Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Curtea de Apel București (ir-Rumanija) fis-6 ta’ Novembru 2018 – World Comm Trading Gfz SRL vs Agenția Națională de Administrare Fiscală (ANAF), Direcția Generală Regională a Finanțelor Publice Ploiești

(Kawża C-684/18)

Lingwa tal-kawża: ir-Rumen

Qorti tar-rinviju

Curtea de Apel București

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: World Comm Trading Gfz SRL

Konvenuti: Agenția Națională de Administrare Fiscală (ANAF), Direcția Generală Regională a Finanțelor Publice Ploiești

Domandi preliminari

L-Artikolu 90 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud 1 u l-prinċipju ta’ newtralità tal-VAT jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali (jew prassi amministrattiva bbażata fuq leġiżlazzjoni li ma tantx hija ċara) li tirrifjuta lil kumpannija d-dritt li tnaqqas il-VAT b’mod proporzjonali mal-valur tal-iskont applikat għal kunsinni nazzjonali ta’ oġġetti, għar-raġuni li l-fattura maħruġa mill-fornitur intra-Komunitarju (bħala r-rappreżentant ta’ grupp ekonomiku) tindika l-iskont globali, mogħti kemm għall-prodotti intra-Komunitarji kif ukoll għall-prodotti nazzjonali pprovduti taħt l-istess kuntratt qafas iżda rreġistrati bħala xiri li joriġina mill-Istat Membru inkwistjoni (mixtrija mingħand kumpannija li tappartjeni għal dan il-grupp, li għandha numru tal-VAT differenti minn dak indikat fuq il-fattura li tindika l-iskont)?

Fil-każ ta’ risposta negattiva għall-ewwel domanda, il-prinċipju ta’ proporzjonalità jipprekludi li l-benefiċjarju jiġi rrifjutat id-dritt li jnaqqas il-VAT b’mod proporzjonali mal-valur tal-iskont mogħti globalment mill-fornitur intra-Komunitraju, meta l-fornitur lokali (li jifforma parti mill-istess grupp) ikun temm l-attività ekonomiku tiegħu u ma jistax iktar inaqqas l-ammont taxxabbli tal-kunsinna billi joħroġ fattura bin-numru tal-VAT tiegħu stess, bil-għan tar-rimbors tad-differenza tal-VAT miġbura?

____________

1 ĠU 2006, L 347, p. 1, rettifika fil-ĠU 2007, L 335, p. 60.