Appell ippreżentat fl-20 ta’ Settembru 2019 minn Sony Corporation, Sony Electronics, Inc mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Il-Ħames Awla) fit-12 ta’ Lulju 2019 fil-Kawża T-762/15, Sony u Sony Electornics vs Il-Kummissjoni
(Kawża C-697/19 P)
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Appellanti: Sony Corporation, Sony Electronics, Inc (iktar ’il quddiem “Sony” jew l-“appellanti”) (rappreżentanti: N. Levy, avocat, R. Snelders, avocat, E.M. Kelly, Solicitor)
Parti oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
L-appellanti jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
tannulla s-sentenza appellata;
tilqa’ t-talbiet imressqa fl-ewwel istanza;
tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż, inklużi dawk sostnuti fil-kuntest tal-proċeduri fl-ewwel istanza.
Sussidjarjament, jekk l-istadju tal-proċeduri ma jippermettix lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi, l-appellanti jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
tibgħat lura l-kawża lill-Qorti Ġenerali;
tirriżerva l-ispejjeż tal-proċeduri fl-ewwel istanza u tal-appell.
Aggravji u argumenti prinċipali
L-appellanti jinvokaw erba’ aggravji insostenn tal-appell tagħhom.
L-ewwel aggravju: il-Qorti Ġenerali wettqet żball meta ssostitwixxiet il-motivazzjoni tad-Deċiżjoni (Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2015) 7135 final tal-21 ta’ Ottubru 2015, Każ AT.39639 – Disk drives ottiċi) b’dik tagħha.
Id-Deċiżjoni kienet ibbażata fuq il-konstatazzjoni li l-appellanti pparteċipaw f’“diversi istanzi ta’ ksur separati” [traduzzjoni mhux uffiċjali] li jistgħu jiġu kkaratterizzati wkoll bħala ksur uniku u kontinwu. Il-Qorti Ġenerali aċċettat li mhux il-kuntatti individwali kollha allegati fid-Deċiżjoni kienu ġew ipprovati.
Kuntatti mhux ipprovati ma jistgħux jammontaw għal istanzi ta’ ksur tal-Artikolu 101(1) TFUE. Il-Qorti Ġenerali madankollu kkonfermat id-Deċiżjoni inkwantu din tikkonstata l-eżistenza ta’ ksur uniku u kontinwu abbażi ta’ dawn il-kuntatti mhux ipprovati li jifformaw parti minn “sensiela [ġenerali] ta’ provi” [traduzzjoni mhux uffiċjali] li fuqha l-Kummissjoni setgħet tibbaża ruħha. Billi ssostitwixxiet il-motivazzjoni tad-Deċiżjoni b’dik tagħha, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi.
It-tieni aggravju: il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi kkonfermat il-konstatazzjoni tal-parteċipazzjoni fi ksur uniku u kontinwu matul il-perijodu allegat, ibbażata fuq numru ta’ kuntatti iktar limitat minn dawk li kienu ġew identifikati fid-Deċiżjoni.
Il-Qorti Ġenerali b’mod żbaljat ikkonstatat li Sony kienet ipparteċipat b’mod kontinwu fil-ksur allegat, bejn it-23 ta’ Awwissu 2004 u l-15 ta’ Settembru 2006, minkejja li aċċettat li kien hemm perijodu ta’ madwar tmien xhur li fir-rigward tiegħu l-Kummissjoni kienet naqset milli tipprova kuntatti antikompetittivi li jinvolvu lil Sony.
Il-motivazzjoni tal-Qorti Ġenerali hija internament inkonsistenti, għaliex din taċċetta li ma kienx hemm kuntatti pprovati li jinvolvu lil Sony għal perijodu ta’ iktar minn sitt xhur, iżda fl-istess ħin tikkonstata li dawn il-kuntatti seħħew kull “xahrejn jew tlieta” [traduzzjoni mhux uffiċjali].
It-tielet aggravju: il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi ttrattat ksur uniku u kontinwu bħala li neċessarjament jikkonsisti f’sensiela ta’ istanzi ta’ ksur separati.
Il-Qorti Ġenerali naqset milli tikkonstata li l-Kummissjoni kienet kisret id-drittijiet tad-difiża ta’ Sony, minkejja l-konstatazzjoni tal-Kummissjoni fid-Deċiżjoni – mingħajr allegazzjoni preċedenti fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet – li l-aġir allegat ma kienx jammonta biss għal ksur uniku u kontinwu iżda wkoll għal diversi istanzi separati ta’ ksur.
Il-Qorti Ġenerali b’mod żbaljat ikkonstatat li l-Kummissjoni kienet ipprovdiet raġunijiet adegwati għall-konstatazzjoni tagħha li Sony kienet wettqet diversi istanzi ta’ ksur separati.
Ir-raba aggravju: il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi, kisret il-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ proporzjonalità u naqset milli tipprovdi motivazzjoni, meta kkonfermat il-multa imposta fuq Sony ibbażata fuq l-istess dħul li kien ifforma l-bażi għal multa separata imposta fuq Lite-On.
Il-Qorti Ġenerali kisret il-prinċipju, fil-Linji Gwida għall-Kalkolu tal-Ammont tal-Multi, li l-valur tal-bejgħ għandu “jirrifletti l-importanza ekonomika tal-ksur” [traduzzjoni mhux uffiċjali] u l-“piż relattiv ta’ kull impriża involuta fil-ksur” [traduzzjoni mhux uffiċjali], u kisret il-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ proporzjonalità.
Il-Qorti Ġenerali naqset milli twettaq l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha għaliex naqset milli tindirizza b’mod adegwat l-argument li t-teħid inkunsiderazzjoni doppju żied l-importanza ekonomika tal-ksur.
Il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ċaħdet l-argument tal-appellanti li l-Kummissjoni kienet naqset milli tiġġustifika t-tbegħid tagħha mill-prattika stabbilita tagħha.
____________