Language of document :

Rikors ippreżentat fil-15 ta’ Mejju 2012 – ZZ vs Il-Kummissjoni

(Kawża F-54/12)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrent: ZZ (rappreżentanti: M. Condinanzi, D. Bono u C. A. Chiorino, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Suġġett u deskrizzjoni tal-kawża

L-annullament tad-deċiżjoni tal-Bord tal-Għażla tal-kompetizzjoni EPSO/AST/117/11 li r-rikorrent ma jiġix aċċettat għat-tieni stadju tal-imsemmija kompetizzjoni minħabba li ma kienx jissodisfa l-kundizzjonijiet għall-ammissjoni previsti mill-avviż ta’ kompetizzjoni.

Talbiet tar-rikorrenti

Ir-rikorrent jitlob li t-Tribunal jogħġbu:

jannulla d-deċiżjoni tal-Bord tal-Għażla tal-EPSO li jirrifjuta l-ammissjoni tar-rikorrent għat-tieni fażi tal-kompetizzjoni ġenerali EPSO/AST/1 17/11 – Assistants in the secretarial field (AST 1) minħabba l-allegat nuqqas tal-kundizzjonijiet għall-ammissjonijiet previsti mit-Taqsima III tal-Avviż ta’ kompetizzjoni ġenerali EPSO/AST/117/11 u, b’mod partikolari, minħabba li ma huwiex fil-pussess ta’ diploma ta’ tmiem tal-istudji li tafferma livell ta’ edukazzjoni ogħla fil-qasam segretarjali, jew alternattivament, diploma tat-tmiem tal-istudji li tagħti aċċess għall-edukazzjoni superjuri segwita minn esperjenza ta’ minimu ta’ tliet snin fil-qasam segretarjali u li d-dmirijiet tiegħu huma relatati direttament mal-funzjoni ta’ segretarju hekk kif deskritt fit-titolu I tal-avviż tal-kompetizzjoni.

jannulla kull att ieħor segwenti u, jekk ikun meħtieġ, kull miżura oħra li l-Bord tal-Għażla ser jadotta fir-rigward tal-esklużjoni tar-rikorrent mill-kompetizzjoni inkwistjoni;

alternattivament, jekk ma jkunx possibbli għar-rikorrent li jipparteċipa fl-hekk imsejħa tieni fażi tal-kompetizzjoni, jikkundanna lill-konvenuta tħallas lir-rikorrent ammont stabbilit b’mod provviżorju u ex aequo et bono għal EUR 10 000 bħala kumpens għad-danni materjali u morali, kif ukoll għad-danni għall-karriera tiegħu, flimkien ma’ interessi moratorji bir-rata legali mid-data tal-preżentazzjoni tar-rikors.

jikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.