Language of document :

Appell ippreżentat fit-30 ta’ April 2019 minn Fabio De Masi u Yanis Varoufakis mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (It-Tieni Awla) fit-12 ta’ Marzu 2019 fil-Kawża T-798/17, Fabio De Masi, Yanis Varoufakis vs Il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE)

(Kawża C-342/19 P)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Partijiet

Appellanti: Fabio De Masi, Yanis Varoufakis (rappreżentant: Professur Dr. A. Fischer-Lescano, professur fl-Università)

Parti oħra fil-proċedura: Il-Bank Ċentrali Ewropew

Talbiet

L-appellanti jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta’ Marzu 2019 kollha kemm hi u tilqa’ t-talbiet imressqa fl-ewwel istanza;

tikkundanna lill-konvenut għall-ispejjeż, skont l-Artikolu 184, moqri flimkien mal-Artikoli 137 et seq tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.

Aggravji u argumenti prinċipali

Fl-ewwel istanza, l-appellanti talbu l-annullament, taħt ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, tad-deċiżjoni tal-BĊE tas-16 ta’ Ottubru 2017, li permezz tagħha huwa rrifjutalhom l-aċċess għad-dokument tat-23 ta’ April 2015 intitolat “Risposti għal domandi dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 14.4 tal-Protokoll dwar l-Istatut tas-SEBĊ u tal-BĊE”.

L-appellanti jippreżentaw erba’ aggravji insostenn tal-ewwel kap ta’ talbiet tagħhom:

1.    Ksur tal-istabbiliment fid-dritt primarju tal-prinċipju ta’ trasparenza fl-Artikolu 15(1) TFUE, fl-Artikolu 10(3) TUE u fl-Artikolu 298(1) TFUE, kif ukoll fl-Artikolu 42 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Is-sentenza appellata tinjora l-fatt li l-portata tad-dritt għal trasparenza ma tirriżultax biss mid-dritt sekondarju, iżda li, fir-rigward tad-dritt għal trasparenza, dan id-dritt sekondarju għandu jiġi interpretat b’mod konformi mad-dritt primarju. Il-Qorti Ġenerali tnaqqas b’dan il-mod il-portata tal-istħarriġ ġudizzjarju tad-dritt għal trasparenza bi ksur tal-prinċipju tal-istat tad-dritt.

2.    Ksur tal-importanza tal-obbligu ta’ motivazzjoni u tar-rekwiżiti tal-obbligu ta’ motivazzjoni żviluppati mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. Is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tinjora l-fatt li d-deċiżjoni kkontestata tal-BĊE bl-ebda mod ma tindika kif l-iżvelar konkretament jippreġudika lill-BĊE.

3.    Nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni tar-rabta bejn l-Artikolu 4(3) tad-Deċiżjoni 2004/258/KE 1 (eċċezzjoni mill-prinċipju ta’ trasparenza: teħid ta’ pożizzjoni intiżi għall-użu intern) u l-Artikolu 4(2) ta’ din id-deċiżjoni (eċċezzjoni mill-prinċipju ta’ trasparenza: pariri legali). Il-Qorti Ġenerali tinjora l-fatt li l-Artikolu 4(2) tad-Deċiżjoni 2004/258 jikkostitwixxi lex specialis fir-rigward tat-teħid ta’ pożizzjonijiet legali, u li l-Artikolu 4(3) tad-Deċiżjoni 2004/258 ma huwiex applikabbli għal parir legali astratt.

4.    Is-sentenza appellata tiċħad globalment b’mod żbaljat l-eżistenza ta’ interess pubbliku superjuri li jiġġustifika l-iżvelar tad-dokument fis-sens tal-Artikolu 4(3) tad-deċiżjoni ċċitata iktar ’il fuq.

Il-kundanna għall-ispejjeż hija mitluba taħt id-dispożizzjonijiet moqrija flimkien tal-Artikolu 184 u tal-Artikoli 137 et seq tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.

____________

1 Deċiżjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew tal-4 ta’ Marzu 2004 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Bank Ċentrali Ewropew (ECB/2004/3) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 5, p. 51).