Language of document : ECLI:EU:F:2011:55

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU (L-Ewwel Awla)

12 ta’ Mejju 2011

Kawża F-50/09

Livio Missir Mamachi di Lusignano

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Servizz pubbliku — Uffiċjali — Rikors għad-danni — Regola ta’ konkordanza bejn it-talba, l-ilment u r-rikors fil-qasam tad-danni — Natura kontradittorja tal-proċedura — Użu minn qorti ta’ dokument kunfidenzjali, ikklassifikat bħala ‘Restreint UE’ — Responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-istituzzjonijiet — Responsabbiltà għal tort — Rabta kawżali — Pluralità ta’ kawżi tad-dannu — Għemil ta’ terz — Responsabbiltà mingħajr tort — Dmir ta’ assistenza — Obbligu ta’ istituzzjoni li tiżgura l-protezzjoni tal-persunal tagħha — Qtil ta’ uffiċjal u tal-konjuġi tiegħu minn terz — Telf ta’ possibbiltà ta’ sopravvivenza”

Suġġett:      Rikors ippreżentat skont l-Artikoli 236 KE u 152 KEEA, li permezz tiegħu L. Missir Mamachi di Lusignano jitlob, b’mod partikolari, minn naħa, l-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni, tat-3 ta’ Frar 2009, li tiċħad it-talba tiegħu għall-kumpens għad-danni materjali u morali li rriżultaw mill-qtil ta’ ibnu u ta’ ħtintu, fit-18 ta’ Settembru 2006 f’Rabat (il-Marokk), u min-naħa l-oħra, il-kundanna tal-Kummissjoni sabiex tħallsu, kif ukoll lill-aventi kawża ta’ ibnu, diversi ammonti bħala kumpens għad-danni patrimonjali u mhux patrimonjali li rriżultaw minn dan il-qtil.

Deċiżjoni:      Ir-rikors huwa miċħud. Is-siltiet tad-dokument tal-2006 dwar ir-regoli u l-kriterji ta’ sigurtà, ikkomunikati mill-Kummissjoni lit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku matul l-istanza, għandhom jintbagħtu mingħajr dewmien lill-Kummissjoni Ewropea bħala korrispondenza kunfidenzjali bir-riferiment “classifié Restreint UE”. Il-Kummissjoni Ewropea għandha tbati l-ispejjeż kollha.

Sommarju

1.      Uffiċjali — Rikors — Rikors għad-danni ppreżentat fl-assenza ta’ proċedura prekontenzjuża skont ir-Regolamenti tal-Persunal — Inammissibbiltà

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 90 u 91)

2.      Uffiċjali — Rikors — Rikors għad-danni — Aġġustament tal-ammont tad-dannu fil-konfront ta’ dak li jinsab fit-talba prekontenzjuża — Ammissibbiltà — Kundizzjonijiet

3.      Uffiċjali — Sigurtà soċjali — Inċident fuq il-post tax-xogħol — Kumpens fil-forma ta’ somma f’daqqa taħt is-sistema stabbilita fir-Regolamenti tal-Persunal — Talba għal kumpens kumplimentari taħt id-dritt komuni — Ammissibbiltà — Kundizzjonijiet

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 73)

4.      Uffiċjali — Rikors — Rikors għad-danni — Oriġini — Rabta ta’ impjieg

(Artikolu 236 KE; Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 90 u 91)

5.      Uffiċjali — Responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-istituzzjonijiet — Kundizzjonijiet — Illegalità

(Artikolu 236 KE)

6.      Uffiċjali — Responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-istituzzjonijiet — Kundizzjonijiet — Kumpens għal dannu kkawżat lil uffiċjal jew lil membru tal-persunal — Dmir ta’ premura tal-amministrazzjoni — Portata

(Artikolu 236 KE; Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 90 u 91)

7.      Uffiċjali — Protezzjoni tas-sigurtà u tas-saħħa — Obbligi tal-istituzzjonijiet — Portata — Direttiva 89/391 dwar l-implementazzjoni ta’ miżuri intiżi li jippromwovu t-titjib tas-sigurtà u tas-saħħa tal-ħaddiema fil-post tax-xogħol

(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 31(1); Regolamenti tal-Persunal Artikolu 1e(2); Direttiva tal-Kunsill 89/391)

8.      Proċedura — Miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura — Talba għall-produzzjoni ta’ dokument — Verifika ta’ natura kunfidenzjali

(Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, Artikolu 44(1) u (2))

9.      Uffiċjali — Responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-istituzzjonijiet — Nuqqas ta’ tfassil ta’ miżuri minimi ta’ sigurtà għar-residenzi tal-persunal assenjat fil-pajjiżi terzi — Irregolarità

10.    Uffiċjali — Responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-istituzzjonijiet — Kundizzjonijiet — Illegalità — Dannu — Rabta kawżali

11.    Uffiċjali — Responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-istituzzjonijiet — Kundizzjonijiet — Illegalità — Dannu — Rabta kawżali

12.    Uffiċjali — Responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-istituzzjonijiet — Responsabbiltà li tirriżulta minn att leċitu — Prinċipju mhux rikonoxxut fid-dritt tal-Unjoni

(Artikolu 288 KE)

13.    Uffiċjali — Obbligu ta’ assistenza tal-amministrazzjoni — Portata

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 24)

14.    Proċedura — Spejjeż — Spejjeż fiergħa u vessatorji

(Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, Artikoli 87(2) u 88)

1.      Fil-kuntest ta’ rikors ta’ uffiċjal li jikkonċerna esklużivament il-kumpens ta’ diversi danni allegatament ikkawżati minn serje ta’ irregolaritajiet jew ta’ nuqqasijiet li, fin-nuqqas ta’ kull effett ġuridiku, ma jistgħux jiġu kkwalifikati bħala atti li jikkawżaw preġudizzju, it-talbiet għal kumpens huma ammissibbli quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku biss jekk, qabel kollox, ikunu ppreċeduti b’talba indirizzata lill-amministrazzjoni bl-istess suġġett u li ssemmi l-istess danni, imbagħad b’ilment imressaq kontra d-deċiżjoni tal-amministrazzjoni wara li din tkun iddeċidiet, espliċitament jew impliċitament, fuq din it-talba. Fil-fatt, fis-sistema ta’ rimedji previsti mill-Artikoli 90 u 91 tar-Regolamenti tal-Persunal, meta rikors huwa strettament ta’ natura kumpensatorju, il-proċedura amministrattiva għandha imperattivament, taħt piena ta’ inammissibbiltà tar-rikors ulterjuri, tibda permezz ta’ talba mill-parti kkonċernata li tistieden lill-Awtorità tal-Ħatra tħallas id-danni allegati u tkompli, jekk ikun il-każ, bit-tressiq ta’ lment dirett kontra d-deċiżjoni ta’ ċaħda tat-talba.

Barra minn hekk, it-talbiet imressqa quddiem il-Qorti tal-Unjoni għandhom ikollhom l-istess suġġett bħal dawk esposti fl-ilment u għandhom jinkludu biss kontestazzjonijiet ibbażati fuq l-istess kawża bħal dawk invokati fl-ilment, liema kontestazzjonijiet jistgħu, fil-fażi kontenzjuża, jiġu żviluppati permezz tat-tressiq ta’ motivi u argumenti li ma jinsabux neċessarjament fl-ilment iżda li jkunu marbutin strettament miegħu. Fil-qasam strettament kumpensatorju, il-kunċett ta’ kawża, li għandu jiġi interpretat fis-sens wiesa’, huwa ddefinit b’riferiment għal danni invokati mill-uffiċjal ikkonċernat fit-talba tiegħu għal kumpens. Huma dawn id-danni li jiddeterminaw is-suġġett tal-kumpens mitlub mill-uffiċjal u, konsegwentement, is-suġġett tat-talba li fuqha għandha tiddeċiedi l-amministrazzjoni.

(ara l-punti 82 sa 85)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja 23 ta’ April 2002, Campogrande vs Il‑Kummissjoni, C‑62/01 P, punt 34; Il-Qorti tal-Prim’Istanza 13 ta’ Lulju 1995, Saby vs Il‑Kummissjoni, T‑44/93, punt 31; It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku 1 ta’ Lulju 2010, Mandt vs Il‑Parlament, F‑45/07, punt 119

2.      Fil-kuntest ta’ rikors għad-danni, uffiċjal jista’ jadatta, fir-rikors tiegħu, l-ammont tal-pretensjonijiet li jinsabu fit-talba tiegħu lill-amministrazzjoni, b’mod partikolari jekk id-danni tiegħu jaggravaw ulterjorment jew jekk il-portata tad-danni tiegħu ma hijiex magħrufa jew tista’ tiġi evalwata biss wara li titressaq din it-talba, iżda bil-kundizzjoni li d-danni li għalihom huwa jitlob kumpens ikunu tniżżlu fl-imsemmija talba.

(ara l-punt 86)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja 23 ta’ Settembru 2004, Hectors vs Il‑Parlament, C‑150/03 P, punt 62

3.      Minħabba l-benefiċċji fil-forma ta’ somma f’daqqa previsti mir-Regolamenti tal-Persunal favur l-aventi kawża ta’ uffiċjal deċedut, huma għandhom dritt jitolbu kumpens kumplimentari lill-istituzzjoni meta din tal-aħħar tista’ tinżamm responsabbli għall-mewt tal-uffiċjal u meta l-benefiċċji mħallsa skont ir-Regolamenti tal-Persunal ma humiex biżżejjed sabiex jiżguraw il-kumpens sħiħ tad-dannu mġarrab.

(ara l-punt 106)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja 8 ta’ Ottubru 1986, Leussink vs Il‑Kummissjoni, 169/83 u 136/84, punt 13; 9 ta’ Settembru 1999, Lucaccioni vs Il‑Kummissjoni, C‑257/98 P, punti 22 u 23

4.      Tilwima bejn uffiċjal u l-istituzzjoni li minnha huwa dipendenti jew kien dipendenti, għal kumpens għal dannu, tipproċedi, meta ssib l-oriġini tagħha fir-rabta ta’ impjieg li torbot jew li kienet torbot lill-persuna kkonċernata mal-istituzzjoni, fil-kuntest tal-Artikolu 236 KE u tal-Artikoli 90 sa 91 tar-Regolamenti tal-Persunal u tinsab barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikoli 235 KE u 288 KE. L-istess jgħodd fir-rigward ta’ tilwima bejn l-aventi kawża ta’ uffiċjal deċedut jew ir-rappreżentant legali tagħhom u l-istituzzjoni li minnha dan l-uffiċjal kien dipendenti, fejn tali tilwima toriġina mir-rabta ta’ impjieg bejn dan tal-aħħar u l-imsemmija istituzzjoni.

(ara l-punt 116)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja 22 ta’ Ottubru 1975, Meyer-Burckhardt vs Il‑Kummissjoni, 9/75, punt 7; 17 ta’ Frar 1977, Reinarz vs Il‑Kummissjoni u Il‑Kunsill, 48/76, punt 10; 10 ta’ Ġunju 1987, Pomar vs Il‑Kummissjoni, 317/85, punt 7; 7 ta’ Ottubru 1987, Schina vs Il‑Kummissjoni, 401/85, punt 9; Il-Qorti tal-Prim’Istanza 26 ta’ Ġunju 2009, Marcuccio vs Il‑Kummissjoni, T‑114/08 P, punti 12, 13 u 24; It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku 11 ta’ Mejju 2010, Nanopoulos vs Il‑Kummissjoni, F‑30/08, punti 130 sa 133, li hija s-suġġett ta’ appell pendenti quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea, Kawża T‑308/10 P

5.      Ir-responsabbiltà ta’ istituzzjoni, fil-kuntest tal-Artikolu 236 KE, tippreżumi li jiġu sodisfatti numru ta’ kundizzjonijiet, jiġifieri l-eżistenza ta’ irregolarità jew ta’ illegalità mwettqa mill-istituzzjoni, ir-realtà ta’ dannu ċert u kwantifikabbli kif ukoll l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn l-irregolarità u d-dannu allegat.

Fir-rigward tal-ewwel waħda minn dawn il-kundizzjonijiet, il-Qorti tal-Unjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni, fost l-elementi rilevanti tal-każ li jkun tressaq quddiemha, is-setgħa diskrezzjonali li kellha l-amministrazzjoni fil-mument tal-fatti kontenzjużi.

F’dan ir-rigward, meta l-istituzzjoni jkollha setgħa diskrezzjonali wiesgħa, b’mod partikolari meta hija ma jkollhiex l-obbligu li tieħu azzjoni f’sens speċifiku skont il-kuntest ġuridiku applikabbli, il-kriterju deċiżiv sabiex jiġi kkunsidrat li l-ewwel kundizzjoni hija sodisfatta huwa dak tal-ksur manifest u serju tal-limiti imposti fuq din is-setgħa diskrezzjonali. Meta ebda żball manifest ma jkun twettaq mill-amministrazzjoni, hija ma tista’ tiġi akkużata b’ebda illegalità u għalhekk ir-responsabbiltà tagħha hija eskluża.

Min-naħa l-oħra, meta l-marġni diskrezzjonali tal-amministrazzjoni titnaqqas b’mod kunsiderevoli, jew tkun saħansitra ineżistenti, is-sempliċi ksur tad-dritt tal-Unjoni jista’ jkun biżżejjed biex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ ksur suffiċjentement serju tali li jagħti lok għar-responsabbiltà tal-istituzzjoni. B’hekk, meta l-amministrazzjoni għandha tadotta aġir speċifiku, li huwa ddettat lilha mil-liġijiet fis-seħħ, mill-osservanza tal-prinċipji ġenerali jew mir-rispett tad-drittijiet fundamentali, jew ukoll mir-regoli li hija imponiet fuqha nnifisha, sempliċi nuqqas fil-konfront ta’ tali obbligu jista’ jagħti lok għar-responsabbiltà tal-istituzzjoni kkonċernata.

(ara l-punti 117 sa 120)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja Lucaccioni vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 14; 4 ta’ Lulju 2000, Bergaderm u Goupil vs Il‑Kummissjoni, C‑352/98 P, punt 44; Il-Qorti tal-Prim’Istanza 13 ta’ Diċembru 1990, Moritz vs Il‑Kummissjoni, T‑20/89, punt 19; 9 ta’ Frar 1994, Latham vs Il‑Kummissjoni, T‑82/91, punt 72; 21 ta’ Frar 1995, Moat vs Il‑Kummissjoni, T‑506/93, punt 46; It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku 2 ta’ Mejju 2007, Giraudy vs Il‑Kummissjoni, F‑23/05, punti 104, 105 u 167

6.      Il-kontenzjuż fil-qasam tas-servizz pubbliku skont l-Artikolu 236 KE u l-Artikoli 90 u 91 tar-Regolamenti tal-Persunal, inkluż dak intiż għall-kumpens ta’ dannu kkawżat lil uffiċjal jew lil membru tal-persunal, jissodisfa r-regoli partikolari u speċjali b’kuntrast ma’ dawk li jirriżultaw mill-prinċipji ġenerali li jirregolaw ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni fil-kuntest tal-Artikolu 235 KE u tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 288 KE. Fil-fatt, b’mod partikolari mir-Regolamenti tal-Persunal jirriżulta li b’differenza ta’ kull individwu ieħor, l-uffiċjal jew il-membru tal-persunal tal-Unjoni huwa marbut mal-istituzzjoni li minnha jiddependi permezz ta’ relazzjoni ġuridika ta’ impjieg li tikkomporta ekwilibriju ta’ drittijiet u ta’ obbligi reċiproċi speċifiċi, li hija riflessa mid-dmir ta’ premura tal-istituzzjoni fir-rigward tal-persuna kkonċernata. Dan l-ekwilibriju huwa essenzjalment intiż sabiex jippreżerva r-relazzjoni ta’ kunfidenza li għandha teżisti bejn l-istituzzjonijiet u l-uffiċjali tagħhom sabiex jiġi ggarantit liċ-ċittadini t-twettiq korrett tal-missjonijiet ta’ interess ġenerali li għandhom l-istituzzjonijiet. Konsegwentement, meta taġixxi bħala persuna li timpjega, l-Unjoni hija suġġetta għal responsabbiltà miżjuda, li timmanifesta ruħha permezz tal-obbligu li jiġu kkumpensati d-danni kkawżati lill-persunal tagħha minn kull illegalità mwettqa fil-kapaċità tagħha bħala persuna li timpjega.

(ara l-punt 123)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja 29 ta’ Ġunju 1994, Klinke vs Il‑Qorti tal-Ġustizzja, C‑298/93 P, punt 38; 6 ta’ Marzu 2001, Connolly vs Il‑Kummissjoni, C‑274/99 P, punti 44 sa 47; Il-Qorti tal-Prim’Istanza 12 ta’ Ġunju 2002, Mellone vs Il‑Kummissjoni, T‑187/01, punt 74; 14 ta’ Ottubru 2004, Polinsky vs Il‑Qorti tal-Ġustizzja, T‑1/02, punt 47

7.      Fir-rigward tas-sigurtà tal-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-persunal tagħha, istituzzjoni, bħal kull persuna pubblika jew privata li timpjega, għandha obbligu ġuridiku. Dan il-persunal jista’ fil-fatt jinvoka dritt għal kundizzjonijiet tax-xogħol li jirrispettaw is-saħħa tiegħu, is-sigurtà tiegħu u d-dinjità tiegħu, bħal ma jfakkar wara kollox l-Artikolu 31(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

Bl-istess mod, mill-Artikolu 1e(2) tar-Regolamenti tal-Persunal u minn numru ta’ direttivi Ewropej, b’mod partikolari mid-Direttiva 89/391, dwar l-introduzzjoni ta’ miżuri sabiex jinkoraġġixxu titjib fis-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema fuq ix-xogħol, jirriżulta li l-persuna li timpjega għandha l-obbligu li tiżgura s-sigurtà u s-saħħa tal-persunal tagħha fl-aspetti kollha marbuta max-xogħol. F’dan il-qasam, l-obbligu għal istituzzjoni, fil-kapaċità tagħha bħala persuna li timpjega, li tiżgura s-sigurtà tal-persunal tagħha tirriżulta b’ċertu rigorożità u l-marġni ta’ diskrezzjoni tal-amministrazzjoni, filwaqt li ma hijiex ineżistenti, hija mnaqqsa.

Madankollu, tkun liema tkun il-portata, dan l-obbligu li tiġi żgurata s-sigurtà tal-persunal tagħha ma jistax ikun tali li l-istituzzjoni kkonċernata tiġi mgħobbija b’obbligu assolut ta’ riżultat. B’mod partikolari ma jistgħux jiġu esklużi limitazzjonijiet ta’ natura baġitarja, amministrattiva jew teknika li tiffaċċja l-amministrazzjoni, li xi minn daqqiet jirrendu diffiċli jekk mhux saħansitra impossibbli l-implementazzjoni f’terminu qasir ta’ żmien ta’ miżuri li wara kollox huma urġenti u neċessarji, minkejja l-passi meħuda mill-awtoritajiet kompetenti. Barra minn hekk, dan l-obbligu ta’ sigurtà jsir delikat meta l-uffiċjal ikkonċernat, b’differenza ta’ ħaddiem li jokkupa post fiss f’post speċifiku, jispiċċa jeżerċita l-funzjonijiet tiegħu f’pajjiż terz u jassumi funzjoni, paragunabbli għal funzjoni diplomatika, esposta għal riskji varji u inqas faċilment identifikabbli u li jistgħu jiġu solvuti.

F’dan ir-rigward, residenza ta’ tali uffiċjal, anki jekk titqiegħed għad-dispożizzjoni tiegħu minħabba l-funzjonijiet tiegħu u tkun suġġetta għal miżuri ta’ protezzjoni speċifiċi f’ċerti delegazzjonijiet ta’ pajjiżi terzi, ma tistax tiġi kompletament ipparagunata ma’ post ta’ xogħol, fis-sens tad-Direttiva 89/391. F’tali kuntest l-obbligu ta’ sigurtà tal-istituzzjoni jimplika, qabel kollox, li hija għandha tevalwa r-riskji li għalihom il-persunal tagħha huwa espost u jidħol f’kuntest tal-applikazzjoni ta’ prevenzjoni integrata għal-livelli kollha tas-servizz, sussegwentement, li tinforma lill-persunal ikkonċernat dwar ir-riskji li setgħu ġew identifikati u tiżgura li l-persunal ikun irċieva korrettament l-istruzzjonijiet xierqa dwar ir-riskji għas-sigurtà tiegħu, u finalment, li hija tadotta l-miżuri ta’ protezzjoni adattati u tapplika l-organizzazzjoni u l-mezzi li hija tqis li huma neċessarji.

(ara l-punti 126 u 127, 130 sa 132)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja 14 ta’ Ġunju 2007, Il‑Kummissjoni vs Ir‑Renju Unit, C‑127/05; It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku 30 ta’ April 2009, Aayhan et vs Il‑Parlament, F‑65/07, punt 116

8.       Fil-każ fejn dokument huwa kkomunikat b’mod parzjali lit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku sabiex dan tal-aħħar ikun f’pożizzjoni li jivverifika n-natura kunfidenzjali tiegħu fis-sens tal-Artikolu 44(2) tar-Regoli tal-Proċedura tiegħu, il-protezzjoni tan-natura kunfidenzjali tad-dokument jista’ jimplika li l-parti l-oħra għandha aċċess għal dan id-dokument biss taħt forma ta’ sunt sommarju stabbilita mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku u, sussegwentement, li s-smigħ ma huwiex kompletament kontradittorju. Madankollu, id-dritt ta’ din il-parti l-oħra għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva tista’ tiġi ggarantita biss, f’sitwazzjoni bħal din, jekk it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, billi jidderoga mill-Artikolu 44(1) tar-Regoli tal-Proċedura tiegħu, jibbaża ruħu fuq is-siltiet rilevanti ta’ dan id-dokument, sabiex ikun f’pożizzjoni li jiddeċiedi b’għarfien sħiħ tal-kunsiderazzjonijiet kollha involuti, minkejja l-fatt li dawn is-siltiet ikunu ġew ikkomunikati mill-istituzzjoni lit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku biss bil-għan ta’ verifika mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tan-natura kunfidenzjali tad-dokument.

(ara l-punt 156)

9.       Billi ma tosservax ir-rekwiżiti minimi ta’ sigurtà għar-residenzi tal-persunal tagħha assenjati fil-pajjiżi terzi, istituzzjoni twettaq irregolarità ta’ natura li tistabbilixxi r-responsabbiltà tagħha. Fil-fatt, għalkemm, f’ċirkustanzi partikolari, b’mod partikolari ta’ urġenza, l-okkupazzjoni ta’ residenza provviżorja li ma għandhiex l-istess dispożittivi ta’ sigurtà bħal dawk ta’ residenza definittiva tista’ tiġi kkunsidrata b’mod temporanju, l-amministrazzjoni ma tistax madankollu tevita milli tapplika miżuri minimi, li jippermettu li wieħed jiffaċċja r-riskji prinċipali għas-sigurtà tal-persuni li jokkupaw ir-residenza provviżorja jew li jillimitaw il-probabbiltà ta’ dawn ir-riskji, f’kundizzjonijiet aċċettabbli mill-aspett ta’ baġit u ta’ amministrazzjoni. Dan huwa wisq iżjed minnu meta l-istituzzjoni kkonċernata tiġi informata b’ċirkustanzi partikolari.

(ara l-punti 173, 174 u 176)

10.    Hija biss irregolarità li kkawżat id-dannu skont rabta diretta ta’ kawża u effett li tistabbilixxi r-responsabbiltà tal-istituzzjoni. Issa, l-Unjoni tista’ tinżamm responsabbli biss għad-dannu li jirriżulta b’mod suffiċjentement dirett mill-aġir irregolari tal-istituzzjoni kkonċernata. F’dan ir-rigward, għandu jiġi stabbilit mir-rikorrent li, mingħajr it-twettiq ta’ irregolarità, id-dannu ma kienx iseħħ u li l-irregolarità hija l-kawża determinanti tad-dannu tiegħu. Meta d-dannu jkun konsegwenza inevitabbli u immedjata tal-irregolarità mwettqa, ir-rabta kawżali tiġi stabbilita. Barra minn hekk, id-dannu ma jistax isib l-oriġini diretta u ċerta tiegħu f’raġuni waħda biss iżda għandu jkun ġie fis-seħħ minn għadd ta’ raġunijiet, li jaħdmu flimkien b’mod determinanti għat-twettiq tiegħu.

Fir-rigward ta’ irregolarità li tikkonsisti fin-nuqqas ta’ istituzzjoni mid-dmir tagħha li tosserva r-rekwiżiti minimi ta’ sigurtà għal residenza ta’ uffiċjal assenjat f’pajjiż terz, ir-rabta kawżali bejn din l-irregolarità u l-qtil tal-uffiċjal hija stabbilita meta jiġi pprovat suffiċjentement skont il-liġi li, kieku l-istituzzjoni kienet ikkonformat ruħha mal-obbligu tagħha li tiżgura l-protezzjoni tal-uffiċjal tagħha, il-qtil ma kienx iseħħ. L-istess jgħodd fir-rigward tar-rabta kawżali bejn l-irregolarità u t-telf ta’ opportunità ta’ sopravvivenza għall-uffiċjal.

(ara l-punti 179-181, 183, 190)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja 12 ta’ Ġunju 1986, Sommerlatte vs Il‑Kummissjoni, 229/84, punti 24 sa 27; 27 ta’ Marzu 1990, Grifoni vs KEEA, C‑308/87, punti 17 u 18; Il-Qorti tal-Prim’Istanza 30 ta’ Settembru 1998, Coldiretti et vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni, T‑149/96, punti 116 u 122; 9 ta’ Lulju 1999, New Europe Consulting u Brown vs Il‑Kummissjoni, T‑231/97, punti 57 sa 60; 24 ta’ Ottubru 2000, Fresh Marine vs Il‑Kummissjoni, T‑178/98, punt 118, u l-ġurisprudenza ċċitata; Il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea 19 ta’ Marzu 2010, Gollnisch vs Il‑Parlament, T‑42/06, punt 110, u l-ġurisprudenza ċċitata

11.    Dannu ma jistax isib l-oriġini diretta u ċerta tiegħu f’raġuni waħda biss iżda għandu jkun ġie fis-seħħ minn għadd ta’ raġunijiet, li jaħdmu flimkien b’mod determinanti għat-twettiq tiegħu. Il-ġurisprudenza ma tirrikjedix neċessarjament, sabiex tiġi stabbilita r-responsabbiltà tal-amministrazzjoni, li r-responsabbiltà esklużiva tad-dannu għandha tiġi attribwita lill-istituzzjoni. Fl-ipoteżi fejn l-irregolaritajiet jinqasmu bejn istituzzjoni u terz, l-istituzzjoni għandha l-obbligu li tikkumpensa biss parti mid-dannu mġarrab mill-vittma.

Dan huwa l-każ meta istituzzjoni toħloq il-kundizzjonijiet għat-twettiq tad-dannu, billi ma tadottax il-miżuri ta’ sigurtà suffiċjenti sabiex tipprekludi l-intrużjoni tal-aggressur fir-residenza privata ta’ uffiċjal tad-delegazzjonijiet. Madankollu, peress li tali irregolarità ma kellhiex il-mewt bħala konsegwenza immedjata u inevitabbli, fejn l-istituzzjoni ma hijiex ir-responsabbli prinċipali għad-dannu, is-sehem ta’ responsabbiltà tagħha huwa limitat għal 30 % tad-dannu mġarrab.

(ara l-punti 181, 192 sa 194)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja Sommerlatte vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punti 24 sa 27, u Grifoni vs KEEA, iċċitata iktar ’il fuq, punti 17 u 18

12.    Fl-istat attwali tad-dritt tal-Unjoni, l-Artikolu 288 KE, li jirreferi għall-prinċipji ġenerali komuni għas-sistemi legali tal-Istati Membri, ma jistax jiġi interpretat bħala li jippermetti li tiġi stabbilita r-responsabbiltà tal-Unjoni mingħajr tort, minħabba att jew ommissjoni legali.

Konsegwentement, il-qorti tal-Unjoni ma tagħmilx distinzjoni bejn ir-raġunijiet li jiġġustifikaw il-fatt li r-responsabbiltà tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni tista’, fir-relazzjonijiet tagħhom mal-persunal tagħhom, tiġi stabbilita abbażi ta’ kundizzjonijiet radikalment differenti minn dawk prevalenti fil-kuntest tal-Artikolu 288 KE, billi tidderoga mill-prinċipji ġenerali komuni għall-ordinamenti ġuridiċi tal-Istati Membri.

(ara l-punti 209 u 212)

13.    L-għan tal-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal huwa li l-uffiċjali u l-membri tal-persunal impjegati jingħataw sigurtà għall-preżent u l-futur, bil-għan li, fl-interess ġenerali tas-servizz, ikunu jistgħu jissodisfaw il-funzjonijiet tagħhom aħjar. Minn dan l-artikolu u mill-ġurisprudenza relatata jirriżulta li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni għandhom obbligu, skont din id-dispożizzjoni, li jassistu lill-uffiċjali tagħhom, biss fl-okkażjoni ta’ aġir min-naħa ta’ terzi li għalih huma suġġetti l-uffiċjali minħabba l-kwalità u l-funzjonijiet tagħhom.

Għalhekk, meta uffiċjal ma jkunx inqatel minħabba l-kwalità u l-funzjonijiet tiegħu, l-aventi kawża tiegħu ma jistax validament jinvoka l-benefiċċju tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal.

(ara l-punti 220, 221, 224 u 225)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja Sommerlatte vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 19; 5 ta’ Ottubru 1988, Hamill vs Il‑Kummissjoni, 180/87, punt 15; Il‑Qorti tal-Prim’Istanza 27 ta’ Ġunju 2000, K vs Il‑Kummissjoni, T‑67/99, punt 32

14.    Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura tiegħu, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jista’ jiddeċiedi, għal raġunijiet ta’ ekwità, li parti li titlef il-kawża tiġi kkundannata biss parzjalment għall-ispejjeż, jew saħansitra li ma għandhiex tiġi kkundannata f’dan is-sens. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 88 tar-Regoli tal-Proċedura, parti, anki jekk tirbaħ, tista’ tiġi kkundannata parzjalment jew saħansitra totalment għall-ispejjeż, jekk dan jidher ġustifikat minħabba l-attitudni tagħha, inkluż qabel it-tressiq tal-kawża, b’mod partikolari jekk hija wasslet lill-parti l-oħra għal spejjeż meqjusa fiergħa jew vessatorji.

F’dan ir-rigward, meta istituzzjoni tkun dewmet, b’mod kunsiderevoli, l-iżvolġiment tal-proċess, billi inizjalment tirrifjuta li tikkomunika lit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ċerti dokumenti u informazzjoni u billi ġġiegħel lit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jipproċedi b’tieni seduta, kif ukoll billi tagħti risposti ineżatti lit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, evalwazzjoni ġusta taċ-ċirkustanzi tal-każ teħtieġ li minbarra għall-ispejjeż tagħha l-istituzzjoni tiġi kkundannata għall-ispejjeż raġonevoli u debitament iġġustifikati tal-parti l-oħra.

(ara l-punti 229, 230 u 232)