Language of document : ECLI:EU:F:2011:128

DIGRIET TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU

(It-Tieni Awla)

8 ta’ Settembru 2011

Kawża F-69/10

Luigi Marcuccio

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Servizz pubbliku — Uffiċjali — Rikors għad-danni — Illegalità — Trażmissjoni ta’ ittra dwar l-ispejjeż ta’ kawża lill-avukat li rrappreżenta lir-rikorrent f’din il-kawża — Rikors manifestament infondat fid-dritt — Artikolu 94 tar-Regoli tal-Proċedura”

Suġġett:      Rikors, ippreżentat skont l-Artikolu 270 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEFA bis-saħħa tal-Artikolu 106a tiegħu, li permezz tiegħu L. Marcuccio jitlob, minn naħa, l-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiċħad it-talba tiegħu għad-danni li fil-fehma tiegħu jirriżultaw mit-trażmissjoni, lir-rappreżentant tiegħu fil-kawża li wasslet għas-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza (li saret il-Qorti Ġenerali) tal-10 ta’ Ġunju 2008, Marcuccio vs Il‑Kummissjoni (T‑184/04), ta’ nota dwar il-ħlas tal-ispejjeż ta’ din l-istanza u, min-naħa l-oħra, il-kundanna tal-Kummissjoni sabiex tħallsu għad-danni.

Deċiżjoni:      Ir-rikors huwa miċħud bħala manifestament infondat fid-dritt. Ir-rikorrent għandu jbati l-ispejjeż kollha u huwa kkundannat iħallas lit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku s-somma ta’ EUR 2 000.

Sommarju

1.      Uffiċjali — Rikors — Rikors għad-danni — Talba għall-annullament tad-deċiżjoni prekontenzjuża li tiċħad talba għad-danni — Talba li ma hijiex awtonoma fil-konfront tat-talbiet għad-danni

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 90 u 91)

2.      Responsabbiltà mhux kuntrattwali — Kundizzjonijiet — Illegalità — Dannu — Rabta kawżali — Kundizzjonijiet kumulattivi

(TFUE, it-tieni paragrafu tal-Artikolu 340)

3.      Proċedura — Spejjeż — Spejjeż fiergħa u vessatorji imposti fuq it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku minħabba r-rikors abbużiv ta’ uffiċjal

(Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, Artikolu 94)

1.      It-talbiet għal annullament ippreżentati kontra t-teħid ta’ pożizzjoni ta’ istituzzjoni, fil-qasam tad-danni, waqt il-fażi prekontenzjuża ma jistgħux jiġu evalwati b’mod awtonomu fil-konfront tat-talbiet għad-danni.

(ara l-punt 20)

Referenza:

Il-Qorti Ġenerali: 14 ta’ Ottubru 2004, I vs Il-Qorti tal-Ġustizzja, T‑256/02, punt 47, u l-ġurisprudenza ċċitata

2.       Ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni, fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE, hija suġġetta għall-eżistenza ta’ tliet kundizzjonijiet kumulattivi, jiġifieri l-illegalità ta’ att amministrattiv jew ta’ aġir li huma akkużati bih l-istituzzjonijiet, ir-realtà tad-dannu u l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn dan l-allegat aġir u d-dannu invokat. Minn dan isegwi li l-fatt li waħda minn dawn it-tliet kundizzjonijiet ma tkunx preżenti huwa biżżejjed sabiex ir-rikors għad-danni jiġi miċħud.

(ara l-punti 22 u 23)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 9 ta’ Settembru 1999, Lucaccioni vs Il-Kummissjoni, C‑257/98 P, punti 11 u 14, u l-ġurisprudenza ċċitata

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 21 ta’ Frar 2008, Skoulidi vs Il-Kummissjoni, F–4/07, punt 43; 23 ta’ Frar 2010, Faria vs UASI, F‑7/09, punt 62, u l-ġurisprudenza ċċitata

3.      Skont l-Artikolu 94 tar-Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, jekk dan tal-aħħar ikun għamel spejjeż li setgħu jiġu evitati, b’mod partikolari, jekk ir-rikors huwa ta’ natura manifestament abbużiva, huwa jista’ jikkundanna lill-parti li kkawżathom tħallashom kollha jew tħallas parti minnhom mingħajr ma dan l-ammont ta’ ħlas lura jaqbeż is-somma ta’ EUR 2 000.

Hemm lok li din id-dispożizzjoni tiġi applikata fil-każ ta’ rikors ta’ uffiċjal, li numru kbir ta’ rikorsi oħra tiegħu ppreżentati lill-qrati tal-Unjoni jkunu diġà ġew miċħuda, għall-inqas parzjalment, bħala manifestament inammissibbli jew manifestament infondati fid-dritt u li r-rikors tiegħu jkollu, ċarament, natura fiergħa u vessatorja, peress li r-rikorrent ikun għażel proċedura kontenzjuża mingħajr ebda ġustifikazzjoni.

(ara l-punti 31, 33 u 34)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 6 ta’ Diċembru 2007, Marcuccio vs Il‑Kummissjoni, C‑59/06 P; 9 ta’ Diċembru 2009, Marcuccio vs Il‑Kummissjoni, C‑513/08 P, u Marcuccio vs Il-Kummissjoni, C‑528/08 P

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 5 ta’ Lulju 2005, Marcuccio vs Il-Kummissjoni, T‑9/04; 9 ta’ Settembru 2008, Marcuccio vs Il-Kummissjoni, T‑143/08, u Marcuccio vs Il‑Kummissjoni, T‑144/08; 26 ta’ Ġunju 2009, Marcuccio vs Il-Kummissjoni, T‑114/08 P; 28 ta’ Settembru 2009, Marcuccio vs Il‑Kummissjoni, T‑46/08 P

Il‑Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea: 23 ta’ Marzu 2010, Marcuccio vs Il‑Kummissjoni, T‑16/09 P; 28 ta’ Ottubru 2010, Marcuccio vs Il-Kummissjoni, T‑32/09 P

It-Tribunal għas-Sevizz Pubbliku: 11 ta’ Mejju 2007, Marcuccio vs Il‑Kummissjoni, F‑2/06; 6 ta’ Diċembru 2007, Marcuccio vs Il-Kummissjoni, F‑40/06; 14 ta’ Diċembru 2007, Marcuccio vs Il‑Kummissjoni, F‑21/07; 4 ta’ Novembru 2008, Marcuccio vs Il‑Kummissjoni, F‑18/07, u Marcuccio vs Il‑Kummissjoni, F‑87/07; 18 ta’ Frar 2009, Marcuccio vs Il-Kummissjoni, F‑70/07; 31 ta’ Marzu 2009, Marcuccio vs Il-Kummissjoni, F‑146/07; 20 ta’ Lulju 2009, Marcuccio vs Il-Kummissjoni, F‑86/07; 7 ta’ Ottubru 2009, Marcuccio vs Il‑Kummissjoni, F‑122/07, u Marcuccio vs Il‑Kummissjoni, F‑3/08; 16 ta’ Marzu 2011, Marcuccio vs Il-Kummissjoni, F‑21/10