Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Sąd Rejonowy dla Krakowa-Śródmieścia w Krakowie (il-Polonja) fit-18 ta’ Awwissu 2020 – T.B., D. sp. z. o. o. vs G. I. A/S

(Kawża C-393/20)

Lingwa tal-kawża: il-Pollakk

Qorti tar-rinviju

Sąd Rejonowy dla Krakowa-Śródmieścia w Krakowie

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: T.B., D. sp. z. o. o.

Konvenuta: G. I. A/S

Domandi preliminari

L-Artikolu 13(2) moqri flimkien mal-Artikolu 11(1)(b) tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali 1 għandu jiġi interpretat fis-sens li dan jista’ jiġi invokat minn persuna li, bħala korrispettiv għal servizzi – mogħtija lill-vittma diretta ta’ inċident tat-traffiku b’rabta mad-dannu li rriżulta – , xtrat pretensjoni għall-ħlas ta’ danni, iżda ma twettaqx attivitajiet professjonali fil-qasam tal-irkupru ta’ pretensjonijiet għal kumpens mill-assiguraturi u li ħarrket, quddiem il-qorti tal-post ta’ stabbiliment tagħha, lill-assiguratur għar-responsabbiltà ċivili tal-persuna li tkun ikkawżat l-inċident li jkun stabbilit fi Stat Membru ieħor?

L-Artikolu 7(2) jew l-Artikolu 12 tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali, għandu jiġi interpretat fis-sens li dan jista’ jiġi invokat minn persuna li permezz ta’ kuntratt ta’ assenjazzjoni xtrat pretensjoni mingħand vittma ta’ inċident tat-traffiku bil-għan li titressaq azzjoni quddiem qorti tal-Istat Membru tal-post fejn seħħ l-inċident għar-responsabbiltà ċivili tal-assiguratur tal-persuna li kkawżat l-inċident tat-traffiku, liema assiguratur huwa stabbilit fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor għajr l-Istat Membru tal-post fejn seħħ l-inċident?

____________

1 ĠU 2012, L 351, p. 1.