Language of document : ECLI:EU:F:2010:2

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU TAL-UNJONI EWROPEA (Qorti Plenarja)

13 ta’ Jannar 2010 (*)

“Servizz pubbliku — Uffiċjali — Rikors għal annullament — Ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni — Rikors għad-danni — Ammissibbiltà — Privileġġi u immunitajiet — Tneħħija tal-immunità ġudizzjarja — Kunfidenzjalità tal-investigazzjonijiet tal-OLAF — Investigazzjonijiet tal-IDOC — Aċċess għal dokumenti ta’ natura medika — Aċċess għall-fajl personali — Proċeduri dixxiplinari — Terminu raġonevoli”

Fil-Kawżi magħquda F‑124/05 u F‑96/06,

li għandhom bħala suġġett rikorsi ppreżentati skont l-Artikoli 236 KE u 152 KEEA,

A, ex uffiċjal tal-Kummissjoni Ewropea, residenti f’Port-Vendres (Franza), inizjalment irrappreżentat minn B. Cambier u L. Cambier, avukati, sussegwentement minn B. Cambier, L. Cambier u R. Born, avukati, sussegwentement minn B. Cambier u A. Paternostre, avukati,

rikorrent fil-Kawża F‑124/05,

G, ex uffiċjal tal-Kummissjoni Ewropea, residenti f’Port-Vendres (Franza), inizjalment irrappreżentat minn B. Cambier u L. Cambier, avukati, sussegwentement minn B. Cambier, L. Cambier u R. Born, avukati, sussegwentement minn B. Cambier u A. Paternostre, avukati,

rikorrent fil-Kawża F‑96/06,

vs

Il‑Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn J. Currall u V. Joris, bħala aġenti, assistiti minn D. Waelbroeck, avukat,

konvenuta,

IT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU (Qorti Plenarja),

kompost minn P. Mahoney (Relatur), President, S. Gervasoni, President ta’ Awla, H. Kreppel, H. Tagaras u S. Van Raepenbusch, Imħallfin,

Reġistratur: W. Hakenberg,

wara li ra l-proċedura bil-miktub u wara s-seduta ta1-1 ta’ April 2009,

jagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fis-16 ta’ Diċembru 2005, irreġistrat bir-referenza F‑124/05, ir-rikorrent qiegħed jitlob, minn naħa, l-annullament b’mod partikolari tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni, tat-28 ta’ Frar 2005, li tiċħad it-talba tiegħu tat-22 ta’ Ottubru 2004 intiża biex tintemm il-proċedura dixxiplinari mibdija kontrih permezz ta’ deċiżjoni tas-16 ta’ Jannar 2004 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata” jew id-“deċiżjoni li ċaħdet l-għeluq tal-proċedura dixxiplinari”) u, min-naħa l-oħra, biex il-Kummissjoni tiġi kkundannata tħallsu d-danni.

2        Permezz ta’ rikors li wasal fir-Reġistru tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fl-10 ta’ Awwissu 2006 permezz ta’ faks (l-oriġinal ġie ppreżentat fis-17 ta’ Awwissu sussegwenti), irreġistrat bir-referenza F‑96/06, l-istess rikorrent qiegħed jitlob li l-Kummissjoni tiġi kkundannata tħallsu d-danni minħabba diversi nuqqasijiet li hija allegatament hija ħatja tagħhom.

 Il-kuntest ġuridiku

I –  Dispożizzjonijiet li jirrigwardaw il-privileġġi u l-immunitajiet

3        L-Artikolu 12 tal-Protokoll fuq il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Komunitajiet Ewropej, tat-8 ta’ April 1965, anness mat-Trattat li jistabbilixxi Kunsill Wieħed u Kummissjoni Waħda tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU 1967, 152, p. 13, iktar ’il quddiem il-“Protokoll fuq il-Privileġġi u l-Immunitajiet” jew il-“Protokoll”) jipprovdi li:

“Fit-territorju ta’ kull Stat Membru u indipendentement min-nazzjonalità tagħhom, l-uffiċjali u l-impjegati l-oħra tal-Komunitajiet:

a)      għandhom igawdu minn immunità ġudizzjarja għall-atti mwettqa minnhom, inklużi l-kliem u l-iskritturi tagħhom, fil-kwalità uffiċjali tagħhom, b’riżerva għall-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-trattati li jirrigwardaw, minn naħa, ir-regoli dwar ir-responsabbiltà tal-uffiċjali u l-impjegati lejn il-Komunitajiet u, min-naħa l-oħra, il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja biex tiddeċiedi kwistjonijiet bejn il-Komunitajiet u l-uffiċjali u l-impjegati l-oħra tagħhom. Huma għandhom ikomplu jibbenefikaw minn dik l-immunità wara li jispiċċaw mill-kariga tagħhom,

b)      […]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

4        Skont l-Artikolu 18 tal-Protokoll fuq il-Privileġġi u l-Immunitajiet:

“Il-privileġġi, immunitajiet u faċilitajiet għandhom jingħataw lill-uffiċjali u l-impjegati l-oħra tal-Komunitajiet esklużivament fl-interess tal-istess Komunitajiet.

Kull istituzzjoni tal-Komunitajiet hija obbligata li tneħħi l-immunità mogħtija lil uffiċjal jew impjegat ieħor f’kull każ fejn hija tqis li t-tneħħija ta’ dik l-immunità ma tmurx kontra l-interessi tal-Komunitajiet”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

5        L-Artikolu 19 tal-Protokoll fuq il-Privileġġi u l-Immunitajiet jipprovdi li:

“Fl-applikazzjoni ta’ dan il-Protokoll, l-istituzzjonijiet tal-Komunitajiet għandhom jaġixxu flimkien mal-awtoritajiet responsabbli tal-Istati Membri interessati”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

6        L-ewwel sentenza tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 23 tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea jfakkar li l-privileġġi u l-immunitajiet li l-uffiċjali jibbenefikaw minnhom jingħataw esklużivament fl-interess tal-Komunitajiet.

II –  Dispożizzjonijiet li jirrigwardaw l-investigazzjonijiet fil-qasam tal-ġlieda kontra l-frodi

7        Il-premessa 10 tar-Regolament (KE) Nru 1073/1999 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-25 ta’ Mejju 1999, dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 91) tgħid kif ġej:

“Billi dawn l-investigazzjonijiet għandhom jitmexxew skond it-Trattat u partikolarment skond il-Protokoll dwar il-privileġġi u immunitajiet tal-Komunitajiet Ewropej, waqt li jirrispettaw ir-Regolamenti [tal-Persunal] […] u b’rispett sħiħ għad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, b’mod partikolari l-prinċipju ta’ l-imparzjalità, għad-dritt tal-persuni involuti li jesprimu ruħhom dwar il-fatti li jikkonċernawhom u għall-prinċipju li l-konklużjonijiet ta’ investigazzjoni jistgħu jkunu bbażati biss fuq elementi li għandhom valur bħala xiehda; […]”

8        L-Artikolu 8(2) tar-Regolament Nru 1073/1999 jipprovdi li:

“L-informazzjoni mibgħuta jew miksuba matul l-investigazzjonijiet interni, tkun xi tkun il-forma tagħha, għandha tkun soġġetta għas-segretezza professjonali mogħtija mid-dispożizzjonijiet applikabbli għall-istituzzjonijiet tal-Komunitajiet Ewropej.

Din l-informazzjoni m’għandhiex tiġi komunikata lil persuni oħra ħlief lil dawk fi ħdan l-istituzzjonijiet tal-Komunitajiet Ewropej jew fl-Istati Membri li minħabba l-funzjonijiet tagħhom jeħtieġu li jkunu jafu, u lanqas ma tista’ tintuża għal skopijiet oħrajn apparti mill-prevenzjoni ta’ frodi, korruzzjoni jew kull attività oħra illegali”.

III –  Dispożizzjonijiet li jirrigwardaw il-proċeduri dixxiplinari

9        Skont il-ħames paragrafu tal-Artikolu 88 tar-Regolamenti tal-Persunal, fil-verżjoni li kienet tapplika sat-30 ta’ April 2004, meta uffiċjal ikun suġġett għal proċeduri kriminali għall-istess fatti bħal dawk li jkunu wasslu għall-bidu ta’ proċedura dixxiplinari, is-sitwazzjoni tiegħu ma tkunx deċiża b’mod definittiv ħlief wara li d-deċiżjoni mogħtija mill-qorti adita tkun saret finali.

10      L-Artikolu 25 tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal jirripproduċi d-dispożizzjonijiet tal-ħames paragrafu tal-Artikolu 88 tar-Regolamenti tal-Persunal, fil-verżjoni li kienet tapplika sat-30 ta’ April 2004.

11      L-Artikolu 1(1) tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni, tat-28 ta’ April 2004, li tistabbilixxi Dispożizzjonijiet Ġenerali ta’ Implementazzjoni li jikkonċernaw il-proċess tal-investigazzjonijiet amministrattivi u tal-proċeduri dixxiplinari (iktar ’il quddiem id-“DĠE dwar l-investigazzjonijiet amministrattivi u l-proċeduri dixxiplinari”), li tirripproduċi, fuq dan il-punt, id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2002) 540, tad-19 ta’ Frar 2002, jipprevedi li għandu jitwaqqaf Uffiċċju ta’ Investigazzjoni u Dixxipplina (IDOC).

12      L-Artikolu 2(1) u (2) tad-DĠE dwar l-investigazzjonijiet amministrattivi u l-proċeduri dixxiplinari jipprovdi li:

“1. L-IDOC għandu jmexxi l-investigazzjonijiet amministrattivi. F’dawn id-dispożizzjonijiet, ‘investigazzjonijiet amministrattivi’ tfisser kull azzjoni meħuda mill-uffiċjal maħtur li jkunu intiżi biex jiġu stabbiliti l-fatti u, jekk ikun il-każ, biex jiġi stabbilit jekk kienx hemm ksur tal-obbligi li għalihom huma suġġetti l-uffiċjali tal-Kummissjoni.

[…]

2. L-IDOC jista’ jkun responsabbli għal investigazzjonijiet oħra li huma intiżi li jivverifikaw ċerti fatti u dan b’mod partikolari fil-kuntest tal-Artikoli 24, 73 u 90 tar-Regolamenti tal-Persunal”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

IV –  Dispożizzjonijiet dwar l-assigurazzjoni għall-mard ikkaġunat mix-xogħol u għall-inċidenti

13      Skont l-Artikolu 73(1) u (2) tar-Regolamenti tal-Persunal:

“1. Uffiċjal huwa assigurat, mid-data ta’ meta jibda s-servizz, kontra r-riskju tal-mard minn fuq il-post tax-xogħol [ikkaġunat mix-xogħol] u ta’ aċċident suġġett għar-regoli mħejjija mill-ftehim komuni ta’ l-istituzzjonijiet tal-Komunitajiet wara li jkun ikkonsultat il-Kumitat tar-Regolamenti tal-Persunal. […]

2. Il-benefiċċji pagabbli jkun kif ġej:

a)      […]

b)      Fil-każ ta’ invalidità totali permanenti:

Pagament lill-uffiċjali ta’ somma f’daqqa daqs tmien darbiet is-salarju bażiku fis-sena tiegħu maħdum b’riferenza għall-ammonti fix-xahar tas-salarju riċevut matul it-tnax il-xahar qabel l-aċċident.

ċ)      Fil-każ ta’ invalidità parzjali permanenti:

Pagament lill-uffiċjal ta’ proporzjon tas-somma pprovduta fis-subparagrafu (b), maħdum b’riferenza għall-iskala mniżżla fir-regoli imsemmija fil-paragrafu 1.

[…]”.

14      Fit-13 ta’ Diċembru 2005, l-istituzzjonijiet tal-Komunitajiet adottaw regoli komuni dwar l-assigurazzjoni għall-inċidenti u għall-mard ikkaġunat mix-xogħol tal-uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej, li daħlu fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2006 (iktar ’il quddiem ir-“Regoli tal-Assigurazzjoni” jew ir-“Regoli tal-Assigurazzjoni l-ġodda”). Qabel dik id-data, kienu japplikaw ir-regoli komuni dwar l-assigurazzjoni għall-inċidenti u għall-mard ikkaġunat mix-xogħol tal-uffiċċjali tal-Komunitajiet Ewropej, emendati l-aħħar fit-18 ta’ Lulju 1997 (iktar ’il quddiem ir-“Regoli tal-Assigurazzjoni l-qodma”).

15      L-Artikolu 30 tar-Regoli tal-Assigurazzjoni l-ġodda fih id-dispożizzjonijiet tranżitorji li ġejjin:

“[Ir-Regoli tal-Assigurazzjoni l-qodma] qegħdin jiġu mħassra.

Madankollu, huma għandhom jibqgħu japplikaw għal kull abbozz ta’ deċiżjoni adottat skont l-Artikolu 20(1) qabel l-1 ta’ Jannar 2006 […]”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

16      L-Artikolu 2(1) tar-Regoli tal-Assigurazzjoni l-ġodda jiddefinixxi inċident bħala kull avveniment mhux mistenni li jippreġudika l-integrità fiżika jew psikoloġika tal-persuna assigurata u li l-kaġun tiegħu jew waħda mill-kaġunijiet tiegħu ma tkunx tiddependi mill-vittma. L-Artikolu 2(1) tar-Regoli tal-Assigurazzjoni l-qodma jiddefinixxi inċident bħala kull avveniment jew fattur estern u mhux mistenni jew vjolenti jew anormali li jippreġudika l-integrità fiżika jew psikoloġika tal-uffiċjal.

17      Skont l-Artikolu 11(1) tar-Regoli tal-Assigurazzjoni l-ġodda, l-invalidità permanenti, totali jew parzjali, għandha titkejjel skont id-dannu li jsir lill-integrità fiżiko-psikoloġika (iktar ’il quddiem id-“DIFP”) kif stabbilit skont l-iskala Ewropea ta’ evalwazzjoni għal finijiet mediċi ta’ danni lill-integrità fiżika u psikoloġika, annessa mar-regoli msemmija.

18      L-Artikolu 11(2) tar-Regoli tal-Assigurazzjoni l-ġodda jipprovdi li, fil-każ ta’ invalidità totali permanenti tal-persuna assigurata li tirriżulta minn inċident jew minn mard ikkaġunat mix-xogħol, id-DIFP huwa ta’ 100 % u għandu jitħallas lill-persuna assigurata l-ammont previst fl-Artikolu 73(2)(b) tar-Regolamenti tal-Persunal. Skont l-Artikolu 11(3) tar-Regoli tal-Assigurazzjoni l-ġodda, fil-każ ta’ invalidità parzjali permanenti tal-persuna assigurata li tirriżulta minn inċident jew minn mard ikkaġunat mix-xogħol, għandu jitħallas lill-persuna kkonċernata l-ammont previst fl-Artikolu 73(2)(b) tar-Regolamenti tal-Persunal u stabbilit skont ir-rati previsti fl-iskala Ewropea ta’ evalwazzjoni tad-DIFP.

19      L-Artikolu 15 tar-Regoli tal-Assigurazzjoni l-ġodda jipprovdi li l-uffiċjal li jkun vittma ta’ inċident jew l-aventi kawża tiegħu għandhom jiddikjaraw l-inċident lill-amministrazzjoni tal-istituzzjoni li taħtha taqa’ l-persuna assigurata. Id-dikjarazzjoni tal-inċident għandha tindika b’mod dettaljat il-ġurnata u s-siegħa, il-kawżi u ċ-ċirkustanzi tal-inċident, kif ukoll l-ismijiet tax-xhieda u tat-terzi persuni li jistgħu jkunu responsabbli. Mad-dikjarazzjoni għandu jiġi mehmuż ċertifikat mediku li jispeċifika n-natura tal-ġrieħi u l-effetti potenzjali tal-inċident. Id-dikjarazzjoni trid issir fi żmien għaxart ijiem tax-xogħol wara d-data li fiha jkun seħħ l-inċident. Din id-dispożizzjoni tirripproduċi, fis-sustanza, l-Artikolu 16 tar-Regoli tal-Assigurazzjoni l-qodma.

20      Skont l-ewwel sentenza tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 16(1) tar-Regoli tal-Assigurazzjoni l-ġodda, l-uffiċjal li jitlob li jiġu applikati r-regoli msemmija minħabba mard ikkaġunat mix-xogħol għandu jagħmel dikjarazzjoni lill-amministrazzjoni f’terminu raġonevoli wara li tibda l-marda jew wara d-data tal-ewwel viżta medika. Din id-dispożizzjoni tirripproduċi l-ewwel sentenza tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 17(1) tar-Regoli tal-Assigurazzjoni l-qodma.

21      Skont l-Artikolu 16(2) tar-Regoli tal-Assigurazzjoni l-ġodda, l-amministrazzjoni tagħmel investigazzjoni sabiex tiġbor l-elementi kollha li jippermettulha tistabbilixxi n-natura tal-problema medika, li l-marda hija kkaġunata mix-xogħol kif ukoll iċ-ċirkustanzi li fihom inħolqot. Din id-dispożizzjoni tirripproduċi l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 17(2) tar-Regoli tal-Assigurazzjoni l-qodma.

22      L-Artikolu 18 tar-Regoli tal-Assigurazzjoni l-ġodda jipprovdi li d-deċiżjonijiet li jirrigwardaw ir-rikonoxximent tan-natura aċċidentali tal-avveniment jew ir-rikonoxximent li l-marda oriġinat mix-xogħol kif ukoll l-iffissar tal-grad ta’ invalidità permanenti għandhom jittieħdu mill-Awtorità tal-Ħatra skont il-proċedura prevista fl-Artikolu 20 ta’ dawn l-istess regoli, abbażi tal-konklużjonijiet maħruġa mit-tabib jew tobba maħtura mill-istituzzjonijiet u, fuq talba tal-persuna assigurata, wara li jiġi kkonsultat il-Kumitat Mediku previst fl-Artikolu 22 tar-regoli msemmija. Din id-dispożizzjoni tirriproduċi essenzjalment l-Artikolu 19 tar-Regoli tal-Assigurazzjoni l-qodma.

23      L-Artikolu 20 tar-Regoli tal-Assigurazzjoni l-ġodda jipprovdi kif ġej:

“1. Qabel ma tieħu deċiżjoni skont l-Artikolu 18, l-Awtorità tal-Ħatra għandha tinnotifika lill-persuna assigurata jew lill-aventi kawża tagħha bl-abbozz tad-deċiżjoni, akkumpanjata bil-konklużjonijiet tat-tabib jew tobba maħtura mill-istituzzjoni. Il-persuna assigurata jew l-aventi kawża tagħha jistgħu jitolbu li r-rapport mediku sħiħ jintbagħat lit-tabib tal-għażla tagħhom jew li jintbagħat lilhom.

2. Il-persuna assigurata jew l-aventi kawża tagħha jistgħu, f’terminu ta’ sittin jum, jitolbu li l-Kumitat Mediku previst fl-Artikolu 22 jagħti l-opinjoni tiegħu. It-talba li tirrigwarda l-Kumitat Mediku trid tippreċiża isem it-tabib li jirrappreżenta lill-persuna assigurata jew lill-aventi kawża tagħha u trid tkun akkumpanjata bir-rapport tat-tabib imsemmi li jippreċiża l-mistoqsijiet mediċi magħmula lit-tabib jew lit-tobba maħtura mill-istituzzjoni għall-finijiet tal-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ dawn ir-regoli.

3. Jekk mal-iskadenza ta’ dak it-terminu, ma tkun daħlet ebda talba għall-konsultazzjoni mal-Kumitat Mediku, l-[Awtorità tal-Ħatra] għandha tieħu d-deċiżjoni bil-mod kif tkun ġiet notifikata fl-abbozz”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

24      Skont l-Artikolu 21 tar-Regoli tal-Assigurazzjoni l-qodma, l-uffiċjal jista’ jitlob li r-rapport mediku sħiħ jintbagħat lit-tabib tal-għażla tiegħu. Min-naħa l-oħra, b’kuntrast mal-Artikolu 20 tar-Regoli tal-Assigurazzjoni l-ġodda, l-Artikolu 21 tar-Regoli tal-Assigurazzjoni l-qodma ma kienx jipprevedi l-possibbiltà li l-uffiċjal jitlob li r-rapport mediku jintbagħat direttament lilu.

25      Skont l-Artikolu 22(1) tar-Regoli tal-Assigurazzjoni l-ġodda, li, f’dak li jikkonċerna l-kompożizzjoni tal-Kumitat Mediku, jirripproduċi fis-sustanza l-Artikolu 23(1) tar-Regoli tal-Assigurazzjoni l-qodma:

“1. Il-Kumitat Mediku għandu jkun kompost minn tliet tobba maħtura:

–        l-ewwel wieħed, mill-persuna assigurata jew l-aventi kawżi tagħha,

–        it-tieni wieħed, mill-[Awtorità tal-Ħatra],

–        it-tielet wieħed, bi ftehim bejn iż-żewġ tobba hekk maħtura.

[…]”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

26      Fl-aħħar nett, skont l-Artikolu 19(3) tar-Regoli tal-Assigurazzjoni l-ġodda:

“Id-deċiżjoni li biha jiġi stabbilit il-grad ta’ invalidità għandha tittieħed wara li jfiqu l-ġrieħi tal-persuna assigurata. L-effetti tal-inċident jew tal-marda kkaġunata mix-xogħol jsiru konsolidati meta l-istess effetti jiġu stabbilizzati jew meta ma jkunux ser jittaffew ħlief bil-mod ħafna jew b’mod limitat ħafna. […]

Meta, wara li jieqaf it-trattament mediku, il-grad ta’ invalidità jkun għadu ma jistax jiġi stabbilit b’mod definittiv, l-opinjoni tat-tabib jew tobba msemmija fl-Artikolu 18 jew, jekk ikun il-każ, ir-rapport tal-Kumitat Mediku previst fl-Artikolu 22 għandu jippreċiża d-data li fiha l-każ ikun irid jerġa’ jiġi eżaminat iktar tard”.[traduzzjoni mhux uffiċjali]

V –  Dispożizzjonijiet li jirrigwardaw il-benefiċċji li jingħataw fil-każ ta’ invalidità

A –  Ir-Regolamenti tal-Persunal

27      Skont l-Artikolu 53 tar-Regolamenti tal-Persunal, l-uffiċjal li l-Kumitat tal-Invalidità jsib li jissodisfa l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 78 għandu awtomatikament jirtira fl-aħħar ġurnata tax-xahar li fih l-Awtorità tal-Ħatra tieħu d-deċiżjoni li tirrikonoxxi l-inkapaċità permanenti tal-uffiċjal biex jaqdi d-dmirijiet tiegħu.

28      Skont l-Artikolu 59(4) tar-Regolamenti tal-Persunal l-Awtorità tal-Ħatra tista’ tibgħat quddiem il-Kumitat tal-Invalidità każijiet ta’ uffiċjali li l-leave tal-mard globali tagħhom jaqbeż tnax-il xahar matul perijodu ta’ tliet snin.

29      L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 78 tar-Regolamenti tal-Persunal jipprovdi li:

“Uffiċjal għandu jkun intitolat […] għal benefiċċju ta’ invalidità fil-każ ta’ invalidità permanenti totali, li ma tħallihx jaqdi d-dmirijiet tiegħu li jikkorrispondu għal posizzjoni fil-grupp tal-funzjoni tiegħu”.

30      Skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 78 tar-Regolamenti tal-Persunal, ir-rata tal-benefiċċju ta’ invalidità hija ta’ 70 % tal-aħħar salarju bażiku tal-uffiċjal.

31      Ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 78 tar-Regolamenti tal-Persunal jippreċiża li l-benefiċċju ta’ invalidità huwa suġġett għall-kontribuzzjonijiet lill-iskema tal-pensjoni, ikkalkolati skont dak il-benefiċċju.

32      Skont il-ħames paragrafu tal-Artikolu 78 tar-Regolamenti tal-Persunal, meta l-invalidità tirriżulta minn marda kkaġunata mix-xogħol, l-istituzzjoni għandha tħallas hija stess il-kontribuzzjonijiet kollha lill-iskema tal-pensjoni li għalihom huwa suġġett il-benefiċċju ta’ invalidità.

33      Skont l-Artikolu 13(1) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal:

“Suġġett għad-disposizzjonijiet ta’ l-Artikolu 1(1), uffiċjal li għandu anqas minn 65 sena li fi kwalunkwe żmien li fih ikun qed jakkwista drittijiet għal pensjoni ikun rikonoxxut mill-Kumitat ta’ l-Invalidita bħala li qed isofri minn invalidita permanenti totali li tiprevenih milli jwettaq id-doveri li jikkorispondu ma post fil-bracket tal-karriera tiegħu, u li jkun obbligat li jispiċċa s-servizz tiegħu mal-Komunitajiet għal dawn ir-raġunijiet ikun intitolat, sakemm tibqa din l-inkapaċita, għal benefiċċju ta’ l-invalidità kif prevista mill-Artikolu 78 tar-Regolamenti tal-Persunal”.

B –  Ir-Regolamenti tal-Persunal, fil-verżjoni li kienet tapplika sat-30 ta’ April 2004

34      L-Artikolu 53 tar-Regolamenti tal-Persunal, fil-verżjoni li kienet tapplika sat-30 ta’ April 2004, huwa identiku għall-Artikolu 53 tar-Regolamenti tal-Persunal.

35      L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 78 tar-Regolamenti tal-Persunal, fil-verżjoni li kienet tapplika sat-30 ta’ April 2004, jipprovdi li:

“Uffiċjal għandu jkun intitolat […] għal pensjoni ta’ invalidità fil-każ ta’ invalidità permanenti totali, li ma tħallihx jaqdi d-dmirijiet tiegħu li jikkorrispondu għall-pożizzjoni fil-grupp tal-funzjoni tiegħu”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

36      Skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 78 tar-Regolamenti tal-Persunal, fil-verżjoni li kienet tapplika sat-30 ta’ April 2004, meta l-invalidità tirriżulta minn marda kkaġunata mix-xogħol, ir-rata tal-pensjoni ta’ invalidità hija ta’ 70 % tas-salarju bażiku tal-uffiċjal.

37      Skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 78 tar-Regolamenti tal-Persunal, fil-verżjoni li kienet tapplika sat-30 ta’ April 2004, meta l-invalidità tkun dovuta għal raġuni differenti minn dawk imsemmija fit-tieni paragrafu tal-istess artikolu, ir-rata tal-pensjoni ta’ invalidità tkun daqs ir-rata tal-pensjoni ta’ rtirar li għaliha kien ikollu dritt l-uffiċjal fl-età ta’ 65 sena kieku huwa baqa’ fis-servizz sa dik l-età.

VI –  Dispożizzjonijiet li jirrigwardaw il-fajl personali

38      Skont l-Artikolu 26 tar-Regolamenti tal-Persunal:

“Il-fajl personali ta’ uffiċjal għandu jkun fih:

a)      id-dokumenti kollha dwar l-istat amministrattiv tiegħu u r-rapporti kollha relatati ma’ l-abilità, l-effiċjenza u l-kondotta tiegħu;

b)      kull kumment mill-uffiċjal dwar it-tali dokumenti.

Id-dokumenti għandhom ikunu reġistrati, numerati u merfugħa f’serje; id-dokumenti msemmija fis-subparagrafu (a), ma jistgħux jintużaw jew ikunu kkwotati mill-istituzzjoni kontra uffiċjal sakemm ma kienux kkomunikati lilu qabel ma kienu iffajljati.

Il-komunikazzjoni ta’ kull dokument lil uffiċjal għandha tkun evidenzjata billi jiffirma għaliha jew, fin-nuqqas ta’ dan, għandha tkun effettwata b’ittra lejn l-aħħar indirizz ikkomunikat mill-uffiċjal reġistrata.

[…]

Għandu jkun hemm fajl personali wieħed biss għal kull uffiċjal.

Uffiċal għandu jkollu d-dritt, anke wara li jħalli s-servizz, li jiffamiljarizza ruħu mad-dokumenti kollha fil-fajl tiegħu u jagħmel kopji tagħhom.

Il-fajl personali għandu jkun kunfidenzali u jista’ jkun ikkonsultat biss fl-uffiċċji ta’ l-amministrazzjoni jew fuq medja elettronika żgura. Madankollu, dan ikun mibgħut lill-Qorti tal-Ġustizzja [tal-Unjoni Ewropea] jekk titressaq kawza li tirrigwarda lill-uffiċjal.”

39      L-Artikolu 26a tar-Regolamenti tal-Persunal jaqra kif ġej:

“L-uffiċjali għandhom id-dritt li jagħmlu ruħhom familjari mal-files medikali tagħhom, skond l-arranġamenti li għandhom jitniżżlu mill-istituzzjonijiet.”

VII –  Dispożizzjonijiet dwar l-aċċess tal-pubbliku għal dokumenti

40      L-Artikolu 4(2) tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-30 ta’ Mejju 2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 331), jipprovdi li:

“L-istituzzjonijiet għandhom jirrifjutaw aċċess għal dokument meta l-iżvelar tiegħu jista’ jdgħajjef il-ħarsien ta’:

–        […]

–        l-iskop ta’ ispezzjonijiet, investigazzjoni u verifiki,

jekk ma jkunx hemm interess pubbliku akbar fl-iżvelar tiegħu.”

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

41      Ir-rikorrent huwa ex uffiċjal fil-grad AD 15. Wara li daħal jaħdem mal-Kummissjoni fl-1979, huwa okkupa diversi pożizzjonijiet ma’ dik l-istituzzjoni.

42      Mill-21 ta’ Diċembru 1995 sax-xahar ta’ Lulju 1997, ir-rikorrent kien il-kap tal-uffiċċju ta’ É. Cresson, Membru tal-Kummissjoni, wara li qablu kien hemm Lamoureux f’dik il-pożizzjoni.

43      Peress li din il-kawża nibtet minħabba ċerti fatti li seħħew fl-uffiċċju ta’ É. Cresson matul dak il-perijodu, jeħtieġ li jitfakkru l-istess fatti fil-qosor.

I –  Il-kuntest tal-“każ Cresson”

44      É. Cresson kienet membru tal-Kummissjoni mill-24 ta’ Jannar 1995 sat-8 ta’ Settembru 1999. Il-Kummissjoni, dak iż-żmien, kienet ippresjeduta minn J. Santer. Il-portafoll ta’ É. Cresson kien jinkludi l-oqsma segwenti: xjenza, riċerka u żvilupp, riżorsi umani, edukazzjoni, taħriġ u żgħażagħ kif ukoll iċ-Ċentru Komuni ta’ Riċerka (iktar ’il quddiem iċ-ĊKR).

45      Meta É. Cresson daħlet fis-servizz, l-Uffiċċju tagħha kien diġà kkostitwit. É. Cresson xorta waħda wriet ix-xewqa li timpjega wieħed mill-konoxxenzi stretti tagħha, R. Berthelot, bħala “konsulent personali”. Minħabba l-età tiegħu, 66 sena fiż-żmien tal-fatti, R. Berthelot ma setax jiġi rreklutat bħala membru tal-persunal temporanju sabiex iservi fl-uffiċċju ta’ membru tal-Kummissjoni. Lamoureux, kap tal-uffiċċju ta’ É. Cresson, kien barra minn hekk indika lil din tal-aħħar li, minħabba l-età ta’ R. Berthelot, huwa ma kien jara, min-naħa tiegħu, ebda possibbiltà għall-persuna kkonċernata li tiġi impjegata mill-Kummissjoni. É. Cresson, li xorta waħda kienet tixtieq timpjega lil R. Berthelot bħala konsulent personali, allura rrikorriet għand id-dipartimenti tal-amministrazzjoni sabiex dawn jistudjaw il-kundizzjonijiet li fihom seta’ jkun possibbli r-reklutaġġ tal-persuna kkonċernata. R. Berthelot ġie b’hekk ingaġġat bħala xjenzat viżitatur mad-Direttorat Ġenerali (DĠ) “Riċerka” biex jaħdem hemmhekk mill-1 ta’ Settembru 1995 għal tul inizjali ta’ sitt xhur. Wara, dan il-perijodu ġie estiż sal-aħħar tax-xahar ta’ Frar 1997. Mix-xahar ta’ April 1996, b’applikazzjoni ta’ regola kontra l-akkumulu, l-allokazzjoni ta’ kull xahar li minnha kien jibbenefika R. Berthelot bħala xjenzat viżitatur tnaqqset sabiex jittieħed inkunsiderazzjoni l-ammont ta’ pensjoni li huwa kien jirċievi fi Franza. Ftit ta’ żmien wara li ġie applikat dan it-tnaqqis, mill-Uffiċju ta’ É. Cresson inħarġu tlettax-il ordni ta’ missjoni, għall-perijodu mit-23 ta’ Mejju sal-21 ta’ Ġunju 1996, f’isem R. Berthelot, li pprokuraw lil dan tal-aħħar is-somma ta’ madwar EUR 6 900. Mill-1 ta’ Settembru 1996 R. Berthelot ibbenefika minn klassifikazzjoni mill-ġdid, u tela’ mill-Grupp II għall-Grupp I ta’ xjenzati viżitaturi. Ir-remunerazzjoni ta’ kull xahar tiegħu, li f’dak iż-żmien kienet ta’ EUR 4 500, żdiedet b’madwar EUR 1 000. Fit-tmiem tal-kuntratt ta’ R. Berthelot mad-DG “Riċerka”, jiġifieri fl-1 ta’ Marzu 1997, huwa ġie offrut kuntratt ieħor ta’ xjenzat viżitatur maċ-ĊKR, għal perijodu ta’ sena li ntemmet fl-aħħar tax-xahar ta’ Frar 1998.

46      Wara allegazzjonijiet minn Membri tal-Parlament Ewropew fejn ingħad li É. Cresson kienet irrendiet ruħha ħatja ta’ nepotiżmu meta rreklutat u ffavoriet tnejn mill-konoxxenzi tagħha, inbdew numru ta’ investigazzjonijiet minn diversi entitajiet.

47      Kumitat ta’ Esperti Indipendenti, imwaqqaf fis-27 ta’ Jannar 1999 taħt il-patronċinju tal-Parlament u tal-Kummissjoni, kien ġie inkarigat iħejji l-ewwel rapport sabiex jiġi stabbilit sa fejn il-Kummissjoni, kemm kolleġjalment, u kif ukoll diversi mill-Membri tagħha meħuda individwalment, kienu responsabbli għal każijiet reċenti ta’ frodi, ta’ amministrazzjoni ħażina jew ta’ nepotiżmu msemmija matul id-dibattiti parlamentari. Permezz tar-rapport tiegħu ppreżentat fil-15 ta’ Marzu 1999, dan il-kumitat ikkonkluda, fir-rigward ta’ R. Berthelot, li kien hemm każ aċċertat ta’ favoritiżmu.

48      Fis-16 ta’ Marzu 1999, il-Kummissjoni rriżenjat b’mod kollettiv filwaqt li baqgħet fis-servizz sat-8 ta’ Settembru tal-istess sena.

49      Fl-20 ta’ Lulju 1999, l-OLAF beda investigazzjoni interna dwar il-kundizzjonijiet tal-impjieg ta’ R. Berthelot bħala xjenzat viżitatur mal-Kummissjoni. L-OLAF għalaq ir-rapport tiegħu fit-23 ta’ Novembru 1999. Dan ir-rapport ikkonkluda li “peress li [xi] rapporti u […] missjonijiet stabbiliti jew iddikjarati bil-firma tas-Sur René Berthelot jistgħu jiġu kklassifikati bħala ffalsifikati u li jagħmlu użu minn dokumenti ffalsifikati, jeħtieġ li [l-imsemmi] rapport jintbagħat lill-awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti, u dan skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 1073/99”.

50      Ir-rapport tal-OLAF intbagħat lid-direttur ġenerali tad-DĠ “Persunal u Amministrazzjoni”, fid-dawl tal-ftuħ eventwali ta’ proċeduri dixxiplinari, kif ukoll lill-prosekutur pubbliku fi Brussell (il-Belġju). Dan ir-rapport wassal għall-ftuħ ta’ diversi proċeduri dixxiplinari fir-rigward ta’ uffiċjali u membri tal-persunal tal-Kummissjoni kif ukoll għal proċeduri intiżi sabiex jiġu rkuprati s-somom indebitament imħallsa lil R. Berthelot. Ebda proċedura dixxiplinari ma kienet infetħet, f’dak l-istadju, kontra r-rikorrent.

51      Id-DĠ “Persunal u Amministrazzjoni” u wara, l-IDOC, wara li twaqqaf permezz tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2002) 540, tad-19 ta’ Frar 2002, ipproċedew b’żewġ investigazzjonijiet addizjonali fir-rigward ta’ R. Berthelot, waħda dwar ir-rwol tad-DĠ “Riċerka”, l-oħra dwar l-involviment taċ-ĊKR. Fit-22 ta’ Frar 2002, l-IDOC ippreżenta r-rapport ta’ investigazzjoni amministrattiva addizzjonali dwar il-perijodu ta’ impjieg ta’ R. Berthelot bħala xjenzat viżitatur mad-DĠ “Riċerka” u maċ-ĊKR. Ir-rapport tal-IDOC ikkonkluda li “l-indikazzjoni ewlenija li, skont il-provi u d-dikjarazzjonijiet miġbura matul l-investigazzjonijiet addizzjonali preskritti, [dehret] li kienet il-bażi tal-impjieg ta’ R. Berthelot mal-Kummissjoni [kienet], skont ma’ jidher, il-ħtieġa li l-persuna kkonċernata titħallas għall-assistenza diretta ta’ konsulent personali li minnha É. Cresson riedet tibbenefika”.

52      Fil-21 ta’ Jannar 2003, il-Kulleġġ tal-Kummissarji ddeċieda li jindirizza lil É. Cresson dikjarazzjoni ta’ oġġezzjonijiet imressqa kontra l-parti kkonċernata fil-kuntest tal-ftuħ eventwali ta’ proċedura bbażata fuq l-Artikolu 213(2) KE u fuq l-Artikolu 126(2) KEEA.

53      Fit-18 ta’ Marzu 2003, V., l-Imħallef inkwirenti tat-Tribunal de première instance ta’ Brussell (il-Qorti tal-ewwel istanza ta’ Brussell), akkuża lil É. Cresson, R. Berthelot kif ukoll lil tmien uffiċjali u membri tal-persunal tal-Kummissjoni, fosthom lir-rikorrent, bil-kap ta’ falsifikazzjoni, użu ta’ dokumenti ffalsifikati, frodi jew interess privat f’kariga pubblika. Il-Kummissjoni interveniet fil-proċeduri kriminali bħala parti ċivili fil-11 ta’ Settembru 2003.

54      Permezz ta’ digriet tat-30 ta’ Ġunju 2004, ix-Chambre du conseil du Tribunal de première instance ta’ Brussell, hija u tieħu inkunsiderazzjoni l-akkuża orali tal-prosekutur pubbliku u hija u tirreferi għall-motivi tal-akkuża tiegħu bil-miktub tat-3 ta’ Frar 2004, ikkonkludiet li ma kienx hemm lok li l-akkużati jitqiegħdu taħt att ta’ akkuża. Id-digriet ikkonstata b’mod partikolari li l-fajl istruttorju kien iwassal biex ma jkunx hemm dubju fir-rigward tal-akkużi f’dak li jikkonċerna l-eżistenza tal-falsifikazzjoni u frodi, iżda ma kien jeżisti ebda ħjiel li jippermetti li l-akkużi jduru b’ċertezza fuq wieħed mill-akkużati milqutin bl-investigazzjoni.

55      Fis-7 ta’ Ottubru 2004, il-Kummissjoni ppreżentat rikors fejn talbet lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata mġiba ta’ favoritiżmu jew, mill-inqas, negliġenza serja, li tikkostitwixxi ksur minn É. Cresson tal-obbligi tagħha taħt l-Artikoli 213 KE kif ukoll 126 KEEA u biex tiddikjara, konsegwentement, it-telf parzjali jew totali tad-dritt għal pensjoni ta’ É. Cresson jew ta’ benefiċċji oħra minflokha.

56      B’sentenza tal-11 ta’ Lulju 2006, Il‑Kummissjoni vs Cresson (C‑432/04, Ġabra p. I‑6387, iktar ’il quddiem is-“sentenza Il‑Kummissjoni vs Cresson”), il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li É. Cresson kisret l-obbligi li jirriżultaw mill-kariga tagħha ta’ membru tal-Kummissjoni matul ir-reklutaġġ u f’dak li jikkonċerna l-kundizzjonijiet ta’ impjieg ta’ R. Berthelot. Madankollu, fir-rigward tat-talba li l-Kummissjoni għamlet kontra É. Cresson biex jiġi ddikjarat li din iddekadiet mid-dritt għall-pensjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li l-konstatazzjoni tan-nuqqas ta’ É. Cresson li twettaq l-obbligi tagħha tikkostitwixxi fiha nnfisha sanzjoni adatta u li, għaldaqstant, É. Cresson għandha tiġi eżentata minn sanzjoni.

II –  Il-fatti li jikkonċernaw lir-rikorrent

57      Ir-rikorrent kien kap tal-uffiċċju ta’ É. Cresson mill-21 ta’ Diċembru 1995 sax-xahar ta’ Lulju 1997. Fix-xahar ta’ Diċembru 1996, huwa ġie nnominat fil-pożizzjoni ta’ konsulent prinċipali mad-DĠ “Riċerka”, pożizzjoni li għaliha huwa kien applika. Huwa xtaq, fil-fatt, jitlaq mill-uffiċċju ta’ É. Cresson, minħabba tensjonijiet li nħolqu bejniethom fix-xahar ta’ Mejju 1996. Madankollu, it-tluq effettiv tiegħu mill-uffiċċju seħħ biss f’Lulju 1997, peress li r-riżenja tiegħu ma ġietx aċċettata minn É. Cresson ħlief dakinhar, minħabba li ma kienx hemm persuna li tissostitwieh.

58      Fil-15 ta’ Settembru 1999, ir-rikorrent instema’ b’mod informali fil-kuntest tal-investigazzjoni tal-OLAF. Fis-17 ta’ Novembru 1999, huwa ġie informat bil-ftuħ tal-investigazzjonijiet fil-konfront tiegħu. Huwa nstema’ b’mod formali fid-19 ta’ Novembru 1999. Ir-rapport tal-OLAF tat-23 ta’ Novembru 1999 semma, f’dak li jikkonċerna lir-rikorrent, il-probabbiltà li, fid-dawl tad-dikjarazzjonijiet parzjalment konverġenti tal-uffiċjali, inżammet laqgħa fl-uffiċċju tiegħu, li fiha ġiet diskussa l-possibbiltà li R. Berthelot jiġi klassifikat mill-ġdid fil-Grupp I tax-xjenzati viżitaturi (punt 4.2.2 tar-rapport tal-OLAF). Ebda proċedura dixxiplinari ma nbdiet kontra r-rikorrent wara r-rapport tal-OLAF.

59      Fis-27 ta’ Diċembru 2000, ir-radio télévision belge francophone (RTBF) xandar il-programm popolari “Au nom de la loi”, fejn suġġett minnhom kien iddedikat għall-“kawża Cresson”. F’mument qasir tal-programm, issemma isem ir-rikorrent, u ntweriet stampa ta’ dokument deskritt bħala li huwa l-proċess verbal tas-seduta li fiha nstema’ mill-OLAF.

60      Permezz ta’ nota tas-7 ta’ Frar 2001, id-DĠ “Persunal u Amministrazzjoni” informa lir-rikorrent bid-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tneħħi l-immunità tiegħu, wara talba f’dan is-sens indirizzata lill-President tal-istituzzjoni fit-18 ta’ Diċembru 2000 V., imħallef inkwirenti mat-Tribunal de première instance ta’ Brussell.

61      Ir-rapport tal-IDOC tat-22 ta’ Frar 2002 kien jippreċiża, fir-rigward tar-rikorrent, li l-analiżi tal-provi tal-investigazzjoni kienet tagħti wieħed x’jifhem li seħħet laqgħa fl-uffiċċju tar-rikorrent bejn il-21 u d-29 ta’ Novembru 1996, li fiha ġiet diskussa l-possibbiltà ta’ klassifikazzjoni mill-ġdid ta’ R. Berthelot fil-Grupp I tax-xjenzati viżitaturi (punt 4.4 tar-rapport tal-IDOC).

62      Fit-18 ta’ Marzu 2003 (ara l-punt 53 iktar ’il fuq), ir-rikorrent ġie akkużat bħala awtur jew ko-awtur, minn naħa, ta’ falsifikazzjoni ta’ skritturi, b’mod partikolari li għamel jew ħa ħsieb li jsiru tlettax-il ordni ta’ missjoni u tlettax il-kont ta’ spejjeż marbutin ma’ missjonijiet, billi niżżel jew ħa ħsieb li jitniżżel fuq kull wieħed minn dawn dettalji li ma jaqblux mar-realtà, u min-naħa l-oħra, ta’ frodi fir-rigward tar-rimbors tal-ispejjeż marbutin ma’ missjonijiet imsemmijin fl-akkuża msemmija iktar ’il fuq. Ir-rikorrent irċieva l-korrispondenza tal-imħallef inkwirenti li biha informah bl-akkuża tiegħu fis-7 ta’ April 2003.

63      Wara dik l-akkuża, ir-rikorrent waqa’ f’depressjoni li kienet teħtieġ diversi waqfiet mix-xogħol.

64      Fil-25 ta’ Lulju 2003, ir-rikorrent bagħat lill-Kummissjoni “dikjarazzjoni ta’ inċident/mard ikkaġunat mix-xogħol”. Din id-dikjarazzjoni, li kienet akkumpanjata b’rapport tat-tabib tar-rikorrent, ma kienx fiha allegazzjoni espliċita ta’ fastidju psikoloġiku kontra l-istituzzjoni.

65      Fil-31 ta’ Lulju 2003, il-Kummissjoni informat lir-rikorrent li rċeviet id-dikjarazzjoni tiegħu tal-25 ta’ Lulju preċedenti, u informatu li kienet ser issir investigazzjoni biex tiġi stabbilita n-natura u l-oriġini tal-marda tiegħu.

66      Fix-xahar ta’ Settembru 2003, ġimgħa wara li r-rikorrent reġa’ beda jaħdem wara l-leave tal-mard, il-programm ta’ riċerka li minnu huwa kien inkarigat ġie “bblokkat” fuq talba tad-DĠ “Persunal u Amministrazzjoni”. Dan l-inċident wassal għal assenza oħra mix-xogħol tar-rikorrent, li damet sal-bidu tax-xahar ta’ Jannar 2004.

67      Fis-16 ta’ Jannar 2004, id-direttur ġenerali tad-DĠ “Riċerka” informa verbalment lir-rikorrent li l-Awtorità tal-Ħatra kellha l-intenzjoni li tipproċedi biex iġġiegħlu jirtira mix-xogħol, fl-interess tas-servizz, u dan b’applikazzjoni tal-Artikolu 50 tar-Regolamenti tal-Persunal. Din l-informazzjoni ġiet ikkonfermata lir-rikorrent fl-20 ta’ Jannar 2004 mill-kap tal-uffiċċju tal-membru tal-Kummissjoni responsabbli mir-riċerka xjentifika, iżda fil-fatt dan qatt ma seħħ. Wara din l-aħbar, ġie kkonstatat li r-rikorrent reġa’ waqa’ f’depressjoni, li wasslet biex dan jerġa’ jieqaf mix-xogħol mit-22 ta’ Jannar 2004 sa tmiem is-sena 2004.

68      Permezz ta’ deċiżjoni tas-16 ta’ Jannar 2004, il-membru tal-Kummissjoni responsabbli mill-persunal u mill-amministrazzjoni, u għaldaqstant mill-investigazzjonijiet u każijiet dixxiplinari, Kinnock, fil-kwalità tiegħu ta’ Awtorità tal-Ħatra, fetaħ proċedura dixxiplinari kontra r-rikorrent u ssospenda din l-istess proċedura skont il-ħames paragrafu tal-Artikolu 88 tar-Regolamenti tal-Persunal, fil-verżjoni li kienet tapplika sat-30 ta’ April 2004, u dan sakemm id-deċiżjoni tal-qorti kriminali Belġjana ssir finali. Dik id-deċiżjoni kienet tindika li, apparti l-akkuża tiegħu, ir-rikorrent kien akkużat, minn naħa, li kellu rwol attiv bħala kap tal-uffiċċju ta’ É. Cresson, fil-klassifikazzjoni mill-ġdid meqjusa irregolari ta’ R. Berthelot għall-Grupp I tax-xjenzati viżitaturi mad-DĠ “Riċerka” u, min-naħa l-oħra, fir-reklutaġġ, ukoll meqjus irregolari, tal-istess R. Berthelot bħala xjenzat viżitatur maċ-ĊKR.

69      L-att tal-akkużi tal-prosekutur pubbliku, tat-3 ta’ Frar 2004 (ara l-punt 54 iktar ’il fuq) kien fih b’mod partikolari s-siltiet segwenti fir-rigward tal-akkuża ta’ falsifikazzjoni li tirrigwarda lir-rikorrent:

“[G]ħalkemm [ir-rikorrent] kien kap tal-uffiċċju ta’ [É. Cresson], ma hemm ebda dikjarazzjoni li tirrigwardah la espliċitament u lanqas impliċitament; ebda element materjali, bħal xi nota jew firma, ma jippermetti li tiġi stabbilita l-parteċipazzjoni tiegħu fil-każ; huwa stess ġab provi li juru n-natura falza tal-ordnijiet tal-missjonijiet meta ddikjara li t-tieni akkużat (Berthelot) kien jasal, nhar ta’ Tlieta, fi Brussell, akkumpanjat minn É. Cresson u fil-vettura tagħha, biex imbagħad jerġa’ jitlaq lejn Châtellerault (Franza) il-Ħamis fejn dawn il-ġranet imsemmija jikkorrispondu preċiżament mad-dati tal-missjonijiet imwettqa bil-mod invers […]”

70      L-att tal-akkużi tal-prosekutur pubbliku kkonkluda billi indika li ma kien hemm ebda akkuża kontra r-rikorrent f’dak li jikkonċerna l-akkużi tal-falsifikazzjoni u ta’ frodi.

71      B’ittra tal-25 ta’ Mejju 2004, il-kap tad-diviżjoni “Servizz mediku (Brussell)” tal-Kummissjoni informa lir-rikorrent li, minħabba l-ġranet ta’ assenza tiegħu minħabba mard, huwa kien ser jitlob lill-Awtorità tal-Ħatra li tibda proċedura ta’ invalidità fil-konfront tiegħu, u talbu jekk kellux xi oġġezzjoni x’jagħmel f’dan ir-rigward.

72      B’ittra tat-23 ta’ Ġunju 2004, ir-rikorrent wieġeb li ma kienx jopponi għall-ftuħ tal-proċedura msemmija, salv li din tkun ibbażata esklużivament fuq il-ħames paragrafu tal-Artikolu 78 tar-Regolamenti tal-Persunal, li jirrigwarda b’mod partikolari l-każ fejn l-invalidità tkun tirriżulta minn mard ikkaġunat mix-xogħol.

73      Fid-29 ta’ Ġunju 2004, il-kap tad-diviżjoni “Servizz mediku (Brussell)” wieġeb lir-rikorrent li huwa ħa nota tal-ittra tiegħu tat-23 ta’ Ġunju preċedenti. Huwa qallu wkoll li kellu jiġbidlu l-attenzjoni għall-fatt li ma kienx possibbli li jiġu antiċipati l-konklużjonijiet tal-Kumitat tal-Invalidità, b’mod partikolari f’dak li jikkonċerna jekk l-invalidità tkunx ġejja mix-xogħol, iżda li l-Kumitat tal-Invalidità kellu jittratta dak l-aspett, b’mod partikolari f’dak li jikkonċerna l-oriġini.

74      Fit-13 ta’ Lulju 2004, wara d-deċiżjoni tal-qorti kriminali Belġjana tat-30 ta’ Ġunju 2004 favur ir-rikorrent u l-akkużati l-oħra fejn iddeċidiet li ma kienx hemm lok li tingħata deċiżjoni (ara l-punt 54 iktar ’il fuq), il-Kummissjoni bagħtet lill-istess rikorrent ittra miktuba kif ġej:

“Kif taf, il-proċedura dixxiplinari fil-konfront tiegħek ġiet sospiża sakemm ikun hemm deċiżjoni tal-Kulleġġ [ta’ Kummissarji] li tikkonċerna l-każ ta’ É. Cresson.

[…]

Malli [id-digriet tal-qorti kriminali Belġjana] ma jkunx għadu jista’ jiġi appellat u wara li huwa jkun ġie analizzat mid-diviżjoni legali, il-kwistjonijiet kollha li jirrigwardaw lil É. Cresson jintbagħtu għal deċiżjoni tal-Kulleġġ [ta’ Kummissarji]. Sussegwentement, il-fajls l-oħra, fosthom tiegħek, jerġgħu jiġu eżaminati skont id-deċiżjoni meħuda u jerġgħu jintbagħtu quddiem l-Awtorità tal-Ħatra”.

75      Permezz ta’ deċiżjoni tal-20 ta’ Lulju 2004, li kellha effett immedjatament, l-Awtorità tal-Ħatra reġgħet assenjat lir-rikorrent fil-pożizzjoni ġdida ta’ “konsulent prinċipali responsabbli minn affarijiet ekonomiċi” mad-direttur ġenerali tad-DĠ “Riċerka” (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni ta’ assenjazzjoni mill-ġdid”). L-ewwel paragrafu ta’ dik id-deċiżjoni semma l-għan tal-implementazzjoni tal-politika ta’ mobbiltà tal-persunal fi gradi għolja u l-interess tas-servizz.

76      Fl-14 ta’ Ottubru 2004, ir-rikorrent ressaq ilment quddiem l-Awtorità tal-Ħatra fuq id-deċiżjoni ta’ assenjazzjoni mill-ġdid. L-Awtorità tal-Ħatra ċaħdet l-imsemmi ilment b’deċiżjoni tal-15 ta’ Marzu 2005. Ir-rikorrent ma ressaqx rikors ġudizzjarju kontra din l-aħħar deċiżjoni.

77      Fit-22 ta’ Ottubru 2004, ir-rikorrent ippreżenta, skont l-Artikolu 90(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, talba biex tingħalaq il-proċedura dixxiplinari li kien hemm kontrih. Insostenn tat-talba tiegħu, huwa invoka b’mod partikolari d-deċiżjoni tal-qorti kriminali Belġjana li ddeċidiet li ma kienx hemm lok li tingħata deċiżjoni.

78      Fil-25 ta’ Ottubru 2004, ir-rikorrent bagħat lill-Kummissjoni “dikjarazzjoni ta’ inċident tax-xogħol u/jew ta’ mard ikkaġunat mix-xogħol” ġdida, fejn huwa sostna li d-depressjoni li huwa kien isofri minnha kienet ir-riżultat tal-miżuri kollha meħuda mill-Kummissjoni fil-konfront tiegħu, li juru x-xewqa li ssirlu ħsara u li jiġi ffastidjat psikoloġikament.

79      Il-Kumitat tal-Invalidità ppreżenta l-konklużjonijiet tiegħu fid-29 ta’ Ottubru 2004. Dawn kienu jindikaw li r-rikorrent kien milqut b’invalidità permanenti meqjusa bħala totali li ma tħallihx jaqdi d-dmirijiet tiegħu li jikkorrispondu għal pożizzjoni fil-grupp tal-karriera tiegħu. Il-konklużjonijiet kienu jippreċiżaw ukoll li l-Kumitat tal-Invalidità ma ddeċidiex, f’dak l-istadju, fuq ir-relazzjoni eventwali bejn l-invalidità kkonstatata u l-attività professjonali tar-rikorrent, “sakemm ikunu disponibbli l-elementi rilevanti kkonstatati min-naħa tal-istanzi ad hoc”.

80      B’deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ħatra tat-8 ta’ Novembru 2004 li saret effettiva fit-30 ta’ Novembru sussegwenti, ġie deċiż ex officio li r-rikorrent jirtira skont l-Artikolu 53 tar-Regolamenti tal-Persunal, u ngħata benefiċċju ta’ invalidità stabbilit skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 78 tar-Regolamenti tal-Persunal.

81      Fil-25 ta’ Novembru 2004, il-Kummissjoni informatu li rċeviet l-ittra tar-rikorrent tal-25 ta’ Ottubru preċedenti, u qaltlu li l-proċedura mibdija f’Lulju 2003, skont l-Artikolu 73 tar-Regolamenti tal-Persunal, kienet fi stadju li tingħalaq. Il-Kummissjoni informat ukoll lir-rikorrent li, minħabba l-allegazzjonijiet ta’ fastidju psikoloġiku li huwa kien ressaq, it-talba biex jiġi rikonoxxut li l-marda tiegħu kienet oriġinat mix-xogħol kellha tiġi fdata f’idejn l-IDOC li, flimkien mal-OLAF, kien l-uniku entità li setgħat tagħmel investigazzjonijiet amministrattivi.

82      Fl-24 ta’ Diċembru 2004, ir-rikorrent bagħat ittra lill-Kummissjoni fejn talabha tirrevedi d-deċiżjoni tagħha li tqabbad lill-IDOC jinvestiga. Insostenn tat-talba tiegħu, huwa invoka, minn naħa, il-fatt li tali investigazzjoni kienet ser twassal biss biex ittawwal iktar proċedura li kienet ilha għaddejja għal kważi sentejn u, min-naħa l-oħra, in-nuqqas ta’ imparzjalità ta’ dak l-uffiċċju. F’din l-ittra, ir-rikorrent talab ukoll lill-Kummissjoni tippreċiżalu jekk, fl-ewwel lok, tali deċiżjoni setgħatx tkun is-suġġett ta’ lment taħt l-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal u jekk, fit-tieni lok, il-Kummissjoni kinitx eskludiet b’mod definittiv l-ipoteżi li huwa safa vittma ta’ inċident fuq ix-xogħol.

83      B’ittra tal-4 ta’ Frar 2005, il-Kummissjoni wieġbet lir-rikorrent li d-deċiżjoni li tibgħat il-fajl tiegħu lill-IDOC ma setgħatx tiġi appellata, u li l-kritika fir-rigward tal-imparzjalità ta’ dak l-uffiċċju ma setgħatx tiġi aċċettata. Il-Kummissjoni qalet ukoll lir-rikorrent li huwa ma kienx għamel dikjarazzjoni ta’ inċident, peress li, fid-dikjarazzjoni tiegħu tal-25 ta’ Lulju 2003, huwa semma b’mod espress l-Artikolu 17 (li jirrigwarda d-dikjarazzjoni ta’ mard ikkaġunat mix-xogħol) tar-Regoli tal-Assigurazzjoni l-qodma, u mhux l-Artikolu 16 tar-regoli msemmija (li jirrigwarda d-dikjarazzjoni ta’ inċident).

84      Permezz ta’ deċiżjoni tat-28 ta’ Frar 2005, l-Awtorità tal-Ħatra ċaħdet it-talba tar-rikorrent tat-22 ta’ Ottubru 2004 dwar l-għeluq tal-proċedura dixxiplinari għaddejja kontra tiegħu. L-imsemmija deċiżjoni kienet immotivata bil-fatt li l-proċeduri dixxiplinari u kriminali kienu indipendenti minn xulxin, u li, għaldaqstant, il-fatt li l-proċeduri kriminali Belġjani wasslu biex jingħad li ma kienx hemm lok li tingħata deċiżjoni ma jfissirx li l-proċedura dixxiplinari kellha tingħalaq. L-Awtorità tal-Ħatra indikat ukoll li l-proċedura dixxiplinari li tirrigwarda lir-rikorrent kellha tibqa’ sospiża minħabba r-rabta li din il-proċedura kellha mar-rikors ippreżentat fis-7 ta’ Ottubru 2004 quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fil-konfront ta’ É. Cresson. It-tkomplija fis-sospensjoni tal-proċedura dixxiplinari li tirrigwarda lir-rikorrent kienet iġġustifikata b’mod partikolari bil-mod kif ġej:

“[K]ull deċiżjoni fil-mertu fil-kawża tiegħek, kemm jekk tkun ta’ għeluq jew tkomplija tal-każ, ma tkunx newtrali fir-rigward tal-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja kontra É. Cresson u, għaldaqstant, tista’ titqies bħala tentattiv ta’ influwenza mhux xierqa.

Filwaqt li jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li [il-proċedura pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja kontra É. Cresson] ma hijiex ta’ natura kriminali, jeħtieġ madankollu li tiġi applikata l-ġurisprudenza li tikkonċerna l-motivi għas-sospensjoni ta’ proċedura dixxiplinari fil-każ ta’ proċeduri kriminali, Artikolu 25 tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal ([il-ħames paragrafu tal-]Artikolu 88 tar-Regolamenti tal-Persunal[, fil-verżjoni li kienet tapplika sat-30 ta’ April 2004]). Fil-fatt, il-[Qorti tal-Prim’Istanza] ikkonstatat, f’dan ir-rigward, li l-għan ta’ dan l-artikolu huwa wkoll li ‘l-uffiċjal inkwistjoni, fil-kuntest tal-proċeduri kriminali mibdija kontrih, ma jitpoġġiex f’sitwazzjoni inqas vantaġġjuża minn dik li seta’ kien isib ruħu fiha kieku ma kienx hemm id-deċiżjoni tal-awtorità amministrattiva […]’ (sentenza tad-19 [ta’ Marzu] 1998, Tzoanos vs Il‑Kummissjoni, T‑74/96, ĠabraSP p. [I‑A‑129 u ]II‑343 […]).”

85      B’ittra tal-24 ta’ Marzu 2005, ir-rikorrent għamel it-tielet “dikjarazzjoni ta’ inċident/mard ikkaġunat mix-xogħol”.

86      B’ittra tat-12 ta’ Mejju 2005, il-Kummissjoni informat lir-rikorrent li d-dikjarazzjoni l-ġdida tiegħu, li ma tagħmel ebda tibdil fil-mertu, kienet sempliċement ser titqiegħed fil-fajl tiegħu. Dik l-ittra informat ukoll lir-rikorrent li l-IDOC, fis-16 ta’ Marzu preċedenti, kien bagħat lid-diviżjoni “Assigurazzjoni u mard ikkaġunat mix-xogħol” tal-Uffiċċju “Ġestjoni u likwidazzjoni tad-drittijiet individwali” (PMO) “kontribuzzjoni” li tippermetti l-għeluq tal-proċedura tal-investigazzjoni miftuħa skont l-Artikolu 17 tar-Regoli tal-Assigurazzjoni l-qodma (iktar ’il quddiem il-“kontribuzzjoni tal-IDOC”).

87      Permezz ta’ ittra tad-19 ta’ Mejju 2005, ir-rikorrent talab li dik il-kontribuzzjoni tal-IDOC tintbagħat lilu.

88      Fl-20 ta’ Mejju 2005, ir-rikorrent ressaq ilment kontra d-deċiżjoni li rrifjutat l-għeluq tal-proċedura dixxiplinari li huwa kien talab.

89      B’ittra tad-9 ta’ Ġunju 2005, il-kap tad-diviżjoni “Assigurazzjoni u mard ikkaġunat mix-xogħol” tal-PMO irrifjuta li jibgħat lir-rikorrent kopja tal-kontribuzzjoni tal-IDOC għall-investigazzjoni miftuħa skont l-Artikolu 17 tar-Regoli tal-Assigurazzjoni l-qodma. Biex jiġġustifika dan ir-rifjut “sakemm ikun hemm deċiżjoni oħra”, huwa invoka żewġ motivi. Fl-ewwel lok, l-imsemmija kontribuzzjoni tikkostitwixxi att preparatorju li t-tabib maħtur mill-istituzzjoni irid ikollu mingħajr ma jkun hemm ir-riskju li l-iżvelar tiegħu jkun jista’ jaffettwa l-konklużjoni tar-rapport li huwa jkun irid jagħmel. Fit-tieni lok, tapplika l-eċċezzjoni prevista fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 li tippermetti li l-istituzzjonijiet jirrifjutaw l-aċċess għal dokument fil-każ fejn l-iżvelar tiegħu jista’ jippreġudika l-protezzjoni tal-għanijiet ta’ spezzjonijiet, investigazzjoni u verifiki.

90      B’ittra bid-data tad-29 ta’ Ġunju 2005, ir-rikorrent ippreżenta quddiem l-Awtorità tal-Ħatra, fl-4 ta’ Lulju sussegwenti, talba għall-kumpens għad-danni kollha li huwa sofra minħabba d-diversi nuqqasijiet li huwa jakkuża bihom lill-Kummissjoni.

91      L-ilment tal-20 ta’ Mejju 2005 ġie miċħud b’deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ħatra tas-26 ta’ Settembru 2005.

92      It-talba tad-29 ta’ Ġunju 2005 ġiet miċħuda permezz ta’ deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ħatra tal-10 ta’ Novembru 2005. Fit-23 ta’ Jannar 2006, ir-rikorrent ressaq ilment, bid-data tad-19 ta’ Jannar preċedenti, kontra din l-aħħar deċiżjoni. Dan l-ilment kien is-suġġett ta’ deċiżjoni impliċita ta’ rifjut skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal.

93      Fis-16 ta’ Diċembru 2005, wara d-deċiżjoni tas-26 ta’ Settembru 2005 li ċaħdet l-ilment tiegħu tal-20 ta’ Mejju 2005 (ara l-punti 88 u 91 iktar ’il fuq), ir-rikorrent ippreżenta r-rikors irreġistrat bir-referenza F‑124/05.

94      Is-sentenza Il‑Kummissjoni vs Cresson ingħatat fil-11 ta’ Lulju 2006.

95      Fl-10 ta’ Awwissu 2006, wara d-deċiżjoni impliċita ta’ rifjut tal-ilment tiegħu tad-19 ta’ Jannar 2006 (ara l-punt 92 iktar ’il fuq), ir-rikorrent ippreżenta r-rikors irreġistrat bir-referenza F‑96/06.

96      Fis-16 ta’ Ottubru 2006, il-viċi president tal-Kummissjoni, Kallas, informa lir-rikorrent li, wara eżami bir-reqqa tas-sentenza Il‑Kummissjoni vs Cresson, huwa ddeċieda li jagħlaq il-proċedura dixxiplinarju li kienet tikkonċerna lilu.

97      Fis-16 ta’ Marzu 2007, il-Kummissjoni nnotifikat lir-rikorrent b’abbozz ta’ deċiżjoni li tiċħad li l-oriġini tal-marda tiegħu kienet ġejja mix-xogħol, u dan abbażi tal-konklużjonijiet li wasal għalihom it-tabib maħtur mill-istituzzjoni.

98      Fit-3 ta’ Mejju 2007, ir-rikorrent talab li jitwaqqaf il-Kumitat Mediku previst fl-Artikolu 22 tar-Regoli tal-Assigurazzjoni.

99      Fil-5 ta’ Diċembru 2007, il-Kumitat Mediku ppreżenta r-rapport tiegħu, fejn irrikonoxxa, b’unanimità, li l-marda tar-rikorrent kienet ikkaġunata mix-xogħol. Il-konklużjonijiet tar-rapport tal-Kummissjoni Medika kienu miktubin kif ġej:

“1. Wara x-xokk psikoloġiku li huwa sofra fil-kuntest tal-attivitajiet professjonali tiegħu fis-[7 ta’ April] 2003, [ir-rikorrent] sab ruħu fi stat ta’ inkapaċità totali temporanja għax-xogħol, mill-10 ta’ April 2003 sa tal-inqas il-31 ta’ Awissu 2003.

2. Sussegwentement, [ir-rikorrent] għamel żewġ tentattivi qosra biex jerġa’ jidħol għax-xogħol, iżda bla suċċess, minħabba li reġa’ waqa’ f’inkapaċità totali temporanja li tidher manifesament marbuta mal-proċess patoloġiku inizjali.

3. Fil-mument tal-għeluq ta’ din il-perizja medika, [ir-rikorrent] baqa’ dejjem fi stat ta’ inkapaċità totali temporanja u s-sitwazzjoni tiegħu ma dehritx li tista’ tikkonsolida ruħha.

4. [Ir-rikorrent] irid jerġa’ jiġi nviżtat fi żmien ta’ madwar sentejn, fuq rikors tal-parti l-iktar diliġenti.

[…]”

100    Barra minn hekk, il-parti “diskussjoni” fir-rapport tal-Kumitat Mediku kienet tindika, b’mod partikolari, dan li ġej:

“F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kumitat Mediku, unanimament, iqis li l-istat psikoloġiku [tar-rikorrent] għandu jitqies li qiegħed dejjem jinbidel u li, għaldaqstant, l-istat tiegħu ma jistax jikkonsolida ruħu f’dan il-mument.

Fid-dawl ta’ dawn l-elementi differenti, il-Kumitat Mediku, unanimament, iqis li huwa ġustifikat li [ir-rikorrent] jiġi rikonoxxut li għandu inkapaċità ta’ iktar minn 66 % b’effett mit-[18 ta’ Marzu] 2003”.

101    Fit-28 ta’ Marzu 2008, il-kap tad-diviżjoni “Assigurazzjoni għall-inċidenti u għall-mard ikkaġunat mix-xogħol” tal-PMO bagħat lir-rikorrent ittra li fiha indika li, fid-dawl tar-rapport tal-Kumitat Mediku tal-5 ta’ Diċembru 2007, huwa seta’ jirrikonoxxi li l-oriġni tal-marda li minnha sofriet il-persuna kkonċernata kienet ġejja mix-xogħol. Ma’ din l-ittra ġie mehmuż ir-rapport tal-Kumitat Mediku tal-5 ta’ Diċembru 2007.

102    Fit-8 ta’ April 2008, ir-rikorrent bagħat ittra lil kap tad-diviżjoni “Assigurazzjoni għall-inċidenti u għall-mard ikkaġunat mix-xogħol” tal-PMO, fejn talbu jiddeċiedi fuq it-terminu għall-implementazzjoni tal-Artikolu 73(2)(b) tar-Regolamenti tal-Persunal.

103    Fit-28 ta’ April 2008, il-kap tad-diviżjoni “Assigurazzjoni għall-inċidenti u għall-mard ikkaġunat mix-xogħol” tal-PMO wieġeb lir-rikorrent li, peress li r-rapport tal-Kumitat Mediku tal-5 ta’ Diċembru 2007 kien jindika li l-istat tal-istess rikorrent kien għadu ma “kkonsolidax” u li jrid jerġa’ jiġi eżaminat fi żmien ta’ madwar sentejn, ma kienx possibbli għalih li jiddeċiedi f’dak il-mument fuq l-applikazzjoni tal-Artikolu 73(2)(b) tar-Regolamenti tal-Persunal.

104    Fid-9 ta’ Ġunju 2008, il-Kumitat tal-Invalidità ltaqa’ mill-ġdid u, fid-dawl tar-rapport tal-Kumitat Mediku tal-5 ta’ Diċembru 2007, ikkonkluda li l-invalidità tar-rikorrent kienet ġiet ikkaġunata minn marda li oriġinat minħabba x-xogħol.

105    Permezz ta’ deċiżjoni tas-16 ta’ Ġunju 2008, li annullat u ssostitwiet id-deċiżjoni tat-8 ta’ Novembru 2004, l-Awtorità tal-Ħatra, fid-dawl tal-konklużjonijiet tal-Kumitat tal-Invalidità tad-9 ta’ Ġunju 2008, aċċettat li r-rikorrent jieħu l-benefiċċju ta’ invalidità stabbilit skont id-dispożizzjonijiet tal-ħames paragrafu tal-Artikolu 78 tar-Regolamenti tal-Persunal, b’effett mill-ġurnata tal-invalidità tal-persuna kkonċernata, jiġifieri mit-30 ta’ Novembru 2004.

106    Fit-18 ta’ Frar 2009, ir-rikorrent ippreżenta t-tielet rikors tiegħu quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, irreġistrat bir-referenza F‑12/09, A vs Il‑Kummissjoni, li bih talab, b’mod partikolari, minn naħa, l-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-28 ta’ April 2008, li rrifjutat li tieħu deċiżjoni fuq l-Artikolu 73(2)(b) tar-Regolamenti tal-Persunal u, min-naħa l-oħra, il-kumpens għad-danni li ġew ikkaġunati lilu bin-nuqqasijiet kollha li bihom jakkuża lill-Kummissjoni fil-ġestjoni tal-proċedura tar-rikonoxximent li l-marda tiegħu kienet ikkaġunata mix-xogħol.

 Proċedura

I –  Fil-Kawża F‑124/05 qabel ma din ingħaqdet mal-Kawża F‑96/06

107    Permezz ta’ att separat, ippreżentat fit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fit-12 ta’ April 2006, il-Kummissjoni qajmet eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà kontra r-rikors, skont l-Artikolu 114(1) tar-Regoli tal‑Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-Komunitajiet Ewropej, applikabbli mutatis mutandis għat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, skont l-Artikolu 3(4) tad-Deċiżjoni tal‑Kunsill 2004/752/KE, Euratom, tat-2 Novembru 2004, li tistabbilixxi t‑Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 153M, 7.6.2006, p. 84), sad-dħul fis-seħħ tar-Regoli tal-Proċedura ta’ dan tal-aħħar.

108    Permezz ta’ att li wasal fir-Reġistru tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fit-12 ta’ Mejju 2006 permezz ta’ faks (il-preżentata tal-oriġinal saret fit-18 ta’ Mejju ta’ wara), ir-rikorrent ressaq l-osservazzjonijiet tiegħu fuq l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà.

109    Permezz ta’ digriet tad-29 ta’ Ġunju 2006, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku għaqqad l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mal-mertu, abbażi tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 114(4) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza.

110    Wara d-deċiżjoni li għalqet il-proċedura dixxiplinari li tirrigwarda lir-rikorrent, b’att separat li wasal fir-Reġistru tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fit-18 ta’ Ottubru 2006 permezz ta’ faks (il-preżentata tal-oriġinal saret fid-19 ta’ Ottubru ta’ wara), il-Kummissjoni ppreżentat talba biex jiġi deċiż li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni, skont l-Artikolu 114(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza.

111    Permezz ta’ att li wasal fir-Reġistru tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fit-2 ta’ Novembru 2006 permezz ta’ faks (il-preżentata tal-oriġinal saret fis-6 ta’ Novembru ta’ wara), ir-rikorrent ressaq l-osservazzjonijiet tiegħu fuq it-talba biex jiġi deċiż li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni.

112    Permezz ta’ digriet tat-22 ta’ Novembru 2006, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku għaqqad mal-mertu t-talba biex jiġi deċiż li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni, u dan abbażi tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 114(4) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza.

113    Il-Kummissjoni bagħtet ir-risposta tagħha fit-8 ta’ Jannar 2007 permezz ta’ faks (il-preżentata tal-oriġinal saret fil-11 ta’ Jannar ta’ wara).

114    Permezz ta’ digriet tas-27 ta’ Marzu 2007, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ssospenda l-proċedura, fuq talba konġunta tal-partijiet, sakemm tintemm il-proċedura mibdija mir-rikorrent skont l-Artikolu 73 tar-Regolamenti tal-Persunal jew, l-iktar tard, sat-30 ta’ Ġunju 2007, abbażi tal-Artikolu 77(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza. Permezz ta’ digrieti tal-24 ta’ Lulju 2007 u tas-26 ta’ Ottubru 2007, il-proċedura reġgħet ġiet sospiża għall-istess skop, u dan fuq talba konġunta tal-partijiet, sakemm tintemm il-proċedura mibdija mir-rikorrent skont l-Artikolu 73 tar-Regolamenti tal-Persunal, jew, l-iktar tard, sal-31 ta’ Ottubru 2007 u l-1 ta’ Marzu 2008, rispettivament.

115    Fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku stieden lill-partijiet jirrispondu għal diversi mistoqsijiet bil-miktub u biex jipproduċu numru ta’ dokumenti. Il-partijiet ikkonformaw ruħhom mat-talbiet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fit-termini previsti.

116    Fid-9 ta’ Lulju 2008, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ddeċieda li jibgħat il-kawża quddiem il-Qorti Plenarja.

II –  Fil-Kawża F‑96/06 qabel ma din ingħaqdet mal-Kawża F‑124/05

117     Il-Kummissjoni bagħtet ir-risposta tagħha fl-20 ta’ Novembru 2006 permezz ta’ faks (il-preżentata tal-oriġinal saret fit-22 ta’ Novembru ta’ wara).

118    Permezz ta’ digriet tas-27 ta’ Marzu 2007, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ssospenda l-proċedura, fuq talba konġunta tal-partijiet, sakemm tintemm il-proċedura mibdija mir-rikorrent skont l-Artikolu 73 tar-Regolamenti tal-Persunal jew, l-iktar tard, sat-30 ta’ Ġunju 2007, abbażi tal-Artikolu 77(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza. Permezz ta’ digrieti tal-24 ta’ Lulju 2007 u tas-26 ta’ Ottubru 2007, il-proċedura reġgħet ġiet sospiża għall-istess skop, u dan fuq talba konġunta tal-partijiet, sakemm tintemm il-proċedura mibdija mir-rikorrent skont l-Artikolu 73 tar-Regolamenti tal-Persunal, jew, l-iktar tard, sal-31 ta’ Ottubru 2007 u l-1 ta’ Marzu 2008, rispettivament

119    Fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku stieden lill-partijiet jirrispondu għal xi mistoqsijiet bil-miktub u biex jipproduċu numru ta’ dokumenti. Il-partijiet ikkonformaw ruħhom mat-talbiet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fit-termini previsti.

120    Fid-9 ta’ Lulju 2008, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ddeċieda li jibgħat il-kawża quddiem il-Qorti Plenarja.

III –  Fil-Kawżi magħquda F‑124/05 u F‑96/06

121    Permezz ta’ digriet tal-President tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tat-22 ta’ Jannar 2009, il-Kawżi F‑124/05 u F‑96/06 ingħaqdu għall-finijiet tal-proċedura orali u tas-sentenza, skont l-Artikolu 46 tar-Regoli tal‑Proċedura.

122    Fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku stieden lill-partijiet jirrispondu għal xi mistoqsijiet bil-miktub u biex jipproduċu numru ta’ dokumenti. Il-partijiet ikkonformaw ruħhom mat-talbiet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fit-termini previsti

 It-talbiet tal-partijiet

I –  Fil-Kawża F‑124/05

123    Ir-rikorrent jitlob li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jogħġbu:

–        jannulla d-deċiżjoni li tiċħad it-talba għall-għeluq tal-proċedura dixxiplinari;

–        jannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni, tas-26 ta’ Settembru 2005, li tiċħad l-ilment tiegħu tal-20 ta’ Mejju 2005;

–        jiddikjara li t-talba tiegħu tal-20 ta’ Ottubru 2004 hija ammissibbli u fondata;

–        jiddikjara lill-Kummissjoni responsabbli għan-nuqqasijiet li hija wettqet meta adottat id-deċiżjoni li biha ċaħdet it-talba għall-għeluq tal-proċedura dixxiplinari u d-deċiżjoni tas-26 ta’ Settembru 2005;

–        jikkundanna lill-Kummissjoni tħallas lilu, u lill-familja tiegħu, is-somma ta’ EUR 3 163 602;

–        jordna li skont l-Artikolu 17(4) tal-Istruzzjonijiet lir-Reġistratur tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-3 ta’ Mejju 1994, l-identità tiegħu ma tiġi ppubblikata f’ebda pubblikazzjoni li tirrigwarda din il-kawża;

–        jordna li l-Kummissjoni tbati l-ispejjeż.

124    Il-Kummissjoni titlob li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jogħġbu:

–        jikkonstata li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni fuq ir-rikors;

–        sussidjarjament, jiċħad ir-rikors bħala inammissibbli;

–        b’mod iktar sussidjarju, jiddikjara li r-rikors huwa infondat;

–        jiddeċiedi fuq l-ispejjeż skont il-liġi; sussidjarjament, jirriżerva l-ispejjeż għad-deċiżjoni li tingħata fir-rigward tar-rikors irreġistrat bir-referenza F‑96/06.

II –  Fil-Kawża F‑96/06

125    Ir-rikorrent jitlob li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jogħġbu:

–        jiddikjara lill-Kummissjoni responsabbli għan-nuqqasijiet li hija wettqet;

–        jikkundanna lill-Kummissjoni tħallas lilu, u lill-familja tiegħu, is-somma ta’ EUR 3 163 602;

–        jordna li skont l-Artikolu 17(4) tal-Istruzzjonijiet lir-Reġistratur tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-3 ta’ Mejju 1994, l-identità tiegħu ma tiġi ppubblikata f’ebda pubblikazzjoni li tirrigwarda din il-kawża;

–        jordna li l-Kummissjoni tbati l-ispejjeż.

126    Il-Kummissjoni titlob li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jogħġbu:

–        jiddikjara r-rikors bħala parzjalment inammissibbli, jew tal-inqas infondat;

–        jiddeċiedi fuq l-ispejjeż skont il-liġi.

 Id-dritt

I –  Fuq ir-rikors F‑124/05

127    L-ewwel nett għandha tiġi eżaminata t-talba tal-Kummissjoni biex jiġi deċiż li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni.

A –  L-argumenti tal-partijiet

128    Il-Kummissjoni tibbaża t-talba tagħha biex jiġi deċiż li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni fuq żewġ argumenti. Fl-ewwel lok, l-interess tar-rikorrent biex jitlob l-annullament tad-deċiżjoni li rrifjutat li tagħlaq il-proċedura dixxiplinari kien spiċċa, minħabba d-deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ħatra tas-16 ta’ Ottubru 2006 li għalqet l-imsemmi proċedura, wara s-sentenza Il‑Kummissjoni vs Cresson. Fit-tieni lok, it-talbiet għall-kumpens għad-danni tar-rikors F‑124/05 huma identiċi, fis-sustanza, għal dawk ippreżentati fir-rikors F‑96/06.

129    Ir-rikorrent jippreċiża li huwa mhux qed jikkontesta li r-rikors sar bla skop fir-rigward tat-talba għall-annullament tad-deċiżjoni li rrifjutat l-għeluq tal-proċedura dixxiplinari. Madankollu, huwa jsostni li t-talba tiegħu għall-kumpens tibqa’ rilevanti. Huwa jsostni li, peress li r-rikors F‑124/05 ġie ppreżentat qabel ir-rikors F‑96/05, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku għandu l-ewwel jiddeċiedi fuq l-ewwel rikors, u mbagħad jieħu inkunsiderazzjoni d-deċiżjoni tiegħu fit-tieni wieħed.

B –  Il-kunsiderazzjonijiet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku

130    It-talba tar-rikorrent tat-22 ta’ Ottubru 2004 kellha bħala suġġett l-għeluq tal-proċedura dixxiplinari li tikkonċernah. Permezz ta’ deċiżjoni tas-16 ta’ Ottubru 2006, l-Awtorità tal-Ħatra għalqet il-proċedura msemmija. Għaldaqstant, din l-aħħar deċiżjoni wasslet għar-riżultat mixtieq mir-rikorrent.

131    Barra minn hekk, ir-rikorrent jammetti huwa stess li t-talbiet għall-annullament saru bla skop wara d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li għalqet il-proċedura dixxiplinari mibdija kontrih. Din l-ammissjoni tista’ titqies bħala rinunzja min-naħa tar-rikorrent għat-talbiet imsemmija.

132    Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li ma għadx hemmx bżonn li jiġu deċiżi t-talbiet għall-annullament.

133    Min-naħa l-oħra, it-talbiet għall-kumpens għadhom rilevanti.

134    L-ewwel nett, għandu jiġi kkonstatat, fl-ewwel lok, li t-tmien motiv tar-rikors irreġistrat bir-referenza F‑96/06 jirreferi għall-motivi kollha invokati fir-rikors irreġistrat bir-referenza F‑124/05, u, fit-tieni lok, li t-talbiet tar-rikors irreġistrat bir-referenza F‑96/06 huma identiċi għat-talbiet għall-kumpens magħmula fir-rikors irreġistrat bir-referenza F‑124/05.

135    It-tieni nett, għandu jitfakkar li, meta rikors ikollu l-istess partijiet, suġġett u motivi bħal rikors ieħor li jkun ġie ppreżentat qabel, huwa għandu, skont ġurisprudenza stabbilita (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta’ Mejju 1973, Perinciolo vs Il‑Kunsill, 58/72 u 75/72, Ġabra p. 511, punti 3 sa 5, tad-19 ta’ Settembru 1985, Hoogovens Groep vs Il‑Kummissjoni, 172/83 u 226/83, Ġabra p. 2831, punt 9, u tat-22 ta’ Settembru 1988, Franza vs Il‑Parlament, 358/85 u 51/86, Ġabra p. 4821, punt 12; digriet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tad-19 ta’ Settembru 2006, Vienne et vs Il‑Parlament, F‑22/06, ĠabraFP p. I‑A‑1‑101 u II‑A‑1‑377, punt 12), jiġi miċħud bħala inammissibbli.

136    Madankollu, minkejja l-fatt li r-rikors F‑124/05 ġie rreġistrat qabel ir-rikors F‑96/06 u fid-dawl tat-tgħaqqid tal-Kawżi F‑124/05 u F‑96/06 għall-finijiet tal-proċedura orali u tas-sentenza, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jqis li huwa iktar xieraq, fl-interess tal-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, li ma janalizzax it-talbiet għall-kumpens tar-rikorrent fil-kuntest tar-rikors irreġistrat bir-referenza F‑124/05, iżda li jeżaminahom fil-kuntest tar-rikors irreġistrat bir-referenza F‑96/06.

137    Konsegwentement, it-talba tal-Kummissjoni biex jiġi deċiż li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni għandha tintlaqa’ kollha kemm hi.

II –  Fuq ir-rikors F‑96/06

A –  Fuq l-ammissibbiltà

1.     L-argumenti tal-partijiet

138    Waqt is-seduta, il-Kummissjoni sostniet li t-talba għall-kumpens hija intempestiva u, għaldaqstant, inammissibbli, minħabba l-proċedura ppreżentata mir-rikorrent fir-rigward tar-rikonoxximent li l-marda tiegħu ġiet ikkaġunata mix-xogħol. Il-Kummissjoni tibbaża ruħha fuq is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-15 ta’ Diċembru 1999, Latino vs Il‑Kummissjoni (T‑300/97, ĠabraSP p. I‑A‑259 u II‑1263, punti 94 u 95), fejn ġie deċiż li t-talba ta’ uffiċjal biex jikseb kumpens għad-danni morali li rriżultaw minħabba l-marda tiegħu kkaġunata mix-xogħol kienet intempestiva minħabba li ma kienx possibbli, fl-istadju li fih ġie ppreżentat ir-rikors, li tiġi evalwata n-natura xierqa tal-kumpens statutorju li l-persuna kkonċernata setgħat titlob. Hija ssostni, f’dan il-każ, li r-rapport tal-Kumitat Mediku jindika li mhux possibbli li tiġi stabbilita r-rata ta’ invalidità tar-rikorrent fin-nuqqas ta’ konsolidazzjoni fl-istat ta’ saħħet l-istess rikorrent u li l-każ tal-persuna kkonċernata jrid jerġa’ jiġi eżaminat madwar sentejn wara. Skont il-Kummissjoni, huwa impossibbli, qabel ma jkun magħruf ir-riżultat ta’ dak l-eżami ġdid, li wieħed ikun jaf l-ammont li r-rikorrent jista’ jikseb taħt l-Artikolu 73(2) tar-Regolamenti tal-Persunal. F’dan il-każ, din l-informazzjoni hija indispensabbli biex it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jistabbilixxi jekk il-kumpens miksub mir-rikorrent taħt dik id-dispożizzjoni jikkostitwixxix kumpens xieraq għad-dannu li huwa sofra.

139    Ir-rikorrent jirribatti billi jgħid li ma huwiex meħtieġ li l-Kumitat Mediku jistabbilixxi r-rata ta’ invalidità biex l-Awtorità tal-Ħatra tkun tista’ tieħu d-deċiżjoni tagħha skont l-Artikolu 73(2) tar-Regolamenti tal-Persunal. Fil-fatt, skont l-Artikolu 11(2) tar-Regoli tal-Assigurazzjoni l-ġodda, fil-każ ta’ invalidità totali permanenti tal-persuna assigurata li tirriżulta minn inċident jew marda ikkaġunata mix-xogħol, id-DIFP huwa ta’ 100 % u l-kumpens imsemmi fl-Artikolu 73(2)(b) tar-Regolamenti tal-Persunal għandu jitħallas lill-persuna kkonċernata. F’dan il-każ, fid-29 ta’ Ottubru 2004, il-Kumitat tal-Invalidità kkonstata li r-rikorrent kien sofra minn invalidità totali permanenti.

140    Ir-rikorrent isostni, barra minn hekk, li l-Qorti tal-Prim’Istanza, fis-sentenza tal-10 ta’ Diċembru 2008, Nardone vs Il‑Kummissjoni (T‑57/99, ĠabraSP p. I-A-2-83 u II-A-2-505), iddeċidiet li r-regola stabbilita fis-sentenza Latino vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, li tipprovdi li d-danni eventwali minħabba n-nuqqas ta’ servizz jirrappreżentaw biss suppliment għas-sistema statutorja u ma jirriżultawx ħlief meta tiġi kkonstatata insuffiċjenza fl-ammonti miksuba għal din ir-raġuni, ma tapplikax b’mod sistematiku. Huwa jsostni li s-soluzzjoni mogħtija fis-sentenza Nardone vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, trid tiġi applikata fil-każ tiegħu, peress li d-dewmien inġustifikat tal-proċedura mibdija skont l-Artikolu 73 tar-Regolamenti tal-Persunal ittawwal is-sitwazzjoni ta’ inċertezza li fiha huwa ilu jinsab għal diversi snin, u timpedixxi l-konsolidazzjoni tal-istat ta’ saħħtu. F’dan il-każ, il-Kummissjoni qiegħda tirrifjuta li tikkumpensah peress li l-istat ta’ saħħtu ma huwiex ikkonsolidat. Ir-rikorrent isostni li l-Kummissjoni, b’dan il-mod, għalqitu f’”ċirku vizzjuż”, “garigor infernali” li huwa biss it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku li jista’ jwaqqafhom billi jikkundanna lill-istituzzjoni biex tikkumpensah immedjatament.

141    Il-Kummissjoni tirribatti għal dan l-argument billi tgħid li ċ-ċirkustanzi eċċezzjonali li wasslu għas-sentenza Nardone vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, ma jeżistux f’dan il-każ.

2.     Il-kunsiderazzjonijiet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku

142    It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku josserva, b’mod preliminari, li l-Kummissjoni ma invokatx fir-risposta tagħha fir-rigward tal-Kawża F‑96/06 li r-rikors huwa inammissibbli inkwantu intempestiv, iżda ressqet dan l-argument biss, fl-ewwel lok, fir-risposta tagħha li tirrigwarda l-Kawża F‑124/05, billi ppreċiżat li dak l-argument japplika wkoll għar-rikors F‑96/06, u fit-tieni lok, f’ittra tal-25 ta’ Frar 2008 prodotta bi tweġiba għal miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura deċiża mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fir-rigward taż-żewġ kawżi, u fl-aħħar lok, fis-seduta komuni għaż-żewġ kawżi.

143    Madankollu, il-fatt li l-Kummissjoni ma ressqitx din l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà fir-risposta tagħha li tirrigwarda l-Kawża F‑96/06 ma jipprekludix lit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku milli jeżaminaha u dan fid-dawl tan-natura ta’ ordni pubbliku li għandhom ir-rekwiżiti għall-ammissibbiltà tar-rikorsi ppreżentati skont l-Artikoli 90 u 91 tar-Regolamenti tal-Persunal (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-18 ta’ Diċembru 2008, Il‑Belġju u Il‑Kummissjoni vs Genette, T‑90/07 P u T‑99/07 P, Ġabra p. II‑3859, punt 87, u l-ġurisprudenza ċċitata). Barra minn hekk, f’dan il-każ, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li ż-żewġ kawżi jinsabu magħquda (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-18 ta’ Marzu 1980, Forges de Thy-Marcinelle u Monceau vs Il‑Kummissjoni, 26/79 u 86/79, Ġabra p. 1083, punt 4), u l-fatt li l-partijiet setgħu jiddibattu din il-kwistjoni b’mod kontradittorju fis-seduta komuni għaż-żewġ kawżi.

144    F’dan il-każ, id-danni msemmija mir-rikorrent ma humiex kollha relatati ma’ saħħtu u, għaldaqstant, ma jistgħux a priori jitqiesu bħala li jistgħu jissewwew kompletament fil-kuntest tal-proċedura tar-rikonoxximent li l-marda tiegħu hija kkaġunata mix-xogħol. Ċerti lmenti invokati mir-rikorrent jikkonċernaw sitwazzjonijiet li jistgħu jwasslu għal dannu morali lill-uffiċjal anki jekk ma jkunx hemm mard ikkaġunat mix-xogħol.

145    B’mod partikolari, il-ksur numeruż tad-drittijiet tad-difiża msemmija mir-rikorrent jistgħu jirrekawlu dannu morali separat mid-dannu għal saħħtu, u li, għaldaqstant, ma jistax jissewwa bil-kumpens previst fl-Artikolu 73 tar-Regolament tal-Persunal.

146    Ir-rikorrent jitlob ukoll b’mod partikolari li jiġi rrimedjat id-dannu morali li kkaġunalu d-dewmien eċċessiv tal-proċedura dixxiplinari mibdija kontrih.

147    Għandu jiġi kkonstatat f’dan ir-rigward li kull proċedura dixxiplinari titfa’ lill-uffiċjal f’sitwazzjoni ta’ inċertezza fir-rigward tal-futur professjonali tiegħu, li bilfors tikkaġunalu ċerta stress u ċerta ansjetà. Meta din l-inċertezza ddum b’mod eċċessiv, l-intensità tal-istress u tal-ansjetà kkaġunati lill-uffiċjal tiżdied lil hinn minn dak li hu ġustifikabbli. Għaldaqstant, id-dewmien eċċessiv ta’ proċedura dixxiplinari għandu jiġi kkunsidrat bħala li jwassal għall-preżunzjoni li l-persuna kkonċernata sofriet dannu morali.

148    Quddiem din is-sitwazzjoni ta’ inċertezza serja li ddum iktar minn perijodu raġonevoli, huwa paċifiku li l-individwi huma suxxettibbli li jirreaġixxu b’mod differenti, pereżempju skont l-eventwali fraġilità psikoloġika tagħhom. Għaldaqstant, il-konsegwenzi tad-dewmien mhux raġonevoli ta’ proċedura dixxiplinari jistgħu jikkonsistu f’sofferenza psikoloġika, jew, fil-każijiet l-iktar gravi, f’marda psikoloġika jew aggravament ta’ marda psikoloġika preeżistenti.

149    Għaldaqstant, fir-rigward b’mod partikolari tad-dannu morali li jista’ jiġi kkaġunat minħabba d-dewmien eċċessiv ta’ proċedura dixxiplinari, għandha ssir distinzjoni, minn naħa, bejn id-dannu morali kkaġunat lil kull uffiċjal jew membru tal-persunal, indipendentement mill-eventwali mard u, min-naħa l-oħra, id-dannu kkaġunat minn eventwali marda psikoloġika — jew l-aggravament ta’ dik il-marda — li jkun ikkaġunat mid-dewmien eċċessiv tal-proċedura msemmija (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tat-2 ta’ Mejju 2007, Giraudy vs Il‑Kummissjoni, F‑23/05, Ġabra p. I‑A‑1‑121, p. I‑A‑1‑657, punti 197 sa 202).

150    Għaldaqstant, talba għall-kumpens intiża biex jissewwa l-ewwel tip ta’ dannu hija ammissibbli indipendentement mill-istat li tkun fih il-proċedura li tista’ eventwalment tinbeda mill-uffiċjal skont l-Artikolu 73 tar-Regolamenti tal-Persunal.

151    Min-naħa l-oħra, skont il-ġurisprudenza, it-talba għall-kumpens ta’ uffiċjal intiża biex jissewwa dannu materjali u morali li jkun ġie kkaġunat lilu minħabba marda kkaġunata mix-xogħol ma hijiex, bħala regola ġenerali, ammissibbli meta l-proċedura mibdija taħt l-Artikolu 73 tar-Regolamenti tal-Persunal ma tkunx terminata.

152    Għandu jitfakkar f’dan ir-rigward li s-sistema stabbilita skont l-Artikolu 73 tar-Regolamenti tal-Persunal tipprovdi għal kumpens b’rata fissa fil-każ ta’ inċident jew ta’ mard ikkaġunat mix-xogħol, mingħajr ma jkun meħtieġ għall-persuna kkonċernata li tressaq il-prova ta’ kwalunkwe nuqqas min-naħa tal-istituzzjoni. Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza jirriżulta li huwa biss fiċ-ċirkustanzi fejn is-sistema statutorja ma tippermettix kumpens xieraq tad-dannu subit li l-uffiċjal ikollu dritt jitlob kumpens supplimentari (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta’ Ottubru 1986, Leussink vs Il‑Kummissjoni, 169/83 u 136/84, Ġabra p. 2801, punt 13, u tad-9 ta’ Settembru 1999, Lucaccioni vs Il‑Kummissjoni, C‑257/98 P, Ġabra p. I‑5251, punt 22; sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-14 ta’ Mejju 1998, Lucaccioni vs Il‑Kummissjoni, T‑165/95, ĠabraSP p. I‑A‑203 u II‑627, punt 71 u Latino vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 94).

153    Konsegwentement, ir-rikors li bih uffiċjal jitlob kumpens għad-danni li huwa jallega li sofra minħabba marda kkaġunata mix-xogħol, li jkun ġie ppreżentat qabel ma tintemm il-proċedura mibdija taħt l-Artikolu 73, ġie deċiż li huwa intempestiv, inkwantu ma kienx possibbli, fl-istadju li fih ġie ppreżentat ir-rikors, li tiġi evalwata n-natura xierqa tal-kumpens statutorju li l-persuna kkonċernata setgħat titlob (sentenza Latino vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punti 94 u 95).

154    Madankollu, f’sentenza reċenti, il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet li wieħed ma jistax sistematikament jiddeduċi li jekk il-proċedura medika tkun għadha għaddejja allura t-talba għall-ħlas tad-danni minħabba n-nuqqas ta’ servizz allegatament imwettaq mill-istituzzjoni hija intempestiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Nardone vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 56). Dik is-sentenza tippreċiża fil-fatt li, għalkemm normalment huwa iktar faċli u mgħaġġel għall-uffiċjal biex jipprova, jekk ikun il-każ, li huwa għandu dritt għal kumpens fiss skont l-Artikolu 73 tar-Regolamenti tal-Persunal milli li jipprova li l-kundizzjonijiet meħtieġa biex ikun hemm responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità huma sodisfatti, dan mhux dejjem ikun il-każ (sentenza Nardone vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 56). Huwa fid-dawl tal-prinċipju ta’ ekonomija tal-ġudizzju, prinċipju li jeħtieġ li jsir bilanċ bejn id-diversi fatturi li jkunu jeżistu f’kull każ partikolari, li l-Qorti tal-Prim’Istanza, fis-sentenza Latino vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, tissuġġetta l-ammissibbiltà ta’ rikors għal kumpens taħt id-dritt komuni għall-eżawriment tar-rimedju tal-kumpens statutorju previst fl-Artikolu 73 tar-Regolamenti tal-Persunal (sentenza Nardone vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 56).

155    F’dan ir-rigward jista’ jiġi ppreċiżat li, f’dak li jikkonċerna d-determinazzjoni u l-evalwazzjoni tad-dannu li jirriżulta minn marda kkaġunata mix-xogħol, il-proċedura prevista għall-eżekuzzjoni tal-Artikolu 73 tar-Regolamenti tal-Persunal trid titqies bħala lex specialis meta mqabbla mad-dritt komuni tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Giraudy vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punti 193 sa 196).

156    Fil-parti l-kbira tal-każijiet, id-determinazzjoni tar-rabta kawżali bejn il-kundizzjonijiet tat-twettiq tal-funzjonijiet u d-dannu invokat, kif ukoll l-evalwazzjoni tad-dannu msemmi, jeħtieġu l-użu ta’ perizja medika, u dan b’tali mod li d-determinazzjoni, min-naħa tal-qorti Ewropea, tal-istess rabta kawżali u l-imsemmi dannu qabel ma tingħalaq il-proċedura mibdija taħt l-Artikolu 73 tar-Regolamenti tal-Persunal ma tkunx tagħmel sens, jew tkun saħansitra impossibbli.

157    Dan japplika għall-każ ineżami, b’tali mod li s-soluzzjoni użata fis-sentenza Nardone vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, ma tistax tiġi applikata.

158    Din is-soluzzjoni kienet immotivata minħabba l-ekonomija tal-ġudizzju, fiċ-“ċirkustanzi eċċezzjonali li jikkaratterizzaw [dik] il-kawża” (sentenza Nardone vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 57). Fil-fatt, f’dik il-kawża, il-perizja medika ma kinitx neċessarja biex jiġi evalwat id-dannu morali li sofra Nardone u dan minħabba l-fatt li huwa kien jaħdem f’ambjent mimli trab u maħmuġ (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Nardone vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punti 98 sa 123).

159    F’din il-kawża, min-naħa l-oħra, hija meħtieġa l-perizja medika biex tiġi determinata l-portata tad-dannu fiżiku u psikoloġiku li jista’ jiġi attribwit lill-kundizzjonijiet marbuta mal-eżerċizzju tal-attività professjonali tar-rikorrent.

160    Barra minn hekk, jidher li l-proċedura mibdija mir-rikorrent taħt l-Artikolu 73 tar-Regolamenti tal-Persunal ma tantx fadlilha biex tintemm, u dan kif irrilevat il-Kummissjoni waqt is-seduta. Fil-fatt, ir-rapport tal-Kumitat Mediku tal-5 ta’ Diċembru 2007 jindika li r-rikorrent irid jerġa’ jiġi rivedut fi żmien ta’ madwar sentejn, fuq talba tal-parti l-iktar diliġenti.

161    Barra minn hekk, għandu jitfakkar li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(3) tar-Regoli tal-Assigurazzjoni jipprovdi li meta, wara li jieqaf it-trattament mediku, il-grad ta’ invalidità jkun għadu ma jistax jiġi stabbilit b’mod definittiv, ir-rapport tal-Kumitat Mediku għandu jippreċiża d-data li fiha l-fajl tal-persuna assigurata jkun irid jerġa’ jiġi eżaminat iktar tard. F’dan il-każ, din id-dispożizzjoni trid bilfors tiġi interpretata b’mod restrittiv. Fil-fatt, kieku kien possibbli għall-Kumitat Mediku li jiddiferixxi diversi drabi d-data li fiha l-fajl tal-persuna assigurata jrid jerġa’ jiġi eżaminat, ċerti persuni assigurati ma jirnexxielhom qatt jieħdu l-kumpens previst fl-Artikolu 73 tar-Regolamenti tal-Persunal f’ħajjithom. Barra minn hekk, kieku tingħata interpretazzjoni estensiva lil dik id-dispożizzjoni, dan ikun jikser il-kunċett tal-konsolidazzjoni, kif definit fl-Artikolu 19(3) tar-Regoli tal-Assigurazzjoni, li skontu l-effetti tal-inċident jew tal-marda kkaġunata mix-xogħol jkunu konsolidati meta l-istess effetti jkunu stabbilizzaw ruħhom jew ma jkunux ser jittaffew ħlief bil-mod ħafna jew b’mod limitat ħafna. Għaldaqstant, il-kunċett tal-konsolidazzjoni ma jipprekludix kwalunkwe żvilupp fl-istat tal-pazjent, iżda jimplika stabbilizzazzjoni jew żvilupp bil-mod ħafna.

162    Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li, f’dan il-każ, il-prinċipju ta’ ekonomija tal-ġudizzju jitlob li tintemm il-proċedura speċjali prevista għall-eżekuzzjoni tal-Artikolu 73 tar-Regolamenti tal-Persunal.

163    Għaldaqstant, mingħajr ma hemm bżonn li tittieħed pożiżżjoni fuq il-kritika tar-rikorrent dwar it-tmexxija tal-proċedura mibdija taħt l-Artikolu 73 tar-Regolamenti tal-Persunal, inkluża l-kritika bbażata fuq il-fatt li ma ġiex applikat l-Artikolu 11(2) tar-Regoli tal-Assigurazzjoni l-ġodda, esposta fil-punt 139 ta’ din is-sentenza, it-talba tar-rikorrent, f’dak li jikkonċerna r-rimedju tad-dannu li jirriżulta minn marda kkaġunata mix-xogħol li minnha jsofri, għandha titqies li hija intempestiva u, konsegwentement, għandha tiġi miċħuda bħala inammissibbli. Min-naħa l-oħra, it-talba għall-kumpens tar-rikorrent, f’dak li jikkonċerna l-aspett tad-dannu morali li huwa indipendenti mill-marda li minnha jsofri, għandha tiġi ddikjarata ammissibbli.

B –  Fuq il-mertu

164    Ir-rikorrent isostni li l-Kummissjoni wettqet diversi nuqqasijiet li jixhdu l-fastidju psikoloġiku fil-konfront tiegħu. Dawn id-diversi nuqqasijiet wasslu għall-waqgħat fid-depressjoni suċċessivi li minnha jsofri, li wasslet għall-invalidità tiegħu. Għaldaqstant, huwa sofra minn dannu materjali li jikkonsisti fid-differenza bejn is-salarju tiegħu ta’ uffiċjal u l-benefiċċju ta’ invalidità, kif ukoll minn dannu morali partikolarment qawwi.

165    Preliminarjament, għandu jiġi kkonstatat li, fir-rikors tiegħu, ir-rikorrent talab il-ħatra ta’ espert li jkollu l-missjoni li jikkwantifika d-dannu materjali u morali li huwa sofra. Waqt is-seduta, ir-rikorrent ma reġgħax semma din it-talba, u pprovda evalwazzjoni aġġornata tad-dannu tiegħu, fejn semma dannu fl-ammont ta’ EUR 3 163 602. Dan irid jitqies bħala rinunzja min-naħa tar-rikorrent fir-rigward tat-talbiet tiegħu għall-ħatra ta’ espert.

166    Skont ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest ta’ talba għad-danni magħmula minn uffiċjal, ir-responsabbiltà tal-Komunità tippreżumi l-eżistenza ta’ numru ta’ kundizzjonijiet li jirrigwardaw l-illegalità tal-aġir allegat fil-konfront tal-istituzzjonijiet, ir-realtà tad-dannu u l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn l-aġir u d-dannu invokat (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta’ Frar 2008, Il‑Kummissjoni vs Girardot, C‑348/06 P, Ġabra p. I-833, punt 52, u l-ġurisprudenza ċċitata; sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-6 ta’ Mejju 2009, M vs EMEA, T‑12/08 P, ĠabraSP p. I‑B‑1‑31 u II‑B‑1‑159, punt 98).

167    Għandu jiġi analizzat qabel xejn jekk il-Kummissjoni wettqitx nuqqas ta’ natura tali li jagħti lok għar-responsabbiltà tagħha.

1.     Fuq in-nuqqasijiet li ġiet akkużata bihom il-Kummissjoni

168    Ir-rikorrent jinvoka tmien motivi insostenn tar-rikors għad-danni tiegħu. Huwa jinvoka fis-sustanza:

–        l-involviment tiegħu, allegatament inġustifikat, fil-“każ Berthelot” (l-ewwel motiv);

–        diversi nuqqasijiet u ksur tad-drittijiet tad-difiża li vvizzjaw l-investigazzjonijiet amministrattivi (it-tieni motiv);

–        ksur tal-prinċipju ta’ kunfidenzjalità tal-investigazzjonijiet tal-OLAF (it-tielet motiv);

–        l-illegalità tat-tneħħija tal-immunità ġudizzjarja tiegħu (ir-raba’ motiv);

–        l-illegalità tad-deċiżjoni tal-assenjazzjoni mill-ġdid meħuda fil-konfront tiegħu (il-ħames motiv);

–        diversi illegalitajiet li vvizzjaw il-proċedura tar-rikonoxximent li l-marda tiegħu hija kkaġunata mix-xogħol (is-sitt motiv);

–        l-illegalità tal-opinjoni mogħtija mill-Kumitat tal-Invalidità fid-29 ta’ Ottubru 2004 (is-seba’ motiv);

–        l-illegalità tal-ftuħ u t-tkomplija ta’ proċedura dixxiplinari kontra tiegħu (it-tmien motiv).

a)     Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq l-involviment tiegħu, allegatament inġustifikat, fil-“kawża Berthelot”

 L-argumenti tal-partijiet

169    Fl-ewwel motiv, ir-rikorrent isemmi l-involviment tiegħu, allegatament totalment inġustifikat, fil-“każ Berthelot”. Billi kkunsidratu, fin-nuqqas ta’ kwalunkwe prova, bħala l-instigatur prinċipali fil-“każ Berthelot”, “billi għamlet akkużi daqstant serji mingħajr l-iċken bażi kontri[h], billi ma urietx lill-awtoritajiet ġudizzjarji Belġjani l-osservazzjonijiet effettivament essenzjali [li huwa kien għamel], billi żammithom għal daqshekk żmien għandha mingħajr lanqas biss għamlet l-iċken investigazzjoni biex tipprova tivverifikahom u, ukoll, billi fetħet proċedura dixxiplinari kontri[h]”, il-Kummissjoni naqset mid-dmirijiet ta’ premura u ta’ assistenza tagħha, kisret il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, kisret l-aspettattivi leġittimi tal-persuna kkonċernata, u kisret il-premessa 10 tar-Regolament Nru 1073/1999, li ssemmi d-dritt li l-konklużjonijiet tal-investigazzjoni tal-OLAF jistgħu jkunu bbażati biss fuq elementi li għandhom valur bħala xiehda.

170    Fid-deċiżjoni tagħha tal-10 ta’ Novembru 2005 li biha ċaħdet it-talba tar-rikorrent, l-Awtorità tal-Ħatra qalet li l-argumenti tar-rikorrent imressqin f’dan l-ewwel motiv jirrigwardaw il-mertu tal-proċedura dixxiplinari.

171    Bi tweġiba għal dan l-argument, ir-rikorrent ippreċiża fir-rikors tiegħu li dan il-motiv imur lil hinn mit-tmien motiv tar-rikors, li jirrigwarda l-irregolarità tal-proċedura dixxiplinari.

 Il-kunsiderazzjonijiet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku

172    Inkwantu l-argumenti mressqa f’dan il-motiv għandhom rabtiet mill-qrib mat-tmien motiv, li bih ir-rikorrent jikkritika d-deċiżjoni li wasslet għall-ftuħ tal-proċedura dixxiplinari kontrih, dawn l-argumenti ser jiġu analizzati fil-kuntest tal-motiv imsemmi.

173    Inkwantu dan il-motiv jista’ jinftiehem bħala li jikkritika l-fatt li l-investigazzjonijiet tal-OLAF u tal-IDOC ikkonċernaw lir-rikorrent, għandu jiġi ppreċiżat li istituzzjoni għandha setgħa diskrezzjonali wiesgħa f’dak li jikkonċerna l-ftuħ u t-tmexxija tal-investigazzjonijiet amministrattivi, dejjem jekk ikun jeżisti suspett raġonevoli li twettaq ksur dixxiplinarju.

174    F’dan il-każ, ir-rikorrent kien il-kap tal-uffiċċju ta’ É. Cresson, Membru tal-Kummissjoni, fil-mument li seħħew il-klassifikazzjoni mill-ġdid illegali ta’ R. Berthelot, f’termini ta’ grad u r-reklutaġġ, daqstant ieħor illegali, tal-istess R. Berthelot maċ-ĊKR. Barra minn hekk, ix-xhieda ta’ ċerti uffiċjali u membri tal-persunal kienet tinvolvi lir-rikorrent. B’mod partikolari, T, assistenta maċ-ĊKR, sostniet li bagħtet lir-rikorrent, fuq talba espliċita tiegħu, nota dwar il-vijabbiltà tal-klassifikazzjoni mill-ġdid ta’ R. Berthelot u tar-reklutaġġ eventwali tiegħu bħala xjenzat viżitatur maċ-ĊKR.

175    Kien għalhekk leġittimu li l-OLAF u l-IDOC, matul l-investigazzjonijiet tagħhom, janalizzaw jekk ir-rikorrent, bħala kap ta’ uffiċċju, kellux xi sehem fl-irregolaritajiet ikkonstatati u, jekk dak kien il-każ, f’hiex kien jikkonsisti dan is-sehem.

176    Fid-dawl tal-preżenza fil-kuntest tal-każ “Berthelot” ta’ elementi li jistgħu jiġġeneraw suspett raġonevoli fir-rigward tar-rikorrent, il-motiv, f’dak li jikkonċerna l-ftuħ u t-tmexxija tal-investigazzjonijiet li kienu jirrigwardaw il-persuna kkonċernata, għandu jiġi miċħud.

b)     Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq in-nuqqasijiet u l-ksur tad-drittijiet tad-difiża li vvizzjaw l-investigazzjonijiet amministrattivi

 L-argumenti tal-partijiet

177    It-tieni motiv huwa maqsum f’żewġ partijiet. Fl-ewwel parti tal-motiv, ir-rikorrent isemmi diversi nuqqasijiet u ksur tad-drittijiet tad-difiża li, skontu, ivvizzjaw it-tmexxija tal-investigazzjonijiet amministrattivi. Fit-tieni parti tal-motiv, huwa jikkritika n-nuqqas ta’ imparzjalità tal-awtoritajiet li mexxew l-investigazzjonijiet amministrattivi.

178    Fl-ewwel parti tal-motiv, ir-rikorrent iressaq l-argumenti li ġejjin.

179    Fl-ewwel lok, ir-rikorrent ġie “mitfugħ fuq quddiem tax-xena”, filwaqt li l-persuni oħra li kienu involuti fil-klassifikazzjoni mill-ġdid tal-iskala ta’ R. Berthelot u r-reklutaġġ tiegħu maċ-ĊKR ma ġewx implikati.

180    Fit-tieni lok, ċerti provi li r-rikorrent ressaq ma qajmu l-ebda interess fl-awtoritajiet responsabbli mit-tmexxija tal-investigazzjonijiet. L-ewwel nett, l-OLAF irrifjuta d-djarju li r-rikorrent ippropona li jtih. It-tieni nett, il-Kummissjoni, l-OLAF u l-IDOC ma ppruvawx jivverifikaw it-tweġiba mogħtija minn L, direttur fid-direttorat tal-persunal u tal-amministrazzjoni mad-DĠ “Riċerka”, għall-mistoqsija għaliex id-dħul ta’ tliet uffiċjali fil-bini Breydel fi Brussell għal laqgħa li allegatament inżammet f’Novembru 1996 ma ġiex irreġistrat fir-reġistru ad hoc. It-tielet nett, l-investigaturi qatt ma interrogaw lil M., li kienet responsabbli mis-segretarjat tal-kap tal-uffiċċju fiż-żmien tal-fatti inkwistjoni. Ir-raba’ nett, ma ttieħdux inkunsiderazzjoni l-kontradizzjonijiet u d-differenzi fid-diversi testimonjanzi.

181    Fit-tielet lok, id-drittijiet tad-difiża tar-rikorrent inkisru minħabba l-awtorizzazzjoni li ngħatat lil grupp ta’ ġurnalisti tar-RTBF biex jidħlu fl-uffiċċji tal-OLAF u biex jiffilmjaw dokumenti kunfidenzjali li jinvolvuh direttament, biex ixandruhom waqt il-programm popolari “Au nom de la loi”, fis-27 ta’ Diċembru 2000.

182    Fir-raba’ lok, nota tat-18 ta’ Marzu 2002 li fiha l-osservazzjonijiet tar-rikorrent ma ġietx annessa mar-rapport tal-investigazzjoni amministrattiva addizzjonali tat-22 ta’ Frar 2002.

183    Fit-tieni parti tal-motiv, ir-rikorrent isemmi b’mod partikolari l-attitudni tal-persuna responsabbli mit-tmexxija tal-investigazzjoni, D., li, fl-ewwel lok, naqset milli tinkludi r-rapport tas-seduta tal-persuna kkonċernata f’nota tas-27 ta’ Marzu 2001; fit-tieni lok, f’ittra indirizzata lil É. Cresson tat-23 ta’ Novembru 2001 hija ppreżentat bħala pprovati fatti li għalih kienu kontradittorji, u, fit-tielet lok, naqset milli ddaħħal n-nota tiegħu tat-18 ta’ Marzu 2002 mar-rapport tal-investigazzjoni amministrattiva addizzjonali tat-22 ta’ Frar 2002.

184    Il-Kummissjoni tfakkar, fl-ewwel lok, li l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament bejn l-uffiċjali ma jistax jiġi interpretat fis-sens li uffiċjal issanzjonat għax kiser ir-rekwiżiti tar-Regolamenti tal-Persunal ikun ġustifikat li, bil-għan li jevita l-miżura li tkun ġiet adottata fir-rigward tiegħu, jinvoka l-fatt li uffiċjal ieħor li jkun kiser l-istess rekwiżiti ma jkunx ġie sanzjonat. Dan il-prinċipju japplika a fortiori f’dan il-każ, peress li r-rikorrent ma ġiex sanzjonat.

185    Fit-tieni lok, il-Kummissjoni tikkontesta l-affermazzjoni tar-rikorrent fejn igħid li l-punti ta’ fatt li huwa ressaq ma ttieħdux inkunsiderazzjoni. Fil-fatt, ir-rapporti tal-investigazzjonijiet huma miktuba f’termini ipotetiċi u mhux affermattivi, u kull diverġenza fid-dikjarazzjonijiet tad-diversi uffiċjali interrogati fil-fatt issemmiet fihom.

186    Il-Kummissjoni ssostni, fit-tielet lok, li n-nota tar-rikorrent tat-18 ta’ Marzu 2002 tirripproduċi essenzjalment l-affermazzjonijiet li jinsabu fid-dikjarazzjoni tiegħu tat-12 ta’ Settembru 2001, annessa mar-rapport tal-investigazzjoni tal-IDOC. Għaldaqstant, l-abbozz tar-rapport ippreżentat lir-rikorrent biex jagħti l-kummenti tiegħu ma kellux għaliex jitbiddel skont dik in-nota, peress li l-elementi li kien fiha kienu ttieħdu diġà inkunsiderazzjoni waqt li kien qiegħed jinkiteb ir-rapport imsemmi.

187    Fir-rigward tat-tieni parti tal-motiv, il-Kummissjoni tirribatti li fin-nota tat-23 ta’ Novembru 2001 indirizzata lil É. Cresson, D. ma kkommettietx ruħha, iżda tat ix-xhieda tagħha. Għaldaqstant, ma jeżisti ebda nuqqas ta’ imparzjalità f’dik in-nota. F’dak li jikkonċerna n-nota tar-rikorrent tat-18 ta’ Marzu 2002, il-Kummissjoni tirreferi għall-argument tagħha mressaq fil-kuntest tal-ewwel parti tal-motiv.

 Il-kunsiderazzjonijiet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku

188    F’dak li jirrigwarda, fl-ewwel lok, l-argument fejn jingħad li persuni oħra li kienu involuti fil-klassifikazzjoni mill-ġdid tal-iskala ta’ R. Berthelot u r-reklutaġġ tiegħu maċ-ĊKR ma ġewx implikati, għandu jitfakkar li istituzzjoni għandha setgħa diskrezzjonali wiesgħa f’dak li jikkonċerna l-ftuħ u t-tmexxija tal-investigazzjonijiet amministrattivi, dejjem jekk ikun jeżisti suspett raġonevoli li twettaq ksur dixxiplinarju (ara l-punt 173 iktar ’il fuq).

189    Fid-dawl, minn naħa, ta’ din is-setgħa diskrezzjonali wiesgħa u, min-naħa l-oħra, tal-eżistenza ta’ elementi li jistgħu jiġġeneraw suspett raġonevoli fir-rigward tar-rikorrent (ara l-punt 176 iktar ’il fuq), l-argument tal-istess rikorrent li ċerti uffiċjali ma kinux inklużi fl-investigazzjonijiet amministrattivi ma jistax iservi ta’ prova tan-nuqqasijiet jew tal-ksur tad-drittijiet tad-difiża invokati fl-ewwel parti tal-motiv.

190    F’dak li jirrigwarda, fit-tieni lok, l-argument tar-rikorrent li ċerti provi li huwa ressaq ma ttieħdux inkunsiderazzjoni mill-awtoritajiet responsabbli mill-investigazzjonijiet, il-persuna kkonċernata ma urietx li l-imsemmija awtoritajiet naqsu milli jinkludu fil-fajl u jeżaminaw il-provi li huwa ressaq.

191    Għal dak li jikkonċerna, fit-tielet lok, l-argument tar-rikorrent li n-nota tat-18 ta’ Marzu 2002 ma ddaħħlitx fir-rapport tal-investigazzjoni amministrattiva addizzjonali tal-IDOC, għandu jiġi rilevat li dik in-nota ma kienet turi ebda punt ta’ fatt ġdid li ma ssemmiex fix-xhieda tal-persuna kkonċernata annessa mar-rapport imsemmi. Barra minn hekk, id-dritt tal-uffiċjal li jesprimi ruħu fuq il-fatti li jikkonċernawh ma jimplikax l-obbligu li l-investigaturi jbiddlu l-konklużjonijiet ta’ rapport skont it-talbiet magħmula mill-uffiċjal mismugħ.

192    Fl-aħħar nett, fir-raba’ lok, l-argumenti tar-rikorrent ibbażati fuq in-nuqqas ta’ imparzjalità tal-awtoritajiet responsabbli mill-investigazzjonijiet għandhom jiġu miċħuda. Fil-fatt, l-ewwel nett, il-fatt li, fin-nota tagħha tas-27 ta’ Marzu 2001, il-persuna responsabbli mill-investigazzjoni, D., ma hemżitx ir-rapport tas-seduta tar-rikorrent, ma huwiex prova ta’ tali nuqqas ta’ imparzjalità, inkwantu l-imsemmi rapport tas-seduta kien mehmuż mar-rapport finali tal-IDOC. It-tieni nett, kif ġustament issostni l-Kummissjoni, huwa żbaljat li jingħad li, fl-ittra tagħha tat-23 ta’ Novembru 2001, indirizzata lil É. Cresson, D. ippreżentat bħala pprovati fatti li għar-rikorrent kienu kontradittorji: fil-fatt, f’dik l-ittra, D. sempliċement talbet kjarifiki mingħand l-ex Membru tal-Kummissjoni dwar, b’mod partikolari, ix-xhieda ta’ T, assistenta maċ-ĊKR. It-tielet nett, f’dak li jirrigwarda l-argument li n-nota tat-18 ta’ Marzu 2002 ma ddaħħlitx fir-rapport tal-investigazzjoni amministrattiva addizzjonali tal-IDOC, ġie ppreċiżat iktar ’il fuq li d-dritt tal-uffiċjal li jesprimi ruħu fuq il-fatti li jikkonċernawh ma jimplikax l-obbligu li l-investigaturi jbiddlu l-konklużjonijiet tar-rapport skont it-talbiet magħmulin mill-uffiċjal mismugħ.

193    L-argument li jirrigwarda l-allegata awtorizzazzjoni li l-Kummissjoni tat lil grupp ta’ ġurnalisti tar-RTBF biex jiffilmjaw dokument kunfidenzjali li jikkonċerna lir-rikorrent ser jiġi eżaminat fil-kuntest tat-tielet motiv, li huwa bbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ kunfidenzjalità tal-investigazzjonijiet tal-OLAF, li fih ġew invokati l-istess fatti.

194    Għaldaqstant, ħlief għal dak li jikkonċerna dan l-aħħar argument, li l-evalwazzjoni tat-Tribunal qiegħda tiġi riżervata sakemm jiġi analizzat it-tielet motiv, il-ksur tad-drittijiet tad-difiża li minnhom jilmenta r-rikorrent fit-tieni motiv huma infondati.

c)     Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ kunfidenzjalità tal-investigazzjonijiet tal-OLAF

 L-argumenti tal-partijiet

195    It-tielet motiv huwa bbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ kunfidenzjalità tal-investigazzjonijiet tal-OLAF. Ir-rikorrent isostni li l-OLAF u/jew il-Kummissjoni awtorizzaw lir-RTBF, matul is-sena 2000, biex jidħol fl-uffiċċji tal-OLAF u biex hemmhekk isir jaf b’dokumenti strettament kunfidenzjali li jikkonċernawh u biex jiffilmja wħud minnhom. Għaldaqstant, il-proċess verbal klassifikat bħala “sigriet” tas-seduta tiegħu mal-OLAF ġie imxandar waqt il-programm televiżiv popolari “Au nom de la loi” tas-27 ta’ Diċembru 2000, li xandru għalhekk fil-pubbliku.

196    Barra minn hekk, il-Kummissjoni kisret d-dmir ta’ assistenza tagħha fil-konfront tar-rikorrent, peress li li ma ħadet l-ebda pass biex tfittex min kien responsabbli għax-xandir ta’ dak id-dokument u biex tirripristina l-integrità tar-rikorrent.

197    Il-Kummissjoni tikkontesta l-ammissibbiltà ta’ dan il-motiv, minħabba li dan tqajjem mir-rikorrent fl-ilment tiegħu tal-14 ta’ Ottubru 2004 li huwa ressaq kontra d-deċiżjoni ta’ assenjazzjoni mill-ġdid. Hija ssostni li dak l-ilment kien ġie miċħud mill-Awtorità tal-Ħatra fil-15 ta’ Marzu 2005, u kontra dik id-deċiżjoni r-rikorrent naqas milli jappella fit-terminu previst fl-Artikolu 91 tar-Regolamenti tal-Persunal.

198    Sussidjarjament, il-Kummissjoni tqis dan il-motiv bħala infondat u tiċħad li kienet awtorizzat lir-RTBF biex isir jaf bid-dokumenti li jikkonċernaw lir-rikorrent.

199    Il-Kummissjoni tippreċiża, fl-ewwel lok, li l-OLAF, fil-kuntest tal-għan ta’ interess ġenerali li l-pubbliku jiġi informat u tal-istrateġija ta’ komunikazzjoni tiegħu stess, jagħti lill-midja awdjoviżiva immaġni ġenerali tal-uffiċċji tiegħu fil-forma ta’ ġabra ta’ ritratti, u jawtorizza lill-istess midja biex tiġbed ritratti ġenerali fl-uffiċċji tiegħu, mingħajr aċċess għal dokumenti jew postijiet sensittivi.

200    Il-Kummissjoni ssostni, fit-tieni lok, li l-proċess verbal tas-seduta tar-rikorrent mal-OLAF intbagħat lill-awtoritajiet ġudizzjarji Belġjani, u li, peress li kien hemm entitajiet barra mill-Kummissjoni li kienu d-destinatarji tiegħu, ma jistax jiġi konkluż li hija tat aċċess lill-ġurnalisti tar-RTBF għal dak id-dokument.

201    Għaldaqstant, il-Kummissjoni tikkontesta l-eżistenza ta’ xi relazzjoni bejn ir-ritratti ġenerali tal-uffiċċji tal-OLAF u l-immaġni tad-dokument kunfidenzjali inkwistjoni. Hija jiddispjaċiha li kien hemm kxif, iżda tikkontesta li hija responsabbli għall-istess u tenfasizza li l-oneru tal-prova huwa fuq ir-rikorrent.

202    F’dak li jirrigwarda l-allegat ksur tad-dmir ta’ assistenza tagħha, hija ssostni li r-rikorrent ma ressaqx talba quddiemha skont l-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal.

 Il-kunsiderazzjonijiet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku

–       Fuq l-ammissibbiltà tal-motiv

203    Huwa minnu li x-xandir ta’ dokumenti kunfidenzjali waqt il-programm televiżiv tas-27 ta’ Diċembru 2000 issemma fl-ilment tar-rikorrent tal-14 ta’ Ottubru 2004, liema ilment kien ġie miċħud permezz ta’ deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ħatra, li kontriha r-rikorrent ma appellax skont l-Artikolu 91 tar-Regolamenti tal-Persunal. F’dak l-ilment, ir-rikorrent kien semma, f’sentenza minnhom, ix-xandir ta’ dokumenti allegatament kunfidenzjali li jikkonċernawh waqt il-programm “Au nom de la loi”, sabiex juri “id-diversi miżuri ta’ fastidju” li tagħhom huwa kien vittma f’dak li jirrigwarda l-“każ Cresson”, u li tagħhom il-miżura ta’ assenjazzjoni mill-ġdid tiegħu hija biss wieħed mill-aspetti.

204    Madankollu, dak l-ilment kien intiż biss biex jitlob li tiġi rtirata d-deċiżjoni ta’ assenjazzjoni mill-ġdid. L-ilment ma kienx intiż biex jitlob kumpens għall-persuna kkonċernata, minħabba żbalji allegatament imwettqa mill-Kummissjoni.

205    F’dan il-każ, huwa permissibbli li uffiċjal jinvoka l-istess motiv, l-istess argument jew l-istess fatt insostenn ta’ diversi ilmenti li l-għan tagħhom huwa legalment distint (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tad-19 ta’ Settembru 2008, Chassagne vs Il‑Kummissjoni, T‑253/06 P, Ġabra p. I‑B‑1‑43 u II‑B‑1‑295, punt 149).

206    Għaldaqstant, l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mressqa mill-Kummissjoni għandha tiġi miċħuda.

–       Fuq il-fondatezza tal-motiv

207    L-eżami tal-fondatezza ta’ dan il-motiv jeħtieġ l-ewwel nett rendikont qasir tal-parti inkwistjoni tal-programm “Au nom de la loi”.

208    F’parti qasira mill-programm, issemma isem ir-rikorrent u ntweriet stampa, mal-kummentarju li jakkumpanja l-immaġni tal-programm, ippreżentata bħala li kienet il-proċess verbal tas-seduta tar-rikorrent mal-OLAF.

209    Isem ir-rikorrent issemma fil-kuntest tal-intervista ta’ H., direttur tal-kumpannija H. Dan semma li mar fl-uffiċċju ta’ É. Cresson mingħajr ma kien mistieden, sabiex jitlob li l-uffiċċju jieħu r-responsabbiltà tal-kirja tal-appartament okkupat minn R. Berthelot, li sa dak iż-żmien kienet titħallas mill-kumpannija H. Huwa jispjega li dak il-ħin kien sorpriż jiskopri li l-persuna li kellha l-kariga ta’ kap tal-uffiċċju kienet tbiddlet, u li l-kap tal-uffiċċju l-ġdid, jiġifieri r-rikorrent, keċċieh ’il barra mingħajr ċeremonji filwaqt li saqsieh x’kienet tfisser din il-farsa. Wara xi immaġni tal-uffiċċji tal-OLAF, dehret xena qasira ta’ dokument li fuq l-iskrin kien illeġibbli, li l-ġurnalist ippreżentah bħala li huwa l-proċess verbal tas-seduta tar-rikorrent mal-OLAF, u l-istess ġurnalist ikkommenta fuqu bil-mod kif ġej:

“Ir-rapport ta’ investigazzjoni tal-OLAF fih ix-xhieda [tar-rikorrent]. Dan jikkonferma li R. Berthelot mar xi darba jew darbtejn akkumpanjat mis-sur H fis-segretarjat ta’ É. Cresson.”

210    Sussegwentement, il-progamm ikompli fuq aspett ieħor tal-każ.

211    Għaldaqstant, waqt il-programm inkwistjoni, isem ir-rikorrent u estratt mill-proċess verbal tas-seduta tar-rikorrent mal-OLAF ġew iċċitati fil-qosor u b’mod inċidentali, mingħajr ma kienet involuta personalment il-persuna kkonċernata.

212    Anki jekk ir-rikorrent ma kienx implikat personalment, xorta waħda huwa ħażin li dokument ippreżentat waqt il-kummentarju li akkumpanja l-immaġni tal-programm bħala li huwa l-proċess verbal tas-seduta tiegħu mal-OLAF ġie mxandar waqt il-programm inkwistjoni.

213    Skont il-ġurisprudenza, huwa r-rikorrent li għandu, fil-kuntest ta’ rikors għad-danni, juri li l-kundizzjonijiet sabiex tiġi stabbilita r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni Ewropea huma sodisfatti. Madankollu din ir-regola hija attenwata meta avveniment dannuż seta’ ġie kkawżat minn numru ta’ kawżi differenti u meta l-istituzzjoni konvenuta ma tkun ressqet ebda prova li tippermetti li jiġi stabbilit lil liema waħda minn dawn il-kawżi dan il-fatt seta’ jiġi attribwit, minkejja li hija tinsab fl-aħjar pożizzjoni sabiex tressaq provi f’dan ir-rigward, b’tali mod li l-oneru li titneħħa l-inċertezza li tkun għadha teżisti jaqa’ fuqha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-8 ta’ Lulju 2008, Franchet u Byk vs Il‑Kummissjoni, T‑48/05, Ġabra p. II‑1585, punti 182 u 183).

214    Madankollu, f’dan il-każ, ma jistax jingħad li l-Kummissjoni kienet fl-aħjar pożizzjoni sabiex tressaq provi li jippermettu li tiġi stabbilita l-kawża tal-kxif li seħħ. Konsegwentement, ir-responsabbiltà għall-inċertezza fuq l-oriġini ta’ dan il-kxif ma tistax tintefa’ fuqha.

215    Fil-fatt, il-Kummissjoni ssostni ġustament li hija stess u l-OLAF ma kinux l-uniċi entitajiet li kienu fil-pussess tal-proċess verbal tas-seduta tar-rikorrent mal-OLAF, peress li l-istess proċess verbal intbagħat lill-awtoritajiet nazzjonali Belġjani biex imbagħad jinbdew il-proċeduri ġudizzjarji.

216    Barra minn hekk, il-Kummissjoni tippreċiża li l-OLAF, fil-kuntest tal-għan ta’ interess ġenerali li jirrigwarda li l-pubbliku jkun informat u l-istrateġija ta’ komunikazzjoni tiegħu stess, ipoġġi għad-dispożizzjoni tal-midja awdjoviżiva ritratti ġenerali tal-uffiċċji tiegħu fil-forma ta’ ġabra ta’ ritratti, u jawtorizza lill-istess midja biex tiġbed xi ritratti ġenerali fl-uffiċċju tiegħu. Għaldaqstant, ma tista’ tiġi stabbilita ebda relazzjoni bejn ir-ritratti fl-uffiċċju tal-OLAF u l-istampa tad-dokument ippreżentat waqt il-programm bħala li huwa l-proċess verbal tas-seduta tar-rikorrent.

217    Barra minn hekk, f’dak li jikkonċerna l-motiv fejn jingħad li l-Kummissjoni kisret l-obbligu ta’ assistenza tagħha, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrent ma ppreżentax talba għal assistenza taħt l-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal. Barra minn hekk, fin-nuqqas ta’ ċirkustanzi eċċezzjonali, il-Kummissjoni ma kinitx obbligata tagħti l-assistenza tagħha lir-rikorrent minn jeddha. Fil-fatt, huma biss tali ċirkustanzi li jistgħu jobbligaw lill-istituzzjoni biex tagħti assistenza partikolari minn jeddha, mingħajr talba minn qabel tal-persuna kkonċernata (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta’ Ġunju 1986, Sommerlatte vs Il‑Kummissjoni, 229/84, Ġabra p. 1805, punt 20; digriet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-31 ta’ Mejju 2006, Frankin et vs Il‑Kummissjoni, F‑91/05, Ġabra SP p. I‑A‑1‑25 u II‑A‑1‑83, punti 23 u 24).

218    Il-motiv ibbażat fuq ksur mill-istituzzjoni tal-obbligu ta’ assistenza tagħha għandu, għaldaqstant, jiġi miċħud.

219    Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li t-tielet motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

d)     Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq l-illegalità tat-tneħħija tal-immunità ġudizzjarja tar-rikorrent

 L-argumenti tal-partijiet

220    Ir-rikorrent isemmi f’dan il-motiv l-irregolarità tad-deċiżjoni, li biha hu ġie informat fis-7 ta’ Frar 2001, biex titneħħa l-immunità ġudizzjarja li minnha hu kien jibbenefika.

221    Ir-rikorrent isostni li d-deċiżjoni biex titneħħa l-immunità ta’ uffiċjal hija miżura serja u li, għaldaqstant, huwa kien imissu nstema’ qabel ma ġiet adottata l-istess deċiżjoni, l-istess bħalma ġara fil-każ ta’ W., direttur ġenerali tad-DĠ “Industrija”.

222    Ir-rikorrent isostni, barra minn hekk, li d-deċiżjoni biex titneħħa l-immunità ġudizzjarja tiegħu, li kienet indirizzata lill-imħallef inkwirenti Belġjan, ma ġietx ikkomunikata lilu, u għaldaqstant ma kienx f’sitwazzjoni li jistabbilixxi jekk kinitx motivata b’mod suffiċjenti.

223    Fl-aħħar nett, ir-rikorrent jikkunsidra li d-deċiżjoni biex titneħħa l-immunità ġudizzjarja tiegħu hija diskriminatorja fil-konfront tiegħu u tikkostitwixxi abbuż ta’ poter, inkwantu ċerti persuni ħallewlhom l-immunità minkejja li kienu implikati fil-“każ Berthelot”.

224    Il-Kummissjoni tirribatti billi tgħid li l-istituzzjonijiet għandhom id-dmir li jikkollaboraw mal-ġustizzja kriminali, u li, f’dan il-każ, ma kien hemm ebda interess tal-Komunitajiet li seta’ jiġġustifika r-rifjut biex titneħħa l-immunità ġudizzjarja tar-rikorrent.

225    Il-Kummissjoni ssostni li uffiċjal ma għandux għalfejn jinstema’ qabel tittieħed deċiżjoni li tneħħi l-immunità ġudizzjarja tiegħu, inkwantu dan jibbenefika mid-drittijiet tad-difiża fil-kuntest tal-proċedura kriminali li tista’ tinbeda kontrih wara l-istess miżura. Hija ssostni li, anki kieku l-affermazzjoni tar-rikorrent dwar is-smigħ minn qabel tad-direttur ġenerali tad-DĠ “Industrija” hija minnha, dik il-kawża ma ħolqitx preċedent tali li jobbliga lill-istituzzjoni tisma’ sistematikament lill-uffiċjal involut qabel ma tilqa’ talba għat-tneħħija tal-immunità magħmula minn awtorità kriminali. L-istituzzjoni tgawdi minn setgħa diskrezzjonali f’dan ir-rigward.

 Il-kunsiderazzjonijiet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku

226    Skont ġurisprudenza stabbilita, uffiċjal li ma jkunx ikkontesta, fit-termini previsti fl-Artikoli 90 u 91 tar-Regolamenti tal-Persunal, deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ħatra li tkun ikkawżatlu preġudizzju ma jistax jinvoka l-allegata illegalità ta’ dik id-deċiżjoni fil-kuntest ta’ rikors għad-danni (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Ottubru 1987, Schina vs Il‑Kummissjoni, 401/85, Ġabra p. 3911, punt 9; sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-27 ta’ Ġunju 1991, Valverde Mordt vs Il-Qorti tal-Ġustizzja, T‑156/89, Ġabra p. II‑407, punt 144).

227    Peress li r-rikorrent ma kkontestax fit-termini previsti fl-Artikoli 90 u 91 tar-Regolamenti tal-Persunal l-att li bih tneħħietlu l-immunità ġudizzjarja, u li bih ġie informat permezz ta’ ittra tas-7 ta’ Frar 2001 tad-DĠ “Persunal u Amministrazzjoni”, għandha tiġi eżaminata n-natura tal-att imsemmi, sabiex jiġi stabbilit jekk dan jikkostitwixxix att li jikkawża preġudizzju jew aġir li ma għandux minn deċiżjoni.

228    Din il-kwistjoni trid tiġi eżaminata ex officio mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, inkwantu tirrigwarda l-osservanza tal-proċedura prekontenzjuża u tat-termini għall-preżentata ta’ rikors.

229    Huma atti li jikkawżaw preġudizzju lil uffiċjal dawk il-miżuri li jipproduċu effetti legali vinkolanti tali li jaffettwaw l-interessi tal-persuna kkonċernata, billi jbiddlu b’mod sinjifikattiv is-sitwazzjoni legali tagħha (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-14 ta’ Frar 1989, Bossi vs Il‑Kummissjoni, 346/87, Ġabra p. 303, punt 23).

230    Ġie deċiż li għalkemm il-privileġġi u l-immunitajiet rikonoxxuti lill-Komunitajiet Ewropej mill-Protokoll huma biss ta’ natura funzjonali inkwantu huma intiżi sabiex jevitaw li jkun hemm ostakolu għall-funzjonament u għall-indipendenza tal-Komunitajiet, xorta jibqa’ l-fatt li ngħataw espressament lill-uffiċjali u membri tal-persunal oħra tal-istituzzjonijiet tal-Komunitajiet. Il-fatt li l-privileġġi u l-immunitajiet huma previsti fl-interess pubbliku Komunitarju jiġġustifika s-setgħa mogħtija lill-istituzzjonijiet sabiex ineħħu, jekk ikun il-każ, l-immunità, iżda ma jfissirx li dawn il-privileġġi u l-immunitajiet jingħataw lill-Komunitajiet u mhux direttament lill-uffiċjali u lill-membri tal-persunal tagħhom. Għaldaqstant, il-Protokoll joħloq dritt suġġettiv għall-persuni previsti (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-15 ta’ Ottubru 2008, Mote vs Il‑Parlament, T‑345/05, Ġabra p. II‑2849, punti 27 u 28).

231    L-immunità ġudizzjarja prevista mill-Artikolu 12 tal-Protokoll fuq il-Privileġġi u l-Immunitajiet tipproteġi lill-uffiċjali u membri tal-persunal kontra l-proċeduri tal-awtoritajiet tal-Istati Membri minħabba atti imwettqa fil-kapaċità uffiċjali tagħhom. Għaldaqstant, deċiżjoni ta’ tneħħija tal-immunità ta’ uffiċjal jew membru tal-persunal tbiddel is-sitwazzjoni legali tiegħu, bis-sempliċi effett tat-tneħħija ta’ din il-protezzjoni, billi tistabbilixxi mill-ġdid l-istatus tiegħu ta’ persuna suġġetta għad-dritt komuni tal-Istati Membri u billi b’hekk tesponih, mingħajr ma tkun neċessarja xi regola intermedjarja, għal miżuri, b’mod partikolari ta’ detenzjoni u ta’ proċeduri legali, stabbiliti minn dan id-dritt komuni (ara, b’analoġija, is-sentenza Mote vs Il‑Parlament, iċċitata iktar ’il fuq, punt 34).

232    Is-setgħa diskrezzjonali mogħtija lill-awtoritajiet nazzjonali, wara t-tneħħija tal-immunità, fir-rigward tat-tkomplija jew tal-abbandun tal-proċeduri mibdija kontra uffiċjal jew membru tal-persunal, ma għandhiex impatt fuq jekk is-sitwazzjoni legali ta’ dan tal-aħħar hijiex direttament ikkonċernata, peress li l-effetti marbuta mad-deċiżjoni ta’ tneħħija tal-immunità huma limitati għat-tneħħija tal-protezzjoni li jibbenefika minnha bħala uffiċjal jew membru tal-persunal, b’mod li ma jimplika ebda miżura supplimentari ta’ implementazzjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza Mote vs Il‑Parlament, iċċitat iktar ’il fuq, punt 35).

233    Minn dak li ntqal jirriżulta li d-deċiżjoni li biha l-Kummissjoni neħħiet l-immunità ġudizzjarja tar-rikorrent tikkostitwixxi att li kkawżalu preġudizzju.

234    Madankollu, peress li r-rikorrent ma kkontestax id-deċiżjoni li neħħietlu l-immunità ġudizzjarja fit-termini previsti fl-Artikoli 90 u 91 tar-Regolamenti tal-Persunal, huwa ma għadux jista’ jinvoka l-illegalità ta’ dik id-deċiżjoni fil-kuntest ta’ rikors għad-danni.

235    Konsegwentement, ir-raba’ motiv għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli.

e)     Fuq il-ħames motiv, ibbażat fuq l-illegalità tad-deċiżjoni ta’ assenjazzjoni mill-ġdid tar-rikorrent

 L-argumenti tal-partijiet

236    Skont ir-rikorrent, id-deċiżjoni ta’ assenjazzjoni mill-ġdid ma hijiex motivata b’mod suffiċjenti, ittieħdet bi ksur tal-interess tas-servizz u tikkostitwixxi sanzjoni dixxiplinari moħbija.

237    Il-Kummissjoni tikkontesta l-ammissibbiltà ta’ dan il-motiv. Fil-fatt, id-deċiżjoni ta’ assenjazzjoni mill-ġdid kienet is-suġġett ta’ lment fl-14 ta’ Ottubru 2004, li ġie miċħud permezz ta’ deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ħatra fil-15 ta’ Marzu 2005. F’dan il-każ, ir-rikorrent ma ppreżentax rikors ġudizzjarju kontra dik id-deċiżjoni fit-terminu impost bl-Artikolu 91 tar-Regolamenti tal-Persunal.

238    Il-Kummissjoni ssostni, b’mod sussidjarju, li d-deċiżjoni ta’ assenjazzjoni mill-ġdid hija bbażata fuq l-interess tas-servizz, u tfakkar is-setgħa diskrezzjonali wiesgħa li għandhom l-istituzzjonijiet fl-organizzazzjoni tas-servizzi tagħhom.

 Il-kunsiderazzjonijiet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku

239    Kif ġie mfakkar fil-kuntest tar-raba’ motiv, uffiċjal li ma kkontestax fit-termini previsti fl-Artikoli 90 u 91 tar-Regolamenti tal-Persunal deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ħatra li tikkawżalu preġudizzju ma jistax jinvoka l-allegata illegalità ta’ dik id-deċiżjoni fil-kuntest ta’ rikors għad-danni.

240    F’dan il-każ, fid-19 ta’ Ottubru 2004, ir-rikorrent ippreżenta lment bid-data tal-14 ta’ Ottubru ta’ qabel, abbażi tal-Artikolu 90 tar-Regolamenti tal-Persunal, kontra d-deċiżjoni ta’ assenjazzjoni mill-ġdid li kienet tirrigwardah, iżda ma ppreżentax rikors ġudizzjarju, abbażi tal-Artikolu 91 tar-Regolamenti tal-Persunal, wara d-deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ħatra tal-15 ta’ Marzu 2005 li ċaħdet l-ilment tiegħu.

241    Minn dan jirriżulta li r-rikorrent ma jistax jinvoka l-allegata illegalità tad-deċiżjoni ta’ assenjazzjoni mill-ġdid fil-kuntest ta’ dan ir-rikors għad-danni.

242    Għaldaqstant, il-ħames motiv għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli.

f)     Fuq is-sitt ilment, ibbażat fuq l-irregolaritajiet li allegatament ivvizzjaw il-proċedura mibdija taħt l-Artikolu 73 tar-Regolamenti tal-Persunal

243    Dan il-motiv jinqasam f’żewġ partijiet. L-ewwel parti tal-motiv hija indirizzata kontra d-deċiżjoni li teskludi l-ipoteżi li r-rikorrent seta’ kien vittma ta’ inċident tax-xogħol; it-tieni parti hija indirizzata kontra d-deċiżjoni li l-IDOC jiġi fdat b’investigazzjoni addizzjonali.

244    Barra minn hekk, f’ittri li huwa bagħat lit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku u mbagħad waqt is-seduta, ir-rikorrent semma diversi irregolaritajiet li allegatament ivvizzjaw il-proċedura mmexxija skont l-Artikolu 73 tar-Regolamenti tal-Persunal. Huwa semma b’mod partikolari ċ-“ċirku vizzjuż”, il-“garigor infernali” li fih għalqitu l-Kummissjoni: fil-fatt, minn naħa, id-dewmien inġustifikat tal-proċedura mibdija taħt l-Artikolu 73 tar-Regolamenti tal-Persunal itawwal is-sitwazzjoni ta’ inċertezza li fiha kien ilu jinsab għal xi snin u timpedixxi l-konsolidazzjoni tal-istat ta’ saħħtu, u, min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni qiegħda tirrifjuta milli tikkumpensah peress li l-istat ta’ saħħtu ma huwiex ikkonsolidat.

245    Għandu jitfakkar li għalkemm l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, li japplikaw mutatis mutandis, jipprojbixxi l-preżentazzjoni ta’ motivi ġodda matul il-kawża sakemm dawk il-motivi ma jkunux ibbażati fuq punti ta’ fatt u ta’ liġi li joħorġu matul il-proċedura, motiv li jikkostitwixxi elaborazzjoni ta’ motiv imsemmi qabel għandu madankollu jitqies li huwa ammissibbli (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizza tas-26 ta’ April 2007, Alcon vs UASI, C‑412/05 P, Ġabra p. I‑3569, putn 38).

246    F’dan il-każ, il-kritika addizzjonali mressqa mir-rikorrent ma hijiex ibbażata fuq punti ta’ fatt u ta’ liġi li ħarġu matul il-proċedura u, inkwantu tressqet biss fil-kuntest tal-kwistjoni tal-inammissibbiltà minħabba l-intempestività tat-talba għall-kumpens għal dannu marbut ma’ marda kkaġunata mix-xogħol, ma tistax titqies bħala li tikkostitwixxi elaborazzjoni taż-żewġ partijiet tas-sitt motiv jew ta’ motivi msemmija qabel.

247    Barra minn hekk, fit-18 ta’ Frar 2009, ir-rikorrent ippreżenta quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku t-tielet rikors, irreġistrat bir-referenza F‑12/09, li bih huwa talab, b’mod partikolari, l-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-28 ta’ April 2008, li rrifjutat milli tagħti deċiżjoni fuq l-applikazzjoni tal-Artikolu 73(2)(b) tar-Regolamenti tal-Persunal u kumpens għad-dannu li ġie kkaġunat lilu minħabba diversi nuqqasijiet li bihom jakkuża lill-Kummissjoni fil-ġestjoni tal-proċedura ta’ rikonoxximent li l-marda tiegħu ġiet ikkaġunata mix-xogħol, fosthom id-dewmien inġustifikat tal-proċedura msemmija.

248    Din il-kritika għandha, għaldaqstant, tiġi miċħuda bħala inammissibbli fil-kuntest ta’ dan ir-rikors, bil-konsegwenza li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku għandu jeżamina biss iż-żewġ partijiet tal-motiv imsemmija fir-rikors.

 Fuq l-ewwel parti tal-motiv, ibbażat fuq l-esklużjoni allegatament inġustifikata tal-ipoteżi ta’ inċident tax-xogħol

–       L-argumenti tal-partijiet

249    Ir-rikorrent isostni li, mill-ewwel dikjarazzjoni tiegħu, bid-data tal-25 ta’ Lulju 2003, u mbagħad b’mod sistematiku matul il-proċedura kollha, huwa afferma li kien milqut b’marda kkaġunata mix-xogħol u/jew li sofra minn inċident tax-xogħol. F’dan il-każ, il-Kummissjoni ma eżaminatx jekk huwa kienx vittma ta’ inċident tax-xogħol.

250    Il-Kummissjoni tirribatti li, fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ ineżami u tad-dikjarazzjonijiet stess tar-rikorrent, kien korrett li hija fetħet proċedura li tirrigwarda r-rikonoxximent li l-marda tiegħu ġiet ikkaġunata mix-xogħol u mhux minn inċident.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku

251    L-Artikolu 2 tar-Regoli tal-Assigurazzjoni l-qodma, li kien japplika fiż-żmien li ġew ippreżentati d-dikjarazzjonijiet tar-rikorrent, jiddefinixxi l-inċident bħala kull avveniment jew fattur estern u mhux mistenni jew vjolenti jew anormali li jippreġudika l-integrità fiżika jew psikoloġika tal-uffiċjal.

252    Skont l-Artikolu 16 tar-Regoli tal-Assigurazzjoni l-qodma, l-uffiċjal li jkun vittma ta’ inċident jew l-aventi kawża tiegħu għandhom jiddikjaraw l-inċident lill-amministrazzjoni tal-istituzzjoni li taħtha taqa’ l-persuna assigurata. Id-dikjarazzjoni tal-inċident għandha tindika b’mod dettaljat il-ġurnata u s-siegħa, il-kaġunijiet u ċ-ċirkustanzi tal-inċident, kif ukoll l-ismijiet tax-xhieda u tat-terzi persuni li jistgħu jkunu responsabbli. Mad-dikjarazzjoni għandu jiġi mehmuż ċertifikat mediku li jispeċifika n-natura tal-ġrieħi u l-effetti potenzjali tal-inċident. Id-dikjarazzjoni trid issir fi żmien għaxart ijiem tax-xogħol wara d-data li fiha jkun seħħ l-inċident.

253    Skont l-ewwel sentenza tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 17(1) tar-Regoli tal-Assigurazzjoni l-qodma, l-uffiċjal li jitlob li jiġu applikati r-regoli msemmija minħabba mard ikkaġunat mix-xogħol għandu jagħmel dikjarazzjoni lill-amministrazzjoni fi żmien raġonevoli wara li tibda l-marda jew wara d-data tal-ewwel viżta medika.

254    Fil-25 ta’ Lulju 2003, ir-rikorrent bagħat ittra lill-Kummissjoni li biha ddikjara li kien intlaqat minn episodju ta’ depressjoni qawwija, u li s-suġġett tagħha kien imniżżel kif ġej: “dikjarazzjoni ta’ inċident/mard ikkaġunat mix-xogħol (Artikolu 17 tar-[Regoli tal-Assigurazzjoni l-qodma])”.

255    Fil-25 ta’ Ottubru 2004, ir-rikorrent bagħat lill-Kummissjoni dikjarazzjoni ġdida, fejn qal li wara l-fastidju psikoloġiku li tiegħu hu kien vittma, huwa safa’ milqut bi stat ta’ depressjoni qawwija. Is-suġġett ta’ dik l-ittra kien miktub kif ġej: “[…] Rikonoxximent tal-istat ta’ saħħti bħala marda kkaġunata mix-xogħol u/jew inċident tax-xogħol — Implikazzjonijiet għall-implementazzjoni tal-proċeduri previsti fl-Artikoli 73 u 78 tar-Regolamenti tal-Persunal […]”

256    Għandu jiġi kkonstatat li, għalkemm issemmi kemm il-kunċetti ta’ inċident u kif ukoll ta’ marda kkaġunata mix-xogħol fl-istess ħin, id-dikjarazzjoni tar-rikorrent tal-25 ta’ Lulju 2003 kienet tirreferi espressament għall-Artikolu 17 tar-Regoli tal-Assigurazzjoni l-ġodda, li jirrigwarda l-proċedura li tapplika għar-rikonoxximent li l-marda tkun ikkaġunata mix-xogħol, u mhux għall-Artikolu 16 tal-istess regoli, li jirrigwarda r-rikonoxximent tan-natura aċċidentali ta’ xi avveniment. Il-kontenut ta’ dik id-dikjarazzjoni kien isemmi d-depressjoni li kien isofri minnha, jiġifieri marda.

257    Bl-istess mod, għalkemm hija ssemmi fis-suġġett kemm il-kunċett ta’ inċident u kif ukoll dak tal-marda kkaġunata mix-xogħol, id-dikjarazzjoni tar-rikorrent tal-25 ta’ Ottubru 2004 kienet tirreferi għal darba oħra għad-depressjoni li kien isofri minnha.

258    Għaldaqstant, fid-dawl tad-dikjarazzjonijiet tar-rikorrent stess, il-Kummissjoni kienet korretta tqis li dawn ma kinux intiżi għar-rikonoxximent tan-natura aċċidentali ta’ avveniment, iżda għall-fatt ta’ marda kkaġunata mix-xogħol li huwa kien isofri minnha u, konsegwentement, fetħet proċedura li tirrigwarda r-rikonoxximent li l-marda kienet ikkaġunata mix-xogħol.

259    L-ewwel parti tal-motiv għandu għaldaqstant jiġi miċħud bħala infondat.

 Fuq it-tieni parti tal-motiv, ibbażat fuq l-irregolaritajiet tal-proċedura quddiem l-IDOC

–       Fuq l-allegata illegalità tal-involviment tal-IDOC

260    Ir-rikorrent isostni li d-deċiżjoni li jiġi involut l-IDOC hija illegali, li l-istess deċiżjoni ġiet adottata abbażi tal-Artikolu 2(1) tad-DĠE li jirrigwardaw l-investigazzjonijiet amministrattivi u l-proċeduri dixxiplinari, jew abbażi tal-Artikolu 2(2) tal-istess. Fir-rigward tal-ewwel ipoteżi, ir-rikorrent isostni li investigazzjoni intiża biex jiġi stabbilit jekk kienx hemm xi nuqqas ta’ twettiq tal-obbligi li għandhom l-uffiċjali tal-Kummissjoni ma hija ta’ ebda utilità biex jiġi stabbilit, mill-aspett mediku, jekk il-marda li minnha jsofri toriġinax mix-xogħol. F’dak li jikkonċerna t-tieni ipoteżi, huwa jsostni li l-fatti li huwa jallega biex juri li kien vittma ta’ fastidju psikoloġiku kienu inkontestabbli u ma kienu jeħtieġu ebda investigazzjoni addizzjonali.

261    Il-Kummissjoni tfakkar li d-deċiżjoni li jiġi involut l-IDOC ittieħdet abbażi tal-Artikolu 2(2) tad-DĠE li jirrigwardaw l-investigazzjonijiet amministrattivi u l-proċeduri dixxiplinari, wara l-allegazzjonijiet ta’ fastidju psikoloġiku magħmula mir-rikorrent fl-ittra tiegħu tal-25 ta’ Ottubru 2004. Fil-fatt, fil-kuntest tal-proċedura mibdija abbażi tal-Artikolu 73 tar-Regolamenti tal-Persunal, dwar ir-rikonoxximent li l-marda tar-rikorrent hija kkaġunata mix-xogħol, kien meħtieġ li jiġi verifikat jekk kienx hemm aġir delittwali min-naħa tal-istituzzjoni.

262    Għandu jitfakkar li, bis-saħħa tal-Artikolu 2(2) tad-DĠE li jirrigwardaw l-investigazzjonijiet amministrattivi u l-proċeduri dixxiplinari, l-IDOC jista’ jiġi inkarigat b’investigazzjonijiet, b’mod partikolari fil-kuntest tal-Artikolu 73 tar-Regolamenti tal-Persunal.

263    Il-ġurisprudenza ppreċiżat li l-għan ta’ investigazzjoni amministrattiva mmexxija skont l-Artikolu 73 tar-Regolamenti tal-Persunal hija li jinġabru, b’mod oġġettiv, l-elementi kollha li jippermettu li jiġi stabbilit il-fatt li l-marda tkun ikkaġunata mix-xogħol kif ukoll iċ-ċirkustanzi li fihom din tkun bdiet. Fil-każ fejn il-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-uffiċjal ikkonċernat jkunu fiċ-ċentru tal-ħsibijiet li jikkonċernaw l-oriġini tal-marda kkaġunata mix-xogħol li minnha jsofri, l-investigazzjoni għandha tinvolvi analiżi oġġettiva dettaljata kemm tal-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-persuna kkonċernata kif ukoll tal-marda tagħha bħala tali (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-3 ta’ Marzu 2004, Vainker vs Il‑Parlament, T‑48/01, ĠabraSP p. I‑A‑51 u II‑197, punt 129).

264    F’dan il-każ, fl-ewwel lok, il-proċedura għar-rikonoxximent li d-depressjoni li minnha jsofri r-rikorrent hija kkaġunata mix-xogħol infetħet fil-31 ta’ Lulju 2003, skont l-Artikolu 73 tar-Regolamenti tal-Persunal, wara dikjarazzjoni ppreżentata mill-persuna kkonċernata fil-25 ta’ Lulju ta’ qabel, u fit-tieni lok, fil-25 ta’ Ottubru 2004, ir-rikorrent indirizza lill-Kummissjoni dikjarazzjoni ġdida fejn afferma li d-depressjoni li minnha kien isofri kienet ikkaġunata mill-fatt li hu kien vittma ta’ fastidju psikoloġiku.

265    Għaldaqstant, l-istituzzjoni kienet iġġustifikata titlob li ssir investigazzjoni eżawrjenti, li tikkonċerna kemm il-marda li minnha kien isofri r-rikorrent kif ukoll il-kundizzjonijiet tax-xogħol tiegħu.

266    Għaldaqstant, il-Kummissjoni kienet korretta li, wara l-ittra tar-rikorrent tal-25 ta’ Ottubru 2004, hija fdat lill-IDOC bl-investigazzjoni amministrattiva dwar il-kundizzjonijiet li fihom kien jaħdem ir-rikorrent u intiża li tistabbilixxi jekk dan kienx fil-fatt vittma ta’ xi fastidju psikoloġiku.

267    L-argument tar-rikorrent għandu, għaldaqstant, jiġi miċħud bħala infondat.

–       Fuq l-allegat nuqqas ta’ imparzjalità tal-IDOC

268    Ir-rikorrent isostni li l-IDOC huwa nieqes mill-imparzjalità u indipendenza biex imexxi investigazzjoni amministrattiva, inkwantu ċerti persuni li jaħdmu hemmhekk kienu proprju dawk li għamlu atti li huwa ħass li kienu ta’ fastidju psikoloġiku.

269    Il-Kummissjoni tirribatti li l-allegazzjonijiet tar-rikorrent ma jippermettux li jiġi identifikat b’mod ċar l-avvenimenti u l-persuni responsabbli.

270    It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jgħid li fin-nuqqas ta’ indikazzjonijiet preċiżi biżżejjed min-naħa tar-rikorrent fir-rigward tal-persuni li ppreġudikaw l-imparzjalità tal-IDOC, il-motiv ibbażat fuq in-nuqqas ta’ imparzjalità tal-IDOC għandu jiġi miċħud bħala infondat. Għandu jiġi kkonstatat f’dan ir-rigward li l-fatt li l-IDOC għamel rapport li wasal għal konklużjonijiet li magħhom ma kienx jaqbel ir-rikorrent ma huwiex biżżejjed, minnu nnifsu, biex juri nuqqas ta’ imparzjalità ta’ dak l-uffiċċju.

–       Fuq ir-rifjut li tinbagħat lir-rikorrent il-kontribuzzjoni tal-IDOC

271    Ir-rikorrent jikkritika l-fatt li l-Awtorità tal-Ħatra użat il-kontribuzzjoni tal-IDOC tas-16 ta’ Marzu 2005, filwaqt li lilu rrifjutat li tintbagħatlu din l-istess kontribuzzjoni, permezz ta’ ittra tad-9 ta’ Ġunju 2005.

272    Il-Kummissjoni tirribatti li r-rifjut li tintbagħat lir-rikorrent il-kontribuzzjoni tal-IDOC kien ġustifikat minħabba żewġ raġunijiet. Fl-ewwel lok, l-imsemmija kontribuzzjoni tikkostitwixxi, fil-kuntest tal-proċedura stabbilita mir-Regoli tal-Assigurazzjoni, att preparatorju, li t-tabib maħtur mill-istituzzjoni irid juża mingħajr ir-riskju li l-iżvelar tagħha jista’ jippreġudika l-konklużjoni tar-rapport mediku. Fit-tieni lok, l-eċċezzjoni prevista mit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, tippermetti li l-istituzzjonijiet jirrifjutaw l-aċċess għal dokument meta l-iżvelar tiegħu jista’ jdgħajjef il-ħarsien tal-iskop tal-ispezzjonijiet, investigazzjoni u verifiki.

273    Preliminarjament, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jirrileva, għal kull buon fini, li l-argument ibbażat fuq ir-rifjut tat-trażmissjoni tal-kontribuzzjoni tal-IDOC tas-16 ta’ Marzu 2005, jekk tali rifjut jitqies bħala li jippreġudika l-legalità tad-deċiżjoni adottata fid-9 ta’ Ġunju 2005 mill-kap tad-diviżjoni “Assigurazzjoni u mard ikkaġunat mix-xogħol” tal-PMO, li rrifjutat it-trażmissjoni tal-imsemmija kontribuzzjoni lir-rikorrent, deċiżjoni din li tikkostitwixxi att li jikkawża preġudizzju lill-persuna kkonċernata, għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli. Fil-fatt, kif ġie mfakkar fil-kuntest tar-raba’ motiv, uffiċjal li ma jikkontestax, fit-termini previsti fl-Artikoli 90 u 91 tar-Regolamenti tal-Persunal, deċiżjoni li tikkawżalu preġudizzju ma jistax jinvoka l-allegata illegalità ta’ dik id-deċiżjoni fil-kuntest ta’ rikors għad-danni.

274    Madankollu, f’dan il-każ, ir-rikorrent jikkritika l-fatt li l-Kummissjoni sostniet, b’mod persistenti, li tista’ tirrifjutalu l-aċċess għal dak id-dokument, minkejja li kienet qiegħda tużah kontrih. Għaldaqstant, dan l-argument għandu jiġi analizzat bħala li jikkontesta l-legalità tal-aġir tal-amministrazzjoni. Konsegwentement, huwa ammissibbli insostenn tat-talbiet għall-kumpens għad-danni.

275    L-Artikolu 26 tar-Regolamenti tal-Persunal jipprevedi l-ftuħ ta’ fajl individwali, għal kull uffiċjal, li jkun fih id-dokumenti kollha li jirrigwardaw is-sitwazzjoni amministrattiva tiegħu u kull rapport li jikkonċerna l-kompetenza tiegħu, il-prestazzjoni jew il-komportament tiegħu, kif ukoll l-osservazzjonijiet magħmula mill-uffiċjal fir-rigward tad-dokumenti msemmija. L-istituzzjoni ma tistax tuża u lanqas tallega kontra uffiċjal dokumenti li ma jkunux ġew ikkomunikati lilu qabel jiġu arkivjati. Skont il-ġurisprudenza, dawn id-dispożizzjonijiet huma intiżi biex jiggarantixxu d-drittijiet tad-difiża tal-uffiċjal (ara s-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-28 ta’ Ġunju 1972, Brasseur vs Il‑Parlament, 88/71, Ġabra p. 499, punt 11; tas-7 ta’ Ottubru 1987, Strack vs Il‑Kummissjoni, 140/86, Ġabra p. 3939, punt 7, u tal-1 ta’ Ottubru 1991, Vidrányi vs Il‑Kummissjoni, C‑283/90 P, Ġabra p. I‑4339, punti 20 u 21).

276    F’dak li jikkonċerna l-aċċess għal dokumenti ta’ natura medika fil-kuntest ta’ proċedura għar-rikonoxximent li marda hija kkaġunata mix-xogħol, ir-Regoli tal-Assigurazzjoni daħħlu proċedura partikolari li tipprevedi t-trażmissjoni tar-rapport mediku komplet li fuqu tkun ibbażata d-deċiżjoni li l-Awtorità tal-Ħatra tkun bi ħsiebha tieħu, lit-tabib magħżul mill-uffiċjal, jekk dan jagħmel talba f’dan is-sens, wara n-notifika tal-abbozz tad-deċiżjoni previst fl-Artikolu 21 tar-Regoli tal-Assigurazzjoni, kif ukoll l-użu ta’ Kumitat Mediku li fih ikun hemm it-tabib maħtur mill-uffiċjal (ara s-sentenzi Strack vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 9, u Vidrányi vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 22).

277    Fil-fatt, ir-rispett tad-drittijiet tal-uffiċjal jitlob li huwa jingħata mod kif jaċċedi għad-dokumenti ta’ natura medika (ara s-sentenza Strack vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 10). Din il-fakultà li tingħata lill-uffiċjal għandha, madankollu, tiġi rrikonċiljata mal-ħtiġiet tal-kunfidenzjalità medika li jrendu lil kull tabib bħala dik il-persuna li tiddeċiedi fuq il-possibbiltà li jinforma lill-persuni li huwa jikkura jew jeżamina bin-natura tal-mard li huma jista’ jkollhom (sentenza Strack vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 11 u l-ġurisprudenza ċċitata). Billi jipprevedu aċċess indirett għad-dokumenti ta’ natura medika, permezz tal-intervent ta’ tabib ta’ fiduċja maħtur mill-uffiċjal, ir-Regoli tal-Assigurazzjoni jirrikonċiljaw id-drittijiet tal-uffiċjal mal-ħtiġiet tal-kunfidenzjalità medika (sentenza Strack vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 12; sentenza Vainker vs Il‑Parlament, iċċitata iktar ’il fuq, punt 137).

278    Il-ġurisprudenza ppreċiżat li r-rispett tad-drittijiet tal-uffiċjal jitlob li huwa jingħata mod kif jaċċedi mhux biss għad-dokumenti ta’ natura medika, imma wkoll għall-konstatazzjoni tal-fatti li jservu ta’ bażi għad-deċiżjoni li tkun trid tiġi adottata bis-saħħa tal-Artikolu 73 tar-Regolamenti tal-Persunal (ara s-sentenza Strack vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 10). Għaldaqstant, id-dokumenti li jirrigwardaw il-konstatazzjonijiet fattwali marbutin ma’ xi inċident li jkun seħħ waqt ix-xogħol, li jistgħu jservu ta’ bażi għal proċedura għar-rikonoxximent tal-eżistenza ta’ inċident tax-xogħol jew marda li hija kkaġunata mix-xogħol fis-sens tar-Regoli tal-Assigurazzjoni, għandhom ukoll jitqiesu ta’ natura medika (sentenza Strack vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 13; sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-12 ta’ Lulju 1990, Vidrányi vs Il‑Kummissjoni, T‑154/89, Ġabra p. II‑445, punt 33, u Vainker vs Il‑Parlament, iċċitata iktar ’il fuq, punt 136).

279    F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Prim’Istanza enfasizzat li huwa indispensabbli li r-rapport mediku komplet, li l-uffiċjal jista’ jitlob li jintbagħat lit-tabib tal-għażla tiegħu u li għandu jintbagħat lill-membri tal-Kumitat Mediku previst fir-Regoli tal-Assigurazzjoni, ikun fih, jekk ikun il-każ, ir-rapport tal-investigazzjoni amministrattiva. Għaldaqstant, l-uffiċjal jista’, jekk ikun għamel talba f’dan is-sens, jirregola ruħu fuq il-konstatazzjonijiet li jkunu jinsabu fir-rapport tal-investigazzjoni, permezz tal-intervent tat-tabib ta’ fiduċja, u jevalwa l-possibbiltà li jitlob li l-Kumitat Mediku jagħti l-opinjoni tiegħu (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza, Vidrányi vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punti 34 u 35).

280    Barra minn hekk, in-natura medika ta’ ċerti dokumenti ma tipprekludix li dawn jistgħu jkunu, jekk ikun il-każ, jirrigwardaw ukoll is-sitwazzjoni amministrattiva tal-uffiċjal. F’dak il-każ, dawn id-dokumenti għandhom ikunu jinsabu fil-fajl personali tal-persuna kkonċernata (ara s-sentenza Strack vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 13; sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza, Vidrányi vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 36).

281    Għaldaqstant, minn naħa, il-fajl li jservi ta’ bażi għat-tabib maħtur mill-istituzzjoni jew għall-Kumitat Mediku biex jiġi evalwat jekk il-marda hijiex ikkaġunata mix-xogħol huwa ta’ natura medika u ma jistax, għaldaqstant, jiġi kkonsultat ħlief indirettament permezz tal-intervent tat-tabib maħtur mill-uffiċjal u, min-naħa l-oħra, l-elementi ta’ natura amministrattiva, li jistgħu jinsabu f’dak il-fajl u li jistgħu jaffettwaw is-sitwazzjoni amministrattiva tal-uffiċjal, għandhom ikunu jinsabu wkoll fil-fajl individwali fejn, skont l-Artikolu 26 tar-Regolamenti tal-Persunal, l-uffiċjal jista’ jikkonsultahom direttament (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, Vidrányi vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 24).

282    Id-dokumenti kollha mogħtija lit-tabib maħtur mill-istituzzjoni jew lill-Kumitat Mediku jaqgħu għalhekk taħt is-sistema prevista mir-Regoli tal-Assigurazzjoni. L-inklużjoni, fil-fajl individwali tal-uffiċjal, ta’ wħud minn dawn id-dokumenti kif ukoll il-possibbiltà li dan l-istess uffiċjal isir jaf bihom ma tkunx meħtieġa, għaldaqstant, ħlief meta dawk id-dokumenti jintużaw biex tiġi evalwata jew imbiddla s-sitwazzjoni amministrattiva tal-uffiċjal mill-amministrazzjoni li jaqa’ taħtha (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja Vidrányi vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 25).

283    F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li, meta r-rikorrent, permezz ta’ ittra tad-19 ta’ Mejju 2005, ressaq it-talba tiegħu biex tintbagħatlu l-kontribuzzjoni tal-IDOC, il-Kummissjoni kienet għadha ma nnotifikatux bl-abbozz tad-deċiżjoni dwar it-talba tiegħu għar-rikonoxximent li l-marda hija kkaġunata mix-xogħol. Fil-fatt, tali notifika ma saritx lir-rikorrent ħlief fis-16 ta’ Marzu 2007. Qabel dik id-data, il-kontribuzzjoni tal-IDOC setgħat għaldaqstant titqies bħala att preparatorju skont ir-Regoli tal-Assigurazzjoni.

284    Madankollu, fid-deċiżjoni tagħha tal-10 ta’ Novembru 2005 li ċaħdet it-talba għall-kumpens tad-danni tar-rikorrent, l-Awtorità tal-Ħatra użat il-kontribuzzjoni tal-IDOC insostenn tal-argument tagħha li wassal għaċ-ċaħda ta’ dik it-talba.

285    Fil-fatt, l-Awtorità tal-Ħatra tindika fid-deċiżjoni tal-10 ta’ Novembru 2005 li “[f]is-16 ta’ Marzu 2005, l-IDOC ikkonkluda wkoll li, oġġettivament, ebda wieħed mir-raġunijiet invokati [mir-rikorrent] insostenn ta’ dawn l-allegazzjonijiet ma għandu n-natura abbużiva li r-rikorrent qiegħed itihom u li l-istess natura tikkostitwixxi waħda mill-karatteristiċi fundamentali tal-fastidju psikoloġiku kif definit fl-Artikolu 12a tar-Regolamenti tal-Persunal” u li “id-deċiżjonijiet li ttieħdu fil-konfront tiegħu kienu fl-interess tal-istituzzjonijiet u f’kuntest strettament regolatorju”.

286    Peress li l-Awtorità tal-Ħatra użat il-kontribuzzjoni tal-IDOC fil-kuntest tal-adozzjoni ta’ att li kkawża preġudizzju lir-rikorrent, jista’ jingħad li dik il-kontribuzzjoni kienet element li jirrigwarda s-sitwazzjoni amministrattiva tal-persuna kkonċernata, fis-sens tal-Artikolu 26 tar-Regolamenti tal-Persunal.

287    Għaldaqstant, ir-rikorrent kellu jingħata aċċess għall-kontribuzzjoni tal-IDOC abbażi tal-Artikolu 26 tar-Regolamenti tal-Persunal (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja, Strack vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 13, u Vidrányi vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punti 24 u 25; sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza, Vidrányi vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 36).

288    Konsegwentement, il-Kummissjoni kisret l-Artikolu 26 tar-Regolamenti tal-Persunal meta rrifjutat li tittrażmetti lir-rikorrent il-kontribuzzjoni tal-IDOC, meta l-istess kontribuzzjoni kienet tirrigwarda s-sitwazzjoni amministrattiva tal-persuna kkonċernata, kif turi d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-10 ta’ Novembru 2005.

289    Din il-konklużjoni ma tistax tiġi affettwata bl-argumenti, li ġew invokati mill-Kummissjoni, fejn jingħad li, fl-ewwel lok, il-kontribuzzjoni tal-IDOC tikkostitwixxi att preparatorju fil-kuntest tal-proċedura medika, u, fit-tieni lok, li għandha tapplika l-eċċezzjoni prevista fit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, li tippermetti lill-istituzzjonijiet jirrifjutaw l-aċċess għal dokument fil-każ li l-iżvelar tiegħu jista’ jdgħajjef il-ħarsien tal-iskop tal-ispezzjonijiet, investigazzjoni u verifiki.

290    Fil-fatt, f’dak li jirrigwarda l-ewwel argument invokat mill-Kummissjoni, sa fejn l-istess Kummissjoni għażlet li tuża l-kontribuzzjoni tal-IDOC barra mill-kuntest tal-proċedura medika, biex tadotta deċiżjoni li tirrigwarda s-sitwazzjoni amministrattiva tar-rikorrent, hija ma tistax tinvoka n-natura preparatorja tal-istess kontribuzzjoni fil-kuntest tal-proċedura medika.

291    F’dak li jirrigwarda l-argument ibbażat fuq il-preġudizzju lill-ħarsien tal-iskop tal-ispezzjonijiet, investigazzjoni u verifiki, mit-titolu stess tar-Regolament Nru 1049/2001 jirriżulta li l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament jikkonċerna l-aċċess tal-pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni.

292    F’dan il-każ, id-drittijiet ta’ uffiċjal jew ta’ membru tal-persunal li jitlob li jintbagħatlu dokument li jirrigwarda s-sitwazzjoni amministrattiva tiegħu ma humiex l-istess bħal dawk ta’ membru tal-pubbliku li jitlob l-aċċess għad-dokumenti ta’ istituzzjoni.

293    Fil-fatt, id-drittijiet tal-uffiċjali u l-membri tal-persunal f’dan il-qasam joħorġu mid-dispożizzjonijiet speċjali tal-Artikolu 26 tar-Regolamenti tal-Persunal, li jimponu obbligi partikolari fuq l-istituzzjonijiet, bil-għan li jiġu ggarantiti d-drittijiet tad-difiża tal-persuna kkonċernata, u dan kif ġie enfasizzat fil-ġurisprudenza. L-uffiċjali jibbenefikaw, għaldaqstant, minn dritt veru u proprju, ibbażat fuq l-Artikolu 26 tar-Regolamenti tal-Persunal.

294    Barra minn hekk, it-talba ta’ uffiċjal tista’, jekk ikun il-każ, tidħol fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet speċjali fil-qasam tas-servizz pubbliku, li jirrigwardaw l-aċċess għal ċerti tipi ta’ dokumenti partikolari, bħal pereżempju dokumenti ta’ natura medika.

295    Minn dak li ntqal jirriżulta li l-eċċezzjoni prevista fit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, invokata mill-Kummissjoni, ma tipprekludix l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 26 tar-Regolamenti tal-Persunal. Għaldaqstant, dik l-eċċezzjoni ma tippermettix lill-Kummissjoni tirrifjuta milli tibgħat lir-rikorrent il-kontribuzzjoni tal-IDOC.

296    Konsegwentement, il-Kummissjoni wettqet żball meta naqset milli tagħti lir-rikorrent aċċess għall-kontribuzzjoni tal-IDOC, meta l-istess kontribuzzjoni kienet tirrigwarda s-sitwazzjoni amministrattiva tiegħu.

g)     Fuq is-seba’ motiv, ibbażat fuq l-illegalità tal-opinjoni tal-Kumitat tal-Invalidità tad-29 ta’ Ottubru 2004.

 L-argumenti tal-partijiet

297    F’dan il-motiv, ir-rikorrent jikkontesta l-legalità tal-opinjoni mogħtija mill-Kumitat tal-Invalidità fid-29 ta’ Ottubru 2004. Huwa jsostni li l-Kumitat tal-Invalidità kellu jiddeċiedi fuq ir-relazzjoni potenzjali bejn l-invalidità li huwa kkonstata fil-konfront tar-rikorrent u l-kundizzjonijiet tax-xogħol tiegħu.

298    Skont ir-rikorrent, il-Kummissjoni kisret l-Artikolu 78 tar-Regolamenti tal-Persunal meta ssuġġettat il-ftuħ tal-proċedura msemmija f’din id-dispożizzjoni għall-eżawriment minn qabel tal-proċedura prevista fl-Artikolu 73 tar-Regolamenti tal-Persunal. Ir-rikorrent jenfasizza li, fl-ittra tiegħu tat-23 ta’ Ġunju 2004, huwa kien talab li, skont il-ħames paragrafu tal-Artikolu 78 tar-Regolamenti tal-Persunal, jiġi kkonstatat li l-invalidità tiegħu kienet toriġina mill-eżerċizzju tal-funzjonijiet tiegħu. Ir-rikorrent jinvoka insostenn tal-argument tiegħu s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-27 ta’ Frar 1992, Plug vs Il‑Kummissjoni (T‑165/89, Ġabra p. II‑367).

299    Il-Kummissjoni ssostni li l-Kumitat tal-Invalidità jeżerċita l-kompetenza tiegħu b’mod li jkollu r-riżultati tal-investigazzjoni mmexxija skont l-Artikolu 73 tar-Regolamenti tal-Persunal, meta jiddeċiedi fuq ir-rabta bejn l-invalidità ta’ uffiċjal u l-attività professjonali tiegħu. Xogħol il-Kumitat tal-Invalidità huwa għalhekk maqsum f’żewġ fażijiet. Fl-ewwel fażi, il-Kumitat tal-Invalidità sempliċement jiddeċiedi fuq l-invalidità tal-persuna kkonċernata. Huwa mbagħad jissospendi x-xogħol tiegħu sakemm jintbagħtulu r-riżultati tal-investigazzjoni mmexxija skont l-Artikolu 73 tar-Regolamenti tal-Persunal. Fit-tieni fażi, huwa jiltaqa’ mill-ġdid u jiddeċiedi fuq ir-rabta bejn iċ-ċirkustanzi tal-attività professjoni tal-uffiċjal u l-invalidità tiegħu. Il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti tal-Prim’Istanza kkonfermat din il-proċedura fis-sentenza Lucaccioni vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq.

300    Il-Kummissjoni tenfasizza li tali organizzazzjoni tal-proċedura ma ċaħħditx lir-rikorrent mill-benefiċċju ta’ invalidità previst fit-tielet paragrafu tal-Artikolu 78 tar-Regolamenti tal-Persunal fl-istennija tar-riżultat tal-proċedura segwita skont l-Artikolu 78 tar-Regolamenti tal-Persunal. L-unika kwistjoni li tħalliet pendenti kienet tikkonċerna l-benefiċċji previsti fil-ħames paragrafu tal-Artikolu 78 tar-Regolamenti tal-Persunal u, b’mod partikolari, il-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet għas-sistema tal-pensjonijiet min-naħa tal-istituzzjoni. Fl-iskritturi tagħha, il-Kummissjoni tenfasizza li, fil-każ li jiġi rikonoxxut li l-invalidità tar-rikorrent hija kkaġunata mix-xogħol, dan jingħata l-benefiċċju msemmi fil-ħames paragrafu tal-Artikolu 78 tar-Regolamenti tal-Persunal b’mod retroattiv mid-data tad-deċiżjoni li tikkonstata l-invalidità tiegħu. Wara d-deċiżjoni tat-28 ta’ Marzu 2008 li rrikonoxxiet li l-marda tar-rikorrent kienet ikkaġunata mix-xogħol, il-Kummissjoni pprovdiet lit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, bħala miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, bid-deċiżjoni tas-16 ta’ Ġunju 2008 li annullat u ssostitwiet id-deċiżjoni tat-8 ta’ Novembru 2004, li biha l-Awtorità tal-Ħatra, fid-dawl tal-konklużjonijiet tal-Kumitat tal-Invalidità tad-9 ta’ Ġunju 2008, aċċettat li r-rikorrent jieħu l-benefiċċju ta’ invalidità stabbilit skont id-dispożizzjonijiet tal-ħames paragrafu tal-Artikolu 78 tar-Regolamenti tal-Persunal, b’effett mill-ġurnata li fiha ġiet ikkonstatata l-invalidità tiegħu, jiġifieri mit-30 ta’ Novembru 2004.

 Il-kunsiderazzjonijiet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku

301    Kif ġie mfakkar fil-kuntest tar-raba’ motiv, uffiċjal li ma kkontestax fit-termini previsti fl-Artikoli 90 u 91 tar-Regolamenti tal-Persunal deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ħatra li kkawżatlu preġudizzju ma jistax jinvoka l-allegata illegalità ta’ dik id-deċiżjoni fil-kuntest ta’ rikors għad-danni.

302    Għaldaqstant, peress li r-rikorrent ma lmentax kontra d-deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ħatra tat-8 ta’ Novembru 2004 li biha huwa ġie rtirat u mogħti l-benefiċċju ta’ invalidità stabbilit skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 78 tar-Regolamenti tal-Persunal u mhux skont il-ħames paragrafu tal-istess dispożizzjoni, huwa ma jistax jinvoka l-illegalità ta’ dik id-deċiżjoni fil-kuntest ta’ dan ir-rikors għad-danni.

303    Fil-kuntest ta’ dan il-motiv, ir-rikorrent ma jikkontestax madankollu il-legalità tad-deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ħatra tat-8 ta’ Novembru 2004, iżda sempliċement jikkritika l-opinjoni tal-Kumitat tal-Invalidità, mogħtija fid-29 ta’ Ottubru 2004, inkwantu dan ma ħax deċiżjoni fuq ir-relazzjoni potenzjali bejn l-invalidità kkonstatata li tikkonċernah u l-attività professjonali tiegħu, fid-dawl tal-investigazzjoni mibdija diġà abbażi tal-Artikolu 73 tar-Regolamenti tal-Persunal.

304    Għaldaqstant, għandu jiġi eżaminat jekk, b’dan il-motiv, ibbażat fuq l-illegalità tal-opinjoni tal-Kumitat tal-Invalidità, ir-rikorrent huwiex jipprova jevita l-inammissibbiltà tal-motiv li huwa bbażat fuq l-illegalità tad-deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ħatra tat-8 ta’ Novembru 2004 meta huwa ma kienx ressaq ilment u lanqas ma ppreżenta rikors ġudizzjarju kontra din id-deċiżjoni tal-aħħar.

305    Kwistjoni bħal din, li tirrigwarda l-osservanza tal-proċedura prekontenzjuża u t-termini għall-preżentata ta’ rikors, għandha titqajjem ex officio mill-qorti.

306    Skont il-ġurisprudenza, l-opinjoni mogħtija mill-Kumitat tal-Invalidità għandha titqies bħala att preparatorju li huwa parti mill-proċedura tat-tpoġġija ta’ persuna fi stat ta’ rtirar (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-3 ta’ Ġunju 1997, H vs Il‑Kummissjoni, T‑196/95, ĠabraSP p. I‑A‑133 u II‑403, punt 48; digriet tal-Qorti tal-Prim’Istanza, tal-15 ta’ Novembru 2006, Jiménez Martínez vs Il‑Kummissjoni, T‑115/05, Ġabra SP p. I‑A‑2‑269 u II‑A‑2‑1409, punti 29 u 30).

307    Għalkemm ma jistax jiġi eskluż li att preparatorju jikkawża preġudizzju lil uffiċjal indipendentement mid-deċiżjoni finali li l-istess att ikun qiegħed jipprepara, għandu jiġi kkonstatat li, f’dan il-każ, ir-rikorrent ma jsostnix li l-opinjoni tal-Kumitat tal-Invalidità kkawżatlu preġudizzju differenti minn dak li setgħat tikkawżalu d-deċiżjoni li ttieħdet abbażi tagħha, jiġifieri d-deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ħatra tat-8 ta’ Novembru 2004.

308    Fil-fatt, ir-rikorrent isostni li l-opinjoni tal-Kumitat tal-Invalidità hija illegali, inkwantu ma ngħatatx malli feġġet l-invalidità tiegħu, iżda stenniet l-informazzjoni li kellha tirriżulta mill-investigazzjoni mibdija taħt l-Artikolu 73 tar-Regolamenti tal-Persunal.

309    F’dan il-każ, id-deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ħatra tat-8 ta’ Novembru 2004, li, filwaqt li wasslet lir-rikorrent biex jirtira u tagħtu l-benefiċċju ta’ invalidità abbażi tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 78 tar-Regolamenti tal-Persunal, u mhux abbażi tal-ħames paragrafu tal-Artikolu 78 tar-Regolamenti tal-Persunal setgħat eventwalment tikkawża preġudizzju lir-rikorrent.

310    Peress li l-motiv ibbażat fuq l-illegalità tal-opinjoni tal-Kumitat tal-Invalidità kien dirett kontra att preparatorju, u peress li r-rikorrent ma spjegax kif dak l-att kien ikkawżalu preġudizzju differenti minn dak li kienet ikkawżatlu d-deċiżjoni finali, filwaqt li, fi kwalunkwe każ, huwa ma talabx l-annullament tad-deċiżjoni tat-8 ta’ Novembru 2004 u lanqas ma ppreżenta rikors għad-danni fit-termini previsti biex jikkontesta l-konsegwenzi ta’ dik id-deċiżjoni, l-imsemmi motiv għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli.

h)     Fuq it-tmien motiv, ibbażat fuq l-illegalità tal-ftuħ u t-tkomplija ta’ proċedura dixxiplinari kontra r-rikorrent

 Osservazzjoni preliminari

311    F’dan il-motiv, ir-rikorrent jikkritika l-fatt li l-proċeduri dixxiplinari nbdew u tkomplew kontrih, filwaqt li, fil-fehma tiegħu, l-elementi li fuqhom huma bbażati ma ġew qatt ippruvati. Dan il-motiv jirreferi għall-motivi kollha magħmula fil-kuntest tar-rikors F‑124/05.

312    Skont il-ġurisprudenza, ir-riferiment, f’rikors, għal rikors li r-rikorrent ippreżenta f’kawża oħra, ma għandux l-effett li jinkorpora fl-ewwel wieħed il-motivi mressqa fit-tieni wieħed (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-5 ta’ Diċembru 2006, Angelidis vs Il‑Parlament, T‑424/04, ĠabraSP p. I‑A‑2‑323 u II‑A‑2‑1649, punt 42).

313    Għaldaqstant, għandu jiġi eżaminat, preliminarjament, jekk il-motiv, inkwantu jikkonsisti f’riferiment għall-motivi kollha mressqa fir-rikors F‑124/05, huwiex ammissibbli fid-dawl tar-rekwiżiti stabbiliti mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 21 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Artikolu 44(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, applikabbli mutatis mutandis għat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fil-mument li ġie ppreżentat ir-rikors.

314    L-għan tal-Artikolu 44(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza huwa li jippermetti lill-qorti tiddeċiedi fuq motivi magħmulin bi preċiżjoni suffiċjenti.

315    Din id-dispożizzjoni, madankollu, ma għandhiex tiġi interpretata b’mod li twassal biex timponi fuq il-partijiet formaliżmu eċċessiv li ma jagħmilx ħlief jikkumplika l-proċedura ġudizzjarja (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-11 ta’ Ġunju 2009, Othman vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni, T‑318/01, Ġabra p. II‑1627, punt 57).

316    Fiċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ ineżami, ir-riferiment magħmul mir-rikorrent huwa intiż li jevitalu, fid-dawl tal-konnessjoni tal-Kawżi F‑124/05 u F‑96/06, li jirrepeti, fir-rikors irreġistrat bir-referenza F‑96/06, l-argumenti ta’ xi tletin paġna li jinsabu diġà fir-rikors irreġistrat bir-referenza F‑124/05, kif ukoll li jipprovdi mill-ġdid l-annessi ta’ diversi mijiet ta’ paġni li kienu jakkompanjaw lill-istess rikors imsemmi l-aħħar.

317    Barra minn hekk, il-Kawżi F‑124/05 u F‑96/06 ġew magħquda, permezz ta’ digriet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tat-22 ta’ Jannar 2009.

318    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-fatt li t-tmien motiv jikkonsisti f’riferiment għall-motivi kollha mressqa fir-rikors F‑124/05 ma jistax iwassal għall-inammissibbiltà tal-istess motiv.

319    Fil-kumplament ta’ din is-sentenza, ser jiġu eżaminati s-sitt motivi tar-rikors F‑124/05, li kull wieħed ser jitqies bħala parti mit-tmien motiv ta’ dan ir-rikors. Il-partijiet tal-motivi tar-rikors F‑124/05 ser jiġu eżaminati bħala suddiviżjonijiet tal-partijiet tat-tmien motiv ta’ dan ir-rikors.

320    Barra minn hekk, l-ewwel motiv tar-rikors F‑124/05, ibbażat fuq ir-rifjut tal-Awtorità tal-Ħatra li tislet il-konklużjonijiet wara li l-qorti Belġjana ddeċidiet li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni, minkejja r-rabta li ġiet stabbilita mill-Awtorità tal-Ħatra stess bejn il-proċedura kriminali u l-proċedura dixxiplinari, u t-tieni motiv ta’ dan ir-rikors, ibbażat fuq l-effett negattiv fuq il-prinċipju ta’ res judicata li għandha l-imsemmija deċiżjoni, għandhom jiġu ttrattati flimkien, inkwantu t-tnejn li huma jittrattaw il-konsegwenzi tad-deċiżjoni tal-qorti kriminali Belġjana fuq il-proċedura dixxiplinari.

 Fuq l-ewwel u t-tieni partijiet tal-motiv, ibbażati fuq l-allegazzjonijiet li ma ttieħdux inkunsiderazzjoni l-effetti tad-deċiżjoni tal-qorti Belġjana li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni

–       L-argumenti tal-partijiet

321    Ir-rikorrent isostni li l-proċedura dixxiplinari li tikkonċernah inbdiet esklużivament minħabba proċeduri kriminali mibdija mill-awtoritajiet Belġjani. Dan joħroġ mid-deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ħatra għall-ftuħ ta’ proċedura dixxiplinari kontra r-rikorrent, meħuda fis-16 ta’ Jannar 2004, li torbot b’mod ċar il-proċedura dixxiplinari mal-proċeduri kriminali. Il-fatti li fuqhom hija bbażata l-akkuża kriminali u dawk li fuqhom hija bbażata l-proċedura dixxiplinari huma identiċi u hija biss il-klassifikazzjoni tagħhom, bħala kriminali jew dixxiplinari, li hija differenti. Barra minn hekk, is-simultanjetà bejn iż-żewġ proċeduri ma tħalli ebda dubju fir-rigward tar-rabta stretta ta’ bejniethom. Għaldaqstant, il-proċedura dixxiplinari kellha tingħalaq sabiex wieħed seta’ jislet il-konklużjonijiet tad-deċiżjoni finali li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni mogħtija fit-30 ta’ Ġunju 2004 mill-qorti kriminali Belġjana, li ddikjarat mhux provati l-fatti li fuqhom kienet ibbażata l-akkuża. Kieku jiġi deċiż mod ieħor, dan iwassal biex jiġi injorat il-prinċipju ta’ res judicata tad-deċiżjoni msemmija u tinkiser is-sovranità tal-Istati Membri.

322    Il-Kummissjoni tirribatti li l-argument tar-rikorrent huwa fattwalment żbaljat, inkwantu d-deċiżjoni għall-ftuħ tal-proċedura dixxiplinari tippreċiża b’mod espliċitu li, apparti l-akkuża, l-ilmenti li ġiet akkużata bihom il-persuna kkonċernata huma bbażati fuq ir-rapport li jirrigwarda l-investigazzjonijiet amministrattivi addizzjonali tal-IDOC tat-22 ta’ Frar 2002. Hija ssostni li l-qorti kriminali Belġjana ma kellhiex kompetenza ħlief biex tiddeċiedi fuq il-kap ta’ akkuża fid-dawl tal-kodiċi kriminali Belġjan u li, biex tikklassifika l-fatti bħala dixxiplinari, l-Awtorità tal-Ħatra ma hijiex marbuta bil-klassifikazzjoni magħmula mill-qorti kriminali fir-rigward ta’ dispożizzjonijiet oħra. Fi kwalunkwe każ, fin-nuqqas ta’ deċiżjoni dixxiplinari finali, il-motivi bbażati fuq il-ksur tal-prinċipju li jistabbilixxi li l-proċeduri kriminali jżommu sospiżi dawk dixxiplinari u fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ res judicata huma ineffettivi f’dan il-każ.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku

323    Kif ippreċiżat il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza, il-ħames paragrafu tal-Artikolu 88 tar-Regolamenti tal-Persunal, fil-verżjoni li kienet tapplika sat-30 ta’ April 2004, li sar l-Artikolu 25 tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal, għandu żewġ għanijiet. Minn naħa, dan l-artikolu jissodisfa l-ħtieġa li ma tiġix affettwata l-pożizzjoni tal-uffiċjal inkwistjoni fil-kuntest tal-proċeduri kriminali li jiġu miftuħa kontrih minħabba fatti li huma barra minn hekk is-suġġett ta’ proċeduri dixxiplinari fi ħdan l-istituzzjoni tiegħu. Min-naħa l-oħra, is-sospensjoni tal-proċeduri dixxiplinari sakemm jingħalqu l-proċeduri kriminali tippermetti li jittieħdu inkunsiderazzjoni, fil-kuntest ta’ dawn il-proċeduri dixxiplinari, konstatazzjonijiet fattwali magħmula mill-qorti kriminali meta d-deċiżjoni tagħha tkun saret finali. Fil-fatt, l-Artikolu 25 tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal jistabbilixxi l-prinċipju li abbażi tiegħu “l-proċedur[i] kriminali [j]żomm[u] sospiż[i] d[aw]k dixxiplinar[i]”, li huwa ġġustifikat b’mod partikolari mill-fatt li l-qrati kriminali nazzjonali għandhom poteri investigattivi iktar wiesgħa minn dawk li għandha l-Awtorità tal-Ħatra. Għaldaqstant, fil-każ fejn l-istess fatti jistgħu jammontaw għal reat kriminali u għal ksur tal-obbligi statutorji tal-uffiċjal, l-amministrazzjoni hija marbuta mill-konstatazzjonijiet fattwali magħmula mill-qorti kriminali fil-kuntest tal-proċeduri kriminali. Meta din il-qorti tkun ikkonstatat l-eżistenza tal-fatti tal-każ, l-amministrazzjoni tkun tista’ sussegwentement tikkwalifikahom legalment fid-dawl tal-kunċett ta’ nuqqas dixxiplinari billi, b’mod partikolari, tivverifika jekk dawn jikkostitwixxux nuqqas ta’ twettiq tal-obbligi statutorji (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-10 ta’ Ġunju 2004, François vs Il‑Kummissjoni, T‑307/01, Ġabra p. II‑1669, punt 75).

324    F’dan il-każ, mill-motivazzjoni tad-deċiżjoni li rrifjutat l-għeluq tal-proċedura dixxiplinari jirriżulta li l-ftuħ tal-proċedura dixxiplinari kontra r-rikorrent ma kienx biss ibbażat fuq il-proċeduri kriminali mibdija fil-Belġju minħabba falsifikazzjoni fl-iskritturi u frodi, fir-rigward tal-ordnijiet ta’ missjonijiet u kontijiet tal-ispejjeż marbuta mal-missjonijiet ta’ R. Berthelot, iżda kien ibbażat ukoll fuq ir-rwol attiv li kellu r-rikorrent fil-klassifikazzjoni mill-ġdid irregolari tal-istess R. Berthelot u fir-reklutaġġ daqstant ieħor irregolari tiegħu maċ-ĊKR.

325    L-att tal-akkużi bil-miktub tal-prosekutur pubbliku kien jindika li ebda dikjarazzjoni ma kienet tinvolvi la espliċitament u lanqas impliċitament lir-rikorrent, li ebda element materjali ma jippermetti li tiġi stabbilita l-parteċipazzjoni tal-persuna kkonċernata fil-fatti u li l-istess persuna kkonċernata pprovdiet hija stess il-provi dwar il-falsifikazzjoni tal-ordnijiet ta’ missjonijiet. Id-deċiżjoni li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni, li kienet tirreferi għall-att tal-akkużi bil-mitkub tal-prosekutur pubbliku, ikkonstatat li l-fajl istruttorju kien iwassal biex ma jkunx hemm dubju li joħorġu akkużi li jikkonċernaw l-eżistenza tal-falsifikazzjoni u ta’ frodi, iżda ma kien hemm ebda ħjiel li jippermetti li l-akkużi jduru b’ċertezza fuq wieħed mill-akkużati milqutin bl-investigazzjoni.

326    Id-deċiżjoni li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni timpedixxi biss għaldaqstant lill-awtoritajiet dixxiplinari milli jakkużaw lir-rikorrent b’akkużi ta’ falsifikazzjoni u frodi kif projbit mid-dritt kriminali Belġjan, f’dak li jikkonċerna l-ħruġ ta’ ordnijiet u spejjeż marbuta mal-missjonijiet ta’ R. Berthelot. Hija ma tipprekludix lill-awtorità dixxiplinari milli takkuża lill-persuna kkonċernata b’eventwali akkużi dixxiplinari marbutin mal-klassifikazzjoni mill-ġdid tal-iskala ta’ R. Berthelot u mar-reklutaġġ tiegħu maċ-ĊKR.

327    Għaldaqstant, l-ewwel żewġ partijiet tat-tmien motiv għandhom jiġu miċħuda bħala infondati.

 Fuq it-tielet parti tal-motiv, ibbażata fuq ir-rabta allegatament inġustifikata bejn il-proċedura dixxiplinari li tikkonċerna lir-rikorrent u l-proċedura li tikkonċerna lill-ex Membru tal-Kummissjoni

–       L-argumenti tal-partijiet

328    Sussidjarjament, ir-rikorrent isostni li d-deċiżjoni li rrifjutat li tagħlaq il-proċedura dixxiplinari hija illegali inkwantu tikkonferma s-sospensjoni tal-proċedura msemmija, filwaqt li torbot b’mod żbaljat dik is-sospensjoni mal-eżistu tal-proċedura li dak iż-żmien kienet pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja kontra É. Cresson.

329    Ir-rikorrent jikkritika b’mod partikolari l-analoġija mal-Artikolu 25 tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal li għamlet l-Awtorità tal-Ħatra biex tiġġustifika d-deċiżjoni kkontestata, u josserva li s-sentenza Tzoanos vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, bl-ebda mod ma hija rilevanti f’dan il-każ, peress li kienet tikkonċerna l-każ ta’ uffiċjal li kien involut f’żewġ proċeduri, waħda kriminali u l-oħra dixxiplinari, filwaqt li fil-każ ineżami hemm żewġ proċeduri li jikkonċernaw żewġ persuni differenti. Huwa jsemmi n-natura kontradittorja tar-raġunament użat mill-Awtorità tal-Ħatra, inkwantu din tfakkar li l-għan tal-Artikolu 25 tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal huwa li l-uffiċjal ma jitpoġġiex f’sitwazzjoni inqas vantaġġjuża billi tittieħed deċiżjoni dixxiplinari qabel ma tintemm il-proċedura kriminali, mentri, f’dan il-każ, id-deċiżjoni kkontestata tippenalizzah flok tipproteġi l-interessi tiegħu.

330    Ir-rikorrent jikkritika fl-aħħar nett in-natura inkomprensibbli tal-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, inkwantu din tgħid li “kull deċiżjoni fil-mertu fil-kawża tiegħek, kemm jekk twassal għall-eventwali għeluq tagħha jew għall-prosekuzzjoni fuqha, ma hijiex mingħajr effett fuq il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja kontra É. Cresson u tista’, għaldaqstant, titqies bħala tentattiv ta’ influwenza mhux xierqa”. Ir-rikorrent josserva li huwa ma jifhimx min jista’ jkun influwenzat: l-Awtorità tal-Ħatra stess, il-Qorti tal-Ġustizzja, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku? B’dan l-argument, l-Awtorità tal-Ħatra kisret l-obbligu li hija għandha li tagħti motivazzjoni kif previst fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 25 tar-Regolamenti tal-Persunal, u għaldaqstant dan jivvizzja d-deċiżjoni kkontestata b’illegalità.

331    Il-Kummissjoni twieġeb għall-argumenti tar-rikorrent essenzjalment billi ssostni li ma kien hemm ebda dispożizzjoni li tobbliga lill-Awtorità tal-Ħatra tissospendi l-proċedura, iżda li wieħed ma setax raġonevolment ifittex uffiċjal qabel ma jkun iddeċieda l-każ tal-persuna li fl-interess tagħha huwa jkun apparentement aġixxa. Hija żżid li d-deċiżjoni ta’ sospensjoni ma ppreġudikatx l-interessi tar-rikorrent li, fil-fatt, għall-kuntrarju, kienu protetti bl-imsemmija deċiżjoni. Il-fatt hu li, fid-dawl tan-nuqqas ta’ sanzjoni mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja kontra l-ex Membru tal-Kummissjoni, l-istituzzjoni konvenuta ddeċidiet li tagħlaq il-proċedura dixxiplinari li tikkonċerna lir-rikorrent.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku

332    Skont ir-rikorrent, minn naħa, l-inkoerenza tal-motivazzjoni tad-deċiżjoni li rrifjutat li tagħlaq il-proċedura dixxiplinari tivvizzja d-deċiżjoni msemmija minħabba r-rekwiżit tal-motivazzjoni tad-deċiżjonijiet previst fl-Artikolu 25 tar-Regolamenti tal-Persunal; min-naħa l-oħra, id-deċiżjoni msemmija hija vvizzjata bi żball ta’ liġi.

333    Fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li l-motivazzjoni għandha tippermetti lill-qorti teżerċita l-istħarriġ tal-legalità tad-deċiżjoni kkontestata u tipprovdi lill-persuna kkonċernata b’indikazzjoni suffiċjenti sabiex tkun taf jekk id-deċiżjoni hijiex tabilħaqq fondata jew jekk hijiex ivvizzjata b’difett li jippermetti li tiġi kkontestata l-legalità tal-imsemmija deċiżjoni [sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-23 ta’ April 2002, Campolargo vs Il‑Kummissjoni (T‑372/00, ĠabraSP p. I‑A‑49 u II‑223, punt 49), u tas-17 ta’ Ottubru 2006, Bonnet vs Il‑Qorti tal-Ġustizzja (T‑406/04, ĠabraSP p. I‑A‑2‑213 u II‑A‑2‑1097, punt 67)].

334    L-argument prinċipali invokat mir-rikorrent biex jiġġustifika t-talba tiegħu biex tingħalaq il-proċedura dixxiplinari li tikkonċernah huwa l-fatt li ġie deċiż mill-qorti kriminali Belġjana li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni.

335    Id-deċiżjoni li rrifjutat l-għeluq tal-proċedura dixxiplinari tippreċiża li l-proċeduri dixxiplinari u kriminali huma distinti u indipendenti minn xulxin. It-Tribunal de première instance ta’ Brussell ikklassifika l-fatti fid-dawl biss tad-dritt kriminali Belġjan, u mhux fid-dawl tal-ilmenti mressqa mill-Kummissjoni bbażati fuq obbligi Komunitarji. Konsegwentement, l-eżitu tal-azzjoni ġudizzjarja Belġjana ma kellux effett fuq il-proċedura dixxiplinari, u l-fatt li l-proċedura kriminali Belġjana wasslet biex jiġi deċiż li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni ma jfissirx li l-proċedura dixxiplinari kellha tintemm.

336    Minn dak li ntqal jirriżulta li d-deċiżjoni kkontestata pprovdiet lir-rikorrent b’indikazzjonijiet suffiċjenti biex jevalwa l-fondatezza tal-motivi li wasslu biex tiġi rrifjutata t-talba għall-għeluq tal-proċedura dixxiplinari, kif ukoll biex it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jwettaq l-istħarriġ tiegħu.

337    Barra minn hekk, indipendentement mit-tweġiba għat-talba tal-għeluq tal-proċedura dixxiplinari magħmula mir-rikorrent, id-deċiżjoni kkontestata tippreċiża li l-proċedura dixxiplinari li tikkonċerna lill-persuna kkonċernata kellha tibqa’ sospiża.

338    L-Awtorità tal-Ħatra iġġustifikat it-tkomplija ta’ din is-sospensjoni minħabba r-rabta li l-proċedura dixxiplinari li tikkonċerna lir-rikorrent kellha mal-proċedura mibdija quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja kontra É. Cresson.

339    Tali motivazzjoni, minkejja r-referenza li fil-fatt hija impreċiża, għat-“tentattiv ta’ influwenza mhux xierqa”, tipprovdi indikazzjonijiet suffiċjenti lir-rikorrent biex jevalwa l-fondatezza tal-motivi li jiġġustifikaw il-fatt li l-proċedura dixxiplinari tibqa’ sospiża, u lit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku biex iwettaq l-istħarriġ tiegħu.

340    Il-motiv ibbażat fuq l-insuffiċjenza fil-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata għandu għaldaqstant jiġi miċħud bħala infondat.

341    F’dak li jirrigwarda l-motiv ibbażat fuq l-iżball ta’ liġi, għalkemm ebda dispożizzjoni ma tobbliga lill-Awtorità tal-Ħatra biex tissospendi l-proċedura sakemm tingħata s-sentenza Il‑Kummissjoni vs Cresson, il-każ tar-rikorrent kien marbut ma’ dak ta’ É. Cresson, inkwantu huwa kien il-kap tal-uffiċċju tagħha matul il-perijodu li fih twettaq parti mill-frodi akkużata bih il-persuna kkonċernata, u din ir-rabta rrappreżentat ċirkustanza li l-Kummissjoni setgħat legalment tieħu inkunsiderazzjoni.

342    Konsegwentement, apparti l-fatt li tali sospensjoni kellha bħala effett li ttawwal id-dewmien tal-proċedura dixxiplinari, id-deċiżjoni li r-rikorrent ma jiġix imfittex qabel ma jinqata’ l-każ tal-ex Membru tal-Kummissjoni tidher minnha nnifisha leġittima u raġonevoli.

343    Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li t-tielet parti tat-tmien motiv għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

 Fuq ir-raba’ parti tal-motiv, ibbażata fuq l-insuffiċjenza tal-provi li jiġġustifikaw il-ftuħ ta’ proċedura dixxiplinari

–       L-argumenti tal-partijiet

344    Ir-rikorrent isostni li kontrih inbdew proċeduri dixxiplinari meta l-elementi materjali li fuqhom huma bbażati “qatt ma ġew ipprovati u saħansitra ġew iddikjarati infondati [fid-digriet mogħti mit-Tribunal de première instance ta’ Brussell]”.

345    Il-Kummissjoni ssostni li d-deċiżjoni li tinbeda proċedura dixxiplinari ma tistax tikkostitwixxi nuqqas fis-servizz ħlief fil-każ eċċezzjonali biss li jkun hemm intenzjoni biex issir ħsara, jiġifieri f’sitwazzjoni fejn, fil-mument li tkun ittieħdet id-deċiżjoni, ma jkun hemm ebda ħjiel kontra l-persuna kkonċernata. Issa, dan ma kienx il-każ fil-każ ineżami, peress li r-rikorrent kien is-suġġett ta’ akkużi serji fir-rigward tal-involviment tiegħu f’irregolaritajiet serji.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku

346    Din il-parti tal-motiv hija bbażata fuq l-illegalità tad-deċiżjoni tal-ftuħ tal-proċedura dixxiplinari.

347    Mill-argumenti tal-partijiet jirriżulta li dawn ma jaqblux fuq il-portata tas-setgħa diskrezzjonali li għandha istituzzjoni biex tiddeċiedi li tiftaħ proċedura dixxiplinari u, konsegwentement, fuq l-intensità tal-istħarriġ li l-qorti Ewropea għandha teżerċita fuq il-legalità ta’ dik id-deċiżjoni.

348    Fil-fatt, skont ir-rikorrent, id-deċiżjoni li tiftaħ proċedura dixxiplinari tkun illegali meta l-motivi li fuqhom tkun infetħet dik il-proċedura ma jkunux ipprovati, ħaġa li twassal biex jingħad li l-qorti trid teżerċita stħarriġ normali fuq l-istess deċiżjoni. Min-naħa l-oħra, skont il-Kummissjoni, tali deċiżjoni ma tistax tikkostitwixxi nuqqas ta’ servizz ħlief fil-każ eċċezzjonali li jkun hemm intenzjoni ta’ ħsara, ħaġa li twassal biex jingħad li l-istħarriġ tal-qorti jrid ikun limitat għal abbużi ta’ poter.

349    Għaldaqstant, fl-ewwel lok, għandha tiġi ppreċiżata l-portata tas-setgħa diskrezzjonali li għandha l-Awtorità tal-Ħatra meta hija tieħu deċiżjoni li tiftaħ proċedura dixxiplinari u l-intensità tal-istħarriġ ġudizzjarju li jirriżulta minnha, qabel ma jiġi eżaminat, fit-tieni lok, jekk, fil-każ ineżami, id-deċiżjoni li biha l-Kummissjoni fetħet il-proċedura dixxiplinari kontra r-rikorrent kinitx ivvizzjata b’illegalità.

350    Qabel ma naslu għal dawn il-kwistjonijiet, jeħtieġ li jsiru żewġ rimarki preliminari.

351    Fl-ewwel lok, il-legalità tal-att ikkontestat għandha tiġi evalwata fid-dawl tal-punti ta’ fatt u ta’ liġi eżistenti fid-data li fih ikun ittieħed l-att (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Frar 1979, Franza vs Il‑Kummissjoni, 15/76 u 16/76, Ġabra p. 321, punt 7). L-elementi eventwali li l-investigazzjoni fil-proċedura dixxiplinari toħroġ wara t-teħid tad-deċiżjoni tal-ftuħ tal-proċedura msemmija ma jistgħux jaffettwaw il-legalità ta’ dik id-deċiżjoni, u dan peress li l-għan tal-proċedura istruttorja hija li jiġi stabbilit, b’mod partikolari, jekk is-suspetti inizjali humiex ġustifikati (ara, b’analoġija, is-sentenza Giraudy vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 145).

352    Fit-tieni lok, il-fatt li l-proċedura dixxiplinari ngħalqet mingħajr ma ġiet imposta sanzjoni dixxiplinari lill-uffiċjal inkwistjoni ma jistax jimpedixxi lill-qorti milli tistħarreġ il-legalità tad-deċiżjoni li tkun fetħet il-proċedura dixxiplinari kontra l-persuna kkonċernata.

353    Fil-fatt, ikun hemm riskju ta’ arbitrarjetà jekk wieħed jaċċetta li l-Awtorità tal-Ħatra ikollha setgħa assoluta u bla limitu li tibda proċedura dixxiplinari kontra uffiċjal, imbagħad tagħlaqha mingħajr ma timponi sanzjoni, mingħajr ma l-uffiċjal jingħata l-possibbiltà, meta jkun il-mument, li jikkontesta d-deċiżjoni biex tinbeda l-proċedura, minħabba n-nuqqas ta’ sanzjoni li kontriha huwa jkun jista’ jappella.

354    Għaldaqstant għandu jkun hemm limitazzjoni legali fuq is-setgħa diskrezzjonali tal-Awtorità tal-Ħatra meta hija tieħu deċiżjoni biex tiftaħ proċedura dixxiplinari. Tali limitazzjoni għandha tkun suġġetta għall-istħarriġ tal-qorti.

355    Barra minn hekk, l-argument tal-Kummissjoni ma japplikax fil-konfront ta’ din il-konstatazzjoni. Fil-fatt, it-teżi tal-istituzzjoni ma hijiex li ssostni li għandu jiġi prekluż kull stħarriġ ġudizzjarju tad-deċiżjoni li tiftaħ proċedura dixxiplinari, iżda li tali stħarriġ għandu jkun limitat għal każ ta’ abbuż ta’ poter.

356    Għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 86(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, fil-verżjoni li kienet tapplika sat-30 ta’ April 2004, li abbażi tiegħu ġiet adottata d-deċiżjoni li fetħet il-proċedura dixxiplinari kontra r-rikorrent, kull nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu min-naħa tal-uffiċjal, kemm jekk volontarju jew b’negliġenza, jesponih għal sanzjoni dixxiplinari.

357    L-għażla tat-terminu “jesponi” fil-kliem ta’ dik id-dispożizzjoni jġib miegħu l-konsegwenza li, fil-każ ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ xi wieħed mill-obbligi tiegħu, l-uffiċjal ikkonċernat ma jiġix issanzjonat b’mod awtomatiku u obbligatorju, iżda sempliċiment jista’ jiġi ssanzjonat.

358    Għaldaqstant, id-dispożizzjoni prevista fl-Artikolu 86(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, fil-verżjoni li kienet tapplika sat-30 ta’ April 2004, timplika neċessarjament setgħa diskrezzjonali wiesgħa għall-Awtorità tal-Ħatra kemm għal dak li jikkonċerna l-possibbiltà li tiftaħ proċedura dixxiplinari kif ukoll għall-għażla tal-eventwali sanzjoni fi tmiem dik il-proċedura.

359    Kif ippreċiżat il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza, l-għan ta’ deċiżjoni li tiftaħ proċedura dixxiplinari kontra uffiċjal huwa li jippermetti lill-Awtorità tal-Ħatra teżamina l-veraċità u s-serjetà tal-fatti li l-uffiċjal ikkonċernat ikun akkużat bihom u biex tisma’ lill-istess uffiċjal fuq dan is-suġġett, bil-għan li tifforma opinjoni, minn naħa, fuq il-possibbiltà kemm li tagħlaq il-proċedura dixxiplinari mingħajr konsegwenzi, kif ukoll li timponi sanzjoni dixxiplinari kontra l-uffiċjal, u min-naħa l-oħra, jekk ikun il-każ, fuq il-ħtieġa li tibagħtu jew ma tibagħtux, qabel ma tiġi imposta dik is-sanzjoni, quddiem il-kunsill tad-dixxiplina, skont il-proċedura prevista fl-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal (sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-13 ta’ Marzu 2003, Pessoa u Costa vs Il‑Kummissjoni, T‑166/02, ĠabraSP p. I‑A‑89 u II‑471, punt 36, u tal-5 ta’ Ottubru 2005, Rasmussen vs Il‑Kummissjoni, T‑203/03, ĠabraSP p. I‑A‑279 u II‑1287, punt 41).

360    Għaldaqstant, fid-dawl tal-għan u l-iskop tal-proċedura dixxiplinari, kif ippreċiżati mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza, ma huwiex meħtieġ, b’kuntrast mat-teżi sostnuta mir-rikorrent, li l-fatti li l-persuna kkonċernata tkun akkużata bihom ikunu “pprovati” biex tinfetaħ proċedura dixxiplinari valida. Il-proċedura dixxiplinari hija preċiżament intiża li titfa’ dawl fuq il-fatti li bihom il-persuna kkonċernata jkun akkużat.

361    Għaldaqstant, l-argument tar-rikorrent fejn igħid li l-proċeduri dixxiplinari nbdew u tkomplew kontrih meta l-elementi materjali li fuqhom kienu bbażati ma kienux “ipprovati”, ma jistax jirnexxi.

362    Min-naħa l-oħra, għandu jiġi eżaminat l-argument tal-Kummissjoni fejn tgħid li d-deċiżjoni li tinfetaħ proċedura dixxiplinari kontra uffiċjal ma tkunx illegali ħlief fil-każ eċċezzjonali ta’ abbuż ta’ poter.

363    Skont ġurisprudenza stabbilita, il-kunċett ta’ abbuż ta’ poter għandu sinjifikat preċiż ħafna li jirreferi għall-użu tal-poteri ta’ awtorità amministrattiva għal għan differenti minn dak li għalih ikunu ngħatawlha l-istess poteri. Deċiżjoni ma tkunx ivvizzjata b’abbuż ta’ poter ħlief jekk hija tkun tidher, abbażi ta’ indikazzjonijiet oġġettivi, rilevanti u konkordanti, li tkun ittieħdet biex jintlaħqu għanijiet differenti minn dawk invokati (sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-11 ta’ Ġunju 1996, Anacoreta Correia vs Il‑Kummissjoni, T‑118/95, ĠabraSP p. I‑A‑283 u II‑835, punt 25, u tas-6 ta’ Lulju 1999, Séché vs Il‑Kummissjoni, T‑112/96 u T‑115/96, ĠabraSP p. I‑A‑115 u II‑623, punt 139).

364    L-abbuż ta’ poter jikkostitwixxi għalhekk każ ta’ illegalità partikolarment serja.

365    Issa, jibqa’ r-riskju tal-arbitrarjetà jekk wieħed jaċċetta li l-każijiet ta’ illegalità ta’ deċiżjoni li tibda proċedura dixxiplinari kontra uffiċjal huma limitati għal dawk tal-abbuż ta’ poter. Fil-fatt, in-negliġenzi serji tal-Awtorità tal-Ħatra f’dan il-qasam ma jkunu jistgħu jiġu ssanzjonati.

366    Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal u bil-għan li jiġu protetti d-drittijiet tal-uffiċjal ikkonċernat, l-Awtorità tal-Ħatra għandha titqies bħala li teżerċita l-poteri tagħha b’mod illegali mhux biss fil-każ li jkun hemm prova tal-abbuż ta’ poter, iżda ukoll fin-nuqqas ta’ elementi preċiżi u rilevanti biżżejjed li juru li l-persuna kkonċernata wettqet nuqqas dixxiplinarju (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Franchet u Byk vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 352).

367    Fid-dawl tas-setgħa diskrezzjonali wiesgħa li għandha l-Awtorità tal-Ħatra u l-limiti li għandha tingħata, l-istħarriġ ġudizzjarju għandu jkun limitat għall-verifika tal-eżattezza materjali tal-elementi meħudin inkunsiderazzjoni mill-amministrazzjoni biex tibda proċedura dixxiplinari, tan-nuqqas ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni tal-fatti kkontestati u tan-nuqqas ta’ abbuż ta’ poter (ara, b’analoġija, fil-qasam tas-sanzjoni dixxiplinari, is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-15 ta’ Mejju 1997, N vs Il‑Kummissjoni, T‑273/94, ĠabraSP p. I‑A‑97 u II‑289, punt 125, u tas-17 ta’ Mejju 2000, Tzikis vs Il‑Kummissjoni, T‑203/98, ĠabraSP p. I‑A‑91 u II‑393, punt 50).

368    F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li r-rapporti tal-OLAF u tal-IDOC ma kinux jeskludu l-possibbiltà li r-rikorrent kien involut fil-klassifikazzjoni mill-ġdid irregolari tal-iskala ta’ R. Berthelot.

369    Fil-fatt, ir-rapport tal-OLAF tat-23 ta’ Novembru 1999 isemmi, fid-dawl ta’ dikjarazzjonijiet ta’ uffiċjali parzjalment konkordanti, il-probabbiltà li nżammet laqgħa fl-uffiċċju tar-rikorrent, li matulha ġiet diskussa l-possibbiltà ta’ klassifikazzjoni mill-ġdid ta’ R. Berthelot fil-Grupp I tax-xjenzati viżitaturi. Ir-rapport tal-IDOC tat-22 ta’ Frar 2002 jippreċiża li l-analiżi tal-elementi tal-investigazzjoni tagħti wieħed x’jifhem li tali laqgħa seħħet fil-fatt bejn il-21 u d-29 ta’ Novembru 1996.

370    Għaldaqstant, kien hemm elementi suffiċjentement serji li jindikaw li r-rikorrent kien involut b’mod attiv tal-inqas fil-klassifikazzjoni mill-ġdid tal-iskala ta’ R. Berthelot, klassifikazzjoni mill-ġdid preżunta illegali fil-mument tad-deċiżjoni li tinbeda proċedura dixxiplinari kontra r-rikorrent, u dan anki kieku ma kien jeżisti ebda ħjiel bil-miktub li jikkorrobora d-dikjarazzjonijiet ta’ diversi uffiċjali, u anki jekk ir-rikorrent ikkontesta l-veraċità ta’ numru ta’ xhieda. Għaldaqstant, id-deċiżjoni li tinbeda proċedura dixxiplinari kontra r-rikorrent kienet ibbażata fuq bażi fattwali suffiċjentement preċiża u rilevanti.

371    F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Awtorità tal-Ħatra ma qabżitx il-limiti li japplikaw fuq is-setgħa diskrezzjonali tagħha meta bdiet proċedura dixxiplinari kontra r-rikorrent.

372    Minn dak li ntqal jirriżulta li r-raba’ parti tat-tmien motiv għandha tiġi miċħuda bħala infondat.

 Fuq il-ħames parti tal-motiv, ibbażata fuq il-ksur tad-dmir ta’ premura, tal-obbligu ta’ assistenza u tal-prinċipju ta’ aspettattivi leġittimi

–       L-argumenti tal-partijiet

373    Ir-rikorrent jakkuża lill-Kummissjoni li fetħet u kompliet proċedura dixxiplinari “li tmexxiet b’mod parzjali u li matulha l-Awtorità tal-Ħatra ma għamlitx dak kollu li kien fis-setgħa tagħha biex tifhem eżatt l-iżvolġiment tal-fatti”. B’dan il-mod, il-Kummissjoni kisret id-dmir ta’ premura tagħha, l-obbligu ta’ assistenza tagħha kif ukoll il-prinċipju ta’ aspettattivi leġittimi. Insostenn ta’ dan il-motiv, ir-rikorrent ifakkar id-diversi nuqqasijiet u ksur tad-drittijiet tad-difiża li vvizzjaw id-diversi investigazzjonijiet amministrattivi u li jneħħu l-kredibbiltà kollha tal-proċedura dixxiplinari mibdija b’dan il-mod.

374    Il-Kummissjoni tikkontesta li naqset mid-dmirijiet ta’ premura u ta’ assistenza tagħha. Hija tenfasizza, minn naħa, li fil-preżenza ta’ elementi serji li jtendu lejn il-ksur, min-naħa ta’ uffiċjal, tal-obbligi statutorji tiegħu, id-dmir ta’ premura ma jista’ bl-ebda mod jimpedixxi lill-Awtorità tal-Ħatra milli tibda proċedura dixxiplinari kontra l-persuna kkonċernata u, min-naħa l-oħra, li l-istituzzjoni ma tistax tkun akkużata li ma ħaditx il-miżuri kollha neċessarji biex tivverifika jekk l-akkużi magħmulin kontra r-rikorrent kinux fondati jew le.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku

375    Għandu jiġi eżaminat jekk, bil-ftuħ u t-tkomplija ta’ proċedura dixxiplinari kontra r-rikorrent, il-Kummissjoni kisritx id-dmir ta’ premura tagħha, l-obbligu ta’ assistenza tagħha u l-prinċipju ta’ aspettattivi leġittimi.

376    Fl-ewwel lok, skont ġurisprudenza stabbilita, id-dmir ta’ premura jirrifletti l-bilanċ bejn id-drittijiet u l-obbligi reċiproċi li r-Regolamenti tal-Persunal ħolqu fir-relazzjonijiet bejn l-awtorità pubblika u l-membri tal-persunal tas-servizz pubbliku. Dan id-dmir jimplika, b’mod partikolari, li l-Awtorità tal-Ħatra tieħu inkunsiderazzjoni, hija u tiddeċiedi fuq is-sitwazzjoni ta’ uffiċjal, l-elementi kollha li huma suxxettibbli li jiddeterminaw id-deċiżjoni tagħha u li, b’dan il-mod, hija tieħu inkunsiderazzjoni mhux biss l-interess tas-servizz, imma wkoll l-interess tal-uffiċjal ikkonċernat (sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-20 ta’ Ġunju 1990, Burban vs Il‑Parlament, T‑133/89, Ġabra p. II‑245, punt 27, u Séché vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 147).

377    Ir-rekwiżiti tad-dmir ta’ premura ma jistgħux jiġu interpretati bħala li jipprekludu minnhom infushom lill-Awtorità tal-Ħatra milli tibda u tipprepara proċedura dixxiplinari kontra uffiċjal. Fil-fatt, tali deċiżjoni għandha tittieħed qabel xejn fl-interess li għandha l-istituzzjoni li tara li l-eventwali nuqqasijiet ta’ twettiq tal-obbligi statutorji tal-uffiċjal jiġu kkonstatati u, jekk ikun il-każ, issanzjonati.

378    Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma tistax tiġi akkużata b’ebda ksur tad-dmir ta’ premura tagħha minħabba s-sempliċi fatt li bdiet proċedura dixxiplinari kontra r-rikorrent.

379    Fir-rigward tal-kritika l-oħra tar-rikorrent fir-rigward tal-ftuħ u t-tkomplija ta’ proċedura dixxiplinari li tikkonċernah, minn naħa, din ġiet miċħuda fil-kuntest tal-partijiet l-oħra tat-tmien motiv u, min-naħa l-oħra, il-motiv partikolari bbażat fuq in-natura mhux raġonevoli tad-dewmien tal-proċedura msemmija ser jiġi eżaminat iktar ’il quddiem.

380    Fit-tieni lok, skont ġurisprudenza stabbilita, l-obbligu ta’ assistenza, imsemmi fl-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal, huwa intiż biex l-istituzzjoni tiddefendi lill-uffiċjali minn aġir ta’ terzi persuni kif ukoll ta’ kollegi jew ta’ superjuri tagħhom, fil-kwalità personali tagħhom, u mhux kontra l-atti tal-istituzzjoni stess, li l-kontroll tagħhom joħroġ minn dispożizzjonijiet oħra tar-Regolamenti tal-Persunal (sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-18 ta’ Frar 1993, Mc Avoy vs Il‑Parlament, T‑45/91, Ġabra p. II‑83, punt 60, u tat-13 ta’ Lulju 1995, Saby vs Il‑Kummissjoni, T‑44/93, ĠabraSP p. I‑A‑175 u II‑541, punt 54).

381    Issa, għandu jiġi kkonstatat li l-OLAF, id-DĠ “Persunal u amministrazzjoni” u l-IDOC, li r-rikorrent ilmenta mill-investigazzjonijiet tagħhom, ma jikkostitwixxux terzi persuni meta mqabbla mal-istituzzjoni. Barra minn hekk, ir-rikorrent ma ġab ebda prova ta’ aġir ta’ kollegi jew superjuri tiegħu li kellhom jiġġustifikaw l-assistenza tal-istituzzjoni.

382    Konsegwentement, il-ksur tad-dmir ta’ assistenza invokat mir-rikorrent ma huwiex fondat.

383    Fit-tielet lok, skont ġurisprudenza stabbilita, għalkemm id-dritt li tiġi mitluba l-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi huwa miftuħ għal kull individwu li jsib ruħu f’sitwazzjoni fejn jirriżulta li l-amministrazzjoni ħolqitlu speranzi fondati, ebda uffiċjal ma jista’ jinvoka ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi fin-nuqqas ta’ assigurazzjoni preċiża li tkun ingħatatlu mill-amministrazzjoni (sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-27 ta’ Marzu 1990, Chomel vs Il‑Kummissjoni, T‑123/89, Ġabra p. II‑131, punt 26, u Séchévs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 160).

384    F’dan il-każ, l-amministrazzjoni ma pprovdiet lir-rikorrent ebda assigurazzjoni preċiża li huwa jista’ jinvoka. Għaldaqstant il-Kummissjoni ma tista’ tiġi akkużata b’ebda ksur tal-prinċipju ta’ aspettattivi leġittimi.

385    Minn dak li ntqal jirriżulta li l-ħames parti tal-motiv għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

 Fuq is-sitt parti tal-motiv, ibbażata fuq il-ksur, min-naħa tal-awtorità dixxiplinari, tal-obbligu tagħha li taġixxi fi żmien raġonevoli

–       L-argumenti tal-partijiet

386    Ir-rikorrent isostni li t-terminu raġonevoli li fih kellha tieħu deċiżjoni l-Awtorità tal-Ħatra għadda. Huwa jinvoka s-sentenza François vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, fejn ġie deċiż li anki fin-nuqqas ta’ terminu ta’ preskrizzjoni, l-awtoritajiet dixxiplinari għandhom l-obbligu li jaġixxu b’mod li l-ftuħ ta’ proċedura li għandha twassal għal sanzjoni jrid isir fi żmien raġonevoli. F’dan il-każ, huwa jikkonstata li l-fatti inkwistjoni jmorru lura għas-snin 1995 sa 1997, u li l-amministrazzjoni saret taf bil-fatti u l-aġir li setgħu jikkostitwixxu ksur tal-obbligi statutorji wara l-preżentazzjoni tar-rapport tal-OLAF f’Novembru 1999, jew tal-inqas, mis-sena 2002. Issa, l-Awtorità tal-Ħatra ma fetħitx il-proċedura dixxiplinari kontrih ħlief fis-16 ta’ Jannar 2004. Wara li l-qorti Belġjana, fit-30 ta’ Ġunju 2004, iddeċidiet li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni, il-prinċipju li l-proċeduri kriminali jissospendu dawk dixxiplinari ma baqax rilevanti, u ebda att istruttorju ieħor ma sar fil-kuntest tal-proċedura dixxiplinari. Il-prinċipju li jobbliga lill-Awtorità tal-Ħatra biex tiddeċiedi fi żmien raġonevoli ġie għaldaqstant miksur.

387    Skont il-Kummissjoni, iċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ kienu partikolari ħafna. Il-“każ Berthelot” seħħ f’kuntest iktar wiesa’ ta’ investigazzjonijiet li saru biex jiġi stabbilit sa fejn il-Kummisjoni, kemm kolleġjalment, u kif ukoll minn diversi membri tagħha meħuda individwalment, kienu responsabbli ta’ frodi, ta’ amministrazzjoni ħażina jew ta’ nepotiżmu. L-investigazzjonijiet ta’ din il-portata ma setgħux isiru fit-termini li normalment japplikaw għall-proċeduri dixxiplinari. B’kollox, saru tliet investigazzjonijiet u nfetħet proċedura kriminali, ħaġa li turi l-kumplessità tal-fatti inkwistjoni.

388    Il-Kummissjoni ssostni, barra minn hekk, li l-perijodi ta’ sospensjoni regolari tal-proċedura dixxiplinari ma għandhomx jittieħdu inkunsiderazzjoni waqt l-eżami tad-dewmien tal-proċedura dixxiplinari, inkwantu d-dewmien tal-proċedura quddiem il-qorti ma taqax fil-kontroll tal-istituzzjoni.

389    Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tenfasizza li l-argument ibbażat fuq id-dewmien eċċessiv tal-proċedura, imressaq minn É. Cresson fil-kawża li wasslet għas-sentenza Il‑Kummissjoni vs É. Cresson, ġie miċħud mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-punti 90 sa 92 tas-sentenza msemmija.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku

390    Mill-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba jirriżulta li l-awtoritajiet dixxiplinari għandhom l-obbligu li jwettqu l-proċedura dixxiplinari b’diliġenza u li jaġixxu b’mod li kull att proċedurali jitwettaq f’terminu raġonevoli wara l-att preċedenti (sentenza François vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 47; sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tat-8 ta’ Novembru 2007, Andreasen vs Il‑Kummissjoni, F‑40/05, ĠabraSP p. I‑A‑1‑337 u II‑A‑1‑1859, punt 194, u l-ġurisprudenza ċċitata, li hija s-suġġett ta’ appell pendenti quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea, kawża T‑17/08 P).

391    Dan id-dmir ta’ diliġenza u ta’ rispett tat-terminu raġonevoli japplika wkoll għall-ftuħ tal-proċedura dixxiplinari, b’mod partikolari fil-każ u mill-mument meta l-amministrazzjoni ssir taf dwar fatti u mġiba li jistgħu jammontaw għal ksur tal-obbligi statutorji ta’ uffiċjal. Fil-fatt, anki fin-nuqqas ta’ terminu ta’ preskrizzjoni, l-awtoritajiet dixxiplinari għandhom l-obbligu li jaġixxu b’mod li l-ftuħ tal-proċedura li tista’ twassal għal sistema dixxiplinari jsir f’terminu raġonevoli (sentenza François vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata).

392    Għaldaqstant, id-dewmien irraġonevoli ta’ proċedura dixxiplinari jista’ jirriżulta kemm mit-tmexxija tal-investigazzjonijiet amministrattivi ta’ qabel kif ukoll mill-proċedura dixxiplinari bħala tali. Il-perijodu li jrid jittieħed inkunsiderazzjoni biex tiġi evalwata n-natura raġonevoli tad-dewmien tal-proċedura dixxiplinari ma huwiex biss dak li jibda jiddekorri mid-deċiżjoni tal-ftuħ tal-proċedura msemmija. Il-kwistjoni dwar jekk il-proċedura dixxiplinari, ladarba tinfetaħ, titmexxhiex bid-diliġenza meħtieġa, hija affettwata bil-fatt li jkun għadda perijodu xi ftit jew wisq twil bejn meta jkun seħħ l-allegat ksur dixxiplinarju u d-deċiżjoni tal-ftuħ tal-proċedura dixxiplinari.

393    In-natura raġonevoli tad-dewmien tal-proċedura trid tiġi evalwata skont iċ-ċirkustanzi speċifiċi ta’ kull każ u, b’mod partikolari, il-kwistjoni għall-persuna kkonċernata, il-kumplessità tal-kawża kif ukoll l-aġir tar-rikorrent u dak tal-awtoritajiet kompetenti ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta’ Diċembru 1998, Baustahlgewebe vs Il‑Kummissjoni, C‑185/95 P, Ġabra p. I‑8417, punt 29, u l-ġurisprudenza ċċitata).

394    Ma hemm ebda fattur partikolari li huwa deċiżiv. Kull wieħed minnhom irid jiġi eżaminat b’mod separat, biex imbagħad jiġi evalwat l-effett kumulattiv tagħhom. Ċerti eżempji ta’ dewmien imputabbli lill-Awtorità tal-Ħatra jistgħu ma jidhrux irraġonevoli jekk jitqiesu waħidhom, iżda flimkien jidhru li huma irraġonevoli. Ir-rekwiżiti fil-qasam tad-diliġenza proċedurali ma jmorrux lil hinn, madankollu, minn dak li huwa kompatibbli mal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba.

395    Meta, minħabba deċiżjonijiet meħuda mill-Awtorità tal-Ħatra, il-proċedura teċċedi dak li wieħed jikkunsidra normalment bħala dewmien raġonevoli, hija dik l-awtorità li għandha tistabbilixxi l-eżistenza ta’ ċirkustanzi partikolari li jiġġustifikaw tali dewmien (ara, b’analoġija, f’dak li jikkonċerna l-preparazzjoni ta’ rapporti tal-evalwazzjoni, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-5 ta’ Mejju 1983, Ditterich vs Il‑Kummissjoni, 207/81, Ġabra p. 1359, punt 26).

396    Fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji, għandu jiġi vverifikat jekk il-proċedura dixxiplinari tmexxietx fi żmien raġonevoli. Dan jimplika, fl-ewwel lok, li jiġu mfakkra l-avventimenti prinċipali li wasslu għall-ftuħ tagħha, kif ukoll l-istadji prinċipali tagħha, qabel ma jiġi eżaminat, fit-tieni lok, jekk id-dewmien oġġettivament ikkonstatat jistax jitqies bħala raġonevoli.

397    Fid-deċiżjoni tas-16 ta’ Jannar 2004 li wasslet għall-ftuħ ta’ proċedura dixxiplinari kontra r-rikorrent, dan ġie akkużat li kellu rwol attiv f’dak li jikkonċerna l-klassifikazzjoni mill-ġdid fl-iskala ta’ R. Berthelot u fir-reklutaġġ tiegħu maċ-ĊKR.

398    Issa, R. Berthelot ibbenefika minn klassifikazzjoni mill-ġdid b’effett mill-1 ta’ Settembru 1996, u ngħatalu kuntratt ta’ xjenzat viżitatur maċ-ĊKR b’effett mill-1 ta’ Marzu 1997. Id-deċiżjoni għall-ftuħ tal-proċedura dixxiplinari ġiet adottata, għaldaqstant, iktar minn seba’ snin wara l-fatti li bihom kien akkużat ir-rikorrent. Dan id-dewmien huwa minnu nnifsu indiskutibbilment twil b’mod mhux normali għal dak li jikkonċerna l-prosekuzzjoni ta’ uffiċjal fuq livell dixxiplinarju.

399    L-OLAF għalaq ir-rapport tal-investigazzjoni tiegħu dwar il-kundizzjonijiet tal-impjieg ta’ R. Berthelot bħala xjenzat viżitatur mal-Kummissjoni fit-23 ta’ Novembru 1999 u l-IDOC għalaq ir-rapport tal-investigazzjoni amministrattiva addizzjonali tiegħu dwar il-perijodu tax-xogħol ta’ R. Berthelot bħala xjenzat viżitatur mad-DĠ “Riċerka” fit-22 ta’ Frar 2002. Bejn il-preżentazzjoni ta’ dan l-aħħar rapport u l-ftuħ tal-proċedura dixxiplinari, ma saret ebda investigazzjoni addizzjonali. Id-deċiżjoni għall-ftuħ ta’ proċedura dixxiplinari kontra r-rikorrent ġiet adottata għaldaqstant kważi sentejn wara l-aħħar rapport tal-investigazzjoni amministrattiva. Dan id-dewmien huwa wkoll twil b’mod mhux normali, meta wieħed iħares lejh f’kuntest ta’ proċedura dixxiplinari li tirrigwarda uffiċjal.

400    Wara l-preżentazzjoni tal-aħħar rapport ta’ investigazzjoni, l-uniku avveniment li jista’ jitqies bħala rilevanti fir-rigward tal-proċedura dixxiplinari huwa l-akkuża li ħarġu l-awtoritajiet kriminali Belġjani kontra r-rikorrent fit-18 ta’ Marzu 2003. Madankollu, għaddew għaxar xhur bejn dak l-avveniment u l-ftuħ tal-proċedura dixxiplinari, perijodu li huwa ukoll twil b’mod mhux normali.

401    Permezz ta’ deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ħatra tas-16 ta’ Jannar 2004, il-proċedura dixxiplinari nfetħet u ġiet immedjatament sospiża, skont il-ħames paragrafu tal-Artikolu 88 tar-Regolamenti tal-Persunal, fil-verżjoni li kienet tapplika sat-30 ta’ April 2004, li jipprovdi li meta uffiċjal ikun diġà suġġett ta’ proċeduri kriminali għall-istess fatti, is-sitwazzjoni tiegħu ma tiġix deċiża b’mod finali ħlief wara li d-deċiżjoni mogħtija mill-qorti li quddiemha jkun il-każ tkun saret finali. Wara li l-qorti kriminali Belġjana ddeċidiet li ma kienx hemm lok li tingħata deċiżjoni fit-30 ta’ Ġunju 2004, il-Kummissjoni informat lir-rikorrent, permezz ta’ ittra tat-13 ta’ Lulju 2004, li l-proċedura dixxiplinari li kienet tikkonċernah kienet ġiet sospiża sakemm tingħata deċiżjoni mill-kulleġġ tal-kummissarji fir-rigward tal-każ É. Cresson.

402    Il-proċedura dixxiplinari finalment ingħalqet permezz ta’ deċiżjoni tas-16 ta’ Ottubru 2006, jiġifieri kważi għaxar snin wara l-fatti inkwistjoni.

403    Għaldaqstant, għandu jiġi eżaminat, fit-tieni lok, jekk il-Kummissjoni ġabitx elementi li jippermettu li jiġi stabbilit li dewmien oġġettivament daqshekk twil, u prima facie eċċessiv, jistax madankollu jitiqes bħala raġonevoli fiċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ ineżami.

404    Għandu jitfakkar qabel xejn li, fil-kawża li wasslet għas-sentenza Il‑Kummissjoni vs Cresson, É. Cresson kienet ressqet argument simili għal dak imressaq mir-rikorrent f’din il-kawża. Fil-fatt, hija kienet sostniet li l-ftuħ tal-proċeduri dixxiplinari permezz ta’ dikjarazzjonijiet tal-oġġezzjonijiet fil-21 ta’ Jannar 2003, jiġifieri iktar minn seba’ snin wara l-fatti kkunsidrati mill-Kummissjoni, hija inaċċettabbli, fid-dawl, b’mod partikolari, tal-eżistenza ta’ diversi rapporti fuq il-fatti kkontestati, disponibbli għal żmien twil, u tan-nuqqas ta’ kumplessità tal-kawża (ara s-sentenza Il‑Kummissjoni vs Cresson, punt 78).

405    Il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet dan l-argument billi kkunsidrat li, peress li l-Artikolu 213(2) KE qatt ma kien għadu ntuża sabiex jindbew proċeduri kontra Membru tal-Kummissjoni minħabba l-imġiba tiegħu matul il-kariga tiegħu, il-Kummissjoni setgħet tqis neċessarju li tagħti attenzjoni partikolari.

406    Għalkemm, kif ikkonstatat il-Qorti tal-Ġustizzja, il-Kummissjoni setgħat validament tqis neċessarju li tagħti attenzjoni partikolari fir-rigward tal-ftuħ ta’ proċeduri kontra É. Cresson, dan il-fatt ma setax bilfors iwassal biex jeżenta lill-istituzzjoni mill-obbligu tagħha li tiftaħ proċedura dixxiplinari kontra r-rikorrent fi żmien raġonevoli.

407    Ċertament, il-każ tar-rikorrent kien marbut ma’ dak ta’ É. Cresson, inkwantu l-persuna kkonċernata kienet il-kap tal-uffiċċju tal-istess É. Cresson matul il-perijodu li fih twettqet parti mill-frodi inkwistjoni. Kif ikkonstata diġà dan it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fil-kuntest tat-tielet parti ta’ dan il-motiv (ara l-punti 341 u 342 iktar ’il fuq), din ir-rabta tirrappreżenta ċirkustanza li l-Kummissjoni setgħat legalment tieħu inkunsiderazzjoni.

408    Madankollu, jeżistu differenzi determinanti bejn iż-żewġ kawżi, differenzi li jipprekludu lill-istituzzjoni milli tapplika d-deċiżjonijiet meħudin fil-konfront tal-ex Membru tal-Kummissjoni b’mod awtomatiku u mingħajr ebda differenza fir-rigward tar-rikorrent.

409    Fl-ewwel lok, ir-rikorrent, bħala uffiċjal, kien f’sitwazzjoni statutorja differenti minn dik ta’ É. Cresson. Fil-fatt, l-istess É. Cresson, bħala membru tal-Kummissjoni li kienet is-suġġett ta’ ħatra politika għal kariga ta’ żmien limitat, kienet, minn naħa, responsabbli politikament għall-azzjonijiet tagħha kif ukoll ta’ dawk il-persuni li kienu aġixxew f’isimha u skont l-istruzzjonijiet tagħha u, min-naħa l-oħra, kienet suġġetta għall-proċedura speċjali prevista fl-Artikoli 213 KE u 126 KEEA. Hija waqfet mill-kariga tagħha iktar minn tliet snin ilu meta nfetħet proċedura kontriha bbażata fuq l-artikoli msemmija. Ir-rikorrent, min-naħa l-oħra, bħala uffiċjal, kien suġġett skont ir-Regolamenti tal-Persunal, għall-obbligu tal-lealtà lejn il-Komunitajiet Ewropej u kien mistenni jagħmel il-karriera tiegħu mal-Kummissjoni. Issa, huwa diffiċli li wieħed jistenna li uffiċjal ikompli jaħdem b’mod normali u jżomm il-lealtà tiegħu lejn il-Komunitajiet kif mitlub minnu skont ir-Regolamenti tal-Persunal meta, għal diversi snin, l-imġiba tiegħu kienet is-suġġett ta’ investigazzjonijiet suċċessivi, u li jkollu fuq moħħu r-riskju ta’ proċeduri dixxiplinari.

410    Fit-tieni lok, għalkemm għal ċertu perijodu r-rikorrent kien il-kap tal-uffiċċju ta’ É. Cresson, kronoloġikament huwa kien fit-tarf tal-avvenimenti li wasslu għall-akkużi miġjuba kontra l-istess É. Cresson. Fil-fatt, meta r-rikorrent ġie maħtur kap tal-uffiċċju ta’ É. Cresson fil-21 ta’ Diċembru 1995, ir-reklutaġġ irregolari ta’ R. Berthelot kien diġà seħħ, peress li huwa bbenefika mill-istat ta’ xjenzat viżitatur mad-DĠ “Riċerka” mill-1 ta’ Settembru ta’ qabel.

411    Huwa minnu li r-rikorrent ġie akkużat bil-parteċipazzjoni tiegħu fil-klassifikazzjoni mill-ġdid tal-iskala ta’ R. Berthelot u r-reklutaġġ irregolari ta’ dan maċ-ĊKR, iżda l-fatt li R. Berthelot kien diġà ġie rreklutat ma’ É. Cresson meta wasal ir-rikorrent fl-uffiċċju tagħha jindika li r-rwol li eventwalment kellu r-rikorrent fl-irregolaritajiet ikkonstatati ma setax kien ta’ katalizzatur u kien, jekk xejn, aċċessorju. Il-Kummissjoni stess, waqt is-seduta, osservat li “huwa ħażin li jingħad li [ir-rikorrent] kien l-instigatur prinċipali tal-każ kollu”.

412    Dawn id-differenzi sinjifikattivi bejn is-sitwazzjoni tal-ex Membru tal-Kummissjoni u dik tar-rikorrent jikkostitwixxu kunsiderazzjonijiet deċiżivi meta jkun qiegħed jiġi evalwat jekk id-dewmien mhux normali u prima facie eċċessiv (ara l-punti 398 sa 402 iktar ’il fuq) ta’ din il-proċedura jistax madankollu jiġi kklassifikat bħala raġonevoli.

413    Ċertament, fl-isfond tal-akkużi speċifiċi miġjuba kontra r-rikorrent, hemm l-istess interess ġenerali importanti, jiġifieri l-fiduċja tal-pubbliku fil-funzjonament tajjeb tal-istituzzjonijiet Ewropej tal-ogħla livell u fil-fatt li ma jkunx hemm tixħim jew ħabi ta’ tixħim. F’dan ir-rigward, il-każ tar-rikorrent fuq livell dixxiplinarju ma kienx jirriżulta minn inċident iżolat, iżda kien jidħol f’kuntest iktar ġenerali li, bil-problemi li kien qed joħroġ, kellu implikazzjonijiet li jmorru lil hinn mis-sitwazzjoni tal-persuna kkonċernata.

414    Madankollu, fiċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ, meta wieħed jibbilanċja l-fatturi kollha li ssemmew iktar ’il fuq, u b’mod partikolari d-differenzi determinanti bejn il-każ tar-rikorrent u dak tal-ex Membru tal-Kummissjoni, u mingħajr ma jiġi skartat l-interess pubbliku iktar ġenerali li kien involut, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni ma wrietx li d-dewmien twil b’mod mhux normali kemm fil-perijodu li ġie qabel il-ftuħ tal-proċedura dixxiplinari kif ukoll fil-proċedura msemmija jista’ madankollu jitqies bħala raġonevoli.

415    Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li l-Kummissjoni wettqet żbalji fis-servizz meta, minn naħa, naqset milli tibgħat lir-rikorrent il-kontribuzzjoni tal-IDOC, u min-naħa l-oħra, billi fetħet u kompliet proċedura dixxiplinari bi ksur tal-obbligu ta’ diliġenza tagħha.

2.     Fuq id-dannu u r-rabta kawżali

416    Fl-ewwel lok, in-nuqqas tal-Kummissjoni milli tibgħat lir-rikorrent il-kontribuzzjoni tal-IDOC jista’ jitqies bħala li kkaġuna lill-istess rikorrent dannu morali li jirriżulta mis-sentiment li huwa kellu jiffaċċja attitudni kkaratterizzata b’opaċità fir-rigward ta’ dokument essenzjali biex huwa jeżerċita d-drittijiet tad-difiża tiegħu (ara, fir-rigward ta’ dannu morali kkaġunat minħabba ksur tad-drittijiet tad-difiża, is-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-11 ta’ Settembru 2008, Bui Van vs Il‑Kummissjoni, F‑51/07, ĠabraSP p. I‑A‑1‑289 u II‑A‑1‑1533, punti 93 u 94, li hija s-suġġett ta’ appell pendenti quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea, Kawża T‑491/08 P).

417    Fid-dawl taċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ, it-Tribunal, għas-Servizz Pubbliku billi jevalwa d-danni ex aequo et bono, jikkunsidra li l-għoti ta’ ammont ta’ EUR 5 000 jikkostitwixxi kumpens xieraq għar-rikorrent.

418    Fit-tieni lok, il-ksur, min-naħa tal-istituzzjoni, tal-obbligu tagħha li taġixxi fi żmien raġonevoli fir-rigward tal-ftuħ u t-tmexxija tal-proċedura dixxiplinari poġġa lir-rikorrent fi stat ta’ inċertezza mtawwla, li jikkostitwixxi dannu morali li jrid jiġi kkumpensat. Fid-dawl tal-fatt li, minn naħa, id-deċiżjoni għall-ftuħ ta’ proċedura dixxiplinari ġiet adottata iktar minn seba’ snin wara l-fatti li bihom ġie akkużat ir-rikorrent u li, min-naħa l-oħra, wara li nfetħet il-proċedura, din damet pendenti għal żmien ta’ kważi tliet snin, li jwassal għal total ta’ kważi għaxar snin bejn il-fatti inkwistjoni u l-għeluq tal-proċedura dixxiplinari, jeħtieġ li l-kumpens tar-rikorrent jiġi ffissat ex aequo et bono fl-ammont ta’ EUR 25 000.

419    Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li l-Kummissjoni trid tiġi kkundannata tħallas lir-rikorrent is-somma ta’ EUR 30 000 bħala kumpens għad-dannu morali kkaġunat lilu minħabba n-nuqqasijiet tagħha.

 Fuq l-ispejjeż

420    Skont l-Artikolu 122 tar-Regoli tal-Proċedura, id-dispożizzjonijiet tat-tmien Kapitolu tat-tieni Titolu tal-istess regoli, dwar l-ispejjeż ġudizzjarji, huma applikabbli biss għall-kawżi mressqa quddiem it-Tribunal, u dan minn mindu jidħlu fis-seħħ dawn ir-regoli, jiġifieri fl-1 ta’ Novembru 2007. Id-dispożizzjonijiet tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza li huma rilevanti f’dan il-qasam għandhom jibqgħu jkunu applikabbli mutatis mutandis għall-kawżi pendenti quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku qabel din id-data.

421    Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Procedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, il-parti li titlef il-kawża ghandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Madankollu, bis-saħħa tal-Artikolu 88 tal-istess regoli, fil-kawżi bejn il-Komunitajiet u l-membri tal-persunal tagħhom, l-istituzzjonijiet għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

422    Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 87(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, jekk il-partijiet ikunu telliefa rispettivament fuq kap jew iktar tat-talbiet tagħhom, jew għal raġunijiet eċċezzjonali, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jista’ jiddeċiedi li jaqsam l-ispejjeż jew jiddeċiedi li kull parti tbati l-ispejjeż tagħha.

423    Fl-aħħar nett, skont l-Artikolu 87(6) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, fil-każ li ma jkunx hemm lok għal deċiżjoni dwar il-kawża, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku għandu jiddeċiedi hu dwar l-ispejjeż.

424    F’dak li jirrigwarda t-talbiet għall-annullament tar-rikors irreġistrat bir-referenza F‑124/05, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku josserva li t-talbiet imsemmija ma għadx għandhom skop wara d-deċiżjoni tas-16 ta’ Ottubru 2006 li għalqet il-proċedura dixxiplinari li tikkonċerna lir-rikorrent, deċiżjoni li biha l-istituzzjoni konvenuta tat lill-persuna kkonċernata r-riżultat li huwa talab bl-imsemmija talbiet tar-rikors.

425    Min-naħa l-oħra, f’dak li jikkonċerna t-talbiet għad-danni tar-rikorsi rreġistrati bir-referenzi F‑124/05 u F‑96/06, għandu jiġi kkonstatat li huma tnejn biss min-nuqqasijiet invokati mir-rikorrent li ġew ddikjarati pprovati, u li dan kiseb danni f’ammont ħafna inqas baxx minn dak li talab.

426    Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jsostni li tkun evalwazzjoni ġusta fiċ-ċirkustanzi tal-każ li l-Kummissjoni tiġi kkundannata tbati nofs l-ispejjeż tar-rikorrent, apparti minn dawk tagħha. Ir-rikorrent għandu jbati nofs l-ispejjeż tiegħu.

Għal dawn il-motivi,

IT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU (Qorti Plenarja)

jaqta’ u jiddeċiedi li:

1)      Ma għadx hemm lok li tingħata deċiżjoni fuq it-talbiet imressqa mir-rikorrent fir-rikors irreġistrat bir-referenza F‑124/05, A vs Il‑Kummissjoni.

2)      Il‑Kummissjoni Ewropea hija kkundannata tħallas lir-rikorrent is-somma ta’ EUR 30 000, bħala kumpens għad-dannu morali li huwa sofra.

3)      Il-Kummissjoni Ewropea għandha tbati nofs l-ispejjeż tar-rikorrent apparti l-ispejjeż tagħha stess li jirrigwardaw ir-rikorsi rreġistrati bir-referenzi F‑124/05, A vs Il‑Kummissjoni, u F‑96/06, G vs Il‑Kummissjoni.

4)      Ir-rikorrent għandu jbati nofs l-ispejjeż li jirrigwardaw ir-rikorsi rreġistrati bir-referenzi F‑124/05, A vs Il‑Kummissjoni, u F‑96/06, G vs Il‑Kummissjoni.

Mahoney

 

      Gervasoni

Kreppel

Tagaras

Van Raepenbusch

Mogħtija f’Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-13 ta’ Jannar 2010.

Reġistratur

 

      President

Werrej

Il-kuntest ġuridiku

I — Dispożizzjonijiet li jirrigwardaw il-privileġġi u l-immunitajiet

II — Dispożizzjonijiet li jirrigwardaw l-investigazzjonijiet fil-qasam tal-ġlieda kontra l-frodi

III — Dispożizzjonijiet li jirrigwardaw il-proċeduri dixxiplinari

IV — Dispożizzjonijiet dwar l-assigurazzjoni għall-mard ikkaġunat mix-xogħol u għall-inċidenti

V — Dispożizzjonijiet li jirrigwardaw il-benefiċċji li jingħataw fil-każ ta’ invaliditŕ

A — Ir-Regolamenti tal-Persunal

B — Ir-Regolamenti tal-Persunal, fil-verżjoni li kienet tapplika sat-30 ta’ April 2004

VI — Dispożizzjonijiet li jirrigwardaw il-fajl personali

VII — Dispożizzjonijiet dwar l-aċċess tal-pubbliku għal dokumenti

Il-fatti li wasslu għall-kawża

I — Il-kuntest tal-“każ Cresson”

II — Il-fatti li jikkonċernaw lir-rikorrent

Proċedura

I — Fil-Kawża F‑124/05 qabel ma din ingħaqdet mal-Kawża F‑96/06

II — Fil-Kawża F‑96/06 qabel ma din ingħaqdet mal-Kawża F‑124/05

III — Fil-Kawżi magħquda F‑124/05 u F‑96/06

It-talbiet tal-partijiet

I — Fil-Kawża F‑124/05

II — Fil-Kawża F‑96/06

Id-dritt

I — Fuq ir-rikors F‑124/05

A — L-argumenti tal-partijiet

B — Il-kunsiderazzjonijiet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku

II — Fuq ir-rikors F‑96/06

A — Fuq l-ammissibbiltà

1. L-argumenti tal-partijiet

2. Il-kunsiderazzjonijiet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku

B — Fuq il-mertu

1. Fuq in-nuqqasijiet li ġiet akkużata bihom il-Kummissjoni

a) Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq l-involviment tiegħu, allegatament inġustifikat, fil-“kawża Berthelot”

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku

b) Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq in-nuqqasijiet u l-ksur tad-drittijiet tad-difiża li vvizzjaw l-investigazzjonijiet amministrattivi

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku

c) Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ kunfidenzjalitŕ tal-investigazzjonijiet tal-OLAF

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku

— Fuq l-ammissibbiltà tal-motiv

— Fuq il-fondatezza tal-motiv

d) Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq l-illegalitŕ tat-tneħħija tal-immunitŕ ġudizzjarja tar-rikorrent

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku

e) Fuq il-ħames motiv, ibbażat fuq l-illegalitŕ tad-deċiżjoni ta’ assenjazzjoni mill-ġdid tar-rikorrent

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku

f) Fuq is-sitt ilment, ibbażat fuq l-irregolaritajiet li allegatament ivvizzjaw il-proċedura mibdija taħt l-Artikolu 73 tar-Regolamenti tal-Persunal

Fuq l-ewwel parti tal-motiv, ibbażat fuq l-esklużjoni allegatament inġustifikata tal-ipoteżi ta’ inċident tax-xogħol

— L-argumenti tal-partijiet

— Il-kunsiderazzjonijiet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku

Fuq it-tieni parti tal-motiv, ibbażat fuq l-irregolaritajiet tal-proċedura quddiem l-IDOC

— Fuq l-allegata illegalità tal-involviment tal-IDOC

— Fuq l-allegat nuqqas ta’ imparzjalità tal-IDOC

— Fuq ir-rifjut li tinbagħat lir-rikorrent il-kontribuzzjoni tal-IDOC

g) Fuq is-seba’ motiv, ibbażat fuq l-illegalitŕ tal-opinjoni tal-Kumitat tal-Invaliditŕ tad-29 ta’ Ottubru 2004.

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku

h) Fuq it-tmien motiv, ibbażat fuq l-illegalitŕ tal-ftuħ u t-tkomplija ta’ proċedura dixxiplinari kontra r-rikorrent

Osservazzjoni preliminari

Fuq l-ewwel u t-tieni partijiet tal-motiv, ibbażati fuq l-allegazzjonijiet li ma ttieħdux inkunsiderazzjoni l-effetti tad-deċiżjoni tal-qorti Belġjana li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni

— L-argumenti tal-partijiet

— Il-kunsiderazzjonijiet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku

Fuq it-tielet parti tal-motiv, ibbażata fuq ir-rabta allegatament inġustifikata bejn il-proċedura dixxiplinari li tikkonċerna lir-rikorrent u l-proċedura li tikkonċerna lill-ex Membru tal-Kummissjoni

— L-argumenti tal-partijiet

— Il-kunsiderazzjonijiet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku

Fuq ir-raba’ parti tal-motiv, ibbażata fuq l-insuffiċjenza tal-provi li jiġġustifikaw il-ftuħ ta’ proċedura dixxiplinari

— L-argumenti tal-partijiet

— Il-kunsiderazzjonijiet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku

Fuq il-ħames parti tal-motiv, ibbażata fuq il-ksur tad-dmir ta’ premura, tal-obbligu ta’ assistenza u tal-prinċipju ta’ aspettattivi leġittimi

— L-argumenti tal-partijiet

— Il-kunsiderazzjonijiet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku

Fuq is-sitt parti tal-motiv, ibbażata fuq il-ksur, min-naħa tal-awtoritŕ dixxiplinari, tal-obbligu tagħha li taġixxi fi żmien raġonevoli

— L-argumenti tal-partijiet

— Il-kunsiderazzjonijiet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku

2. Fuq id-dannu u r-rabta kawżali

Fuq l-ispejjeż


* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.