Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Juzgado Mercantil de Barcelona (Spanja) fit- 8 ta' Awwissu 2011 - Mohamed Aziz vs Caixa d'Estalvis de Catalunya, Tarragona i Manresa (Catalunyacaixa)

(Kawża C-415/11)

Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol

Qorti tar-rinviju

Juzgado Mercantil de Barcelona

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: Mohamed Aziz

Konvenuta: Caixa d'Estalvis de Catalunya, Tarragona i Manresa (Catalunyacaixa)

Domandi preliminari

Is-sistema ta' eżekuzzjoni ta' titoli ġudizzjarji fuq beni ipotekati jew rahan prevista fl-Artikoli 695 et seq tal-Ley de Enjuiciamiento civil (Kodiċi ta' Proċedura Ċivili Spanjol), bil-limitazzjonijiet tagħha fir-rigward tal-motivi ta' oppożizzjoni, tikkostitwixxi limitu ċar tal-protezzjoni tal-konsumatur, sa fejn tinvolvi, formalment u sostantivament, ostakolu ċar għall-konsumatur sabiex jeżerċita azzjonijiet jew rikorsi ġuridiċi li jiggarantixxu protezzjoni effettiva tad-drittijiet tiegħu?

Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea hija mitluba tippreċiża l-kunċett ta' sproporzjon rigward:

il-possibbilta ta' dekadenza antiċipata ta' kuntratti ppjanati għal żmien twil (f'dan il-każ 33 sena), għal nuqqasijiet li seħħew f'perijodu speċifiku limitat ħafna;

l-iffissar ta' interessi moratorji (f'dan il-każ ogħla minn 18 %) li ma jikkorrispondux għall-kriterji ta' determinazzjoni tal-interessi moratorji f'kuntratti oħra konklużi ma' konsumaturi (kreditu għall-konsum), li, f'oqsma oħra ta' kuntratti konklużi ma' konsumaturi, jistgħu jiġu kkunsidrati bħala inġusti, u li, madankollu, fil-kuntratti dwar beni immobbli, ma huma suġġetti għal ebda limitu legali ċar, anki meta l-imsemmija interessi għandhom jiġu applikati mhux biss għar-rimborsi dovuti, iżda wkoll għal dawk kollha li saru dovuti minħabba d-dekorrenza antiċipata;

l-iffissar, b'mod unilaterali minn min isellef, ta' mekkaniżmi għall-kalkolu u l-iffissar tal-interessi varjabbli (kemm dawk ordinarji kif ukoll moratorji) marbuta mal-possibbiltà ta' eżekuzzjoni ipotekarja, li ma tippermettix lid-debitur li l-eżekuzzjoni hija mitluba kontrih, li jopponi l-kalkolu tal-ammont tad-dejn fil-kuntest tal-proċedura ta' eżekuzzjoni stess, iżda tirrinvjah għal proċedura fuq il-mertu fejn, meta jikseb sentenza definittiva, l-eżekuzzjoni tkun diġà seħħet jew, tal-Inqas, id-debitur ikun tilef il-beni ipotekat jew mogħti bħala garanzija, li hija kwistjoni partikolarment importanti meta s-self ikun mitlub sabiex tinxtara residenza u li l-eżekuzzjoni timplika t-tkeċċija mill-beni immobbli.

____________