ta’ dawn id-direttivi, anki jekk ma ppreżentatx rikors għal annullament ta’ dawn id-direttivi tal-aħħar quddiem il-qorti tal-Unjoni fit-terminu previst fl-imsemmija artikoli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Afton Chemical, iċċitata iktar ’il fuq, punti 19 sa 25).

36      Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li d-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju hija ammissibbli sa fejn tikkonċerna l-validità tad-Direttivi 2002/55 u 2009/145.

 Fuq il-mertu

37      Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi dwar il-validità tad-Direttivi 2002/55 u 2009/145 fid-dawl tal-prinċipji ta’ eżerċizzju liberu ta’ attività ekonomika, ta’ proporzjonalità, ta’ ugwaljanza fit-trattament, ta’ movement liberu tal-merkanzija kif ukoll fid-dawl tal-impenji meħuda mill-Unjoni taħt it-TIRĠPIA.

 Fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità

38      Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-prinċipju ta’ proporzjonalità, li l-allegat ksur tiegħu għandu jiġi eżaminat fl-ewwel lok, jagħmel parti mill-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni u jeżiġi li l‑miżuri implementati permezz ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni jkunu kapaċi jilħqu l-għanijiet leġittimi mfittxija mil-leġiżlazzjoni kkonċernata u li ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex dawn jintlaħqu (sentenzi tas-6 ta’ Diċembru 2005, ABNA et, C‑453/03, C‑11/04, C‑12/04 u C‑194/04, Ġabra p. I‑10423, punt 68; tas-7 ta’ Lulju 2009, S.P.C.M. et, C‑558/07, Ġabra p. I‑5783, punt 41, kif ukoll tat-8 ta’ Ġunju 2010, Vodafone et, C‑58/08, Ġabra p. I-4999, punt 51).

39      Għal dak li jikkonċerna l-istħarriġ ġudizzjarju tal-kundizzjonijiet imsemmija fil-punt preċedenti tas-sentenza preżenti, għandu jitfakkar li fil-qasam tal-politika agrikola komuni l-leġiżlatur Komunitarju għandu setgħa diskrezzjonali wiesgħa li tikkorrispondi għar-responsabbiltajiet politiċi li jattribwixxulu l-Artikoli 40 TFUE u 43 TFUE u li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, ripetutament, li huwa biss fil-każ li miżura adottata f’dan il-qasam tkun manifestament mhux xierqa, fid-dawl tal-għan li jkollha l-istituzzjoni kompetenti, li l-legalità ta’ tali miżura tista’ tiġi affettwata (ara s-sentenzi tal-5 ta’ Ottubru 1994, Il-Ġermanja vs Il‑Kunsill, C‑280/93, Ġabra p. I‑4973, punti 89 u 90; tat-13 ta’ Diċembru 1994, SMW Winzersekt, C‑306/93, Ġabra p. I‑5555, punt 21, kif ukoll tat-2 ta’ Lulju 2009, Bavaria u Bavaria Italia, C‑343/07, Ġabra p. I‑5491, punt 81).

40      Madankollu, għalkemm l-importanza tal-għanijiet imfittxija tista’ tiġġustifika r-restrizzjonijiet li għandhom konsegwenzi negattivi, anki kunsiderevoli, għal ċerti operaturi ekonomiċi (sentenza tas-17 ta’ Lulju 1997, Affish, C‑183/95, Ġabra p. I‑4315, punt 42), għandu jiġi vverifikat li, fil-kuntest tal-eżami tar-restrizzjonijiet konnessi ma’ diversi miżuri possibbli, il-leġiżlatur tal-Unjoni jkun ikkunsidra għal kollox l-interessi preżenti apparti l-għanijiet prinċipali mfittxija (sentenza tat-12 ta’ Jannar 2006, Agrarproduktion Staebelow, C‑504/04, Ġabra p. I‑679, punt 37).

41      F’dan il-każ, għandu jiġi eżaminat jekk is-sistema ta’ approvazzjoni tal-varjetajiet ta’ ħxejjex prevista mid-Direttivi 2002/55 u 2009/145 tiksirx il-prinċipju ta’ proporzjonalità. Fil-fatt, l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2002/55 jillimita ċ-ċertifikazzjoni, il-kontroll bħala żrieragħ standard u l-kummerċjalizzazzjoni ta’ żrieragħ ta’ ħxejjex għal dawk li l-varjetà tagħhom ġiet uffiċjalment ammessa għall-inqas fi Stat Membru wieħed. Issa, biex tiġi ammessa fil-katalogi uffiċjali, skont l-Artikolu 4(1) ta’ din id-direttiva, varjetà għandha tkun distinta, stabbli u suffiċjentement uniformi.

42      Kokopelli ssostni li huwa impossibbli għaliha li tikkummerċjalizza ż-żrieragħ ta’ varjetajiet ta’ ħxejjex “qodma” peress li fid-dawl tal-karatteristiċi tagħhom stess, dawn ma jistgħux jissodisfaw il-kriterji ta’ distinzjoni, ta’ stabbiltà u ta’ uniformità, u għaldaqstant huma esklużi mill-katalogu uffiċjali b’mod li ma huwiex iġġustifikat.

43      F’dan ir-rigward, mill-premessi 2 sa 4 tad-Direttiva 2002/55 jirriżulta li l-għan primarju tar-regoli relattivi għall-ammissjoni taż-żrieragħ ta’ varjetajiet ta’ ħxejjex jikkonsisti fit-titjib tal-produttività tal-kultivazzjoni ta’ ħxejjex fl-Unjoni. Dan l-għan jagħmel espressament parti mill-għanijiet tal-politika agrikola komuni, kif previst fl-Artikolu 39(1)(a) TFUE.

44      Sabiex tiġi żgurata żieda fil-produttività tal-imsemmija kultivazzjoni, it-twaqqif, fil-kuntest ta’ regoli uniformi li huma armonizzati u stretti kemm jista’ jkun għal dak li jikkonċerna l-għażla tal-varjetajiet ammessi għall-kummerċjalizzazzjoni, ta’ katalogu komuni tal-varjetajiet ta’ speċi ta’ ħxejjex fuq il-bażi ta’ katalogi nazzjonali, jidher tali li jiżgura li jintlaħaq dan il-għan.

45      Fil-fatt, tali sistema ta’ approvazzjoni, li teħtieġ li ż-żrieragħ ta’ varjetajiet ta’ ħxejjex ikunu distinti, stabbli u uniformi, tippermetti l-użu ta’ żrieragħ xierqa u, konsegwentement, iktar produttività tal-agrikoltura, ibbażata fuq l-affidabbiltà tal-karatteristiċi tal-imsemmija żrieragħ.

46      Barra minn hekk, skont l-Artikolu 1 tad-Direttiva 2002/55, din tikkonċerna l-produzzjoni bl-għan tal-kummerċjalizzazzjoni kif ukoll il-kummerċjalizzazzjoni ta’ żrieragħ ta’ ħxejjex fi ħdan l-Unjoni. Il-premessa 12 tagħha tippreċiża li ż-żrieragħ tal-varjetajiet irreġistrati fil-katalogu komuni ma għandhom ikunu suġġetti, fi ħdan l-Unjoni, għall-ebda restrizzjoni ta’ kummerċjalizzazzjoni rigward il-varjetà.

47      Għaldaqstant, id-Direttiva 2002/55 għandha l-għan ukoll li tistabbilixxi s-suq intern taż-żrieragħ ta’ ħxejjex billi tiżgura l-moviment liberu tagħhom fl-Unjoni. F’dan il-każ, is-sistema ta’ approvazzjoni prevista minn din id-direttiva hija tali li tikkontribwixxi sabiex dan l-għan jintlaħaq, peress li tali sistema tiżgura li ż-żrieragħ ikkummerċjalizzati fid-diversi Stati Membri jissodisfaw l-istess rekwiżiti.

48      Mill-Artikolu 4(4) tad-Direttiva 2002/55 jirriżulta wkoll li din għandha l-għan ta’ konservazzjoni tar-riżorsi ġenetiċi tal-pjanti. L-Istati Membri jistgħu għaldaqstant jevitaw il-kriterji ta’ ammissjoni msemmija fl-Artikolu 4(1) ta’ din id-direttiva, skont il-proċeduri msemmija fl-Artikoli 44(3) u 46(2) tagħha.

49      F’dan ir-rigward, tali sistema ta’ approvazzjoni derogatorja implementata mid-Direttiva 2009/145, li tapplika għaż-żrieragħ ta’ landraces u ta’ varjetajiet li huma tradizzjonalment imkabbra f’lokalitajiet u reġjuni partikolari u li huma mhedda minn erożjoni ġenetika (varjetajiet ta’ konservazzjoni) kif ukoll għal żrieragħ ta’ varjetajiet li ma għandhomx valur intrinsiku għal produzzjoni ta’ pjanti kummerċjali iżda żviluppati sabiex jitkabbru f’kundizzjonijiet partikolari, tidher li hija tali li tiżgura l-konservazzjoni tar-riżorsi ġenetiċi ta’ pjanti.

50      Minn dan isegwi li s-sistema ta’ approvazzjoni prevista mid-Direttivi 2002/55 u 2009/145 hija xierqa sabiex jintlaħqu l-għanijiet imfittxija minnhom.

51      Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk din is-sistema tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet, Kokopelli ssostni li l-imsemmija sistema tikkostitwixxi l-iktar mod restrittiv li bih jiġi rregolat l-eżerċizzju ta’ attività ekonomika.

52      Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea jirrileva li Kokopelli ma indikatx ir-raġunijiet għaliex hija tqis li l-imsemmija sistema ta’ approvazzjoni hija minifestament sproporzjonata rigward l-għanijiet imfittxija. Din l-istituzzjoni tikkunsidra, fi kwalunkwe każ, miżuri inqas restrittivi, bħall-ittikkettjar, ma jikkostitwixxux mod daqstant effettiv sabiex jiġi żgurat l-għan ta’ produttività intiż mid-Direttiva 2002/55, peress li huwa jippermetti l-bejgħ u ż-żrigħ ta’ żrieragħ li potenzjalment jistgħu jkunu ta’ ħsara jew li ma jippermettux l-aħjar produzzjoni agrikola.

53      F’dan ir-rigward huwa importanti li jiġi rrilevat li, sabiex tiġi żgurata żieda fil-produttività agrikola, iż-żrieragħ ikkummerċjalizzati fis-suq intern għandhom jipprovdu l-garanziji neċessarji għall-aħjar użu tar-riżorsi agrikoli.

54      F’dan il-kuntest, għandu jiġi kkonstatat li l-leġiżlatur tal-Unjoni seta’ jikkunsidra li s-sistema ta’ approvazzjoni prevista mid-Direttiva 2002/55 kienet neċessarja sabiex il-produtturi agrikoli jiksbu produttività li hija affidabbli u ta’ kwalità tajba f’termini ta’ rendiment.

55      Fil-fatt, l-ewwel nett, l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2002/55 jeżiġi li varjetà ta’ ħxejjex tkun distinta, fis-sens li, tkun xi tkun l-oriġini, artifiċjali jew naturali, tal-varjazzjoni inizjali li tkun irriżultat minnha, hija tiddistingwi ruħha b’mob sinjifikattiv permezz ta’ wieħed jew diversi karatteristiċi importanti mill-varjetajiet l-oħra kollha magħrufa fl-Unjoni. Din in-natura distintiva tipprovdi għalhekk l-informazzjoni neċessarja rigward il-karatteristiċi partikolari ta’ diversi tipi ta’ żerriegħa lill-produtturi agrikoli u tippermettilhom jagħmlu għażla li tiżguralhom l-aħjar rendiment.

56      Sussegwentement, l-Artikolu 5(2) ta’ din id-direttiva jipprovdi li varjetà hija stabbli jekk, wara propogazzjoni jew multiplikazzjonijiet suċċessivi jew fit-tmiem ta’ kull ċiklu, fejn min irabbi jkun definixxa ċiklu partikolari ta’ propogazzjoni jew multiplikazzjonijiet, tibqa’ konformi għad-deskrizzjoni tal-karatteristiċi essenzjali tagħha. Il-kriterju relattiv għall-istabbiltà jiżgura għalhekk li l-karatteristiċi kwalitattivi partikolari ta’ żerriegħa aċċettata jibqgħu konsistenti matul is-snin.

57      Fl-aħħar nett, skont l-Artikolu 5(3) tal-imsemmija direttiva, ir-rekwiżit ta’ uniformità jirreferi għal sitwazzjoni li fiha l-pjanti li minnhom hija komposta varjetà huma, fid-dawl tal-partikolaritajiet tas-sistema riproduttiva tal-pjanti, simili jew ġenetikament identiċi fir-rigward tal-karatteristiċi kollha meqjusa għal dan il-għan. Billi jiżgura li ż-żrieragħ mibjugħa taħt isem partikolari jippreżentaw l-istess karatteristiċi ġenetiċi, il-kriterju relattiv għall-uniformità jinkoraġġixxi l-aħjar rendiment.

58      Konsegwentement, l-obbligu ta’ inklużjoni fil-katalogi uffiċjali kif ukoll il-kriterji ta’ ammissjoni relatati miegħu jippermettu d-deskrizzjoni tal-varjetà u l-verifika tal-istabbiltà u tal-uniformità tagħha, sabiex jiġi ggarantit li ż-żrieragħ ta’ varjetà jkollhom il-kwalitajiet neċessarji sabiex tiġi żgurata produzzjoni agrikola ta’ livell għoli, ta’ kwalità, affidabbli u li tibqa’ matul iż-żmien.

59      F’dawn iċ-ċirkustanzi, u b’mod partikolari fid-dawl tas-setgħa diskrezzjonali wiesgħa li għandu l-leġiżlatur tal-Unjoni fil-qasam tal-politika agrikola komuni, li timplika għażliet ta’ natura ekonomika li fihom huwa msejjaħ iwettaq evalwazzjonijiet u eżamijiet kumplessi, dan il-leġiżlatur jista’ leġittimament jikkunsidra li miżuri oħrajn, bħall-ittikkettjar, ma jwasslux għall-istess riżultat bħal dak li twassal għalih leġiżlazzjoni bħal dik inkwistjoni, li tistabbilixxi sistema ta’ approvazzjoni minn qabel ta’ żrieragħ ta’ varjetajiet ta’ ħxejjex, u li din tal-aħħar hija, għaldaqstant, xieraqa fid-dawl tal-għanijiet li l-imsemmi leġiżlatur jixtieq jilħaq.

60      Fil-fatt, miżura inqas restrittiva, bħall-ittikkettjar, ma tikkostitwixxix miżura daqstant effettiva peress li tippermetti l-bejgħ u, konsegwentement, iż-żrigħ ta’ żrieragħ li potenzjalment jistgħu jkunu ta’ ħsara jew li ma jippermettux l-aħjar produzzjoni agrikola. Minn dan isegwi li l-leġiżlazzjoni kkontestata ma tistax titqies bħala manifestament mhux xierqa fid-dawl tal-imsemmija għanijiet.

61      B’dan il-mod, il-leġiżlatur tal-Unjoni ma kisirx il-prinċipju ta’ proporzjonalità, peress li għalkemm din il-leġiżlazzjoni jista’ jkollha konsegwenzi negattivi, anki kunsiderevoli, għall-ċerti operaturi ekonomiċi, għandu jiġi kkonstatat li, fid-dawl tal-għanijiet imfittxija mis-sistema ta’ approvazzjoni prevista mid-Direttivi 2002/55 u 2009/145, li hija intiża b’mod paritkolari sabiex tiżgura żieda fil-produttività agrikola u tiżgura l-moviment liberu taż-żrieragħ ammessi, l-imsemmija sistema tinkoraġġixxi simultanjament l-interessi ekonomiċi tal-produtturi agrikoli u dawk tal-operaturi li jikkummerċjalizzaw żrieragħ ta’ ħxejjex ammessi.

62      Fir-rigward ta’ operaturi, bħal Kokopelli, li joffru għall-bejgħ “varjetajiet qodma” li ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet iffissati fl-Artikoli 4(1) u 5 tad-Direttiva 2002/55, għandu jitfakkar li fl-Artikoli 44(2) u 48(1)(b) tagħha din tal-aħħar tipprevedi l-iffissar ta’ kundizzjonijiet partikolari ta’ ammissjoni u ta’ kummerċjalizzazzjoni għal dak li jikkonċerna l-varjetajiet ta’ konservazzjoni u l-varjetajiet żviluppati sabiex jitkabbru f’kundizzjonijiet partikolari.

63      B’mod partikolari, l-Artikolu 44(3)(a) tad-Direttiva 2002/55 jipprovdi li ż-żrieragħ ta’ varjetajiet ta’ konservazzjoni jistgħu jiġu inklużi fil-katalogu tal-Unjoni mingħajr eżami uffiċjali fuq il-bażi, b’mod partikolari, ta’ testijiet mhux uffiċjali u ta’ esperjenzi miksuba matul it-tkabbir tagħhom. Barra minn hekk, l-Artikolu 44(3)(b) ta’ din id-direttiva jipprovdi li r-restrizzjonijiet kwantitattivi xierqa għandhom japplikaw għall-varjetajiet ta’ konservazzjoni u għal dawk żviluppati sabiex jitkabbru f’kundizzjonijiet partikolari. F’dan ir-rigward, id-Direttiva 2009/145 ġiet adottata skont l-imsemmija artikoli tad-Direttiva 2002/55.

64      Id-Direttivi 2002/55 u 2009/145 jieħdu inkunsiderazzjoni l-interessi ekonomiċi ta’ operaturi bħal Kokopelli, inkwantu ma jeskludux il-kummerċjalizzazzjoni ta’ “varjetajiet qodma”. Huwa minnu li d-Direttiva 2009/145 timponi restrizzjonijet ġeografiċi, kwantitattivi u dwar l-ippakkjar għal dak li jikkonċerna ż-żrieragħ ta’ varjetajiet ta’ konservazzjoni kif ukoll dawk żviluppati sabiex jitkabbru f’kundizzjonijiet partikolari, iżda dawn ir-restrizzjonijiet jaqgħu fil-kuntest tal-konservazzjoni ta’ riżorsi ġenetiċi tal-pjanti.

65      Barra minn hekk, hekk kif isostnu l-istituzzjonijiet li ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub, il-leġiżlatur tal-Unjoni ma kienx qiegħed ifittex il-liberalizzazzjoni tas-suq taż-żrieragħ ta’ varjetatjiet ta’ konservazzjonij jew ta’ dawk żviluppati sabiex jitkabbru f’kundizzjonijiet partikolari, iżda kien qiegħed ifittex li jtaffi r-regoli ta’ approvazzjoni filwaqt li jevita l-ħolqien ta’ suq parallell ta’ dawn iż-żrieragħ, li jirriskja li jostakola s-suq intern taż-żrieragħ ta’ varjetajiet ta’ ħxejjex.

66      Barra minn hekk, għandu jitfakkar li l-Artikolu 35 tad-Direttiva 2009/145 jeħtieġ li l-Kummissjoni tevalwa l-implementazzjoni tagħha sal-31 ta’ Diċembru 2013. Il-premessa 14 ta’ din id-direttiva tikkonferma li wara tliet snin il-Kummissjoni għanda tevalwa l-effettività, b’mod partikolari, tad-dispożizzjonijiet relattivi għar-restrizzjonijiet kwantitattivi applikabbli għall-kummerċjalizzazzjoni taż-żrieragħ ta’ varjetajiet ta’ konservazzjoni u ta’ dawk żviluppati sabiex jitkabbru f’kundizzjonijiet partikolari. L-imsemmija direttiva tista’, konsegwentement, tiġi emendata skont ir-riżultati tal-verifiki mwettqa.

67      Għaldaqstant, il-leġiżlatur tal-Unjoni seta’ ġustament jikkunsidra li l-mod xieraq kif jiġu rrikonċiljati l-għanijiet imfittxija mid-Direttivi 2002/55 u 2009/145 u mfakkra fil-punti 43 sa 49 tas-sentenza preżenti, flimkien mal-interessi tal-operaturi ekonomiċi inkwistjoni kollha, kien dak li tiġi prevista sistema ta’ approvazzjoni ġenerali għall-kummerċjalizzazzjoni ta’ żrieragħ standard kif ukoll ta’ kundizzjonijiet partikolari għat-tkabbir u l-kummerċjalizzazzjoni taż-żrieragħ ta’ varjetajiet ta’ konservazzjoni u ta’ dawk żviluppati sabiex jitkabbru f’kundizzjonijiet partikolari.

68      Għandu jiġi rrilevat ukoll li, fid-dawl tal-importanza li għandu l-għan ta’ produttività fil-kuntest tal-Artikolu 39 TFUE, miżuri li jippermettu li jiġi żgurat l-iżvilupp razzjonali tal-produzzjoni agrikola kif ukoll l-aħjar użu tal-fatturi ta’ produzzjoni, bħal dawk inkwistjoni, anki jekk jistgħu jwasslu għal konsegwenzi ekonomiċi negattivi għal ċerti operaturi, ma jidhrux, fid-dawl tal-interessi ekonomiċi tal-imsemmija operaturi, manifestament sproporzjonati meta mqabbla mal-għan imfittex.

69      Minn dak li ntqal jirriżulta li d-Direttivi 2002/55 u 2009/145 ma jiksrux il-prinċipju ta’ proporzjonaità.

 Fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament

70      Skont ġurisprudenza stabbilita, il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament jew ta’ nondiskriminazzjoni, jeħtieġ li sitwazzjonijiet komparabbli ma jkunux ittrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jkunux ittrattati bl-istess mod, sakemm trattament bħal dan ma jkunx oġġettivament iġġustifikat (sentenzi tas-17 ta’ Ottubru 1995, Fishermen’s Organisations et, C‑44/94, Ġabra p. I‑3115, punt 46; tad-9 ta’ Settembru 2004, Spanja vs Il-Kummissjoni, C‑304/01, Ġabra p. I‑7655, punt 31, u tat-8 ta’ Novembru 2007, Spanja vs Il-Kunsill, C‑141/05, Ġabra p. I-9485, punt 40, kif ukoll tal-15 ta’ Mejju 2008, Spanja vs Il-Kunsill, C‑442/04, Ġabra p. I‑3517, punt 35).

71      Kokopelli ssostni li s-sistema ta’ approvazzjoni imposta mid-Direttivi 2002/55 u 2009/145 tistabbilixxi differenza fit-trattament mhux iġġustifikata bejn iż-żrieragħ ta’ varjetajiet ta’ konservazzjoni u ż-żrieragħ standard li jistgħu jiġu inklużi fil-katalogi uffiċjali. Fil-fatt, fid-dawl tal-imsemmija sistema, huwa impossibbli għal Kokopelli li tikkummerċjalizza ż-żrieragħ tal-varjetajiet ta’ konservazzjoni.

72      Huwa importanti li jiġi kkonstatat li fid-dawl tal-karatteristiċi partikolari tagħhom, iż-żrieragħ standard u dawk tal-varjetajiet ta’ konservazzjoni jinsabu f’sitwazzjonijiet differenti. Fil-fatt, iż-żrieragħ ta’ varjetajiet ta’ konservazzjoni, bħala prinċipju, ma jissodisfawx ir-rekwiżiti tal-Artikoli 4(1) u 5 tad-Direttiva 2002/55. Tradizzjonalment dawn huma mkabbra f’lokalitajiet u reġjuni partikolari u huma mhedda minn erożjoni ġenetika.

73      Huwa fid-dawl tal-karatteristiċi partikolari tad-diversi varjetajiet ta’ żrieragħ li s-sistema ta’ approvazzjoni stabbilita mid-Direttivi 2002/55 u 2009/145 tipprovdi, minn naħa, regoli ġenerali għal dak li jikkonċerna l-kummerċjalizzazzjoni taż-żrieragħ standard u, min-naħa l-oħra, kundizzjonijiet partikolari għat-tkabbir u għall-kummerċjalizzazzjoni taż-żrieragħ ta’ varjetajiet ta’ konservazzjoni.

74      Fil-fatt, l-imsemmija kundizzjonijiet partikolari jaqgħu fil-kuntest tal-konservazzjoni in situ u tal-użu sostenibbli tar-riżorsi ġenetiċi tal-pjanti.

75      F’dan ir-rigward, il-premessi 2 u 3 tad-Direttiva 2009/145 jipprovdu li, minbarra l-għan ġenerali ta’ protezzjoni tar-riżorsi ġenetiċi tal-pjanti, l-interess partikolari li jiġu ppreżervati l-varjetajiet ta’ konservazzjoni jinsab fil-fatt li huma partikolarment adatti sew għall-kundizzjonijiet lokali speċifiċi u li huma jistgħu jitkabbru f’kundizzjonijiet ta’ klima partikolari.

76      Minn dan isegwi li billi ffissa, bid-Direttiva 2002/55 kif ukoll bid-Direttiva 2009/145 adottata għall-implementazzjoni tagħha, kundizzjonijiet partikolari għat-tkabbir u għall-kummerċjalizzazzjoni għal dak li jikkonċerna ż-żrieragħ tal-varjetajiet ta’ konservazzjoni, il-leġiżlatur tal-Unjoni ttratta b’mod differenti sitwazzjonijiet li kienu differenti. Konsegwentement, l-imsemmija direttivi ma jiksrux il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

 Fuq in-nuqqas ta’ osservanza tal-prinċipju ta’ eżerċizzju liberu ta’ attività ekonomika

77      Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li d-dritt ta’ eżerċizzju liberu ta’ attività ekonomika jagħmel parti mill-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni. Madankollu, dawn il-prinċipji ma humiex stabbiliti bħala prerogattivi assoluti, iżda għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni skont il-funzjoni tagħhom fis-soċjetà. Konsegwentement, jista’ jkun hemm restrizzjonijiet fl-użu tad-dritt ta’ eżerċizzju liberu ta’ attività ekonomika, taħt il-kundizzjoni li dawn ir-restrizzjonijiet jikkorrispondu effettivament għall-għanijiet ta’ interess ġenerali li jridu jintlaħqu mill-Unjoni u ma jikkostitwixxux, fir-rigward tal-għan li jrid jintlaħaq, intervent eċċessiv u intollerabbli li jwassal għal preġudizzju fis-sustanza stess tad-drittijiet hekk garantiti (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal‑11 ta’ Lulju 1989, Schräder HS Kraftfutter, 265/87, Ġabra p. 2237, punt 15, kif ukoll tat-12 ta’ Lulju 2005, Alliance for Natural health et, C‑154/04 u C‑155/04, Ġabra p. I‑6451, punt 126).

78      F’dan il-każ, huwa minnu li s-sistema ta’ approvazzjoni ta’ żrieragħ ta’ ħxejjex prevista mid-Direttivi 2002/55 u 2009/145 tista’ tirrestrinġi l-eżerċizzju liberu tal-attività professjonali tal-kummerċjanti ta’ żrieragħ qodma, bħal Kokopelli.

79      Madankollu, ir-regoli msemmija fl-Artikoli 3 sa 5 tad-Direttiva 2002/55 huma intiżi għat-titjib tal-produttività fil-kultivazzjoni ta’ ħxejjex fl-Unjoni, għall-istabbiliment tas-suq intern taż-żrieragħ ta’ ħxejjex filwaqt li jiġi żgurat il-moviment liberu fl-Unjoni kif ukoll għall-konservazzjoni tar-riżorsi ġenetiċi tal-pjanti, li jikkostitwixxu għanijiet ta’ interess ġenerali. Issa, hekk kif jirriżulta mill-motivi tas-sentenza preżenti ddedikati għall-allegat ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, ma jidhirx li dawn ir-regoli u l-miżuri li huma jistabbilixxu jippreżentaw natura li ma hijiex xierqa għat-twettiq ta’ dawn l-għanijiet u l-ostakolu għall-eżerċizzju liberu ta’ attività ekonomika li tali miżuri jikkostitwixxu ma jistgħux jitqiesu, fid-dawl tal-għanijiet imfittxija, bħala li jwasslu għal preġudizzju eċċessiv għad-dritt għall-eżerċizzju ta’ din il-libertà.

 Fuq in-nuqqas ta’ osservanza tal-prinċipju ta’ moviment liberu tal-merkanzija

80      Għandu jitfakkar li skont ġurisprudenza stabbilita, il-projbizzjoni ta’ restrizzjonijiet kwantitattivi kif ukoll il-miżuri li għandhom effett ekwivalenti, ipprovduta fl-Artikolu 34 TFUE, tapplika mhux biss għall-miżuri nazzjonali, imma wkoll għall-miżuri li joħorġu mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni (ara s-sentenzi tas-17 ta’ Mejju 1984, Denkavit Nederland, 15/83, Ġabra p. I‑2171, punt 15, kif ukoll Alliance for Natural Health et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 47).

81      F’dan ir-rigward għandu jitfakkar li s-sistema ta’ approvazzjoni prevista mid-Direttivi 2002/55 u 2009/145, kif jirriżulta mill-punti 43 sa 47 tas-sentenza preżenti, tikkontribwixxi għat-titjib tal-produttività tal-kultivazzjoni ta’ ħxejjex fl-Unjoni u għall-istabbiliment tas-suq intern taż-żrieragħ ta’ ħxejjex filwaqt li tiżgura l-moviment liberu tagħhom fl-Unjoni. Għaldaqstant, l-imsemmija sistema tinkoraġġixxi l-moviment liberu tal-merkanzija minflok tirrestrinġih.

 Fuq in-nuqqas ta’ osservanza tat-TIRĠPIA

82      Skont l-Artikolu 1 tat-TIRĠPIA, bħala għan prinċipali dan tal-aħħar għandu l-konservazzjoni u l-użu sostenibbli tar-riżorsi ġenetiċi tal-pjanti għall-ikel u l-agrikoltura.

83      F’dan ir-rigward, Kokopelli tikkunsidra li s-sistema ta’ approvazzjoni prevista mid-Direttiva 2002/55 ma tosservax id-dispożizzjonijiet tat-TIRĠPIA.

84      Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li, skont l-Artikolu 216(2) TFUE, meta jiġu konklużi ftehim internazzjonali mill-Unjoni, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni huma marbuta minn dawn il-ftehim u, konsegwentement, dawn jieħdu preċedenza fuq l-atti tal-Unjoni (sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2011, Air Transport Association of America et, C‑366/10, Ġabra p. I-13755, punt 50).

85      Il-validità tal-att tal-Unjoni kkonċernat fid-dawl tar-regoli tad-dritt internazzjonali tista’ tiġi evalwata meta l-Unjoni tkun marbuta b’dawn ir-regoli u meta n-natura kif ukoll l-ekonomija tat-Trattat internazzjonali inkwistjoni ma jikkontestawx dan u meta d-dispożizzjonijiet tiegħu jidhru, mill-perspettiva tal-kontenut tagħhom, inkundizzjonati u ċari biżżejjed (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2011, Air Transport Association of America et, iċċitata iktar ’il fuq, punti 51 sa 54).

86      F’dan ir-rigward għandu jiġi rrilevat li, bħala parti kontraenti, l-Unjoni hija marbuta mit-TIRĠPIA. Madankollu, hekk kif irrilevat l-Avukat Ġenerali fil-punt 53 tal-konklużjonijiet tagħha, fl-imsemmi trattat ma tinsab ebda dispożizzjoni li, mill-perspettiva tal-kontenut tagħha, hija inkundizzjonata u ċara biżżejjed sabiex tiġi kkontestata l-validità tad-Direttivi 2002/55 u 2009/145.

87      Fil-fatt, il-paragrafu 5.1 tal-Artikolu 5(1) tat-TIRĠPIA, b’mod partikolari, jipprovdi li kull parti kontraenti għandha, bla ħsara għal-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħha, u b’kooperazzjoni mal-partijiet kontraenti l-oħra, fejn xieraq, tippromwovi approċċ integrat għall-esplorazzjoni, konservazzjoni u użu sostenibbli tar-riżorsi ġenetiċi tal-pjanti għall-ikel u l-agrikoltura u għandha b’mod partikolari timpenja ruħha, skont kif jixraq, sabiex tieħu ċertu numru ta’ miżuri.

88      Barra minn hekk, skont l-Artikolu 6 ta’ dan it-trattat, il-partijiet kontraenti għandhom ifasslu u jżommu fis-seħħ politiki u dispożizzjonijiet legali adatti sabiex jippromwovu l-użu sostenibbli tar-riżorsi ġenetiċi tal-pjanti għall-ikel u l-agrikoltura.

89      Għaldaqstant, taħt dawn id-dispożizzjonijiet, il-miżuri li jridu jiġu adottati f’kull każ inkwistjoni jaqgħu taħt id-diskrezzjoni tal-Istati Membri.

90      Barra minn hekk, l-Artikolu 9 tat-TIRĠPIA, invokat minn Kokopelli, jipprovdi li l-partijiet kontraenti jirrikonoxxu l-kontribuzzjoni enormi li l-komunitajiet u indiġeni kif ukoll il-bdiewa tar-reġjuni kollha tad-dinja, u speċjalment dawk taċ-ċentri ta’ oriġini u ta’ diversità tal-pjanti agrikoli taw u jkomplu jagħtu għall-konservazzjoni u l-iżvilupp tar-riżorsi ġenetiċi tal-pjanti għall-ikel li jikkostitwixxu l-bażi tal-produzzjoni tal-ikel u produzzjoni agrikola fid-dinja kollha.

91      Il-paragrafu 9.3 tal-Artikolu 9 ta’ dan it-trattat jistipula li l-ebda parti minn dan l-artikolu ma għandha tiġi interpretata fis-sens li tillimita d-drittijiet li jista’ jkollhom il-bdiewa li jikkonservaw, li jużaw, li jpartu jew li jbigħu żrieragħ li jintrefgħu mir-razzett innifsu jew materjal għall-propagazzjoni, bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni nazzjonali jew skont kif xieraq.

92      Konsegwentement, l-imsemmi artikolu lanqas ma jinkludi obbligu li huwa inkundizzjonat u ċar biżżejjed sabiex jimmina l-validità tad-Direttivi 2002/55 u 2009/145.

93      Minn dak li ntqal jirriżulta li l-eżami tad-domanda magħmula ma tirrileva l-ebda element tali li jaffettwa l-validità tad-Direttivi 2002/55 u 2009/145.

 Fuq l-ispejjeż

94      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-eżami tad-domanda magħmula ma rrileva l-ebda element tali li jaffettwa l-validità tad-Direttiva tal-Kunsill 2002/55/KE, tat-13 ta’ Ġunju 2002, dwar il-marketing ta’ żrieragħ tal-ħxejjex u tad-Direttiva tal-Kummissjoni 2009/145/KE, tas-26 ta’ Novembru 2009, li tipprevedi ċerti derogi, għall-approvazzjoni ta’ landraces (tipi partikolari) u varjetajiet tal-ħxejjex tradizzjonalment imkabbra f’lokalitajiet u f’reġjuni partikolari u li huma mhedda minn tagħwir ġenetiku u varjetajiet tal-ħxejjex bla ebda valur intrinsiku għall-produzzjoni kummerċjali tal-għelejjel iżda żviluppati biex jitkabbru f’kundizzjonijiet partikolari u t-tqegħid fis-suq ta’ dawk il-landraces u l-varjetajiet.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.