Language of document : ECLI:EU:C:2013:485

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

SHARPSTON

ippreżentati fit-18 ta’ Lulju 2013 (1)

Kawża C‑60/12

Marián Baláž

[Talba għal deċiżjoni preliminari mill-Vrchní soud v Praze (ir-Repubblika Ċeka)]

“Kooperazzjoni mill-pulizija u ġudizzjarja f’materji kriminali — Deċiżjoni Kwadru 2005/214/ĠAI dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku għal penali finanzjarji — ‘Opportunità li jkollha l-każ deċiż minn qorti li għandha l-kompetenza, b’mod partikolari, f’materji kriminali’”





1.        Id-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2005/214/ĠAI tat-2 ta’ Frar 2005 (2) (iktar ʼil quddiem id-“Deċiżjoni Kwadru”) testendi l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku għal penali finanzjarji. Din tirrikjedi li Stat Membru jagħti effett għal deċiżjoni ta’ Stat Membru ieħor li jimponi penali finanzjarja jekk din id-deċiżjoni kienet saret, fost l-oħrajn, minn awtorità, li ma tkunx qorti, sakemm il-persuna konċernata kellha “l-opportunità li jkollha l-każ deċiż minn qorti li għandha l-kompetenza, b’mod partikolari, f’materji kriminali”. B’din it-talba għal deċiżjoni preliminari, il-Qorti tal-Ġustizzja qiegħda tiġi mistoqsija kif din l-espressjoni trid tiġi interpretata. Bir-risposta għal din id-domanda l-Qorti tal-Ġustizzja trid issib il-bilanċ xieraq bejn ir-rikonoxximent reċiproku u l-infurzar ta’ tali penali u l-protezzjoni effettiva tad-drittijiet fundamentali.

 Il-qafas leġiżlattiv

 Id-dritt tal-Unjoni

 Id-Deċiżjoni Kwadru

2.        Skont il-premessi 1, 2, 4 u 5 tal-preambolu għad-Deċiżjoni Kwadru:

“(1) Il-Kunsill Ewropew li ltaqa’ f’Tampere fil-15 u fis-16 ta’ Ottubru 1999 approva l-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku, li għandu jsir il-pedament ta’ koperazzjoni ġudizzjarja kemm f’materji ċivili kif ukoll f’materji kriminali fl-Unjoni.

(2) Il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku għandu japplika għal penali finanzjarji mposti minn awtoritajiet ġudizzjarji jew amministrattivi sabiex jiġi faċilitat l-infurzar ta’ tali penali fi Stat Membru li ma jkunx dak l-Istat li fih ġew imposti l-penali.

[…]

(4) Din id-Deċiżjoni Kwadru għandha tkopri wkoll penali finanzjarji mposti għal reati [ksur] tat-traffiku tat-triq.

(5) Din id-Deċiżjoni Kwadru tirrispetta d-drittijiet fondamentali u tosserva l-prinċipji rikonoxxuti mill-Artikolu 6 tat-Trattat u riflessi fil-Karta tad-Drittijiet Fondamentali ta’ l-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari fil-Kapitolu VI tagħha.”

3.        Id-deċiżjonijiet li għandhom ikunu rrikonoxxuti skont id-Deċiżjoni Kwadru huma ddefiniti fl-Artikolu 1(a)(i) sa (iv). L-Artikolu 1(a)(iii) jipprovdi:

‘“deċiżjoni” tfisser deċiżjoni finali li teħtieġ il-ħlas ta’ penali finanzjarja minn persuna fiżika jew ġuridika fejn id-deċiżjoni ttieħdet minn:

[…]

(iii) awtorità tal-Istat emittenti li ma tkunx qorti, fir-rigward ta’ atti li huma kastigabbli skond il-liġi nazzjonali tal-Istat emittenti billi jikkostitwixxu ksur tal-liġi, sakemm il-persuna konċernata kellha l-opportunità li jkollha l-każ deċiż minn qorti li għandha l-kompetenza, b’mod partikolari, f’materji kriminali.”

4.        Il-paragrafu 1(b) tal-istess artikolu jistabbilixxi li:

“‘penali finanzjarja’ tfisser l-obbligu ta’ ħlas ta’:

(i) somma ta’ flus imposta b’deċiżjoni wara kundanna fuq reat;”

5.        “Stat emittenti” skont l-Artikolu 1(ċ) tfisser “l-Istat Membru li fih ġiet mogħtija deċiżjoni fis-sens ta’ din id-Deċiżjoni Kwadru”.

6.        “Stat ta’ esekuzzjoni” skont l-Artikolu 1(d) tfisser “l-Istat Membru li lilu ġiet trasmessa deċiżjoni għall-iskop ta’ infurzar.”

7.        L-Artikolu 3 huwa intitolat “Drittijiet Fundamentali” u jipprovdi:

“Din id-Deċiżjoni Kwadru ma għandhiex ikollha l-effett li temenda l-obbligu tar-rispett tad-drittijiet fondamentali u tal-prinċipji legali fondamentali kif professati fl-Artikolu 6 tat-Trattat.”

8.        L-Artikolu 4 jipprovdi għat-trażmissjoni ta’ deċiżjoni, flimkien ma’ ċertifikat fil-forma standard (3), lil “Stat Membru li fih għandha l-proprjetà jew dħul il-persuna fiżika jew ġuridika, li kontriha ttieħdet deċiżjoni, hija normalment residenti jew, fil-każ ta’ persuna ġuridika, għandha l-uffiċċju reġistrata tagħha”.

9.        L-Artikolu 5, intitolat “L-ambitu ta’ applikazzjoni”, jelenka l-ksur li fir-rigward tagħhom deċiżjonijiet għandhom ikunu rrikonoxxuti u infurzati skont id-Deċiżjoni Kwadru. L‑Artikolu 5(1) jipprovdi li:

“Ir-reati [il-ksur] li ġejjin, jekk huma kastigabbli fl-Istat emittenti u kif inhuma definiti mill-liġi tal-Istat emittenti, għandhom, skond l-istipulazzjonijiet ta’ din id-Deċiżjoni Kwadru u mingħajr verifikazzjoni tal-kriminalità doppja tal-att, jagħtu lok għar-rikonoxximent u l-infurzar ta’ deċiżjonijiet:

[…]

–        kondotta li tikser ir-regolamenti tat-traffiku tat-triq, […]”

10.      L-Artikolu 6, intitolat “Rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ deċiżjonijiet”, jipprovdi:

“L-awtoritajiet kompetenti fl-Istat ta’ esekuzzjoni għandhom jirrikonoxxu deċiżjoni li ġiet trasmessa skond l-Artikolu 4 mingħajr ma tkun neċessarja kwalunkwe formalità oħra u għandhom minnufiħ jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa għall-esekuzzjoni tagħha, sakemm l-awtorità kompetenti ma tiddeċidix tinvoka waħda mir-raġunijiet għal nuqqas ta’ rikonoxximent jew nuqqas ta’ esekuzzjoni previsti fl-Artikolu 7.”

11.      L-Artikolu 7 jelenka r-raġunijiet għal nuqqas ta’ rikonoxximent u nuqqas ta’ eżekuzzjoni. L-Artikolu 7(3) jipprovdi, fir-rigward ta’ wħud minn dawk ir-raġunijiet, li:

“[…] Qabel ma tiddeċiedi li ma tirrikonoxxix jew li ma tesegwix deċiżjoni, kompletament jew parzjalment, l-awtorità kompetenti fl-Istat ta’ esekuzzjoni għandha tikkonsulta mal-awtorità kompetenti fl-Istat emittenti, bi kwalunkwe mezzi xierqa, u għandha, fejn xieraq, titlobha biex tforni kwalunkwe informazzjoni meħtieġa mingħajr dewmien.”

12.      L‑Artikolu 20(3) jipprovdi li:

“Kull Stat Membru jista’ jopponi r-rikonoxximent u l-esekuzzjoni ta’ deċiżjonijiet fejn iċ-ċertifikat imsemmi fil-paragrafu 4 jagħti lok għal kwistjoni dwar il-possibbiltà ta’ ksur tad-drittijiet fondamentali jew tal-prinċipji legali fondamentali kif professati fl-Artikolu 6 tat-Trattat. Il-proċedura msemmija fl-Artikolu 7(3) għandha tapplika.”

 Il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ʼil quddiem il-“Karta”)

13.      L-Artikolu 47 tal-Karta jistabbilixxi d-dritt għal rimedju effettiv.

14.      L-Artikolu 48 tal-Karta jipprovdi għall-preżunzjoni tal-innoċenza u d-drittijiet tad-difiża. Dawn id-drittijiet għandhom l-istess tifsira u portata bħad-drittijiet iggarantiti bl-Artikolu 6(2) u (3) tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali (iktar ʼil quddiem “il-KEDB”) (4).

15.      L-Artikolu 49(3) jipprovdi li “[i]s-severità tal-piena m’għandhiex tkun sproporzjonata għar-reat”.

16.      L-Artikolu 52(3) jistipula li “Safejn din il-Karta fiha drittijiet li jikkorrispondu għal drittijiet iggarantiti mill-KEBD, it-tifsira u l-ambitu ta’ dawk id-drittijiet għandhom ikunu l-istess bħal dawk stabbiliti mill-[KEBD].”

 Il-KEBD

17.      L-Artikolu 6 KEBD jistabbilixxi d-dritt għal proċess imparzjali minn tribunal imparzjali. Fir-rigward ta’ “kull min ikun akkużat b’reat kriminali”, l-Artikolu 6(2) jistabbilixxi d-dritt li wieħed ikun “meqjus li jkun innoċenti sakemm ma jiġix pruvat ħati skont il-liġi”, filwaqt li l-Artikolu 6(3) jelenka l-minimu ta’ drittijiet li għandhom ikunu ggarantiti, ċjoè d-dritt:

“(a) li jkun informat minnufih, b’lingwa li jifhem u bid-dettall, dwar in-natura u r-raġuni tal-akkuża kontra tiegħu;

(b)      li jkollu żmien u faċilitajiet xierqa għall-preparazzjoni tad-difiża tiegħu;

(ċ)       li jiddefendi ruħu persunalment jew permezz ta’ assistenza legali magħżula minnu stess jew, jekk ma jkollux mezzi biżżejjed li jħallas l-assistenza legali, din għandha tingħata lilu b’xejn meta l-interessi tal-ġustizzja jeħtieġu hekk;

(d)      li jeżamina jew li jara li jiġu eżaminati xhieda kontra tiegħu u li jottjeni l-attendenza u l-eżami ta’ xhieda favur tiegħu taħt l-istess kundizzjonijiet bħax-xhieda kontra tiegħu;

(e)      li jkollu assistenza b’xejn ta’ interpretu jekk ma jkunx jifhem jew jitkellem il-lingwa użata fil-qorti.”

 Id-dritt Ċek

18.      Id-dritt Ċek jipprovdi għar-rikonoxximent u l-infurzar ta’ penali finanzjarji imposti mill-qrati ta’ Stat Membru ieħor skont il-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali. Fil-verżjoni fis-seħħ fiż-żmien rilevanti, l-Artikolu 460o tal-Kodiċi kien jipprovdi:

“(1)      Id-dispożizzjonijiet ta’ din il-parti għandhom japplikaw għall-proċedura għar-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenza finali dwar reat jew xi ksur ieħor, jew ta’ deċiżjoni mogħtija abbażi tagħha, jekk tingħata skont id-dritt tal-Unjoni Ewropea,

(a) li timponi penali finanzjarja,

[…]

jekk tkun mogtħija minn qorti tar-Repubblika Ċeka fi proċeduri kriminali …, jew minn qorti ta’ Stat Membru ieħor fi proċeduri kriminali jew minn awtorità amministrattiva ta’ tali Stat, sakemm id-deċiżjoni tal-awtorità amministrattiva dwar ksur kriminali jew ksur ta’ liġi ieħor tkun suġġetta għal appell li jinstema’ minn qorti li jkollha ġurisdizzjoni b’mod partikolari f’materji kriminali […].”

19.      L-Artikolu 460r(1) kien jipprovdi:

“(1)  Wara li jiġu ppreżentati osservazzjonijiet bil-miktub mill-prosekutur pubbliku, il-Krajský soud tiddeċiedi, b’sentenza mogħtija waqt seduta pubbliku, jekk id-deċiżjoni ta’ Stat Membru ieħor tal-Unjoni Ewropea dwar penali finanzjarja jew multa fi flus, li kienet ippreżentata lilha mill-awtoritajiet kompetenti ta’ dak l-Istat, tiġix rikonoxxuta u infurzata jew jekk ir-rikonoxximent u l-infurzar tad-deċiżjoni jiġux rifjutati. Is-sentenza tiġi notifikata lill-persuna konċernata u lill-prosekutur pubbliku.”

 Id-dritt Awstrijak

20.      L-ordinament ġuridiku Awstrijak jiddistingwi bejn il-ksur li jikkostitwixxu vjolazzjonijiet tad-“dritt kriminali amministrattiv” u dawk li jiksru d-“dritt kriminali ġudizzjarju”. Fiż-żewġ każijiet, persuni akkużati bi ksur għandhom aċċess għal qorti jew tribunal. Ksur amministrattiv ta’ liġi, li jinkludu ħafna ksur tat-traffiku, jiġu ttrattati mill-Bezirkshauptmannschaft (Awtorità Amministrattiva Distrettwali) fl-ewwel istanza. Wara li jkunu ġew eżawriti kwalunkwe rimedji quddiem dik l-awtorità amministrattiva, jista’ jsir appell mid-deċiżjoni tal-Bezirkshauptmannschaft quddiem l-Unabhängiger Verwaltungssenat, it-Tribunal Amministrattiv Indipendenti.

21.      Il-proċedura fir-rigward tal-offiżi amministrattivi hija rregolata mill-Verwaltungsstrafgesetz (Liġi Kriminali Amministrattiva) 1991. Għall-kuntrarju, il-ksur serji jiġi ttrattat biss permezz tas-sistema ġudizzjarja. Fir-rigward ta’ dawk il-ksur, jiġi applikat is-Strafprozessordnung 1975 (Kodiċi tal-Proċedura Kriminali).

 Il-fatti, il-proċedura u d-domandi rinvjati

22.      Marián Baláž, resident tar-Repubblika Ċeka, twaqqaf mill-pulizija f’00.40 a.m. tat-22 ta’ Ottubru 2009 viċin Kufstein, l-Awstrija, waqt li kien qiegħed isuq vettura tal-merkanzija artikolata. Wara li l-pulizija Awstrijaka wiżnet il-vettura fuq miżien magħruf bħala “weigh bridge”, huwa kien tħalla jipproċedi fi triqtu.

23.      Fil-25 ta’ Marzu 2010 il-Bezirkshauptmannschaft, Kufstein, l-Awstrija, tat deċiżjoni (iktar ʼil quddiem “id-deċiżjoni”) fejn sabet li fit-22 ta’ Ottubru 2009 M. Baláž kien wettaq ksur tat-traffiku, ċjoè, saq vettura li tiżen iktar minn 3.5 tunnellati fi triq fejn kien hemm sinjal li jindika li dan kien ipprojbit. Din id-deċiżjoni imponiet penali ta’ EUR 220 fuq M. Baláž jew, fin-nuqqas, 60 siegħa priġunerija.

24.      Fit-2 ta’ Lulju 2010, l-Okersní soud (Qorti Distrettwali), Teplice, ir-Repubblika Ċeka, innotifikat lil M. Baláž bid-deċiżjoni. Mill-proċess nazzjonali jidher li M. Baláž kien (probabbilment) ingħata kopja tad-deċiżjoni (li kienet tistqarr li huwa kellu ġimgħatejn sabiex jagħmel appell) tradotta biċ-Ċek flimkien ma’ dokument li kien jistabbilixxi d-drittijiet tiegħu skont id-dritt Ċek. Ma huwiex ċar jekk ingħadx xi ħaġa oħra lilu (u, jekk iva, dan preċiżament x’kien) dwar id-drittijiet tiegħu skont id-dritt Awstrijak jew li jikkontesta d-deċiżjoni jew li jippreżenta materjal bħala mitigazzjoni; jew li kellu ġimgħatejn mit-2 ta’ Lulju 2010 (pjuttost milli mill-25 ta’ Marzu 2010, id-data tad-deċiżjoni tal-Bezirkshauptmannschaft) sabiex jikkontesta d-deċiżjoni (5).

25.      B’ittra datata 19 ta’ Jannar 2011, indirizzata lill-Krajský soud v Ústí nad Labem (Qorti Reġjonali ta’ Usti nad Labem) (iktar ʼil quddiem il-“Krajský soud”), ir-Repubblika Ċeka, il-Bezirkshauptmannschaft talbet ir-rikonoxximent u l-infurzar tad-deċiżjoni fir-Repubblika Ċeka. L-ittra kellha mehmuża ċertifikat forma standard, li kien jiddikjara li d-deċiżjoni kienet saret minn awtorità, li ma kinitx qorti, fir-rigward ta’ atti li kienu punibbli skont id-dritt nazzjonali minħabba li kienu ksur ta’ regoli tal-liġi, f’dan il-każ regolamenti tat-traffiku. Iċ-ċertifikat kien jistqarr li M. Baláž kien ġie infurmat bid-dritt tiegħu li jikkontesta d-deċiżjoni f’qorti li għandha l-kompetenza, b’mod partikolari, f’materji kriminali u bit-termini sabiex jagħmel dan. Iċ-ċertifikat kien igħid ukoll li huwa ma kienx ikkontesta d-deċiżjoni u li, wara proċedura bil-miktub, id-deċiżjoni għalhekk saret finali fis-17 ta’ Lulju 2010.

26.      Waqt is-seduta tas-17 ta’ Mejju 2011 quddiem il-Krajský soud, l-avukat tas-M. Baláž argumenta li peress li skont id-dritt Awstrijak appell mid-deċiżjoni kien ikun instema’ mill-Unabhängiger Verwaltungssenat, li ma kinitx “qorti li għandha l-kompetenza, b’mod partikolari, f’materji kriminali”, id-deċiżjoni ma setgħetx tiġi infurzata.

27.      Il-Krajský soud ċaħdet dan l-argument u ddeċidiet li d-deċiżjoni għandha tkun irrikonoxxuta u infurzata fir-Repubblika Ċeka. M. Baláž appella quddiem il-Vrchní soud v Praze (Qorti Għolja, Praga). Din il-qorti tikkunsidra li huwa meħtieġ li jkun deċiż jekk id-deċiżjoni taqax taħt l-Artikolu 1(a)(iii) tad-Deċiżjoni Kwadru u għalhekk tissodisfax il-kundizzjonijiet għar-rikonoxximent u l-infurzar. Madankollu, din kellha dubji dwar l-interpretazzjoni ta’ “qorti li għandha l-kompetenza, b’mod partikolari, f’materji kriminali”. Għalhekk, hija ssospendiet il-proċeduri quddiem u għamlet id-domandi preliminari li ġejjin:

“(1)      Il-kunċett ta’ ‘qorti li għandha l-kompetenza, b’mod partikolari, f’materji kriminali’, imsemmi fl-Artikolu 1(a)(iii) tad-[Deċiżjoni Kwadru] għandu jiġi interpretat bħala kunċett awtonomu tad-dritt tal-Unjoni Ewropea?

(2)(a)      Fil-każ ta’ risposta affermattiva għall-ewwel domanda, liema huma l-kriterji ta’ definizzjoni ġenerali li għandha tissodisfa qorti fi Stat li, fuq inizjattiva tal-persuna interessata, tista’ tisma’ kawża rigward deċiżjoni adottata minn awtorità oħra li ma hijiex qorti (awtorità amministrattiva) sabiex tkun tista’ tikkwalifika bħala “qorti li għandha l-kompetenza, b’mod partikolari, f’materji kriminali” skont l-Artikolu 1(a)(iii), tad-Deċiżjoni Qafas?

(b)      Jista’ l-Unabhängiger Verwaltungssenat autrichien (tribunal amministrattiv indipendenti) jitqies bħala ‘qorti li għandha l-kompetenza, b’mod partikolari, f’materji kriminali’ skont l-Artikolu 1(a)(iii), tad-Deċiżjoni Qafas?

(c)      Fil-każ ta’ risposta negattiva għall-ewwel domanda, il-kunċett ta’ “qorti li għandha l-kompetenza, b’mod partikolari, f’materji kriminali” skont l-Artikolu 1(a)(iii) tad- Deċiżjoni Qafas għandu jiġi interpretat mill-awtorità kompetenti tal-Istat eżekutur skont id-dritt tal-Istat li l- awtorità tiegħu tkun adottat id-deċiżjoni skont l-Artikolu 1(a)(iii) tad-Deċiżjoni Qafas, jew skont id-dritt tal- Istat li jiddeċiedi dwar ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ tali deċiżjoni?

(3)      L-‘opportunità li jkollha l-każ deċiż’ minn ‘qorti li għandha l-kompetenza, b’mod partikolari, f’materji kriminali’ skont l-Artikolu 1(a)(iii), tad-Deċiżjoni Qafas hija ggarantita wkoll meta l-persuna interessata ma tistax tikseb direttament l-eżami tal-kawża quddiem ‘qorti li għandha l-kompetenza, b’mod partikolari, f’materji kriminali’, iżda li hija għandha fl-ewwel lok tikkontesta d-deċiżjoni ta’ awtorità oħra li ma hijiex qorti (awtorità amministrattiva) permezz ta’ azzjoni, li trendi inapplikabbli d-deċiżjoni ta’ din l-awtorità, u għandha tinbeda proċedura ordinarja quddiem l-istess awtorità, u li hija biss kontra d-deċiżjoni ta’ din tal-aħħar, meqjusa fil- kuntest ta’ din il-proċedura ordinarja, li jista’ jiġi ppreżentat appell li fuqu tista’ tiddeċiedi ‘qorti li għandha l-kompetenza, b’mod partikolari, f’materji kriminali’?

Fir-rigward tal-garanzija ta’ ‘opportunità li jkollha l-każ deċiż’, huwa neċessarju li tiġi solvuta wkoll il-kwistjoni dwar jekk appell li jiġi deċiż minn ‘qorti li għandha l-kompetenza, b’mod partikolari, f’materji kriminali’ għandux in-natura ta’ appell ordinarju (jiġifieri appell kontra deċiżjoni li ma hijiex definittiva), jew appell straordinarju (jiġifieri appell kontra deċiżjoni definittiva), kif ukoll dwar il-kwistjoni jekk ‘qorti li għandha l-kompetenza, b’mod partikolari, f’materji kriminali’ għandhiex is-setgħa, abbażi ta’ dan l- appell, sabiex tipproċedi għal eżami komplet, kemm mil-lat fattwali kif ukoll minn dak ġuridiku?”

28.      Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub lill-Qorti tal-Ġustizzja, mill-Gvernijiet tal-Awstrija, tar-Repubblika Ċeka, tal-Italja, tal-Pajjiżi l-Baxxi u tal-Isvezja u mill-Kummissjoni Ewropea. Fis-seduta tat-12 ta’ Marzu 2013, il-gvernijiet tal-Awstrija u tar-Repubblika Ċeka għamlu sottomissjonijiet orali u wieġbu għad-domandi tal-Qorti tal-­Ġustizzja. M. Baláž ma ppreżentax osservazzjonijiet bil-miktub u ma kienx irrappreżentat waqt is-seduta.

 Analiżi

 Osservazzjonijiet preliminari

29.      Id-Deċiżjoni Kwadru 2002/514 tifforma parti minn serje ta’ miżuri li kienu introdotti matul is-snin reċenti li japplikaw il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku f’materji li jinvolvu d-dritt kriminali. L-għan tagħha huwa li tiffaċilita l-infurzar ta’ penali finanzjarji fi Stat Membru li ma jkunx l-Istat Membru fejn il-penali kienu imposti. Il-protezzjoni tal-individwu kkonċernat — il-kontroparti għar-rikonoxximent reċiproku tal-penali finanzjarja — tinkiseb billi jiġi ggarantit (l-Artikolu 1) li deċiżjonijiet biss (i) mogħtija minn “qorti ta’ l-Istat emittenti fir-rigward ta’ reat kriminali skont il-liġi ta’ l-Istat emittenti” (Artikolu 1(a)(i)), jew (ii) mogħtija minn “qorti li għandha l-kompetenza, b’mod partikolari, f’materji kriminali” [Artikolu 1(a)(iv)], jew (iii) li fir-rigward ta’ liema kien hemm “l-opportunità li jkollha l-każ deċiż minn qorti li għandha l-kompetenza, b’mod partikolari, f’materji kriminali (Artikolu 1(a)(ii) u (iii)) jistgħu jibbenefikaw mir-rikonoxximent reċiproku u għalhekk mill-infurzar skont id-Deċiżjoni Kwadru.

30.      Għall-konvenjenza, f’dan li ġej jien ser insejjaħ deċiżjoni finali li teħtieġ li penali finanzjarja titħallas mal-kundanna ta’ ksur elenkat fl-Artikolu 5 bħala “deċiżjoni dwar penali finanzjarja”. Jien ser insegwi d-Deċiżjoni Kwadru meta nsejjaħ l-Istat Membru li fih kienet maħruġa l-penali finanzjarja bħala “l-Istat emittenti” u l-Istat Membru fejn tintalab l-infurzar ta’ dik il-penali bħala “l-Istat Membru tal-eżekuzzjoni”.

31.      Id-Deċiżjoni Kwadru hija bbażata fuq il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku (premessa 1) filwaqt li tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji rikonoxxuti bl-Artikolu 6 TUE u riflessi fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali (premessa 5). Skont l-Artikolu 3 “id-Deċiżjoni Kwadru ma għandhiex ikollha l-effett li temenda l-obbligu tar-rispett tad-drittijiet fundamentali u tal-prinċipji legali fondamentali kif professati fl-Artikolu 6 tat-Trattat.” Il-leġiżlatur għalhekk kellu l-ħsieb ċar li jiffaċilita l-infurzar transkonfinali ta’ penali finanzjarji filwaqt li fl-istess ħin iżomm garanziji xierqa għall-individwi li kontrihom dawk il-penali kellhom jiġu infurzati.

32.      Wara din id-dikjarazzjoni li tidher innokwa hemm għadd ta’ kwistjonijiet inqas innokwi li jeħtieġ li jiġu indirizzati. L-ewwel nett, hemm xi loġika partikolari wara l-lista ta’ deċiżjonijiet dwar penali finanzjarji li huma koperti bid-Deċiżjoni Kwadru? It-tieni nett, preċiżament x’protezzjoni kellu l-ħsieb jagħti l-leġiżlatur lill-individwu? It-tielet nett, u tenut kont tal-fatt pjuttost ovvju li s-sanzjoni ekonomika attwali li tirriżulta mill-impożizzjoni ta’ penali finanzjarja tiddependi fuq iċ-ċirkustanzi tal-persuna li tiġi applikata għaliha, fejn fis-sistema huwa maħsub li tiġi evalwata il-proporzjonalità tas-sanzjoni?

33.      Il-lista ta’ ksur stipulati fl-Artikolu 5 li fir-rigward tagħhom jistgħu jiġu imposti deċiżjonijiet dwar penali finanzjarji hija kollezzjoni eteroġenea li tidher li kienet ispirata primarjament mill-ksur stipulat fl-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni Kwadru 2002/584/ĠAI dwar il-Mandat ta’ Arrest Ewropew (6). Madankollu, ma’ dik il-lista ġew miżjuda għadd ta’ ksur addizzjonali: kuntrabandu, ksur ta’ drittijiet ta’ proprjetà intellettwali, theddid u atti ta’ vjolenza kontra persuni, ħsara kriminali, serq u — l-iktar pertinenti għall-iskopijiet tal-proċeduri preżenti — “kondotta li tikser ir-regolamenti tat-traffiku”.

34.      Nammetti li għandi ċerta diffikultà biex nifhem il-loġika inerenti wara l-inklużjoni mil-leġiżlatur, f’Deċiżjoni Kwadru li altrimenti (essenzjalment) tittratta dak li wieħed jista’ jsejjaħ “dritt kriminali ġenerali”, ta’ dan l-aħħar element (apparti mill-utilità ovvja, għall-Istati Membri, li jiżguraw li tali penali jistgħu jiġu infurzati kontra sewwieqa viżitaturi minn Stati Membri oħra). Fi kwalunkwe każ, huwa ċar li l-proċedura kkontemplata bid-Deċiżjoni Kwadru nnifisha tagħmel riferimenti estensivi għal kunċetti tad-dritt kriminali (7) u hija mfassla sabiex tiżgura garanziji sħaħ u xierqa — tat-tip li huma ġustament rikjesti fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali — jkunu osservati qabel ma deċiżjoni dwar penali finanzjarja tista’ tiġi infurzata fl-Istat Membru tal-eżekuzzjoni. Peress li “kondotta li tikser ir-regolamenti tat-traffiku” hija bl-istess mod ksur elenkat, isegwi li l-istess garanziji għandhom ikunu disponibbli meta deċiżjoni dwar penali finanzjarja li torġina fil-kuntest ta’ ksur tar-regolamenti tat-traffiku għandha tiġi infurzata bħalma huma disponibbli, ngħidu aħna, fir-rigward ta’ deċiżjoni dwar penali finanzjarja li toriġina fil-kuntest ta’ korruzzjoni, traffikar illeċitu fi drogi narkotiċi u sustanzi psikotropiċi, jew kuntrabandu.

35.      Sabiex nispjega l-istess punt b’mod differenti: is-sistema ta’ rikonoxximent reċiproku ta’ deċiżjonijiet dwar penali finanzjarji stabbilita bid-Deċiżjoni Kwadru timplika grad għoli ta’ fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri. Madankollu, kif osserva l-Kunsill Ewropew fil-Programm ta’ Stokkolma tiegħu, “il-protezzjoni tad-drittijiet tal-persuni ssuspettati u akkużati fi proċedimenti kriminali hija valur fundamentali tal-Unjoni, li hija essenzjali sabiex tinżamm fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri u fiduċja pubblika fl-Unjoni” (8). Proprju għal dik ir-raġuni, il-protezzjoni mogħtija liċ-ċittadin billi jkollu “l-opportunità li jkollha l-każ deċiż minn qorti li għandha l-kompetenza, b’mod partikolari, f’materji kriminali” (kif speċifikat fl-Artikolu 1 (a)(ii) u (iii) tad-Deċiżjoni Kwadru) preżumibbilment trid tkun maħsuba sabiex tkun ekwivalenti għall-protezzjoni disponibbli għal “qorti ta’ l-Istat emittenti fir-rigward ta’ reat kriminali skont il-liġi ta’ l-Istat emittenti” [l-Artikolu 1(a)(i)] jew il-fatt li d-deċiżjoni toriġina minn “qorti li għandha l-kompetenza, b’mod partikolari, f’materji kriminali” [ara l-Artikolu 1(a)(iv)].

36.      X’aktarx li jkun hemm it-tentazzjoni li wieħed jaħseb peress li “kondotta li tikser ir-regolamenti tat-traffiku tat-triq” intrinsikament hija inqas kundannabbli minn terroriżmu jew qtil, persuna li hija responsabbli sabiex tħallas penali finanzjarja għal tal-ewwel hija f’inqas bżonn tal-panoplija tal-protezzjoni sħiħa tad-dritt kriminali minn persuna ssentenzjata dwar tal-aħħar. Fil-fehma tiegħi tali approċċ għandu jiġi rreżistit. Id-Deċiżjoni Kwadru tispeċifika, permezz ta’ formulazzjonijiet pjuttost differenti minn dawk użati fi ħdan l-Artikolu 1(a), li l-protezzjoni milli li jkollok aċċess jew għal “qorti tal-Istat emittenti fir-rigward ta’ reat kriminali” jew minn “qorti li għandha l-kompetenza, b’mod partikolari, f’materji kriminali” hija prekundizzjoni għall-infurzar. Il-premessa inizjali tiegħi hija li ż-żewġ formuli effettivament huma ekwivalenti; u li ma jistax ikun hemm livelli ta’ protezzjoni li jvarjaw taħt l-istess strument legali (id-Deċiżjoni Kwadru), skont jekk wieħed iqisx il-ksur elenkat li jagħti lok għal penali finanzjarja bħala iktar jew inqas serju. Skont il-Programm ta’ Stokkolma, “[h]uwa tal-ikbar importanza li l-miżuri għall-infurzar tal-liġi u l-miżuri għas-salvagwardja tad-drittijiet individwali, l-istat tad-dritt u r-regoli ta’ protezzjoni internazzjonali jimxu id f’id fl-istess direzzjoni u jissaħħu reċiprokament” (9).

37.      Essenzjalment, id-domandi rrinvjati mill-Vrchní soud jistaqsu kif għandha tiġi interpretata d-Deċiżjoni Kwadru sabiex tiġi żgurata l-protezzjoni ġudizzjarja effettiva taċ-ċittadini tal-Unjoni li, bħal M. Baláž, fil-kors tal-eżerċizzju tal-libertà tal-moviment tagħhom matul l-Unjoni, ikunu suġġetti għal penali finanzjarji fi Stati Membri oħra minbarra dak fejn normalment jirrisjedu (10).

38.      Meta neżamina l-kwistjonijiet imqajjma b’dan il-każ, jien inżomm f’moħħi li M. Baláž ma ppreżentax osservazzjonijiet bil-miktub u ma kienx irrappreżentat waqt is-smigħ. Tenut kont tal-vigorożità li biha kkontesta l-proċeduri nazzjonali ta’ infurzar, billi ressaq verżjoni ta’ avvenimenti (sostnuta bix-xhieda ta’ mill-inqas xhud wieħed) li hija għalkollox differenti (11) minn dik li tifforma l-bażi tal-proċedura amministrattiva għal ksur ta’ regolament tat-traffiku u l-penali finanzjarja imposta fuqu fl-assenza tiegħu mill- Bezirkshauptmannschaft, l-assenza ta’ rappreżentanza quddiem din il-Qorti hija sors ta’ tħassib. Filwaqt li l-penali finanzjarja setgħet kienet imposta amministrattivament, il-kuntest ta’ infurzar huwa dak tad-dritt kriminali. Jien ma neskludix il-possibbiltà li, bħala sewwieq tat-trakkijiet b’salarju Ċek (li għalih il-prospett possibbli ħafna li jkollu jħallas multa ta’ EUR 220 seta’ diġà kien jidher skoraġġanti), M. Baláž seta’ ħass li ma kellux il-mezzi biex iħallas spejjeż addizzjonali li jqabbad avukat sabiex jirrappreżentah quddiem din il-Qorti. Jien ukoll ninsab ʼil bogħod milli nkun ċert li huwa kien neċessarjament konxju dwar il-possibbiltajiet (limitati) li japplika quddiem din il-Qorti għall-għajnuna legali.

39.      Għal dawn ir-raġunijiet, jien inħoss li huwa d-dmir tiegħi li tal-inqas nidentifika numru ta’ elementi li jistgħu jkunu rilevanti għad-domanda dwar jekk M. Baláž kellux (jew ma kellux) ġenwinament “opportunità” li jkollu l-każ tiegħu deċiż minn “qorti li għandha l-kompetenza, b’mod partikolari, f’materji kriminali” (il-prekundizzjoni, skont l-Artikolu 1(a)(iii) tad-Deċiżjoni Kwadru, sabiex id-deċiżjoni tal-penali finanzjarja kontrih tkun infurzabbli). Dan ser nagħmlu iktar tard fil-konklużjonijiet tiegħi, u nsemmi dawn sempliċement bħala punti ta’ prinċipju (12). Dawk l-elementi huma prattiċi — il-mekkaniżmi ordinarji tax-xogħol tad-difiża f’każijiet kriminali. Dawn jestendu mill-pussess tal-informazzjoni neċessarja sabiex jiġi eżerċitat id-dritt ta’ appell quddiem qorti kriminali sal-kwistjoni tal-evalwazzjoni tal-proporzjonalità tas-sanzjoni imposta. Hija l-qorti nazzjonali, bħala l-uniku ġudikant tal-fatti, li għandha twettaq kwalunkwe verifika neċessarja meta l-materja tispiċċa lura quddiemha.

 Domanda 1

40.      Bl-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-espressjoni “qorti li għandha l-kompetenza, b’mod partikolari, f’materji kriminali” użata fl-Artikolu 1(a)(iii) tad-Deċiżjoni Kwadru trid tiġi interpretata bħala kunċett awtonomu tad-dritt tal-Unjoni Ewropea.

41.      Il-Gvernijiet tal-Pajjiżi l-Baxxi u tal-Isvezja jikkunsidraw li t-tifsira ta’ dik id-dispożizzjoni għandha tiġi stabbilita skont il-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru tal-eżekuzzjoni. B’kuntrast ma’ dan, il-qorti tar-rinviju u l-Gvernijiet tal-Awstrija, tar-Repubblika Ċeka u tal-Italja, flimkien mal-Kummissjoni, jieħdu l-pożizzjoni li dan huwa kunċett awtonomu tad-dritt tal-Unjoni Ewropea li għandu jingħata interpretazzjoni uniformi.

42.      Jiena naqbel ma’ din l-aħħar pożizzjoni.

43.      Kif ġie ritenut b’mod konsistenti mill-Qorti tal-Ġustizzja, mir-rekwiżiti tal-applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni Ewropea u mill-prinċipju ta’ ugwaljanza jirriżulta li t-termini ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni Ewropea, li ma tagħmel ebda riferiment espress għad-dritt tal-Istati Membri sabiex jiġu stabbiliti t-tifsira u l-portata tagħha, għandhom normalment jingħataw, interpretazzjoni awtonoma u uniformi fl-Unjoni Ewropea kollha, billi jitqies il-kuntest tad-dispożizzjoni u l-għan imfittex mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni (13).

44.      L-għan imfittex mid-Deċiżjoni Kwadru diġà ġie identifikat: l-infurzar ta’ deċiżjonijiet dwar penali finanzjarji permezz ta’ rikonoxximent reċiproku (14). L-espressjoni “qorti li għandha l-kompetenza, b’mod partikolari, f’materji kriminali” użat fl-Artikolu 1(a)(iii) tilgħab rwol kruċjali sabiex jiġi stabbilit l-iskop tad-Deċiżjoni Kwadru, peress li tiddefinixxi kategorija ta’ deċiżjonijiet dwar penali finanzjarji li tibbenefikaw minn rikonoxximent reċiproku u għalhekk infurzar. Filwaqt li partijiet oħra tad-Deċiżjoni Kwadru fil-fatt jagħmlu riferiment għal-leġiżlazzjoni nazzjonali (15), hawnhekk ma jsirx dan ir-riferiment.

45.      Għalhekk jien nissuġġerixxi li, sabiex jintlaħaq l-objettiv u l-kamp ta’ applikazzjoni maħsuba tad-Deċiżjoni Kwadru, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tadotta l-istess approċċ li hija diġà approvat rigward l-interpretazzjoni tad-Deċiżjoni Kwadru dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew (16), li bl-istess mod tikkonċerna r-rikonoxximent reċiproku ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji f’materji kriminali. Kemm fis-sentenza Mantello (17) u fis-sentenza Kozłowski (18), il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li kunċetti li kienu jistabbilixxu l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dik id-Deċiżjoni Kwadru, kellhom jiġu interpretati b’mod uniformi (19); it-tifsira tagħhom ma setgħetx titħalla sabiex tkun deċiża skont id-diskrezzjoni tal-awtoritajiet ġudizzjarji ta’ kull Stat Membru abbażi tal-leġiżlazzjoni nazzjonali.

46.      Il-ħtieġa ta’ interpretazzjoni uniformi hija b’mod partikolari importanti fejn (kif inhu hawnhekk) id-dispożizzjoni inkwistjoni għandha mnaqqxa fiha salvagward għall-individwu. L-aċċess għal “qorti li għandha l-kompetenza, b’mod partikolari, f’materji kriminali” jiggarantixxi protezzjoni ġudizzjarja xierqa u effettiva qabel ma dak l-individwu jista’ jkun suġġett għal deċiżjoni dwar penali finanzjarja li tista’ tkun infurzata kontrih fi kwalunkwe Stat Membru tal-Unjoni Ewropea. Dan jimmilita kontra li jkun permess li s-salvagward ivarja sostanzjalment bejn l-Istati Membri. Fil-fatt, fiduċja reċiproka fis-salvagwardji disponibbli għal dawk akkużati bi ksur tirfed il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku ta’ deċiżjonijiet f’materji kriminali. Interpretazzjoni uniformi tal-kunċett ta’ “qorti li għandha l-kompetenza, b’mod partikolari, f’materji kriminali” toħloq il-kunfidenza u l-fiduċja reċiproċi li fuqhom irid ikun ibbażat ir-rikonoxximent reċiproku.

47.      Id-diffikultajiet assoċjati mal-preferenza ta’ interpretazzjoni uniformi fuq waħda li tirreferi għal-leġiżlazzjoni nazzjonali sabiex tagħti definizzjoni ta’ dik id-dispożizzjoni huma, fil-fehma tiegħi, iktar teoretiċi milli reali. Naturalment, huwa veru li kull Stat Membru għandu l-istruttura partikolari tiegħu ta’ qrati; u li la din id-Deċiżjoni Kwadru u l-ebda oħra ma ppruvaw jilħqu xi grad ta’ armonizzazzjoni f’dan il-kamp sa issa. Madankollu, jien nirrileva li, minn punt prattiku, jekk “qorti li għandha l-kompetenza, b’mod partikolari, f’materji kriminali” tiġix interpretata bħala kunċett awtonomu jew interpretata b’riferiment għad-dritt tal-Istat emittenti, attwalment ma jagħmel l-ebda differenza għall-qorti fl-Istat tal-eżekuzzjoni. Din xorta għandha quddiemha l-problema bażika li hija (probabbilment) ma tant hija intiża fl-istruttura tal-qrati tal-Istat emittenti. Din għalhekk tista’ ma tkunx f’qagħda, mingħajr ma tagħmel stħarriġ ulterjuri, biex hija nnifisha tkun sodisfatta jew le jekk il-qorti fl-Istat emittenti tissodisfax dik id-definizzjoni.

48.      Jien għalhekk nissuġġerixxi, b’risposta għall-ewwel domanda, li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi li l-espressjoni “qorti li għandha l-kompetenza, b’mod partikolari, f’materji kriminali” fl-Artikolu 1(a)(iii) tad-Deċiżjoni Kwadru hija kunċett awtonomu tad-dritt tal-Unjoni Ewropea.

 Domanda 2(a)

49.      Bid-domanda 2(a) il-qorti tar-rinviju tistaqsi liema karatteristiċi ewlenin għandu jkollha qorti ta’ Stat li jrid ikollha, sabiex tikkwalifika bħala “qorti li għandha l-kompetenza, b’mod partikolari, f’materji kriminali” skont it-tifsira tal-Artikolu 1(a)(iii) tad-Deċiżjoni Kwadru.

50.      Il-qorti tar-rinviju u l-Gvern Ċek jikkunsidraw li l-espressjoni għandha tiġi interpretata bħala li jfisser entità (li trid tkun qorti) li tapplika proċedura ta’ natura kriminali. Il-Gvernijiet tal-Awstrija u tal-Italja jissuġġerixxu li l-qorti trid tkun waħda fejn il-garanziji li jinsabu fl-Artikolu 6 KEBD huma disponibbli għall-persuna kkonċernata. Il-Gvern tal-Isvezja jqis li (ladarba din hija kwistjoni ta’ dritt tal-Unjoni pjuttost milli ta’ dritt nazzjonali) jekk qorti partikolari hijiex waħda “li għandha l-kompetenza, b’mod partikolari, f’materji kriminali” dan għandu jiġi stabbilit skont karatteristiċi materjali pjuttost milli formali. Il-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi jqis li huwa l-Istat emittenti li għandu jevalwa jekk il-qorti tiegħu tissodisfax dik id-definizzjoni. Il-Kummissjoni tieħu l-pożizzjoni li l-Artikolu 1(a)(iii) jagħmel riferiment għal qorti li għandha kompetenza f’materji formalment ikkwalifikati bħala kriminali fl-Istat emittenti. Dik il-qorti jista’ jkollha kompetenza f’materji oħra, mhux kriminali. Madankollu, sabiex ikunu sodisfatti r-rekwiżiti tal-Artikolu1(a)(iii), trid tkun is-sezzjoni kriminali tal-qorti li teżerċita kontroll fuq id-deċiżjoni dwar il-penali finanzjarja.

51.      Jien naqbel mal-qorti tar-rinviju u ma’ dawk il-gvernijiet li jqisu li l-karatteristika ewlenija ta’ “qorti li għandha l-kompetenza, b’mod partikolari, f’materji kriminali” hija li hi qorti li tapplika l-proċedura kriminali u l-garanziji, għandha jew ms għandhiex ukoll kompetenza f’kawżi mhux kriminali.

52.      Kif diġà rrilevajt (20), il-ksur li jagħtu lok għar-rikonoxximent reċiproku u l-infurzar elenkati fl-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni Kwadru jinkludu materji meqjusa bħala kriminali fl-Istati Membri kollha, bħal “terroriżmu”, imma anki materji meqjusa bħala kriminali f’xi Stati Membri imma mhux f’oħrajn (fejn jiġu trattati taħt id-dritt amministrattiv, pjuttost milli taħt id-dritt kriminali). “Kondotta li tikser ir-regolamenti tat-traffiku tat-triq” taqa’ taħt l-aħħar kategorija. L-intenzjoni tal-leġiżlatura għalhekk kienet li tiffaċilita r-rikonoxximent reċiproku ta’ deċiżjonijiet dwar penali finanzjarji fir-rigward ta’ dan il-ksur mingħajr ma jiġi armonizzat il-kunċett ta’ x’inhu ksur “kriminali”. Meta ksur huwa elenkat fl-Artikolu 5 dan jista’ jagħti lok għar-rikonoxximent reċiproku irrispettivament minn jekk il-liġi tal-Istat emittenti jew tal-Istat tal-eżekuzzjoni tikklassifikax il-ksur bħala “kriminali”.

53.      Isegwi min-nuqqas ta’ armonizzazzjoni tal-espressjoni “kriminali” li l-espressjoni “qorti li għandha l-kompetenza, b’mod partikolari, f’materji kriminali” ma tistax teħtieġ interpretazzjoni uniformi ta’ x’inhija “materja kriminali”.

54.      Għal din ir-raġuni, jien ma naħsibx li l-interpretazzjoni proposta mill-Kummissjoni tista’ tiġi adottata. Din tkun tqiegħed restrizzjoni mhux intenzjonata fuq il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Deċiżjoni Kwadru jekk dawk il-qrati biss li jittrattaw “materji kriminali”, kif imfissra mil-liġi tal-Istat emittenti, jiġu inklużi fi ħdan id-definizzjoni tal-espressjoni “qorti li għandha l-kompetenza, b’mod partikolari, f’materji kriminali”. L-Istati Membri li fihom uħud mill-ksur elenkat fl-Artikolu 5 ma huwiex ikklassifikat bħala “kriminali” u li l-istrutturi tal-qrati tagħhom huma tali li d-deċiżjonijiet amministrattivi fir-rigward ta’ dan il-ksur huma rriveduti minn qrati li huma separati mill-qrati li jittrattaw kawżi kriminali, kif definiti bil-leġiżlazzjoni nazzjonali, ma jkunux jistgħu jagħmlu użu mill-proċedura tar-rikonoxximent reċiproku għar-rigward ta’ deċiżjonijiet dwar penali finanzjarji imposti fir-rigward ta’ tali ksur. Fil-fehma tiegħi dan imur kontra l-intenzjoni ddikjarata tal-leġiżlatura meta inkludiet tali ksur fil-lista tal-Artikolu 5 u għalhekk dan imur kontra l-għan tad-Deċiżjoni Kwadru.

55.      Madankollu, minbarra li tiffaċilita r-rikonoxximent reċiproku ta’ deċiżjonijiet li jimponu penali finanzjarji, il-leġiżlatura tiggarantixxi wkoll espressament li d-drittijiet fundamentali tal-persuna kkonċernata ikunu rispettati (ara l-premessa 5 fil-preambolu u l-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni Kwadru).

56.      Meta dawn l-għanijiet paralleli jitqiegħdu flimkien, fil-fehma tiegħi l-Artikolu 1(a)(iii) għandu jiġi interpretat bħala li jfisser li deċiżjoni dwar penali finanzjarja li ssir minn awtorità amministrattiva tagħti lok għal rikonoxximent reċiproku u konsegwentement għal infurzar sakemm il-persuna kkonċernata kellha opportunità xierqa li tikkontesta dik id-deċiżjoni f’qorti li tiżgura li d-drittijiet fundamentali tagħha jiġu rispettati. Konsegwentement dan jimplika li l-qorti li tkun mogħtija l-kompetenza rigward tali deċiżjonijiet dwar penali finanzjarji fl-Istat emittenti trid tkun waħda li l-kostituzzjoni, il-proċeduri u l-kompetenzi ta’ reviżjoni tagħha jiżguraw il-garanziji minimi applikabbli taħt l-Artikoli 47 u 48 tal-Karta meta persuna tkun akkużata bi ksur kriminali. Fi kliem ieħor, għalkemm il-qorti kompetenti ma hemmx neċessarjament għalfejn tkun il-qorti fl-Istat emittenti li tittratta materji li huma formalment ikklassifikati bħala “kriminali” skont il-liġi ta’ dak l-Istat Membru, madankollu din għandha toffri l-istess garanziji proċedurali u sostantivi.

57.      Id-drittijiet iggarantiti bl-Artikoli 47 u 48 tal-Karta espressament jinkludu id-dritt għal smigħ xieraq minn tribunal indipendenti u imparzjali stabbilit preċedentement b’liġi, il-possibbiltà li tingħata pariri, li tingħata difiża u li tkun rappreżentat, id-dritt limitat għall-għajnuna legali u dispożizzjoni ġenerali li tistipula li “għandu jiġi ggarantit ir-rispett għad-drittijiet tad-difiża”. Barra minn hekk, l-Artikolu 52(3) tal-Karta jippreċiża li, “safejn din il-Karta fiha drittijiet li jikkorrispondu għal dawk iggarantiti mill-[KEDB], it-tifsira u l-ambitu ta’ dawk id-drittijiet għandhom ikunu l-istess bħal dawk stabbiliti mill-[KEBD]”. Għall-Artikoli 47 u 48 tal-Karta, in-nota ta’ spjegazzjoni tikkonferma li l-punt ta’ riferiment fi ħdan il-KEDB huwa l-Artikolu 6 (21).

58.      L-Artikolu 6 KEDB jinkludi, fl-ewwel tliet subparagrafi tiegħu, garanziji importanti għal persuni akkużati bi ksur kriminali. Għalhekk, il-korp li jagħmel ir-reviżjoni jrid ikun wieħed li huwa stabbilit bil-liġi, li huwa indipendenti u imparzjali. Din trid tiżgura li l-garanziji li ġejjin ikunu osservati. L-akkużat irid: ikun preżunt innoċenti sakemm jiġi ppruvat li huwa ħati skont il-liġi; li jkun infurmat minnufih, b’lingwa li jifhem u bid-dettall, dwar in-natura u r-raġuni tal-akkuża kontra tiegħu; li jkollu żmien u faċilitajiet xierqa għall-preparazzjoni tad-difiża tiegħu; li jkun jista’ jiddefendi ruħu personalment jew permezz ta’ assistenza legali magħżula minnu stess jew, jekk ma jkollux mezzi biżżejjed sabiex iħallas l-assistenza legali, din għandha tingħata lilu b’xejn meta l-interessi tal-ġustizzja hekk jeħtieġu; li jeżamina jew li jara li jiġu eżaminati xhieda kontra tiegħu u li jottjeni l-attendenza u l-eżami ta’ xhieda favur tiegħu taħt l-istess kundizzjonijiet bħax-xhieda kontra tiegħu; u li jkollu assistenza b’xejn ta’ interpretu jekk ma jkunx jifhem jew jitkellem il-lingwa użata fil-qorti.

59.      Sa liema punt tista’ l-protezzjoni ta’ dawk id-drittijiet fundamentali għal persuni akkużati bi ksur kriminali tista’ wkoll titqies li hija neċessarja għal dawk li l-ksur tagħhom huwa klassifikat bħala amministrattiv pjuttost milli kriminali skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali, imma li l-unika protezzjoni tiegħu minn rikonoxximent u infurzar kważi awtomatiku (22) ta’ deċiżjoni li timponi fuqu penali finanzjarja tikkonsisti fis-salvagward li jinsab fl-Artikolu 1(a)(iii) tad-Deċiżjoni Kwadru: li dawn għandu jkollhom “l-opportunità li jkollha l-każ deċiż minn qorti li għandha l-kompetenza, b’mod partikolari, f’materji kriminali”?

60.      Fil-fehma tiegħi, interpretazzjoni ristretta li tkun teskludi riferiment għall-garanziji dwar “proċeduri kriminali” li tinsab fl-Artikolu 6(1), (2) u (3) KEBD ma tkunx xierqa għal għadd ta’ raġunijiet.

61.      L-ewwel nett, il-kliem ċar tad-Deċiżjoni Kwadru huwa kontra tali interpretazzjoni. It-test tal-Artikolu 1(a)(iii) jitkellem, espressament, dwar qorti li għandha kompetenza f’materji kriminali. X’inhuwa l-punt ta’ dawk il-kliem jekk imbagħad ma jkun hemm ebda obbligu fuq dik il-qorti sabiex teżerċita dik il-kompetenza, bis-salvagwardji għall-individwu li timplika tali kompetenza kriminali?

62.      It-tieni nett, il-possibbiltà ta’ reviżjoni minn tali qorti hija l-unika protezzjoni tal-individwu kontra rikonoxximent reċiproku sussegwenti u l-infurzar tad-deċiżjoni dwar il-penali finanzjarja. Dan jimmilita favur interpretazzjoni wiesgħa, pjuttost milli ristretta, tal-protezzjoni li qiegħda tiġi offruta.

63.      It-tielet nett, jista’ jkun li l-persuna li fuqha tiġi imposta l-penali finanzjarja għandha verżjoni differenti tal-avvenimenti li fuqhom hija bbażata l-penali finanzjarja. Jekk il-verżjoni tagħha tiġi aċċettata, ir-riżultat jista’ jkun li ebda penali jew inkella penali ferm ridotta, tkun pagabbli. Jekk il-fiduċja reċiproka li fuqha r-rikonoxximent reċiproku huwa bbażat ma għandhiex tiġi imminata (u l-fiduċja pubblika fi, u l-aċċettazzjoni ta’, tali rikonoxximent reċiproku u infurzar jiġu serjament imdgħajfa), huwa essenzjali li jkun hemm opportunità għal stħarriġ ġudizzjarja xieraq tad-deċiżjoni dwar il-penali finanzjarja (li tkun teħtieġ reviżjoni fuq il-fatti, mhux sempliċement dwar id-dritt, u tista’ tkun tinvolvi l-attendenza u l-eżami ta’ xhieda).

64.      Ir-raba’ nett, fil-fehma tiegħi, meta jingħata rikonoxximent reċiproku u infurzar ta’ deċiżjonijiet dwar penali finanzjarji f’sitwazzjoni transkonfinali, ir-rekwiżiti lingwistiċi huma garanziji għal smigħ xieraq partikolarment importanti. Bħala prinċipju, deċiżjoni dwar penali finanzjarja trid tiġi rrikonoxxuta u infurzata skont id-Deċiżjoni Kwadru biss fejn il-persuna kkonċernata kien fi Stat Membru wieħed (l-Istat emittenti) fi żmien li kkommetta ksur imma li issa huwa fi Stat Membru differenti (l-Istat Membru tal-eżekuzzjoni). L-Unjoni issa għandha lingwa uffiċjali oħra, il-Kroat (23), b’żieda mat-23 lingwa uffiċjali li jirriflettu diġà d-diversità u r-rikkezza kulturali tal-popli tagħha (24). F’kuntest ta’ Unjoni li tħaddan il-prinċipji tal-libertà tal-moviment għal persuni u l-libertà tal-istabbiliment, il-protezzjoni tad-drittijiet u privileġġi lingwistiċi tal-individwi hija ta’ importanza partikolari kif ġie rrikonoxxut fis-sentenza Bickel u Franz (25).

65.      Is-suċċess stess tas-suq wieħed ifisser li sewwieq tat-trakkijiet mil-Litwanja jista’ jitwaqqaf mill-pulizija waqt li jkun qiegħed isuq fil-Polonja jew il-Ġermanja fi triqtu sabiex jikkonsenja merkanzija fil-Belġju. Li kieku jkun hemm materji li jwassal għall-impożizzjoni ta’ penali finanzjarja fuq is-sewwieq tat-trakk, hija xi ħaġa li tista’ tifhimha u hija importanti, mill-perspettiva ta’ Stat Membru, li dik il-penali għandha tkun inforzabbli kontra tiegħu lura f’Vilnjus. Bl-istess mod huwa importanti li s-sewwieq tat-trakk għandu jkollu protezzjoni xierqa tad-drittijiet fundamentali tiegħu.

66.      Konsegwentement, jien nieħu l-pożizzjoni li l-karatteristiċi ewlenin ta’ “qorti li għandha l-kompetenza, b’mod partikolari, f’materji kriminali” għall-iskopijiet tal-Artikolu 1(a)(iii) tad-Deċiżjoni Kwadru huma (a) l-entità li tagħmel ir-reviżjoni trid tkun qorti u (b) li din trid tiggarantixxi li l-garanziji minimi rikjesti bl-Artikolu 6(1), (2) u (3) KEBD jiġu rispettati.

67.      Fir-rigward tal-kliem “b’mod partikolari”, meta wieħed iqis in-nuqqas ta’ armonizzazzjoni tal-istrutturi tal-qrati fi ħdan l-Unjoni Ewropea u sabiex jingħata effett sħiħ għad-Deċiżjoni Kwadru, dawn il-kliem għandhom jiġu interpretati bħala li jfissru li fejn qorti għandha kompetenza f’materji mhux kriminali minbarra l-kompetenza fejn hija tapplika l-proċedura kriminali, ma hijiex eskluża milli taqa’ fi ħdan id-definizzjoni tal-Artikolu 1(a)(iii). Madankollu, huwa essenzjali li, meta tiġi riveduta deċiżjoni dwar penali finanzjarja, il-qorti trid tapplika proċedura li tirrispetta l-garanziji minimi stipulati bl-Artikolu 6(1), (2) u (3) KEBD.

68.      Jista’ jingħad li d-definizzjoni li qiegħed nipproponi se jkollha l-effett li tirrestrinġi l-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku, li kien approvat fil-laqgħa tal-Kunsill Ewropew f’Tampere fl-1999 u huwa maħsub li jkun il-ġebla tax-xewka tal-kooperazzjoni ġudizzjarja kemm f’materji ċivili u kriminali. Madankollu, ir-rikonoxximent reċiproku ta’ deċiżjonijiet f’materji kriminali jassumi li l-Istati Membri għandhom fiduċja fis-sistema ġudizzjarja kriminali ta’ xulxin u, b’mod partikolari, li d-drittijiet ta’ persuni ssuspettati jew akkużati jiġu salvagwardati skont standards minimi komuni. Għal dan l-iskop, għandu jiġi osservat li l-konklużjonijiet milħuqa f’Tampere kienu jinkludu li “għandu jiġi varat xogħol dwar dawk l-aspetti tal-liġi proċedurali li dwarhom huma kkunsidrati neċessarji standards minimi komuni sabiex tiġi ffaċilitata l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ rikonoxximent komuni li josserva l-prinċipji legali fundamentali tal-Istati Membri” (26).

69.      Filwaqt li kienu introdotti għadd ta’ miżuri li jipprovdu għar-rikonoxximent reċiproku u l-infurzar ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji, inkluża din id-Deċiżjoni Kwadru, sa issa ġie miksub ferm inqas għar-rigward tal-istabbiliment ta’ standards minimi ta’ garanziji proċedurali. Fl-2009 il-Kunsill adotta Roadmap (27) għat-tisħiħ tad-drittijiet tal-individwu fi proċeduri kriminali, li kienet milqugħha mill-Kunsill Ewropew u ddikjarata li tifforma parti mill-Programm ta’ Stokkolma. Issa ġew adottati żewġ miżuri dwar dik ir-roadmap: id-Direttiva 2010/64/UE (28), li tipprovdi għad-dritt tal-interpretazzjoni u t-traduzzjoni, u d-Direttiva 2012/13/UE (29), dwar id-dritt għal informazzjoni fi proċeduri kriminali. Hemm ukoll proposta għal direttiva dwar id-dritt tal-aċċess għal avukat fi proċeduri kriminali u d-dritt li tikkomunika mal-arrest (30).

70.      Iż-żewġ direttivi li ġew adottati huma maħsuba sabiex japplikaw għal proċeduri f’“qorti li għandha kompetenza f’materji kriminali” li tisma’ appelli minn deċiżjonijiet meħuda minn awtorità li ma tkunx qorti fir-rigward ta’ sanzjonijiet għal ksur minuri: ara l-premessa 16 fil-preambolu għad-Direttiva 2010/64/UE u l-premessa 17 fil-preambolu għad-Direttiva 2012/13/UE. Għalhekk meta l-iskadenza għat-traspożizzjoni ta’ dawk id-direttivi għaddiet (is-27 ta’ Ottubru 2013 u t-2 ta’ Ġunju 2014 rispettivament), qorti li għandha kompetenza, b’mod partikolari, f’materji kriminali, skont it-tifsira tal-Artikolu 1(a)(iii), trid tapplika l-istandards minimi komuni stabbiliti b’dawk id-direttivi meta teżerċita l-kompetenza kriminali tagħha fl-appell meta tirrevedi sanzjoni amministrattiva (31).

71.      Jien għalhekk nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha twieġeb id-domanda 2(a) billi tiddeċiedi li l-Artikolu 1(a)(iii) tad-Deċiżjoni Kwadru għandu jkun interpretat bħala li jfisser li “qorti li għandha kompetenza, b’mod partikolari, f’materji kriminali” hija qorti li quddiemha l-persuna kkonċernata ser tibbenefika mid-drittijiet iggarantiti bl-Artikolu 6(1), (2) u (3) KEBD meta l-kawża tinstema’.

 Id-domanda 2(b)

72.      Bid-domanda 2(b), il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Unabhängiger Verwaltungssenat Awstrijaka għandux jitqies bħala “qorti li għandha kompetenza b’mod partikolari f’materji kriminali” skont t-tifsira tal-Artikolu (1)(a)(iii).

73.      L-awtorità kompetenti fl-Istat Membru tal-eżekuzzjoni ser tivverifika, inizjalment abbażi tat-test tad-deċiżjoni dwar il-penali finanzjarja nnifisha u ċ-ċertifikat trażmess ma’ dik id-deċiżjoni konformi mal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Kwadru, jekk id-deċiżjoni dwar il-penali finanzjarja hijiex waħda li għandha tingħata rikonoxximent reċiproku u għalhekk infurzar taħt l-Artikolu 6 tagħha (sakemm ma tapplikax waħda mir-raġunijiet għan-nuqqas ta’ rikonoxximent u nuqqas ta’ infurzar elenkati fl-Artikolu 7). Bis-saħħa tal-Artikolu 11(2), l-Istat tal-eżekuzzjoni jista’ jew jirrikonoxxi u jinforza, jew ma jirrikonoxxix u ma jinfurzax id-deċiżjoni. Dak li ma jistax jagħmel huwa li jwettaq stħarriġ: rikors għal tali stħarriġ reviżjoni jista’ jiġi kkunsidrat biss mill-Istat emittenti. Il-proċess ta’ verifika għalhekk huwa kruċjali jekk għandu jinżamm bilanċ bejn ir-rikonoxximent reċiproku u l-infurzar, minn banda, u l-protezzjoni ta’ drittijiet fundamentali, mill-banda l-oħra.

74.      L-Artikolu 7(1) u (2) tad-Deċiżjoni Kwadru jistipula lista ta’ ċirkustanzi li fihom l-awtoritajiet kompetenti fl-Istat tal-eżekuzzjoni jistgħu jirrifjutaw li jirrikonoxxu u jeżegwixxu d-deċiżjoni. L-Artikolu 7(3) jistipula, fir-rigward ta’ wħud minn dawk ir-raġunijiet, li — qabel ma tiddeċiedi li ma tirrikonoxxix jew li ma teżegwixxix deċiżjoni, kompletament jew parzjalment, “l-awtorità kompetenti fl-Istat ta’ eżekuzzjoni għandha tikkonsulta ma’ l-awtorità kompetenti fl-Istat emittenti, bi kwalunkwe mezz adatt, u għandha, fejn ikun opportun, titlobha biex tforni kwalunkwe informazzjoni meħtieġa mingħajr dewmien”.

75.      Madankollu, iktar fundamentali minn hekk, hija biss “deċiżjoni” li tissodisfa l-kundizzjonijiet speċifikati f’waħda minn erba’ kategoriji elenkati b’mod eżawrjenti fl-Artikolu 1(a), li toriġina mit-twettiq ta’ wieħed mill-ksur elenkat b’mod eżawrjenti fl-Artikolu 5, li taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Deċiżjoni Kwadru nnifisha. Hija biss tali deċiżjoni li għandha tingħata rikonoxximent u infurzar reċiproku. Fejn l-awtorità kompetenti ma tkunx ċerta f’dak ir-rigward (għaliex, pereżempju, ikollha dubji dwar jekk “il-persuna konċernata kellha l-opportunità li jkollha l-każ deċiż minn qorti li għandha l-kompetenza, b’mod partikolari, f’materji kriminali” konformi mar-rekwiżiti tal-Artikolu 1(a)(iii)), fil-fehma tiegħi din għandha bl-istess mod [ċjoè, b’analoġija diretta mal-Artikolu 7(3)] tikkuntattja l-awtorità kompetenti fl-Istat emittenti u titlob kwalunkwe informazzjoni neċessarja. Malli tirċievi tali informazzjoni, l-awtorità kompetenti għandha tasal għall-konklużjonijiet kollha xierqa, fid-dawl tad-definizzjoni pprovduta minn din il-qorti fit-tweġiba għad-domanda 2a, sabiex jiġi stabbilit jekk l-awtorità inkwistjoni hijiex “qorti li għandha kompetenza, b’mod partikolari, f’materji kriminali” (32). Jekk meħtieġ, wieħed jista’ jirrikorri għan-Netwerk Ġudizzjarju Ewropew (33).

76.      Fis-sottomissjonijiet tiegħu bil-miktub quddiem din il-qorti, il-Gvern Awstrijak stabbilixxa ċerti elementi li jippermettu lil din il-qorti tassisti lill-qorti tar-rinviju li tasal għal konklużjoni tagħha. B’mod partikolari, il-Gvern Awstrijak jikkonferma li l-Unabhängiger Verwaltungssenat hija meħtieġa li tapplika d-dritt kriminali amministrattiv Awstrijak (Verwaltungsstrafgesetz 1991) u li din hija meħtieġa li tiggarantixxi d-drittijiet stipulati fl-Artikolu 6 KEDB, inklużi l-garanziji li għandhom japplikaw meta persuna tiġi akkużata bi ksur kriminali (l-Artikolu 6(2) u (3)). Il-qorti tar-rinviju stess tosserva li l-Qorti Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem (“il-Qorti ta’ Strasbourg”) ikkonkludiet li l-Unabhängiger Verwaltungssenat huwa tribunal (34) skont it-tifsira tal-Artiklu 6(1) ECHR u li dan japplika l-preżunzjoni tal-innoċenza (35). Il-qorti tar-rinviju tosserva wkoll li fis-sentenza Kammerer (36) il-Qorti ta’ Strasbourg ikkonstatat li d-dritt li wieħed jinstema’ personalment ma kienx iggarantit dejjem. F’dak ir-rigward, il-Gvern Awstrijak jissottometti li l-konstatazzjoni tal-Qorti ta’ Strasbourg f’din il-kawża ma tirriflettix nuqqas ġenerali tal-Unabhängiger Verwaltungssenat li tapplika dan id-dritt.

77.      Il-fatt li okkażjonalment qorti tista’ tonqos li tosserva xi waħda mill-garanziji proċedurali li għandha tapplika ma tiskwalifikahiex milli taqa’ fi ħdan id-definizzjoni ta’ “qorti li jkollha kompetenza b’mod partikolari f’materji kriminali”. Madankollu, in-nuqqas li tiġi osservata tali garanzija fir-rigward ta’ deċiżjoni dwar penali finanzjarja tkun, fil-fehma tiegħi, tfisser li l-awtorità kompetenti fl-Istat tal-eżekuzzjoni ma tkunx meħtieġa li tirrikonoxxi u li tinforza dik id-deċiżjoni skont id-Deċiżjoni Kwadru. Meta tirrikonoxxi u tinforza tali deċiżjonijiet, l-awtorità kompetenti qiegħda timplementa d-dritt tal-UE u għalhekk hija meħtieġa li tirrispetta d-drittijiet iggarantiti bl-Artikoli 47 u 48 tal-Karta, li jirriflettu dawk imnaqqxa fl-Artikolu 6 KEBD (37). Jekk xi wieħed minn dawk id-drittijiet kienu nkisru, imbagħad l-awtorità kompetenti, wara li ssegwi l-proċedura li tikseb informazzjoni mill-Istat emittenti skont l-Artikolu 7(3), tista’ topponi r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni skont l-Artikolu 20(3) tad-Deċiżjoni Kwadru (38).

78.      Jien għalhekk nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha twieġeb id-domanda 2b billi tiddeċiedi li għandha tkun il-qorti nazzjonali li tistabbilixxi, fid-dawl tal-informazzjoni għad-dispożizzjoni tagħha, jekk l-Unabhängiger Verwaltungssenat huwiex “qorti li għandha l-kompetenza, b’mod partikolari, f’materji kriminali” skont it-tifsira tal-Artikolu 1(a)(iii) tad-Deċiżjoni Kwadru.

 Id-domanda 2(c)

79.      Fid-dawl tar-risposta proposta għall-ewwel domanda, ma huwiex meħtieġ li tiġi mwieġba d-domanda 2(c).

 Id-domanda 3

80.      Bit-tielet domanda tagħha, il-qorti nazzjonali tistaqsi, l-ewwel nett, jekk l-Artikolu 1(a)(iii) tad-Deċiżjoni Kwadru għandux jiġi interpretat bħala li jfisser li “opportunità li jkollha l-każ deċiż” tiġi offruta f’ċirkustanzi fejn il-persuna kkonċernata l-ewwel trid tikkontesta deċiżjoni ta’ awtorità amministrattiva quddiem l-istess awtorità, u huwa biss ladarba tingħata deċiżjoni oħra minn dik l-awtorità li tkun tista’ tagħmel appell quddiem “qorti li għandha l-kompetenza, b’mod partikolari, f’materji kriminali”. It-tieni nett, din tistaqsi jekk il-qorti li tisma’ l-appell għandhiex tisma’ l-kawża qabel mad-deċiżjoni ssir finali u trid tkun kapaċi tistħarreġ il-kawża fl-intier tagħha kemm fil-fatt u fid-dritt.

81.      Il-qorti tar-rinviju u l-partijiet kollha li ppreżentaw osservazzjonijiet dwar din id-domanda jikkunsidraw li ma hemmx oġġezzjoni li aċċess għall-qorti jingħata biss wara stadju amministrattiv ulterjuri. Il-Gvernijiet tar-Repubblika Ċeka u tal-Italja, kif ukoll il-Kummissjoni, jgħidu wkoll li l-qorti jrid ikollha kompetenza sħiħa sabiex tiddeċiedi dwar kwistjonijiet ta’ fatt u ta’ dritt. Il-Gvern Ċek isostni wkoll li d-deċiżjoni ma tridx tkun saret finali qabel ma jkun ingħata aċċess għal qorti. B’kuntrast ma’ dan, il-Gvern Taljan ma jikkunsidrax li huwa meħtieġ, għall-protezzjoni ġudizzjarja effettiva tal-persuna kkonċernata, li deċiżjoni ma tridx tkun saret finali fl-istadju amministrattiv.

82.      Jiena naqbel mal-qorti tar-rinviju u ma’ dawk il-gvernijiet li ppreżentaw osservazzjonijiet dwar din id-domanda li l-kundizzjoni li jkun hemm l-“opportunità li jkollha l-każ deċiż” tiġi sodisfatta fejn dik l-opportunità tqum biss wara li l-persuna kkonċernata tkun eżawriet stadji ulterjuri ta’ proċedura amministrattiva. Madankollu “l-opportunità li wieħed kollu l-każ tiegħu deċiż” minn qorti ma tridx tkun suġġetta għal kundizzjonijiet li jagħmluha impossibbli jew eċċessivament diffiċli li tkun eżerċitata. Jekk ikun hekk, ma tiġix żgurata il-protezzjoni ġudizzjarja effettiva tal-persuna konċernata (39).

83.      Hawnhekk, wieħed għandu jżomm f’moħħu li d-drittijiet fundamentali garantiti bl-Artikolu 6 TUE u l-Artikoli 47 u 48 tal-Karta ma humiex dwar aċċess kunċettwali għal qorti. Dawn huma dwar protezzjoni effettiva għaċ-ċittadin individwali. Bħalma huwa importanti li tkun iddefinita “qorti li jkollha kompetenza b’mod partikolari f’materji kriminali” b’tali mod li tkun żgurata protezzjoni xierqa u effettiva, bl-istess mod huwa essenzjali li tiġi interpretata “opportunità li jkollok il-każ deċiż” b’tali mod li jkun żgurat li l-garanzija ma tkunx bla tifsira u d-dritt ma jkunx teoretiku jew illużorju (40).

84.      Jekk ikun meħtieġ (41), hija l-qorti nazzjonali fl-Istat tal-eżekuzzjoni li għandha tagħmel l-istħarriġ xieraq, fir-rigward tal-proċedura segwita, sabiex tissodisfa ruħha li dan kien il-każ. Bħala minimu, jien nissuġġerixxi, li l-qorti nazzjonali jeħtieġ li tivverifika li d-deċiżjoni li timponi l-penali finanzjarja kienet disponibbli għad-destinatarju tagħha b’lingwa li huwa seta’ jifhem; li kien hemm struzzjonijiet ċari dwar kif wieħed seta’ jappella u f’liema terminu; li kien hemm indikazzjoni ċara tad-data minn meta t-terminu tal-appell beda jiddekorri (42); li d-destinatarju kien informat dwar jekk kellux ikun rappreżentat jew setax jirrappreżenta lilu nnifsu; li kien informat jekk kinitx disponibbli għajnuna legali (u jekk iva skont liema termini) (43) u li kwistjonijiet tal-lingwa (il-lingwa tal-komunikazzjoni tal-qorti; il-lingwa li biha jsiru sottomissjonijiet formali bil-miktub u/jew b’mod orali) kienu ttrattati b’mod ċar u utli (44).

85.      Barra minn hekk, jien naqbel mal-qorti tar-rinviju u ma’ dawk l-Istati Membri, kif ukoll il-Kummissjoni, li jsostnu li l-qorti li tisma’ l-kawża jrid ikollha kompetenza sħiħa sabiex tiddeċiedi dwar kwistjonijiet ta’ fatti kif ukoll ta’ dritt li jqumu fil-kawża. Huwa biss jekk il-qorti jkollha kompetenza sħiħa li din tkun tista’ tiżgura li d-drittijiet tal-persuna kkonċernata ggarantiti bl-Artikolu 6(1), (2) u (3) KEBD jiġu rrispettati b’mod sħiħ. Sakemm tkun disponibbli l-opportunità sabiex il-każ jinstema’, il-fatt li tali deċiżjoni ssir “finali” fl-istadju amministrattiv tal-proċeduri (u jibqa’ possibbli li tali kontestazzjoni tkun tista’ ssir quddiem il-qorti) mhux se jimmina l-protezzjoni ġudizzjarja effettiva tal-persuna kkonċernata. Suġġett għal din il-kundizzjoni, jien ma nikkunsidrax li deċiżjoni li ssir finali fl-istadju amministrattiv tal-proċeduri taqa’ barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Deċiżjoni Kwadru.

86.      Għalhekk, jien nipproponi li l-Artikolu 1(a)(iii) tad-Deċiżjoni Kwadru għandha tkun interpretata li tfisser li jkun hemm “opportunità li jkollha l-każ deċiż” meta l-persuna kkonċernata trid l-ewwel teżawrixxi l-proċedura amministrattiva, sakemm l-aċċess għall-qorti ma jkunx suġġett għal kundizzjonijiet li jagħmluha impossibbli jew eċċessivament diffiċli. It-tieni nett, il-qorti li tisma’ l-kawża jrid ikollha kompetenza sħiħa sabiex tiddetermina l-fatti kif ukoll id-dritt. It-tielet nett, l-Artikolu 1(a)(iii) tad-Deċiżjoni Kwadru ma jipprekludix li deċiżjoni dwar penali finanzjarja meħuda minn awtorità amministrattiva ssir finali qabel ma tiġi deċiża l-kawża.

 Postscriptum: il-proporzjonalità tas-sanzjoni imposta

87.      Parti impliċita mill-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali mogħtija liċ-ċittadin bir-rekwiżit, fl-Artikolu 1(a)(iii), li kellu jkun hemm “l-opportunità li jkollha l-każ jiġi deċiż minn qorti li għandha l-kompetenza, b’mod partikolari, f’materji kriminali” għandha x’taqsam mal-proporzjonalità tas-sanzjoni imposta. Din hija partikolarment rilevanti sa fejn l-Artikolu 11(2) tad-Deċiżjoni Kwadru jagħmilha ċara li l-Istat tal-eżekuzzjoni ma jistax jagħmel stħarriġ tad-deċiżjoni dwar il-penali finanzjarja. Għalhekk huwa impossibbli għad-destinatarju ta’ tali deċiżjoni li jirrikorri għal qorti “lokali” tiegħu sabiex iressaq argumenti bħala mitigazzjoni għall-ksur jew sabiex jitlob sabiex is-sanzjoni titnaqqas.

88.      Hija ovvja l-osservazzjoni li d-dħul medju jvarja ferm matul l-Unjoni Ewropea. Multa f’ammont li ċertament jista’ ma jkunx pjaċevoli, imma li madankollu jkun tollerabbli, jekk tiġi imposta fuq persuna partikolari (forsi, ċittadin ta’ Stat Membru bi dħul relattivament għoli) tista’ tirrappreżenta kastig aħrax u sproporzjonat jekk tiġi imposta fuq xi ħadd bi dħul fix-xahar ferm iktar baxx li fuqu tiġi imposta deċiżjoni dwar penali finanzjarja b’riżultat ta’ avveniment li jseħħ filwaqt li jkun għaddej minn ġo dak l-Istat Membru fi triqtu għal jew mill-Istat Membru tar-residenza jew l-impjieg tiegħu. Fil-fehma tiegħi għalhekk huwa impliċitu, fl-espressjoni “l-opportunità li jkollha l-każ deċiż minn qorti li għandha l-kompetenza b’mod partikolari f’materji kriminali”, li għandu jkun hemm l-opportunità li jiġi kkontestat l-ammont tas-sanzjoni imposta mill-awtorità amministrattiva quddiem tali qorti qabel mad-deċiżjoni dwar il-penali finanzjarja tingħata rikonoxximent reċiproku u ssir infurzabbli.

89.      Jien u ngħid dan, nenfasizza li jien mhux qiegħed nissuġġerixxi li awtorità li timponi multa amministrattiva hija meħtieġa li tiddistingwi skont minn fejn il-persuna involuta tkun ġejja. Dan ikun viċin li wieħed jiddiskrimina abbażi ta’ ċittadinanza, li huwa (ovvjament) kontra d-dritt tal-UE. Jien sempliċement qiegħed infakkar li huwa prinċipju fundamentali tad-dritt kriminali — applikabbli, sa fejn naf jien, fl-ordinamenti ġuridiċi kollha tal-Istati Membri — li qorti b’kompetenza kriminali għandha, meta tistħarreġ l-adegwatezza ta’ sanzjoni, tqis iċ-ċirkustanzi kemm tal-ksur kif ukoll tal-akkużat.

 Konklużjoni

90.      Fid-dawl ta’ dan kollu, jien nissuġġerixxi li b’risposta għad-domandi magħmula mill-Vrchní soud v Praze (Qorti Għolja, Praga), il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tinterpreta d-Deċiżjoni Kwadru 2005/214/ĠAI tal-24 ta’ Frar 2005 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku għal penali finanzjarji kif ġej:

(1)      L-espressjoni “qorti li għandha l-kompetenza, b’mod partikolari, f’materji kriminali” fl-Artikolu 1(a)(iii) tad-Deċiżjoni Kwadru hija kunċett awtonomu tad-dritt tal-Unjoni Ewropea.

(2)(a) L-Artikolu 1(a)(iii) tad-Deċiżjoni Kwadru jrid ikun interpretat bħala li jfisser li “qorti li għandha l-kompetenza, b’mod partikolari, f’materji kriminali” hija qorti li quddiemha l-persuna kkonċernata ser tibbenefika mid-drittijiet garantiti bl-Artikolu 6(1), (2) u (3) tal-Konvenzjoni Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem meta l-kawża tinstema’.

(2)(b) Hija l-awtorità kompetenti fl-Istat tal-eżekuzzjoni li għandha tistabbilixxi jekk tribunal amministrattiv indipendenti Awstrijak (Unabhängiger Verwaltungssenat) għandux jitqies bħala “qorti li għandha l-kompetenza, b’mod partikolari, f’materji kriminali” skont it-tifsira tal-Artikolu 1(a)(iii) tad-Deċiżjoni Kwadru.

(3)      Ikun hemm “opportunità li jkollha l-każ deċiż” meta l-persuna kkonċernata trid l-ewwel teżawrixxi l-proċedura amministrattiva, sakemm l-aċċess għall-qorti ma jkunx suġġett għal kundizzjonijiet li jagħmluha impossibbli jew eċċessivament diffiċli. Il-qorti li tisma’ l-każ irid ikollha kompetenza sħiħa sabiex tistabbilixxi l-fatti kif ukoll id-dritt. L-Artikolu 1(a)(iii) tad-Deċiżjoni Kwadru ma jipprekludix li deċiżjoni dwar penali finanzjarja meħuda minn awtorità amministrattiva ssir finali qabel ma tiġi deċiża l-kawża.


1 – Lingwa oriġinali: l-Ingliż.


2 – Id-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2005/214/ĠAI, tat-24 ta’ Frar 2005, dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku ta’ penali finanzjarji (ĠU 2005 L 76, p. 16), kif emendata bid-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2009/299/ĠAI tas-26 ta’ Frar 2009 u li temenda d-Deċiżjonijiet Kwadru 2002/584/ĠAI, 2005/214/ĠAI, 2006/783/ĠAI, 2008/909/ĠAI, u 2008/947/ĠAI, u b’hekk ġew imsaħħa d-drittijiet proċedurali ta’ persuni u trawmet l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku għal deċiżjonijiet mogħtija fl-assenza tal-persuna kkonċernata waqt il-kawża (ĠU 2009 L 81, p. 24).


3 – Il-forma standard taċ-ċertifikat li jsir riferiment għalih fl-Artikolu 4 tinsab fl-Anness għad-Deċiżjoni Kwadru.


4 – Ara l-Artikolu 52(3) tal-Karta u l-Ispjegazzjonijiet dwar il-Karta, ĠU 2007 C 303, p. 30.


5 – Peress li M. Baláž ma kienx irrappreżentat quddiem din il-qorti, ma kienx possibbli li jiġu kkjarifikati iktar dawn il-materji (pjuttost importanti).


6 – Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2002/584/ĠAI, tat-13 ta’ Ġunju 2002, fuq il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ ċediment bejn l-Istati Membri (ĠU L 190, p. 1).


7 – Ara, pereżempju, d-dikarazzjoni fl-Artikolu 1(b) li “penali finanzjarja ma għandhiex tinkludi … ordnijiet ta’ natura ċivili”; il-fatt li ma hemm ebda verifika tal-inkriminazzjoni doppja tal-att għall-ksur elenkati [l-Artikolu 5(1)]; il-fatt li “penali finanzjarja imposta fuq persuna ġuridika għandha tiġi nfurzata anki jekk l-Istat tal-esekuzzjoni ma jirrikonoxxix ir-responsabbiltà kriminali ta’ persuni ġuridiċi” (Artikolu 9(3)); il-possibbiltà li jiġu applikati sanzjonijiet alternattivi, inklużi sanzjonijiet ta’ priġunerija, meta ma jkunx possibbli li tiġi infurzata deċiżjoni (l-Artikolu 10) u t-tqassim ta’ kompetenza bejn l-Istat emittenti u l-Istat tal-eżekuzzjoni fir-rigward ta’ amnestija, maħfra u reviżjoni ta’ kundanna (l-Artikolu 11).


8 – ĠU 2010 C 115, p. 1, p. 10, punt 2.4.


9 – Iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 8 iktar ʼil fuq, f’paġna 4, punt 1.1: ‘Prioritajiet politiċi’.


10 – Ara l-Artikolu 4(1). Din hija l-ewwel okkażjoni li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċidi dwar l-interpretazzjoni tad-Deċiżjoni Kwadru 2005/214. Talba għal deċiżjoni preliminari preċedenti, sentenza tas-7 ta’ Ġunju 2011, Vinkov (C-27/11), kien ġie ddikjarat inammissibbli.


11 – Dan huwa reġistrat b’mod ċar fid-digriet ta’ rinviju. Fil-qosor, il-każ ta’ M. Baláž huwa li ġie ordnat mill-uffiċjali tal-pulizija Awstrijaċi li waqqfuh milli jipproċedi iktar ʼl isfel fit-triq għall-weigh-bridge sabiex it-trakk li kien qiegħed isuq jiġi ċċekkjat.


12 – Ara l-punt 84 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


13 – Ara sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta’ Lulju 2008, Kozłowski (C‑66/08, Ġabra p. I‑6041, punt 42); tas-16 ta’ Novembru 2010, Mantello (C‑261/09, Ġabra p. I‑11477, punt 38); u tat-18 ta’ Ottubru 2007, Österreichischer Rundfunk (C‑195/06, Ġabra p. I‑8817, punt 24, u l-ġurisprudenza ċċitata).


14 – Ara l-punt 31 iktar ’il fuq.


15 – Ara, pereżempju, l-Artikolu 2(1) (determinazzjoni tal-awtoritajiet kompetenti), l-Artikolu 5 (definizzjoni ta’ kull wieħed mill-ksur elenkat) u ċerti partijiet tal-Artikolu 7 (raġunijiet għal nuqqas ta’ rikonoxximent u għal nuqqas ta’ eżekuzzjoni).


16 – Iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 6 iktar ’il fuq.


17 – Iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 13 iktar ʼil fuq.


18 – Iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 13 iktar ʼil fuq.


19 – Is-sentenza Kozłowski kienet tikkonċerna l-interpretazzjoni tat-termini “toqgħod” u “residenta” għall-iskopijiet tal-Artikolu 4(6) ta’ dik id-deċiżjoni (ara punt 43). Is-sentenza Mantello kienet tikkonċerna l-kunċett tal-“istess atti” fl-Artikolu 3(2) tad-deċiżjoni (ara punt 38).


20 – Ara l-punt 33 iktar ’il fuq.


21 – Ara l-punt 14 iktar ’il fuq. L-element tal-Artikolu 47 li jittratta d-dritt għal rimedju effettiv jirrifletti l-Artikolu 13 KEBD; imma dan ma huwiex — safejn naf jien mid-digriet tar-rinviju — ta’ rilevanza diretta għal dawn il-proċedimenti; u għalhekk jien mhux se nikkunsidrahom ulterjurment hawnhekk.


22 – Raġunijiet limitati għan-nuqqas ta’ rikonoxximent u nuqqas ta’ eżekuzzjoni jinsabu fl-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Kwadru.


23 – Il-Kroazja daħlet fl-Unjoni Ewropea fl-1 ta’ Lulju 2013.


24 – Dan, sintendi, mingħajr ma wieħed jgħodd il-lingwi l-oħra numerużi li, mingħajr ma huma “lingwi uffiċjali tal-Unjoni Ewropea” jilgħabu rwol importanti fil-ħajja taċ-ċittadini meta jittrattaw mal-uffiċjali amministattivi u mal-infurzar tal-liġi fl-Unjoni kollha — bħala eżempju: il-Bask, il-Katalan, il-Galliż u l-Lussemburgiż.


25 – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-24 ta’ Novembru 1998 (C‑274/96, Ġabra p. I‑7637).


26 – Punt 37.


27 – Riżoluzzjoni tal-Kunsill, tat-30 ta’ Novembru 2009, dwar pjan direzzjonali għat-tisħiħ tad-drittijiet proċedurali ta’ persuni suspettati jew akkużati fi proċedimenti kriminali, ĠU C 295, p. 1.


28 – Direttiva 2010/64/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-20 ta’ Ottubru 2010 dwar id-drittijiet għall-interpretazzjoni u għat-traduzzjoni fi proċedimenti kriminali: ĠU L 280, p. 1.


29 – Direttiva 2012/13/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Mejju 2013, dwar id-dritt għall-informazzjoni fi proċeduri kriminali: ĠU L 142, p. 1.


30 – KUM(2011) 326 finali.


31 – Ara l-Artikolu 1(3) tad-Direttiva 2010/64/UE u l-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 2012/13/UE.


32 – Ara, bħala analoġija, id-determinazzjoni mill-awtorità ġudizzjarja kompetenti fi Stat tal-eżekuzzjoni dwar jekk mandat ta’ arrest Ewropew jikkonċernax l-“istess att” bħal prosekuzzjoni preċedenti: is-sentenza Mantello, iċċitata iktar ʼil fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 13, punt 50.


33 – Ara Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 98/428/ĠAI, tad-29 ta’ Ġunju 1998, rigward tal-ħolqien ta’ Network Ġudizzjarju Ewropew (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kap. 19, Vol. 1, p. 91).


34 – Ara s-sentenzi tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, Hubner vs L-Awstrija, tal-31 ta’ Awwissu 1999, Nru 34311/96; u Baischer vs L-Awstrija, tal-20 Diċembru 2001, Nru 32381/96. Il-Gvern Awstrijak jagħmel riferiment ukoll għas-sentenzi li ġejjin ta’ din l-istess qorti: Yavus vs L-Awstrija, tas-27 ta’ Mejju 2004, Nru 46 549/99; Liedermann vs L-Awstrija, tal-5 ta’ Diċembru 2005, Nru 54 272/00; Blum vs L-Awstrija, tat-3 ta’ Frar 2005, Nru 31 655/02; Kaya vs L-Awstrija, tat-8 ta’ Ġunju2006, Nru 54 698/00; Müller vs L-Awstrija, tal-5 ta’ Ottubru 2006, Nru 12 555/03; Hauser-Sporn vs L-Awstrija, tas-7 ta’ Diċembru 2006, Nru 37 301/03; u Qorti Ewr. DB, Stempfer vs L-Awstrija, tas-26 ta’ Lulju 2007, Nru 18 294/03.


35 – Sentenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tat-18 ta’ Marzu 2010, Krumpholz vs L-Awstrija, sentenza tat-18 ta’ Marzu 2010, Nru 13201/05. Madankollu, f’din is-sentenza, il-Qorti ta’ Strasbourg iddeċidiet li l-Unabhängiger Verwaltungssenat kien kiser l-Artikolu 6(1) u (2) KEDB, u kkonstatat li “li wieħed jagħmel inferenzi f’sitwazzjoni li ma kinitx titlob b’mod ċar għal spjegazzjoni mir-rikorrent u fin-nuqqas li ma kinux applikati salvagwardji proċedurali suffiċjenti nkiser id-dritt tar-rikorrent għas-silenzju u għall-preżunzjoni tal-innoċenza” (punt 42).


36 – Sentenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tat-12 ta’ Mejju 2010, Kammerer vs L-Awstrija, Nru 32435/06. Il-Qorti ta’ Strasbourg ikkonstatat li ma kien hemm ebda ksur tal-Artikolu 6(1) u (3) EBD f’din il-kawża.


37 – Ara l-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni Kwadru; sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ Lulju 1989, Wachauf (5/88, Ġabra p. 2609, punt 19), u tal-4 ta’ Ġunju 2009, JK Otsa Talu (C‑241/07, Ġabra p, I‑4323, punt 46 ) u l-ġurisprudenza ċċitata. Ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bot fil-kawża Mantello, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 13 iktar ʼil fuq, punt 88.


38 – Ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bot fil-kawża Mantello, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 13 iktar ʼil fuq, fil-punti 77 u 78, fejn isostni li, fil-kuntest tal-Mandat ta’ Arrest Ewropew, l-awtorità emittenti suppost li tiżgura li d-drittijiet tal-persuna suġġetta għall-arrest jiġu rrispettati (f’dak il-każ, billi tapplika l-prinċipju tan-ne bis in idem), imma li l-awtorità tal-eżekuzzjoni trid ukoll tiggarantixxi l-protezzjoni ta’ dan id-dritt.


39 – Ara sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-22 ta’ Diċembru 2010, DEB (C‑279/09, Ġabra p. I‑13849, punt 28) u l-ġurisprudenza ċċitata; tat-28 ta’ Lulju 2011, Samba Diouf (C‑69/10, Ġabra p. I-7151, punt 57); u tad-19 ta’ Settembru 2006, Wilson (C‑506/04, Ġabra p. I‑8613, punti 60 sa 62).


40 – Fil-kuntest tal-Artikolu 6 KEBD, ara s-sentenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tat-13 ta’ Mejju 1980, Artico vs L-Italja, Nru 6649/74.


41 – F’ħafna istanzi ta’ rikonoxximent u infurzar transkonfinali ta’ deċiżjoni dwar penali finanzjarja, jista’ ma jkun hemm ebda kontestazzjoni jew ebda kontestazzjoni plawżibbli għall-inforzabbiltà tad-deċiżjoni. Madankollu huwa importanti li, jekk issir kontestazzjoni plawżibbli għal raġunijiet ta’ drittijiet fundamentali, il-qorti fl-Istat tal-eżekuzzjoni għandha teżamina l-kontestazzjoni serjament, tagħmel l-istħarriġ meħtieġ u, abbażi tal-informazzjoni riċevuta, imbagħad tiddeċiedi jekk id-deċiżjoni hijiex infurzabbli.


42 – Għalhekk, bħala eżempju, fil-kawża preżenti l-qorti nazzjonali jkollha bżonn tivverifika li, meta d-deċiżjoni dwar penali tal-25 ta’ Marzu 2010 li imponiet il-penali kienet innotifikata lil M. Baláž fit-2 Lulju 2010, kien magħmul ċar lilu li huwa kellu ġimgħatejn min-notifika (pjuttost milli ġimgħatejn mid-data tad-deċiżjoni) biex jippreżenta appell quddiem l-Unabhängiger Verwaltungssenat. Terminu qasir ħafna jista’ ma jkunx adegwat f’appell transkonfinali. Huwa biss meta terminu huwa suffiċjenti minn perspettiva prattika li jagħmluha possibbli għall-persuna kkonċernata biex tipprepara u tippreżenta rikors effettiv kontra d-deċiżjoni; u huwa raġjonevoli u proporzjonali għad-drittijiet u l-interessi involuti li din ser tikkonforma mal-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva: ara s-sentenza Samba Diouf, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 41 iktar ʼil fuq, punti 66 sa 68.


43 – Fir-rigward tal-għoti tal-għajnuna legali, ara b’mod partikolari s-sentenzi tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-10 ta’ Ġunju 1996, Benham vs Ir-Renju Unit, Nru 19380/92; u, Artico vs L-Italja, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ 40 iktar ʼil fuq. Jien ma inix infurmat dwar xi proposta kurrenti li tarmonizza d-disponibbiltà tal-għajnuna legali għal materji li jiġu quddiem il-qorti li teżerċita kompetenza kriminali (madankollu, din hija elenkata fil-miżura C fir-Roadmap, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 27 iktar ʼil fuq).


44 – Ara s-sentenza Bickel u Franz, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 25 iktar ʼil fuq; u, fir-rigward tal-Artikolu 6(1) KEBD, ara d-diskussjoni estensiva dwar kwistjonijiet ta’ traduzzjoni u interpretazzjoni fil-kuntest tas-sentenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tad-19 ta’ Diċembru 1989, Kamasinski vs L-Awstrija, Nru 9783/82. Ara wkoll id-Direttivi 2010/64/UE u 2012/13/UE (li jsir riferiment għalihom fil-punt 69 iktar ʼil fuq u fin-noti ta’ qiegħ il-paġni 28 u 29 iktar ʼil fuq) u l-Proposta tal-Kummissjoni għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-aċċess għal avukat fi proċeduri kriminali u d-dritt li wieħed jikkomunika mal-arrest (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 30 iktar ʼil fuq).