Language of document : ECLI:EU:F:2008:76

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU (L-Ewwel Awla)

17 ta’ Ġunju 2008

Kawża F-97/07

Chantal De Fays

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

“Servizz pubbliku – Uffiċjali – Leave tal-mard – Assenza irregolari – Proċedura ta’ arbitraġġ”

Suġġett: Rikors, ippreżentat skont l-Artikoli 236 KE u 152 KEEA, li permezz tiegħu C. De Fays titlob, b’mod partikolari, l-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni, tal-21 ta’ Ġunju 2007, li tiċħad l-ilment tagħha kontra d-deċiżjoni tal-21 ta’ Novembru 2006 li tikkonstata li hija kienet irregolarment assenti mis-servizz sa mid-19 ta’ Ottubru 2006, u li għalhekk hija ma kellhiex tingħata l-paga għall-perijodu ta’ assenza irregolari li kien jaqbeż id-drittijiet tal-leave annwali.

Deċiżjoni: Ir-rikors huwa miċħud. Kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Sommarju

1.      Proċedura – Preżentazzjoni ta’ motivi ġodda fil-mori tal-kawża – Kundizzjonijiet

(Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, Artikoli 35(1)(d) u (e), u 43)

2.      Uffiċjali – Leave tal-mard – Eżami mediku – Kontestazzjoni tal-konklużjonijiet tal-eżami mediku

(Regolamenti tal-Persunal, il-ħames subparagrafu tal-Artikolu 59(1), u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 60)

3.      Uffiċjali – Leave tal-mard – Eżami mediku – Konstatazzjoni tan-natura irregolari tal-assenza

(Regolamenti tal-Persunal, ir-raba’ u l-ħames subparagrafi tal-Artikolu 59(1), u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 60)

1.       Mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 35(1)(d) u (e) u tal-Artikolu 43 tar-Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jirriżulta li r-rikors għandu jindika s-suġġett tal-kawża u għandu jinkludi fih il-motivi u l-argumenti ta’ fatt u ta’ liġi invokati mir-rikorrent, u li l-preżentazzjoni ta’ motivi ġodda matul il-proċedura hija pprojbita, sakemm dawn il-motivi ma jkunux ibbażati fuq elementi ta’ liġi u ta’ fatt li saru magħrufa matul il-proċedura. Għaldaqstant, motiv li jikkostitwixxi l-iżvilupp ta’ motiv imsemmi qabel, direttament jew impliċitament, fir-rikors u li għandu rabta stretta ma’ dan għandu jiġi ddikjarat ammissibbli.

(ara l-punt 53)

Referenza: It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku 26 ta’ April 2006, Falcione vs Il‑Kummissjoni, F‑16/05, ĠabraSP p. I‑A‑1‑3 u II‑A‑1‑7, punt 65; 30 ta’ Ġunju 2006, Ott et vs Il‑Kummissjoni, F‑87/05, ĠabraSP p. I‑A‑1‑73 u II‑A‑1‑263, punt 74

2.      Il-proċedura ta’ arbitraġġ ta’ tabib indipendenti msemmija fil-ħames paragrafu tal-Artikolu 59(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, miftuħa għal kull uffiċjal li għandu intenzjoni jikkontesta l-konlużjonijiet tal-eżami mediku li jikkonċernah, tirrispondi għax-xewqa tal-leġiżlatur Komunitarju li jiċċara l-proċeduri ta’ eżami tal-assenzi u l-preżentazzjoni ta’ ċertifikati mediċi. Ikun kuntrarju għal dan l-objettiv jekk uffiċjal ikun jista’ jikkontesta l-konklużjonijiet ta’ eżami mediku barra mill-proċedura speċjalment maħluqa għal dan il-għan, anki insostenn ta’ rikors kontra att bħal miżura meħuda, abbażi tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 60 tar-Regolamenti tal-Persunal, f’każ ta’ assenza irregolari.

(ara l-punt 56)

3.      Mill-formulazzjoni tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 59(1) u tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 60 tar-Regolamenti tal-Persunal jirriżulta b’mod ċar li l-amministrazzjoni, meta tirċievi konklużjonijiet ta’ eżami mediku li juru li uffiċjal huwa f’pożizzjoni li jeżerċita l-funzjonijiet tiegħu, għandha tikkonstata li l-uffiċjal kien qiegħed f’sitwazzjoni ta’ assenza mhux iġġustifikata sa mill-ġurnata tal-eżami, għandha tnaqqas din l-assenza mil-leave annwali tal-persuna kkonċernata u, f’każ li jinħela dan il-leave, għandha ċċaħħad lill-uffiċjal mill-paga tiegħu għall-perijodu korrispondenti. L-awtorità adita, wara li tkun ivverifikat li l-eżami mediku ma kienx is-suġġett ta’ talba għal arbitraġġ ta’ tabib indipendenti fil-kundizzjonijiet stabbiliti mill-ħames paragrafu tal-Artikolu 59(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, ikollha kompetenza limitata sabiex tkun tista’ tieħu l-imsemmija miżuri. Konsegwentement, l-annullament ta’ tali miżuri minħabba n-nuqqas ta’ kompetenza ta’ min ikun ħadhom, jista’ jagħti lok biss, ladarba dan il-vizzju jiġi rettifikat fid-data meta jkun sar, għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni identika fir-rigward tal-mertu.

(ara l-punt 70)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja 29 ta’ April 2004, Il‑Parlament vs Reynolds, C‑111/02 P, Ġabra p. I‑5475, punti 59 sa 61