Language of document : ECLI:EU:F:2016:136

DIGRIET TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU

TAL-UNJONI EWROPEA

(It-Tieni Awla)

24 ta’ Ġunju 2016

Kawża F‑142/11 RENV

Erik Simpson

vs

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

“Servizz pubbliku – Kawża mibgħuta lura quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku wara annullament – Uffiċjali – Avvanz fil-grad – Deċiżjoni li r-rikorrent ma jingħatax il-grad AD 9 wara li għadda mill-kompetizzjoni ġenerali ta’ grad A 9 – Obbligu ta’ motivazzjoni – Ugwaljanza fit-trattament – Żball manifest ta’ evalwazzjoni – Artikolu 81 tar-Regoli tal-Proċedura – Rikors manifestament infondat)

Suġġett:      Rikors ippreżentat skont l-Artikolu 270 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEEA skont l-Artikolu 106a tiegħu, li bih Erik Simpson jitlob, minn naħa, l-annullament tad-deċiżjoni tad-9 ta’ Diċembru 2010, li permezz tagħha l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea ċaħad it-talba tiegħu għal avvanz għall-grad AD 9 wara li għadda mill-kompetizzjoni ġenerali EPSO/AD/113/07 organizzata għar-reklutaġġ ta’ kapijiet ta’ unità ta’ grad AD 9, b’mod partikolari fil-lingwa Estonjana, fil-qasam tat-traduzzjoni, u d-deċiżjoni tas-7 ta’ Ottubru 2011, li ċaħdet l-ilment tiegħu u, min-naħa l-oħra, il-kundanna tal-Kunsill għall-ħlas tad-dannu subit, ukoll għall-ispejjeż.

Deċiżjoni:      Ir-rikors huwa miċħud. Erik Simpson għandu jbati l-ispejjeż tiegħu esposti fil-Kawżi F‑142/11, T‑130/14 P u F‑142/11 RENV rispettivament kif ukoll l-ispejjeż esposti mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea fil-Kawża F‑142/11. Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għandu jbati l-ispejjeż tiegħu esposti fil-Kawżi T‑130/14 P u F‑142/11 RENV.

Sommarju

Uffiċjali – Ugwaljanza fit-trattament – Kunċett – Limiti

Differenzi fit-trattament, iġġustifikati abbażi ta’ kriterju oġġettiv u raġonevoli, proporzjonati mal-għan imfittex mid-differenzazzjoni inkwistjoni, ma jikkostitwixxix ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament. Fost il-kriterji oġġettivi u raġonevoli li jistgħu jiġġustifikaw differenza fit-trattament bejn uffiċjali hemm l-interess tas-servizz. Sabiex tiddeċiedi dwar il-miżuri li għandha tieħu fl-interess tas-servizz, l-amministrazzjoni għandha setgħa diskrezzjonali wiesgħa b’mod li l-qorti tal-Unjoni, fl-istħarriġ tal-osservanza tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni, għandha tillimita ruħha li tivverifika jekk l-istituzzjoni kkonċernata għamlitx differenzazzjoni arbitrarja jew li tmur manifestament kontra l-interess tas-servizz.

(ara l-punti 46 u 47)

Referenza:

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: sentenza tas-16 ta’ Marzu 2004, Afari vs BĊE, T‑11/03, EU:T:2004:77, punt 65

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: sentenzi tad-19 ta’ Ottubru 2006, De Smedt vs Il‑Kummissjoni, F‑59/05, EU:F:2006:105, punt 76; tat-23 ta’ Jannar 2007, Chassagne vs Il-Kummissjoni, F‑43/05, EU:F:2007:14, punt 91, u tal-25 ta’ Frar 2010, Pleijte vs Il‑Kummissjoni, F‑91/08, EU:F:2010:13, punt 58 u l-ġurisprudenza ċċitata