Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Cour de cassation (il-Belġju) fid-29 ta’ Awwissu 2018 – IK

(Kawża C-551/18)

Lingwa tal-kawża: l-Olandiż

Qorti tar-rinviju

Cour de cassation

Parti fil-kawża prinċipali

IK

Domandi preliminari

L-Artikolu 8(1)(f) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584/ĠAI 1 għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa biżżejjed li, fil-mandat ta’ arrest Ewropew, l-awtorità ġudizzjarja emittenti ssemmi biss il-piena ta’ priġunerija eżekutorja li ġiet imposta, mingħajr għalhekk ma ssemmi l-piena addizzjonali mogħtija għall-istess reat u permezz tal-istess deċiżjoni ġudizzjarja, bħat-tqegħid għad-dispożizzjoni, li tagħti lok għal ċaħda effettiva tal-libertà biss wara l-eżekuzzjoni tal-piena ta’ priġunerija prinċipali, u dan biss wara deċiżjoni formali mogħtija għal dan l-għan mill-Qorti Penitenzjarja?

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda, l-Artikolu 8(1)(f) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584/ĠAI għandu jiġi interpretat fis-sens li l-konsegwenza tal-konsenja mill-Istat Membru tal-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni abbażi ta’ mandat ta’ arrest Ewropew li jsemmi biss il-piena ta’ priġunerija eżekutorja li ġiet imposta, u għalhekk ma jsemmix il-piena addizzjonali ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni mogħtija għall-istess reat u permezz tal-istess deċiżjoni ġudizzjarja, hija li, fl-Istat Membru tal-awtorità ġudizzjarja emittenti, jista’ jkun hemm iċ-ċaħda effettiva tal-libertà b’eżekuzzjoni ta’ din il-piena addizzjonali?

Fil-każ ta’ risposta fin-negattiv għall-ewwel domanda, l-Artikolu 8(1)(f) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584/ĠAI għandu jiġi interpretat fis-sens li l-konsegwenza tal-fatt li, fil-mandat ta’ arrest Ewropew, l-awtorità ġudizzjarja emittenti ma semmietx il-piena addizzjonali ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni mogħtija, hija li din il-piena addizzjonali, fejn jista’ jiġi preżunt li l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni ma tafx biha, ma tistax tagħti lok għal ċaħda effettiva tal-libertà fl-Istat Membru tal-awtorità ġudizzjarja emittenti?

____________

1     Id-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill tat-13 ta’ Ġunju 2002 dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 34, rettifika fil-ĠU 2009, L 17, p. 45).