Language of document : ECLI:EU:C:2016:630

Kawża C182/15

Aleksei Petruhhin

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Augstākā tiesa)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ċittadinanza tal-Unjoni Ewropea – Estradizzjoni, lejn Stat terz, ta’ ċittadin ta’ Stat Membru li eżerċita d-dritt tiegħu ta’ moviment liberu – Kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni – Protezzjoni taċ-ċittadini ta’ Stat Membru mill-estradizzjoni – Assenza ta’ protezzjoni taċ-ċittadini tal-Istati Membri l-oħra – Restrizzjoni għall-moviment liberu – Ġustifikazzjoni bbażata fuq il-prevenzjoni tal-impunità – Proporzjonalità – Verifika tal-garanziji previsti fl-Artikolu 19 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tas‑6 ta’ Settembru 2016

1.        Domandi preliminari – Ammissibbiltà – Limiti – Domandi manifestament irrilevanti u domandi ipotetiċi magħmula f’kuntest li jeskludi risposta utli – Assenza

(Artikolu 267 TFUE)

2.        Ċittadinanza tal-Unjoni – Dritt ta’ moviment liberu u ta’ residenza libera fit-territorju tal-Istati Membri – Talba indirizzata lil Stat Membru minn Stat terz intiża sabiex jiġi estradit ċittadin tal-Unjoni, li jkun ċittadin ta’ Stat Membru ieħor u li eżerċita d-dritt tiegħu ta’ moviment liberu fl-ewwel Stat Membru – Obbligu għal dan l-Istat Membru li jinforma lill-Istat Membru tan-nazzjonalità tal-imsemmi ċittadin, u jekk ikun il-każ, fuq talba ta’ dan l-aħħar Stat, li jikkonsenjalu lil dan iċ-ċittadin, konformement mad-dispożizzjonijiet dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri – Ammissibbiltà – Kundizzjoni

(Artikoli 18 TFUE u 21 TFUE ; Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/584, kif emendata bid-Deċiżjoni Qafas 2009/299)

3.        Ċittadinanza tal-Unjoni – Dritt ta’ moviment liberu u ta’ residenza libera fit-territorju tal-Istati Membri – Talba indirizzata lil Stat Membru minn Stat terz intiża sabiex jiġi estradit ċittadin tal-Unjoni, li jkun ċittadin ta’ Stat Membru ieħor u li eżerċita d-dritt tiegħu ta’ moviment liberu fl-ewwel Stat Membru – Obbligu ta’ verifika tal-garanziji previsti fl-Artikolu 19 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Elementi ta’ evalwazzjoni

(Artikoli 18 TFUE u 21 TFUE; Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea; Artikolu 19; Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/584, kif emendata bid-Deċiżjoni Qafas 2009/299)

1.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 20, 23, 24)

2.      L-Artikoli 18 u 21 TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li, meta lil Stat Membru, li lejh ikun iċċaqlaq ċittadin tal-Unjoni, li jkun ċittadin ta’ Stat Membru ieħor, tiġi indirizzata talba għal estradizzjoni minn Stat terz li miegħu l-ewwel Stat Membru kkonkluda ftehim ta’ estradizzjoni, dan ikun obbligat jinforma lill-Istat Membru li tiegħu l-imsemmi ċittadin għandu n-nazzjonalità u, jekk ikun il-każ, fuq talba ta’ dan l-aħħar Stat Membru, jikkonsenjalu lil dan iċ-ċittadin, konformement mad-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni Kwadru [Qafas] 2002/584, dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri, kif emendata bid-Deċiżjoni Qafas 2009/299, jekk kemm-il darba skont id-dritt nazzjonali tiegħu, dan l-Istat Membru jkollu ġurisdizzjoni sabiex jieħu proċeduri kriminali kontra dik il-persuna għal fatti mwettqa barra mit-territorju nazzjonali tiegħu.

F’dan ir-rigward, sitwazzjoni fejn ċittadin ta’ Stat Membru jiċċaqlaq lejn Stat Membru ieħor billi, fil-kwalità tiegħu ta’ ċittadin tal-Unjoni, jagħmel użu mid-dritt tiegħu ta’ moviment liberu fl-Unjoni, taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tat-Trattati, fis-sens tal-Artikolu 18 TFUE, li jinkludi l-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni minħabba n-nazzjonalità. Issa, regoli nazzjonali li jippermettu l-estradizzjoni ta’ tali ċittadin jintroduċu differenza fit-trattament skont jekk il-persuna kkonċernata tkunx ċittadina nazzjonali jew ċittadina ta’ Stat Membru ieħor, sa fejn dawn iwasslu sabiex iċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħra ma jingħatawx il-protezzjoni mill-estradizzjoni li minnha jgawdu ċ-ċittadini nazzjonali. B’dan il-mod, tali regoli jistgħu jaffettwaw il-libertà ta’ moviment fl-Unjoni ta’ dawn tal-ewwel u jikkostitwixxu restrizzjoni għal-libertà tagħhom ta’ moviment, fis-sens tal-Artikolu 21 TFUE.

Tali restrizzjoni ma tistax tiġi ġġustifikata ħlief jekk din tkun ibbażata fuq kunsiderazzjonijiet oġġettivi u tkun proporzjonata għall-għan leġittimament imfittex mid-dritt nazzjonali. L-estradizzjoni hija proċedura intiża li tiġġieled l-impunità ta’ persuna li tkun tinsab f’territorju li ma huwiex dak li fih hija allegatament wettqet reat. Fil-fatt, minkejja li n-nuqqas ta’ estradizzjoni taċ-ċittadini nazzjonali huwa ġeneralment ikkumpensat mill-possibbiltà, għall-Istat Membru li ssirlu t-talba, li jipproċedi bi prosekuzzjoni taċ-ċittadini tiegħu stess għal reati serji mwettqa barra mit-territorju tiegħu, bħala regola ġenerali dak l-Istat Membru ma għandux ġurisdizzjoni sabiex jiddeċiedi dwar tali fatti meta la l-awtur u lanqas il-vittma tal-allegat reat ma jkollhom in-nazzjonalità tal-imsemmi Stat Membru. F’dan il-kuntest, regoli nazzjonali li jippermettu li tingħata risposta favorevoli għal talba għal estradizzjoni għall-finijiet ta’ prosekuzzjonijiet u ta’ deċiżjoni fl-Istat terz fejn ir-reat allegatament twettaq, jidhru li huma xierqa sabiex l-għan imfittex jintlaħaq.

Fl-assenza ta’ regoli tad-dritt tal-Unjoni li jirregolaw l-estradizzjoni bejn l-Istati Membri u Stat terz, sabiex iċ-ċittadini tal-Unjoni jiġu protetti minn miżuri li jistgħu jċaħħduhom mid-drittijiet ta’ moviment liberu u ta’ residenza previsti fl-Artikolu 21 TFUE, filwaqt li tiġi miġġielda l-impunità fir-rigward ta’ reati kriminali, għandhom jiġu implementati l-mekkaniżmi kollha ta’ kooperazzjoni u ta’ assistenza reċiproka eżistenti fil-qasam kriminali taħt id-dritt tal-Unjoni. Għaldaqstant, għandha tingħata prijorità lill-iskambju ta’ informazzjoni mal-Istat Membru li tiegħu l-persuna kkonċernata għandha n-nazzjonalità u dan sabiex l-awtoritajiet ta’ dak l-Istat Membru, sa fejn dawn ikollhom ġurisdizzjoni, taħt id-dritt nazzjonali tagħhom, sabiex jipproċedu kriminalment kontra dik il-persuna għal fatti mwettqa barra t-territorju nazzjonali, jingħataw l-opportunità li joħorġu mandat ta’ arrest Ewropew għall-finijiet ta’ prosekuzzjoni. L-Artikolu 1(1) u (2) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 ma jeskludix, fil-fatt, f’tali każ, il-possibbiltà li l-Istat Membru li tiegħu l-persuna awtriċi allegata tar-reat għandha n-nazzjonalità joħroġ mandat ta’ arrest Ewropew bl-għan li din il-persuna tiġi kkonsenjata għal finijiet ta’ prosekuzzjoni. Billi jikkoopera b’dan il-mod mal-Istat Membru li tiegħu l-persuna kkonċernata għandha n-nazzjonalità u billi jagħti prijorità lil dan il-mandat ta’ arrest fuq it-talba għal estradizzjoni, l-Istat Membru ospitanti jaġixxi b’mod li jippreġudika inqas l-eżerċizzju tad-dritt ta’ moviment liberu filwaqt li jevita, sa fejn possibbli, ir-riskju ta’ impunità.

(ara l-punti 31-34, 39, 40, 47-50 u d-dispożittiv 1)

3.      Fl-ipoteżi fejn Stat Membru ssirlu talba minn Stat terz intiża għall-estradizzjoni ta’ ċittadin ta’ Stat Membru ieħor, dan l-ewwel Stat Membru għandu jivverifika li l-estradizzjoni ma hijiex ser tippreġudika d-drittijiet imsemmija fl-Artikolu 19 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

Fil-fatt, meta l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru li ssirlu t-talba jkollha għad-dispożizzjoni tagħha provi li juru li hemm riskju reali ta’ trattament inuman jew degradanti ta’ persuni fl-Istat terz li jagħmel it-talba, hija għandha tevalwa l-eżistenza ta’ dan ir-riskju meta hija tiddeċiedi dwar l-estradizzjoni ta’ persuna lejn dak l-Istat. Għal dan l-għan, l-imsemmija awtorità għandha tibbaża ruħha fuq elementi oġġettivi, affidabbli, preċiżi u debitament aġġornati. Dawn l-elementi jistgħu jirriżultaw, b’mod partikolari, minn deċiżjonijiet ġudizzjarji internazzjonali, bħalma huma s-sentenzi tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, minn deċiżjonijiet ġudizzjarji tal-Istat terz li jagħmel it-talba kif ukoll minn deċiżjonijiet, minn rapporti u minn dokumenti oħra stabbiliti mill-korpi tal-Kunsill tal-Ewropa jew li jaqgħu taħt is-sistema tan-Nazzjonijiet Uniti.

(ara l-punti 58-60 u d-dispożittiv 2)