Language of document :

Appell ippreżentat fit-12 ta’ Settembru 2020 minn Carlo Tognoli et mid-digriet mogħti mill-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla) fit-3 ta’ Lulju 2020, fil-Kawżi maghquda T-395/19, T-396/19, T-405/19, T-408/19, T-419/19, T-423/19, T-424/19, T-428/19, T-433/19, T-437/19, T-443/19, T-455/19, minn T-458/19 sa T-462/19, T-464/19, T-469/19 u T-477/19, Tognoli et vs Il-Parlament

(Kawża C-431/20 P)

Lingwa tal-kawża: it-Taljan

Partijiet

Appellanti: Carlo Tognoli, Emma Allione, Luigi Alberto Colajanni, Claudio Martelli, Luciana Sbarbati, Carla Dimatore, bħala eredi ta’ Mario Rigo, Roberto Speciale, Loris Torbesi, bħala eredi ta’ Eugenio Melandri, Luciano Pettinari, Pietro Di Prima, Carla Barbarella, Carlo Alberto Graziani, Giorgio Rossetti, Giacomo Porrazzini, Guido Podestà, Roberto Barzanti, Rita Medici, Aldo Arroni, Franco Malerba, Roberto Mezzaroma (rappreżentanti: M. Merola, L. Florio, avukati)

Parti oħra fil-proċedura: Il-Parlament Ewropew

Talbiet

L-appellanti jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla d-digriet appellat u tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali għall-eżami fuq il-mertu;

tikkundanna lill-Parlament għall-ispejjeż tal-proċedura fl-istadju tal-appell, b’riżerva tal-ispejjeż tal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali.

Aggravji u argumenti prinċipali

I     L-appellanti jitolbu l-annullament, fis-sens tal-Artikolu 256 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u tal-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, tad-digriet tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea (It-Tmien Awla) mogħti fit-3 ta’ Lulju 2020, li ġie nnotifikat fit-3 ta’ Lulju 2020, fil-Kawżi magħquda T-395/19, T-396/19, T-405/19, T-408/19, T-419/19, T-423/19, T-424/19, T-428/19, T-433/19, T-437/19, T-443/19, T-455/19, minn T-458/19 sa T-462/19, T-464/19, T-469/19 u T-477/19, li ddikjara r-rikorsi tagħhom manifestament inammissibbli.

Permezz tal-ewwel aggravju, l-appellanti jinvokaw żball ta’ liġi fil-klassifikazzjoni tal-att appellat bħala att li ma jipproduċix effetti legali, fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE. L-iżball jirriżulta mill-assenza ta’ bażi legali sabiex l-att jitqies li huwa provviżorju u min-nuqqas ta’ kunsiderazzjoni tal-effetti legali tiegħu fir-rigward tad-destinatarji. Fil-fatt, l-att inkwistjoni immedjatament ipproduċa effetti legali fir-rigward tal-appellanti, billi ċaħadhom minn parti sinjifikattiva tad-dritt għal pensjoni tagħhom.

Permezz tat-tieni aggravju, l-appellanti jinvokaw żball ta’ liġi li jirrigwarda l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tal-Artikolu 86 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali li tmur kontra l-għan u l-effettività tiegħu. Ir-regola hija fil-fatt intiża sabiex jiġu evitati l-multiplikazzjoni bla bżonn tar-rikorsi. Barra minn hekk, bid-dikjarazzjoni tal-Qorti Ġenerali tal-inammissibbiltà kemm tar-rikors kif ukoll tan-nota ta’ adattament, hija wettqet żball ta’ liġi ieħor li għandu bħala konsegwenza li jċaħħad paradossalment lill-appellenti minn protezzjoni ġudizzjarja.

Permezz tat-tielet aggravju, l-appellanti jinvokaw żewġ żbalji proċedurali li għandhom iwasslu għall-annullament tad-digriet, b’mod partikolari: il-ksur tal-prinċipju ta’ kontradittorju u żball ta’ liġi fl-applikazzjoni tal-Artikolu 126 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali.

Fir-rigward tal-ewwel aspett, l-appellanti ma ngħatawx il-possibbiltà li jwieġbu għall-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà tal-Parlament Ewropew f’dak li jirrigwarda n-nota ta’ adattament tar-rikors. Barra minn hekk, il-kondotta tal-Qorti Ġenerali hija aggravata bid-deċiżjoni tagħha li ma kienx neċessarju skambju ta’ noti ieħor u peress li lanqas ma sejħet is-seduta għas-sottomissjonijiet orali, b’tali mod li l-appellanti ġew miċħuda mill-possibbiltà li jesprimu l-pożizzjoni tagħhom fuq l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà fir-rigward tan-nota ta’ adattament, minkejja li huma ressqu talba formali f’dan is-sens.

Barra minn hekk, l-għażliet proċedurali kontraddittorji tal-Qorti Ġenerali jindikaw li l-inammissibbiltà tar-rikors ma kinitx immedjatament ċara u mingħajr ebda dubju, u għalhekk manifesta fis-sens tal-Artikolu 126 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali. Għaldaqstant, ir-rekwiżiti previsti għall-applikazzjoni ta’ tali regola ma kinux issodisfatti.

____________