Language of document : ECLI:EU:C:2016:198

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

5 ta’ April 2016(*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari –Kooperazzjoni mill-pulizija u ġudizzjarja f’materji kriminali – Deċiżjoni Qafas 2002/584/ĠAI – Mandat ta’ arrest Ewropew – Motivi għal rifjut ta’ eżekuzzjoni – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikolu 4 – Projbizzjoni ta’ trattament inuman jew degradanti – Kundizzjonijiet ta’ detenzjoni fl-Stat Membru emittenti”

Fil-Kawżi magħquda C‑404/15 u C‑659/15 PPU,

li għandha bħala suġġett talbiet għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Hanseatisches Oberlandesgericht in Bremen (qorti reġjonali superjuri ta’ Bremen, il-Ġermanja), permezz tad-deċiżjonijiet tat‑23 ta’ Lulju u tat‑8 ta’ Diċembru 2015, li waslu fil-Qorti tal-Ġustizzja fl‑24 ta’ Lulju u fid‑9 ta’ Diċembru 2015, rispettivament, fil-proċeduri dwar l-eżekuzzjoni tal-mandati ta’ arrest Ewropej maħruġa kontra

Pál Aranyosi (C‑404/15),

Robert Căldăraru (C‑659/15 PPU),

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn K. Lenaerts, President, A. Tizzano, Viċi President, L. Bay Larsen, T. von Danwitz u D. Šváby, Presidenti ta’ Awla, A. Rosas, E. Juhász, A. Borg Barthet, J. Malenovský, M. Safjan (Relatur), M. Berger, A. Prechal, ME. Jarašiūnas, M. Vilaras u E. Regan, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Y. Bot,

Reġistratur: M. Aleksejev, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal‑15 ta’ Frar 2016,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Aranyosi, minn R. Chekerov, avukat,

–        għal Căldăraru, minn J. van Lengerich, avukat,

–        għall-Generalstaatsanwaltschaft Bremen, minn M. Glasbrenner, Oberstaatsanwalt,

–        għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze u M. Hellmann kif ukoll minn J. Kemper, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek u J. Vláčil, bħala aġenti,

–        għall-Irlanda, minn E. Creedon, L. Williams u G. Mullan kif ukoll minn A. Joyce, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Spanjol, minn A. Sampol Pucurull, bħala aġent,

–        għall-Gvern Franċiż, minn F.‑X. Bréchot, D. Colas u G. de Bergues, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Litwan, minn D. Kriaučiūnas u J. Nasutavičienė, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Ungeriż, minn M. Fehér, G. Koós u M. Bóra, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Olandiż, minn M. Bulterman u J. Langer, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Awstrijak, minn G. Eberhard, bħala aġent,

–        għall-Gvern Rumen, minn R. Radu u M. Bejenar, bħala aġenti,

–        għall-Gvern tar-Renju Unit, minn V. Kaye bħala aġent assistita minn J. Holmes, barrister,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn W. Bogensberger u R. Troosters, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑3 ta’ Marzu 2016,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-Artikoli 1(3), 5 u 6(1) tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/584/ĠAI, tat‑13 ta’ Ġunju 2002, dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 34), kif emendata bid-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/299/ĠAI, tas‑26 ta’ Frar 2009 (ĠU L 81, p. 24, iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni Qafas”).

2        Dawn it-talbiet ġew ippreżentati fil-kuntest tal-eżekuzzjoni, fil-Ġermanja, ta’ żewġ mandati ta’ arrest Ewropej maħruġa rispettivament fl‑4 ta’ Novembru u l‑31 ta’ Diċembru 2014 mill-qorti istruttorja fil-Miskolci járásbíróság (qorti tad-distrett ta’ Miskolc, l-Ungerija) kontra P. Aranyosi, kif ukoll mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ fid‑29 ta’ Ottubru 2015 mill-Judecătoria Făgăraş (qorti tal-ewwel istanza ta’ Fagaras, ir-Rumanija) kontra R. Căldăraru.

 Il-kuntest ġuridiku

 Il-KEDB

3        Intitolat “Projbizzjoni tat-tortura”, l-Artikolu 3 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”), jipprovdi:

“Ħadd ma għandu jkun assoġġettat għal tortura jew għal trattament jew piena inumana jew degradanti.”

4        L-Artikolu 15 tal-KEDB, intitolat “Deroga fi żmien ta’ emerġenza”, jipprevedi:

“1.      Fi żmien ta’ gwerra jew ta’ emerġenza oħra pubblika li thedded il-ħajja tan-nazzjon kull Parti Għolja Kontraenti tista’ tieħu miżuri li jnaqqsu l-obbligi tagħha skont il-Konvenzjoni safejn ikun rigorożament meħtieġ mill-eżiġenzi tas-sitwazzjoni, basta li dawk il-miżuri ma jkunux inkonsistenti ma’ l-obbligi l-oħra tagħha skont il-liġi internazzjonali.

2.      Ma għandha ssir bis-saħħa ta’ din id-disposizzjoni ebda deroga [...] mill-Artikoli 3 [...]

[...]”

5        L-Artikolu 46 tal-KEDB, intitolat “Il-forza vinkolanti u l-eżekuzzjoni tas-sentenzi”, jipprevedi fil-paragrafu 2 tiegħu:

“Is-sentenza finali tal-Qorti [Ewropea tad-drittijiet tal-bniedem (iktar ’il quddiem il-“Qorti EDB”)] għandha tiġi trasmessa lill-Kumitat tal-Ministri, li għandu jissorvelja l-eżekuzzjoni tagħha.”

 Id-dritt tal-Unjoni

 Il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea

6        Skont l-Artikolu 1 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), intitolat “Id-dinjità tal-bniedem”:

“Id-dinjità tal-bniedem hija invjolabbli. Hija għandha tkun irrispettata u protetta.”

7        L-Artikolu 4 tal-Karta, intitolat “Il-projbizzjoni tat-tortura jew tal-pieni jew trattamenti inumani jew degradanti”, jipprevedi:

“Ħadd m’għandu jkun assoġġettat għal tortura jew għal pieni jew trattamenti inumani jew degradanti.”

8        L-ispjegazzjonijiet dwar il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali (ĠU 2007, C 303, p. 17, iktar ’il quddiem l-“ispjegazzjonijiet dwar il-Karta”) jispeċifikaw li “[I]d-dritt fl-Artikolu 4 [tal-Karta] jikkorrispondi għad-dritt iggarantit bl-Artikolu 3 tal-KEDB, li għandu l-istess kliem [...]. Bis-saħħa ta’ l-Artikolu 52(3) tal-Karta, għandu għalhekk l-istess sens u l-istess ambitu bħall-Artikolu tal-KEDB”.

9        L-Artikolu 6 tal-Karta, intitolat “Id-dritt għal-libertà u għas-sigurtà”, jipprevedi li:

“Kull persuna għandha d-dritt għal-libertà u għas-sigurtà.”

10      L-Artikolu 48 tal-Karta, intitolat “Il-preżunzjoni ta’ innoċenza u dritt għad-difiża”, jipprevedi fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Kull imputat għandu jkun preżunt innoċenti sakemm jinstab ħati skond il-liġi.”

11      L-Artikolu 51 tal-Karta, intitolat “Kamp ta’ applikazzjoni”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Id-dispożizzjonijiet ta’ din il-Karta huma intiżi għall-istituzzjonijiet, għall-korpi u għall-aġenziji ta’ l-Unjoni fir-rispett xieraq tal-prinċipju ta’ sussidjarjetà u għall-Istati Membri wkoll biss meta jkunu qed jimplimentaw id-dritt ta’ l-Unjoni. [...]”

12      L-Artikolu 52 tal-Karta, intitolat “L-ambitu u l-interpretazzjoni ta’ drittijiet u ta’ prinċipji”, jipprevedi fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Kull limitazzjoni fl-eżerċizzju tad-drittijiet u tal-libertajiet rikonoxxuti minn din il-Karta għandha tkun prevista mil-liġi u għandha tirrispetta l-essenza ta’ dawk id-drittijiet u l-libertajiet. Bla ħsara għall-prinċipju ta’ proporzjonalità, jistgħu jsiru limitazzjonijiet f’dawk il-każijiet biss fejn ikun meħtieġ u fejn ġenwinament jintlaħqu l-objettivi ta’ interess ġenerali rrikonoxxuti mill-Unjoni jew il-ħtieġa li jiġu protetti d-drittijiet u l-libertajiet ta’ oħrajn.”

 Id-Deċiżjoni Qafas

13      Il-premessi 5, sa 8, 10 u 12 tad-Deċiżjoni Qafas huma fformulati kif ġej:

“(5)      [...] l-introduzzjoni ta’ sistema ssimplifikata ġdida ta’ konsenja ta’ persuni kkundannati jew suspettati għall-finijiet ta’ esekuzzjoni ta’ sentenzi kriminali jew biex jiġu sottoposti għal azzjoni kriminali, jagħmilha possibbli li jitneħħew il-komplessità u l-potenzjal għad-dewmien inerenti fil-proċeduri preżenti ta’ l-estradizzjoni [...]

(6)      Il-mandat ta’ arrest Ewropew previst f’din id-Deċiżjoni Kwadru hi l-ewwel miżura konkreta fil-qasam tal-liġi kriminali li timplimenta l-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku li l-Kunsill Ewropew semma’ bħala l-bażi tal-kooperazzjoni ġudizzjarja.

(7)      Billi l-għan tas-sostituzzjoni tas-sistema ta’ estradizzjoni multilaterali mibnija fuq il-Konvenzjoni Ewropea dwar l-Estradizzjoni tat-13 ta’ Diċembru 1957 ma jistax jintlaħaq sew mill-Istati Membri li jaġixxu unilateralment u jista’ għalhekk, minħabba fl-iskala u fl-effetti tiegħu, jiġi milħuq aħjar fuq il-livell ta’ l-Unjoni, il-Kunsill jista’ jadotta miżuri skond il-prinċipju tas-sussidjarjietà msemmi fl-Artikolu 2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 5 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea. Skond il-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit fl-Artikolu ta’ l-aħħar, din id-Deċiżjoni Kwadru ma tmurx lil hin minn dak li hu meħtieġ sabiex jintlaħaq dak il-għan.

(8)      Id-deċiżjonijiet dwar l-esekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew għandhom ikunu soġġetti għal kontrolli suffiċjenti, li jfisser li awtorità ġudizzjarja ta’ l-Istat Membru fejn il-persuna rikjesta ġiet arrestata jkollha tieħu d-deċiżjoni dwar il-konsenja tagħha.

[...]

(10)      Il-mekkaniżmu tal-mandat ta’ arrest Ewropew hu bbażat fuq livell għoli ta’ kunfidenza bejn l-Istati Membri. L-implimentazzjoni tiegħu jista’ jiġi sospiż biss fil-każ ta’ ksur serju u persistenti minn wieħed mill-Istati Membri tal-prinċipji stabbiliti fl-Artikolu 6(1) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, determinat mill-Kunsill skond l-Artikolu 7(1) tat-Trattat imsemmi bil-konsegwenzi stabbiliti fl-Artikolu 7(2) tiegħu.

[...]

(12)      Din id-Deċiżjoni Kwadru [Qafas] hi in konformità mad-drittijiet fondamentali u tħares il-prinċipji rikonoxxuti mill-Artikolu 6 [UE] u riflessi fil-Karta [...], b’mod partikolari l-Kapitolu VI tiegħu. Xejn f’din id-Deċiżjoni Kwadru ma jista’ jiġi interpretat bħala projbizzjoni tat-tiċħid tal-konsenja ta’ persuna li għaliha nħareġ mandat ta’ arrest Ewropew meta hemm raġunijiet biex jitwemmen, abbażi ta’ elementi oġġettivi, li l-mandat ta’ arrest imsemmi ġie maħruġ għall-fini ta’ l-issoktar ta’ l-azzjoni kriminali jew il-kastig ta’ persuna għal raġunijiet ta’ sess, razza, oriġini etnika, nazzjonalità, ilsien, opinjoni politika jew orjentazzjoni sesswali, jew li l-pożizzjoni ta’ dik il-persuna tista’ tiġi ppreġudikata għal kwalunkwe minn dawn ir-raġunijiet.”

14      L-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni Qafas, intitolat “Definizzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew u l-obbligu li jiġi esegwit”, jipprevedi:

“1.      Il-mandat ta’ arrest Ewropew hija deċiżjoni ġudizzjarja maħruġa minn Stat Membru bl-iskop ta’ l-arrest u l-konsenja minn Stat Membru ieħor ta’ persuna rikjesta, għall-finijiet tat-tmexxija ta’ azzjoni kriminali jew l-esekuzzjoni ta’ piena ta’ kustodja jew ordni ta’ detenzjoni.

2.      L-Istati Membri għandhom jesegwixxu kwalunkwe mandat ta’ arrest Ewropew abbażi tal-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku u skond id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Deċiżjoni Kwadru.

3.      Din id-Deċiżjoni Kwadru m’għandhiex ikollha l-effett li timmodifika l-obbligu tar-rispett tad-drittijiet fundamentali u l-prinċipji legali fundamentali kif imniżżla fl-Artikolu 6 [UE].”

15      L-Artikoli 3, 4 u 4a tad-Deċiżjoni Qafas jistipulaw ir-raġunijiet għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni obbligatorja u fakultattiva tal-mandat ta’ arrest Ewropew.

16      L-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni Qafas, intitolat “Garanziji li għandhom jingħataw mill-Istat Membru [li joħroġ il-mandat] f’każijiet partikolari”, jipprevedi:

“L-esekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew mill-awtorità ġudizzjarja ta’ esekuzzjoni tista’, mil-liġi ta’ l-Istat Membru ta’ esekuzzjoni, tkun soġġetta għall-kondizzjonijiet li ġejjin:

[...]

2.      jekk ir-reat li abbażi tiegħu nħareġ il-mandat ta’ arrest Ewropew huwa punibbli b’piena ta’ kustodja għal għomorha jew ordni ta’ detenzjoni għal għomorha, l-esekuzzjoni ta’ dan il-mandat ta’ arrest tista’ tkun soġġetta għall-kondizzjoni li l-Istat Membru emittenti jkollu dispożizzjonijiet fis-sistema legali tiegħu għal reviżjoni tal-piena jew tal-miżura imposta, fuq talba jew l-aktar tard wara 20 sena, jew għall-applikazzjoni ta’ miżuri ta’ klemenza li għalihom il-persuna hi intitolata li tapplika taħt il-liġi jew prattika ta’ l-Istat Membru emittenti, bl-iskop li ma tiġix esegwita din il-piena jew il-miżura;

3.      fejn persuna li hi s-suġġett ta’ mandat ta’ arrest Ewropew għall-finijiet ta’ azzjoni kriminali hi ċittadina jew residenta ta’ l-Istat Membru ta’ esekuzzjoni, il-konsenja tista’ tkun soġġetta għall-kondizzjoni li l-persuna, wara li tkun instemat, tiġi ritornata lill-Istat Membru ta’ esekuzzjoni sabiex tiskonta hemmhekk il-piena ta’ kustodja jew ordni ta’ detenzjoni mogħtija lilha fl-Istat Membru emittenti.”

17      L-Artikolu 6 tad-Deċiżjoni Qafas, intitolat “Determinazzjoni ta’ l-awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti” jipprovdi:

“1.      L-awtorità ġudizzjarja emittenti għandha tkun l-awtorità ġudizzjarja ta’ l-Istat Membru emittenti li hi kompetenti biex toħroġ mandat ta’ arrest Ewropew permezz tal-liġi ta’ dak l-Istat.

2.      L-awtorità ġudizzjarja ta’ esekuzzjoni għandha tkun l-awtorità ġudizzjarja ta’ l-Istat Membru ta’ esekuzzjoni li hi kompetenti biex tesegwixxi l-mandat ta’ arrest Ewropew permezz tal-liġi ta’ dak l-Istat.

3.      Kull Stat Membru għandu jinforma lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill bl-awtorità ġudizzjarja kompetenti taħt il-liġi tiegħu.”

18      L-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Qafas, intitolat “Rikors lill-awtorità ċentrali”, huwa fformulat kif ġej:

“1.      Kull Stat Membru jista’ jinnomina awtorità ċentrali jew, meta s-sistema legali tiegħu hekk tipprovdi, aktar minn awtorità ċentrali waħda biex tassisti l-awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti.

2.      Stat Membru jista’, jekk ikun meħtieġ bħala riżultat ta’ l-organizazzjoni tas-sistema ġudizzjarja interna tiegħu, jagħmel l-awtorità(jiet) ċentrali tiegħu responsabbli għat-trasmissjoni amministrattiva u l-wasla ta’ mandati ta’ arrest Ewropej kif ukoll għall-korrispondenza uffiċjali oħra kollha konnessa miegħu.

Stat Membru li jixtieq jagħmel użu mill-possibiltajiet imsemmija f’dan l-Artikolu għandu jikkomunika lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill informazzjoni konnessa ma’ l-awtorità ċentrali nominata jew l-awtoritajiet ċentrali nnominati. Dawn l-indikazzjonijiet għandhom ikunu vinkolanti għall-awtoritajiet kollha ta’ l-Istat Membru emittenti.”

19      L-Artikolu 12 tad-Deċiżjoni Qafas, intitolat “Iż-żamma tal-persuna f’detenzjoni”, jistabbilixxi:

“Meta persuna tiġi arrestata abbażi ta’ mandat ta’ arrest Ewropew, l-awtorità ġudizzjarja ta’ esekuzzjoni għandha tieħu deċiżjoni dwar jekk il-persuna rikjesta għandhiex tibqa’ f’detenzjoni, skond il-liġi ta’ l-Istat Membru ta’ esekuzzjoni. Il-persuna tista’ tiġi meħlusa proviżorjament fi kwalunkwe ħin f’konformità mal-liġi domestika ta’ l-Istat Membru ta’ esekuzzjoni, bil-kondizzjoni li l-awtorità kompetenti ta’ dak l-Istat Membru tieħu l-miżuri kollha li tikkunsidra meħtieġa biex tippreveni li l-persuna taħrab.”

20      L-Artikolu 15 tad-Deċiżjoni Qafas, intitolat “Deċiżjoni dwar il-konsenja”, jipprevedi:

“1.      L-awtorità ġudizzjarja ta’ esekuzzjoni għandha tiddeċiedi, fil-limiti ta’ żmien u taħt il-kondizzjonijiet definiti f’din id-Deċiżjoni Kwadru, jekk il-persuna għandhiex tiġi kkonsenjata.

2.      Jekk l-awtorità ġudizzjarja ta’ esekuzzjoni ssib li l-informazzjoni kkomunikata mill-Istat Membru emittenti mhijiex suffiċjenti biex tiddeċiedi dwar il-konsenja, għandha titlob li l-informazzjoni supplementarja meħtieġa, b’mod partikolari fir-rigward ta’ l-Artikoli 3 sa 5 u l-Artikolu 8, tiġi mogħtija bħala kwistjoni ta’ urġenza u tista’ tistabbilixxi limitu ta’ żmien għall-wasla tagħha, waqt li tittieħed f’konsiderazzjoni l-ħtieġa li jkunu mħarsin il-limiti ta’ żmien stabbiliti fl-Artikolu 17.

3.      L-awtorità ġudizzjarja emittenti tista’ fi kwalunkwe ħin titrasmetti kwalunkwe informazzjoni utli addizjonali lill-awtorità ġudizzjarja ta’ esekuzzjoni.”

21      L-Artikolu 17 tad-Deċiżjoni Qafas intitolat “Limiti ta’ żmien u proċeduri għad-deċiżjoni ta’ l-esekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew” jipprevedi:

“1.      Mandat ta’ arrest Ewropew għandu jiġi ttrattat u esegwit b’urġenza.

2.      F’każijiet fejn il-persuna rikjesta tagħti l-kunsens għall-konsenja tagħha, id-deċiżjoni finali dwar l-esekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew għandha tittieħed f’perjodu ta’ 10 ijiem mill-għoti tal-kunsens.

3.      F’kazijiet oħra, id-deċiżjoni finali dwar l-esekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew għandha tittieħed f’perjodu ta’ 60 jum wara l-arrest tal-persuna rikjesta.

4.      Fejn f’każijiet speċifiċi l-mandat ta’ arrest Ewropew ma jistax jiġi esegwit fil-limiti ta’ żmien stabbiliti fil-paragrafi 2 jew 3, l-awtorità ġudizzjarja ta’ esekuzzjoni għandha tinforma immedjatament lill-awtorità ġudizzjarja emittenti b’dan, u tagħti r-raġunijiet għad-dewmien. F’dan il-każ, il-limiti ta’ żmien jistgħu jiġu estiżi b’30 jum ieħor.

5.      Sakemm l-awtorità ġudizzjarja ta’ esekuzzjoni ma tkunx ħadet deċiżjoni finali dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew, hija għandha tiżgura li l-kondizzjonijiet materjali meħtieġa għall-konsenja effettiva tal-persuna jibqgħu sodisfatti.

[...]

7.      Fejn f’ċirkostanzi eċċezzjonali Stat Membru ma jistax iħares il-limiti ta’ żmien previsti f’dan l-Artikolu, huwa għandu jinforma lill-Eurojust, waqt li jagħti r-raġunijiet għad-dewmien. Barra dan, Stat Membru li esperjenza dewmien ripetut min-naħa ta’ Stat Membru ieħor fl-esekuzzjoni ta’ mandati ta’ arrest Ewropej għandu jinforma lill-Kunsill bil-għan li tiġi evalwata l-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni Kwadru fil-livell ta’ l-Istati Membri.”

22      Skont l-Artikolu 23 tad-Deċiżjoni Qafas, intitolat “Limiti ta’ żmien għall-konsenja tal-persuna”:

“1.      Il-persuna rikjesta għandha tiġi konsenjata malajr kemm jista’ jkun f’data miftehma bejn l-awtoritajiet ikkonċernati.

2.      Il-persuna għandha tiġi konsenjata mhux aktar tard minn 10 ijiem wara d-deċiżjoni finali dwar l-esekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew.

[...]

4.      Il-konsenja tista’ eċċezzjonalment tiġi posposta temporanjament għal raġunijiet umanitarji serji, per eżempju jekk hemm raġunijiet sostanzjali biex jitwemmen li dan ipoġġi manifestament f’perikolu l-ħajja jew is-saħħa tal-persuna rikjesta. L-esekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew għandha sseħħ malli dawn ir-raġunijiet ma jibqgħux jezistu. L-awtorità ġudizzjarja ta’ esekuzzjoni għandha tinforma immedjatament lill-awtorità ġudizzjarja emittenti u tiftiehem fuq data ta’ konsenja ġdida. F’dak il-każ, il-konsenja għandha seħħ fi żmien 10 ijiem mid-data l-ġdida hekk miftiehma.

5.      Ma’ l-iskadenza tal-limiti ta’ żmien imsemmija fil-paragrafi 2 sa 4, jekk il-persuna għadha qed tinżamm f’kustodja hija għandha tinħeles.”

 Id-dritt Ġermaniż

23      Id-Deċiżjoni Qafas ġiet trasposta fl-ordinament ġuridiku Ġermaniż bl-Artikoli 78 sa 83k tal-Liġi dwar l-assistenza ġudizzjarja internazzjonali reċiproka f’materji kriminali (Gesetz über die internationale Rechtshilfe in Strafsachen), tat‑23 ta’ Diċembru 1982, kif emendata bil-Liġi dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew (Europäisches Haftbefehlsgesetz), tal‑20 ta’ Lulju 2006 (BGBl. 2006 I, p. 1721, iktar ’il quddiem l-“IRG”).

24      Skont l-Artikolu 15 tal-IRG, intitolat “Tqegħid taħt arrest għal estradizzjoni”:

“1.      Sussegwentement għar-riċevuta tat-talba għal estradizzjoni, jista’ jiġi ordnat it-tqegħid tal-persuna rikjesta taħt arrest għall-estradizzjoni, jekk

1)      jeżisti l-perikolu li hija tista’ tevita l-proċedura ta’ estradizzjoni jew l-eżekuzzjoni tal-estradizzjoni jew

2)      fatti konkreti jqajmu suspett b’saħħtu li l-persuna rikjesta ser tirrendi iktar diffiċli t-tiftix tal-verità fil-proċedura barranija jew fil-proċedura ta’ estradizzjoni.

2.      Il-paragrafu 1 ma japplikax meta l-estradizzjoni tidher prima facie illegali.”

25      L-Artikolu 24 tal-IRG, intitolat “Tneħħija tal-mandat ta’ arrest maħruġ bil-għan ta’ estradizzjoni”, jipprevedi:

“1.      Il-mandat ta’ arrest maħruġ għall-finijiet ta’ estradizzjoni għandu jitneħha malli l-kundizzjonijiet ta’ tqegħid temporanju taħt arrest għall-estradizzjoni jew it‑tqegħid taħt arrest għall-estradizzjoni ma jibqgħux jeżistu jew jekk l-estradizzjoni tkun ġiet iddikjarata illegali.

2.      Il-mandat ta’ arrest maħruġ għall-finijiet ta’ estradizzjoni għandu wkoll jitneħħa jekk ikun hemm talba mill-uffiċċju tal-prosekutur quddiem il-qorti reġjonali superjuri. Simultanjament mat-talba, l-uffiċċju tal-prosekutur għandu jordina r-rilaxx tal-persuna rikjesta.”

26      Skont l-Artikolu 29(1) tal-IRG, il-qorti reġjonali superjuri tiddeċiedi, fuq talba tal-uffiċċju tal-prosekutur, dwar il-legalità tal-estradizzjoni meta l-persuna rikjesta ma tkunx tat il-kunsens tagħha għall-estradizzjoni. Id-deċiżjoni tingħata permezz ta’ digriet skont l-Artikolu 32 tal-IRG.

27      L-Artikolu 73 tal-IRG jipprevedi:

“Fl-assenza ta’ talba f’dan is-sens, l-assistenza ġudizzjarja u t-trażmissjoni ta’ informazzjoni huma illegali jekk jiksru prinċipji essenzjali tal-ordinament ġuridiku Ġermaniż. Fil-każ ta’ talba abbażi tal-partijiet tmienja, disgħa u għaxra, l-assistenza ġudizzjarja hija illegali jekk tikser il-prinċipji stabbiliti fl-Artikolu 6 TUE.”

 Il-kawżi prinċipali u d-domandi preliminari

 Kawża C-404/15

28      P. Aranyosi huwa ċittadin Ungeriż imwieled fl‑14 ta’ Lulju 1996 f’Szikszó (l-Ungerija).

29      Il-qorti istruttorja tal-Miskolci járásbíróság (qorti tad-distrett ta’ Miskolc) ħarġet żewġ mandati ta’ arrest Ewropej, fl‑4 ta’ Novembru u fil‑31 ta’ Diċembru 2014 rispettivament, kontra P. Aranyosi, bil-għan li jiġi kkonsenjat lill-awtoritajiet ġudizzjarji Ungeriżi sabiex titwettaq prosekuzzjoni kriminali.

30      Skont il-mandat ta’ arrest Ewropew tal‑4 ta’ Novembru 2014, fit‑3 ta’ Awwissu 2014, P. Aranyosi daħal f’dar residenzjali f’Sajohidveg (l-Ungerija). Matul dan l-isgass, l-akkużat seraq, fost l-oħrajn, EUR 2 500 u HUF 100 000 (Forint Ungeriż) (madwar EUR 313) fi flus kontanti kif ukoll diversi oġġetti prezzjużi.

31      Barra minn hekk, skont il-mandat ta’ arrest Ewropew tal‑31 ta’ Diċembru 2014, fil‑19 ta’ Jannar 2014, P. Aranyosi jinsab akkużat li daħal fi skola f’Sajohidveg minn tieqa u li sussegwentement kisser diversi bibien ġewwa l-bini u seraq xi dispożittivi tekniċi kif ukoll flus kontanti. Il-valur indikat tas-serqa huwa ta’ HUF 244 000 (madwar EUR 760) u dak tad-danni materjali ta’ HUF 55 000 (madwar EUR 170).

32      P. Aranyosi ġie temporanjament arrestat fl‑14 ta’ Jannar 2015 fi Bremen (il-Ġermanja) skont avviż ta’ inkjesta ppreżentat fis-sistema ta’ informazzjoni ta’ Schengen. Huwa nstema’ fl-istess ġurnata mill-qorti istruttorja preliminari tal-Amtsgericht Bremen (qorti tad-distrett ta’ Bremen, il-Ġermanja).

33      P. Aranyosi ddikjara li huwa kien ċittadin Ungeriż, li kien jirrisjedi f’Bremerhaven (il-Ġermanja) ma’ ommu, u li ma kienx miżżewweġ, li kellu sieħba u tifel ta’ 8 xhur. Huwa kkontesta l-fatti li ġie akkużat bihom u indika li ma kienx qed jagħti l-kunsens tiegħu għall-proċedura ta’ konsenja ssemplifikata.

34      Ir-rappreżentant tal-Prokuratur Ġenerali ta’ Bremen ordna r-rilaxx ta’ P. Aranyosi minħabba l-assenza ta’ perikolu apparenti li jevadi l-proċedura ta’ konsenja. Fl‑14 ta’ Jannar 2015, il-Generalstaatsanwaltschaft Bremen (uffiċċju tal-prosekutur ta’ Bremen), filwaqt li għamel riferiment għall-fatt li l-kundizzjonijiet ta’ detenzjoni f’ċerti stabbilimenti penitenzjarji Ungeriżi ma jissodisfawx l-istandards minimi Ewropej, staqsa lill-Miskolci járásbíróság (qorti tad-distrett ta’ Miskolci) f’liema stabbiliment kien ser jinżamm f’detenzjoni l-akkużat fil-każ ta’ konsenja.

35      B’ittra tal‑20 ta’ Frar 2015, riċevuta permezz ta’ faks fil‑15 ta’ April 2015 mill-Ministeru tal-Ġustizzja Ungeriż, l-uffiċċju tal-prosekutur tad-distrett ta’ Miskolc indika li, f’dan il-każ, il-miżura koerċittiva tad-detenzjoni preventiva applikata fil-proċeduri kriminali u t-talba ta’ piena ta’ priġunerija ma kinux indispensabbli.

36      L-imsemmi uffiċċju tal-prosekutur indika li fid-dritt kriminali Ungeriż, jeżistu diversi miżuri koerċittivi inqas ristrettivi mill-priġunerija u diversi sanzjonijiet oħra li ma jinvolvu ebda priġunerija jistgħu jiġu kkunsidrati. Il-miżura koerċittiva mitluba qabel id-deċiżjoni ta’ tqegħid taħt akkuża kif ukoll is-sanzjoni mitluba f’din id-deċiżjoni jirriżultaw mill-monopolju ta’ tqegħid taħt akkuża tal-uffiċċju tal-prosekutur, li huwa indipendenti.

37      Dejjem skont l-uffiċċju tal-prosekutur tad-distrett ta’ Miskolc, l-istabbiliment tal-ksur u l-għażla tas-sanzjonijiet li għandhom jiġu applikati jaqgħu taħt il-kamp tal-kompetenzi tal-awtoritajiet ġudizzjarji Ungeriżi. F’dan ir-rigward, il-liġijiet Ungeriżi jipprevedu, għall-proċedura kriminali, garanziji ekwivalenti li huma bbażati fuq il-valuri Ewropej.

38      Fil‑21 ta’ April 2015, l-uffiċċju tal-prosekutur ta’ Bremen talab il-konsenja ta’ P. Aranyosi lill-awtorità ġudizzjarja emittenti għal proċeduri kriminali li għandhom jiġu ddikjarati legali. Huwa b’mod partikolari indika li, minkejja li l-uffiċċju tal-prosekutur tad-distrett ta’ Miskolc ma indikax f’liema stabbiliment penitenzjarju kien ser jinżamm f’detenzjoni l-akkużat fil-każ ta’ konsenja lejn l-Ungerija, madankollu ma kien jeżisti ebda indizju konkret li, fil-każ ta’ konsenja, l-akkużat seta’ kien vittma ta’ tortura jew trattamenti krudili, inumani jew degradanti oħra.

39      L-avukat ta’ P. Aranyosi talab iċ-ċaħda tat-talba tal-uffiċċju tal-prosekutur ta’ Bremen minħabba l-fatt li l-uffiċċju tal-prosekutur tad-distrett ta’ Miskolc ma kienx indika f’liema stabbiliment penitenzjarju kellu jinżamm f’detenzjoni l-akkużat. Għaldaqstant, huwa impossibbli li jiġu vverifikati l-kundizzjonijiet ta’ detenzjoni.

40      Il-Hanseatisches Oberlandesgericht in Bremen (qorti reġjonali superjuri ta’ Bremen) tirrileva li t-talba mressqa mill-Ungerija tissodisfa l-kundizzjonijiet li huma suġġetti għalihom it-talbiet ta’ konsenja fil-kuntest tal-IRG.

41      Il-fatti li huwa akkużat bihom P. Aranyosi jikkostitwixxu, b’mod partikolari, reat kriminali kemm skont l-Artikolu 370(1) tal-Kodiċi Kriminali Ungeriż kif ukoll skont l-Artikolu 242, il-punt 1 tal-Artikolu 243(1) u l-punt 3 tal-Artikolu 244(1) tal-Kodiċi Kriminali Ġermaniż. Teżisti inkriminazzjoni fiż-żewġ Stati Membri kkonċernati kif ukoll piena subita ta’ mill-inqas sena priġunerija skont il-liġijiet Ungeriżi u Ġermaniżi.

42      Madankollu, skont il-Hanseatisches Oberlandesgericht in Bremen (qorti reġjonali superjuri ta’ Bremen), hemm lok li tiġi ddikjarata l-konsenja illegali fil-każ ta’ ostakolu għaliha skont l-Artikolu 73 tal-IRG. Issa, fid-dawl tal-informazzjoni attwalment disponibbli, il-qorti tar-rinviju hija tal-fehma li jeżistu indizji probatorji skont liema, fil-każ ta’ konsenja lill-awtorità ġudizzjarja Ungeriża, P. Aranyosi jista’ jiġi suġġett għal kundizzjonijiet ta’ detenzjoni li jiksru l-Artikolu 3 tal-KEDB u d-drittijiet fundamentali kif ukoll il-prinċipji ġenerali tad-dritt stabbiliti fl-Artikolu 6 TUE.

43      Fil-fatt, il-Qorti EDB ikkundannat lill-Ungerija minħabba s-sovrapopolazzjoni karċerarja fil-ħabsijiet tagħha (Qorti EDB, Varga et vs L-Ungerija, Nri 14097/12, 45135/12, 73712/12, 34001/13, 44055/13 u 64586/13, tal‑10 ta’ Marzu 2015). Il-Qorti EDB ikkunsidrat li ġie stabbilit li l-Istat Ungeriż kiser l-Artikolu 3 tal- KEDB peress li impriġuna lir-rikorrenti f’ċelel ta’ daqs żgħir wisq u sovrapopolati. Il-Qorti EDB ikkunsidrat din il-proċedura bħala kawża pilota wara li ġiet adita b’450 rikors simili kontra l-Ungerija għal kundizzjonijiet ta’ detenzjoni inumani.

44      Il-Hanseatisches Oberlandesgericht in Bremen (qorti reġjonali superjuri ta’ Bremen) tirrileva li indizji konkreti skont liema l-kundizzjonijiet ta’ detenzjoni li jkun suġġett għalihom P. Aranyosi fil-każ ta’ konsenja lill-awtoritajiet Ungeriżi ma jissodisfawx l-istandards minimi previsti mid-dritt internazzjonali jirriżultaw ukoll minn rapport imħejji mill-Kumitat Ewropew għall-Prevenzjoni tat-Tortura u t-Trattament u Pieni Inumani jew Degradanti. Din l-evalwazzjoni tagħmel riferiment b’mod partikolari għas-sovrapopolazzjoni karċerarja kbira kkonstatata waqt iż-żjarat imwettqa bejn l-2009 u l-2013.

45      Abbażi ta’ din l-informazzjoni, il-qorti tar-rinviju ma tqisx ruħha f’qagħda li tiddeċiedi fuq il-legalità tal-konsenja ta’ P. Aranyosi lill-awtoritajiet Ungeriżi fid‑dawl tal-limiti ffissati mill-Artikolu 73 tal-IRG u fl-Artikolu 1(3) tad-Deċiżjoni Qafas. Id-deċiżjoni tagħha tiddependi essenzjalment fuq il-kwistjoni dwar jekk l-ostakolu għall-konsenja għadux jista’ jingħeleb jew le, konformement mad-Deċiżjoni Qafas, mill-garanziji mogħtija mill-Istat Membru emittenti. Jekk dan l-ostakolu ma jistax jingħeleb permezz ta’ dawn il-garanziji, il-konsenja tkun għaldaqstant illegali.

46      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Hanseatisches Oberlandesgericht in Bremen (qorti reġjonali superjuri ta’ Bremen) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domandi preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)      L-Artikolu 1(3) tad-Deċiżjoni qafas għandu jiġi interpretat fis-sens li estradizzjoni għall-finijiet ta’ prosekuzzjoni kriminali ma hijiex ammissibbli jekk jeżistu indizji serji li l-kundizzjonijiet tad-detenzjoni fl-Istat Membru emittenti jiksru d-drittijiet fundamentali tal-persuna kkonċernata u l-prinċipji ġenerali tad-dritt stabbiliti fl-Artikolu 6 TUE jew għandu jiġi interpretat fis-sens li, f’dawn il-każijiet, l-Istat ta’ eżekuzzjoni jista’ jew għandu jissuġġetta d-deċiżjoni tiegħu dwar il-legalità ta’ estradizzjoni għall-kundizzjoni li jiġi ggarantit li l-kundizzjonijiet tad-detenzjoni jkunu osservati? L-Istat ta’ eżekuzzjoni jista’ jew għandu jifformula, f’dan ir-rigward, rekwiżiti minimi konkreti applikabbli għall-kundizzjonijiet tad-detenzjoni li għandhom jiġu ggarantiti?

2)      L-Artikoli 5 u 6(1) tad-Deċiżjoni qafas għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-awtoritajiet ġudizzjarji emittenti jistgħu wkoll jagħtu garanziji rigward l-osservanza tal-kundizzjonijiet tad-detenzjoni jew inkella assigurazzjonijiet f’dan ir-rigward jibqgħu suġġetti għar-regoli nazzjonali ta’ kompetenza tal-Istat Membru emittenti?”

 Kawża C-659/15 PPU

47      R. Căldăraru huwa ċittadin Rumen li twieled fis‑7 ta’ Diċembru 1985 fi Brașov (ir-Rumanija).

48      Permezz ta’ deċiżjoni tal-Judecătoria Făgăraş (qorti tal-ewwel istanza ta’ Fagaras) tas‑16 ta’ April 2015, R. Căldăraru ġie kkundannat għal piena ta’ priġunerija globali sospiża għal perijodu ta’ sena u tmien xhur, għal sewqan mingħajr liċenzja.

49      Skont il-motivi ta’ din id-deċiżjoni, kif esposti mill-qorti tar-rinviju fit-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari, l-imsemmija piena kienet tinkludi piena ta’ priġunerija, ta’ tul ta’ sena sospiża, għal sewqan mingħajr liċenzja, deċiża fis‑17 ta’ Diċembru 2013 mill-Judecătoria Făgăraş (qorti tal-ewwel istanza ta’ Fagaras).

50      Din il-kundanna saret definittiva wara sentenza tal-Curtea de Apel Brașov (qorti tal-appell ta’ Brașov, ir-Rumanija) tal‑15 ta’ Ottubru 2015.

51      Fid‑29 ta’ Ottubru 2015, il-Judecătoria Făgăraş (qorti tal-ewwel istanza ta’ Fagaras) ħarġet mandat ta’ arrest Ewropew kontra R. Căldăraru u daħħlet fis-sistema ta’ informazzjoni ta’ Schengen avviż ta’ inkjesta li jirrigwardah.

52      R. Căldăraru ġie arrestat fi Bremen fit‑8 ta’ Novembru 2015.

53      Fl-istess ġurnata, l-Amtsgericht Bremen (qorti tad-distrett ta’ Bremen) ħarġet mandat ta’ arrest kontra R. Căldăraru. Waqt is-smigħ tiegħu quddiem din il-qorti, R. Căldăraru ddikjara li ma tax il-kunsens tiegħu għall-proċedura ta’ konsenja ssemplifikata.

54      Fid‑9 ta’ Novembru 2015, l-uffiċċju tal-prosekutur ta’ Bremen talab li R. Căldăraru jitqiegħed taħt “arrest għall-estradizzjoni”.

55      Permezz ta’ deċiżjoni tal‑11 ta’ Novembru 2015, il-Hanseatisches Oberlandesgericht in Bremen (qorti reġjonali superjuri ta’ Bremen) laqgħet din it-talba. Din il-qorti kkunsidrat li t-tqegħid taħt “arrest għall-estradizzjoni” ta’ R. Căldăraru ma kienx jidher “prima facie illegali”, fis-sens tal-Artikolu 15(2) tal-IRG, u kkonstatat l-eżistenza ta’ riskju li R. Căldăraru jevadi l-proċedura ta’ konsenja lill-awtoritajiet Rumeni, li jiġġustifika t-tqegħid ta’ dan tal-aħħar taħt “arrest għall-estradizzjoni”, konformement mal-Artikolu 15(1) tal-IRG.

56      Fl-20 ta’ Novembru 2015, l-uffiċċju tal-prosekutur ta’ Bremen talab li l-konsenja ta’ R. Căldăraru lill-awtoritajiet Rumeni tiġi ddikjarata legali. Barra dan, din l-awtorità rrilevat li l-Judecătoria Făgăraş (qorti tal-ewwel istanza ta’ Fagaras) ma kinitx f’pożizzjoni li tindika f’liema stabbiliment penitenzjarju R. Căldăraru kellu jinżamm f’detenzjoni fir-Rumanija.

57      Il-Hanseatisches Oberlandesgericht in Bremen (qorti reġjonali superjuri ta’ Bremen) tirrileva li t-talba ppreżentata mir-Rumanija tissodisfa l-kundizzjonijiet li huma suġġetti għalihom it-talbiet ta’ konsenja fil-kuntest tal-IRG.

58      Il-fatti li huwa akkużat bihom R. Căldăraru jikkonsistu, b’mod partikolari, f’reat kriminali kemm skont l-Artikolu 86 tal-Liġi Rumena Nru 195 tal-2002 kif ukoll tal-Artikolu 21 tal-Liġi Ġermaniża dwar is-sewqan fit-toroq (Straßenverkehrsgesetz). Teżisti inkriminazzjoni fiż-żewġ Stati Membri kkonċernati kif ukoll piena ta’ mill-inqas erba’ xhur priġunerija.

59      Madankollu, skont il-Hanseatisches Oberlandesgericht in Bremen (qorti reġjonali superjuri ta’ Bremen), hemm lok li tiġi ddikjarata l-konsenja illegali fil-każ ta’ ostakolu għall-konsenja skont l-Artikolu 73 tal-IRG. Issa, fid-dawl tal-informazzjoni attwalment disponibbli, il-qorti tar-rinviju tindika li jeżistu indizji probatorji skont liema, fil-każ ta’ konsenja, R. Căldăraru jista’ jiġi suġġett għal kundizzjonijiet ta’ detenzjoni li jiksru l-Artikolu 3 tal-KEDB u d-drittijiet fundamentali, kif ukoll il-prinċipji ġenerali tad-dritt stabbiliti fl-Artikolu 6 TUE.

60      Fil-fatt, f’diversi sentenzi mogħtija fl‑10 ta’ Ġunju 2014, il-Qorti EDB ikkundannat lir-Rumanija minħabba s-sovrapopolazzjoni karċerarja fil-ħabsijiet tagħha (Qorti EDB, Vociu vs Ir‑Rumanija, Nru 22015/10; Bujorean vs Ir‑Rumanija, Nru 13054/12; Constantin Aurelian Burlacu vs Ir‑Rumanija, Nru 51318/12, u Mihai Laurenţiu Marin vs Ir‑Rumanija, Nru 79857/12). Il-Qorti EDB ikkunsidrat li ġie stabbilit li l-Istat Rumen kien kiser l-Artikolu 3 tal-KEDB billi impriġuna lir-rikorrenti f’ċelel ta’ daqs żgħir wisq u sovrapopolati, mingħajr riskaldament, maħmuġin u mingħajr ilma sħun għad-doċċa.

61      Il-Hanseatisches Oberlandesgericht in Bremen (qorti reġjonali superjuri ta’ Bremen) tirrileva li indizji konkreti skont liema l-kundizzjonijiet ta’ detenzjoni li jista’ jiġi suġġett għalihom R. Căldăraru fil-każ ta’ konsenja lill-awtoritajiet Rumeni ma jissodisfawx l-istandards minimi previsti mid-dritt internazzjonali li jirriżultaw ukoll minn rapport maħruġ mill-Kumitat Ewropew għall-Prevenzjoni tat-Tortura u t-Trattament u Pieni Inumani jew Degradanti. Din l-evalwazzjoni tagħmel riferiment b’mod partikolari għas-sovrapopolazzjoni kbira karċerarja kkonstatata matul iż-żjarat imwettqa bejn il‑5 ta’ Ġunju u tas‑17 ta’ Ġunju 2014.

62      Abbażi ta’ din l-informazzjoni, il-qorti tar-rinviju ma tqisx li tinsab f’pożizzjoni li tiddeċiedi dwar il-legalità tal-konsenja ta’ R. Căldăraru lill-awtoritajiet Rumeni fid-dawl tal-limiti ffissati fl-Artikolu 73 tal-IRG u tal-Artikolu 1(3) tad-Deċiżjoni Qafas. Id-deċiżjoni tagħha tiddependi essenzjalment fuq il-kwistjoni ta’ jekk l-ostakolu għall-konsenja għadux jista’ jingħeleb jew le, konformement mad-Deċiżjoni Qafas, permezz tal-garanziji mogħtija mill-Istat Membru emittenti. Fl-ipoteżi fejn dan l-ostakolu ma jistax jingħeleb permezz ta’ dawn il-garanziji, il-konsenja tkun illegali.

63      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Hanseatisches Oberlandesgericht in Bremen (qorti reġjonali superjuri ta’ Bremen) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domandi preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)      L-Artikolu 1(3) tad-Deċiżjoni qafas għandu jiġi interpretat fis-sens li estradizzjoni għall-finijiet ta’ prosekuzzjoni kriminali ma hijiex ammissibbli jekk jeżistu indizji serji li l-kundizzjonijiet tad-detenzjoni fl-Istat Membru emittenti jiksru d-drittijiet fundamentali tal-persuna kkonċernata u l-prinċipji ġenerali tad-dritt stabbiliti fl-Artikolu 6 TUE jew għandu jiġi interpretat fis-sens li, f’dawn il-każijiet, l-Istat ta’ eżekuzzjoni jista’ jew għandu jissuġġetta d-deċiżjoni tiegħu dwar il-legalità ta’ estradizzjoni għall-kundizzjoni li jiġi ggarantit li l-kundizzjonijiet tad-detenzjoni jkunu osservati? L-Istat ta’ eżekuzzjoni jista’ jew għandu jifformula, f’dan ir-rigward, rekwiżiti minimi konkreti applikabbli għall-kundizzjonijiet tad-detenzjoni li għandhom jiġu ggarantiti ?

2)      L-Artikoli 5 u 6(1) tad-Deċiżjoni qafas għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-awtoritajiet ġudizzjarji emittenti jistgħu wkoll jagħtu garanziji rigward l-osservanza tal-kundizzjonijiet tad-detenzjoni jew inkella assigurazzjonijiet f’dan ir-rigward jibqgħu suġġetti għar-regoli nazzjonali ta’ kompetenza tal-Istat Membru emittenti ?”

 Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

 Kawża C‑404/15

64      Il-qorti tar-rinviju talbet l-applikazzjoni tal-proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari, prevista fl-Artikolu 107 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.

65      Insostenn tat-talba tagħha, din il-qorti indikat li P. Aranyosi kien ġie arrestat temporanjament abbażi ta’ mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ mill-awtoritajiet Ungeriżi, iżda li huwa ma kienx attwalment miżmum f’detenzjoni, peress li l-uffiċċju tal-prosekutur ta’ Bremen fil-fatt ordna r-rilaxx tiegħu minħabba li ma kien jeżisti, f’din id-data, ebda riskju li l-akkużat jaħrab minħabba r-rabtiet soċjali tiegħu.

66      Fil‑31 ta’ Lulju 2015, ir-Raba’ Awla tal-Qorti tal-Ġustizzja, fuq proposta tal-Imħallef Relatur, wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali, iddeċidiet li tilqa’ t-talba tal-qorti tar-rinviju intiża li l-Kawża C-404/15 tinstema’ bil-proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari.

67      Permezz ta’ deċiżjoni tal‑4 ta’ Awwissu 2015, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja ta trattament prijoritarju lill-Kawża C‑404/15.

 Kawża C‑659/15 PPU

68      Il-qorti tar-rinviju talbet l-applikazzjoni tal-proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari, prevista fl-Artikolu 107 tar-Regoli tal-Proċedura.

69      Insostenn tat-talba tagħha, din il-qorti indikat li R. Căldăraru kien ġie arrestat temporanjament abbażi ta’ mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ mill-awtoritajiet Rumeni u li kien qiegħed attwalment miżmum f’detenzjoni abbażi ta’ dan il-mandat ta’ arrest bil-għan li jiġi kkonsenjat lil dawn l-awtoritajiet. Hija żiedet li l-fondatezza tal-inkarċerazzjoni ta’ R. Căldăraru tiddependi mir-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għad-domandi preliminari tagħha.

70      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, li r-rinviju għal deċiżjoni preliminari fil-Kawża C‑659/15 PPU, jirrigwarda l-interpretazzjoni tad-Deċiżjoni Qafas, li taqa’ taħt il-qasam speċifikat fit-tielet parti tat-Titolu V tat-Trattat FUE, dwar l-ispazju ta’ libertà, ta’ sigurtà u ta’ ġustizzja. Għaldaqstant huwa jista’ jkun suġġett għall-proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari. Barra minn hekk, R. Căldăraru huwa attwalment impriġunat u ż-żamma tiegħu f’detenzjoni tiddependi mir-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għad-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju.

71      F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tielet Awla tal-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fis‑16 ta’ Diċembru 2015, fuq proposta tal-Imħallef Relatur, wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali, li tilqa’ t-talba tal-qorti tar-rinviju intiża li r-rinviju għal deċiżjoni preliminari fil-Kawża C-659/15 PPU jinstema’ bil-proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari.

72      Barra minn hekk, ġie deċiż li tiġi rrinvijata l-Kawża C‑659/15 PPU, bl-istess mod bħal, minħabba l-konnessjoni tagħha ma’ din tal-aħħar, il-Kawża C‑404/15, quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja għall-finijiet tal-allokazzjoni tagħhom quddiem l-Awla Manja.

73      Minħabba din il-konnessjoni, ikkonfermata matul is-seduta għas-sottomissjonijiet orali, il-Kawżi C‑404/15 u C-659/15 PPU għandhom jingħaqdu għall-finijiet tas-sentenza.

 Fuq id-domandi preliminari

74      Permezz tad-domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 1(3) tad-Deċiżjoni Qafas għandux jiġi interpretat fis-sens li, fil-preżenza ta’ provi serji li jixhdu inkompatibbiltà ta’ kundizzjonijiet ta’ detenzjoni fl-Stat Membru emittenti mad-drittijiet fundamentali, b’mod partikolari mal-Artikolu 4 tal-Karta, l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tista’ jew għandha tirrifjuta l-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ kontra persuna għall-finijiet tal-eżerċizzju ta’ prosekuzzjoni jew l-eżekuzzjoni ta’ piena ta’ priġunerija, jew jekk hija tistax jew għandhiex tissuġġetta l-konsenja ta’ din il-persuna għall-kisba mill-Istat Membru emittenti ta’ informazzjoni li tippermettilu li jiggarantixxi l-konformità ta’ dawn il-kundizzjonijiet ta’ detenzjoni mad-drittijiet fundamentali. Barra minn hekk, hija tistaqsi jekk l-Artikoli 5 u 6(1) tad-Deċiżjoni Qafas għandhomx jiġu interpretati fis-sens li din l-informazzjoni tista’ tiġi pprovduta mill-awtorità ġudizzjarja tal-Istat Membru emittenti jew jekk l-għoti ta’ din l-informazzjoni taqax taħt ir-regoli ta’ kompetenza stabbiliti minn dan l-Istat Membru.

75      Preliminarjament, għandu jitfakkar li, hekk kif jirriżulta b’mod partikolari mill-Artikolu 1(1) u (2) tagħha, kif ukoll mill-premessi 5 u 7 tagħha, id-Deċiżjoni Qafas għandha l-għan li tissostitwixxi s-sistema ta’ estradizzjoni multilaterali bbażata fuq il-Konvenzjoni Ewropea dwar l-Estradizzjoni, tat‑13 ta’ Diċembru 1957, b’sistema ta’ konsenja bejn awtoritajiet ġudizzjarji ta’ persuni kkundannati jew issuspettati għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ sentenzi jew ta’ prosekuzzjoni, b’din is-sistema tal-aħħar tkun ibbażata fuq il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku (ara s-sentenzi West, C‑192/12 PPU, EU:C:2012:404, punt 54; Melloni, C‑399/11, EU:C:2013:107, punt 36; F., C‑168/13 PPU, EU:C:2013:358, punt 34, u Lanigan, C‑237/15 PPU, EU:C:2015:474, punt 27).

76      Id-Deċiżjoni Qafas hija intiża b’hekk, bl-introduzzjoni ta’ sistema ġdida ssemplifikata u iktar effikaċi ta’ konsenja ta’ persuni kkundannati jew issuspettati li kisru l-liġi kriminali, li tiffaċilita u tħaffef il-kooperazzjoni ġudizzjarja bil-għan li tikkontribwixxi sabiex jintlaħaq l-għan mogħti lill-Unjoni li ssir spazju ta’ libertà, ta’ sigurtà u ta’ ġustizzja msejsa fuq il-livell għoli ta’ fiduċja li għandu jkun hemm bejn l-Istati Membri (ara s-sentenzi Melloni, C‑399/11, EU:C:2013:107, punt 37; F., C‑168/13 PPU, EU:C:2013:358, punt 35, u Lanigan, C‑237/15 PPU, EU:C:2015:474, punt 28).

77      Il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku li fuqu hija bbażata s-sistema tal-mandat ta’ arrest Ewropew hija nfisha bbażata fuq il-fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri fir-rigward tal-fatt li l-ordinamenti ġuridiċi nazzjonali rispettivi tagħhom jinsabu f’pożizzjoni li jipprovdu protezzjoni ekwivalenti u effettiva tad-drittijiet fundamentali, irrikonoxxuti fil-livell tal-Unjoni, b’mod partikolari, fil-Karta (ara, f’dan is-sens, is-sentenza F., C‑168/13 PPU, EU:C:2013:358, punt 50, u, b’analoġija, f’dak li jirrigwarda l-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili, is-sentenza Aguirre Zarraga, C‑491/10 PPU, EU:C:2010:828, punt 70).

78      Kemm il-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri kif ukoll ir-rikonoxximent reċiproku għandhom, fid-dritt tal-Unjoni, importanza fundamentali peress li jippermettu l-ħolqien u ż-żamma ta’ spazju mingħajr fruntieri interni. B’mod iktar speċifiku, il-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka jimponi, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda l-ispazju ta’ libertà, ta’ sigurtà u ta’ ġustizzja, lil kull wieħed minn dawn l-Istati sabiex jikkunsidra, salv f’ċirkustanzi eċċezzjonali, li l-Istati Membri l-oħra kollha josservaw id-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, id-drittijiet fundamentali rrikonoxxuti minn dan id-dritt (ara, f’dan is-sens, l-opinjoni 2/13, EU:C:2014:2454, punt 191).

79      Fil-qasam irregolat mid-Deċiżjoni Qafas, il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku, li jikkostitwixxi, kif jirriżulta b’mod partikolari mill-premessa 6 tad-Deċiżjoni Qafas, il-“bażi” tal-kooperazzjoni ġudizzjarja fil-materji kriminali, jiġi applikat fl-Artikolu 1(2), tad-Deċiżjoni Qafas, li konformement miegħu l-Istati Membri huma bħala prinċipju obbligati li jeżegwixxu mandat ta’ arrest Ewropew (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Lanigan, C‑237/15 PPU, EU:C:2015:474, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).

80      Minn dan isegwi li l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tista’ tirrifjuta dan il-mandat biss fil-każijiet, elenkati b’mod eżawrjenti, ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni obbligatorja, previsti fl-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni Qafas, jew nuqqas ta’ eżekuzzjoni fakultattiva, previsti fl-Artikoli 4 u 4a tad-Deċiżjoni Qafas. Barra minn hekk, l-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew jista’ jkun suġġetti għal waħda biss mill-kundizzjonijiet limitatament previsti fl-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni Qafas (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Lanigan, C-237/15 PPU, EU:C:2015:474, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).

81      F’dan il-kuntest, għandu jiġi nnotat li l-premessa 10 tad-Deċiżjoni Qafas tistabbilixxi li l-implementazzjoni tal-mekkaniżmu tal-mandat ta’ arrest Ewropew bħala tali tista’ tiġi sospiża biss fil-każ ta’ ksur gravi u persistenti minn Stat Membru tal-valuri msemmija fl-Artikolu 2 TUE, u konformement mal-proċedura prevista fl-Artikolu 7 TUE.

82      Minn naħa, jibqa’ l-fatt, li l-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat li l-limitazzjonijiet għall-prinċipji ta’ rikonoxximent u fiduċja reċiproċi bejn Stati Membri jistgħu jitressqu “f’ċirkustanzi eċċezzjonali” (ara, f’dan is-sens, Opinjoni 2/13, EU:C:2014:2454, punt 191).

83      Min-naħa l-oħra, kif jirriżulta mill-Artikolu 1(3) tagħha, id-Deċiżjoni Qafas ma għandhiex bħala effett li tibdel l-obbligu ta’ rispett tad-drittijiet fundamentali kif stabbiliti, b’mod partikolari, mill-Karta.

84      F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li l-osservanza tal-Artikolu 4 tal-Karta, dwar il-projbizzjoni ta’ pieni u trattamenti inumani jew degradanti, hija imposta, kif jirriżulta mill-Artikolu 51(1) tagħha, fuq l-Istati Membri u, konsegwentement fuq il-qrati tagħhom, meta dawn jimplementaw id-dritt tal-Unjoni, li huwa l-każ meta tal-awtorità ġudizzjarja emittenti u l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni japplikaw id-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skont id-Deċiżjoni Qafas (ara, b’analoġija, is-sentenzi Dereci et, C-256/11, EU:C:2011:734, punt 72, kif ukoll Peftiev et, C-314/13, EU:C:2014:1645, punt 24).

85      Fir-rigward tal-projbizzjoni tal-pieni u tat-trattamenti inumani jew degradanti, prevista fl-Artikolu 4 tal-Karta, hija għandha natura assoluta peress li hija strettament marbuta mar-rispett u d-dinjità tal-bniedem imsemmija fl-Artikolu 1 tal-Karta (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Schmidberger, C-112/00, EU:C:2003:333, punt 80).

86      In-natura assoluta tad-dritt iggarantit mill-4 tal-Karta huwa kkonfermat mill-Artikolu 3 tal-KEDB, li għalih jikkorrispondi l-Artikolu 4 tal-Karta. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-Artikolu 15(2) tal-KEDB, l-ebda deroga ma hija possibbli mill-Artikolu 3 tal-KEDB.

87      L-Artikoli 1 u 4 tal-Karta, kif ukoll l-Artikolu 3 tal-KEDB, jistabbilixxu wieħed mill-valuri fundamentali tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha. Din hija r-raġuni li minħabba fiha, fi kwalunkwe ċirkustanza, inkluż fil-każ tal-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità organizzata, il-KEDB tipprojbixxi f’termini assoluti t-tortura u l-pieni u trattamenti inumani u degradanti, ikun xi jkun l-aġir tal-persuna kkonċernata (ara s-sentenza tal-Qorti EDB Bouyid vs Il-Belġju, Nru 23380/09, tat-28 ta’ Settembru 2015, §81 u l-ġurisprudenza ċċitata).

88      Minn dan isegwi li, meta l-awtorità ġudizzjarja tal-Istat Membru tal-eżekuzzjoni jkollha għad-dispożizzjoni tagħha provi li juru li hemm riskju reali ta’ trattament inuman jew degradanti ta’ persuni li jinżammu f’detenzjoni fl-Istat Membru emittenti, fir-rigward tal-istandard ta’ protezzjoni ta’ drittijiet fundamentali ggarantiti mid-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, tal-Artikolu 4 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Melloni, C-399/11, EU:C:2013:107, punti 59 u 63, kif ukoll l-opinjoni 2/13, EU:C:2014:2454, punt 192), hija għandha tevalwa l-eżistenza ta’ dan ir-riskju meta hija tiddeċiedi l-konsenja lill-awtoritajiet tal-Istat Membru emittenti tal-persuna kkonċernata minn mandat ta’ arrest Ewropew. Fil-fatt, l-eżekuzzjoni ta’ tali mandat ma għandhiex twassal għal trattament inuman jew degradanti ta’ din il-persuna.

89      Għal dan il-għan, l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni għandha, qabel kollox, tibbaża ruħha fuq elementi oġġettivi, affidabbli, preċiżi u debitament vverifikati dwar il-kundizzjonijiet ta’ detenzjoni li huma prevalenti fl-Istat Membru emittenti u li juru r-realtà ta’ nuqqasijiet sistemiċi jew iġġeneralizzati, jew li jolqtu ċerti gruppi ta’ persuni, jew ukoll ċerti ċentri ta’ detenzjoni. Dawn l-elementi jistgħu jirriżultaw b’mod partikolari minn deċiżjonijiet ġudizzjarji internazzjonali, bħalma huma s-sentenzi tal-Qorti EDB, minn deċiżjonijiet ġudizzjarji tal-Istat Membru emittenti kif ukoll minn deċiżjonijiet, minn rapporti u minn dokumenti oħra stabbiliti mill-korpi tal-Kunsill tal-Ewropa jew li jaqgħu taħt is-sistema tan-Nazzjonijiet Uniti.

90      F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza tal-Qorti EDB jirriżulta li l-Artikolu 3 tal-KEDB jitfa’, fuq l-awtoritajiet tal-Istat li fih isseħħ id-detenzjoni, obbligu pożittiv li jikkonsisti fil-garanzija li l-priġunieri kollha jinżammu f’detenzjoni fil-kundizzjonijiet li jiggarantixxu r-rispett tad-dinjità tal-bniedem, li l-modalitajiet ta’ eżekuzzjoni tal-miżuri ma jisuġġettawx lill-persuna kkonċernata għal riskju jew prova ta’ intensità li teċċedi l-limitu inevitabbli ta’ sofferenza inerenti fid-detenzjoni u li, fid-dawl tar-rekwiżiti prattiċi tal-priġunerija, is-saħħa u l-benesseri tal-priġunier jiġu ggarantiti b’mod adegwat (ara s-sentenza tal-Qorti EDB, Torreggiani et vs L‑Italja, Nri 43517/09, 46882/09, 55400/09, 57875/09, 61535/09, 35315/10 u 37818/10, tat-8 ta’ Jannar 2013, § 65).

91      Madankollu, il-konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ riskju reali ta’ trattament inuman jew degradanti minħabba l-kundizzjonijiet ġenerali ta’ detenzjoni fl-Istat Membru emittenti ma għandux iwassal, bħala tali, għar-rifjut ta’ eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew.

92      Fil-fatt, ġaladarba tiġi kkonstatata l-eżistenza ta’ tali riskju, jibqa’ neċessarju, imbagħad, li l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tevalwa, b’mod konkret u preċiż, jekk jeżistux raġunijiet serji u kkonfermati li jġegħluha taħseb li l-persuna kkonċernata tkun ser tgħaddi minn dan ir-riskju minħabba l-kundizzjonijiet tad-detenzjoni tagħha li jeżistu fl-Istat Membru emittenti.

93      Is-sempliċi fatt li jeżistu elementi li jixhdu fallimenti sistemiċi jew iġġeneralizzati, jew li jmissu ċerti gruppi, jew ukoll ċerti ċentri ta’ detenzjoni f’dak li jirrigwarda l-kundizzjonijiet ta’ detenzjoni fl-Stat Membru emittenti ma jimplikax, fil-fatt, neċessarjament li, f’każ konkret, il-persuna kkonċernata tkun ser tiġi suġġetta għal trattament inuman jew degradanti fil-każ ta’ konsenja lill-awtoritajiet ta’ dan l-Istat Membru.

94      Konsegwentement, bil-għan li tiġi ggarantita l-osservanza tal-Artikolu 4 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea fil-każ indivdiwali tal-persuna li tkun suġġetta għall-mandat ta’ arrest Ewropew, l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni, li jkollha quddiemha elementi oġġettivi, affidabbli, preċiżi u debitament ivverifikati li jixhdu l-eżistenza ta’ tali nuqqasijiet, għandha tivverifika jekk, fiċ-ċirkustanzi tal-każ, jeżistux raġunijiet serji u kkonfermati li jġielgħuha temmen li, wara l-konsenja tiegħu lill-Istat Membru emittenti, din il-persuna tkun qed tirriskja realment li f’dan l-Istat Membru tiġi suġġetta għal trattament inuman jew degradanti, fis-sens ta’ dan l-artikolu.

95      Għal dan il-għan, l-imsemmija awtorità għandha, skont l-Artikolu 15(2) tad-Deċiżjoni Qafas, titlob lill-awtorità ġudizzjarja tal-Istat Membru emittenti l-għoti b’urġenza ta’ kull informazzjoni addizzjonali neċessarja f’dak li jirrigwarda l-kundizzjonijiet li fihom tkun ser tinżamm f’detenzjoni l-persuna kkonċernata f’dan l-Istat Membru.

96      Din it-talba tista’ tirrigwarda wkoll l-eżistenza, fl-Istat Membru emittenti, ta’ proċeduri eventwali u mekkaniżmi nazzjonali jew internazzjonali ta’ kontroll tal-kundizzjonijiet ta’ detenzjoni marbuta, pereżempju, ma’ żjarat fi stabbilimenti penitenzjarji, li jippermettu li jiġi evalwat l-istat attwali tal-kundizzjonijiet ta’ detenzjoni f’dawn l-istabbilimenti.

97      Konformement mal-Artikolu 15(2) tad-Deċiżjoni Qafas, l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tista’ tiffissa data limitu għar-riċezzjoni ta’ informazzjoni addizzjonali invokata mill-awtorità ġudizzjarja emittenti. Dan it-terminu għandu jiġi adattat għal dan il-każ, sabiex jitħalla biżżejjed żmien għal din l-awtorità tal-aħħar sabiex tiġbor l-imsemmija informazzjoni, jekk ikun hemm bżonn billi tintalab l-assistenza għal dan il-fini tal-awtorità ċentrali jew ta’ waħda mill-awtoritajiet ċentrali tal-Istat Membru emittenti, fis-sens tal-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Qafas. Skont l-Artikolu 15(2) tad-Deċiżjoni Qafas, l-imsemmi terminu għandu madankollu jieħu inkunsiderazzjoni n-neċessità ta’ osservanza tat-termini ffissati fl-Artikolu 17 tad-Deċiżjoni Qafas. L-awtorità ġudizzjarja emittenti għandha tipprovdi din l-informazzjoni lill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni.

98      Jekk, fir-rigward tal-informazzjoni pprovduta skont l-Artikolu 15(2) tad-Deċiżjoni Qafas, kif ukoll tal-informazzjoni kollha l-oħra li għandha l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni, din l-awtorità tikkonstata li jeżisti, fir-rigward tal-persuna li hija suġġetta għall-mandat ta’ arrest Ewropew, riskju reali ta’ trattament inuman jew degradanti, kif imsemmi fil-punt 94 ta’ din is-sentenza, l-eżekuzzjoni ta’ dan il-mandat għandha tiġi posposta iżda mhux abbandunata (ara, b’analoġija, is-sentenza Lanigan, C-237/15 PPU, EU:C:2015:474, punt 38).

99      Meta l-imsemmija awtorità tieħu deċiżjoni dwar dan il-posponiment, l-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni għandu jinforma lil Eurojust, konformement mal-Artikolu 17(7) tad-Deċiżjoni Qafas, filwaqt li jispeċifika r-raġunijiet għad-dewmien. Barra minn hekk, Stat Membru li esperjenza dewmien ripetut min-naħa ta’ Stat Membru ieħor fl-eżekuzzjoni ta’ mandati ta’ arrest Ewropej għar-raġunijiet imsemmija fil-punt 98 preċedenti għandu jinforma lil Kunsill bil-għan li tiġi evalwata l-implementazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni Qafas fil-livell tal-Istati Membri.

100    Barra minn hekk, konformement mal-Artikolu 6 tal-Karta, l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tista’ tiddeċiedi li żżomm f’detenzjoni lill-persuna kkonċernata biss sakemm il-proċedura ta’ eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew tkun ġiet immexxija b’mod diliġenti biżżejjed u, għaldaqstant, li t-tul tad-detenzjoni ma jkollux natura eċċessiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Lanigan, C-237/15 PPU, EU:C:2015:474, punti 58 sa 60). Din l-awtorità għandha tieħu debitament inkunsiderazzjoni, fir-rigward tal-persuni suġġetti għal mandat ta’ arrest Ewropew għall-finijiet ta’ prosekuzzjoni, tal-prinċipju ta’ preżunzjoni tal-innoċenza ggarantiti mill-Artikolu 48 tal-Karta.

101    F’dan ir-rigward, l-awtorità ġudizzjarja tal-eżekuzzjoni għandha tosserva r-rekwiżit ta’ proporzjonalità, previst fl-Artikolu 52(1) tal-Karta, fir-rigward tal-limitazzjoni ta’ kull dritt jew ta’ kull libertà rrikonoxxuti minnha. Fil-fatt, il-ħruġ ta’ mandat ta’ arrest Ewropew ma jiġġustifikax iż-żamma tal-persuna kkonċernata f’detenzjoni mingħajr ebda limitu ta’ żmien.

102    Fi kwalunkwe każ, anki jekk l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tikkonkludi, skont l-eżami msemmi fil-punti 100 u 101 ta’ din is-sentenza, li hija għandha l-obbligu li twaqqaf id-detenzjoni tal-persuna rikjesta, hija għandha, bis-saħħa tal-Artikoli 12 u 17(5) tad-Deċiżjoni Qafas, tissuġġetta l-libertà provviżorja ta’ din il-persuna għal kwalunkwe miżura li hija tqis neċessarja sabiex jiġi evitat li din il-persuna taħrab u sabiex tiżgura ruħha li l-kundizzjonijiet materjali neċessarji għall-konsenja effettiva tagħha jibqgħu ssodisfatti sakemm tingħata deċiżjoni finali dwar l-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew (ara s-sentenza Lanigan, C-237/15 PPU, EU:C:2015:474, punt 61).

103    Fl-ipoteżi fejn l-informazzjoni rċevuta mill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni mill-awtorità ġudizzjarja emittenti twassal għall-evitar ta’ riskju reali li l-persuna kkonċernata tkun suġġetta għal trattament inuman jew degradanti fl-Istat Membru emittenti, l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni għandha tadotta, fit-terminu mogħti mid-Deċiżjoni Qafas, id-deċiżjoni tagħha fuq l-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew, mingħajr ħsara għall-possibbiltà għall-persuna kkonċernata, ladarba tiġi kkonsenjata, li tirrikorri, taħt l-ordinament ġuridiku tal-Istat Membru emittenti, għar-rimedji li bihom tkun tista’ tikkontesta, jekk ikun il-każ, il-legalità tal-kundizzjonijiet tad-detenzjoni tagħha fi stabbiliment penitenzjarju ta’ dan l-Istat Membru (ara, f’dan is-sens, is-sentenza F., C-168/13 PPU, EU:C:2013:358, punt 50).

104    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li r-risposta li għandha tingħata għad-domandi preliminari magħmula hija li l-Artikoli 1(3) u 6(1) tad-Deċiżjoni Qafas għandhom jiġu interpretati fis-sens li, fil-preżenza ta’ elementi oġġettivi, affidabbli, preċiżi u debitament ivverifikati li jixhdu l-eżistenza ta’ nuqqasijiet sistemiċi jew iġġeneralizzati, jew li jolqtu ċerti gruppi ta’ persuni jew ukoll ċerti ċentri ta’ detenzjoni f’dak li jirrigwarda l-kundizzjonijiet ta’ detenzjoni fl-Stat Membru emittenti, l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni għandha tivverifika, b’mod konkret u preċiż, jekk jeżistux raġunijiet serji u kkonfermati li jġiegħluha temmen li l-persuna kkonċernata minn mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ għall-finijiet tal-eżerċizzju ta’ prosekuzzjoni kriminali jew l-eżekuzzjoni ta’ piena ta’ priġunerija tkun ser tinsab minħabba l-kundizzjonijiet tad-detenzjoni tagħha f’dan l-Istat Membru, f’riskju reali ta’ trattament inuman jew degradanti, fis-sens tal-Artikolu 4 tal-Karta, fil-każ ta’ konsenja lill-imsemmi Stat Membru. Għal dan il-għan, hija għandha titlob li tingħata l-informazzjoni addizzjonali mill-awtorità ġudizzjarja emittenti, li wara, jekk ikun hemm bżonn, li titlob l-assistenza tal-awtorità ċentrali jew ta’ waħda mill-awtoritajiet ċentrali tal-Istat Membru emittenti, fis-sens tal-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Qafas, għandha tikkomunika din l-informazzjoni f’terminu ffissat f’tali talba. L-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni għandha tipposponi d-deċiżjoni tagħha fuq il-konsenja tal-persuna kkonċernata sa meta hija tikseb l-informazzjoni addizzjonali li tippermettilha teskludi l-eżistenza ta’ tali riskju. Jekk l-eżistenza ta’ dan ir-riskju ma tkunx tista’ tiġi eskluża f’terminu raġonevoli, din l-awtorità għandha tiddeċiedi jekk għandhiex tintemm il-proċedura ta’ konsenja.

 Fuq l-ispejjeż

105    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja), taqta’ u tiddeċiedi li:

L-Artikoli 1(3), (5) u 6(1) tad-Deċiżjoni Kwadru [Qafas] tal-Kunsill 2002/584/ĠAI, tat-13 ta’ Ġunju 2002, dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri, kif emendata bid-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/299/ĠAI, tas-26 ta’ Frar 2009, fis-sens li, fil-preżenza ta’ elementi oġġettivi, affidabbli, preċiżi u debitament ivverifikati li jixhdu l-eżistenza ta’ nuqqasijiet sistemiċi jew iġġeneralizzati, jew li jolqtu ċerti gruppi ta’ persuni jew ukoll ċerti ċentri ta’ detenzjoni f’dak li jirrigwarda l-kundizzjonijiet ta’ detenzjoni fl-Stat Membru emittenti, l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni għandha tivverifika, b’mod konkret u preċiż, jekk jeżistux raġunijiet serji u kkonfermati li jġegħluha temmen li l-persuna kkonċernata minn mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ għall-finijiet tal-eżerċizzju ta’ prosekuzzjoni kriminali jew l-eżekuzzjoni ta’ piena ta’ priġunerija minħabba l-kundizzjonijiet tad-detenzjoni tagħha f’dan l-Istat Membru, tkun ser tinsab f’riskju reali ta’ trattament inuman jew degradanti, fis-sens tal-Artikolu 4 tal-Karta, fil-każ ta’ konsenja lill-imsemmi Stat Membru. Għal dan il-għan, hija għandha titlob li tingħata l‑informazzjoni addizzjonali mill-awtorità ġudizzjarja emittenti, li wara, jekk ikun hemm bżonn, li titlob l-assistenza tal-awtorità ċentrali jew ta’ waħda mill-awtoritajiet ċentrali tal-Istat Membru emittenti, fis-sens tal-Artikolu 7 ta’ din id-Deċiżjoni Qafas, għandha tikkomunika din l-informazzjoni f’terminu ffissat f’tali talba. L-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni għandha tipposponi d-deċiżjoni tagħha fuq il-konsenja tal-persuna kkonċernata sa meta hija tikseb l-informazzjoni addizzjonali li tippermettilha li teskludi l-eżistenza ta’ tali riskju. Jekk l-eżistenza ta’ dan ir-riskju ma tkunx tista’ tiġi eskluża f’terminu raġonevoli, din l-awtorità għandha tiddeċiedi jekk għandhiex tintemm il-proċedura ta’ konsenja.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.