Language of document : ECLI:EU:T:2018:922

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla Estiża)

12 ta’ Diċembru 2018 (*)

“Kompetizzjoni – Akkordji – Abbuż minn pożizzjoni dominanti – Suq tal-perindopril, prodott mediċinali intiż għall-kura tal-mard kardjovaskulari, fil-verżjonijiet tal-bidu u ġeneriċi tiegħu – Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikoli 101 u 102 TFUE – Prinċipju ta’ imparzjalità – Konsultazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv fil-qasam tal‑akkordji u tal-pożizzjonijiet dominanti – Dritt għal rimedju effettiv – Qosor tat-terminu għall-preżentata tar-rikors fid-dawl tat-tul tad-deċiżjoni kkontestata – Ftehimiet dwar soluzzjoni bonarja dwar it‑tilwimiet fil-qasam tal-privattivi – Ftehimiet dwar liċenzja – Ftehimiet dwar akkwist tat-teknoloġija – Ftehim dwar xiri esklużiv – Kompetizzjoni potenzjali – Restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l‑għan – Restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-effett – Konċiljazzjoni bejn dritt tal-kompetizzjoni u dritt tal-privattivi – Klassifikazzjoni ta’ ksur distinti jew ta’ ksur uniku – Definizzjoni tas‑suq rilevanti fil-livell tal-molekola tal-prodott mediċinali kkonċernat – Multi – Kumulu ta’ multi skont l-Artikoli 101 u 102 TFUE – Prinċipju ta’ legalità ta’ delitti u ta’ pieni – Valur tal-bejgħ – Modalitajiet ta’ kalkolu fil-każ ta’ kumulu ta’ ksur fl-istess swieq”

Fil-Kawża T‑691/14,

Servier SAS, stabbilita f’Suresnes (Franza),

Servier Laboratories Ltd, stabbilita f’Wexham (ir-Renju Unit),

Les Laboratoires Servier SAS, stabbilita f’Suresnes,

inizjalment irrappreżentati minn I. S. Forrester, QC, J. Killick, barrister, O. de Juvigny, avukat, u M. Utges Manley, solicitor, sussegwentement minn J. Killick, O. De Juvigny, M. Utges Manley, J. Jourdan u T. Reymond, avukati,

ir-rikorrenti,

sostnuti minn

European Federation of Pharmaceutical Industries and Associations (EFPIA), stabbilita f’Genève (l-Isvizzera), irrappreżentata minn F. Carlin, barrister, N. Niejahr u C. Paillard, avukati,

l-intervenjenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, inizjalment irrappreżentata minn T. Christoforou, B. Mongin, C. Vollrath, F. Castilla Contreras u T. Vecchi, sussegwentement minn T. Christoforou, B. Mongin, C. Vollrath, F. Castilla Contreras u J. Norris-Usher, bħala aġenti,

il-konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża, prinċipalment, għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2014) 4955 finali tad-9 ta’ Lulju 2014 dwar proċedura skont l‑Artikolu 101 u l-Artikolu 102 TFUE [Każ AT.39612 – Perindopril (Servier)], sa fejn din tikkonċerna lir-rikorrenti, u, sussidjarjament, għat‑tnaqqis tal‑ammont tal-multa imposta fuqhom permezz tal-imsemmija deċiżjoni,

IL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla Estiża),

komposta minn S. Gervasoni (Relatur), President, E. Bieliūnas, L. Madise, R. da Silva Passos u K. Kowalik-Bańczyk, Imħallfin,

Reġistratur: G. Predonzani, amministratur,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara s-seduta tas-6 u tad‑9 ta’ Ġunju 2017,

tagħti l-preżenti

Sentenza (1)

I.      Il-fatti li wasslu għall-kawża

A.      Fuq ir-rikorrenti

1        Il-grupp Servier, magħmul b’mod partikolari minn Servier SAS, li hija l‑kumpannija parent tiegħu, stabbilita fi Franza, minn Laboratoires Servier SAS u minn Servier Laboratories Ltd (iktar ’il quddiem, meħuda individwalment jew flimkien, “Servier” jew ir-“rikorrenti”), jiġbor kumpanniji farmaċewtiċi fuq livell globali. Il-kontroll esklużiv tal‑ġestjoni tal-kumpannija parent tal-grupp huwa f’idejn Stichting FIRS, fondazzjoni mingħajr skop ta’ lukru rregolata mid-dritt Olandiż.

B.      Fuq il-perindopril u l-privattivi tiegħu

1.      Perindopril

2        Servier żviluppa l-perindopril, prodott mediċinali indikat bħala mediċina kardjovaskulari, intiż prinċipalment sabiex tiġi miġġielda l-pressjoni għolja u l-insuffiċjenza kardijaka, permezz ta’ mekkaniżmu ta’ inibizzjoni tal-enżima ta’ konverżjoni tal-anġjotensin (iktar ’il quddiem l-“EKA”).

3        L-ingredjent farmaċewtiku attiv (iktar ’il quddiem l-“IFA”) tal‑perindopril, jiġifieri s-sustanza kimika bijoloġikament attiva li tipproduċi l-effetti terapewtiċi previsti, hija fil-forma ta’ melħ. Il-melħ użat inizjalment kien l-erbumina (jew tert-butilamina), li jippreżenta ruħu f’forma kristallina minħabba l-proċess użat minn Servier għas-sinteżi tiegħu.

2.      Privattiva marbuta mal-molekula

4        Il-privattiva marbuta mal-molekula tal-perindopril (privattiva EP0049658, iktar ’il quddiem il-“privattiva 658”) ġiet ippreżentata quddiem l-Uffiċċju Ewropew tal-Privattivi (UEP) fid‑29 ta’ Settembru 1981. Il-privattiva 658 kellha tiskadi fid‑29 ta’ Settembru 2001, iżda l-protezzjoni tagħha ġiet estiża f’diversi Stati Membri tal-Unjoni Ewropea, fosthom ir-Renju Unit, sat‑22 ta’ Ġunju 2003, kif kien jippermetti r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1768/92 tat-18 ta’ Ġunju 1992 dwar il-ħolqien ta’ ċertifikat ta’ protezzjoni supplementari għal prodotti mediċinali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 11, p. 200). Fi Franza, il-protezzjoni tal-privattiva 658 ġiet estiża sat-22 ta’ Marzu 2005 u, fl-Italja, sat-13 ta’ Frar 2009.

3.      Privattivi sekondarji

5        Barra minn hekk, fl-1988, Servier ippreżenta diversi privattivi quddiem l-UEP marbuta mal-proċessi tal-fabbrikazzjoni tal-molekula tal‑perindopril li kienu jiskadu fis-16 ta’ Settembru 2008: il-privattivi EP0308339, EP0308340, EP0308341 u EP0309324 (iktar ’il quddiem, il-“privattiva 339”, il-“privattiva 340”, il‑“privattiva 341” u l‑“privattiva 324”, rispettivament).

6        Fl-2001, Servier ippreżenta privattivi ġodda quddiem l-UEP marbuta mal-erbumina u mal-proċessi tal-fabbrikazzjoni tagħha, fosthom il‑privattiva EP1294689 (imsejħa “privattiva beta”, iktar ’il quddiem il‑“privattiva 689”), il-privattiva EP1296948 (imsejħa “privattiva gamma”, iktar ’il quddiem il-“privattiva 948”) u l-privattiva EP1296947 (imsejħa “privattiva alpha”, iktar ’il quddiem il-“privattiva 947”).

7        Il-privattiva 947, marbuta mal-forma kristallina alpha tal-erbumina u mal-proċess ta’ preparazzjoni tagħha, ġiet ippreżentata fis‑6 ta’ Lulju 2001 u ngħatat mill-UEP fl-4 ta’ Frar 2004.

8        Servier ippreżenta wkoll applikazzjonijet għal privattivi nazzjonali f’diversi Stati Membri tal-Unjoni qabel ma dawn saru membri tal‑Konvenzjoni dwar l-Għoti ta’ Privattivi Ewropej, iffirmata fi München fil-5 ta’ Ottubru 1973 u li daħlet fis-seħħ fis-7 ta’ Ottubru 1977 (iktar ’il quddiem il-“KPE”). Pereżempju, Servier ippreżenta applikazzjonijiet għal privattivi li jikkorrispondu għall-privattiva 947 fil-Bulgarija (BG 107 532), fir-Repubblika Ċeka (PV2003-357), fl-Estonja (P200300001), fl-Ungerija (HU225340), fil‑Polonja (P348492) u fis‑Slovakkja (PP0149-2003). L-applikazzjonijiet għal privattivi inkwistjoni kollha kienu ppreżentati fl-istess data: fis-6 ta’ Lulju 2001. Il-privattivi ngħataw fis-16 ta’ Mejju 2006 fil-Bulgarija, fis‑17 ta’ Awwissu 2006 fl-Ungerija, fit-23 ta’ Jannar 2007 fir‑Repubblika Ċeka, fit-23 ta’ April 2007 fis‑Slovakkja u fl‑24 ta’ Marzu 2010 fil‑Polonja.

4.      Perindopril tat-tieni ġenerazzjoni

9        Mill-2002, Servier beda jiżviluppa perindopril tat-tieni ġenerazzjoni, iffabbrikata minn melħ differenti mill-erbumina, jiġifieri mill-arginina. Dan il-perindopril-arginina kellu jsarraf f’titjib f’termini ta’ tul tal-perijodu ta’ konservazzjoni, li kien jiżdied minn sentejn għal tliet snin, ta’ stabbiltà, li jippermetti tip wieħed ta’ imballaġġ għaż-żoni klimatiċi kollha, kif ukoll ta’ stokkjar, li ma jirrikjedi l-ebda kundizzjoni partikolari.

10      Fis-17 ta’ Frar 2003, Servier ippreżenta applikazzjoni għal privattiva Ewropea għall-perindopril-arginina (privattiva EP1354873B, iktar ’il quddiem il-“privattiva 873”). Il-privattiva 873 ingħatat fis‑17 ta’ Lulju 2004, b’data ta’ skadenza stabbilita għas‑17 ta’ Frar 2023. Id-dħul tal-perindopril-arginina fis-swieq tal‑Unjoni Ewropea beda fl‑2006.

C.      Fuq il-kawżi marbuta mal-perindopril

1.      Kawżi quddiem l-UEP

11      Għaxar kumpanniji tal-ġeneriċi, fosthom Niche Generics Ltd (iktar ’il quddiem “Niche”), Krka Tovarna Zdravil d.d. (iktar ’il quddiem “Krka”), Lupin Ltd u Norton Healthcare Ltd, sussidjarja ta’ Ivax Europe (iktar ’il quddiem “Ivax”), li sussegwentement ingħaqdet ma’ Teva Pharmaceuticals Ltd (iktar ’il quddiem, meħuda individwalment jew mal‑kumpanniji l-oħra tal-grupp Teva, “Teva”), ippreżentaw oppożizzjoni kontra l-privattiva 947 quddiem l-UEP fl-2004, bil-ħsieb li jiksbu r-revoka totali tagħha, billi invokaw raġunijiet ibbażati fuq nuqqas ta’ novità u ta’ attività inventiva u fuq il-karattru insuffiċjenti tal‑espożizzjoni tal-invenzjoni.

12      Fis-27 ta’ Lulju 2006, id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni tal-UEP ikkonfermat il-validità tal‑privattiva 947, wara tibdiliet żgħar fil-pretensjonijiet inizjali ta’ Servier (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tal-UEP tas-27 ta’ Lulju 2006”). Seba’ kumpanniji ppreżentaw rikors kontra din id-deċiżjoni. Niche irtirat mill-proċedura ta’ oppożizzjoni fid-9 ta’ Frar 2005, Krka fil‑11 ta’ Jannar 2007 u Lupin fil-5 ta’ Frar 2007. Permezz ta’ deċiżjoni tas‑6 ta’ Mejju 2009, il-Bord tal-Appell tekniku tal-UEP annulla d‑deċiżjoni tal-UEP tas-27 ta’ Lulju 2006 u rrevoka l-privattiva 947. Ir‑rikors għal reviżjoni ppreżentat minn Servier kontra din id-deċiżjoni ġie miċħud fid-19 ta’ Marzu 2010.

13      Fil-11 ta’ Awwissu 2004, Niche ppreżentat ukoll oppożizzjoni kontra l‑privattiva 948 quddiem l-UEP, iżda hija rtirat mill-proċedura fl‑14 ta’ Frar 2005.

14      Teva bdiet proċedimenti ta’ oppożizzjoni kontra l-privattiva 873 fit‑13 ta’ April 2005. Id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni ċaħdet din l‑oppożizzjoni, minħabba li TEVA ma ppruvatx l-insuffiċjenza ta’ attività inventiva ta’ din il-privattiva. Teva ppreżentat appell kontra din id‑deċiżjoni fit-22 ta’ Diċembru 2008, qabel ma rtiratu fit‑8 ta’ Mejju 2012.

2.      Kawżi quddiem il-qrati nazzjonali

15      Barra minn hekk, il-validità tal-privattiva 947 ġiet ikkontestata minn kumpanniji tal-ġeneriċi quddiem il-qrati ta’ ċerti Stati Membri, b’mod partikolari fil-Pajjiżi l-Baxxi u fir-Renju Unit.

a)      Kawża ta’ Servier kontra Niche u Matrix

16      Fir-Renju Unit, fil-25 ta’ Ġunju 2004 Servier ippreżenta azzjoni ta’ ksur ta’ privattiva quddiem il-High Court of Justice (England & Wales), Chancery Division (patents court) [il-Qorti Għolja tal-Ġustizzja (Ingilterra u Wales), Sezzjoni tal-Ekwità (Awla tal-Privattivi), ir-Renju Unit] fil-konfront ta’ Niche, billi invoka l-privattivi tiegħu 339, 340 u 341, billi din tal-aħħar ressqet talbiet għal awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq (ATS) fir-Renju Unit għal verżjoni ġenerika tal-perindopril, żviluppata bi sħubija ma’ Matrix Laboratories Ltd (iktar ’il quddiem “Matrix”) skont ftehim konkluż fis‑26 ta’ Marzu 2001 (iktar ’il quddiem il-“ftehim Niche-Matrix”). Fid‑9 ta’ Lulju 2004, Niche nnotifikat lil Servier b’kontrotalba għall-annullament tal-privattiva 947.

17      Is-seduta quddiem il-High Court of Justice (England & Wales), Chancery Division (patents court) [il-Qorti Għolja tal-Ġustizzja (Ingilterra u Wales), Sezzjoni tal-Ekwità (Awla tal-Privattivi), dwar il-fondatezza tal‑ksur tal-privattiva allegat, ġiet iffissata għas-7 u t-8 ta’ Frar 2005, iżda damet biss nofs jum, minħabba li ntlaħaq ftehim dwar soluzzjoni bonarja bejn Servier u Niche fit-8 ta’ Frar 2005, li temm il-vertenza bejn dawn iż‑żewġ partijiet.

18      Matrix inżammet informata minn Niche bl-iżvolġiment ta’ din il‑proċedura kontenzjuża u ġiet ukoll assoċjata magħha billi tat ix-xhieda tagħha quddiem il-High Court of Justice (England & Wales), Chancery Division (patents court) [il-Qorti Għolja tal-Ġustizzja (Ingilterra u Wales), Sezzjoni tal-Ekwità (Awla tal-Privattivi), għan-nom ta’ Niche. Barra minn hekk, Servier bagħat ittra formali ta’ twissija lil Matrix fis‑7 ta’ Frar 2005, li biha allega ksur minnha tal-privattivi 339, 340 u 341 u heddidha bil-ftuħ ta’ azzjoni ta’ ksur ta’ privattiva.

19      Barra minn hekk, fil-ħarifa tal-2004, Servier beda jaħseb għall‑akkwist ta’ Niche. Għal dan l-għan, Servier wettaq verifika preliminari, li l-ewwel parti tagħha tlestiet fl-10 ta’ Jannar 2005, data li fiha huwa ppreżenta offerta preliminari mhux vinkolanti ta’ akkwist tal-kapital ta’ Niche għal ammont ta’ bejn 15 u 45 miljun lira sterlina (GBP). Wara t-tieni fażi tal-verifika preliminari, li saret fil‑21 ta’ Jannar 2005, Servier, fil-31 ta’ Jannar 2005, verbalment informa lil Niche ma kienx għadu jixtieq ikompli bl‑akkwist tagħha.

b)      Kawżi ta’ Servier kontra Ivax u Teva

20      Fir-Renju Unit, fid-9 ta’ Awwissu 2005, Ivax talbet ir-revoka tal‑privattiva 947 quddiem il-High Court of Justice (England & Wales), Chancery Division (Patents court) [il-Qorti Għolja tal-Ġustizzja (Ingilterra u Wales), Sezzjoni tal-Ekwità (Awla tal-Privattivi)]. Madankollu, f’Ottubru 2005, Servier u Ivax iddeċidew li jissospendu l‑proċedura sakemm tingħata d-deċiżjoni finali fil-proċedimenti ta’ oppożizzjoni quddiem l-UEP. Inkontrakambju, Servier obbliga ruħu li, fil-konfront ta’ Ivax, ta’ dawk liċenzjati magħha u tal-klijenti tagħha, għall-perijodu ta’ sospensjoni u fir-Renju Unit, ma jibdiex proċeduri, ma jitlobx restituzzjoni ta’ profitti jew ta’ kumpens finanzjarju ħlief ħlas raġonevoli għal kull att ta’ ksur tal-privattiva 947 u li ma jippruvax ifittex miżuri korrettivi permezz ta’ ordni, jew ġbir ta’ prodotti. Servier obbliga ruħu wkoll li jmexxi l-proċedimenti quddiem l-UEP b’mod diliġenti u li ma jippruvax jikseb ordni provviżorja fil-qafas ta’ azzjoni ta’ ksur ta’ privattiva wara l-għeluq tal-proċedimenti quddiem l-UEP.

21      Fil-Pajjiżi l-Baxxi, fil-15 ta’ Awwissu 2007, Pharmachemie BV, sussidjarja ta’ Teva, marret quddiem ir-Rechtbank Den Haag (il-Qorti Distrettwali ta’ Den Haag, il-Pajjiżi l-Baxxi) b’talba għal revoka tal‑privattiva 947, kif ivvalidata fil-Pajjiżi l-Baxxi, minħabba n-nuqqas ta’ novità u ta’ attività inventiva u n-nuqqas tagħha ta’ riproduttività. Ir-Rechtbank Den Haag (il-Qorti Distrettwali ta’ Den Haag) laqgħet din it-talba fil-11 ta’ Ġunju 2008. Servier appella minn din is‑sentenza fis‑7 ta’ Ottubru 2008, iżda, sussegwentement, ma ppreżenta l-ebda espożizzjoni tal-ilmenti.

c)      Kawżi ta’ Servier kontra Krka

22      Fl-Ungerija, fit-30 ta’ Mejju 2006, Servier ippreżenta talba għal ordni provviżorja għall-projbizzjoni tal-bejgħ ta’ verżjoni ġenerika tal‑perindopril mqiegħda fis-suq minn Krka, minħabba l-ksur tal‑privattiva 947. Din it-talba ġiet miċħuda f’Settembru 2006.

23      Fir-Renju Unit, fit-28 ta’ Lulju 2006, quddiem il-High Court of Justice (England & Wales), Chancery Division (patents court) [il-Qorti Għolja tal-Ġustizzja (Ingilterra u Wales), Sezzjoni tal-Ekwità (Awla tal‑Privattivi)] Servier ippreżenta azzjoni ta’ ksur ta’ privattiva tal‑privattiva 340 kontra Krka. Fit‑2 ta’ Awwissu 2006, huwa ppreżenta wkoll azzjoni ta’ ksur tal-privattiva 947 kontra Krka kif ukoll talba għal ordni provviżorja. Fl‑1 ta’ Settembru 2006, Krka ressqet kontrotalba għall-annullament tal‑privattiva 947 u, fit-8 ta’ Settembru 2006, kontrotalba oħra għall‑annullament tal-privattiva 340. Fit-3 ta’ Ottubru 2006, il-High Court of Justice (England & Wales), Chancery Division (patents court) [il-Qorti Għolja tal-Ġustizzja (Ingilterra u Wales), Sezzjoni tal-Ekwità (Awla tal-Privattivi)], laqgħet it-talba għal ordni provviżorja ta’ Servier u ċaħdet it-talba għal proċedura sommarja (motion of summary judgment) imressqa minn Krka fl-1 ta’ Settembru 2006, intiża sabiex il-privattiva 947 tiġi invalidata. Fl-1 ta’ Diċembru 2006, il-kawża pendenti ntemmet wara ftehim dwar soluzzjoni bonarja bejn il-partijiet u l-ordni provviżorja tneħħiet.

d)      Kawża ta’ Servier kontra Lupin

24      Fit-18 ta’ Ottubru 2006, quddiem il-High Court of Justice (England & Wales), Chancery Division (patents court) [il-Qorti Għolja tal-Ġustizzja (Ingilterra u Wales), Sezzjoni tal-Ekwità (Awla tal-Privattivi)], Lupin ippreżentat azzjoni għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tal-privattiva 947, kif ivvalidata fir-Renju Unit, u għal dikjarazzjoni ta’ nuqqas ta’ ksur tal-imsemmija privattiva mill-verżjoni ġenerika tal‑perindopril li hija kellha l-ħsieb li tbiegħ f’dan il-pajjiż.

e)      Kawżi ta’ Servier kontra Apotex

25      Fir-Renju Unit, fl-1 ta’ Awwissu 2006, quddiem il‑High Court of Justice (England & Wales), Chancery Division (patents court) [il-Qorti Għolja tal-Ġustizzja (Ingilterra u Wales), Sezzjoni tal-Ekwità (Awla tal-Privattivi)], Servier ippreżenta azzjoni ta’ ksur ta’ privattiva kontra Apotex Inc., billi invoka l-ksur tal-privattiva 947, peress li din tal-aħħar introduċiet verżjoni ġenerika tal-perindopril fit-28 ta’ Lulju 2006. Apotex għamlet kontrotalba għall-annullament ta’ din il-privattiva. Fit‑8 ta’ Awwissu 2006 inħarġet ordni provviżorja li tipprojbixxi lil Apotex milli timporta, toffri għall-bejgħ jew tbiegħ il-perindopril. Fis‑6 ta’ Lulju 2007, il-High Court of Justice (England & Wales), Chancery Division (patents court) [il-Qorti Għolja tal-Ġustizzja (Ingilterra u Wales), Sezzjoni tal-Ekwità (Awla tal-Privattivi)], iddeċidiet li l‑privattiva 947 kienet invalida, minħabba nuqqas ta’ novità u ta’ attività inventiva meta mqabbla mal-privattiva 341. Konsegwentement, l-ordni tneħħiet immedjatament u Apotex setgħet terġa’ tibda l-bejgħ tal‑verżjoni ġenerika tagħha tal-perindopril fis-suq tar-Renju Unit. Fid‑9 ta’ Mejju 2008, il-Court of Appeal (England & Wales) (Civil division) [il-Qorti tal-Appell (Ingilterra u Wales), Sezzjoni Ċivili, ir-Renju Unit], ċaħdet ir-rikors ippreżentat minn Servier kontra s-sentenza tal-High Court of Justice (England & Wales), Chancery Division (patents court) [il-Qorti Għolja tal-Ġustizzja (Ingilterra u Wales), Sezzjoni tal-Ekwità (Awla tal-Privattivi)].

26      Fid-9 ta’ Ottubru 2008, il-High Court of Justice (England & Wales), Chancery Division (patents court) [il-Qorti Għolja tal-Ġustizzja (Ingilterra u Wales), Sezzjoni tal-Ekwità (Awla tal-Privattivi)], ordnat il‑ħlas ta’ danni lil Apotex fl-ammont ta’ GBP 17.5 miljuni, minħabba t-telf ta’ dħul mill-bejgħ subit waqt l-implimentazzjoni tal-ordni. Madankollu, fid‑29 ta’ Marzu 2011, il-High Court of Justice (England & Wales), Chancery Division (patents court) [il-Qorti Għolja tal-Ġustizzja (Ingilterra u Wales), Sezzjoni tal‑Ekwità (Awla tal-Privattivi)] talbet lil Apotex tirrestitwixxi din is-somma lil Servier, abbażi tal-prinċipju ex turpi causa, peress li privattiva Kanadjana valida kienet tipproteġi l-molekula tal-perindopril sal-2018 u Apotex kienet timmanifattura u tbiegħ il‑prodott mediċinali tagħha fil-Kanada. Madankollu, il-Court of Appeal (England & Wales) (Civil division) [il-Qorti tal-Appell (Ingilterra u Wales) (Sezzjoni Ċivili)] annullat din id‑deċiżjoni permezz ta’ sentenza tat‑3 ta’ Mejju 2012. Fid-29 ta’ Ottubru 2014, is-Supreme Court of the United Kingdom (il-Qorti Suprema tar-Renju Unit) ċaħdet l-appell ippreżentat minn Servier mis-sentenza tal-Court of Appeal (England & Wales) (Civil division) [il-Qorti tal-Appell (Ingilterra u Wales) (Sezzjoni Ċivili)].

27      Fil-Pajjiżi l-Baxxi, fit-13 ta’ Novembru 2007, Katwijk Farma BV, sussidjarja ta’ Apotex, ippreżentat quddiem ir‑Rechtbank Den Haag (il-Qorti Distrettwali ta’ Den Haag) talba għall-annullament tal‑privattiva 947, kif ivvalidata fil-Pajjiżi l-Baxxi. Fis‑7 ta’ Diċembru 2007, Servier ressaq talba għal ordni provviżorja kontra Katwijk Farma, li ġiet miċħuda mir-Rechtbank Den Haag (il-Qorti Distrettwali ta’ Den Haag) fit‑30 ta’ Jannar 2008. Wara l-annullament tal-privattiva 947 għall‑Pajjiżi l-Baxxi fil-11 ta’ Ġunju 2008 mir‑Rechtbank Den Haag (il-Qorti Distrettwali ta’ Den Haag) fil-kuntest tal‑kawża ppreżentata minn Pharmachemie, Servier u Katwijk Farma rtiraw mill-proċeduri pendenti.

D.      Fuq il-ftehimiet dwar soluzzjoni bonarja dwar it-tilwimiet filqasam tal-privattivi

28      Servier ikkonkluda sensiela ta’ ftehimiet dwar soluzzjoni bonarja fil-qasam tal-privattivi ma’ diversi kumpanniji ta’ ġeneriċi li magħhom huwa kellu tilwimiet marbuta mal‑privattivi. Madankollu, ma kkonkludiex ftehim dwar soluzzjoni bonarja ma’ Apotex.

1.      Ftehimiet konklużi minn Servier ma’ Niche u Unichem u ma’ Matrix

29      Fit-8 ta’ Frar 2005, Servier ikkonkluda żewġ ftehimiet dwar soluzzjoni bonarja, wieħed ma’ Niche u l-kumpannija parent tagħha, Unichem Laboratories Ltd (iktar ’il quddiem “Unichem”), u l-ieħor ma’ Matrix. Fl‑istess jum, Niche kkonkludiet kuntratt dwar liċenzja u provvista ma’ Biogaran, sussidjarja 100 % tal-Laboratoires Servier.

30      Il-ftehim konkluż minn Servier ma’ Niche u Unichem (iktar ’il quddiem il-“ftehim Niche”) kien ikopri l-pajjiżi kollha li fihom kienu jeżistu l‑privattivi 339, 340, 341 u 947 (Artikolu 3).

31      Permezz tal-ftehim Niche, Niche u Unichem obbligaw ruħhom li jastjenu milli jiffabbrikaw, milli jitolbu l-fabbrikazzjoni, milli jżommu, milli jimportaw, milli jipprovdu, milli jipproponu li jipprovdu jew milli jiddisponu mill-perindopril ġeneriku ffabbrikat skont il-proċess żviluppat minn Niche u li Servier kien jikkunsidra bħala li jikser il-privattivi 339, 340 u 341, kif ivvalidati fir-Renju Unit, skont proċess sostanzjalment simili jew skont kull proċess ieħor li jista’ jikser il-privattivi 339, 340 u 341 (iktar ’il quddiem il-“proċess kontenzjuż”) sal-iskadenza lokali ta’ dawn il-privattivi (Artikolu 3). Għall-kuntrarju, il-ftehim Niche kien jistabbilixxi li huma liberi li jikkummerċjalizzaw il-perindopril iffabbrikat permezz tal-proċess kontenzjuż mingħajr ma jiksru dawn il‑privattivi, wara l-iskadenza tal-imsemmija privattivi (Artikoli 4 u 6). Barra minn hekk, Niche kienet obbligata li tannulla, ixxolji jew tissospendi, sad-data tal-iskadenza tal-privattivi, il-kuntratti kollha tagħha diġà konklużi marbuta mal-perindopril iffabbrikat permezz tal‑proċess kontenzjuż kif ukoll mat-talbiet għal ATS ta’ dan il‑perindopril (Artikolu 11). Barra minn hekk, Niche u Unichem obbligaw ruħhom li ma jressqu l-ebda talba għal ATS tal-perindopril iffabbrikat permezz tal-proċess kontenzjuż u li ma jgħinu lil ebda terz sabiex jikseb tali ATS (Artikolu 10). Fl-aħħar, huma kellhom jastjenu minn kull azzjoni għal invalidità jew għal dikjarazzjoni ta’ nuqqas ta’ ksur ta’ privattiva fil-konfront tal-privattivi 339, 340, 341, 947, 689 u 948 sal-iskadenza tagħhom, ħlief bħala difiża fil-kuntest ta’ azzjoni ta’ ksur tal-privattiva (Artikolu 8). Barra minn hekk, Niche aċċettat li tirtira l-oppożizzjonijiet tagħha kontra l-privattivi 947 u 948 quddiem l-UEP (Artikolu 7).

32      Inkambju, Servier obbliga ruħu, minn naħa, li ma jippreżentax azzjoni ta’ ksur ta’ privattiva kontra Niche jew il-klijenti tagħha u Unichem, ibbażata fuq il-privattivi 339, 340, 341 u 947, fir-rigward ta’ kull att ta’ ksur ta’ privattiva allegat li seħħ qabel il-konklużjoni tal-ftehim Niche (Artikolu 5), u, min-naħa l-oħra, li jħallas lil Niche u lil Unichem somma ta’ GBP 11.8 miljun f’żewġ pagamenti (Artikolu 13). Dan l-ammont kien jirrappreżenta l-korrispettiv għall-impenji ta’ Niche u ta’ Unichem u “spejjeż sostanzjali u responsabbiltajiet potenzjali li jistgħu jiġu sostnuti minn Niche u Unichem minħabba l-waqfien tal-programm tagħhom ta’ żvilupp tal‑perindopril iffabbrikat skont il-proċess [kontenzjuż]”.

33      Barra minn hekk, fit-8 ta’ Frar 2005, Niche kkonkludiet kuntratt dwar liċenzja u provvista ma’ Biogaran (iktar ’il quddiem il-“ftehim Biogaran”), dwar it-trasferiment, minn naħa, tal-informazzjoni u d-data kollha miżmuma minn Niche fir-rigward ta’ tliet prodotti mediċinali u neċessarji għall-kisba tal-ATS u, min-naħa l-oħra, tal-ATS Franċiża tagħha għal wieħed minnhom. Inkambju, Biogaran kellha tħallas lil Niche somma ta’ GBP 2.5 miljuni, mhux rimborsabbli, anki f’każ li Biogaran ma tiksibx l‑ATS. Barra minn hekk, Biogaran kellha tordna l-prodotti kkonċernati mingħand Niche wara li tkun kisbet l-ATS tagħha. Fil-każ li l-ATS ma jkunux inkisbu f’terminu ta’ 18-il xahar mid-data tad-dħul fis-seħħ tal‑ftehim, dan kellu jiġi rexiss awtomatikament (Artikolu 14.4), mingħajr ma l-ebda parti jkollha dritt għal kumpens (Artikolu 14.5).

34      Il-ftehim konkluż minn Servier ma’ Matrix (iktar ’il quddiem il-“ftehim Matrix”) kien ikopri l-pajjiżi kollha li fihom kienu jeżistu l-privattivi 339, 340, 341 u 947, bl-eċċezzjoni ta’ Stat mhux membru taż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) [Taqsima 1(1)(xiii) tal-ftehim Matrix].

35      Permezz tal-ftehim Matrix, Matrix obbligat ruħha li tastjeni milli tiffabbrika, milli titlob il-fabbrikazzjoni, milli żżomm, milli timporta, milli tipprovdi, milli tipproponi li tipprovdi jew milli tiddisponi mill‑perindopril iffabbrikat skont il-proċess kontenzjuż sal-iskadenza lokali ta’ dawn il-privattivi (Artikoli 1 u 2). Għall-kuntrarju, il-ftehim kien jistabbilixxi li Matrix tkun libera tikkummerċjalizza l-perindopril iffabbrikat permezz tal-proċess kontenzjuż mingħajr ma tikser dawn il‑privattivi, wara l-iskadenza tal-imsemmija privattivi (Artikolu 4). Barra minn hekk, Matrix kienet obbligata tannulla, ixxolji jew tissospendi, sad-data ta’ skadenza tal-privattivi, il-kuntratti kollha tagħha diġà konklużi marbuta mal-perindopril iffabbrikat permezz tal-proċess kontenzjuż kif ukoll ma’ talbiet għal ATS għal dan il-perindopril, sa mhux iktar tard mit-30 ta’ Ġunju 2005 (Artikoli 7 u 8). Barra minn hekk, hija obbligat ruħha li ma tressaq l-ebda talba għal ATS tal-perindopril iffabbrikat permezz tal-proċess kontenzjuż u li ma tgħin l-ebda terz jikseb tali ATS (Artikolu 6). Fl-aħħar, Matrix kellha tastjeni minn kull azzjoni għal invalidità jew għal dikjarazzjoni ta’ nuqqas ta’ ksur ta’ privattiva fil-konfront tal‑privattivi 339, 340, 341, 947, 689 u 948 sal-iskadenza tagħhom, ħlief bħala difiża fil-kuntest ta’ azzjoni ta’ ksur ta’ privattiva (Artikolu 5).

36      Inkambju, Servier kien obbliga ruħu, minn naħa, li ma jibdiex azzjoni ta’ ksur ta’ privattiva kontra Matrix ibbażata fuq il-privattivi 339, 340, 341 u 947 fil-konfront ta’ kull att ta’ ksur ta’ privattiva allegat li jkun sar qabel il‑konklużjoni tal-ftehim Matrix (Artikolu 3), u, min-naħa l-oħra, li jħallas lil Matrix somma ta’ GBP 11.8 miljun f’żewġ pagamenti (Artikolu 9). Din is-somma kienet tirrappreżenta l-korrispettiv għall‑impenji ta’ Matrix u “spejjeż sostanzjali u responsabbiltajiet potenzjali li jistgħu jiġu sostnuti minn Matrix minħabba l-waqfien tal‑programm tagħha ta’ żvilupp tal-perindopril iffabrikat skont il‑proċess [kontenzjuż]”.

2.      Ftehim konkluż minn Servier ma’ Teva

37      Fit-13 ta’ Ġunju 2006, Servier ikkonkluda ma’ Teva ftehim dwar soluzzjoni bonarja u dwar xiri esklużiv, iktar ’il quddiem il-“ftehim Teva”). Il-perindopril imsemmi fil-ftehim Teva kien il-perindopril erbumina (Artikolu 1.12).

38      Bis-saħħa tal-klawżoli relatati mal-ftehim dwar soluzzjoni bonarja, Teva obbligat ruħha li teqred kull perindopril li kellha jew li kien fil-kontroll tagħha u li kien intiż sabiex jinbiegħ fir-Renju Unit (Artikolu 2.2). Barra minn hekk, fir-Renju Unit, Teva kellha tastjeni milli tiffabbrika, milli titlob il‑fabbrikazzjoni, milli żżomm, milli timporta, milli tipprovdi, milli tipproponi li tipprovdi jew milli tiddisponi mill‑perindopril ġeneriku iffabbrikat skont il-proċess li hija kienet żviluppat u li Servier kien jikkunsidra li jikser il-privattivi 947 u 339 sa 341, kif ivvalidati fir-Renju Unit, jew li jikser dawn il-privattivi sax-xoljiment jew l-iskadenza tal-ftehim Teva jew l-iskadenza tal-imsemmija privattivi (Artikolu 2.3). Barra minn hekk, Teva obbligat ruħha li ma tikkontestax il-privattivi hawn fuq imsemmija fir-Renju Unit fil-perijodu tal-ftehim Teva, iżda ma kinitx ipprojbita milli tipproċedi bi proċedimenti ta’ oppożizzjoni kontra l‑privattivi kkontestati quddiem l-UEP (Artikolu 2.4).

39      Inkambju tal-obbligi ta’ Teva, Servier obbliga ruħu li jirrinunzja għal kull kontrotalba fil-konfront ta’ Teva fir-rigward ta’ eventwali ksur tal‑privattivi kkontestati fir-Renju Unit preċedenti għad-dħul fis-seħħ tal‑ftehim Teva (Artikolu 2.1).

40      Bis-saħħa tal-klawżoli relatati mal-obbligu ta’ xiri esklużiv, Teva obbligat ruħha li takkwista b’mod esklużiv mingħand Servier kwalunkwe bżonn li jista’ jkollha ta’ perindopril ġeneriku intiż għad-distribuzzjoni fir-Renju Unit matul il-perijodu tal-ftehim Teva (Artikoli 3.1 u 1.14). F’każ li ma takkwistax mingħand Servier, Teva kienet titlef id-dritt ta’ azzjoni jew ta’ xoljiment, iżda kien ikollha dritt għall-ħlas ta’ kumpens b’rata fissa ta’ GBP 500 000 fix-xahar (Artikoli 1.8 u 3.8.3).

41      Skont id-dispożizzjonijiet ġenerali tal-ftehim Teva, dan kien konkluż għal perijodu ta’ tliet snin u kien jiġġedded għal perijodu addizzjonali ta’ sentejn (Artikoli 8.1 u 8.2). Barra minn hekk, Servier kellha tħallas lil Teva, mal-iffirmar tal-ftehim Teva, wara li tiġi ppreżentata “fattura adattata”, somma ta’ GBP 5 miljuni, bħala “kontribut għall-ispejjeż sostnuti minn Teva fil-preparazzjoni tagħha għall-konklużjoni ta’ dan il-ftehim, inkluż u mingħajr restrizzjoni l-ispejjeż marbuta max-xoljiment tal‑kuntratti ta’ provvista tagħha eżistenti għar-Renju Unit” (Artikolu 10).

42      Fit-23 ta’ Frar 2007, Servier u Teva kkonkludew addendum għall-ftehim Teva (iktar ’il quddiem l-“addendum għall-ftehim Teva”), li kkonferma l-implimentazzjoni effettiva tal-obbligu ta’ xiri esklużiv, u li ffissa data li minnha Teva setgħet tibda tiddistribwixxi l-perindopril ġeneriku pprovdut minn Servier. Din id-data kellha tiġi stabbilita unilateralment minn Servier, inkella kellha tkun tikkorrispondi jew għad-data ta’ revoka jew ta’ skadenza tal-privattiva 947, jew inkella kellha tkun dik li fiha Apotex kellha tibda tiddistribwixxi l-perindopril ġeneriku fir-Renju Unit wara r-riżoluzzjoni tal-kawża kontra Servier.

3.      Ftehimiet konklużi minn Servier ma’ Krka

43      Fis-27 ta’ Ottubru 2006, Servier ikkonkluda ftehim ta’ dwar soluzzjoni bonarja u ftehim dwar liċenzja ma’ Krka, issuplimentat permezz ta’ addendum konkluż fit-2 ta’ Novembru 2006.

44      Fil-ftehim dwar soluzzjoni bonarja konkluż ma’ Krka, huwa previst li l‑privattiva 947 tkopri wkoll il-privattivi nazzjonali ekwivalenti (Anness B).

45      Skont il-ftehim dwar soluzzjoni bonarja konkluż magħha, fis-seħħ sal‑iskadenza jew ir-revoka tal-privattivi 947 jew 340, Krka obbligat ruħha li tirrinunzja għal kwalunkwe pretensjoni eżistenti fir-rigward tal‑privattiva 947 fid-dinja kollha u fir-rigward tal-privattiva 340 fir-Renju Unit u li ma tikkontesta l-ebda waħda minn dawn iż-żewġ privattivi fil-futur fid-dinja kollha [Artikolu I(ii)]. Barra minn hekk, Krka u s-sussidjarji tagħha ma kinux awtorizzati jintroduċu jew ibiegħu verżjoni ġenerika tal‑perindopril bi ksur tal-privattiva 947 matul il-perijodu ta’ validità ta’ dan tal-aħħar u fil-pajjiż fejn kienet għadha valida, ħlief bl‑awtorizzazzjoni espressa ta’ Servier (Artikolu V). Bl-istess mod, Krka ma setgħet tforni lil ebda terzi verżjoni ġenerika tal-perindopril bi ksur tal-privattiva 947, ħlief bl‑awtorizzazzjoni espressa ta’ Servier (Artikolu V(2)). Inkambju, Servier obbliga ruħu li jwaqqaf kawżi pendenti madwar id-dinja kollha bbażati fuq il-ksur tal‑privattivi 947 u 340, kontra Krka, inkluż it-talbiet tiegħu gġal ordni provviżorja [Artikolu I(i))].

46      Skont il-ftehim dwar liċenzja konkluż ma’ Krka għal perijodu li jikkorrispondi għall-validità tal-privattiva 947 (Artikolu 5), Servier ta lil Krka liċenzja “esklużiva” u irrevokabbli fuq il-privattiva 947, sabiex tuża, tiffabbrika, tbiegħ, tipproponi għal-bejgħ, tippromwovi u timporta l-prodotti tiegħu li fihom il-forma kristallina alpha tal-erbumina (Artikolu 2) fir-Repubblika Ċeka, fil-Latvja, fil-Litwanja, fl-Ungerija, fil-Polonja, fis-Slovenja u fis-Slovakkja (Artikolu 1). Inkambju, Krka obbligat ruħha tħallas lil Servier tariffa ta’ 3 % tal-ammont nett tal-bejgħ tagħha f’dawn it-territorji kollha (Artikolu 3). F’dawn l-istess Stati, Servier kien awtorizzat juża direttament jew indirettament (jiġifieri għal waħda mis‑sussidjarji tiegħu jew għal terz wieħed għal kull pajjiż) il‑privattiva 947 (Artikolu 2).

47      Barra minn hekk, fil-5 ta’ Jannar 2007 Servier ikkonkluda ftehim dwar trasferiment u dwar liċenzja ma’ Krka.

48      Bis-saħħa tal-ftehim dwar trasferiment u dwar liċenzja, Krka ttrasferixxiet żewġ applikazzjonijiet għal privattivi lil Servier, waħda li tikkonċerna proċess ta’ sinteżi tal-perindopril (WO 2005 113500) u l‑oħra l-preparazzjoni tal‑formulazzjonijiet ta’ perindopril (WO 2005 094793) (Artikolu 1). It‑teknoloġija protetta minn dawn l-applikazzjonijiet għal privattivi kienet użata għall-produzzjoni tal‑perindopril ta’ Krka.

49      Krka obbligat ruħha li ma tikkontestax il-validità tal-privattivi li jingħataw abbażi tal-applikazzjonijiet inkwistjoni (Artikolu 3).

50      Inkambju għal dan it-trasferiment, Servier ħallas lil Krka ammont ta’ EUR 15 miljuni għal kull applikazzjoni inkwistjoni (Artikolu 2).

51      Servier ta wkoll lil Krka liċenzja mhux esklużiva, irrevokabbli, mhux trasferibbli u eżenti minn ħlasijiet, mingħajr dritt li tikkonċedi sotto‑liċenzji (jekk mhux lis-sussidjarji tagħha), fuq l-applikazzjonijiet jew fuq il-privattivi li jirriżultaw minnhom, peress li din il-liċenzja ma kinitx limitata rationae temporis, fir-rigward tat-territorju jew fl-użu li seta’ jsir minnhom (Artikolu 4).

4.      Ftehim konkluż minn Servier ma’ Lupin

52      Fit-30 ta’ Jannar 2007, Servier ikkonkluda ftehim dwar soluzzjoni bonarja ma’ Lupin (iktar ’il quddiem il-“ftehim Lupin”).

53      Iż-żewġ partijiet b’hekk iddeċidew li jtemmu l-kawżi ta’ bejniethom li jikkonċernaw il-perindopril (1.1, 1.2 u 1.4).

54      Barra minn hekk, Lupin obbligat ruħha li ma tippruvax, direttament jew indiriettament, la tgħin u lanqas tinkariga lil terzi, li tirrevoka, tinvalida jew tikkontesta l-privattiva 947 jew kull privattiva miżmuma minn Servier jew is-sussidjarji tiegħu li tipproteġi l-perindopril, f’kull pajjiż, bl‑eċċezzjoni ta’ Stat li mhux membru taż-ŻEE (Artikolu 1.3). Lupin u s‑sussidjarji tagħha kellhom, barra minn hekk, jastjenu milli jbiegħu jew jipproponu għall-bejgħ kull prodott farmaċewtiku li fih, bħall-IFA, “perindopril[-]erbumina […] u kull melħ tiegħu”, f’kull pajjiż, bl‑eċċezzjoni ta’ Stat li mhux membru taż-ŻEE (Artikolu 1.6). Madankollu, Lupin kienet awtorizzata tbiegħ prodotti pprovduti minn Servier jew il-perindopril proprju tiegħu fil-pajjiżi fejn verżjoni ġenerika tal-perindopril awtorizzata minn Servier kienet fis-suq jew f’każ ta’ skadenza tal‑privattivi rilevanti kollha ta’ Servier jew fil-pajjiżi li fihom terz poġġa fis‑suq verżjoni ġenerika tal-perindopril u li fihom Servier ma kien talab l-ebda ordni intiża għall-projbizjoni tal-bejgħ tiegħu (Artikoli 1.6 u 4.1).

55      Barra minn hekk, Servier u Lupin ikkonkludew ukoll, fil-qafas tal-ftehim Lupin, ftehim dwar trasferiment ta’ drittijiet ta’ proprjetà intelletwali u ftehim dwar liċenzja.

56      Fil-fatt, Servier kiseb tliet applikazzjonijiet għal privattivi ta’ proċess tal‑perindopril ippreżentati minn Lupin:

–        l-applikazzjoni W0 2004/075889 (EP1603558 B1), li tirrigwarda proċess ta’ preparazzjoni ġdid tal-perindopril u tal-melħ tiegħu, għal EUR 20 miljun;

–        l-applikazzjoni W0 2006/097941 (EP1861367 A), li tirrigwarda proċess ġdid imtejjeb ta’ purifikazzjoni tal-perindopril, għal EUR 10 miljun;

–        l-applikazzjoni W0 2005/037788 (EP1675827 A 1), li tirrigwarda proċess ġdid ta’ preparazzjoni tal-perindopril “erbumina kristallina”, għal EUR 10 miljun.

57      Servier ta wkoll lil Lupin liċenzja mhux esklużiva, mhux trasferibbli, li ma setgħetx tkun is-suġġett ta’ sotto-liċenzja, b’xejn, permanenti u irrevokabbli fuq dawn it-tliet applikazzjonijhiet għal privattivi, għall-finijiet tal-fabrikazzjoni ta’ perindopril fil-pajjiżi koperti mill-applikazzjonijiet inkwistjoni (Artikolu 3.1).

58      Finalment, il-ftehim Lupin kien jipprevedi l-konklużjoni ta’ kuntratt ta’ provvista bejn il-partijiet fi żmien erba’ ġimgħat, li, madankollu, ma ġiex konkluż.

E.      Fuq l-akkwist ta’ teknoloġiji awtorizzanti

59      Fit-3 ta’ Settembru 2001, ir-rikorrenti kkonkludew ma’ Rolabo, SL ftehim dwar il-bejgħ ta’ applikazzjoni għal privattiva ppreżentata minn din tal-aħħar fl-24 ta’ Lulju 2001, dwar IFA ta’ perindopril u dwar fajl kimiku għall-IFA tal-perindopril, għal ammont ta’ 10 miljun dollaru Amerikan (USD).

60      Fid-9 ta’ Novembru 2004, ir-rikorrenti kkonkludew ma’ Azad Pharmaceutical Ingredients AG (iktar ’il quddiem “Azad”) ftehim dwar trasferiment ta’ applikazzjoni għal privattiva ppreżentata minn din tal‑aħħar għal żewġ forom ġodda polimorfiċi ta’ perindopril, delta u epsilon, u għall-konoxxenza korrispondenti, għad-dinja kollha, għas-somma ta’ EUR 13 374 243.

61      Fil-15 ta’ Ottubru 2007, ir-rikorrenti kkonkludew protokoll ta’ ftehim ma’ Sandoz AG li jipprevedi li huma kellhom jipproċedu għall-akkwist tat‑teknoloġija ta’ IFA ta’ perindopril żviluppata minn Sandoz, jekk din it-teknoloġija tirriżulta li hija ħielsa minn privattivi u sors ta’ kompetizzjoni vijabbli fil-livell industrijali, għal ammont li jista’ jeċċedi l-USD 50 miljun. In-negozjati komplew sa Lulju 2008, iżda l-ebda ftehim ma ġie finalment konkluż.

F.      Fuq l-investigazzjoni settorjali

62      Fil-15 ta’ Jannar 2008, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej iddeċidiet li tiftaħ investigazzjoni fuq is-settur farmaċewtiku abbażi tad‑dispożizzjonijiet tal-Artikolu 17 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas-16 ta’ Diċembru 2002 fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli [101 TFUE] u [102 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205), bil-ħsieb li tidentifika, minn naħa, il-kawżi tat-tnaqqis fl-innovazzjoni fl-imsemmi settur, imkejla min-numru ta’ prodotti mediċinali ġodda li jidħlu fis-suq, u, min-naħa l-oħra, ir-raġunijiet tad-dħul tardiv fis-suq ta’ ċerti prodotti mediċinali ġeneriċi.

63      Fit-28 ta’ Novembru 2008, il-Kummissjoni ppubblikat rapport preliminari fuq ir-riżultati tal‑investigazzjoni tagħha, segwita minn konsultazzjoni pubblika. Fit-8 ta’ Lulju 2009, hija adottat avviż li s‑suġġett tiegħu kien sinteżi tar-rapport dwar l-investigazzjoni tagħha fuq is-settur farmaċewtiku. Il-Kummissjoni indikat, b’mod partikolari, f’dan l-avviż, li kien jeħtieġ li tkompli tissorvelja l-ftehimiet dwar soluzzjoni bonarja dwar it-tilwimiet fil‑qasam tal-privattivi konklużi bejn il‑kumpanniji tal-verżjonijiet tal-bidu u l-kumpanniji tal-ġeneriċi, bil‑ħsieb li tifhem aħjar l-użu li kien isir minn dawn il-ftehimiet u li tidentifika l-ftehimiet li jittardjaw id-dħul tal-prodotti mediċinali ġeneriċi fis-suq b’detriment għall-konsumaturi tal-Unjoni u li jistgħu jikkostitwixxu ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni. Sussegwentement, il‑Kummissjoni pproduċiet sitt rapporti annwali relatati mas-sorveljanza tal-ftehimiet dwar soluzzjoni bonarja marbuta mal-privattivi.

G.      Fuq il-proċedura amministrattiva u d-deċiżjoni kkontestata

64      Fl-24 ta’ Novembru 2008, il-Kummissjoni wettqet spezzjonijiet għal għarrieda fil-bini ta’ Servier. Il-Kummissjoni għamlet talbiet għal informazzjoni lil diversi kumpanniji, fosthom Servier, f’Jannar 2009. Fit‑2 ta’ Lulju 2009, il-Kummissjoni adottat deċiżjoni ta’ ftuħ tal‑proċedura.

65      F’Awwissu 2009, u sussegwentement minn Diċembru 2009 sa Mejju 2012, il-Kummissjoni ressqet talbiet ġodda għal informazzjoni lil Servier. Peress li dan tal-aħħar irrifjuta li jirrispondi għal ċerti partijiet tat-talbiet għal informazzjoni tas-7 ta’ Frar u tal-11 ta’ April 2011 relatati mal-ftehim Biogaran, il-Kummissjoni adottat deċiżjoni bbażata fuq id‑dispożizzjonijiet tal-Artikolu 18(3) tar-Regolament Nru 1/2003. Servier ta l-informazzjoni mitluba fis-7 ta’ Novembru 2011.

66      Bejn l-2009 u l-2012, Servier ġie mistieden jipparteċipa f’diversi laqgħat dwar is-sitwazzjoni attwali.

67      Fis-27 ta’ Lulju 2012, il-Kummissjoni adottat dikjarazzjoni tal‑oġġezzjonijiet, indirizzata lil diversi kumpanniji, fosthom Servier, li wieġeb għaliha fl-14 ta’ Jannar 2013.

68      Wara s-seduta tal-kumpanniji kkonċernati fil-15, 16, 17 u 18 ta’ April 2013, ġew organizzati laqgħat dwar is-sitwazzjoni attwali ġodda u saru talbiet ġodda għal informazzjoni lil Servier.

69      Fit-18 ta’ Diċembru 2013, il-Kummissjoni tat lil Servier aċċess għall‑provi miġbura jew żvelati b’mod iktar wiesa’ wara d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u bagħtet espożizzjoni tal-fatti, li għaliha Servier wieġeb fil-31 ta’ Jannar 2014. L-uffiċjal tas-seduta ħareġ ir-rapport finali tiegħu fis-7 ta’ Lulju 2014.

70      Fid-9 ta’ Lulju 2014, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni C(2014) 4955 finali, dwar proċedura skont l-Artikoli 101 u 102 TFUE [Każ AT.39612 – Perindopril (Servier)] (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), li ġiet innotifikata lir-rikorrenti fil-11 ta’ Lulju 2014.

71      Il-Kummissjoni kkunsidrat li r-rikorrenti kienu kisru, minn naħa, l‑Artikolu 101 TFUE, billi pparteċipaw f’ħames ftehimiet dwar soluzzjoni bonarja fil-qasam tal-privattivi bi ħlas invertit (Artikoli 1 sa 5 tad‑deċiżjoni kkontestata), u, min-naħa l-oħra, l-Artikolu 102 TFUE, billi żviluppaw u implimentaw, permezz ta’ akkwist ta’ teknoloġija u ta’ dawn il-ħames ftehimiet dwar soluzzjoni bonarja, strateġija ta’ esklużjoni li tkopri s-suq tal-formulazzjonijiet ta’ perindopril fi Franza, fil-Pajjiżi l‑Baxxi, fil-Polonja u fir-Renju Unit u s-suq tat-teknoloġija ta’ IFA ta’ perindopril (Artikolu 6 tad-deċiżjoni kkontestata).

72      Għall-ksur tal-Artikolu 101 TFUE, il-Kummissjoni imponiet il-multi segwenti fuq ir-rikorrenti għal ammont totali ta’ EUR 289 727 200 (Artikolu 7(1) sa (5) tad-deċiżjoni kkontestata):

–        minħabba l-ftehim Niche: EUR 131 532 600, b’mod konġunt u solidali ma’ Biogaran;

–        minħabba l-ftehim Matrix: EUR 79 121 700;

–        minħabba l-ftehim Teva: EUR 4 309 000;

–        minħabba l-ftehimiet konklużi ma’ Krka: EUR 37 661 800;

–        minħabba l-ftehim Lupin: EUR 37 102 100.

73      Għall-ksur tal-Artikolu 102 TFUE, il-Kummissjoni imponiet fuq ir‑rikorrenti multa ta’ EUR 41 270 000 (Artikolu 7(6) tad-deċiżjoni kkontestata).

II.    Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

74      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil‑21 ta’ Settembru 2014, ir-rikorrenti ressqu dan ir-rikors.

75      Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla b’mod totali jew parzjalment l-Artikoli 1 sa 8 tad-deċiżjoni kkontestata safejn jikkonċernawhom;

–        sussidjarjament, tannulla l-multi li ġew imposti fuqhom jew tnaqqas b’mod sostanzjali ħafna l-ammont tagħhom;

–        tagħtihom il-benefiċċju ta’ kull annullament, sħiħ jew parzjali, tad‑deċiżjoni kkontestata fil-kuntest tar-rikorsi ppreżentati minn Biogaran u mid-destinatarji l-oħra ta’ din id-deċiżjoni;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

76      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

77      Permezz ta’ att ippreżentat fit-2 ta’ Frar 2015, l-European Federation of Pharmaceutical Industries and Associations (EFPIA) (iktar ’il quddiem l‑“EFPIA” jew l-“intervenjenti”) talbet sabiex tintervjeni fil-kawża insostenn tat-talbiet tar-rikorrenti.

78      Ir-rikorrenti u l-Kummissjoni talbu t-trattament kunfidenzjali, fir-rigward tal-EFPIA, ta’ ċerti elementi li jinsabu fir-rikors, fir-risposta, fir-replika, fil-kontroreplika, fir-risposta għal ċerti miżuri ta’ organizzazzjoni tal‑proċedura, fl-osservazzjonijiet dwar dawn ir-risposti u fl‑osservazzjonijiet tar-rikorrenti dwar in-nota ta’ intervent.

79      Permezz ta’ digriet tal-President tat-Tieni Awla tal-Qorti Ġenerali tal‑14 ta’ Ottubru 2015, l-EFPIA ġet ammessa sabiex tintervjeni f’din il‑proċedura insostenn tat-talbiet tar-rikorrenti. Fin-nuqqas ta’ kontestazzjoni tat-talbiet għal trattament kunfidenzjali mill-EFPIA, il‑Qorti Ġenerali ma ddeċidietx jekk kinux fondati.

80      L-intervenjenti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata safejn tikkonċerna lir-rikorrenti;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż esposti mill‑intervenjenti.

81      Fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl‑Artikolu 89(3)(a) u (d) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-Kummissjoni ntalbet tagħti risposti bil-miktub għal xi domandi u tipproduċi xi dokumenti relatati, b’mod partikolari, mal-konsultazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv fil-qasam tal‑akkordji u tal-pożizzjonijiet dominanti, mal-kalkolu tal-ammont tal-multa u mal-informazzjoni relatata mal-ftehimiet konklużi ma’ Krka li ġiet meqjusa bħala kunfidenzjali fid-deċiżjoni kkontestata. Hija ppreżentat ir-risposti tagħha fit-termini mogħtija lilha.

82      Peress li l-kompożizzjoni tal-Awli tal-Qorti Ġenerali ġiet mibdula, l‑Imħallef Relatur ġie assenjat lid-Disa’ Awla, fejn din il-kawża kienet, konsegwentement, ġiet assenjata.

83      Fuq proposta tad-Disa’ Awla, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, skont l‑Artikolu 28 tar-Regoli tal-Proċedura, li tibgħat din il-kawża quddiem kulleġġ ġudikant estiż.

84      Fuq proposta tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li tiftaħ il‑fażi orali tal-proċedura u, fil-qafas tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal‑proċedura previsti fl-Artikolu 89(3)(a) tar-Regoli tal-Proċedura, għamlet mistoqsijiet bil-miktub lill-partijiet, filwaqt li stednithom jirrisponduhom waqt is-seduta.

85      Fl-24 ta’ Frar 2017, il-partijiet ġew mistiedna mill-Qorti Ġenerali sabiex jassistu għal laqgħa informali, skont l-Artikolu 89(3)(e) tar-Regoli tal‑Proċedura, quddiem il-President tad-Disa’ Awla Estiża tal-Qorti Ġenerali u l-Imħallef Relatur, sabiex jiddiskutu l-modalitajiet ta’ kif titmexxa s-seduta u t-trattament kunfidenzjali ta’ ċerta informazzjoni. Ir‑rikorrenti u l-Kummissjoni pparteċipaw f’din il-laqgħa, li saret fil‑Qorti Ġenerali fit-3 ta’ Mejju 2017.

86      Il-partijiet instemgħu fis-sottomissjonijiet orali tagħhom u fit‑tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet bil-miktub u orali magħmula mill-Qorti Ġenerali matul is-seduta li saret mis-6 sad-9 ta’ Ġunju 2017.

III. Id-dritt

A.      Fuq l-ammissibbiltà

1.      Fuq l-ammissibbiltà tat-tielet kap tat-talbiet

a)      L-argumenti tal-partijiet

[omissis]

b)      L-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali

89      Skont ġurisprudenza stabbilita, il-kundizzjonijiet għal ammissibbiltà tar‑rikorsi huma eċċezzjonijiet ta’ ordni pubbliku li l-qorti tal-Unjoni tista’ u għandha tqajjem ex officio, jekk ikun il-każ (sentenzi tal‑21 ta’ Marzu 2002, Joynson vs Il-Kummissjoni, T‑231/99, EU:T:2002:84, punt 154, u tal-14 ta’ Diċembru 2005, Honeywell vs Il‑Kummissjoni, T‑209/01, EU:T:2005:455, punt 53). Konsegwentement, anki jekk il-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil‑miktub tagħha ma kkontestatx l-ammissibbiltà tat-tielet kap tat-talbiet tar-rikorrenti, iżda għamlet dan biss waqt is-seduta bħala tweġiba għal mistoqsija tal-Qorti Ġenerali, il-Qorti Ġenerali għandha teżamina l‑ammissibbiltà tiegħu ex officio.

90      Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 21 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, applikabbli għall-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 53 tal-istess Statut, u skont l‑Artikolu 44(1)(ċ) u (d) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali tat‑2 ta’ Mejju 1991, applikabbli għall-mument tal-preżentata tar-rikors, kull rikors għandu jindika s-suġġett tal-kwistjoni, it-talbiet u sunt tar‑raġunijiet imressqa. L-għan ta’ dan ir-rekwiżit huwa li jinkisbu indikazzjonijiet ċari u preċiżi biżżejjed sabiex il-parti konvenuta tkun tista’ tiddefendi ruħha b’mod utli u sabiex il-qorti tal-Unjoni teżerċita l‑istħarriġ ġudizzjarju tagħha, jekk ikun il-każ mingħajr iktar informazzjoni insostenn tar-rikors (sentenzi tad-29 ta’ Ġunju 1995, ICI vs Il-Kummissjoni, T‑37/91, EU:T:1995:119, punt 42; tal‑24 ta’ Frar 2000, ADT Projekt vs Il-Kummissjoni, T‑145/98, EU:T:2000:54, punt 66, u tas-16 ta’ Marzu 2004, Danske Busvognmænd vs Il-Kummissjoni, T‑157/01, EU:T:2004:76, punt 45). Kif sostniet il‑Kummissjoni waqt is-seduta, riferiment ġenerali, fir-rikors, għall‑motivi u l-argumenti invokati insostenn ta’ rikors magħmul fil‑qafas ta’ kawża konnessa ma jissodisfax dan ir-rekwiżit (sentenza tal‑24 ta’ Marzu 2011, Legris Industries vs Il-Kummissjoni, T‑376/06, mhux ippubblikata, EU:T:2011:107, punt 32).

91      Madankollu, għandu jiġi rrilevat li l-qorti tal-Unjoni setgħet taċċetta li motivi li ma kinux ġew esposti espressament fir-rikors jistgħu jiġu kkunsidrati bħala mqajma validament minħabba riferiment għall-motivi mqajma f’kawża oħra fil-każ fejn ir-rikorrenti tkun irreferiet għas‑sottomissjonijiet tagħha stess ippreżentati f’kawża oħra (ara s‑sentenza tal-14 ta’ Diċembru 2005, Honeywell vs Il-Kummissjoni, T‑209/01, EU:T:2005:455, punti 61 u 62 u l-ġurisprudenza ċċitata). Dawn il-każijiet kienu jkopru sitwazzjonijiet li fihom il-partijiet, kif ukoll l‑aġenti u l-avukati li kienu jirrapreżentawhom, kienu identiċi. Għall‑kuntrarju, il-Qorti Ġenerali tikkunsidra li jekk tiġi aċċettata l‑ammissibbiltà ta’ motivi li ma ġewx esposti b’mod espress fir-rikors minħabba l-fatt li tqajmu minn terz f’kawża oħra, li għaliha jsir riferiment fir-rikors, jippermetti li jiġu evitati r-rekwiżiti mandatorji tal‑Artikolu 21 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u tal-Artikolu 44(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali tat-2 ta’ Mejju 1991 (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-14 ta’ Diċembru 2005, Honeywell vs Il‑Kummissjoni, T‑209/01, EU:T:2005:455, punt 63 u 64; tas‑27 ta’ Settembru 2012, Dura Vermeer Infra vs Il-Kummissjoni, T‑352/06, mhux ippubblikata, EU:T:2012:483, punti 25 u 26; tas‑27 ta’ Settembru 2012, Koninklijke BAM Groep vs Il-Kummissjoni, T‑355/06, mhux ippubblikata, EU:T:2012:486, punt 26 u 27, u tas‑27 ta’ Settembru 2012, Heijmans vs Il-Kummissjoni, T‑360/06, mhux ippubblikata, EU:T:2012:490, punti 25 u 26). Finalment, għandu jitfakkar li kull parti hija unikament responsabbli għall-kontenut tal-atti tal-proċedura li hija tippreżenta, prinċipju stabbilit b’mod partikolari fl‑Artikolu 43(1) tar-Regoli tal-Proċedura tat-2 ta’ Mejju 1991 (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-29 ta’ Ġunju 1995, ICI vs Il-Kummissjoni, T‑37/91, EU:T:1995:119, punt 46, u tal-14 ta’ Diċembru 2005, Honeywell vs Il-Kummissjoni, T‑209/01, EU:T:2005:455, punt 66). F’dan il-każ, huwa stabbilit li r-rikorrenti jixtiequ jużaw eventwali annullament miksub minn terzi u li konsegwentement, la l-partijiet u lanqas ir-rappreżentanti tagħhom ma huma identiċi.

92      Barra minn hekk, għandu jitfakkar li deċiżjoni adottata fil-qasam tal‑kompetizzjoni fir-rigward ta’ diversi impriżi, minkejja li tkun redatta u ppubblikata fil-forma ta’ deċiżjoni waħda, għandha tiġi analizzata bħala sensiela ta’ deċiżjonijiet individwali li jikkonstataw fir-rigward ta’ kull impriża destinatarja l-ksur wieħed jew iktar attribwibbli lilha u, jekk ikun il-każ, jimponulha multa (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑14 ta’ Settembru 1999, Il-Kummissjoni vs AssiDomän Kraft Products et, C‑310/97 P, EU:C:1999:407, punt 49, u tal-15 ta’ Ottubru 2002, Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il‑Kummissjoni, C‑238/99 P, C‑244/99 P, C‑245/99 P, C‑247/99 P, C‑250/99 P sa C‑252/99 P u C‑254/99 P, EU:C:2002:582, punt 100). Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, jekk destinatarju ta’ deċiżjoni jiddeċiedi li jippreżenta rikors għal annullament, il-qorti tal-Unjoni hija kompetenti biss fuq l-elementi tad‑deċiżjoni li jikkonċernawh, filwaqt li dawk li jikkonċernaw destinatarji oħra ma jaqgħux taħt is-suġġett tal-kawża li l-qorti tal-Unjoni tkun intalbet tiddeċiedi (sentenzi tal-14 ta’ Settembru 1999, Il-Kummissjoni vs AssiDomän Kraft Products et, C‑310/97 P, EU:C:1999:407, punt 53; u tad-29 ta’ Marzu 2011, ArcelorMittal Luxembourg vs Il-Kummissjoni u Il-Kummissjoni vs ArcelorMittal Luxembourg et, C‑201/09 P u C‑216/09 P, EU:C:2011:190, punt 142, u tal-11 ta’ Lulju 2013, Team Relocations et vs Il-Kummissjoni, C‑444/11 P, mhux ippubblikata, EU:C:2013:464, punt 66). Konsegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra li, bħala regola, l-awtorità ta’ motiv ta’ sentenza għal annullament ma tistax tiġi applikata fir-rigward ta’ persuni li ma kinux parti fil-kawża u li fir-rigward tagħhom, għalhekk, is-sentenza ma tistax tiddeċiedi xejn (sentenza tal-14 ta’ Settembru 1999, Il‑Kummissjoni vs AssiDomän Kraft Products et, C‑310/97 P, EU:C:1999:407, punt 55). B’hekk, l-annullament ta’ deċiżjoni individwali għandu effett erga omnes u jorbot lil kulħadd, iżda minn dan l-annullament ma jibbenefikax kulħadd, b’differenza mill-annullament ta’ att ta’ portata ġenerali (ara s-sentenza tal-15 ta’ Lulju 2015, Emesa‑Trefilería u Industrias Galycas vs Il‑Kummissjoni, T‑406/10, EU:T:2015:499, punt 126 u l-ġurisprudenza ċċitata).

93      Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja introduċiet limitazzjoni għal dan il‑prinċipju fis-sentenza tat-22 ta’ Jannar 2013, Il-Kummissjoni vs Tomkins (C‑286/11 P, EU:C:2013:29, punt 43 sa 49), li fiha hija kkunsidrat li, f’sitwazzjoni fejn ir-responsabbiltà tal-kumpannija parent hija totalment derivata minn dik tas-sussidjarja tagħha, u fejn il‑kumpannija parent u s-sussidjarja tagħha ikunu ppreżentaw rikorsi paralleli li kellhom l-istess suġġett, il-Qorti Ġenerali ma ddeċidietx ultra petita meta kkunsidrat ir-riżultat tar-rikors ippreżentat mis-sussidjarja sabiex tannulla d-deċiżjoni kkontestata għall-perijodu inkwistjoni fir‑rigward tal-kumpannija parent, minkejja li din ma kinitx ikkontestat l‑eżistenza tal-ksur għall-perijodu kollu kkontestat mis-sussidjarja tagħha. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat neċessarju, sabiex tkun tista’ tapplika tali soluzzjoni għall-multa imposta fuq kumpannija parent li r-responsabbiltà tagħha hija totalment derivata minn dik tas‑sussidjarja tagħha, li ċerti ċirkustanzi partikolari jiġu ssodisfatti, u b’mod partikolari li ż-żewġ kumpanniji jkunu qajmu motivi “li għandhom l-istess suġġett” u li l-kumpannija parent rikorrenti issostni tali ċirkustanzi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Lulju 2013, Team Relocation vs Il-Kummissjoni, C‑444/11 P, mhux ippubblikata, EU:C:2013:464, punt 66).

94      Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ma ddefinixxietx dan il-kunċett ta’ “l‑istess suġġett” u żviluppat il-pożizzjoni tagħha dwar il-kwistjoni jekk ċirkustanzi partikolari bħal dawk inkwistjoni fis-sentenza tat‑22 ta’ Jannar 2013, Il-Kummissjoni vs Tomkins (C‑286/11 P, EU:C:2013:29), kinux ta’ ordni pubbliku u kellhomx jitqajmu ex officio mill-qorti. L-ewwel nett hija b’hekk applikat din is-soluzzjoni meta ż‑żewġ kumpanniji kienu kkontestaw il-perijodu tal-ksur u li meta talinqas parti mill-perijodu kkontestat kien identiku (sentenza tat‑22 ta’ Jannar 2013, Il-Kummissjoni vs Tomkins, C‑286/11 P, EU:C:2013:29, punt 43 u 44). Madankollu, hija vvalidat ukoll sentenza tal-Qorti Ġenerali li kienet imxiet b’dan il-mod meta s-sussidjarja kienet kisbet tnaqqis tal-ammont tal-multa li kienet imposta fuqha, abbażi ta’ teħid inkunsiderazzjoni inkorrett tal-kooperazzjoni tagħha minħabba klemenza, billi kkunsidrat li, f’dan il-każ, il-kumpannija parent kienet talbet, b’mod sussidjarju, it-tnaqqis tal-multa imposta fuq is-sussidjarja tagħha u b’mod solidali fuqha u li uħud mill-motivi tagħha “b’mod partikolari kellhom l-għan li jiġġustifikaw l-għoti ta’ tali tnaqqis” (sentenza tas‑26 ta’ Settembru 2013, Alliance One International vs Il‑Kummissjoni, C‑679/11 P, mhux ippubblikata, EU:C:2013:606, punt 103 sa 107). Fl-aħħar nett, f’sentenza tas-17 ta’ Settembru 2015, Total vs Il-Kummissjoni (C‑597/13 P, EU:C:2015:613, punt 31 sa 42), il‑Qorti tal-Ġustizzja kkritikat sentenza tal-Qorti Ġenerali li ma kkunsidratx, fis-sentenza relatata mal-kumpannija parent, tnaqqis tal‑ammont tal-multa mogħtija lis-sussidjarja f’sentenza oħra mogħtija fl‑istess jum, minħabba l-metodu użat mill-Kummissjoni għall-kalkolu tal-ammont tal-multa biex jiġi stabbilit il-multiplikatur li jikkorrispondi għall-perijodu tal-ksur. Madankollu, il-kumpannija parent la kienet qajmet tali motiv (għall-kuntrarju, hija kienet ikkontestat il-perijodu tal‑ksur) u lanqas ma kienet talbet lill-Qorti Ġenerali sabiex tkun tista’ tibbenefika minn tnaqqis tal-ammont tal-multa li kienet imposta fuqha, jekk is‑sussidjarja tagħha tikseb tali tnaqqis.

95      F’dan il-każ, Biogaran, sussidjarja ta’ Servier, ippreżentat ukoll rikors [kawża li wasslet għas-sentenza tal-lum, Biogaran vs Il-Kummissjoni (T‑677/14)] kontra l-Artikoli 1, 7 u 8 tad-deċiżjoni kkontestata. Madankollu, kif il-Kummissjoni fakkret waqt is-seduta, iċ-ċirkustanzi tal-kawża huma differenti minn dawk li kien hemm fil-kawża li wasslet għas-sentenza tat-22 ta’ Jannar 2013, Il-Kummissjoni vs Tomkins (C‑286/11 P, EU:C:2013:29), u fil-ġurisprudenza ta’ wara, b’mod partikolari inkwantu r-responsabbiltà tar-rikorrenti ma hijiex derivata biss minn dik tas-sussidjarja tagħhom Biogaran (premessi 3006 sa 3013 tad-deċiżjoni kkontestata). Barra minn hek, fi kwalunkwe każ, peress li r-rikors ippreżentat minn Biogaran fil-kawża li wasslet għas-sentenza mogħtija fl-istess jum, Biogaran vs Il-Kummissjoni (T‑677/14), kien miċħud minn din is-sentenza, it-talba tar-rikorrenti biex ikunu jistgħu jibbenefikaw minn annullament li minnu tibbenefika Biogaran ma tistax tintlaqa’.

96      Ir-rikorrenti jsostnu wkoll li huma għandhom ikunu jistgħu jibbenefikaw minn eventwali annullament miksub minn destinatarju ieħor tad-deċiżjoni kkontestata “sabiex jiġi evitat kwalunkwe trattament differenti ta’ sitwazzjonijiet ġuridikament u fattwalment identiċi”. Kemm il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament kif ukoll “dmir ġenerali ta’ koerenza” jitolbu l-applikazzjoni ta’ dan l-approċċ.

97      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-prinċipju ta’ ugwaljanza jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, stabbilit fl‑Artikoli 20 u 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, li jirrikjedi li sitwazzjonijiet komparabbli ma jiġux ittrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux ittrattati b’mod ugwali, sakemm tali trattament ma jkunx oġġettivament iġġustifikat (ara s-sentenza tal-14 ta’ Settembru 2010, Akzo Nobel Chemicals u Akcros Chemicals vs Il-Kummissjoni et, C‑550/07 P, EU:C:2010:512, punti 54 u 55 u l-ġurisprudenza ċċitata). Deċiżjoni adottata fil-qasam tal‑kompetizzjoni fir-rigward ta’ diversi impriżi, minkejja li redatta u ppubblikata fil-forma ta’ deċiżjoni waħda, għandha tiġi analizzata bħala sensiela ta’ deċiżjonijiet individwali li jikkonstataw fir-rigward ta’ kull impriża destinatarja l-ksur wieħed jew iktar attribwibbli lilha u, jekk ikun il-każ, jimponulhom multa (ara l-punt 92 hawn fuq). Għalhekk, dawn l‑impriżi jsibu ruħhom, a priori, ħlief f’każijiet eċċezzjonali, f’sitwazzjonijiet differenti. Konsegwentement, il-prinċipju ta’ ugwaljanza ma jippermettix lill-qorti tal-Unjoni li tidderoga mir-regoli proċedurali li jirregolaw l‑ammissibbiltà ta’ talbiet billi tagħti benefiċċju lil impriża destinatarja ta’ deċiżjoni fid-dritt tal-kompetizzjoni minn annullament minn destinatarju ieħor tal-imsemmija deċiżjoni abbażi ta’ motivi mqajma biss minn dan tal-aħħar.

98      Barra minn hekk, l-obbligu tal-Qorti Ġenerali li timmotiva s-sentenzi tagħha ma għandux jiġi estiż sabiex jimponilha li tiġġustifika s-soluzzjoni mogħtija f’kawża meta mqabbla ma’ dik mogħtija f’kawża oħra li hija ġiet adita minnha, meta madankollu din tikkonċerna l-istess deċiżjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ Lulju 2013, Team Relocation vs Il-Kummissjoni, C‑444/11 P, mhux ippubblikata, EU:C:2013:464, punt 66).

99      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li t-tielet kap tat-talbiet tar‑rikorrenti sabiex jibbenefikaw minn eventwali annullament miksub minn destinatarji oħra tad-deċiżjoni kkontestata abbażi tal-motivi mqajma minn dawn tal-aħħar huwa inammissibbli. Anki jekk dan il-kap ta’ talbiet jiġi ddikjarat ammissibbli, madankollu għandu jiġi miċħud bħala infondat, peress li r-rikorrenti ma jistgħux jinvokaw b’mod validu, għall‑benefiċċju tagħhom, kif jirriżulta mill-punti 92 sa 98 hawn fuq, deċiżjoni mogħtija għall-benefiċċju tad-destinatarji l-oħra tad-deċiżjoni kkontestata.

2.      Fuq l-ammissibbiltà ta’ ċerti annessi tar-rikors

a)      L-argumenti tal-partijiet

[omissis]

b)      L-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali

102    Prinċiparjament, il-Kummissjoni ssostni li l-Annessi A 2 u A 3 tar-rikors huma inammissibbli minħabba l-prinċipju iura novit curia. L-annessi, li għandhom funzjoni unikament probatorja u strumentali, ma jistgħux, effettivament, jintużaw sabiex isostnu jew japprofondixxu punt ta’ liġi tal-Unjoni, li hija kompetenza biss tal-Qorti Ġenerali. Hija tuża s-sentenzi tal-5 ta’ Lulju 2011, Edwin vs UASI (C‑263/09 P, EU:C:2011:452, punt 53), u tal-20 ta’ Marzu 2013, El Corte Inglés vs UASI – Chez Gerard (CLUB GOURMET) (T‑571/11, EU:T:2013:145, punt 35), li jipprovdu li l-prinċipju iura novit curia japplika biss għad-dritt tal-Unjoni u mhux għad-dritt nazzjonali. Għandu jitfakkar li dan il-prinċipju ifisser li d-determinazzjoni tat-tifsira tal-liġi għandha ssir biss mill-qorti u mhux mill-partijiet. Il-ġurisprudenza applikat dan il-prinċipju sabiex tenfasizza li, għalkemm għandha tagħti deċiżjoni biss fuq it-talbiet tal-partijiet, li huma responsabbli għad-delimitazzjoni tal-portata tal-kawża, il-qorti ma tistax tkun marbuta biss mill-argumenti mqajma minnhom insostenn tal‑pretensjonijiet tagħhom, għax altrimenti jkollha, jekk ikun il-każ, tibbaża d-deċiżjoni tagħha fuq kunsiderazzjonijiet legali żbaljati (digrieti tas-27 ta’ Settembru 2004, UER vs M6 et, C‑470/02 P, mhux ippubblikat, EU:C:2004:565, punt 69; tat-13 ta’ Ġunju 2006, Mancini vs Il-Kummissjoni, C‑172/05 P, EU:C:2006:393, punt 41; sentenzi tal‑21 ta’ Settembru 2010, L-Isvezja et vs API u Il-Kummissjoni, C‑514/07 P, C‑528/07 P u C‑532/07 P, EU:C:2010:541, punt 65, u tat‑8 ta’ Lulju 2010, Il-Kummissjoni vs Putterie-De-Beukelaer, T‑160/08 P, EU:T:2010:294, punt 65). Bl-istess mod, bis-saħħa ta’ dan il‑prinċipju, id‑determinazzjoni tat-tifsira tal-liġi ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ prinċipju ta’ dispożizzjoni libera tal-partijiet li jiddeterminaw il-portata tal-kwistjoni bejniethom u l-qorti tal-Unjoni ma hijiex obbligata tiżvela lill-partijiet l-interpretazzjoni li għandha l‑intenzjoni tagħti sabiex ikunu jistgħu jagħtu l-pożizzjoni tagħhom f’dan ir-rigward (ara s-sentenza tal-5 ta’ Ottubru 2009, Il-Kummissjoni vs Roodhuijzen, T‑58/08 P, EU:T:2009:385, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata), bil-kundizzjoni li l-qorti tosserva l-obbligu li tippermetti lill‑partijiet ikollhom għarfien u jkunu jistgħu jiddiskutu kontradittorjament kemm il-punti ta’ fatt kif ukoll il-punti ta’ liġi li jkunu deċiżivi għall-eżitu tal-proċeduri (sentenza tat-2 ta’ Diċembru 2009, Il‑Kummissjoni vs L-Irlanda et, C‑89/08 P, EU:C:2009:742, punt 56). Madankollu, dan il-prinċipju ma għandux ifisser li l-annessi tar-rikors relatati mal-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni huma inammissibli.

103    Barra minn hekk, l-inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni tidher li hija motivata mill-fatt li ż-żewġ annessi inkwistjoni jinkludu pariri mogħtija lir-rikorrenti minn F. G. Jacobs u minn F. Macken, bħala avukati, iżda li l-kariga tagħhom bħala ex membri tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea hija magħrufa, u li r-rikorrenti qed jinqdew b’din il‑kariga. Mistoqsija, waqt is-seduta, dwar jekk permezz tal‑kontestazzjoni tal-ammissibbiltà tal-pariri legali hekk mogħtija, il‑Kummissjoni kellhiex l-intenzjoni li tinvoka l-ksur, minn dawn l-ex membri tal-Qorti tal-Ġustizzja, tal-obbligi li jirriżultaw fil-konfront tagħhom mill‑Kodiċi ta’ Kondotta tal-membri tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2007, C 223, p. 1), b’mod partikolari l-Artikolu 6 ta’ dan il-Kodiċi ta’ Kondotta, relatat mar-rabta tal-membri wara t‑tmiem tal-kariga tagħhom, il-Kummissjoni wieġbet li ma kellhiex din l‑intenzjoni. Il-Qorti Ġenerali ħadet nota ta’ dan fil-proċess verbal tas‑seduta.

104    B’mod sussidjarju, il-Kummissjoni ssostni li, skont il-ġurisprudenza, parir legali anness ma’ rikors huwa ammissibbli biss sabiex jissostanzja u jikkompleta l-elementi essenzjali li għandhom ikunu fir-rikors, bil‑kundizzjoni li s-siltiet rilevanti tad-dokumenti annessi jkunu identifikati u jsir riferiment għalihom fir-rikors. F’dan il-każ, fir-rigward ta’ ċerti motivi, il-kliem u l-argumenti li jidhru fl-annessi A 2 u A 3 tar‑rikors fihom l-essenzjal, u saħansitra t-totalità, tal-argumentazzjoni tar‑rikorrenti.

105    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza li tinsab fil‑punt 90 hawn fuq, skont l-Artikolu 21 tal-Istatut tal-Qorti tal‑Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 44(1)(ċ) tar-Regoli tal‑Proċedura tal-Qorti Ġenerali tat-2 ta’Mejju 1991, applikabbli għall‑mument tal-preżentata tar-rikors, kull rikors għandu jindika s‑suġġett tal-kawża u sunt tar-raġunijiet imressqa u, sabiex rikors ikun ammissibbli, huwa meħtieġ li l-punti essenzjali ta’ fatt u ta’ liġi li jkun ibbażat fuqhom jirriżultaw, tal-inqas fil-qosor, iżda b’mod koerenti u li jinftiehem, mit-test tar-rikors stess.

106    Minkejja li kontenut tar-rikors jista’ jiġi issostanzjat u kkompletat, fuq punti speċifiċi, permezz ta’ riferimenti għal siltiet partikolari minn dokumenti li huma annessi miegħu, riferiment globali għal dokumenti oħra, anki dawk annessi mar-rikors, ma jistgħux iraqqgħu l-assenza tal‑elementi essenzjali tal-argumentazzjoni fil-liġi, li, skont id‑dispożizzjonijiet imfakkra iktar ’il fuq, għandhom ikunu inklużi fir‑rikors. Minbarra dan, ma huwiex il-kompitu tal-Qorti Ġenerali li tfittex u tidentifika, fl-annessi, il-motivi u l‑argumenti li hija tista’ tikkunsidra bħala li jikkostitwixxu l-bażi tar‑rikors, peress li l-annessi għandhom funzjoni purament probatorja u strumentali (ara s-sentenza tas-17 ta’ Settembru 2007, Microsoft vs Il-Kummissjoni, T‑201/04, EU:T:2007:289, punt 94 u l-ġurisprudenza ċċitata). Konsegwentement, f’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali ma tistax tieħu inkunsiderazzjoni l-annessi A 2 u A 3 tar-rikors ħlief safejn jissostanzjaw jew jikkompletaw motivi jew argumenti espressament invokati mir-rikorrenti fit-test proprju tar‑rikors u safejn ikun possibbli għall-Qorti Ġenerali li tidentifika bi preċiżjoni liema huma l-elementi, li jkunu jinsabu fihom, li jissostanzjaw jew jikkompletaw dawn il-motivi jew argumenti (sentenza tas‑17 ta’ Settembru 2007, Microsoft vs Il-Kummissjoni, T‑201/04, EU:T:2007:289, punt 99).

107    Fir-rigward b’mod iktar partikolari tal-Anness A 2 tar-rikors, hemm lok li jiġi kkonstatat, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, li l-essenzjal tal-argumentazzjoni tar-rikorrenti jinsab tassew fit-test tar-rikors u li l‑elementi esposti f’dan l-anness sempliċement jissostanzjaw jew jikkompletaw, fuq punti speċifiċi, motivi u argumenti li jinsabu fit-test tar-rikors u li jkun faċli, għall-Qorti tal-Ġustizzja, li tidentifika.

108    B’hekk, fir-rigward tal-punt 103 tar-rikors, ir-rikorrenti fih ikkonstataw li d-deċiżjoni kkontestata kienet tirrikonoxxi li l-ftehimiet dwar soluzzjoni bonarja tat‑tilwimiet fil-qasam tal-privattivi bejn kompetituri kellhom b’mod ġenerali għan leġittimu u li ċerti Stati Membri kienu jinkoraġġixxu l‑aċċess għall-ftehimiet dwar soluzzjoni bonarja. Fil-punt 24 tal‑Anness A 2 tar-rikors, li għalih jirreferi l-punt 103 tar-rikors, madankollu, huwa indikat li r-riżoluzzjoni permezz ta’ ftehim bonarju tat-tilwimiet jippreżenta interess pubbliku sinjifikattiv, li numru kbir ta’ sistemi ġuridiċi jinkoraġixxu, jew saħansitra jimponu, it-tiftix ta’ ftehim bonarju qabel ma tkun tista’ tippreżenta rikors ġudizzjarju u li d-deċiżjoni kkontestata, inkwantu tikkostitwixxi restrizzjoni tad-dritt li ssolvi kwistjoni b’mod bonarju, tmur kontra din il-politika u għandha bħala effett li timponi spejjeż inutili għall-partijiet u għall-qrati. Peress li r‑rikorrenti b’hekk ressqu, fil-punt 24 tal-Anness A 2 tar-rikors, argumenti li kulma jagħmlu huwa li jissostanzjaw jew jikkompletaw l‑elementi espressament invokati fit-test tar-rikors, dawn huma ammissibbli.

109    Fir-rigward tal-punti 29 u 818 tar-rikors, li dwarhom il-Kummissjoni ssostni li r-rikorrenti illimitaw ruħhom sabiex jirreferu għall-parir ta’ F. G. Jacobs, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti esponew b’mod iddettaljat fil-punti 816 sa 822 tar-rikors il-motivi li għalihom il‑Kummissjoni ma setgħetx, fl-opinjoni tagħhom, timponi multa fuqhom minħabba n-natura ġdida u imprevedibbli tal-pożizzjoni meħuda minn din tal-aħħar u li l-punti 70 u 76 tal-Anness A 2 tar-rikors ma fihomx argumenti jew żviluppi ġodda f’dan ir-rigward.

110    Fir-rigward tal-punt 147 tar-rikors, li fih ir-rikorrenti jindikaw li l‑approċċ li kienu qed jipproponu li jintuża sabiex jiġu identifikati l-ftehimiet dwar soluzzjoni bonarja kuntrarji għad-dispożizzjonijiet tal‑Artikolu 101 TFUE huwa koerenti mal-pożizzjoni meħuda bis‑sentenza tas-Supreme Court of the United States tas‑17 ta’ Ġunju 2013, Federal Trade Commission vs Actavis [570 U. S. (2013), iktar ’il quddiem is-“sentenza Actavis”], għandu jiġi kkonstatat li dan jirreferi, permezz tan-nota ta’ qiegħ il-paġna nru 153, għall-punti 32 u 33 tal-Anness A 2. Fil‑punt 32 ta’ dan l-anness, ir-rikorrenti sempliċement jissostanzjaw dan l-argument u, fil-punt 33 ta’ dan l‑anness, huma jillimitaw ruħhom sabiex isostnu li l-portata tas-sentenza Actavis ma għandhiex tkun limitata għal kuntest nazzjonali barrani għad‑dritt tal-Unjoni u li l-pożizzjoni tas-Supreme Court of the United States (il-Qorti Suprema tal-Istati Uniti, Stati Uniti) timmerita rispett partikolari, fid-dawl tar-reputazzjoni tagħha u tal-esperjenza tagħha fid‑dritt tal-kompetizzjoni. Konsegwentement, dawn l-argumenti huma ammissibbli.

111    Fir-rigward tal-Anness A 3 tar-rikors, għandu jiġi kkonstatat, kif issostni l-Kummissjoni, li, jekk, fil-punt 11 tar-rikors, ir-rikorrenti jsostnu li l‑attitudni tal-Kummissjoni ma hijiex newtrali fir-rigward tad-drittijiet ta’ proprjetà intelletwali, madankollu huma sempliċement jirreferu għall‑punti 8, 15, 31, 34 u 41 tal-Anness A 3 tar-rikors, li fihom F. Macken tiżviluppa argumenti relatati mal-ħtieġa li ssir distinzjoni bejn l-oqsma differenti tal-proprjetà intelletwali, mal-fatt li l-għoti ta’ monopolju fuq il-privattivi jikkostitwixxi l-korrispettiv ta’ żvelar tal‑invenzjoni lill-pubbliku, mal-użu żbaljat tal-kunċett ta’ “esklużività kummerċjali” mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata u mal‑interpretazzjoni żbaljata tal-KPE minn din tal-aħħar. Konsegwentement, dawn l-argumenti ma humiex ammissibbli, bl‑eċċezzjoni ta’ dak relatat mal-fatt li l-għoti ta’ monopolju fuq il‑privattivi jikkostitwixxi l-korrispettiv ta’ żvelar tal-invenzjoni lill‑pubbliku. Fil-fatt, fil-punt 67 tar-rikors, ir-rikorrenti alludew għall‑fatt li l-Kummissjoni “injorat kompletament dan l-aspett essenzjali tal‑privattivi li huwa l-pubblikazzjoni tagħhom għall-finijiet ta’ disseminazzjoni ta’ invenzjonijiet”.

112    Bl-istess mod, fil-punt 68 tar-rikors, ir-rikorrenti jsostnu li l‑Kummissjoni ċċitat b’mod diskriminatorju d-dikjarazzjonijiet tal-qorti tal-Court of Appeal (England & Wales) (Civil division) [il-Qorti tal-Appell (Ingilterra u Wales) (Sezzjoni Ċivili)] li jinsabu fis-sentenza tad‑9 ta’ Mejju 2008 li ċaħdet l-appell ippreżentat minn Servier mis‑sentenza tal-High Court of Justice (England & Wales), Chancery Division (patents court) [il-Qorti Għolja tal-Ġustizzja (Ingilterra u Wales), Sezzjoni tal‑Ekwità (Awla tal-Privattivi)], u jikkritikaw lill‑Kummissjoni għaliex ma ħaditx inkunsiderazzjoni r-rapport tal‑professur S. anness mar-risposta tagħhom għad-dikjarazzjoni tal‑oġġezzjonijiet f’dan ir‑rigward. Huma jirreferu, barra minn hekk, għall‑punti 113 sa 117 tal‑Anness A 3 tar-rikors. F’dawn il-punti, F. Macken mhux biss tikkompleta jew tiżviluppa dawn l-argumenti, iżda tressaq argumenti relatati mal-użu żbaljat li l-Kummissjoni kienet għamlet tal-provi li kienu jippermettulha tikkonkludi li l-privattiva 947 kienet invalida. Hija tiżviluppa b’hekk argumenti intiżi sabiex jikkontestaw l-interpretazzjoni użata mill-Kummissjoni tad-dikjarazzjoni tad-direttriċi tal-privattivi tar-rikorrenti msemmija fil-premessi 127 u 185 tad-deċiżjoni kkontestata, tad-dikjarazzjoni tal-avukat ta’ Krka msemmija fil-premessa 883 ta’ din id-deċiżjoni u tad-dikjarazzjoni tad‑direttur tal-bejgħ għall-Ewropa tal-Punent ta’ Krka msemmija fil‑punt 895 tal-istess deċiżjoni. Konsegwentement, dawn l-argumenti ma humiex ammissibbli.

113    Fir-rigward tal-punt 76 tar-rikors, hemm lok li jiġi kkonstatat ukoll, kif tenfasizza l-Kummissjoni, li, jekk ir-rikorrenti semmew fin-nota ta’ qiegħ il-paġna nru 79 tar-rikors li t-trażmissjoni tal-ittri ta’ intimazzjoni kienet leġittima, madankollu huma sempliċement irreferew għall-punti 58 sa 67 tal-Anness A 3 tar-rikors sabiex jesponu l-motivi li jippermettu li jiġi kkonstatat li tali trażmissjonijiet huma leġittimi. L-argumenti żviluppati fl-Anness A 3 tar-rikors dwar dan il-punt għalhekk ma humiex ammissibbli.

114    Fil-punt 103 tar-rikors, ir-rikorrenti illimitaw ruħhom sabiex jikkonstataw li d-deċiżjoni kkontestata kienet tirrikonoxxi li l-ftehimiet dwar soluzzjoni bonarja dwar it-tilwimiet fil-qasam tal-privattivi bejn kompetituri kellhom b’mod ġenerali għan leġittimu u li ċerti Stati Membri kienu jinkoraġġixxu l‑aċċess għall-ftehimiet dwar soluzzjoni bonarja. Għall-kuntrarju, il-punti 50 sa 54 tal‑Anness A 3 tar-rikors, li għalihom jirreferi l-punt 103 tar-rikors (nota ta’ qiegħ il-paġna nru 113), jikkritikaw lill-Kummissjoni li ma evalwatx biżżejjed il-prattiki dwar soluzzjoni bonarja użati fid-dinja, li huma esposti b’mod iddettaljat.

115    Fir-rigward tal-punt 46 tar-replika, ir-rikorrenti jsostnu li l-idea li huwa preferibbli li kull kawża twassal għal sentenza hija “kuntrarja għar‑riflessjonijiet konkreti dwar il-proċedura ġudizzjarja”, filwaqt li jirreferu għall-punt 112 tal-Anness A 3 tar-rikors, li fih huwa indikat li l‑approċċ tal-Kummissjoni huwa kuntrarju għad-Direttiva 2008/52/KE tal‑Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Mejju 2008 dwar ċerti aspetti ta’ medjazzjoni f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU 2008, L 136, p. 3). Peress li dawn l-argumenti ma humiex limitati sabiex jissostanzjaw jew jikkompletaw l-elementi espressament invokati fit-test tar-rikors, huma inammissibbli.

116    Finalment, fil-punt 262 tar-rikors, ir-rikorrenti indikaw li kien essenzjali għal Teva li tkun fost l-ewwel kumpanniji tal-ġeneriċi li jidħlu fis-suq tar‑Renju Unit, b’riferiment għall-punt 90 tal-Anness A 3 tar‑rikors. Kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, f’dan il‑punt tal‑Anness A 3 tar-rikors, ir-rikorrenti sempliċement issostanzjaw u kkompletaw din id-dikjarazzjoni billi indikaw il-motivi li għalihom kumpannija tal-ġeneriċi ma jkollhiex interess tidħol f’suq ħlief jekk ma tkunx waħda minn tal-ewwel. Konsegwentement, l-argumenti żviluppati fl-Anness A 3 tar-rikors dwar dan il-punt huma ammissibbli.

B.      Fuq il-mertu

1.      Fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ imparzjalità u tad-dritt għal amministrazzjoni tajba

a)      L-argumenti tal-partijiet

[omissis]

b)      L-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali 

119    Preliminarjament, għandu jiġi osservat li, fost il-garanziji mogħtija mid‑dritt tal-Unjoni fil-proċeduri amministrattivi hemm, b’mod partikolari, il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, stabbilit bl‑Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, li miegħu jintrabat l-obbligu għall-istituzzjoni kompetenti li teżamina, b’reqqa u b’imparzjalità, l-elementi kollha rilevanti tal-każ inkwistjoni (sentenzi tat-30 ta’ Settembru 2003, Atlantic Container Line et vs Il‑Kummissjoni, T‑191/98 u T‑212/98 sa T‑214/98, EU:T:2003:245, punt 404, u tas‑27 ta’ Settembru 2012, Shell Petroleum et vs Il‑Kummissjoni, T‑343/06, EU:T:2012:478, punt 170). Dan ir-rekwiżit ta’ imparzjalità jkopri, minn naħa, l-imparzjalità suġġettiva, fis-sens li ebda membru tal‑istituzzjoni kkonċernata li jkun responsabbli mill-każ ma għandu juri li ħa pożizzjoni jew li għandu preġudizzju personali u, min-naħa l-oħra, l-imparzjalità oġġettiva, fis-sens li l-istituzzjoni għandha toffri garanziji suffiċjenti sabiex jiġi eskluż f’dan ir-rigward kull dubju leġittimu (ara s‑sentenza tal-11 ta’ Lulju 2013, Ziegler vs Il‑Kummissjoni, C‑439/11 P, EU:C:2013:513, punt 155 u l-ġurisprudenza ċċitata). Għandu jitfakkar ukoll li l-Kummissjoni ma tistax tiġi kklassifikata bħala “qorti” fis-sens tal-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”), u li għaldaqstant huwa l-Artikolu 41 tal-Karta tad‑Drittijiet Fundamentali, u mhux l-Artikolu 47 tagħha, li jirregola l‑proċedura amministrattiva fir-rigward ta’ akkordji quddiem il‑Kummissjoni (ara s-sentenza tal-11 ta’ Lulju 2013, Ziegler vs Il‑Kummissjoni, C‑439/11 P, EU:C:2013:513, punt 154 u l‑ġurisprudenza ċċitata).

120    Ir-rikorrenti jirreferu għal żewġ sentenzi tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (iktar ’il quddiem il-“Qorti EDB”). Fl-ewwel lok, ir‑rikorrenti jinvokaw is-sentenza tal-Qorti EDB tal-25 ta’ Marzu 2008, Vitan vs Ir-Rumanija (CE:ECHR:2008:0325JUD004208402), dwar il‑preżunzjoni tal-innoċenza, stabbilita bl-Artikolu 6(2) tal-KEDB, li fiha l-Qorti EDB ikkonstatat ksur ta’ din id-dispożizzjoni, meta l-prokuratur inkarigat mill-investigazzjoni kriminali kontra r-rikorrent iddikjara, waqt konferenza stampa, li r-rikorrent kien ħati ta’ influwenza mhux xierqa, minkejja li l-ħtija tiegħu kienet għadha ma ġietx legalment stabbilita, u mingħajr ma “la kkwalifika r-rimarki tiegħu u lanqas ħa l-iżbriga li jpoġġihom fil-kuntest tal-proċedura pendenti kontra r-rikorrent” (punti 70 u 71). F’dan ir-rigward, għandu jiftakkar li, skont il-ġurisprudenza tal‑Qorti EDB, jista’ jkun hemm preġudizzju għall‑preżunzjoni ta’ innoċenza mhux biss minn qorti jew tribunal, iżda wkoll minn entitajiet pubbliċi oħra, li għandha tiġi enfasizzata l-importanza tal-għażla tal‑kliem mill-uffiċjali tal-Istat fid‑dikjarazzjonijiet li huma jagħmlu qabel ma persuna tiġi kkundannata u misjuba ħatja ta’ ksur u li dak li huwa rilevanti għall-finijiet tal‑applikazzjoni tal-Artikolu 6(2) tal-KEDB huwa s-sens reali tad‑dikjarazzjonijiet inkwistjoni u mhux il-forma litterali tagħhom (ara Qorti EDB, 15 ta’ Marzu 2011, Begu vs Ir‑Rumanija CE:ECHR:2011:0315JUD002044802, punt 126 u l‑ġurisprudenza ċċitata). Il-Qorti EDB madankollu tirrikonoxxi li l‑Artikolu 6(2) tal‑KEDB ma għandux jipprekludi, fir-rigward tal‑Artikolu 10 tagħha, li jipproteġi l-libertà tal-espressjoni, lill‑awtoritajiet milli jinformaw lill-pubbliku dwar investigazzjonijiet kriminali pendenti, iżda jirrikjedi li dan jagħmluh bid-diskrezzjoni u r‑riżervi kollha li tirrikjedi l-osservanza tal‑preżunzjoni ta’ innoċenza (Qorti EDB, 10 ta’ Frar 1995, Allenet de Ribemont vs Franza, CE:ECHR:1995:0210JUD001517589, punt 38).

121    Fit-tieni lok, ir-rikorrenti jinvokaw is-sentenza tal-Qorti EDB tas‑16 ta’ Settembru 1999, Buscemi vs L-Italja (CE:ECHR:1999:0916JUD002956995), li fiha l-Qorti EDB ikkonstatat ksur tal-Artikolu 6(1) tal-KEDB u tad-dritt ta’ kull persuna għal smigħ xieraq minn qorti indipendenti u imparzjali, wara li l-President tal-Qorti Ġenerali uża pubblikament espressjonijiet li kienu jimplikaw evalwazzjoni negattiva tal-kawża tar-rikorrent qabel ma ppresieda l-korp ġudizzjarju mitlub jiddeċiedi l-kawża tiegħu (punti 68 u 69). Barra minn hekk, f’din is-sentenza, il‑Qorti EDB fakkret li l-ikbar diskrezzjoni kienet imposta fuq l‑awtoritajiet ġudizzjarji meta dawn ġew mitluba jiddeċiedu kawża, sabiex jiżguraw l-immaġni tagħhom ta’ imħallfin imparzjali, u li din id‑diskrezzjoni kellha twassalhom sabiex ma jużawx il-mezzi tal‑istampa, saħansitra sabiex jirrispondu għal xi provokazzjonijiet (punt 67). Madankollu, għandu jitfakkar li, fil-ġurisprudenza tal-Unjoni, il-Kummissjoni ma għandhiex tiġi kklassifikata bħala “qorti” fis-sens tal‑Artikolu 6 tal-KEDB (ara l-punt 119 hawn fuq).

122    Barra minn hekk, ir-rikorrenti jinvokaw is-sentenza tat-8 ta’ Lulju 2008, Franchet u Byk vs Il-Kummissjoni (T‑48/05, EU:T:2008:257, punti 210 sa 219), li fiha l-Qorti Ġenerali kkonstatat, fil-qafas ta’ rikors għad-danni, ksur mill-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF) tal-prinċipji ta’ preżunzjoni ta’ innoċenza u ta’ amministrazzjoni tajba u tal-obbligu tiegħu ta’ kunfidenzjalità, inkwantu huwa kien ipprovoka l-iżvelar fil‑mezzi tal-istampa ta’ elementi sensittivi ta’ investigazzjonijiet pendenti u indika li r-rikorrenti setgħu wettqu “operazzjoni kbira ta’ sakkeġġ tal-fondi [tal-Unjoni]” (punt 216).

123    Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali diġà tat spjegazzjonijiet dwar l-obbligu ta’ imparzjalità u ta’ rispett tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba li bihom hija marbuta l-Kummissjoni fil-kawżi tad-dritt tal‑kompetizzjoni. B’hekk, fis-sentenza tal-20 ta’ Marzu 2002, ABB Asea Brown Boveri vs Il-Kummissjoni (T‑31/99, EU:T:2002:77, punt 99 sa 107), il-Qorti Ġenerali ma laqgħetx motiv ibbażat fuq ksur tal‑prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba f’każ fejn ir-rikorrenti kienet is‑suġġett, waqt is-seduta tagħha quddiem il-Kummissjoni, ta’ rimarka dispreġġjattiva dwar ir-reputazzjoni tagħha u ta’ sensiela ta’ domandi mhux oġġettivi dwar fatti li hija ma kinitx għadha tikkontesta, minn uffiċjal tal‑Kummissjoni inkarigat mill-kawża li wasslet għad-deċiżjoni kkontestata, u fejn l-istess uffiċjal kien esprima ruħu, waqt konferenza dwar il-kwistjonijiet tad-dritt tal‑kompetizzjoni li saret qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni tal‑Kummissjoni, billi uża espressjoni li kienet tiddiskredita l-attivitajiet tar-rikorrenti. Fil-fatt, filwaqt li rrikonoxxiet li dawn ir‑rimarki juru aġir u lingwaġġ ftit meqjus min-naħa ta’ membru tat-tim inkarigat mill-kawża u filwaqt li fakkret li d-Direttur Ġenerali tad‑Direttorat Ġenerali (DG) “Kompetizzjoni” tal-Kummissjoni kien skuża ruħu mar-rikorrenti wara r-rimarka li saret waqt il-konferenza, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li dawn ir-rimarki ma kinux ta’ natura li jikkawżaw dubju dwar il-livell ta’ attenzjoni u imparzjalità li bihom il‑Kummissjoni mexxiet l-investigazzjoni tagħha dwar il-ksur inkwistjoni u li l-aġir sfortunat ta’ membru tat-tim inkarigat mill-kawża ma kienx jivvizzja, waħdu, il-legalità tad-deċiżjoni adottata mill‑kulleġġ tal-membri tal-Kummissjoni.

124    Fir-rigward tal-fatt li l-Kummissjoni teżerċita kemm il-funzjonijiet istruttorji u ta’ sanzjoni tal-ksur tar-regoli ta’ kompetizzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li fih innifsu ma kienx kuntrarju għall-Artikolu 6 tal-KEDB kif interpretat mill-Qorti EDB (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-18 ta’ Lulju 2013, Schindler Holding et vs Il-Kummissjoni, C‑501/11 P, EU:C:2013:522, punt 33 u 34) u l-Qorti Ġenerali kkunsidrat li ma jikkostitwixxix ksur tar-rekwiżit ta’ imparzjalità (ara, f’dan is-sens, is‑sentenza tas-27 ta’ Ġunju 2012, Bolloré vs Il‑Kummissjoni, T‑372/10, EU:T:2012:325, punt 65 sa 67). Madankollu, in-nuqqas ta’ separazzjoni bejn il-funzjonijiet istruttorji u dawk ta’ sanzjoni fi ħdan is-servizzi tal‑Kummissjoni jimplika responsabbiltà partikolari għall-membri ta’ din l-istituzzjoni, b’mod partikolari għall-membru tal-Kummissjoni inkarigat mill-kompetizzjoni, jiġifieri li joqgħod attent li jibqa’ imparzjali waqt l‑istruttorja u t-tmexxija tal-proċeduri ta’ ksur, peress li għandhom is‑setgħa li jissanzjonaw lill-impriżi kkonċernati skont l-imsemmija proċeduri.

125    Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li l-affermazzjoni mill‑Kummissjoni tad-determinazzjoni tagħha li l-membri ta’ akkordji antikompetittivi ma jaħarbux, għal raġunijiet proċedurali, mis‑sanzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, ma kinitx tikkostitwixxi ksur tal‑prinċipju ta’ imparzjalità, iżda sempliċement affermazzjoni ta’ rieda ċara, konformi b’mod sħiħ mal-missjoni li għandha l-Kummissjoni, li tipprovdi rimedju, skont il-każ, għall-irregolaritajiet proċedurali kkonstatati, sabiex ma tiddgħajjifx l-effikaċja tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni (sentenza tas-27 ta’ Ġunju 2012, Bolloré vs Il-Kummissjoni, T‑372/10, EU:T:2012:325, punt 73 u 74).

126    Barra minn hekk, għandu jitfakkar li l-qorti tal-Unjoni, sabiex tiċħad motiv ibbażat fuq ksur tad-dritt għal smigħ xieraq jew tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, minħabba teħid ta’ pożizzjonijiet pubbliċi tal‑Kummissjoni jew ta’ wieħed mill-uffiċjali tagħha matul il-proċedura amministrattiva, diġà bbażat ruħha fuq il-motiv li l-ebda prova fil-proċess ma kienet issostni l-preżunzjoni li d-deċiżjoni kkontestata ma kinitx tittieħed, jew kien ikollha kontenut differenti, fin-nuqqas tal‑manifestazzonijiet ikkontestati (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑16 ta’ Diċembru 1975, Suiker Unie et vs Il-Kummissjoni, 40/73 sa 48/73, 50/73, 54/73 sa 56/73, 111/73, 113/73 u 114/73, EU:C:1975:174, punt 91, u tas-7 ta’ Lulju 1994, Dunlop Slazenger vs Il‑Kummissjoni, T‑43/92, EU:T:1994:79, punt 29). Skont il‑ġurisprudenza, huwa l-obbligu tar-rikorrent li jippreżenta ta’ mill-inqas indizji li jistgħu jissostanzjaw din il-konklużjoni (sentenza tal‑15 ta’ Marzu 2006, BASF vs Il‑Kummissjoni, T‑15/02, EU:T:2006:74, punt 606).

127    Għandu jitfakkar ukoll li l-funzjonament tal-Kummissjoni huwa rregolat mill-prinċipju ta’ kolleġġjalità li jirriżulta mill-Artikolu 250 TFUE, li huwa bbażat fuq l-ugwaljanza tal-membri tal-Kummissjoni fil‑parteċipazzjoni fit-teħid ta’ deċiżjoni u jimplika, b’mod partikolari, minn naħa waħda, li d-deċiżjonijiet jiġu ddeliberati mill-membri flimkien u, min-naħa l-oħra, li l-membri kollha tal-Kulleġġ ikunu kollettivament responsabbli, fuq il-livell politiku, għat-totalità tad-deċiżjonijiet meħuda. Dan huwa l-każ, b’mod partikolari, tal-atti, ikkwalifikati espressament bħala deċiżjonijiet, li l-Kummissjoni għandha tieħu fir-rigward tal‑impriżi fid-dawl tal-osservanza tar-regoli ta’ kompetizzjoni u li għandhom bħala għan li jiġi kkonstatat ksur għal dawn ir-regoli, li jingħataw ordnijiet fir-rigward ta’ dawn l-impriżi u li jiġu imposti fuqhom sanzjonijiet pekunjarji. Peress li d-dispożittiv u l-motivazzjoni ta’ deċiżjoni huma indiviżibbli, huwa l‑kulleġġ biss li għandu, bis-saħħa tal-prinċipju ta’ kolleġġjalità, jadotta t-tnejn li huma (sentenza tas-27 ta’ Settembru 2012, Heijmans Infrastructuur vs Il‑Kummissjoni, T‑359/06, mhux ippubblikata, EU:T:2012:489, punt 126 u 127). Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, li l-espressjoni ta’ opinjoni ta’ membru tal-Kummissjoni inkarigat minn kwistjonijiet ta’ kompetizzjoni dwar proċedura pendenti, sakemm hija strettament personali u riżervata, hija imputabbli biss għal dan il-membru u ma tippreġudikax il-pożizzjoni li l-Kulleġġ tal-membri tal-Kummissjoni jkun se jieħu fi tmiem il-proċedura (sentenza tat-8 ta’ Lulju 1999, Vlaamse Televisie Maatschappij vs Il‑Kummissjoni, T‑266/97, EU:T:1999:144, punti 49 u 54). Barra minn hekk, ma għandux jiġi preżunt li l-membri tal‑Kummissjoni ġew ikkundizzjonati fil-libertà ta’ evalwazzjoni tagħhom minn sentiment barra minn loku ta’ solidarjetà mal-kollega tagħhom inkarigat mill-kompetizzjoni (sentenza tal-15 ta’ marzu 2006, BASF vs Il-Kummissjoni, T-15/02, EU:T:2006:74, punt 610).

128    Fir-rigward tal-imparzjalità oġġettiva, li tkopri l-fatt li l-istituzzjoni għandha toffri garanziji biżżejjed sabiex teskludi kull dubju leġittimu, għandu jiġi rrilevat li l-Kummissjoni, kif hija spjegat waqt is-seduta bħala risposta għal mistoqsija tal-Qorti Ġenerali, adottat diversi testi interni li jimponu fuqha li tosserva ċerti regoli meta hija tikkomunika pubblikament. B’mod partikolari, il-Kodiċi ta’ Kondotta tal‑Kummissarji, [C(2011) 2904], adottat fl-2011, fl-Artikolu 1.7 tiegħu jipprevedi li, skont il-prinċipju ta’ kolleġġjalità, il-membri tal‑Kummissjoni ma għandhom jagħmlu l-ebda kumment li joħloq dubji dwar deċiżjoni li tkun ħadet il-Kummissjoni u għandhom ukoll joqogħdu lura milli jiżvelaw dak li jintqal waqt il-laqgħat tal-Kummissjoni. Barra minn hekk, l-anness tad-Deċiżjoni 2000/633/KE, KEFA, Euratom tal‑Kummissjoni tas-17 ta’ Ottubru 2000 li temenda r-Regoli tal‑Proċedura tagħha (ĠU 2000, L 267, p. 63), intitolat “Il-Kodiċi dwar Imġieba Amministrattiva tajba għall-persunal tal-Kummissjoni Ewropea fir-relazzjonijiet tagħhom mal-pubbliku”, jindika, fid-dispożizzjonijiet tiegħu, li “servizz ta’ kwalità jitlob illi l-Kummissjoni u l-persunal tagħha jimxu b’korteżija, b’mod oġġettiv u b’imparzjalità” u fil-punt 2 tiegħu, dwar l-oġġettività u l-imparzjalità, li “[i]l-persunal għandu dejjem jaġixxi b’mod oġġettiv u imparzjali fl-interess tal-[Unjoni] u tal-pubbliku” u li “[g]ħandu jaġixxi b’mod indipendenti fi ħdan il-qafas politiku stabbilit mill-Kummissjoni u l-imġieba tiegħu ma għandha qatt tkun iggwidata minn interess personali jew nazzjonali jew minn pressjoni politika”. Bl‑istess mod, il-Kodiċi ta’ Etika u ta’ Integrità tad-DĠ “Kompetizzjoni”, adottat fit-28 ta’ Ġunju 2010, jirrakkomanda lill-persunal tiegħu, fir‑rigward tal-libertà ta’ espressjoni, sabiex jevita kull diskussjoni dwar kawża li dwarha l-Kummissjoni tkun għadha ma ħaditx pożizzjoni uffiċjali u, fir-rigward tal-kuntatti mal-istampa, li jevita li jitkellem dwar kawża li tkun għadha taħt investigazzjoni u li dwarha l-Kummissjoni tkun għadha ma ħaditx pożizzjoni uffiċjali.

129    Ir-rikorrenti jsostnu li l-Ombudsman diġà kkonstata każ ta’ amministrazzjoni żbaljata li tirrigwarda l-istess membru tal-Kummissjoni inkarigat mill-kompetizzjoni bħal dak li kien fil-kariga waqt l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, inkwantu huwa kien, bħal f’dan il-każ, pubblikament għadda xi rimarki li taw x’jifhem li huwa kien diġà wasal għal konklużjoni qabel l-għeluq tal-investigazzjoni.

130    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-konklużjonijiet tal-Ombudsman li jikkonstataw l-eżistenza ta’ “att ta’ amministrazzjoni żbaljata” ma jorbtux il-qorti tal-Unjoni u jikkostitwixxu biss sempliċi indizju tal-ksur, mill-istituzzjoni kkonċernata, tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba. Fil-fatt, il-proċedura quddiem l-Ombudsman, li ma għandux is-setgħa li jieħu deċiżjonijiet vinkolanti, hija rimedju alternattiv extraġudizzjarju għaċ-ċittadini tal-Unjoni għal dak ta’ kawża quddiem il-qorti tal‑Unjoni, li tissodisfa rekwiżiti speċifiċi u li mhux neċessarjament għandha l-istess għan bħal dak ta’ kawża ġudizzjarja (sentenza tal‑25 ta’ Ottubru 2007, Komninou et vs Il-Kummissjoni, C‑167/06 P, mhux ippubblikata, EU:C:2007:633, punt 44). A fortiori, interpretazzjonijiet tad-dritt tal‑Unjoni li jsiru mill-Ombudsman ma humiex ta’ natura li jorbtu lill‑qorti tal-Unjoni (sentenza tat‑13 ta’ Novembru 2015, ClientEarth vs Il-Kummissjoni, T‑424/14 u T‑425/14, taħt appell, EU:T:2015:848, punt 123).

131    F’dan il-każ, fir-rigward tal-imparzjalità suġġettiva, li tkopri l-fatt li ebda membru tal-istituzzjoni kkonċernata li jkun responsabbli mill-każ ma għandu juri li ħa pożizzjoni jew li għandu preġudizzju personali, ir‑rikorrenti jikkritikaw iż-żewġ membri tal-Kummissjoni suċċessivament inkarigati mill-kompetizzjoni, N. Kroes u J. Almunia, li pubblikament għaddew, fi tliet istanzi, rimarki dwar il-konklużjoni tal-investigazzjoni li kienet tikkonċernahom, matul il-proċedura amministrattiva. Kif enfasizzaw ir-rikorrenti waqt is-seduta, dawn iż-żewġ membri tal‑Kummissjoni kienu għadhom mal-Kummissjoni meta ġiet adottata d‑deċiżjoni kkontestata, ipparteċipaw f’din l-adozzjoni u kienu direttament inkarigati mill-investigazzjoni tal-każ f’perijodi differenti. Barra minn hekk, id-deċiżjoni kkontestata kienet iffirmata minn J. Almunia.

132    Fl-ewwel lok, mill-proċess jirriżulta li waqt il-konferenza stampa dwar il‑preżentazzjoni tal-konklużjonijiet tar-rapport ta’ investigazzjoni fuq is‑settur farmaċewtiku, N. Kroes indikat li, “[s]fortunatament, ir-rapport [kien] jikkonferma li [kien] hemm problemi ta’ kompetizzjoni fis-settur farmaċewtiku”, li “il-prattiki tal-impriżi [kienu] fattur sinjifikattiv f’dan ir‑rigward” u li, “[b]’mod partikolari, ir-rapport [kien] jikkonkludi li l‑fabbrikanti ta’ prodotti mediċinali tal-bidu ppruvaw b’mod attiv jittardjaw id-dħul tal-prodotti mediċinali ġeneriċi fis-swieq tagħhom” (diskors ippubblikat fuq is-sit tad-DĠ “Kompetizzjoni”). Barra minn hekk, skont ir‑rikorrenti, N. Kroes żiedet li “[g]lobalment, fil-fatt, [seta’] jiġi konkluż li kien hemm xi ħaġa tinten” (estratt mis-sit tal-ġurnal onlajn EU Observer). Fir-replika, il-Kummissjoni ssostni li dawn ir-rimarki ġew irrapurtati biss minn ġurnalist u li l-artikolu kien jikkonferma li t-terminu “tinten” kien qed jirreferi għall-investigazzjoni settorjali u mhux għar‑rikorrenti. Waqt l-istess konferenza stampa, l-istess membru tal‑Kummissjoni inkarigat mill-kompetizzjoni semmiet, f’parti differenti intitolata “Kwistjonijiet ta’ kompetizzjoni u kontroll”, il-ftuħ ta’ proċedura kontra r-rikorrenti u ċerti kumpanniji tal-ġeneriċi, filwaqt li spjegat li “dawn kienu allegatament kisru r-regoli tat-Trattat [FUE] kemm dwar il-prattiki kummerċjali restrittivi (Artikolu [101 TFUE]) kif ukoll dwar l-abbuż minn pożizzjoni dominanti fuq is-suq (Artikolu [102 TFUE])”, li “[kienu s]er jiġu eżaminati, fil-kuntest ta’ din il‑kawża, il-ftehimiet konklużi bejn Servier u ċertu numru ta’ kumpanniji tal-ġeneriċi” u li “[d]awn il-ftehimiet [kienu] affettwaw id-dħul tal-kompetituri ġeneriċi tal-perindopril, prodott mediċinali tal-ewwel livell li [kien] jiġġieled il-mard kardijaku u l-pressjoni arterjali għolja”. Il-membru tal‑Kummissjoni inkarigata mill-kompetizzjoni għalhekk għamlet distinzjoni bejn ir-riżultati tal-investigazzjoni settorjali u d-deċiżjoni ta’ ftuħ ta’ proċedura kontra r-rikorrenti. Fir-rigward ta’ din tal-aħħar, il‑membru tal-Kummissjoni inkarigata mill-kompetizzjoni qagħdet attenta li tispjega li dan kien ksur potenzjali tar-regoli tal-kompetizzjoni. Is-sempliċi fatt li semmiet, fis-sentenza ta’ wara, il-fatt li l-ftehimiet inkwistjoni kienu affetwaw id-dħul tal-prodotti mediċinali ġeneriċi fis‑suq ma għandux, fih innifsu, iwassal sabiex jinftiehem li hija kienet qed tikkunsidra li kien hemm ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, fid-dawl tal-kuntest imfakkar fis-sentenza ta’ qabel. Il-membru tal-Kummissjoni inkarigata mill-kompetizzjoni b’hekk illimitat ruħha, waqt din il‑konferenza stampa, sabiex tinforma lill-pubbliku dwar investigazzjoni pendenti, bid‑diskrezzjoni u r-riżerva mitluba mill‑osservanza tal‑preżunzjoni ta’ innoċenza.

133    Fit-tieni lok, fit-8 ta’ Ottubru 2012, waqt preżentazzjoni fil-Parlament Ewropew tal-programm ta’ attività tal-Kummissjoni fil-qasam tal‑kompetizzjoni għall-perijodu 2013-2014, J. Almunia semma b’mod partikolari l-proċedura relatata mal-ftehimiet ikkontestati filwaqt li indika li, “[f]is-settur farmaċewtiku, […] u Servier [kienu] ġew innotifikati bl‑ilmenti tal-[Kummissjoni] qabel is-sajf”, li “huwa kien jemmen li dawn il-kumpanniji abbużaw mill-privattivi tagħhom sabiex jostakolaw l‑aċċess għas-suq tal-prodotti mediċinali ġeneriċi inqas għolja” u li kien “jittama li d-deċiżjonijiet li [kienu] ser jiġu adottati – idealment fl-2013 – [kien] ikollhom l-effett li jibdlu l-prattiki kurrenti ta’ ċerti atturi tas-settur, li ma [kinux] sodisfaċenti” (diskors ippubblikat fuq is-sit tad-DĠ “Kompetizzjoni”). Filwaqt li indika li l-Kummissjoni kienet bagħtet dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet lir-rikorrenti kif ukoll lil impriżi oħra f’din il-kawża u f’kawża oħra u li kienu ser jiġu adottati deċiżjonijiet fl‑2013, il-membru tal-Kummissjoni madankollu ma naqasx mill-obbligu tiegħu ta’ imparzjalità u illimita ruħu sabiex jinforma lill-Parlament dwar investigazzjoni pendenti, bid-diskrezzjoni u r-riżerva mitluba mill‑osservanza tal-preżunzjoni ta’ innoċenza. Fil-fatt, għandha titfakkar in-natura preliminari tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, fejn il-funzjoni ta’ dan id-dokument, kif iddefinita bir-regolamenti tal-Unjoni, tikkonsisti fil-provvista tal-elementi kollha meħtieġa mill-impriżi sabiex huma jkunu jistgħu jsostnu b’mod utli d-difiża tagħhom qabel ma l‑Kummissjoni tadotta deċiżjoni definittiva (ara s-sentenza tas‑27 ta’ Settembru 2012, Koninklijke Wegenbouw Stevin vs Il‑Kummissjoni, T‑357/06, EU:T:2012:488, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata). Jekk il-Kummissjoni jkollha b’hekk, skont l-Artikolu 27(1) tar‑Regolament Nru 1/2003, tadotta deċiżjoni finali bbażata biss fuq l‑oġġezzjonijiet li fuqhom l-partijiet setgħu jsostnu l-osservazzjonijiet tagħhom, madankollu hija ma hijiex obbligata terġa’ tirrepeti l-punti kollha msemmija fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, l-iktar jekk dawn il-punti kellhom jidhru insuffiċjenti. Huwa għaldaqstant inerenti għan‑natura tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet li din tkun provviżorja u li tkun tista’ tiġi emendata matul l-evalwazzjoni li l-Kummissjoni tagħmel sussegwentement abbażi tal-osservazzjonijiet li jkunu ġew ippreżentati lilha bħala risposta mill‑partijiet kif ukoll abbażi ta’ konstatazzjonijiet fattwali oħra (sentenza tal-10 ta’ Lulju 2008, Bertelsmann u Sony Corporation of America vs Impala, C‑413/06 P, EU:C:2008:392, punt 63). Barra minn hekk, wara d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, li permezz tagħha l-Kummissjoni tikkunsidra, fl-ewwel lok, li ġie kommess ksur, id-dmir ta’ riżervatezza tal-membru tal-Kummissjoni inkarigat mill-kompetizzjoni ma jkollux neċessarjament jiġi estiż, peress li dan jista’, f’dikjarazzjonijiet pubbliċi, jirreferi bil-prudenza kollha mitluba, peress li tkun evalwazzjoni provviżorja, dwar dak li dwaru tkun ġiet ikkritikata impriża f’dan l-istadju tal-proċedura.

134    Finalment, fit-tielet lok, mill-proċess jirriżulta li, fit-12 ta’ April 2013, J. Almunia kien indika, f’diskors li għamel quddiem il-Kamra tal‑Avukati Amerikana f’Washington u rrapurtat fl-istampa, li “fix-xhur li ġejjin il-Kummissjoni [...] ser tiddeċiedi dwar il-legalità tal-ftehimiet konklużi bejn il-kumpanniji farmaċewtiċi intiżi sabiex jittardjaw id-dħul fis-suq ta’ prodotti mediċinali ġeneriċi inqas għoljin” u li “ir-riżultati tal‑investigazzjoni settorjali ser jinbidlu f’deċiżjonijiet fil-kawżi [...] u Servier” (estratt mis-sit internet MLex). Għandu jiġi enfasizzat li dan l‑artikolu ma fihx rimarki tal-membru tal-Kummissjoni ħlief b’mod indirett. Barra minn hekk, anki jekk il-membru tal-Kummissjoni inkarigat mill-kompetizzjoni effettivament għamel dawn ir-rimarki, dawn jistgħu jiġu interpretati biss bħala li kien hemm possibbiltà li tkun adottata deċiżjoni fil-kawża inkwistjoni (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tat-8 ta’ Lulju 1999, Vlaamse Televisie Maatschappij vs Il‑Kummissjoni, T‑266/97, EU:T:1999:144, punt 53). Għalhekk, il‑membru tal-Kummissjoni inkarigat mill-kompetizzjoni illimita ruħu sabiex jinforma lill-pubbliku dwar investigazzjoni pendenti, bid‑diskrezzjoni u r-riżerva li titlob l-osservanza tal-preżunzjoni ta’ innoċenza. Fi kwalunkwe każ, għandu jitfakkar li dawn ir-rimarki kienu jikkostitwixxu biss l-espressjoni ta’ opinjoni tal-membru tal‑Kummissjoni inkarigat mill-kompetizzjoni dwar proċedura pendenti, imputabbli għal dan il-membru biss u li ma jippreġudikawx il-pożizzjoni li l-kulleġġ tal-membri tal-Kummissjoni jkun ħa fi tmiem il-proċedura (ara l-punt 127 hawn fuq).

135    Konsegwentement, ma hemmx lok li jiġi eżaminat l-argument tar‑rikorrenti li d-deċiżjoni kkontestata kienet tkun differenti fin-nuqqas ta’ dawn id-dikjarazzjonijiet tal-membri tal-Kummissjoni.

136    Insostenn ta’ dan il-motiv, ir-rikorrenti jikkritikaw, barra minn hekk, lill‑membru tal-Kummissjoni inkarigat mill-kompetizzjoni u l-kabinett tiegħu li ma kinux preżenti għall-parti l-kbira tas-seduta. Madankollu, il‑fatt, enfasizzat waqt is-seduta mir-rikorrenti, li J. Almunia ma kienx preżenti fis-seduta tagħhom quddiem il-Kummissjoni u kien irrapreżentat minn membru tal-kabinett tiegħu ma huwiex tali li jistabbilixxi li d‑deċiżjoni ta’ sanzjoni kienet diġà ġiet adottata, bħala regola, anki qabel din is-seduta. Barra minn hekk, l-ebda dispożizzjoni ma tipprevedi li l‑parteċipazzjoni tal-membru tal-Kummissjoni jew ta’ membru tal‑kabinett tiegħu fis-seduta kienet mandatorja. Issa, il-qorti tal-Unjoni tqis li l-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba ma jistax jibdel f’obbligu dak li l-leġiżlatur ma qiesx bħala tali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑27 ta’ Settembru 2012, Koninklijke Wegenbouw Stevin vs Il‑Kummissjoni, T‑357/06, EU:T:2012:488, punt 242).

137    Barra minn hekk, ir-rikorrenti jikkritikaw lill-Kummissjoni li naqset milli tosserva r-regoli u l-istandards ta’ provi applikabbli, billi rreferiet għal diversi premessi tad-deċiżjoni kkontestata li huma jikkontestaw f’motivi oħra tar-rikors tagħhom (żnaturament tal-fatti, żball dwar il‑kriterju legali applikabbli sabiex ksur jiġi kklassifikat skont is‑suġġett, interpretazzjoni eċċessiva tal-kunċett ta’ kompetizzjoni potenzjali, eċċ.). Fir-replika, huma jsostnu li dawn l-eżempji huma intiżi sabiex jistabbilixxu d-distorsjoni li kienet tivvizzja l-investigazzjoni. Kif issostni l-Kummissjoni, dan l-argument tar-rikorrenti madankollu qed jiġi konfuż mal-kwistjoni dwar jekk il-konstatazzjonijiet ta’ fatt magħmula fid-deċiżjoni kkontestata humiex sostnuti b’mod suffiċjenti bil-provi li l-istituzzjoni ressqet u jekk il-Kummissjoni kkommettietx żbalji ta’ liġi fl-analiżi tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-24 ta’ Ottubru 1991, Atochem vs Il-Kummissjoni, T‑3/89, EU:T:1991:58, punt 39). Konsegwentement, dawn l-argumenti ser ikunu eżaminati ulterjorment taħt il-motivi tal-mertu. Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi rrilevat li dawn l-argumenti jirriżultaw minn sempliċi dikjarazzjonijiet u ma humiex ta’ natura li juru li l-Kummissjoni kienet effettivament iddeċidiet minn qabel dwar ir-riżultat tal-proċedura amministrattiva jew li ma kinitx oġġettiva fl-investigazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-6 ta’ Lulju 2000, Volkswagen vs Il‑Kummissjoni, T‑62/98, EU:T:2000:180, punt 272).

138    Finalment, ir-rikorrenti jsostnu li n-nuqqas ta’ kontro-eżami tal-kawża minn bord intern fid-DĠ “Kompetizzjoni” juri l-parzjalità tad-deċiżjoni kkontestata u jiġġustifika l-annullament tagħha minħabba ksur tal‑prinċipju ta’ preżunzjoni ta’ innoċenza u tal-Artikolu 41 tal-Karta tad‑Drittijiet Fundamentali. Madankollu, għandu jiġi rrilevat li ebda dispożizzjoni leġiżlattiva u l-ebda regola interna tal-Kummissjoni ma timponi li din tal-aħħar torganizza sistema ta’ kontroll tal-kawżi kollha minn bord intern u għandu jitfakkar li l-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba ma għandux jinbidel f’obbligu, dak li l-leġiżlatur ma kkunsidrax bħala tali (ara l-punt 136 hawn fuq). Huwa veru li fl-2004, fi ħdan id-DĠ “Kompetizzjoni” ġiet stabbilita sistema ta’ kontroll bejn il-pari. Madankollu, minn dokument ippubblikat mill-Kummissjoni f’Settembru 2011, intitolat “Proċedura għall-applikazzjoni tal‑Artikoli 101 u 102 TFUE: atturi prinċipali u bilanċ tal-poteri”, jirriżulta li d-Direttur Ġenerali tad-DĠ “Kompetizzjoni” jiddeċiedi, bi qbil mal-membru tal-Kummissjoni inkarigat mill-kompetizzjoni, il‑kawżi li għalihom jiġi organizzat dan il-bord intern, li d-deċiżjoni li jinżamm tali bord u l-kompożizzjoni ta’ dan il-bord ma jiġux ippubblikati u li l-kontroll bejn il-pari ta’ kawża fl-ebda każ ma jimplika lill-partijiet li huma s-suġġett tal-proċedura jew kwalunkwe terza parti oħra. L-organizzazzjoni ta’ tali kontroll mid-DĠ “Kompetizzjoni” għalhekk ma hijiex mitluba fil-kawżi kollha, b’tali mod li l-Kummissjoni ma tistax tiġi kkritikata li ma organizzatx tali sistema ta’ kontroll f’dan il-każ.

139    Il-motiv għandu għalhekk jiġi miċħud.

2.      Fuq in-nuqqas ta’ konsultazzjoni effettiva tal-Kumitat Konsultattiv fil-qasam tal-akkordji u ta’ pożizzjonijiet dominanti

a)      L-argumenti tal-partijiet

[omissis]

b)      L-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali

142    L-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 1/2003, li jaqa’ fil-Kapitolu IV dwar il-kooperazzjoni bejn, minn naħa waħda, il-Kummissjoni u, min-naħa l‑oħra, l-awtoritajiet ta’ kompetizzjoni u l-qrati tal-Istati Membri, jipprevedi, fl-ewwel paragrafu tiegħu, li “[i]l-Kummissjoni ħa tikkonsulta lil Kumitat ta’ Konsulenza fuq Prattiċi Restrittivi u Posizjonijiet Dominanti qabel ma tieħu kwalunkwe deċiżjoni taħt l‑Artikoli 7, 8, 9, 10, 23, l-Artikolu 24(2) u l-Artikolu 29(1)”, tal-istess regolament. L-Artikolu 14(2) tar-Regolament Nru 1/2003 jipprevedi li, “[g]ħad-diskusjonijiet ta’ kazijiet individwali, il-Kumitat ta’ Konsulenza ħa jiġi kompost min rappreżentanti ta’ l-awtoritajiet tal-Kompetizzjoni ta’ Stati Membri”. L-Artikolu 14(3) tar-Regolament Nru 1/2003 jispjega li l-Kumitat Konsultattiv jagħti opinjoni bil-miktub fuq l-abbozz preliminari ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni u l-Artikolu 14(5) tal-istess regolament jipprevedi li “[l-]Kummissoni ħa tieħu l-akbar ħsieb tal‑opinjoni mwassla mil-Kumitat ta’ Konsulenza”, billi “tinforma lil Kumitat tal‑manjiera li bija l-opinjoni ġiet meqjusa”. Barra minn hekk, “[m]at-talba ta’ wieħed jew iktar membri, il-posizzjoni msemmija fl-opinjoni ħa tiġi raġunata” (Artikolu 14(3) tar-Regolament Nru 1/2003). Barra minn hekk, il-paragrafu 58 tal-Komunikazzjoni dwar il‑kooperazzjoni fi ħdan in-netwerk tal-awtoritajiet tal-kompetizzjoni (ĠU 2004, C 101, p. 43, iktar ’il quddiem “il-Komunikazzjoni dwar il‑kooperazzjoni fi ħdan in-netwerk tal‑awtoritajiet tal-kompetizzjoni”) jipprevedi li, “[i]l-Kumitat Konsultattiv huwa l-forum fejn l-esperti ta’ diversi awtoritajiet ta’ kompetizzjoni jeżaminaw ċerti kawżi kif ukoll mistoqsijiet ġenerali li jaqgħu fid-dritt tal-kompetizzjoni [tal-Unjoni] [traduzzjoni mhux uffiċjali]”.

143    Fuq il-livell proċedurali, l-Artikolu 14(3) tar-Regolament Nru 1/2003 jipprevedi li l-konsultazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv “tista’ isseħħ waqt laqgħa konvenuta u preseduta mil-Kummissjoni, miżuma mhux qabel min 14 il-ġurnata wara it-trasmessjoni tan-notizzja li ġiet konvenuta, flimkien ma’ summarju tal-każ, indikazzjoni ta’ l-aktar dokumenti importanti u l-abbozz preliminari tad-deċiżjoni”. Madankollu, “[f]ejn il‑Kummissjoni titrasmetti notizja li tikkonveni laqgħa fejn tagħti perijodu iqsar ta’avviż min dawk speċifikati fuq, il-laqgħa tista isseħħ fuq id-data proposta fl-assenza ta’ oġġezzjoni min xi Stat Membru”. Il‑paragrafu 66 tal-Komunikazzjoni tal‑Kummissjoni dwar il‑kooperazzjoni fi ħdan in-netwerk tal‑awtoritajiet tal-kompetizzjoni jispjega wkoll li “[i]r-Regolament tal-Kunsill jipprevedi l-possibbiltà li l‑Istati Membri jagħtu l-kunsens tagħhom sabiex jistabbilixxu terminu iqsar bejn meta tintbagħat l-istedina u l-laqgħa” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Barra minn hekk, l-Artikolu 14(3) tar‑Regolament Nru 1/2003 jipprevedi li l-Kumitat Konsultattiv “[j]ista [j]wassal l-opinjoni anki jekk xi membri huma neqsin u ma humiex rappreżentanti”. Finalment, l‑Artikolu 14(4) tar-Regolament Nru 1/2003 jipprevedi li “[k]onsultazzjoni tista’ [s]seħħ permezz ta’ proċedura bil-miktub”, iżda li “jekk xi Stat Membru jitlob hekk, il‑Kummissjoni ikollha tikkonveni laqgħa”. Skont din id-dispożizzjoni, “[f]’każ ta’ proċedura bil-miktub, il‑Kummissjoni tistabilixxi limitu ta’ ħin ta’ mhux anqas min 14 il‑ġurnata qabel li fihom l-Istati Membri gġandhom ipoġġu l-osservazzjonijiet tagħhom fiċ-ċirkulazzjoni lill-Istati Membri l-oħra”.

144    Id-dokument intitolat “Dispożizzjonijiet relatati mal-metodi tax-xogħol tal-Kumitat Konsultattiv” tad-19 ta’ Diċembru 2008, imħejji mill‑Kummissjoni fis-6 ta’ Novembru 2015 wara miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, jispjega l-istadji differenti qabel il‑konsultazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv u, b’mod partikolari, dawk li jippermettu lill-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni li jieħdu konoxxenza tal-fajl waqt l-investigazzjoni tal-kawża.

145    Fl-ewwel lok, f’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont id‑dispożizzjonijiet tal-Artikolu 11(2) tar-Regolament Nru 1/2003, “[i]l‑Kummissjoni ħa tittrażmetti lill-awtoritajiet tal-kompetizzjoni ta’ l‑Istati Membri kopji tad-dokumenti l-aktar importanti miġbura bl-għan li japplikaw l-Artikoli 7, 8, 9, 10 u l-Artikoli 29(1)”, tal-imsemmi regolament u “[m]at-talba ta’ l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni ta’ l-Istati Membri, il-Kummissjoni tipprovdiha b’kopji ta’ dokumenti eżistenti u neċessarji oħra għall-istima tal-każ”. Barra minn hekk, l-Artikolu 11(6) tar-Regolament Nru 1/2003 jipprevedi li, “[l]-inizjazzjoni mil‑Kummissjoni tal-proċeduri għall-adottazzjoni ta’ deċiżjoni taħt Kapitolu III jirrileva l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni ta’ l-Istati Membri [mill]-kompetenzi tgħhom li japplikaw l-Artikoli [101 u 102 TFUE]” u li, “[j]ekk l-awtorità tal-kompetizzjoni ta’ Stat Membru qed tagixxi diġa fuq il-każ, il-Kummissjoni għandha tibda proċeduri wara li tikkonsulta lil dik l-awtorità tal-kompetizzjoni nazzjonali”. Skont dawn id‑dispożizzjonijiet, il-Kummissjoni tibgħat lill-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni, immedjatament wara li jintbagħtu lill-impriża kkonċernata jew wara li jirċevuhom, id-deċiżjoni inizjali ta’ ftuħ tal-proċedura, id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet indirizzata lill-imsemmija impriża, ir-risposta tal-impriża għal dan id‑dokument u d-dokumenti l-oħra l-iktar importanti tal-kawża (ara l‑punti 6 u 7 tad-Dispożizzjonijiet relatati mal-metodi tax-xogħol tal‑Kumitat Konsultattiv).

146    Fit-tieni lok, id-Dispożizzjonijiet relatati mal-metodi tax-xogħol tal‑Kumitat Konsultativ jipprevedu, fil-punti 33 sa 36, li, għal kull kawża li fiha l-Kummissjoni tibgħat dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet lil impriża, il-Kummissjoni għandha tinnomina, f’terminu ta’ 45 ġurnata wara li tinbagħat id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet lill-partijiet ikkonċernati, waħda mill-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni bħala relatur tal‑kawża (iktar ’il quddiem l-“ANK relatur”), skont rotazzjoni li tikkorrispondi mal-presidenzi b’rotazzjoni tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx meħtieġ li tintgħażel awtorità nazzjonali tal‑kompetizzjoni oħra sabiex ikun hemm oġġettività, f’liema każ il‑Kummissjoni tista’, sakemm l-ewwel awtorità nazzjonali tal‑kompetizzjoni taqbel, tagħżel l-awtorità li jmiss f’din il-lista tal‑presidenzi b’rotazzjoni (punti 28, 33 u 34). L-ANK relatur, li hija inkarigata sabiex tgħin lill-awtoritajiet nazzjonali tal‑kompetizzjoni l-oħra jifhmu l-kawża u tinformawhom bl-istadji prinċipali tal-investigazzjoni tal-kawża, għal dan il-għan taħdem f’kollaborazzjoni mill-qrib mal‑Kummissjoni (punti 40 u 42). Id-Dispożizzjonijiet relatati mal-metodi tax-xogħol tal-Kumitat Konsultattiv jirrakkomandaw ukoll lill-ANK relatur sabiex tibgħat lista tal-kwistjonijiet prinċipali tal-kawża sa mill-inqas ħamest’ijiem qabel is-seduta tal-Kumitat Konsultattiv [punt 44(i)], u tippreżenta l-kawża u l-kwistjonijiet tagħha fil-bidu tas‑seduta tal-Kumitat Konsultattiv [punt 44(ii)].

147    Fit-tielet lok, skont l-Artikolu 11(1) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 773/2004 tas-7 ta’ April 2004 dwar it-tmexxija ta’ proċeduri mill-Kummissjoni skond l-[Artikoli 101 u 102 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 3 p. 81), “[i]l-Kummissjoni għandha tagħti lill-partijiet li lilhom tkun indirizzat dikjarazzjoni ta’ oġġezzjonijiet l-opportunità li jinstemgħu qabel ma tikkonsulta lill-Kumitat Konsultattiv li jirreferi għalih l-Artikolu 14(1) tar-Regolament […] Nru 1/2003”. Barra minn hekk, l-Artikolu 14(3) tar-Regolament Nru 773/2004 jipprevedi li “[i]l-Kummissjoni għandha tistieden lill‑awtoritajiet tal-kompetizzjoni ta’ l-Istati Membri biex jipparteċipaw fis-smigħ orali (seduta)” u li “[t]ista’ wkoll tistieden uffiċjali u impjegati ċivili ta’ awtoritajiet oħra ta’ l-Istati Membri”. Il-punt 12 tad‑Dispożizzjonijiet relatati mal-metodi tax-xogħol tal-Kumitat Konsultattiv jispjega li l-parteċipazzjoni tal-awtoritajiet nazzjonali tal‑kompetizzjoni fis-seduta hija utili għall-funzjonament effikaċi tal‑Kumitat Konsultattiv. Għall-kuntrarju, ebda dispożizzjoni ma tipprevedi li l-ANK relatur għandha rwol partikolari waqt is-seduta.

148    Skont il-ġurisprudenza relatata mad-dispożizzjonijiet korrispondenti tar‑Regolament tal-Kunsill Nru 17 tas-6 ta’ Frar 1962 l-ewwel Regolament li jimplimenta l-Artikoli [101] u [102 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 3), li ġie segwit mir-Regolament Nru 1/2003, il-konsultazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv tikkostitwixxi formalità essenzjali li l-ksur tagħha jaffettwa l-legalità tad-deċiżjoni finali tal-Kummissjoni jekk jiġi stabbilit li n-nuqqas ta’ osservanza tar‑regoli ta’ konsultazzjoni pprekluda lill‑Kumitat Konsultattiv milli jagħti l-opinjoni tiegħu b’konoxxenza sħiħa tal‑kwistjoni. Il-kontenut u n‑natura sostanzjali jew le tal-obbligi li jirriżultaw mid-dispożizzjonijiet li jirregolaw il-konsultazzjoni tal‑Kumitat Konsultattiv għandhom għalhekk jiġu evalwati, f’kull każ inkwistjoni, skont dan il-għan, li huwa li jippermetti lill‑kumitat li jeżerċita l-funzjonijiet konsultattivi tiegħu b’konoxxenza sħiħa tal-kwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑10 ta’ Lulju 1991, RTE vs Il-Kummissjoni, T‑69/89, EU:T:1991:39, punti 21 u 23, u tal‑15 ta’ Marzu 2000, Cimenteries CBR et vs Il‑Kummissjoni, T‑25/95, T‑26/95, T‑30/95 sa T‑32/95, T‑34/95 sa T‑39/95, T‑42/95 sa T‑46/95, T‑48/95, T‑50/95 sa T‑65/95, T‑68/95 sa T‑71/95, T‑87/95, T‑88/95, T‑103/95 u T‑104/95, EU:T:2000:77, punt 742).

149    F’dan ir-rigward, ġie kkunsidrat, fir-rigward tad-dokumenti li għandhom jintbagħtu lill-Kumitat Konsultattiv, li, minkejja li l‑konsultazzjoni taqa’ fil-kuntest tal-kooperazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri u ma għandhiex l-għan li torganizza proċedura kontradittorja fir-rigward tal-impriżi kkonċernati, il-Kumitat Konsultattiv għandu, b’mod partikolari, ikun informat b’mod oġġettiv dwar il-pożizzjoni u l-argumenti essenzjali espressi mill-impriżi kkonċernati fl-osservazzjonijiet tagħhom dwar l-oġġezzjonijiet kollha użati fil-konfront tagħhom mill-Kummissjoni fi tmiem l-investigazzjoni. B’hekk, b’mod partikolari, il-minuti tas-seduta jagħmlu parti, bħala regola, mid-dokumenti l-iktar importanti fis-sens tal‑Artikolu 10(5) tar-Regolament Nru 17 u għalhekk għandhom jintbagħtu lill-Kumitat Konsultattiv meta jitlaqqa’ . Madankollu, il-komunikazzjoni tal‑minuti tas-seduta ma tikkostitwixxix formalità essenzjali ħlief jekk, f’kawża partikolari, tkun neċessarja sabiex il‑Kumitat Konsultattiv jagħti l-opinjoni tiegħu b’konoxxenza sħiħa tal‑fatti, jiġifieri mingħajr ma jitqarraq fuq punt essenzjali minn ineżattezzi jew minn omissjonijiet. Dan ma huwiex il-każ meta l-minuti tas‑seduta ma jinkludux punt ta’ evalwazzjoni sinjifikattivi, li ma jkunux ġew żvelati meta pparagunati mar-risposti bil-miktub għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet tal-impriża kkonċernata, annessi mal-konvokazzjoni tal-Kumitat Konsultattiv. Fil-fatt, f’każ simili, in-nuqqas tal-komunikazzjoni mill-Kummissjoni, tal-minuti tas-seduta lill-Kumitat Konsultattiv meta tintbagħtlu l-konvokazzjoni ma jippreġudikax id-drittijiet tad-difiża tal‑impriża kkonċernata u ma għandu l-ebda effett fuq ir-riżultat tal‑proċeduta ta’ konsultazzjoni. Għalhekk, tali nuqqas ma jistax jivvizzja l-proċedura amministrattiva kollha u b’hekk jikkontesta l-legalità tad‑deċiżjoni finali (sentenza tal-10 ta’ Lulju 1991, RTE vs Il‑Kummissjoni, T‑69/89, EU:T:1991:39, punt 21 sa 23).

150    Barra minn hekk, ġie deċiż li l-fatt li l-Kummissjoni ma kkomunikatx lill‑Kumitat Konsultattiv l-ammont eżatt tal-multa proposta, meta bagħtitlu d-dokumenti essenzjali kollha meħtieġa sabiex jagħti opinjoni dwar il-multi, ma kienx jikkostitwixxi ksur tal-formalità essenzjali tal-konsultazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv. Huwa għandu sempliċement jinżamm informat dwar il-kriterji użati għall‑impożizzjoni tal-multa (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Marzu 2000, Cimenteries CBR et vs Il-Kummissjoni, T‑25/95, T‑26/95, T‑30/95 sa T‑32/95, T‑34/95 sa T‑39/95, T‑42/95 sa T‑46/95, T‑48/95, T‑50/95 sa T‑65/95, T‑68/95 sa T‑71/95, T‑87/95, T‑88/95, T‑103/95 u T‑104/95, EU:T:2000:77, punt 747 u 748). Il-punt 23 tad‑Dispożizzjonijiet relatati mal-metodi tax-xogħol tal-Kumitat Konsultattiv ifakkar b’hekk il-ħtieġa li tiġi żgurata l-kunfidenzjalità tal-komunikazzjoni li tkun seħħet fi ħdan il-Kumitat, b’mod partikolari fir-rigward tal-ammont tal-multa. Il‑punt 24 tal-istess dispożizzjonijiet jipprevedi li, fir-rigward tal-iffissar tal-ammont tal-multa, il‑Kummissjoni, waqt il-laqgħa tal-Kumitat Konsultattiv, tqassam dokument li jispjega l-metodu ta’ kalkolu użat, filwaqt li tirreferi b’mod speċifiku għal-Linji Gwida għall-kalkolu tal‑multi imposti skont l‑Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament Nru 1/2003 (ĠU 2006, C 210, p. 2, iktar ’il quddiem il-“Linji Gwida għall-kalkolu tal-multi”), li l-membri tal-Kumitat Konsultattiv jistgħu jitolbu li jingħataw ftit iktar ħin sabiex jeżaminaw dan id-dokument u li, fi tmiem il-laqgħa, dan jingħata lura lill-Kummissjoni.

151    F’dan il-każ, fl-ewwel lok, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni ma wettqitx konsultazzjoni effettiva mal-Kumitat Konsultattiv, minħabba n‑nuqqas ta’ komunikazzjoni tal-parti tal-abbozz preliminari tad‑deċiżjoni relatata mal-multi u r-risposti tal-impriżi għad‑dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, minħabba t-terminu qasir li fih intbagħat l-abbozz preliminari tad-deċiżjoni kkontestata lill-membri tagħha, minħabba xi omissjonijiet li fih is-sommarju tal-abbozz preliminari tad-deċiżjoni mibgħut lill-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni u minħabba n‑natura insuffiċjenti tal-motivazzjoni tal-opinjoni tal-Kumitat Konsultattiv. Dawn id-diversi argumenti għandhom jiġu eżaminati fid‑dawl tad-dokumenti tal-proċess, u b’mod partikolari tal-ispjegazzjonijiet fattwali mogħtija mill-Kummissjoni fis-6 ta’ Novembru 2015, bħala risposta għall-miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura hawn fuq imsemmija, u waqt is-seduta.

152    Fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti dwar in-nuqqas ta’ komunikazzjoni tal-parti tal-abbozz preliminari tad-deċiżjoni dwar il‑multi, dan ġie rrinunzjat mir-rikorrenti waqt is-seduta, u dan ġie nnotat fil-proċess verbal tas-seduta. Jekk, madankollu, waqt is-seduta, ir‑rikorrenti sostnew li l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni ma kinux irċevew komunikazzjoni dwar il-metodu tal-kalkolu tal-multa waqt il-laqgħat tal-Kumitat Konsultattiv, din il-kritika ma hijiex korretta fattwalment, għaliex mill-proċess jirriżulta li l-Kummissjoni bagħtet lill‑awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni l-Kapitolu 10, relatat mal‑multi, fit‑3 ta’ Lulju 2014, kapitolu li fih spjegazzjoni tal-punti prinċipali ta’ dan il-metodu, flimkien ma’ tfakkira tal-istedina għat-tieni laqgħa tal-Kumitat Konsultattiv tas-7 ta’ Lulju 2014. Għalhekk, għandu jiġi enfasizzat li l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni kienu rċevew minn qabel ir-risposti tal-impriżi għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet fit-23 ta’ Lulju 2013 u l-espożizzjoni tal-fatti fid‑19 ta’ Diċembru 2013 u r-risposti tal-impriżi għal din tal-aħħar fit‑13 ta’ Frar 2014. Finalment, fl-20 ta’ Mejju 2014, il-Kummissjoni bagħtitilhom espożizzjoni tal-fatti dwar l-imputazzjoni tar‑responsabbilitajiet tal-ksur kif ukoll ir-risposti ta’ Mylan, ta’ Niche u ta’ Unichem għal din tal-aħħar.

153    Fir-rigward tar-terminu ta’ komunikazzjoni tal-abbozz preliminari tad‑deċiżjoni, mill-proċess jirriżulta li l-Kummissjoni bagħtitu lill‑awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri fi tliet stadji: il-Kapitoli 1 sa 4 ntbagħtulhom fit-12 ta’ Ġunju 2014 mal-istedina għall-ewwel laqgħa tal-Kumitat Konsultattiv tat-30 ta’ Ġunju 2014, il‑Kapitoli 5 sa 9 ntbagħtulhom fl-20 ta’ Ġunju 2014 flimkien ma’ sommarju tal-abbozz preliminari tad-deċiżjoni u l-Kapitolu 10, dwar il‑multi (bl-eċċezzjoni tal-ammont eżatt ta’ dawn il-multi), intbagħtilhom fit-3 ta’ Lulju 2014, flimkien ma’ tfakkira tal-istedina, mibgħuta fit‑30 ta’ Ġunju 2014, għat-tieni laqgħa tal-Kumitat Konsultattiv tas‑7 ta’ Lulju 2014, li kellha tkun dwar l-abbozz preliminari tad‑deċiżjoni kollu. F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li, jekk, kif isostnu r-rikorrenti, id-dispożizzjonijiet tal-manwal tal-proċedura fil‑qasam tal-politika tal-kompetizzjoni tad-DĠ “Kompetizzjoni” jindikaw, fil-punt 10 tal-paġna 109, li ġeneralment għandhom jiġu organizzati żewġ laqgħat ta’ dan il-kumitat, waħda li tirrigwarda l-mertu tal-kawża, u l-oħra dwar l-ammont tal-multi, dawn madankollu ma jimponux li din l-iskeda organizzazzjonali tkun sistematikament osservata. Barra minn hekk, mill-proċess jirriżulta li, f’dan il-każ, il‑Kummissjoni espressament indikat, fl-istedina għat-tieni laqgħa, mibgħuta fit-30 ta’ Ġunju 2014, kif ukoll f’posta elettronika tat‑3 ta’ Lulju 2014, li l-aġenda tal-laqgħa tas-7 ta’ Lulju 2014 kienet dwar id-diskussjoni tal-kawża fit-totalità tagħha.

154    Huwa veru li l-fatt li d-dokumenti ntbagħtu fi stadji differenti, f’ċerti każijiet mingħajr osservanza tat-terminu ta’ 14-il jum, wassal għal għaġġla, probabbilment marbuta mal-fatt li l-Kummissjoni kienet, meta bagħtet l-istedina għal-laqgħa tat-30 ta’ Ġunju 2014, informat lill‑awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni li kellha l-intenzjoni li tadotta d-deċiżjoni tagħha fid-9 ta’ Lulju 2014, u li dan ma poġġiex lill‑membri tal-Kumitat Konsultattiv fl-aħjar kundizzjonijiet sabiex jieħdu pożizzjoni. Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li l-ebda awtorità nazzjonali ta’ kompetizzjoni ma oġġezzjonat dwar id-dati ta’ dawn il-laqgħat, minkejja li, skont l-Artikolu 14(3) tar-Regolament Nru 1/2003, tali oġġezzjonijiet kienu jipprekludu li jinżammu l-laqgħat inkwistjoni. Barra minn hekk, mill-proċess jirriżulta li fis-6 ta’ Lulju 2009, il-Kummissjoni bagħtet lill-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni d-deċiżjoni inizjali ta’ ftuħ tal-proċedura, fil-31 ta’ Lulju 2012, id-dikjarazzjoni tal‑oġġezzjonijiet indirizzata lill-impriżi kkonċernati, fit‑23 ta’ Lulju 2013, ir-risposti tal-impriżi għad-dikjarazzjoni tal‑oġġezzjonijiet, fid-19 ta’ Diċembru 2013, espożizzjoni tal-fatti, fit‑13 ta’ Frar 2014, ir-risposti tal-impriżi għal din tal-aħħar, u fl‑20 ta’ Mejju 2015, espożizzjoni tal-fatti relatati mal-imputazzjoni tar‑responsabbiltà tal-ksur kif ukoll ir-risposti ta’ Mylan, ta’ Niche u ta’ Unichem għaliha. Barra minn hekk, fil-25 ta’ Ġunju 2014, il‑Kummissjoni bagħtitilhom l-abbozz preliminari tal-proċess verbal tas‑seduta mħejji mill-uffiċjal tas-seduta.

155    Konsegwentement, anki jekk jista’ jiġi kkunsidrat li kien ikun aħjar li kieku l-Kapitoli 5 sa 9 tal-abbozz preliminari tad-deċiżjoni, fid-dawl tat‑tul tagħhom (kważi 600 paġna) u tal-kumplessità tagħhom, intbagħtu lill-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri iktar minn għaxart’ijiem qabel saret l-ewwel laqgħa tal-Kumitat Konsultattiv, għandu jiġi kkonstatat, fid-dawl tal-elementi kollha msemmija fil‑punti 153 u 154 hawn fuq, li l-membri tal-Kumitat Konsultattiv kienu informati suffiċjentement dwar is-sustanza tal-fajl u dwar il-kontenut tal‑abbozz preliminari tad-deċiżjoni u li, konsegwentement, il-Kumitat seta’ jagħti l-opinjoni tiegħu b’konoxxenza sħiħa tal-kwistjoni.

156    Barra minn hekk, għandu jiġi spjegat li, kuntrarjament għal dak li jsostnu r-rikorrenti, la d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 14(3) tar-Regolament Nru 1/2003 u lanqas dawk tal-paragrafu 66 tal-Komunikazzjoni dwar il‑kooperazzjoni fi ħdan in-netwerk tal-awtoritajiet tal-kompetizzjoni ma jimponu fuq il-Kummissjoni l-bżonn li tikseb qbil espliċitu minn qabel mill‑awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri sabiex tidderoga mit-terminu ta’ erbatax-il jum previst bejn l-istedina lill-membri tal‑Kumitat Konsultattiv u l-laqgħa tiegħu. Fil-fatt, mill‑Artikolu 14(3) tar-Regolament Nru 1/2003 jirriżulta li, jekk il-Kummissjoni tibgħat l-istedina ta’ laqgħa f’terminu ta’ inqas minn dak indikat hawn fuq, huma l-Istati Membri li għandhom joffru oppożizzjoni f’dan ir-rigward, u jekk dan ma jsirx il-laqgħa ssir fid-data stabbilita mill‑Kummissjoni. Barra minn hekk, fir-rigward tal-allegata applikazzjoni żbaljata tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, għandu jitfakkar li dan ma jistax jibdel f’obbligu dak li l-leġiżlatur ma qiesx bħala tali (ara l-punt 136 hawn fuq).

157    Fir-rigward tal-opinjoni mogħtija mill-Kumitat Konsultattiv, għandu jitfakkar li, minn naħa waħda, skont l-Artikolu 14(6) tar‑Regolament Nru 1/2003, din ma hijiex sistematikament ippubblikata, filwaqt li l‑ġurisprudenza tikkunsidra anki li n-nuqqas ta’ komunikazzjoni tagħha lill-impriżi kkonċernati ma tiksirx il-prinċipju ta’ rispett tad‑drittijiet tad‑difiża (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-7 ta’ Ġunju 1983, Musique Diffusion française et vs Il-Kummissjoni, 100/80 sa 103/80, EU:C:1983:158, punti 35 u 36) u, min-naħa l-oħra, li d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 14(3) tar-Regolament Nru 1/2003 jipprevedu li l‑pożizzjonijiet espressi f’din l-opinjoni għandhom jiġu biss motivati jekk issir talba minn tal-inqas wieħed mill-membri tal-imsemmi kumitat, li ma huwiex il-każ f’dan il-każ. Barra minn hekk, l-Artikolu 27(2) tar‑Regolament Nru 1/2003 jipprevedi li l-partijiet involuti fi proċedura mmexxija mill‑Kummissjoni skont l-Artikolu 101 TFUE ma għandhomx aċċess għall-korrispondenza bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet tal‑kompetizzjoni tal-Istati Membri jew bejn dawn tal-aħħar, inkluż għad-dokumenti mħejjija skont l-Artikoli 11 u 14 tal-imsemmi regolament. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 28(2) tar-Regolament Nru 1/2003, l-uffiċjali u l-membri tal-persunal tal-Kummissjoni u tal-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri huma obbligati li ma jiżvelawx l-informazzjoni akkwistata jew skambjata skont l-istess regolament u li, min-natura tagħha, hija koperta bis-sigriet professjonali u dan l-obbligu japplika wkoll għar-rappreżentanti u l-esperti kollha tal‑Istati Membri li jattendu għal-laqgħat tal-Kumitat Konsultattiv skont l-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 1/2003. Konsegwentement, ir‑rikorrenti ma jistgħux isostnu b’mod utili li l-opinjoni mogħtija mill-Kumitat Konsultattiv ma kinitx suffiċjentement motivata. Barra minn hekk, fir-rigward tad-dispożizzjonijiet applikabbli, il-fatt li l-opinjoni kienet qasira u mhux iddettaljata ma jfissirx li l-Kumitat Konsultattiv ma kellux għad-dispożizzjoni tiegħu l-elementi kollha li jippermettulu jiddeċiedi b’konoxxenza tal-kwistjoni u lanqas ma jfisser li l-imsemmi kumitat ma ddeċidiex b’konoxxenza sħiħa tal-kwistjoni, u dan anki jekk ta deċiżjoni qasira.

158    Finalment, ir-rikorrenti jsostnu li, peress li s-sommarju tal-abbozz preliminari ta’ deċiżjoni mibgħut mill-Kummissjoni lill-membri tal-Kumitat Konsultattiv kien parzjali u inkomplet, il-kumitat ma setax jiddeċiedi b’konoxxenza sħiħa tal-kwistjoni. Madankollu, għandu jitfakkar li, kif issostni l-Kummissjoni, l-għan ta’ dan is-sommarju ma huwiex sabiex jelenka l-argumenti ta’ difiża tal-impriża kkonċernata, iżda li jiffaċilita d‑diskussjoni fi ħdan il-Kumitat Konsultattiv fuq it-test tal-abbozz preliminari tad-deċiżjoni. Fi kwalunkwe każ, f’dan il-każ, mir-risposta tal-Kummissjoni għall-miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura li l‑Kummissjoni, fis-sommarju tagħha li ntbagħat flimkien mal-abbozz preliminari tad-deċiżjoni, ippreżentat il-punti prinċipali ta’ dan tal-aħħar, filwaqt li enfasizzat l-aspetti l-iktar delikati tal-analiżi tagħha (kriterji li jippermettu li tiġi identifikata l-eżistenza ta’ restrizzjoni tal‑kompetizzjoni minħabba l-għan, definizzjoni tas-suq, skont l‑Artikolu 102 TFUE). Is-sempliċi fatt li hija ma semmietx, f’dan is‑sommarju, fejn waslu l-kawżi kollha relatati mal-privattiva 947, l‑interpretazzjoni tal-portata ta’ ċerti dispożizzjonijiet tal-ftehimiet dwar soluzzjoni bonarja, il-fatti li seħħew wara l-invalidazzjoni tal‑privattiva 947 mill-UEP jew id-differenzi bejn l-akkwist tat‑teknoloġija ta’ Rolabo u dik ta’ kumpannija oħra ma għandux iwassal sabiex jiġi kkunsidrat li l-Kumitat Konsultattiv, li, fuq kollox, kellu numru kunsiderevoli ta’ dokumenti relatati mal-kawża, u b’mod partikolari l-argumenti ppreżentati mir-rikorrenti fl-osservazzjonijiet tagħhom dwar id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u dwar l-espożizzjoni tal-fatti (ara l-punti 152 u 154 hawn fuq), ma setax jagħti l-opinjoni tiegħu b’konoxxenza sħiħa tal-kwistjoni.

159    Fit-tieni lok, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kumitat Konsultattiv ma kienx ikkonsultat kif suppost, inkwantu numru żgħir biss tal-membri tiegħu kienu preżenti għal-laqgħat tiegħu u li l-ANK relatur tal-kawża, li ġiet maħtura tardivament, ma kinitx preżenti waqt is-smigħ tal-partijiet u waqt it-tieni laqgħa tal-Kumitat Konsultattiv.

160    Ir-rikorrenti jilmentaw li l-Kummissjoni ma ħatritx lill-ANK relatur f’terminu ta’ 45 jum wara li ntbagħtet id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u li deliberatament għażlet awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni li ma kinitx preżenti waqt is-seduta.

161    Huwa stabbilit li d-dispożizzjonijiet relatati mal-metodi tax-xogħol tal‑Kumitat Konsultattiv jipprevedu li n-nomina tal-ANK relatur għandha sseħħ, bħala regola, f’terminu ta’ 45 jum wara li tintbagħat id‑dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet lill-impriżi u skont kriterju oġġettiv, jiġifieri, bħala regola, ir-rotazzjoni tar-rwol li tikkorrispondi mar‑rotazzjoni tal-presidenzi tal-Kunsill (ara l-punt 146 hawn fuq). F’dan il-każ, mill-proċess jirriżulta li l-proċedura ta’ ħatra tal-ANK relatur bdiet fis-7 ta’ Mejju 2014 u li l-ħatra tal‑Bundeswettbewerbsbehörde (l-Awtorità Federali tal-Kompetizzjoni, l‑Awstrija, iktar ’il quddiem il‑“BWB”) bħala ANK relatur saret fit‑3 ta’ Ġunju 2014, jiġifieri wara s-seduta, iżda ferm qabel il-laqgħat tal-Kumitat Konsultattiv, u li din saret skont kriterju oġġettiv, jiġifieri l‑ordni tar-rotazzjoni tal-presidenzi tal-Kunsill. Issa, il-ksur tat-terminu ta’ 45 jum għan-nomina tal-ANK relatur, ksur li l-Kummissjoni rrikonoxxiet waqt is-seduta, ma għandux jiġi kkunsidrat f’dan il-każ bħala li tellef lill-Kumitat Konsultattiv milli jeżerċita l-funzjonijiet tiegħu b’konoxxenza sħiħa tal-kwistjoni. Fil-fatt, ir-rwol tal-ANK relatur sabiex l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni jifhmu l-kawża u jingħataw l‑informazzjoni ma huwiex partikolarment importanti ħlief fl-istadju tal‑preparazzjoni tal-laqgħat tal-Kumitat Konsultattiv (ara l-punt 164 iktar ’il quddiem) u, f’dan il-każ, f’dan l-istadju tal-proċedura, l-ANK relatur kienet ġiet maħtura. Barra minn hekk, fir-rigward tan-nomina tal-BWB bħala ANK relatur, għandu jiġi enfasizzat li r-rikorrenti ma pproduċew l‑ebda prova li tippermetti li jiġi stabbilit li din kienet marbuta mal‑assenza ta’ din l-awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni fis-seduti tal‑15, 16, 17 u 18 ta’ April 2013 u li, fi kwalunkwe każ, hija saret skont kriterju purament oġġettiv, jiġiferi l-ordni tar-rotazzjoni tal-presidenzi tal-Kunsill.

162    Ir-rikorrenti jsostnu wkoll li l-Kumitat Konsultattiv ma setax jiddeċiedi b’konoxxenza sħiħa tal-kwistjoni, peress li r-relatur ANK ma kienx preżenti la għas-smigħ tal-partijiet tal-15, 16, 17 u 18 ta’ April 2013 u lanqas għal-laqgħa tal-Kumitat Konsultattiv tas-7 ta’ Lulju 2014. Il‑Kummissjoni ssosnti li l-ebda dispożizzjoni ma tipprevedi l‑parteċipazzjoni mandatorja tal-ANK relatur fis-seduta u tfakkar li kien hemm tmien Stati Membri preżenti waqt is-seduta.

163    Għandu jiġi rrilevat li, anki jekk il-punt 12 tad-Dispożizzjonijiet relatati mal-metodi tax-xogħol tal-Kumitat Konsultattiv jispjega li l‑parteċipazzjoni tal-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni fis-seduta hija utli għall-funzjonament effikaċi tal-Kumitat Konsultattiv, min-naħa l-oħra l-ebda dispożizzjoni ma timponi lill-ANK relatur sabiex tipparteċipa fis-seduta, peress li l-Artikolu 14(3) tar-Regolament Nru 773/2004 jipprevedi biss li l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri huma mistiedna jipparteċipaw fis-seduta, u dan speċjalment peress li l‑awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni kollha jirċievu kopja tal‑proċess verbal tas-seduta. Barra minn hekk jista’ jiġi rrilevat li, kif issostni l-Kummissjoni, l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni ġew mistiedna jipparteċipaw fis-seduta u tmienja fosthom kienu effettivament irrappreżentati (ara, għal każ ta’ nuqqas ta’ stedina lill‑awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni għas-seduta, is-sentenza tal‑21 ta’ Settembru 2017, Feralpi vs Il-Kummissjoni, C‑85/15 P, EU:C:2017:709, punti 38 sa 44). Barra minn hekk, għandu jitfakkar li r‑rwol tal-ANK relatur sabiex tfiehem il-kawża lill-ANK u tinformahom dwarha huwa partikolarment importanti quddiem il-Kumitat Konsultattiv u mhux fl-istadju tas-seduta. Id-Dispożizzjonijiet relatati mal-metodi tax-xogħol tal‑Kumitat Konsultattiv b’hekk jirrakkomandaw lill-ANK relatur tibgħat, talinqas ħamest’ijiem qabel l-ewwel laqgħa tal-Kumitat Konsultattiv, lista tal-kwistjonijiet prinċipali tal-kawża, intiżi b’mod partikolari sabiex l-ANK jkunu jistgħu juru li jaqblu b’mod globali mal‑abbozz preliminari tad-deċiżjoni, jekk huma għandhomx xi osservazzjonijiet fuq ċerti aspetti u jekk jixtiqux li l-opinjoni tkun ippubblikata [punt 44(i)], u li tippreżenta l-kawża u l-kwistjonijiet tagħha fil-bidu tal-ewwel laqgħa tal-Kumitat Konsultattiv [punt 44(ii)]. Mill‑proċess jirriżulta li BWB iddiskutiet mal-Kummissjoni sabiex tistabbilixxi l-lista tal-kwistjonijiet mibgħuta mill-Kummissjoni għall‑evalwazzjoni mill-membri tal-Kumitat Konsultattiv u li hija pparteċipat fl-ewwel laqgħa tal-Kumitat Konsultattiv, li matulha hija ppreżentat ir-rapport tagħha, u ma huwiex ikkontestat mir-rikorrenti li hija, f’din l-okkażjoni, qdiet ir-rwol tagħha bħala ANK relatur b’mod sħiħ. Barra minn hekk, is-sempliċi fatt li l-Kummissjoni bagħtet lill-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni l-oħra l-lista tal-kwistjonijiet prinċipali tal-kawża fis-26 ta’ Ġunju 2014 filgħodu, jiġifieri erbat’ijiem qabel l-ewwel laqgħa tal-Kumitat Konsultattiv, filwaqt li d‑Dispożizzjonijiet relatati mal-metodi tax-xogħol tal-Kumitat Konsultattiv jirrakkomandaw li dan it-terminu jkun ta’ ħamest’ijiem, ma huwiex biżżejjed sabiex jiġi konkluż li l-Kumitat Konsultattiv ma kienx f’pożizzjoni li jiddeċiedi b’konoxxenza sħiħa tal-kwistjoni. Kuntrarjament għal dak li jsostnu r-rikorrenti, il-Kummissjoni barra minn hekk ma kinitx obbligata taħtar ANK relatur oħra, peress li l-punt 38 tad‑Dispożizzjonijiet relatati mal-metodi tax-xogħol tal-Kumitat Konsultattiv jipprevedu biss il-possibbiltà li ssir is-sostituzzjoni tal‑persuna fiżika li tirrapreżenta l-awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni minn persuna oħra fiżika ta’ din l-istess awtorità f’każ ta’ bżonn. Konsegwentement, il-fatt li l-BWB ma pparteċipatx, f’dan il-każ, fis‑smigħ tal-partijiet tal-15, 16, 17 u 18 ta’ April 2013 u, sfortunatament, lanqas fit-tieni laqgħa tal-Kumitat Konsultattiv tas‑7 ta’ Lulju 2015 ma pprekludiex lill-Kumitat Konsultattiv milli jiddeċiedi b’konnoxenza sħiħa tal-kwistjoni.

164    Fir-rigward tal-ilment ibbażat fuq il-preżenza ta’ numru żgħir ta’ Stati Membri fil-laqgħat tal-Kumitat Konsultattiv, mill-proċess jirriżulta li, waqt il-laqgħa tat-30 ta’ Ġunju 2014, ħames awtoritajiet nazzjonali tal‑kompetizzjoni biss kienu rrappreżentati (dawk tar-Renju ta’ Spanja, tar-Repubblika Taljana, tar-Repubblika tal-Awstrija, tar-Repubblika tal‑Finlandja u tar-Renju tal-Isvezja) u li, waqt il-laqgħa tas‑7 ta’ Lulju 2014, kienu preżenti biss żewġ awtoritajiet nazzjonali tal‑kompetizzjoni (dawk tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja u tar‑Repubblika tal-Finlandja). Minn dan effettivament jirriżulta li numru żgħir ta’ rappreżentanti ta’ Stati Membri pparteċipaw fl-opinjoni mogħtija mill-Kumitat Konsultattiv f’dan il-każ, peress li, skont il‑punti 20 u 21 tad-Dispożizzjonijiet relatati mal-metodi tax-xogħol tal‑Kumitat Konsultattiv, huma biss il-kummentarji u l-osservazzjonijiet magħmula mill-membri preżenti għal-laqgħa li jiġu kkunsidrati fl‑opinjoni mogħtija mill-Kumitat Konsultattiv. Mistoqsija waqt is‑seduta dwar ir-raġunijiet ta’ parteċipazzjoni daqstant żgħira u l‑eventwalità ta’ posponiment tal-laqgħat tal-Kumitat Konsultattiv, il‑Kummissjoni spjegat li kienet taf bi strajk tal-ferroviji u li kkuntattjat lill-membri tal-Kumitat sabiex tistaqsi jekk kellhomx xi kummenti speċifiċi, iżda li hija ma kinitx ipprevediet posponiment tal-laqgħat.

165    Minkejja li huwa veru li, f’tali ċirkustanzi, kien ikun xieraq li l‑Kummissjoni tipposponi l-laqgħat tal-Kumitat Konsultattiv, madankollu min-numru żgħir ta’ rappreżentanti tal-Istati Membri għal‑laqgħat ma jistax jiġi dedott li l-Kummissjoni f’dan il-każ ma osservatx il-formalità essenzjali ta’ konsultazzjoni mal‑Kumitat Konsultattiv.

166    Fil-fatt, qabel xejn, għandu jiġi kkonstatat li, anki jekk dan jista’ jidher mhux normali u ftit kompatibbli mal-kunċett ta’ amministrazzjoni tajba, l-ebda dispożizzjoni ma tipprevedi regola ta’ quorum għall-adozzjoni tal‑opinjoni tal-Kumitat Konsultattiv. Barra minn hekk, l-Artikolu 14(3) tar-Regolament Nru 1/2003 jipprevedi espressament li l-Kumitat Konsultattiv “[j]ista [j]wassal l-opinjoni anki jekk xi membri huma neqsin u ma humiex rappreżenta[ti]”. Sussegwentement, għandu jitfakkar li l-Kummissjoni hija obbligata li tpoġġi lill-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri f’pożizzjoni li jipparteċipaw fil-Kumitat Konsultattiv u li hija, f’dan il-każ, għamlet dak kollu meħtieġ għal dan il‑għan, peress li bagħtitilhom l-istediniet għal-laqgħat tal-Kumitat Konsultattiv tat-30 ta’ Ġunju u tas-7 ta’ Lulju 2014 kif ukoll id‑dokumenti kollha neċessarji sa mill-ftuħ tal-proċedura (ara l-punti 153 u 154 hawn fuq) u li ma tqajmet l-ebda oġġezzjoni fir-rigward tad-dati ta’ dawn il-laqgħat (ara l-punt 154 hawn fuq). Finalment, għandu jiġi enfasizzat li l-Kumitat Konsultattiv jista’ jkun forum li jikkontribwixxi għall-applikazzjoni koerenti tar-regoli tal-kompetizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, kif tipprevedi l-premessa 19 tar-Regolament Nru 1/2003, biss jekk l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri jkunu disposti li jikkooperaw fih b’mod effettiv, peress li l‑Kummissjoni ma għandha l-ebda setgħa ta’ infurzar f’dan ir-rigward.

167    Il-motiv għandu għalhekk jiġi miċħud.

3.      Fuq il-ksur tad-dritt għal rimedju effettiv, tad-drittijiet tad-difiża u tal-prinċipju ta’ opportunitajiet ugwali għall-partijiet

a)      L-argumenti tal-partijiet

[omissis]

b)      L-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali

170    Għandu jitfakkar li l-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, li llum huwa espress fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali (sentenza tat-8 ta’ Diċembru 2011, Chalkor vs Il-Kummissjoni, C‑386/10 P, EU:C:2011:815, punt 52). Dan il-prinċipju huwa magħmul minn diversi elementi, fosthom, b’mod partikolari, id-drittijiet tad-difiża, il‑prinċipju ta’ opportunitajiet ugwali għall-partijiet, id-dritt ta’ aċċess għall-qrati kif ukoll id-dritt li persuna tieħu parir, li jkollha difiża u li tkun irrappreżentata (sentenza tas-6 ta’ Novembru 2012, Otis et, C‑199/11, EU:C:2012:684, punt 48). Il-prinċipju ta’ opportunitajiet ugwali għall-partijiet, li huwa korollarju tal-kunċett stess ta’ smigħ xieraq, jimplika l-obbligu li kull parti tiġi offruta possibbiltà raġonevoli li tippreżenta l-kawża tagħha, inkluż li tipproduċi l-provi tagħha, f’kundizzjonijiet li ma jpoġġuhiex f’sitwazzjoni ta’ żvantaġġ nett meta mqabbla mal-avversarju tagħha (sentenzi tas‑6 ta’ Novembru 2012, Otis et, C‑199/11, EU:C:2012:684, punt 71, u tat-12 ta’ Novembru 2014, Guardian Industries u Guardian Europe vs Il‑Kummissjoni, C‑580/12 P, EU:C:2014:2363, punt 31).

171    Ir-rikorrenti jsostnu li r-restrizzjonijiet li għalihom huma kienu suġġetti sabiex jippreżentaw ir-rikors poġġewhom f’sitwazzjoni ta’ żvantaġġ nett meta mqabbla mal-Kummissjoni, li ma kienet suġġetta għal ebda restrizzjoni ta’ żmien jew ta’ tul sabiex tirredatta d-deċiżjoni kkontestata. Madankollu, għandu jitfakkar li mill-ġurisprudenza tal-Qorti EDB dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 6(1) tal-KEDB, li għaliha għandu jsir riferiment skont l-Artikolu 52(3) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, jirriżulta li d-dritt għal aċċess għal qorti ma huwiex assolut. L-eżerċizzju ta’ dan id-dritt huwa suġġett għal xi restrizzjonijiet, b’mod partikolari fir‑rigward tal-kundizzjonijiet ta’ ammissibbiltà ta’ rikors (sentenza tat‑28 ta’ Frar 2013, Eżami mill-ġdid Arango Jaramillo et vs BEI, C‑334/12 RX-II, EU:C:2013:134, punt 43). Jekk il-persuni kkonċernati għandhom jistennew li dawn ir-regoli ta’ ammissibbiltà tar-rikorsi jiġu applikati, l-applikazzjoni tagħhom ma għandhiex madankollu tipprekludi lill-individwi milli jeżerċitaw rimedju disponibbli (sentenza tat‑28 ta’ Frar 2013, Eżami mill-ġdid Arango Jaramillo et vs BEI, C‑334/12 RX-II, EU:C:2013:134, punt 43). Il-Qorti EDB tikkunsidra għalhekk li dawn ir-restrizzjonijiet ma għandhomx jillimitaw l-aċċess miftuħ għal parti b’mod jew sa punt illi d-dritt tiegħu għal aċċess għal qorti jirriżulta ppreġudikat fil-mertu tiegħu stess u li dawn ma jirriflettux l-Artikolu 6(1) tal-KEDB ħlief jekk għandhom għan leġittimu u jekk teżisti rabta raġonevoli ta’ proporzjonalità bejn il-motivi użati u l-għan maħsub (ara Qorti EDB, 6 ta’ Diċembru 2011, Anastasakis vs Il‑Greċja, CE:ECHR:2011:1206JUD004195908, punt 24 u l‑ġurisprudenza ċċitata).

172    Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizja, l-applikazzjoni stretta tar-regoli tal-Unjoni li jirrigwardaw it-termini ta’ proċedura jissodisfaw ir-rekwiżit ta’ ċertezza legali u l-bżonn li tiġi evitata kull diskriminazzjoni jew trattament arbitrarju fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja (ara s-sentenza tal-15 ta’ Jannar 1987, Misset vs Il-Kunsill, 152/85, EU:C:1987:10, punt 11 u l-ġurisprudenza ċċitata, u d-digriet tat‑8 ta’ Novembru 2007, Il-Belġju vs Il-Kummissjoni, C‑242/07 P, EU:C:2007:672, punt 16 u l-ġurisprudenza ċċitata) u bl-ebda mod ma taffettwa d-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva (ara, f’dan is-sens, id-digriet tas-17 ta’ Mejju 2002, Il-Ġermanja vs Il-Parlament u Il‑Kunsill, C‑406/01, EU:C:2002:304, punt 20). Kif issostni l‑Kummissjoni, il-prinċipju ta’ opportunitajiet ugwali għall-partijiet ma jirrikjedix li t-tul tal-proċedura amministrattiva u dak tat-terminu għall-preżentata ta’ rikors għal annullament ikunu identiċi. Fil-fatt, il-proċedura amministrattiva għandha l-għan li tippermetti lill-Kummissjoni li tinvestiga sabiex tistabilixxi jekk deċiżjoni li tikkonstata ksur tal‑Artikoli 101 u 102 TFUE għandhiex tiġi adottata u lill-impriżi sabiex jiżguraw id-difiża tagħhom. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li r-rispett tad-drittijiet tad-difiża jirrikjedi li l-impriża kkonċernata tkun tpoġġiet f’pożizzjoni, matul il-proċedura amministrattiva, li turi b’mod‑utli l-perspettiva tagħha dwar ir-realtà u r-rilevanza tal-fatti u taċ-ċirkustanzi allegati kif ukoll dwar id-dokumenti użati mill-Kummissjoni insostenn tal-allegazzjoni tagħha dwar l-eżistenza ta’ ksur tat-Trattat (sentenzi tas-7 ta’ Ġunju 1983, Musique Diffusion française et vs Il‑Kummissjoni, 100/80 sa 103/80, EU:C:1983:158, punt 10, u tas-7 ta’ Jannar 2004, Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, C‑204/00 P, C‑205/00 P, C‑211/00 P, C‑213/00 P, C‑217/00 P u C‑219/00 P, EU:C:2004:6, punt 66). F’dan is-sens, ir-Regolament Nru 1/2003 jipprevedi li għandha tintbagħat dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet lill‑partijiet, li għandha turi, b’mod ċar, l-elementi essenzjali kollha li fuqhom il-Kummissjoni tkun ibbażat ruħha f’dan l-istadju tal-proċedura. Madankollu, din l-indikazzjoni tista’ ssir fil-qosor u d-deċiżjoni ma għandhiex neċessarjament tkun kopja tad-dikjarazzjoni tal‑oġġezzjonijiet, għaliex din il-komunikazzjoni hija dokument preparatorju u l-evalwazzjonijiet ta’ fatt u ta’ dritt li jinsabu fih huma ta’ natura purament provviżorja. Għal din ir-raġuni, il-Kummissjoni tista’, u saħansitra għandha, tqis l-elementi li jirriżultaw mill-proċedura amministrattiva, sabiex, b’mod partikolari, tiċħad ilmenti li jidhru infondati (sentenza tas-7 ta’ Jannar 2004, Aalborg Portland et vs Il‑Kummissjoni, C‑204/00 P, C‑205/00 P, C‑211/00 P, C‑213/00 P, C‑217/00 P u C‑219/00 P, EU:C:2004:6, punt 67).

173    F’dan il-każ, hemm lok li jiġi kkonstatat li, jekk, skont id-dipożizzjonijiet tas-sitt paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE u tal-Artikolu 102(2) tar-Regoli tal-Proċedura tat-2 ta’ Mejju 1991, ir-rikorrenti kellhom terminu ta’ xahrejn u għaxart’ijiem sabiex jippreżentaw rikors kontra d-deċiżjoni kkontestata b’effett min-notifika tagħha, u jekk dan it-terminu kien jagħmel partikolarment diffiċli r-redazzjoni tar-rikors, minħabba t-tul eċċezzjonali tad-deċiżjoni kkontestata, li barra minn hekk ġiet innotifikata fil-perijodu tas-sajf, huma madankollu kellhom l-opportunità ta’ numru ta’ komunikazzjonijiet mal-Kummissjoni dwar il-kawża matul il-proċedura amministrattiva. Fil-fatt, il-Kummissjoni bagħtet talbiet għal informazzjoni lir-rikorrenti f’Jannar 2009, f’Awwissu 2009, imbagħad f’Diċembru 2009 sa Mejju 2012. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ġew mistiedna jipparteċipaw f’diversi laqgħat dwar is-sitwazzjoni attwali mill-2009 sal-2012. Fis-27 ta’ Lulju 2012, il-Kummissjoni adottat dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, li għaliha r-rikorrenti rrispondew fl‑14 ta’ Jannar 2013. Ir-rikorrenti imbagħad ippreżentaw is‑sottomissjonijiet orali tagħhom fil-15, 16, 17 u 18 ta’ April 2013, ġew organizzati laqgħat dwar is-sitwazzjoni attwali ġodda u ntbagħtu talbiet għal informazzjoni ġodda lir-rikorrenti. Fit-18 ta’ Diċembru 2013, il‑Kummissjoni tat lir-rikorrenti l-aċċess għall-provi miġbura jew żvelati b’mod iktar wiesa’ wara d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u bagħtet espożizzjoni tal-fatti, li għaliha huma rrispondew fil-31 ta’ Jannar 2014. Barra minn hekk, għandu jitfakkar li r-rikorrenti setgħu jibbenefikaw, waqt il-fażi bil-miktub tal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali, mill‑estensjonijiet tat-termini kollha li huma talbu u għalhekk, minkejja r-restrizzjonijiet partikolari li bihom kienu kkonfrontati sabiex jippreżentaw ir-rikors, b’mod ġenerali huma ma tpoġġewx f’sitwazzjoni ta’ żvantaġġ nett meta mqabbla mal-Kummissjoni fil-kuntest ta’ din l‑istanza.

174    Fir-rigward tal-tul tar-rikors, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti EDB, il-leġiżlazzjoni relatata mal-formalitajiet li għandhom jiġu osservati sabiex jiġi ppreżentat rikors hija intiża sabiex tiżgura amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja u li l-persuni kkonċernati għandhom jistennew li dawn ir-regoli jiġu applikati (Qorti EDB, 6 ta’ Diċembru 2011, Anastasakis vs Il-Greċja  CE:ECHR:2011:1206JUD004195908, punt 24). F’dak li jirrigwarda l‑proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali, għandu jiġi rrilevat li, bis-saħħa tal‑punt 15 tal-Istruzzjonijiet prattiċi lill-partijiet quddiem il-Qorti Ġenerali tal-24 ta’ Jannar 2012 (ĠU 2012, L 68, p. 23), fis-seħħ fid-data tal-preżentata tar-rikors, it-tul tar-rikors huwa, bħala regola, limitat għal 50 paġna, iżda jista’ jiġi stabbilit skont il-kumplessità fid-dritt u fil-fatt tal-kawża inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-10 ta’ April 2014, Langguth Erben vs UASI, C‑412/13 P, mhux ippubblikat, EU:C:2014:269, punt 63). Issa, f’dan il-każ, ir-rikorrenti invokaw il‑kumplessità fid-dritt tal-kawża inkwistjoni u ġew awtorizzati mill‑Qorti Ġenerali sabiex jippreżentaw rikors ta’ 186 paġna, redatt bi spazju bejn il-linji mnaqqas, akkumpanjat minn 10,158 paġni ta’ annessi. Jekk huwa veru li d-deċiżjoni kkontestata hija partikolarment twila u ripetittiva fuq ċerti aspetti, madankollu dan huwa spjegabbli, kif issostni l-Kummissjoni, bin-numru ta’ ksur li bihom ġew ikkundannati r‑rikorrenti u li jippreżentaw ċerti karatteristiċi komuni kif ukoll bl‑istandards ta’ prova rikjesti mill-ġurisprudenza tal-Unjoni fil-qasam tal-ksur tal-Artikoli 101 u 102 TFUE. Barra minn hekk, kif tfakkar il‑Kummissjoni, ir-rikorrenti kellhom l-okkażjoni li jirrispondu għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, li kienet twila 755 paġna, u pproduċew dokument ta’ iktar minn 600 paġna. Barra minn hekk, it-tul tar-rikors u n-numru ta’ motivi mqajma juru li r-rikorrenti kellhom il-ħin, ovvjament, bi sforzi li mingħajr dubju kienu kunsiderevoli, jippreparaw l‑argumentazzjoni tagħhom. Konsegwentement, ma għandhomx jallegaw li tpoġġew f’diffikultajiet insurmontabbli sabiex jiksbu aċċess għall‑Qorti Ġenerali u li tpoġġew f’sitwazzjoni ta’ żvantaġġ nett meta mqabbla mal‑Kummissjoni.

175    Fir-rigward tal-argument dwar ir-repetizzjonijiet u r-riferimenti li għamlet il-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, għandu jitfakkar li hija l-Kummissjoni, skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 296 TFUE, li għandha tesponi b’mod ċar u mingħajr ekwivoċi r-raġunament tagħha, b’tali mod li tippermetti lill-persuni kkonċernati jkunu jafu l‑ġustifikazzjonijiet tal-miżura meħuda u lill-qorti kompetenti sabiex teżerċita l-istħarriġ tagħha. Dan ir-rekwiżit ta’ motivazzjoni għandu jiġi evalwat skont iċ-ċirkustanzi tal-każ, b’mod partikolari tal-kontenut tal‑att, in-natura tal-motivi invokati u tal-interess li d-destinatarji jew persuni oħra kkonċernati direttament jew individwalment bl-att jista’ jkollhom sabiex jirċievu spjegazzjonijiet. Ma huwiex mitlub li l‑motivazzjoni tispjega l-elementi kollha ta’ fatt jew ta’ dritt rilevanti, sa fejn il-kwistjoni dwar jekk il-motivazzjoni ta’ att tissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 296 TFUE għandha tiġi evalwata mhux biss fir-rigward tal‑kliem tagħha, iżda wkoll tal-kontenut kif ukoll tar-regoli ġuridiċi kollha li jirregolaw il-qasam ikkonċernat (ara s-sentenza tas‑27 ta’ Settembru 2012, Heijmans Infrastructuur vs Il-Kummissjoni, T‑359/06, mhux ippubblikata, EU:T:2012:489, punt 133 u l‑ġurisprudenza ċċitata). Kuntrarjament għal dak li jsostnu r-rikorrenti, il‑fatt biss li l-Kummissjoni semmiet l-istess dokumenti interni diversi drabi fid-deċiżjoni kkontestata u li għamlet ħafna riferimenti għal partijiet oħra tad-deċiżjoni kkontestata ma huwiex biżżejjed sabiex jiġi stabbilit li d-deċiżjoni kkontestata ma kinitx ippermettitilhom li jkunu jafu l‑ġustifikazzjonijiet tal-miżura meħuda jew tipprekludi lill-Qorti Ġenerali milli teżerċita l-istħarriġ tagħha.

176    Fir-rigward tal-argument ibbażat fuq in-nuqqas ta’ kriterju legali ċar, ir‑rikorrenti indikaw li dan kien jikkorrispondi għal motivi oħra tar-rikors tagħhom. Għalhekk, ser tingħata risposta għal dan taħt il-motivi korrispondenti.

177    Finalment, l-argumenti li r-rikorrenti jisiltu mis-sentenzi tal-Qorti EDB tas-27 ta’ Ottubru 1993, Dombo Beheer B. V. vs Il-Pajjiżi l-Baxxi (CE:ECHR:1993:1027JUD001444888), tal-15 ta’ Lulju 2003, Ernst et vs Il-Belġju (CE:ECHR:2003:0715JUD003340096), u tat‑18 ta’ April 2006, Vezon vs Franza (CE:ECHR:2006:0418JUD006601801), lanqas ma għandhom jintlaqgħu. Fil-fatt, l-elementi fattwali u ġuridiċi ta’ dawn il-kawżi kienu differenti ferm minn dan il-każ. Fil-fatt, il-kawża li wasslet għas-sentenza tal-Qorti EDB tas-27 ta’ Ottubru 1993, Dombo Beheer B. V. vs Il-Pajjiżi l-Baxxi (CE:ECHR:1993:1027JUD001444888), li fiha l-Qorti EDB ikkonstatat ksur tal-Artikolu 6 tal-KEDB, kienet kawża bejn żewġ persuni privati li fiha waħda miż-żewġ partijiet kienet tpoġġiet f’sitwazzjoni ta’ żvantaġġ nett meta mqabbla mal-oħra, li kienet l-unika waħda li setgħet ittella’ x‑xhieda. Il-kawża li wasslet għas-sentenza tal-Qorti EDB tal‑15 ta’ Lulju 2003, Ernst et vs Il-Belġju (CE:ECHR:2003:0715JUD003340096), fejn il-Qorti EDB ikkunsidrat li ma kienx hemm ksur tal-Artikolu 6 tal-KEDB, kienet tirrigwarda l‑kwistjoni dwar jekk Stat setax joffri lil rikorrent aċċess għall-qorti limitat għal kwistjoni preliminari ta’ ammissibbiltà, minħabba li l-azzjoni tiegħu kienet kontra maġistrat li kien jibbenefika mill-immunità ta’ kawżi ġudizzjarji. Finalment, il-kawża li wasslet għas-sentenza tal-Qorti EDB tat-18 ta’ April 2006, Vezon vs Franza (CE:ECHR:2006:0418JUD006601801), kienet tirrigwarda ksur tad-dritt għal smigħ xieraq minħabba intervent leġiżlattiv li kien jirregola b’mod definittiv u retroattiv il-mertu tal-kawżi pendenti quddiem il-qrati nazzjonali, mingħajr ma kien iġġustifikat b’motiv ta’ interess ġenerali suffiċjenti.

178    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li fi kwalunkwe każ il-motiv ma huwiex fondat, anki jekk jiġi kkunsidrat bħala effettiv insostenn ta’ kritika dwar il-legalità tad-deċiżjoni kkontestata.

4.      Fuq l-iżnaturament tal-fatti

a)      L-argumenti tal-partijiet

[omissis]

b)      L-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali

184    Il-Kummissjoni tikkontesta l-ammissibbiltà ta’ dan il-motiv abbażi tad‑dispożizzjonijiet tal-Artikolu 44(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura tat‑2 ta’ Mejju 1991, applikabbli għall-każ, li jipprevedi li r-rikors għandu jkun fih is-suġġett tal-kawża u sunt tar-raġunijiet imressqa. Dawn l‑elementi għandhom ikunu ċari u preċiżi biżżejjed sabiex jippermettu lill-konvenut jipprepara d-difiża tiegħu u lill-Qorti Ġenerali tiddeċiedi dwar ir-rikors, jekk ikun il-każ, mingħajr informazzjoni oħra. Sabiex tiġi żgurata ċ-ċertezza legali u amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, huwa neċessarju, sabiex rikors ikun ammissibbli fid-dawl tad‑dispożizzjonijiet imfakkra hawn fuq, li l-elementi essenzjali tal-fatt u tad-dritt li fuqhom huwa bbażat jirriżultaw, talinqas b’mod sommarju, iżda b’mod koerenti u li jinftiehem, mir-rikors stess (digriet tat‑28 ta’ April 1993, De Hoe vs Il-Kummissjoni, T‑85/92, EU:T:1993:39, punt 20). B’mod iktar partikolari, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, jekk għandu jiġi aċċettat li d-dikjarazzjoni tal-motivi għall-ftuħ ta’ kawża ma hijiex marbuta bit‑terminoloġija u l-elenkar previsti fit-tieni paragrafu tal‑Artikolu 263 TFUE, ikun biżżejjed li dawn il-motivi għall-ftuħ ta’ kawża jiġu ppreżentati skont il-mertu tagħhom minflok skont il‑klassifikazzjoni legali tagħhom, sakemm madankollu mir-rikors ikun suffiċjentement ċar liema wieħed mill-motivi msemmija fit-Trattat qed jiġi invokat (sentenza tal‑15 ta’ Diċembru 1961, Fives Lille Cail et vs L‑Awtorità Għolja, 19/60, 21/60, 2/61 u 3/61, EU:C:1961:30, p. 588).

185    F’dan il-każ, ir-rikorrenti essenzjalment jikkritikaw lill-Kummissjoni li ma ppreżentatx ċerti fatti b’mod oġġettiv u li għamlet riferiment għal fatti mhux rilevanti sabiex tikkonstata l-eżistenza ta’ ksur. Issa, minkejja li huma jikklassifikaw dan il-motiv bħala “żnaturament tal-kuntest fattwali li fuqu huma bbażati l-prattiki li huma s-suġġett tad-deċiżjoni”, ir‑rikorrenti ma speċifikawx liema hija r-regola tad-dritt li l-ksur tagħha mill-Kummissjoni huwa tali li jikkostitwixxi l-bażi tar-rikors u l‑indikazzjonijiet li jagħtu fir-rikors tagħhom ma humiex ċari u preċiżi biżżejjed sabiex jippermettu lill-Kummissjoni tirrispondi għall‑argumenti mqajma u lill-Qorti Ġenerali teżerċita l-istħarriġ ġudizzjarju tagħha. Fil-fatt, l-argumenti li huma jiżviluppaw jistgħu jaqgħu taħt motiv ibbażat fuq żball ta’ fatt, fuq żball ta’ klassifikazzjoni ġuridika tal-fatti, fuq ksur tal-prinċipju ta’ imparzjalità jew tal-obbligu ta’ diliġenza, fuq użu ħażin ta’ poter jew inkella fuq preġudizzju għar‑reputazzjoni li jista’ jiġġustifika l-preżentata ta’ rikors għad-danni.

186    Għalhekk, dan il-motiv għandu, għal din ir-raġuni, jiġi ddikajrat inammissibli.

187    B’mod sussidjarju, il-Kummissjoni ssostni li dan il-motiv huwa inammissibbli wkoll peress li huwa biss l-aġir tar-rikorrenti li ġie kkunsidrat bħala li jikkostitwixxi ksur tal-Artikoli 101 u 102 TFUE fid‑dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata jippreġudikahom u jista’ jiġi kkontestat fil-qafas ta’ rikors ġudizzjarju.

188    Skont il-ġurisprudenza, huwa biss id-dispożittiv ta’ deċiżjoni li jista’ jipproduċi effetti ġuridiċi u jikkawża preġudizzju, u l-evalwazzjonijiet magħmula fil-motivi ta’ deċiżjoni ma jistgħux ikunu, fihom infushom, is‑suġġett ta’ rikors għal annullament. Dawn l-evalwazzjonijiet jistgħu jkunu suġġetti għall-istħarriġ ġudizzjarju tal-qorti tal-Unjoni biss meta, bħala motivi ta’ att li jikkawża preġudizzju, jikkostitwixxu l-bażi neċessarja tad-dispożittiv ta’ dan l-att (digriet tat-28 ta’ Jannar 2004, Il‑Pajjiżi l-Baxxi vs Il-Kummissjoni, C‑164/02, EU:C:2004:54, punt 21, u s-sentenza tas-17 ta’ Settembru 1992, NBV u NVB vs Il‑Kummissjoni, T‑138/89, EU:T:1992:95, punt 31) u jekk, b’mod iktar partikolari, dawn il-motivi jistgħu jbiddlu s-sustanza ta’ dak li ġie deċiż fid-dispożittiv tal-att inkwistjoni (ara s-sentenza tat-12 ta’ Ottubru 2007, Pergan Hilfsstoffe für industrielle Prozesse vs Il‑Kummissjoni, T‑474/04, EU:T:2007:306, punt 73 u l-ġurisprudenza ċċitata). F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-kontenut tal-motivi ta’ att għandu jiġi kkunsidrat sabiex jiġi stabbilit dak li ġie deċiż fid-dispożittiv (sentenzi tal‑15 ta’ Mejju 1997, TWD vs Il-Kummissjoni, C‑355/95 P, EU:C:1997:241, punt 21, u tal-20 ta’ Novembru 2002, Lagardère u Canal+ vs Il-Kummissjoni, T‑251/00, EU:T:2002:278, punt 67).

189    F’dan il-każ, għalhekk, għandu jiġi stabbilit jekk l-elementi kkritikati mir-rikorrenti u li jinsabu fil-punt 4 tad-deċiżjoni kkontestata jikkostitwixxux il-bażi neċessarja tad-dispożittiv ta’ din tal-aħħar u jekk dawn l-evalwazzjonijiet jistgħux jibdlu is-sustanza ta’ dak li ġie deċiż fl‑imsemmi dispożittiv.

190    Għandu jiġi rrilevat li l-Kummissjoni indikat, fil-premessi 85 u 110 tad‑deċiżjoni kkontestata, relatati mal-preżentazzjoni tad-diversi elementi li jikkostitwixxu l-istrateġija antiġenerika tar-rikorrenti (b’mod partikolari l-ħolqien ta’ “ċirku ta’ privattivi” bi privattivi “fittizji” u l‑passaġġ progressiv għal melħ tal-arginina), li d-deskrizzjoni tal‑prattiki li ma ġewx eżaminati fil-punti 5 (eżami tal-ftehimiet dwar soluzzjoni bonarja fir-rigward tal-Artikolu 101 TFUE) u 8 (eżami tal‑akkwist ta’ teknoloġija u tal-ftehimiet dwar soluzzjoni bonarja fir‑rigward tal‑Artikolu 102 TFUE) tad-deċiżjoni kkontestata ma kinitx tippreġudika l-legalità tagħhom fid-dawl tad-dritt tal-kompetizzjoni. Barra minn hekk, fil-premessa 2764 tad-deċiżjoni kkontestata, il‑Kummissjoni spjegat li l-ebda punt tal-istrateġija ġenerali tar‑rikorrenti “ma jista’ intrinsikament jiġi kklassifikat bħala problematiku fir-rigward tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni”. Barra minn hekk, fil‑premessi 2917 u 2960, il-Kummissjoni fakkret li, “fir-rigward tal‑abbuż minn pożizzjoni dominanti, l-għan ta’ din id-deċiżjoni huwa l‑ksur globali tal-Artikolu 102 TFUE, li jikkonsisti fit-teħid inkunsiderazzjoni b’mod globali ta’ diversi ftehimiet dwar soluzzjoni bonarja fil-qasam tal‑privattivi u tal-akkwist tat-teknoloġija ta’ Azad”. Barra minn hekk, ir‑rikorrenti stess talbu lill-Qorti Ġenerali sabiex iżżomm bħala kunfidenzjali fir-rigward tal-intervenjenti diversi siltiet tad-deċiżjoni kkontestata relatati mal-istrateġija antiġenerika tagħhom, minħabba li dawn l-elementi fattwali u l-interpretazzjoni tagħhom ma kinux jaqgħu fil-kamp ta’ oġġezzjonijiet użati fil-konfront tagħhom mill-Kummissjoni u li, li kieku jiġu żvelati lill-pubbliku, jikkawżawlhom preġudizzju serju billi jippreġudikaw il-preżunzjoni ta’ innoċenza u r-reputazzjoni tagħhom. Konsegwentement, l-elementi li jikkostitwixxu l-istrateġija antiġenerika tar‑rikorrenti li ma ġewx ikklassifikati bħala ksur mill-Kummissjoni ma ġewx meħuda inkunsiderazzjoni sabiex jissostanzjaw u jissanzjonaw il-ksur imsemmi fid-dispożittiv tad‑deċiżjoni kkontestata.

191    Madankollu, ir-rikorrenti jsostnu li fil-premessa 2766 tad-deċiżjoni kkontestata, li tinsab fil-punt 8 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni indikat li l-eżami tal-prattiki ssanzjonati fil-każ tal-Artikolu 102 TFUE “ser jieħu inkunsiderazzjoni l-kuntest fattwali kollu, inkluż il-prattiki l‑oħra li jirriżultaw minn din l-istrateġija li għalihom il-kontribuzzjoni tal‑effett ta’ esklużjoni ma hijiex stabbilita f’din id-deċiżjoni”. Barra minn hekk, fil-premessa 2772 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni indikat li l-istrateġija antiġenerika tar-rikorrenti, deskritta fil-punt 4 tal‑imsemmija deċiżjoni, u b’mod partikolari l-ħolqien ta’ ċirku ta’ privattivi, kienet tikkostitwixxi “elementi fattwali sinjifikattivi li jippermettu li jiġi spjegat, pereżempju waqt l-eżami tal-effetti ta’ esklużjoni antikompetittivi tal-aġir ta’ Servier, għaliex il-grad ta’ kompetizzjoni (potenzjali) għall-provvista ta’ perindopril ġeneriku kien partikolarment limitat”.

192    Fir-risposta tagħha, il-Kummissjoni ssostni li hija kienet obbligata tesponi, fid-deċiżjoni kkontestata, prattiki li jaqgħu fl-istrateġija antiġenerika tar-rikorrenti li iżda ma ġewx ikklassifikati bħala ksur tal‑Artikoli 101 u 102 TFUE, sabiex tkun tista’ teżamina l-ksur fil‑kuntest ġuridiku, ekonomiku u fattwali tagħhom. Waqt is-seduta, il‑Kummissjoni insistiet dwar l-importanza ta’ dan il-punt 4 tad-deċiżjoni kkontestata sabiex tinftiehem l-istrateġija globali ta’ Servier fir-rigward tal-kumpanniji ta’ ġeneriċi u l-portata tal-prattiki tiegħu fis-suq, filwaqt li ddistingwiet bejn il-kuntest fattwali ta’ dawn il-prattiki, spjegati b’mod partikolari fl-imsemmi punt 4, u n-natura tal-ksur tagħhom. Din id-distinzjoni saret b’mod ċar fil-premessa 2766 tad-deċiżjoni kkontestata.

193    Huwa veru li, skont ġurisprudenza stabbilita, sabiex jiġi evalwat jekk ftehim bejn impriżi jippreżentax grad suffiċjenti ta’ dannu sabiex jiġi kkunsidrat bħala restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan fis-sens tal-Artikolu 101(1) TFUE, jeħtieġ li jiġi kkunsidrat b’mod partikolari l-kuntest ekonomiku u ġuridiku li jkun jeżisti fih (ara s‑sentenza tas-16 ta’ Lulju 2015, ING Pensii, C‑172/14, EU:C:2015:484, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata). Sabiex jiġi evalwat il-ftehim inkwistjoni, għandu jitiqiegħed fil-kuntest ekonomiku u ġuridiku li fid‑dawl tiegħu l-partijiet ikkonkludewh, mingħajr ma dan jista’ jiġi kkunsidrat bħala indħil f’atti jew f’sitwazzjonijiet ġuridiċi li ma humiex is-suġġett tal-proċedura quddiem il-Kummissjoni (sentenza tat‑13 ta’ Lulju 1966, Consten u Grundig vs Il-Kummissjoni, 56/64 u 58/64, EU:C:1966:41, p. 497). Fil-kuntest ta’ din l-evalwazzjoni tal‑kuntest ġuridiku u ekonomiku, hemm lok ukoll li tittieħed inkunsiderazzjoni n-natura tal-prodotti jew tas-servizzi affettwati kif ukoll il-kundizzjonijiet reali tal-funzjonament u tal-istruttura tas-suq jew tas-swieq inkwistjoni (ara s-sentenzi tal‑11 ta’ Settembru 2014, CB vs Il‑Kummissjoni, C-67/13 P, EU:C:2014:2204, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tad‑19 ta’ Marzu 2015, Dole Food u Dole Fresh Fruit Europe vs Il‑Kummissjoni, C‑286/13 P, EU:C:2015:184, punt 117 u l‑ġurisprudenza ċċitata).

194    Bl-istess mod, fil-kuntest tal-eżami tagħha tal-aġir ta’ impriża f’pożizzjoni dominanti u għall-finijiet tal-identifikazzjoni ta’ eventwali abbuż minn tali pożizzjoni, il-Kummissjoni hija obbligata tikkunsidra ċ‑ċirkustanzi fattwali kollha rilevanti li jikkaratterizzaw l-imsemmi aġir (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-15 ta’ Marzu 2007, British Airways vs Il‑Kummissjoni, C‑95/04 P, EU:C:2007:166, punt 67, u tas‑27 ta’ Marzu 2012, Post Danmark, C‑209/10, EU:C:2012:172, punt 26). Barra minn hekk, f’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, meta l-Kummissjoni twettaq evalwazzjoni tal-aġir ta’ impriża f’pożizzjoni dominanti, peress li dan l-eżami huwa indispensabbli għall‑finijiet tal‑konklużjoni dwar l-eżistenza ta’ abbuż minn tali pożizzjoni, hija għandha tevalwa l-istrateġija kummerċjali tal-imsemmija impriża. F’dan il-kuntest, jidher li huwa normali li l‑Kummissjoni tevoka fatturi ta’ natura suġġettiva, bħalma huma l-motivi li fuqhom hija bbażata l-istrateġija kummerċjali inkwistjoni (sentenza tad‑19 ta’ April 2012, Tomra Systems et vs Il-Kummissjoni, C‑549/10 P, EU:C:2012:221, punt 19).

195    Mill-punt 193 u 194 hawn fuq jirriżulta li, jekk il-Kummissjoni hija obbligata tikkunsidra l-kuntest li fih jaqa’ l-aġir ta’ impriża sabiex tevalwa l-kompatibbiltà tiegħu mal-Artikoli 101 u 102 TFUE, madankollu dan it-teħid inkunsiderazzjoni ma għandux iwassalha sabiex tiddeduċi jew issaħħaħ il-konstatazzjoni ta’ ksur minn aġir separat ikkunsidrat kuntrarju jew ftit li xejn konformi mad-dritt tal-kompetizzjoni, mingħajr ma dan l-aġir fih innifsu ma jiġi kklassifikat bħala ksur.

196    F’dan il-każ, mid-deċiżjoni kkontestata (ara l-punt 190 hawn fuq) jirriżulta li l-elementi li jikkostitwixxu l-istrateġija antiġenerika tar‑rikorrenti, imsemmija fil-punt 4 tad-deċiżjoni kkontestata u li jippreżentaw b’mod negattiv l-aġir ta’ Servier, ma ġewx ikklassifikati bħala ksur mill-Kummissjoni u ma ġewx ikkunsidrati sabiex il-prattiki li hija ssanzjonat permezz ta’ multa jiġu kklassifikati bħala ksur. Li kieku l-Kummissjoni kienet effettivament ħadithom inkunsiderazzjoni sabiex tikklassifika bħala ksur il-prattiki issanzjonati, hija kienet tiġi kkritikata li kkonstatat ksur parzjalment abbażi ta’ suspetti jew ta’ dikjarazzjonijiet li kienu jwasslu għal aġir ieħor minbarra s-sempliċi prattiki li hija ddeċidiet li tissanzjona. Tali approċċ jista’ jwassal sabiex l-allegata reputazzjoni ħażina ta’ impriża, dedotta minn sempliċi allegazzjonijiet jew fatti li ma humiex stabbiliti b’mod ċar, tiġi analizzata bħala parametru ta’ eżami tal-prattiki antikompetittivi li dwarhom hija kkritikata. Issa, l‑imparzjalità u l-oġġettività li għandhom jirregolaw il‑klassifikazzjoni mill‑Kummissjoni tal-ksur u r-ripressjoni tagħhom kif ukoll id-dritt għall-osservanza tal-preżunzjoni ta’ innoċenza jeskludu, bħala regola, dan it-tip ta’ preżunzjonijiet. L-ambigwità li għandha l‑Kummissjoni dwar il-portata ta’ dawn l-elementi li jikkritikaw ferm l‑attitudni ta’ Servier, esposti fil-punt 4 tad-deċiżjoni kkontestata, li hija tallega fl-istess ħin li huma importanti fl-analiżi tagħha u li ma għandhomx jagħtu lok għal kontestazzjoni quddiem il-qorti, turi dubji li jistgħu jqajmu dawn il-motivi tad-deċiżjoni kkontestata.

197    Fl-aħħar nett, għandu jiġi ppreċiżat li, anki jekk id-diversi aspetti tal‑istrateġija globali antiġenerika tar-rikorrenti jinsabu fost id-diversi elementi li jikkostitwixxu l-kuntest tal-ksur ikkonstatati fid-deċiżjoni kkontestata, madankollu dawn l-evalwazzjonijiet ma jidhrux bħala li jistgħu jibdlu l‑mertu tad-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, għandu jitfakkar li t-teħid inkunsiderazzjoni tal-kuntest fit-tfittxija tal‑għan antikompetittiv bl-ebda mod ma jista’ jegħleb in-nuqqas ta’ identifikazzjoni effettiva ta’ għan antikompetittiv (konklużjonijiet tal‑Avukat Ġenerali Wahl fil-Kawża CB vs Il-Kummissjoni, C‑67/13 P, EU:C:2014:1958, punt 44). Bl-istess mod, fir-rigward tal‑Artikolu 102 TFUE, jekk il-Kummissjoni hija obbligata li tikkunsidra ċ-ċirkustanzi fattwali rilevanti kollha li jikkaratterizzaw l-aġir inkwistjoni sabiex tidentifika eventwali abbuż minn pożizzjoni dominanti, madankollu, l-eżistenza tal-possibbiltà ta’ intenzjoni antikompettiva tikkostitwixxi biss waħda min-numru ta’ ċirkustanzi fattwali li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet tad-determinazzjoni ta’ abbuż minn tali pożizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ April 2012, Tomra Systems et vs Il-Kummissjoni, C‑549/10 P, EU:C:2012:221, punt 18 sa 20).

198    Konsegwentement, u fi kwalunkwe każ, dan il-motiv għandu jiġi miċħud bħala ineffettiv, peress li huwa indirizzat kontra motivi tad-deċiżjoni kkontestata li ma jirrigwardawx l-aġir u l-prattiki tar-rikorrenti li jikkostitwixxu ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni u ssanzjonati mill‑imsemmija deċiżjoni. Madankollu għandu jiġi rrilevat li numru ta’ elementi fattwali kkritikati mir-rikorrenti taħt dan il-motiv (b’mod partikolari l-akkwist ta’ teknoloġiji alternattivi u l-ftehimiet dwar soluzzjoni bonarja dwar it-tilwimiet fil-qasam tal-privattivi) huma direttament marbuta mal-prattiki kklassifikati bħala ksur mill‑Kummissjoni u huma wkoll riprodotti taħt motivi oħra, kif issostni l-Kummissjoni fir-risposta tagħha. Dawn l-elementi, li b’hekk jistgħu jkunu rilevanti, ser jiġu eżaminati waqt l-analiżi tal-imsemmija motivi.

5.      Fuq l-iżbalji ta’ liġi relatati mad-definizzjoni tal-kunċett ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan

[omissis]

1        Permezz ta’ dan il-motiv, ir-rikorrenti u l-intervenjenti jsostnu li l‑Kummissjoni kkommettiet żbalji ta’ liġi meta kklassifikat bħala restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni minħabba l-għan il-ftehimiet dwar soluzzjoni bonarja dwar it-tilwimiet fil-qasam tal-privattivi u li hija interpretat b’mod żbaljat il-portata tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali li jikkostitwixxu l-privattivi. Konsegwentement, hija l-Qorti Ġenerali li għandha tistabbilixxi jekk tali ftehimiet dwar soluzzjoni bonarja jistgħux jikkostitwixxu restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan, u taħt liema kundizzjonijiet, filwaqt li jiġi eżaminat jekk, fl-analiżi tagħha, il‑Kummissjoni interpretatx ħażin il-portata tal-privattivi.

2        F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, fid-deċiżjoni kkontestata, il‑Kummissjoni analizzat il-mod kif, fl-opinjoni tagħha, il-ftehimiet dwar soluzzjoni bonarja dwar it-tilwimiet fil-qasam tal-privattivi għandhom jiġu evalwati fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 101(1) TFUE u, b’mod partikolari, il-possibbiltà li tali ftehimiet jiġu kklassifikati bħala restrizzjonijiet minħabba l-għan (premessi 1102 sa 1155 tad-deċiżjoni kkontestata).

3        Essenzjalment, filwaqt li rrikonoxxiet, b’mod ġenerali, id-dritt tal-impriżi li jirregolaw kawża b’mod bonarju, inkluż meta tkun tirrigwarda privattivi (premessa 1118 tad-deċiżjoni kkontestata), il-Kummissjoni kkunsidrat li l-ftehimiet dwar soluzzjoni bonarja fil-qasam tal-privattivi għandhom jirrispettaw id-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni u, b’mod speċjali, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 101(1) TFUE (ara b’mod partikolari l-premessi 1119, 1122 u 1123 tad-deċiżjoni kkontestata).

4        Il-Kummissjoni kkunsidrat ukoll il-kuntest partikolari li fih, fis-settur farmaċewtiku, hija eżerċitata l-kompetizzjoni bejn il-kumpanniji ta’ verżjonijiet tal-bidu u l-kumpanniji ta’ ġeneriċi. Hija rrilevat b’mod partikolari l-importanza, f’dan is-settur, tal-kontestazzjoni tal-privattivi (premessi 1125 sa 1132 tad-deċiżjoni kkontestata).

5        Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, il-Kummissjoni qieset li, bħala regola, jista’ jkun iġġustifikat għall-partijiet li jikkonkludu ftehim dwar soluzzjoni bonarja sabiex tintemm kawża u anki li jiġu inklużi f’dan il‑ftehim klawżoli ta’ nuqqas ta’ kummerċjalizzazzjoni u ta’ nuqqas ta’ kontestazzjoni (premessi 1133 u 1136 tad-deċiżjoni kkontestata).

6        Madankollu, il-Kummissjoni kkunsidrat li, skont iċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, ftehim dwar soluzzjoni bonarja fil-qasam tal‑privattivi li permezz tiegħu kumpannija ta’ ġeneriċi taċċetta restrizzjonijiet tal-kapaċità tagħha u tal-inċentivi tagħha sabiex tikkompeti mal-kompetituri tagħha inkontrakambju għal trasferiment ta’ valur, taħt il-forma ta’ pagament ta’ somma flus sinjifikattiva jew inċentiv ieħor sinjifikattiv, jista’ jikkostitwixxi restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan bi ksur tal-Artikolu 101 TFUE (premessa 1134 tad‑deċiżjoni kkontestata). Fil-fatt, f’tali każ, ir-rinunzja tal-kumpannijia ta’ ġeneriċi għall-isforzi indipendenti tagħha sabiex tidħol fis-suq ma tirriżultax mill-evalwazzjoni mill-partijiet tal-mertu tal-privattiva iżda mit-trasferiment ta’ valur mill-kumpannija ta’ verżjonijiet tal-bidu lill‑kumpannija ta’ ġeneriċi (premessa 1137 tad-deċiżjoni kkontestata) u, għalhekk, ta’ pagament ta’ esklużjoni li jikkostitwixxi xiri tal‑kompetizzjoni (premessa 1140 tad-deċiżjoni kkontestata).

7        Konsegwentement, il-Kummissjoni ddikjarat li, sabiex tevalwa jekk il‑ftehimiet dwar soluzzjoni bonarja inkwistjoni kinux jikkostitwixxu jew le restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni minħabba l-għan, hija kellha tipproċedi b’analiżi każ b’każ tal-fatti relatati ma’ kull ftehim. Għal dan il-għan, hija spjegat li ser tiffoka b’mod iktar partikolari sabiex tistabbilixxi, l-ewwel nett, jekk “il-kumpannija ta’ ġeneriċi u l-kumpannija ta’ verżjonijiet tal‑bidu kinux kompetituri, talinqas potenzjali”, it-tieni nett, jekk “il‑kumpannija ta’ ġeneriċi kinitx daħlet fi ftehim sabiex tillimita, għall‑perijodu tal‑ftehim, l-isforzi indipendenti tagħha sabiex tidħol f’suq jew diversi swieq tal-[Unjoni] bi prodott ġeneriku” u t-tielet nett, jekk “il‑ftehim kienx marbut ma’ trasferiment ta’ valur mill-kumpannija ta’ verżjonijiet tal-bidu li kien jirrappreżenta inċentiv sinjifikattiv li jnaqqas b’mod sostanzjali l-inċentivi tal-kumpannija ta’ ġeneriċi sabiex tkompli l-isforzi indipendenti tagħha sabiex tidħol f’suq jew diversi swieq tal‑[Unjoni] bi prodott ġeneriku” (premessa 1154 tad-deċiżjoni kkontestata).

8        Il-Kummissjoni sussegwentement applikat it-tliet kriterji elenkati fil‑punt 217 hawn fuq għal kull ftehim dwar soluzzjoni bonarja inkwistjoni u kkonkludiet, għal kull wieħed minn dawn il-ftehimiet, li dawn it-tliet kriterji kienu ssodisfatti u li, konsegwentement, l-imsemmija ftehimiet kellhom jiġu kklassifikati, b’mod partikolari, bħala restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni minħabba l-għan.

a)      Fuq in-natura restrittiva minħabba l-għan tal-ftehimiet dwar soluzzjoni bonarja fil-qasam tal-privattivi

1)      Fuq ir-restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni minħabba l-għan

9        L-Artikolu 101(1) TFUE jipprevedi li huma inkompatibbli mas-suq intern u pprojbiti l-akkordji kollha bejn impriżi, id-deċiżjonijiet kollha ta’ assoċjazzjonijiet bejn impriżi u l-prattiċi kollha miftiehma li “jkollhom bħala għan jew riżultat tagħhom” il-prevenzjoni, ir-restrizzjoni jew id‑distorsjoni tal-kompetizzjoni fi ħdan is-suq intern. Skont ġurisprudenza stabbilita sa mis-sentenza tat-30 ta’ Ġunju 1966, LTM (56/65, EU:C:1966:38, p. 359), in-natura alternattiva ta’ dawn il‑kundizzjonijiet, indikata bl-użu tal-konġunzjoni “jew”, twassal sabiex l‑ewwel nett jiġi kkunsidrat l-għan innifsu tal-ftehim, fid-dawl tal-kuntest ekonomiku li fih huwa għandu jiġi applikat. Madankollu, fil-każ fejn mill‑analiżi tal-kontenut tal-ftehim ma jirriżultax grad suffiċjenti ta’ dannu fir-rigward tal-kompetizzjoni, għandhom jiġu eżaminati l-effetti tiegħu u, sabiex dan ikun ipprojbit, għandu jkun jissodisfa l-elementi li jistabbilixxu li l‑kompetizzjoni tkun effettivament ġiet jew ostakolata, jew ristretta jew inkella distorta b’mod kunsiderevoli (ara s-sentenzi tad‑19 ta’ Marzu 2015, Dole Food u Dole Fresh Fruit Europe vs Il‑Kummissjoni, C‑286/13 P, EU:C:2015:184, punt 116 u l‑ġurisprudenza ċċitata, u tas-16 ta’ Lulju 2015, ING Pensii, C‑172/14, EU:C:2015:484, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata). Għall-kuntrarju, meta jiġi stabbilit l-għan antikompetittiv ta’ ftehim, ma jkunx hemm lok li jiġu eżaminati l-effetti tiegħu fuq il-kompetizzjoni (ara s-sentenza tal‑20 ta’ Jannar 2016, Toshiba Corporation vs Il-Kummissjoni, C‑373/14 P, EU:C:2016:26, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata). B’hekk, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni korrettament fakkret li, minn naħa waħda, l-għan u l-effett antikompetittiv ta’ ftehim kienu jikkostitwixxu kundizzjonijiet alternattivi u mhux kumulattivi sabiex jiġi evalwat jekk ftehim kienx jaqa’ fil-projbizzjoni stabbilita fl‑Artikolu 101(1) TFUE (premessa 1109) u, min-naħa l-oħra, li ma kienx meħtieġ li jintwerew l-effetti antikompetittivi konkreti ta’ aġir peress li l-għan antikompetittiv ta’ dan tal-aħħar kien stabbilit (premessa 1112).

10      Il-kunċett ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan jista’ jiġi applikat biss għal ċerti tipi ta’ koordinazzjoni bejn impriżi li, min-natura tagħhom stess, juru grad suffiċjenti ta’ dannu fir-rigward tal‑funzjonament tajjeb tal-kompetizzjoni sabiex ikun jista’ jitqies li l-eżami tal-effetti tagħhom ma huwiex neċessarju (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑30 ta’ Ġunju 1966, LTM, 56/65, EU:C:1966:38, p. 359; tal‑11 ta’ Settembru 2014, CB vs Il-Kummissjoni, C‑67/13 P, EU:C:2014:2204, punt 49, 50 u 58 u l-ġurisprudenza ċċitata; tas‑16 ta’ Lulju 2015, ING Pensii, C‑172/14, EU:C:2015:484, punt 31, u tas-26 ta’ Novembru 2015, Maxima Latvija, C‑345/14, EU:C:2015:784, punt 20).

11      Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex jiġi evalwat jekk ftehim bejn impriżi jippreżentax grad suffiċjenti ta’ dannu sabiex jiġi kkunsidrat bħala restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan fis-sens tal-Artikolu 101(1) TFUE jeħtieġ li jiġi kkunsidrat il-kontenut tad‑dispożizzjonijiet tiegħu, l-għanijiet li huwa maħsub li jikseb kif ukoll il‑kuntest ekonomiku u ġuridiku li jkun jeżisti fih (ara s-sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2015, ING Pensii, C‑172/14, EU:C:2015:484, punt 33 u l‑ġurisprudenza ċċitata). Fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-kuntest ġuridiku u ekonomiku, hemm lok ukoll li tittieħed inkunsiderazzjoni n-natura tal‑prodotti jew tas-servizzi affettwati kif ukoll il-kundizzjonijiet reali tal‑funzjonament u tal-istruttura tas-suq jew tas-swieq inkwistjoni (ara s‑sentenza tad-19 ta’ Marzu 2015, Dole Food u Dole Fresh Fruit Europe vs Il-Kummissjoni, C‑286/13 P, EU:C:2015:184, punt 117 u l‑ġurisprudenza ċċitata). Madankollu, għandu jitfakkar li l-eżami tal‑kundizzjonijiet reali tal-funzjonament u tal-istruttura tas-suq inkwistjoni ma għandux iwassal lill-Qorti Ġenerali sabiex tevalwa l‑effetti tal-koordinazzjoni kkonċernata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ Settembru 2014, CB vs Il-Kummissjoni, C‑67/13 P, EU:C:2014:2204, punti 72 sa 82), għaliex inkella titlef l-effett utli tad‑distinzjoni prevista bid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 101(1) TFUE.

12      Barra minn hekk, minkejja li l-intenzjoni tal-partijiet ma tikkostitwixxix fattur neċessarju sabiex jiġi ddeterminat jekk tip ta’ koordinazzjoni bejn impriżi huwiex restrittiv, ma hemm xejn li jipprekludi lill-awtoritajiet tal‑kompetizzjoni jew lill-qrati nazzjonali jew tal-Unjoni milli jieħdu tali fattur inkunsiderazzjoni (ara s-sentenza tad-19 ta’ Marzu 2015, Dole Food u Dole Fresh Fruit Europe vs Il-Kummissjoni, C‑286/13 P, EU:C:2015:184, punt 118 u l-ġurisprudenza ċċitata). Madankollu, is‑sempliċi fatt li ftehim isegwi wkoll għanijiet leġittimi ma huwiex biżżejjed sabiex ma jiġix ikklassifikat bħala restrizzjoni tal‑kompetizzjoni minħabba l-għan (sentenza tal-20 ta’ Novembru 2008, Beef Industry Development Society u Barry Brothers, C‑209/07, EU:C:2008:643, punt 21; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑8 ta’ Novembru 1983, IAZ International Belgium et vs Il‑Kummissjoni, 96/82 sa 102/82, 104/82, 105/82, 108/82 u 110/82, EU:C:1983:310, punt 25, u tas‑6 ta’ April 2006, General Motors vs Il‑Kummissjoni, C‑551/03 P, EU:C:2006:229, punt 64).

13      Ir-rikorrenti jikkritikaw lill-Kummissjoni li kkommettiet żball ta’ liġi meta kkunsidrat li s-sempliċi fatt li ftehim jista’ jkollu impatt negattiv fuq il-kompetizzjoni kien biżżejjed sabiex jiġi kklassifikat bħala restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan. Huwa veru li, fil-premessa 1111 tad‑deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni indikat, filwaqt li ċċitat il‑ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (sentenzi tal-4 ta’ Ġunju 2009, T‑Mobile Netherlands et, C‑8/08, EU:C:2009:343, punt 31, u tal‑14 ta’ Marzu 2013, Allianz Hungária Biztosító et, C‑32/11, EU:C:2013:160, punti 35 sa 38), li, “sabiex ftehim ikollu għan antikompetittiv, huwa biżżejjed li jkun jista’ jipproduċi effetti negattivi fuq il-kompetizzjoni” u li “fi kliem ieħor, il-ftehim għandu jkun jista’ b’mod konkret, u fid-dawl tal-kuntest ġuridiku u ekonomiku li fih jidħol, jipprevjeni, jirrestrinġi jew joħloq distorsjoni fis-suq komuni”.

14      F’dan ir-rigward, qabel xejn, għandu jiġi rrilevat li l-Kummissjoni, fid‑deċiżjoni kkontestata, fakkret korrettament fil-ġurisprudenza relatata mad-definizzjoni tar-restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni minħabba l-għan li tinsab fil-punti 219 sa 222 hawn fuq. Fil-fatt mill-premessi 1109 u 1110, 1112 sa 1117 u 1211 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l‑Kummissjoni fakkret din il-ġurisprudenza mingħajr ma kkommettiet żball ta’ liġi u li hija applikatha fl-analiżi ta’ kull ftehim (ara, b’mod partikolari, il-premessi 1369 sa 1375, 1475 sa 1481, 1622 sa 1627, 1763, 1804 sa 1810 u 1994 sa 2000 tad-deċiżjoni kkontestata). Ma tagħmilx differenza li l-Kummissjoni ma użatx it-termini “grad suffiċjenti ta’ dannu” fid-deċiżjoni kkontestata, peress li mill-imsemmija deċiżjoni jirriżulta li hija applikat b’mod korrett il-kunċett ta’ restrizzjoni tal‑kompetizzjoni minħabba l-għan. B’mod partikolari, hija indikat, fil‑premessi 1110 u 1113 tal-imsemmija deċiżjoni, li dawn ir‑restrizzjonijiet kienu dawk li “min-natura tagħhom setgħu jkunu ta’ dannu għall‑funzjonament tajjeb tal-kompetizzjoni”, li, “sabiex jiġi evalwat jekk ftehim jikkostitwixxix restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l‑għan, għandu jiġi analizzat inter alia l-kontenut tad‑dispożizzjonijiet tiegħu, l-għanijiet li huwa maħsub li jikseb kif ukoll il-kuntest ekonomiku u ġuridiku li jkun jeżisti fih” u li, “sabiex jiġi stabbilit dan il-kuntest, hemm lok ukoll li tittieħed inkunsiderazzjoni n-natura tal-prodotti u tas-servizzi affettwati kif ukoll il-kundizzjonijiet reali tal-funzjonament u l-istruttura tas-suq jew tas-swieq inkwistjoni”. Hija ġustament fakkret ukoll li “minkejja li l-intenzjoni tal-partijiet ma tikkostitwixxix fattur neċessarju sabiex tiġi ddeterminata n-natura restrittiva tal-kompetizzjoni minħabba l-għan ma hemm xejn li kien jipprekludi lill-Kummissjoni jew lill-qrati tal-Unjoni milli jieħdu tali fattur inkunsiderazzjoni” (premessa 1113 tad-deċiżjoni kkontestata).

15      Sussegwentement, għandu jiġi enfasizzat li, fil-punt 31 tas-sentenza tal‑4 ta’ Ġunju 2009, T-Mobile Netherlands et (C‑8/08, EU:C:2009:343), riprodott fil-punt 38 tas-sentenza tal-14 ta’ Marzu 2013, Allianz Hungária Biztosító et (C‑32/11, EU:C:2013:160), il-Qorti tal-Ġustizzja ma kellhiex il-ħsieb li tiddikjara li ftehim li jikkawża ftit dannu u li jista’ bħala konsegwenza eventwalment ikollu impatt negattiv fuq il‑kompetizzjoni seta’ jikkostitwixxi restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan, iżda biss, minn naħa waħda, li l-identifikazzjoni tal‑effetti konkreti ta’ ftehim fuq il-kompetizzjoni ma kinitx rilevanti fl‑analiżi tar-restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan u li, min‑naħa l-oħra, is-sempliċi fatt li ftehim ma kienx ġie implimentat ma għandux jipprekludi milli jiġi kklassifikat bħala restrizzjoni tal‑kompetizzjoni minħabba l-għan. Il-qari tal-punt 31 tas-sentenza tal‑4 ta’ Ġunju 2009, T-Mobile Netherlands et (C‑8/08, EU:C:2009:343), magħmul b’mod partikolari fid-dawl tal‑punti 29 u 30 tagħha u tal‑punt 46 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott f’din il-kawża, li għalih tirreferi espressament is-sentenza, u tal-punt 47 ta’ dawn il‑konklużjonijiet jippermetti, effettivament, li jitpoġġa fil-kuntest tad‑distinzjoni bejn ir-restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni minħabba l-effett u dawk minħabba l-għan.

16      Konsegwentement, l-argumenti tar-rikorrenti li l-Kummissjoni kkommettiet żball ta’ liġi fil-premessa 1111 tad-deċiżjoni kkontestata għandhom jiġu miċħuda.

17      Barra minn hekk, ir-rikorrenti u l-intervenjenti jsostnu, filwaqt li jirreferu għas-sentenza tal-11 ta’ Settembru 2014, CB vs Il‑Kummissjoni (C‑67/13 P, EU:C:2014:2204), li l-kunċett ta’ ksur minħabba l-għan għandu jiġi interpretat b’mod ristrett, kuntrarjament għall-approċċ użat mill‑Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata.

18      F’dan ir-rigward, għandu qabel xejn jitfakkar li fis-sentenza tal‑11 ta’ Settembru 2014, CB vs Il-Kummissjoni (C‑67/13 P, EU:C:2014:2204, punt 58), il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li l-kunċett ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan seta’ jiġi applikat biss għal ċerti tipi ta’ koordinazzjoni bejn impriżi li juru grad suffiċjenti ta’ dannu fir-rigward tal-kompetizzjoni sabiex ikun jista’ jitqies li l-eżami tal-effetti tagħhom ma huwiex neċessarju u mhux għal ftehimiet li fir‑rigward tagħhom xejn ma huwa stabbilit li dawn huma, min-natura tagħhom stess, ta’ ħsara għall-funzjonament tajjeb tal-kompetizzjoni. Konsegwentement, hija kkritikat bħala żball ta’ liġi d-dikjarazzjoni tal‑Qorti Ġenerali li ma kienx hemm lok li l-kunċett ta’ ksur minħabba l‑għan jiġi interpretat b’mod ristrettiv. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ma kkontestatx il-ġurisprudenza li tipprevedi li t-tipi ta’ ftehimiet imsemmija fl-Artikolu 101(1)(a) sa (e) TFUE ma jiffurmawx lista eżawrjenti ta’ kollużjonijiet ipprojbiti (sentenzi tal‑20 ta’ Novembru 2008, Beef Industry Development Society u Barry Brothers, C‑209/07, EU:C:2008:643, punt 23; ara wkoll, f’dan is-sens, is‑sentenza tal-11 ta’ Settembru 2014, CB vs Il-Kummissjoni, C‑67/13 P, EU:C:2014:2204, punt 58), konstatazzjoni li tirriżulta mill-użu tat‑terminu “partikolarment” fl-Artikolu 101(1) TFUE (konklużjonijiet tal‑Avukat Ġenerali Trstenjak fil-Kawża Beef Industry Development Society u Barry Brothers, C‑209/07, EU:C:2008:467, punt 46).

19      Sussegwentement, għandu jiġi rrilevat li f’dan il-każ, il-Kummissjoni użat approċċ konformi mas-sentenza tal-11 ta’ Settembru 2014, CB vs Il‑Kummissjoni (C‑67/13 P, EU:C:2014:2204), billi analizzat il-ftehimiet ikkontestati fir-rigward tal-kriterji mfakkra fil-punt 219 sa 222 hawn fuq (ara l-punt 224 hawn fuq), kriterji li huma bħala tali restrittivi, peress li jippresupponu l-identifikazzjoni ta’ grad suffiċjenti ta’ dannu. Kuntrarjament għal dak li jsostnu r-rikorrenti u l-intervenjenti, l-analiżi tal-Kummissjoni ma kellhiex tkun, a priori, ikkundizzjonata b’approċċ iktar restrittiv minn dak implikat mill-kriterji tal-kunċett ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan, iżda kellha tippresupponi l‑identifikazzjoni ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni li tippreżenta grad suffiċjenti ta’ dannu jew, fin-nuqqas, l-analiżi tal-effetti antikompetittivi konkreti tal-ftehimiet ikkontestati.

20      Barra minn hekk, ir-rikorrenti jsostnu li n-nuqqas ta’ preċedent jipprekludi kull klassifikazzjoni ta’ restrizzjoni minħabba l-għan u jsostnu li l-ex Kap tal-Unità inkarigat mill-kawża pubblikament irrikonoxxa n-nuqqas ta’ preċedent tagħha, kif ammettiet il‑Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata stess. Madankollu, għandu jitfakkar li l-prattiki li jinsabu fl-Artikolu 101(1)(a) sa (e) TFUE ma jikkostitwixxux lista eżawrjenti ta’ kollużjonijiet ipprojbiti (sentenza tal‑20 ta’ Novembru 2008, Beef Industry Development Society u Barry Brothers, C‑209/07, EU:C:2008:643, punt 23) u li, anki jekk l-esperjenza miksuba tista’ mingħajr dubju tikkonferma n-natura li intrinsikament tikkawża danni għall-kompetizzjoni ta’ ċerti tipi ta’ kooperazzjoni (sentenza tal‑11 ta’ Settembru 2014, CB vs Il-Kummissjoni, C‑67/13 P, EU:C:2014:2204, punt 51), il-fatt li l-Kummissjoni, fil-passat, ma kkunsidratx li ftehim ta’ tip partikolari kien, mill-għan tiegħu stess, jirrestrinġi l-kompetizzjoni, fih innifsu ma jipprekludihiex milli fil-futur tagħmel dan wara eżami individwali u ddettaljat tal-miżuri kkontestati (ara s-sentenza tat-8 ta’ Settembru 2016, Lundbeck vs Il-Kummissjoni, T‑472/13, taħt appell, EU:T:2016:449, punt 438 u l-ġurisprudenza ċċitata).

21      Bl-istess mod, kuntrarjament għal dak li jsostnu r-rikorrenti, is-sempliċi fatt li approċċ każ b’każ ikun neċessarju sabiex tiġi identifikata restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan ma jipprekludix li tintuża tali klassifikazzjoni. Fil-fatt, il-ġurisprudenza ma tirrikjedix li ftehim għandu jkun ta’ dannu suffiċjenti għall-kompetizzjoni mal-ewwel daqqa ta’ għajn jew mingħajr l-ebda dubju, mingħajr ma l-Kummissjoni jew il‑qorti tal‑Unjoni twettaq eżami individwali u konkret tal-kontenut tiegħu, tal-għan tiegħu u tal-kuntest ekonomiku u ġuridiku tiegħu, sabiex ikun jista’ jiġi kklassifikat bħala restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l‑għan fis-sens tal-Artikolu 101(1) TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-14 ta’ Marzu 2013, Allianz Hungária Biztosító et, C‑32/11, EU:C:2013:160, punt 51, u tat-8 ta’ Settembru 2016, Lundbeck vs Il‑Kummissjoni, T‑472/13, taħt appell, EU:T:2016:449, punt 775).

22      Barra minn hekk, ir-rikorrenti u l-intervenjenti jallegaw li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata b’kontradizzjoni tal-motivi, peress li fil‑premessa 2764 huwa indikat li l-ftehimiet dwar soluzzjoni bonarja fil-qasam tal-privattivi fihom infushom ma humiex antikompetittivi fid‑dawl tal‑Artikolu 102 TFUE. Madankollu, mis-sentenza kkontestata tal‑premessa 2764 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta b’mod ċar li l‑Kummissjoni kienet qed tirreferi biss għall-prattiki deskritti fid‑deċiżjoni kkontestata bħala li jifformaw parti mill-istrateġija antiġenerika ġenerali tar-rikorrenti iżda li ma ġewx ikklassifikati bħala ksur tad‑dritt tal-kompetizzjoni fid-deċiżjoni kkontestata. Konsegwentement, din is-sentenza ma kinitx tinkludi l-ftehimiet dwar soluzzjoni bonarja konklużi mir-rikorrenti. Barra minn hekk, mid-deċiżjoni kkontestata, u b’mod partikolari mill-punt 8.3 tagħha, jirriżulta li l-Kummissjoni kkunsidrat li l-ftehimiet dwar soluzzjoni bonarja kienu jikkostitwixxu aġir abbużiv li jikkontribwixxi għall-istrateġija ta’ esklużjoni globali unika u kontinwa li tikkostitwixxi ksur tad-dispożizzjonijiet tal‑Artikolu 102 TFUE. Għalhekk id-deċiżjoni kkontestata ma hijiex ivvizjata bl-allegata kontradizzjoni ta’ motivi.

23      Wara li tfakkru l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-kunċett ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan u l-eżami tal-ilmenti tar-rikorrenti li jikkritikaw l-interpretazzjoni ta’ dan il-kunċett, għandu jiġi rrilevat li, f’dan il-każ, il-ftehimiet ikkontestati kienu intiżi, skont ir-rikorrenti, sabiex jirregolaw b’mod bonarju t-tilwimiet bejn il-partijiet kontraenti u ġew konklużi fil-kuntest partikolari tad-dritt tal-privattivi, peress li t-tilwimiet inkwistjoni kienu jirrigwardaw il-privattivi tar-rikorrenti. Issa, peress li sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ restrizzjoni minħabba l-għan huwa preżunt li jsir l-eżami tal-kontenut tal-ftehim inkwistjoni, tal-għanijiet tiegħu u tal-kuntest ekonomiku u ġuridiku li jidħol fih (ara l-punt 221 hawn fuq), f’dan il-każ għandhom jiġu analizzati l-klawżoli ta’ nuqqas ta’ kontestazzjoni tal-privattivi u l-klawżoli ta’ nuqqas ta’ kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti li jiksru dawn il-privattivi li jinsabu fil-ftehimiet dwar soluzzjoni bonarja b’mod ġenerali u b’mod partikolari fil-ftehimiet ikkontestati, fir-rigward tal-għan tagħhom li jirregolaw b’mod bonarju l-kawżi fil-qasam tal-privattivi u tal-kuntest speċifiku, ikkostitwit mill-privattivi, sabiex jiġi vverifikat jekk il-Kummissjoni kklassifikatx, b’mod korrett u skont kriterji ġuridikament adattati, dawn il-ftehimiet bħala restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni minħabba l-għan.

2)      Fuq id-drittijiet ta’ proprjetà intelletwali u, b’mod partikolari, ilprivattivi

24      L-għan speċifiku tal-għoti ta’ privattiva huwa sabiex jiżgura lill‑proprjetarju tagħha, bil-għan li jikkumpensa l-isforz kreattiv tal‑inventur, id-dritt esklużiv li jagħmel użu mill-invenzjoni fid-dawl tal-manifattura u l‑ewwel tqegħid fis-suq ta’ prodotti industrijali, kemm direttament, kif ukoll permezz tal‑għoti ta’ liċenzji lil terzi, u d-dritt ta’ oppożizzjoni għal kull ksur ta’ privattiva (sentenza tal-31 ta’ Ottubru 1974, Centrafarm u de Peijper, 15/74, EU:C:1974:114, punt 9). Meta tingħata minn awtorità pubblika, privattiva normalment hija preżunta valida u ż‑żamma tagħha minn impriża hija meqjusa leġittima. Il-pussess waħdu minn impriża ta’ tali dritt esklużiv għandu normalment il-konsegwenza li jżomm barra lill‑kompetituri, peress li dawn tal-aħħar huma obbligati jirrispettaw, skont ir-regolamentazzjoni pubblika, dan id-dritt esklużiv (sentenza tal‑1 ta’ Lulju 2010, AstraZeneca vs Il-Kummissjoni, T‑321/05, EU:T:2010:266, punt 362).

25      L-eżerċizzju tad-drittijiet li jirriżultaw minn privattiva mogħtija skont il‑leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru madankollu ma jikkostitwixxix, fih innifsu, ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni stabbiliti bit-Trattat (sentenza tad‑29 ta’ Frar 1968, Parke, Davis and Co., 24/67, EU:C:1968:11, p. 109). Ir-regoli dwar il-proprjetà intellettwali huma saħansitra essenzjali għaż‑żamma ta’ kompetizzjoni mhux distorta fis-suq intern (sentenza tas‑16 ta’ April 2013, Spanja u L-Italja vs Il-Kunsill, C‑274/11 u C‑295/11, EU:C:2013:240, punt 22). Fil-fatt, minn naħa waħda, filwaqt li jikkumpensa l-isforz kreattiv tal-inventatur, id-dritt tal-privattivi jikkontribwixxi sabiex jippromwovi ambjent favorevoli għall‑innovazzjoni u l-investiment u, min-naħa l-oħra, huwa intiż sabiex jagħmel pubbliċi l-modalitajiet ta’ funzjonament tal-invenzjonijiet u sabiex jippermetti, b’hekk, lil avvanzi oħrajn li jiġu mnedija. Il‑paragrafu 7 tal-Linji Gwida tal-2004 għall-ftehimiet dwar it‑trasferiment ta’ teknoloġija, li d-dispożizzjonijiet tiegħu huma riprodotti b’mod sħiħ fil‑paragrafu 7 tal-Linji Gwida tal-2014 għall‑ftehimiet dwar it-trasferiment ta’ teknoloġija, jipprevedi dan li ġej:

“[Ma hemmx] kunflitt inerenti bejn id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali u r-regoli tal-kompetizzjoni [komunitarji]. Fil-fatt, [skont dawn id-dispożizzjonijiet,] iż-żewġ korpi ta’ liġijiet għandhom l-istess objettiv bażiku li jippromwovu l-ġid tal-konsumatur u allokazzjoni effiċjenti tar-riżorsi. L-innovazzjoni tikkostitwixxi komponent essenzjali u dinamiku f’ekonomija tas-suq miftuħa u kompetittiva. Id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali jippromwovu kompetizzjoni dinamika billi jinkoraġġixxu lill-impriżi jiżviluppaw prodotti u proċessi ġodda jew imtejba. L-istess tagħmel il-kompetizzjoni billi tpoġġi pressjoni fuq l-impriżi biex ikunu innovattivi. Għalhekk, kemm id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali u kemm il-kompetizzjoni huma neċessarji għall-promozzjoni tal-innovazzjoni u biex jiġi żgurat l‑isfruttament kompetittiva tagħhom.”

26      Skont ġurisprudenza stabbilita, id-dritt għall-proprjetà, li minnu jagħmlu parti d-drittijiet ta’ proprjetà intelletwali, jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni (sentenza tad-29 ta’Jannar 2008, Promusicae, C‑275/06, EU:C:2008:54, punt 62; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Lulju 2005, Alliance for Natural Health et, C‑154/04 u C‑155/04, EU:C:2005:449, punt 126 u l-ġurisprudenza ċċitata).

27      Madankollu, id-dritt ta’ proprjetà intelletwali, u b’mod partikolari d-dritt tal-privattivi, ma jidhirx li huwa prerogattiva assoluta, iżda għandu jittieħed in kunsiderazzjoni b’riferiment għall-funzjoni tiegħu fis‑soċjetà u għandu jkun irrikonċiljat ma’ drittijiet oħra fundamentali, u jista’ jkun hemm restrizzjonijiet għalih sabiex jiġu ssodisfatti għanijiet ta’ interess ġenerali li għandhom jintlaħqu mill-Unjoni, mingħajr madankollu ma dawn ikunu jikkostitwixxu, fir-rigward tal-għan li għandu jintlaħaq, intervent eċċessiv u intollerabbli li jwassal għal ksur fis-sustanza tad-dritt protett (ara s-sentenza tat-12 ta’ Lulju 2005, Alliance for Natural Health et, C‑154/04 u C‑155/04, EU:C:2005:449, punt 126 u l-ġurisprudenza ċċitata). Il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat, pereżempju, fil-kawżi relatati mal-interpretazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 469/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Mejju 2009 dwar iċ-ċertifikat ta’ protezzjoni supplimentari għal prodotti mediċinali (ĠU 2009, L 152, p. 1), li l-interessi tal-industrija farmaċewtika proprjetarja ta’ privattivi għandhom jiġu bbilanċjati ma’ dawk tas-saħħa pubblika (ara, f’dan is‑sens, is-sentenza tat-12 ta’ Marzu 2015, Actavis Group PTC u Actavis UK, C‑577/13, EU:C:2015:165, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).

28      Għandu jitfakkar ukoll li l-Artikolu 3(3) TUE jispjega li l-Unjoni tistabbilixxi suq intern, li, skont il-Protokoll Nru 27 dwar is-suq intern u l-kompetizzjoni, anness mat-Trattat ta’ Lisbona (ĠU 2010, C 83, p. 309), li, skont l-Artikolu 51 TUE, għandu l-istess valur bħat-Trattati, jinkludi sistema li tiżgura li l-kompetizzjoni ma tiġix distorta. Issa, l-Artikoli 101 u 102 TFUE huma fost numru ta’ regoli tal-kompetizzjoni li, bħal dawk imsemmija fl‑Artikolu 3(1)(b) TFUE, huma meħtieġa għall‑funzjonament tal-imsemmi suq intern. Fil-fatt, tali regoli għandhom preċiżament l-għan li jiġi evitat li l-kompetizzjoni tiġi distorta b’detriment tal-interess ġenerali, tal-impriżi individwali u tal‑konsumaturi, u b’hekk jikkontribwixxu sabiex jiġi żgurat il-benesseri fl-Unjoni (sentenza tas-17 ta’ Frar 2011, TeliaSonera Sverige, C‑52/09, EU:C:2011:83, punti 20 sa 22).

29      Jekk it-Trattati qatt ma pprevedew b’mod espress rikonċiljazzjoni bejn id-drittijiet ta’ proprjetà intelletwali u d-dritt tal-kompetizzjoni, l‑Artikolu 36 tat-Trattat KE, li d-dispożizzjonijiet tiegħu ġew riprodotti fl-Artikolu 36 TFUE, madankollu ppreveda rikonċiljazzjoni tad-drittijiet ta’ proprjetà intelletwali mal-prinċipju ta’ moviment liberu tal‑merkanzija, billi jindika li d-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il‑projbizzjoni ta’ restrizzjonijiet kwantitattivi bejn l-Istati Membri ma kinux jeskludu restrizzjonijiet dwar l-importazzjoni, esportazzjoni jew transitu meta dawn ikunu ġġustifikati abbażi ta’ raġunijiet ta’ protezzjoni ta’ proprjetà industrijali u kummerċjali, filwaqt li jispjega li dawn ir‑restrizzjonijiet la għandhom jikkostitwixxu mezz ta’ diskriminazzjoni arbitrarja u lanqas restrizzjoni moħbija tal-kummerċ bejn l-Istati Membri. Il-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra li l-Artikolu 36 tat-Trattat KE b’hekk stabbilixxa distinzjoni bejn l-eżistenza ta’ dritt irrikonoxxut mil-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru fil-qasam ta’ protezzjoni tal-proprjetà artistika u intelletwali, li ma jistax jiġi affettwat bid‑dispożizzjonijiet tat-Trattat, u l-eżerċizzju tiegħu, li jista’ jikkostitwixxi restrizzjoni moħbija fil-kummerċ bejn l-Istati Membri (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-6 ta’ Ottubru 1982, Coditel et, 262/81, EU:C:1982:334, punt 13).

30      Barra minn hekk, il-leġiżlatur tal-Unjoni kellu l-okkażjoni jfakkar il‑ħtieġa ta’ tali rikonċiljazzjoni. B’hekk, id-Direttiva 2004/48/KE tal‑Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 fuq l‑infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 2, p. 32), li għandha l-għan li tqarreb is‑sistemi leġiżlattivi nazzjonali sabiex tiżgura livell ta’ protezzjoni għoli, ekwivalenti u omoġenju fis-suq intern (premessa 10) u “tfittex li tassigura r-rispett sħiħ għall-proprjetà intellettwali, skond l-Artikolu 17(2) ta[l‑Karta tad-Drittijiet Fundamentali]” (premessa 32), tispjega li hija “ma għandhiex taffettwa l-applikazzjoni tar-regoli tal-kompetitizzjoni, u b’mod partikolari l-Artikoli [101] u [102 TFUE]”, u li “l-miżuri stipulati f’din id-Direttiva m’għandhomx ikunu użati biex jirrestrinġu l‑kompetizzjoni mingħajr bżonn f’manjiera li jmur kontra it-Trattat” (premessa 12).

31      Il-Qorti tal-Ġustizzja żviluppat ġurisprudenza dwar it-tipi differenti ta’ drittijiet ta’ proprjetà intelletwali sabiex tirrikonċilja r-regoli tal‑kompetizzjoni mal-eżerċizzju ta’ dawn id-drittijiet, mingħajr ma tippreġudika s-sustanza tagħhom, billi użat l-istess raġunament bħal dak li ppermettilha tirrikonċilja dawn id-drittijiet u l-moviment liberu tal‑merkanzija. B’hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja tissanzjona l-użu anormali tad-drittijiet ta’ proprjetà intelletwali u mhux l-eżerċizzju leġittimu tagħhom, li hija tiddefinixxi billi titlaq mill-għan speċifiku tagħhom, kunċett użat fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja bħala sinonimu tal-kunċetti ta’ sustanza stess ta’ dawn id-drittijiet u ta’ prerogattivi essenzjali tal-proprjetarju ta’ dawn id-drittijiet. Skont il‑Qorti tal-Ġustizzja, l-eżerċizzju ta’ prerogattivi li jiffurmaw parti mill‑għan speċifiku ta’ dritt ta’ proprjetà intelletwali jikkonċerna b’hekk l-eżistenza ta’ dan id-dritt (ara, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal‑Avukat Ġenerali Gulmann fil-Kawża RTE u ITP vs Il-Kummissjoni, C‑241/91 P, EU:C:1994:210, punt 31 u 32 u l-ġurisprudenza ċċitata). Madankollu, il‑Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra li l-eżerċizzju tad-dritt esklużiv mill‑proprjetarju tiegħu jista’, f’ċirkustanzi eċċezzjonali, jagħti lok għal aġir kuntrarju għar-regoli tal-kompetizzjoni (sentenza tas‑6 ta’ April 1995, RTE u ITP vs Il-Kummissjoni, C‑241/91 P u C‑242/91 P, EU:C:1995:98, punt 50; ara wkoll, f’dan is-sens, is‑sentenza tas-17 ta’ Settembru 2007, Microsoft vs Il-Kummissjoni, T‑201/04, EU:T:2007:289, punt 691).

32      Fir-rigward tal-privattivi, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li ma kienx eskluż li d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 101 TFUE jistgħu jiġu applikati għad-dritt tal-proprjetà intelletwali jekk l-użu ta’ privattiva waħda jew iktar, miftiehem bejn l-impriżi, iwassal għal sitwazzjoni li tista’ taqa’ taħt il-kunċetti ta’ akkordji bejn impriżi, deċiżjonijiet ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi jew prattiki miftehma fis-sens tal-Artikolu 101(1) TFUE (sentenza tad-29 ta’ Frar 1968, Parke, Davis and Co., 24/67, EU:C:1968:11, p. 110). Fl-1974, hija kkunsidrat mill-ġdid li, anki jekk l-eżistenza tad-drittijiet irrikonoxxuti mil-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru fil‑qasam tal-proprjetà industrijali ma hijiex affetwata bl‑Artikolu 101 TFUE, il-kundizzjonijiet tal-eżerċizzju tagħhom jistgħu madankollu jaqgħu taħt il-projbizzjonijiet imsemmija f’dan l-artikolu, u li dan jista’ jkun il-każ kull darba li l-eżerċizzju ta’ tali dritt jidher bħala l‑għan, il-mezz jew il-konsegwenza ta’ akkordju (sentenza tal‑31 ta’ Ottubru 1974, Centrafarm u de Peijper, 15/74, EU:C:1974:114, punti 39 u 40).

33      Għandu jitfakkar li, fin-nuqqas ta’ armonizzazzjoni fuq livell tal-Unjoni tad-dritt tal-privattivi applikabbli għal din il-kawża, il-portata tal‑protezzjoni mogħtija minn privattiva mogħtija minn uffiċċju nazzjonali tal-privattivi jew mill-UEP tista’ tiġi ddeterminata biss fir‑rigward ta’ regoli li ma jaqgħux taħt id-dritt tal-Unjoni, iżda taħt id‑dritt nazzjonali jew tal-KPE (ara f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑16 ta’ Settembru 1999, Farmitalia, C‑392/97, EU:C:1999:416, punt 26, u tal-24 ta’ Novembru 2011, Medeva, C‑322/10, EU:C:2011:773, punti 22 u 23). Konsegwentement, meta fil-kuntest ta’ rikors għal annullament kontra deċiżjoni tal-Kummissjoni, il-qorti tal‑Unjoni tintalab teżamina ftehim dwar soluzzjoni bonarja ta’ kawża relatata ma’ privattiva, irregolata b’regola oħra u mhux b’dawk tad-dritt tal-Unjoni, ma huwiex ir-rwol tagħha li tiddefinixxi l-portata tal‑imsemmija privattiva jew tiddeċiedi dwar il-validità tagħha. Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li, f’dan il-każ, jekk il-Kummissjoni invokat, fil-premessi 113 sa 123, strateġija tar-rikorrenti li tikkostitwixxi “ċirku ta’ privattivi” u ta’ “privattivi fittizji”, madankollu hija ma ddeċidietx dwar il-validità tal‑privattivi kkontestati fil-mument tal‑konklużjoni tal-ftehimiet.

34      Minkejja li la hija l-Kummissjoni u lanqas il-Qorti Ġenerali li għandhom jiddeċiedu dwar il-validità ta’ privattiva, madankollu l-eżistenza tal‑privattiva għandha tittieħed inkunsiderazzjoni fl-analiżi magħmula fil-qafas tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni. Fil-fatt, il-Qorti tal‑Ġustizzja diġà indikat li, għalkemm ma hijiex il-Kummissjoni li għandha tiddefinixxi l-portata ta’ privattiva, xorta jibqa’ l-fatt li din l-istituzzjoni ma għandhiex tastjeni minn kwalunkwe inizjattiva meta l-portata tal‑privattiva hija rilevanti għall-evalwazzjoni ta’ ksur tal-Artikoli 101 u 102 TFUE peress li, anki fil-każ fejn il-portata effettiva ta’ privattiva tkun is-suġġett ta’ kawża quddiem il-qrati nazzjonali, il-Kummissjoni għandha tkun tista’ teżerċita l-kompetenzi tagħha skont id‑dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1/2003, peress li l-konstatazzjonijiet li l-Kummissjoni tista’ tagħmel bl-ebda mod ma jippreġudikaw l‑evalwazzjonijiet li l-qrati nazzjonali jkunu ser jagħmlu dwar il-kawżi relatati mad-drittijiet ta’ privattiva li huma aditi minnhom u peress li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni hija suġġetta għall-istħarriġ tal-qorti tal-Unjoni (sentenza tal‑25 ta’ Frar 1986, Windsurfing International vs Il‑Kummissjoni, 193/83, EU:C:1986:75, punt 26 u 27).

35      Finalment, għandu jiġi enfasizzat li d-drittijiet ta’ proprjetà intelletwali huma protetti bil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali. Skont l‑Artikolu 17(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, li bit-Trattat ta’ Lisbona ngħatat valur ġuridiku daqs it-Trattati (Artikolu 6(1) TUE), “[k]ull persuna għandha d-dritt li tgawdi mill-proprjetà tal-beni tagħha li tkun akkwistat legalment, li tużahom, li tiddisponi minnhom u li tħallihom bħala wirt”, “[l]-ebda persuna ma tista’ tiġi mċaħħda mill‑proprjetà tagħha, ħlief fl-interess pubbliku u fil-każijiet u skond il‑kondizzjonijiet previsti mil-liġi, bi ħlas ta’ kumpens xieraq fi żmien utli għal dak li tkun tilfet” u“[l]-użu tal-proprjetà jista’ jiġi rregolat bil-liġi safejn ikun meħtieġ għall-interess pubbliku”. L-Artikolu 17(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali jispjega, barra minn hekk, li “[i]l-proprjetà intellettwali għandha tiġi protetta”. Konsegwentement, il-garanziji previsti fl-Artikolu 17(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali japplikaw ukoll għall-proprjetà intelletwali. Issa, il-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra li r-rikonoxximent tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali fil-Karta tad‑Drittijiet Fundamentali jimplika rekwiżit ta’ protezzjoni għolja ta’ dawn tal-aħħar u li għandu jkun hemm bilanċ bejn, minn naħa waħda, il‑preżervazzjoni tal-libertà tal-kompetizzjoni, li biha d-dritt primarju u b’mod partikolari l-Artikoli 101 u 102 TFUE jipprojbixxu l-akkordji u l‑abbuż minn pożizzjoni dominanti u, min-naħa l-oħra, il-garanzija neċessarja tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali, li tirriżulta mill‑Artikolu 17(2) tal‑Karta tad-Drittijiet Fundamentali (ara, f’dan is‑sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2015, Huawei Technologies, C‑170/13, EU:C:2015:477, punti 42 u 58).

3)      Fuq il-ftehimiet dwar soluzzjoni bonarja dwar it-tilwimiet filqasam talprivattivi

36      Preliminarjament, għandu jiġi spjegat li l-argumenti li ġejjin ma jirrigwardawx il-każijiet ta’ privattivi miksuba bi frodi, ta’ kawżi “fittizji” jew ta’ nuqqas ta’ ftehim li għadu ma waslux fi stadju ġudizzjarju. Fil-fatt, fil-premessa 1170 tad-deċiżjoni kkontestata, il‑Kummissjoni ammettiet li, fil-mument tal-konklużjoni ta’ ftehimiet dwar soluzzjoni bonarja, ir-rikorrenti u l-kumpanniji ta’ ġeneriċi kienu kollha partijiet jew assoċjati f’kawża quddiem qorti nazzjonali jew l‑UEP, li tirrigwarda l-validità ta’ ċerti privattivi tar-rikorrenti jew in‑natura ta’ ksur ta’ privattiva tal-prodott żviluppat mill-kumpannija ta’ ġeneriċi.

37      Qabel xejn, għandu jiġi rrilevat li huwa a priori leġittimu, għall-partijiet f’kawża relatata ma’ privattiva, li jiġi konkluż ftehim dwar soluzzjoni bonarja minflok titkompla kawża quddiem qorti. Kif korrettament indikat il-Kummissjoni fil-premessa 1102 tad-deċiżjoni kkontestata, l-impriżi huma ġeneralment awtorizzati jirregolaw b’mod bonarju l-kawżi, inklużi dawk fil-qasam tal-privattivi, billi dawn il-ftehimiet dwar soluzzjoni bonarja ħafna drabi huma ta’ benefiċċju għaż-żewġ partijiet fil-kawża u jippermettu allokazzjoni ta’ riżorsi iktar effiċjenti milli kieku l-kawżi jitkomplew sa ma tingħata sentenza. Fil-fatt, rikorrenti ma hijiex obbligata tkompli kawża li hija tkun fetħet b’mod liberu. Għandu jingħad ukoll li r-regolamentazzjoni ġudizzjarja tal-kawżi, minbarra l-fatt li tinkorri spiża għall-awtorità, ma tistax tkun ikkunsidrata bħala r‑rimedju preferut u ideali għar-riżoluzzjoni ta’ kunflitti. Il-multiplikazzjoni ta’ kawżi quddiem il-qrati tista’ tkun ir-riflessjoni ta’ nuqqas ta’ funzjonament tajjeb jew ta’ insuffiċjenzi, li jistgħu jsibu forom oħra ta’ rimedji jew ikunu s-suġġett ta’ azzjonijiet ta’ prevenzjoni adattati. Anki jekk is-sistemi nazzjonali ta’ għoti ta’ privattivi jew dik tal-UEP għandhom tali diffikultajiet, pereżempju billi jagħtu b’mod liberali wisq protezzjoni lil proċessi li ma għandhomx natura inventiva, dawn il‑problemi ma għandhomx jiġġustifikaw obbligu u lanqas inkoraġġiment lill-impriżi biex ikomplu bil-kawżi fil-qasam tal-privattivi sa ma tingħata sentenza ġudizzjarja.

38      Bl-istess mod, il-paragrafi 204 u 209 tal-Linji Gwida tal-2004 għall‑ftehimiet dwar it-trasferiment ta’ teknoloġija, applikabbli tal-inqas għall-ftehimiet dwar l-għoti ta’ liċenzji ta’ teknoloġija, jirrikonoxxu l-possibbiltà li jiġu konklużi ftehimiet dwar soluzzjoni bonarja u dwar nuqqas ta’ invokazzjoni li jinkludu l-għoti ta’ liċenzji u jindikaw li, fil-kuntest ta’ tali ftehim dwar soluzzjoni bonarja u dwar nuqqas ta’ invokazzjoni, klawżoli ta’ nuqqas ta’ kontestazzjoni ġeneralment ma humiex ikkunsidrati bħala li jaqgħu taħt l‑Artikolu 101(1) TFUE. Il-paragrafu 235 tal-Linji Gwida tal-2014 għall‑ftehimiet dwar it-trasferiment ta’ teknoloġija, li ssostitwixxew lil dawk tal-2004, jipprevedi wkoll li “[f]tehimiet bonarji fil-kuntest ta’ disputi dwar teknoloġija huma, bħal ma huma f’ħafna oqsma oħra ta’ disputi kummerċjali, fil-prinċipju, mod leġittimu biex jinstab kompromess aċċettabbli għaż-żewġ naħat fil‑każ ta’ nuqqas ta’ qbil ġuridiku bona fede”. Barra minn hekk, dan il‑paragrafu jispjega li “[i]l-partijiet jistgħu jippreferu li ma jkomplux it‑tilwima jew il-litigazzjoni minħabba li tispiċċa tkun għalja wisq, taħli ħafna ħin u/jew l-eżitu tagħha jkun inċert” u li “[i]l-ftehimiet bonarji jistgħu jiffrankaw sforzi lill-qrati u/jew lill-korpi amministrattivi kompetenti biex jiddeċiedu dwar il-kwistjoni u għalhekk jistgħu jagħtu lok għal benefiċċji li jkabbru l-benessri”.

39      Barra minn hekk, il-Kummissjoni stess tuża proċedura amministrattiva fil‑qasam tal-akkordji li hija simili, f’ċerti aspetti, għal ftehim dwar soluzzjoni bonarja. Fil-fatt, il-proċedura ta’ tranżazzjoni, li ġiet stabbilita bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 622/2008, tat‑30 ta’ Ġunju 2008, li jemenda r-Regolament (KE) Nru 773/2004, fir‑rigward ta’ kif jitmexxew il-proċeduri għar-riżolviment f’każi ta’ kartelli (ĠU 2008, L 171, p. 3), għandha l-għan li tissimplifika u taċċelera l-proċeduri amministrattivi kif ukoll li tnaqqas in-numru ta’ rikorsi ppreżentati quddiem il-qorti tal-Unjoni, sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tipproċessa iktar każijiet bl-istess riżorsi (sentenza tal‑20 ta’ Mejju 2015, Timab Industries u CFPR vs Il-Kummissjoni, T‑456/10, EU:T:2015:296, punti 59 u 60).

40      Barra minn hekk, skont il-ġurisprudenza, il-fatt li persuna tkun tista’ tipproteġi d‑drittijiet tagħha permezz ta’ rimedji ġudizzjarji, u l-istħarriġ ġudizzjarju li jirriżulta, huwa l-espressjoni ta’ prinċipju ġenerali tad‑dritt li fuqu huma bbażati tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni fl‑Istati Membri u li huwa stabbilit fl-Artikoli 6 u 13 tal-KEDB. L-aċċess għall‑qrati huwa dritt fundamentali u prinċipju ġenerali li jiżgura r‑rispett tad-dritt, u huwa biss f’ċirkustanzi totalment eċċezzjonali li l‑fatt li tinfetaħ kawża fil-qrati jista’ jikkostitwixxi ksur tad-dritt tal‑kompetizzjoni (sentenza tas-17 ta’ Lulju 1998, ITT Promedia vs Il‑Kummissjoni, T‑111/96, EU:T:1998:183, punt 60). Kif fakkret il-Qorti tal-Ġustizzja, ir-rekwiżit ta’ protezzjoni għolja tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali jimplika li l-proprjetarju tagħhom ma jistax, bħala regola, jiġi mċaħħad mid-dritt li jirrikorri għall-kawżi sabiex jiggarantixxi r-rispett effettiv tad-drittijiet esklużivi tiegħu (sentenza tas-16 ta’ Lulju 2015, Huawei Technologies, C‑170/13, EU:C:2015:477, punt 58). B’mod simetriku, il-fatt li impriża tiddeċiedi li tirrinunzja għar-rimedju ġudizzjarju billi tippreferi li tirriżolvi l-kawża b’mod extra-ġudizzjarju huwa sempliċement l-espressjoni tal-istess libertà ta’ għażla ta’ metodi sabiex tiġi żgurata d-difiża tad-drittijiet tagħha u ma għandux, bħala regola, jikkostitwixxi ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni.

41      Jekk l-aċċess għall-qrati jikkostitwixxi dritt fundamentali, madankollu wieħed ma għandux iqis li dan jikkostitwixxi obbligu, anki jekk jikkontribwixxi sabiex isaħħaħ il-kompetizzjoni bejn operaturi ekonomiċi. Fil-fatt, minn naħa waħda, għandu jitfakkar li, minkejja d-diversità tal-proċeduri u tas‑sistemi ta’ għoti ta’ privattivi li kienu japplikaw fl-Istati Membri tal‑Unjoni differenti u quddiem l-UEP fil-mument li fih iseħħu l-fatti tal‑kawża, dritt ta’ proprjetà intellettwali, mogħti minn awtorità pubblika, huwa normalment preżunt validu u ż-żamma tiegħu minn impriża hija meqjusa leġittima (sentenza tal-1 ta’ Lulju 2010, AstraZeneca vs Il‑Kummissjoni, T‑321/05, EU:T:2010:266, punt 362). Min-naħa l-oħra, jekk hemm ċertezza dwar l-interess pubbliku li jiġi eliminat kull ostakolu għall-attività ekonomika li tista’ tirriżulta minn privattiva mogħtija b’mod skorrett (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-25 ta’ Frar 1986, Windsurfing International vs Il-Kummissjoni, 193/83, EU:C:1986:75, punti 92 u 93) u jekk huwa ġeneralment aċċettat li l-baġits pubbliċi, b’mod partikolari dawk stabbiliti għall-ispejjeż tas-saħħa, huma suġġetti għal restrizzjonijiet sinjifikattivi u li l-kompetizzjoni, b’mod partikolari dik li tirrappreżenta l-prodotti mediċinali ġeneriċi żviluppati mill‑kumpanniji ta’ ġeneriċi, tista’ tikkontribwixxi b’mod effiċjenti sabiex jinżammu dawn il-baġits, għandu jitfakkar ukoll, kif korrettament indikat il-Kummissjoni fil-premessa 1201 tad-deċiżjoni kkontestata, li kull impriża tibqa’ libera jekk tippreżentax jew le rikors kontra l‑privattivi fuq il-prodotti mediċinali tal-bidu miżmuma mill-kumpanniji tal-verżjonijiet tal-bidu. Barra minn hekk, tali deċiżjoni dwar jekk tippreżentax rikors jew le jew jekk ittemmx kawża bi ftehim dwar soluzzjoni bonarja ma tipprekludix, bħala regola, lil impriżi oħra milli jiddeċiedu li jikkontestaw l-imsemmija privattivi.

42      Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li, sabiex jiġu rrikonċiljati d-dritt tal-privattivi u d-dritt tal-kompetizzjoni fil-kuntest partikolari tal-konklużjoni ta’ ftehimiet dwar soluzzjoni bonarja bejn il‑partijiet f’kawża relatata ma’ privattiva, għandu jinstab bilanċ bejn, minn naħa waħda, il-ħtieġa li l-impriżi jkunu jistgħu jipproċedu bi ftehimiet dwar soluzzjoni bonarja li l-konklużjoni tagħhom hija ta’ benefiċċju għall-kollettività u, min-naħa l-oħra, il-ħtieġa li jitneħħa r-riskju ta’ użu żbaljat ta’ ftehimiet dwar soluzzjoni bonarja, bi ksur tad-dritt tal‑kompetizzjoni, li jwassal għaż-żamma ta’ privattivi li ma humiex validi u, b’mod partikolari fil-qasam tal-prodotti mediċinali, għal spiża finanzjarja mhux iġġustifikata għall-baġits pubbliċi.

4)      Fuq il-konċilazzjoni bejn il-ftehimiet dwar soluzzjoni bonarja filqasam tal-privattivi u d-dritt tal-kompetizzjoni

43      Għandu jitfakkar li l-użu ta’ ftehim dwar soluzzjoni bonarja f’kawża fil‑qasam tal-privattivi ma jeżentax lill-partijiet mill-applikazzjoni tad‑dritt tal-kompetizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑27 ta’ Settembru 1988, Bayer u Maschinenfabrik Hennecke, 65/86, EU:C:1988:448, punt 15, u tat-8 ta’ Settembru 2016, Lundbeck vs Il‑Kummissjoni, T‑472/13, taħt appell, EU:T:2016:449, punt 118; ara, b’analoġija, is-sentenza tat-30 ta’ Jannar 1985, BAT Cigaretten‑Fabriken vs Il-Kummissjoni, 35/83, EU:C:1985:32, punt 33; ara, ukoll, il‑paragrafu 204 tal-Linji Gwida tal-2004 għall-ftehimiet dwar it‑trasferiment ta’ teknoloġija u l-paragrafu 237 tal-Linji Gwida tal-2014 għall-ftehimiet dwar it-trasferiment ta’ teknoloġija).

44      Il-Qorti tal-Ġustizzja għalhekk iddeċidiet, b’mod partikolari, li klawżola ta’ nuqqas ta’ kontestazzjoni ta’ privattiva, anki meta tkun ġiet inkluża fi ftehim intiż sabiex itemm kawża pendenti quddiem qorti, jista’ jkollha, fid-dawl tal-kuntest ġuridiku u ekonomiku, natura restrittiva tal‑kompetizzjoni fis-sens tal-Artikolu 101(1) TFUE (sentenza tas‑27 ta’ Settembru 1988, Bayer u Maschinenfabrik Hennecke, 65/86, EU:C:1988:448, punti 14 sa 16).

45      Għalhekk hemm lok li jiġu identifikati l-elementi rilevanti li jippermettu li jiġi konkluż li klawżola ta’ nuqqas ta’ kontestazzjoni ta’ privattiva u, b’mod iktar wiesa’, ftehim dwar soluzzjoni bonarja fil-qasam tal‑privattivi, għandhom natura restrittiva tal-kompetizzjoni minħabba l‑għan, filwaqt li jitfakkar li sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ restrizzjoni minħabba l-għan għandhom jiġu eżaminati l-kontenut tal-ftehim inkwistjoni, l-għanijiet li għandhom jintlaħqu u l-kuntest ekonomiku u ġuridiku li jidħol fih (ara l-punt 221 hawn fuq).

46      Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li ftehim dwar soluzzjoni bonarja ta’ kawża fil-qasam tal-privattivi jista’ ma jkollu l-ebda effett negattiv fuq il-kompetizzjoni. Dan huwa l-każ, pereżempju, jekk il-partijiet jiftiehmu sabiex jikkunsidraw li l-privattiva kkontestata ma hijiex valida u jipprevedu, minħabba f’hekk, id-dħul immedjat tal-kumpannija ta’ ġeneriċi fis-suq.

47      Il-ftehimiet inkwistjoni f’dan il-każ ma jaqgħux f’din il-kategorija, għaliex jinkludu klawżoli ta’ nuqqas ta’ kontestazzjoni ta’ privattivi u ta’ nuqqas ta’ kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti, li għandhom, minnhom infushom, natura restrittiva tal-kompetizzjoni. Fil-fatt, il-klawżola ta’ nuqqas ta’ kontestazzjoni tippreġudika l-interess pubbliku li jiġu eliminati l-ostakoli kollha għall-attività ekonomika li tista’ tirriżulta minn privattiva mogħtija b’mod skorrett (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta’ Frar 1986, Windsurfing International vs Il‑Kummissjoni, 193/83, EU:C:1986:75, punt 92) u l-klawżola ta’ nuqqas ta’ kummerċjalizzazzjoni twassal għall-esklużjoni mis-suq ta’ wieħed mill‑kompetituri tal-proprjetarju tal‑privattiva.

48      Madankollu, l-inklużjoni ta’ tali klawżoli tista’ tkun leġittima, iżda biss sakemm hija bbażata fuq ir-rikonoxximent, mill-partijiet, tal-validità tal‑privattiva inkwistjoni (u, b’mod inċidentali, tan-natura ta’ ksur ta’ privattiva tal-prodotti ġeneriċi kkonċernati).  

49      Fil-fatt, minn naħa waħda, il-klawżoli ta’ nuqqas ta’ kummerċjalizzazzjoni u ta’ nuqqas ta’ kontestazzjoni huma neċessarji għall-ftehim dwar soluzzjoni bonarja ta’ ċerti kawżi relatati mal‑privattivi. Jekk il-partijiet f’kawża jitpoġġew f’pożizzjoni li ma jkunux jistgħu jużaw tali klawżoli, il-ftehim dwar soluzzjoni bonarja jitlef kull interess għall-kawżi li fihom iż-żewġ partijiet jiftiehmu dwar il‑validità tal-privattiva. Qabel xejn, f’dan ir-rigward għandu jitfakkar li, fil‑paragrafu 209 tal-Linji Gwida tal-2004 għall‑ftehimiet dwar it‑trasferiment ta’ teknoloġija, il-Kummissjoni indikat li “[k]aratterisrika proprja [għall-ftehimiet dwar soluzzjoni bonarja] hija li l-partijiet jiftehmu li ma jikkontestawx ex post id-drittijiet tal-proprjetà intelletwali li jkopru [jkopru għaliex] l-għan innifsu tal-ftehim huwa li jsolvi tilwim eżistenti u/jew li jevita tilwim fil-futur”. Issa, huwa daqstant ieħor neċessarju, sabiex jintlaħaq dan il-għan, li l-partijiet jaqblu li l-ebda prodott ta’ ksur ta’ privattiva ma jista’ jiġi kkummerċjalizzat.

50      Minn naħa l-oħra, l-introduzzjoni ta’ klawżoli ta’ nuqqas ta’ kummerċjalizzazzjoni hija limitata, parzjalment, sabiex issostni l-effetti ġuridiċi pre-eżistenti ta’ privattiva li l-validità tagħha hija rrikonoxxuta espliċitament jew impliċitament mill-partijiet. Fil-fatt, il-privattiva normalment ikollha bħala konsegwenza, għall-benefiċċju tal-proprjetarju tagħha, li tipprekludi l-kummerċjalizzazzjoni minn kompetituri tal‑prodott suġġett tal-privattiva jew tal-prodott miksub mill-proċess suġġett tal-privattiva (ara l-punt 234 hawn fuq). Issa, billi tissuġġetta lilha nnifisha għal klawżola ta’ nuqqas ta’ kummerċjalizzazzjoni, il‑kumpannija ta’ ġeneriċi tobbliga ruħha li ma tbiegħx prodotti li jistgħu jkunu ta’ ksur ta’ privattiva fir-rigward tal-privattiva inkwistjoni. Din il‑klawżola, jekk tillimita ruħha għall-kamp ta’ applikazzjoni tal‑privattiva kkontestata, tista’ għalhekk tkun kkunsidrata bħala li tirriproduċi, essenzjalment, l-effetti ta’ din il-privattiva, sa fejn hija tibbaża ruħha fuq ir-rikonoxximent tal-validità tagħha. Fir-rigward tal‑klawżoli ta’ nuqqas ta’ kontestazzjoni, il-privattiva ma għandhiex tkun interpretata bħala li tiżgura protezzjoni kontra l-azzjonijiet intiżi sabiex jikkontestaw il‑validità ta’ privattiva (sentenza tal‑25 ta’ Frar 1986, Windsurfing International vs Il‑Kummissjoni, 193/83, EU:C:1986:75, punt 92). L‑effetti ta’ dawn il-klawżoli għalhekk ma għandhomx jitħalltu mal-effetti tal‑privattiva. Madankollu, meta klawżola ta’ nuqqas ta’ kontestazzjoni hija adottata fil-qafas ta’ ftehim dwar soluzzjoni bonarja ta’ kawża reali li fiha l-kompetitur diġà kellu l‑opportunità li jikkontesta l-validità tal-privattiva inkwistjoni u finalment jirrikonoxxi din il-validità, tali klawżola ma tistax tiġi kkunsidrata, f’tali kuntest, bħala li tikkawża preġudizzju għall-interess pubbliku sabiex jiġu eliminati l-ostakoli kollha għall-attività ekonomika li tista’ tirriżulta minn privattiva mogħtija b’mod skorrett (ara l-punt 257 hawn fuq).

51      Il-Kummissjoni stess indikat, fid-deċiżjoni kkontestata, li l-klawżoli ta’ nuqqas ta’ kontestazzjoni u ta’ nuqqas ta’ kummerċjalizzazzjoni kienu ġeneralment inerenti għal kull ftehim dwar soluzzjoni bonarja. Hija b’hekk ikkunsidrat li “ftit li xejn [kien] probabbli li ftehim dwar soluzzjoni bonarja konkluż fil-qafas ta’ kawża jew ta’ kwistjoni ġudizzjarja fil-qasam tal‑privattivi abbażi tal-evalwazzjoni minn kull parti tal-kwistjoni ġudizzjarja li huma involuti fiha jikser id-dritt tal-kompetizzjoni, anki meta l-ftehim jipprevedi l-obbligu għall-kumpannija ta’ ġeneriċi li tastjeni milli tuża l-invenzjoni koperta bil-privattiva matul il-perijodu ta’ protezzjoni tagħha (pereżempju bi klawżola ta’ nuqqas ta’ kummerċjalizzazzjoni) u/jew li ma tikkontestax il-privattiva inkwistjoni quddiem il-qrati (pereżempju bi klawżola ta’ nuqqas ta’ kontestazzjoni)” (premessa 1136 tad-deċiżjoni kkontestata).

52      B’hekk, is-sempliċi preżenza, fi ftehim dwar soluzzjoni bonarja, ta’ klawżoli ta’ nuqqas ta’ kummerċjalizzazzjoni u ta’ nuqqas ta’ kontestazzjoni li l-portata tagħhom tillimita ruħha għal dik tal-privattiva inkwistjoni ma tippermettix, minkejja l-fatt li dawn il-klawżoli għandhom, fihom infushom, natura restrittiva (ara l-punt 257 hawn fuq), li jiġi konkluż li hemm restrizzjoni tal-kompetizzjoni li għandha grad suffiċjenti ta’ dannu sabiex tiġi kklassifikata bħala restrizzjoni minħabba l-għan meta dawn il-ftehimiet huma bbażati fuq ir-rikonoxximent, mill‑partijiet, tal-validità tal-privattiva (u, b’mod inċidentali, tan-natura ta’ ksur ta’ privattiva tal-prodotti ġeneriċi kkonċernati).

53      Il-preżenza ta’ klawżoli ta’ nuqqas ta’ kummerċjalizzazzjoni u ta’ nuqqas ta’ kontestazzjoni li l-portata tagħhom hija limitata għal dik tal-privattiva inkwistjoni hija, għall-kuntrarju, problematika meta jkun jidher li s‑sottomissjoni tal-kumpannija ta’ ġeneriċi għal dawn il-klawżoli ma hijiex ibbażata fuq ir-rikonoxximent, minnha, tal-validità tal-privattiva. Kif ġustament irrilevat il-Kummissjoni, “anki jekk il-limitazzjonijiet li jinsabu fil-ftehim [għal]l-awtonomija kummerċjali tal-kumpannija ta’ ġeneriċi ma jmorrux lil hinn mill-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tal-privattiva, huma jikkostitwixxu ksur tal-Artikolu 101 [TFUE] meta dawn il-limitazzjonijiet ma jistgħux ikunu ġġustifikati u ma jirriżultawx mill-evalwazzjoni, mill-partijiet, tal-mertu tad-dritt esklużiv stess” (premessa 1137 tad-deċiżjoni kkontestata).

54      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-eżistenza ta’ “ħlas invertit”, jiġifieri ħlas mill-kumpannija ta’ verżjonijiet tal-bidu lill‑kumpannija ta’ ġeneriċi, tagħti lok għal suspetti doppji fil-qafas ta’ ftehim dwar soluzzjoni bonarja. Fil-fatt, fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li l-privattiva hija intiża sabiex tikkumpensa l-isforz kreattiv tal-inventur billi tippermettilu jislet profitt ġust mill-investiment tiegħu (ara l‑punt 234 hawn fuq) u li privattiva valida għalhekk, bħala regola, għandha tippermetti trasferiment ta’ valur lejn il-proprjetarju tagħha – pereżempju, permezz ta’ ftehim dwar liċenzja – u mhux bil-kontra. Fit‑tieni lok, l‑eżistenza ta’ ħlas invertit idaħħal suspett fir-rigward tal-fatt li l-ftehim dwar soluzzjoni bonarja huwa bbażat fuq ir-rikonixximent, mill‑partijiet tal-ftehim, tal-validità tal-privattiva inkwistjoni.

55      Madankollu, is-sempliċi preżenza ta’ ħlas invertit ma għandhiex tippermetti li jiġi konkluż li teżisti restrizzjoni minħabba l-għan. Fil-fatt, ma huwiex eskluż li ċerti pagamenti invertiti, meta jkunu inerenti għall‑ftehim dwar soluzzjoni bonarja inkwistjoni, ikunu ġġustifikati (ara l‑punt 277 sa 280 iktar ’il quddiem). Għall-kuntrarju, fil-każ fejn ħlas invertit mhux iġġustifikat isir fil-konklużjoni ta’ ftehim dwar soluzzjoni bonarja, il-kumpannija ta’ ġeneriċi għandha allura tiġi kkunsidrata bħala li ġiet inċentivata b’dan il-ħlas sabiex tissuġġetta ruħha għall-klawżoli ta’ nuqqas ta’ kummerċjalizzazzjoni u ta’ nuqqas ta’ kontestazzjoni u hemm lok li jiġi konkluż li teżisti restrizzjoni minħabba l-għan. F’dan il-każ, ir-restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni li l-klawżoli ta’ nuqqas ta’ kummerċjalizzazzjoni u ta’ nuqqas ta’ kontestazzjoni jintroduċu ma jibqgħux marbuta mal-privattiva u mal-ftehim dwar soluzzjoni bonarja, iżda huma spjegabbli bl-għoti ta’ vantaġġ li jinċentiva lill-kumpannija ta’ ġeneriċi tirrinunzja għall-isforzi kompetittivi tagħha.

56      Għandu jiġi rrilevat li, jekk la l-Kummissjoni u lanqas il-qorti tal-Unjoni ma huma kompetenti sabiex jiddeċiedu dwar il-validità tal-privattiva (ara l-punti 243 u 244 hawn fuq), xorta jibqa’ l-fatt li dawn l-istituzzjonijiet jistgħu, fil-qafas tal-kompetenzi rispettivi tagħhom u mingħajr ma jiddeċiedu dwar il-validità intrinsika tal-privattiva, jikkonstataw l‑eżistenza ta’ użu anormali tagħha, li ma jkollux rabta mal-għan speċifiku tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-29 ta’ Frar 1968, Parke, Davis and Co., 24/67, EU:C:1968:11, p. 109 u 110, u tal‑31 ta’ Ottubru 1974, Centrafarm u de Peijper, 15/74, EU:C:1974:114, punti 7 u 8; ara wkoll, b’analoġija, is-sentenzi tas-6 ta’ April 1995, RTE u ITP vs Il-Kummissjoni, C‑241/91 P u C‑242/91 P, EU:C:1995:98, punt 50, u tal-4 ta’ Ottubru 2011, Football Association Premier League et, C‑403/08 u C‑429/08, EU:C:2011:631, punti 104 sa 106).

57      Issa, il-fatt li tinċentiva kompetitur sabiex jaċċetta klawżoli ta’ nuqqas ta’ kummerċjalizzazzjoni u ta’ nuqqas ta’ kontestazzjoni, fis-sens deskritt fil-punt 265 hawn fuq, jew il-korollarju tiegħu, il-fatt li jissuġġetta ruħu għal tali klawżoli minħabba inċentiv, jikkostitwixxu użu anormali tal‑privattiva.

58      Kif ġustament indikat il-Kummissjoni fil-premessa 1137 tad-deċiżjoni kkontestata, “id-dritt tal-privattivi ma jipprevedix dritt li wieħed iħallas lill‑kompetituri reali jew potenzjali tiegħu sabiex jibqgħu barra mis-suq jew sabiex jastjenu milli jikkontestaw privattiva qabel ma tidħol fis-suq”. Bl-istess mod, dejjem skont il-Kummissjoni, “il-proprjetarji ta’ privattivi ma humiex awtorizzati jħallsu lil kumpanniji ta’ ġeneriċi sabiex jibqgħu barra mis-suq u jnaqqsu r-riskji dovuti għall-kompetizzjoni, kemm jekk dan ikun fil-qafas ta’ ftehim dwar soluzzjoni bonarja fil-qasam tal‑privattivi jew permezz ta’ mezz ieħor” (premessa 1141 tad-deċiżjoni kkontestata). Finalment, il-Kummissjoni korrettament żiedet li “li tħallas jew b’xi mod ieħor tinċentiva kompetituri potenzjali sabiex jibqgħu barra mis-suq ma [kien] jagħmel parti minn ebda dritt marbut mal-privattivi u ma [kien] jikkorrispondi għal ebda wieħed mill-motivi previsti mid-dritt tal‑privattivi sabiex jiġu osservati l-privattivi” (premessa 1194 tad‑deċiżjoni kkontestata).

59      Meta l-eżistenza ta’ inċentiv hija kkonstatata, il-partijiet ma jistgħux jibqgħu jużaw ir-rikonoxximent tagħhom, fil-qafas tas-soluzzjoni bonarja, tal-validità tal-privattiva. Il-fatt li l-validità tal-privattiva hija kkonfermata minn qorti ġudizzjarja jew amministrattiva f’dan ir-rigward ma tagħmilx differenza.

60      Huwa għalhekk l-inċentiv, u mhux ir-rikonoxximent mill-partijiet ta’ ftehim dwar soluzzjoni bonarja, tal-validità tal-privattiva, li għandu jiġi kkunsidrat bħala l-kawża vera tar-restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni li jintroduċu l-klawżoli ta’ nuqqas ta’ kummerċjalizzazzjoni u ta’ nuqqas ta’ kontestazzjoni (ara l-punt 257 hawn fuq), li, peress li f’dan il-każ ma jkunux leġittimi, jippreżentaw għalhekk grad ta’ dannu għall‑funzjonament tajjeb tal-kompetizzjoni li huwa biżżejjed sabiex tiġi ddikjarata restrizzjoni minħabba l-għan.

61      Fil-preżenza ta’ inċentiv, il-ftehimiet inkwistjoni għandhom jiġu kkunsidrati bħala ftehimiet ta’ esklużjoni mis-suq, li fihom min jibqa’ jikkumpensa lil min joħroġ. Issa, tali ftehimiet fir-realtà jikkonsistu f’xiri tal-kompetizzjoni u konsegwentement għandhom jiġu kklassifikati bħala restrizzjonijiet minħabba l-għan għall-kompetizzjoni, kif jirriżulta mis‑sentenza tal-20 ta’ Novembru 2008, Beef Industry Development Society u Barry Brothers (C‑209/07, EU:C:2008:643, punti 8 u 31 sa 34), u mill-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Trstenjak fil-Kawża Beef Industry Development Society u Barry Brothers (C‑209/07, EU:C:2008:467, punt 75), iċċitati, b’mod partikolari, fil-premessi 1139 u 1140 tad-deċiżjoni kkontestata. Barra minn hekk, l-esklużjoni ta’ kompetituri mis-suq hija forma estrema ta’ tqassim tas-suq u ta’ limitazzjoni tal-produzzjoni (sentenza tat-8 ta’ Settembru 2016, Lundbeck vs Il-Kummissjoni, T‑472/13, taħt appell, EU:T:2016:449, punt 435) li tippreżenta, f’kuntest bħal dak tal-ftehimiet ikkontestati, grad ta’ dannu iktar għoli peress li l-kumpanniji esklużi huma kumpanniji ta’ ġeneriċi li d-dħul fis-suq tagħhom, bħala regola, jiffavorixxi l‑kompetizzjoni u barra minn hekk jikkontribwixxi għall-interess ġenerali li jiżgura kura tas-saħħa bl-inqas spejjeż. Finalment, din l‑esklużjoni hija sostnuta, fil-ftehimiet ikkontestati, mill-impossibbiltà għall-kumpannija ta’ ġeneriċi li tikkontesta l-privattiva kkontestata.

62      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, fil-kuntest tal-ftehimiet dwar soluzzjoni bonarja dwar it-tilwimiet relatati mal-privattivi, il‑klassifikazzjoni ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan tippreżumi l-preżenza, fi ħdan il-ftehim dwar soluzzjoni bonarja, ta’ benefiċċju li jagħti inċentiv lill-kumpannija ta’ ġeneriċi u ta’ limitazzjoni korrelattiva tal-isforzi tagħha sabiex tikkompeti mal-kumpannija ta’ verżjonijiet tal-bidu. Meta dawn iż-żewġ kundizzjonijiet huma ssodisfatti, ikun hemm konstatazzjoni ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan fir-rigward tal-grad ta’ dannu għall-funzjonament tajjeb tal-kompetizzjoni tal-ftehim hekk konkluż.

63      B’hekk, fir-rigward ta’ ftehim dwar soluzzjoni bonarja fil-qasam tal‑privattivi li jinkludi klawżoli ta’ nuqqas ta’ kummerċjalizzazzjoni u ta’ nuqqas ta’ kontestazzjoni li n-natura intrinsikament restrittiva tagħhom (ara l-punt 257 hawn fuq) ma ġietx validament ikkontestata, l‑eżistenza ta’ inċentiv tal-kumpannija ta’ ġeneriċi sabiex tissuġġetta ruħha għal dawn il-klawżoli tippermetti li jkun hemm bażi għall‑konstatazzjoni ta’ restrizzjoni minħabba l-għan, u dan anki jekk teżisti kawża vera, jekk il-ftehim dwar soluzzjoni bonarja jinkludi klawżoli ta’ nuqqas ta’ kummerċjalizzazzjoni u ta’ nuqqas ta’ kontestazzjoni li l‑portata tagħhm ma taqbiżx lil dik tal-privattiva kkontestata u jekk din il‑privattiva tista’, fir-rigward, b’mod partikolari, tad-deċiżjonijiet adottati mill-awtoritajiet amministrattivi jew mill-qrati kompetenti, leġittimament tiġi kkunsidrata valida mill-partijiet għall-ftehim fil‑mument tal-adozzjoni tiegħu.

64      Issa, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni, b’mod korrett, eżaminat jekk il-ftehimiet inkwistjoni kinux jinkludu trasferiment ta’ valur mill‑kumpannija ta’ verżjonijiet tal-bidu lejn il-kumpannija ta’ ġeneriċi li jirrappreżenta inċentiv “sinjifikattiv”, jiġifieri ta’ natura li twassal lil din l‑aħħar kumpannija li taċċetta li tissuġġetta ruħha għal klawżoli ta’ nuqqas ta’ kummerċjalizzazzjoni u ta’ nuqqas ta’ kontestazzjoni, sabiex minnu tiddeduċi jekk, fil-preżenza ta’ tali inċentiv, kienx hemm restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan.

65      Il-Kummissjoni, filwaqt li b’dan il-mod użat il-kriterju tal-inċentiv sabiex tiddistingwi bejn il-ftehimiet dwar soluzzjoni bonarja li jikkostitwixxu restrizzjonijiet minħabba l-għan minn dawk li ma jikkostitwixxux tali restrizzjonijiet, kriterju li iktar ’il quddiem ser jissejjaħ bħala dak tal‑“inċentiv” jew tal-“vantaġġ tal-inċentiv”, fid-dawl tal-argumenti preċedenti ma vvizzjatx id-deċiżjoni tagħha bi żball ta’ liġi.

66      Tali żball ta’ liġi lanqas ma jista’ jiġi dedott minn allegat nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-kuntest li fih jaqgħu l-ftehimiet ikkontestati (ara, dwar il-kunċett ta’ kuntest, is-sentenza tal-11 ta’ Settembru 2014, CB vs Il-Kummissjoni, C‑67/13 P, EU:C:2014:2204, punt 53), peress li mill‑argumenti preċedenti jirriżulta wkoll li l-kriterju tal-inċentiv huwa bbażat fuq analiżi tal-kontenut tal-ftehimiet ikkontestati mhux biss fir‑rigward tal-għan tagħhom kif muri, li huwa dak li jirregola b’mod bonarju tilwimiet fil-qasam tal-privattivi, iżda wkoll fir-rigward tal-kuntest speċifiku tagħhom li huwa kkaratterizzat mill-eżistenza, fil-qasam tal‑farmaċewtika, ta’ privattivi li jikkostitwixxu drittijiet esklużivi preżunti validi u li l-pussess tagħhom normalment ikollu l-konsegwenza li jżomm barra lill-kompetituri (ara l-punt 234 hawn fuq). Il-kuntest li fih il-ftehimiet ikkontestati ġew konklużi kien barra minn hekk ġie kkunsidrat iktar u iktar f’dan il-każ peress li l-Kummissjoni intrabtet, għal kull wieħed minn dawn il-ftehimiet, li turi li l-kumpannija ta’ ġeneriċi inkwistjoni kienet kompetitur potenzjali ta’ Servier, jiġifieri li hija kellha possibilitajiet reali u konkreti li tidħol fis-suq (ara l-punt 317 et seq. iktar ’il quddiem). Sabiex nagħti risposta sħiħa għall-motiv ibbażat fuq l-iżball ta’ liġi li allegatament ikkommettiet il-Kummissjoni meta ddeċidiet li kien hemm restrizzjoni minħabba l‑għan u sabiex inkun nista’ sussegwentement nevalwa jekk, għal kull ftehim, il-Kummissjoni kkommettietx żball ta’ evalwazzjoni, għandu jiġi spjegat taħt liema kundizzjonijiet jista’ jiġi kkonstatat li kien hemm inċentiv.

5)      Fuq l-inċentiv

67      Sabiex jiġi stabbilit jekk ħlas invertit, jiġifieri trasferiment ta’ valur mill‑kumpannija ta’ verżjonijiet tal-bidu lill-kumpannija ta’ ġeneriċi, jikkostitwixxix jew le inċentiv sabiex jiġu aċċettati klawżoli ta’ nuqqas ta’ kummerċjalizzazzjoni u ta’ nuqqas ta’ kontestazzjoni, għandu jiġi eżaminat, filwaqt li jiġu kkunsidrati n-natura u l-ġustifikazzjoni tiegħu, jekk ikoprix spejjeż inerenti għall-ftehim dwar soluzzjoni bonarja tat-tilwima. Fid‑deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni għalhekk ġustament eżaminat jekk it-trasferiment ta’ valur kienx jikkorrispondi mal-ispejjeż speċifiċi tal-ftehim dwar soluzzjoni bonarja sostnuti mill-kumpannija ta’ ġeneriċi (premessi 1333 et seq., 1461 et seq., 1592 et seq. u 1969 et seq. tad‑deċiżjoni kkontestata).

68      Fil-każ fejn il-ħlas invertit previst fi ftehim dwar soluzzjoni bonarja li jinkludi klawżoli li jirrestrinġu l-kompetizzjoni ikun intiż sabiex jikkumpensa l-ispejjeż inerenti għas-soluzzjoni bonarja sostnuti mill-kumpannija ta’ ġeneriċi, dan il-pagament ma jistax bħala regola jiġi kkunsidrat bħala inċentiv. Fil-fatt, bir-rabta tagħhom mas-soluzzjoni bonarja, tali spejjeż jimplikaw li huma, bħala tali, ibbażati fuq ir-rikonoxximent tal-validità tal-privattivi kkontestati li din is-soluzzjoni bonarja hija intiża li tirratifika billi ttemm il-kontestazzjoni ta’ din il-validità u l-ksur ta’ privattiva potenzjali tal‑imsemmija privattivi. Għalhekk ma għandux jiġi kkunsidrat li tali ħlas invertit idaħħal suspett fir-rigward tal-fatt li s-soluzzjoni bonarja hija bbażata fuq ir-rikonoxximent, mill-partijiet tal‑ftehim, tal‑validità tal-privattiva inkwistjoni (ara l-punti 264 u 265 hawn fuq). Il-konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ inċentiv u ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan ma hijiex madankollu eskluża f’dan il‑każ. Madankollu huwa preżunt li l-Kummissjoni tistabbilixxi li l‑ammonti li jikkorrispondu għal dawn l-ispejjeż marbuta mas-soluzzjoni bonarja, anki jekk stabbiliti u speċifikati b’ċifra mill-partijiet f’dan il-ftehim, għandhom natura eċċessiva (ara, f’dan is-sens, il‑premessi 1338, 1465, 1600 u 1973 tad-deċiżjoni kkontestata). Tali sproporzjon jikser fil-fatt ir-rabta mill-qrib bejn l-ispejjeż ikkonċernati u s-soluzzjoni bonarja u, għalhekk, jipprekludi li mir-rimbors ta’ dawn l-ispejjeż jiġi dedott li l-ftehim dwar is-soluzzjoni bonarja inkwistjoni huwa bbażat fuq ir-rikonoxximent tal-validità tal-privattivi kkontestati.

69      Jista’ jiġi kkunsidrat li, kif ir-rikorrenti u l-Kummissjoni ammettew waqt is-seduta, l-ispejjeż marbuta mas-soluzzjoni bonarja tal‑kawża jkopru, b’mod partikolari, l-ispejjeż ġudizzjarji sostnuti mill‑kumpannija ta’ ġeneriċi fil-kuntest tal-kawża kontra l-kumpannija ta’ verżjonijiet tal-bidu. Fil-fatt, dawn l-ispejjeż ġew sostnuti biss għall‑kawżi ta’ validità jew ta’ ksur tal-privattivi inkwistjoni, li l-ftehim dwar soluzzjoni bonarja huwa intiż preċiżament sabiex itemm abbażi ta’ ftehim li jirrikonoxxi l-validità tal-privattivi. Il-ħlas tagħhom għandu għalhekk rabta diretta ma’ tali soluzzjoni bonarja. Konsegwentement, meta l-ammonti tal-ispejjeż ġudizzjarji tal‑kumpannija ta’ ġeneriċi huma stabbiliti mill-partijiet tas-soluzzjoni bonarja, il-Kummissjoni ma tistax tikkonstata n-natura ta’ inċentiv tagħhom ħlief jekk turi li dawn huma sproporzjonati. F’dan ir‑rigward, għandhom jiġu kkunsidrati bħala sproporzjonati ammonti li jikkorrispondu għal spejjeż ġudizzjarji li n-natura oġġettivament indispensabbli tagħhom sabiex titmexxa l-proċedura kkontestata, fid-dawl, b’mod partikolari, tad‑diffikultà ġuridika u fattwali tal-kwistjonijiet ittrattati kif ukoll tal‑interess ekonomiku li l-kawża tippreżenta għall-kumpannija ta’ ġeneriċi, ma ġietx stabbilita abbażi ta’ dokumenti preċiżi u ddettaljati.

70      Għall-kuntrarju, ċerti spejjeż sostnuti mill-kumpannija ta’ ġeneriċi huma, a priori, wisq ’il bogħod mill-kawża u r-riżoluzzjoni tagħha sabiex ikunu jistgħu jiġu kkunsidrati bħala inerenti għas-soluzzjoni bonarja fil-qasam tal-privattivi. Dawn huma, pereżempju, spejjeż ta’ fabrikazzjoni ta’ prodotti li jiksru privattiva, li jikkorrispondu għall-valur tal-istokk tal-imsemmija prodotti, kif ukoll spejjeż ta’ riċerka u ta’ żvilupp sostnuti sabiex dawn il-prodotti jiġu żviluppati. Fil-fatt, tali spejjeż huma esposti a priori indipendentement mill-eżistenza tal-kawżi jew is-soluzzjoni tagħhom u ma jissarfux f’telf minħabba din is-soluzzjoni, kif juri b’mod partikolari l-fatt li l-prodotti inkwistjoni ħafna drabi, minkejja l‑projbizzjoni tal-kummerċjalizzazzjoni tagħhom permezz tal-ftehim dwar soluzzjoni bonarja, jinbiegħu fi swieq mhux koperti mill‑imsemmi ftehim u li r-riċerki korrispondenti jistgħu jintużaw għall‑iżvilupp ta’ prodotti oħra. L-istess jgħodd għall-ammonti dovuti mill-kumpannija ta’ ġeneriċi lil terzi minħabba obbligi kuntrattwali konklużi barra mill-kawża (pereżempju kuntratti ta’ provvista). Tali spejjeż ta’ xoljiment ta’ kuntratti konklużi ma’ terzi jew ta’ kumpens ta’ dawn it-terzi huma fil-fatt ġeneralment imposti mill-kuntratti inkwistjoni jew b’rabta ma’ dawn il‑kuntratti, li barra minn hekk kienu ġew konklużi mill‑kumpannija ta’ ġeneriċi kkonċernata indipendentement minn kull kawża mal‑kumpannija ta’ verżjonijiet tal-bidu jew ir-riżoluzzjoni tagħha. Għalhekk, huma l‑partijiet tal-ftehim, jekk jixtiequ li l-ħlas ta’ dawn l-ispejjeż ma jiġix ikklassifikat bħala inċentiv u li jikkostitwixxi indikazzjoni tal-eżistenza ta’ restrizzjoni tal‑kompetizzjoni minħabba l-għan, li għandhom juru li dawn huma inerenti għall-kawża jew għar-riżoluzzjoni tagħha, imbagħad jiġġustifikaw l-ammont tagħhom. Huma jistgħu wkoll, għall-istess raġunijiet, jibbażaw ruħhom fuq l-ammont insinjifikattiv tar-rimbors ta’ dawn l‑ispejjeż a priori mhux inerenti għas-soluzzjoni bonarja tal‑kawża u, b’hekk, insuffiċjenti sabiex jikkostitwixxu inċentiv sinjifikativ sabiex jiġu aċċettati l-klawżoli li jirrestrinġu l-kompetizzjoni previsti mill-ftehim dwar soluzzjoni bonarja (ara, f’dan is-sens, is‑sentenza tat-8 ta’ Settembru 2016, Lundbeck vs Il‑Kummissjoni, T‑472/13, taħt appell, EU:T:2016:449, punt 360).

71      Sabiex tintemm l-analiżi tal-iżball ta’ liġi li allegatament ikkommettiet il‑Kummissjoni billi ddikjarat li teżisti restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan, jeħtieġ ukoll li jiġu eżaminati tliet argumenti sekondarji invokati mir-rikorrenti u l-intervenjenti, ibbażati fuq l-applikabbiltà tal‑ftehimiet inkwistjoni tat-teorija ta’ restrizzjonijiet inċidentali, tal‑implikazzjoni tad-dritt Amerikan fuq is-soluzzjoni tat-tilwima u tal‑effetti ambivalenti li jipproduċu l-ftehimiet dwar soluzzjoni bonarja fil‑qasam tal-privattivi.

6)      Fuq l-applikabbiltà tat-teorija tar-restrizzjonijiet anċillari għallftehimiet dwar soluzzjoni bonarja

72      Ir-rikorrenti u l-intervenjenti jsostnu li, minħabba l-għan leġittimu tal-ftehimiet dwar soluzzjoni bonarja tat-tilwimiet fil-qasam tal-privattivi, il‑Kummissjoni kellha tapplika t-test ta’ neċessità oġġettiva, li jippermetti li ftehim ma jaqax taħt l-Artikolu 101(1) TFUE sakemm ikollu għan leġittimu u r-restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni li jimponi huma oġġettivament neċessarji u proporzjonati.

73      B’mod preliminari, għandu jiġi osservat li r-rikorrenti ma kinux invokaw it-teorija tar-restrizzjonijiet anċillari matul il‑proċedura amministrattiva u li d‑deċiżjoni kkontestata ma ssemmihiex.

74      Mill-ġurisprudenza jirriżulta li, jekk operazzjoni jew attività partikolari ma taqax taħt il-prinċipju ta’ projbizzjoni previst fl‑Artikolu 101(1) TFUE, minħabba n-newtralità tagħha jew l-effett pożittiv tagħha fil-livell tal-kompetizzjoni, lanqas restrizzjoni tal‑awtonomija kummerċjali ta’ parteċipant jew ta’ diversi parteċipanti f’din l-operazzjoni jew f’din l-attività ma taqa’ taħt l-imsemmi prinċipju ta’ projbizzjoni jekk din ir-restrizzjoni tkun oġġettivament neċessarja għall-implimentazzjoni ta’ din l-operazzjoni jew ta’ din l-attività u proporzjonali għall-għanijiet ta’ waħda jew l-oħra (ara s-sentenza tal‑11 ta’ Settembru 2014, MasterCard et vs Il-Kummissjoni, C‑382/12 P, EU:C:2014:2201, punt 89 u l-ġurisprudenza ċċitata). Fil‑fatt, fejn ma huwiex possibbli li tali restrizzjoni, ikklassifikata bħala restrizzjoni anċillari, tinżamm distinta mill-operazzjoni jew mill-attività prinċipali mingħajr ma jiġu kompromessi l-eżistenza u l-għanijiet tagħha, il-kompatibbiltà ta’ din ir-restrizzjoni mal-Artikolu 101 TFUE għandha tiġi eżaminata flimkien mal-kompatibbiltà tal-operazzjoni jew tal-attività prinċipali li għaliha hija anċillari, u dan minkejja li, meqjusa waħidha, restrizzjoni simili tista’ tidher, prima facie, li taqa’ taħt il-prinċipju ta’ projbizzjoni tal-Artikolu 101(1) TFUE (sentenza tal‑11 ta’ Settembru 2014, MasterCard et vs Il-Kummissjoni, C‑382/12 P, EU:C:2014:2201, punt 90).

75      Il-Kummissjoni ssostni li l-pre-rekwiżit għall-applikazzjoni tat-test tan‑neċessità oġġettiva ma jkunx issodisfatt meta soluzzjoni bonarja ta’ tilwima fil-qasam tal-privattivi ma tkunx tista’, bħala regola, tiġi kklassifikata bħala operazzjoni mingħajr natura antikompetittiva minħabba n-newtralità tagħha jew l-effett pożittiv tagħha fuq il-livell tal‑kompetizzjoni. Huwa minnu li minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li s-soluzzjoni bonarja ta’ kawża ma teżentax lill-partijiet mill‑applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni, peress li l‑Artikolu 101(1) TFUE ma jagħmel l-ebda distinzjoni bejn il-ftehimiet li għandhom bħala għan li jtemmu kawża u dawk li jsegwu għanijiet oħra (ara l-punt 253 hawn fuq). Madankollu, kif korrettament isostnu r‑rikorrenti u l-intervenjenti, il-ġurisprudenza ma teskludix li ftehim dwar soluzzjoni bonarja ta’ kawża jaqa’ taħt il-prinċipju ta’ projbizzjoni previst fl-Artikolu 101(1) TFUE, minħabba n-newtralità tiegħu jew l-effetti pożittivi tiegħu fuq il-livell tal-kompetizzjoni. L‑applikazzjoni tat-test tan-neċessità oġġettiva f’każ partikolari tassumi, fil-fatt, li l-operazzjoni jew l-attività prinċipali ma tkunx ta’ natura antikompetittiva minħabba n-newtralità tagħha jew l-effett pożittiv tagħha fuq il-livell tal-kompetizzjoni, iżda hija ma timponix li l‑operazzjoni jew l-attività prinċipali tkun, min-natura tagħha stess u indipendentement miċ-ċirkustanzi ta’ kull każ, nieqsa minn natura antikompetittiva. Barra minn hekk, il-ġurisprudenza fakkret li l-eżami tal‑operazzjoni jew tal-attività prinċipali ma jistax jitwettaq in abstracto, iżda jiddependi mill-klawżoli jew mir-restrizzjonijiet anċillari speċifiċi għal kull każ inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-28 ta’ Jannar 1986, Pronuptia de Paris, 161/84, EU:C:1986:41, punt 14; tal-15 ta’ Diċembru 1994, DLG, C‑250/92, EU:C:1994:413, punt 31, u tat-12 ta’ Diċembru 1995, Oude Luttikhuis et, C‑399/93, EU:C:1995:434, punt 12 sa 14). Barra minn hekk, għandu jitfakkar li diversi dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni jinkoraġġixxu s-soluzzjoni bonarja tat-tilwimiet (ara l-punt 247 sa 250 hawn fuq).

76      Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma tistax tinvoka s-sentenza tas‑27 ta’ Settembru 1988, Bayer u Maschinenfabrik Hennecke (65/86, EU:C:1988:448), sabiex teskludi bħala regola kull possibbiltà li tiġi applikata t-teorija tar-restrizzjonijiet anċillari għas-soluzzjoni bonarja tat‑tilwimiet. Fil-fatt, jekk minn din is-sentenza jirriżulta li l-Qorti tal-Ġustizzja rrifjutat li ssegwi r-raġunament propost mill-Kummissjoni li tikkunsidra klawżola ta’ nuqqas ta’ kontestazzjoni ta’ privattiva inkluża fi ftehim dwar liċenzja bħala kompatibbli mal-Artikolu 101(1) TFUE meta ċerti kundizzjonijiet huma ssodisfatti u spjegat li l‑Artikolu 101(1) TFUE ma kien jagħmel l-ebda distinzjoni bejn il-ftehimiet li għandhom bħala għan li jtemmu tilwima u dawk li jwettqu għanijiet oħra, hi madankollu ma eskludietx li ftehim dwar soluzzjoni bonarja ta’ kawża li jinkludi klawżoli ta’ nuqqas ta’ kontestazzjoni u ta’ nuqqas ta’ kummerċjalizzazzjoni jista’, skont il-kuntest ġuridiku u ekonomika, ma jkunx tali li jirrestrinġi l-kompetizzjoni (is-sentenza tas‑27 ta’ Settembru 1988, Bayer u Maschinenfabrik Hennecke, 65/86, EU:C:1988:448, punt 21). Barra minn hekk, dis-sentenza ma ngħatatx fil‑kuntest tas-soluzzjoni bonarja ta’ kawża iżda f’kuntest ta’ ftehim dwar liċenzja.

77      Jekk ftehim dwar soluzzjoni bonarja ta’ kawża fil-qasam tal-privattivi li għandu effett newtrali jew pożittiv fuq il-livell tal-kompetizzjoni ma għandux bħala regola jiġi eskluż mill-kamp ta’ applikazzjoni tat-teorija ta’ restrizzjonijiet anċillari, madankollu jeħtieġ li tiġi eżaminata l-portata tar‑restrizzjoni anċillari ta’ kompetizzjoni, li timplika eżami minn żewġ aspetti. Fil‑fatt, huwa meħtieġ li jiġi stabbilit, minn naħa, jekk ir‑restrizzjoni hijiex oġġettivament neċessarja għat-twettiq tal-operazzjoni jew tal-attività prinċipali u, min-naħa l-oħra, jekk hijiex proporzjonali għaliha (sentenzi tat-18 ta’ Settembru 2001, M6 et vs Il-Kummissjoni, T‑112/99, EU:T:2001:215, punt 106, u tad-29 ta’ Ġunju 2012, E.ON Ruhrgas u E.ON vs Il-Kummissjoni, T‑360/09, EU:T:2012:332, punt 64).

78      Fir-rigward tal-ewwel rekwiżit, skont il-ġurisprudenza, għandu jiġi eżaminat jekk it-twettiq ta’ din l-operazzjoni jew ta’ din l-attività ikunx impossibbli fl-assenza tar-restrizzjoni inkwistjoni. Għalhekk, il-fatt li l‑imsemmija operazzjoni jew l-imsemmija attività sempliċiment issir iktar diffiċli sabiex titwettaq jew inqas profittabli fl-assenza tar‑restrizzjoni inkwistjoni ma jistax jitqies li jagħti lil din ir-restrizzjoni n‑natura oġġettivament neċessarja rikjesta sabiex din tkun tista’ tiġi kklassifikata bħala anċillari. Fil-fatt, tali interpretazzjoni twassal sabiex dan il-kunċett jiġi estiż għal restrizzjonijiet li ma humiex strettament indispensabbli għat‑twettiq tal-operazzjoni jew tal-attività prinċipali. Tali riżultat jippreġudika l-effettività tal-projbizzjoni prevista fl‑Artikolu 101(1) TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Settembru 2014, MasterCard et vs Il-Kummissjoni, C‑382/12 P, EU:C:2014:2201, punt 91).

79      Fir-rigward tal-klawżoli ta’ nuqqas ta’ kontestazzjoni u ta’ nuiqqas ta’ kummerċjalizzazzjoni, dawn huma inerenti biss għal uħud mis-soluzzjonijiet bonarji, jiġifieri dawk li huma bbażati fuq rikonoxximent tal-validità tal-privattiva jew tal-privattivi inkwistjoni (ara l-punt 259 hawn fuq). Tali klawżoli, meta jirriflettu r-rikonoxximent tal‑validità tal-privattiva minn kull waħda mill-partijiet u meta l-portata tagħhom hija limitata għal dik tal-privattiva inkwistjoni, għandhom għalhekk jiġu kkunsidrati li jistgħu jissodisfaw l-ewwel rekwiżit tad‑deroga prevista mit-teorija tar-restrizzjonijiet anċillari.

80      Fir-rigward tat-tieni rekwiżit, għandu jitfakkar li, fejn restrizzjoni hija oġġettivament neċessarja għat-twettiq ta’ operazzjoni jew attività prinċipali, huwa xorta meħtieġ li jiġi vverifikat jekk it-tul ta’ żmien tagħha u l-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae, temporis u ġeografiku tagħha jeċċedux dak li huwa meħtieġ sabiex titwettaq l-imsemmija operazzjoni jew l-imsemmija attività. Jekk il‑kamp ta’ applikazzjoni tar-restrizzjoni jeċċedi dak li huwa meħtieġ sabiex titwettaq l-operazzjoni jew l-attività prinċipali, din għandha tiġi evalwata separatament taħt l-Artikolu 101(3) TFUE (sentenza tat-18 ta’ Settembru 2001, M6 et vs Il-Kummissjoni, T‑112/99, EU:T:2001:215, punt 113). Konsegwentement, ftehim dwar soluzzjoni bonarja li l-klawżoli ta’ nuqqas ta’ kontestazzjoni u ta’ nuqqas ta’ kummerċjalizzazzjoni tiegħu ma jeċċedux it-tul ta’ żmien u l-kamp ta’ applikazzjoni tal-privattiva li tagħha huwa jirrikonoxxi l-validità jista’ jibbenefika mill‑applikazzjoni tat-teorija tar-restrizzjonijiet anċillari.

81      Madankollu, f’dan il-każ, huwa korrett li l-Kummissjoni setgħet ma teżaminax jekk kienx hemm lok li tiġi applikata t-teorija tar‑restrizzjonijiet anċillari, peress li hija qieset li l-klawżoli ta’ nuqqas ta’ kontestazzjoni u ta’ nuqqas ta’ kummerċjalizzazzjoni ma kinux ibbażati fuq rikonoxximent tal-validità tal-privattiva iżda fuq it-trasferiment ta’ valur mil-laboratorju ta’ verżjonijiet tal-bidu lejn il‑kumpannija ta’ ġeneriċi li jikkostitwixxi inċentiv, għal din il‑kumpannija, sabiex tirrinunzja milli teżerċita pressjoni kompetittiva fuq il-kumpannija detentriċi tal-privattiva. Fil-fatt, f’każ bħal dan, il‑ftehim dwar soluzzjoni bonarja jikkostitwixxi restrizzjoni tal‑kompetizzjoni minħabba l-għan li ma jistax jiġi kklassifikat bħala operazzjoni nieqsa min-natura antikompetittiva minħabba n-newtralità tagħha jew l-effett pożittiv tagħha fuq il-livell tal-kompetizzjoni. Barra minn hekk, il-klawżoli ta’ nuqqas ta’ kontestazzjoni u ta’ nuqqas ta’ kummerċjalizzazzjoni jistgħu jkunu l-għodda meħtieġa biss f’każ ta’ ftehim dwar soluzzjoni bonarja bbażat fuq rikonoxximent tal-validità tal‑privattiva inkwistjoni mill-partijiet ta’ dan il-ftehim (ara l-punt 289 hawn fuq). Għalhekk, fil‑preżenza ta’ inċentiv, is-soluzzjoni bonarja ma hijiex ibbażata fuq tali rikonoxximent. Il-klawżoli ta’ nuqqas ta’ kontestazzjoni u ta’ nuqqas ta’ kummerċjalizzazzjoni għalhekk ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala neċessarji għal tali soluzzjoni bonarja.

7)      Fuq il-konċiljazzjoni bejn il-ftehimiet dwar soluzzjoni bonarja filqasam tal-privattivi u l-liġi Amerikana tal-kompetizzjoni

82      Ir-rikorrenti jużaw is-sentenza Actavis, billi jsostnu li s-Supreme Court of the United States (il-Qorti Suprema tal-Istati Uniti) ma aċċettatx l‑approċċ addottat mill-Kummissjoni f’dan il-każ. Il-Kummissjoni, li semmiet din is-sentenza fid-deċiżjoni kkontestata (premessa 1199), madankollu sostniet li hija żammet l-istess approċċ tas-Supreme Court of the United States (il-Qorti Suprema tal-Istati Uniti), billi kkunsidrat li ma kienx hemm preżunzjoni ta’ illegalità tal-ftehimiet dwar soluzzjoni bonarja li jinkludu trasferiment ta’ valur mil-laboratorju ta’ verżjonijiet tal‑bidu lejn il-kumpannija ta’ ġeneriċi.

83      Is-sentenza Actavis hija relatata ma’ ftehimiet dwar soluzzjoni bonarja konklużi fis-settur farmaċewtiku, li fih il-kumpanniji ta’ ġeneriċi obbligaw ruħhom li ma jidħlux fis-suq sa data qabel id-data ta’ skadenza tal-privattiva tal-kumpannija tal-verżjonijiet tal-bidu (65 xahar qabel id‑data ta’ skadenza tal-privattiva għal Actavis) u li jippromwovu l‑prodott mediċinali inkwistjoni mat-tobba, bi ħlas ta’ ammonti sinjifikattivi (għal Actavis, pagamenti annwali ta’ USD 19-il miljun sa USD 30 miljun għal perijodu ta’ disa’ snin).

84      Għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, prattiki nazzjonali, anki jekk komuni għall-Istati Membri kollha, ma għandhomx ikunu prevalenti fl-applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni tat-Trattat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-17 ta’ Jannar 1984, VBVB u VBBB vs Il‑Kummissjoni, 43/82 u 63/82, EU:C:1984:9, punt 40) u li dan japplika b’mod partikolari f’każ ta’ prattiki nazzjonali ta’ pajjiżi terzi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-28 ta’ Frar 2002, Compagnie générale maritime et vs Il-Kummissjoni, T‑86/95, EU:T:2002:50, punt 341 u l-ġurisprudenza ċċitata). L-approċċ użat mid-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni f’dak li jirrigwarda d-distinzjoni bejn ir-restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni minħabba l-għan u minħabba l-effett huwa differenti fil-fatt mid-dritt antitrust Amerikan, li jiddistingwi r-restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni fihom infushom, irriżervati għall-każijiet li fihom l-effetti antikompetittivi huma daqstant ċari li jeħtieġu approċċ rapidu u prima facie (quick look approach), mingħajr ma jiġi kkunsidrat il-kuntest, u li huma neċessarjament u b’mod irriversibbli pprojbiti, mill-ksur li jeħtieġ li jiġi pprovat skont regola ta’ raġuni (“rule of reason”), jiġifieri wara eżami li fih jintiżnu l-effetti tal-ftehim favur u kontra l-kompetizzjoni. Għalhekk, minn naħa, id-dritt tal-Unjoni ma jikkunsidra l-ebda restrizzjoni tal-kompetizzjoni bħala neċessarjament u b’mod irriversibbli illegali, peress li restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l‑għan tista’, bħala regola, taqa’ fl-eċċezzjonijiet previsti mill‑Artikolu 101(3) TFUE. Min-naħa l-oħra, kif fakkret il‑ġurisprudenza, l-eżistenza ta’ regola ta’ raġuni ma tistax tiġi aċċettata fid-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni (is‑sentenza tad-29 ta’ Ġunju 2012, E.ON Ruhrgas u E.ON vs Il‑Kummissjoni, T‑360/09, EU:T:2012:332, punt 65; ara wkoll, f’dan is‑sens, is-sentenza tat-23 ta’ Ottubru 2003, Van den Bergh Foods vs Il‑Kummissjoni, T‑65/98, EU:T:2003:281, punt 106). Barra minn hekk, id-differenzi bejn l-oqfsa regolatorji fl-Istati Uniti u fl-Unjoni, relatati b’mod partikolari mal-privattivi fil-qasam farmaċewtiku, jagħmlu t‑traspożizzjoni b’analoġija tal-portata tas-sentenza Actavis f’din il‑kawża iktar diffiċli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Settembru 2016, Lundbeck vs Il-Kummissjoni, T‑472/13, taħt appell, EU:T:2016:449, punt 513).

85      Konsegwentement, l-argument tar-rikorrenti bbażat fuq interpretazzjoni żbaljata tal-pożizzjoni tas-Supreme Court of the United States (il-Qorti Suprema tal-Istati Uniti) għandu jiġi miċħud bħala ineffettiv.

8)      Fuq l-effetti ta’ natura ambivalenti tal-ftehimiet dwar soluzzjoni bonarja

86      Ir-rikorrenti jqisu li l-effeti tal-ftehimiet dwar soluzzjoni bonarja huma ta’ natura ambivalenti u ma għandhomx, għaldaqstant, jiġu kklassifikati bħala restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan.

87      Huma jsostnu, l-ewwel nett, li tali ftehimiet għandhom effetti potenzjali ambivalenti fuq il-kontestazzjoni tal-privattivi, meta jkun hemm proċeduri ġudizzjari paralleli u meta, fil-proċeduri quddiem l-UEP, l-irtirar tal-oppożizzjoni minn parti ma tipprekludix it-tkomplija tal‑proċedura, peress li l-argumenti tagħha jistgħu jiġu invokati ex officio mid-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni jew mill-Bord tal-Appell tal-UEP. Barra minn hekk, id-deċiżjoni kkontestata ma kkunsidratx il-fatt li l-ftehimiet dwar soluzzjoni bonarja għandhom biss effetti ambivalenti fuq il-kawżi futuri, peress li l-kumpanniji ta’ ġeneriċi jibqgħu liberi jekk jibdewx jew le proċeduri ġudizzjarji li jiswew il-flus u dawn jistgħu fi kwalunkwe każ jirriżultaw inutli f’ċerti Stati Membri meta proċedura quddiem l-UEP tkun pendenti.

88      It-tieni nett, ir-rikorrenti jqisu li l-effetti potenzjali ta’ dawn il-ftehimiet fuq id-dħul ta’ ġeneriċi fuq is-suq huma ambivalenti wkoll, skont it‑termini tal-ftehimiet stabbiliti u l-kuntest li fih jaqgħu. Għalhekk għandha tiġi kkunsidrata l-eżistenza tal-kawża u l-possibbiltà ta’ suċċess tal-partijiet, l-eżistenza ta’ kawżi oħrajn u l-possibbiltà li jiġu żviluppati forom alternattivi tal-prodott. Barra minn hekk, dawn il-ftehimiet jistgħu jippermettu dħul iktar mgħaġġel tal-ġeneriċi fis-suq. Fl-aħħar nett, il‑Kummissjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-kapaċità u l-intenzjoni ta’ kumpanniji ta’ ġeneriċi li jwettqu dħul ta’ riskju fis-suq.

89      It-tielet nett, ir-rikorrenti jikkunsidraw li l-Kummissjoni ma tistax tissanzjona ftehimiet dwar soluzzjoni bonarja ta’ tilwimiet fil-qasam tal-privattivi mingħajr ma tevalwa l-effetti konkreti tagħhom fuq is-suq, bi qbil mal-pożizzjoni aċċettata mis-Supreme Court of the United States (il-Qorti Suprema tal-Istati Uniti) fis-sentenza Actavis.

90      Il-Kummissjoni ssostni li dan l-argument huwa ineffettiv peress li, sabiex jiġi stabbilit jekk ftehim jikkostitwixxix restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan, ma għandhomx jiġu kkunsidrati l-effetti tiegħu, u peress li restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan tista’ anki, f’ċerti każijiet, minħabba ċirkustanzi sussegwenti, ma tipproduċi l-ebda effett. L-analiżi tar-restrizzjoni minħabba l-għan għalhekk ma teħtieġx li jintwerew liema sitwazzjonijiet ta’ ksur ta’ privattiva jistgħu jippreżentaw ruħhom fl-assenza tal‑ftehimiet.

91      Sussidjarjament, il-Kummissjoni tfakkar, fir-rigward tal-effetti tal‑ftehimiet dwar soluzzjoni bonarja fuq il-kontestazzjoni tal‑privattivi, li, f’dan il-każ, ir-rikorrenti għamlu ħilithom biex jikkonkludu l-ftehimiet mal-kompetituri potenzjali kollha tagħhom u li tnejn biss mill-ħames ftehimiet konklużi minnhom kienu jinkludu klawżola li tippermetti dħul tal-kumpanniji ta’ ġeneriċi fis-suq fil-każ ta’ annullament tal-privattiva kkontestata.

92      Il-Kummissjoni tikkunsidra, barra minn hekk, li fid-deċiżjoni kkontestata hija eżaminat il-kapaċità u l-intenzjoni ta’ kull kumpannija ta’ ġeneriċi li twettaq dħul ta’ riskju fis-suq.

93      Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tqis li d-deċiżjoni kkontestata ma hijiex inkonsistenti mal-approċċ użat mis-Supreme Court of the United States (il-Qorti Suprema tal-Istati Uniti) fis-sentenza Actavis, fid-dawl ta’ differenzi li jeżistu bejn il-kunċett Ewropew ta’ restrizzjoni minħabba l‑għan u l-kunċett Amerikan ta’ restrizzjoni fiha nnifisha. Hija tfakkar ukoll li l-ġurisprudenza tal-Unjoni ma taċċettax l-eżistenza ta’ regola ta’ raġuni, peress li l-benefiċċji favur il-kompetizzjoni ta’ ftehim għandhom ikunu eżaminati fil-kuntest tal-Artikolu 101(3) TFUE.

94      Għandu jitqies, wara dak li jsostnu r-rikorrenti, li l-Kummissjoni u l-qorti ma jistgħux, waqt l-eżami tal-għan restrittiv ta’ ftehim u, b’mod partikolari, fil-kuntest tat-teħid inkunsiderazzjoni tal-kuntest ekonomiku u ġuridiku tiegħu, jinjoraw kompletament l-effetti potenzjali ta’ dan il-ftehim (konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Wahl fil-Kawża ING Pensii, C‑172/14, EU:C:2015:272, punt 84). Fil-fatt għandu jitfakkar li l-ftehimiet li jirrestrinġu l-kompetizzjoni minħabba l-għan huma dawk li juru grad suffiċjenti ta’ dannu, inkwantu tant jistgħu jipproduċu effetti kontra l-kompetizzjoni li jista’ jitqies inutli li jintwera li għandhom effetti konkreti fuq is-suq (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Settembru 2014, CB vs Il-Kummissjoni, C‑67/13 P, EU:C:2014:2204, punti 49 u 51 u l‑ġurisprudenza ċċitata). Minn dan isegwi li l-ftehimiet li, fid-dawl tal-kuntest li fih jinsabu, iwasslu għal effetti potenzjalment ambivalenti fuq is-suq, ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala li jirrestrinġu l-kompetizzjoni minħabba l-għan (konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Wahl fil-Kawża CB vs Il‑Kummissjoni, C‑67/13 P, EU:C:2014:1958, punt 56).

95      Madankollu, f’dan il-każ, sa fejn ir-rikorrenti jsostnu prinċiparjament, in sostenn tal-allegazzjonijiet tagħhom relatati mal-effetti potenzjali ambivalenti tal-ftehimiet ikkontestati, argumenti bbażati fuq kull wieħed minn dawn il-ftehimiet u l-kuntest tagħhom, għandha tingħata risposta għall-allegazzjonijiet inkwistjoni fil-kuntest tar-risposta għall-kritika indirizzata kontra l-klassifikazzjoni ta’ restrizzjoni minħabba l-għan ta’ kull ftehim, u dan iktar u iktar peress li, kif ġustament tenfasizza l‑Kummissjoni, l-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ restrizzjoni minħabba l‑għan għandha ssir għal kull ftehim bħala tali, mingħajr distinzjoni bejn l-analiżi tan-natura restrittiva tal-klawżoli ta’ nuqqas ta’ kontestazzjoni u dik tal-klawżoli ta’ nuqqas ta’ kummerċjalizzazzjoni.

96      Għalhekk, fir-risposta mogħtija għall-motivi li jikkritikaw l-evalwazzjoni ta’ kull ftehim ikkontestat, ser tiġi eżaminata l-kwistjoni dwar jekk il-Kummissjoni ddeċidietx b’mod validu li kienet teżisti tali restrizzjoni minkejja l-effetti potenzjali favur il-kompetizzjoni allegati li jirriżultaw, b’mod partikolari, mill-kuntest tal-konklużjoni tal-imsemmija ftehimiet, filwaqt li jiġi spjegat li ser jiġu kkunsidrati biss dawk li jibqgħu fil-kuntest ta’ analiżi tar-restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni minħabba l-għan (ara l-punti 525, 644 u 989 iktar ’il quddiem).

97      Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-punti 293 sa 295 hawn fuq, ir‑rikorrenti ma jistgħux jużaw b’mod utli s-sentenza Actavis.

b)      Fuq il-kriterji ta’ klassifikazzjoni ta’ restrizzjoni minħabba lgħan tal-ftehimiet dwar soluzzjoni bonarja użati millKummissjoni

98      Huwa fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti li għandhom jiġu eżaminati l-argumenti tar-rikorrenti li jirrigwardaw speċifikament kull waħda mit-tliet kriterji prinċipali użati mill-Kummissjoni sabiex tikklassifika l-ftehimiet dwar soluzzjoni bonarja inkwistjoni bħala restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni minħabba l-għan, li huma, l-ewwel nett, il-kwalità ta’ kompetitur potenzjali tal-kumpanniji ta’ ġeneriċi, it-tieni nett, l-impenn ta’ dawn il-kumpanniji li jillimitaw l-isforzi tagħhom biex jidħlu fis-suq bi prodott ġeneriku u, it-tielet nett, trasferiment ta’ valur mill-kumpannija ta’ verżjonijiet tal-bidu lill-kumpannija ta’ ġeneriċi li jirrappreżenta inċentiv sinjifikattiv għal din tal-aħħar biex tillimita l‑isforzi tagħha ta’ dħul (premessa 1154 tad-deċiżjoni kkontestata).

1)      Fuq il-kriterju relatat mal-kompetizzjoni potenzjali

i)      L-argumenti tal-partijiet

[omissis]

ii)    L-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali

316    Ir-rikorrenti essenzjalment jikkritikaw lill-Kummissjoni li wettqet żball ta’ liġi billi użat kriterji żbaljati biex tikklassifika l-kumpanniji ta’ ġeneriċi li kkonkludew il-ftehimiet ikkontestati magħhom bħala kompetituri potenzjali. Huma jikkritikaw ukoll l-evalwazzjoni mill‑Kummissjoni tal-ostakoli għall-eżistenza ta’ din il-kompetizzjoni potenzjali li jirriżultaw mill-privattivi tagħhom.

–       Fuq il-kriterji ta’ evalwazzjoni tal-kompetizzjoni potenzjali

Fuq id-definizzjoni tal-kunċett ta’ kompetitur potenzjali

317    Ir-rikorrenti jikkritikaw lill-Kummissjoni li llimitat ruħha, sabiex tikkonstata l-eżistenza ta’ kompetizzjoni potenzjali bejn il-partijiet fil‑ftehimiet ikkontestati, li tivverifika n-nuqqas ta’ ostakoli insurmontabbli għad-dħul ta’ kumpanniji ta’ ġeneriċi fis-suq u li ma evalwatx jekk dawn il-kumpanniji kellhomx possibbiltajiet reali u konkreti biex jidħlu fih (ara l-punt 309 hawn fuq).

318    Mill-ġurisprudenza ċċitata mir-rikorrenti jirriżulta b’mod ċar li impriża tkun kompetitur potenzjali jekk jeżistu possibbiltajiet reali u konkreti li din tidħol fis-suq inkwistjoni u tikkompeti mal-impriżi li huma stabbiliti fih. Tali prova ma għandhiex tistrieħ fuq sempliċi ipoteżi, iżda għandha tkun sostnuta minn fatti jew analiżi tal-istrutturi tas-suq rilevanti. B’hekk, impriża ma tistax tiġi kklassifikata bħala kompetitur potenzjali jekk id-dħul tagħha fis-suq ma jikkorrispondix għal strateġija ekonomika vijabbli (sentenza tad-29 ta’ Ġunju 2012, E.ON Ruhrgas u E.ON vs Il‑Kummissjoni, T‑360/09, EU:T:2012:332, punt 86 ; ara wkoll, f’dan is‑sens, is-sentenza tal-14 ta’ April 2011, Visa Europe u Visa International Service vs Il-Kummissjoni, T‑461/07, EU:T:2011:181, punti 166 u 167 u l-ġurisprudenza ċċitata). Minn dan jirriżulta neċessarjament li, għalkemm l-intenzjoni ta’ impriża li tidħol f’suq hija eventwalment rilevanti għall-finijiet tal-verifika dwar jekk hija tistax tiġi kkunsidrata bħala kompetitur potenzjali fl-imsemmi suq, l-element essenzjali li fuqu għandha tistrieħ tali klassifikazzjoni huwa madankollu kkostitwit mill-kapaċità tagħha li tidħol fl-imsemmi suq (sentenza tal‑14 ta’ April 2011, Visa Europe u Visa International Service vs Il‑Kummissjoni, T‑461/07, EU:T:2011:181, punt 168, u tad‑29 ta’ Ġunju 2012, E.ON Ruhrgas u E.ON vs Il-Kummissjoni, T‑360/09, EU:T:2012:332, punt 87).

319    F’kuntesti oħra, ġie deċiż ukoll li impriża tikkostitwixxi kompetitur potenzjali jekk ma jeżistux ostakoli insurmontabbli għad-dħul tagħha fis‑suq (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-21 ta’ Mejju 2014, Toshiba vs Il-Kummissjoni, T‑519/09, mhux ippubblikata, EU:T:2014:263, punt 230, ikkonfermata bis-sentenza tal‑20 ta’ Jannar 2016, Toshiba Corporation vs Il-Kummissjoni, C‑373/14 P, EU:C:2016:26, punti 28, 29, 32 u 34, u tat-28 ta’ Ġunju 2016, Portugal Telecom vs Il‑Kummissjoni, T‑208/13, EU:T:2016:368, punt 181).

320    B’hekk, mill-ġurisprudenza jirriżulta li, skont il-kuntest u l-aġir illegali inkwistjoni, il-punt tat-tluq li minnu l-eżistenza ta’ kompetizzjoni potenzjali hija ammessa jista’ jvarja. Fil-fatt, l-evalwazzjoni biss tal‑ostakoli insurmontabbli għad-dħul timplika li kull possibbiltà, anki teoretika, ta’ dħul fis-suq hija biżżejjed biex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ kompetizzjoni potenzjali, filwaqt li l-analiżi tal-possibbiltajiet reali u konkreti ta’ dħul twassal sabiex l-eżistenza ta’ kompetizzjoni potenzjali tkun biss irrikonoxxuta f’każ ta’ possibbiltajiet realistiċi ta’ dħul, li setgħu jseħħu fattwalment fin-nuqqas ta’ att restrittiv.

321    Xorta jibqa’ l-fatt li l-verifika tan-natura insurmontabbli ta’ ċerti ostakoli għad-dħul fis-suq, li f’dan il-każ jikkonsistu prinċiparjament mill‑privattivi u mill-obbligu li tinkiseb ATS, ma tikkontestax l‑eżami tal-possibbiltajiet reali u konkreti ta’ dħul ta’ kumpanniji ta’ ġeneriċi bbażat fuq dak tal-kapaċità tagħhom u tal-intenzjoni tagħhom li jidħlu, u lanqas tippreżenta inkoerenza fir-rigward ta’ dan l-eżami. Kif ġustament spjegat il-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata (nota ta’ qiegħ il-paġna nru 1666) u fis-seduta, din il-verifika tan-nuqqas ta’ ostakoli insurmontabbli “serviet biex jiġi vverifikat jekk, minkejja l-kapaċità ġenerali tal-kumpanniji ta’ ġeneriċi u l-intenzjoni tagħhom li jidħlu, kienx hemm raġunijiet oġġettivi li għamlu d-dħul ta’ ġeneriċi impossibbli” u, b’hekk, sabiex tkun kompluta l-analiżi bbażata fuq il‑kriterju ta’ possibbiltajiet reali u konkreti. Fil-fatt, meta jkun hemm ostakoli insurmontabbli għad-dħul f’suq, ma jistax jiġi kkunsidrat li operatur għandu possibbiltajiet reali u konkreti biex jidħol fih. Għalhekk, meta suq huwa kkaratterizzat minn ostakoli għad-dħul, l-eżami oġġettiv tan-natura insurmontabbli tagħhom jikkompleta b’mod utli dak tal‑possibbiltajiet reali u konkreti, ibbażat fuq kriterji individwali ta’ kapaċità u ta’ intenzjoni ta’ dħul tal-kumpannija inkwistjoni.

322    Għalhekk, mir-riferiment għall-kriterju ta’ ostakoli insurmontabbli li sar diversi drabi fid-deċiżjoni kkontestata (ara b’mod partikolari l‑premessi 1125 u 1181) ma jistax jiġi dedott, kif jagħmlu r-rikorrenti, li l-Kummissjoni adottat definizzjoni tal-kompetizzjoni potenzjali bbażata fuq dan il-kriterju biss.

323    Dan hu iktar u iktar minnu peress li l-Kummissjoni ċċitat, flimkien mas-sentenza tal-21 ta’ Mejju 2014, Toshiba vs Il-Kummissjoni (T‑519/09, mhux ippubblikata, EU:T:2014:263), li applikat il-kriterju ta’ ostakoli insurmontabbli (ara l-punt 319 hawn fuq), is-sentenzi tal‑15 ta’ Settembru 1998, European Night Services et vs Il‑Kummissjoni (T‑374/94, T‑375/94, T‑384/94 u T‑388/94, EU:T:1998:198), u tal-14 ta’ April 2011, Visa Europe u Visa International Service vs Il-Kummissjoni (T‑461/07, EU:T:2011:181), li adottaw il-kriterju ta’ possibbiltajiet reali u konkreti, billi semmiethom ukoll fl-introduzzjoni tal-preżentazzjoni tagħha dwar ir-regoli sabiex jiġu stabbiliti kompetituri potenzjali (premessi 1156 u 1157 tad-deċiżjoni kkontestata), kif ukoll diversi sentenzi oħra li fakkru u applikaw din id‑definizzjoni tal-kompetizzjoni potenzjali, fosthom is-sentenza tad‑29 ta’ Ġunju 2012, E.ON Ruhrgas u E.ON vs Il‑Kummissjoni (T‑360/09, EU:T:2012:332) (ara l-punt 318 hawn fuq). Barra minn hekk, hija indikat b’mod ċar li l-kapaċità ta’ dħul f’suq, karatteristika tal‑kriterju ta’ possibbilitajiet reali u konkreti (ara l-punt 318 hawn fuq), “tibqa’ l-element kruċjali sabiex tiġi pprovata l-kompetizzjoni potenzjali” (premessa 1163 tad-deċiżjoni kkontestata). Finalment, u fuq kollox, il‑Kummissjoni, fil-kuntest tal-analiżi tagħha tal-kwalità ta’ kompetitur potenzjali ta’ kull waħda mill-kumpanniji ta’ ġeneriċi inkwistjoni, minn informazzjoni differenti konkreta u relatata ma’ kull waħda minnhom, relatata b’mod partikolari mal-kapaċitajiet tagħhom ta’ produzzjoni u mal-istokk ta’ prodotti tagħhom, mal-kuntratti kummerċjali tagħhom, mal-proċessi tagħhom sabiex jiksbu ATS u mal-azzjonijiet ġudizzjarji tagħhom kontra Servier, iddeduċiet li huma kollha kellhom possibbiltajiet reali u konkreti li jidħlu fis-suq (ara l-punti 432 sa 438, 579 sa 585 u 718 sa 722 iktar ’il quddiem). Tali analiżi ddettaljata bbażata fuq informazzjoni marbuta ma’ kull allegat kompetitur potenzjali hija karatteristika tal-eżami tal-possibbiltajiet reali u konkreti ta’ dħul fis-suq u tiddistingwi ruħha minn sempliċement verifika tal-ostakoli insurmontabbli għad‑dħul f’suq partikolari, li tista’ tirriżulta f’konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ kompetizzjoni potenzjali mis-sempliċi fatt li operatur kwalunkwe daħal fis-suq inkwistjoni.

324    Dawn il-konstatazzjoniijiet ma humiex ikkontestati mill-allegazzjonijiet tar-rikorrenti li l-Kummissjoni bbażat ruħha essenzjalment fuq l‑intenzjoni tal-kumpanniji ta’ ġeneriċi biex jidħlu fis-suq u fuq ġabra ta’ ipoteżi mhux realistiċi (ara l-punt 309 hawn fuq), peress li mit-termini tar-replika jirriżulta li r-rikorrenti jikkontestaw, permezz ta’ dawn l‑allegazzjonijiet, mhux il-kriterju użat, iżda l-applikazzjoni f’dan il-każ tal-kriterju ta’ possibbiltajiet reali u konkreti, li ser tiġi eżaminata iktar ’il quddiem fil-kuntest tar-risposta għall-oġġezzjonijiet magħmula kontra l‑evalwazzjoni ta’ kull wieħed mill-ftehimiet ikkontestati.

325    Minn dan isegwi li, kuntrarjament għal dak li sostnew ir-rikorrenti, il‑Kummissjoni evalwat il-kompetizzjoni potenzjali fis-suq inkwistjoni billi bbażat ruħha fuq il-kriterju ta’ possibbiltajiet reali u konkreti.

326    Barra minn hekk, jista’ jiġi rrilevat li kuntrarjament għal dak li allegat il‑Kummissjoni fil-kontroreplika tagħha filwaqt li rreferiet għas-sentenza tal-20 ta’ Jannar 2016, Toshiba Corporation vs Il-Kummissjoni (C‑373/14 P, EU:C:2016:26) (ara l-punt 312 hawn fuq), hija ma setgħetx tillimita ruħha f’dan il-każ sabiex tivverifika n-nuqqas ta’ ostakoli insurmontabbli għad-dħul fis-suq sabiex minnu tiddeduċi l-eżistenza ta’ konmpetizzjoni potenzjali fl-imsemmi suq (ara f’dan is-sens, is‑sentenza tat‑8 ta’ Settembru 2016, Lundbeck vs Il‑Kummissjoni, T‑472/13, taħt appell, EU:T:2016:449, punti 99 sa 101).

327    Ċertament mill-punti 28, 29, 32 u 34 tas-sentenza tal-20 ta’ Jannar 2016, Toshiba Corporation vs Il-Kummissjoni (C‑373/14 P, EU:C:2016:26), jirriżulta li, fir-rigward ta’ ftehimiet dwar it-tqassim tas-swieq, l-analiżi tal-kuntest ekonomiku u ġuridiku li fih il-prattika taqa’ tista’ tkun limitata għal dak li huwa strettament neċessarju sabiex jiġi konkluż li hemm restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan u, b’mod partikolari, sabiex jiġi vverifikat li l-ostakoli għad-dħul fis-suq ma setgħux jiġi kklassifikati bħala insurmontabbli (ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tat-28 ta’ Ġunju 2016, Portugal Telecom vs Il‑Kummissjoni, T‑208/13, EU:T:2016:368, punti 177 u 181).

328    Madankollu, qabel xejn, għandu jiġi kkunsidrat li mis-sentenza tal‑20 ta’ Jannar 2016, Toshiba Corporation vs Il-Kummissjoni (C‑373/14 P, EU:C:2016:26), moqrija fid-dawl tal-konklużjonijiet tal‑Avukat Ġenerali Wathelet fil-Kawża Toshiba Corporation vs Il‑Kummissjoni (C‑373/14 P, EU:C:2015:427, punti 69, 70, 89 u 90), jirriżulta li l-limitazzjoni tal-analiżi tal-kuntest ekonomiku u ġuridiku stabbilita fiha tirriżulta min-natura partikolarment evidenti ta’ ċerti restrizzjonijiet minħabba l-għan li, b’mod partikolari għaliex il-ftehimiet inkwistjoni la huma atipiċi u lanqas kumplessi, ma jeħtiġux analiżi fid‑dettall tal-kuntest ekonomiku u ġuridiku biex jiġi stabbilit li min‑natura tagħhom jikkawżaw dannu suffiċjenti.

329    Għalhekk, f’dan il-każ, mill-fatt li l-ftehimiet ikkontestati ġew konklużi fil-forma ta’ ftehimiet dwar soluzzjoni bonarja relatati mal-privattivi, in-natura tal-ksur, u b’mod partikolari restrittiva tal-kompetizzjoni minħabba l-għan, tal-imsemmija ftehimiet setgħet ma tidhirx b’mod evidenti għal osservatur estern. F’dan ir-rigward, huwa indikattiv il-fatt li l‑Kummissjoni analizzat kemm l-għan tagħhom kif ukoll l-effett anti‑kompetittiv tagħhom. Dan tikkonfermah ukoll il-klassifikazzjoni, mill-Kummissjoni, tal-ftehimiet ikkontestati bħala restrizzjoni minħabba l-għan fis-sens tas-sentenza tal-20 ta’ Novembru 2008, Beef Industry Development Society u Barry Brothers (C‑209/07, EU:C:2008:643), u dan mingħajr il-ħtieġa li f’dan l-istadju tiddeċiedi fuq din il‑klassifikazzjoni. Fil-fatt, minkejja li mill-punt 34 ta’ din is-sentenza jirriżulta li l-ftehimiet ta’ esklużjoni mis-suq huma “evidentement” kunfliġġenti mal-kunċett inerenti fid-dispożizzjonijiet tat-trattat relatati mal-kompetizzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja ma ddeċidietx li l-ftehimiet inkwistjoni f’din il-kawża kienu, għal osservatur estern, b’mod ċar jew evidenti, ftehimiet ta’ esklużjoni u għalhekk restrizzjonijiet minħabba l‑għan li ma jeħtiġux analiżi ddettaljata tal-kuntest ekonomiku u ġuridiku tagħhom. Għall-kuntrarju hija wettqet tali analiżi ta’ dan il-kuntest kif ukoll tal-klawżoli u tal-għanijiet ta’ ftehimiet inkwistjoni sabiex minnhom tiddeduċi li kienu ftehimiet ta’ esklużjoni u, sussegwentement, “evidentement”, ftehimiet li jirrestrinġu l-kompetizzjoni minħabba l-għan (sentenza tal-20 ta’ Novembru 2008, Beef Industry Development Society u Barry Brothers, C-209/07, EU:C:2008:643, punti 31 sa 40).

330    Sussegwentement, għandu jiġi enfasizzat li, fil-kawża li wasslet għas‑sentenza tal-20 ta’ Jannar 2016, Toshiba Corporation vs Il‑Kummissjoni (C‑373/14 P, EU:C:2016:26), il-kapaċitajiet ta’ produzzjoni u ta’ kummerċjalizzazzjoni tal-produtturi li pparteċipaw fil-prattiki kkontestati ma kinux ikkontestati u s-suq rilevanti ma kien suġġett għal ebda monopolju. Issa, f’dan il-każ, il-kapaċità tal-kumpanniji ta’ ġeneriċi li jipproduċu u jikkummerċjalizzaw il-prodott inkwistjoni hija speċifikament ikkontestata, fid-dawl b’mod partikolari tad-drittijiet esklużivi li l-privattivi tar-rikorrenti jikkostitwixxu (ara l‑punt 234 hawn fuq u l-punt 357 iktar ’il quddiem). Għalhekk minn din is-sentenza ma jistax jiġi dedott li d-determinazzjoni tan-natura restrittiva tal-kompetizzjoni minħabba l-għan ta’ ftehim ma tirrikjedix, b’mod ġenerali u b’mod partikolari f’ċirkustanzi bħal dawk f’dan il-każ, il‑verifika ta’ possibbiltajiet reali u konkreti għall-partijiet fil-ftehim li jidħlu fis-suq inkwistjoni.

331    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-ilment ibbażat fuq l‑applikazzjoni ta’ definizzjoni żbaljata tal-kompetizzjoni potenzjali għandu jiġi miċħud.

Fuq il-kriterju tad-dħul suffiċjentement mgħaġġel

332    Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni, filwaqt li bbażat ruħha fuq is-sentenzi tat‑3 ta’ April 2003, BaByliss vs Il-Kummissjoni (T‑114/02, EU:T:2003:100), u tal-14 ta’ April 2011, Visa Europe u Visa International Service vs Il-Kummissjoni (T‑461/07, EU:T:2011:181), ikkunsidrat li l-element essenzjali biex impriża tkun ikklassifikata bħala kompetitur potenzjali kien li hi tista’ tidħol fis-suq b’mod suffiċjentament mgħaġġel sabiex tinħass mill-parteċipanti fl-imsemmi suq. Hija enfasizzat li, minkejja li d-dewmien jista’ jirrifletti d-diffikultà ta’ dħul f’termini ta’ spejjeż u ta’ żmien u li d-dħul fis-suq jista’ jkun kummerċjalment inqas attraenti minħabba dan id-dewmien, id-dewmien fih innifsu ma kienx jikkontesta l-kapaċità ta’ dħul fis-suq jew il‑limitazzjoni eżerċitata fuq Servier jew fuq il-kumpanniji ta’ ġeneriċi l‑oħra. Minn dan il-Kummissjoni ddeduċiet, f’dan il-każ, filwaqt li rreferiet għall-indikazzjonijiet ratione temporis mogħtija fir-regoli ta’ eżenzjoni u fil-linji gwida tagħha – b’mod partikolari l-Linji Gwida dwar l-applikabbiltà tal-Artikolu 101 [TFUE] għall-akkordji [ftehimiet] dwar kooperazzjoni orizzontali (ĠU 2011, C 11, p. 1, iktar ’il quddiem il-“Linji Gwida għall-ftehimiet dwar kooperazzjoni orizzontali tal-2011”), li jipprevedu perijodu li ma jaqbiżx tliet snin – kif ukoll għall-perijodi indikattivi u reali tal-proċeduri ġudizzjarji, tal-kisba tal-ATS u tal‑iżvilupp tal-IFA, li d-dewmien allegat mir-rikorrenti u mill‑kumpanniji ta’ ġeneriċi ma jidhirx li kien twil biżżejjed sabiex il‑kompetitur ġeneriku ma jeżerċitax pressjoni kompetittiva (premessi 1158, 1159, 1182 u n-nota ta’ qiegħ il-paġna nru 1669 tad‑deċiżjoni kkontestata; ara, ukoll, il-premessi 1125, 1126 u 1296 tal‑istess deċiżjoni).

333    Kuntrarjament għal dak li jsostnu r-rikorrenti, din l-analiżi, minn perspettiva ratione temporis, tal-kompetizzjoni potenzjali mwettqa mill-Kummissjoni hija konformi mal-prinċipji applikabbli.

334    Fil-fatt, skont ġurisprudenza stabbilita, sabiex operatur ikun jista’ jiġi kklassifikat bħala kompetitur potenzjali, id-dħul potenzjali tiegħu għandu jkun jista’ jsir malajr kemm jista’ jkun sabiex jinħass u b’hekk jeżerċita pressjoni kompetittiva fuq il-parteċipanti fis-suq (sentenza tal‑14 ta’ April 2011, Visa Europe u Visa International Service vs Il‑Kummissjoni, T‑461/07, EU:T:2011:181, punt 189; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tad-29 ta’ Ġunju 2012, E.ON Ruhrgas u E.ON vs Il‑Kummissjoni, T‑360/09, EU:T:2012:332, punt 114).

335    Din il-ġurisprudenza kkunsidrat il-[Linji Gwida] dwar kemm għandu japplika l‑Artikolu [101 TFUE] għal ftehimt ta’ koperazzjoni orizzontali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 25, iktar ’il quddiem il-“Linji Gwida għall-ftehimiet dwar kooperazzjoni orizzontali tal-2001”) (ara wkoll il-Linji Gwida għall-ftehimiet dwar kooperazzjoni orizzontali tal-2011), li mhux biss jiddikjaraw ir-rekwiżit ta’ dħul suffiċjentement mgħaġġel, iżda jagħtu wkoll tulijiet ta’ żmien indikattivi ta’ dak li jista’ jkun dħul suffiċjentement mgħaġġel, li ma jaqbżux, skont il-każ, sena jew tliet snin, billi jibbażaw ruħhom fuq linji gwidi oħrajn kif ukoll fuq regoli ta’ eżenzjoni skont il‑kategorija.

336    Madankollu, kif jispjegaw kemm dawn il-Linji Gwida (nota ta’ qiegħ il‑paġna nru 9 tal-Linji Gwida għall-ftehimiet dwar kooperazzjoni orizzontali tal-2001 u n-nota ta’ qiegħ il-paġna nru 3 tal-Linji Gwida għall-ftehimiet dwar kooperazzjoni orizzontali tal-2011) u l-ġurisprudenza (ara, f’dan is-sens, is‑sentenza tal- 14 ta’ April 2011, Visa Europe u Visa International Service vs Il-Kummissjoni, T‑461/07, EU:T:2011:181, punti 171 u 189), dawn it-termini huma biss indikattivi u l-kunċett ta’ dħul “suffiċjentement mgħaġġel” jiddependi fuq il-fatti tal-kawża trattata u l-kuntest ġuridiku u ekonomiku li fih jaqa’, li għandhom jiġu kkunsidrati sabiex jiġi ddeterminat jekk l-impriża esterna għas-suq teżerċitax pressjoni kompetittiva fuq l-impriżi li diġà joperaw f’dan is-suq (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-14 ta’ April 2011, Visa Europe u Visa International Service vs Il‑Kummissjoni, T‑461/07, EU:T:2011:181, punt 169).

337    F’dan il-każ, minn naħa, il-Kummissjoni kkunsidrat il-karatteristiċi partikolari tal-kuntest ekonomiku u ġuridiku tal-każ, billi evalwat it-tul ta’ kull wieħed mill-istadji meħtieġa sabiex kumpannija tidħol fis-suq. Għandu jiġi enfasizzat li, preċiżament minħabba l-karatteristiċi partikolari tas-settur farmaċewtiku u b’mod partikolari d-diversi stadji li għandhom jintlaħqu kif ukoll l-eżistenza tal-privattivi, il-kumpanniji ta’ ġeneriċi ħafna drabi jibdew il-proċessi sabiex jidħlu fis-suq ħafna qabel l-iskadenza tal-privattivi, b’tali mod li jkunu laħqu l-istadji rikjesti talinqas sal-mument ta’ din l-iskadenza. Dawn il-proċessi jistgħu għalhekk jeżerċitaw pressjoni kompetittiva fuq il-kumpannija ta’ verżjonijiet tal-bidu, minn qabel, saħansitra ħafna qabel, l-iskadenza tal-privattivi u tad-dħul effettiv tal‑kumpanniji ta’ ġeneriċi fis-suq [ara l-punt 356 iktar ’il quddiem; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-6 ta’ Diċembru 2012, AstraZeneca vs Il-Kummissjoni, C‑457/10 P, EU:C:2012:770, punt 108, tat‑8 ta’ Settembru 2016, Lundbeck vs Il‑Kummissjoni, T‑472/13, taħt appell, EU:T:2016:449, punt 163, u tat-8 ta’ Settembru 2016, Sun Pharmaceutical Industries u Ranbaxy (UK) vs Il-Kummissjoni, T‑460/13, mhux ippubblikata, taħt appell, EU:T:2016:453, punti 77 sa 79].

338    Kif ġustament isostnu r-rikorrenti (ara l-punt 311 hawn fuq), minn dan madankollu xorta ma jistax jiġi dedott li kumpannija ta’ ġeneriċi tista’ tiġi kkunsidrata bħala waħda mill-kompetituri potenzjali tagħhom mis-sempliċi fatt li hi tibda tiżviluppa verżjoni ġenerika tal-perindopril. Il-Kummissjoni ddikjarat b’mod ċar, fil-premessa 1125 tad-deċiżjoni kkontestata, li l‑kompetizzjoni potenzjali tal-kumpanniji ta’ ġeneriċi tibda meta dawk li jridu jniedu prodott ġeneriku jibdew jinvolvu ruħhom fl-iżvilupp ta’ teknoloġiji kummerċjalment vijabbli għall-produzzjoni ta’ IFA u tal‑prodott lest. Madankollu, mill-osservazzjonijiet li saru wara din il‑premessa, li jirreferu għall-analiżi ulterjuri tal-kwalità ta’ kompetitur potenzjali ta’ kull waħda mill-kumpanniji ta’ ġeneriċi inkwistjoni, bħal fuq kollox minn din l-analiżi u mill-kunsiderazzjonijiet ġenerali tad-deċiżjoni kkontestata relatati mal-kriterju ta’ dħul suffiċjentement mgħaġġel (ara l‑punt 332 hawn fuq) jirriżulta li l‑Kummissjoni ma kellhiex l-intenzjoni li tibda l-eżerċizzju ta’ pressjoni kompetittiva fid-data tat-tnedija tal-iżvilupp tal-prodott ġeneriku, iżda li hija xtaqet turi l-possibbiltà tal-eżerċizzju ta’ pressjoni kompetittiva b’effett minn din it-tnedija, fil-każ fejn ir-rekwiżiti tal-eżerċizzju ta’ tali pressjoni jiġu ssodisfatti. Fi kwalunkwe każ, anki li kieku l‑premessa 1125 tiġi interpretata bħala li tistabbilixxi l-bidu tal‑kompetizzjoni potenzjali fid-data tat-tnedija tal-iżvilupp tal-prodott ġeneriku, il-kritika ta’ din l‑evalwazzjoni għandha tiġi miċħuda bħala ineffettiva, peress li l‑Kummissjoni ma bbażatx ruħha fuq din il-premessa biex tiddeduċi l‑kwalità ta’ kompetituri potenzjali tal-kumpanniji ta’ ġeneriċi inkwistjoni. Fil-fatt, kif bir-raġun tenfasizza l-Kummissjoni, fid-data ta’ evalwazzjoni tal-kwalità ta’ kompetituri potenzjali tal-kumpanniji ta’ ġeneriċi, jiġifieri fil-mument tal-konklużjoni tal‑ftehimiet ikkontestati, hija kienet qieset li dawn il-kumpanniji kollha kienu waslu fi stadju avvanzat ta’ żvilupp tal-perindopril tagħhom u ma tat l‑ebda deċiżjoni fuq il-klassifikazzjoni ta’ qabel tagħhom bħala kompetitur potenzjali, fil-mument li fih huma bdew dan l-iżvilupp (ara l‑punt 315 hawn fuq).

339    Bl-istess mod, il-Kummissjoni ċertament fakkret, fin-nota ta’ qiegħ il‑paġna nru 1840 taħt il-premessa 1296 tad-deċiżjoni kkontestata, it-terminu ta’ tliet snin imsemmi fil-Linji Gwida għall-ftehimiet dwar kooperazzjoni orizzontali tal-2011, iżda ma siltet l-ebda konklużjoni deċiżiva minnha f’dan il-każ, b’tali mod li l-ilmenti li jikkritikawha li ħadet inkunsiderazzjoni dan it-terminu, b’mod partikolari fir-rigward taż‑żmien meħtieġ biex jiġi żviluppat il-perindopril (premessa 3137 tad‑deċiżjoni kkontestata), għandhom jiġu miċħuda bħala ineffettivi.

340    Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq l-idea ta’ pressjoni kompetittiva inerenti għall-kompetizzjoni potenzjali biex tikkunsidra li d-dewmien fil-proċess ta’ dħul fis-suq eventwalment imġarrab mill‑kumpanniji ta’ ġeneriċi waħdu ma kienx suffiċjenti biex jeskludi l‑klassifikazzjoni tagħhom bħala kompetitur potenzjali meta huma komplew jeżerċitaw tali pressjoni minħabba l-kapaċità ta’ dħul tagħhom u ċċitat, f’dan is-sens, is-sentenza tat-3 ta’ April 2003, BaByliss vs Il‑Kummissjoni (T‑114/02, EU:T:2003:100). Kuntrarjament għal dak li jsostnu r-rikorrenti, il-Kummissjoni korrettament ibbażat ruħha fuq l-imsemmija sentenza hawn fuq, peress li, anki jekk il-Qorti Ġenerali f’din is-sentenza ddeċidiet fuq kuntest differenti ħafna minn dak ta’ dan il-każ, hija xorta ma ddeċidietx dwar l-impatt fuq il-kwalità ta’ kompetitur potenzjali ta’ BaByliss ta’ diversi differimenti tad-dħul tagħha fis-suq, impatt li kien speċifikament analizzat fid-deċiżjoni kkontestata. Il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, f’dan ir-rigward, mingħajr ma r‑rikorrenti kkontestaw, li d-differimenti tad-dħul ma kinux jikkontestaw il‑kwalità ta’ kompetitur potenzjali ta’ BaByliss, billi bbażat ruħha fuq diversi elementi li juru l-eżerċizzju ta’ pressjoni kompetittiva li tirriżulta mill-kapaċità tagħha li tidħol fis-suq (sentenza tat‑3 ta’ April 2003, BaByliss vs Il-Kummissjoni, T‑114/02, EU:T:2003:100, punt 102 sa 106). Minn dan jirriżulta wkoll li, sa fejn l‑interess għall-kumpanniji ta’ ġeneriċi li jkunu l-ewwel fis-suq jista’ l-iktar l-iktar ikollu impatt fuq l-intenzjoni tagħhom li jidħlu fis-suq, fid-dawl tal-importanza tal-profitti mistennija, u mhux, bħala tali, fuq il-kapaċità li jidħlu fih, il-Kummissjoni, korrettament, fil-premessa 1182 tad‑deċiżjoni kkontestata u kuntrarjament għal dak li jsostnu r-rikorrenti, warrbet ir-rilevanza ta’ dan l-interess ta’ kumpanniji ta’ ġeneriċi għall‑finijiet tal-evalwazzjoni tad-dewmien allegat. Fil-fatt, il-kapaċità ta’ dħul fis-suq għandha tkun eżaminata fid-dawl tal-kriterju tal‑istrateġija ekonomika vijabbli (ara l-punt 318 hawn fuq), jiġifieri li tikkorrispondi ma’ dħul sempliċiment profitabbli, u mhux għall-iktar wieħed profitabbli fost id-dħulijiet possibbli fis-suq, inkwantu l-kumpannija ta’ ġeneriċi inkwistjoni tkun l-ewwel waħda li daħlet fih u għalhekk l‑unika waħda li kkompetiet mal-kumpannija ta’ verżjonijiet tal-bidu matul perijodu partikolari (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Settembru 2016, Xellia Pharmaceuticals u Alpharma vs Il‑Kummissjoni, T‑471/13, mhux ippubblikata, taħt appell, EU:T:2016:460, punt 124).

341    Minn dan isegwi li l-ilmenti kollha indirizzati kontra l-evalwazzjoni ratione temporis tal-kompetizzjoni potenzjali mill-Kummissjoni għandhom jiġu miċħuda.

Fuq il-kriterju tal-perċezzjoni tal-operaturi diġà preżenti

342    Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkunsidrat, billi bbażat ruħha fuq is-sentenzi tat-12 ta’ Lulju 2011, Hitachi et vs Il-Kummissjoni (T‑112/07, EU:T:2011:342), u tal-21 ta’ Mejju 2014, Toshiba vs Il‑Kummissjoni (T‑519/09, mhux ippubblikata, EU:T:2014:263), li l‑perċezzjoni ta’ operatur diġà preżenti fis-suq kellha rwol fl‑evalwazzjoni tal-kompetizzjoni potenzjali. Skont il-Kummissjoni, fil‑fatt, jekk tali operatur, li għandu l-esperjenza, jirċievi theddida kompetittiva minn kumpanniji ta’ ġeneriċi, tali theddida tista’ teżerċita restrizzjoni kompetittiva fuq l-aġir tiegħu fis-suq u hija rilevanti biex tiġi evalwata l-kompetizzjoni potenzjali. Hija speċifikat, filwaqt li rreferiet għas-sentenza tal-14 ta’ April 2011, Visa Europe u Visa International Service vs Il-Kummissjoni (T‑461/07, EU:T:2011:181), li l‑kompetizzjoni potenzjali setgħet tiġi ffurmata biss mill-eżistenza ta’ impriża barra s-suq u li din is-sempliċi eżistenza setgħet twassal għal pressjoni kompetittiva, irrappreżentata mill-probabbiltà ta’ dħul (premessi 1160 sa 1162). Minn dan il-Kummissjoni ddeduċiet li, biex tirrispondi għad-domanda dwar jekk il-kumpanniji ta’ ġeneriċi eżerċitawx pressjoni kompetittiva fuq Servier, il-perċezzjoni tal‑operatur diġà preżenti, Servier, u dik tal-kumpanniji ta’ ġeneriċi kompetituri oħra se jittieħdu inkunsiderazzjoni wkoll (premessa 1163). F’dan il-każ, hija kkonkludiet li l-kumpanniji ta’ ġeneriċi kienu meqjusa bħala kompetituri potenzjali kemm minn Servier kif ukoll mir-rivali ġeneriċi tagħhom stess (premessa 1183).

343    Qabel xejn jista’ jiġi rrilevat li l-Kummissjoni, fid-deċiżjoni kkontestata, użat il-kriterju tal-perċezzjoni tal-operatur diġà preżenti bħala kriterju fost oħrajn sabiex tiddetermina l-kwalità ta’ kompetitur potenzjali tal-kumpanniji ta’ ġeneriċi, kif juri l-avverbju “wkoll” imfakkar fil-punt 342 hawn fuq kif ukoll l-eżami tal-kriterji oħra ta’ evalwazzjoni tal‑kompetizzjoni potenzjali għal kull waħda mill‑imsemmija kumpanniji (ara l-punti 432 sa 438, 579 sa 585 u 718 sa 722 iktar ’il quddiem).

344    Kuntrarjament għal dak li jsostnu r-rikorrenti, l-użu tal-kriterju tal‑perċezzjoni tal-operatur diġà preżenti bħala kriterju ta’ evalwazzjoni fost oħrajn tal-kompetizzjoni potenzjali huwa konformi mal‑ġurisprudenza applikabbli f’dan il-każ, kif invokata mir-rikorrenti.

345    Fil-fatt, kuntrarjament għal dak li jsostnu r-rikorrenti, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat b’mod ċar il-kriterju tal-perċezzjoni tal-operatur diġà preżenti fis-sentenza tat-12 ta’ Lulju 2011, Hitachi et vs Il-Kummissjoni (T‑112/07, EU:T:2011:342), sabiex tistabbilixxi l-eżistenza ta’ kompetizzjoni potenzjali. B’hekk, mill-punti 90, 226 u 319 ta’ din is-sentenza, imfakkra fil-premessa 1160 tad-deċiżjoni kkontestata, jirriżulta li mhux biss il-ftehimiet inkwistjoni konklużi bejn produtturi Ewropej u Ġappuniżi kienu jikkostitwixxu indikazzjonijiet importanti li dawn tal‑aħħar kienu pperċepiti minn dawk tal-ewwel bħala kompetituri potenzjali kredibbli, iżda wkoll li urew l-eżistenza ta’ possibbiltajiet għall‑produtturi Ġappuniżi li jidħlu fis-suq Ewropew (ara wkoll, f’dan is‑sens, is-sentenza tal-21 ta’ Mejju 2014, Toshiba vs Il-Kummissjoni, T‑519/09, mhux ippubblikata, EU:T:2014:263, punt 231). Ċertament, il‑Qorti Ġenerali pproċediet ukoll għal analiżi oġġettiva tal‑kompetizzjoni potenzjali, billi eżaminat b’mod partikolari l-kapaċità tal-produtturi Ġappuniżi li jidħlu fis-suq Ewropew (sentenza tat‑12 ta’ Lulju 2011, Hitachi et vs Il-Kummissjoni, T‑112/07, EU:T:2011:342, punti 157 u 160), kif irrilevat ukoll il-Kummissjoni fil‑premessa 1160 tad-deċiżjoni kkontestata. Madankollu, kulma tagħmel din l-analiżi oġġettiva huwa li turi li l-kriterju suġġettiv tal-perċezzjoni tal-operatur diġà preżenti jikkostitwixxi biss kriterju fost oħrajn biex tiġi evalwata l‑eżistenza ta’ kompetizzjoni potenzjali.

346    Fis-sentenza tad-29 ta’ Ġunju 2012, E.ON Ruhrgas u E.ON vs Il‑Kummissjoni (T‑360/09, EU:T:2012:332, punt 115), invokata mir‑rikorrenti, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-eżistenza ta’ ftehim, u għalhekk il-perċezzjoni tal-partijiet f’dan il-ftehim, waħedha ma setgħetx tkun biżżejjed biex turi jew mhux neċessarjament kienet timplika l-eżistenza ta’ kompetizzjoni potenzjali fid-data tal-iffirmar tal-ftehim. Kuntrarjament għal dak li jsostnu r-rikorrenti, din is-sentenza b’hekk ikkonkludiet, mhux li hemm nuqqas ta’ rilevanza tal-kriterju tal-perċezzjoni tal-operatur diġà preżenti, iżda sempliċiment li s-sempliċi perċezzjoni ta’ dan l-operatur hija insuffiċjenti biex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ kompetizzjoni potenzjali fin-nuqqas ta’ kwalunkwe element ieħor li jippermetti prova bħal din.

347    Minn dan isegwi li, skont il-ġurisprudenza, il-kriterju tal-perċezzjoni tal‑operatur diġà preżenti huwa kriterju rilevanti, iżda mhux suffiċjenti, biex tiġi evalwata l-eżistenza ta’ kompetizzjoni potenzjali. Fil-fatt, kif jenfasizzaw b’mod rilevanti r-rikorrenti, fid-dawl tan-natura suġġettiva u għalhekk varjabbli tagħha peress li tiddependi fuq l-operaturi inkwistjoni, l-għarfien tagħhom tas-suq u r-relazzjonijiet tagħhom mal-kompetituri ipotetiċi tagħhom, il-perċezzjoni ta’ dawn l-operaturi, anki dawk bl-esperjenza, waħedha ma tistax tippermetti li jiġi kkunsidrat li operatur partikolari ieħor huwa wieħed mill-kompetituri potenzjali tagħhom. Għall-kuntrarju, din il-perċezzjoni tista’ ssaħħaħ il-kapaċità ta’ operatur biex jidħol f’suq u, b’hekk, tikkontribwixxi għall-klassifikazzjoni tiegħu ta’ kompetitur potenzjali [ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-8 ta’ Settembru 2016, Lundbeck vs Il-Kummissjoni, T‑472/13, taħt appell, EU:T:2016:449, punti 103 u 104, u tat-8 ta’ Settembru 2016, Sun Pharmaceutical Industries u Ranbaxy (UK) vs Il-Kummissjoni, T‑460/13, mhux ippubblikata, taħt appell, EU:T:2016:453, punt 88].

348    L-argumenti tar-rikorrenti kontra t-teħid inkunsiderazzjoni, mill‑Kummissjoni, tal-perċezzjoni tal-operaturi diġà preżenti sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ kompetizzjoni potenzjali għandhom, konsegwentement, jiġu miċħuda.

–       Fuq l-ostakoli għall-kompetizzjoni potenzjali magħmula millprivattivi tar-rikorrenti

349    Ir-rikorrenti u l-intervenjenti jikkritikaw lill-Kummissjoni li kklassifikat il-kumpanniji ta’ ġeneriċi bħala kompetituri potenzjali ta’ Servier minkejja ostakoli għad-dħul tagħhom fis-suq li jikkostitwixxu l-privattivi li Servier kien il-proprjetarju tagħhom.

350    Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-partijiet kienu żbaljati meta allegaw, billi bbażaw ruħhom b’mod partikolari fuq is‑sentenza tal-1 ta’ Lulju 2010, AstraZeneca vs Il-Kummissjoni (T‑321/05, EU:T:2010:266, punt 362), li d-dħul fis-suq kien impossibbli, minħabba li l-eżistenza ta’ privattiva kienet teskludi kull possibbiltà ta’ kompetizzjoni, u li minn dan jikkonkludu li l-privattivi ta’ Servier ħolqu “imblukkar unilaterali” fis-sens tal-Linji Gwida tal-2004 dwar il‑ftehimiet dwar trasferiment ta’ teknoloġija, li barra minn hekk ma għadhomx applikabbli f’dan il-każ (premessi 1167 u 1168 kif ukoll in-nota ta’ qiegħ il-paġna nru 1638).

351    Il-Kummissjoni żiedet li, fi kwalunkwe każ, il-kumpanniji ta’ ġeneriċi kellhom il-possibbiltà, l-ewwel nett, li jikkontestaw il-validità tal‑privattivi ta’ Servier. Hija fakkret, f’dan ir-rigward, is-sentenza tal-25 ta’ Frar 1986, Windsurfing International vs Il-Kummissjoni (193/83, EU:C:1986:75, punt 92), li bis-saħħa tagħha kien stabbilit li huwa fl‑interess pubbliku li jiġi eliminat, b’mod partikolari b’kawżi li jikkontestaw il-validità tal-privattivi, kull ostakolu għall-attività ekonomika li jista’ jirriżulta minn privattiva li nħarġet skorrettament, kif ukoll is-sentenza tas-6 ta’ Diċembru 2012, AstraZeneca vs Il‑Kummissjoni (C‑457/10 P, EU:C:2012:770, punt 108), li ddikjarat li l‑kompetizzjoni potenzjali tista’ teżisti anki qabel l-iskadenza tal‑privattiva ta’ molekula (premessi 1132, 1165 u 1169 u n-nota ta’ qiegħ il-paġna nru 1640 tad-deċiżjoni kkontestata). Il-Kummissjoni żiedet li l-fatt li Servier kien invoka jew kien ser jinvoka ksur tal‑privattivi tiegħu ma kellux rilevanza sabiex jiġi stabbilit jekk dawn il‑privattivi setgħux jimblokkaw id-dħul ta’ prodotti mediċinali ġeneriċi, filwaqt li enfasizzat li ma ġewx ikkonstatati preżunzjoni ta’ ksur ta’ privattiva u deċiżjoni ġudizzjarja matul il-perijodu rilevanti għal tali ksur ta’ privattiva (premessi 1169 sa 1171 tad-deċiżjoni kkontestata). Hija spjegat li, f’dak li jikkonċerna l-possibbiltà pperċepita ta’ invalidità jew ta’ ksur tal-privattivi ta’ Servier, kienet se tibbaża ruħha fuq l‑evalwazzjonijiet imwettqa mill-partijiet stess kif ukoll minn terzi, kif esposti f’dokumenti preċedenti jew f’dokumenti tal-istess żmien tal-konklużjoni tal‑ftehimiet ikkontestati (premessa 1172 tad-deċiżjoni kkontestata).

352    Il-Kummissjoni qieset li l-kumpanniji ta’ ġeneriċi kellhom ukoll il-possibbiltà, fit-tieni lok, li jużaw rimedji alternattivi biex jaċċedu għas-swieq fejn kienu se jsiru l-kawżi (premessa 1175). Minn naħa, il‑kumpanniji ta’ ġeneriċi baqgħu liberi li jniedu l-perindopril b’riskju, jiġifieri bir-riskju li l-kumpannija ta’ verżjonijiet tal-bidu tiftaħ azzjoni ta’ ksur ta’ privattiva. Il-Kummissjoni enfasizzat, f’dan ir-rigward, li, fid‑dawl tal-prattika tal-preżentata ta’ privattivi ta’ proċess wara l‑iskadenza tal-privattiva ta’ molekula, kważi l-bejgħ kollu wara din l‑iskadenza kien f’riskju u li d-dħul fis-suq b’riskju ta’ Apotex fl-2006 kien intemm b’sentenza ta’ invalidità tal-privattiva 947 u l-għoti ta’ danni minn Servier (premessi 1176 u 1177 tad-deċiżjoni kkontestata). Min‑naħa l-oħra, il-kumpanniji ta’ ġeneriċi setgħu jadattaw il-proċessi tagħhom, kemm direttament, kif ukoll bit-tibdil tal-fornitur ta’ IFA, biex jiġu evitati l-allegazzjonijiet ta’ ksur ta’ privattiva. Minkejja li kienu, skont il-każ, sorsi ta’ dewmien regolamentari, dawn il-bidliet kienu jirrappreżentaw, skont il-Kummissjoni, mod alternattiv vijabbli biex ikun hemm aċċess għas-suq (premessa 1178 tad-deċiżjoni kkontestata).

353    Fil-premessa 1179 tad-deċiżjoni kkontestata l-Kummissjoni kkonkludiet dan li ġej:

“[...] is-soluzzjonijiet bonarji ġew konklużi f’kuntest fejn il‑privattiva ta’ molekula kienet skadiet, u fejn il-partijiet ġeneriċi kollha kienu involuti, direttament jew indirettament, f’kawżi ġudizzjarji jew tilwimiet dwar privattiva waħda jew diversi li kien għad baqgħalu Servier, sew fil-forma ta’ difiża kontra azzjonijiet ta’ ksur ta’ privattiva, jew ta’ azzjonijiet jew kontratalbiet intiżi sabiex jinvalidaw l-imsemmija privattivi. Il-kumpanniji ta’ ġeneriċi setgħu jagħżlu wkoll miżuri oħra ta’ privattiva bħal alternattivi potenzjali għal aċċess għas-suq. Il‑Kummissjoni se teżamina fid-dettall jekk il-kumpanniji ta’ ġeneriċi li jfittxu li jegħlbu l-ostakoli fil-qasam tal-privattivi u li jfittxu li jniedu l-perindopril ġeneriku tagħhom kinux sors ta’ pressjoni kompetittiva fir-rigward ta’ Servier minkejja l-privattivi tiegħu. Ta’ min ifakkar, f’dan ir-rigward, li l-ftehimiet kollha msemmija f’din id-deċiżjoni ġew konklużi fil-mument li fih kien hemm inċertezza dwar jekk xi waħda mill-privattivi ġietx miksura u b’mod partikolari jekk il-privattiva 947 setgħetx tkun invalidata. Is-sempliċi eżistenza, u l-invokazzjoni, tal-privattivi ta’ Servier ma pprekludewx għalhekk kull possibbiltà ta’ kompetizzjoni potenzjali jew reali.”

354    Ir-rikorrenti u l-intervenjenti jsostnu, essenzjalment, li din l-analiżi tal‑Kummissjoni ma tagħtix każ l-effetti marbuta ma’ privattiva ddikjarata jew meqjusa valida, kif previsti mit-testi jew irrikonoxxuti mill-ġurisprudenza. Barra minn hekk, huma jikkritikawha li kisret il-Linji Gwida tal-2004 u dawk tal-2014 għall-ftehimiet dwar trasferiment ta’ teknoloġija kif ukoll ċerti kunsiderazzjonijiet li hija għamlet waqt l‑evalwazzjoni tal-abbuż minn pożizzjoni dominanti ta’ Servier fid‑deċiżjoni kkontestata u f’deċiżjonijiet oħra.

Fuq l-interpretazzjoni żbaljata tal-effetti tal-privattivi ta’ Servier iddikjarati jew preżunti validi

355    Skont ir-rikorrenti u l-intervenjenti, privattiva preżunta valida tikkostitwixxi, talinqas b’effett mid-dikjarazzjoni ta’ validità u sal‑iskadenza tagħha, projbizzjoni legali tad-dħul fis-suq li tipprevjeni kull kompetizzjoni potenzjali.

356    Madankollu, mill-punt 108 tas-sentenza tas-6 ta’ Diċembru 2012, AstraZeneca vs Il-Kummissjoni (C‑457/10 P, EU:C:2012:770), iċċitata mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata (ara l-punt 351 hawn fuq), jirriżulta li kompetizzjoni potenzjali tista’ teżisti f’suq anki qabel l‑iskadenza tal-privattiva. B’mod iktar preċiż, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li ċertifikati ta’ protezzjoni supplimentari intiżi biex itawlu l‑effetti ta’ privattiva kienu qed joħolqu effett ta’ esklużjoni sinjifikattiv wara l-iskadenza tal-privattivi, iżda li setgħu wkoll jibdlu l-istruttura tas‑suq billi jippreġudikaw il-kompetizzjoni potenzjali saħansitra qabel din l-iskadenza, peress li din il-konstatazzjoni relatata mal‑eżerċizzju ta’ kompetizzjoni potenzjali qabel l-iskadenza tal‑privattivi kienet indipendenti mill-fatt li ċ-ċertifikati ta’ protezzjoni supplimentari inkwistjoni kienu nkisbu b’mod frawdolenti u irregolari (sentenza tat-8 ta’ Settembru 2016, Lundbeck vs Il-Kummissjoni, T‑472/13, taħt appell, EU:T:2016:449, punt 164). B’hekk, id-dritt esklużiv li tikkostitwixxi l-privattiva ma jipprekludix, bħala tali, l-eżistenza ta’ kompetizzjoni potenzjali matul il-perijodu ta’ esklużività inkwistjoni.

357    Fil-fatt, jekk, kif isostnu r-rikorrenti u l-intervenjenti, dritt esklużiv bħal dan għandu normalment il-konsegwenza li jżomm barra lill-kompetituri, peress li dawn tal-aħħar huma obbligati jirrispettaw, skont ir‑regolamentazzjoni pubblika, dan id-dritt esklużiv (sentenza tal‑1 ta’ Lulju 2010, AstraZeneca vs Il-Kummissjoni, T‑321/05, EU:T:2010:266, punt 362; ara wkoll il-punt 234 hawn fuq), dan l-effett ta’ esklużjoni tal-kompetizzjoni jirrigwarda l-kompetituri reali li jikkumerċjalizzaw prodotti li jikkostitwixxu ksur tal-privattiva. Il-privattiva tagħti d-dritt esklużiv lill-proprjetarju tagħha li juża invenzjoni għall-manifattura u għall-ewwel tqegħid fis-suq ta’ prodotti industrijali kif ukoll id-dritt li jopponi għal kwalunkwe ksur ta’ privattiva (sentenzi tal-31 ta’ Ottubru 1974, Centrafarm u de Peijper, 15/74, EU:C:1974:114, punt 9, u tas-16 ta’ Lulju 2015, Huawei Technologies, C‑170/13, EU:C:2015:477, punt 46; ara wkoll, il-punt 234 hawn fuq), iżda ma jopponix, minnu nnifsu, li operaturi jwettqu l-proċessi meħtieġa sabiex ikunu f’pożizzjoni li jidħlu fis-suq inkwistjoni mal‑iskadenza tal-privattiva u, għalhekk, jagħmlu pressjoni kompetittiva fuq il-proprjetarju tal-privattiva karatteristika tal-eżistenza ta’ kompetizzjoni potenzjali qabel din l-iskadenza. Dan lanqas ma jipprekludi lill‑operaturi milli jipproċedu bl-operazzjonijiet neċessarji għall-manifattura u l-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodott li ma jiksirx privattiva, li jippermettulhom li jkunu kkunsidrati bħala kompetituri reali tal-proprjetarju ta’ privattiva b’effett mid-dħul tagħhom fis-suq u, jekk ikun il-każ, bħala kompetituri potenzjali sa dak id-dħul (ara, f’dan is-sens, is‑sentenza tat-8 ta’ Settembru 2016, Lundbeck vs Il-Kummissjoni, T‑472/13, taħt appell, EU:T:2016:449, punt 164).

358    Dan japplika iktar u iktar fis-settur farmaċewtiku, li fih il-leġiżlazzjoni relatata mal-għoti tal-ATS li huma meħtieġa sabiex prodott mediċinali jkun jista’ jinbiegħ fis-suq tippermetti lill-awtoritajiet kompetenti li jagħtu ATS għal prodott ġeneriku minkejja li l-prodott ta’ referenza huwa protett minn privattiva. Fil-fatt, mid-Direttiva 2001/83/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Novembru 2001 dwar il-kodiċi tal‑Komunità li għandu x’jaqsam ma’ prodotti mediċinali għall-użu mill‑bniedem (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 27, p. 69), kif emendata, jirriżulta li t-talbiet għal ATS għal prodotti ġeneriċi jistgħu jsegwu proċedura mħaffa bbażata fuq ir-riżultati tat-testijiet u tal-provi nnotifikati fit-talba għal ATS tal-prodott tal-verżjonijiet tal-bidu u li l‑informazzjoni relatata ma’ dawn ir-riżultati tista’ tiġi użata u tippermetti, għaldaqstant, l-għoti ta’ ATS qabel l-iskadenza tal-privattiva fuq il-prodott tal-verżjonijiet tal-bidu (Artikolu 10 tad-Direttiva 2001/83; ara wkoll, il-premessi 74 u 75 tad-deċiżjoni kkontestata). Għalhekk, il‑leġiżlazzjoni relatata mal-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti farmaċewtiċi stess tipprevedi li kumpannija ta’ ġeneriċi tista’ tidħol fis‑suq bis-saħħa ta’ ATS legalment mogħtija jew, talinqas, tibda l‑proċedura għall-kisba tal-ATS, matul il-perijodu ta’ protezzjoni tal‑privattiva tal-kumpannija tal-verżjonijiet tal-bidu. Kuntrarjament għal dak li jsostnu r-rikorrenti, l-istess japplika fil-leġiżlazzjonijiet nazzjonali ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 2001/83, peress li mir-rapport finali tal‑investigazzjoni settorjali tal-Kummissjoni fis-settur farmaċewtiku tat‑8 ta’ Lulju 2009, li fuqu huma jibbażaw ruħhom, jirriżulta li l‑awtoritajiet Slovakki emendaw il-leġiżlazzjoni tagħhom f’dan is-sens u li l-awtoritajiet Ungeriżi jitolbu biss “dikjarazzjoni ta’ privattiva” li permezz tagħha l-kumpannija ta’ ġeneriċi tobbliga ruħha li ma tikkummerċjalizzax prodott li jikser privattiva qabel l-iskadenza tal-privattiva inkwistjoni. Il-fatt, enfasizzat mir-rikorrenti, li posta elettronika interna ta’ Servier tindika li “jidher li l-fajls perindopril [ta’ ċerti kumpanniji ta’ ġeneriċi] huma mblukkati mil[l-awtorità regolatorja Slovakka] sakemm il-privattiva 947 hija fis-seħħ” ma jikkontestax din il-konstatazzjoni.

359    Barra minn hekk, is-sistema ta’ protezzjoni ta’ privattivi hija mfassla b’tali mod li, jekk il-privattivi huma preżunti validi b’effett mir‑reġistrazzjoni tagħhom (sentenza tal-1 ta’ Lulju 2010, AstraZeneca vs Il-Kummissjoni, T‑321/05, EU:T:2010:266, punt 362), din il‑preżunzjoni ta’ validità ma timplikax ipso facto n-natura ta’ ksur ta’ privattiva tal-prodotti kollha introdotti fis-suq (ara, f’dan is-sens, is‑sentenza tat-8 ta’ Settembru 2016, Lundbeck vs Il-Kummissjoni, T‑472/13, taħt appell, EU:T:2016:449, punti 121 u 122). Kif issostni ġustament il-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata (ara l-punt 351 hawn fuq) u mingħajr ma dan ma ġie speċifikament ikkontestat mir‑rikorrenti, ma teżistix preżunzjoni ta’ ksur ta’ privattiva, peress li tali ksur ta’ privattiva għandu jkun kkonstatat minn qorti. Fil-fatt, kif jirriżulta mis-sentenza tal-25 ta’ Frar 1986, Windsurfing International vs Il‑Kummissjoni (193/83, EU:C:1986:75, punt 52), jekk operatur privat proprjetarju ta’ privattiva seta’ jissostitwixxi l-evalwazzjoni tiegħu tal‑eżistenza ta’ ksur tad-dritt għal privattiva tiegħu ma’ dik tal-awtorità kompetenti, huwa jkun jista’ juża din l-evalwazzjoni sabiex jestendi l-kamp ta’ protezzjoni tal-privattiva tiegħu (ara wkoll il-premessa 1171 u n-nota ta’ qiegħ il-paġna nru 1642 tad-deċiżjoni kkontestata). Konsegwentement huwa possibbli għal operatur li jieħu r-riskju li jidħol fis-suq bi prodott, inkluż dak li potenzjalment jikser il-privattiva fis-seħħ, b’dan id-dħul jew din it-tnedija bir-riskju (ara b’mod partikolari l-premessi 75 u 1176 tad-deċiżjoni kkontestata) jistgħu jkunu suċċess jekk il-proprjetarju tal‑privattiva jirrinunzja milli jippreżenta azzjoni ta’ ksur ta’ privattiva jew jekk din l-azzjoni tiġi miċħuda f’każ li tkun ġiet ippreżentata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-8 ta’ Settembru 2016, Lundbeck vs Il‑Kummissjoni, T‑472/13, taħt appell, EU:T:2016:449, punti 128 u 165). F’dan ir-rigward, għandu jiġi speċifikat, li din il-possibbiltà ta’ dħul b’riskju fis‑suq tikkontribwixxi sabiex jintwera li l-privattivi ma jikkostitwixxux ostakoli insurmontabbli għad-dħul fis-suq ta’ kumpanniji ta’ ġeneriċi, iżda ma timplikax minnha nnifisha li dawn għandhom possibbiltajiet reali u konkreti biex jidħlu fih, peress li dawn jiddependu mill-kapaċità tagħhom u mill-intenzjoni tagħhom li jipproċedu b’tali dħul b’riskju.

360    Kuntrarjament għal dak li ssostni l-intervenjenti, dan l-approċċ tal‑Kummissjoni ma jikkonfutax il-preżunzjoni ta’ validità marbuta mal‑privattivi, filwaqt li jirrikonoxxi l-eżistenza ta’ kompetizzjoni potenzjali, sakemm il-validità tal-privattiva tkun ġiet ikkonfermata minn qorti u l-ksur tal-privattiva valida jkun ġie kkonstatat minn qorti. Fil-fatt, l-intervenjenti tibbaża ruħha fuq qari żbaljat tad‑deċiżjoni kkontestata, peress li fiha l-Kummissjoni kkunsidrat, essenzjalment u korrettament (ara l-punti 357 sa 359 hawn fuq), mhux li l-privattiva kienet preżunta invalida sal-adozzjoni ta’ deċiżjoni ġudizzjarja relatata mal-validità tagħha u mal-eżistenza ta’ ksur tal-privattiva, iżda li, sal-adozzjoni ta’ tali deċiżjoni, il-preżunzjoni ta’ validità tal-privattiva ma pprekludietx dħul b’riskju fis-suq (premessi 1171 u 1176 tad-deċiżjoni kkontestata).

361    Għandu jiġi enfasizzat li l-assenza stess ta’ preżunzjoni ta’ ksur ta’ privattiva tapplika fil-każ ta’ dikjarazzjoni ta’ validità tal-privattiva inkwistjoni minn awtorità kompetenti. Fil-fatt, peress li privattiva ma tipprekludix bħala tali d-dħul effettiv jew potenzjali ta’ kompetituri fis-suq, id‑dikjarazzjoni ta’ validità tal-imsemmija privattiva, jekk hija ma hijiex marbuta ma’ dikjarazzjoni ta’ ksur ta’ privattiva, ma teskludix għaldaqstant tali kompetizzjoni. B’hekk, kuntrarjament għal dak li jsostnu r-rikorrenti, il-fatt li d-deċiżjoni tal-UEP tas-27 ta’ Lulju 2006 iddikjarat il‑privattiva 947 valida ma huwiex biżżejjed fih innifsu biex tipprekludi l-iżvilupp ta’ kompetizzjoni potenzjali.

362    Dawn il-kunsiderazzjonijiet ma humiex ikkontestati mill-ġurisprudenza ċċitata mill-intervenjenti.

363    Fil-fatt, minn naħa waħda, is-sentenzi tal-15 ta’ Settembru 1998, European Night Services et vs Il-Kummissjoni (T‑374/94, T‑375/94, T‑384/94 u T‑388/94, EU:T:1998:198), u tad-29 ta’ Ġunju 2012, E.ON Ruhrgas u E.ON vs Il-Kummissjoni (T‑360/09, EU:T:2012:332), ma kinux jikkonċernaw drittijiet ta’ proprjetà intellettwali, iżda kienu bbażati fuq drittijiet esklużivi li kienu jipprekludu de jure jew de facto l‑forniment tas-servizzi inkwistjoni kif ukoll l-aċċess għall-infrastrutturi. Barra minn hekk, anki jekk jiġi kkunsidrat li l-“monopolji territorjali fattwali” imsemmija fis-sentenza tad-29 ta’ Ġunju 2012, E.ON Ruhrgas u E.ON vs Il-Kummissjoni (T‑360/09, EU:T:2012:332, punt 102), ifakkru fid-drittijiet esklużivi li jikkostitwixxu l-privattivi (ara l‑punt 234 hawn fuq), minn din is-sentenza jirriżulta li l-Qorti Ġenerali ddeduċiet l-assenza ta’ kompetizzjoni potenzjali, mhux mis-sempliċi eżistenza ta’ dawn il-monopolji, iżda mill-fatt li l-Kummissjoni ma kinitx ipprovat b’mod suffiċjenti fid-dritt li kienu jeżistu possibbiltajiet reali u konkreti għal fornitur tal-gass ieħor li jidħol fis-suq Ġermaniż tal-gass minkejja l-imsemmija monopolji, filwaqt li ammettiet li tali monopolji ma humiex biżżejjed fihom infushom biex jeskludu l-eżistenza ta’ kompetizzjoni potenzjali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑29 ta’ Ġunju 2012, E.ON Ruhrgas u E.ON vs Il-Kummissjoni, T‑360/09, EU:T:2012:332, punti 103 sa 107).

364    Min-naħa l-oħra, jekk is-sentenzi tal-31 ta’ Mejju 1979, Hugin Kassaregister u Hugin Cash Registers vs Il-Kummissjoni (22/78, EU:C:1979:138), u tas-6 ta’ Ottubru 1994, Tetra Pak vs Il-Kummissjoni (T‑83/91, EU:T:1994:246), jirrigwardjaw drittijiet ta’ proprjetà intellettwali u, b’mod partikolari, fil-każ tat-tieni waħda, il-privattivi, madankollu ma għandux jiġi dedott li l-privattivi u d-drittijiet l-oħra ta’ proprjetà intellettwali inkwistjoni jikkostitwixxu ostakoli insurmontabbli għal dħul fis-suq li jeskludu l-eżistenza ta’ kompetizzjoni potenzjali. Fil‑fatt, fis-sentenza tal-31 ta’ Mejju 1979, Hugin Kassaregister u Hugin Cash Registers vs Il-Kummissjoni (22/78, EU:C:1979:138, punt 9), il‑Qorti tal-Ġustizzja ddeduċiet l-eżistenza ta’ monopolju, kif ammessa minn qabel mir-rikorrenti, u għalhekk l-assenza ta’ kompetizzjoni effettiva fis-suq ta’ spare parts għal cash registers immanifatturati mir-rikorrenti, minn sensiela ta’ “raġunijiet ta’ natura kummerċjali”, li jinkludu, iżda mhux biss – kif jirriżulta b’mod iktar ċar mir-rapport tas‑seduta f’din il-kawża (p. 1885) –, il-leġiżlazzjoni tar-Renju Unit fuq it-trade marks u d-drittijiet tal-awtur. Bl-istess mod, fis-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 1994, Tetra Pak vs Il-Kummissjoni (T‑83/91, EU:T:1994:246, punt 110), il-Qorti Ġenerali ċertament ikkunsidrat li n‑numru kbir ta’ privattivi inkwistjoni kienu ta’ ostakolu għad-dħul ta’ kompetituri ġodda fis-suq tal-magni aseptiċi. Madankollu, minn dan ma jistax jiġi dedott li l-privattivi kienu kkunsidrati fihom infushom bħala ostakoli insurmontabbli għad-dħul fis-suq ikkonċernat, fid-dawl tan‑numru tal-privattivi inkwistjoni, enfasizzat mill-Qorti, tal-eżistenza ta’ ostakoli teknoloġiċi, ikkunsidrati wkoll sabiex tiġi konkluża l‑eżistenza ta’ ostakoli, u, b’mod partikolari, tal-preżenza ta’ kompetitur li jgawdi 10 % tas-suq inkwistjoni.

365    Il-premessi hawn fuq imsemmija lanqas ma huma kkontestati mill‑Artikolu 9(1) tad-Direttiva 2004/48, imsemmi wkoll mill‑intervenjenti, li jipprevedi li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti jistgħu joħorġu, kontra min allegatament iwettaq ksur, digriet għal miżuri provviżorji intiż biex jipprevjeni kwalunkwe ksur imminenti ta’ dritt ta’ proprjetà intelletwali jew biex jipprojbixxi b’mod provviżorju li l-allegat ksur għal dan id-dritt ikompli.

366    Tali digrieti għal miżuri provviżorji jew ordnijiet provviżorji ċertament jipprekludu d-dħul fis-suq ta’ min allegatament wettaq ksur u għalhekk l‑eżerċizzju ta’ kompetizzjoni reali f’dan is-suq matul il-perijodu stabbilit minn dawn l-ordnijiet. Madankollu, fid-dawl ta’ din in-natura provviżorja u fl-assenza ta’ deċiżjoni li tistabbilixxi definittivament l-eżistenza ta’ ksur ta’ privattiva biex tikkonstata tali ksur ta’ privattiva u li tieħu l-miżuri korrettivi li jiġu imposti, dawn id-digrieti għal miżuri provviżorji jew ordnijiet huma biss ostakoli temporanji u ma humiex ostakoli insurmontabbli li jipprekludu t-twettiq tal-proċessi intiżi għall-kummerċjalizzazzjoni tal-prodott li allegatament jikser privattiva u, b’hekk, l‑iskattar ta’ kompetizzjoni potenzjali.

367    Fil-fatt, fir-rigward tal-perijodu limitat ta’ analiżi li għandha l-awtorità kompetenti biex tagħti d-deċiżjoni tagħha u tar-rekwiżiti mitluba mill‑Artikolu 9(3) tad-Direttiva 2004/48 sabiex miżura provviżorja tkun imposta, b’mod partikolari l-konvinzjoni b’ċertezza suffiċjenti dwar il‑ksur tad-dritt ta’ proprjetà intelletwali, l-adozzjoni ta’ tali deċiżjonijiet provviżorji hija bbażata biss fuq evalwazzjoni prima facie, neċessarjament sommarja, tal-ksur ta’ privattiva allegat, li għandha tiġi kkonfermata jew, jekk ikun il-każ, invalidata wara evalwazzjoni iżjed profonda tar-rekwiżiti meħtieġa sabiex tiġi kkonstatata l-eżistenza ta’ ksur ta’ privattiva. Barra minn hekk, il-kumpanniji ta’ ġeneriċi msemmija għandhom il-possibbiltà li jipprekludu l-adozzjoni ta’ deċiżjoni sfavorevoli, mhux biss bil-preżentazzjoni ta’ argumenti kuntrarji fil‑qafas tal-proċedura dwar il-mertu, iżda wkoll billi jikkontestaw b’mod parallel il-validità tal-privattiva inkwistjoni permezz ta’ kontrotalba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità ta’ din il-privattiva. B’hekk, l-adozzjoni ta’ miżura jew ta’ ordni provviżorja, u a fortiori s-sempliċi riskju li tali miżura jew ordni tkun adottata, fid-dawl b’mod partikolari tal-adozzjoni ta’ tali deċiżjonijiet provviżorji fir-rigward ta’ kumpanniji ta’ ġeneriċi oħrajn, ma tistax bħala tali tippermetti l-esklużjoni tal-kwalità ta’ kompetitur potenzjali tal-kumpannija ta’ ġeneriċi effettivament jew potenzjalment imsemmija minn dan it-tip ta’ deċiżjoni.

368    Barra minn hekk, deċiżjoni dwar il-mertu li tikkonstata l-eżistenza ta’ ksur ta’ privattiva tippreżenta fiha nnifisha natura provviżorja sakemm ir‑rimedji ġudizzjarji possibbli ma jkunux ġew eżawriti. Fil-fatt, kuntrarjament għal dak li sostniet l-intervenjenti, il-Kummissjoni, korrettement ikkunsidrat, fil-premessi 1132 u 1169 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-kontestazzjoni tal-privattivi u tad-deċiżjonijiet relatati ma’ dawn il-privattivi kienet tikkostitwixxi “espressjoni [...] tal-kompetizzjoni” fil-qasam tal-privattivi. Fil-fatt, fid-dawl tar-riskju ta’ ksur ta’ privattiva li għalih huma esposti l-kumpanniji ta’ ġeneriċi kollha u fid-dawl tal-inkompetenza ta’ operaturi privati biex jiddeċiedu dwar ir-realtà tal-ksur ta’ privattiva, kif indikati hawn fuq (ara l-punt 359 hawn fuq), l-azzjoni kontenzjuża hija wieħed mir-rimedji għad-dispożizzjoni tal-kumpannija ta’ ġeneriċi biex tnaqqas dan ir-riskju u biex tidħol fis-suq, billi tikseb dikjarazzjoni ta’ nuqqas ta’ ksur ta’ privattiva, jew l-invalidità tal-privattiva li potenzjalment ġiet miksura (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-8 ta’ Settembru 2016, Lundbeck vs Il-Kummissjoni, T‑472/13, taħt appell, EU:T:2016:449, punt 122). Minn dan jirriżulta wkoll li, sakemm ir-rimedji ġudizzjarji huma miftuħa għall-kumpannija ta’ ġeneriċi biex tikkontesta l-privattivi kkonċernati u l-ksur tagħhom u b’hekk tiftħilha aċċess fis-suq, jista’ jiġi kkunsidrat li dawn il-privattivi ma jikkostitwixxux fil-prinċipju ostakoli insurmontabbli għal dan l-aċċess.

Fuq il-ksur tal-Linji Gwida tal-2004 u ta’ dawk tal-2014 għall-ftehimiet dwar trasferiment ta’ teknoloġija

369    Ma jistax jiġi kkunsidrat li l-Linji Gwida tal-2004 u dawk tal-2014 għall-ftehimiet dwar trasferiment ta’ teknoloġija, anki jekk jitqiesu li huma applikabbli f’dan il-każ, ġew miksura mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata.

370    L-ewwel nett, kuntrarjament għal dak li jsostnu r-rikorrenti u l‑intervenjenti, id-deċiżjonijet li jikkonstataw il-validità tal-privattivi inkwistjoni, u b’mod partikolari d-deċiżjoni tal-UEP tas‑27 ta’ Lulju 2006, ma jurux “pożizzjoni ta’ imblukkar” li tirriżulta mill‑privattivi li huma kkunsidrati mil-Linji Gwida tal-2004 u minn dawk tal-2014 għall-ftehimiet dwar trasferiment ta’ teknoloġija bħala li jipprekludu l-eżistenza ta’ kompetizzjoni potenzjali. Fil-fatt, fil-Linji Gwida tal-2004 għall-ftehimiet dwar trasferiment ta’ teknoloġija (paragrafu 32) bħal f’dawk tal-2014 (paragrafu 32), il-pożizzjonijiet ta’ imblukkar huma mfissra bħala dawk li fihom operatur ma jistax jidħol fis‑suq mingħajr ma jikser id-drittijiet ta’ proprjetà intelletwali ta’ operatur ieħor. Issa, għandu jitfakkar li deċiżjonijiet li jikkonstataw il‑validità ta’ privattiva ma jipprekludux, waħedhom, dħul b’riskju fis-suq u li hija biss deċiżjoni li tikkonstata ksur tad-dritt ta’ proprjetà intelletwali kkonċernat, jiġifieri ksur tal-privattiva inkwistjoni, li tista’ tipprekludih (ara l-punti 359 u 361 hawn fuq). B’hekk, id-“deċiżjonijiet tal-qrati” msemmija fil-Linji Gwida tal-2004 għall-ftehimiet dwar trasferiment ta’ teknoloġija (paragrafu 32) u d-“deċiżjoni[jiet] finali tal‑qorti” ċċitati f’dawk tal-2014 (paragrafu 33) bħala li jipprovaw b’mod ċar l-eżistenza ta’ pożizzjoni ta’ imblukkar jirreferu mhux għal deċiżjonijiet li jikkonstataw il-validità tal-privattiva, iżda għal dawk li jikkonstataw il-ksur ta’ din il-privattiva.

371    It-tieni nett, kuntrarjament għal dak li jsostnu r-rikorrenti, lanqas ir‑rakkomandazzjonijiet tal-Linji Gwida tal-2014 għall-ftehimiet dwar trasferiment ta’ teknoloġija relatati mal-analiżi tal-kompetizzjoni potenzjali fin-nuqqas ta’ pożizzjoni ta’ imblukkar stabbilita minn deċiżjoni ġudizzjarja ma ġew miksura mill-Kummissjoni. Ta’ min ifakkar, f’dan ir-rigward, li, bis-saħħa tal-paragrafu 31 tal-Linji Gwida tal-2014 għall-ftehimiet dwar trasferiment ta’ teknoloġija, operatur “jist[a’] jitqies[...] kompetitur[...] potenzjali fis-suq tal-prodotti jekk ikun probabbli li, fin-nuqqas ta’ ftehim, x’aktarx kien[...] jagħm[el] [l‑]investiment addizjonali neċessarju fis-suq rilevanti b’rispons għal żieda żgħira iżda permanenti fil-prezzijiet tal-prodotti” u “[i]l‑probabb[iltà] tali annotazzjoni [tad-dħul fis-suq] għandha tiġi vvalutata fuq bażi realistika, jiġifieri bbażata fuq il-fatti tal-każ ikkonċernat”. Barra minn hekk, skont il-paragrafu 33 ta’ dawn l-istess linji gwida:

“Fin-nuqqas ta’ ċertezza, pereżempju fil-forma ta’ deċiżjoni finali tal‑qorti dwar jekk teżistix pożizzjoni ta’ imblukkar u għalhekk ta’ ċertezza dwar dan il-punt, il-partijiet, meta jindirizzaw il-kwistjoni jekk humiex kompetituri potenzjali, se jkollhom jibbażaw lilhom infushom fuq l-evidenza kollha disponibbli dak il-ħin, inkluża l-possibbiltà li d‑drittijiet tal-proprjetà intellettwali jinkisru u jekk humiex, f’każ speċifiku, il-possibilitajiet effettivi biex jaħdmu madwar id-drittijiet eżistenti tal-proprjetà intellettwali. Investimenti sostanzjali diġà magħmula jew pjanijiet avvanzati li jidħlu f’suq partikolari, jistgħu jappoġġjaw il-fehma li l-partijiet huma mill-inqas kompetituri potenzjali, anke jekk pożizzjoni ta’ imblukkar ma tistax tiġi eskluża. [...]”

372    Għaldaqstant, kif jirriżulta mill-punti 323 u 325 hawn fuq, il‑Kummissjoni applikat f’dan il-każ il-kriterju ta’ possibbiltajiet reali u konkreti biex tistabbilixxi l-kwalità ta’ kompetituri potenzjali tal‑kumpanniji ta’ ġeneriċi inkwistjoni u b’hekk ibbażat ruħha, skont il‑paragrafi msemmija hawn fuq tal-Linji Gwida tal-2014 għall-ftehimiet dwar trasferiment ta’ teknoloġija, mhux fuq in-nuqqas tal-impossibbiltà ta’ dħul, iżda fuq il-probabbiltà ta’ dħul evalwata abbażi tal-motivi realistiċi u tal-informazzjoni disponibbli li tirrigwarda b’mod partikolari s‑sitwazzjoni kuntenzjuża tal-partijiet, il-progress tal-iżvilupp tal‑prodotti tagħhom u l-proċessi tagħhom fid-dawl tal-ksib tal-ATS (ara wkoll il-punti 432 sa 438, 579 sa 585 u 718 sa 722 iktar ’il quddiem). Barra minn hekk, jekk l-argumenti tar-rikorrenti kellhom jiġu interpretati bħala li jikkontestaw il-konstatazzjoni mill-Kummissjoni ta’ probabbiltà ta’ dħul fis-suq tal-kumpanniji ta’ ġeneriċi, dawn ser jiġu kkunsidrati iktar ’il quddiem fil-kuntest tal-analiżi tal-ilmenti li jikkontestaw il‑klassifikazzjoni bħala kompetitur potenzjali ta’ kull waħda minn dawn il-kumpanniji.

373    Għandu jingħad ukoll li, kuntrarjament għal dak li ssostni l-intervenjenti, minn din l-analiżi ta’ probabbilitajiet ta’ dħul fis-suq ta’ kumpanniji ta’ ġeneriċi, kif meħtieġa mil-Linji Gwida tal-2004 u dawk tal-2014 għall‑ftehimiet dwar trasferiment ta’ teknoloġija u mwettqa mill‑Kummissjoni, jirriżulta speċifikament li l-eżistenza ta’ kompetizzjoni potenzjali ma hijiex dedotta ipso facto min-nuqqas ta’ pożizzjoni ta’ imblukkar stabbilita, iżda li teħtieġ, sabiex tiġi pprovata, analiżi xierqa li tista’ twassal sabiex il-kwalità ta’ kompetitur potenzjali ma tingħatax lil kumpannija minkejja n-nuqqas ta’ pożizzjoni ta’ imblukkar li tirriżulta mill-privattivi.

Fuq il-kontradizzjoni fid-deċiżjoni kkontestata

374    Skont ir-rikorrenti, il-pożizzjoni tal-Kummissjoni hija f’kontradizzjoni mal-evalwazzjonijiet tagħha fid-deċiżjoni kkontestata relatati mal-abbuż minn pożizzjoni dominanti ta’ Servier. B’mod partikolari, huma jikkritikawha li b’mod kontradittorju rrikonoxxiet is-setgħa ta’ esklużjoni tal-privattivi ta’ Servier fil-parti tad-deċiżjoni kkontestata ddedikata għall-abbuż minn pożizzjoni dominanti ta’ Servier (premessi 2572, 2857 u 2972) u injorat ir-riskju ta’ esklużjoni tal-kumpanniji ta’ ġeneriċi mis‑suq minħabba dawn il-privattivi fil-parti tad-deċiżjoni kkontestata relatata mal-Artikolu 101 TFUE.

375    Din l-allegazzjoni ta’ kontradizzjoni tista’ titwarrab minn issa, mingħajr il-ħtieġa li tingħata deċiżjoni dwar id-definizzjoni tas-swieq rilevanti mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-analiżi tagħha tal-effetti restrittivi tal-kompetizzjoni tal-ftehimiet ikkontestati u tal-abbuż minn pożizzjoni dominanti ta’ Servier.

376    Fil-fatt, għandu jiġi rrilevat, fl-ewwel lok, li, jekk il-Kummissjoni effettivament ikkonkludiet, fid-deċiżjoni kkontestata (premessi 2857 u 2972), li ma hemmx sors effettivament vijabbli ta’ kompetizzjoni fis‑suq, il-kunċett ta’ vijabbiltà użat f’dawn il-kunsiderazzjonijiet biex jiġi ddefinit is-suq inkwistjoni, jiġifieri s-suq qabel it-teknoloġija għall‑produzzjoni tal-IFA tal-perindopril, u biex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ pożizzjoni dominanti f’dan is-suq skont l-Artikolu 102 TFUE, huwa differenti minn dak użat sabiex tiġi stabbilita n-natura ekonomikament vijabbli ta’ dħul fis-suq fil-kuntest tal-Artikolu 101 TFUE. Fil-fatt, huwa jinftiehem b’mod iktar wiesa’ bħala “vijabbiltà ekonomika u regolatorja” u din il-vijabbiltà regolatorja tinftiehem strettament bħala eskluża meta jkun hemm privattiva fis-suq, peress li din tipprekludi li jiġi kkunsidrat li t-teknoloġija inkwistjoni hija sostitwibbli għal dik koperta mill-privattiva (nota ta’ qiegħ il-paġna nru 3386 tad-deċiżjoni kkontestata; ara wkoll il‑premessi 2748 u 2754 tad-deċiżjoni kkontestata). Jista’ wkoll jiġi rrilevat, sabiex titwarrab ir-rilevanza f’dan il-każ tal-evalwazzjonijiet magħmula mill-Kummissjoni fil-premessi 2857 u 2972 tad-deċiżjoni kkontestata, li dawn jirrigwardjaw l-eżistenza ta’ kompetizzjoni reali u effettiva tas-suq inkwistjoni, u mhux il-perspettivi ta’ dħul fis-suq ta’ kompetituri potenzjali.

377    Barra minn hekk, u fit-tieni lok, għandu jiġi rrilevat li, fil-partijiet l-oħra tad‑deċiżjoni kkontestata ċċitati mir-rikorrenti u mill-intervenjenti (premessi 2571 u 2572), iddedikati għad-definizzjoni tas-suq tal-prodott lest u għad-determinazzjoni tal-eżistenza ta’ pożizzjoni dominanti f’dan is-suq, il-Kummissjoni kkunsidrat essenzjalment li l-privattivi ta’ Servier kienu ostakoli sinjifikattivi iżda mhux assoluti għad-dħul fis-suq, skont l‑evalwazzjoni tagħha tal-kompetizzjoni potenzjali ta’ dan is-suq.

Fuq il-kontradizzjoni bejn id-deċiżjoni kkontestata u deċiżjonijiet oħra tal-Kummissjoni

378    Skont ir-rikorrenti u l-intervenjenti, il-pożizzjoni tal-Kummissjoni tikkontradixxi wħud mid-deċiżjonijiet preċedenti tagħha [Deċiżjoni tal-Kummissjoni 94/770/KE, tas-6 ta’ Ottubru 1994, relatata ma’ proċedura skont l-Artikolu [101 TFUE] u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Kawża IV/34.776 – Pasteur Merieux vs Merck) u d-Deċiżjoni tal‑Kummissjoni C(2013) 8535 finali, tas-26 ta’ Novembru 2013, relatata ma’ proċedura skont l-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 139/2004 (Kawża COMP/M.6944 – Thermo Fisher Scientific/Life Technologies)]. Filwaqt li, f’dawn id‑deċiżjonijiet l-oħra, il-Kummissjoni ddeduċiet mill-eżistenza ta’ privattivi u ta’ tilwimiet fil-qasam tal-privattivi n-nuqqas ta’ pressjoni kompetittiva sinjifikattiva tal-kumpanniji ta’ ġeneriċi, fid-deċiżjoni kkontestata hija kkunsidrat, minkejja l-eżistenza ta’ dawn l-istess tilwimiet li jistgħu jwasslu għall-esklużjoni tal-kumpanniji ta’ ġeneriċi mis-suq, li dawn tal-aħħar kienu kompetituri potenzjali ta’ Servier kapaċi li jeżerċitaw pressjoni kompetittiva sinjifikattiva fuq il-perindopril ta’ Servier.

379    F’dan ir-rigward, għandu jitqies li d-deċiżjoni kkontestata, fi kwalunkwe każ, ma tikkontradixxix id-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni ċċitati mir‑rikorrenti u mill-intervenjenti. Fil-fatt, għandu jitfakkar l-ewwel nett, li, sa fejn il-privattivi ma jikkostitwixxux bħala regola ostakoli insurmontabbli għad-dħul ta’ kompetitur fis-suq, iżda jistgħu joħolqu ostakoli bħal dawn skont l-eżitu tal-proċeduri ġudizzjarji fil-qasam tal‑privattivi u jkollhom impatt fuq il-possibbiltajiet reali u konkreti għal dħul fis-suq (ara l-punti 359 sa 368 hawn fuq u 442 sa 453, 589 sa 597 u 726 sa 735 iktar ’il quddiem), ma huwiex eskluż li l-Kummissjoni setgħet, f’ċerti deċiżjonijiet tagħha, fosthom b’mod partikolari ż-żewġ deċiżjonijiet imsemmija hawn fuq, tibbaża ruħha fuq l-eżistenza tal-privattivi biex minnha tidentifika n-nuqqas ta’ kompetizzjoni potenzjali. Sussegwentement, għandu jiġi osservat li f’dawn iż-żewġ deċiżjonijiet, il-Kummissjoni kkonstatat l-eżistenza ta’ ostakoli għad-dħul fis-suq jew in-nuqqas ta’ kompetizzjoni potenzjali billi bbażat ruħha mhux biss fuq l-eżistenza ta’ privattivi jew ta’ tilwimiet fil-qasam tal-privattivi, iżda wkoll fuq fatturi oħrajn, bħad-diffikultà tal-ksib tal-ATS, l-importanza ta’ investimenti meħtieġa jew tar-relazzjonijiet kummerċjali eżistenti, b’tali mod li ma jistax jiġi konkluż li l-eżistenza ta’ privattivi jew ta’ tilwimiet fil-qasam tal-privattivi tipprekludi, fiha nnifisha, milli jkun hemm l-iżvilupp tal-kompetizzjoni potenzjali.

380    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-Kummissjoni korrettament ikkunsidrat li l-privattivi ta’ Servier ma kinux jikkostitwixxu f’dan il-każ ostakoli insurmontabbli għad-dħul tal-kumpanniji ta’ ġeneriċi fis-suq. Fil-fatt, fid-data tal-konklużjoni tal-ftehimiet ikkontestati, l-ebda deċiżjoni finali li ddeċidiet azzjoni ta’ ksur ta’ privattiva ma kienet kkonstatat in-natura ta’ ksur ta’ privattiva tal-prodotti tal-imsemmija kumpanniji.

381    Jonqos għalhekk li jiġi stabbilit jekk il-Kummissjoni kkunsidratx korrettament li l-kumpanniji ta’ ġeneriċi kellhom, fid-dawl taċ‑ċirkustanzi speċifiċi ta’ kull waħda minnhom, possibbiltajiet reali u konkreti biex jidħlu fis-suq inkwistjoni u, biex isir dan, li tingħata risposta għall-argumenti li jikkontestaw l-eżistenza ta’ tali possibbilitajiet imressqa fil-kuntest tal-argument speċifiku relatat ma’ kull ftehim ikkontestat. Sa minn dan l-istadju, għandu jiġi spjegat li dan l-eżami tal-ilmenti kontra l-evalwazzjoni mill-Kummissjoni tal-possibbiltajiet reali u konkreti ta’ kumpanniji ta’ ġeneriċi biex jidħlu fis-suq għandu jsir fid-dawl tal-erba’ prinċipji u premessi li ġejjin.

382    L-ewwel nett, għandu jitfakkar li mill-ġurisprudenza relatata mad‑determinazzjoni tal-eżistenza ta’ possibbiltajiet reali u konkreti ta’ dħul f’suq (ara l-punt 318 hawn fuq) jirriżulta li l-element essenzjali li fuqu għandha tkun ibbażata l-kwalità ta’ kompetitur potenzjali huwa magħmul mill-kapaċità ta’ impriża li tidħol f’dan is-suq u li l‑intenzjoni tagħha li tidħol f’dan is-suq, minkejja li hija rilevanti biex jiġi vverifikat jekk hija tistax tiġi kkunsidrata bħala kompetitur potenzjali, tapplika b’mod sussidjarju biss. B’mod iktar speċifiku, l‑intenzjoni ta’ dħul f’suq la hija neċessarja għar-rikonoxximent tal‑eżistenza ta’ kompetizzjoni potenzjali f’dan is-suq (sentenza tal‑14 ta’ April 2011, Visa Europe u Visa International Service vs Il‑Kummissjoni, T‑461/07, EU:T:2011:181, punt 169), u lanqas tista’ tikkontestaha, iżda la darba tiġi stabbilita tista’ ssaħħaħ il‑kapaċità ta’ dħul fis-suq u b’hekk tikkontribwixxi għall-klassifikazzjoni ta’ operatur partikolari bħala kompetitur potenzjali.

383    Minn dan jirriżulta wkoll li l-kriterju bbażat fuq il-korrispondenza tad‑dħul fis-suq ma’ strateġija ekonomika vijabbli, meħtieġa mill‑imsemmija ġurisprudenza, ma jikkostitwixxix kriterju awtonomu u distint mill-kriterju prinċipali tal-kapaċità ta’ dħul fis-suq u tal-kriterju supplimentari tal-intenzjoni ta’ dħul fih (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-8 ta’ Settembru 2016, Xellia Pharmaceuticals u Alpharma vs Il‑Kummissjoni, T‑471/13, mhux ippubblikata, taħt appell, EU:T:2016:460, punt 81). Fil-fatt, minn naħa waħda, fis-sentenzi inkwistjoni, dan huwa ċċitat bħala spjegazzjoni tan-natura reali u konkreta tal‑possibbiltajiet ta’ dħul fis-suq u jiġi qabel il-kriterju prinċipali tal‑kapaċità ta’ dħul fih u l-kriterju supplimentari tal-intenzjoni ta’ dħul fih, ippreżentati bħala li “neċessarjament jirriżultaw” minnu. Min-naħa l‑oħra, dawn l-istess sentenzi ma jeżaminawhx b’mod separat u b’mod indipendenti mill-verifika tal-kapaċità u tal-intenzjoni ta’ dħul fis-suq, peress li mill-fatt li impriża għandha kemm il-kapaċità ta’ dħul fis-suq, fir-rigward tal-metodi ta’ produzzjoni u ta’ kummerċjalizzazzjoni tagħha kif ukoll tar-riżorsi finanzjarji tagħha, u l-intenzjoni ta’ dħul fih, fid-dawl b’mod partikolari tal-opportunitajiet ta’ profitt u ta’ qligħ, jista’ jiġi raġonevolment dedott li dan id-dħul jikkorrispondi ma’ strateġija ekonomika vijabbli għall-impriża kkonċernata.

384    It-tieni nett, kif korrettament ikkunsidrat il-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata (premessa 1172; ara wkoll, il-punt 351 hawn taħt), l‑evalwazzjonijiet magħmula mill-partijiet infushom rigward il‑possibbiltajiet ta’ invalidità jew ta’ ksur ta’ privattivi tar‑rikorrenti jistgħu jiġu kkunsidrati sabiex jiġi stabbilit jekk il‑kumpanniji ta’ ġeneriċi kellhomx possibbiltajiet reali u konkreti li jidħlu fis-suq (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-8 ta’ Settembru 2016, Lundbeck vs Il‑Kummissjoni, T‑472/13, taħt appell, EU:T:2016:449, punt 141). Fil-fatt, fin-nuqqas ta’ deċiżjoni ta’ awtorità pubblika relatata mal-ksur u mal-validità tal-privattivi ta’ Servier, l‑evalwazzjonijiet magħmula mill-partijiet infushom fir-rigward tal‑possibbiltajiet ta’ invalidità jew ta’ ksur ta’ dawn il-privattivi jistgħu jagħtu indikazzjoni fir-rigward tal-intenzjonijiet, b’mod partikolari kuntenzjużi, ta’ dawn il-partijiet. B’mod partikolari, meta jitwettqu minn kumpanniji ta’ ġeneriċi, huma jistgħu jikkontribwixxu sabiex tiġi stabbilita l‑intenzjoni tagħhom, fid-dawl tal-perċezzjoni suġġettiva tagħhom tal‑privattivi kkonċernati, li jidħlu fis-suq, iżda mhux il‑kapaċità tagħhom biex jidħlu fih, fid-dawl tal-fatt li huma biss il‑qrati nazzjonali u l-UEP li għandhom kompetenza jistabbilixxu l-ksur u l‑validità tal-privattivi (ara l-punt 243 u 359 hawn fuq). Peress li l‑intenzjoni hija kkunsidrata bħala kriterju rilevanti sabiex jiġu stabbilit l-possibbiltajiet reali u konkreti ta’ dħul fis-suq (ara l-punt 382 hawn fuq), minn dan jirriżulta li l-evalwazzjonijiet suġġettivi tal-partijiet jistgħu jiġu kkunsidrati b’mod validu sabiex jiġu stabbiliti possibbiltajiet bħal dawn. Madankollu, għandu jiġi spjegat li, sa fejn l-intenzjoni li tidħol f’suq, minkejja li hija rilevanti sabiex jiġi vverifikat jekk kumpannija tistax tiġi kkunsidrata bħala kompetitur potenzjali, tapplika biss b’mod sussidjarju, dawn l-evalwazzjonijiet ukoll japplikaw b’mod sussidjarju biss sabiex tiġi stabbilita l-kwalità ta’ kompetitur potenzjali tal-imsemmija kumpannija. Barra minn hekk, huma għandhom jiġu ffaċċjati b’elementi oħra li jistgħu jipprovaw ukoll l-intenzjonijiet ta’ kumpannija fir-rigward tad-dħul tagħha f’suq.

385    It-tielet nett, l-eżistenza ta’ possibbiltajiet reali u konkreti ta’ dħul fis-suq għandha tiġi evalwata fid-data tal-konklużjoni tal-ftehimiet inkwistjoni [ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-8 ta’ Settembru 2016, Lundbeck vs Il‑Kummissjoni, T‑472/13, taħt appell, EU:T:2016:449, punti 138, 139 u 203, u tat-8 ta’ Settembru 2016, Sun Pharmaceutical Industries u Ranbaxy (UK) vs Il-Kummissjoni, T‑460/13, mhux ippubblikata, taħt appell, EU:T:2016:453, punti 94 u 95]. Fil-fatt, sabiex jiġi stabbilit jekk tali ftehimiet jirrestrinġux il-kompetizzjoni fis-sens tal‑Artikolu 101 TFUE, għandu jiġi stabbilit x’kienet il-kompetizzjoni, reali jew potenzjali, fis-suq inkwistjoni fil-mument li fih ġew konklużi. Minn dan jirriżulta li ma għandhomx jiġu kkunsidrati l-argumenti u d‑dokumenti relatati ma’ informazzjoni sussegwenti għall-konklużjoni tal-ftehimiet inkwistjoni, peress li tali informazzjoni tirrifletti l‑implimentazzjoni ta’ dawn il-ftehimiet u mhux is-sitwazzjoni kompetittiva fis-suq fil-mument tal-konklużjoni tagħhom.

386    Ir-raba’ nett, l-oneru tal-prova tal-eżistenza ta’ possibbiltajiet reali u konkreti tad-dħul ta’ kompetitur fis-suq, bħal, b’mod iktar wiesa’, dak dwar il‑prova tal-eżistenza ta’ ksur (Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1/2003), jaqa’ f’idejn il-Kummissjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Settembru 2016, Lundbeck vs Il-Kummissjoni, T‑472/13, taħt appell, EU:T:2016:449, punt 105). Madankollu, sa fejn l-essenzjal tal‑informazzjoni li tippermetti li tiġi stabbilita l-kapaċità u l-intenzjoni ta’ kumpanniji ta’ ġeneriċi biex jidħlu fis-suq, u għalhekk il‑possibbiltajiet reali u konkreti tagħhom biex jidħlu fih, hija informazzjoni interna tal-imsemmija kumpanniji, li dawn tal-aħħar qegħdin f’pożizzjoni aħjar biex tinġabar, għandu jiġi kkunsidrat li l‑Kummissjoni, fin-nuqqas ta’ provi kuntrarji relatati ma’ diffikultajiet tekniċi, leġiżlattivi, kummerċjali jew finanzjarji, stabbilixxiet b’mod suffiċjenti l-eżistenza ta’ tali possibbiltajiet fiċ-ċirkustanzi tal-każ jekk hija ġabret numru ta’ indikaturi konsistenti li juru, talinqas, proċessi relatati mal-produzzjoni u mal-kummerċjalizzazzjoni tal‑prodott inkwistjoni f’terminu qasir biżżejjed biex iħallu effett fuq l‑operatur preżenti fis-suq. Fil-fatt, minn tali proċessi jista’ jiġi dedott li l-kumpannija inkwistjoni ma kellhiex biss il-kapaċità iżda anki l‑intenzjoni li tieħu r-riskju li tidħol fis-suq (ara, f’dan is-sens, il‑paragrafu 33 tal-Linji Gwida tal-2014 għall-ftehimiet dwar trasferiment ta’ teknoloġija; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Settembru 2016, Arrow Group u Arrow Generics vs Il‑Kummissjoni, T-467/13, mhux ippubblikata, taħt appell, EU:T:2016:450, punt 81).

2)      Fuq il-kriterju relatat mal-impenn tal-kumpanniji ta’ ġeneriċi li jillimitaw l-isforzi indipendenti tagħhom biex jidħlu fissuq

i)      L-argumenti tal-partijiet

[omissis]

ii)    L-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali

391    Qabel xejn għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni ma evalwatx b’mod iżolat, fid-deċiżjoni kkontestata, il-legalità ġenerali tal-klawżoli ta’ nuqqas ta’ kontestazzjoni u ta’ nuqqas ta’ kummerċjalizzazzjoni. Fil-fatt, mill-premessa 1154 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li, sabiex tistabilixxi jekk il-ftehimiet inkwistjoni kinux jikkostitwixxu restrizzjonijiet ta’ kompetizzjoni minħabba l-għan, il-Kummissjoni ma llimitatx ruħha li teżamina jekk kinux jinkludu klawżoli ta’ nuqqas ta’ kontestazzjoni u ta’ nuqqas ta’ kummerċjalizzazzjoni, iżda analizzat ukoll jekk il-partijiet tas-soluzzjoni bonarja kinux kompetituri potenzjali u jekk il‑klawżoli ta’ nuqqas ta’ kontestazzjoni u ta’ nuqqas ta’ kummerċjalizzazzjoni kinux ibbażati fuq trasferiment ta’ valur mill‑kumpannija ta’ verżjonijiet tal-bidu lill-kumpannija ta’ ġeneriċi li jikkostitwixxi inċentiv, għal din il-kumpannija, li tirrinunzja milli teżerċita pressjoni kompetittiva fuq il-kumpannija detentur tal-privattiva. Konsegwentement, ir-rikorrenti u l-intervenjenti ma għandhomx jikkritikaw lill-Kummissjoni li kkunsidrat li s-sempliċi preżenza ta’ klawżoli ta’ nuqqas ta’ kontestazzjoni jew ta’ nuqqas ta’ kummerċjalizzazzjoni f’soluzzjoni bonarja tkun biżżejjed biex tistabbilixxi n-natura anti-kompetittiva tiegħu.

392    Sussegwentement, fir-rigward tal-argumenti tar-rikorrenti u tal‑intervenjenti dwar il-preżenza meħtieġa ta’ klawżoli ta’ nuqqas ta’ kontestazzjoni u ta’ nuqqas ta’ kummerċjalizzazzjoni f’kull soluzzjoni bonarja, għandu jsir riferiment għall-argumenti li jinsabu fil‑punti 258 sa 275 hawn fuq, li fihom huma spjegati l-kundizzjonijiet li jippermettu lill-Kummissjoni li tistabilixxi l-eżistenza ta’ restrizzjoni minħabba l-għan fil-preżenza ta’ klawżoli bħal dawn.

393    Fir-rigward tal-argumenti tar-rikorrenti u tal-intervenjenti relatati mal‑implimentazzjoni tat-teorija ta’ restrizzjonijiet anċillari f’dan il-każ, dawn għandhom jiġu miċħuda filwaqt li jsir riferiment għall-punt 291 hawn fuq.

394    Fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li l-Kummissjoni diġà kkunsidrat li ma kien hemm l-ebda problema fir-rigward ta’ ftehim li jobbliga kumpannija ta’ ġeneriċi li tirtira mis-suq sakemm tiġi riżoluta tilwima b’mod parallel, bi ħlas ta’ kumpens fil-każ ta’ telfa ta’ f’din il‑kawża, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza, il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, li jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal‑Unjoni, jirrikjedi li sitwazzjonijiet kumparabbli ma jkunux trattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jkunux trattati b’mod ugwali, ħlief jekk tali trattament ma jkunx iġġustifikat b’mod oġġettiv (sentenzi tat-13 ta’ Diċembru 1984, Sermide, 106/83, EU:C:1984:394, punt 28, u tal-14 ta’ Mejju 1998, BPB de Eendracht vs Il-Kummissjoni, T‑311/94, EU:T:1998:93, punt 309).

395    Madankollu, għandu jiġi enfasizzat li, meta impriża, bl-aġir tagħha, tikser l-Artikolu 101(1) TFUE, hija ma tistax tevita li tiġi ssanzjonata minħabba li impriża oħra ma ġietx issanzjonata. Fil-fatt, anki jekk jitqies li l‑Kummissjoni wettqet żball, meta kkunsidrat li l-ftehimiet Lundbeck‑Neolab kienu konformi mal-Artikolu 101(1) TFUE, l‑osservanza tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament għandha tiġi rrikonċiljata mal-osservanza tal-prinċipju ta’ legalità li jipprevedi li ħadd ma jista’ jinvoka, għall-benefiċċju tiegħu, illegalità mwettqa favur oħrajn (sentenzi tal-31 ta’ Marzu 1993, Ahlström Osakeyhtiö et vs Il‑Kummissjoni, C‑89/85, C‑104/85, C‑114/85, C‑116/85, C-‑17/85 u C‑125/85 sa C‑129/85, EU:C:1993:120, punt 197, u tal‑14 ta’ Lulju 1994, Parker Pen vs Il-Kummissjoni, T‑77/92, EU:T:1994:85, punt 86).

396    Fi kwalunkwe każ, jeżistu differenzi importanti bejn il-ftehimiet ikkontestati u l-ftehimiet Lundbeck-Neolab, li l-Kummissjoni kklassifikat bħala li ma humiex problematiċi fir-rigward tad-dritt tal‑kompetizzjoni fid-Deċiżjoni C (2013) 3803 finali, tad‑19 ta’ Ġunju 2013, li tirrigwarda proċediment skont l‑Artikolu 101 [TFUE] u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Kawża AT/39226 - Lundbeck). Fil-fatt, mill-premessa 164 ta’ din id-deċiżjoni jirriżulta li Neolab, f’Ottubru 2002, daħlet fis-suq tas-citalopram fir‑Renju Unit, li Lundbeck ippreżentat rikors għal ksur ta’ waħda mill‑privattivi tiegħu f’Novembru 2002 u li Neolab għalhekk ippreżentat kontrotalba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tal-privattiva kkontestata. Fil-kuntest ta’ inġunzjoni volontarja (“voluntary injunction”) adottata matul il-proċedura ġudizzjarja nazzjonali, Neolab obbligat ruħha, bl‑ewwel ftehim, li ma tikkumerċjalizzax il-ġeneriku tagħha sa meta tingħata d-deċiżjoni f’kawża parallella kontra Lundbeck u l-kumpannija Lagap dwar l-istess privattiva jew sa mhux iktar tard mit‑30 ta’ Novembru 2003. Inkontrokambju, Lundbeck kienet impenjat ruħha li tħallas id-danni lil Neolab f’każ ta’ annullament tal-privattiva inkwistjoni. Madankollu, peress li Lundbeck laħqet ftehim dwar soluzzjoni bonarja ma’ Lagap fit-13 ta’ Ottubru 2003, Lundbeck u Neolab ġew meħlusa mill-obbligi tagħhom u Neolab reġgħet bdiet tbiegħ il-ġeneriku tagħha fit-30 ta’ Ottubru 2003. Fit-22 ta’ Diċembru 2003, permezz tat-tieni ftehim, Neolab u Lundbeck ikkonkludew ftehim dwar soluzzjoni bonarju ieħor li jipprevdi l-ħlas minn Lundbeck lil Neolab ta’ danni intiżi sabiex jikkumpensaw l-impossibbiltà ta’ bejgħ tal-prodott ġeneriku matul il-perijodu kopert mill-inġunzjoni volontarja kif ukoll ir-rinunzja taż‑żewġ partijiet għall-ftehim li jkomplu l-kawża dwar il-ksur tal-privattiva inkwistjoni u l-invalidità tagħha sal-31 ta’ Marzu 2004.

397    Rigward l-ewwel ftehim, dan kien differenti mill-ftehimiet ikkontestati fil-każ peress li seħħ wara l-ewwel dħul tal-kumpannija ta’ ġeneriċi fis‑suq, li r-restrizzjoni inkwistjoni kienet tidher li tirriżulta minn ordni adottata f’kuntest ġudizzjarju, li bħala suġġett kellu biss obbligu ta’ nuqqas ta’ kummerċjalizzazzjoni għal perijodu limitat, jiġifieri sakemm tiġi riżolta l-kawża dwar l-istess suġġett, u li ma kienx jipprevedi l-ħlas tad‑danni mill-kumpannija tal-verżjonijiet tal-bidu f’każ ta’ annullament tal-privattiva tagħha.

398    Rigward it-tieni ftehim, anki jekk dan kien jipprevedi pagament tal‑kumpannija tal‑verżjonijiet tal-bidu lill-kumpannija ta’ ġeneriċi, madankollu kien differenti mill-ftehimiet ikkontestati inkwantu l‑kumpannija ta’ ġeneriċi kienet diġà preżenti fis-suq fil-mument tal‑konklużjoni tiegħu u li dan ma kienx jikkontesta din il-preżenza fis‑suq. Barra minn hekk, il-pagament tal-kumpannija tal-verżjonijiet tal‑bidu lill-kumpannija ta’ ġeneriċi kien ikopri biss il-kumpens tal‑impossibbiltà tal-bejgħ tal-prodott ġeneriku matul il-perijodu kopert mill-inġunzjoni volontarja biex, b’hekk, jiġi evitat li tinbeda kawża għad‑danni fuq din il-bażi minn Neolab.

399    Fl-aħħar nett, barra minn hekk, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li għandha tkun il-Kummissjoni li tistabbilixxi t-tkomplija ta’ kawża hija neċessarja u suffiċjenti għaż-żamma tal-kompetizzjoni biex jiġi kkunsidrat li l-interruzzjoni tagħha tikkostitwixxi restrizzjoni tal‑kompetizzjoni, għandu jitfakkar li d-definizzjoni tar-restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan (ara l-punt 220 et seq. iktar ’il fuq) ma timponix fuq il-Kummissjoni li tkejjel il-grad ta’ kompetizzjoni li jista’ jkun affettwat mill-ftehim ikkontestat, u lanqas li tistabbilixxi jekk it‑tkomplija ta’ kawża hijiex neċessarja għaż-żamma tal-kompetizzjoni.

3)      Fuq il-kriterju relatat mat-trasferiment ta’ valur għall-benefiċċju tal-kumpanniji ta’ ġeneriċi

i)      L-argumenti tal-partijiet

[omissis]

ii)    L-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali

406    Preliminarjament, għandu jiġi kkonstatat li fid-deċiżjoni kkontestata, il‑Kummissjoni ma kkunsidratx li s-sempliċi preżenza ta’ trasferiment ta’ valur mill-kumpannija ta’ verżjonijiet tal-bidu lill-kumpannija ta’ ġeneriċi tkun biżżejjed, waħedha, sabiex tipprova l-eżistenza ta’ grad suffiċjenti ta’ dannu fir-rigward tal-kompetizzjoni. Fil-fatt, mill‑premessa 1154 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li, sabiex jiġi stabbilit jekk il-ftehimiet inkwistjoni kinux jikkostitwixxu restrizzjonijiet ta’ kompetizzjoni minħabba l-għan, il-Kummissjoni eżaminat jekk il‑partijiet tas-soluzzjonijiet bonarji kinux kompetituri potenzjali, jekk kinux jinkludu klawżoli ta’ nuqqas ta’ kontestazzjoni u ta’ nuqqas ta’ kummerċjalizzazzjoni u jekk il-kumpannija ta’ verżjonijiet tal-bidu kinitx kisbet l-obbligu ta’ nuqqas ta’ kummerċjalizzazzjoni u ta’ nuqqas ta’ kontestazzjoni mill-kumpannija ta’ ġeneriċi bi skambju ma’ trasferiment ta’ valur (ara wkoll il-punti 265 sa 272 hawn fuq).

407    Barra minn hekk, mill-punti 265 sa 273 hawn fuq jirriżulta li, fil-preżenza ta’ ftehim dwar soluzzjoni bonarja fil-qasam tal-privattivi konkluż bejn żewġ kompetituri potenzjali u li jinkludi klawżoli ta’ nuqqas ta’ kummerċjalizzazzjoni u ta’ nuqqas ta’ kontestazzjoni, l-eżistenza ta’ inċentiv għall-kumpannija ta’ ġeneriċi biex tissottometti ruħha għal dawn il-klawżoli hija bbażata, waħedha, fuq il-konstatazzjoni ta’ restrizzjoni minħabba l-għan.

408    L-argumenti ppreżentati mir-rikorrenti u l-intervenjenti ma jippermettux li din il-konstatazzjoni tiġi kkontestata.

409    L-ewwel nett, rigward l-argument li l-produtturi tal-verżjonijiet tal-bidu jkunu obbligati li jagħmlu konċessjonijiet iktar sinjifikattivi mill‑kumpanniji ta’ ġeneriċi fis-soluzzjonijiet bonarji, minħabba riskji kuntenzjużi iktar sinjifikattivi li għalihom huma se jkunu esposti, għandu jiġi kkonstatat, hekk kif enfasizzat il-Kummissjoni, li r‑rikorrenti ma pprovdew l-ebda prova insostenn ta’ din l-allegazzjoni, u illimitaw ruħhom li jagħmlu biss riferiment għar-risposta tagħhom għad‑dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet. Barra minn hekk, anki jekk l‑eżistenza ta’ riskju iktar sinjifikattiv għall-kumpannija ta’ verżjonijiet tal-bidu jiġi preżunt, tali riskju ma huwiex ta’ natura li jiġġustifika trasferiment ta’ valur invertit li jikkostitwixxi inċentiv sabiex il‑kumpannija ta’ ġeneriċi tirrinunzja għall-isforzi tagħha li tidħol fis-suq.

410    Fir-rigward tal-argumenti tal-intervenjenti li s-sistemi nazzjonali ta’ ffissar ta’ prezzijiet ta’ prodotti mediċinali huma sfavorevoli għall‑produtturi ta’ verżjonijiet tal-bidu u l-mekkaniżmi ġudizzjarji nazzjonali ma jippermettux rimedju effikaċi għad-dħul b’riskju ta’ ġeneriċi fis-suq, għandu jitfakkar, jekk dawn il-fatti jiġu stabbiliti, li dawn ma humiex ta’ natura li jiġġustifikaw ftehim li għandu għan anti‑kompetittiv. Fil-fatt, skont ġurisprudenza stabbilita, mhux aċċettabbli li impriżi jippruvaw jikkumpensaw għall-effetti tar-regoli ġuridiċi li huma jqisu bħala eċċessivament sfavorevoli permezz tal‑konklużjoni ta’ akkordji li għandhom bħala għan li jikkorreġu dawn l-iżvantaġġi bl-iskuża li dawn ir-regoli joħolqu żbilanċ għad-detriment tagħhom (sentenza tas-27 ta’ Lulju 2005, Brasserie nationale et vs Il‑Kummissjoni, T‑49/02 sa T‑51/02, EU:T:2005:298, punt 81; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ Ottubru 2002, Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il-Kummissjoni, C‑238/99 P, C‑244/99 P, C‑245/99 P, C‑247/99 P, C‑250/99 P sa C‑252/99 P u C‑254/99 P, EU:C:2002:582, punti 487 u 488).

411    Fir-rigward tal-argumenti tar-rikorrenti li l-Kummissjoni kellha tqis kunsiderazzjonijiet kummerċjali u perspettivi ta’ qligħ tal-partijiet tas- soluzzjonijiet bonarji sabiex tiġi evalwata n-natura tal-inċentiv ta’ trasferiment ta’ valur, mill-punt 277 hawn fuq jirriżulta li, sabiex jiġi stabbilit jekk it-trasferiment ta’ valur minn kumpannija ta’ verżjonijiet tal‑bidu lill-kumpannija ta’ ġeneriċi jikkostitwixxix jew le inċentiv biex jiġu aċċettati klawżoli ta’ nuqqas ta’ kontestazzjoni u ta’ nuqqas ta’ kummerċjalizzazzjoni, il-Kummissjoni ġustament eżaminat jekk it-trasferiment ta’ valur kienx jikkorrispondi mal-ispejjeż speċifiċi tas-soluzzjoni bonarja sostnuti mill-kumpannija ta’ ġeneriċi. Il-kriterju rilevanti għalhekk jinsab fl-identifikazzjoni tal-ispejjeż relatati mal‑ftehim dwar soluzzjoni bonarja sostnuti mill-kumpannija ta’ ġeneriċi u mhux fit-teħid inkunsiderazzjoni ta’ kunsiderazzjonijiet kummerċjali tal-partijiet ta’ soluzzjoni bonarja.

412    F’dak li jikkonċerna l-argumenti kollha msemmija fit-tliet punti preċedenti, għandu jingħad ukoll li l-fatt li adozzjoni ta’ aġir antikompetittiv tista’ tkun l-iktar soluzzjoni profittabbli jew l-inqas waħda ta’ riskju għal impriża bl-ebda mod ma jeskludi l-applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑8 ta’ Lulju 2004, Corus UK vs Il-Kummissjoni, T‑48/00, EU:T:2004:219, punt 73, u tat-8 ta’ Lulju 2004, Dalmine vs Il‑Kummissjoni, T‑50/00, EU:T:2004:220, punt 211), b’mod partikolari meta jkun sar ħlas lill-kompetituri reali jew potenzjali sabiex dawn iżommu ’l bogħod mis-suq (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-8 ta’ Settembru 2016, Lundbeck vs Il-Kummissjoni, T‑472/13, taħt appell, EU:T:2016:449, punti 379 u 380).

413    It-tieni nett, ir-rikorrenti ma jistgħux jikkritikaw lill-Kummissjoni li dderogat mit-tliet kriterji mfakkra fil-premessa 1154 tad-deċiżjoni kkontestata meta kklassifikat bħala legali ftehimiet dwar dħul antiċipat ta’ kumpanniji ta’ ġeneriċi fis-suq, minkejja li dawn jinvolvu inċentiv sinjifikattiv. Fil-fatt, mill-premessi 1138, 1200 u 1203 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni illimitat ruħha biex tirrileva li ftehim dwar soluzzjoni bonarja li jippermetti d-dħul ta’ ġeneriku fis-suq qabel l-iskadenza tal-privattiva inkwistjoni seta’ jikkostitwixxi ftehim favorevoli għall-kompetizzjoni u konsegwentement leġittimu. Issa, fi ftehim bħal dan, jekk il-partijiet jaqblu fuq data ta’ dħul antiċipata ta’ ġeneriku fis-suq, huma madankollu ma jipprevedux l-għoti ta’ inċentiv mill-kumpannija ta’ verżjonijiet tal-bidu lill-kumpannija ta’ ġeneriċi sabiex din tal-aħħar tittardja d-dħul tal-prodott tagħha fis-suq.

414    Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma jistgħux jikkritikaw lill‑Kummissjoni li ma investigatx is-57 ftehim dwar soluzzjoni bonarja identifikati fl‑eżerċizzji annwali ta’ monitoraġġ tagħha li jinkludu trasferiment ta’ valur. Fil‑fatt, minn naħa, għandu jitfakkar li, meta impriża, bl-aġir tagħha, tkun kisret l-Artikolu 101(1) TFUE, hija ma tistax tevita kwalunkwe sanzjoni minħabba li impriża oħra ma ngħatax multa, peress li l-osservanza tal‑prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament għandu jiġi rrikonċiljat mal‑osservanza tal-prinċipju ta’ legalità li jistipula li ħadd ma jista’ jinvoka, għall‑benefiċċju tiegħu, illegalità mwettqa favur oħrajn (ara l-punt 395 hawn fuq). Min-naħa l-oħra, ftehim dwar soluzzjoni bonarja ta’ tilwima fil-qasam tal-privattivi ma jistax jiġi kkunsidrat bħala illegali għall-unika raġuni li jinvolvi trasferiment ta’ valur mill-kumpannija ta’ verżjonijiet tal‑bidu lill-kumpannija ta’ ġeneriċi, approċċ li l-Kummissjoni ma użatx fid-deċiżjoni kkontestata, li fiha hija ġustament eżaminat jekk il-partijiet tas-soluzzjonjiet bonarji kinux kompetituri potenzjali, jekk dawn kinux jinvolvu klawżoli ta’ nuqqas ta’ kontestazzjoni u ta’ nuqqas ta’ kummerċjalizzazzjoni u jekk il-kumpannija ta’ verżjonijiet tal-bidu kinitx kisbet obbligu ta’ nuqqas ta’ kummerċjalizzazzjoni u ta’ nuqqas ta’ kontestazzjoni mill-kumpannija ta’ ġeneriċi inkambju ta’ trasferiment ta’ valur (ara l-punt 406 hawn fuq).

415    It-tielet nett, ir-rikorrenti jikkritikaw lill-Kummissjoni li żammet definizzjoni estensiva tat-trasferiment ta’ valur sinjifikattiv, billi qieset il‑ftehimiet anċillari konklużi skont il-kundizzjonijiet tas-suq. Madankollu, kif il-Kummissjoni ġustament indikat dan fil‑premessa 1190 tad-deċiżjoni kkontestata, l-inċentiv tal-kumpannija ta’ verżjonijiet tal-bidu li taċċetta klawżoli ta’ nuqqas ta’ kummerċjalizzazzjoni u ta’ nuqqas ta’ kontestazzjoni jista’ jieħu l-forma ta’ ftehim anċillari għall-ftehim dwar soluzzjoni bonarja. Jekk il‑ftehimiet anċillari jikkostitwixxu ftehimiet kummerċjali normali, li jistgħu jeżistu b’mod awtonomu, f’dan il-każ, il-Kummissjoni ġustament eżaminat jekk ċerti ftehimiet anċillari li jagħmlu parti integrali mis-soluzzjonijiet bonarji inkwistjoni kinux jinvolvu trasferimenti ta’ valur mill-proprjetarju tal-privattiva lill-kumpannija ta’ ġeneriċi.

416    Ir-raba’ nett, ir-rikorrenti jikkritikaw lill-Kummissjoni li kkunsidrat inċentivi tal-kumpannija ta’ ġeneriċi li tkompli l-kawża fil-kuntest biss tal-analiżi tal-kompetizzjoni potenzjali u mhux fl-evalwazzjoni ta’ trasferiment ta’ valur. Madankollu, mill-punt 277 hawn fuq jirriżulta li, sabiex jiġi stabbilit jekk it-trasferiment ta’ valur mill-kumpannija ta’ verżjonijiet tal-bidu lill-kumpannija ta’ ġeneriċi kien jikkostitwixxi jew le inċentiv biex jiġu aċċettati klawżoli ta’ nuqqas ta’ kontestazzjoni u ta’ nuqqas ta’ kummerċjalizzazzjoni, il-Kummissjoni ġustament eżaminat jekk it-trasferiment ta’ valur kienx jikkorrispondi mal-ispejjeż speċifiċi tas-soluzzjoni bonarja mill-kumpannija ta’ ġeneriċi. Il‑kriterju rilevanti jinsab għalhekk fl-identifikazzjoni tal-ispejjeż relatati mas-soluzzjoni bonarja sostnuti mill-kumpannija ta’ ġeneriċi u mhux fl-eventwali nuqqas ta’ simetrija ta’ informazzjoni bejn il‑partijiet u fl-interessi kummerċjali rispettivi tagħhom.

417    Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti jikkritikaw lill-Kummissjoni li injorat ċerti dispożizzjonijiet kuntrattwali tal-ftehimiet konklużi ma’ Teva, Krka u Lupin, li setgħu jaċċeleraw id-dħul tal-produtturi ta’ ġeneriċi fis-suq. Dan l-argument se jkun eżaminat fil-kuntest tal-motivi relatati mal-ftehimiet inkwistjoni.

418    Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li l-Kummissjoni ddefinixxiet korrettament it-tliet kriterji użati biex tikklassifika l‑ftehimiet dwar soluzzjoni bonarja ta’ tilwimiet fil-qasam tal-privattivi bħala restrizzjoni minħabba l-għan u, għalhekk, ma wettqitx żball ta’ liġi relatat mal-kunċett ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan.

6.      Fuq il-ftehimiet konklużi ma’ Niche u ma’ Matrix

a)      Fuq il-kwalità ta’ kompetitur potenzjali ta’ Niche u ta’ Matrix

[omissis]

b)      Fuq l-iżbalji ta’ liġi u ta’ evalwazzjoni relatati malklassifikazzjoni ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba lgħan tal-ftehimiet Niche u Matrix

1)      L-argumenti tal-partijiet

[omissis]

2)      L-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali

525    Fir-rigward tal-iżbalji ta’ liġi li allegatament wettqet il-Kummissjoni meta kklassifikat il-ftehimiet Niche u Matrix bħala restrizzjonijiet minħabba l-għan, mingħajr ma eżaminat jekk kinux “tali li seta’” ikollhom effetti negattivi u minkejja li l-effetti potenzjali tagħhom huma ambivalenti (ara l-punt 503 hawn fuq), għandu jsir riferiment għall‑punti 223 sa 226, 304 sa 306 u 418 hawn fuq. Għandu jingħad ukoll li, fir-rigward tal-effetti potenzjali ambivalenti li r-rikorrenti jinvokaw billi jibbażaw ruħhom fuq id-diffikultajiet fil-qasam tal-privattivi, kif ukoll fir-rigward tad-diffikultajiet tekniċi, leġiżlattivi u finanzjarji li kellhom jiffaċċjaw Niche u Matrix, li dawn kienu validament ġew ikkunsidrati mill-Kummissjoni bħala li ma jxekklux il-possibbiltajiet reali u konkreti ta’ Niche u ta’ Matrix li jikkompetu mar-rikorrenti (ara l‑punt 501 hawn fuq), u għalhekk ma jippermettux li jiġi dedott li l‑ftehimiet Niche u Matrix jipproduċu effetti potenzjali ambivalenti.

526    Fir-rigward tal-iżbalji ta’ evalwazzjoni invokati, għandhom jiġu eżaminati l‑argumenti tar-rikorrenti relatati mal-preżenza, fil-ftehimiet Niche u Matrix, minn naħa, ta’ vantaġġ ta’ inċentiv fir-rigward ta’ Niche u ta’ Matrix u, min-naħa l-oħra, ta’ limitazzjoni korrelattiva tal-isforzi tagħhom biex jikkompetu mal-kumpannija ta’ verżjonijiet tal-bidu, rekwiżiti li, meta jiġu ssodisfatti, jimponu li tiġi kkonstatata l-eżistenza ta’ restrizzjoni minħabba l-għan (ara l-punt 272 hawn fuq). F’dan ir‑rigward, għandu jiġi spjegat li r-rikorrenti ma jikkontestawx l-eżistenza ta’ klawżoli ta’ nuqqas ta’ kummerċjalizzazzjoni u ta’ nuqqas ta’ kontestazzjoni fil-ftehimiet Niche u Matrix, li fihom infushom għandhom natura restrittiva tal-kompetizzjoni (ara l-punt 257 hawn fuq), iżda jsostnu li dawn il-klawżoli ma jippreżentawx grad suffiċjenti ta’ dannu f’dan il-każ u jikkontestaw li t-trasferimenti ta’ valur previsti mill‑ftehimiet Niche u Matrix jistgħu jiġu kkunsidrati bħala trasferimenti ta’ valur bħala inċentiv.

i)      Fuq in-nuqqas ta’ trasferiment ta’ valur bħala inċentiv

527    Preliminarjament, għandu jitfakkar li s-sempliċi preżenza ta’ trasferiment ta’ valur mill-kumpannija ta’ verżjonijiet tal-bidu lill-kumpannija ta’ ġeneriċi ma jippermettix li jiġi konkluż li hemm restrizzjoni minħabba l‑għan. Huwa biss f’każ li ħlas invertit mhux iġġustifikat iseħħ fil‑konklużjoni tas-soluzzjoni bonarja, jiġifieri meta l‑kumpannija ta’ ġeneriċi jkollha inċentiv mill-imsemmi ħlas biex tissuġġetta ruħha għall-klawżoli ta’ nuqqas ta’ kummerċjalizzazzjoni u ta’ nuqqas ta’ kontestazzjoni, li jista’ jiġi konkluż li hemm l-eżistenza ta’ tali restrizzjoni. F’dan il-każ, ir-restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni li l-klawżoli ta’ nuqqas ta’ kummerċjalizzazzjoni u ta’ nuqqas ta’ kontestazzjoni jintroduċu ma jibqgħux marbuta mal-privattiva jew mal-ftehim dwar soluzzjoni bonarja, iżda huma r-riżultat tal-inċentiv (ara l-punt 265 hawn fuq).

528    Sabiex jiġi stabbilit jekk ħlas invertit, jiġifieri trasferiment ta’ valur mill-kumpannija ta’ verżjonijiet tal-bidu lill-kumpannija ta’ ġeneriċi, jikkostitwixxix jew le inċentiv sabiex jiġu aċċettati klawżoli ta’ nuqqas ta’ kontestazzjoni u nuqqas ta’ kummerċjalizzazzjoni, għandu jiġi eżaminat, filwaqt li jiġu kkunsidrati n-natura tiegħu u l-ġustifikazzjoni tiegħu, jekk dan ikoprix spejjeż inerenti għas-soluzzjoni bonarja inkwistjoni (ara l-punt 277 hawn fuq). Fid-deċiżjoni kkontestata, il‑Kummissjoni ġustament eżaminat jekk it-trasferiment ta’ valur previst mill-ftehimiet Niche u Matrix kienx jikkorrispondi mal-ispejjeż speċifiċi tas-soluzzjoni bonarja sostnuti mill-kumpannija ta’ ġeneriċi (premessi 1333 sa 1337 u 1461 sa 1464 tad-deċiżjoni kkontestata).

529    Fil-każ fejn il-ħlas invertit previst fi ftehim dwar soluzzjoni bonarja li jinkludi klawżoli restrittivi ta’ kompetizzjoni jkollu l-għan li jikkumpensa l-ispejjeż relatati mas-soluzzjoni bonarja sostnuti mill-kumpannija ta’ ġeneriċi, dan il-ħlas, bħala regola, ma jistax jiġi kkunsidrat bħala inċentiv. Madankollu, il-konstatazzjoni tal‑eżistenza ta’ inċentiv u ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l‑għan ma hijiex eskluża f’dan il-każ. Hija madankollu tirrikjedi li l‑Kummissjoni tistabbilixxi li l-ammonti li jikkorrispondu mal-ispejjeż inerenti għas-soluzzjoni bonarja, anki jekk stabbiliti u kkwantifikati speċifikament mill-partijiet f’din is-soluzzjoni, huma ta’ natura eċċessiva (ara l-punt 278 hawn fuq).

530    L-ispejjeż inerenti għas-soluzzjoni bonarja tal-kawża jkopru, b’mod partikolari, l-ispejjeż legali sostnuti mill-kumpannija ta’ ġeneriċi fil-kuntest tal-kawża kontra l-kumpannija ta’ verżjonijiet tal-bidu. Fil-fatt, l-oneru ta’ dawn l-ispejjeż għandu rabta diretta ma’ tali soluzzjoni bonarja. Konsegwentement, meta l-ammonti tal-ispejjeż legali tal-kumpannija ta’ ġeneriċi huma stabbiliti mill-partijiet tas-soluzzjoni bonarja, il-Kummissjoni tista’ tikkonkludi li għandhom in-natura ta’ inċentiv biss jekk turi li ikunusproporzjonati (ara l-punt 279 hawn fuq).

531    Min-naħa l-oħra, ċerti spejjeż tal-kumpannija ta’ ġeneriċi huma, a priori, wisq ’il bogħod mill-kawża u mir-riżoluzzjoni tagħha biex ikunu jistgħu jiġu kkunsidrati bħala inerenti għas-soluzzjoni bonarja ta’ tilwima fil-qasam tal-privattivi. Dan jirrigwarda, pereżempju, spejjeż ta’ manifattura tal-prodotti li jiksru privattiva, li jikkorrispondu mal-valur tal-istokk tal-imsemmija prodotti, kif ukoll spejjeż ta’ riċerka u ta’ żvilupp sostnuti biex jiġu żviluppati dawn il-prodotti. L-istess japplika fir‑rigward tal-ammonti li għandhom jitħallsu mill-kumpannija ta’ ġeneriċi lil terzi minħabba obbligi kuntrattwali konklużi barra mill-kawża (pereżempju kuntratti ta’ provvista). Huma għalhekk il-partijiet tal‑ftehim, jekk jixtiequ li l-ħlas ta’ dawn l-ispejjeż ma jiġix ikklassifikat bħala inċentiv jew bħala prova tal-eżistenza ta’ restrizzjoni tal‑kompetizzjoni minħabba l-għan, li għandhom juru li dawn huma inerenti għall-kawża jew għar-riżoluzzjoni tagħha, u sussegwentement jiġġustifikaw l-ammont tagħhom. Għall-istess raġunijiet, huma jistgħu wkoll jibbażaw ruħhom fuq l-ammont insinjifikattiv tar-rimbors ta’ dawn l‑ispejjeż a priori mhux inerenti għas-soluzzjoni bonarja tal‑kawża u, għalhekk, insuffiċjenti sabiex jikkostitwixxi inċentiv sinjifikattiv biex jiġu aċċettati l-klawżoli li jirrestrinġu l-kompetizzjoni previsti mill-ftehim dwar soluzzjoni bonarja (ara l-punt 280 hawn fuq).

532    F’dan il-każ, fir-rigward tal-ftehim Niche u kif il-Kummissjoni ġustament irrilevat fil-premessa 1322 tad-deċiżjoni kkontestata, l‑eżistenza ta’ inċentiv tirriżulta b’mod ċar mit-termini stess tal-ftehim, li fl-Artikolu 13 tiegħu jipprevedi li, “[b]ħala korrispettiv għall-obbligi [previsti mill-ftehim] u għall-ispejjeż sostanzjali u għar‑responsabbiltajiet potenzjali li jistgħu jiġu sostnuti minn Niche u Unichem minħabba l-waqfien tal-programm ta’ żvilupp tagħhom tal‑perindopril immanifatturat bil-proċess [ikkontestat], Servier se jagħti lil Niche u lil Unichem [...] is-somma ta’ GBP 11.8 miljun”. Fil-fatt, l‑obbligi msemmija huma l-klawżoli ta’ nuqqas ta’ kontestazzjoni u ta’ nuqqas ta’ kummerċjalizzazzjoni, u l-ħlas tagħhom huwa speċifikament previst minn dan l-artikolu.

533    Barra minn hekk, din l-interpretazzjoni tat-test tal-ftehim Niche ma ġietx ikkontestata mill-allegazzjoni tar-rikorrenti li t-termini “bħala korrispettiv għal” jikkostitwixxu l-formola standard tad-dritt Ingliż intiża sabiex turi r-reċiproċità neċessarja għall-validità tal-kuntratti kollha. Fil-fatt, anki jekk minn dan kellu jiġi dedott li dawn it-termini jikkostitwixxu tip ta’ formola ta’ stil li ma għandux jingħata importanza, jibqa’ l-fatt li din il‑formola turi, skont ir-rikorrenti stess, ir-reċiproċità u, b’hekk, il-fatt li l-ammont previst fl-Artikolu 13 tal-ftehim Niche huwa inkambju tal‑obbligi imposti fuq Niche mill-imsemmi ftehim.

534    Din l-interpretazzjoni tal-ftehim Niche lanqas ma hija invalidata mill‑allegat nuqqas ta’ simetrija bejn ir-riskji involuti mill-kumpannija ta’ verżjonijiet tal-bidu u dawk li għalihom hi esposta l-kumpannija ta’ ġeneriċi, u lanqas mill-allegati kwalitajiet ta’ negozjatur ta’ Niche. Ċertament, tali nuqqas ta’ simetrija tar-riskji kif ukoll il-kwalitajiet ta’ negozjatur tal-kumpannija ta’ ġeneriċi jistgħu parzjalment jispjegaw ir‑raġunijiet li għalihom il-kumpannija tal-verżjonijiet tal-bidu tista’ tasal biex tagħti ħlasijiet invertiti sinjifikattivi lill-kumpannija ta’ ġeneriċi. Madankollu, l-għoti ta’ ħlas sinjifikattiv huwa intiż speċifikament sabiex jevita kull riskju, anki minimu, li l-kumpanniji ta’ ġeneriċi jistgħu jidħlu fis-suq u, b’hekk, isostni l-eżistenza tal-kunċett ta’ xiri sabiex dawn il‑kumpanniji jitwarrbu mill-kumpanija ta’ verżjonijiet tal-bidu. Barra minn hekk, għandu jitfakkar li l-fatt li l-adozzjoni ta’ aġir antikompetittiv tista’ tkun l-iktar soluzzjoni profittabbli jew l-inqas waħda ta’ riskju għal impriża jew li huwa intiż li jikkumpensa għall‑iżvantaġġi għad-detriment tagħha bl-ebda mod ma jeskludi l‑applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE (ara, f’dan is-sens, is‑sentenzi tat-8 ta’ Lulju 2004, Corus UK vs Il-Kummissjoni, T‑48/00, EU:T:2004:219, punt 73; tat-8 ta’ Lulju 2004, Dalmine vs Il‑Kummissjoni, T‑50/00, EU:T:2004:220, punt 211, u tas‑27 ta’ Lulju 2005, Brasserie nationale et vs Il-Kummissjoni, T‑49/02 sa T‑51/02, EU:T:2005:298, punt 81), b’mod partikolari meta jkun sar ħlas lill-kompetituri reali jew potenzjali sabiex dawn iżommu ’l bogħod mis-suq (sentenza tat-8 ta’ Settembru 2016, Lundbeck vs Il‑Kummissjoni, T‑472/13, taħt appell, EU:T:2016:449, punti 379 u 380).

535    Barra minn hekk, f’dan il-każ huwa irrilevanti li l-artikolu msemmi hawn fuq tal-ftehim Niche jiddikjara, skont proporzjon mhux stabbilit, li l-ħlas tas-somma ta’ GBP 11.8 miljun huwa l-korrispettiv mhux biss tal‑klawżoli ta’ nuqqas ta’ kontestazzjoni u ta’ nuqqas ta’ kummerċjalizzazzjoni, iżda wkoll ta’ spejjeż oħrajn, peress li dan il-kumpens l-ieħor ma jikkontestax il-konstatazzjoni li l-klawżoli restrittivi kkonċernati ġew mixtrija mir-rikorrenti u, b’hekk, l-eżistenza ta’ inċentiv għal Niche biex tissottometti ruħha għal dawn il-klawżoli.

536    Fil-fatt, dawn l-spejjeż l-oħra, deskritti fil-ftehim Niche bħala l-“ispejjeż sostanzjali u responsabbiltajiet potenzjali li jistgħu jiġu sostnuti minn Niche u Unichem minħabba l-waqfien tal-programm tagħhom tal‑iżvilupp tal-perindopril prodott permezz tal-proċess [ikkontestat]”, ġew ippreżentati minn Niche, matul il-proċedura amministrattiva (premessa 1326 tad-deċiżjoni kkontestata), kif ukoll mir-rikorrenti stess, fin-noti tagħhom, bħala li jikkorrispondu mal-ispejjeż tal-iżvilupp tal‑perindopril ta’ Niche u mal-kumpens dovut lill-klijenti ta’ Niche minħabba ksur tal-obbligi kuntrattwali tagħha fir-rigward tagħhom. Issa, tali spejjeż ma humiex, a priori, inerenti għas-soluzzjoni bonarja ta’ tilwima fil-qasam tal-privattivi (ara l-punt 531 hawn fuq) u r-rikorrenti ma jistabbilixxux li huma inerenti għall-ftehim dwar soluzzjoni bonarja konkluż f’dan il-każ.

537    B’mod partikolari, anki jekk, kif essenzjalment isostnu r-rikorrenti, il‑kumpens dovut lill-klijenti ta’ Niche ma kienx ikun dovuti li kieku Niche kompliet il-kawża kontra r-rikorrenti, tali kumpens ma huwiex relatat mal-kawża jew mar-riżoluzzjoni tagħha biżejjed biex jiġi kkunsidrat bħala spiża inerenti għal dan il-ftehim, peress li tali kumpens kien dovut, skont ir-rikrorenti, f’każ ta’ “waqfien volonatrju tal-proġett”, li jimplika xoljiment tal-kuntratti mal-klijenti tagħhom, u peress li l-ftehim Niche ta l-possibbiltà lil Niche li ma ttemmx ir-relazzjonijiet kuntrattwali mal-klijenti tagħha iżda li sempliċiment tissospendihom (Artikolu 11 tal‑ftehim Niche). Minbarra dan, ir-rikorrenti stess ikkonċedew, matul is‑seduta, li l-kumpens inkwistjoni f’dan il-każ seta’ jitħallas lill‑klijenti ta’ Niche indipendentament mill-ftehim Niche. Barra minn hekk, jista’ jiġi rrilevat li l-provi prodotti mir-rikorrenti biex jiġi kkontestat l‑ammont ta’ dan il-kumpens, kif evalwat mill-Kummissjoni fid‑deċiżjoni kkontestata fl-ammont ta’ GBP 1.3 miljuni (premessa 1335), ma humiex probatorji, peress li jirreferu jew għal ammonti inqas minn din is-somma, jew għal sempliċi talbiet ta’ ammonti ikbar.

538    Fir-rigward tal-“ispejjez legali” msemmija fid-deċiżjoni kkontestata (premessa 1334), Niche ppreżentathom matul il-proċedura amministrattiva bħala li huma relatati ma’ spejjeż ta’ pariri legali inklużi fl-ispejjeż ta’ żvilupp (premessa 601 tad-deċiżjoni kkontestata), li għandu jitfakkar li ma humiex inerenti għas-soluzzjoni bonarja (ara l-punt 531 hawn fuq), filwaqt li r-rikorrenti jiddeskrivuhom bħala “spejjeż ta’ avukati u ta’ privattivi”, li jistgħu jiffurmaw parti mill-ispejjeż kuntenzjużi relatati mas-soluzzjoni bonarja (ara l-punt 530 hawn fuq). Madankollu, anki jekk jiġi preżunt li l-ammont ta’ GBP 1.1 miljuni allegatament relatat ma’ “spejjeż ta’ avukati u ta’ privattivi” jikkorrispondi ma’ spejjeż kuntenzjużi li r‑rimbors tagħhom jista’, bħala regola, ikun leġittimament previst minn soluzzjoni bonarja, dan l-ammont ma jistax jitqies bħala parti mill-ispejjeż inerenti għall-ftehim dwar soluzzjoni bonarja konkluż f’dan il-każ. Fil‑fatt, mill-argumenti u mid-dokumenti prodotti mir-rikorrenti jirriżulta li l-ispejjeż inkwistjoni kienu relatati ma’ perijodu li spiċċa fl-aħħar tas‑sena 2003, jiġifieri qabel il-bidu tal-kawżi bejn Niche u r-rikorrenti (ara l-punti 11, 13 u 16 hawn fuq) li ntemmu bil-ftehim Niche.

539    Għall-finijiet ta’ kompletezza, jista’ jingħad ukoll li, anki jekk dan l‑ammont ta’ GBP 1.1 miljun kellu jiżdied mal-ispejjeż ta’ żvilupp u ta’ kumpens tal-klijenti ta’ Niche evalwati, rispettivament, fl-ammont ta’ GBP 1.2 miljuni u GBP 1.3 miljuni mill-Kummissjoni fid-deċżjoni kkontestata (premessa 1336), mingħajr ma dawn l-ammonti ġew ikkontestati b’mod validu mir-rikorrenti (ara b’mod partikolari l‑punt 537 hawn fuq), l-ammont totali miksub (GBP 3.6 miljuni) huwa ferm inqas minn GBP 11.8 miljuni.

540    Minn dan jirriżulta li l-Kummissjoni sostniet b’mod validu, fid-deċiżjoni kkontestata (premessa 1348), l-eżistenza fil-ftehim Niche ta’ inċentiv għal Niche li tissuġġetta ruħha għall-klawżoli ta’ nuqqas ta’ kummerċjalizzazzjoni u ta’ nuqqas ta’ kontestazzjoni previsti mill‑imsemmi ftehim, mingħajr il-ħtieġa, kif isostnu r-rikorrenti (ara l‑punt 513 hawn fuq), li jiġi vverifikat jekk dawn il-klawżoli setax kellhom portata inqas restrittiva fin-nuqqas ta’ dan il-ħlas bħala inċentiv. Fil-fatt, il-konstatazzjoni ta’ inċentiv sabiex tkun suġġett għal klawżoli ta’ nuqqas ta’ kummerċjalizzazzjoni u ta’ nuqqas ta’ kontestazzjoni tirrikjedi biss il-preżenza ta’ dawn il-klawżoli, indipendentament mill-portata ftit jew wisq restrittiva tagħhom, u analiżi tal‑ispejjeż koperti mit-trasferiment ta’ valur inkwistjoni (ara l-punti 528 sa 531 hawn fuq).

541    Dan ifisser ukoll li għandu jiġi miċħud bħala ineffettiv l-ilment ibbażat fuq żball ta’ evalwazzjoni allegatament imwettaq mill-Kummissjoni meta sostniet li l-ammont imħallas lil Niche skont il-ftehim Niche kien ekwivalenti għall-previżjonijiet ta’ iktar minn għaxar snin ta’ bejgħ u ta’ iktar minn għoxrin sena ta’ marġini ta’ profitt gross (ara l-punt 514 hawn fuq). Fil-fatt, jekk jiġi preżunt li l-Kummissjoni wettqet tali żball, dan ma jkollux impatt fuq il-klassifikazzjoni ta’ inċentiv tat-trasferiment ta’ valur tar-rikorrenti lil Niche, billi mill-punti 536 sa 538 hawn fuq jirriżulta li dan it-trasferiment ta’ valur ma kienx ikopri spejjeż inerenti għas-soluzzjoni bonarja tal-kawża u billi, barra minn hekk, bl-ebda mod ma huwa allegat, u lanqas stabbilit a fortiori, li l-ammont ta’ dan it‑trasferiment huwa insinjifikattiv u għalhekk insuffiċjenti biex jiġi kklassifikat bħala inċentiv.

542    Barra minn hekk, fir-rigward tal-inċentiv addizzjonali li jirriżulta mill‑ammont imħallas lil Niche skont il-ftehim Biogaran (premessi 1349 sa 1354 tad-deċiżjoni kkontestata), għandu jiġi kkunsidrat, kif se jiġi stabbilit fid-dettall fil-punti 798 sa 810 iktar ’il quddiem, li l-fatt li ftehim kummerċjali li normalment ma jkoprix is-soluzzjoni bonarja ta’ kawża u li permezz tiegħu jsir trasferiment ta’ valur mill-kumpannija ta’ verżjonijiet tal-bidu lill-kumpannija ta’ ġeneriċi jkun relatat ma’ ftehim dwar soluzzjoni bonarja ta’ kawża li jinkludi klawżoli restrittivi tal-kompetizzjoni, jikkostitwixxi indikazzjoni serja tal-eżistenza ta’ “ħlas invertit”, jiġifieri ta’ trasferiment ta’ valur li għalih ma jikkorrispondi l‑ebda korrispettiv li jaqa’ taħt dan il-ftehim kummerċjali anċillari (ara l-punt 804 iktar ’il quddiem), ħlas li għalhekk jikkostitwixxi wkoll vantaġġ ta’ inċentiv jekk ma għandux bħala għan li jkopri l-ispejjeż inerenti għas-soluzzjoni bonarja tal-kawża. Fil-preżenza ta’ indikazzjonijiet jew provi prodotti mill-Kummissjoni li jistgħu jsostnu tali indikazzjoni serja u jistabbilixxu b’hekk l-eżistenza ta’ ħlas invertit, il-partijiet tal-ftehimiet jistgħu jippreżentaw il-verżjoni tagħhom tal-fatti, billi jsostnu l-allegazzjonijiet tagħhom bil-provi li huma jkunu jistgħu jipprovdu u li jippermettu li jiġi kkunsidrat li l-ftehim kummerċjali, minkejja li relatat mal-ftehim dwar soluzzjoni bonarja, huwa ġġustifikat minn raġunijiet oħra minbarra l-esklużjoni ta’ kompetitur permezz ta’ ħlas invertit.

543    F’dan il-każ, il-Kummissjoni ressqet diversi provi li juru l-eżistenza ta’ rabta bejn il-ftehim Niche u l-ftehim Biogaran kif ukoll in-nuqqas ta’ korrispondenza bejn it-trasferiment ta’ valur previst mill-ftehim Biogaran u l-obbligi imposti fuq Niche mill-imsemmi ftehim. Minn naħa, hija kkunsidrat il-fatt li l-ftehimiet kienu nnegozjati matul l-istess perijodu u kienu konklużi bejn l-istess impriżi fl-istess data, kif ukoll il-fatt li ż‑żewġ ftehimiet kienu jipprevedu pagament f’żewġ installazzjonijiet, previsti fl-istess dati. Min-naħa l-oħra, minkejja li r-rikorrenti sostnew li ma teżisti l-ebda rabta bejn iż-żewġ ftehimiet, Niche indikat li l-ftehim Biogaran kien ġie propost mir-rikorrenti sabiex jagħtuha “il-kumpens miftiehem kollu minħabba l-konklużjoni tal-ftehim dwar soluzzjoni bonarja globali”. Barra minn hekk, il-Kummissjoni interpretat posta elettronika mibgħuta mill-bord ta’ Biogaran lil Niche fl-4 ta’ Frar 2005 li tindika li, “fir-rigward tas-somma involuta, jidhrilna li huwa meħtieġ li jintużaw drittijiet addizzjonali fuq prodotti oħra u ċerta libertà fil-qasam ta’ offerta tal-prodotti”, bħala li tfisser li l-ammont li kellu jiġi ttrasferit lil Niche kien ġie stabbilit qabel ma l-partijiet ftehmu fuq il-kamp ta’ applikazzjoni tal-prodotti kkonċernati mill-ftehim Biogaran. Il‑Kummissjoni kkunsidrat ukoll li d-dispożizzjonijiet kuntrattwali tal‑ftehim Biogaran, u b’mod partikolari l-Artikoli 14.4 u14.5 tiegħu, kienu jipprevedu xoljiment awtomatiku tiegħu f’każ li ma jinkisbux l-ATS fi żmien 18-il xahar, mingħajr ma jkun jista’ jintalab ebda kumpens minn Biogaran lil Niche, kuntrarjament għad-dispożizzjonijiet li jidhru fi ftehimiet oħra konklużi minn Biogaran relatati mal-akkwist ta’ fajls ta’ prodotti. Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni rrilevat li, bl-eċċezzjoni ta’ prodott, Biogaran ma kisbitx l-ATS abbażi tal-fajls ittrasferiti minn Niche u li d-dħul mill-bejgħ tagħha marbut mal-ftehim Biogaran kien ta’ ammont bejn EUR 100 000 u EUR 200 000.

544    Ir-rikorrenti ma jsostnu l-ebda argument li jikkontesta din l-analiżi, bl‑eċċezzjoni ta’ lment ibbażat fuq in-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-interess ta’ Biogaran li tikkonkludi l-ftehim Biogaran. Apparti l-fatt li tali interess ma jistax jiġi kkunsidrat bħala suffiċjenti biex jiġġustifika l‑ammont ta’ trasferiment ta’ valur previst mill-ftehim Biogaran, jista’ jiġi rrilevat li mill-premessa 1351 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li diversi kunsiderazzjonijiet jitfgħu dubju fuq l-eżistenza ta’ tali interess ta’ Biogaran. Fil-fatt, skont dawn il-konstatazzjonijiet mhux ikkontestati mir-rikorrenti, l-ammont li kellu jiġi ttrasferit lil Niche minn Biogaran kien miftiehem qabel ma Niche u Biogaran ftiehmu fuq il-prodotti kkonċernati mill-ftehim Biogaran, u dan tal-aħħar seta’ jiġi xolt mill‑partijiet f’terminu ta’ 18-il xahar mingħajr ma l-ebda waħda minnhom ikollha dritt għal kumpens u l-ebda rimbors ma kien previst lil Biogaran f’każ li l-ATS ittrasferiti ma jinkisbux f’ċertu terminu. Konsegwentement, il-Kummissjoni setgħet ġustament tikkunsidra li l‑ftehim Biogaran kien jikkostitwixxi inċentiv addizzjonali għal Niche biex taċċetta l-klawżoli restrittivi tal-ftehim Niche.

545    Barra minn hekk, fir-rigward tat-talbiet tar-rikorrenti intiżi sabiex jibbenefikaw minn kwalunkwe annullament tad-deċiżjoni kkontestata jew ta’ tnaqqis tal-ammont tal-multa li Biogaran setgħet tikseb fil-qafas tal-Kawża T‑677/14, għandu jsir riferiment għall-punti 89 sa 99 hawn fuq.

546    Fir-rigward tal-ftehim Matrix, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 9 tiegħu huwa simili għall-Artikolu 13 tal-ftehim Niche u li l-argumenti li jikkritikaw l-evalwazzjonijiet tal-Kummissjoni relatati mal-ftehim Matrix bħal dawk relatati mal-ftehim Niche għandhom bħala konsegwenza jiġu miċħuda għall-istess raġunijiet. Fir-rigward tal‑argument speċifikament indirizzat kontra l-analiżi mill-Kummissjoni tal-ftehim Matrix, li Matrix hija affettwata wkoll mill-kumpens tal‑klijenti ta’ Niche, minħabba responsabbiltà konġunta ma’ Niche, għandu jitfakkar li tali spejjeż ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala spejjeż inerenti għas-soluzzjoni bonarja ta’ kawża (ara l-punt 531 hawn fuq) u, għalhekk, jiġġustifikaw it-trasferiment ta’ valur previst mill‑ftehim Matrix, u dan b’mod partikolari wkoll minħabba l-fatt li la r‑rikorrenti u lanqas Matrix ma kienu kapaċi jistabbilixxu li l-ammont ta’ GBP 11.8 miljuni kien jikkorrispondi ma’ tali spejjeż u ma’ spejjeż oħra inerenti għas-soluzzjoni bonarja tal-kawża.

547    Minn dan jirriżulta li l-Kummissjoni kkonstatat b’mod validu wkoll, fid‑deċiżjoni kkontestata (ara b’mod partikolari l-premessi 1452, 1453, 1463, 1464 u 1467), l-eżistenza, fil-ftehim Matrix, ta’ inċentiv għal Matrix li tissuġġetta ruħha għall-klawżoli ta’ nuqqas ta’ kummerċjalizzazzjoni u ta’ nuqqas ta’ kontestazzjoni previsti mill‑imsemmi ftehim.

ii)    Fuq in-nuqqas tan-natura suffiċjentement dannuża tal-klawżoli ta’ nuqqas ta’ kontestazzjoni u ta’ nuqqas ta’ kummerċjalizzazzjoni

548    Għandu jitfakkar li r-rikorrenti ma jikkontestawx l-eżistenza tal-klawżoli ta’ nuqqas ta’ kontestazzjoni u ta’ nuqqas ta’ kummerċjalizzazzjoni fil‑ftehimiet Niche u Matrix.

549    Bis-saħħa tal-klawżoli ta’ nuqqas ta’ kontestazzjoni li jinsabu fil‑ftehimiet Niche u Matrix, dawn iż-żewġ kumpanniji kellhom jastjenu minn kwalunkwe kawża għal dikjarazzjoni ta’ invalidità jew għal dikjarazzjoni ta’ nuqqas ta’ ksur tal-privattivi 339, 340, 341, 689, 947 u 948, filwaqt li barra minn hekk Niche obbligat ruħha li tirtira l-oppożizzjonijiet tagħha kontra l-privattivi 947 u 948 quddiem l-UEP (Artikoli 7 u 8 tal-ftehim Niche u Artikolu 5 tal-ftehim Matrix). Bis-saħħa tal-klawżoli ta’ nuqqas ta’ kummerċjalizzazzjoni fil-ftehimiet Niche u Matrix, dawn iż-żewġ kumpanniji kellhom jastjenu milli jiffabbrikaw, milli jżommu, milli jimportaw, milli jipprovdu, milli jipproponu li jipprovdu jew milli jiddisponu jew iwettqu att li jista’ jikser il-privattivi 339 sa 341, b’rabta mal-perindopril (Artikolu 3 tal-ftehim Niche u Artikolu 1 tal-ftehim Matrix). Huma kellhom ukoll jastjenu milli jitolbu ATS relatati mal-perindopril (Artikolu 10 tal-ftehim Niche u Artikolu 6 tal-ftehim Matrix) u kienu kostretti jtemmu jew jissospendu l‑kuntratti tagħhom relatati mal-perindopril konklużi ma’ terzi (Artikolu 11 tal-ftehim Niche u Artikolu 7 tal-ftehim Matrix.

550    Madankollu, ir-rikorrenti jikkontestaw in-natura suffiċjentement dannuża jew sensittiva tal-klawżoli ta’ nuqqas ta’ kontestazzjoni u ta’ nuqqas ta’ kummerċjalizzazzjoni li jinsabu fil-ftehimiet Niche u Matrix.

551    F’dan ir-rigward, huma jsostnu l-ewwel nett, li l-klawżoli ta’ nuqqas ta’ kontestazzjoni u ta’ nuqqas ta’ kummerċjalizzazzjoni huma inerenti għall-ftehimiet dwar soluzzjoni bonarja.

552    Jekk il-klawżoli ta’ nuqqas ta’ kontestazzjoni u ta’ nuqqas ta’ kummerċjalizzazzjoni huma effettivament meħtieġa għas-soluzzjoni bonarja ta’ ċerti kawżi relatati mal-privattivi (ara l-punt 259 hawn fuq), għandu jitfakkar li dawn il-klawżoli jitilfu l-leġittimità tagħhom u jippreżentaw grad ta’ dannu għall-proċess normali tal‑kompetizzjoni suffiċjenti meta huwa l-inċentiv, bħal dak ikkonstatat f’dan il-każ, u mhux ir-rikonoxximent mill-partijiet tal-validità tal‑privattivi inkwistjoni, li hu l-kawża reali tar-restrizzjonijiet tal‑kompetizzjoni li l-imsemmija klawżoli jintroduċu (ara l-punt 270 hawn fuq).

553    Għandu jiġi enfasizzat ukoll, b’risposta għall-argument tar-rikorrenti li t‑telf ta’ opportunità li tintrebaħ kawża implikat fil-klawżola ta’ nuqqas ta’ kontestazzjoni ma jistax ikun suffiċjenti biex jikklassifika ftehim li għandu l-għan li jtemm kawża ġudizzjarja b’mod bonarju bħala restrizzjoni minħabba l-għan (ara l-punt 505 hawn fuq), li, filwaqt li fiha nnifisha ma tipprekludix id-dħul fis-suq, il-klawżola ta’ nuqqas ta’ kontestazzjoni tipprekludi b’mod partikolari l-introduzzjoni ta’ azzjonijiet li għandhom bħala għan li “jħejju t-triq” fil-qafas ta’ dħul b’riskju u, b’hekk, l-użu ta’ wieħed mill-mezzi intiżi li jippermettu tali dħul fis-suq (ara wkoll il-punt 257 hawn fuq). Għandu jitfakkar ukoll li l‑Kummissjoni f’dan il-każ ikklassifikat bħala restrizzjoni minħabba l-għan mhux sempliċiment il-klawżoli ta’ nuqqas ta’ kontestazzjoni fil-ftehimiet Niche u Matrix, iżda dawn il-ftehimiet fit-totalità tagħhom, li jinkludu kemm il-klawżoli ta’ nuqqas ta’ kontestazzjoni kif ukoll ta’ nuqqas ta’ kummerċjalizzazzjoni u inċentiv biex jissuġġettaw ruħhom għal tali klawżoli (premessi 1375 u 1481 tad-deċiżjoni kkontestata).

554    Ir-rikorrenti jsostnu, it-tieni nett, li l-klawżoli ta’ nuqqas ta’ kontestazzjoni u ta’ nuqqas ta’ kummerċjalizzazzjoni fil-ftehimiet Niche u Matrix ma jippreżentawx grad suffiċjenti ta’ dannu, peress li l-effetti tagħhom jirriżultaw mill-eżistenza tal-privattivi inkwistjoni u mhux mit‑termini ta’ dawn il-ftehimiet.

555    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-eżistenza ta’ inċentiv tal‑kumpannija ta’ ġeneriċi biex tissuġġetta ruħha għal klawżoli ta’ nuqqas ta’ kummerċjalizzazzjoni u ta’ nuqqas ta’ kontestazzjoni tippermetti li tiġi sostnuta l-konstatazzjoni ta’ restrizzjoni minħabba l‑għan, u dan minkejja li l-ftehim dwar soluzzjoni bonarja jinkludi klawżoli li l-portata tagħhom ma taqbiżx dik tal-privattiva inkwistjoni (ara l-punt 273 hawn fuq). B’hekk, anki jekk, kif isostnu r-rikorrenti, il‑klawżoli ta’ nuqqas ta’ kummerċjalizzazzjoni ma jipprekludux lil Niche u lil Matrix milli jidħlu fis-suq bi prodott li ma jiksirx privattiva u jkunu limitati għall-effetti prodotti minn deċiżjoni ta’ inġunzjoni minħabba ksur tal-privattivi inkwistjoni, u saħansitra jippermettulhom, minħabba l-ammont li jirċievu fil-kuntest ta’ trasferiment ta’ valur, li jibdew jiżviluppaw mal-imsieħba tagħhom proġett ġdid ta’ perindopril li ma jiksirx privattivi (ara l-punt 506 hawn fuq), il-ftehimiet Niche u Matrix xorta jibqgħu kkunsidrati bħala restrizzjoni minħabba l-għan.

556    Ir-rikorrenti jikkontestaw, it-tielet nett, in-natura suffiċjentament dannuża tal-klawżoli ta’ nuqqas ta’ kontestazzjoni, billi jsostnu li kienu jirrigwardaw biss persuna waħda minn fost dawk kollha li opponew il‑privattiva 947 quddiem l-UEP u kienu mingħajr effett fuq il-kumpanniji ta’ ġeneriċi l-oħra minħabba r-restrizzjoni tal-kontenzjuż għal dik ta’ ksur ta’ privattiva.

557    Għandu jiġi kkunsidrat li, anki jekk tali allegazzjonijiet relatati mal‑produzzjoni ta’ effetti tal-ftehimiet Niche u Matrix sempliċement fuq il-kumpannija ta’ ġeneriċi li huma partiijiet f’dawn il-ftehimiet javveraw ruħhom, huma ma jikkontestawx l-esklużjoni tas-suq tal-imsemmija kumpanniji affettwati mill-klawżoli ta’ nuqqas ta’ kummerċjalizzazzjoni u ta’ nuqqas ta’ kontestazzjoni inkambju għal trasferiment ta’ valur bħala inċentiv u, b’hekk, il-grad suffiċjenti ta’ dannu tal-ftehimiet ikkonċernati, u dan jagħmel l-evalwazzjoni tal-effetti konkreti tagħhom superfluwu.

558    Minn dan isegwi li l-Kummissjoni ma kkunsidratx b’mod żbaljat li l‑ftehimiet Niche u Matrix kienu jirrestrinġu l-kompetizzjoni minħabba l‑għan.

559    Din il-konklużjoni ma hijiex ikkontestata mill-allegati żbalji ta’ evalwazzjoni mwettqa mill-Kummissjoni meta ppreżentat il-kuntest ekonomiku u ġuridiku tal-ftehimiet Niche u Matrix u fit-teħid inkunsiderazzjoni tal-intenzjonijiet suġġettivi tal-partijiet.

560    Fil-fatt, l-allegazzjoni mir-rikorrenti tan-nuqqas ta’ intenzjoni antikompetittiva tal-partijiet fil-ftehimiet Niche u Matrix u tal-għanijiet leġittimi li għandhom jiġu segwiti, li b’mod partikolari wasslu lil Niche li tieħu l-inizjattiva li tikkuntattja lir-rikorrenti, ma tista’ tikkontesta la l‑eżistenza ta’ vantaġġ ta’ inċentiv u lanqas in-natura restrittiva tal‑kompetizzjoni tal-klawżoli ta’ nuqqas ta’ kummerċjalizzazzjoni u ta’ nuqqas ta’ kontestazzjoni li jinsabu fil-ftehimiet. Konsegwentement, anki jekk jiġi kkunsidrat li l-argumenti inkwistjoni huma bbażati fuq fatti stabbiliti, ma humiex ta’ natura, fi kwalunkwe każ, li jiddikjaraw bħala invalida l-klassifikazzjoni tal‑ftehimiet Niche u Matrix bħala restrizzjoni minħabba l-għan li l-Kummissjoni użat.

561    Għandu jingħad ukoll li l-intenzjoni tal-partijiet ma tikkostitwixxix element neċessarju biex tiġi stabbilita n-natura restrittiva ta’ tip ta’ koordinazzjoni bejn impriżi (ara l-punt 222 hawn fuq).

562    Barra minn hekk, fil-preżenza ta’ klawżoli ta’ nuqqas ta’ kummerċjalizzazzjoni u ta’ nuqqas ta’ kontestazzjoni, li n-natura intrinsikament restrittiva tagħhom ma ġietx ikkontestata b’mod validu, il‑ftehimiet Niche u Matrix setgħu ġustament jiġu kkunsidrati mill‑Kummissjoni, minħabba l-konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ inċentiv, bħala ftehimiet ta’ esklużjoni mis-suq, li għandhom minħabba f’hekk għan antikompetittiv. Konsegwentement, skont ġurisprudenza stabbilita, is-sempliċi fatt li ftehim ikollu wkoll għanijiet leġittimi ma huwiex biżżejjed sabiex jipprekludi klassifikazzjoni bħala restrizzjoni ta’ kompetizzjoni minħabba l-għan (ara l-punt 222 hawn fuq).

563    Fir-rigward tal-allegati żbalji ta’ evalwazzjoni li allegatament wettqet il-Kummissjoni fit-teħid inkunsiderazzjoni tagħha tal-kuntest ekonomiku u ġuridiku tal‑ftehimiet Niche u Matrix, għandu jiġi osservat li r-rikorrenti jtennu, f’dan ir-rigward, l-argumenti tagħhom li jikkritikaw il-kapaċità u l‑intenzjoni ta’ Niche u ta’ Matrix li jidħlu fis-suq, fir-rigward b’mod partikolari tal-privattivi tar-rikorrenti u tal-kawżi relatati mal‑imsemmija privattivi kif ukoll mad-diffikultajiet finanzjarji u leġiżlattivi ta’ Niche (ara l-punti 507 u 519 hawn fuq). Peress li dawn l-argumenti ġew eżaminati u ġew miċħuda fil-kuntest tal-motiv li jikkontesta l-kwalità ta’ kompetitur potenzjali ta’ Niche u ta’ Matrix (ara l-punti 432 sa 501 hawn fuq), ma jistgħux jikkontestaw in-natura restrittiva minħabba l-għan tal-ftehimiet Niche u Matrix.

564    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-motiv ibbażat fuq żbalji ta’ liġi u ta’ evalwazzjoni relatati mal-klassifikazzjoni ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan tal-ftehimiet Niche u Matrix għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

c)      Fuq l-iżbalji ta’ liġi u ta’ evalwazzjoni relatati malklassifikazzjoni ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan tal-ftehimiet Niche u Matrix

565    Ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni kkommettiet żbalji differenti ta’ liġi u ta’ evalwazzjoni relatati mal-klassifikazzjoni ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan tal-ftehimiet Niche u Matrix.

566    Għandu jitfakkar li, sa fejn ċerti motivi ta’ deċiżjoni huma, fihom infushom, ta’ natura li jiġġustifikaw id-deċiżjoni b’mod suffiċjenti fid‑dritt, in-nuqqasijiet li jistgħu jkunu marbuta ma’ motivi oħra ta’ din id-deċiżjoni huma, fi kwalunkwe każ, mingħajr effett fuq il-parti operattiva tagħha. Barra minn hekk, peress illi l-parti operattiva ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni tibbaża fuq diversi elementi ta’ raġunament li kull wieħed minnhom huwa fih innifsu suffiċjenti biex jifforma bażi għal din il-parti operattiva, ma hemmx lok li l-Qorti Ġenerali tannulla din id‑deċiżjoni, bħala regola, ħlief jekk kull wieħed minn dawn l-elementi ikun ivvizjat b’illegalità. F’dan il-każ, żball jew illegalità oħra li jaffettwaw biss wieħed minn dawn l-elementi ta’ raġunament ma humiex biżżejjed sabiex jiġġustifikaw l-annullament tad-deċiżjoni peress illi dan l-iżball ma setax ikollu influwenza determinanti fuq il-parti operattiva stabbilita mill-istituzzjoni li tkun l-awtriċi ta’ din id-deċiżjoni (ara s‑sentenza tal‑14 ta’ Diċembru 2005, General Electric vs Il-Kummissjoni, T‑210/01, EU:T:2005:456, punti 42 u 43 u l-ġurisprudenza ċċitata).

567    Għalhekk, hekk kif ġie rrilevat fil-punt 219 hawn fuq, biex jiġi evalwat jekk ftehim huwiex ipprojbit mill-Artikolu 101(1) TFUE, it-teħid inkunsiderazzjoni tal-effetti konkreti tiegħu ikun superfluwu meta jidher li għandu bħala għan il-prevenzjoni, ir-restrizzjoni jew id-distorsjoni tal‑kompetizzjoni fi ħdan is-suq intern.

568    Konsegwentement, meta l-Kummissjoni tibbaża l-konstatazzjoni ta’ ksur kemm fuq l-eżistenza ta’ restrizzjoni minħabba l-għan u fuq dik ta’ restrizzjoni minħabba l-effett, żball li jivvizzja b’illegalità l-motiv ibbażat fuq l‑eżistenza ta’ restrizzjoni minħabba l-effett ma għandux, fi kwalunkwe każ, influwenza determinanti fir-rigward fir-rigward tal-parti operattiva mogħtija mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni tagħha, sakemm il-motiv ibbażat fuq l-eżistenza ta’ restrizzjoni minħabba l-għan, li waħdu jista’ jkun il-bażi ta’ konstatazzjoni ta’ ksur, ma huwiex ivvizzjat b’illegalità.

569    F’dan il-każ, mill-eżami tal-motiv ibbażat fuq żbalji ta’ liġi u ta’ evalwazzjoni relatati mal-klassifikazzjoni ta’ restrizzjoni tal‑kompetizzjoni minħabba l-għan tal-ftehimiet Niche u Matrix jirriżulta li r-rikorrenti ma stabbilixxewx li l-Kummissjoni kienet wettqet żball meta kkonkludiet, fid‑deċiżjoni kkontestata, li l-ftehimiet inkwistjoni kellhom bħala għan il-prevenzjoni, ir-restrizzjoni jew id-distorsjoni tal‑kompetizzjoni fi ħdan is-suq intern, fis-sens tal‑Artikolu 101(1) TFUE.

570    Dan il-motiv għandu għalhekk jiġi miċħud bħala ineffitiv.

7.      Fuq il-ftehim konkluż ma’ Teva

a)      Fuq il-kwalità ta’ kompetitur potenzjali ta’ Teva

[omissis]

b)      Fuq l-iżbalji ta’ liġi u ta’ evalwazzjoni relatati malklassifikazzjoni ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba lgħan tal-ftehim Teva

1)      L-argumenti tal-partijiet

[omissis]

2)      L-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali

643    Għandhom jiġu eżaminati l-argumenti tar-rikorrenti relatati mal-preżenza fil-ftehim Teva, minn naħa, ta’ vantaġġ ta’ inċentiv fir-rigward ta’ Teva u, min-naħa l-oħra, ta’ limitazzjoni korrelattiva tal-isforzi ta’ din tal-aħħar biex tikkompeti mal-kumpannija ta’ verżjonijiet tal-bidu, rekwiżiti li, meta jiġu ssodisfatti, jimponu li tiġi kkonstatata l-eżistenza ta’ restrizzjoni minħabba l-għan (ara l-punt 272 hawn fuq). F’dan il-każ, sa fejn id-determinazzjoni tal-eżistenza ta’ vantaġġ ta’ inċentiv tiddependi parzjalment minn dik tan-natura restrittiva ta’ ċerti klawżoli tal-ftehim Teva, l-ilmenti magħmula kontra l-evalwazzjoni tal-klawżoli tal-ftehim se jkunu eżaminati fl-ewwel lok, qabel dawk li jikkritikaw l‑evalwazzjoni tat-trasferiment ta’ valur previst minn dan il-ftehim. Fir‑rigward tal-ilment imqajjem sussidjarjament relatat mal-perijodu tal‑ksur li rikorrenti huma akkużati bih skont il-ftehim Teva, dan se jiġi eżaminat fl-aħħar lok.

i)      Fuq in-nuqqas ta’ restrizzjoni tal-isforzi tal-kumpannija ta’ ġeneriċi biex tikkompeti mal-kumpannija ta’ verżjonijiet tal-bidu

644    Preliminarjament, l-allegazzjonijiet tar-rikorrenti relatati mal-iżbalji ta’ liġi u ta’ evalwazzjoni li wettqet il-Kummissjoni billi kklassifikat il‑ftehim Teva bħala restrizzjoni minħabba l-għan għandhom jiġu miċħuda, minkejja li l-effetti potenzjali tiegħu kienu pro-kompetittivi u l‑effetti restrittivi tiegħu purament ipotetiċi (ara l-punt 634 hawn fuq). Għandu ċertament jitfakkar li l-Kummissjoni u l-qorti ma jistgħux, waqt l-eżami tal-għan restrittiv ta’ ftehim u, b’mod partikolari, fil-kuntest tat-teħid inkunsiderazzjoni tal‑kuntest ekonomiku u ġuridiku tiegħu, jinjoraw kompletament l-effetti potenzjali ta’ dan il-ftehim (ara l-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 304 hawn fuq). Madankollu, mill-ġurisprudenza jirriżulta wkoll li l-konklużjoni tal‑eżistenza ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan ma tistax, taħt il-pretest b’mod partikolari tal-evalwazzjoni tal-kuntest ekonomiku u ġuridiku tal-ftehim inkwistjoni, twassal biex jiġu evalwati l-effetti ta’ dan il-ftehim, taħt piena li titlef l-effett utli tagħha d‑distinzjoni bejn l-għan u l-effett restrittiv tal-kompetizzjoni stabbilita fl-Artikolu 101(1) TFUE (ara l-punt 221 hawn fuq). Sabiex jiġi vverifikat kemm ftehim huwa partikolarment adattat sabiex jipproduċi effetti restrittivi tal-kompetizzjoni li jikkaratterizzaw il-ftehimiet li għandhom għan antikompetittiv, l-analiżi tal-effetti potenzjali ta’ ftehim għandha tiġi limitata għal dawk li jirriżultaw minn informazzjoni oġġettivament prevedibbli fid-data tal-konklużjoni tal-imsemmi ftehim (ara, f’dan is‑sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Wahl fil-Kawża ING Pensii, C‑172/14, EU:C:2015:272, punt 84; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ Settembru 2014, CB vs Il-Kummissjoni, C‑67/13 P, EU:C:2014:2204, punti 80 sa 82). Issa, f’dan il-każ, l-allegati effetti potenzjali, irrispettivament minn jekk humiex antikompetittivi jew favur il‑kompetizzjoni, huma bbażati fuq ċirkustanzi ipotetiċi u għalhekk ma kinux previdibbli fid-data tal-konklużjoni tal-ftehim Teva, bħad‑deċiżjoni tal-UEP relatata mal-validità tal-privattiva 947 jew id‑dħul ta’ kumpanniji ta’ ġeneriċi oħra fis-suq tar-Renju Unit, li ma jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-analiżi tal-għan restrittiv tal-kompetizzjoni (ara wkoll il-punti 667 sa 668 iktar ’il quddiem).

645    Fir-rigward, sussegwentement, tal-allegazzjonijiet relatati man-nuqqas ta’ natura intrinsikament antikompetittiva tal-klawżoli tal-ftehim Teva, għandu jitifakkar, fl-ewwel lok, li n-natura inerenti għas-soluzzjonijiet bonarji tal-klawżoli ta’ nuqqas ta’ kontestazzjoni u ta’ nuqqas ta’ kummerċjalizzazzjoni ma tipprekludix li ftehimiet dwar soluzzjoni bonarja li jinkludu tali klawżoli milli jkunu jistgħu jiġu kklassifikati bħala restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni minħabba l-għan (ara l-punt 273 hawn fuq). Jista’ jingħad ukoll li, jekk ir-rikorrenti jsostnu l-applikabbiltà tat‑teorija tar-restrizzjonijiet anċillari għall-ftehim Teva, minħabba li l‑klawżoli ta’ nuqqas ta’ kontestazzjoni u ta’ nuqqas ta’ kummerċjalizzazzjoni tiegħu huma neċessarji u proporzjonati għas-soluzzjoni bonarja tal-kawża inkwistjoni, kien diġà kkunsidrat li din ir-rabta ta’ neċessità u ta’ proporzjonalità setgħet tiġi miksura fil-każ ta’ konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ inċentiv li tissuġġetta ruħek għal tali klawżoli (ara l-punt 291 hawn fuq). B’hekk, din it-teorija ma tistax tiġi applikata għall-ftehim Teva ħlief jekk it-trasferiment ta’ valur previst mill-imsemmi ftehim ma jkollux natura ta’ inċentiv (ara l‑punti 679 sa 699 iktar ’il quddiem).

646    Fit-tieni lok, għandu jiġi kkunsidrat li l-argumenti mressqa mir-rikorrenti ma jippermettux li tiġi kkontestata n-natura restrittiva tal-klawżola ta’ nuqqas ta’ kontestazzjoni li tidher fil-ftehim Teva.

647    Skont din il-klawżola, Teva obbligat ruħha li ma tikkontestax il‑privattivi 947 u 339 sa 341 tar-Renju Unit matul il-perijodu tal-ftehim Teva, filwaqt li ġie spjegat li hija ma kinitx prekluża milli tkompli proċedura ta’ oppożizzjoni kontra dawn il-privattivi quddiem l-UEP (Artikolu 2.4 tal-ftehim Teva).

648    Il-Kummissjoni kkunsidrat, fid-deċiżjoni kkontestata, li din il-klawżola ta’ nuqqas ta’ kontestazzjoni kellha żewġ konsegwenzi prinċipali, l‑ewwel waħda kienet li tipprekludi lil Teva milli tistabbilixxi li l‑prodott illi kienet qed tippjana li tikkummerċjalizza ma kienx jikser privattiva u t-tieni waħda kienet li tostakola eżami ġuridiku oġġettiv tal-validità tal-privattivi tar‑rikorrenti fir-Renju Unit (premessa 1546).

649    Qabel xejn, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti ma jikkontestawx din l‑ewwel konsegwenza tal-klawżola ta’ nuqqas ta’ kontestazzjoni li tinsab fil-ftehim Teva, iżda jsostnu li tali konsegwenza hija adattata għal kull klawżola ta’ nuqqas ta’ kontestazzjoni inkluża f’soluzzjoni bonarja (ara l-punt 625 hawn fuq). Għalhekk, għandu jitifakkar, f’dan ir‑rigward, li r-rabta ta’ din il-klawżola mas-soluzzjoni bonarja ma hijiex suffiċjenti waħedha biex teskludi l-konstatazzjoni ta’ għan antikompetittiv (ara l-punti 273 u 645 hawn fuq).

650    Sussegwentement, għandu jiġi kkunsidrat, li huwa irrilevanti f’dan il-każ li l-klawżola ta’ nuqqas ta’ kontestazzjoni tirreferi biss għall-proċeduri kuntenzjużi fir-Renju Unit u ma tinkludix dawk quddiem l-UEP, peress li l-kamp ta’ applikazzjoni territorjali tal-ftehim Teva huwa limitat għar-Renju Unit, li fi ħdanu kull kontestazzjoni tal-validità tal-privattiva 947 u tal-privattivi tal-proċedura hija pprojbita. Għandu jitfakkar, f’dan ir‑rigward, li ftehim jista’ jiġi kklassifikat bħala restrizzjoni minħabba l‑għan, anki jekk il-kamp ta’ applikazzjoni territorjali tiegħu huwa limitat għal Stat Membru (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑24 ta’ Settembru 2009, Erste Group Bank et vs Il‑Kummissjoni, C‑125/07 P, C‑133/07 P u C‑137/07 P, EU:C:2009:576, punt 38 u l‑ġurisprudenza ċċitata).

651    Barra minn hekk, anki jekk, kif isostnu r-rikorrenti, il-klawżola ta’ nuqqas ta’ kontestazzjoni ma tkunx tista’ tipproduċi effetti fuq il‑proċedura ta’ revoka tal-privattiva 947 imressqa fir-Renju Unit minn sussidjarja ta’ Teva – proċedura li ġiet sospiża sakemm tittieħed deċiżjoni definittiva fil-proċedimenti ta’ oppożizzjoni quddiem l‑UEP mhux inkluża fil-ftehim Teva – din il-klawżola xorta tipprojbixxi, talinqas, l‑introduzzjoni ta’ azzjonijiet oħrajn għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tal‑privattiva matul il‑perijodu kollu tal-ftehim Teva u, skont l-Artikolu 2.4 tal-imsemmi ftehim, din il-projbizzjoni tikkonċerna kemm lil Teva UK Ltd kif ukoll lis‑sussidjarji tagħha, u kemm l-azzjonijiet diretti kif ukoll kull tip ta’ assistenza lil terzi sabiex jiġu invalidati l-privattivi tar-rikorrenti. Hija, għalhekk, irrilevanti f’dan il-każ il-parteċipazzjoni attiva ta’ Teva fil-proċedimenti ta’ oppożizzjoni quddiem l-UEP, b’mod partikolari permezz tal‑komunikazzjoni ta’ deċiżjonijiet tal-qrati tar-Renju Unit relatati mal‑validità tal-privattiva 947, allegata mir-rikorrenti (ara l-punt 635 hawn fuq).

652    Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma tistax tiġi kkritikata li ma stabbilixxietx li kien hemm bażi soda biex tiġi kkontestata l-validità tal-privattivi tal‑proċess tar-rikorrenti (ara l-punt 635 hawn fuq). Fil-fatt, prova bħal din ma hijiex meħtieġa biex tiġi stabbilita n-natura restrittiva ta’ klawżola ta’ nuqqas ta’ kontestazzjoni, li tiddependi mit-tneħħija ta’ possibbiltajiet reali u konkreti biex jingħelbu l-ostakoli marbutin mal-privattivi, li mhux bil-fors jeħtieġu, biex jiġu stabbiliti, il-prova li azzjoni għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tal-privattivi kkonċernati probabbilment tintlaqa’ (ara l-punt 368 hawn fuq).

653    Fl-aħħar nett, hija rrilevanti l-allegazzjoni tar-rikorrenti li l-klawżola ta’ nuqqas ta’ kontestazzjoni bl-ebda mod ma kienet tipprojbixxi lil terzi milli jikkontestaw il-privattivi tagħhom (ara l-punt 635 hawn fuq). Fil-fatt, allegazzjoni bħal din relatata mal-produzzjoni ta’ effetti potenzjali tal‑ftehim Teva fuq din il-kumpannija ta’ ġeneriċi biss ma tikkontestax, bħala tali, in-natura restrittiva tal-klawżola ta’ nuqqas ta’ kontestazzjoni inkluża fil-ftehim Teva (ara wkoll il-punti 556 u 557 hawn fuq).

654    Fit-tielet lok, għandu jiġi kkunsidrat li l-klawżola dwar xiri esklużiv ġiet ikklassifikata korrettament mill-Kummissjoni bħala restrizzjoni tal‑kompetizzjoni.

655    Din il-klawżola, hekk kif prevista fl-Artikolu 3 tal-ftehim Teva, taqra kif ġej:

“3. Obbligu ta’ xiri esklużiv

3.1. Matul il-perijodu ta’ dan il-kuntratt, Teva għandha tixtri l‑Perindopril kollu li kemm hi kif ukoll il-Kumpanniji sussidjarji tagħha għandhom bżonn biex jipprovduh jew biex jagħmluh disponibbli fir-Renju Unit, esklużivament mingħand Servier jew mill-Kumpanniji sussidjarji tiegħu.

[…]

3.3. Teva ma għandhiex tbigħ b’mod attiv jew tippromwovi l-Prodott lil klijenti barra mir-Renju Unit u għandha tiżgura li l-Kumpanniji sussidjarji tagħha jagħmlu l-istess.

3.4. Bla preġudizzju għal ordnijiet ikkonfermati minn Teva li jaslu għand Servier jew il-Kumpanniji sussidjarji tiegħu għall-kwantitajiet ta’ Prodott indikati hawn taħt, ippreżentati fid-Dati tal-Ordnijiet jew qabel, Servier jew il-Kumpanniji sussidjarji tiegħu għandhom jipprovdu lil Teva l‑kwantitajiet li ġejjin ta’ Prodott qabel id-dati indikati iktar ’il quddiem:

3.4.1. 150 000 (mija u ħamsin elf) kaxxa ta’ 30 pillola ta’ 2 mg sal-1 ta’ Awwissu 2006 u matul ix-xhur segwenti 75 000 (ħamsa u sebgħin elf) minn dawn il-kaxxi fix-xahar;

3.4.2. 240 000 (mitejn u erbgħin elf) kaxxa ta’ 30 pillola ta’ 4 mg sal-1 ta’ Awwissu 2006 u matul ix-xhur segwenti 120 000 (mija u għoxrin elf) minn dawn il-kaxxi fix-xahar;

3.4.3. 80 000 (tmenin elf) kaxxa ta’ 30 pillola ta’ 8 mg sal‑1 ta’ Jannar 2007 (jew kwalunkwe data li fuqha jistgħu jaqblu l-partijiet) u matul ix-xhur segwenti 40 000 (erbgħin elf) minn dawn il-kaxxi fix-xahar.

[…]

3.8. Jekk, fil-kuntest ta’ kwalukwe xahar, matul il-perijodu ta’ dan il‑Kuntratt:

3.8.1. Servier ikun irċieva mingħand Teva ordnijiet ikkonfermati għall‑Prodott, għal konsenja fir-Renju Unit matul dan ix-xahar, b’dawn l-ordnijiet ikkonfermati jkunu ġew sottomessi fid-Dati tal-Ordnijiet rilevanti jew qabel; u

3.8.2. Servier u l-kumpanniji sussidjarji tiegħu, ma jkunux, fi żmien għaxart’Ijiem tax-Xogħol wara d-data tal-konsenja korrispondenti, ipprovdew lil Teva bil-Prodotti kollha ordnati minnha, skont il‑Klawżoli 3.4 u 3.8.1 għal konsenja matul dan ix‑xahar.

3.8.3. Servier għandu, skont il-Klawżola 3.9, iħallas lil Teva l‑Kumpens b’rata fissa għal dan ix-xahar u Teva u l-kumpanniji sussidjarji tagħha ma jkollhom l-ebda dritt ieħor jew rimedju (inkluż kwalunkwe dritt ta’ xoljiment) għan-nuqqasijiet kollha ta’ Servier fil-forniment tal-Prodott lil Teva.

[…]”

656    Għandu jitfakkar ukoll li, skont il-klawżola ta’ nuqqas ta’ kummerċjalizzazzjoni prevista fl-Artikolu 2.3 tal-ftehim Teva, din tal‑aħħar kellha tastjeni, fir-Renju Unit, milli tiffabbrika, milli titlob il‑fabbrikazzjoni, milli żżomm, milli timporta, milli tipprovdi, milli tipproponi li tipprovdi jew milli tiddisponi mill‑perindopril ġeneriku, kemm jekk dan il-perindopril ikun iffabbrikat skont il‑proċess li hija kienet żviluppat u li Servier ikkunsidra li jikser il‑privattivi 947 u 339 sa 341, kif ivvalidati fir-Renju Unit, kemm jekk jikser dawn il-privattivi sax-xoljiment jew l-iskadenza tal-ftehim Teva jew l-iskadenza tal‑imsemmija privattivi.

657    Il-Kummissjoni qieset, fil-premessi 1552 sa 1555 tad-deċiżjoni kkontestata, li, sa fejn il-klawżola ta’ nuqqas ta’ kummerċjalizzazzjoni (Artikolu 2.3) u l-klawżola ta’ xiri esklużiv (Artikolu 3.1) tal-ftehim Teva kienu jaffettwaw il-kapaċità ta’ kompetizzjoni ta’ Teva jew il-libertà tagħha li tagħżel indipendentament is-sorsi ta’ perindopril tagħha għall-użu fis-suq tar-Renju Unit, dawn il-klawżoli għandhom jiġu analizzati bħala l-istess obbligu wieħed ta’ nuqqas ta’ kompetizzjoni. Hija speċifikat li ftit kien rilevanti l-istatus tal-eventwali sorsi alternattivi ta’ perindopril f’termini ta’ privattiva (li jiksruha jew le), peress li l-uniċi għażliet li Teva kellha bil-klawżola ta’ xiri esklużiv kienu jew li tbiegħ esklużivament il-prodott ta’ Servier, jew li tirċievi somma flus bħala kumpens fin-nuqqas ta’ provvista (kumpens b’rata fissa ta’ GBP 500 000 fix‑xahar).

658    Għandu jiġi kkunsidrat li l-allegazzjonijiet tar-rikorrenti kontra din l‑evalwazzjoni tal-Kummissjoni huma bbażati fuq interpretazzjoni żbaljata tal-klawżola ta’ xiri esklużiv tal-ftehim Teva.

659    Fil-fatt, mill-ftehim Teva tirriżulta alternattiva bejn provvista u l-ħlas ta’ kumpens fin-nuqqas ta’ provvista, peress li, flimkien mal-obbligu ta’ provvista, imsemmi b’mod ċar bħala tali fl-Artikolu 3.4 tal-ftehim Teva, kienet espressament prevista l-possibbiltà ta’ nuqqas ta’ provvista, li la setgħet tiġi kkontestata quddiem qorti, la setgħet twassal għal xoljiment minn Teva, u lanqas suġġetta għal kundizzjonijiet, b’mod partikolari limitu ta’ żmien, minbarra dik ta’ ħlas ta’ kumpens (Artikoli 3.8.2, 3.8.3 u 8.3 tal-ftehim Teva).

660    Għandu jiġi spjegat li l-projbizzjoni ta’ kontestazzjoni u ta’ xoljiment f’każ ta’ nuqqas ta’ provvista prevista mill-Artikolu 3.8.3 tal-ftehim Teva (iktar ’il quddiem il-“klawżola ta’ nuqqas ta’ xoljiment”) għandha rwol importanti f’din l-interpretazzjoni tal-klawżola ta’ xiri esklużiv, peress li minflok sanzjoni ta’ nuqqas ta’ osservanza ta’ obbligu kuntrattwali minn qorti jew permezz tat-tmiem tar-relazzjoni kuntrattwali tipprovdi għal kumpens finanzjarju stabbilit minn qabel u, b’hekk, toħloq alternattiva bejn provvista u kumpens. F’dan ir-rigward, huwa irrilevanti l-fatt li dan il‑kumpens ikun il-konsegwenza ta’ nuqqas ta’ osservanza ta’ obbligu ta’ provvista jew ta’ possibbiltà mogħtija lil Servier li ma jfornix lil Teva.

661    Minn dan fil-fatt tirriżulta fil-każijiet kollha, kif il-Kummissjoni korrettament ikkunsidrat fid-deċiżjoni kkontestata (premessa 1559), għażla ta’ nuqqas ta’ provvista mħollija fid-diskrezzjoni totali ta’ Servier, li tipprekludi lil Teva milli tidħol fis-suq u tipprekludi wkoll li l-klawżoli kkonċernati jiġu assimilati ma’ dawk li normalment jikkaratterizzaw ftehim ta’ provvista.

662    Għall-kuntrarju, Teva kienet suġġetta għal obbligu ta’ xiri esklużiv, korrettement ikklassifikat mill-Kummissjoni bħala “assolut” (premessa 1588 tad-deċiżjoni kkontestata), inkwantu Teva ma setgħetx tinħall minnu biex eventwalment taqleb il-provvista tagħha mingħand fornituri oħra ta’ perindopril, irrispettivament minn jekk kienx jikser privattiva jew le, u tidħol fis-suq b’dan il-perindopril, u dan anki fil-każ ta’ nuqqas ta’ provvista minn Servier, peress li x-xoljiment tal-ftehim għal din ir-raġuni kien eskluż minħabba l-klawżola ta’ nuqqas ta’ xoljiment. Hekk kif il-Kummissjoni korrettement irrilevat fil-premessa 1557 tad-deċiżjoni kkontestata, il-klawżola ta’ nuqqas ta’ xoljiment, flimkien mal-klawżola ta’ xiri esklużiv, kienet tobbliga lil Teva biex tikseb provvista ta’ perindopril ġeneriku mingħand Servier biss u, b’hekk, kienet tipprekludiha milli tikseb provvista mingħand fornituri oħra, inklużi dawk li ma kisrux il-privattivi ta’ Servier.

663    Minn dan isegwi li l-klawżoli ta’ xiri esklużiv u ta’ nuqqas ta’ xoljiment mhux biss parzjalment jitħalltu mal-obbligu ta’ nuqqas ta’ kummerċjalizzazzjoni previst fl-Artikolu 2.3 tal-ftehim Teva, inkwantu jipprojbixxu l-akkwist u għaldaqstant il-bejgħ ta’ perindopril li jiksru l‑privattivi kkontestati prodott minn terzi, iżda jestendu wkoll dan l‑obbligu lil hinn mill-privattivi inkwistjoni, inkwantu jipprojbixxu l‑akkwist u l-bejgħ ta’ perindopril prodott minn terzi li ma jiksrux il‑privattivi inkwistjoni.

664    Minn dan jirriżulta li l-klawżoli ta’ xiri esklużiv u ta’ nuqqas ta’ xoljiment tal-ftehim Teva jistgħu, bħala tali, b’mod partikolari jipprekludu l-provvista ta’ Teva u għalhekk jeskludu d-dħul tagħha fis‑suq bil-prodott ta’ terz, kif dan id-dħul huwa diġà eskluż kemm għall‑prodotti tar-rikorrenti kif ukoll għal dawk li ġejjin minn terzi bil‑klawżola ta’ nuqqas ta’ kummerċjalizzazzjoni prevista fl-Artikolu 2.3 tal-ftehim, fir-rigward ta’ liema r-rikorrenti ma jikkontestawx in-natura restrittiva tal-kompetizzjoni.

665    Barra minn hekk, għandu jiġi kkunsidrat li r-restrizzjoni tal-klawżola ta’ xiri esklużiv, bħal dik tal-klawżola ta’ nuqqas ta’ kummerċjalizzazzjoni, tal‑perindopril erbumina ma għandhiex tikkontesta n-natura restrittiva tagħhom (ara l-punt 626 hawn fuq).

666    Fil-fatt, ir-rikorrenti jenfasizzaw li dawn il-klawżoli jirreferu biss għall-perindopril erbumina u ma jikkontestawx li l-prodott li Teva kellha l‑ħsieb tikkummerċjalizza fil-mument tal-konklużjoni tal-ftehim Teva kien perindopril erbumina. B’hekk, il-klawżoli ta’ nuqqas ta’ kummerċjalizzazzjoni u ta’ xiri esklużiv jipprekludu lil Teva milli tidħol fis-suq bil-perindopril erbumina li hija kellha l-ħsieb li tikkummerċjalizza matul il-perijodu tal-ftehim Teva. Għaldaqstant, minkejja li Teva setgħet tidħol fis-suq bil-perindopril magħmul minn melħ ieħor apparti l-erbumina matul il-perijodu kopert mill-ftehim Teva, xorta jibqa’ l-fatt li dan il-ftehim kien jipprekludi lil Teva milli tikkompeti mar-rikorrenti bil-perindopril erbumina u kien jirrestrinġi l-kompetizzjoni f’dan ir-rigward. Barra minn hekk, jista’ jiġi rrilevat li l-provi prodotti mir-rikorrenti biex jiġi stabbilit id-dħul ta’ Teva fis-suq tar-Renju Unit b’melħ ieħor differenti mill-erbumina jirrigwardaw informazzjoni sussegwenti għall-iskadenza tal-ftehim Teva.

667    Barra minn hekk, huma irrilevanti l-allegazzjonijiet tar-rikorrenti dwar l‑effetti potenzjali ambivalenti tal-klawżola ta’ xiri esklużiv (ara l‑punt 636 hawn fuq). Fil-fatt għandu jitfakkar li dawn l-effetti potenzjali, ibbażati f’dan il-każ fuq ċirkustanzi mhux previdibbli fid-data tal‑konklużjoni tal-ftehim Teva, ma jistgħux jiġu meħuda inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-analiżi tal-għan restrittiv tal‑kompetizzjoni (ara l-punt 644 hawn fuq). Jista’ jingħad ukoll li, fi kwalunkwe każ, kuntrarjament għal dak li jsostnu r-rikorrenti, ma jistax jiġi kkunsidrat li l-allegati effetti potenzjali tal-ftehim Teva ma kinux ristrettivi għall-kompetizzjoni, jiġifieri kienu favur il-kompetizzjoni.

668    Fil-fatt, fil-każ li l-privattiva 947 kienet ġiet iddikjarata invalida mill-UEP, il‑ftehim Teva kien jipprekludi li din tidħol fis-suq bil-prodott tagħha jew bil-prodott ta’ Krka skont il-klawżola ta’ nuqqas ta’ kummerċjalizzazzjoni, li tkun baqgħet fis-seħħ – kif jidher mir-riferiment għall-“iskadenza” ta’ privattivi fl-Artikolu 2.3 tal-ftehim Teva, għall‑kuntrarju tat-terminu “revoka” użat fl-Artikolu II tal-addendum għall-ftehim Teva –, minkejja li din id-dikjarazzjoni ta’ invalidità kienet tippermetti d-dħul fis-suq ta’ prodotti ġeneriċi li potenzjalment jiksru din il-privattiva. Barra minn hekk, anki jekk ikun preżunt li r‑rikorrenti jkunu pprovdew lil Teva b’perindopril ġeneriku f’dan il-każ, kif jiddikjaraw (ara l-punt 616 hawn fuq), dan id-dħul ta’ Teva fis-suq bil-prodott ġeneriku tar-rikorrenti ma kienx joħloq sitwazzjoni ta’ kompetizzjoni meta mqabbla ma’ dawn tal-aħħar u Teva, fuq kollox, ma kinitx tkun l-uniku waħda u b’hekk l-ewwel waħda li tkun daħlet fis-suq fid-dawl tad-dħul hawn fuq imsemmi ta’ kumpanniji ta’ ġeneriċi oħra. Bl-istess mod, fil‑każ fejn il-validità tal-privattiva 947 kienet ġiet ikkonfermata mill-UEP, Teva kienet ser tibqa’ prekluża milli tieħu provvisti ta’ perindopril ġeneriku, inkluż dak li ma jiksirx privattiva, mingħand impriżi oħrajn minbarra r-rikorrenti, u l-provvista tiegħu mir-rikorrenti, iktar ipotetika f’dan il‑każ, kif jirrikonoxxu huma stess (ara l-punt 636 hawn fuq), lanqas ma kienet tippermetti d-dħul f’sitwazzjoni ta’ kompetizzjoni mar-rikorrenti. Għandu jingħad ukoll, f’dan l-aħħar rigward, li l-fatt li l-Kummissjoni stabbilixxiet it-tmiem tal-ksur mad-data tad-dħul ta’ Teva fis-suq tar‑Renju Unit bil-prodott tar-rikorrenti ma jistax jiġi interpretat li juri r‑rikonoxximent mill-Kummissjoni tal-fatt li Teva daħlet fis-suq f’Lulju 2007 f’sitwazzjoni ta’ kompetizzjoni mar-rikorrenti. Fil-fatt, il‑Kummissjoni stess indikat fid-deċiżjoni kkontestata (premessi 2125 u 3133) li l-iffissar tat-tmiem tal-ksur fis-6 ta’ Lulju 2007 kien spjegabbli minħabba raġunijiet ta’ prudenza u mill-volontà li tintuża data favorevoli għall-partijiet kontraenti.

669    Għall-istess raġunijiet, huma wkoll irrilevanti f’dan il-każ l‑allegazzjonijiet tar-rikorrenti relatati mal-intenzjoni tagħhom li jagħtu provvisti lil Teva f’każ ta’ dikjarazzjoni ta’ invalidità tal-privattiva 947 mill-UEP u relatati mal-għan ta’ dħul antiċipat ta’ Teva, u saħansitra bħala l-ewwel kumpannija ta’ ġeneriċi, fis-suq tar-Renju Unit.

670    Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni ma għandhiex tiġi kkritikata (ara l‑punt 624 hawn fuq) li bbażat ruħha, sempliċement sabiex issostni l‑analiżi tagħha, fuq l-interpretazzjoni tal-ftehim Teva magħmula mill‑High Court of Justice (England & Wales), Chancery Division (patents court) [il-Qorti Suprema tal-Ġustizzja (Ingilterra u Wales), Sezzjoni tal‑Ekwità (Awla tal-Privattivi)], fis-sentenza tagħha tad‑9 ta’ Ottubru 2008 (premessi 1572 u 1573 tad-deċiżjoni kkontestata).

671    Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li l-Kummissjoni ma evalwatx b’mod żbaljat il-klawżoli ta’ xiri esklużiv u ta’ nuqqas ta’ xoljiment tal-ftehim Teva, billi kkunsidrat li dawn iż-żewġ klawżoli, ikkunsidrati flimkien mal-klawżola ta’ nuqqas ta’ kummerċjalizzazzjoni tal-Artikolu 2.3 tal-ftehim Teva, kellhom ġeneralment jiġu analizzati bħala “obbligu ta’ nuqqas ta’ kompetizzjoni” (premessa 1552 tad‑deċiżjoni kkontestata) u, b’hekk, bħala obbligu ġenerali ta’ nuqqas ta’ kummerċjalizzazzjoni fuq Teva.

672    Minn dan isegwi li, kuntrarjament għal dak li essenzjalment jallegaw ir‑rikorrenti, dawn il-klawżoli la jikkorrispondu ma’ dawk li normalment ikunu inklużi fi ftehim ta’ provvista u lanqas ma’ dawk ta’ ftehim ta’ xiri esklużiv (ara wkoll il-punti 661 u 662 hawn fuq) u ma għandhomx, għaldaqstant, jiġu analizzati bl-istess mod bħal dawk inklużi fi ftehim anċillari għal soluzzjoni bonarja, peress li tali ftehimiet jikkorrispondu għal ftehimiet kummerċjali normali (ara l-punti 798 sa 808 iktar ’il quddiem).

673    Minn dan isegwi wkoll li l-argumenti tar-rikorrenti bbażati fuq ftehimiet dwar provvista jew dwar xiri esklużiv normali għandhom jiġu miċħuda.

674    B’mod partikolari, il-fatt allegat mir-rikorrenti li tali ftehimiet jaqgħu taħt prattika kurrenti fis-settur farmaċewtiku huwa f’dan il-każ irrilevanti, peress li l-klawżola ta’ xiri esklużiv tal-ftehim Teva ma tikkorrispondix mal-klawżoli normali msemmija mir-rikorrenti. Għandu jingħad ukoll li, fi kwalunkwe każ, prattiki ta’ impriżi privati, anki permessi jew approvati mill-awtorità pubblika ta’ Stat Membru, ma għandhomx ikunu imposti fl‑applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni tat-trattat (sentenza tas‑17 ta’ Jannar 1984, VBVB u VBBB vs Il‑Kummissjoni, 43/82 u 63/82, EU:C:1984:9, punt 40).

675    Lanqas ma huwa rilevanti r-Regolament Nru 2790/1999, u iktar u iktar peress li, skont l-Artikolu 2(4) tiegħu, dan ma għandux japplika għall‑ftehimiet ta’ esklużività konklużi mill-impriżi kompetituri, bħal dawk inkwistjoni f’dan il-każ intiżi t-tnejn li huma sabiex jikkummerċjalizzaw il-perindopril taħt isimhom stess. Fil-fatt, ġie ikkunsidrat li Teva kienet kompetitur potenzjali tar-rikorrenti (ara l-punt 614 hawn fuq) u din il-kwalità ma ġietx ikkontestata bil-konklużjoni ta’ ftehim normalment konkluż bejn impriżi li joperaw f’livelli differenti tal-katina tal-produzzjoni jew tad-distribuzzjoni.

676    Fir-rigward tal-evalwazzjoni mill-Kummissjoni tal-ftehim Servier‑Generics konkluż inqas minn sena wara l-ftehim Teva, għandu jiġi rrilevat li l-Kummissjoni kkonstatat, fil-premessa 745 tad-deċiżjoni kkontestata, mingħajr ma ġiet kontradetta mir-rikorrenti, li l-klawżola ta’ bejgħ esklużiv inkluża f’dan il-ftehim l-ieħor ma kienet tipprevedi l-ebda ħlas jew kumpens f’każ ta’ nuqqas ta’ provvista mir-rikorrenti. Barra minn hekk, mill-fajl jirriżulta wkoll li din il-klawżola lanqas ma kienet relatata ma’ klawżola ta’ nuqqas ta’ xoljiment u ma’ klawżola ta’ nuqqas ta’ kummerċjalizzazzjoni, fin-nuqqas ta’ perindopril kompetitur żviluppat minn Generics, b’tali mod li tali evalwazzjonijiet relatati ma’ dan il‑ftehim ma setgħux jiġu trasposti għall-ftehim Teva.

677    Fl-aħħar nett, sa fejn il-Kummissjoni enfasizzat b’mod ċar l-aspetti speċifiċi u problematiċi f’dan il-każ tal-klawżola ta’ bejgħ esklużiv tal‑ftehim Teva (ara b’mod partikolari l-premessi 1553 sa 1574 tad‑deċiżjoni kkontestata), ma għandux jiġi konkluż mid-deċiżjoni kkontestata li l-Kummissjoni pprojbixxiet, bħala regola, kull konklużjoni fl-istess ħin ta’ ftehim dwar distribuzzjoni esklużiva u ta’ ftehim dwar soluzzjoni bonarja.

678    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-Kummissjoni korrettament ikkunsidrat li l-ftehim Teva kien jillimita l-isforzi tagħha sabiex tikkompeti mar‑rikorrenti.

ii)    Fuq in-nuqqas ta’ vantaġġ ta’ inċentiv

679    Il-Kummissjoni kkunsidrat, fid-deċiżjoni kkontestata, li l-ammont oriġinali ta’ GBP 5 miljuni (iktar ’il quddiem l-“ammont oriġinali”) u l‑kumpens b’rata fissa ta’ GBP 500 000 fix-xahar f’ammont totali ta’ GBP 5.5 miljuni, li jkopri l-ħdax-il xahar ta’ nuqqas ta’ provvista ta’ Servier (iktar ’il quddiem “il-kumpens b’rata fissa finali”), jirrappreżentaw somma ta’ flus sostanzjali, ta’ GBP 10.5 miljuni, li servew bħala inċentiv sinjifikattiv għal Teva biex tastjeni milli tikkompeti mar-rikorrenti (premessa 1622).

680    Sabiex jiġi stabbilit jekk ħlas invertit, jiġifieri t-trasferiment ta’ valur mill-kumpannija ta’ verżjonijiet tal-bidu lill-kumpannija ta’ ġeneriċi, jikkostitwixxix jew le inċentiv biex jiġu aċċettati klawżoli ta’ nuqqas ta’ kontestazzjoni u ta’ nuqqas ta’ kummerċjalizzazzjoni, għandu jiġi eżaminat, billi jiġu kkunsidrati n-natura u l-ġustifikazzjoni tiegħu, jekk ikoprix spejjeż inerenti għas-soluzzjoni bonarja tal-kawża. Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni b’hekk korrettament eżaminat jekk it‑trasferiment ta’ valur kienx jikkorrispondi mal-ispejjeż speċifiċi tas- soluzzjoni bonarja sostnuti mill-kumpannija ta’ ġeneriċi (premessi 1592 sa 1599 tad-deċiżjoni kkontestata).

681    Fil-każ fejn il-ħlas invertit previst fi ftehim dwar soluzzjoni bonarja li jinkludi klawżoli restrittivi tal-kompetizzjoni jkollu bħala għan li jikkumpensa l-ispejjeż inerenti għas-soluzzjoni bonarja sostnuti mill-kumpannija ta’ ġeneriċi, dan il-ħlas ma jistax bħala regola jiġi kkunsidrat bħala inċentiv. Il-konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ inċentiv u ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan ma hijiex eskluża minn din l-ipoteżi. Hija titlob madankollu li l-Kummissjoni tistabbilixxi li l-ammonti li jikkorrispondu ma’ dawn l-ispejjeż inerenti għas-soluzzjoni bonarja, anki jekk stabbiliti u speċifikati b’ċifra mill-partijiet f’dan il-ftehim, humiex eċċessivi (ara l‑punt 278 hawn fuq).

682    L-ispejjeż inerenti għas-soluzzjoni bonarja tal-kawża jkopru, b’mod partikolari, l-ispejjeż kuntenzjużi sostnuti mill‑kumpannija ta’ ġeneriċi fil-kuntest tal-kawża li għandha kontra l-kumpannija ta’ verżjonijiet tal-bidu. Fil-fatt, it-teħid ta’ responsabbiltà ta’ dawn l‑ispejjeż hija marbuta direttament ma’ tali soluzzjoni bonarja. Konsegwentement, meta l-ammonti tal-ispejjeż kuntenzjużi tal‑kumpannija ta’ ġeneriċi huma stabbiliti mill-partijiet tas-soluzzjoni bonarja, il-Kummissjoni ma tistax tikkonstata n-natura ta’ inċentiv tagħhom ħlief billi turi li dawn huma sproporzjonati (ara l‑punt 279 hawn fuq).

683    Għall-kuntrarju, ċerti spejjeż sostnuti mill-kumpannija ta’ ġeneriċi huma, a priori, wisq ’il bogħod mill-kawża u r-riżoluzzjoni tagħha sabiex ikunu jistgħu jiġu kkunsidrati bħala inerenti għas-soluzzjoni bonarja fil-qasam tal-privattivi. Dawn huma, pereżempju, spejjeż ta’ fabrikazzjoni ta’ prodotti li jiksru privattiva, li jikkorrispondu għall-valur tal‑istokk tal-imsemmija prodotti, kif ukoll spejjeż ta’ riċerka u ta’ żvilupp sostnuti sabiex dawn il-prodotti jiġu żviluppati. L-istess jgħodd għall-ammonti dovuti mill-kumpannija ta’ ġeneriċi lil terzi minħabba obbligi kuntrattwali konklużi barra mill-kawża (pereżempju kuntratti ta’ provvista). Għalhekk, huma l‑partijiet tal-ftehim, jekk ikunu jixtiequ li l-pagament ta’ dawn l-ispejjeż ma jiġx ikklassifikat bħala inċentiv u li jikkostitwixxi indikazzjoni tal-eżistenza ta’ restrizzjoni tal‑kompetizzjoni minħabba l-għan, li għandhom juru li dawn huma inerenti għall-kawża jew għar-riżoluzzjoni tagħha, imbagħad jiġġustifikaw l-ammont tagħhom. Huma jistgħu wkoll, għall-istess raġunijiet, jibbażaw ruħhom fuq l-ammont insinjifikattiv tar-rimbors ta’ dawn l‑ispejjeż a priori mhux inerenti għas-soluzzjoni bonarja tal‑kawża u, b’hekk, insuffiċjenti sabiex jikkostitwixxu inċentiv sinjifikativ sabiex jiġu aċċettati l-klawżoli li jirrestrinġu l-kompetizzjoni previsti mill-ftehim dwar soluzzjoni bonarja (ara l-punt 280 hawn fuq).

–       Fuq il-kumpens b’rata fissa finali

684    Kuntrarjament għal dak li jallegaw ir-rikorrenti, il-Kummissjoni kkunsidrat, korrettament, li l-kumpens b’rata fissa finali kien jirrappreżenta ħlas mogħti lil Teva inkambju tal-obbligu tagħha li ma tikkompetix ma’ Servier (premessa 1588 tad-deċiżjoni kkontestata) u, għaldaqstant, inċentiv biex tissuġġetta ruħha għal obbligu ta’ nuqqas ta’ kummerċjalizzazzjoni. Fil-fatt, peress li l-Kummissjoni korrettament qieset li l-klawżoli ta’ xiri esklużiv u ta’ nuqqas ta’ xoljiment tal-ftehim Teva kienu jammontaw għall-impożizzjoni ta’ obbligu ta’ nuqqas ta’ kummerċjalizzazzjoni li jeskludi lil Teva mis-suq (ara l-punt 671 hawn fuq) u l-Artikoli 1.8 u 3.8.3 tal-ftehim Teva jipprevedu l-ħlas ta’ kumpens b’rata fissa ta’ GBP 500 000 fix-xahar f’każ ta’ nuqqas ta’ provvista tal-prodott u, b’hekk, ta’ konkretizzazzjoni ta’ din l-esklużjoni mis-suq, il-kumpens b’rata fissa jikkostitwixxi b’mod ċar il-korrispettiv tan-nuqqas tad-dħul fis-suq ta’ Teva.

685    F’dan ir-rigward, huwa irrilevanti l-argument tar-rikorrenti li l-kumpens b’rata fissa huwa strument kuntrattwali klassiku skont il-liġi Ingliża u jirrifletti dak li seta’ ngħata minn qorti għan-nuqqas ta’ osservanza ta’ obbligu ta’ provvista. Fil-fatt, l-eżistenza ta’ inċentiv hija dedotta f’din il-kawża mill-fatt li l-ħlas isir mhux bħala kumpens ta’ spejjeż inerenti għas-soluzzjoni bnarja jew b’implimentazzjoni ta’ ftehim ta’ provvista normali, iżda bħala korrispettiv għan-nuqqas ta’ dħul fis-suq hekk previst mill-klawżoli msemmija hawn fuq, indipendentament mill-istrument legali użat biex jiġi implimentat dan il-korrispettiv u mill-fatt li dan il-korrispettiv huwa ekwivalenti għall-kumpens li kienet tagħti qorti (ara l-punti 680 u 681 hawn fuq).

686    Għalhekk lanqas ma jista’ jikkontesta n-natura ta’ inċentiv tal-kumpens b’rata fissa finali l-paragun li sar mir-rikorrenti mal‑evalwazzjoni tal-Kummissjoni relatata mal-ftehimiet Lundbeck‑Neolab (ara l-punti 394 sa 398 hawn fuq).

–       Fuq l-ammont oriġinali

687    Fir-rigward tal-ammont oriġinali previst mill-Artikolu 10.1 tal-ftehim Teva, għandu jiġi kkunsidrat li l-argumenti mressqa mir-rikorrenti ma jippermettux il-kontestazzjoni tal-konstatazzjoni mill-Kummissjoni tal‑eżistenza ta’ inċentiv.

688    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Artikolu 10.1 tal-ftehim Teva jiddikjara:

“Servier għandu, bil-kundizzjoni li jirċievi fattura adattata minn Teva, iħallas jew jassigura li waħda mis-sussidarji tiegħu tħallas lil Teva [GBP] 5 000 000 f’terminu ta’ għaxart’ijiem tax-xogħol wara li jirċievi l‑fattura ta’ Teva. Din il-fattura tista’ tingħata mal-firma ta’ dan il-[ftehim] u tkun dovuta immedjatament, dejjem bil-kundizzjoni li Servier ikollu 10 ijiem tax-xogħol biex jagħmel il-pagament. Dan il-pagament ikun kontribuzzjoni għall-ispejjeż sostnuti minn Teva biex tipprepara l‑konklużjoni ta’ dan il-[ftehim], inklużi iżda mhux limitati għall-ispejjeż ta’ xoljiment tal-ftehimiet ta’ provvista tagħha eżistenti fir-Renju Unit.”

689    Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonstatat, b’mod preliminari, li Teva ma kkomunikat ex post l-ebda ċifra preċiża relatata mal-ispejjeż differenti li kellhom jiġu kkumpensati mill-ammont oriġinali, bl‑eċċezzjoni tal-ispejjeż ġudizzjarji stmati taħt l-EUR 100 000 għall‑kawża mibdija minn Ivax kontra Servier fir-Renju Unit (premessi 1594 u 1597). Madankollu, hija pproċediet b’evalwazzjoni ta’ spejjeż oħrali, fil-fehma tagħha, jistgħu jaqgħu taħt l-Artikolu 10.1 tal-ftehim Teva, fosthom dawk li jikkorrispondu mal-valur tal-istokk ta’ perindopril ta’ Teva li kellu jinqered u għall-ispejjeż ta’ żvilupp tal‑perindopril, biex minnhom jiġi dedott li b’kollox kienu jirrappreżentaw inqas minn 40 % tal-ammont oriġinali (premessi 1596 sa 1599 tad-deċiżjoni kkontestata).

690    Minn dan jista’ jiġi dedott li l-Kummissjoni kkunsidrat li, anki jekk ċerti spejjeż koperti mill-Artikolu 10.1 tal-ftehim Teva setgħu jiġu kkunsidrati bħala inerenti għas-soluzzjoni bonarja tal-kawża bejn ir‑rikorrenti u Teva, dan tal-aħħar ma kinitx stabbilixxiet iċ-ċifra tal-ispejjeż inkwistjoni, u a fortiori lanqas ma stabbilixxiet l-ammont tagħhom, bl-eċċezzjoni ta’ spejjeż kuntenzjużi li ġew ikkalkolati, iżda b’mod approssimattiv u mingħajr ma ġie stabbilit l-ammont tagħhom. Fil-fatt, fid-deċiżjoni kkontestata l-Kummissjoni ssemmi l-fatt li Teva sempliċiment “irreferiet” (premessa 797) jew “ikkomunikat” (premessa 1597) ammont “ta’ inqas minn EUR 100 000” għal dawn l-ispejjeż kuntenzjużi u kkonfermat, bħala tweġiba għal mistoqsija magħmula waqt is-seduta, li Teva ma kienet bl-ebda mod iġġustifikat l-istima tagħha.

691    Issa, ir-rikorrenti ma jallegaw l-ebda argument, u lanqas a fortriori ma jipproduċu xi prova, bħall-“fattura adattata” msemmija fl-Artikolu 10.1 tal-ftehim, sabiex jikkontestaw din l-analiżi tal-Kummissjoni.

692    Ir-rikorrenti, l-ewwel nett, sempliċement jirreferu għall-“qerda tal‑istokk”, u jindikaw il-valur tiegħu. Issa, il-kumpens tal-valur tal-istokk li kellu jinqered ma jistax, a priori, jiġi kklassifikat bħala spejjeż inerenti għas-soluzzjoni bonarja (ara l-punti 280 u 683 hawn fuq).

693    Fi kwalunkwe każ, ir-rikorrenti ma jistabbilixxux il-valur tal-imsemmi stokk. Fil-fatt, minn naħa, l-ammont f’euro li huma jallegaw ma jikkorrispondix ma’ dak f’liri sterlini msemmi fid-deċiżjoni kkontestata (premessa 1596), fid-dawl tar-rata tal-kambju użata mill-Kummissjoni (ara b’mod partikolari n-nota ta’ qiegħ il-paġna nru 4109 tad-deċiżjoni kkontestata). Min-naħa l-oħra u fuq kollox, ir-rikorrenti ma jipprovdu ebda prova insostenn tal-allegazzjoni tagħhom apparti d‑dikjarazzjonijiet tagħhom u dawk ta’ Teva b’risposta għad‑dikjarazzjoni tal‑oġġezzjonijiet kif ukoll dokument ta’ Teva li ma jsemmi l-ebda ċifra bħal din. B’hekk, anki li kieku kellu jiġi kkunsidrat li, f’dan il-każ, il-ħlas tal-valur tal-istokk tal-prodotti ta’ Teva li kellu jinqered kien inerenti għall‑ftehim Teva, peress li din il-qerda kienet prevista mill-imsemmi ftehim (Artikolu 2.2), dan il-ħlas ma jistax, fin-nuqqas ta’ ġustifikazzjoni tal-ammont tiegħu, ma jikkwalifikax bħala ħlas ta’ inċentiv (ara l‑punt 683 hawn fuq).

694    It-tieni nett, ir-rikorrenti jsemmu somma ta’ GBP miljun li Teva kellha l‑intenzjoni li tħallas lil wieħed mill-imsieħba kummerċjali tagħha minħabba t-tmiem tas-sħubija kummerċjali inkwistjoni. Minbarra l-fatt li s-somom li kellhom jitħallsu mill-kumpannija ta’ ġeneriċi lil terzi minħabba x-xoljiment ta’ kuntratti pendenti ma humiex a priori spejjeż inerenti għas-soluzzjoni bonarja (ara l-punt 683 hawn fuq), jista’ jiġi rrilevat li s-somma allegata bl-ebda mod ma tirriżulta mill‑kuntratt inkwistjoni anness mar-rikors.

695    It-tielet nett, jekk ir-rikorrenti jallegaw li l-ammont oriġinali jikkorrispondi mad-danni li huma kellhom iħallsu lil Teva fil-każ ta’ ordni maħruġa ħażin u li huma kellhom jevitaw li jħallsu minħabba l‑ftehim Teva, għandu jiġi rrilevat li, b’din l-allegazzjoni, ir-rikorrenti jfittxu essenzjalment li jistabbilixxu n-natura ġġustifikata tal-ammont oriġinali billi jqabblu dan l-ammont ma’ dak tal-ispejjeż ta’ natura differenti u mhux previsti fl-Artikolu 10.1 tal-ftehim. Fil-fatt, din id‑dispożizzjoni, filwaqt li hija espressa b’mod mhux restrittiv, tillimita ruħha għal “spejjeż sostuti minn Teva” u ma tinkludix dawk esposti jew evitati mir-rikorrenti. Permezz tal-allegazzjoni tagħhom, ir-rikorrenti jfixklu wkoll in-natura ġġustifikata tal-ammont oriġinali fir-rigward tas-soluzzjoni bonarja, waħdu inkwistjoni f’dan il-każ, u n-natura proporzjonata ta’ dan l-ammont li għall-evalwazzjoni tiegħu l-paragun propost jista’, jekk ikun il-każ, ikun rilevanti. Għalhekk, għandu jitfakkar li qed nitkellmu dwar żewġ evalwazzjonijiet distinti li l-Kummissjoni għandha tagħmel suċċessivament. B’hekk, hija r-responsabbiltà tal‑Kummissjoni, meta tevalwa n-natura restrittiva soluzzjoni bonarja ta’ tilwima fil-qasam tal-privattivi li jinkludi trasferiment ta’ valur, li teżamina, fl-ewwel lok, jekk l-ispejjeż koperti mit‑trasferiment ta’ valur humiex iġġustifikati fir-rigward tas-soluzzjoni bonarja u, b’mod partikolari, jekk it-trasferiment ta’ valur jikkorrispondix mal-ammont stabbilit ta’ spejjeż li jistgħu min-natura tagħhom jiġu kkunsidrati bħala inerenti għas-soluzzjoni bonarja, imbagħad, fit-tieni lok, jekk hija tqis dawn l-ispejjeż iġġustifikati, li tivverifika li l‑ammont tagħhom ma huwiex sproporzjonat meta jittieħed inkunsiderazzjoni t-tip ta’ spejjeż ikkonċernati (ara l-punti 681 u 682 hawn fuq).

696    Ta’ min jikkunsidra mbagħad li, anki jekk wieħed jassumi li l-paragun allegat jista’ jkun rilevanti sabiex jiġi vverifikat jekk l-ammont oriġinali kienx ġustifikat fir-rigward tas-soluzzjoni bonarja, ir-rikorrenti ma pprovdew l-ebda evalwazzjoni ta’ spejjeż allegatament evitati. Fil-fatt, huma jillimitaw irwieħhom li jirreferu għal danni u interessi sostanzjali fil-każ ta’ telfa fil-proċedura fuq il-mertu wara ordni imposta fil-favur tagħhom.

697    Fl-aħħar nett, inkwantu r-rikorrenti jsostnu, ir-raba’ nett, li l-ammont oriġinali kellu l-għan li “jiżgura” l-klawżola ta’ xiri esklużiv (ara l-punt 628 hawn fuq), minn dan għandu jiġi dedott li huma jikkunsidraw dan l-ammont bħala korrispettiv tal-imsemmija klawżola u, għalhekk, jirrikonoxxu essenzjalment in-natura ta’ inċentiv tagħha, peress li din il‑klawżola ġiet interpretata fis-sens li timponi obbligu ta’ kummerċjalizzazzjoni fuq Teva (ara l-punti 684 u 685 hawn fuq).

698    Minn dan jirriżulta li l-Kummissjoni kkonstatat b’mod validu, fid‑deċiżjoni kkontestata (premessi 1608 u 1622), fil-ftehim Teva, l‑eżistenza ta’ inċentiv għal Teva biex tissuġġetta ruħha għall-klawżoli ta’ nuqqas ta’ kummerċjalizzazzjoni u ta’ nuqqas ta’ kontestazzjoni previsti fl-imsemmi ftehim, mingħajr il-bżonn li tivverifika barra minn hekk, kif isostnu r-rikorrenti (ara l-punt 628 hawn fuq), jekk dawn il-klawżoli kienx ikollhom portata restrittiva inqas fin-nuqqas ta’ dan il-ħlas b’inċentiv. Fil-fatt, il-konstatazzjoni ta’ inċentiv biex tissuġġetta ruħha għal klawżoli ta’ nuqqas ta’ kummerċjalizzazzjoni u ta’ nuqqas ta’ kontestazzjoni tirrikjedi sempliċiment il-preżenza ta’ dawn il-klawżoli, indipendentament mill-portata tagħhom ftit jew wisq restrittiva, u analiżi tal-ispejjeż koperti mit-trasferiment ta’ valur inkwistjoni (ara l-punti 680 u 681 hawn fuq).

699    L-eżistenza ta’ dan l-inċentiv ma jistax jiġi kkontestat mill-allegazzjoni tar-rikorrenti li l-Kummissjoni b’mod żbaljat “amalgamat” l-ammont oriġinali u l-kumpens b’rata fissa finali biex minnu tiddeduċi “trasferiment ta’ valur nett ta’ ammont ta’ GBP 10.5 miljuni”. Ċertament, kif korrettament jirrilevaw ir-rikorrenti, bid-differenza tal‑ammont oriġinali ffissat mill-Artikolu 10.1 tal-ftehim Teva, l-ammont tal-kumpens b’rata fissa finali jirriżulta mill‑implimentazzjoni tal-ftehim Teva, b’mod partikolari min-nuqqas ta’ provvista ta’ Teva mir-rikorrenti, u mhux, fir-rigward ta’ GBP 5.5 miljuni minnhom, mill-klawżola kkonċernata tal-ftehim li tipprevedi biss ammont mensili ta’ kumpens ta’ GBP 500 000. Madankollu, jekk minn dan jista’ jiġi dedott li l-ammont ta’ GBP 10.5 miljuni jikkorrispondi għal dak tat-trasferiment ta’ valur effettivament imħallas lil Teva u mhux għal dak tat-trasferiment ta’ valur li jirriżulta biss mill-klawżoli tal-ftehim Teva, jibqa’ l-fatt li dan it-trasferiment effettiv jikkostitwixxi wkoll, għall-istess raġunijiet bħal dawk li wasslu għall-konklużjoni tan-natura ta’ inċentiv tal-ammont oriġinali u tal-ħlas mensili ta’ GBP 500 000, inċentiv għall-ammont kollu tiegħu.

700    Minn dan isegwi li, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti (ara, b’mod partikolari, il-punti 265 sa 271 hawn fuq), il-Kummissjoni, korrettament, iddeduċiet mill-konstatazzjoni ta’ dan l-inċentiv, li ż-żewġ komponenti tiegħu kienu previsti mill-ftehim Teva, li dan il-ftehim kellu, sa mill-oriġini tiegħu, għan restrittiv tal-kompetizzjoni.

701    Din il-konklużjoni ma ġietx ikkontestata mill-allegat żnaturament tal‑għan tal-ftehim Teva u tal-intenzjonijiet tal-partijiet tal-imsemmi ftehim.

702    Fil-fatt, l-allegazzjoni mir-rikorrenti tan-nuqqas ta’ intenzjoni antikompetittiva tal-partijiet għall-ftehim Teva u ta’ għanijiet leġittimi li jiġu segwiti, fosthom b’mod partikolari d-dħul antiċipat ta’ Teva, saħansitra bħala l-ewwel kumpannija ta’ ġeneriċi, fis-suq tar-Renju Unit, la tista’ tikkontesta l-eżistenza ta’ vantaġġ ta’ inċentiv u lanqas in‑natura restrittiva tal-kompetizzjoni tal-klawżoli ta’ nuqqas ta’ kummerċjalizzazzjoni u ta’ nuqqas ta’ kontestazzjoni tal-ftehim Teva (ara wkoll il-punt 669 hawn fuq). Konsegwentement, anki jekk jitqies li l-argumenti inkwistjoni huma bbażati fuq fatti stabbiliti, ma humiex ta’ natura li, fi kwalunkwe każ, jinvalidaw il-klassifikazzjoni ta’ restrizzjoni minħabba l-għan tal-ftehim Teva użata mill-Kummissjoni.

703    Għandu jiżdied ukoll li l-intenzjoni tal-partijiet ma tikkostitwixxix element meħtieġ biex tiġi stabbilita n-natura restrittiva ta’ tip ta’ koordinazzjoni bejn l-impriżi (ara l-punt 222 hawn fuq).

704    Barra minn hekk, fil-preżenza ta’ klawżola ta’ nuqqas ta’ kummerċjalizzazzjoni u ta’ nuqqas ta’ kontestazzjoni, li n-natura intrinsikament restrittiva tagħhom ma ġietx ikkontestata b’mod validu, il-ftehim Teva seta’ jiġi kkunsidrat korrettament mill-Kummissjoni, minħabba l‑konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ inċentiv, bħala ftehim ta’ esklużjoni mis-suq, li jsegwi minħabba f’hekk għan antikompetittiv. Issa, skont ġurisprudenza stabbilita, is-sempliċi fatt li ftehim isegwi wkoll għanijiet leġittimi ma jistax ikun biżżejjed biex jipprekludi klassifikazzjoni ta’ restrizzjoni ta’ kompetizzjoni minħabba l-għan (ara l-punt 222 hawn fuq).

iii) Fuq l-ilment, imqajjem sussidjarjament, dwar il-perijodu talksur

705    Ir-rikorrenti jikkritikaw lill-Kummissjoni li bdiet il-ksur li bih ġew akkużati minħabba l-ftehim Teva fid-data tal-konklużjoni ta’ dan il‑ftehim (it-13 ta’ Ġunju 2006), minflok id-data tal-kisba tal-ATS minn Teva fir-Renju Unit (it-12 ta’ Diċembru 2006) (ara l-punt 641 hawn fuq).

706    Għandu jitfakkar, f’dan ir-rigward, li, minn naħa, l-eżami tal‑kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni u ta’ restrizzjonijiet għal din il‑kompetizzjoni huwa bbażat mhux biss fuq il-kompetizzjoni attwali li teżisti bejn l-impriżi li huma diġà preżenti fis-suq, iżda wkoll fuq il‑kompetizzjoni potenzjali bejn dawn l-impriżi stabbiliti u impriżi oħra li għadhom mhux preżenti fis-suq (ara s-sentenza tad-29 ta’ Ġunju 2012, E.ON Ruhrgas u E.ON vs Il-Kummissjoni, T‑360/09, EU:T:2012:332, punt 85 u l-ġurisprudenza ċċitata) u li, min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni kkunsidrat, ġustament, li Teva kienet kompetitur potenzjali tar-rikorrenti fid-data tal-konklużjoni tal-ftehim Teva (ara l-punt 614 hawn fuq), anki jekk hija ma kellhiex ATS f’din id-data (ara l-punti 478 u 599 hawn fuq). Minn dan isegwi li l-Kummissjoni ma wettqitx żball meta kkunsidrat li l‑kompetizzjoni kienet ġiet limitata b’effett mill-konklużjoni tal-ftehim Teva, fit-13 ta’ Ġunju 2006, u li l-ksur attribwit lir-rikorrenti skont dan il-ftehim beda f’din id-data.

707    L-ilment li jikkritika l-evalwazzjoni, mill-Kummissjoni, tal-perijodu tal‑ksur użat skont il-ftehim Teva għandu, konsegwentement, jiġi miċħud, l-istess bħall-motiv ibbażat fuq żbalji ta’ liġi u ta’ evalwazzjoni fil‑klassifikazzjoni tal-ftehim Teva bħala restrizzjoni minħabba l-għan.

c)      Fuq l-iżbalji ta’ liġi u ta’ evalwazzjoni relatati malklassifikazzjoni bħala restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-effett tal-ftehim Teva

708    Ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni wettqet diversi żbalji ta’ liġi u ta’ evalwazzjoni relatati mal-klassifikazzjoni bħala restrizzjoni tal‑kompetizzjoni minħabba l-effett tal-ftehim Teva.

709    Bl-applikazzjoni mutatis mutandis tal-kunsiderazzjonijiet żviluppati fil‑punti 566 sa 570 hawn fuq, dan il-motiv għandu jiġi miċħud bħala ineffettiv.

8.      Fuq il-ftehim konkluż ma’ Lupin

a)      Fuq il-kwalità ta’ kompetitur potenzjali ta’ Lupin

[omissis]

b)      Fuq l-iżbalji ta’ liġi u ta’ evalwazzjoni relatati malklassifikazzjoni bħala restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba lgħan tal-ftehim konkluż ma’ Lupin

1)      L-argumenti tal-partijiet

[omissis]

2)      L-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali

787    Fir-rigward tal-motiv relatat mal-konstatazzjoni stess tal-ksur, għandhom jiġu eżaminati fl-ewwel lok l-argumenti tar-rikorrenti intiżi sabiex jikkontestaw iż-żewġ kundizzjonijiet li jippermettu l-konstatazzjoni ta’ restrizzjoni minħabba l-għan, jiġifieri l-vantaġġ ta’ inċentiv fir-rigward tal-kumpannija ta’ ġeneriċi u l-limitazzjoni korrelattiva tal-isforzi tagħha biex tikkompeti mal-kumpannija ta’ verżjonijiet tal-bidu. Sussegwentement għandu jiġi eżaminat jekk il-Kummissjoni setgħetx, korrettament, tikkonkludi li kien hemm ksur. Fl-aħħar nett, għandu jiġi żgurat jekk il‑Kummissjoni wettqitx żball fid-delimitazzjoni sostantiva ta’ dan il‑ksur.

788    Fir-rigward tal-motiv relatat mal-perijodu tal-ksur, invokat sussidjarjament mir-rikorrenti, dan ser ikun eżaminat fl-aħħar nett.

i)      Fuq in-nuqqas ta’ vantaġġ ta’ inċentiv

789    Mill-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1/2003 kif ukoll minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li, fil-qasam tad-dritt tal-kompetizzjoni, fil-każ ta’ tilwima dwar l-eżistenza ta’ ksur, hija l-Kummissjoni li għandha ġġib il‑prova tal-ksur li hija tikkonstata u tistabbilixxi l-provi xierqa sabiex juru, suffiċjentment skont il-liġi, l-eżistenza tal-fatti li jikkostitwixxu ksur (sentenzi tas-17 ta’ Diċembru 1998, Baustahlgewebe vs Il‑Kummissjoni, C‑185/95 P, EU:C:1998:608, punt 58, u tat‑8 ta’ Lulju 1999, Il-Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, C‑49/92 P, EU:C:1999:356, punt 86; ara wkoll is-sentenza tat-12 ta’ April 2013, CISAC vs Il-Kummissjoni, T‑442/08, EU:T:2013:188, punt 91 u l‑ġurisprudenza ċċitata).

790    F’dan il-kuntest, l-eżistenza ta’ dubju f’moħħ il-qorti għandha tibbenefika lill-impriża destinatarja tad-deċiżjoni li tikkonstata ksur. Għalhekk, qorti ma tistax tikkonkludi li l-Kummissjoni stabbilixxiet l‑eżistenza tal-ksur inkwistjoni b’mod suffiċjenti skont il-liġi jekk f’moħħ il-qorti jkun għad hemm dubju dwar din il-kwistjoni, b’mod partikolari fil-kuntest ta’ rikors intiż għall-annullament ta’ deċiżjoni li timponi multa (ara s-sentenza tat-12 ta’ April 2013, CISAC vs Il‑Kummissjoni, T‑442/08, EU:T:2013:188, punt 92 u l-ġurisprudenza ċċitata).

791    Fil-fatt, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-prinċipju ta’ preżunzjoni ta’ innoċenza, hekk kif jirriżulta b’mod partikolari mill-Artikolu 48 tal‑Karta tad-Drittijiet Fundamentali. Fid-dawl tan-natura tal-ksur inkwistjoni kif ukoll tan-natura u tal-livell ta’ gravità tas-sanzjonijiet li jistgħu jkunu marbuta miegħu, il-preżunzjoni ta’ innoċenza tapplika b’mod partikolari għall-proċeduri rigward ksur tar-regoli dwar il‑kompetizzjoni applikabbli għall-impriżi li jistgħu jwasslu għall‑impożizzjoni ta’ multi jew ta’ pagamenti ta’ penalità (ara s-sentenza tat-12 ta’ April 2013, CISAC vs Il-Kummissjoni, T‑442/08, EU:T:2013:188, punt 93 u l-ġurisprudenza ċċitata).

792    Barra minn hekk, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-preġudizzju mhux insinjifikattiv għar-reputazzjoni li tirrappreżenta, għal persuna fiżika jew ġuridika, il-konstatazzjoni li hija kienet involuta fi ksur tar-regoli tal‑kompetizzjoni (ara s-sentenza tat-12 ta’ April 2013, CISAC vs Il‑Kummissjoni, T‑442/08, EU:T:2013:188, punt 95 u l-ġurisprudenza ċċitata).

793    Għaldaqstant, huwa neċessarju li l-Kummissjoni tipproduċi provi preċiżi u konkordanti sabiex tistabbilixxi l-eżistenza tal-ksur u sabiex tistabbilixxi l-konvinzjoni soda li l-ksur allegat jikkostitwixxi restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni fis-sens tal-Artikolu 101(1) TFUE (ara s-sentenza tat-12 ta’ April 2013, CISAC vs Il-Kummissjoni, T‑442/08, EU:T:2013:188, punt 96 u l-ġurisprudenza ċċitata).

794    Għandu jiġi enfasizzat li kull prova prodotta mill‑Kummissjoni ma għandhiex neċessarjament tissodisfa dawn il‑kriterji fir-rigward ta’ kull element tal-ksur. Fil-fatt, is‑sensiela ta’ indizji invokati mill-istituzzjoni, evalwata globalment, tissodisfa dan ir-rekwiżit (ara s-sentenza tat-12 ta’ April 2013, CISAC vs Il-Kummissjoni, T-442/08, EU:T:2013:188, punt 97 u l-ġurisprudenza ċċitata).

795    L-eżistenza ta’ prattika jew ta’ ftehim antikompetittiv għandha xi drabi tiġi dedotta minn ċertu numru ta’ koinċidenzi u ta’ indizji li, meħuda flimkien, fin-nuqqas ta’ spjegazzjoni oħra plawsibbli, jistgħu jikkostitwixxu evidenza ta’ ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni (sentenza tas-7 ta’ Jannar 2004, Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, C‑204/00 P, C‑205/00 P, C‑211/00 P, C‑213/00 P, C‑217/00 P u C‑219/00 P, EU:C:2004:6, punt 57).

796    Pereżempju, għalkemm paralleliżmu ta’ aġir ma jkunx jista’ jiġi identifikat minnu nnifsu ma’ prattika miftiehma, dan xorta waħda jista’ jkun jikkostitwixxi indizju serju tagħha, meta jkun iwassal għal kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni li ma jikkorrispondux għal kundizzjonijiet normali tas-suq (sentenza tal-14 ta’ Lulju 1972, Farbenfabriken Bayer vs Il‑Kummissjoni, 51/69, EU:C:1972:72, punt 25).

797    Bl-istess mod, il-preżenza ta’ ftehim anċillari, skont l-espressjoni użata mill-Kummissjoni fil-premessa 1190 tad-deċiżjoni kkontestata, tista’ tikkostitwixxi, fir-rigward tas-soluzzjoni bonarja ta’ tilwima fil-qasam tal-privattiva, indizju serju tal-eżistenza ta’ inċentiv u, konsegwentement, ta’ restrizzjoni ta’ kompetizzjoni minħabba l-għan (ara l-punti 265 sa 273 hawn fuq).

798    Hemm lok li jiġi speċifikat li ftehim anċillari huwa ftehim kummerċjali komuni li huwa “assoċjat” ma’ ftehim dwar soluzzjoni bonarja ta’ tilwima li jinkludi klawżoli li minnhom infushom huma ta’ natura restrittiva (ara l-punt 257 hawn fuq). Tali assoċjazzjoni teżisti b’mod partikolari meta ż-żewġ ftehimiet isiru fl-istess ġurnata, meta jkunu legalment marbuta, meta n-natura vinkolanti ta’ wieħed mill-ftehimiet tkun ikkundizzjonata mill-konklużjoni tal-ftehim l-ieħor jew anki meta, fid-dawl tal-kuntest li fih dawn isiru, il-Kummissjoni tkun f’pożizzjoni tistabbilixxi li huma indiviżibbli. Jista’ jiżdied li iktar ma jkunu viċini ratione temporis il-konklużjoni tal-ftehimiet, iktar ikun faċli għall‑Kummissjoni li tistabbilixxi din in-natura indiviżibbli.

799    Għandu jiġi rrilevat ukoll li l-fatt li l-ftehim dwar soluzzjoni bonarja u l‑ftehim anċillari jiġu konklużi fl-istess jum jew li tkun teżisti rabta kuntrattwali bejniethom huwa indizju partikolarment revelatur tal-fatt li dawn il-ftehimiet huma integrati fl-istess assjem kuntrattwali. Fil-fatt, li kieku dawn il-ftehimiet ma ġewx konklużi fl-istess jum (u fl-assenza ta’ rabta kuntrattwali bejniethom), waħda mill-partiijiet fin-negozjati kienet tagħti lill-parti l-oħra dak kollu li kienet tixtieq mingħajr ebda ċertezza dwar il-fatt li l-korrispettiv mistenni kien sejjer finalment jasal għandha. Din ir-rabta temporali jew legali bejn iż-żewġ ftehimiet tikkostitwixxi wkoll indizju fattwali li huma kienu s-suġġett ta’ negozjati komuni.

800    Issa, il-ftehim anċillari huwa ftehim kummerċjali komuni li jista’ jeżisti b’mod awtonomu mingħajr ma jkun hemm soluzzjoni bonarja ta’ tilwima. Reċiprokament, il-konklużjoni ta’ ftehim dwar soluzzjoni bonarja ma timponix il-konklużjoni simultanja ta’ ftehim kummerċjali. B’hekk, l-assoċjazzjoni taż-żewġ ftehimiet ma hijiex neċessarja. Barra minn hekk, din l-assoċjazzjoni ma tistax tiġi ġġustifikata mis-soluzzjoni bonarja ta’ tilwima, peress li l‑ftehim anċillari ma għandux bħala l-għan li jwassal għal tali riżoluzzjoni iżda li jwettaq tranżazzjoni kummerċjali.

801    Barra minn hekk, il-ftehim anċillari jimplika trasferimenti ta’ valur, ta’ natura finanzjarja jew le, bejn il-partijiet. Dan jista’ jimplika, b’mod partikolari, trasferimenti ta’ valur mill-proprjetarju tal-privattiva lill‑kumpannija ta’ ġeneriċi.

802    B’hekk, jeżisti riskju li l-assoċjazzjoni ta’ ftehim kummerċjali ma’ ftehim dwar soluzzjoni bonarja li jinkludi klawżoli ta’ nuqqas ta’ kummerċjalizzazzjoni u ta’ nuqqas ta’ kontestazzjoni, li huma, minnhom nfushom, ta’ natura restrittiva tal-kompetizzjoni (ara l-punt 257 hawn fuq) tkun intiża, fil-verità, taħt il-pretest ta’ tranżazzjoni kummerċjali, fil‑forma, fejn applikabbli, ta’ muntaġġ kuntrattwali kumpless, li tinċentiva l-kumpannija ta’ ġeneriċi biex tissuġġetta ruħha, permezz ta’ trasferiment ta’ valur previst mill-ftehim anċillari, għal dawn il-klawżoli.

803    Konsegwentement, iċ-ċirkustanza li ftehim kummerċjali, li normalment ma għandux bħala għan is-soluzzjoni bonarja ta’ tilwima (ara l-punt 800 hawn fuq) u li bih isir trasferiment ta’ valur mill-kumpannija ta’ verżjonijiet tal-bidu lill-kumpannija ta’ ġeneriċi, jiġi, fiċ-ċirkustanzi esposti fil-punt 798 iktar ’il fuq, assoċjat ma’ ftehim dwar soluzzjoni bonarja ta’ tilwima li jinkludi klawżoli restrittivi tal-kompetizzjoni tikkostitwixxi indizju serju tal-eżistenza ta’ ħlas invertit (ara l-punt 264 hawn fuq).

804    Madankollu, l-indizju serju msemmi fil-punt preċedenti ma huwiex suffiċjenti u l-Kummissjoni għandha għaldaqstant tikkonfermah billi tipprovdi elementi oħra konkordanti li jippermettu li jiġi konkluż favur l‑eżistenza ta’ ħlas invertit. Tali ħlas, fil-kuntest speċifiku tal-ftehimiet anċillari, jikkorrispondi għall-parti mill-ħlas imwettaq mill-kumpannija ta’ verżjonijiet tal-bidu li teċċedi l-valur “normali” tal-oġġett skambjat (jew, fejn applikabbli, il-parti tal-valur “normali” tal-oġġett skambjat li jeċċedi l-ħlas imwettaq mill-kumpannija ta’ ġeneriċi).

805    F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li l-Kummissjoni, billi bbażat ruħha fuq diversi indizji, b’mod partikolari fuq il-fatt li Lupin ma tat l‑ebda garanzija li kienet ser tingħata privattiva, li kienet ser tkun valida jew li l-prodotti jew il-proċessi mitluba ma kinux se jkunu jiksru privattivi [Artikolu 2.2(a) tal-ftehim Lupin], indikat, darbtejn fid-deċiżjoni kkontestata, li l-akkwist tat-teknoloġija ta’ Lupin ma kienx innegozjat “skont kundizzjonijiet ta’ suq” (premessi 1950 u 1952).

806    Għandu jiġi rrilevat li l-kunċett ta’ “kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni normali”, li miegħu huwa marbut dak ta’ “kundizzjonijiet normali tas-suq”, anki jekk dan ma jintużax fil-qasam tal-akkordji, ma huwiex skonoxxut fid-dritt tal-kompetizzjoni peress li jintuża, ċertament, fil-qasam partikolari tal-għajnuna mill-Istat, bil-għan li jiġi ddeterminat jekk Stat aġixxiex bħala investitur privat (sentenza tat‑2 ta’ Settembru 2010, Il-Kummissjoni vs Scott, C‑290/07 P, EU:C:2010:480, punt 68), jiġifieri jekk il-vantaġġ mogħti lill-impriżi inkwistjoni jikkostitwixxix ir-remunerazzjoni normali ta’ korrispettiv miksub mill-Istat. Għaldaqstant, dan il-kunċett jikkostitwixxi, b’analoġija, parametru ta’ referiment rilevanti meta jiġi ddeterminat jekk żewġ impriżi li kkonkludew tranżazzjoni kummerċjali jkunux għamluha abbażi ta’ kunsiderazzjonijiet limitati għall-valur ekonomiku tal-oġġett skambjat, pereżempju, għall-perspettivi tagħha ta’ profittabbiltà u għaldaqstant, għall-kundizzjonijiet normali tas-suq.

807    Fil-preżenza ta’ indizji jew ta’ provi prodotti mill-Kummissjoni li jippermettu lil din tal-aħħar tqis li l-ftehim anċillari ma kienx ġie konkluż f’kundizzjonijiet normali tas-suq, il-partijiet fil-ftehimiet jistgħu jippreżentaw il-verżjoni tagħhom tal-fatti, billi jsejsu l-allegazzjonijiet tagħhom fuq elementi li huma kapaċi jipproduċu u li jippermettu li jitqies li l-ftehim kummerċjali, minkejja li assoċjat mal-ftehim dwar soluzzjoni bonarja, huwa ġġustifikat minn raġunijiet oħra minbarra l-esklużjoni ta’ kompetitur minħabba ħlas invertit. B’hekk, il-partijiet fil-ftehimiet jistgħu jsostnu li l-ftehim anċillari ġie konkluż skont il-kundizzjoniijet tas-suq billi jressqu elementi adegwati misluta pereżempju minn użi industrijali u kummerċjali tas-settur jew minn ċirkustanzi partikolari tal‑każ inkwistjoni.

808    Fid-dawl tal-elementi kollha li hija jkollha u, fejn applikabbli, tal-assenza ta’ spjegazzjoni jew tal-assenza ta’ spjegazzjoni plawżibbli prodotta mill‑partijiet fil-ftehimiet, il-Kummissjoni tista’ tkun fondata tikkonstata, wara evalwazzjoni globali, li l-ftehim anċillari ma ġiex konkluż f’kundizzjonijiet normali tas-suq, jiġifieri li l-ħlas imwettaq mill‑kumpannija ta’ verżjonijiet tal-bidu jeċċedi l-valur tal-oġġett skambjat (jew li l-valur tal-oġġett ċedut lill-kumpannija ta’ ġeneriċi jeċċedi l-ħlas magħmul minn din tal-aħħar). Għaldaqstant, il‑Kummissjoni tista’ tikkonkludi favur l-eżistenza ta’ ħlas invertit (ara l‑punt 804 hawn fuq).

809    Issa, ħlas invertit, jekk ma jkollux l-għan li jiġu kkumpensati spejjeż inerenti għas-soluzzjoni bonarja, allura jkun jikkostitwixxi vantaġġ fil-forma ta’ inċentiv (ara l-punti 265 u 278 sa 280 hawn fuq). Dan huwa minnu fil-każ ta’ ħlas li jirriżulta minn ftehim anċillari li ma għandux bħala l-għan tiegħu s-soluzzjoni bonarja ta’ tilwima iżda l-eżekuzzjoni ta’ tranżazzjoni kummerċjali (ara l-punt 800 hawn fuq).

810    Madankollu, il-partijiet fil-ftehim jistgħu jinvokaw ukoll in-natura insinjifikattiva tal-vantaġġ inkwistjoni, li l-ammont tiegħu jkun insuffiċjenti sabiex jitqies bħala li jikkorrispondi għal inċentiv sinjifikattiv sabiex jiġu aċċettati l-klawżoli li jirrestrinġu l-kompetizzjoni previsti fil-ftehim dwar soluzzjoni bonarja (ara l-punt 280 hawn fuq).

811    Huwa fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti li għandhom jiġu eżaminati ċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ.

812    Għandu jiġi rrielvat li Servier u Lupin ikkonkludew fl-istess ġurnata ftehim dwar soluzzjoni bonarja ta’ tilwima li jinkludi klawżoli ta’ nuqqas ta’ kummerċjalizzazzjoni u ta’ nuqqas ta’ kontestazzjoni u ftehim dwar trasferiment ta’ teknoloġija li bih Servier xtara mingħand Lupin tliet applikazzjonijiet għal privattivi ppreżentati minn din tal-aħħar. Barra minn hekk, dawn iż-żewġ ftehimiet ġew konklużi f’forma ta’ ftehim wieħed. Ir-rabta bejn dawn iż-żewġ ftehimiet hija għalhekk evidenti.

813    Barra minn hekk, permezz tal-ftehim dwar trasferiment, kien hemm trasferiment ta’ valur minn Servier għal Lupin.

814    Mill-punti 812 u 813 hawn fuq jirriżulta li l-ftehim ta’ traferiment jikkostitwixxi ftehim anċillari li permezz tiegħu jgħaddi trasferiment ta’ valur mill-kumpannija ta’ verżjonijiet tal-bidu lill-kumpannija ta’ ġeneriċi. Dan huwa indikatur serju tal-fatt li t-trasferiment ta’ valur inkwistjoni ma huwiex biss il-korrispettiv tal-oġġett skambjat fil-kuntest tal-ftehim anċillari, iżda jimplika wkoll ħlas invertit (fis-sens ta’ din l‑espressjoni fil-qasam ta’ ftehimiet anċillari).

815    Barra minn hekk, huwa stabbilit li Servier ħallas lil Lupin, fil-kuntest tal‑ftehim dwar trasferiment, somma ta’ EUR 40 miljun, li tirrappreżenta ammont sinjifikattiv f’valur assolut, hekk kif il-Kummissjoni ġustament sostniet fil-premessi 1871 u 1947 tad-deċiżjoni kkontestata.

816    Issa, tali ammont kien jaqbeż il-profitti li Lupin setgħet tistenna li tikseb mid-dħul indipendenti tagħha fis-suq matul l-ewwel sentejn sa tliet snin ta’ kummerċjalizzazzjoni, kif korrettament iddikjarat il-Kummissjoni fil‑premessa 1974 tad-deċiżjoni kkontestata.

817    Huwa wkoll stabbilit li l-ammont inkwistjoni kien ogħla mill‑investimenti magħmula minn kumpannija ta’ ġeneriċi oħra komparabbli sabiex jiġi żviluppat il-perindopril speċifiku tagħha, kif enfasizzat il-Kummissjoni fil-premessa 1962 tad-deċiżjoni kkontestata.  Madankollu, tali indikatur, użat mill-Kummissjoni, huwa, kuntrarjament għal dak li jsostnu r-rikorrenti, partikolarment rilevanti.

818    Għandu jingħad ukoll li Lupin ma ttrasferixxietx privattivi iżda sempliċi applikazzjonijiet għal privattivi. Barra minn hekk, fil-ftehim kien espressament previst li Lupin ma tat l-ebda garanzija li kienet ser tingħata privattiva, li kienet ser tkun valida jew li l-prodotti jew il‑proċessi mitluba ma kinux se jkunu jiksru privattiva [Artikolu 2.2(a) tal-ftehim Lupin].

819    Fl-aħħar nett, huwa stabbilit li, jekk fir-risposti tagħhom għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, Servier u Lupin it-tnejn ċaħdu l-fatt li s-soluzzjoni bonarja kienet tiddependi mill-kundizzjonijiet tat-trasferiment tal-applikazzjonijiet għall-privattivi, Lupin kienet preċedentement indikat li t-trasferiment ta’ dawn l-applikazzjonijiet kien jagħmel parti integrali tan-negozjati relatati mal-ftehim dwar soluzzjoni bonarja tat-tilwima. Hija kienet iddeskriviet ukoll il-pagamenti riċevuti bħala “pagamenti tas-soluzzjoni bonarja” jew “ammonti tas-soluzzjoni bonarja” (premessa 1937 tad-deċiżjoni kkontestata).

820    Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti ma jipproduċu l-ebda prova speċifika li tippermetti li jiġi stabbilit li l-akkwist, għas-somma ta’ EUR 40 miljun, tal-applikazzjonijiet għal privattivi ta’ Lupin, seta’ raġonevolment jitqies bħala li jikkostitwixxi investiment profittabbli (ara, sabiex tiġi segwita l-analoġija mal-kunċett ta’ “investitur privat f’ekonomija tas-suq” mibdija fil-punt 806 hawn fuq, il-punt 84 tas‑sentenza tat-12 ta’ Diċembru 2000, Alitalia vs Il-Kummissjoni, T‑296/97, EU:T:2000:289, li fih hemm indikat li l-aġir ta’ investitur privat f’ekonomija tas-suq huwa ggwidat minn perspettivi ta’ profittabbiltà) jew, tal-inqas, ta’ natura li jiġġenera lil min jakkwista dawn l-applikazzjonijiet dħul li jista’ jagħmel tajjeb għall-ispiża għolja tal-akkwist.

821    Ċertament, ir-rikorrenti jirreferu, anki jekk b’mod xejn iddettaljat, għall-eżistenza ta’ tranżazzjonijiet li, fil-fehma tagħhom, huma komparabbli mal-ftehim dwar trasferiment iffirmat ma’ Lupin. Madankollu, dan jikkonċerna ftehimiet li fihom ir-rikorrenti kienu partijiet u li għalhekk ma jistgħux ħlief f’kapaċità anċillari jservu ta’ riferiment sabiex jiġi stabbilit li tranżazzjoni saret skont il-kundizzjonijiet normali tas-suq. Barra minn hekk, uħud minn dawn it-tranżazzjonijiet ġew ikklassifikati bħala ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni mill-Kummissjoni. Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti ma jistabbilixxux li t-teknoloġija ttrasferita fil‑kuntest ta’ dawn it-tranżazzjonijiet differenti kienet ekwivalenti għal dik inkwistjoni fil-ftehim dwar trasferiment.

822    Huwa minnu li r-rikorrenti, f’dan ir-rigward, jirreferu wkoll għall‑opinjoni ta’ persuna li tiddeskrivi ruħha bħala konsulent tal-proprjetà intellettwali. Madankollu, din il-persuna tispjega hija stess li hija tat l-opinjoni tagħha għan-nom ta’ Servier. Dan neċessarjament jillimita n-natura probatorja ta’ tali opinjoni. Fuq kollox, il-konklużjoni ta’ din l-opinjoni (“Jiena nikkunsidra għalhekk ix-xiri bħala fil-konfini tal-prattika normali ta’ kumpannija”) u l-elementi li fuqhom hija bbażata din il-konklużjoni huma ġenerali wisq biex jippermettu li jiġi stabbilit li t-trasferiment tal-ħlas inkwistjoni kien jikkorrispondi ma’ tranżazzjoni magħmula skont il-kundizzjonijiet normali tas-suq. Barra minn hekk, it‑tranżazzjonijiet użati biex iservu ta’ riferiment huma tranżazzjonijiet li fihom ipparteċipa Servier u li, għal uħud fosthom talinqas, ġew ikklassifikati bħala ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni mill-Kummissjoni.

823    Barra minn hekk, anki jekk jitqies, kif isostnu r-rikorrenti, li d‑dipartimenti tal-privattiva u ta’ produzzjoni jew ta’ servizzi oħra ta’ Servier ikkunsidraw it-teknoloġija ta’ Lupin bħala waħda “interessanti”, dan ma jippermettiex li jiġi stabbilit li t-trasferiment ta’ valur inkwistjoni ikkorrisponda ma’ tranżazzjoni magħmula skont il-kundizzjonijiet normali tas-suq.

824    Bl-istess mod, anki jekk jitqies li “l-prezz ġie nnegozjat bi tluq mit-talbiet oriġinali sa ma wasal f’livell aċċettabbli għaż-żewġ partijiet”, dan ma jippermettiex li jiġi stabbilit li t-trasferiment ta’ valur inkwistjoni ikkorrisponda ma’ tranżazzjoni magħmula skont kundizzjonijiet normali tas-suq.

825    B’hekk, il-provi prodotti mir-rikorrenti ma jippermettux, anki jekk jitqiesu b’mod kumulattiv, li jiġi konkluż li t-trasferiment ta’ valur inkwistjoni ikkorrisponda ma’ tranżazzjoni magħmula skont kundizzjonijiet normali tas-suq.

826    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-Kummissjoni, billi bbażat ruħha, b’mod partikolari, fuq il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 795 hawn fuq (premessa 1940 tad-deċiżjoni kkontestata), ikkunsidrat li “la Servier u lanqas Lupin ma setgħu jipprovdu deskrizzjoni kredibbli tal-fatturi li ddeterminaw kif waslu għas-somma finali ta’ EUR 40 miljun” (premessa 1955). Hija indikat ukoll, fil-premessa 1944 tad-deċiżjoni kkontestata, li hija kellha “raġun li tislet ċerti konklużjonijiet minn sitwazzjoni li fiha l-provi li potenzjalment jiskolpaw ma [setgħux] jiġu prodotti ħlief mill-partijiet infushom” u li “l-partijiet ma [kinux] kapaċi jipproduċu tali provi minkejja diversi talbiet ta’ informazzjoni”. Hija żiedet, fil-premessa 1964 tad-deċiżjoni kkontestata, li “Servier ma [kienx] kapaċi jipprovdi dokumenti ta’ dak iż-żmien li setgħu jitfgħu dawl dwar l-ammont iffrankat previst bl-akkwist tat-teknoloġija ta’ Lupin.” Fl-aħħar nett, hija kkonkludiet, fid-dawl, b’mod partikolari, tan-“nuqqas ta’ provi” tal‑interess kummerċjali ta’ Servier fit-teknoloġija ttrasferita minn Lupin, li t-trasferiment ta’ valur li jirriżulta mill-ftehim dwar it-trasferiment kien jirrappreżenta inċentiv sinjifikattiv (premessa 1978 tad-deċiżjoni kkontestata).

827    Fir-rigward tal-elementi kollha diskussi quddiem il-Qorti Ġenerali, għandu jiġi konkluż li l-Kummissjoni stabbilixxiet l-eżistenza ta’ ħlas invertit li ma kienx inerenti għas-soluzzjoni bonarja tat-tilwima inkwistjoni (ara l-punt 809 hawn fuq) u għalhekk ta’ inċentiv.

828    Finalment, għandu jiġi rrilevat, fir-rigward tal-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 815 sa 827 hawn fuq, li n-natura insinjifikattiva tal-vantaġġ inkwistjoni, li l-ammont tiegħu għalhekk huwa insuffiċjenti biex jitqies bħala inċentiv sinjifikattiv biex jiġu aċċettati l-klawżoli restrittivi tal-kompetizzjoni previsti mill-ftehim dwar soluzzjoni bonarja (ara l-punt 810 hawn fuq), ma ġietx stabbilita.

ii)    Fuq in-nuqqas ta’ restrizzjoni tal-isforzi tal-kumpannija ta’ ġeneriċi biex tikkompeti mal-kumpannija ta’ verżjonijiet tal-bidu

829    F’dan il-każ, il-ftehim Lupin jinkludi klawżoli ta’ nuqqas ta’ kummerċjalizzazzjoni u ta’ nuqqas ta’ kontestazzjoni, li, hekk kif intqal fil-punt 257 hawn fuq, għandhom, fihom infushom, natura restrittiva tal‑kompetizzjoni.

830    Ir-rikorrenti jsostnu madankollu li l-klawżoli ta’ nuqqas ta’ kummerċjalizzazzjoni u ta’ nuqqas ta’ kontestazzjoni inklużi fil-ftehim Lupin minux ta’ natura li jirrestrinġu l-kompetizzjoni fid-dawl tal‑limitazzjonijiet li saru minn klawżoli oħra tal‑ftehim għal din in-natura restrittiva. Għandha tiġi eżaminata l-validità ta’ tali dikjarazzjoni.

831    Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li l-prodotti msemmija mill-ftehim huma definiti fil-premessa A tiegħu, li fiha hemm riferiment għal “prodotti farmaċewtiċi li jinkludu, bħala ingredjent attiv, il-perindopril tert‑butylamine (imsejjaħ ukoll perindopril erbumina) u kull melħ ta’ dan (“il-Prodotti”).

832    Minkejja l-fatt li l-premessa A tal-ftehim Lupin tirreferi għal tilwimiet pendenti li jikkonċernaw biss, fuq livell Ewropew, hekk kif jirriżulta mill-premessi B u D tal-istess ftehim, il-privattiva 947, klawżola bħal din, fir-rigward tat-termini tagħha, ma jidhirx li kienet intiża biss għall-prodotti li jinkludu l-perindopril erbumina tal-forma alpha, jiġifieri dawk koperti mill-privattiva 947, iżda l-prodotti kollha li jinkludu l-erbumina, tkun xi tkun il-forma ta’ din.

833    Barra minn hekk, l-espressjoni “kull melħ tiegħu” hija ambigwa. Fil-fatt, minn naħa, mill-perspettiva grammatikali, it-terminu “ta’ dan” jirreferi b’mod iktar evidenti għall-perindopril tert-butylamine, jiġifieri l‑erbumina, milli għall-perindopril fit-totalità tiegħu, peress li dan tal‑aħħar ma huwiex imsemmi, bħala tali, fil-frażi. Min-naħa l-oħra, ma huwiex ikkontestat li l-erbumina huwa melħ, b’tali mod li t-terminu “ta’ dan” ma għandux jirreferi għall-erbumina iżda , b’mod iktar ġenerali, għall-perindopril kollu kemm hu.

834    Konsegwentement, huwa diffiċli li jiġi stabbilit, fir-rigward tat-termini ta’ klawżoli tal-ftehim, jekk il-prodotti msemmija minn dan il-ftehim humiex limitati għall-forma alpha tal-erbumina jew jinkludux ukoll forom oħrajn ta’ erbumina, anki mluħa oħrajn tal-perindopril.

835    Huwa f’dan il-kuntest ta’ inċertezza li għandu jiġi żgurat li l-portata tal‑klawżoli ta’ nuqqas ta’ kummerċjalizzazzjoni u ta’ nuqqas ta’ kontestazzjoni ma tkunx limitata sal-punt li dawn il-klawżoli jitilfu n‑natura restrittiva tagħhom.

836    Fl-ewwel lok, in-natura restrittiva tal-klawżola ta’ nuqqas ta’ kontestazzjoni hija evidenti, peress li l-Artikolu 1.3 tal-ftehim Lupin jipprevedi dan li ġej:

“Wara d-data ta’ dan il-Ftehim, Lupin tobbliga ruħha li ma tippruvax, direttament jew indirettament, jew tgħin jew tinkariga lil terzi, tinvoka, tinvalida jew tikkontesta b’xi mod ieħor il-Privattivi jew kull privattiva oħra miżmuma minn Servier jew mis-sussidjarji tiegħu li jipproteġu l‑perindopril, f’kull pajjiż, bl-eċċezzjoni [ta’ Stat li mhux membru taż‑ŻEE].”

837    Barra minn hekk, mill-konvenzjonijiet ta’ kitba distinti “il-Privattivi” u l-“Privattivi ta’ Servier”, adottati rispettivament fil-premessa D u fl‑Artikolu 1.3 tal‑ftehim Lupin, jirriżulta li dan l-Artikolu japplika mhux biss għall‑privattivi msemmija fil-premessi B sa D (li jinkludu l-privattiva 947), li dwarhom kienu jeżistu kawżi identifikati bejn Lupin u Servier, iżda wkoll, talinqas potenzjalment, għal numru ta’ privattivi li ma humiex identifikati individwalment u li jipproteġu l-prodotti msemmija mill-ftehim.

838    Fit-tieni lok, f’dak li jikkonċerna l-portata tal-klawżola ta’ nuqqas ta’ kummerċjalizzazzjoni, l-Artikolu 1.6 tal-ftehim Lupin jimponi fuq Lupin projbizzjoni ta’ kummerċjalizzazzjoni li tapplika għall-prodotti msemmija mill-ftehim.

839    Madankollu mid-dikjarazzjonijiet tal-Artikolu 1.6 tal-ftehim Lupin jirriżulta li, meta l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 4.1 tal-imsemmi ftehim huma ssodisfatti, Lupin tkun tista’ tbiegħ jew toffri għall-bejgħ prodotti pprovduti minn Servier jew il-prodotti tagħha stess. L‑Artikolu 4.1 jipprevedi l-kundizzjonijiet li fihom Servier huwa obbligat li jbigħ il-prodotti tiegħu lil Lupin. Din id-dikarazzjoni tkopri tliet każijiet.

840    Skont l-ewwel każ, Lupin tista’ tidħol f’wieħed mis-swieqi nazzjonali koperti mill-ftehim jekk ċerti prodotti ta’ Servier huma kkummerċjalizzati minn terzi f’dan is-suq. Skont it-tieni ipoteżi, Lupin tista’ tidħol f’tali suq jekk l-applikazzjoni għal privattiva ta’ Servier hija miċħuda jew jekk il-privattiva tiegħu se tiskadi, hija ddikjarata invalida jew hija rrevokata. Fl-aħħar nett, skont it-tielet każ, Lupin tista’ tidħol f’tali suq jekk prodott mediċinali ġeneriku mhux prodott minn Servier huwa mibjugħ f’dan is-suq - ħlief jekk Servier ressaq talba għal ordni li ma ġietx miċħuda - u jekk dan il-prodott mediċinali ġeneriku ma huwiex mibjugħ bi ksur ta’ ordni applikabbli f’dan is-suq.

841    Għalhekk, essenzjalment, id-dħul fis-suq ta’ Lupin, b’mod partikolari bil‑prodotti speċifiċi tagħha (ara l-punt 839 hawn fuq), huwa possibbli f’żewġ każijiet.

842    L-ewwel nett, id-dħul fis-suq ta’ Lupin huwa possibbli meta Servier jawtorizza l-bejgħ tal-prodotti tiegħu minn terzi, jirrinunzja milli jippreżenta applikazzjoni għal privattiva jew jirrinunzja milli jressaq talba għal ordni, jiġiferi fil-preżenza ta’ ċirkustanzi li jiddependu minn għażla diskrezzjonarja ta’ Servier li fuqha Lupin ma teżerċita l-ebda influwenza. F’dan l-ewwel każ, l-applikazzjoni tal-kundizzjonijiet previsti fl‑Artikolu 4.1 tal-ftehim Lupin ma tistax tiġi kkunsidrata bħala waħda li tikkontesta n-natura minnha nnifisha restrittiva tal-klawżola ta’ nuqqas ta’ kummerċjalizzazzjoni (ara l-punt 257 hawn fuq) u, a fortriori, bħala li tiffavorixxi d-dħul fis-suq ta’ Lupin.

843    It-tieni nett, id-dħul fis-suq ta’ Lupin huwa possibbli meta l-privattivi ta’ Servier ma jippermettulux li jopponi għal tali dħul. F’dan il-każ, l‑Artikolu 4.1 tal-ftehim Lupin ma jippermettix dħul ta’ Lupin fis-suq li jkun antiċipat meta mqabbel mal-effetti ta’ privattiva li għadha valida jew infurzabbli. Huwa limitat biex jistabbilixxi l-konsegwenzi tan-nuqqas ta’ privattiva valida jew infurzabbli billi jevita b’hekk li l-klawżola ta’ nuqqas ta’ kummerċjalizzazzjoni tkun nieqsa minn kwalunkwe rabta ma’ tali privattiva u li tippreżenta għalhekk b’mod ċar grad ta’ dannu għall‑funzjonament tajjeb tal-proċess normali tal-kompetizzjoni suffiċjenti sabiex l-inklużjoni tagħha tkun ikklassifikata bħala waħda ta’ restrizzjoni minħabba l-għan (ara l-punt 877 iktar ’il quddiem). F’dan it-tieni każ, l‑implimentazzjoni tal-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 4.1 ma tistax għalhekk tiġi kkunsidrata bħala li tikkontesta n-natura minnha nnifisha restrittiva tal-klawżola ta’ nuqqas ta’ kummerċjalizzazzjoni (ara l-punt 257 hawn fuq) u, a fortiori, li tiffavorixxi d-dħul fis-suq ta’ Lupin.

844    In-natura restrittiva tal-klawżola ta’ nuqqas ta’ kummerċjalizzazzjoni għandha għalhekk tiġi kkonstatata, minkejja d-dikjarazzjonijiet tal‑Artikolu 4.1 tal‑ftehim Lupin.

845    Il-konklużjoni preċedenti ma għandhiex tiġi kkontestata mill-argumenti l-oħra invokati mir-rikorrenti.

846    L-ewwel nett, ir-rikorrenti jsostnu li l-ftehim kien jippermetti dħul antiċipat ta’ Lupin fis-suq, jiġifieri dħul qabel id-data previdibbli tat-tmiem ta’ validità tal-privattiva 947. Għalhekk, tali dħul antiċipat inaqqas, jew saħansitra jinnewtralizza n-natura restrittiva tal-kompetizzjoni ta’ klawżola ta’ nuqqas ta’ kummerċjalizzazzjoni.

847    Għandu jiġi rrilevat, anki jekk interpretazzjoni bħal din ma tidhirx b’mod ċar minħabba l-kumplessità tat-termini tal-Artikolu 1.6 tal-ftehim Lupin, li jista’ jiġi rrikonoxxut li dan l-artiklu, moqri flimkien mal‑Artikolu 4.1(c) tal-istess ftehim, jippermetti dħul fis-suq ta’ Lupin bil-prodotti speċifiċi tagħha meta “prodott” ġeneriku li ma huwiex immanifatturat minn Servier daħal fis-suq mingħajr ksur ta’ ordni (u, barra minn hekk, mingħajr ma kien hemm eżami pendenti ta’ talba għal ordni mressqa minn Servier).

848    It-terminu “prodott”, hekk kif jidher fl-Artikolu 4.1(c) tal-ftehim Lupin, għandu, minħabba l-fatt li jibda b’ittra kapitali, jinftiehem fis-sens tal‑konvenzjoni adottata fil-premessa A ta’ dan il-ftehim, peress li dan it‑terminu jidher fih b’ittra kapitali (ara l-punt 831 hawn fuq).

849    Issa, fir-rigward tal-premessa A tal-ftehim Lupin, li tidher li qed tirreferi għal prodotti li jinkludu l-erbumina, irrispettivament mill-forma tagħha (ara l-punt 831 hawn fuq), l-Artikolu 4.1(c) ta’ dan il-ftehim jista’ jiġi interpretat, meta jirreferi għal prodotti li ma humiex mibjugħa bi ksur ta’ ordni, bħala li jkopri prodotti li jinkludu forom oħra ta’ erbumina apparti l-forma alpha. B’hekk, il-ftehim jista’ jiġi interpretat bħala li jawtorizza lil Lupin biex tidħol fis-suq wara t-tqegħid eventwali fis-suq minn terz ta’ perindopril ġeneriku li jinkludi l-erbumina tal-forma non‑alpha.

850    Barra minn hekk, it-termini ambigwi tal-premessa A tal-ftehim Lupin joħolqu wkoll inċertezza rigward il-fatt li l-Artikolu 4.1(c) tal-istess ftehim jista’ jiġi interpretat, meta jirreferi għall-prodotti li ma humiex mibjugħa bi ksur ta’ ordni, bħala li jkopri wkoll prodotti li ma fihomx erbumina (ara l-punt 833 hawn fuq). Dan għalhekk jista’ jwassal għall‑konklużjoni li l-ftehim kien jawtorizza lil Lupin biex tidħol fis-suq wara t-tqegħid eventwali fis-suq minn terz tal-perindopril ġeneriku kollu ppreżentat fil-forma ta’ melħ, inkluż meta jkun melħ ieħor apparti l‑erbumina.

851    Jista’ għalhekk jiġi konkluż li l-ftehim kien jipprevedi dħul fis-suq ta’ Lupin, bil-prodotti speċifiċi tagħha, antiċipat meta mqabbel mal-perijodu prevedibbli tal-validità tal-privattiva 947 peress li kull tqegħid fis-suq minn terz ta’ prodotti li ma fihomx l-erbumina tal-forma alpha, minħabba li ma setax jikser ordni intiża sabiex tipproteġi din il-privattiva, kienet tippermetti lil Lupin, min-naħa tagħha, li tidħol fis-suq bil-prodotti tagħha stess.

852    Madankollu, minħabba l-inċertezzi fir-rigward tal-portata tal-Artikoli 1.6 u 4.1 tal‑ftehim Lupin, esposti fil-punti 846 sa 850 hawn fuq, Lupin setgħet tibża’ li l-klawżola ta’ nuqqas ta’ kummerċjalizzazzjoni tkompli tiġi implimentata wara t-tqegħid fis-suq, minn terz, ta’ perindopril ġeneriku magħmul minn forma non-alpha ta’ erbumina jew ta’ perindopril ġeneriku li ma fihx l-erbumina. Dubju bħal dan kien ta’ natura li jiddiswadiha milli tidħol fis-suq. Ma’ dan tiżdied inċertezza addizzjonali relatata mal-fatt li, anki fil-każ fejn tintuża interpretazzjoni wiesgħa tal‑kunċett ta’ “prodott” (fejn dan il-kunċett jinkludi kull melħ ta’ perindopril), Servier xorta jista’ jintroduċi talba għal ordni, inkluż għal prodott li fir-rigward tiegħu huwa evidenti li ma jikser l-ebda waħda mill-privattivi tiegħu, b’mod partikolari l-privattiva 947, li konsegwentement tipprekludi l-applikazzjoni tal-Artikolu 4.1(c) tal‑ftehim Lupin sakemm talba bħal din tkun miċħuda.

853    F’dan ir-rigward, barra minn hekk għandu jiġi rrilevat li, f’dak li jirrigwarda s-suq Franċiż, il-partijiet skambjaw diversi messaġġi fuq il-kwistjoni jekk id-dħul fis-suq ta’ Sandoz jippermettix lil Lupin li tidħol min-naħa tagħha. F’ittra tas‑17 ta’ Marzu 2009, Lupin għalhekk staqsiet lil Servier jekk dan jopponix id-dħul tagħha fis-suq Franċiż. Servier, b’ittra tal-31 ta’ Marzu 2009, illimita ruħu sabiex jindika li l-prodott ta’ Sandoz ma kien jikser l-ebda wieħed mill‑privattivi tiegħu. Wara din ir-risposta, Lupin ħassitha obbligata li titlob, b’ittra tat‑3 ta’ April 2009, spjegazzjonijiet lil Servier. Hija kitbet, b’mod partikolari, dan li ġej:

“Lupin ma taħsibx li Servier għandu xi raġuni valida biex jopponi l‑bejgħ minn Lupin tal-prodott tagħha b’bażi ta’ perindopril erbumina fi Franza lill-imsieħeb/imsieħba lokali tiegħu, lanqas il-bejgħ mill-ġdid ta’ dan il-prodott minn dawn l-imsieħeb/imsieħba Franċiż/i. L-ittra tiegħek tal‑31 ta’ Marzu 2009 ma tindikax b’mod ċar jekk Servier jaqbilx ma’ wieħed minn dawn il-punti. Jekk Servier ma jaqbilx, jekk jogħġbok ipprovdi spjegazzjoni kompluta tal-pożizzjoni tiegħu qabel id‑9 ta’ April 2009 sal-ħin ta’ tmiem l-attività.”

854    B’hekk, l-eżistenza nnifisha tal-ittri ta’ Lupin u l-kontenut tal-aħħar waħda fosthom juru l-inċertezzi tagħha fir-rigward tal-possibbiltà tad-dħul fis-suq Franċiż mingħajr ma jinkiser il-ftehim.

855    Konsegwentement, in-natura restrittiva tal-klawżola ta’ nuqqas ta’ kummerċjalizzazzjoni għandha tiġi kkonstatata irrispettivament mill‑interpretazzjoni mogħtija tal-premessa A tal-ftehim Lupin, u dan iktar u iktar peress li l-inċertezzi li jirriżultaw mill-kumplessità ta’ ftehim jew min-natura ambigwa tat-termini tiegħu ma għandhomx jippermettu lill-partijiet li jeżentaw ruħhom mir-responsabbiltà tagħhom fir-rigward tad-dritt tal-kompetizzjoni.

856    Anki jekk l-interpretazzjoni tal-ftehim ippreżentata fil-punt 851 hawn fuq tinżamm, in-natura ipotetika tal-avvenimenti msemmija fi tmiem il‑punti 849 u 850 hawn fuq, jiġifieri t-tqegħid fis-suq minn terz ta’ prodott ġeneriku, tipprekludi li wieħed jikkonkudi li n‑natura restrittiva tal-klawżola ta’ nuqqas ta’ kummerċjalizzazzjoni hija nnewtralizzata u għalhekk l-assenza ta’ ksur f’dan ir-rigward. Fil-fatt, għandha ssir distinzjoni minn naħa, bejn il-kwistjoni tal-eżistenza nnifisha tal-ksur, li ma tistax tiġi kkontestata fil-kawża mis-sempliċi possibbiltà li jseħħu avvenimenti futuri u, min-naħa l-oħra, dik tal-perijodu tal-ksur, li tista’ tiddependi mill-fatt li dawn l-avvenimenti jseħħu.

857    Barra minn hekk, id-dħul antiċipat ta’ Lupin jiddependi, fi kwalunkwe każ, mit-tqegħid fis-suq minn terz ta’ prodott ġeneriku, jiġifieri minn ċirkustanza li hija estranea għall-partijiet għall-kuntratt kif ukoll inċerta. Dan id-dħul ma jirriżultax għalhekk minn għażla ċara ta’ dawn li huma jistgħu jinvokaw biex jistabbilixxu li l-ftehim li jgħaqqadhom, u, b’mod partikolari, il-klawżola ta’ nuqqas ta’ kummerċjalizzazzjoni li tinsab f’dan il-ftehim, ma għandhomx natura li tirrestrinġi l-kompetizzjoni.

858    It-tieni nett, huwa minnu li l-ftehim Lupin jipprevedi fl-Artikolu 4.2 tiegħu l-adozzjoni futura ta’ ftehim dwar il-provvista bejn il-partijiet. Madankollu, l-implimentazzjoni ta’ dan il-ftehim tiddependi mill-fatt li waħda mill-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 4.1 tal-ftehim Lupin tkkun issodisfatta. Peress li, kif deskritt hawn fuq, l-implimentazzjoni ta’ dan l‑aħħar artikolu ma tippermettix li jiġi konkluż li l-klawżola ta’ nuqqas ta’ kummerċjalizzazzjoni ma għandhiex natura restrittiva, l-istess jgħodd għall-ftehim dwar il-provvista msemmi fl-Artikolu 4.2.

859    Barra minn hekk, jista’ jiġi rrilevat li l-ebda ftehim dwar il-provvista ma’ ġie konkluż bejn il-partijiet. Barra minn hekk, fil-ftehim Lupin ma kienx previst li n-nuqqas ta’ adozzjoni ta’ ftehim dwar il-provvista kien jinvolvi konsegwenzi legali sinjifikattivi għall-partijiet, bħal dawk, pereżempju, tax-xoljiment tal-ftehim Lupin kollu kemm hu jew tal-klawżoli ta’ nuqqas ta’ kummerċjalizzazzjoni u ta’ nuqqas ta’ kontestazzjoni inklużi fih. B’hekk, anki jekk jitqies li ftehim dwar il-provvista jista’ jiġi kkunsidrat bħala li jista’ jiffavorixxi d-dħul fis-suq ta’ kumpannija ta’ ġeneriċi li tkun kompetitur potenzjali tal-kumpannija ta’ verżjonijiet tal-bidu, f’dan il-każ il-ftehim Lupin, li kien jipprevedi biss il-prinċipju ta’ ftehim dwar il-provvista mingħajr ma jikkwalifika dan il-prinċipju b’miżuri jew sanzjonijiet li jistgħu jiżguraw it-twettiq tiegħu, ma jistax jiġi kkunsidrat bħala li jiffavorixxi d-dħul fis-suq ta’ Lupin.

860    Ċertament, mill-Artikolu 4.2 tal-ftehim Lupin jirriżulta li l-ftehim dwar il-provvista kien intiż sabiex jippermetti l-applikazzjoni tal-Artikolu 4.1 tal-ftehim Lupin, li kien jipprevedi obbligu “qawwi” ta’ Servier biex jipprovdi l-“prodotti”, fis-sens ta’ dan il-ftehim, lil Lupin. Madankollu, il-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punt 859 hawn fuq iwasslu biex ippoġġu f’perspettiva n-natura vinkolanti tal-obbligu meħud minn Servier.

861    It-tielet nett, jekk ir-rikorrenti jsostnu li interpretazzjoni tal-Artikolu 1.3 tal-ftehim Lupin li l-klawżola ta’ nuqqas ta’ kontestazzjoni tapplika lil hinn milli sempliċement għall-privattiva 947 għandha twassal għall-kunsiderazzjoni, fid-dawl tal-Artikolu 1.7 tal-istess ftehim, li Lupin kellha liċenzja b’xejn fuq dawn il-privattivi kollha, allegazzjoni bħal din hija żbaljata fir‑rigward tat-termini ta’ din l-aħħar klawżola, hekk kif ġew tradotti fil‑lingwa tal-proċedura mir-rikorrenti u li jipprevedu li:

“Biex tiġi evitata kwalunkwe konfużjoni, dan il-ftehim ma jagħti lil Lupin l-ebda dritt jew l-ebda liċenzja, fl-ebda ġurisdizzjoni, fuq il-Privattivi ta’ Servier, filwaqt li huwa mifhum li la Servier, u lanqas is-sussidjarji tiegħu, utenti ta’ liċenzja u/jew aventi kawża tal-Privattivi ta’ Servier ma għandhom jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom fuq il-privattivi ta’ Servier li jikkonċernaw l-eżerċizzju minn Lupin tad-dritt tagħha li tbigħ il-Prodotti mmanifatturati minn Lupin/Lupin (Europe) Limited mogħtija skont l‑Artikolu 1.6.”

862    Fil-fatt, din id-dikjarazzjoni ma hijiex ċara wisq minħabba l-kontradizzjoni, għallinqas evidenti, bejn l-ewwel parti tas-sentenza (dan il-ftehim ma jagħti lil Lupin l-ebda dritt jew l-ebda liċenzja, fl-ebda ġurisdizzjoni, fuq il-Privattivi ta’ Servier) u l-parti li ssegwi [huwa mifhum li la Servier, u lanqas is-sussidjarji tiegħu, utenti ta’ liċenzja u/jew aventi kawża tal-Privattivi ta’ Servier ma għandhom jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom fuq il-privattivi ta’ Servier li jikkonċernaw l-eżerċizzju minn Lupin tad-dritt tagħha li tbigħ il-Prodotti mmanifatturati minn Lupin/Lupin (Europe) Limited mogħtija skont l‑Artikolu 1.6]. Barra minn hekk, in-natura obbligatorja tal-ewwel parti tas-sentenza ma tidhirx evidenti, għaliex l‑ebda dikjarazzjoni tal-ftehim ma kienet tagħti x’tifhem li Lupin kellha liċenzja għal drittijiet oħra apparti dawk relatati mat-teknoloġija li hija ttrasferixxiet lil Servier. Barra minn hekk, l-artiklu jsir iktar kumpless biex jinftiehem minħabba l-fatt li jirreferi għall-Artikolu 1.6 tal-ftehim Lupin li, min-naħa tiegħu, jirreferi għall-Artikolu 4.1 tal-imsemmi ftehim, li jipprevedi l-kundizzjonijiet li fihom Lupin tista’ tidħol fis-suq bil-prodott speċifiku tagħha. B’hekk, mill-kliem tiegħu stess, l‑Artikolu 1.7 seta’ jqajjem dubju li seta’ jiskoraġġixxi lil Lupin milli tidħol fis-suq.

863    Barra minn hekk, in-nuqqas ta’ użu minn Servier tad-drittijiet tiegħu fil‑qasam tal-privattivi fir-rigward ta’ Lupin jiddependi mill-fatt li waħda mill-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 4.1 tal-ftehim Lupin (li għalih jirreferi l-Artikolu 1.6 tal-imsemmi ftehim) hija ssodisfatta. Inkwantu, hekk kif intqal fil-punt 844 u 855 hawn fuq, l-implimentazzjoni tal‑Artikolu 4.1 ma tippermettix li jiġi konkluż li l-klawżola ta’ nuqqas ta’ kummerċjalizzazzjoni ma kellhiex natura restrittiva, l-istess jgħodd għall-implimentazzjoni tal-Artikolu 1.7 tal-istess ftehim, u dan inkluż meta l-espressjoni “Privattivi ta’ Servier” hija mifhuma b’mod wiesa’ li tinkludi l-privattivi li huma relatati mhux biss mal-forma alpha tal‑erbumina, iżda wkoll ma’ forom oħrajn ta’ erbumina, anki ta’ mluħa oħrajn ta’ perindopril.

864    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-Kummissjoni korrettament setgħet tikkonkludi dwar l-eżistenza ta’ restrizzjoni tal‑isforzi ta’ Lupin li tikkompeti ma’ Servier.

iii) Fuq in-nuqqas ta’ ksur

865    Fir-rigward tal-kunsiderazzjonijiet żviluppati fil-punti 789 sa  864 hawn fuq, jista’ jiġi rrilevat li kemm l-eżistenza ta’ vantaġġ ta’ inċentiv kif ukoll dik ta’ limitazzjoni korrelattiva tal-isforzi ta’ Lupin li tikkompeti ma’ Servier kienu kkonstatati korrettament mill-Kummissjoni.

866    Issa, hekk kif intqal fil-punt 272 hawn fuq, fil-kuntest tal-ftehimiet dwar soluzzjoni bonarja ta’ tilwimiet relatati mal-privattivi, il-klassifikazzjoni ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan tippreżumi l-preżenza, fi ħdan il-ftehim dwar soluzzjoni bonarja, kemm ta’ vantaġġ ta’ inċentiv fir-rigward tal-kumpannija ta’ ġeneriċi u ta’ limitazzjoni korrelattiva tal‑isforzi tagħha biex tikkompeti mal-kumpannija ta’ verżjonijiet tal‑bidu. Meta dawn iż-żewġ kundizzjonijiet jiġu ssodisfati, tkun meħtieġa konstatazzjoni ta’ inċentiv.

867    Fil-preżenza ta’ ftehim dwar soluzzjoni bonarja fil-qasam tal-privattivi li jinkludu klawżoli ta’ nuqqas ta’ kummerċjalizzazzjoni u ta’ nuqqas ta’ kontestazzjoni, li n-natura intrinsikament restrittiva tagħhom ma ġietx validament ikkontestata, l-eżistenza ta’ inċentiv tal-kumpannija ta’ ġeneriċi li tissottometti ruħha għal dawn il-klawżoli sservi bħala bażi għall-konstatazzjoni ta’ restrizzjoni minħabba l-għan (ara l-punt 273 hawn fuq).

868    F’dan il-każ, il-konstatazzjoni ta’ inċentiv sinjifikattiv (ara l-punt 828 hawn fuq) tippermetti lill-Kummissjoni li tikkonkludi li kien hemm restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan.

869    Konsegwentement, kuntrarjament għal dak li jsostnu r-rikorrenti, il‑Kummissjoni setgħet korrettament tikkonkludi fid-deċiżjoni kkontestata l-eżistenza ta’ restrizzjoni minħabba l-għan.

870    Madankollu, ir-rikorrenti, billi jibbażaw ruħhom fuq il-portata tal-klawżoli ta’ nuqqas ta’ kummerċjalizzazzjoni u ta’ nuqqas ta’ kontestazzjoni, jikkritikaw, essenzjalment, id-delimitazzjoni materjali tal-ksur li ntużat mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata.

871    Hekk kif intqal fil-punt 834 hawn fuq, huwa diffiċili li jiġi stabbilit, fid‑dawl tat-termini użati fil-klawżoli tal-ftehim Lupin, jekk il-prodotti msemmija minn dan il-ftehim kinux limitati għall-forma alpha tal-erbumina jew kinux jinkludu wkoll forom oħra ta’ erbumina, u anki mluħa oħra ta’ perindopril.

872    Issa, il-portata tal-klawżola ta’ nuqqas ta’ kummerċjalizzazzjoni tiddependi mid-definizzjoni tal-kunċett ta’ “prodotti” li ġiet użata, peress li kemm l-Artikolu 1.6 tal-ftehim Lupin kif ukoll l-Artikolu 4.1 ta’ dan il-ftehim, li għalih jirreferi l-Artikolu 1.6, jirreferu għal dan il-kunċett.

873    Barra minn hekk, f’dak li jikkonċerna l-portata tal-klawżola ta’ nuqqas ta’ kontestazzjoni, din kienet tapplika mhux biss għall-privattivi msemmija fil‑premessi B sa D tal-ftehim Lupin (inkluża l-privattiva 947), iżda wkoll għal numru ta’ privattivi li ma kinux speċifikament identifikati u li d-delimitazzjoni tagħhom kienet tiddependi mill-kunċett ta’ “prodotti”, hekk kif kienet prevista mill-ftehim (ara l-punt 836 hawn fuq).

874    Kif il-Kummissjoni korrettament indikat fid-deċiżjoni kkontestata (premessa 1912), it-termini tal-ftehim ħolqu inċertezza fir-rigward tal‑kamp ta’ applikazzjoni tal-klawżoli ta’ nuqqas ta’ kummerċjalizzazzjoni u ta’ nuqqas ta’ kontestazzjoni.

875    B’hekk, it-termini tal-ftehim Lupin ħolqu dubju fuq il-fatt li l-klawżola ta’ kummerċjalizzazzjoni tista’ tiġi applikata għal kull forma ta’ erbumina, jiġifieri għal imluħa oħra ta’ perindopril minbarra l-erbumina, u li l-klawżola ta’ nuqqas ta’ kontestazzjoni tista’ tiġi applikata għal privattivi oħra minbarra l-privattiva 947, b’mod partikolari privattivi li jkopru prodotti li ma fihomx erbumina. Tali dubju kien ta’ natura li jiskoraġġixxi lil Lupin, minn naħa waħda, li tidħol fis-suq, inkluż bi prodotti li jinkludu forom oħra ta’ erbumina minbarra l-forma alpha, jiġifieri mluħa oħra ta’ perindopril minbarra l-erbumina, u, min-naħa l‑oħra, li tikkontesta privattivi li jkopru l-perindopril li jkun fih forom oħra ta’ erbumina minbarra l-forma alpha, u anki mluħa oħra ta’ perindopril minbarra l-erbumina.

876    Għandu jiġi kkunsidrat ukoll il-fatt li l-ambigwitajiet fir-redazzjoni inkwistjoni huma inklużi fi ftehim li fir-rigward tiegħu l-Kummissjoni korrettament ikkunsidrat li kien jikkostitwixxi ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni f’dak li jikkonċerna l‑klawżola ta’ nuqqas ta’ kummerċjalizzazzjoni u dik ta’ nuqqas ta’ kontestazzjoni relatata mal-privattiva 947 u l-prodotti li din il‑privattiva tkopri (ara l-punt 869 hawn fuq). Fl-aħħar nett, huwa stabbilit li l-partijiet għall-ftehim kellhom mezzi suffiċjenti biex jirrikorru għand professjonisti kapaċi, anki jekk kellhom żmien qasir biex jagħmlu dan, sabiex jillimitaw ambigwitajiet bħal dawn. Fid-dawl tal‑kunsiderazzjonijiet preċedenti, il-Kummissjoni setgħet, korrettament, tikkonkludi li l-kamp ta’ applikazzjoni tal-klawżola ta’ nuqqas ta’ kummerċjalizzazzjoni kienet testendi ruħha għal prodotti li ma jinkludux erbumina u, a fortiori, li jinkludu forom oħra minbarra l-forma alpha tagħha, u li l-kamp ta’ applikazzjoni tal-klawżola ta’ nuqqas ta’ kontestazzjoni kien jestendi, lil hinn mill-privattiva 947, għal kull privattiva li hija relatata ma’ dawn il-prodotti (premessi 1912 u 1918 tad-deċiżjoni kkontestata).

877    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-eżistenza ta’ klawżoli ta’ nuqqas ta’ kummerċjalizzazzjoni u ta’ nuqqas ta’ kontestazzjoni, inkwantu l‑portata tagħhom testendi lil hinn mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ privattiva identifikata b’mod distintiv u tal-prodotti koperti minnha, tippreżenta b’mod ċar livell ta’ dannu għall-funzjonament tajjeb tal‑proċess normali tal-kompetizzjoni b’mod suffiċjenti sabiex l‑inklużjoni ta’ dawn il-klawżoli tkun ikklassifikata bħala restrizzjoni minħabba l-għan, mingħajr ma jkun hemm il-bżonn li turi, minbarra dan, l-eżistenza ta’ inċentiv. Fil-fatt, għalhekk, dawn il-klawżoli ma jistgħu jsibu l-ebda leġittimità fis-soluzzjoni bonarja ta’ tilwima relatata ma’ privattiva identifikata u l-effetti restrittivi tagħhom ma jitħalltux mal-effetti ta’ din il-privattiva (ara l-punti 257 sa 261 hawn fuq).

878    Anki jekk jitqies li l-Kummissjoni ddikjarat b’mod żbaljat li l-ksur inkwistjoni kien jikkonċerna forom oħra ta’ erbumina minbarra l-forma alpha protetta mill-privattiva 947, u anki mluħa oħrajn minbarra l‑erbumina, żball bħal dan, fir-rigward tar-rwol limitat u anċillari li għandha din il-konstatazzjoni fir-raġunament tal-Kummissjoni, ma jistax jikkontesta l-konklużjoni li għaliha waslet il-Kummissjoni fir-rigward tal-eżistenza ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan li tirriżulta mill-ftehim Lupin. Fil-fatt, ir-raġunament tal-Kummissjoni jibbaża ruħu sostanzjalment fuq l-eżistenza ta’ inċentiv li jippermetti, minkejja li l-portata ta’ klawżoli restrittivi tal-ftehim dwar soluzzjoni bonarja tillimita ruħha għall-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din il-privattiva, li jiġi konkluż li hemm użu anormali ta’ privattiva (ara l-punti 253 sa 274 hawn fuq).

879    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-motiv tar-rikorrenti li jirrigwarda kemm l-eżistenza ta’ restrizzjoni minħabba l-għan kif ukoll id-delimitazzjoni ta’ tali restrizzjoni użata mill-Kummissjoni għandu jiġi miċħud.

880    Il-konklużjoni preċedenti ma tistax tiġi kkontestata bl-argumenti l-oħra tar-rikorrenti.

881    L-ewwel nett, fir-rigward tal-elementi li għandhom l-għan li juru li l‑intenzjonijiet tar-rikorrenti, kif ukoll dawk ta’ Lupin, kienu leġittimi, għandu jitfakkar, minn naħa, li fil-kuntest tal-ftehimiet dwar soluzzjoni bonarja ta’ tilwimiet fil-qasam tal-privattivi, il-klassifikazzjoni ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan tinvolvi l-preżenza, fi ħdan il-ftehim dwar soluzzjoni bonarja, ta’ vantaġġ ta’ inċentiv fir‑rigward tal-kumpannija ta’ ġeneriċi u ta’ limitazzjoni korrelattiva tal‑isforzi ta’ din biex tikkompeti mal-kumpannija ta’ verżjonijiet tal‑bidu. Meta dawn iż-żewġ kundizzjonijiet huma ssodisfatti, tkun meħtieġa konstatazzjoni ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l‑għan (ara l-punt 272 hawn fuq). Min-naħa l-oħra, is-sempliċi fatt li ftehim isegwi wkoll għanijiet leġittimi ma huwiex biżżejjed biex jipprekludi klassifikazzjoni ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan (ara l-punt 222 hawn fuq).

882    Minn dan jirriżulta li l-argumenti tar-rikorrenti invokati fil-kuntest ta’ dan il-motiv, li l-motivi li wassluhom, lilhom u lil Lupin, li jikkonkludu l-ftehim Lupin kienu leġittimi, ma jistgħux jinvalidaw il-klassifikazzjoni ta’ dan il-ftehim bħala restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan li l-Kummissjoni korrettament użat u li ġiet ikkonfermata hawn fuq (ara l-punti 869 u 879 hawn fuq). Għaldaqstant, dawn l-argumenti għandhom jiġu miċħuda.

883    Dan japplika speċifikament, l-ewwel nett, għall-argument li Lupin ma kellhiex iktar interess li tkompli l-proċeduri ġudizzjarji, it-tieni nett, għall‑argument ibbażat fuq il-fatt li Lupin kienet tat bidu għas-soluzzjoni bonarja u, it-tielet nett, għall-argument ibbażat fuq il-fatt li Servier ma kellux interess li jipproteġi s-sitwazzjoni kompetittiva tiegħu fir-rigward ta’ Lupin jekk ma għamilx l-istess ma’ Apotex.

884    It-tieni nett, jekk ir-rikorrenti jsostnu li l-klawżola ta’ nuqqas ta’ kontestazzjoni ma setax ikollha effetti restrittivi fuq il-kompetizzjoni mill-fatt, b’mod partikolari, li kienu jeżistu kawżi parallelli u li Lupin ma kellhiex intenzjoni li tibda proċeduri legali ġodda, xorta jibqa’ l-fatt li, sakemm il-ftehim Lupin jippreżenta livell ta’ dannu suffiċjenti biex jiġi kklassifikat bħala restrizzjoni minħabba l-għan, l-eżami tal-effetti konkreti ta’ dan il-ftehim, u b’mod partikolari tal-klawżola ta’ nuqqas ta’ kontestazzjoni inkluża fih, ma kienx neċessarju (ara l-punt 219 hawn fuq).

885    Għall-istess raġunijiet, għandu jiġi miċħud l-argument tar-rikorrenti li l‑klawżola ta’ nuqqas ta’ kummerċjalizzazzjoni ma setax, inkluż sa fejn il-portata tagħha kienet tmur lil hinn minn dik tal-privattiva 947, ikollha effetti restrittivi fuq il-kompetizzjoni minħabba l-fatt, b’mod partikolari, tan-nuqqas ta’ possibbiltajiet reali u konkreti għal Lupin li tkun l-ewwel li tidħol fis-suq bi prodott li ma jiksirx privattiva.

886    It-tielet nett, meta jallegaw in-natura ipotetika tal-effetti restrittivi tal‑klawżola ta’ nuqqas ta’ kummerċjalizzazzjoni, ir-rikorrenti jistgħu jiġu kkunsidrati bħala li qed jikkontestaw fir-realtà l-eżistenza ta’ kompetizzjoni potenzjali. Issa, hawn fuq ġie stabbilit li Lupin kienet kompetitur potenzjali ta’ Servier.

887    Ir-raba’ nett, għandu jitfakkar li, meta tiġi kkonstatata l-eżistenza ta’ inċentiv, il-partijiet ma jistgħux jibqgħu jużaw ir-rikonoxximent tagħhom, fil-kuntest tas-soluzzjoni bonarja, tal-validità ta’ privattiva. Il‑fatt li l-validità tal-privattiva tkun ikkonfermata minn awtorità ġudizzjarja jew amministrattiva huwa, f’dan ir-rigward, irrilevanti (ara l‑punt 269 hawn fuq). Għalhekk, ir-rikorrenti ma għandhomx bażi sabiex jużaw xenarju, li barra minn hekk huwa ipotetiku, li fih il-validità tal-privattiva 947 hija ikkonfermata kemm mill-qrati tar-Renju Unit u anki mill-UEP.

888    Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li dan il-motiv għandu jiġi miċħud.

iv)    Fuq il-motiv invokat b’mod sussidjarju minn Servier u relatat maliżball fid-determinazzjoni tat-tul tal-ksur

889    Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni ma setgħetx tiskatta l-perijodu tal-ksur qabel ma’ Lupin kisbet l-ATS tagħha.

890    B’argument bħal dan, ir-rikorrenti fil-verità jikkontestaw l-eżistenza ta’ kompetizzjoni potenzjali. Issa, fil-punt 751 hawn fuq, ġie kkonstatat li fil-mument li fih sar il-ftehim, Lupin kienet kompetitur potenzjali ta’ Servier.

891    Fit-tieni lok, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni kellha tikkonkludi, kif għamlet għas-suq Franċiż, li l-ksur fil-Belġju, fir-Repubblika Ċeka, fl‑Irlanda u fl-Ungerija kien waqaf fil-mument meta Sandoz daħlet f’dawn is-swieq bi prodott ġeneriku tal-perindopril li ma kienx jikser il‑privattiva 947, jiġifieri, rispettivament, f’Ġunju 2008, f’Lulju 2008, f’Diċembru 2008 u f’Jannar 2009.

892    Għalhekk għandu jiġi stabbilit jekk il-Kummissjoni kkonkludietx b’mod żbaljat li l-ksur kompla lil hinn mid-dati msemmija fil-punt 891 hawn fuq fl-Istati Membri kkonċernati.

893    Preliminarjament, għandu jiġi spjegat li l-prodott ġeneriku li bih Sandoz daħlet fis-suq huwa forma ta’ perindopril erbumina magħmul minn “melħ amorfuż (ħieles mill-kristallina), li għalhekk ma fihx kristallini alpha protetti bil-privattiva 947” (premessa 212 tad-deċiżjoni kkontestata).

894    Għandu jitfakkar ukoll (ara l-punt 847 hawn fuq) li anki jekk tali interpretazzjoni ma tidhirx b’mod evidenti mill-kumplessità tal-kliem tal‑Artikolu 1.6 tal-ftehim Lupin, jista’ jiġi aċċettat li dan l-artikolu, moqri flimkien mal-Artikolu 4.1(c) tal-istess ftehim, jippermetti dħul fis‑suq ta’ Lupin bil-prodotti tagħha stess meta “prodott” ġeneriku li ma huwiex immanifatturat minn Servier ikun daħal fis-suq mingħajr ksur ta’ ordni u mingħajr ma talba għal ordni ppreżentata minn Servier kienet għadha ġiet miċħuda.

895    It-terminu “prodott”, kif jidher fl-Artikolu 4.1(c) tal-ftehim Lupin, għandu, peress li jibda b’ittra kapitali, jiġi mifhum fis-sens tal‑konvenzjoni adottata fil-premessa A ta’ dan il-ftehim.

896    Issa, id-determinazzjoni tal-prodotti msemmija fil-premessa A tal-ftehim Lupin hija partikolarment delikata (ara l-punti 832 u 833 hawn fuq), li għalhekk tagħmel diffiċli l-applikazzjoni tal-Artikolu 4.1(c) ta’ dan il‑ftehim (ara l-punti 849 u 850 hawn fuq).

897    B’hekk kienet teżisti inċertezza dwar id-delimitazzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 4.1(c) tal-ftehim Lupin u għalhekk, ukoll, dwar il-possibbiltà li tiġi applikata l-klawżola ta’ nuqqas ta’ kummerċjalizzazzjoni li tinsab fl-Artikolu 1.6 ta’ dan il-ftehim (ara l‑punt 852 hawn fuq), b’mod partikolari fil-każ ta’ dħul fis-suq ta’ prodott, bħal dak ta’ Sandoz, li kien fih l-erbumina ta’ forma non-alpha.

898    Mill-inċertezzi dwar il-portata tal-Artikoli 1.6 u 4.1 tal-ftehim Lupin, esposti fil-punti 894 sa 897 hawn fuq, Lupin setgħet tibża’ li l-klawżola ta’ nuqqas ta’ kummerċjalizzazzjoni tibqa’ tapplika wara t‑tqegħid fis-suq minn terz tal-perindopril ġeneriku magħmul minn forma non-alpha tal-erbumina jew ta’ perindopril ġeneriku mhux magħmul minn erbumina. Dubju bħal dan kien ta’ natura li jiddiswadi d-dħul fis‑suq.

899    Din il-biża’ setgħet tiġi sostnuta minħabba l-fatt li, fi kwalunkwe każ, Servier xorta seta’ jressaq talba għal ordni inkluż għal prodott li evidentement ma kien jikser l-ebda waħda mill-privattivi tiegħu, b’mod partikolari l-privattiva 947, li konsegwentement kien jipprekludi l‑applikazzjoni tal-Artikolu 4.1(c) tal-ftehim Lupin sakemm tali talba tiġi miċħuda (ara l-punt 852 hawn fuq).

900    F’dan ir-rigward, ittri ta’ Lupin juru l-inċertezzi tagħha dwar il-possibbiltà li tidħol fis-suq Franċiż mingħajr ma tikser il-ftehim (ara l‑punt 853 hawn fuq) u, konsegwentement, il-klawżola ta’ nuqqas ta’ kummerċjalizzjoni li hija kompliet tapplika fuq dan is-suq talinqas sa dan l-iskambju ta’ ittri li jidher li ntemm mhux qabel il-bidu ta’ April 2009, jiġifieri ftit aktar minn xahar qabel is-6 ta’ Mejju 2009, li hija d-data użata mill-Kummissjoni sabiex tikkonstata t-tmiem tal-ksur fir-rigward tal-Belġju, tar-Repubblika Ċeka, tal-Irlanda u tal-Ungerija. Bl-istess mod, ittra ta’ Servier, imsemmija fil-punt 853 hawn fuq, ma tippermettix li jiġi konkluż li dan kien jikkunsidra, b’mod ċar u evidenti, li Lupin setgħet tidħol fis-suq.

901    A fortiori, fir-rigward tal-erba’ swieq imsemmija fil-punt 900 hawn fuq, ir-rikorrenti ma jippreżentaw l-ebda prova li tippermetti li jiġi stabbilit li qabel is-6 ta’ Mejju 2009 Servier u Lupin kienu ħadu inkunsiderazzjoni id-dħul suċċessivi ta’ Sandoz f’dawn is-swieq u li, minkejja l-inċertezzi marbuta mal-ambigwità tal-ftehim, huma kienu jikkunsidraw li l‑klawżola ta’ nuqqas ta’ kummerċjalizzazzjoni ma kinitx għadha fis-seħħ.

902    Issa, il-fatt li l-klawżola ta’ nuqqas ta’ kummerċjalizzazzjoni, minħabba l-fatt tal-inċertezzi marbuta mal-ambigwità tal-ftehim, baqgħet fis-seħħ, u b’hekk uriet iż-żamma tal-qbil bejn il-partijiet – eventwalment f’kontradizzjoni mal-interpretazzjoni tal-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tal-klawżola, li, a posteriori, setgħet tintuża, b’mod partikolari, minn qorti kompetenti abbażi tal-kuntratt –, kien biżżejjed sabiex jippermetti lill-Kummissjoni tikkonstata li l-qbil bejn Servier u Lupin, u għalhekk il-ksur, kompla minkejja d-dħul fis-suq ta’ Sandoz.

903    Fi kwalunkwe każ, anki jekk il-ftehim ma baqax fis-seħħ b’mod formali b’effett mid-dħul ta’ Sandoz fis-suq, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti (ara l-punti 900 u 901 hawn fuq), għandu jiġi konkluż li l‑klawżola ta’ nuqqas ta’ kummerċjalizzazzjoni baqgħet tiġi applikata minn Servier u Lupin wara d-dħul suċċessivi ta’ Sandoz fl-erba’ swieq inkwistjoni.

904    Huwa veru, fir-rigward, bħal f’dan il-każ, ta’ restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni minħabba l-għan, li t-teħid inkunsiderazzjoni tal‑effetti konkreti tagħhom fis-suq huwa superfluwu sabiex tiġi stabbilita l‑eżistenza ta’ ksur (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-8 ta’ Lulju 1999, Il‑Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, C‑49/92 P, EU:C:1999:356, punti 98 u 99) u għalhekk it-tul tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Marzu 2009, Archer Daniels Midland vs Il-Kummissjoni, C‑510/06 P, EU:C:2009:166, punti 113, 114 u 140). L-istess japplika għat-teħid inkunsiderazzjoni tal-implimentazzjoni tal-ftehim (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-29 ta’ Ġunju 2012, E.ON Ruhrgas u E.ON vs Il‑Kummissjoni, T‑360/09, EU:T:2012:332, punt 252).

905    Madankollu, it-tkomplija tal-ksur tista’ tiġi kkonstatata, lil hinn mill-perijodu li matulu ftehim huwa fis-seħħ b’mod formali, meta l-impriżi kkonċernati komplew jadottaw aġir ipprojbit (sentenzi tas-16 ta’ Ġunju 2011, Solvay Solexis vs Il-Kummissjoni, T‑195/06, mhux ippubblikata, EU:T:2011:280, punt 124, u tad-29 ta’ Ġunju 2012, E.ON Ruhrgas u E.ON vs Il-Kummissjoni, T‑360/09, EU:T:2012:332, punt 251).

906    Issa, dan huwa l-każ f’din il-kawża (ara l-punt 903 hawn fuq).

907    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li dan il-motiv, ippreżentat b’mod sussidjarju minn Servier, għandu jiġi miċħud.

c)      Fuq l-iżbalji ta’ liġi u ta’ evalwazzjoni relatati malklassifikazzjoni ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-effett tal-ftehim konkluż ma’ Lupin

908    Ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni kkommettiet diversi żbalji ta’ liġi u ta’ evalwazzjoni dwar il-klassifikazzjoni ta’ restrizzjoni tal‑kompetizzjoni minħabba l-effett tal-ftehim konkluż ma’ Lupin.

909    B’applikazzjoni mutatis mutandis tal-kunsiderazzjonijiet żviluppati fil‑punti 566 sa 570 hawn fuq, dan il-motiv għandu jiġi miċħud bħala ineffettiv.

9.      Fuq il-ftehimiet konklużi ma’ Krka 

a)      Fuq l-iżbalji ta’ liġi u ta’ evalwazzjoni relatati malklassifikazzjoni ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba lgħan tal-ftehimiet konklużi ma’ Krka

910    Ir-rikorrenti jikkontestaw il-klassifikazzjoni ta’ restrizzjoni minħabba l‑għan, fl-ewwel lok, tal-ftehimiet dwar soluzzjoni bonarja u dwar liċenzja u, fit-tieni lok, tal-ftehim dwar trasferiment.

1)      Fuq il-ftehimiet dwar soluzzjoni bonarja u dwar liċenzja

i)      L-Argumenti tal-partijiet

[omissis]

ii)    L-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali

943     B’eċċezzjoni għall-kunsiderazzjonijiet relatati mal-ftehimiet anċillari żviluppati fil-punti 797 sa 803 hawn fuq, l-assoċjazzjoni ta’ ftehim kummerċjali normali ma’ ftehim dwar soluzzjoni bonarja li jinkludi klawżoli ta’ nuqqas ta’ kummerċjalizzazzjoni u ta’ nuqqas ta’ kontestazzjoni ma tikkostitwixxix indizju serju tal-eżistenza ta’ ħlas invertit meta l-ftehim kummerċjali inkwistjoni huwa ftehim dwar liċenzja dwar il-privattiva kkontestata.  

944    Tali eċċezzjoni hija spjegabbli mill-fatt li, jekk inhu veru li ftehim dwar liċenzja relatat ma’ privattiva ma għandux bħala għan is-soluzzjoni bonarja ta’ tilwima iżda l-għoti ta’ awtorizzazzjoni sabiex tintuża din il-privattiva, xorta jista’ jkun iġġustifikat, kuntrarjament għal dak li jirrigwarda l-ftehimiet kummerċjali l-oħra (ara l-punt 800 hawn fuq), li dan il-ftehim dwar liċenzja jiġi assoċjat ma’ ftehim dwar soluzzjoni bonarja li jikkonċerna tilwima relatata mal-privattiva li hija l‑oġġett tal-liċenzja.

945    Fil-fatt, tilwima fil-qasam tal-privattivi toriġina, bħala regola, mix-xewqa tal-kumpannija ta’ ġeneriċi li tidħol fis-suq kontra x-xewqa tal‑proprjetarju tal-privattiva li jippreżerva d-drittijiet li huwa għandu minn din il-privattiva. Il-fatt li jawtorizza tali dħul bl-adozzjoni ta’ ftehim dwar liċenzja jidher għalhekk bħala mezz partikolarment adattat sabiex tintemm il-kawża peress li dan jippermetti li jintlaqgħu t-talbiet taż-żewġ partijiet f’din it-tilwima.

946    Barra minn hekk, huwa aċċettat li l-użu ta’ ftehim dwar liċenzja jikkostitwixxi mezz adattat sabiex tintemm tilwima. Dan jirriżulta mill‑paragrafu 204 tal-Linji Gwida tal-2004 għall-ftehimiet dwar it‑trasferiment ta’ teknoloġija, li jipprevedi li “il-liċenzjar jista’ jservi ta’ mezz ta’ riżoluzzjoni tat-tilwim”. Dan il-paragrafu huwa riprodott fil‑paragrafu 205 tal-Linji Gwida tal-2014 għall-ftehimiet dwar it‑trasferiment ta’ teknoloġija.

947    Għalhekk, li ftehim dwar liċenzja jiġi assoċjat ma’ ftehim dwar soluzzjoni bonarja huwa iktar u iktar iġġustifikat mill-preżenza, fi ftehim dwar soluzzjoni bonarja, ta’ klawżoli ta’ nuqqas ta’ kummerċjalizzazzjoni u ta’ nuqqas ta’ kontestazzjoni, ħlief meta dan il-ftehim huwa bbażat fuq ir-rikonoxximent mill-partijiet tal-validità tal-privattiva (ara l-punt 258 sa 261 hawn fuq). Issa, il-konklużjoni ta’ ftehim dwar liċenzja, li jsir bil-kundizzjoni li l-liċenzja tkun użata b’mod effettiv mid-detenur tagħha, huwa bbażat ukoll fuq ir‑rikonoxximent mill-partijiet tal-validità tal-privattiva. F’dan is-sens, il‑ftehim dwar liċenzja għalhekk isostni l-leġittimità tal-ftehim dwar soluzzjoni bonarja, li jiġġustifika b’mod sħiħ li jkun assoċjat miegħu.

948    Peress li kien jidher li huwa ġġustifikat li ftehim dwar soluzzjoni bonarja ta’ kawża relatata ma’ privattiva jiġi assoċjat ma’ ftehim dwar liċenzja li jirrigwarda l-istess privattiva, tali assoċjazzjoni, kuntrarjament għal dak li japplika għall-ftehimiet anċillari l-oħra, ma tikkostitwixxix indikazzjoni serja tal-eżistenza ta’ ħlas invertit (fis-sens ta’ din l‑espressjoni fil-qasam ta’ ftehimiet anċillari, ara l-punt 804 hawn fuq).

949    Għalhekk hija l-Kummissjoni li għandha tibbaża ruħha fuq indizji oħra minbarra s-sempliċi assoċjazzjoni tal-ftehim dwar liċenzja u tal-ftehim dwar soluzzjoni bonarja sabiex jiġi stabbilit li l-ftehim dwar liċenzja ma ġiex konkluż skont il-kundizzjonijiet normali tas-suq u li fir-realtà jaħbi ħlas invertit li jinċentiva lill-kumpannija ta’ ġeneriċi taċċetta li tissuġġetta ruħha għall-klawżoli ta’ nuqqas ta’ kummerċjalizzazzjoni u ta’ nuqqas ta’ kontestazzjoni (ara l-punti 803 sa 808 hawn fuq).

950    Għandu jiġi rrilevat li l-konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ ħlas invertit hija inqas u inqas evidenti fir-rigward ta’ ftehim dwar liċenzja peress li tali ftehim ma jagħtix lok għal trasferiment finanzjarju mill-kumpannija ta’ verżjonijiet tal-bidu lill-kumpannija ta’ ġeneriċi iżda mill-kumpannija ta’ ġeneriċi lill-kumpannija ta’ verżjonijiet tal-bidu. B’hekk, fil-qasam ta’ ftehim dwar liċenzja, min jieħu l-liċenzja jħallas lill-proprjetarju tal‑privattiva.

951    Madankollu, jeżisti trasferiment ta’ valur mill-kumpannija ta’ verżjonijiet tal-bidu lill-kumpannijia ta’ ġeneriċi, peress li l-ħlas mogħti lill‑proprjetarju tal-privattiva jikkostitwixxi l-korrispettiv tal-benefiċċju li l-kumpannija ta’ ġeneriċi tislet mill-ftehim dwar liċenzja, jiġifieri l‑awtorizzazzjoni li tuża l-privattiva sabiex tidħol fis-suq mingħajr riskju.

952    Hija għalhekk l-Kummissjoni li għandha turi li dan il-korrispettiv huwa anormalment baxx, jiġifieri sa fejn ma jirriflettix kunsiderazzjonijiet limitati mal-valur ekonomiku tal-prodott li huwa s-suġġett tal-kuntratt (ara l‑punt 806 hawn fuq), u li l-ftehim dwar liċenzja għalhekk jimplika ħlas invertit għall-benefiċċju tal-kumpannija ta’ ġeneriċi.

953    In-nuqqas ta’ konklużjoni tat-tranżazzjoni inkwistjoni skont il‑kundizzjonijiet normali tas-suq għandha toħroġ b’mod iktar ċar sabiex jiġi stabbilit grad ta’ dannu li huwa suffiċjenti sabiex il-ftehim dwar soluzzjoni bonarja jiġi kklassifikat bħala restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan milli li n-natura restrittiva tal-kompetizzjoni tal‑klawżoli ta’ nuqqas ta’ kummerċjalizzazzjoni u ta’ nuqqas ta’ kontestazzjoni, li jinsabu fih, hija mnaqqsa bil-ftehim dwar liċenzja.

954    Fil-fatt, il-klawżola ta’ nuqqas ta’ kummerċjalizzazzjoni ma għandhiex, talinqas parzjalment, effetti. Il-ftehim dwar liċenzja jmur lil hinn minn sempliċi newtralizzazzjoni parzjali tal-effetti ta’ din il-klawżola peress li jiffavorixxi d-dħul tal-prodott mediċinali ġeneriku fis-suq filwaqt li jneħħi r-riskju kontenzjuż marbut mal-privattiva.

955    Fir-rigward tal-klawżola ta’ nuqqas ta’ kontestazzjoni, jekk l-effetti restrittivi tagħha jippersistu, huma limitati bil-fatt li l-liċenzja tippermetti dħul fis-suq mingħajr riskju kontenzjuż. Issa, jekk huwa essenzjali għall‑kumpannija ta’ ġeneriċi li tkun tista’ tikkontesta l-validità tal‑privattiva meta din tidħol b’riskju fis-suq, dan huwa inqas il-każ meta hija tkun awtorizzata mill-kumpannija ta’ verżjonijiet tal-bidu sabiex tidħol f’dan is-suq permezz ta’ ftehim dwar liċenzja.

956    F’dan l-istadju tal-analiżi, għandu jitfakkar li, fil-kuntest tal‑ftehimiet dwar soluzzjoni bonarja dwar it-tilwimiet relatati mal-privattivi, il‑klassifikazzjoni ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan tippresupponi l-preżenza, fi ħdan il-ftehim dwar soluzzjoni bonarja, kemm ta’ vantaġġ ta’ inċentiv fir-rigward tal-kumpannija ta’ ġeneriċi u ta’ restrizzjoni korrelattiva tal-isforzi tagħha sabiex tikkompeti mal‑kumpannija ta’ verżjonijiet tal-bidu (ara l-punt 272 hawn fuq). Issa, mill-argumenti preċedenti jirriżulta li, fil-preżenza ta’ ftehim dwar liċenzja, dawn iż-żewġ elementi jitnaqqsu, jew jitilqu, b’tali mod li grad suffiċjenti ta’ dannu għall-funzjonament tajjeb tal-kompetizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ Settembru 2014, CB vs Il‑Kummissjoni, C‑67/13 P, EU:C:2014:2204, punti 49 u 50 u l‑ġurisprudenza ċċitata) ma jistax jiġi faċilment ikkonstatat.

957    Għandu jiżdied li l-eċċezzjoni msemmija fil-punt 943 hawn fuq ma hijiex kuntrarja la għall-fatt li l-assoċjazzjoni ta’ ftehim dwar liċenzja u ta’ klawżola ta’ nuqqas ta’ kontestazzjoni tagħmel parti mir-restrizzjonijiet esklużi mill-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 2 tar-Regolament tal‑Kummissjoni (KE) Nru 772/2004 tas-27 ta’ April 2004 fuq l‑applikazzjoni tal-Artikolu [101(3) TFUE] għall-kategoriji ta’ ftehim dwar it-trasferiment ta’ teknoloġija (ĠU Edizzjoni Speċjali bil‑Malti, Kapitolu 8, Vol. 3, p. 74), u lanqas għall-ġurisprudenza tal‑Qorti tal‑Ġustizzja, kif mibdija fis-sentenza tal‑25 ta’ Frar 1986, Windsurfing International vs Il-Kummissjoni (193/83, EU:C:1986:75, punt 89 u 92), u spjegati fis-sentenza tas‑27 ta’ Settembru 1988, Bayer u Maschinenfabrik Hennecke (65/86, EU:C:1988:448).

958    Fil-fatt, l-ewwel nett, skont l-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 772/2004, l‑assoċjazzjoni ta’ ftehim dwar liċenzja u ta’ klawżola ta’ nuqqas ta’ kontestazzjoni tagħmel parti mir-restrizzjonijiet esklużi mill-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 2 ta’ dan l-istess regolament. Madankollu, din l‑eżenzjoni u din l-esklużjoni japplikaw biss, skont l-Artikoli 2 u 5 tal‑imsemmi regolament, sa fejn il-ftehimiet inkwistjoni fihom restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni li jaqgħu taħt il-kappa tal‑Artikolu 101(1) TFUE. Konsegwentement, il-fatt li l-assoċjazzjoni ta’ ftehim dwar liċenzja u ta’ klawżola ta’ nuqqas ta’ kontestazzjoni tagħmel parti mir-restrizzjonijiet esklużi mill-eżenzjoni prevista fl‑Artikolu 2 tar‑Regolament Nru 772/2004 ma jippermettix li jiġi konkluż li tali assoċjazzjoni tikkostitwixxi, f’kull każ, restrizzjoni tal-kompetizzjoni fis-sens tal-Artikolu 101(1) TFUE u, b’mod partikolari, restrizzjoni minħabba l-għan.

959    F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, jekk l-għoti tal‑benefiċċju tal-Artikolu 101(3) TFUE lil ftehim partikolari jippresupponi r-rikonoxximent minn qabel li dan il-ftehim jaqa’ taħt il‑projbizzjoni stabbilita bl-Artikolu 101(1) TFUE, il-possibbiltà prevista bil-paragrafu 3 li tagħti dan l-istess benefiċċju skont il-kategoriji ma għandux jimplika li ftehim partikolari li jaqa’ f’dawn il-kategoriji, minħabba f’hekk, neċessarjament jissodisfa l-kundizzjonijiet tal‑paragrafu 1. B’hekk, l-għoti ta’ eżenzjoni skont il-kategoriji ma għandux jinvolvi, anki jekk b’mod impliċitu, xi preġudizzju kontra l-ebda ftehim ikkunsidrat individwalment (sentenza tat-13 ta’ Lulju 1966, L-Italja vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, 32/65, EU:C:1966:42, p. 590).

960    It-tieni nett, il-Qorti tal-Ġustizzja ċertament iddeċidiet li klawżola ta’ ftehim dwar liċenzja li timponi li ma tikkontestax il-validità tal-privattiva kienet inkompatibbli mal-Artikolu 101(1) TFUE. Hija żiedet li tali klawżola ma kinitx toħroġ b’mod ċar mill-għan speċifiku tal-privattiva, li ma għandux jiġi interpretat bħala li jiżgura protezzjoni ukoll kontra l-azzjonijiet li huma intiżi sabiex jikkontestaw il-validità ta’ privattiva, fid-dawl ta’ dak li huwa fl-interess pubbliku li jiġi eliminat kull ostakolu għall-attività ekonomika li tista’ tirriżulta minn privattiva mogħtija b’mod żbaljat (sentenza tal‑25 ta’ Frar 1986, Windsurfing International vs Il-Kummissjoni, 193/83, EU:C:1986:75, punt 89 u 92).

961    Madankollu, f’sentenza adottata sentejn iktar tard, f’kawża li tirrigwarda ftehim dwar soluzzjoni bonarja ta’ tilwima, il-Qorti tal-Ġustizzja bidlet il-pożizzjoni li hija kienet ħadet fis-sentenza tal‑25 ta’ Frar 1986, Windsurfing International vs Il-Kummissjoni (193/83, EU:C:1986:75), billi din id-darba biss iddeċidiet li klawżola ta’ nuqqas ta’ kontestazzjoni seta’ jkollha, fid-dawl tal-kuntest ġuridiku u ekonomiku, natura restrittiva tal-kompetizzjoni fis-sens tal-Artikolu 101(1) TFUE (sentenza tas‑27 ta’ Settembru 1988, Bayer u Maschinenfabrik Hennecke, 65/86, EU:C:1988:448, punt 16). Barra minn hekk, jekk hija ma aċċettatx, f’din l-istess sentenza, il-proposta tal-Kummissjoni li l-introduzzjoni ta’ klawżola ta’ nuqqas ta’ kontestazzjoni ma kinitx għadha taqa’ taħt il‑projbizzjoni prevista fl-Artikolu 101(1) TFUE meta l-ftehim inkwistjoni kien intiż sabiex itemm kawża pendenti quddiem qorti, hija madankollu ma kkonkludietx li kwalunkwe ftehim dwar soluzzjoni bonarja li jinkludi tali klawżola jaqa’ taħt il-projbizzjoni prevista fl-Artikolu 101(1) TFUE.

962    Huwa veru li d-detenturi tal-liċenzji, fil-kuntest ta’ ftehim dwar liċenzja, kif jirriżulta mill-punt 112 tal-Linji Gwida tal-2004 għall‑ftehimiet dwar it-trasferiment ta’ teknoloġija, “normalment ikunu fl-aħjar pożizzjoni biex jiddeterminaw jekk dritt ta’ proprjetà intellettwali hux invalidu jew le” u għalhekk sabiex jikkontestawh. Huwa dan il-motiv li jiġġustifika li l-assoċjazzjoni ta’ ftehim dwar liċenzja u ta’ klawżola ta’ nuqqas ta’ kontestazzjoni hija, bħala regola, ipprojbita (konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Darmon fil-Kawża Bayer u Maschinenfabrik Hennecke, 65/86, EU:C:1987:336, punt 8). Madankollu, meta ftehim dwar liċenzja jkun konkluż fil-kuntest tas-soluzzjoni bonarja ta’ tilwima reali bejn il-partijiet ikkonċernati f’kawża, id-detentur tal-liċenzja diġà kellu l‑opportunità li jikkontesta l-validità tal-privattiva inkwistjoni u jekk, finalment, huwa jaċċetta, mingħajr ma jkun inċentivat jagħmel dan, li jissuġġetta ruħu għal klawżola ta’ nuqqas ta’ kontestazzjoni (kif ukoll għal klawżola ta’ nuqqas ta’ kummerċjalizzazzjoni), dan ifisser li jikkunsidra li l‑privattiva hija valida. F’dan il-kuntest partikolari ta’ soluzzjoni bonarja li permezz tagħha l-partijiet jaqblu finalment sabiex jirrikonnoxxu li l‑privattiva hija valida, il-motiv li jiġġustifika li l‑assoċjazzjoni ta’ ftehim dwar liċenzja u ta’ klawżola ta’ nuqqas ta’ kontestatazzjoni hija pprojbita għalhekk ma jibqax jidher rilevanti, bil‑kundizzjoni li l-ftehim dwar soluzzjoni bonarja jkun ibbażat fuq ir‑rikonoxximent mill-partijiet tal‑ftehim tal-validità tal-privattiva inkwistjoni u mhux fuq inċentiv għad-detentur tal-liċenzja sabiex jissuġġetta ruħu għall-klawżola ta’ nuqqas ta’ kontestazzjoni (kif ukoll għall-klawżola ta’ nuqqas ta’ kummerċjalizzazzjoni).

963    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, fil-preżenza ta’ kawża reali bejn il-partjiet ikkonċernati fil-kawża u ta’ ftehim dwar liċenzja li jidher li għandu rabta diretta mas-soluzzjoni bonarja ta’ din il-kawża, l-assoċjazzjoni ta’ dan il-ftehim mal-ftehim dwar soluzzjoni bonarja ma tikkostitwixxix indizju serju tal-eżistenza ta’ ħlas invertit. F’tali każ, huwa għalhekk abbażi ta’ indizji oħra li l-Kummissjoni tista’ turi li l-ftehim dwar liċenzja ma jikkostitwixxix tranżazzjoni konkluża skont il-kundizzjonijiet normali tas-suq u jaħbi b’hekk ħlas invertit (fis‑sens ta’ din l-espressjoni fil-qasam ta’ ftehimiet anċillari, ara l‑punt 804 hawn fuq).

964    Huwa fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti li għandu jiġi stabbilit jekk il-Kummissjoni setgħetx, f’dan il-każ, tikkonkludi korrettament li klassifikazzjoni ta’ restrizzjoni minħabba l-għan setgħet tapplika għall‑ftehimiet dwar soluzzjoni bonarja u dwar liċenzja konklużi bejn Servier u Krka.

965    Fl-ewwel lok, għandu jiġi eżaminat jekk kinux jeżistu kawżi reali u jekk il-ftehim dwar liċenzja kienx jidher li għandu rabta suffiċjentement diretta mas-soluzzjoni bonarja ta’ dawn il-kawżi sabiex l‑assoċjazzjoni tiegħu mal-ftehim dwar soluzzjoni bonarja tkun iġġustifikata.

966    F’dan ir-rigward, l-ewwel nett għandu jiġi rrilevat li verament kienu jeżistu kawżi pendenti bejn Servier u Krka fil-mument tal-iffirmar tal‑ftehim u li dawn il-kawżi ntemmu mal-iffirmar tal-ftehim dwar soluzzjoni bonarja, li fl-Artikolu I(i) u (ii) tiegħu jipprevedi li ż-żewġ partijiet għandhom jirtiraw mill-kawżi pendenti kontra xulxin.

967    Fil-fatt, fl-2004, għaxar kumpanniji ta’ ġeneriċi, fosthom Krka, kienu ppreżentaw oppożizzjoni kontra l-privattiva 947 quddiem l-UEP sabiex jiksbu r-revoka tagħha fit-totalità tagħha, billi invokaw motivi bbażati fuq in-nuqqas ta’ novità u ta’ attività inventiva u l-karattru insuffiċjenti tal‑espożizzjoni tal-invenzjoni. Fis-27 ta’ Lulju 2006, id-Diviżjoni tal‑Oppożizzjoni tal-UEP ikkonfermat il-validità ta’ din il-privattiva wara emendi żgħar tat-talbiet inizjali ta’ Servier. Sussegwentement seba’ kumpanniji ppreżentaw appell kontra d-deċiżjoni tal-UEP tas‑27 ta’ Lulju 2006. Krka rtirat mill-proċedura ta’ oppożizzjoni fil‑11 ta’ Jannar, skont il-ftehim dwar soluzzjoni bonarja li sar ma’ Servier.

968    Bl-istess mod, fir-Renju Unit, fit-28 ta’ Lulju 2006, Servier kien ippreżenta quddiem il-High Court of Justice (England & Wales), Chancery Division (patents court) [il-Qorti Għolja tal-Ġustizzja (Ingilterra u Wales), Sezzjoni tal-Ekwità (Awla tal-Privattivi), azzjoni ta’ ksur tal‑privattiva 340 kontra Krka. Fit-2 ta’ Awwissu 2006, hija kienet ippreżentat ukoll azzjoni ta’ ksur tal-privattiva 947 kontra Krka u talba għal ordni provviżorja. Fl-1 ta’ Settembru 2006, Krka kienet ippreżentat kontrotalba għall-annullament tal-privattiva 947 u, fit‑8 ta’ Settembru 2006, kontrotalba oħra għall-annullament tal‑privattiva 340. Fit-3 ta’Ottubru 2006, il-High Court of Justice (England & Wales), Chancery Division (patents court) [il-Qorti Għolja tal-Ġustizzja (Ingilterra u Wales), Sezzjoni tal-Ekwità (Awla tal‑Privattivi)], laqgħet it-talba għal ordni provviżorja ta’ Servier u ċaħdet it-talba mressqa minn Krka fl-1 ta’ Settembru 2006. Fl‑1 ta’ Diċembru 2006, il-kawża pendenti ntemmet skont il-ftehim dwar soluzzjoni bonarja li sar bejn il-partijiet u l-ordni provviżorja tneħħiet.

969    It-tieni nett, kemm il-ftehim dwar soluzzjoni bonarja kif ukoll il-ftehim dwar liċenzja kienu marbuta mal-kawżi inkwistjoni. Il-ftehim dwar soluzzjoni bonarja u, b’mod partikolari, il-klawżoli ta’ nuqqas ta’ kummerċjalizzazzjoni u ta’ nuqqas ta’ kontestazzjoni li kien fih kienu effettivament limitati għall-kamp ta’ applikazzjoni tal-privattivi li kienu jiffurmaw is-suġġett tal-kawżi bejn Servier u Krka. Fir-rigward tal-ftehim dwar liċenzja, dan kien jirrigwarda l-privattiva 947 u għalhekk kellu wkoll rabta diretta ma’ dawn il-kawżi.

970    It-tielet nett, fil-mument tal-konklużjoni tal-ftehimiet dwar soluzzjoni bonarja u dwar liċenzja, kienu jeżistu indizji konkordanti li jippermettu lill‑partijiet jaħsbu li l-privattiva 947 kienet valida (ara l-punti 967 u 968 hawn fuq).

971    Ir-raba’ nett, għalkemm bejn Servier u Krka kien diġà hemm kuntatti qabel id-deċiżjoni tal-UEP tas-27 ta’ Lulju 2006 li jikkonfermaw il-validità tal‑privattiva 947 (ara, b’mod partikolari, il-premessa 837 tad-deċiżjoni kkontestata), dawn ma kinux wasslu għal ftehim (premessi 856 sa 859 tad-deċiżjoni kkontestata) u kien biss wara din id-deċiżjoni li bdew negozjati ġodda (premessa 898 tad-deċiżjoni kkontestata). Id-deċiżjoni tal-UEP tas-27 ta’ Lulju 2006 li tikkonferma l-validità tal-privattiva 947 kienet għalhekk, talinqas, wieħed mill-elementi li taw bidu u wasslu għall‑ftehimiet dwar soluzzjoni bonarja u dwar liċenzja.

972    B’hekk, fir-rigward tal-portata tal-klawżoli tal-ftehim dwar soluzzjoni bonarja u tal-ftehim dwar liċenzja kif ukoll tal-kuntest li fih dawn il‑ftehimiet saru, hemm lok li jiġi kkonstatat li l-assoċjazzjoni ta’ dawn iż-żewġ ftehimiet kienet iġġustifikata u għalhekk ma tikkostitwixxix indizju serju tal-eżistenza ta’ ħlas invertit ta’ Servier lil Krka li jirriżulta mill-ftehim dwar liċenzja (ara l-punt 948 hawn fuq).

973    F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li jiġi eżaminat, fit-tieni lok, jekk, f’dan il-każ, il-Kummissjoni waslitx sabiex tistabbilixxi, billi bbażat ruħha fuq indizji jew provi oħra, li s-sempliċi assoċjazzjoni tal-ftehim dwar liċenzja u tal-ftehim dwar soluzzjoni bonarja, li l-ftehim dwar liċenzja ma ġiex konkluż skont il-kundizzjonijiet normali tas-suq (ara l-punti 949 u 963 hawn fuq).

974    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li huwa stabbilit li, kuntrarjament għal dak li japplika għall-ftehimiet l-oħra li kienu s-suġġett tad-deċiżjoni kkontestata, la l-ftehim dwar soluzzjoni bonarja u lanqas il-ftehim dwar liċenzja ma taw lok għal trasferiment finanzjarju minn Servier lil Krka.

975    Il-ftehim dwar liċenzja kien jipprevedi saħansitra li Krka kellha tħallas lil Servier pagament ta’ 3 % tal-ammont nett tal-bejgħ tagħha.

976    Ċertament, il-pagament jikkostitwixxi l-korrispettiv tal-benefiċċju li l‑kumpannija ta’ ġeneriċi tislet mill-ftehim dwar liċenzja, jiġifieri l‑awtorizzazzjoni li tagħmel użu mill-privattiva sabiex tidħol mingħajr riskju fis-suq. Madankollu, hija l-Kummissjoni li kellha turi li dan il‑korrispettiv kien anormalment baxx u li l-ftehim dwar liċenzja kien għaldaqstant jiġġenera ħlas invertit favur Krka.

977    Issa, minkejja li fid-deċiżjoni kkontestata l-Kummissjoni pproduċiet numru ta’ indizji li jippermettu li jiġi konkluż li l-ftehim dwar liċenzja kien faverevoli għall-interessi kummerċjali ta’ Krka (premessi 1738 sa 1744 u, b’mod partikolari, il-premessa 1739), hija madankollu ma pprovatx li r-rata ta’ 3 % użata għall-pagament kienet anormalment baxxa, jiġifieri sa fejn hija ma tistax tispjega ruħha permezz ta’ kunsiderazzjonijiet limitati għall-valur ekonomiku tal-privattiva suġġett tal-liċenzja (ara l-punt 952 hawn fuq).

978    Fir-rigward tal-fatt, allegat mill-Kummissjoni, li r-rata ta’ pagament kienet ferm inqas minħabba l-użu ta’ Servier għas-sena 2007 fir‑Repubblika Ċeka, fl-Ungerija u fil-Polonja, ma huwiex neċessarjament anormali li r-rata ta’ eċċess tal-operat, li tirrappreżenta l‑profitti netti li jirriżultaw minn attività, tkun ħafna ogħla mir-rata’ ta’ pagament ta’ ftehim dwar liċenzja, li tirrappreżenta biss l-ispiża tad-dritt ta’ użu ta’ privattiva.

979    L-istess raġuni tippermetti wkoll li jiġi miċħud l-argument tal‑Kummissjoni li l-pagament kien jirrappreżenta parti żgħira tal-profitt ta’ Krka. A fortiori, fir-rigward tal-kumpannija ta’ ġeneriċi, din ma jkollha l-ebda interess tikkonkludi ftehim dwar liċenzja jekk l-ammont tal-pagament ma kienx jippermettilha li tieħu marġni suffiċjentament sinjifikattiv ta’ profitti.

980    Finalment, ma jidhirx anormali li r-rata ta’ pagament ta’ privattiva użata minn Krka tiġi kkalkolata abbażi tal-prezz tal-bejgħ tal-prodott ta’ Krka u mhux abbażi tal-prezz ta’ bejgħ tal-prodott ta’ Servier.

981    Għalkemm dawn l-elementi kollha, anki jekk kkunsidrati flimkien, l-iktar l-iktar jistgħu juru li l-prezz tal-liċenzja mogħtija lil Krka kien pożittiv għall-interessi kummerċjali tagħha, ma humiex biżżejjed sabiex jiġi stabbilit li t-tranżazzjoni inkwistjoni ma kinitx ġiet konkluża skont kundizzjonijiet normali tas-suq, u dan iktar u iktar peress li l-ftehim dwar liċenzja kien jipprevedi li Servier seta’ jkompli jikkumerċjalizza l‑prodott tiegħu fis-seba’ Stati Membri fejn kienet tapplika l-liċenzja, kemm direttament, kif ukoll permezz ta’ waħda mill-kumpanniji msieħba tiegħu, jew, inkella, permezz ta’ terz f’kull Stat. Il-liċenzja mogħtija għalhekk ma kinitx esklużiva, u dan kien jillimita n-natura vantaġġjuża tagħha għal Krka sa fejn kien hemm riskju li Krka tara l-prodott tagħha f’kompetizzjoni ma’ prodott ieħor ġeneriku, kemm jekk dan jinbiegħ jew jiġi prodott minn Servier jew minn terz.

982    Għandu jingħad ukoll li, matul is-seduta, il-Kummissjoni stess indikat li hija ma kinitx qed tikkontesta li l-pagament kien konformi mal-prattiki tas-suq. Filwaqt li fid-deċiżjoni kkontestata rrilevat, ċertament b’mod sussidjarju li “iktar milli l-ammont żgħir tal-pagamenti huwa l-fatt li ngħatat liċenzja waħda inkontrakambju ta’ obbligu li ma jkunx hemm dħul jew kontestazzjoni tal-privattivi ta’ Servier f’ċertu numru ta’ swieq oħra ristretti li huwa ċentrali għall-analiżi” (nota ta’ qiegħ il-paġna nru 2354), il-Kummissjoni uriet diġà li hija kienet qed tagħti biss, b’mod żbaljat, importanza sekondarja għall-fatt li t-tranżazzjoni setgħet ġiet konkluża skont il-kundizzjonijiet normali tas‑suq.

983    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti esposti fil-punti 977 sa 982 hawn fuq jirriżulta li l-Kummissjoni ma stabbilixxietx li r-rata ta’ pagament ta’ 3 % prevista fil-ftehim dwar liċenzja kienet anormalment baxxa, jiġifieri b’tali mod li hija ma setgħetx tkun spjegata permezz ta’ kunsiderazzjonijiet limitati għall-valur ekonomiku tal-privattiva suġġett tal-liċenzja. Il-Kummissjoni għalhekk ma stabbilixxietx li l-ftehim dwar liċenzja ma jikkostitwixxix tranżazzjoni konkluża skont il‑kundizzjonijiet normali tas-suq.

984    Konsegwentement, il-Kummissjoni ma stabbilixxietx l-eżistenza stess ta’ ħlas invertit li jirriżulta mill-għoti ta’ liċenzja għal prezz anormalment baxx (ara l-punt 803 hawn fuq) u li, peress li ma għandux l-għan li jikkumpensa spejjeż inerenti għall-ftehim dwar soluzzjoni bonarja ta’ kawża (ara l-punt 809 hawn fuq), jikkostitwixxi inċentiv.

985    Minn dan jirriżulta li, f’dan il-każ, il-Kummissjoni ma setgħetx tikkonstata b’mod korrett l-eżistenza ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni li tirrappreżenta grad ta’ dannu suffiċjenti sabiex tiġi kklassifikata bħala restrizzjoni minħabba l-għan.

986    Il-konklużjoni preċedenti ma għandhiex tiġi invalidata mill-elementi oħra użati mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata.

987    L-ewwel nett, anki jekk wieħed jippresupponi li l-ftehim dwar liċenzja kien ta’ inċentiv minħabba li ppermetta, fis-seba’ Stati Membri inkwistjoni – jiġifieri f’parti tas-suq li għaliha l-Kummissjoni ma kkonstatatx l-eżistenza ta’ ksur –, l‑introduzzjoni ta’ duopolju vantaġġjuż bejn Servier u Krka, kif tindika l‑Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata (ara, b’mod partikolari, il‑premessi 1728, 1734 u 1742), tali duopolju ma kienx jirriżulta mill‑ftehim stess iżda minn għażliet magħmula minn Servier u Krka wara dan il-ftehim, jiġifieri, fir-rigward ta’ Servier, l-għażla li ma tagħtix liċenzja lil kumpannija oħra ta’ ġeneriċi jew li ma tikkummerċjalizzax hija stess verżjoni ġenerika bi prezz baxx għall-perindopril tagħha stess (premessa 1727 tad-deċiżjoni kkontestata) u, fir-rigward ta’ Krka, l‑għażla li ma tużax politika aggressiva bbażata fuq il-prezzijiet (premessa 1744 tad-deċiżjoni kkontestata).

988    Issa, ir-restrizzjoni minħabba l-għan ikkonstatata mill-Kummissjoni, b’mod partikolari l-inċentiv li jikkostitwixxi waħda mill-kundizzjonijiet ta’ din ir-restrizzjoni (ara l-punt 272 hawn fuq), tikkonċerna l-ftehimiet dwar soluzzjoni bonarja u dwar liċenzja konklużi bejn Servier u Krka u mhux prattiki li saru wara dawn il-ftehimiet u mhux stabbiliti minnhom.

989    Anki jekk id-duopolju inkwistjoni jista’ jiġi kkunsidrat bħala implimentazzjoni tal-ftehimiet, għandu jitfakkar li l-Kummissjoni u l‑qorti tal-Unjoni ma jistgħux, waqt l-eżami tal-għan restrittiv ta’ ftehim u, b’mod partikolari, fil-qafas tal-kunsiderazzjoni tal-kuntest ekonomiku u ġuridiku tiegħu, jinjoraw kompletament l-effetti potenzjali ta’ dan il‑ftehim (ara l-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 304 hawn fuq). Madankollu, mill-ġurisprudenza jirriżulta wkoll li l-konstatazzjoni tal‑eżistenza ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan ma għandhiex, taħt kopertura b’mod partikolari tal-eżami tal-kuntest ekonomiku u ġuridiku tal-ftehim inkwistjoni, twassal sabiex jiġu evalwati l-effetti ta’ dan il‑ftehim, għaliex inkella jintilef l-effett utli tad‑distinzjoni bejn l-għan u l-effett ristrettiv tal-kompetizzjoni stabbilit fl-Artikolu 101(1) TFUE (ara l-punt 221 hawn fuq). Sabiex jiġi vverifikat kemm ftehim jista’ b’mod partikolari jipproduċi effetti restrittivi tal-kompetizzjoni li jikkaratterizzaw il-ftehimiet li għandhom għan antikompetittiv, l-analiżi tal-effetti potenzjali ta’ ftehim għandhom għalhekk jiġu limitati għal dawk li jirriżultaw minn informazzjoni oġġettivament prevedibbli fid-data tal-konklużjoni tal-imsemmi ftehim (ara, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Wahl fil-Kawża ING Pensii, C‑172/14, EU:C:2015:272, punt 84, u ara wkoll, f’dan is‑sens, is-sentenza tal-11 ta’ Settembru 2014, CB vs Il‑Kummissjoni, C‑67/13 P, EU:C:2014:2204, punt 80 sa 82).

990    Issa, f’dan il-każ, l-allegati effetti potenzjali inkwistjoni, jiġifieri d‑duopolju allegat mill-Kummissjoni, huma bbażati fuq ċirkustanzi ipotetiċi u b’hekk mhux oġġettivament prevedibbli fid-data tal‑konklużjoni tal-ftehim.

991    Fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni, filwaqt li rreferiet għal prattiki ta’ saturazzjoni ta’ stokkijiet tal-ispiżeriji u għal ilment mal-awtoritajiet Pollakki li jallega l-eżistenza ta’ kompetizzjoni żleali, fil‑premessa 1725 tad-deċiżjoni kkontestata indikat li “l-attitudni ta’ Servier lejn Krka fis‑seba’ swieq bil-liċenzja ma tantx setgħet tiġi deskritta bħala attitudni ta’ kooperazzjoni”. Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-premessa 1728 tad-deċiżjoni kkontestata, id-duopolju deskritt mill-Kummissjoni bejn Servier u Krka ma kienx jeskludi ċertu grad ta’ kompetizzjoni bejn dawn l‑impriżi.

992    It-tieni nett, skont il-Kummissjoni, il-ftehim dwar liċenzja, f’dan il-każ, kien inċentiv għaliex kien jippermetti d-dħul mingħajr riskju ta’ Krka fuq ċerti swieq inkambju tal-esklużjoni tagħha minn swieq oħra. F’tali perspettiva, meta l-kamp ta’ applikazzjoni tal-klawżoli ta’ nuqqas ta’ kummerċjalizzazzjoni jew ta’ nuqqas ta’ kontestazzjoni huwa ikbar minn dak tal-ftehim dwar liċenzja u meta b’hekk, bejn iż-żewġ ftehimiet, teżisti diskrepanza jew “asimetrija”, skont it-terminu użat mill-Kummissjoni fil‑premessi 1706 u 1736 tad-deċiżjoni kkontestata, allura jkun possibbli li tiġi kkonstatata l-eżistenza ta’ inċentiv, peress li l-ftehim dwar liċenzja, li jippermetti d-dħul mingħajr riskju tal-kumpannija ta’ ġeneriċi fuq ċerti partijiet tas-suq, fir-realtà għandu bħala għan li jinċentiva lil din il‑kumpannija taċċetta li tirtira minn partijiet oħra tas-suq, għall‑benefiċċju tal-kumpannija ta’ verżjonijiet tal-bidu.

993    Tali argument ma jistax’ jintlaqa’.

994    Fil-fatt, qabel xejn, l-approċċ propost mill-Kummissjoni, li jipprevedi li s-sempliċi ffirmar, anki skont il-kundizzjonijiet normali tas-suq, ta’ ftehim dwar liċenzja relatat ma’ ftehim dwar soluzzjoni bonarja li fih klawżoli restrittivi jista’ jikkostitwixxi inċentiv, iwassal għal soluzzjoni paradossali, għaliex, f’dan il-każ, iktar ma l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ ftehim dwar liċenzja jkun kbir, iktar l-inċentiv ikun sinjifikattiv u għalhekk iktar ikun faċli li tiġi kkonstatata l-eżistenza ta’ restrizzjoni minħabba l-għan, sakemm il-ftehim dwar liċenzja ma jkollux kamp ta’ applikazzjoni eżattament identiku għal dak tal-ftehim dwar soluzzjoni bonarja.

995    Issa, iktar ma l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ ftehim dwar liċenzja jkun wiesa’, b’mod partikolari meta mqabbel mal-kamp ta’ applikazzjoni tal‑ftehim dwar soluzzjoni bonarja li miegħu huwa relatat, iktar dan il‑ftehim ikun favur il-kompetizzjoni fir-rigward tal-effetti favur il‑kompetizzjoni tal-liċenzja, li tinkoraġġixxi d-dħul ta’ kumpannija ta’ ġeneriċi fis-suq u tillimita n-natura restrittiva tal-kompetizzjoni tal‑klawżoli ta’ nuqqas ta’ kummerċjalizzazzjoni u ta’ nuqqas ta’ kontestazzjoni inklużi fil-ftehim dwar soluzzjoni bonarja (ara l-punti 954 u 955 hawn fuq).

996    F’dan ir-rigward, jista’ jiġi rrilevat li, fil-konklużjonijiet tiegħu fil-Kawża CB vs Il-Kummissjoni (C‑67/13 P, EU:C:2014:1958, punt 55), l-Avukat Ġenerali Wahl indika li l-approċċ formali li jwassal għall-identifikazzjoni ta’ restrizzjoni minħabba l-għan ma setax jiġi kkonċepit ħlief fil-preżenza ta’ aġir li minħabba fih seta’ jiġi konkluż li l-effetti sfavorevoli tagħhom fuq il‑kompetizzjoni jegħlbu l-effetti favur il-kompetizzjoni.

997    Barra minn hekk, l-argument tal-Kummissjoni, li jwassal sabiex jimponi fuq id-detentur tal-privattiva l-għoti ta’ ftehim dwar liċenzja li jkopri t‑territorju kollu li fuqu japplikaw il-klawżoli restrittivi tal-ftehim dwar soluzzjoni bonarja, ma jirrispettax id-drittijiet ta’ proprjetà intelletwali tad-detentur tal-privattiva u, b’mod partikolari, il-marġni ta’ diskrezzjoni li huwa għandu fil-qasam tal-għoti ta’ liċenzja (għal każ li fih il‑proprjetarju tal-privattiva jinsab f’pożizzjoni dominanti, ara s-sentenza tas-17 ta’ Settembru 2007, Microsoft vs Il-Kummissjoni, T‑201/04, EU:T:2007:289 punt 331). Dan l-argument lanqas ma josserva l-marġni ta’ diskrezzjoni li għandu jkollhom il-partijiet f’kawża sabiex jilħqu ftehim dwar soluzzjoni bonarja in bona fide.

998    Barra minn hekk, il-konklużjoni ta’ ftehim dwar liċenzja “asimetrika” mhux neċessarjament tikkostitwixxi, għal kumpannija ta’ ġeneriċi li ma tirrikonnoxxix il-validità tal-privattiva inkwistjoni, vantaġġ suffiċjenti sabiex tissuġġetta ruħha għall-klawżoli ta’ nuqqas ta’ kummerċjalizzazzjoni u ta’ nuqqas ta’ kontestazzjoni. Sabiex il-vantaġġ li jirriżulta mill-konklużjoni ta’ tali ftehim ikun jista’ jiġi kkunsidrat bħala li jagħti inċentiv, għandu joffri lil din il-kumpannija kumpens għat‑telf ċert tal-profitti mistennija, li jirriżulta mill-aċċettazzjoni tas-soluzzjoni bonarja li jinkludi klawżoli li jipprojbixxuh milli jidħol f’ċerti partijiet ġeografiċi tas-suq. Fil-fatt, għal kumpannija li ma tikkunsidrax b’mod serju l-validità tal-privattiva u li tista’ tidħol fis‑suq kollu kopert bil-klawżoli ta’ nuqqas ta’ kummerċjalizzazzjoni u ta’ nuqqas ta’ kontestazzjoni, liċenzja li l-portata tagħha hija limitata iktar mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija klawżoli ma tikkostitwixxix soluzzjoni ekonomikament sodisfaċenti li tista’ twassalha sabiex taċċetta li tkun suġġetta għalihom. Huwa veru li l-liċenzja tiftaħ parzjalment lill‑imsemmija kumpannija s-suq kopert mill-privattiva billi toffrilha l‑possibbiltà li tikseb, f’din il-parti tas-suq, il-profitti mistennija, iżda, peress li ma huwiex stabbilit li r-rata tal-ħlas ta’ din il-liċenzja, għall‑imsemmija parti tas-suq, hija anormalment baxxa, l-imsemmija liċenzja ma tagħti l-ebda kumpens lil din il-kumpannija f’dak li jirrigwarda lill-partijiet l-oħra tas-suq, li minn fuqhom hija tista’ tikseb profitt f’każ ta’ annullament tal-privattiva, li l-aċċess għalih huwa issa pprojbit lilha.

999    F’dan il-każ, il-benefiċċji mistennija minn Krka fit-18 sal-20 suq li għalihom il-ftehim dwar liċenzja ma kienx japplika ma kinux insinjifikattivi. Fil-fatt, fid-deċiżjoni kkontestata l-Kummissjoni indikat li l-benefiċċji tas-swieq tal-Ewropa tal-Punent kienu jikkorrispondu approssimativament għal dawk tat-tliet swieq l-iktar sinjifikattivi mis‑seba’ swieq koperti b’dan il-ftehim dwar liċenzja (nota ta’ qiegħ il‑paġna nru 2348). Jekk għandu jiġi kkunsidrat il-fatt li l-liċenzja tneħħi kull riskju ta’ azzjoni ta’ ksur ta’ privattiva u li l-profitti li Krka setgħet tikseb bis-saħħa tal-ftehim dwar liċenzja kienu għalhekk iktar aċċertati, l-importanza li hija setgħet tagħti għal tali riskju kien jiddependi ħafna mill-grad ta’ konvinzjoni dwar il-validità tal-privattiva. Il-fatt li Krka rrikonoxxiet il-validità tal-privattiva 947 għalhekk kien element determinanti fl-adozzjoni tad-deċiżjoni li wassalha b’hekk li tippreferi dħul limitat fis-seba’ swieq inkwistjoni iżda protett bil-liċenzja meta mqabbel ma’ dħul ikbar fis-swieq kollha tal-Istati Membri iżda suġġett għal riskju sinjifikattiv ta’ ksur ta’ privattiva minħabba s-saħħa tal-imsemmija privattiva f’għajnejn Krka.

1000 It-tielet nett, fir-rigward tal-elementi l-oħra intiżi sabiex jistabbilixxu n‑natura ta’ inċentiv tal-ftehim dwar liċenzja għal Krka, qabel xejn għandu jiġi rrilevat li l-fatt li din tal-aħħar ikkunsidrat l-ispiża ta’ opportunità tad-deċiżjoni li ma tikkonkludix ftehimiet ta’ iktar minn għaxar miljuni ta’ euro ta’ “profitti mitlufa” fi tliet snin (premessa 1738 tad-deċiżjoni kkontestata) iktar jikkostitwixxi indizju addizzjonali mill‑fatt li hija kkunsidrat li l-privattiva 947 kienet valida. Fil-fatt, il‑profitti inkwistjoni jikkorrispondu għal dawk mistennija għal dħul jew għal żamma fis-seba’ swieq koperti bil-ftehim dwar liċenzja. B’hekk, Krka tidher li kkunsidrat li fin-nuqqas ta’ ftehim ma’ Servier, dħul f’dawn is-swieq jew iż-żamma ma kienx probabbli wisq, u saħansitra eskluż, li jikkonferma l-fatt li hija kienet tirrikonoxxi l-validità tal-privattiva 947.

1001 Sussegwentement, għalkemm mill-premessa 1740 tad-deċiżjoni kkontestata, li tirreferi għall-premessa 913 tagħha, jirriżulta li t-18 sa 20 suq l-ieħor “tradizzjonalment kellhom inqas importanza f’għajnejn Krka”, il‑profitti mistennija fuq dawn is-swieq ma kinux insinjifikattivi (ara l‑punt 999 hawn fuq).

1002 B’hekk, l-elementi esposti fil-punti 1000 u 1001 hawn fuq ma jippermettux li tiġi stabbilita n-natura ta’ inċentiv tal-ftehim dwar liċenzja għal Krka.

1003 Ir-raba’ nett, il-konstatazzjoni magħmula mill-Kummissjoni fid‑deċiżjoni kkontestata li l-ftehimiet dwar soluzzjoni bonarja u dwar liċenzja kienu jikkostitwixxu qsim ta’ suq bejn Servier u Krka (ara t-titolu tal-punt 5.5.3 tad-deċiżjoni kkontestata kif ukoll, b’mod partikolari, il‑premessa 1745 tagħha) ma hijiex fondata.

1004 Fil-fatt, fir-rigward tas-seba’ swieq koperti bil-ftehim dwar liċenzja, jekk il-Kummissjoni ma tikkonstatax l-eżistenza ta’ ksur għal din il-parti tas‑suq intern, madankollu hija tikkunsidra l-aġir ta’ Servier u ta’ Krka f’dawn is-seba’ swieq, b’mod partikolari l-għoti tal-ftehim dwar liċenzja, ikklassifikat bħala inċentiv mill-Kummissjoni, sabiex tistabbilixxi l-eżistenza ta’ qsim ta’ suq li huwa bbażat fuq distinzjoni bejn it-18 u l-20 Stat Membru ieħor, minn naħa waħa, u dawn is-sitt Stati Membri, min-naħa l-oħra.

1005 Issa, Servier ma kienx eskluż mis-swieq tas-seba’ Stati Membri fejn Krka u hu kienu jikkompetu (ara l-punt 991 hawn fuq).

1006 B’hekk ma kienx hemm parti mis-suq li, bis-saħħa tal-ftehimiet, kienet irriżervata għal Krka. Għalhekk ma jistax jiġi konkluż li kien hemm qsim ta’ suq, fis-sens ta’ qsim nett bejn il-partijiet fil-ftehimiet, li jikkonċerna din il-parti tas-suq intern.

1007 Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li, f’dawn is-seba’ Stati Membri, il‑ftehim dwar liċenzja kkontribwixxa għad-dħul jew għaż-żamma fis-suq ta’ kumpannija ta’ ġeneriċi kompetitriċi tal-kumpannija ta’ verżjonijiet tal-bidu. Huwa għalhekk kellu effett favorevoli għall‑kompetizzjoni meta mqabbel mas-sitwazzjoni preċedenti li kienet dik li l-kumpannija ta’ ġeneriċi ma setgħetx tibqa’ jew tidħol fis-suq ħlief bir-riskju, u dan peress li l-validità tal-privattiva prinċipali inkwistjoni, il‑privattiva 947, kienet għadha kemm ġiet ikkonfermata mill-awtoritajiet kompetenti (ara l-punt 970 hawn fuq) u li kien hemm riskju kkunsidrat bħala sinjifikattiv minn Krka li l-prodott tagħha kien jikser privattiva.

1008 Għandu jingħad ukoll li l-fatt li, fil-mument tal-konklużjoni tal-ftehimiet, l-ekwivalenti nazzjonali tal-privattiva 947 kienu għadhom ma ngħatawx lil Servier f’uħud mis-seba’ swieq inkwistjoni minkejja li Krka kienet diġà tikkummerċjalizza l-prodott tagħha (premessa 1755 tad-deċiżjoni kkontestata) ma jippermettix li jiġi konkluż li ma kienx hemm effett favorevoli għall-kompetizzjoni tal-ftehim dwar liċenzja. Fil-fatt, jekk huwa veru li Krka kienet setgħet diġà tidħol f’dawn is-swieq qabel il‑ftehim dwar liċenzja mingħajr ma kellha t-theddida immedjata ta’ riskju ta’ kawża għal ksur ta’ privattiva u jekk, konsegwentement, il-liċenzja ma kellhiex rwol sinjifikattiv fir-rigward ta’ dan id-dħul fis-swieq inkwistjoni, din il-liċenzja xorta ppermettiet lil Krka li tibqa’ fihom mingħajr ir-riskju li jkollha tiffaċċja tali kawża.

1009 L-effett favorevoli għall-kompetizzjoni tal-ftehim dwar liċenzja kkonstatat fil‑punt 1007 u 1008 hawn fuq isostni l-konstatazzjoni ta’ nuqqas ta’ qsim ta’ suq f’dak li jirrigwarda s-seba’ Stati Membri koperti bil-ftehim dwar liċenzja.

1010 L-effett favorevoli għall-kompetizzjoni tal-ftehim dwar liċenzja huwa kkonfermat ukoll mill-estratt tar-risposta ta’ Krka għal talba għal informazzjoni li tinsab fil-premessa 913 tad-deċiżjoni kkontestata. Minn dan l-estratt jirriżulta s-segwenti:

“Il-kisba ta’ liċenzja u l-irtirar tal-oppożizzjonijiet kienu kkunsidrati bħala l-aħjar għażla għal Krka f’dak il-mument – li tkun tista’ tbiegħ immedjatament il-perindopril fis-swieq prinċipali ta’ Krka fl-Ewropa ċentrali u tal-Lvant, jiġifieri mill-2006.

Skont ix-xenarji l-oħra kollha, ma setgħetx issir tnedija qabel talinqas sentejn minn Lulju 2006, u anki wara tali perijodu, tnedija ma kinitx żgurata (riskju li l-privattiva 947 tinżamm, riskji ta’ żvilupp tal-forma non-alpha).”

1011 L-estratt iċċitat fil-punt 1010 hawn fuq isostni l-konstatazzjoni li Krka kienet tikkunsidra kull żamma jew kull dħul immedjat fis-seba’ Stati Membri koperti bil-ftehim dwar liċenzja bħala, fin-nuqqas ta’ dan il‑ftehim, impossibbli minħabba l-privattiva 947 (ara l-punti 999 u 1000 hawn fuq).

1012 Fir-rigward tat-18 sal-20 suq l-ieħor, jiġifieri l-unika parti tas-suq li għaliha l-Kummissjoni kkonstatat l-eżistenza ta’ ksur, għandu jiġi rrilevat li, fin-nuqqas ta’ prova tal-eżistenza ta’ inċentiv (ara l-punt 984 hawn fuq), il-klawżoli ta’ nuqqas ta’ kummerċjalizzazzjoni u ta’ nuqqas ta’ kontestazzjoni għandhom jiġu kkunsidrati bħala li jirriżultaw minn ftehim leġittimu dwar soluzzjoni bonarja ta’ tilwima fil-qasam tal‑privattivi li miegħu huwa assoċjat ftehim dwar liċenzja (ara l‑punt 963 hawn fuq). Tali rabta kuntrattwali, ibbażata fuq ir‑rikonoxximent tal-validità tal-privattiva, ma tistax, għalhekk, tiġi kklassifikata bħala ftehim ta’ esklużjoni mis-suq.

1013 Għalhekk ma kienx hemm parti tas-suq li kienet irriżervata, b’mod illegali, għal Servier.

1014 Il-qsim tas-suq li fuqu l-Kummissjoni bbażat ukoll il-konstatazzjoni tagħha ta’ restrizzjoni minħabba l-għan għalhekk ma huwiex stabbilit.

1015 Il-ħames nett, il-Kummissjoni ma pprovatx li Servier jew Krka kellhom l‑intenzjoni li jipproċedu bi ftehim dwar qsim tas-suq jew dwar esklużjoni mis‑suq jew inkella li Servier kellu l-intenzjoni li jinċentiva lil Krka sabiex tirrinunzja li tikkompetilu jew li Krka kellha l-intenzjoni li tirrinunzja, bi skambju ta’ vantaġġ ta’ inċentiv, milli teżerċita pressjoni ta’ kompetizzjoni fuq Servier.

1016 Preliminarjament, għandu jitfakkar li huwa normali li l-attivitajiet li prattiki u ftehimiet antikompetittivi jinvolvu jsiru bil-moħbi, li l-laqgħat isiru b’mod sigriet u li d-dokumentazzjoni relatata magħhom tiġi mnaqqsa għall-minimu. Minn dan isegwi li, anki jekk il-Kummissjoni tiskopri dokumenti li juru b’mod espliċitu li kien hemm kuntatt illegali bejn operaturi, normalment dawn ikunu biss frammentarji u skarsi, b’tali mod li spiss ikun neċessarju li ċerti dettalji jinġabru permezz ta’ deduzzjonijiet (sentenza tal-25 ta’ Jannar 2007, Sumitomo Metal Industries u Nippon Steel vs Il-Kummissjoni, C‑403/04 P u C‑405/04 P, EU:C:2007:52, punt 51). Madankollu għandu jiġi rrilevat li l-ftehimiet inkwistjoni f’dan il-każ huma verament kuntratti li barra minn hekk għandhom ħafna pubbliċità (premessa 915 tad-deċiżjoni kkontestata). Peress li l-Kummissjoni seta’ faċilment ikollha l-kontenut sħiħ tal-ftehimiet inkwistjoni, il-ġurisprudenza li għadha kemm ġiet iċċitata ma hijiex daqstant applikabbli. B’hekk, deduzzjonijiet misluta minn estratti parzjali ta’ posta elettronika jew ta’ dokumenti oħra intiżi sabiex jistabbilixxu l‑intenzjonijiet tal-partijiet ma jistgħux faċilment jikkontestaw konklużjoni bbażata fuq il-kontenut stess tal-ftehimiet, jiġifieri fuq ir‑rabtiet ġuridiċi mandatorji li l-partijiet iddeċidew li jistabbilixxu bejniethom.

1017 Għandu jiġi enfasizzat ukoll li, f’dan il-każ, dokumenti li ġew wara d‑deċiżjoni tal-UEP tas-27 ta’ Lulju 2006, jiġifieri l-ordni provviżorja tat‑3 ta’ Ottubru 2006 mogħtija fir-Renju Unit kontra Krka, huma l-iktar li jiżvelaw x’setgħu kienu l-intenzjonijiet tal-partijiet meta kkonkludew il-ftehimiet dwar soluzzjoni bonarja u dwar liċenzja. Fil-fatt, dawn iż‑żewġ avvenimenti bidlu sostanzjalment il-kuntest li fih il-ftehimiet ġew konklużi, b’mod partikolari f’dawk li jirrigwarda l-perċezzjoni li Krka, iżda wkoll Servier, seta’ kellhom tal-validità tal-privattiva 947.

1018 Fir-rigward ta’ Krka, id-dokumenti li fuqhom tibbaża ruħha l‑Kummissjoni sabiex tistabbilixxi l-intenzjonijiet ta’ Krka (ara, b’mod partikolari, il-premessi 849 sa 854 u 1758 sa 1760 tad-deċiżjoni kkontestata kif ukoll il-premessi li għalihom jirreferu dawn tal-aħħar) jirrigwardaw perijodi preċedenti għal dawn iż-żewġ avvenimenti.

1019 L-estratti ċċitati huma, fi kwalunkwe każ, frammetarji jew ambigwi wisq sabiex jippermettu li jiġi stabbilit, kuntrarjament għal dak li ġie kkonstatat diversi drabi (ara, b’mod partikolari, il-punti 999, 1000 u 1011 hawn fuq), li Krka ma rrikonoxxietx il-validità tal-privattiva 947 u, a fortiori, li, fil-mument tal-iffirmar tal-ftehimiet dwar soluzzjoni bonarja u dwar liċenzja, hija kellha l-intenzjoni li tikkonkludi ftehimiet dwar qsim tas-suq jew dwar esklużjoni mis-suq.

1020 Fir-rigward ta’ Servier, l-uniku estratt ta’ dokument, wara ż-żewġ avvenimenti msemmija hawn fuq, intiżi sabiex jiżvelaw l-intenzjonijiet antikompetittivi tiegħu u li għalihom sar riferiment fil-parti tad-deċiżjoni kkontestata ddedikata għal dawn l-intenzjonijiet (premessi 1761 u 1762) huwa dan li ġej: “erba’ snin mirbuħa = suċċess kbir”.

1021 Dan l-estratt jinsab fil-minuti ta’ laqgħa tal-ogħla gradi ta’ tmexxija ta’ Servier li jirreferi għas-sentenza tas-6 ta’ Lulju 2007 tal-High Court of Justice (England & Wales), Chancery Division (patents court) [il-Qorti Għolja tal-Ġustizzja (Ingilterra u Wales), Sezzjoni tal-Ekwità (Awla tal‑Privattivi)], li tipprevedi li l-privattiva 947 kienet invalida minħabba n-nuqqas ta’ novità u ta’ attività inventiva ta’ din il-privattiva meta mqabbla mal‑privattiva 341.

1022 Anki jekk minn dan l-estratt jista’ jiġi dedott li t-tmexxija ta’ Servier kienet ikkunsidrat, wara din is-sentenza, li l-privattiva 947 seta’ kellha interess li tippemettilu jirbaħ erba’ snin addizzjonali ta’ protezzjoni, dan ma jippermettix li jiġi konkluż li, fis-27 ta’ Ottubru 2006, fil-mument tal‑iffirmar tal-ftehimiet dwar soluzzjoni bonarja u dwar liċenzja, Servier kellu l-intenzjoni li jidħol fi ftehimiet dwar qsim tas-suq jew dwar esklużjoni mis‑suq u, a fortiori, ma jippermettix li jiġi stabbilit li l-ftehimiet dwar soluzzjoni bonarja u dwar liċenzja kienu jirrestrinġu l-kompetizzjoni minħabba l-għan.

1023 Barra minn hekk, l-osservazzjoni magħmula minn kumpannija oħra ta’ ġeneriċi, li tipprevedi li “jidher li, mill-perspettiva ta’ Servier, il‑ġustifikazzjoni ta’ dan il-ftehim dwar soluzzjoni bonarja hija l-protezzjoni tas-swieq prinċipali li fihom kienet ikkonstatata l‑predominanza ta’ livell għoli ta’ sostituzzjoni u/jew ta’ preskrizzjoni ta’ [denominazzjoni komuni internazzjonali]” (premessa 1730 tad-deċiżjoni kkontestata), ma tippermettix, anki jekk meħuda inkunsiderazzjoni mal‑indikazzjonijiet l-oħra kollha invokati mill-Kummissjoni, li jiġi konkluż li Servier kellu l-intenzjoni li jadotta ftehimiet dwar qsim tas-suq jew dwar esklużjoni mis-suq ma’ Krka.

1024 Finalment, ir-riferiment li l-Kummissjoni tagħmel diversi drabi fid‑deċiżjoni kkontestata għal dokument intitolat “Coversyl: difiża kontra l-ġeneriċi” ma jikkonvinċix. Fil-fatt, dan id-dokument huwa qabel id‑deċiżjoni tal-UEP tas-27 ta’ Lulju 2006 u l-ordni provviżorja tat‑3 ta’ Ottubru 2006 mogħtija fir-Renju Unit kontra Krka, li jillimita b’mod konsiderevoli r-rilevanza tiegħu (ara l-punt 1017 hawn fuq). Barra minn hekk, mid-deċiżjoni kkontestata stess jirriżulta li dan id-dokument ma jiddeskrivix b’mod espliċitu l-istrateġija li tirrigwarda lil Krka iżda, l-iktar l-iktar, li “min-natura u [mil]l-istruttura tad-dokument”, kif ukoll mill‑“kuntest li fih isir riferiment għal Krka”, jirriżulta li kienet “maħsuba” difiża kontra tagħha (nota ta’ qiegħ il-paġna nru 2386). Finalment, mill-estratti ta’ dan id-dokument iċċitati fid-deċiżjoni kkontestata ma jirriżultax li Servier esprima dubji dwar il-validità tal‑privattiva 947.

1025 Fi kwalunkwe każ, sabiex tiġi kkontestata l-konklużjoni li għaliha waslet il-Qorti Ġenerali fil-punt 985 hawn fuq u jiġi stabbilit li l-ftehimiet inkwistjoni kienu jkopru, kuntrarjament għall-konklużjoni li għaliha tasal l-analiżi tal-kontenut tagħhom u tal-kuntest li fih ġew konklużi, ix-xiri ta’ kompetitur sabiex jiġi eskluż mis-suq, hija l-Kummissjoni li għandha, fid-dawl b’mod partikolari tal-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punt 1016 hawn fuq, tipproduċi sensiela ta’ indizji rilevanti u konverġenti. Issa, l‑Kummissjoni ma kinitx f’pożizzjoni tipproduċi tali indizji.

1026 Is-sitt nett, il-fatt li Krka kompliet tikkontesta l-privattivi ta’ Servier u tikkummerċjalizza l-prodott tagħha minkejja li l-validità tal-privattiva 947 kienet ġiet ikkonfermata mid-Diviżjoni ta’ Oppożizzjoni tal-UEP ma jikkostitwixxix element sinjifikattiv sabiex tiġi kkonstatata l-eżistenza ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan, filwaqt li tali żamma minn Krka tal-pressjoni kompetittiva eżerċitata fuq Servier tista’ tiġi spjegata mix-xewqa ta’ Krka, minkejja r-riskji kontenzjużi li hija kienet tantiċipa, li ssaħħaħ il-pożizzjoni tagħha fin-negozjati li hija seta’ jkollha ma’ Servier sabiex tasal fi ftehim dwar soluzzjoni bonarja.

1027 Barra minn hekk, it-tkomplija tal-kontestazzjoni tal-privattiva ta’ Servier ma kinitx tagħti riskji ġodda lil Krka f’termini ta’ ksur ta’ privattiva. Din kienet iżżid biss l-ispejjeż ġudizzjarji. Fir-rigward tat-tkomplija tal‑kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti tagħha, hija illimitat ruħha għal ħamest’iswieq tal-Ewropa ċentrali u tal-Lvant, filwaqt li l-Kummissjoni indikat, fid-deċiżjoni kkontestata, li Krka “finalment waqfet milli tipprova tidħol b’riskju fi Franza, fir-Renju Unit u fi swieq oħra tal‑Ewropa tal-Punent wara d-deċiżjoni [tad-Diviżjoni] ta’ Oppożizzjoni” (premessa 1693). Barra minn hekk, f’ħames mis-sebat’iswieq koperti mil-liċenzja, l-ekwivalenti tal-privattiva 947 kienu għadhom ma ngħatawx (premessa 1755 tad-deċiżjoni kkontestata). B’hekk, ir-riskji sostnuti minn Krka, f’talinqas ċerti swieq li żammet, kienu limitati.

1028 Fid-dawl tal-elementi esposti fil-punti 1026 u 1027 hawn fuq, il-fatt li Krka kompliet tikkontesta l-privattivi ta’ Servier u l‑kummerċjalizzazzjoni tal-prodott tagħha minkejja li l-validità tal‑privattiva 947 kienet ġiet ikkonfermata mid-Diviżjoni ta’ Oppożizzjoni tal-UEP ma jipperemettix li jiġi konkluż, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, li d-deċiżjoni tal-UEP tas‑27 ta’ Lulju 2006 ma kellhiex effett sinjifikattiv fuq il-perċezzjoni li Krka kellha tal-privattiva 947 u, konsegwentement, fuq l-għażla li hija għamlet wara li aċċettat li tikkonkludi ftehim dwar soluzzjoni bonarja ma’ Servier.

1029 Fis-seba’ lok, jekk il-Kummissjoni tipproduċi ċertu numru ta’ elementi li jippermettu li jiġi konkluż li l-ftehimiet dwar soluzzjoni bonarja u dwar liċenzja kienu s-suġġett ta’ negozjar kummerċjali bejn Servier u Krka, filwaqt li Krka tfittex li timmassimizza l-vantaġġi li hija seta’ jkollha mill-ftehimiet u tuża l-ftehim dwar liċenzja bħala kundizzjoni sabiex taċċetta l-klawżoli ta’ nuqqas ta’ kummerċjalizzazzjoni u ta’ nuqqas ta’ kontestazzjoni (ara, b’mod partikolari, il-premessi 913 u 1746 sa 1748 tad-deċiżjoni kkontestata), dawn l-elementi, anki jekk jiġu kkunsidrati mal-elementi l-oħra kollha li għandha l-Kummissjoni, ma jippermettux li jiġi stabbilit li l-ftehim dwar liċenzja ma jikkostitwixxix tranżazzjoni konkluża skont il-kundizzjonijiet normali tas-suq, jiġifieri li r-rata ta’ pagament ta’ 3 % prevista fil-ftehim dwar liċenzja ma kinitx magħżula abbażi ta’ kunsiderazzjonijiet kummerċjali iżda sabiex tinċentiva lil Krka taċċetta li tissuġġetta ruħha għall-klawżoli ta’ nuqqas ta’ kummerċjalizzazzjoni u ta’ nuqqas ta’ kontestazzjoni li jinsabu fil-ftehim dwar soluzzjoni bonarja.

1030 Barra minn hekk, għandu jitfakkar li l-għoti ta’ ftehim dwar liċenzja, li l‑uniku għan tiegħu huwa li kull detentur jkun jista’ jużaha b’mod effettiv, huwa bbażat fuq ir-rikonoxximent mill-partijiet tal-validità tal‑privattiva (ara l-punt 947 hawn fuq). B’hekk, il-fatt li l-kumpannija ta’ ġeneriċi tfittex sabiex tikseb il-ftehim dwar liċenzja li jkun l-iktar favorevoli għall-interessi kummerċjali tagħha ma huwiex biżżejjed sabiex juri li din il-kumpannija ma kkonkludietx il-ftehim inkwistjoni abbażi tar-rikonoxximent tagħha tal-validità tal-privattiva.

1031 Għandu jingħad ukoll li ftehim favorevoli għal Krka kien jippermettilha li tidħol fuq il-partijiet tas-suq fejn hija kellha l-iktar pożizzjoni b’saħħitha u fejn hija setgħet tikkummerċjalizza bl-iktar mod rapidu l‑prodott tagħha jew iżżomm il-kummerċjalizzazzjoni tiegħu, li huwa favorevoli għall-kompetizzjoni. B’hekk, l-interessi ta’ kumpannija ta’ ġeneriċi bħal Krka, li tfittex li tikseb mingħand il-kumpannija ta’ verżjonijiet tal-bidu l-liċenzja li hija l-iktar favorevoli għall-interessi kummerċjali tagħha, jaqblu ma’ dawk tal-konsumatur, li jara, bis-saħħa tal-ftehim dwar liċenzja, kumpannija ta’ ġeneriċi tidħol b’mod rapidu fis‑suq jew tibqa’ fih.

1032 Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li l-konklużjoni esposta fil-punt 985 hawn fuq għandha tkun ikkonfermata, peress li l‑ftehimiet dwar soluzzjoni bonarja u dwar liċenzja ma għandhomx grad suffiċjenti ta’ dannu fir-rigward tal-kompetizzjoni sabiex il-Kummissjoni setgħet b’mod korrett tikkunsidra li kienu jikkostitwixxu restrizzjoni minħabba l-għan. Konsegwentement, il-motiv invokat huwa fondat.

2)      Fuq il-ftehim dwar trasferiment

i)      L-argumenti tal-partijiet

[omissis]

ii)    L-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali

1041 Preliminarjament, għandu jitfakkar fuq liema motivi determinanti l‑Kummissjoni bbażat ruħha, fid-deċiżjoni kkontestata, sabiex tikkonkludi li l-ftehim dwar trasferiment seta’ jiġi kklassifikat bħala restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan.

1042 Qabel xejn, il-Kummissjoni kkonstatat, minn naħa waħda, li, fil-qafas tal‑ftehim dwar trasferiment, Krka kienet ittrasferiet lil Servier żewġ applikazzjonijiet għal privattivi, waħda relatata ma’ proċess ta’ sinteżi tal‑perindopril (WO 2005 113500) u l-oħra mal-preparazzjoni ta’ formulazzjonijiet ta’ perindopril (WO 2005 094793), u, min-naħa l-oħra, li t-teknoloġija koperta minn dawn l-applikazzjonijiet għal privattivi kienet użata għall-produzzjoni tal-perindopril ta’ Krka (premessa 1770 tad‑deċiżjoni kkontestata).

1043 Abbażi ta’ din il-konstatazzjoni, l-analiżi tal-Kummissjoni kienet intiża sabiex turi li l-ftehim dwar trasferiment kien isaħħaħ il-pożizzjoni kompetittiva ta’ Servier u ta’ Krka li kien jirriżulta mill-qsim ta’ suq li kien ġie stabbilit, fl-opinjoni tagħha, mill-ftehimiet dwar soluzzjoni bonarja u dwar liċenzja (premessi 1766 u 1804 tad-deċiżjoni kkontestata).

1044 Fir-rigward, fl-ewwel lok, ta’ Servier, il-Kummissjoni rrilevat li t‑trasferiment tat-teknoloġija ta’ Krka kien sar f’kundizzjonijiet tas-suq speċifiċi, li fihom kien hemm ftit wisq sorsi alternattivi ta’ teknoloġija ta’ IFA potenzjalment vijabbli u indipendenti minn Servier (premessi 1766 u 1772 tad-deċiżjoni kkontestata). Skont il‑Kummissjoni, it-teknoloġija ta’ Krka, li kienet tippermetti li jiġu ssodisfatti r-rekwiżiti tal‑farmakopea Ewropea (premessi 1766, 1770 u 1793 tad-deċiżjoni kkontestata), kienet tikkostitwixxi “element prinċipali sabiex tidħol fis-suq” (premessa 1803 tad-deċiżjoni kkontestata).

1045 Il-Kummissjoni indikat dan li ġej fil-premessa 1772 tad-deċiżjoni kkontestata:

“Billi neħħa l-possibbiltà li Krka tagħti liċenzji mingħajr restrizzjonijiet jew li tittrasferixxi t-teknoloġija tagħha lil terzi, jiġifieri lil kumpanniji ta’ ġeneriċi oħra, Servier effettivament ħonoq l-aċċess għal terzi għal eventwali sors ta’ kompetizzjoni abbażi tat-teknoloġija ta’ Krka. Tali teknoloġija setgħet, pereżempju, isservi ta’ pjattaforma għal kontestazzjonijiet ġodda ta’ privattiva. Flimkien mal-ftehim dwar soluzzjoni bonarja Krka, il-ftehim dwar trasferiment u dwar liċenzja b’hekk ipprovda lil Servier protezzjoni assoluta kontra kull kompetizzjoni potenzjali eżistenti li tirriżulta mit-teknoloġija ta’ Krka.”

1046 B’hekk, skont il-Kummissjoni, bl-akkwist tat-teknoloġija ta’ Krka, Servier kien ċert li din tal-aħħar ma setgħetx tibqa’ tittrasferixxi teknoloġija li setgħet tirriżulta utili għal kumpanniji oħra ta’ ġeneriċi. Minn dan il-Kummissjoni ddeduċiet li l-ftehim dwar trasferiment kien jippermetti lil Servier isaħħaħ il-protezzjoni li minnha kien diġà jibbenefika minħabba l-klawżoli ta’ nuqqas ta’ kummerċjalizzazzjoni u ta’ nuqqas ta’ kontestazzjoni li jinsabu fil-ftehim dwar soluzzjoni bonarja (premessi 1805 u 1806 tad-deċiżjoni kkontestata).

1047 Fit-tieni lok, fir-rigward ta’ Krka, il-Kummissjoni kkunsidrat mhux biss li din tal-aħħar “kienet konxja mill-fatt li l-akkwisti ta’ teknoloġija ta’ perindopril minn Servier setgħu jwasslu għat-tneħħija tal-kompetituri tal‑ġeneriċi” (premessa 1800 tad-deċiżjoni kkontestata), iżda fuq kollox li kienet tibbenefika mil-liċenzja li kienet ġiet ittrasferita lura lilha fil-qafas tal-ftehim dwar trasferiment.

1048 Fir-rigward ta’ dan l-aħħar aspett, il-Kummissjoni indikat li Krka setgħet tkompli tuża t-teknoloġija tagħha fis-swieq tas-seba’ Stati Membri li fihom hija setgħet tikkummerċjalizza l-prodott tagħha bis-saħħa tal‑ftehim dwar liċenzja (premessa 1806 tad-deċiżjoni kkontestata). Issa, skont il‑Kummissjoni, it-teknoloġija ta’ Krka kienet utili, inkluż għal Krka, sabiex jiġi prodott l-IFA ta’ perindopril li kien jirrapreżenta livell ta’ purità li jissodisfa r-rekwiżiti tal-farmakopea Ewropea. B’hekk, Krka rat li l-pożizzjoni favorevoli li hija diġà kellha fis-seba’ swieq ikkonċernati bis-saħħa tal-ftehim dwar liċenzja nżammet bil-ftehim dwar trasferiment.

1049 Il-Kummissjoni kkonkludiet li l-ftehim dwar trasferiment kellu l-għan li jsaħħaħ il-qsim tas-suq stabbilit bil-ftehimiet dwar soluzzjoni bonarja u dwar liċenzja (premessi 1803 u 1810 tad-deċiżjoni kkontestata).

1050 Il-Kummissjoni żiedet li l-konklużjoni tal-ftehimiet dwar soluzzjoni bonarja u dwar liċenzja u tal-ftehim dwar trasferiment kienu parti minn ksur wieħed u kontinwu li jirrestrinġi l-kompetizzjoni billi jaqsam is‑swieq tal-perindopril fl-Unjoni. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni bbażat ruħha, b’mod partikolari, fuq il-fatt li dawn il-ftehim kienu jsegwu l-istess għan ta’ qsim tas-swieq bejn Servier u Krka (premessa 1811 tad‑deċiżjoni kkontestata).

1051 Il-Kummissjoni kkonkludiet il-parti tad-deċiżjoni kkontestata ddedikata għall-analiżi tar-restrizzjoni minħabba l-għan relatata mal-ftehimiet differenti konklużi bejn Servier u Krka billi indikat li dawn il-ftehimiet “kienu jsegwu l-għan […] li jaqsmu s-swieq billi jevitaw jew jirrestrinġu l-kompetizzjoni bil-prodotti mediċinali ta’ ġeneriċi bejn, u lejn, Krka u Servier” (premessa 1812).

1052 Finalment, għandu jiġi enfasizzat li l-Kummissjoni kkunsidrat li l-ftehim dwar trasferiment kien jintroduċi biss distorsjoni “addizzjonali”, kif jindika t-titolu tal-punt 5.5.3.4 tad-deċiżjoni kkontestata.

1053 Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-konstatazzjoni ta’ restrizzjoni minħabba l-għan użata mill-Kummissjoni fir-rigward tal‑ftehim dwar trasferiment hija bbażata, kif ġustament jindikaw ir‑rikorrenti, fuq il-konstatazzjoni preċedenti dwar l-eżistenza ta’ qsim ta’ suq li jirriżulta mill-ftehimiet dwar soluzzjoni bonarja u dwar liċenzja.

1054 Issa, kif intqal fil-punt 1014 hawn fuq, din il-konstatazzjoni preċedenti hija żbaljata.

1055 Konsegwentement, il-konstatazzjoni ta’ restrizzjoni minħabba l-għan użata mill-Kummissjoni fir-rigward tal-ftehim dwar trasferiment lanqas ma tista’ tkun valida.

1056 Għandu jiżdied li l-ftehim dwar trasferiment ma huwiex ftehim inċidentali għall-ftehim dwar soluzzjoni bonarja, fis-sens tal-argumenti żviluppati fil-punt 797 sa 803 hawn fuq.

1057 Fil-fatt, dan il-ftehim dwar trasferiment ma ġiex konkluż fl-istess jum bħall-ftehim dwar soluzzjoni bonarja, ma hemmx rabta kuntrattwali bejn dawn iż-żewġ ftehimiet u l-Kummissjoni ma stabbilixxietx li kienu inseparabbli (ara l-punt 798 hawn fuq).

1058 Il-Kummissjoni spjegat ukoll li ma kien hemm l-ebda rabta bejn, minn naħa waħda, il-ħlas ta’ EUR 30 miljun minn Servier lil Krka fil-qafas tal-ftehim dwar trasferiment u, min-naħa l-oħra, il-ftehim dwar soluzzjoni bonarja, fis-sens li dan il-ħlas ma kienx ikkostitwixxa inċentiv lil Krka sabiex taċċetta li tissuġġetta ruħha għall-klawżoli ta’ nuqqas ta’ kummerċjalizzazzjoni u ta’ nuqqas ta’ kontestazzjoni inklużi fil-ftehim dwar soluzzjoni bonarja. Dan jirriżulta, b’mod partikolari, mill-estratti tad-deċiżjoni kkontestata ċċitati iktar ’il quddiem:

“(1678)      Xahrejn wara, Servier akkwista mingħand Krka applikazzjonijiet għal privattivi dwar teknoloġiji kompetituri ta’ produzzjoni ta’ perindopril b’EUR 30 miljun. Krka kkunsidrat li Servier kien jemmen li din it-teknoloġija setgħet tiġi ttrasferita jew mogħtija permezz ta’ liċenzja lil kompetituri oħra. Jekk ċerti elementi juru l‑eżistenza ta’ rabta bejn il-ftehim dwar soluzzjoni bonarja u l-ħlas ta’ [EUR] 30 miljun minn Servier, din id-deċiżjoni ma tislet l-ebda konklużjoni dwar dan il-punt, u l-analiżi ta’ dawn il-ftehimiet ma hijiex ibbażata fuq l-eżistenza ta’ tali rabta.

[…]

(Nota 2419)      Servier jikkontesta li kien hemm rabta bejn il-pagament għall-applikazzjonijiet għal privattiv[i] u l-ftehim dwar soluzzjoni bonarja (risposta ta’ Servier għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, paragrafu 1084, ID 10114, p. 363). Kif jirriżulta b’mod ċar mill‑[punt] 5.5.3.3.3, l-evalwazzjoni tal-ftehim dwar soluzzjoni bonarja Krka ma tikkunsidrax il-pagament ta’ [EUR] 30 miljun bħala inċentiv għal Krka li taċċetta d-dispożizzjonijiet restrittivi tas-soluzzjoni bonarja, u tħalli miftuħa bħala mhux deċiżiva l-kwistjoni dwar jekk kienx hemm rabta bejn is-soluzzjoni bonarja u l-ftehim dwar trasferiment u dwar liċenzja […]”

1059 B’hekk, il-ftehim dwar trasferiment ma jippermettix li jagħmel tajjeb għan‑natura mhux stabbilita (ara l-punt 984 hawn fuq) tal-inċentiv li, skont il-Kummissjoni, kien jirriżulta mill-ftehim dwar liċenzja u kien jippermettilha tikkonkludi li l-ftehim dwar soluzzjoni bonarja fir-realtà kellu bħala għan li jeskludi kompetitur ta’ Servier.

1060 Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-Kummissjoni kkonkludiet b’mod żbaljat, fir-rigward tal-ftehim dwar trasferiment, dwar l-eżistenza ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan. Dan il-motiv huwa għalhekk fondat.

b)      Fuq l-iżbalji ta’ liġi u ta’ evalwazzjoni relatati malklassifikazzjoni ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba leffett tal-ftehimiet konklużi ma’ Krka

1)      L-argumenti tal-partijiet

[omissis]

2)      L-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali

1075 L-iżball ta’ evalwazzjoni u l-iżball ta’ liġi għandhom jiġu eżaminati flimkien fir-rigward tal-eżistenza ta’ restrizzjoni minħabba l-effett.

1076 F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet b’mod ripetut li, sabiex jiġi evalwat jekk ftehim għandux jiġi kkunsidrat bħala pprojbit minħabba distorsjonijiet tal-kompetizzjoni li jkunu l-effett tiegħu, il-kompetizzjoni għandha tiġi eżaminata fil-kuntest reali tagħha fejn din isseħħ fl-assenza tal-ftehim ikkontestat (sentenzi tat‑30 ta’ Ġunju 1966, LTM, 56/65, EU:C:1966:38, p. 359 u 360, u tas‑6 ta’ April 2006, General Motors vs Il-Kummissjoni, C‑551/03 P, EU:C:2006:229, punt 72; ara, ukoll, is‑sentenza tal‑11 ta’ Settembru 2014, MasterCard et vs Il-Kummissjoni, C‑382/12 P, EU:C:2014:2201, punt 161 u l-ġurisprudenza ċċitata). Għalhekk għandu jintwera, billi jsir paragun bejn il-kompetizzjoni kif kienet b’dan il-ftehim u l-kompetizzjoni li kien ikun hemm fin-nuqqas ta’ tali ftehim, li jkun hemm sitwazzjoni kompetittiva agħar meta dan jiġi applikat.

1077 Preliminarjament, għandu jiġi spjegat abbażi ta’ liema approċċ il‑Kummissjoni, fid-deċiżjoni kkontestata, ipproċediet bl-eżami tar‑restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-effett, fir-rigward, b’mod partikolari, tal-istadju komparattiv ta’ dan l-eżami msemmi fil-punt 1076 hawn fuq.

i)      Fuq l-approċċ segwit mill-Kummissjoni

1078 Qabel xejn, hemm lok li jerġgħu jsiru ċertu kunsiderazzjonijiet ġenerali, applikabbli għall-ftehimiet kollha konklużi bejn Servier u l-kumpanniji ta’ ġeneriċi inkwistjoni fid-deċiżjoni kkontestata, li l-Kummissjoni esponiet fil-punt 5.1.7 tad-deċiżjoni kkontestata, intitolat “Evalwazzjoni tal-ftehimiet dwar soluzzjoni bonarja fil-qasam ta’ privattiva bi ħlas invertit bħala restrizzjonijiet minħabba l-effett skont l‑Artikolu 101(1) tat‑Trattat”.

1079 Il-Kummissjoni indikat, b’mod partikolari, li l-eżami tal-kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni fuq suq partikolari “[kellu] jkun ibbażat mhux biss fuq il-kompetizzjoni eżistenti bejn l-impriżi diġà preżenti fis-suq rilevanti iżda wkoll fuq il-kompetizzjoni potenzjali” (premessa 1215 tad-deċiżjoni kkontestata).

1080 Fil-premessa 1219 tad-deċiżjoni kkontestata l-Kummissjoni fakkret, li, skont il-Linji Gwida dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu [101](3) [TFUE] (ĠU 2004, C 101, p. 97), kellhom jiġu kkunsidrati l-“effetti reali jew potenzjali” ta’ ftehim, peress li l-ftehim kellu “jkun jista’ jkollu effetti antikompetittivi” biss. F’dan ir-rigward, hija rreferiet għall‑paragrafu 24 tal-imsemmija Linji Gwida, li huwa bbażat fuq is‑sentenza tat‑28 ta’ Mejju 1998, Deere vs Il‑Kummissjoni (C‑7/95 P, EU:C:1998:256, punt 77).

1081 Sussegwentement, il-Kummissjoni esponiet il-metodu tagħha. Hija indikat li hija kienet se turi l-effetti restrittivi tal-ftehimiet billi tistabbilixxi, fl‑ewwel lok, li kull wieħed minnhom kien wassal għall-eliminazzjoni ta’ kompetitur potenzjali u, wara, li l-eliminazzjoni ta’ kompetitur wieħed “seta’ jkollha effetti fuq l-istruttura tal-kompetizzjoni” (premessa 1219 tad-deċiżjoni kkontestata).

1082 Il-Kummissjoni għalhekk ikkunsidrat li l-konstatazzjoni tal‑eliminazzjoni ta’ kompetitur potenzjali kienet sussegwentement tippermettilha li sempliċement tistabbilixxi effetti antikompettitivi li “setgħu” jiġu prodotti, jiġifieri effetti “potenzjali” fuq il-kompetizzjoni (ara l-punt 1080 hawn fuq).

1083 Il-Kummissjoni spjegat dan li ġej fil-premessa 1220 tad-deċiżjoni kkontestata:

“L-evalwazzjoni tal-effetti restrittivi għandha ssir abbażi tal-fatti fil‑mument tas-soluzzjoni bonarja, filwaqt li jiġi kkunsidrat il-mod li fih il-ftehim ġie effettivament implimentat. Ċerti partijiet ma jaqblux u jallegaw li l-evalwazzjoni għandha tikkunsidra l-iżviluppi fattwali kollha li seħħew wara u ma għandhiex tkun ibbażata prinċiparjament fuq is-sitwazzjoni eżistenti fil-mument tal-konklużjoni tal-ftehimiet. [… M]eta l-eliminazzjoni tal-kompetizzjoni potenzjali hija inkwistjoni, li jiġi kkunsidrat dak li verament seħħ ftit jista’ jkollu x’jaqsam ma’ dak li kieku probabbilment kien iseħħ fin-nuqqas tal‑ftehim, u din hija kwistjoni prinċipali għall-evalwazzjoni tal-kompetizzjoni. Dan huwa iktar u iktar veru meta l-ftehim jemenda b’mod kunsiderevoli l-inċentivi ta’ parti, jew tat-tnejn, biex ikomplu jikkompetu.”

1084 Fl-ewwel żewġ sentenzi ta’ din il-premessa li l-formulazzjoni tagħha hija kemxejn ambigwa, il-Kummissjoni aċċettat li hija ma kinitx se tibbaża ruħha, għal kull ftehim, fuq l-iżviluppi kollha fattwali li jseħħu wara l‑konklużjoni tiegħu, iżda li hija ser tibbaża ruħha, talinqas essenzjalement, fuq il-fatti eżistenti fil-mument ta’ din il-konklużjoni. Sabiex tiġġustifika dan l-approċċ, hija sussegwentement irreferiet għall-kunċett ta’ “kompetizzjoni potenzjali” filwaqt li indikat li, meta jkun hemm l‑eliminazzjoni tal-kompetizzjoni potenzjali, it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ ċerti avvenimenti reali, b’mod partikolari avvenimenti li jseħħu wara l-konklużjoni tal-ftehim, ikun inqas rilevanti sabiex juri wieħed mill-fatturi tal-paragun imsemmi fil-punt 1076 hawn fuq, jiġifieri l-kompetizzjoni kif tirriżulta fin-nuqqas ta’ ftehim.

1085 Tali approċċ huwa kkonfermat minn estratt tal-premessa 1264 tad‑deċiżjoni kkontestata, li fih il-Kummissjoni tikkunsidra li, meta tkun involuta l-eliminazzjoni ta’ kompetitur potenzjali, għandhom jiġu analizzati l-“effetti potenzjali futuri” tal-ftehimiet.

1086 Il-premessa tad-deċiżjoni kkontestata ċċitata fil-punt 1085 hawn fuq tinsab f’punt tad-deċiżjoni kkontestata intitolat “Struttura prevalenti tas‑suq fil-mument tal-ftehimiet dwar soluzzjoni bonarja”, li huwa prinċiparjament iddedikat sabiex jiddeskrivi l-eliminazzjoni progressiva, permezz tal-konklużjoni tad-diversi ftehimiet ikkontestati, ta’ kompetituri potenzjali ta’ Servier (premessi 1244 sa 1269 tad-deċiżjoni kkontestata).

1087 Ċertament, f’dan il-punt, il-Kummissjoni ssemmi ċerti avvenimenti li seħħew realment matul l-implimentazzjoni tal-ftehimiet u li jippermettu li jiġi konkluż li kien hemm persistenza ta’ pressjoni kompetittiva eżerċitata minn żewġ kumpanniji ta’ ġeneriċi li ma kinux iffirmaw ftehim ma’ Servier. Il-Kummissjoni b’hekk tikkonstata li l-privattiva 947 ġiet invalidata fir-Renju Unit minħabba t-tkomplija, minn waħda minn dawn iż-żewġ kumpanniji, Apotex, tal-kawża ġudizzjara li hija kienet bdiet f’dan il-pajjiż.

1088 Madankollu, il-Kummissjoni tiddikjara li kien għad hemm “possibbiltà” qawwija, wara l-konklużjoni tal-ftehimiet ikkontestati li Servier iffirma ma’ kumpanniji ta’ ġeneriċi differenti, li jipprova jilħaq ftehim ma’ Apotex, u mal-kumpannija l-oħra li setgħet tirrappreżenta theddida għalih (premessa 1268), minkejja li fid-data li fiha hija adottat id-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni setgħet tikkonstata li tali ftehimiet ma kinux ġew konklużi.

1089 Id-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni msemmija fil-punt 1088 hawn fuq tikkonferma li, sabiex turi kif kienet tkun il-kompetizzjoni fin-nuqqas ta’ ftehim (waħda mis-sitwazzjonijiet ta’ paragun imsemmija fil‑punt 1076 hawn fuq), hija bbażat ruħha fuq approċċ ipotetiku, parzjalment indifferenti minn kif seħħew verament l-avvenimenti, b’mod partikolari wara l-konklużjoni tal-ftehimiet ikkontestati.

1090 Hija l-premessa li permezz tagha hija setgħet, f’każ ta’ ftehim li jelimina kompetitur potenzjali, tillimita ruħha sabiex turi biss l-effetti potenzjali ta’ dan il-ftehim, jiġifieri dawk li l-ftehim “jista’” ikollu, li tippermetti lill-Kummissjoni tibbaża d-deskrizzjoni tagħha tal-kompetizzjoni kif kienet tirriżulta fin-nuqqas ta’ ftehim fuq ipoteżi jew “possibilitajiet” minflok fuq kif seħħew realment l-avvenimenti kif seta’ jiġi osservat fil‑mument li fih hija adottat id-deċiżjoni tagħha.

1091 F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni indikat dan li ġej fil-punt 152 tar‑risposta tagħha:

“[...] Servier jallega li l-Kummissjoni ma kkunsidratx is-sitwazzjoni ta’ ksur ta’ privattiva b’mod korrett. Il-Kummissjoni tiċħad din il-kritika. L‑avvenimenti li jindikaw jekk kompetitur portenzjali jispiċċax isir kompetitur reali jew jirnexxilux jidħol fis-suq għandhom biss portata limitata għaliex l-esklużjoni ta’ kompetitur potenzjali fid-data tal-ftehim f’kuntest fejn il-kompetituri reali ma jeżistux u l-kompetituri potenzjali huma limitati ħafna għandha fiha nnifisha effett restrittiv tal‑kompetizzjoni li jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal‑Artikolu 101 TFUE. Il-kwistjoni essenzjali hija dik dwar jekk il-kumpannija ta’ ġeneriċi tissodisfax il‑kundizzjonijiet sabiex tiġi kkunsidrata bħala kompetitur potenzjali. Il‑kumpannija tista’ titlaq mis-suq jew ma tidħol qatt fis-suq għal kwalunkwe raġuni oħra li ma tinvalidax il-fatt li fid-data tal-ftehim kienet ta’ theddida serja biżżejjed.”

1092 Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-Kummissjoni kkunsidrat li, peress li kienet stabbilixxiet li ftehim jeskludi kompetitur potenzjali, sabiex jiġi stabbilit kif kienet tkun il-kompetizzjoni fin-nuqqas ta’ dan il‑ftehim, ma kienx neċessarju li tibbaża ruħha fuq l-avvenimenti reali li seħħew, b’mod partikolari, wara l-konklużjoni tal-ftehim. Għall‑kuntrarju, il-Kummissjoni kkunsidrat, billi bbażat ruħha fuq il‑prattika normali tagħha fil-qasam tat-teħid inkunsiderazzjoni tal-effetti potenzjali ta’ ftehim li huwa biżżejjed li jintwera li dan il-ftehim “jista’” ikollu effetti antikompetittivi (ara l-punti 1080 u 1085 hawn fuq), li hija setgħet tibbaża d-deskrizzjoni tagħha tal-kompetizzjoni fin-nuqqas ta’ ftehim fuq ipoteżi jew “possibilitajiet”.

1093 Wara li ġie espost l-approċċ ġenerali tal-Kummissjoni, għandu jiġi stabbilit jekk, fil-kuntest partikolari tal-analiżi tal-effetti fuq il‑kompetizzjoni tal-ftehimiet konklużi bejn Servier u Krka, hija pproċedietx skont dan l-approċċ ġenerali.

1094 Fil-premessi 1813 u 1814 tad-deċiżjoni kkontestata, jiġifieri fl-ewwel premessi dwar il-punt iddedikat għar-restrizzjoni minħabba l-effett fir‑rigward tal-ftehimiet konklużi ma’ Krka, il-Kummissjoni indikat li l‑għan tal-proposta tagħha f’dan il-punt kien li jiġi stabbilit jekk il‑ftehimiet inkwistjoni “[setax] ikollhom effetti restrittivi tal‑kompetizzjoni”. Bl-istess mod, fit-titolu tal-konklużjoni tal-punt iddedikat għar‑restrizzjoni minħabba l-effett fir-rigward tal-ftehimiet konklużi ma’ Krka, il-Kummissjoni tindika li dawn il-ftehimiet “[se]tgħu jipproduċu effetti restrittivi tal-kompetizzjoni”. Finalment, fir-risposta tagħha, il‑Kummissjoni kkonfermat li d-“deċiżjoni vverifikat jekk il-ftehimiet setax ikollhom effetti antikompetittivi” (punt 135).

1095 Mit-termini użati mill-Kummissjoni esposti fil-punt 1094 hawn fuq jirriżulta li l-proċedura tagħha hija bbażata fuq il-konstatazzjoni ta’ effetti potenzjali tal-ftehimiet (ara l-punt 1080 hawn fuq).

1096 Barra minn hekk, sabiex tipproċedi għall-paragun imsemmi fil-punt 1076 hawn fuq, il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq il-fatt li, fin-nuqqas ta’ ftehim, Krka kompliet tirrappreżenta “theddida għall-kompetizzjoni” fuq Servier (premessi 1828 u 1830 tad-deċiżjoni kkontestata).

1097 Mal-ewwel analiżi, din it-“theddida għall-kompetizzjoni” li l-ftehimiet jeliminaw tirreferi, bin-natura ipotetika tagħha, iktar għal effetti potenzjali fuq il-kompetizzjoni milli għal effetti reali.

1098 Issa, l-eliminazzjoni tat-“theddida għall-kompetizzjoni” imsemmija fil‑punti 1096 u 1097 hawn fuq għall-Kummissjoni tikkostitwixxi element essenzjali sabiex jintwera li s-sitwazzjoni ta’ kompetizzjoni fis‑suq kienet marret għall-agħar minħabba l-ftehim dwar soluzzjoni bonarja (ara l-punt 1076 hawn fuq).

1099 Huwa veru li, sussegwentement, il-Kummissjoni, fir-rigward tas-setgħa tas‑suq ta’ Servier li dwarha hija kienet għamlet il-konstatazzjoni qabel (premessi 1817 sa 1819 tad-deċiżjoni kkontestata), tiddedika parti mid‑deċiżjoni kkontestata għall-istruttura tas-suq inkwistjoni, ikkaratterizzata minn nuqqas jew minn ftit sorsi tal-kompetizzjoni (premessi 1835 sa 1846).

1100 Madankollu, hija l-konstatazzjoni preċedenti tal-eżistenza, fin-nuqqas ta’ ftehim, ta’ “theddida għall-kompetizzjoni”, li saret fil-parti preċedenti tad-deċiżjoni kkontestata (premessi 1825 sa 1834), li tikkostitwixxi l‑punt ta’ tluq neċessarju tal-analiżi tal-istruttura tas-suq.

1101 Il-Kummissjoni tikkonkludi l-analiżi tal-istruttura tas-suq inkwistjoni billi tindika li kienet teżisti possibbiltà qawwija li s-sorsi eżistenti ta’ kompetizzjoni identifikati fil-mument tal-iffirmar tal-ftehimiet konklużi ma’ Krka jitneħħew mill-kompetizzjoni permezz ta’ ftehim futur jew b’xi mezz ieħor, iżda mingħajr ma ġie spjegat jekk dan kienx il-każ matul il‑perijodu ta’ applikazzjoni tal-ftehimiet konklużi ma’ Krka (premessa 1846 tad-deċiżjoni kkontestata).

1102 L-element imsemmi fil-punt 1101 hawn fuq jikkonferma dak li diġà ġie espost fil-punt 1092 hawn fuq. B’hekk, il-Kummissjoni kkunsidrat li, peress li hija kienet stabbilixxiet li l-ftehim dwar soluzzjoni bonarja kien jeskludi lil Krka u li din kienet talinqas kompetitur potenzjali ta’ Servier, hija ma kinitx obbligata, sabiex turi l-kompetizzjoni li kienet tirriżulta fin-nuqqas ta’ ftehim (waħda mis-sitwazzjonijiet ta’ paragun imsemmija fil-punt 1076 hawn fuq), li tikkunsidra kif seħħew verament l‑avvenimenti kif setgħu jiġu osservati fil-mument li fih adottat id‑deċiżjoni. Għall-kuntrarju, il-Kummissjoni qieset, billi bbażat ruħha fuq il-prattika normali tagħha għat-teħid inkunsiderazzjoni tal-effetti potenzjali ta’ ftehim li tgħid li huwa biżżejjed li jinwera li dan il-ftehim “jista’” ikollu effetti antikompetittivi, li hija setgħet tibbaża d-deskrizzjoni tal‑kompetizzjoni tagħha fin-nuqqas ta’ ftehim fuq ipoteżi jew “possibilitajiet”.

1103 Il-Kummissjoni għalhekk ipproċediet għal analiżi tal‑ftehimiet konklużi bejn Servier u Krkb’mod konformi mal-orjentazzjoni ġenerali li hija kienet stabbilixxiet għall-eżami tad-diversi ftehimiet dwar soluzzjoni bonarja kkunsidrati bħala ksur fid-deċiżjoni kkontestata.

1104 Peress li tfakkar l-approċċ tal-Kummissjoni dwar l-istadju komparattiv tal-eżami tar-restrizzjoni minħabba l-effett imsemmi fil-punt 1076 hawn fuq, għandu jiġi stabbilit jekk il-Kummissjoni setgħetx, b’mod korrett, tikkonkludi dwar l-eżistenza ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-effett fir-rigward tal-ftehimiet konklużi bejn Servier u Krka.

1105 Qabel xejn, tali eżami jimponi li titfakkar il-ġurisprudenza rilevanti.

1106 B’mod partikolari, fid-dawl tal-approċċ użat mill-Kummissjoni u tal‑pożizzjoni essenzjali li għandhom fir-raġunament tagħha d-diversi riferimenti għall-“effetti potenzjali” tal-ftehimiet u għall-fatt li dawn “seta’ jkollhom effetti restrittivi”, hemm lok li titfakkar il-ġurisprudenza, diġà parzjalement imsemmija fil-punt 1080 hawn fuq u fis-seduta, li tipprevedi li għandhom jiġu kkunsidrati l-effetti potenzjali ta’ ftehim, ta’ prattika miftiehma jew inkella ta’ deċiżjoni ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi sabiex jiġi stabbilit jekk tali miżuri jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 101(1) TFUE.

ii)    Fuq il-ġurisprudenza rilevanti f’dan il-każ

1107 Minkejja li l-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest ta’ rinviji għal deċiżjoni preliminari, ħafna drabi kkonfermat il-prinċipju li l‑Artikolu 101(1) TFUE ma jillimitax evalwazzjoni ta’ ftehim jew ta’ prattika biss għall-effetti attwali, peress li din għandha wkoll tieħu inkunsiderazzjoni l-effetti potenzjali tal-ftehim jew tal-prattika inkwistjoni fuq il-kompetizzjoni fis-suq intern (sentenzi tal‑21 ta’ Jannar 1999, Bagnasco et, C‑215/96 u C‑216/96, EU:C:1999:12, punt 34; tat-23 ta’ Novembru 2006, Asnef-Equifax u Administración del Estado, C‑238/05, EU:C:2006:734, punt 50; tat‑28 ta’ Frar 2013, Ordem dos Técnicos Oficiais de Contas, C‑1/12, EU:C:2013:127, punt 71, u tas-26 ta’ Novembru 2015, Maxima Latvija, C‑345/14, EU:C:2015:784, punt 30), hija rarament kellha l-okkażjoni li teżamina hija stess jekk prattika jew ftehim kinux jipproduċu effetti potenzjali li jippermettu li jiġi konkluż li kien hemm restrizzjoni tal‑kompetizzjoni.

1108 Il-Qorti Ġenerali ħadet inkunsiderazzjoni għall-ewwel darba effetti potenzjali ta’ ftehim fis-sentenza tas-17 ta’ Novembru 1987, British American Tobacco u Reynolds Industries vs Il-Kummissjoni (142/84 u 156/84, EU:C:1987:490). Fil-kawża li wasslet għal din is-sentenza, il‑Kummissjoni kienet ċaħdet ilment u kkonstatat li l-ftehimiet suġġetti għall-eżami tagħha b’dan l-ilment ma kinux jikkostitwixxu ksur tar‑regoli tat-trattat fil-qasam tal-kompetizzjoni (sentenza tas‑17 ta’ Novembru 1987, British American Tobacco u Reynolds Industries vs Il-Kummissjoni, 142/84 u 156/84, EU:C:1987:490, punt 1). F’din l-okkażjoni l-Qorti tal-Ġustizzja spjegat li, meta l-Kummissjoni kkonstatat li ftehim ma kienx jikser id-dritt tal-kompetizzjoni, hija kellha tikkunsidra mhux biss l-effetti li l-klawżoli ta’ dan il-ftehim kellhom fil‑mument tal-eżami tagħhom mill-Kummissjoni iżda wkoll l-effetti li seta’ jkollhom fil-futur fid-dawl tal-possibilitajiet li għadhom mhux imwettqa li kienu jiftħu għall-partijiet. Pereżempju, f’din il-kawża, ftehim relatat max-xiri ta’ ishma fil-kapital ta’ impriża kompetitriċi kien jagħti lill-impriża li kienet qed tinvesti l-possibbiltà li ssaħħaħ, fi stadju ulterjuri, il-pożizzjoni tagħha billi tieħu l-kontroll effettiv tal-impriża l‑oħra, li seta’ jkollu konsegwenzi fuq is-sitwazzjoni ta’ kompetizzjoni eżaminata (sentenza tas-17 ta’ Novembru 1987, British American Tobacco u Reynolds Industries vs Il-Kummissjoni, 142/84 u 156/84, EU:C:1987:490, punti 37, 39, 54, 57 u 58).

1109 B’hekk skont is-sentenza msemmija fil-punt 1108 hawn fuq, il‑Kummissjoni, fl-eżami tal-effetti ta’ ftehim, għandha tikkunsidra mhux biss l-effetti reali tal-klawżoli li diġà ġew implimentati fil-mument li hija tadotta d-deċiżjoni tagħha, iżda wkoll l-effetti potenzjali tal-klawżoli li għadhom ma ġewx implimentati.

1110 Il-Qorti tal-Ġustizzja sussegwentement aċċettat it-teħid inkunsiderazzjoni tal-effetti potenzjali ta’ ftehim fis-sentenza tat‑28 ta’ Mejju 1998, Deere vs Il-Kummissjoni (C‑7/95 P, EU:C:1998:256). Il-kawża li wasset għal din is-sentenza kienet tirrigwarda deċiżjoni tal-Kummissjoni li ngħatat wara n-notifika ta’ ftehim li kellu l-għan li jikseb, skont l-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 17, dikjarazzjoni negattiva li permezz tagħha l-Kummissjoni setgħet tikkonstata, fuq talba tal-impriżi kkonċernati, li ma kienx hemm lok għaliha sabiex tintervjeni fir-rigward ta’ ftehim. Fid-deċiżjoni tagħha, il‑Kummissjoni kienet ikkonstatat li l-ftehim li kien sottomess lilha kien jikkostitiwxxi restrizzjoni ta’ kompetizzjoni minħabba l-effett.

1111 F’din il-kawża, il-Qorti Ġenerali, imbagħad il-Qorti tal-Ġustizzja, ivvalidaw tali konstatazzjoni, li kienet ibbażata fuq l-eżistenza ta’ effetti potenzjali.

1112 Ir-rikorrenti użat il-fatt li s-sistema ta’ skambju ta’ informazzjoni prevista mill-ftehim kienet ġiet applikata matul diversi snin qabel in-notifika tat‑talba ta’ dikjarazzjoni negattiva sabiex issostni li l-evalwazzjoni tal‑Kummissjoni kellha tkun limitata sabiex tieħu inkunsiderazzjoni biss l-effetti reali ta’ dan l-iskambju ta’ informazzjoni. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li tali argument ma kienx rilevanti għaliex it-trattat kien jipprojbixxi kemm l-effetti reali kif ukoll dawk potenzjali tal‑ftehimiet (sentenza tas-27 ta’ Ottubru 1994, Deere vs Il‑Kummissjoni, T‑35/92, EU:T:1994:259, punti 59 u 61).

1113 Madankollu, għandha tiġi kkwalifikata n-natura ineffettiva tal-argument ibbażat fuq il-fatt li l-ftehimiet jew il-prattiki inkwistjoni kienu ġew implimentati.

1114 Fil-fatt, l-ewwel nett, il-fatti tal-każ kienu partikolari, għaliex il-ftehim li għalih intalbet dikjarazzjoni negattiva kien issostitwixxa ftehim preċedenti li ma kienx ġie nnotifikat lill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni għalhekk kellha tiddeċiedi dwar il-konformità ta’ dan il-ftehim ġdid mar‑regoli tal-kompetizzjoni u mhux dwar dik tal-ftehim preċedenti. Għalhekk ma huwiex ċert li l-Kummissjoni setgħet tislet konklużjonijiet definittivi għal dan il-ftehim ġdid mill-applikazzjoni tal-ftehim preċedenti u dan minkejja li kienu jixxiebhu. Fir-rigward tal-ftehim il‑ġdid, dan kien ġiet applikat ftit xhur biss qabel ma l-parteċipanti ddeċidew li jissospenduh. Il-Kummissjoni għalhekk ma kellhiex l‑opportunità neċessarja sabiex teżamina l-effetti reali tiegħu fuq il-kompetizzjoni (sentenza tas-27 ta’ Ottubru 1994, Deere vs Il-Kummissjoni, T‑35/92, EU:T:1994:259, punti 2 u 4).

1115 It-tieni nett, il-Qorti Ġenerali, filwaqt li eżaminat l-effetti potenzjali ta’ ftehim fis-sentenza tas-27 ta’ Settembru 2006, GlaxoSmithKline Services vs Il-Kummissjoni (T‑168/01, EU:T:2006:265, punt 163), indikat li l-fatt li l-applikazzjoni tal-ftehim inkwistjoni kienet ġie sospiża xi xhur biss wara d-dħul fis-seħħ tiegħu, u dan sal-adozzjoni tad‑deċiżjoni tal-Kummissjoni kkontestata f’din il-kawża, kien iwassalha sabiex tinterpreta l-eżami tal-ftehim mill-Kummissjoni bħala li kien prinċiparjament iddedikat għall-effetti potenzjali tiegħu.

1116 F’din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali, għalhekk, stabbilixxiet rabta espliċita bejn in-nuqqas ta’ applikazzjoni tal-ftehim inkwistjoni u l-eżami mill-Kummissjoni tal-effetti potenzjali tagħha.

1117 It-tielet nett, fis-sentenza tat-30 ta’ Ġunju 2016, CB vs Il-Kummissjoni (T‑491/07 RENV, mhux ippubblikata, EU:T:2016:379, punti 243, 247, 248 u 250), il-Qorti Ġenerali eżaminat l-effetti potenzjali fuq il‑kompetizzjoni ta’ deċiżjoni ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi billi ħadet inkunsiderazzjoni l-effetti li l-miżuri inkwistjoni kien ikollhom li kieku ġew applikati, fatt li, anki hawn, jistabbilixxi rabta bejn l-eżami tal-effetti potenzjali tad-deċiżjoni ta’ assoċjazzjoni u l-fatt li kienet għadha ma ġietx applikata. Għandu jiġi enfasizzat li l-Kummissjoni, fid-deċiżjoni inkwistjoni [Deċiżjoni C(2007) 5060 finali, tas-17 ta’ Ottubru 2007, dwar proċedura skont l-Artikolu [101 TFUE] (COMP/D 1/38606 ‐ Groupement des cartes bancaires “CB”)], iddistingwixxiet bejn l-analiżi tal-effetti potenzjali, jiġifieri dawk li l-miżuri kienu jipproduċu li kieku s-sospensjoni tagħhom tneħħiet (premessi 261 et seq.), u l-analiżi tal‑effetti prodotti matul il-perijodu li matulu l-miżuri inkwistjoni kienu ġew applikati (premessi 310 et seq.).

1118 Għandu jiġi spjegat li, fil-kawżi li wasslu għas-sentenzi tas‑27 ta’ Settembru 2006, GlaxoSmithKline Services vs Il‑Kummissjoni (T‑168/01, EU:T:2006:265), u tat-30 ta’ Ġunju 2016, CB vs Il-Kummissjoni (T‑491/07 RENV, mhux ippubblikata, EU:T:2016:379), il-Kummissjoni ma adottatx sanzjonijiet fir-rigward tal-impriżi kkonċernati iżda ordnatilhom itemmu immedjatament il-ksur inkwistjoni.

1119 Għandu jingħad ukoll li, fil-kawżi msemmija fil-punt 1118 hawn fuq, kienu l-impriżi kkonċernati li marru għand il-Kummissjoni (ara, f’dan is‑sens, is-sentenzi tas-27 ta’ Settembru 2006, GlaxoSmithKline Services vs Il-Kummissjoni, T‑168/01, EU:T:2006:265, punt 10, u tat‑30 ta’ Ġunju 2016, CB vs Il-Kummissjoni, T‑491/07 RENV, mhux ippubblikata, EU:T:2016:379, punt 8).

1120 B’hekk, fil-maġġoranza tal-każijiet li fihom il-qrati tal-Unjoni rreferew għal ftehim, prattika miftiehma jew deċiżjoni ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi tal-ġurisprudenza li tipprevedi li konstatazzjoni ta’ restrizzjoni minħabba l-effett tista’ tirriżulta minn effetti potenzjali ta’ dawn il-miżuri, ma kienx hemm deċiżjoni tal-Kummissjoni li għandha l-għan li tissanzjona aġir tal‑passat li jikkostitwixxi restrizzjoni minħabba l-effett, iżda deċiżjoni tal-Kummissjoni li għandha l-għan li tipprevjeni tali aġir billi taħseb x’setgħu kienu l-effetti li seta’ jkollhom il-miżuri inkwistjoni li kieku ġew applikati. Dan kien il-każ inkluż fil-kawża li wasslet għas-sentenza tas-17 ta’ Novembru 1987, British American Tobacco u Reynolds Industries vs Il-Kummissjoni (142/84 u 156/84, EU:C:1987:490), fejn il-Kummissjoni, f’din il-kawża, ċaħdet ilment filwaqt li eżaminat l‑effetti li seta’ jkollha klawżola tal-ftehim li kieku l-possibbiltà li kienet tipprevedi kienet implimentata.

1121 Għalhekk, fil-qasam tal-akkordji, ma hemmx preċedent li fih il-Qorti tal‑Ġustizzja jew il-Qorti Ġenerali aċċettaw li l-Kummissjoni tista’ tibbaża ruħha biss fuq l-effetti potenzjali inkwistjoni sabiex tikkonstata li ġie kommess ksur u abbażi ta’ tali konstatazzjoni timponi multa fuq l-awturi ta’ dan il-ksur.

1122 Issa, jidher paradossali, meta l-klawżoli ta’ ftehim ikunu ġew implimentati u l-effetti tagħhom fuq il-kompetizzjoni jistgħu jitkejlu billi jiġu kkunsidrati l-iżviluppi fattwali rilevanti, b’mod partikolari dawk li seħħew wara l-konklużjoni tal-ftehim, li seħħew qabel ma l-Kummissjoni tat id-deċiżjoni tagħha, li l-Kummissjoni titħalla tillimita ruħha sabiex turi l-effetti antikompetittivi li dawn il-klawżoli jista’ jkollhom u, għal dan il-għan, jagħmlu l-paragun imsemmi fil-punt 1076 hawn fuq mingħajr ma tikkunsidra tali żviluppi (ara l-punti 1084, 1092 u 1102 hawn fuq).

1123 Jidher ukoll paradossali li l-Kummissjoni titħalla, sabiex tikkonstata li ksur li jieħu l-forma ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-effett kien kommess (u għalhekk jista’ jiġi ssanzjonat b’multa), tibbaża ruħha fuq is-sempliċi fatt li klawżoli ta’ ftehim li ġew implimentati jista’ jkollhom effetti antikompetittivi u mhux fuq il-fatt li huma kellhom tali effetti, minkejja li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li eżenzjoni milli tipprova l-effetti antikompetittivi ta’ ftehim tista’ tirriżulta biss minn klassifikazzjoni ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan, li għandha tirrigwarda biss ftehimiet li tant jista’ jkollhom effetti negattivi fuq, b’mod partikolari, il-prezz, il-kwantità jew il-kwalità tal‑prodotti u tas-servizzi li jista’ jiġi kkunsidrat inutli, għall-finijiet tal‑applikazzjoni tal-Artikolu 101(1) TFUE, li jintwera li għandhom effetti konkreti fuq is-suq (sentenza tal-11 ta’ Settembru 2014, CB vs Il‑Kummissjoni, C‑67/13 P, EU:C:2014:2204, punt 51). Li kieku kien possibbli għall-Kummissjoni li tibbaża ruħha, fir-rigward tal-ftehimiet li ġew implimentati, biss fuq l-effetti li seta’ jkollhom sabiex turi li kellhom effett antikompetittiv, id-distinzjoni bejn ir-restrizzjonijiet tal‑kompetizzjoni minħabba l-għan jew minħabba l-effett, stabbilita bl‑Artikolu 101(1) TFUE, titlef ir-rilevanza tagħha.

1124 Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, peress li l-ftehimiet inkwistjoni kienu ġew implimentati u li, bid-deċiżjoni kkontestata, il‑Kummissjoni kkonstatat li ġie kommess ksur, li kien jippermettilha timponi multa fuq il-partijiet fil-ftehimiet, il-ġurisprudenza li għadha kemm tfakkret fil-punti 1107 sa 1120 hawn fuq, relatata mat-teħid inkunsiderazzjoni, fil-qasam ta’ restrizzjoni minħabba l-effett, ta’ effetti potenzjali ta’ ftehimiet, ma hijiex applikabbli.

1125 Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li l-ġurisprudenza msemmija fil‑punt 1124 hawn fuq għandha tiġi distinta minn dik relatata mat-teħid inkunsiderazzjoni tal-effetti fuq il-kompetizzjoni ta’ restrizzjoni tal‑kompetizzjoni, inkluż meta din tkun biss potenzjali.

1126 F’dan ir-rigward, fis-sentenza tat-12 ta’ Ġunju 1997, Tiercé Ladbroke vs Il-Kummissjoni (T‑504/93, EU:T:1997:84, punti 157 sa 160), li hija ċċitata fil-premessa 1217 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Qorti Ġenerali eżaminat il-legalità ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni li permezz tagħha din kienet ċaħdet ilment minħabba li, b’mod partikolari, fin-nuqqas ta’ kompetizzjoni reali fis-suq inkwistjoni, il-ftehim ikkontestat ma kienx jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 85(1) tat-Trattat, li sar l‑Artikolu 101(1) TFUE. Il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-Kummissjoni ma kinitx eżaminat bid-diliġenza mitluba l-elementi kollha ta’ fatt u ta’ dritt li nġabu għall-konoxxenza tagħha mir-rikorrenti peress li l-ftehim seta’ jirrestrinġi l-kompetizzjoni potenzjali. Hija għalhekk annullat id‑deċiżjoni li kienet sottomessa lilha fuq dan il-punt.

1127 Minn tali preċedent, li kien jirrigwarda ċaħda ta’ lment, ma jistax jiġi dedott li s-sempliċi fatt li ftehim “jista’” jirrestrinġi l-kompetizzjoni potenzjali għandu bil-fors iwassal għall-konstatazzjoni ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-effett, iżda pjuttost li l-Kummissjoni ma tistax twarrab il-possibbiltà ta’ restrizzjoni minħabba l-effett meta ftehim jista’ jirrestrinġi biss kompetizzjoni potenzjali u mhux kompetizzjoni reali.

1128 B’hekk, meta l-Kummissjoni tadotta deċiżjoni li permezz tagħha tikkonstata li ġie kommess ksur tal-Artikolu 101(1) TFUE, li jippermettilha timponi, abbażi ta’ tali konstatazzjoni, multa fuq l-awturi ta’ dan il-ksur, is-sempliċi fatt li l-Kummissjoni tkun stabbilixxiet l‑eżistenza ta’ kompetizzjoni potenzjali u ta’ limitazzjoni tal-libertà ta’ azzjoni ta’ kompetitur potenzjali, jew saħansitra eliminazzjoni tiegħu, ma jeżentahiex milli turi analiżi tal-effetti reali tal-miżura inkwistjoni fuq il‑kompetizzjoni meta l-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 1107 sa 1120 hawn fuq ma hijiex applikabbli.

1129 F’dan ir-rigward għandu jitfakkar li l-konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ effetti antikompetittivi ta’ ftehim jirrikjedu li jiġu ssodisfatti l-elementi li jistabbilixxu li “fil-fatt” kienu jipprevjenu, jirrestrinġu jew jiddistortaw il-kompetizzjoni (sentenza tat-30 ta’ Ġunju 1966, LTM, 56/65, EU:C:1966:38, p. 359 u 360).

1130 B’hekk, il-prova tal-eżistenza tal-effetti antikompetittivi ta’ ftehim timponi fuq il-Kummissjoni, fir-rigward tar-rekwiżiti ta’ realiżmu li jirriżultaw mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, li tikkunsidra, fil‑qafas tal-paragun imsemmi fil-punt 1076 hawn fuq, l-iżviluppi fattwali rilevanti kollha, b’mod partikolari dawk wara l-konklużjoni tal‑ftehim, li seħħew qabel id-deċiżjoni tagħha.

1131 F’dan ir-rigward, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, l-evalwazzjoni tal-effetti ta’ ftehim bejn impriżi fir-rigward tal-Artikolu 101 TFUE timplika li għandu jiġi kkunsidrat il-kuntest konkret li fih il-ftehim inkwistjoni jaqa’, b’mod partikolari l-kuntest ekonomiku u ġudizzjarju li fih joperaw l‑impriżi kkonċernati, in-natura tal-beni jew tas-servizzi affettwati u l‑kundizzjonijiet reali tal-funzjonament u tal-istruttura tas-suq jew tas‑swieq inkwistjoni (sentenza tal-11 ta’ Settembru 2014, MasterCard et vs Il-Kummissjoni, C‑382/12 P, EU:C:2014:2201, punt 165).

1132 Minn dan isegwi li x-xenarju previst fl-ipoteżi tan-nuqqas ta’ ftehim inkwistjoni għandu, skont it-termini użati mill-Qorti tal-Ġustizzja, “jkun realistiku” (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ Settembru 2014, MasterCard et vs Il-Kummissjoni, C‑382/12 P, EU:C:2014:2201, punt 166).

1133 Il-Qorti tal-Ġustizzja spjegat li t-teħid inkunsiderazzjoni tal-iżviluppi probabbli li jseħħu fis-suq fin-nuqqas ta’ dan il-ftehim kien jidħol fil‑kuntest tal-eżami tal-effetti restrittivi fuq il-kompetizzjoni tal-ftehim (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ Settembru 2014, MasterCard et vs Il-Kummissjoni, C‑382/12 P, EU:C:2014:2201, punti 167 sa 169).

1134 Barra minn hekk, ir-rekwiżit ta’ probabbiltà u ta’ realiżmu li japplika għad-deskrizzjoni tal-kompetizzjoni kif kienet tkun fin-nuqqas ta’ ftehim (waħda mis-sitwazzjonijiet ta’ paragun imsemmija fil-punt 1076 hawn fuq) huwa koerenti mal-approċċ użat mill-Kummissjoni f’diversi linji gwida, liema approċċ jimponi li hija tistabbilixxi n-natura suffiċjentement probabbli tal‑effetti ristrettivi tal-miżuri li hija teżamina.

1135 B’hekk, l-ewwel nett, il-paragrafu 24 tal-Linji Gwida dwar l‑applikazzjoni tal-Artikolu [101](3) [TFUE], li għalih tirreferi l‑Kummissjoni fil-premessa 1219 tad-deċiżjoni kkontestata, jipprevedi li “[b]iex ftehim ikun restrittiv skont l-effett għandu jaffettwa l‑kompetizzjoni attwali jew potenzjali sa tali punt li fis-suq rilevanti jistgħu jiġu mistennija b’livell raġonevoli ta' probabbiltà effetti negattivi fuq il-prezzijiet, il-produzzjoni, l-innovazzjoni jew il-varjetà jew il‑kwalità tal-prodotti jew is-servizzi” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

1136 It-tieni nett, fil-paragrafu 19 tal-Linji Gwida fuq il-ftehimiet ta’ kooperazzjoni orizzontali tal-2001, huwa indikat li numru ta’ ftehimiet ta’ kooperazzjoni orizzontali ma għandhomx l-għan li jirrestrinġu l‑kompetizzjoni u li, għalhekk, huwa neċessarju li jiġu analizzati l-effetti ta’ kull ftehim. Jgħid ukoll li, fil-kuntest ta’ dan l-analiżi, ma huwiex biżżejjed li l-ftehim jillimita l-kompetizzjoni bejn il-partijiet, iżda dan il‑ftehim għandu jkun jista’ wkoll jaffettwa l-kompetizzjoni fis-suq inkwantu jistgħu jkunu mistennija effetti negattivi fuq il-prezzijiet, il‑produzzjoni, l-innovazzjoni jew inkella l-varjetà jew il-kwalità tal-beni u tas-servizzi.

1137 It-tielet nett, il-Kummissjoni kkonfermat li hija użat tali approċċ fil-Linji Gwida dwar il-ftehimiet ta’ kooperazzjoni orizzontali tal-2011. Hija għalhekk indikat, fil-punt 28 ta’ dawn il-Linji Gwida, li għalihom tirreferi fin-nota ta’ qiegħ il-paġna nru 1733 tad-deċiżjoni kkontestata, li effetti restrittivi fuq il-kompetizzjoni fis-suq inkwistjoni jistgħu jiġu prodotti meta jkun possibbli li jiġi previst bi grad ta’ probabbiltà raġonevoli li l‑partijiet jistgħu, minħabba l-ftehim, iżidu bi profitt il-prezzijiet, jew inaqqsu l-produzzjoni, il-kwalità jew id-diversità tal-prodotti, jew jillimitaw l-innovazzjoni.

1138 Barra minn hekk, fid-deċiżjoni kkontestata stess (premessa 1218), il‑Kummissjoni fakkret li l-effetti restrittivi tal-kompetizzjoni għandhom jiġu stabbiliti bi grad suffiċjenti ta’ probabbiltà.

1139 Fir-rigward tal-argumenti kollha preċedenti, għandu jiġi stabbilit jekk, f’dan il-każ, il-Kummissjoni, minkejja l-approċċ ipotetiku li hija użat fir‑rigward tal-istadju komparattiv tal-eżami tar-restrizzjoni tal‑kompetizzjoni minħabba l-effett (ara l-punti 1076 sa 1102 hawn fuq), stabbilixxietx in-natura suffiċjentement realistika u probabbli tal-effetti restrittivi tal-ftehimiet konklużi bejn Servier u Krka.

iii) Fuq l-iżball ta’ evalwazzjoni

1140 Il-Kummissjoni analizzat l-effetti tal-klawżola ta’ nuqqas ta’ kummerċjalizzazzjoni u tal-klawżola ta’ nuqqas ta’ kontestazzjoni li jinsabu fil‑ftehim dwar soluzzjoni bonarja konkluż bejn Servier u Krka u dwar trasferiment taħt il-liċenzja tat-teknoloġija minn Krka sa Servier, filwaqt li eżaminat, għal kull waħda minn dawn it-tliet miżuri, il-kompetizzjoni li kienet isseħħ fin-nuqqas tagħha (ara, b’mod partikolari, il‑premessi 1825 sa 1829 tad-deċiżjoni kkontestata).

1141 Għal kull waħda minn dawn it-tliet l-miżuri għandu jiġi stabbilit jekk il‑Kummissjoni setgħetx tikkonkludi b’mod korrett li kien hemm restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-effett.

–       Fuq il-klawżola ta’ nuqqas ta’ kummerċjalizzazzjoni li tinsab filftehim dwar soluzzjoni bonarja

1142 Għandu jitfakkar li, sabiex jiġi evalwat jekk ftehim għandux jiġi kkunsidrat bħala pprojbit minħabba tibdil fil-kompetizzjoni li jirriżultaw minn tali ftehim, għandha tiġi eżaminata l-kompetizzjoni fil-kuntest reali fejn kienet isseħħ fin-nuqqas tal-ftehim ikkontestat (ara l-punt 1076 hawn fuq).

1143 F’dan il-każ, il-klawżola ta’ nuqqas ta’ kummerċjalizzazzjoni għandha kamp ta’ applikazzjoni limitat għal dak tal-privattiva 947 li hija s-suġġett tal-kawżi bejn Servier u Krka.

1144 Il-kuntest reali tal-kompetizzjoni, fin-nuqqas tal-ftehim dwar soluzzjoni bonarja, kien magħmul mit-tentattivi ta’ kumpanniji ta’ ġeneriċi, fosthom Krka, li jidħlu fis-suq, fil-preżenza ta’ ostakoli marbuta mal-privattivi ta’ Servier, b’mod partikolari l-privattiva 947, u minn kawżi fil-qasam tal‑privattivi bejn dawn il-kumpanniji u Servier.

1145 Issa, kif ġie spjegat fil-punt 234 hawn fuq, l-għan speċifiku tal-għoti ta’ privattiva huwa li tiżgura lill-proprjetarju tagħha, sabiex tikkumpensa l‑isforz kreattiv tal-inventur, id-dritt esklużiv li juża invenzjoni fid-dawl tal-fabrikazzjoni u l-ewwel tqegħid fiċ-ċirkolazzjoni ta’ prodotti industrijali, kemm direttament, kemm permezz tal-għoti ta’ liċenzji lil terzi, kif ukoll id-dritt li topponi għal kull ksur ta’ privattiva (sentenza tal‑31 ta’ Ottubru 1974, Centrafarm u de Peijper, 15/74, EU:C:1974:114, punt 9). Meta tingħata minn awtorità pubblika, privattiva hija normalment preżunta valida u l-pussess tagħha minn impriża hija meqjusa leġittima. Il-pussess waħdu minn impriża ta’ tali dritt esklużiv għandu normalment il-konsegwenza li jżomm barra lill-kompetituri, peress li dawn tal-aħħar huma obbligati jirrispettaw, skont ir‑regolamentazzjoni pubblika, dan id-dritt esklużiv (sentenza tal‑1 ta’ Lulju 2010, AstraZeneca vs Il-Kummissjoni, T‑321/05, EU:T:2010:266, punt 362).

1146 Huwa veru li dħul fis-suq b’riskju ta’ kumpannija ta’ ġeneriċi ma huwiex illegali fih nnifsu (ara, f’dan is-sens, is‑sentenza tat‑8 ta’ Settembru 2016, Lundbeck vs Il-Kummissjoni, T‑472/13, taħt appell, EU:T:2016:449, punt 122). Madankollu, tali dħul huwa wisq inqas probabbli jekk il-kumpannija ta’ ġeneriċi tirrikonixxi l-validità tal‑privattiva jew tikkunsidra li l-possibilitajiet tagħha li tikseb ir‑rikonoxximent tal-invalidità tagħha huma baxxi.

1147 Ir-rikonoxximent jew le tal-validità tal-privattiva inkwistjoni jew il‑perċezzjoni tas-saħħa ta’ din il-privattiva minn kumpannija ta’ ġeneriċi hija għalhekk deċiżiva sabiex jiġi stabbilit l-aġir probabbli fil-qasam tad‑dħul b’riskju fis-suq.

1148 Issa, il-Kummissjoni ma kkunsidratx kif suppost l-effetti li l‑privattiva 947 u r-rikonoxximent minn Krka tal-validità tagħha seta’ kellhom fuq l-evalwazzjoni, għall-finijiet tal-paragun imsemmi fil‑punt 1076 hawn fuq, tal-aġir probabbli tagħha fin-nuqqas ta’ ftehim, fil-parti tad-deċiżjoni kkontestata ddedikata għall-eżami ta’ dan l-aġir (premessi 1825 sa 1834).

1149 Fil-fatt, avvenimenti deċiżivi sabiex tevalwa r-rikonnoxximent li Krka seta’ kellha tal-validità tal-privattiva 947 jew il-perċezzjoni tal‑possibilitajiet li tinkiseb l-invalidità tagħha, bħad-deċiżjoni tal-UEP tas‑27 ta’ Lulju 2006 li tikkonferma l-validità tal-privattiva u l-ordni provviżorja kontra Krka mogħtija minn qorti tar-Renju Unit, ma humiex imsemmija f’din il-parti tad-deċiżjoni kkontestata, minkejja li seħħew anki qabel il-konklużjoni tal-ftehim dwar soluzzjoni bonarja bejn Servier u Krka.

1150 Barra minn hekk, il-Kummissjoni, fil-premessi 1828 sa 1834 tad‑deċiżjoni kkontestata, fl-analiżi tal-aġir probabbli ta’ Krka fin-nuqqas ta’ ftehimiet, ma tfakkarx il-fatt, importanti f’dan il-kuntest, li diversi elementi tal-proċess isostnu l-konstatazzjoni li l-prodott ta’ Krka seta’ kien ksur tal-privattiva 947.

1151 Dan jikkonferma li l-approċċ ipotetiku tal-Kummissjoni (ara l-punti 1077 sa 1103 hawn fuq) ma wassalhiex sabiex tinjora biss l-avvenimenti li seħħew wara l-konklużjoni tal-ftehimiet iżda, b’mod iktar ġenerali, l‑iżvolġiment reali tal-avvenimenti kif seta’ jiġi osservat sal-mument li fih hija adottat id-deċiżjoni tagħha.

1152 Ir-retiċenza tal-Kummissjoni sabiex tikkunsidra b’mod partikolari l‑effetti tal-privattiva 947 hija spjegata mill-fatt li, fil-kuntest tal-analiżi tar-restrizzjoni minħabba l-għan, hija kkunsidrat li l-ftehim dwar soluzzjoni bonarja konkluż bejn Servier u Krka kellu bħala bażi reali l‑inċentiv ta’ din tal-aħħar li tissottometti ruħha għall-klawżoli restrittivi ta’ dan il-ftehim u mhux rikonoxximent sinċier tal-validità tal‑privattiva 947. F’tali perspettiva, Krka ma setgħet bl-ebda mod, skont il-Kummissjoni, tinvoka r-rikonoxximent tal-validità tal-privattiva 947, peress li tali rikonixximent kien ivvizjat mill-prinċipju tiegħu stess.

1153 Madankollu, il-konstatazzjoni ta’ inċentiv u ta’ restrizzjoni minħabba l‑għan magħmula mill-Kummissjoni ġiet invalidata mill-Qorti Ġenerali fir-rigward tal-ftehimiet dwar soluzzjoni bonarja u dwar liċenzja konklużi bejn Servier u Krka, li terġa’ tagħmel rilevanti t-teħid inkunsiderazzjoni tal-perċezzjoni minn Krka tas-setgħa tal-privattiva 947 jew tar-rikonoxximent tagħha tal-validità ta’ din il-privattiva.

1154 Issa, għandu jitfakkar li, fil-mument tal-konklużjoni tal-ftehimiet dwar soluzzjoni bonarja u dwar liċenza, kien hemm indizji serji li jagħtu lill-partijiet għal dawn il-ftehimiet x’jifhmu li l-privattiva 947 kienet valida (ara l-punt 967 u 968 hawn fuq). Fir‑Renju Unit, jiġifieri wieħed mit-tliet pajjiżi (flimkien ma’ Franza u l-Pajjiżi l‑Baxxi) li fihom il-Kummissjoni analizzat u kkonstatat l-eżistenza ta’ restrizzjoni minħabba l-effett, Krka kif ukoll Apotex, kumpannija oħra kompetitriċi ta’ Servier, kienu wkoll is-suġġett ta’ ordni provviżorja.

1155 Jekk it-talba għal ordni provviżorja intiża sabiex tipprojbixxi l‑kummerċjalizzazzjoni ta’ verżjoni ġenerika tal-perindopril imqiegħed fis-suq minn Krka minħabba l-ksur tal-privattiva 947, li tressqet minn Servier fl-Ungerija, ġiet miċħuda f’Settembru 2006, din kienet proċedura li, kuntrarjament għal dawk imsemmija fil-punt 1154 hawn fuq, ma kinitx tirrigwarda wieħed mill-pajjiżi li fihom il-Kummissjoni kkonstatat l‑eżistenza ta’ restrizzjoni minħabba l-effett.

1156 Barra minn hekk, għalkemm kien diġà hemm kuntratti bejn Servier u Krka qabel id-deċiżjoni tal-UEP tas-27 ta’ Lulju 2006 li jikkonfermaw il-validità tal‑privattiva 947 (ara, b’mod partikolari, il-premessa 837 tad-deċiżjoni kkontestata), dawn ma kinux wasslu għal ftehim (premessi 856 sa 859 tad‑deċiżjoni kkontestata) u kien biss wara din id-deċiżjoni li saru negozjati ġodda (premessa 898 tad-deċiżjoni kkontestata). Id-deċiżjoni tal-UEP tas-27 ta’ Lulju 2006 li tikkonferma l-validità tal-privattiva 947 kien għalhekk, talinqas, wieħed mill-elementi li taw lok u wasslu għall-ftehimiet dwar soluzzjoni bonarja u dwar liċenzja, li huwa indizju addizzjonali tal-fatt li dawn il-ftehimiet kienu bbażati fuq ir‑rikonoxximent mill-partijiet tal-validità tal-privattiva (ara l-punt 971 hawn fuq).

1157 Għandu jiżdied ukoll, kif intqal hawn fuq (ara l-punt 947 hawn fuq), li l‑konklużjoni ta’ ftehim dwar liċenzja, li jsir bil-kundizzjoni li l-liċenzja tkun użata b’mod effettiv mid-detenur tagħha, huwa bbażat fuq ir‑rikonnoxximent mill-partijiet tal-validità tal-privattiva. B’hekk, il‑konklużjoni stess tal-ftehim dwar liċenzja, sostnuta b’ċertu numru ta’ indizji (ara l-punti 999 u 1001 hawn fuq), tikkonferma li Krka kienet qed tirrikonoxxi finalment il-validità tal-privattiva 947.

1158 Anki mid-dokumenti tal-proċess jirriżulta li Krka kienet tidher qed tikkunsidra li, fin-nuqqas ta’ ftehim dwar liċenzja konkluż ma’ Servier, dħul b’riskju fit-18 sa 20 suq inkwistjoni ftit kien probabbli, jekk mhux saħansitra kien eskluż (punti 1001 u 1012 hawn fuq).

1159 Finalment, il-Kummissjoni indikat, fid-deċiżjoni kkontestata (premessa 1693), li Krka kienet “finalament waqfet tippjana li tidħol b’riskju fi Franza, fir-Renju Unit u fi swieq oħra tal-Ewropa tal-Punent wara d-deċiżjoni [tad-Diviżjoni] tal-Oppożizzjoni”.

1160 Fid-dawl tal-elementi esposti hawn fuq, għandu jiġi konkluż li ma huwiex stabbilit li, fin-nuqqas ta’ ftehim, Krka kienet probabbilment tidħol b’riskju fis-swieq tat-18 sa 20 Stat Membru inkwistjoni, b’mod partikolari fis-swieq ta’ Franza, tal-Pajjiżi l-Baxxi u tar-Renju Unit.

1161 Il-konklużjoni preċedenti ma hijiex ikkontestata mill-elementi l-oħra tal‑proċess li jistgħu jkunu rilevanti sabiex jiġi stabbilit li Krka daħlet fis‑suq fin-nuqqas ta’ ftehim ma’ Servier. Dawn l-elementi jinsabu essenzjalment fil-parti tad-deċiżjoni kkontestata li l-Kummissjoni tiddedika sabiex turi l-fatt li Krka kienet kompetitur potenzjali ta’ Servier.

1162 L-ewwel nett, għandu jitfakkar (ara l-punt 1026 hawn fuq) li l-fatt li Krka kompliet tikkontesta l-privattivi ta’ Servier u tikkummerċjalizza l-prodott tagħha minkejja li l-validità tal-privattiva 947 kienet ġiet ikkonfermata mid-Diviżjoni ta’ Oppożizzjoni tal-UEP jista’, b’mod ċar, jiġi spjegat bix-xewqa ta’ Krka li ssaħħaħ il-pożizzjoni tagħha fin-negozjati li hija seta’ jkollha ma’ Servier sabiex tasal fi ftehim dwar soluzzjoni bonarja.

1163 Barra minn hekk, it-tkomplija tal-kontestazzjoni tal-privattiva ta’ Servier ma kinitx timponi fuq Krka riskji ġodda f’termini ta’ ksur ta’ privattiva. Dan kien sempliċement iżid l-ispejjeż ġudizzjarji tagħha. Fir-rigward tat‑tkomplija tal-kummerċjalizzazzjoni tal-prodott tagħha, hija illimitat ruħha għal ħames swieq tal-Ewropa ċentrali u tal-Lvant, li għalihom il‑Kummissjoni ma kkunsidratx li kien hemm restrizzjoni minħabba l‑effett. Barra minn hekk, f’ħamsa mis-seba’ swieq koperti bil-liċenzja, l‑ekwivalenti tal-privattiva 947 kienu għadhom ma ngħatawx (premessa 1755 tad-deċiżjoni kkontestata). B’hekk ir-riskji sostnuti minn Krka, talinqas f’uħud mis-swieq li baqgħet fihom, kienu limitati (ara l‑punt 1027 hawn fuq).

1164 It-tkomplija tal-kontestazzjoni tal-privattiva ta’ Servier minn Krka u t‑tkomplija tal-kummerċjalizzazzjoni tal-prodott tagħha għalhekk ma jippermettux li jiġi konkluż li Krka ma kinitx tirrikonoxxi l-validità tal‑privattiva 947 u hija għalhekk probabbilment daħlet b’riskju fis-swieq tat-18 sal-20 Stat Membru inkwistjoni jew, talinqas, fit-tliet iswieq imsemmija mill-Kummissjoni fil-konstatazzjoni ta’ restrizzjoni tal‑kompetizzjoni minħabba l-effett.

1165 It-tieni nett, minkejja li kummentarji minn rappreżentanti ta’ Krka kienu jippermettu li juru s-sorpriża tagħhom u n-nuqqas ta’ kontentezza tagħhom wara d-deċiżjoni tal-UEP tas-27 ta’ Lulju 2006 (premessa 1688 tad-deċiżjoni kkontestata), dawn il-kummentarji ma kinux jippermettu li jiġi stabbilit li, minkejja din id-deċiżjoni, Krka kienet probabbilment tidaħol fit‑tliet iswieq nazzjonali li għalihom il-Kummissjoni kkunsidrat l‑eżistenza ta’ ksur minħabba l-effett.

1166 It-tielet nett, il-Kummissjoni tiddedika punt tad-deċiżjoni kkontestata għall-“intenzjoni li tidħol” fis-suq ta’ Krka. Dan il-punt qasir ħafna huwa sempliċement premessa, anki din kemmxejn qasira, jiġifieri l-premessa 1699. F’din il-premessa, il-Kummissjoni tindika li, “anki” wara d-deċiżjoni tal‑UEP tas-27 ta’ Lulju 2006, Krka “kienet tidher” disposta li ssostni t‑tnedija b’riskju mill-imsieħba tagħha u li hija kompliet timpenja ruħha sabiex tforni l-prodott tagħha “fil-każ li l-barrieri tal-privattivi jiġu megħluba”. F’din il-premessa jingħad ukoll li wieħed mill-imsieħba kummerċjali ta’ Krka insista sabiex tforni l-prodott tagħha “jekk il‑privattiva 947 tiġi annullata” u li ċerti msieħba ta’ Krka daħlu fis‑suq b’dan il-prodott “ladarba l-privattiva 947 kienet annullata fis‑swieq [inkwistjoni]”.

1167 L-estratti ċċitati fil-punt 1166 hawn fuq juru inqas l-intenzjoni ta’ Krka li tidħol fit-tliet iswieq nazzjonali li fir-rigward tagħhom il-Kummissjoni kkonstatat l-eżistenza ta’ restrizzjoni minħabba l-effett milli juru l‑importanza li kisbet, wara li ngħatat id-deċiżjoni tal-UEP tas‑27 ta’ Lulju 2006, kemm għal Krka kif ukoll għall-imsieħba kummerċjali tagħha, il-“barriera tal-privattivi” magħmula bil‑privattiva 947.

1168 Fid-dawl tal-elementi kollha esposti hawn fuq, ma huwiex stabbilit li, fin‑nuqqas ta’ ftehimiet dwar soluzzjoni bonarja u dwar liċenzja, Krka kienet probabbilment tidħol fit-tliet iswieq nazzjonali li fir-rigward tagħhom il-Kummissjoni kkonstatat l-eżistenza ta’ restrizzjoni tal‑kompetizzjoni minħabba l-effett.

1169 Lanqas ma huwa stabbilit mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata li, fin-nuqqas ta’ dawn il-ftehimiet, Krka probabbilment kienet tidħol fis‑swieq inkwistjoni qabel id-data tat-tmiem tal-ksur, jiġifieri s‑6 ta’ Lulju 2007 għar-Renju Unit, it-12 ta’ Diċembru 2007 għall‑Pajjiżi l-Baxxi u s-16 ta’ Settembru 2009 għal Franza.

1170 Fil-fatt, l-approċċ ipotetiku adottat mill-Kummissjoni (ara l-punti 1079 sa 1103 hawn fuq) wassalha sabiex ftit tagħti attenzjoni għall‑iżvolġiment reali tal-avvenimenti – b’mod partikolari dawk li seħħew wara l-konklużjoni tal-ftehimiet – u għalhekk għall-evoluzzjoni possibbli tal-perċezzjoni minn Krka tal-validità tal-privattiva 947 li setgħet tirriżulta minn dawn l-avvenimenti.

1171 Issa, il-Qorti Ġenerali ma għandhiex, fir-rigward tal-evalwazzjoni tal‑elementi li jikkostitwixxu ksur, li ma jaqgħux fil-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha iżda fl-istħarriġ ta’ legalità, tissotitwixxi l-motivazzjoni tagħha stess għal dik tal-Kummissjoni (ara, f’dan is‑sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Jannar 2016, Galp Energía España et vs Il-Kummissjoni, C‑603/13 P, EU:C:2016:38, punti 73 u 75 sa 77).

1172 Għalhekk ma hijiex il-Qorti Ġenerali li għandha teżamina għall-ewwel darba, billi tibda mill-elementi tal-fajl, jekk restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-effett setgħetx tidher matul il-perijodu wara l-konklużjoni tal‑ftehimiet minħabba li t-tnaqqis tar-rikonoxximent tal-validità tal‑privattiva 947 minn Krka.

1173 Fi kwalunkwe każ, l-elementi tal-proċess ma jippermettux li jiġi konkluż li Krka, matul il-perijodu bejn il-konklużjoni tal-ftehimiet u ta’ tmiem il‑ksur, kienet, fin-nuqqas tal-ftehimiet, probabbilment tidħol fit-tliet iswieq nazzjonali kkonċernati.

1174 Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li d-dħul probabbli ta’ Krka fis‑suq fin-nuqqas ta’ ftehim lanqas biss huwa allegat mill-Kummissjoni. Fil-fatt, fil-punt tad-deċiżjoni kkontestata intitolat “Aġir probabbli fin-nuqqas tal-ftehimiet Krka”, il-Kummissjoni ma tibbażax ruħha, talinqas b’mod espliċitu, fuq l-ipoteżi ta’ dħul antiċipat ta’ Krka fit-tliet iswieq ikkonċernati fin-nuqqas ta’ ftehim, iżda sempliċement fuq ipoteżi ta’ persistenza ta’ “theddida għall-kompetizzjoni” f’dawn is-swieq (ara l-punt 1096 hawn fuq).

1175 B’hekk, skont il-Kummissjoni, “Krka kompliet tirrappreżenta theddida għall-kompetizzjoni bħala kumpannija ta’ ġeneriċi potenzjali li daħlet fis‑suq bil-perindopril fir-Renju Unit, fi Franza u fil-Pajjiżi l-Baxxi” (premessa 1825 tad-deċiżjoni kkontestata). Il-Kummissjoni tippreċiża li Krka, kienet, b’mod partikolari, kompliet tikkostitwixxi theddida bħala fornitur tal-imsieħba lokali ta’ distribuzzjoni (premessa 1828 tad‑deċiżjoni kkontestata).

1176 Il-Kummissjoni tindika wkoll li l-partijiet fil-ftehim, fin-nuqqas ta’ inċentiv, setgħu jikkonkludu ftehim inqas restrittiv li jippermetti d-dħul antiċipat ta’ Krka jew li jagħtiha liċenzja għat-territorju tal-Unjoni kollu kemm hu (premessa 1831 tad-deċiżjoni kkontestata).

1177 Il-Kummissjoni tikkonkludi billi tindika li, “fin-nuqqas ta’ restrizzjonijiet inklużi fil-ftehimiet […], Krka tibqa’ kompetitur potenzjali importanti ta’ Servier” (premessa 1834 tad-deċiżjoni kkontestata).

1178 Għandu jiġi kkonstatat li, filwaqt li tillimita ruħha sabiex tinvoka t‑“theddida għall-kompetizzjoni” li Krka allegatament kompliet teżerċita fuq Servier u minkejja, minn naħa waħda, li l-effetti favorevoli għall-kompetizzjoni ta’ sempliċi “theddida” ma jippreżentawx, kuntrarjament għal dawk tad-dħul ta’ kumpannija ta’ ġeneriċi fis-suq, prova u, min-naħa l-oħra, li l-effetti ta’ din it-“theddida” kienu, f’dan il-każ, imnaqqsa ħafna bil‑preżenza tal-privattiva 947 u l-konferma tal-validità tagħha mill‑awtoritajiet kompetenti (ara l-punti 1142 sa 1169 hawn fuq), il‑Kummissjoni ma stabbilixxietx li l-kompetizzjoni li kienet tkun fis‑seħħ fin-nuqqas tal-ftehim dwar soluzzjoni bonarja probabbilment kienet tkun iktar miftuħa.

1179 F’dan ir-rigward, jista’ jiġi rrilevat li l-Kummissjoni kellha tispjega x’setgħu kienu l-effetti probabbli, b’mod partikolari fuq il-prezzijiet, il‑produzzjoni, il-kwalità jew id-diversità tal-prodotti jew inkella l‑innovazzjoni (ara l-punti 1135 sa 1137 hawn fuq), tat-“theddida għall‑kompetizzjoni” li Krka kompliet teżerċita fuq Servier fin-nuqqas tal-ftehim dwar soluzzjoni bonarja, li hija setgħet tagħmel, pereżempju, billi turi li, minħabba n-nuqqas ta’ theddida, Servier kien illimita l‑ispejjeż ta’ riċerka u ta’ żvilupp tiegħu.

1180 Għandu jiġi enfasizzat li, jekk l-analiżi magħmula mill-Kummissjoni tas‑setgħa tas-suq ta’ Servier kif ukoll tal-istruttura tas-suq inkwistjoni, ikkaratterizzata minn nuqqas jew ftit sorsi ta’ kompetizzjoni, tista’ tippermetti li ssostni l-eżistenza tal-effetti restrittivi ta’ ftehim li jipprekludi d-dħul fis-suq ta’ kompetitur potenzjali, ma hijiex biżżejjed sabiex tagħmel probabbli u konkreti l-effetti restrittivi ta’ ftehim li jikkomprometti l-eżistenza ta’ “theddida għall-kompetizzjoni”.

1181 Fil-fatt, tkun xi tkun l-istruttura tas-suq, l-effetti antikompetittivi tal‑klawżola ta’ nuqqas ta’ kummerċjalizzazjoni jibqgħu iktar ipotetiċi, jekk huwa probabbli, fir-rigward tal-iżvolġiment reali tal-avvenimenti kif seta’ jiġi osservat fil-mument fejn il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni tagħha, li, anki fin-nuqqas ta’ din il-klawżola, il-kompetitur potenzjali kkonċernat seta’ jkollu aġir simili għal dak li kellu fil-preżenza tal‑klawżola, jiġifieri, f’dan il-każ, li Krka kienet tibqa’ barra mit-tliet iswieq li għalihom il-Kummissjoni kkonkludiet l-eżistenza ta’ restrizzjoni minħabba l-effett.

1182 Barra minn hekk, fir-rigward tal-ipoteżi li, fin-nuqqas ta’ ftehimiet dwar soluzzjoni bonarja u dwar liċenzja konklużi bejn Servier u Krka u, b’mod partikolari, tal-inċentiv li, skont il-Kummissjoni, huma jinkludu, ftehim ieħor li jippermetti d-dħul antiċipat ta’ Krka jew li jagħtiha liċenzja għat‑territorju tal-Unjoni kollu kemm hu kien jiġi konkluż (ara l‑punt 1176 hawn fuq u l-premessa 1142 tad-deċiżjoni kkontestata), in-natura probabbli tiegħu ma hija sostnuta bl-ebda mod, u dan inqas u inqas peress li, kif jirriżulta mill-eżami tal-motiv ibbażat fuq in-nuqqas ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan, l-eżistenza ta’ inċentiv ma ġietx stabbilita mill-Kummissjoni.

1183 Finalment, għandu jiġi enfasizzat li l-kuntest konkret li fih jidħlu l‑ftehimiet dwar soluzzjoni bonarja u dwar liċenzja bejn Servier u Krka, li huwa kkaratterizzat mill-preżenza ta’ privattiva li l-validità tagħha kienet ġiet ikkonfermata mill-UEP (ara l-punt 1144 hawn fuq), huwa differenti minn dak inkwistjoni fil-kawża li wasslet għas-sentenza tal-14 ta’ April 2011, Visa Europe u Visa International Service vs Il-Kummissjoni (T‑461/07, EU:T:2011:181, punti 187 u 191), li hija ċċitata mill-Kummissjoni, b’mod partikolari fil-premessa 1219 tad-deċiżjoni kkontestata. Fin‑nuqqas ta’ elementi ta’ kuntest komparabbli ma’ dawk, marbuta mal‑eżistenza ta’ privattiva u mar-rikonoxximent tal-validità tagħha, li għadhom kemm tfakkru (b’mod partikolari fil-punti 1145 sa 1159 hawn fuq) u li huma determinanti f’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali, f’din is‑sentenza, kienet ikkunsidrat, abbażi tas-sempliċi fatt li impriża milquta minn klawżola ta’ esklużjoni bil-miżura kkontestata kienet kompetitur potenzjali, li l-Kummissjoni setgħet tikkonkludi b’mod korrett li din l‑impriża daħlet fis-suq fin-nuqqas tal-klawżola ta’ esklużjoni.

1184 Għandu wkoll jiġi rrilevat li, fis-sentenza tal-14 ta’ April 2011, Visa Europe u Visa International Service vs Il-Kummissjoni (T‑461/07, EU:T:2011:181), il-Qorti Ġenerali ma vvalidatx prattika deċiżjonali tal‑Kummissjoni li skontha din tista’, meta inkwistjoni jkun hemm l-eliminazzjoni ta’ kompetitur potenzjali, tinjora l-iżvolġiment reali tal-avveniment kif seta’ jiġi osservat fil-mument li fih hija adottat id-deċiżjoni tagħha.

1185 Qabel xejn, tali prattika, li kieku kienet ivvalidata, tista’, f’ċerti każijiet, twassal għal riżultat inkoerenti, pereżempju, fil-każ fejn l-uniku kompetitur potenzjali eżistenti, li huwa eliminat bi ftehim, jitwarrab mill‑mument tal-implimentazzjoni tiegħu, minħabba, pereżempju, likwidazzjoni ġudizzjarja, li hija ċirkustanza li tinnewtralizza b’mod evidenti l‑effetti ta’ twarrib tal-ftehim, ħlief jekk dawn jiġu kkunsidrati b’mod ipotetiku u mhux b’mod realistiku kif teżiġi l-ġurisprudenza (ara l‑punti 1129 u 1132 hawn fuq).

1186 F’dan il-każ, għalhekk, ma jistax jiġi konkluż li hemm restrizzjoni tal‑kompetizzjoni minħabba l-effett b’riferiment għas-sentenza tal‑14 ta’ April 2011, Visa Europe u Visa International Service vs Il‑Kummissjoni (T‑461/07, EU:T:2011:181).

1187 Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-effetti restrittivi tal‑klawżola ta’ nuqqas ta’ kummerċjalizzazzjoni li jinsabu fil-ftehim dwar soluzzjoni bonarja fuq il-kompetizzjoni ma ġewx stabbiliti mill‑Kummissjoni.

–       Fuq il-klawżola ta’ nuqqas ta’ kontestazzjoni li tinsab fil-ftehim dwar soluzzjoni bonarja

1188 Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li, fil-punt tad-deċiżjoni kkontestata intitolat “Aġir probabbli fin-nuqqas tal-ftehimiet Krka”, il‑Kummissjoni ma ssemmi l-ebda element relatat mal-aġir probabbli ta’ Krka fir-rigward tal-privattiva 340, li għaliha teżisti wkoll klawżola ta’ nuqqas ta’ kontestazzjoni fil-ftehim dwar soluzzjoni bonarja.

1189 Konsegwentement, fir-rigward tal-istadju tal-analiżi tar-restrizzjoni minħabba l-effett li jikkonsisti f’paragun bejn il-kompetizzjoni fil‑preżenza tal-ftehimiet u l-kompetizzjoni fin-nuqqas tagħhom (ara l‑punt 1076 hawn fuq), il-Kummissjoni illimitat l-analiżi tagħha għall‑privattiva 947.

1190 In-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-privattiva 340 jista’ jiġi spjegat bil-fatt li, skont il-Kummissjoni, din il-privattiva għandha biss importanza żgħira fil-protezzjoni li tista’ tingħata lil Servier kontra d‑dħul fis-suq tal-kumpanniji ta’ ġeneriċi (premessa 114 tad-deċiżjoni kkontestata).

1191 Barra minn hekk, il-Kummissjoni tindika, dejjem fil-punt tad-deċiżjoni kkontestata intitolat “Aġir probabbli fin-nuqqas tal-ftehimiet Krka”, li “jidher plawżibbli li, fin‑nuqqas tal-obbligu ta’ nuqqas ta’ kontestazzjoni, Krka tibqa’ tikkontesta l-validità tal-privattiva 947 quddiem il-qrati tar-Renju Unit u tal-UEP” (premessa 1827 tad-deċiżjoni kkontestata).

1192 Il-Kummissjoni b’hekk ibbażat il-konstatazzjoni tagħha ta’ restrizzjoni minħabba l-effett fuq il-fatt li, fin-nuqqas tal-klawżola ta’ nuqqas ta’ kontestazzjoni, Krka kienet tkompli bil-proċeduri li fihom kienet involuta quddiem il-qrati tar-Renju Unit u l-UEP.

1193 F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li klawżola ta’ nuqqas ta’ kontestazzjoni hija, fiha nnifisha, restrittiva tal-kompetizzjoni inkwantu tippreġudika l-interess pubbliku li jiġi eliminat kull ostakolu għall-attività ekonomika li tista’ tirriżulta minn privattiva mogħtija b’mod żbaljat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta’ Frar 1986, Windsurfing International vs Il-Kummissjoni, 193/83, EU:C:1986:75, punt 92).

1194 Għalhekk hemm lok li jiġi stabbilit jekk l-applikazzjoni tal-klawżola ta’ nuqqas ta’ kontestazzjoni u, b’mod iktar partikolari, l-irtirar ta’ Krka mill-proċeduri li fihom kienet involuta, kellux effett fir-rigward tal‑eliminazzjoni tal-privattiva 947.

1195 Għandu jitfakkar li, fil-mument tal-konklużjoni tal-ftehimiet, Krka u Servier kienu partijiet opposti fil-qafas ta’ żewġ proċeduri u li kien il-ftehim dwar soluzzjoni bonarja li wassal sabiex Krka ma tkomplix dawn il-proċeduri.

1196 B’hekk, fir-Renju Unit, fit-2 ta’ Awwissu 2006, Servier adixxa lill-High Court of Justice (England & Wales), Chancery Division (patents court) [il-Qorti Għolja tal-Ġustizzja (Ingilterra u Wales), Sezzjoni tal‑Ekwità (Awla tal-Privattivi)], b’kawża ta’ ksur tal‑privattiva 947 kontra Krka. Huwa kien ressaq ukoll talba għal ordni provviżorja. Fl‑1 ta’ Settembru 2006, Krka kienet ressqet kontrotalba għall‑annullament tal‑privattiva 947. Fit‑3 ta’ Ottubru 2006, il-High Court of Justice (England & Wales), Chancery Division (patents court) [il-Qorti Għolja tal-Ġustizzja (Ingilterra u Wales), Sezzjoni tal-Ekwità (Awla tal‑Privattivi)], kienet laqgħet it-talba għal ordni provviżorja ta’ Servier u kienet ċaħdet it-talba għal proċedura sommarja (motion of summary judgment) imressqa minn Krka fl‑1 ta’ Settembru 2006, għall-annullament tal‑privattiva 947. Fl‑1 ta’ Diċembru 2006, il-kawża pendenti ntemmet skont il-ftehim dwar soluzzjoni bonarja li sar bejn il-partijiet u l-ordni provviżorja tneħħiet.

1197 Fir-rigward tal-kawża quddiem l-UEP, għaxar kumpanniji ta’ ġeneriċi, fosthom Krka, kienu opponew il-privattiva 947 quddiem l-UEP fl-2004, sabiex jiksbu r-revoka tagħha kollha kemm hi, billi invokaw motivi bbażati fuq nuqqas ta’ novità u ta’ attività inventiva u nuqqas ta’ espożizzjoni suffiċjenti tal-invenzjoni. Fis-27 ta’ Lulju 2006, id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni tal-UEP kienet ikkonfermat il-validità ta’ din il-privattiva wara emendi żgħar tat-talbiet inizjali ta’ Servier. Seba’ kumpanniji ppreżentaw appell kontra din id-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni. Krka rtirat mill-proċedimenti ta’ oppożizzjoni fil‑11 ta’ Jannar 2007 skont il-ftehim dwar soluzzjoni bonarja li sar bejn il-partijiet.

1198 Madankollu, għandu jitfakkar li, fir-Renju Unit, Servier kien adixxa wkoll lill-High Court of Justice (England & Wales), Chancery Division (patents court) [il-Qorti Għolja tal-Ġustizzja (Ingilterra u Wales), Sezzjoni tal-Ekwità (Awla tal-Privattivi)], b’kawża ta’ ksur ta’ privattiva kontra l-kumpannija Apotex fl-1 ta’ Awwissu 2006, billi invoka l-ksur tal-privattiva 947, peress li din tal-aħħar kienet nediet verżjoni ġenerika tal-perindopril fit-28 ta’ Lulju 2006. Apotex kienet ressqet kontrotalba għall-annullament ta’ din il-privattiva. Fit-8 ta’ Awwissu 2006 kienet inħarġet ordni provviżorja li tipprojbixxi lil Apotek milli timporta, toffri għall‑bejgħ jew tbiegħ il-perindopril.

1199 Abbażi tal-kontrotalba mressqa minn Apotex, il-High Court of Justice (England & Wales), Chancery Division (patents court) [il-Qorti Għolja tal-Ġustizzja (Ingilterra u Wales), Sezzjoni tal-Ekwità (Awla tal‑Privattivi)], fis-6 ta’ Lulju 2007, iddeċidiet li l-privattiva 947 kienet invalida minħabba nuqqas ta’ novità u ta’ attività inventiva meta mqabbla mal-privattiva 341. Konsegwentement, l-ordni tneħħiet immedjatament u Apotex setgħet terġa’ tibda tbiegħ il-verżjoni ġenerika tagħha tal‑perindopril fis-suq tar-Renju Unit.

1200 Il-Kummissjoni kkunsidrat li l-ksur li jikkonċerna l-ftehimiet konklużi bejn Servier u Krka kien intemm f’din id-data fir-Renju Unit.

1201 Barra minn hekk, fir-rigward tal-kawża quddiem l-UEP, abbażi tal-proċedura mibdija, b’mod partikolari, minn Krka, il-Bord tal-Appell tekniku tal-UEP, b’deċiżjoni tas-6 ta’ Mejju 2009, annulla d-deċiżjoni tal‑UEP tas-27 ta’ Lulju 2006 u rrevoka l-privattiva 947.

1202 Il-Kummissjoni kkunsidrat li l-ksur li jikkonċerna l-ftehimiet konklużi bejn Servier u Krka, inkwantu kien għadu għaddej f’ċerti Stati Membri, kien intemm f’din id-data.

1203 Fir-rigward tal-iżvolġiment tal-proċeduri relatati mal-privattiva 947, li komplew wara l-irtirar ta’ Krka mill-proċeduri li fihom kienet parti, kif espost hawn fuq, ma jistax jiġi kkunsidrat li, fin-nuqqas tal-ftehim dwar soluzzjoni bonarja li sar bejn il-partijiet, it-tkomplija tal-proċeduri minn Krka kienet, b’mod probabbli, u saħansitra plawżibbli, tippermetti annullament iktar rapidu jew iktar komplet ta’ din il-privattiva.

1204 Issa, il-Kummissjoni ma stabbilixxietx, u lanqas allegat, fid-deċiżjoni kkontestata, li l-annullament tal-privattiva 947 kien ikun iktar rapidu jew iktar komplet kieku Krka ma kinitx aċċettat li tissuġġetta ruħha għall-klawżola ta’ nuqqas ta’ kontestazzjoni li tinsab fil-ftehim dwar soluzzjoni bonarja.

1205 Iċ-ċirkustanzi li “Krka preċedentement kienet tikkunsidra li l-argumenti tagħha fil-kawżi tal-privattivi kienu fost l-iktar konvinċenti u kienu jikkostitwixxu theddida partikolari għall-privattiva 947” jew li l-qrati tar‑Renju Unit, minkejja ċ-ċaħda tagħhom tat-talba għal proċedura sommarja mressqa minn Krka, kienu kkunsidraw li din kellha “bażi solida” sabiex tikkontesta l-validità tal-privattiva 947 (premessa 1827 tad-deċiżjoni kkontestata) ma jippermettux li jiġi konkluż li l‑parteċipazzjoni ta’ Krka fil-proċeduri inkwistjoni kienet twassal għal annullament iktar rapidu jew iktar komplet tal-privattiva.

1206 Bl-istess mod, li jiġi kkunsidrat, kif tagħmel il-Kummissjoni fil‑premessa 1712 tad-deċiżjoni kkontestata, li “l-eliminazzjoni ta’ sfida qawwija jista’ jkollha impatt fuq ir-riżultat finali tal-kawża/tal‑oppożizzjoni” ma jippermettix li jiġi konkluż li l-effetti tal‑klawżola ta’ nuqqas ta’ kontestazzjoni li kienu japplikaw għal Krka huma ta’ natura probabbli, jew plawżibbli.

1207 Fil-fatt, kienet il-Kummissjoni li kellha turi, b’mod suffiċjentement preċiż u sostnut, b’liema mod l-argumenti ta’ Krka jew il-pożizzjoni kontenzjuża partikolari tagħha setgħu, li kieku kompliet il-proċeduri li fihom kienet involuta, ikollhom impatt determinanti, mhux fuq ir-riżultat tal-kawżi, peress li tnejn minn dawn il-kawżi – jiġifieri dik quddiem l‑UEP, li tkompliet wara li waqfet Krka u dik bejn Servier u Apotex quddiem il-High Court of Justice (England & Wales), Chancery Division (patents court) [il-Qorti Għolja tal-Ġustizzja (Ingilterra u Wales), Sezzjoni tal-Ekwità (Awla tal-Privattivi)] – wasslu, fi kwalunkwe każ, għal annullament tal-privattiva 947, iżda fuq it-terminu li fih seħħ l‑annullament jew il-portata tiegħu.

1208 Barra minn hekk, fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-elementi li jikkostitwixxu ksur, li ma jaqgħux fil-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha iżda fl‑istħarriġ tal-legalità, il-Qorti Ġenerali ma għandhiex tissostitwixxi l‑motivazzjoni tagħha għal dik tal-Kummissjoni (sentenza tal‑21 ta’ Jannar 2016, Galp Energía España et vs Il-Kummissjoni, C‑603/13 P, EU:C:2016:38, punti 73 u 75 sa 77).

1209 Għalhekk ma hijiex il-Qorti Ġenerali li għandha teżamina għall-ewwel darba, minn elementi oħra tal-proċess minbarra dawk użati mill‑Kummissjoni sabiex tistabbilixxi l-effetti restrittivi tal-klawżola ta’ nuqqas ta’ kontestazzjoni, jekk iż-żamma tal-parteċipazzjoni ta’ Krka fil-proċeduri ġudizzjarji inkwistjoni kinitx twassal għal annullament iktar rapidu jew iktar komplet tal-privattiva 947.

1210 Għandu jingħad ukoll li, tkun xi tkun l-istruttura tas-suq inkwistjoni, inkluż meta din, bħal f’dan il-każ, tkun ikkaratterizzata, skont il‑Kummissjoni, minn nuqqas jew ftit sorsi ta’ kompetizzjoni, l-effetti antikompetittivi ta’ klawżola ta’ nuqqas ta’ kontestazzjoni jibqgħu ipotetiċi ħafna jekk, fir-rigward tal-iżvolġiment reali tal-avvenimenti kif jista’ jiġi osservat fil-mument fejn il-Kummissjoni tadotta d-deċiżjoni tagħha, ikun probabbli li, fin-nuqqas tagħha, il-privattiva inkwistjoni, jiġifieri, f’dan il-każ, il-privattiva 947, tkun ġiet annullata fl-istess ħin u bl‑istess mod (ara l-punt 1181 hawn fuq).

1211 Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma urietx, kuntrarjament għal dak li jidher li jirriżulta mill-premessa 1712 tad-deċiżjoni kkontestata, li l‑proċedura bejn Servier u Krka quddiem il-qrati tar-Renju Unit setgħet twassal sabiex jiġi stabbilit li t-teknoloġija ta’ din tal-aħħar ma kinitx tikser privattiva. Fil-fatt, il-proċeduri li jikkonċernaw lil Krka u lil Apotex kienu jikkonsistu f’kawżi ta’ ksur ta’ privattiva introdotti minn Servier u f’kontrotalbiet għall-annullament tal-privattiva 947 imressqa bħala risposta minn dawn iż-żewġ kumpanniji ta’ ġeneriċi. Dawn il-proċeduri kienu għalhekk simili. Issa, il-proċedura li kienet tirrigwarda lil Apotex kienet intemmet bl-annullament tal-privattiva 947 u, għalhekk, mingħajr ma kien meħtieġ li jiġi stabbilit jekk it-teknoloġija tagħha kinitx tikser privattiva. Huwa plawżibbli, fir-rigward tax-xebh tal-proċeduri u fin‑nuqqas ta’ elementi kuntrarji prodotti mill-Kummissjoni, li kien ikun l-istess għal Krka.

1212 A fortiori, ma huwiex ipprovat li l-proċedura quddiem l-UEP setgħet twassal sabiex jiġi stabbilit li t-teknoloġija ta’ Krka ma kinitx teknoloġija li tikser privattiva peress li din il-proċedura kienet tirrigwarda biss il‑validità tal-privattiva 947.

1213 Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-effetti restrittivi tal‑klawżola ta’ nuqqas ta’ kontestazzjoni li jinsabu fil-ftehim dwar soluzzjoni bonarja fuq il-kompetizzjoni ma ġewx stabbiliti mill‑Kummissjoni.

–       Fuq it-trasferiment b’liċenzja tat-teknoloġija ta’ Krka

1214 Fir-rigward tal-ftehim dwar trasferiment li permezz tiegħu Krka biegħet it-teknoloġija tagħha lil Servier, il-Kummissjoni illimitat ruħha sabiex tikkonstata li, fin-nuqqas ta’ dan il-ftehim, “Krka kienet tibqa’ libera li tittrasferixxi jew tikkonċedi b’liċenzja d-drittijiet tagħha relatati mat‑teknoloġija tal-perindopril” (premessa 1829 tad-deċiżjoni kkontestata), li, fir-rigward ta’ sempliċi trasferiment ta’ prodott li dwaru jkun hemm ftehim dwar liċenzja u mhux miżura ta’ tkeċċija kif tista’ tkun klawżola ta’ nuqqas ta’ kummerċjalizzazzjoni, ma huwiex biżejjed sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ effetti probabbli, b’mod partikolari fuq il-prezzijiet, il-produzzjoni, il-kwalità jew id-diversità tal-prodotti jew inkella l-innovazzjoni (ara l-punti 1135 sa 1137 hawn fuq). L‑eżistenza ta’ effetti antikompetittivi hija wisq inqas stabbilita peress li t-teknoloġija ta’ Krka ma kinitx tippermetti li titwarrab il-privattiva 947, u dan, fid‑dawl tal-indizji serji li setgħu jagħtu x’tifhem li din il-privattiva kienet valida, jagħmel l-ipoteżi li kumpanniji ta’ ġeneriċi kompetituri ta’ Servier kienu, fin-nuqqas tal-ftehim dwar trasferiment, ifittxu li jakkwistaw it-teknoloġija ta’ Krka, ftit li xejn plawżibbli.

1215 Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-effetti restrittivi fuq il‑kompetizzjoni tat-trasferiment bil-liċenzja tat-teknoloġija ta’ Krka ma ġewx stabbiliti mill-Kummissjoni.

1216 Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li l-Kummissjoni ma stabbilixxietx l-eżistenza ta’ effett restrittiv tal-kompetizzjoni li jirriżulta mill-ftehim dwar soluzzjoni bonarja jew mill-ftehim dwar trasferiment li huwa suffiċjentement realistiku u probabbli sabiex hija setgħet tkun f’pożizzjoni li tikkonstata l-eżistenza ta’ restrizzjoni minħabba l-effett. Għandu jiżdied li tali effett restrittiv lanqas ma jista’ jiġi kkonstatat meta ż-żewġ ftehimiet huma kkunsidrati fit-totalità tagħhom.

1217 Għalhekk hemm lok li jintlaqa’ l-ilment relatat mal-iżball ta’ evalwazzjoni, li jippermetti, waħdu, li l-motiv invokat mir-rikorrenti u bbażat fuq il-konklużjoni żbaljata tal-Kummissjoni li kien hemm restrizzjoni minħabba l-effett li tirriżulta mill-ftehimiet magħmula bejn Servier u Krka, jiġi ddikjarat fondat kollu kemm hu.

1218 Għandu wkoll jiġi stabbilit jekk il-Kummissjoni, barra minn hekk, ivvizzjatx id-deċiżjoni tagħha bi żbalji ta’ liġi.

iv)    Fuq l-iżball ta’ liġi

1219 Kif intqal (ara l-punti 1092 u 1102 hawn fuq), il-Kummissjoni kkunsidrat li, peress li kienet stabbilixxiet li l-ftehim dwar soluzzjoni bonarja kien jeskludi kompetitur potenzjali ta’ Servier, hija ma kinitx obbligata, sabiex turi l-kompetizzjoni li kien ikun hemm fin-nuqqas ta’ ftehim (waħda mis‑sitwazzjonijiet ta’ paragun imsemmija fil-punt 1076 hawn fuq), tikkunsidra l-iżvolġiment reali tal-avvenimenti kif seta’ jiġi osservat fil‑mument li fih hija adottat id-deċiżjoni tagħha. Għall-kuntrarju, il‑Kummissjoni kkunsidrat, billi bbażat ruħha fuq il-prattika abitwali tagħha fil-qasam tat-teħid inkunsiderazzjoni tal-effetti potenzjali ta’ ftehim li tipprevedi li huwa biżżejjed li jintwera li dan il-ftehim “jista’” jkollu effetti antikompetittivi (ara l-punti 1080 u 1085 hawn fuq), li hija setgħet tibbaża d-deskrizzjoni tagħha tal-kompetizzjoni fin-nuqqas ta’ ftehim dwar ipoteżi u possibilitajiet.

1220 Kif jirriżulta mill-eżami hawn fuq tal-ilment dwar l-iżball ta’ evalwazzjoni, uħud mill-avvenimenti li l-Kummissjoni ma kkunsidratx kienu mhux biss rilevanti iżda anki determinanti sabiex isir il-paragun imsemmi fil-punt 1076 hawn fuq.

1221 B’hekk, fir-rigward tal-klawżola ta’ nuqqas ta’ kummerċjalizzazzjoni, jekk il-Kummissjoni kkunsidrat id-deċiżjoni tal-UEP tas‑27 ta’ Lulju 2006 u l-ordnijiet mogħtija mill-qrati tar-Renju Unit kontra Krka u Apotex sabiex tistabilixxi l-kwalità ta’ kompetitur potenzjali ta’ Krka, hija ma ħaditx inkunsiderazzjoni kif suppost dawn l‑avvenimenti sabiex tistabbilixxi jekk din tal-aħħar kinitx probabbilment tidħol fis-suq fin-nuqqas ta’ ftehim, billi illimitat ruħha f’dawn ir-rigward sabiex tindika li fin-nuqqas ta’ ftehim it-“theddida għall-kompetizzjoni” mingħand Krka kienet tkompli.

1222 Fir-rigward tal-klawżola ta’ nuqqas ta’ kontestazzjoni, il-Kummissjoni ma kkunsidratx ir-riżultat tal-proċeduri mibdija kontra l-privattiva 947 minn kumpanniji ta’ ġeneriċi oħra u li tkomplew minkejja l-fatt li Krka kienet waqqfet kull kontestazzjoni.

1223 Fir-rigward, finalment, tal-istruttura tas-suq, li hija kwistjoni trasversali li tirrigwarda kemm il-klawżola ta’ nuqqas ta’ kummerċjalizzazzjoni kif ukoll il-klawżola ta’ nuqqas ta’ kontestazzjoni, il-Kummissjoni illimitat ruħha sabiex tistabbilixxi liema kienu s-sorsi ta’ kompetizzjoni identifikati fil-mument li fih l-aħħar wieħed mill-ftehimiet dwar soluzzjoni bonarja msemmija fid-deċiżjoni kkontestata ġie konkluż u tindika li kien hemm “possibilità qawwija” li dawn is-sorsi jiġu eliminati mill-kompetizzjoni minn ftehim jew minn mezz ieħor, mingħajr ma jiġi kkunsidrat il-fatt li tali possibilità ma seħħitx tul il-perijodu tal-ksur (premessa 1846 tad-deċiżjoni kkontestata).

1224 Tali raġunament jirriżulta, b’mod espliċitu, min-nota ta’ qiegħ il-paġna nru 2445 tad-deċiżjoni kkontestata, li fiha l-Kummissjoni tibbaża ruħha, sabiex tistabbilixxi l-eżistenza ta’ effetti restrittivi tal-klawżola ta’ nuqqas ta’ kontestazzjoni, fuq il-fatt li ftit kien hemm kumpanniji kompetituri ta’ Servier li setgħu jkomplu l-proċeduri pendenti jew jibdew oħrajn ġodda u li “kien plawżibbli li Servier kellha l-ħsieb li tittransiġi ma’ dawn il‑kumpanniji”, li kien ineħħi kull possibbiltà li tinżamm jew tinbeda proċedura kontra l-privattiva 947. Issa, jekk huwa veru li Servier avviċina lil dawn il-kumpanniji, huwa ma wasalx sabiex jittransiġi magħhom, u b’mod partikolari ma’ waħda minnhom li finalment kisbet l-annullament tal-privattiva 947 fil-mument stess li fih il-klawżola ta’ nuqqas ta’ kontestatazzjoni kienet applikata minn Krka.

1225 Issa, in-natura limitata tal-eżami li l-Kummissjoni wettqet ma setgħetx tiġi ġġustifikata fir-rigward tal-ġurisprudenza tal-qrati tal-Unjoni. Fil-fatt, il-ġurisprudenza relatata mat-teħid inkunsiderazzjoni tal-effetti potenzjali tal-ftehimiet, eżaminata fil-punti 1107 sa 1120 hawn fuq, ma kinitx applikabbli f’dan il-każ (ara l-punt 1124 hawn fuq).

1226 L-istess kien japplika, għar-raġunijiet indikati hawn fuq fil-punti 1183 sa 1186, fir-rigward tan-natura transponibbli tas-soluzzjoni użata, fil‑qasam ta’ ftehimiet li jeliminaw il-kompetizzjoni potenzjali, fis‑sentenza tal-14 ta’ April 2011, Visa Europe u Visa International Service vs Il-Kummissjoni (T‑461/07, EU:T:2011:181) (ara l-punti 1183 sa 1186 hawn fuq).

1227 Għalhekk għandu jiġi konkluż li l-Kummissjoni pproċediet b’eżami inkomplet tas-sitwazzjoni li kellha tevalwa sabiex tistabbilixxi jekk il‑ftehimiet konklużi bejn Servier u Krka kinux jirrestrinġu l‑kompetizzjoni minħabba l-effett, peress li n-natura inkompleta tal‑eżami tal-Kummissjoni żvelat applikazzjoni żbaljata tal‑ġurisprudenza tal-qrati tal-Unjoni u għalhekk, kif isostnu korrettament ir-rikorrenti, żball ta’ liġi.

1228 Barra minn hekk, skont l-approċċ użat mill-Kummissjoni, huwa biżżejjed li tikkonstatata l-eliminazzjoni ta’ kompetitur potenzjali sabiex tkun tista’ tikkonkludi, f’kuntest ta’ struttura ta’ suq ikkaratterizzata minn nuqqas jew ftit sorsi ta’ kompetizzjoni u ta’ setgħa tas-suq tal-kumpannija ta’ verżjonijiet tal-bidu, li kien hemm restrizzjoni ta’ kompetizzjoni minħabba l-effett.

1229 Tali approċċ jippermetti lill-Kummissjoni, li kieku kien aċċettat, li tikkonstata, f’kawżi bħal dawk f’dan il-każ li jikkonċernaw klawżoli restrittivi assoċjati ma’ ftehim dwar soluzzjoni bonarja fil-qasam tal‑privattivi ta’ prodott mediċinali, l-eżistenza ta’ restrizzjoni tal‑kompetizzjoni minħabba l-effett li, essenzjalment, ikollha tiżgura biss li tnejn mit-tliet rekwiżiti sabiex jiġi konkluż li kien hemm restrizzjoni minħabba l-għan, jiġifieri l-eżistenza ta’ kompetizzjoni potenzjali u l‑preżenza ta’ klawżoli restrittivi tal-kompetizzjoni, huma ssodisfatti.

1230 Peress li l-prova li t-tielet rekwiżit, jiġifieri l-preżenza ta’ inċentiv, huwa ssodisfatt, kienet, kif jirriżulta mill-eżami tal-motiv iddedikat għar‑restrizzjoni minħabba l-għan, partikolarment delikata, ix-xogħol tal‑Kummissjoni jonqos ħafna.

1231 Issa, fir-rigward tar-rekwiżiti miżjuda fil-qasam tal-prova li huma relatati sabiex tiġi pprovata restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-effett (ara l-punti 1123 u 1128 sa 1139 hawn fuq), tali soluzzjoni, kuntrarja għall‑ispirtu ta’ distinzjoni stabbilita mit-trattat bejn ir-restrizzjonijiet tal‑kompetizzjoni minħabba l-għan u r-restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni minħabba l-effett, ma għandhiex tiġi aċċettata.

1232 Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li għandu jintlaqa’ l-ilment ibbażat fuq żball ta’ liġi, li jippermetti, fih innifsu, li l-motiv kollu invokat mir-rikorrenti u bbażat fuq dak li l-Kummissjoni kkonkludiet, b’mod żbaljat, dwar l-eżistenza ta’ restrizzjoni minħabba l-effett li tirriżulta mill-ftehimiet milħuqa bejn Servier u Krka, jiġi ddikjarat fondat.

1233 Peress li l-motiv relatat man-nuqqas ta’ restrizzjoni minħabba l-għan ġie wkoll irrikonoxxut bħala fondat, għandu jiġi konkluż li l-Kummissjoni kkonstatat b’mod żbaljat l-eżistenza ta’ ksur skont l‑Artikolu 101(1) TFUE fir-rigward tal-ftehimiet konklużi bejn Servier u Krka.

1234 Konsegwentement, hemm lok, mingħajr ma hemm bżonn li jiġu eżaminati l-ilmenti l-oħra invokati mir-rikorrenti fil-kuntest ta’ dan il‑motiv u tal-motiv relatat mal-kwalità ta’ kompetitur potenzjali ta’ Krka, li jiġi annullat l-Artikolu 4 tad-deċiżjoni kkontestata, inkwantu, permezz ta’ dan l-artikolu, il-Kummissjoni kkonstatat li Servier ikkommetta ksur skont l-Artikolu 101(1) TFUE fir-rigward tal-ftehimiet konklużi bejn Servier u Krka.

10.    Fuq il-motiv relatat mad-definizzjoni tal-kunċett ta’ restrizzjoni ta’ kompetizzjoni minħabba l-għan

a)      L-argumenti tal-partijiet

[omissis]

b)      L-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali

1247 Għar-raġunijiet diġà msemmija fil-punti 566 sa 570, 743 u 909 hawn fuq, fir-rigward ta’ motivi oħra mqajma kontra l-konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ restrizzjoni minħabba l-effett li tirriżulta mill-ftehimiet konklużi minn Servier ma’ Niche u Unichem, Matrix, Teva u Lupin, dan il-motiv għandu jiġi miċħud bħala ineffettiv.

11.    Fuq l-iżbalji ta’ liġi u ta’ evalwazzjoni relatati malklassifikazzjoni ta’ ksur distinti

a)      Fuq il-klassifikazzjoni ta’ ksur distinti ta’ ħames ftehimiet

1)      L-argumenti tal-partijiet

[omissis]

2)      L-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali

1254 Mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta, u dan mhux ikkontestat mir‑rikorrenti, li dawn tal-aħħar ikkonkludew ftehimiet distinti, iffirmati f’dati differenti (bl-eċċezzjoni tal-ftehimiet konklużi ma’ Niche u ma’ Matrix), ma’ partijiet differenti, f’kuntesti ekonomiċi u ġuridiċi differenti u li għandhom kampijiet ta’ applikazzjoni differenti. Ir-rikorrenti madankollu jsostnu li, minkejja dawn id-differenzi, il-konklużjoni ta’ dawn il-ftehimiet tikkostitwixxi ksur wieħed, minħabba l-identiċità tal‑prodott ikkonċernat, minħabba ċerta identiċità spazjali u temporali tal‑ftehimiet, l-identiċità tal-metodu u tal-modalitajiet tal-implimentazzjoni tal-ftehimiet u l-identiċità tal-persuna fiżika involuta, min-naħa tagħhom, fil-konklużjoni tal-ftehimiet.

1255 Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li dan il-motiv li jikkritika n‑nuqqas ta’ rikonoxximent ta’ ksur uniku f’dan il-każ huwa mqajjem b’mod sussidjarju (ara l-punt 1248 hawn fuq), f’każ li l-motivi bbażati fuq żbalji ta’ liġi u ta’ evalwazzjoni fil-klassifikazzjoni ta’ restrizzjonijiet minħabba l-għan u minħabba l-effett tal-ftehimiet ikkontestati jiġu miċħuda. B’hekk, jekk jintlaqgħu l-motivi kontra l-klassifikazzjoni bħala restrizzjoni tal-kompetizzjoni tal-ftehimiet konklużi mir-rikorrenti ma’ Krka, dan il-motiv għandu jiġi eżaminat biss inkwantu jikkontesta l‑klassifikazzjoni bħala ksur distinti tal-ftehimiet konklużi mir-rikorrenti ma’ Niche, Matrix, Teva u Lupin.

1256 Fir-rigward tan-natura effettiva tal-motiv, il-Kummissjoni essenzjalment issostni li għandu jiġi miċħud bħala ineffettiv, peress li, fi kwalunkwe każ, ir-rikorrenti ma stabbilixxewx li l-multa kienet neċessarjament tkun inqas għolja li kieku kienet ikkunsidrat li l-ftehimiet inkwistjoni kienu jikkostitwixxu ksur uniku.

1257 Qabel xejn, għandu jitfakkar li n-natura effettiva jew ineffettiva ta’ motiv imqajjem tirreferi għall-kapaċità tiegħu, f’każ li jkun fondat, li jwassal għall-annullament li jitlob ir-rikorrent u mhux għall-interess li dan jista’ jkollu biex jippreżenta tali rikors jew inkella sabiex iqajjem motiv partikolari, peress li dawn il-kwistjonijiet ikopru l-ammissibbiltà tar‑rikors u dik tal-motiv, rispettivament (sentenza tal‑21 ta’ Settembru 2000, EFMA vs Il-Kunsill, C‑46/98 P, EU:C:2000:474, punt 38).

1258 Sussegwentement, inkwantu b’mod partikolari fejn, jekk hija turi l‑eżistenza ta’ interess leġittimu sabiex tipproċedi b’tali konstatazzjoni, il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta deċiżjoni li tikkonstata ksur mingħajr ma timponi multa flimkien ma’ din id-deċiżjoni (ara, f’dan is‑sens, is-sentenzi tas-6 ta’ Ottubru 2005, Sumitomo Chemical u Sumika Fine Chemicals vs Il-Kummissjoni, T‑22/02 u T‑23/02, EU:T:2005:349, punt 31, u tas-16 ta’ Novembru 2006, Peróxidos Orgánicos vs Il-Kummissjoni, T‑120/04, EU:T:2006:350, punt 18), il‑legalità ta’ deċiżjoni li tikkonstata l-parteċipazzjoni ta’ impriża fi ksur ma għandhiex tiddependi mil-legalità tal-multa imposta fuq din l-impriża. Huwa għalhekk li r-raġunijiet relatati mal-impożizzjoni tas-sanzjonijiet jistgħu, minnhom infushom, jikkonċernaw biss l-impożizzjoni tal-multa u mhux il-konstatazzjoni tal-ksur innifsu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-27 ta’ Ġunju 2012, Bolloré vs Il-Kummissjoni, T‑372/10, EU:T:2012:325, punt 81). Għall-kuntrarju, il-motivi relatati mal‑konstatazzjoni tal-ksur stess huma, bħala regola, kapaċi jwasslu għall-annullament mhux biss tad-deċiżjoni li tikkonstata l‑parteċipazzjoni ta’ impriża fil-ksur, iżda wkoll, bħala konsegwenza, tal‑multa imposta fuq din l-impriża.

1259 Minn dan isegwi, f’dan il-każ, li, jekk il-Qorti Ġenerali kellha tikkunsidra li l-Kummissjoni kienet identifikat b’mod żbaljat il-ksur bħala distinti skont kull ftehim ikkontestat minflok bħala ksur wieħed, id-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata inkwantu hija tikkonstata l-eżistenza, fir-rigward tar-rikorrenti, ta’ ksur distinti u, konsegwentement, inkwantu li timponilhom multi minħabba dawn il-ksur, u dan indipendentement mill‑kwistjoni dwar jekk dan l-annullament ikollux effett pożittiv għar‑rikorrenti fuq l-ammont totali tal-multi distinti li ġew imposti fuqhom u li, jekk ikun il-każ, għandu jkun ikkalkolat mill-ġdid jekk tiġi imposta fuqhom multa waħda fil-qafas ta’ deċiżjoni ġdida. Fil-fatt, għandu jitfakkar li l-ġurisdizzjoni sħiħa li għandha l-Qorti Ġenerali abbażi tal-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1/2003 tikkonċerna biss l‑evalwazzjoni min-naħa tagħha tal-multa imposta mill-Kummissjoni, bl‑esklużjoni ta’ kwalunkwe modifika tal-elementi li jikkostitwixxu l‑ksur legalment ikkonstatat mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni li biha hija adita l-Qorti Ġenerali (sentenza tal-21 ta’ Jannar 2016, Galp Energía España et vs Il‑Kummissjoni, C‑603/13 P, EU:C:2016:38, punt 77).

1260 Għall-finijiet ta’ kompletezza, fi kwalunke każ, għandu jiġi kkunsidrat li, jekk il‑Qorti Ġenerali kellha tikkunsidra li l-Kummissjoni żbaljat meta identifikat ksur distinti minflok ksur wieħed, dan ikollu effett fuq l‑ammont tal-multa.

1261 Fil-fatt, għandu jitfakkar li l-klassifikazzjoni ta’ ċertu aġir illegali bħala li jikkostitwixxu ksur wieħed jew l-istess ksur, jew li jikkostitwixxu għadd ta’ ksur distint ma hijiex, fil-prinċipju, mingħajr konsegwenzi fuq is-sanzjoni li tista’ tiġi imposta, peress li l-konstatazzjoni ta’ għadd ta’ ksur distint tista’ twassal għall-impożizzjoni ta’ għadd ta’ multi distinti, kull darba fil-limiti ffissati fl-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, jiġifieri mhux iktar minn 10 % tat-total ta’ valur tal-bejgħ fis-sena finanzjarja qabel l‑adozzjoni tad-deċiżjoni. Apparti dan, il‑Kummissjoni tista’ tikkonstata, f’deċiżjoni waħda, żewġ każijiet ta’ ksur distinti u timponi żewġ multi fejn l-ammont totali jaqbeż il-limitu ta’ 10 % stabbilit fl-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, sa fejn l‑ammont ta’ kull multa ma jaqbiżx l-imsemmi limitu. Fil-fatt, huwa irrilevanti, għall-applikazzjoni tal-imsemmi limitu ta’ 10 %, li ksur differenti għar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni jkunu ssanzjonati fi proċedura unika jew fi proċeduri separati, fi żminijiet differenti, peress li l-limitu massimu ta’ 10 % japplika għal kull ċirkustanza ta’ ksur tal‑Artikolu 101 TFUE (ara s-sentenza tas‑6 ta’ Frar 2014, AC‑Treuhand vs Il-Kummissjoni, T‑27/10, EU:T:2014:59, punti 230 sa 232 u l‑ġurisprudenza ċċitata). F’dan il-każ, madankollu, hemm lok li jiġi kkonstatat, kif jammettu r-rikorrenti fir-rikors, li l-ammont totali tal-multi li ġew imposti fuqhom minħabba l-ksur tal-Artikoli 101 u 102 TFUE huwa inqas mil-limitu massimu ta’ 10 % tad-dħul mill-bejgħ imwettaq fis-sena finanzjarja qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni, stabbilit fl‑Artikolu 23(2) tar‑Regolament Nru 1/2003. Konsegwentement, ir-rikorrenti ma għandhomx jikkritikaw lill-Kummissjoni li ddeċidiet li timponi fuqhom multi distinti sabiex tkun tista’, għal dawn il-multi meħuda flimkien, taqbeż dan il-limitu ta’ 10 %.

1262 Madankollu, mill-premessi 3120, 3121 u 3128 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li, peress li l-Kummissjoni imponiet multi separati fuq ir‑rikorrenti għal kull ksur tal-Artikolu 101 TFUE, fuq dawn l-ammonti hija applikat fattur ta’ korrezzjoni baxx, sabiex tevita riżultat potenzjalment sproporzjonat minħabba l-impożizzjoni parallela ta’ diversi multi. Huwa fil-fatt għaliex iddeċidiet li timponi fuq ir-rikorrenti diversi multi distinti li l-Kummissjoni applikat tnaqqis medju ta’ 54.5 % fuq l-ammont tal-valur tal-bejgħ tar-rikorrenti kkunsidrat sabiex jiġi stabbilit l-ammont ta’ kull multa, li kien jirrifletti l-grad ta’ kemm il-ksur korrispondenti jikkoinċidu ratione temporis u fuq il-livell ġeografiku. Konsegwentement, fi kwalunkwe każ, sabiex jiġi pprovat li l-motiv huwa ineffettiv, hija l‑Kummissjoni li għandha tistabbilixxi li l-multa imposta fuq ir-rikorrenti kienet tkun daqstant għolja f’każ ta’ ksur wieħed, li ftit jidher li huwa probabbli.

1263 Konsegwentement, għandu jiġi eżaminat il-mertu tal-motiv.

1264 Skont ġurisprudenza stabbilita, ksur tal-Artikolu 101(1) TFUE jista’ jirriżulta mhux biss minn att individwali, iżda wkoll minn serje ta’ atti jew minn aġir kontinwu, anki fil-każ li wieħed minn dawn l-aspetti ta’ din is-serje ta’ atti jew aġir kontinwu, jew iktar, jistgħu fihom infushom u individwalment, jikkostitwixxu ksur tal-imsemmija dispożizzjoni. Għalhekk, meta azzjonijiet differenti jagħmlu parti minn “pjan ġenerali”, minħabba l-għan identiku tagħhom li tinħoloq distorsjoni tal‑kompetizzjoni fi ħdan is-suq komuni, il-Kummissjoni għandha d-dritt timputa r-responsabbiltà ta’ dawn l-azzjonijiet skont il-parteċipazzjoni fil-ksur ikkunsidrat fl-intier tiegħu (sentenzi tas-6 ta’ Diċembru 2012, Il‑Kummissjoni vs Verhuizingen Coppens, C‑441/11 P, EU:C:2012:778, punt 41, u tal-24 ta’ Ġunju 2015, Fresh Del Monte Produce vs Il‑Kummissjoni u Il-Kummissjoni vs Fresh Del Monte Produce, C‑293/13 P u C‑294/13 P, EU:C:2015:416, punt 156).

1265 Impriża li tkun ipparteċipat f’tali ksur uniku u kumpless minħabba l-aġir tagħha stess, f’għamla ta’ ftehim jew ta’ prattika miftiehma li għandha għan antikompetittiv fis-sens tal-Artikolu 101(1) TFUE u li kien intiż li jikkontribwixxi għat-twettiq tal-ksur fl-intier tiegħu, tista’ wkoll tkun responsabbli għall-aġir ta’ impriżi oħra fil-kuntest tal-istess ksur għall‑perijodu kollu tal-parteċipazzjoni tagħha fl-imsemmi ksur. Dan huwa l-każ meta jiġi stabbilit li din l-impriża kellha l-intenzjoni tikkontribwixxi bl-aġir tagħha stess għall-għanijiet komuni tal‑parteċipanti kollha u li kellha għarfien tal-aġir illegali previst jew implimentat minn impriżi oħra fil-kisba tal-istess għanijiet, jew li hija setgħet raġonevolment tipprevedihom u kienet lesta taċċetta dan ir-riskju (sentenzi tas-6 ta’ Diċembru 2012, Il-Kummissjoni vs Verhuizingen Coppens, C‑441/11 P, EU:C:2012:778, punti 42 u 60, u tal‑24 ta’ Ġunju 2015, Fresh Del Monte Produce vs Il-Kummissjoni u Il‑Kummissjoni vs Fresh Del Monte Produce, C‑293/13 P u C‑294/13 P, EU:C:2015:416, punt 157).

1266 B’hekk, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-applikazzjoni tal-kunċett ta’ “ksur uniku” tippermetti, taħt ċerti kundizzjonijiet, li tiġi imputata r-responsabbiltà ta’ numru ta’ aġir li jikkostitwixxi ksur lill‑parteċipanti kollha għal xi aġir jew ieħor li flimkien jikkostitwixxu dan il-grupp ta’ ksur. Madankollu, tali possibbiltà hija prevista biss jekk, b’mod partikolari, jista’ jiġi identifikat għan komuni għall-parteċipanti kollha.

1267 Il-ħtieġa ta’ għan, tmiem jew riżultat komuni tirriżulta mhux biss mis‑sentenzi ċċitati fil-punti 1264 u 1265 hawn fuq, iżda wkoll mill‑ġurisprudenza preċedenti.

1268 B’hekk, fis-sentenza tat-8 ta’ Lulju 1999, Il-Kummissjoni vs Anic Partecipazioni (C‑49/92 P, EU:C:1999:356, punti 82 u 83), il-Qorti tal‑Ġustizzja kkonfermat ir-raġunament tal-Qorti Ġenerali li, l-ewwel nett, il-ftehimiet u l-prattiki miftiehma kkonstatati kienu, minħabba l-għan identiku tagħhom, jiffurmaw parti minn sensiela ta’ laqgħat perijodiċi li fihom kienu jiġu stabbiliti prezzijiet u kwoti, li minn naħa tagħhom kienu jikkostitwixxu sensiela ta’ attentati mill-impriżi inkwistjoni bl-istess għan ekonomiku, jiġifieri li joħolqu distorsjoni fl-evoluzzjoni tal‑prezzijiet, u t-tieni nett, li jkun artifiċjali li dan l-aġir kontinwu, ikkaratterizzat minn għan wieħed, jiġi maqsum billi wieħed iqisu li huwa magħmul minn diversi ksur distinti, filwaqt li għall-kuntrarju kien ksur uniku li ġie kkonkretizzat b’mod progressiv kemm permezz ta’ ftehimiet kif ukoll permezz ta’ prattiki miftiehma.

1269 Bl-istess mod, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fis-sentenza tas‑7 ta’ Jannar 2004, Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni (C‑204/00 P, C‑205/00 P, C‑211/00 P, C‑213/00 P, C‑217/00 P u C‑219/00 P, EU:C:2004:6, punt 258 u 259), li, meta azzjonijiet differenti jaqgħu fi “pjan ġenerali”, minħabba s-suġġett identiku tagħhom li jwassal għal distorsjoni tal-kompetizzjoni fi ħdan is-suq intern, il-Kummissjoni tista’ timputa r-responsabbiltà ta’ dawn l-azzjonijiet skont il‑parteċipazzjoni fil-ksur ikkunsidrat fit-totalità tiegħu. F’dan ir-rigward hija spjegat li jkun artifiċjali li ftehim ikkaratterizzat minn sensiela ta’ attentati li għandhom għan ekonomiku finali wieħed, jiġifieri l‑protezzjoni tas-swieq domestiċi, jinqasam f’diversi aġir distinti.

1270 Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li l-preżenza ta’ għan komuni hija inerenti għall-kunċett ta’ “pjan ġenerali” li għalih tirreferi l‑ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġenerali, peress li tali pjan ma jkunx jista’ jeżisti mingħajr għan komuni li miegħu jaqblu l-parteċipanti kollha.

1271 Finalment, għandu jiġi rrilevat li rabtiet ta’ kumplimentarjetà bejn ftehimiet jew prattiki miftiehma jistgħu jikkostitwixxu indizji oġġettivi li jsostnu l-eżistenza ta’ pjan ġenerali intiż sabiex jintlaħaq għan antikompetittiv uniku. Ikun hemm tali rabtiet meta l-imsemmija ftehimiet jew l-imsemmija prattiki jkollhom l-għan li jiffaċċjaw konsegwenza waħda jew iktar tal-iżvilupp normali tal-kompetizzjoni, u jikkontribwixxu, permezz tal-interazzjoni tagħhom, għat-twettiq ta’ għan uniku antikompetittiv (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑28 ta’ April 2010, Amann & Söhne u Cousin Filterie vs Il‑Kummissjoni, T‑446/05, EU:T:2010:165, punt 92 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tas-16 ta’ Settembru 2013, Masco et vs Il‑Kummissjoni, T‑378/10, EU:T:2013:469, punti 22, 23 u 32 u l‑ġurisprudenza ċċitata). Huwa abbażi tal-kunsiderazzjonijiet ġenerali preċedenti li hemm lok li jiġu eżaminati l-fatti speċifiċi għal dan il-każ.

1272 F’dan ir-rigward, qabel xejn għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti kienu partijiet fi ftehimiet dwar soluzzjoni bonarja separati, kull wieħed konkluż ma’ kumpannija ta’ ġeneriċi waħda jew iktar differenti skont il‑ftehimiet u li, kif jirriżulta mill-eżami tal-motivi speċifiċi għal kull wieħed minn dawn il-ftehimiet, dawn kienu jikkostitwixxu, fihom infushom u meħuda waħidhom, ksur tal-Artikolu 101 TFUE.

1273 F’tali kuntest, il-Kummissjoni ma setgħetx, fid-dawl tal-ġurisprudenza li għadha kemm tfakkret, tikkunsidra li l-ftehimiet dwar soluzzjoni bonarja inkwistjoni kienu jikkostitwixxu ksur uniku u kontinwu tal‑Artikolu 101 TFUE sakemm ma kinitx f’pożizzjoni li tistabbilixxi, b’mod partikolari, li dawn il-ftehimiet kienu jiffurmaw parti minn pjan ġenerali.

1274 Għalhekk, il-konstatazzjoni ta’ ksur uniku kienet tipprevedi li Servier u l-kumpanniji ta’ ġeneriċi kkonċernati kollha kkonkludew il-ftehimiet ikkontestati billi segwew talinqas għan komuni.

1275 Issa, ir-rikorrenti ma jsostnux, talinqas b’mod espliċitu, l-eżistenza ta’ tali għan li huma jidentifikaw b’mod preċiż.

1276 Barra minn hekk, l-eżistenza ta’ tali għan ma tirriżultax mid-dokumenti tal-proċess.

1277 F’dan ir-rigward, għandu jiġi ppreċiżat li l-kunċett ta’ għan komuni jew uniku ma jistax jiġi ddeterminat b’riferiment ġenerali għad-distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-suq ikkonċernat mill-ksur, peress li l-effett tal-kompetizzjoni jikkostitwixxi, bħala oġġett jew effett, element kostituttiv ta’ kull aġir li jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal‑Artikolu 101(1) TFUE. Tali definizzjoni tal-kunċett ta’ għan uniku toħloq ir-riskju li l-kunċett ta’ ksur uniku u kontinwu jiġi mċaħħad minn parti mis-sens tiegħu sa fejn dan ikollu bħala konsegwenza li diversi aġir, li jirrigwardaw settur ekonomiku, ipprojbiti mill‑Artikolu 101(1) TFUE jkollhom, b’mod sistematiku, jiġu kkwalifikati bħala elementi kostituttivi ta’ ksur uniku (ara s-sentenza tat‑28 ta’ April 2010, Amann & Söhne u Cousin Filterie vs Il‑Kummissjoni, T‑446/05, EU:T:2010:165, punt 92 u l-ġurisprudenza ċċitata).

1278 Mid-dokumenti tal-proċess ma jirriżultax li kien jeżisti għan komuni għal Servier u għall-kumpanniji ta’ ġeneriċi li jista’ jiġi ddefinit b’mod iktar preċiż minn b’sempliċi riferiment ġenerali għad-distorsjoni tal‑kompetizzjoni fis-suq ikkonċernat bil-ksur.

1279 Barra minn hekk, l-kumpanniji ta’ ġeneriċi ma kkonkludewx ftehimiet dwar soluzzjoni bonarja li jorbtuhom bejniethom, iżda sempliċement ftehimiet li jorbtu lil kull waħda minnhom ma’ Servier. Barra minn hekk, bl-eċċezzjoni tal-ftehim Matrix, il-ftehimiet konklużi b’dan il-mod kienu jsegwu, b’mod partikolari, kawżi nazzjonali speċifiċi għal kull waħda mill-kumpanniji ta’ ġeneriċi u kontra Servier, mingħajr ma l-kumpanniji ta’ ġeneriċi l-oħra inkwistjoni kienu involuti f’dawn il-kawżi. Finalment, dawn il-ftehimiet, konklużi f’mumenti differenti, kellhom kontenut differenti, peress li l-ftehimiet Niche u Matrix kienu sempliċement jinvolvu ħlas invertit, il-ftehim Teva kien jipprevedi klawżola ta’ xiri esklużiv u l-ftehim Lupin kien assoċjat mal-konklużjoni ta’ ftehim dwar trasferiment minn Lupin ta’ applikazzjonijiet għal privattivi lil Servier.

1280 Għandu jingħad ukoll li d-dħul fis-seħħ ta’ kull ftehim ma kienx suġġett għad-dħul fis-seħħ tal-ftehimiet l-oħra u l-ebda klawżola tal-ftehimiet ma kienet tipprevedi jew toħloq koordinazzjoni bejn l-aġir tal-kumpanniji ta’ ġeneriċi differenti. Barra minn hekk, mid-dokumenti tal-proċess ma jirriżultax li dawn il-kumpanniji kienu, b’mod jew ieħor, ikkoordinaw l-isforzi tagħhom sabiex jillimitaw il-kompetizzjoni. Fin-nuqqas ta’ tali rabtiet bejn il-ftehimiet u fin-nuqqas ta’ elementi li juru li, fil-mument tal-konklużjoni tal-ftehimiet, kien jeżisti ftehim bejn il-kumpanniji ta’ ġeneriċi, l-unika koordinazzjoni li tirriżulta mid-dokumenti tal-proċess hija dik eżerċitata minn Servier għall-konklużjoni tal-ftehimiet differenti.

1281 Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ma jistax jiġi konkluż li l‑kumpanniji ta’ ġeneriċi inkwistjoni kienu jipparteċipaw fi pjan ġenerali. Għall‑kuntrarju, għandu jiġi kkonstatat li dawn kienu jillimitaw ruħhom, kif enfasizzat b’mod korrett il-Kummissjoni fir-risposta tagħha, milli jaħtfu l-opportunità li kien jirrapreżenta għal kull waħda minnhom l-abbozz ta’ ftehim ippjanat ma’ Servier. Kull waħda mill-kumpanniji ta’ ġeneriċi b’hekk ipparteċipat fi ftehim awtonomu ta’ esklużjoni mis-suq mingħajr ma kkontribwixxiet għal korp ta’ ftehimiet li kellhom għan komuni.

1282 Fin-nuqqas ta’ għan komuni għal Servier u għal kull waħda mill‑kumpanniji ta’ ġeneriċi u għalhekk ta’ pjan globali, il-Kummissjoni kienet korretta li ma kkonkludietx li l-ftehimiet dwar soluzzjoni bonarja inkwistjoni kienu jikkostitwixxu ksur uniku.

1283 Il-konklużjoni preċedenti ma għandhiex tkun ikkontestata mill-argumenti l-oħra tar-rikorrenti.

1284 Fl-ewwel lok, jekk ir-rikorrenti kienu partijiet fil-ftehimiet dwar soluzzjoni bonarja kollha inkwistjoni u jekk il-Kummissjoni setgħet tikkunsidra li ċerti kumpanniji ta’ ġeneriċi kienu ġew informati bil-fatt li r-rikorrenti kienu kkonkludew ftehimiet dwar soluzzjoni bonarja oħra ma’ kumpanniji ta’ ġeneriċi, xorta jibqa’ l-fatt li s-sempliċi għarfien ta’ prattiki oħra antikompetittivi ma huwiex biżżejjed sabiex tiġi kkonstatata l‑eżistenza ta’ ksur uniku. Fil-fatt, jekk tali għarfien jikkostitwixxi rekwiżit sabiex impriża tkun responsabbli għal aġir imwettaq minn impriżi oħra fil-qafas ta’ ksur uniku (ara l-punt 1265 hawn fuq), dan ma jistax bħala tali jikkostitwixxi prova tal-eżistenza ta’ element suġġettiv komuni u, b’mod partikolari, l-eżistenza ta’ għan komuni għall‑parteċipanti kollha, li huwa l-uniku mod li bih tista’ tiġi pprovata l‑eżistenza ta’ ksur uniku (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑12 ta’ Diċembru 2007, BASF u UCB vs Il‑Kummissjoni, T‑101/05 u T‑111/05, EU:T:2007:380, punt 205, u tat‑28 ta’ April 2010, Amann & Söhne u Cousin Filterie vs Il‑Kummissjoni, T‑446/05, EU:T:2010:165, punt 108).

1285 Fit-tieni lok, ir-rikorrenti jikkritikaw lill-Kummissjoni li, fil‑premessa 3120 tad-deċiżjoni kkontestata, semmiet tliet preċedenti ġurisprudenzjali mhux rilevanti u mhux invokabbli, għaliex ċerti deċiżjonijiet inkwistjoni ma kinux ġew ippubblikati. Madankollu, għandu jitfakkar li, fi kwalunkwe każ, huwa minħabba raġunijiet oġġettivi li l-Kummissjoni tista’ tibda proċeduri distinti, tikkonstata diversi każijiet ta’ ksur distinti u timponi diversi multi distinti (ara s‑sentenza tat-28 ta’ April 2010, Amann & Söhne u Cousin Filterie vs Il‑Kummissjoni, T‑446/05, EU:T:2010:165, punt 93 u l-ġurisprudenza ċċitata). Konsegwentement, f’dan il-każ, il-fatt li l-Kummissjoni ċċitatx jew le kawżi preċedenti rilevanti, irrispettivament minn jekk kinux ġew ippubblikati jew le, ma għandux jivvizzja b’illegalità d-deċiżjoni kkontestata, peress li l-Kummissjoni hija obbligata, f’kull kawża, tivverifika jekk raġunijiet oġġettivi jippermettux li tiġi kkonstatata l‑eżistenza ta’ ksur uniku. Għall-finijiet ta’ kompletezza, jista’ jingħad ukoll li l-Kummissjoni f’dan il-każ ma semmietx il-kawżi preċedenti kkritikati ħlief bħala eżempji ta’ impożizzjoni ta’ multi separati għal ksur distinti, wara li fakkret li mill-Artikolu 23(2) tar‑Regolament Nru 1/2003, u b’mod konformi mal-Linji Gwida għall‑kalkolu tal-multi, kien jirriżulta li għal kull ksur għandhom jiġu imposti multi separati.

1286 Fit-tielet lok, ir-rikorrenti jikkritikaw lill-Kummissjoni li vvizzjat l‑analiżi tagħhom tal-kontradizzjoni tal-motivi. Fl-opinjoni tagħhom, il‑Kummissjoni ma tistax tiċħad il-klassifikazzjoni bħala ksur uniku tal-ftehimiet dwar soluzzjoni bonarja, skont l-Artikolu 101 TFUE, peress li kkunsidrat, fil-parti tad-deċiżjoni kkontestata relatata mal-abbuż minn pożizzjoni dominanti, li dawn l-istess ftehimiet kienu jikkostitwixxu ksur wieħed tal-Artikolu 102 TFUE.

1287 Madankollu, tali argument ma jistax jintlaqa’.

1288 Fil-fatt, il-kunċett ta’ ksur wieħed fis-sens tal-Artikolu 101 TFUE ikopri l-aġir bilaterali jew multilaterali ta’ diversi impriżi, filwaqt li l-kunċett ta’ użu abbużiv, minn impriża, mill-pożizzjoni dominanti tagħha jkopri l-aġir unilaterali tagħha, bħal dawk ikkonstatati mill-Kummissjoni fil-parti tad‑deċiżjoni kkontestata dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 102 TFUE. Peress li dawn iż-żewġ kunċetti huma distinti u huma bbażati fuq kriterji differenti, il-konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ ksur uniku fis-sens tal‑Artikolu 101 TFUE ma tistax tirriżulta mill-fatt li l-aġir ta’ waħda mill-impriżi parti f’dan il-ksur huwa, barra minn hekk, ikklassifikat bħala użu abbużiv minn pożizzjoni dominanti. A fortiori dan iseħħ meta, bħal f’dan il-każ, il-klassifikazzjoni bħala użu abbużiv minn pożizzjoni dominanti hija bbażata, parzjalment, fuq it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ aġir li ma ġiex eżaminat fil-kuntest tal‑Artikolu 101 TFUE, jiġifieri l-akkwist mir-rikorrenti tat-teknoloġija ta’ Azad.

1289 Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li l-Kummissjoni ma kkontestatx, fil-parti tad-deċiżjoni kkontestata dwar l-applikazzjoni tal‑Artikolu 102 TFUE, li r-rikorrenti, bl-implimentazzjoni tal‑istrateġija tagħhom li jaqilgħu ’l barra l-kompetituri tagħhom permezz tal-konklużjoni ta’ ftehimiet dwar soluzzjoni bonarja u tal-akkwist tat‑teknoloġija ta’ Azad, segwew għan komuni mal-kumpanniji ta’ ġeneriċi, rekwiżit neċessarju għar-rikonoxximent ta’ ksur uniku fis-sens tal-Artikolu 101 TFUE. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma jallegawx li l‑Kummissjoni għamlet tali konstatazzjoni. Konsegwentement, huma ma jistgħux jibbażaw l-argument tagħhom fuq din il-parti tad-deċiżjoni kkontestata sabiex jikkonkludu li l-Kummissjoni kellha tikkunsidra li l‑ftehimiet dwar soluzzjoni bonarja kienu jikkostitwixxu ksur uniku.

1290 Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li dan il-motiv għandu jiġi miċħud.

b)      Fuq il-klassifikazzjoni bħala ksur distint tal-ftehimiet konklużi ma’ Niche u ma’ Matrix

1)      L-argumenti tal-partijiet

[omissis]

2)      L-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali

1293 Mill-punt 5 u mill-premessa 3120 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l‑Kummissjoni kkunsidrat li ż-żewġ ftehimiet konklużi mir-rikorrenti (u Biogaran) ma’ Niche (ftehim dwar soluzzjoni bonarja u kuntratt dwar liċenzja u forniment) u l-ftehim dwar soluzzjoni bonarja konkluż ma’ Matrix kienu jikkostitwixxu żewġ ksur distinti tal-Artikolu 101 TFUE. Ir‑rikorrenti jsostnu li dawn il-ftehimiet jikkostitwixxu ksur uniku.

1294 Il-Kummissjoni ssostni li l-motiv għandu jiġi miċħud bħala ineffettiv, perss li, fi kwalunkwe każ, ir-rikorrenti ma stabbilixxewx li l-multa kienet neċessarjament tkun inqas għolja li kieku hija kkunsidrat li l‑ftehimiet konklużi ma’ Niche u ma’ Matrix kienu jikkostitwixxu ksur uniku. Madankollu, mill-punti 1256 sa 1263 hawn fuq jirriżulta li, jekk dan il-motiv kien fondat, id-deċiżjoni kkontestata għandha tkun annullata u l-multa kkalkolata mill-ġdid. Konsegwentement, dan il-motiv għandu, bħal dak li jikkritika b’mod ġenerali l-klassifikazzjoni tal-ksur distinti ta’ ftehimiet differenti konklużi mir-rikorrenti, jiġi kkunsidrat bħala ineffettiv.

1295 Dwar il-fondatezza ta’ dan il-motiv, għandu jitfakkar li, għall-finijiet tal‑konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ ksur uniku, hija l-Kummissjoni li għandha tistabbilixxi li l-ftehimiet inkwistjoni jiffurmaw parti minn pjan ġenerali implimentat deliberatament mill-impriżi kkonċernati għat‑twettiq ta’ għan antikompetittiv uniku u li hija obbligata teżamina, f’dan ir-rigward, l-elementi fattwali kollha li jistgħu jistabbilixxu jew jikkontestaw l-imsemmi pjan ġenerali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Settembru 2013, Masco et vs Il-Kummissjoni, T‑378/10, EU:T:2013:469, punti 22 u 23; ara, ukoll, il-punti 1264 sa 1269 hawn fuq).

1296 Issa, f’dan il-każ, mill-argumenti mressqa mir-rikorrenti ċertament jista’ jiġi dedott li dawn tal-aħħar kienu mmotivati mill-“istess motivazzjonijiet” biex jikkonkludu l-ftehimiet inkwistjoni, kif irrilevat bir-raġun il-Kummissjoni fil-premessa 1472 tad-deċiżjoni kkontestata, u f’dan ir-rigward kienu jsegwu għan identiku, jiġifieri li jirregolaw b’mod definittiv il-kawża pendenti u jevitaw kull kawża futura dwar il-prodott ta’ Niche/Matrix kif ukoll li jeliminaw lil dan il-prodott bħala sors ta’ kompetizzjoni potenzjali permezz ta’ pagament. B’mod partikolari, juru effettivament li dan kien l-istess għan segwit mir‑rikorrenti waqt il-konklużjoni tal-ftehimiet ma’ Niche u ma’ Matrix il-fatt li l-ftehimiet ġew iffirmati fl-istess ġurnata u fl-istess post mill‑istess rappreżentant tar-rikorrenti, il-fatt li l-kamp ta’ applikazzjoni ratione temporis u ġeografiku tagħhom kien identiku, il-fatt li l-ftehimiet kienu jirrigwardaw b’mod partikolari l-istess prodott filwaqt li kienu jimponu obbligi simili fuq Niche u Matrix u, finalment, il-fatt mhux ikkontestat li kien fl-interess tar-rikorrenti li jikkonkludu ftehimiet maż‑żewġ partijiet li kienu qed jieħdu sehem fil-proġett tal-perindopril komuni kkonċernat (ara, f’dan ir-rigward, il-premessa 2940 tad-deċiżjoni kkontestata).

1297 Madankollu, tali informazzjoni fattwali ma tippermettix li jiġi stabbilit li Niche u Matrix kienu qed isegwu flimkien għan simili, permezz ta’ pjan komuni, meta kkonkludew il-ftehimiet inkwistjoni, u lanqas a fortiori li kellhom dan il-pjan komuni mar-rikorrenti.

1298 Fil-fatt, il-konklużjoni tal-ftehimiet fl-istess ġurnata u fl-istess post ċertament turi r-rabtiet tagħhom u l-għan komuni segwit minn Servier, firmatarju taż-żewġ ftehimiet, iżda ma tippermettix li waħidha tistabbilixxi pjan ġenerali bejn il-firmatarji l-oħra, Niche u Matrix. Bl‑istess mod, ir-rappreżentazzjoni ta’ Niche u ta’ Matrix mill-istess avukat – li tispjega wkoll il-ħlas ta’ żewġ pagamenti fl-istess kont, dak tar-rappreżentant komuni tagħhom – turi n-nuqqas ta’ kunflitt ta’ interess bejniethom, iżda ma tippermettix bħala tali li tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ interessi komuni, u dan iktar u iktar peress li r-rappreżentant inkwistjoni kien dak ta’ Niche u li lil Matrix kien irrappreżentaha biss għall-iffirmar tal-ftehim Matrix (premessi 575 u 576 tad-deċiżjoni kkontestata). Barra minn hekk, jekk iż‑żewġ ftehimiet jipprojbixxu effettivament il-kummerċjalizzazzjoni tal-prodott ta’ Niche/Matrix, għandu jiġi rrilevat li l-ftehim Niche jirrigwarda b’mod ġenerali l-prodotti kollha li kienu potenzjalment ta’ jiksru privattiva li setgħet tipproduċi Niche, waħidha jew ma’ msieħba oħra, bl-istess mod li l-ftehim Matrix jirrigwarda b’mod ġenerali l‑prodotti kollha li kienu potenzjalment jiksru privattiva li setgħet tipproduċi Matrix, waħidha jew ma’ msieħba oħra (skont id-definizzjoni tal‑“proċess” użat f’kull ftehim), li barra minn hekk jikkwalifika x-xebh bejn il-klawżoli tal-ftehimiet. F’dan ir-rigward, għandu jiżdied li l-klawżoli tal-ftehimiet Niche u Matrix ma humiex, barra minn hekk, identiċi ħafna, fid-dawl b’mod partikolari tal-kawżi differenti bejn Servier u Niche, minn naħa waħda, u Servier u Matrix, min-naħa l-oħra. B’hekk, huwa biss il-ftehim Niche li jinkludi klawżoli dwar it-tmiem tal‑kawżi pendenti quddiem il-qrati tar-Renju Unit u quddiem l-UEP (Artikoli 2 u 7 tal-ftehim Niche), filwaqt li Matrix ma kinitx involuta direttament f’xi waħda minn dawn il-kawżi (ara wkoll l-Artikolu 9 tal‑ftehim Niche, li fil-ftehim Matrix ma hemmx wieħed ekwivalenti għalih).

1299 Lanqas l-allegat akkordju dwar l-implimentazzjoni tal-ftehimiet li huma kkonkludew mar-rikorrenti ma jippermetti li tiġi pprovata l-eżistenza ta’ pjan komuni ta’ Niche ma’ Matrix. Fil-fatt, tali akkordju ma għandux jiġi kkunsidrat bħala stabbilit b’mod suffiċjenti billi sempliċement issemma bħala ftehim orali ta’ qsim tad-danni tal-klijenti ta’ Niche u ta’ talba konfermatorja bil-miktub ta’ dan il-ftehim minn Niche lil Matrix. Huwa kontradett ukoll bl-implimentazzjoni konkreta tal-ftehimiet, li rriżultat b’mod konkret bis-sospensjoni unilaterali minn Matrix tal‑ftehim Niche-Matrix.

1300 Mill-iżvolġiment tan-negozjati tal-ftehimiet inkwistjoni lanqas ma jirriżulta li Niche u Matrix segwew l-istess għan meta kkonkludew l-imsemmija ftehimiet. Fil-fatt, diversi elementi mhux ikkontestati tal-proċess u tad‑deċiżjoni kkontestata (premessi 574 sa 577 tad-deċiżjoni kkontestata) jirrivelaw li l-konklużjoni minn Matrix tal-ftehim tagħha ma’ Servier iktar turi l-volontà tagħha li tieħu opportunità offruta mir‑rikorrenti (ara wkoll il-punt 1281 hawn fuq) milli pjan komuni mal‑imsieħba tagħha Niche intiż sabiex itemm il-proġett komuni tagħhom tal-perindopril. B’mod partikolari, minn naħa waħda, Matrix ġiet informata bl-eżistenza ta’ negozjati bejn Niche u r-rikorrenti jumejn biss qabel il-konklużjoni tal-ftehim proprju tagħha mar-rikorrenti u hija ġiet informata fil-qosor dwar l-istat ta’ dawn in-negozjati lejliet. Min‑naħa l-oħra, mill‑premessa 577 tad-deċiżjoni kkontestata jista’ jiġi dedott li l-parteċipazzjoni ta’ Matrix fin-negozjati prinċiparjament kienet tirrigwarda l-ammont tat-trasferiment tal-ħlas.

1301 Finalment, jista’ jiġi rrilevat li l-klassifikazzjoni bħala ksur uniku tal‑ftehimiet Niche u Matrix twassal sabiex f’dan il-ksur jiġi inkluż il‑ftehim konkluż bejn Niche u Biogaran, li l-Kummissjoni kkunsidrat, mingħajr ma dan ġie kkontestat mir-rikorrenti, bħala li jagħmel parti mill‑ksur li dawn huma kkritikati bih minħabba l-ftehim Niche (ara b’mod partikolari l‑premessa 3006 tad-deċiżjoni kkontestata). Issa, ma għandux jiġi kkunsidrat li tali ftehim, innegozjat bejn Biogaran u Niche mingħajr ma kienet taf Matrix, mingħajr rabta mal-prodott ta’ Niche/Matrix u li kellu għan differenti mill-ftehim Matrix (ftehim dwar liċenzja u dwar provvista relatata ma’ prodotti mediċinali oħra), huwa parti minn pjan li jista’ jkun komuni għal Niche u għal Matrix u a fortiori għal dawn iż-żewġ kumpanniji u għar-rikorrenti.

1302 Għaldaqstant għandu jiġi kkunsidrat li l-Kummissjoni ma kkommettietx żball ta’ liġi jew żball ta’ evalwazzjoni billi kklassifikat bħala ksur distinti l-ftehimiet li ġew konklużi mir-rikorrenti (u Biogaran) ma’ Niche u ma’ Matrix rispettivament. Minn dan isegwi wkoll li r-rikorrenti ma għandhomx jilmentaw li l‑Kummissjoni ssanzjonathom darbtejn għall-istess fatti. Fil-fatt, peress li l‑Kummissjoni kkonstatat l-eżistenza ta’ żewġ ksur distinti, hija kellha raġuni fuq x’hiex timponi fuq ir-rikorrenti żewġ multi distinti. Għall‑kuntrarju, il-kundizzjonijiet partikolari tal-konklużjoni tal-ftehim Matrix u l-portata speċifika ta’ dan il-ftehim jimplikaw, kif ser jiġi espost fil‑punti 1692 sa 1699 iktar ’il quddiem, li dawn il-karatteristiċi għandhom jiġu debitament ikkunsidrati fl-evalwazzjoni tal-proporzjonalità tal-multa imposta minħabba dan il-ftehim, fid-dawl ta’ dik li ssanzjonat il-ftehim Niche.

1303 Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li dan il-motiv għandu jiġi miċħud u b’hekk il-motivi bbażati fuq żbalji ta’ liġi u ta’ evalwazzjoni relatati mal-klassifikazzjoni bħala ksur distinti kollha kemm huma.

12.    Fuq l-iżbalji ta’ liġi u ta’ evalwazzjoni relatati mad-definizzjoni tas-suq tal-prodotti lesti rilevanti 

a)      L-argumenti tal-partijiet

[omissis]

b)      L-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali

1367 Ir-rikorrenti, sostnuti mill-parti intervenjenti, essenzjalment iqajmu tliet ilmenti.

1368 Qabel xejn, permezz tal-ewwel ilment tagħhom, ir-rikorrenti jikkundannaw lill-Kummissjoni li interpretat b’mod żbaljat il‑karatteristiċi partikolari tas-settur farmaċewtiku inkwantu hija bbażat l-analiżi tagħha tas-suq rilevanti prinċiparjament fuq il-prezz tal-prodotti mediċinali u mhux fuq is-sostitwibbiltà terapewtika. Dan l-ilment huwa bbażat fuq żewġ partijiet, l-ewwel waħda bbażata fuq li l‑Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-elementi kollha tal-kuntest ekonomiku, it-tieni waħda li l-Kummissjoni tat importanza eċċessiva lill‑fattur tal-prezz.

1369 Sussegwentement, permezz tat-tieni lment, huma jikkontestaw l‑argument tal-Kummissjoni li l-IEK ma kinux suffiċjentement sostitwibbli mill-perspettiva terapewtika. Huma jikkontestaw id‑distinzjoni bejn il-perindopril u l-IEK l-oħra f’termini ta’ effikaċja u ta’ effetti sekondarji, il-fenomenu ta’ “inerzja” tat-tobba fir-rigward ta’ pazjenti ġodda, il-predispożizzjoni dgħajfa għal bidla tal-pazjenti waqt trattament kontinwu u l-analiżi tal-isforzi ta’ reklamar magħmula mill‑Kummissjoni.

1370 Finalment, permezz tat-tielet ilment, ir-rikorrenti jikkontestaw, b’mod sussidjarju, il-lakuni metodoloġiċi tal-analiżi ekonometrika tal‑avvenimenti naturali tal-Kummissjoni intiżi sabiex juru li l-IEK ma kellhomx restrizzjonijiet ta’ kompetizzjoni sinjifikattivi fuq il-perindopril.

1371 Qabel nipproċedi għall-eżami ta’ kull wieħed minn dawn it-tliet ilmenti, għandhom jitfakkru, fil-qafas ta’ sensiela ta’ osservazzjonijiet preliminari, minn naħa waħda, il-portata tal-istħarriġ tal-qorti tal-Unjoni fid-dritt tal-kompetizzjoni, u, min-naħa l-oħra, l-elementi ta’ analiżi użati mill-ġurisprudenza dwar id-delimitazzjoni tas-suq ta’ prodotti rilevanti, b’mod partikolari fis-settur tal-farmaċewtika, fid-dawl ukoll tar-risposti tal-partijiet għad-domandi tal-Qorti Ġenerali dwar il-post rispettiv tas‑sostitwibbiltà terapewtika u tal-fatturi relatati mal-prezzijiet f’din l‑analiżi.

1)      Osservazzjonjiet preliminari

i)      Fuq il-portata tal-istħarriġ tal-qorti tal-Unjoni

1372 Għandu jitfakkar li d-dritt tal-Unjoni jipprevedi sistema ta’ stħarriġ ġudizzjarju tad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni dwar il-proċeduri ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 102 TFUE (ara s-sentenza tal‑10 ta’ Lulju 2014, Telefónica u Telefónica de España vs Il‑Kummissjoni, C‑295/12 P, EU:C:2014:2062, punt 42 u l‑ġurisprudenza ċċitata). Din is-sistema ta’ stħarriġ ġudizzjarju tikkonsisti fi stħarriġ tal-legalità tal-atti tal-istituzzjonijiet stabbilit fl‑Artikolu 263 TFUE, li jista’ jitwettaq, skont l-Artikolu 261 TFUE, mill-eżerċizzju ta’ ġurisdizzjoni sħiħa fir-rigward tas-sanzjonijiet previsti f’xi regolamenti (sentenza tal-21 ta’ Jannar 2016, Galp Energía España et vs Il-Kummissjoni, C‑603/13 P, EU:C:2016:38, punt 71).

1373 Hekk kif il-Qorti tal-Ġustizzja kellha l-okkażjoni tippreċiża, il-portata tal-istħarriġ tal-legalità previst fl-Artikolu 263 TFUE testendi għall‑elementi kollha tad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni dwar il‑proċeduri ta’ applikazzjoni tal-Artikoli 101 TFUE u 102 TFUE li l-Qorti Ġenerali tiżgura stħarriġ fid-dettall tagħhom, fid-dritt kif ukoll fil-fatt, fid-dawl tal-motivi mqajma mir-rikorrenti u b’teħid inkunsiderazzjoni tal-provi kollha prodotti minn dawn tal-aħħar, kemm jekk dawn ikunu ġew prodotti qabel u kemm jekk wara d-deċiżjoni meħuda, kemm jekk ikunu ġew ippreżentati qabel fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva jew jekk għall-ewwel darba fil-kuntest tar-rikors li l-Qorti Ġenerali tkun adita bih, sa fejn dawn il-provi tal-aħħar ikunu rilevanti għall-istħarriġ tal-legalità tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni (sentenza tal‑21 ta’ Jannar 2016, Galp Energía España et vs Il-Kummissjoni, C‑603/13 P, EU:C:2016:38, punt 72).

1374 F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, għalkemm il-qorti tal-Unjoni teżerċita b’mod ġenerali stħarriġ sħiħ fuq il-kwistjoni jekk il-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar il-kompetizzjoni humiex issodisfatti, l-istħarriġ li hija teżerċita fuq l-evalwazzjonijiet ekonomiċi kumplessi magħmula mill-Kummissjoni huwa limitat neċessarjament għall-verifika tal-osservanza tar-regoli ta’ proċedura u ta’ motivazzjoni, kif ukoll ta’ l-eżattezza materjali tal-fatti, tan-nuqqas ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni u ta’ użu ħażin ta’ poter (sentenzi tal-11 ta’ Lulju 1985, Remia et vs Il-Kummissjoni, 42/84, EU:C:1985:327, punt 34; tas-17 ta’ Novembru 1987, British American Tobacco u Reynolds Industries vs Il-Kummissjoni, 142/84 u 156/84, EU:C:1987:490, punt 62, u tal-10 ta’ April 2008, Deutsche Telekom vs Il-Kummissjoni, T‑271/03, EU:T:2008:101, punt 185).

1375 Il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li, għalkemm, fl-oqsma li jwasslu għal evalwazzjonijiet ekonomiċi kumplessi, il-Kummissjoni għandha marġni diskrezzjonali fil-qasam ekonomiku, dan ma jfissirx li l-Qorti tal-Unjoni għandha tastjeni milli tistħarreġ l-interpretazzjoni, mill-Kummissjoni, ta’ data ta’ natura ekonomika. Fil-fatt, il-Qorti tal-Unjoni għandha, b’mod partikolari, mhux biss tivverifika l-eżattezza materjali tal-provi invokati, u jekk humiex affidabbli u koerenti, iżda għandha tistħarreġ ukoll jekk dawn il-provi jikkostitwixxux l-informazzjoni kollha rilevanti li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni sabiex tiġi evalwata sitwazzjoni kumplessa u jekk din hijiex kapaċi ssostni l-konklużjonijiet milħuqa (sentenzi tal‑15 ta’ Frar 2005, Il-Kummissjoni vs Tetra Laval, C‑12/03 P, EU:C:2005:87, punt 39; tat-8 ta’ Diċembru 2011, Chalkor vs Il‑Kummissjoni, C‑386/10 P, EU:C:2011:815, punt 54, u tal‑10 ta’ Lulju 2014, Telefónica u Telefónica de España vs Il‑Kummissjoni, C‑295/12 P, EU:C:2014:2062, punt 54). Filwaqt li, sabiex tikklassifika prattika fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tal‑Artikolu 102 TFUE, il-Kummissjoni tagħti importanza reali għal analiżi ekonomika tal-kapaċità tal-prattika ta’ tnaqqis li tipproduċi effett ta’ esklużjoni ta’ kompetituri daqstant effettiv (“as efficient competitor test” iktar ’il quddiem it-“test AEC”), il-Qorti tal‑Unjoni għandha teżamina l-argumenti kollha magħmula mill-impriża kkonċernata dwar dan it-test (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-6 ta’ Settembru 2017, Intel vs Il-Kummissjoni, C‑413/14 P, EU:C:2017:632, punti 141 sa 144).

1376 Barra minn hekk, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal‑Ġustizzja, fil-qasam tad-dritt tal-kompetizzjoni, fil-każ ta’ kwistjoni dwar l-eżistenza ta’ ksur, hija l-Kummissjoni li għandha ġġib il-prova tal‑ksur li hija tikkonstata u li tistabbilixxi l-provi xierqa sabiex juru, suffiċjentment skont il-liġi, l-eżistenza tal-fatti li jikkostitwixxu ksur. L‑eżistenza ta’ dubju f’moħħ il-qorti għandha tmur favur l-impriża destinatarja tad-deċiżjoni li tikkonstata ksur (sentenzi tat‑22 ta’ Novembru 2012, E.ON Energie vs Il-Kummissjoni, C‑89/11 P, EU:C:2012:738, punti 71 u 72, u tas-16 ta’ Frar 2017, Hansen & Rosenthal u H&R Wax Company Vertrieb vs Il‑Kummissjoni, C‑90/15 P, mhux ippubblikata, EU:C:2017:123, punti 17 u 18).

1377 Għalkemm huwa f’idejn l-awtorità li qed tallega ksur tar-regoli tal‑kompetizzjoni li ġġib il-prova ta’ dan, hija l-impriża li tinvoka d-difiża kontra konstatazzjoni ta’ ksur ta’ dawn ir-regoli li għandha tipproduċi l‑prova li l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tar-regola li minnha hija dedotta l-eċċezzjoni huma ssodisfatti, b’mod li l-imsemmija awtorità jkollha tirrikorri għalhekk għal provi oħrajn. Barra minn hekk, għalkemm, skont dawk il-prinċipji, l-oneru tal-prova jaqa’ jew fuq il‑Kummissjoni jew inkella fuq l-impriża kkonċernata, il-punti ta’ fatt invokati minn parti jistgħu jkunu ta’ tali natura li jobbligaw lill-parti l‑oħra biex tipprovdi spjegazzjoni jew ġustifikazzjoni, u fin-nuqqas ta’ dan ikun permissibbli li wieħed jikkonkludi li r-regoli fil-qasam tal-oneru tal-prova jkunu ġew issodisfatti (ara s-sentenza tas-17 ta’ Ġunju 2010, Lafarge vs Il-Kummissjoni, C‑413/08 P, EU:C:2010:346, punti 29 u 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).

1378 B’hekk, meta l-Kummissjoni tibbaża ruħha fuq provi li, bħala prinċipju, huma suffiċjenti sabiex juru l-eżistenza tal-ksur, ma huwiex biżżejjed li l-impriża kkonċernata ssemmi l-possibbiltà li seħħ fatt li jista’ jaffettwa l-valur probatorju ta’ dawn il-provi, sabiex il-Kummissjoni jkollha l‑oneru li tipprova li dan il-fatt ma setax jaffettwa l-valur probatorju ta’ dawn il-provi. Bil-kontra, ħlief fil-każ li tali prova ma tkunx tista’ tiġi pprovduta mill-impriża kkonċernata minħabba l-aġir tal-Kummissjoni nnifisha, hija l-impriża kkonċernata li għandha tistabbilixxi suffiċjentement skont il-liġi, minn naħa, l-eżistenza tal-fatt li hija tinvoka u, min-naħa l-oħra, li dan il-fatt jikkontesta l-valur probatorju tal-provi li fuqhom tibbaża ruħha l-Kummissjoni (sentenza tat‑22 ta’ Novembru 2012, E.ON Energie vs Il-Kummissjoni, C‑89/11 P, EU:C:2012:738, punt 76).

1379 Finalment, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja u l-Qorti Ġenerali ma jistgħux, fi kwalunkwe każ, fil-kuntest tal-istħarriġ ta’ legalità msemmi fl‑Artikolu 263 TFUE, jissostitwixxu l-motivazzjoni tagħhom għal dik tal-awtur tal-att ikkontestat (sentenzi tas-27 ta’ Jannar 2000, DIR International Film et vs Il-Kummissjoni, C‑164/98 P, EU:C:2000:48, punt 38; tal-24 ta’ Jannar 2013, Frucona Košice vs Il-Kummissjoni, C‑73/11 P, EU:C:2013:32, punt 89, u tal-21 ta’ Jannar 2016, Galp Energía España et vs Il-Kummissjoni, C‑603/13 P, EU:C:2016:38, punt 73). Peress li l-istħarriġ tal-legalità tad-deċiżjoni kkontestata jirrigwarda l-motivi li jinsabu f’din id-deċiżjoni, il-qorti ma tistax, la bl‑inizjattiva proprja tagħha u lanqas fuq talba tal-amministrazzjoni, iżżid motivi ma’ dawk li intużaw mill-amministrazzjoni fl-imsemmija deċiżjoni.

ii)    Fuq id-delimitazzjoni ta’ suq rilevanti ta’ prodotti fis-settur farmaċewtiku

1380 Fl-ewwel lok, id-definizzjoni tas-suq inkwistjoni hija użata sabiex tiddefinixxi l-perimetru li fih għandha tiġi evalwata l-kwistjoni dwar jekk impriża kkonċernata hijiex f’pożizzjoni li taġixxi, sa ċertu punt apprezzabbli, indipendentement mill-kompetituri tagħha, mill-klijenti tagħha u mill‑konsumaturi (sentenza tad-9 ta’ Novembru 1983, Nederlandsche Banden-Industrie-Michelin vs Il-Kummissjoni, 322/81, EU:C:1983:313, punt 37).

1381 Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li, għall-finijiet tal-eżami tal‑pożizzjoni, eventwalment dominanti, ta’ impriża f’suq partikolari, il-possibilitajiet ta’ kompetizzjoni għandhom jiġu evalwati fil-kuntest tas-suq li jiġbor fih il-prodotti kollha li skont il-karatteristiċi tagħhom huma partikolarment adattati sabiex jissodisfaw bżonnijiet kostanti u ftit huma interkambjabbli ma’ prodotti oħra (sentenzi tad‑9 ta’ Novembru 1983, Nederlandsche Banden-Industrie-Michelin vs Il-Kummissjoni, 322/81, EU:C:1983:313, punt 37, u tal‑21 ta’ Ottubru 1997, Deutsche Bahn vs Il-Kummissjoni, T‑229/94, EU:T:1997:155, punt 54). Il-Kummissjoni ma għandhiex tillimita ruħha għall-eżami tal-karatteristiċi oġġettivi tal-prodotti u tas-servizzi inkwistjoni biss. Fil-fatt, għandhom jiġu kkunsidrati wkoll il‑kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni u l-istruttura tad-domanda u tal‑offerta fis-suq sabiex jiġi evalwat jekk l-impriża kkonċernata għandhiex il-possibbiltà li tostakola ż-żamma ta’ kompetizzjoni effettiva u li taġixxi, sa ċertu punt notevoli, indipendentement mill-kompetituri tagħha, mill-klijenti tagħha u mill-konsumaturi (sentenzi tad‑9 ta’ Novembru 1983, Nederlandsche Banden-Industrie-Michelin vs Il-Kummissjoni, 322/81, EU:C:1983:313, punt 37, u tas‑17 ta’ Diċembru 2003, British Airways vs Il-Kummissjoni, T‑219/99, EU:T:2003:343, punt 91).

1382 Kif jirriżulta qabel xejn mill-paragrafu 7 tal-Komunikazzjoni dwar id‑definizzjoni tas-suq rilevanti, is-suq tal-prodotti inkwistjoni jinkludi dawk il-prodotti u s-servizzi kollha li, minħabba l-karatteristiċi tagħhom, il-prezz tagħhom u l-użu li għalih huma intiżi, il-konsumatur jikkunsidra bħala sostitwibbli.

1383 Barra minn hekk, kif spjegat il-paragrafu 25 tal-Komunikazzjoni dwar id‑definizzjoni tas-suq rilevanti, id-definizzjoni tas-suq tirriżulta minn spektrum ta’ evidenza li tippermetti li jiġi evalwat sa fejn tista’ ssir sostituzzjoni. Id-delimitazzjoni tal-konfini tas-suq għandha ssir billi tiġi eżaminata evidenza empirikali filwaqt li tintuża l-informazzjoni utili kollha għall-evalwazzjoni ta’ każ konkret.

1384 Fil-paragrafi 15 sa 19 tal-Komunikazzjoni dwar id-definizzjoni tas-suq rilevanti, il-Kummissjoni għandha tiddikjara li l-eżerċizzju tad-definizzjoni tas‑suq hija ffokata fuq il-prezzijiet għal raġunijiet operazzjonali u prattiċi, u, b’mod aktar preċiż, fuq is-sostituzzjoni tad-domanda li jistgħu jirriżultaw f’varjazzjonijiet żgħar iżda permanenti tal-prezzijiet relattivi. Il‑Kummissjoni tindika li hija fi ħsiebha tevalwa s-sostitwibbiltà tad-domanda fid-dawl ta’ approċċ teoretiku li jikkonsisti f’żieda żgħira, ta’ 5 sa 10 %, iżda permanenti, tal-prezz relatat mal‑prodott li fuqu s-suq inkwistjoni huwa ddefinit, u tevalwa jekk din iż-żieda ipotetika tistax tiġi applikata bi profitt mill-monopolist ipotetiku tal‑prodott inkwistjoni. Skont dan it-test ekonomiku, kif spjegat fil‑paragrafu 17 tal‑Komunikazzjoni dwar id-definizzjoni tas-suq rilevanti, jekk is‑sostituzzjoni tkun biżżejjed, minħabba nuqqas fil‑bejgħ li jirriżulta minnha, sabiex tneħħi kull interess għal tali żieda fil-prezz, il-prodotti ta’ sostituzzjoni għandhom jiġu kkunsidrati bħala li jeżerċitaw restrizzjoni tal-kompetizzjoni sinjifikattiva fuq il-prodott ikkonċernat.

1385 Fit-tieni lok, għandu jiġi rrilevat li r-relazzjonijiet kompettitivi fis-settur farmaċewtiku jirriflettu mekkaniżmi li huma differenti minn dawk li jiddeterminaw l-interazzjonijiet kompetittivi normalment preżenti fis‑swieq li ma humiex daqshekk intensivament irregolati (sentenza tal‑1 ta’ Lulju 2010, AstraZeneca vs Il-Kummissjoni, T‑321/05, EU:T:2010:266, punt 183). Fil-fatt, kif deskritt, l-ewwel nett, fil‑Komunikazzjoni tal-Kummissjoni intitolata “Sommarju Eżekuttiv tar-Rapport ta’ Inkjesta dwar is-Settur Farmaċewtiku” tat-8 ta’ Lulju 2009, is-settur farmaċewtiku “mhux wieħed normali”, fis-sens li t-talba għal prodotti mediċinali mogħtija fuq preskrizzjoni hija ggwidata minn min jagħmel il‑preskrizzjoni u mhux mill-konsumatur finali (il-pazjent). Bl-istess mod, it-tobba huma prinċiparjament iggwidati, fl-għażliet tagħhom ta’ preskrizzjoni, mill-effett terapewtiku tal-prodotti mediċinali. Konsegwentement, inkwantu jiddeterminaw l-għażliet tat-tobba, il‑fatturi li ma humiex marbuta mal-prezzijiet, bħall-użu terapewtiku, jikkostitwixxu, flimkien mal-indikaturi bbażati fuq il-prezzijiet, elementi rilevanti għall-finijiet tad-definizzjoni tas-suq (ara, f’dan is-sens, is‑sentenza tal-1 ta’ Lulju 2010, AstraZeneca vs Il-Kummissjoni, T‑321/05, EU:T:2010:266, punt 187).

1386 Mill-ġurisprudenza jirriżulta wkoll li l-aspetti partikolari li jikkaratterizzaw il-mekkaniżmi ta’ kompetizzjoni fis-settur farmaċewtiku ma jiċħdux ir-rilevanza tal-fatturi marbuta mal-prezzijiet fl-evalwazzjoni tar-restrizzjonijiet kompetittivi, għalkemm dawn il‑fatturi għandhom jiġu evalwati fil-kuntest speċifiku tagħhom (sentenza tal-1 ta’ Lulju 2010, AstraZeneca vs Il-Kummissjoni, T‑321/05, EU:T:2010:266, punt 183).

1387 Fil-qafas ta’ proċedura mibdija minħabba abbuż minn pożizzjoni dominanti fil-qasam tal-farmaċewtika, għall-finijiet tad-definizzjoni tas‑suq inkwistjoni, il-Kummissjoni tista’ tibbaża l-evalwazzjoni tagħha b’mod partikolari fuq l-ikbar effikaċja tal-prodott farmaċewtiku kkonċernat, l-użu terapewtiku differenti ta’ prodotti oħra farmaċewtiċi, il-moviment ta’ sostituzzjoni asimetrika li jikkaratterizza t-tkabbir fil‑bejgħ ta’ dan il-prodott u t-tnaqqis korrellativ jew l-istaġnar tal-bejgħ tal-prodotti oħra u l-indikaturi tal-prezz, kif jirriżultaw mill-kuntest regolamentarju fis-seħħ (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑1 ta’ Lulju 2010, AstraZeneca vs Il-Kummissjoni, T‑321/05, EU:T:2010:266, punti 61, 153, 182, 183, 203 u 219 sa 222).

1388 Fir-rigward tal-użu terapewtiku, għall-finijiet tad-delimitazzjoni tas-suq inkwistjoni, għandhom jiġu evalwati d-differenzi u s-similaritajiet fil‑metodi ta’ użu bejn prodotti jew kategoriji ta’ prodotti mediċinali. Il‑Kummissjoni tista’ ġustament, tikkunsidra li l-użu terapewtiku differenti ta’ żewġ prodotti farmaċewtiċi intiżi għat-trattament tal-istess problemi jikkostitwixxi element li fuqu hija bbażata l-konklużjoni li s‑suq inkwistjoni jinkludi biss wieħed minn dawn il-prodotti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-1 ta’ Lulju 2010, AstraZeneca vs Il-Kummissjoni, T‑321/05, EU:T:2010:266, punt 153).

1389 Il-Qorti Ġenerali stiednet lill-partijiet sabiex jesprimu ruħhom, waqt is-seduta, fuq il-post rispettiv li kellhom, f’dan il-każ, il-fatturi tas-sostitwibbiltà terapewtika u tal-prezz fid-definizzjoni tas-suq rilevanti fis-settur farmaċewtiku, b’mod partikolari fid-dawl tas-sentenza tal‑1 ta’ Lulju 2010, AstraZeneca vs Il-Kummissjoni (T‑321/05, EU:T:2010:266).

1390 Kif korrettament enfasizzat il-Kummissjoni waqt is-seduta, il-fatt li l‑pressjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-prezz hija mnaqqsa ħafna fis-settur farmaċewtiku, minħabba l-importanza mogħtija minn min jippreskrivi għall-aspetti terapewtiċi tal-prodotti mediċinali intiżi għat-trattament tal‑istess pataloġija u minħabba l-kuntest regolatorju li jirregola l-prezz u l‑modalitajiet ta’ rimbors ta’ prodotti mediċinali mis-sistema tas-sigurtà soċjali, hija informazzjoni sinjifikattiva fl-analiżi tas-suq rilevanti, li tista’ tiġġustifika d-delimitazzjoni ta’ swieq ristretti.

1391 Il-fatt li tali tnaqqis jirriżulta, parzjalment, mill-kuntest regolamentarju ma jibdilx din il-konstatazzjoni. Fil-fatt, il-fatt li n-nuqqas jew in-natura mhux sinjifikattiva ta’ limitazzjonijiet kompettittivi għandu l-oriġini tiegħu fil-qafas regolatorju li jiddetermina l-modalitajiet tal‑interazzjonijiet kompetittivi bejn il-prodotti u l-miżura li fiha dawn iseħħu ma jaffetwawx ir-rilevanza li għandha tingħata, fil-kuntest ta’ definizzjoni tas-suq, għall-konstatazzjoni li dawn ir-restrizzjonjiiet kompetittivi huma ineżistenti jew ma humiex sinjifikattivi. Fil-fatt, meta jiġi stabbilit li grupp ta’ prodotti ma jkunx sostanzjalment suġġett għar‑restrizzjonijiet kompetittivi minn prodotti oħra, b’tali mod li dan il‑grupp jista’ jiġi kkunsidrat bħala li jikkostitwixxi suq ta’ prodotti inkwistjoni, it-tip jew in-natura tal-fatturi li jipproteġu lil dan il-grupp minn kull tip ta’ restrizzjoni kompetittiva sinjifikattiva għandu biss rilevanza limitata, inkwantu l-konstatazzjoni ta’ nuqqas ta’ tali restrizzjonijiet tippermetti li jiġi konkluż li impriża f’pożizzjoni dominanti fis-suq hekk iddefinit tista’ taffettwa l-interessi tal‑konsumaturi fuq is-suq billi tostakola, b’imġiba abbużiva, iż-żamma ta’ kompetizzjoni effettiva (ara, f’dan is-sens, is‑sentenza tal‑1 ta’ Lulju 2010, AstraZeneca vs Il-Kummissjoni, T‑321/05, EU:T:2010:266, punti 97, 174 u 175).

1392 Il-qafas regolatorju tas-settur farmaċewtiku, minkejja li ħafna drabi jnaqqas ir-restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni minħabba l-prezzijiet bejn prodotti mediċinali sostitwibbli, jinkludi mekkaniżmi li jenfasizzaw dawn ir-restrizzjonijiet, billi jiffaċilita l-għoti ta’ awtorizzazzjonijiet ta’ tqegħid fis-suq għall-prodotti mediċinali ġeneriċi, filwaqt li jippermetti li l-prezzijiet ta’ dawn il-prodotti mediċinali jiġu stabbiliti f’livelli ħafna inqas minn dawk ta’ prodotti mediċinali fil-verżjonijiet tal-bidu ta’ referenza u jinċentiva ħafna, saħansitra jobbliga, lit-tobba li jippreskrivu u lill-farmaċisti sabiex jissostitwixxu l-verżjoni ġenerika ta’ prodott mediċinali għall-prodott mediċinali fil-verżjonijiet tal-bidu. Huwa għalhekk faċli ħafna li jiġu identifikati r-restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni fuq il-prezz u l-bejgħ ta’ prodott mediċinali fil-verżjonijiet tal-bidu li jirriżultaw mid-dħul fis-suq tal-verżjoni ġenerika tiegħu. F’din il-kawża, pereżempju, huwa paċifiku li d-dħul tal-prodott ġeneriku tal‑perindopril fir-Renju Unit wassal għal tnaqqis fil-prezz tal-perindopril ta’ 90 %. Din is-sostituzzjoni madankollu tista’ sseħħ biss, meta prevista bil-leġiżlazzjoni, bejn il-prodott mediċinali fil-verżjonijiet tal-bidu ta’ referenza u l-verżjonijiet ġeneriċi tiegħu u ma tistax tapplika bejn molekuli differenti, inkluż meta l-prodotti mediċinali kkonċernati jaqgħu fl-istess klassi terapewtika u għandhom l-istess mod ta’ azzjoni.

1393 Madankollu, għalkemm id-definizzjoni tas-suq rilevanti fis-settur farmaċewtiku għandha tqis kif suppost il-pressjoni relattivament dgħajfa tal-prezzijiet marbuta b’mod partikolari mal-qafas regolatorju, hija għandha tqis ukoll fattur ieħor essenzjali ta’ analiżi tal-interazzjonijiet tal-kompetizzjoni, speċifiku għal dan is-settur, li huwa kkostitwit mill-għażla tat-trattament minn min jippreskrivi, li ma humiex stabbiliti prinċiparjament skont kemm jiswew il-prodotti mediċinali disponibbli, u lanqas skont evalwazzjoni klassika tar-rapport kwalità-prezz offrut minn dawn l-istess prodotti mediċinali, iżda abbażi tal-perċezzjoni tagħhom ta’ vantaġġi u ta’ inkonvenjenzi ta’ dawn il-prodotti mediċinali fuq il-pjan terapewtiku (ara, b’analoġija, fir-rigward tad-definizzjoni tas-suq rilevanti għall‑finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 101(1) TFUE, is-sentenza tat‑23 ta’ Jannar 2018, F. Hoffmann-La Roche et, C‑179/16, EU:C:2018:25, punt 65).

1394 Il-prodotti mediċinali mogħtija bi preskrizzjoni medika fil-fatt ma jikkostitwixxux prodotti bħall-oħrajn, li huma skambjati liberament fis‑suq bejn bejjiegħa u konsumaturi u li l-prezz tagħhom huwa stabbilit skont l-offerta u d-domanda, iżda huma prodotti li l-pazjenti jirrikorru għalihom permezz ta’ professjonisti tas-saħħa li huma t-tobba u l‑ispiżjara u li l-piż fianzjarju huwa, għal parti sostanzjali, kollettiv. Ir‑regoli li jirregolaw il-prezz tal-prodotti mediċinali u l-kundizzjonijiet tar-rimbors tagħhom mis-sistema tas-sigurtà soċjali jirriflettu n-natura partikolari ta’ dawn il-prodotti, bħar-regoli li jillimitaw ir-reklamar dwarhom jew li jippreskrivu l-bejgħ tagħhom fl-ispiżeriji, taħt ir‑responsabbiltà tal-ispiżjara.

1395 Il-libertà tal-għażla tat-tobba, bejn il-prodotti mediċinali fil-verżjonijiet tal-bidu disponibbli fis‑suq jew bejn il-prodotti mediċinali fil-verżjonijiet tal-bidu u l‑verżjonijiet ġeneriċi ta’ molekuli oħra, u l-attenzjoni li dawk li jippreskrivu jagħtu bi prijorità lill-aspetti terapewtiċi jippermettu, jekk ikun il-każ, li xi restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni sinjifikattivi jiġu eżerċitati, b’mod kwalitattiv u mhux tariffarju, lil hinn mill-mekkaniżmi normali ta’ pressjoni mill-prezzijiet. Tali restrizzjonijiet jistgħu jeżistu wkoll anki fil-każ fejn il-karatteristiċi pożittivi terapewtiċi ta’ prodott mediċinali jkunu mingħajr dubju jidhru superjuri għal dawk tal-prodotti mediċinali l-oħra disponibbli għat-trattament tal-istess patoloġija milli f’każ fejn il-prodotti mediċinali disponibbli huma rrikonoxxuti jew meqjusa ekwivalenti minn dawk li jippreskrivu.

1396 Fil-fatt, meta prodott mediċinali jirriżulta li huwa nettament superjuri minn oħrajn fuq il-livell terapewtiku, u saħansitra jirrappreżenta l-unika għażla terapewtika rrakkomandata mill-komunità xjentifika, huwa possibbli li jiġi magħżul minn dawk li jippreskrivu ikun xi jkun il-prezz tiegħu, anki jekk dan il-prezz huwa nettament iktar għoli minn dak ta’ prodotti mediċinali oħra disponibbli. Il-prezzijiet baxxi ta’ prodotti mediċinali oħra, li madankollu għandhom, f’suq klassiku, jikkostitwixxu restrizzjoni tal-kompetizzjoni qawwija, hawnhekk, ma għandhomx effett deċiżiv. Id‑differenza fil-prezz bejn dawn il-prodotti għandha wisq inqas importanza meta l-livell ta’ rimbors inaqqas il-piż finanzjarju għall‑pazjent tat-trattament magħżul għall-pazjent. Minn dan jirriżulta li kumpannija farmaċewtika li l-prodott mediċinali tagħha jibqax irrikonoxxut jew ipperċepit b’mod pożittiv mit-tobba u li tfittex li tnaqqas il-prezz tagħha bit-tama li żżomm il-partijiet tas-suq tagħha ma jkollhiex iktar ċans ta’ suċċess. Fi kliem ieħor, prodott mediċinali li s‑superjorità tiegħu hija rrikonoxxuta jista’ jeżerċita pressjoni kompetittiva sinjifikattiva fuq il-prodotti mediċinali l-oħra disponibbli għat-trattament tal-istess pataloġija, anki meta jkun jiswa iktar. B’hekk fil-kawża li wasslet għas-sentenza tal-1 ta’ Lulju 2010, AstraZeneca vs Il-Kummissjoni (T‑321/05, EU:T:2010:266), ġie kkonstatat mill‑Kummissjoni kif ukoll mill-Qorti Ġenerali li s-superjorità terapewtika tal-inibituri tal-pompa proton (IPP) fuq l-anti-H2 ippermettitilhom sabiex progressivament iwarrbu lil dawn tal-aħħar mis‑suq, minkejja l-prezz ħafna ogħla tal-IPP. Għall-kuntarju, prodotti mediċinali li ma humiex jew ma għadhomx iktar f’pożizzjoni li jikkompetu fuq il-livell terapewtiku mal-prodott mediċinali “stilla” jistgħu ma jeżerċitawx iktar pressjoni kompettitiva fuqu. Tali elementi jistgħu jiġġustifikaw li dan il-prodott mediċinali jikkostitwixxi fih innifsu suq, limitat għall-molekula tiegħu, fil-verżjoni tal-bidu tiegħu bħala ġeneriku.

1397 Meta, għat-trattament tal-istess marda, dawk li jippreskrivu għandhom l‑għażla bejn prodotti mediċinali li fosthom l-ebda wieħed ma huwa rrikonoxxut jew meqjus bħala superjuri għall-oħrajn, b’mod partikolari minħabba l-identiċità tal-mod ta’ azzjoni tagħhom jew minħabba li l‑benefiċċji terapewtiċi jew l-effetti mhux mixtieqa tagħhom jew sekondarji ma jippermettux li ssir distinzjoni bejniethom, l-analiżi tal‑kompetizzjoni bejn dawn il-prodotti mediċinali hija bbażata wkoll, fil‑parti l-kbira tagħha, fuq paragun kwalitattiv. L-għażla tat-tabib, ġeneralment, ma ssirx l-ewwel nett skont kemm jiswew dawn it‑trattamenti, iżda skont il-grad ta’ differenza terapewtika, l-adegwatezza tagħhom għall-profil tal-pazjenti, l-għarfien tat-tabib ta’ prodotti mediċinali differenti jew inkella l-esperjenza personali tiegħu u dik tal‑pazjenti tiegħu. Fil-fatt, ma hemmx korrelazzjoni ċara bejn il-livell tal-prezz ta’ prodott mediċinali u l-interess terapewtiku tiegħu: prodott mediċinali ma huwiex aħjar għaliex jiswa iktar mill-kompetituri tiegħu u ma huwiex inferjuri għall-kompetituri tiegħu minħabba l-prezz inqas għoli tiegħu. Barra minn hekk, il-prezz ogħla ta’ prodott mediċinali iktar reċenti ma huwiex neċessarjment minħabba l-innovazzjonijiet terapewtiċi li dan il-prodott mediċinali għandu, l-iktar jekk jaqa’ fl-istess klassi terapewtika bħal prodotti mediċinali oħra u għandu l-istess mod ta’ azzjoni bħal dawn tal-aħħar, u jista’ jiġi spjegat b’mod partikolari bl‑amortizzazzjoni tal-ispejjeż ogħla ta’ riċerka jew ta’ fabbrikazzjoni jew ta’ spejjeż ta’ reklamar iktar sinijifikattivi minn dawk ta’ prodott mediċinali li ilu iktar fis-suq.

1398 Huwa veru, kif enfasizzat il-Kummissjoni waqt is-seduta, li, bejn il‑prodotti rrikonoxxuti jew meqjusa bħala kompletament ekwivalenti, il‑varjant tal-prezz jista’ jkollu l-importanza tiegħu. Tnaqqis sinjifikattiv tal-prezz ta’ prodott mediċinali, b’mod partikolari bl-introduzzjoni tal‑verżjoni ġenerika tiegħu fis-suq, jista’ jiġġustifika li dan il-prodott mediċinali jiġi ppreferut mit-tobba u li l-preskrizzjoni tiegħu fil-verżjoni ġenerika tiegħu tkun inkoraġġita mill-ġestjonarji tas-sistema tas-sigurtà soċjali u l-awtoritajiet regolatorji. Bl-istess mod, id-dħul tal-verżjoni ġenerika ta’ prodott mediċinali ieħor irrikonoxxut jew meqjus bħala ekwivalenti jew sostitwibbli jista’ jdgħajjef il-pożizzjoni tal-prodott mediċinali fil-verżjoni tal-bidu kkonċernat fis-suq. Ir-restrizzjoni tal‑kompetizzjoni minħabba l-prezz tista’ għalhekk tidħol fis-seħħ u ż-żamma tal-prezz tal-prodott mediċinali kkonċernat tista’ tikkostitwixxi indikazzjoni tad-dgħufija tal-pressjoni kompetittiva sostnuta mill‑imsemmi prodott mediċinali.

1399 Madankollu, kif korrettament sostnew ir-rikorrenti waqt is-seduta, miż‑żamma tal-prezz tal-prodott mediċinali fis-suq biss ma jistax jiġi dedott li ma huwiex se jkun espost għal restrizzjonijiet kompetittivi sinjifikattivi, eżerċitati mill-prodotti mediċinali meqjusa jew irrikonoxxuti bħala ekwivalenti jew sostitwibbli, fil-verżjonijiet tal-bidu tagħhom jew ġeneriċi.

1400 Fil-fatt, peress li t-tobba huma f’pożizzjoni li jagħżlu liberament bejn dawn il-prodotti mediċinali għal raġunijiet li ma għandhomx x’jaqsmu mal-prezz tagħhom, jistgħu jidhru varjazzjonijiet kbar ħafna fil‑frekwenza tal-użu ta’ dawn il-prodotti, fil-grad ta’ lealtà li għandhom it-tobba lejhom, fil-perċezzjoni li t-tobba għandhom tal-benefiċċji tagħhom f’mument partikolari meta jagħmlu l-għażla tal-preskrizzjoni tagħhom. Għalhekk id-deċiżjonijiet meħuda mit-tobba jistgħu jibdlu b’mod sinijifikattiv l-ishma tas-suq rispettivi tad-diversi prodotti mediċinali disponibbli u jpoġġu lill-kumpanniji tal-farmaċewtika f’sitwazzjoni ta’ dipendenza meta mqabbla mal-għażliet ta’ dawk li jippreskrivu, kif inhu kull produttr ta’ prodott fir-rigward ta’ konsumaturi f’sitwazzjoni fejn il‑prodotti huma faċilment sostitwibbli.

1401 Hija r-raġuni li għaliha l-kumpanniji li jipproduċu dawn il-prodotti mediċinali, li barra minn hekk ftit jagħtu valur lill-prezz tal-prodott tagħhom fl-istrateġija kummerċjali tagħhom, ħafna drabi jagħmlu sforzi sinjifikattivi ta’ reklamar tal-prodott tagħhom sabiex iżidu l-lealtà ta’ dawk li jippreskrivu u jaqbdu oħrajn ġodda, kemm bit-twettiq ta’ studji xjentifiċi li huma jiffinanzjaw u li jiddistingwu l-prodott tagħhom minn dawk tal-kompetituri tagħhom, jew permezz ta’ azzjonijiet diretti ta’ reklamar mat-tobba li jippreskrivu, li jieħdu diversi forom. Dawn l-isforzi ta’ reklamar jirrapreżentaw perċentwali kunsiderevoli tad-dħul mill‑bejgħ tal-prodotti kkonċernati, xi drabi kważi ta’ 30 %, li jiddistingwi lis-settur farmaċewtiku minn setturi oħra fejn ir-reklamar ma għandux l-istess intensità. Kif sostnew ir-rikorrenti, tali sforzi jistgħu jikkostitwixxu indikazzjoni tal-eżistenza ta’ sitwazzjoni ta’ kompetizzjoni effettiva bejn l-impriżi kkonċernati.

1402 F’sitwazzjoni simili, fil-preżenza ta’ prodotti mediċinali rrikonoxxuti jew meqjusa bħala ekwivalenti jew sostitwibbli, l-analiżi tas-suq għandha tkun b’mod partikolari ffukata fuq l-elementi li jippermettu li jiġu identifikati pressjonijiet kompetittivi ta’ natura kwalitattiva jew mhux tariffarja, li b’mod partikolari jfissru sforzi sabiex ikun hemm iktar persuni ġodda li jippreskrivu l-għażla inizjali tat-trattament, sabiex isiru trasferimenti ta’ pazjenti fi trattament kontinwu lejn prodotti mediċinali kompetituri u permezz tal-intensità ta’ reklamar favur prodott mediċinali fil-preżenza ta’ alternattivi ekwivalenti jew inqas għoljin.

1403 Jekk l-eżistenza ta’ elementi li juru l-pressjoni kompetittiva ta’ natura mhux tariffarja bħal dawk imsemmija fil‑punt 1402 hawn fuq ma tistax tiġi kkonstatata, b’mod partikolari minħabba inerzja qawwija mit-tobba fl-għażliet ta’ preskrizzjoni tagħhom, li joriġinaw mill-effetti ta’ lealtà li jwasslu sabiex is-suq jingħalaq, il-prodott mediċinali kkonċernat jista’ jsib ruħu protett mill-pressjonijiet kompetittivi effettivi, sakemm il‑verżjoni ġenerika tiegħu ma tidħolx fis-suq, b’mod partikolari jekk il-qafas leġiżlattiv inaqqas ir-rwol tal-fatturi ta’ kompetizzjoni li jirriżulta mill-prezzijiet. Għalhekk jista’ jkun iġġustifikat li s-suq rilevanti jiġi ddefinit fil-livell tal-molekula ta’ tali prodott mediċinali, fil-verżjoni tal‑bidu tiegħu jew ġenerika.

1404 Mill-argumenti preċedenti jirriżulta li hemm lok, f’din il-kawża, bħala risposta għall-argumenti tar-rikorrenti u tal-Kummissjoni, li jiġi eżaminat jekk kinux jeżistu, matul il-perijodu rilevanti, kif isostnu r-rikorrenti, prodotti mediċinali rrikonnoxxuti jew meqjusa bħala ekwivalenti għall‑perindopril, li minħabba f’hekk ikunu faċilment sostitwibbli għalih, jew jekk il-perindopril kienx suffiċjentement differenti mill‑kompetizzjoni minħabba l-vantaġġi terapewtiċi tiegħu, u li tiġi identifikata l-preżenza ta’ elementi li juru pressjonijiet kompetittivi ta’ natura mhux tariffarja eżerċitati fuq il-perindopril minn prodotti mediċinali oħra, li jistgħu jiġġustifikaw definizzjoni tas-suq iktar wiesgħa minn dik ta’ dan l-uniku prodott mediċinali, minkejja n-nuqqas ta’ flessibbiltà relattiva tad-domanda għall-perindopril fil-konfront tal-prezz, enfasizzata mill-Kummissjoni.

1405 Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, esposti fil-punti 1380 sa 1404 hawn fuq, li għandhom jiġu eżaminati t-tliet ilmenti prinċipali mqajma mir-rikorrenti sabiex jikkontestaw l-analiżi tas-suq rilevanti tal‑prodott magħmula mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata.

2)      Fuq l-ewwel parti tal-ewwel ilment, ibbażata fuq in-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-elementi kollha tal-kuntest ekonomiku

1406 Fil-qafas tal-ewwel ilment, ir-rikorrenti jsostnu, essenzjalment, li l‑Kummissjoni kisret il-prinċipju fundamentali li s-suq tal-prodotti farmaċewtiċi għandu jiġi delimitat billi jiġi kkunsidrat il-kuntest ekonomiku kollu. Il-Kummissjoni bbażat ruħha żżejjed fuq il-prezz, mingħajr ma ħadet inkunsiderazzjoni b’mod suffiċjenti s-sostitwibbiltà terapewtika tal-prodotti inkwistjoni.

1407 B’mod iktar preċiż, ir-rikorrenti jikkritikaw lill-Kummissjoni, permezz tal-ewwel parti ta’ dan l-ilment, li ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-elementi kollha tal-kuntest fid-definizzjoni tas-suq. Permezz tat-tieni parti tal‑ilment, ir-rikorrenti jikkunsidraw li l-Kummissjoni tat importanza żejda lill-fattur tal-prezz.

1408 Qabel xejn għandha tiġi eżaminata l-fondatezza tal-ewwel parti tal‑ilment, ibbażata fuq il-fatt li l-Kummissjoni ma kkunsidratx l‑elementi kollha tal-kuntest ekonomiku sabiex tiddelimita s-suq rilevanti. Għall-kuntrarju, sabiex tkun tista’ tevalwa l-importanza relatata mogħtija mill-Kummissjoni lill-fattur tal-prezz, il-Qorti Ġenerali ser teżamina t-tieni parti tal-ilment wara li tkun evalwat il-legalità tad-deċiżjoni kkontestata fir-rigward tal-fatturi kollha tat-tip mhux tariffarju li jista’ jkollhom rwol fid-delimitazzjoni tas-suq rilevanti.

1409 Għalhekk, għandu jiġi eżaminat f’dan il-każ jekk il-Kummissjoni kkunsidratx il-kuntest ekonomiku kollu, b’mod partikolari l-fatturi l-oħra minbarra l-prezz, sabiex tiddelimita s-suq rilevanti tal-prodotti.

1410 Preliminarjament, kif jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet żviluppati fil‑punti 1380 sa 1404 hawn fuq, is-settur farmaċewtiku huwa settur “mhux [...] normali” li l-karatteristiċi partikolari tiegħu jirrikjedu li s-suq jiġi ddefinit permezz ta’ approċċ ibbażat fuq diversi kriterji, b’mod partikolari l-użu terapewtiku tal-prodotti.

1411 L-ewwel nett, fir-rigward tat-teħid inkunsiderazzjoni tal-użu terapewtiku tal-prodotti inkwistjoni, għandu jiġi osservat li l-Kummissjoni kkonstatat, fil-premessi 2432 sa 2459 tad-deċiżjoni kkontestata, li l‑perindopril kien jagħmel parti mill-klassi tal-IEK, irrappurtati fil-livell ATC 3 tal-klassifikazzjoni tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO). Madankollu, mill-provi użati mill‑Kummissjoni, din tal-aħħar kkunsidrat li l-prodotti mediċinali li jappartjenu għall-klassi tal-IEK ma kinux prodotti omoġeni, peress li l‑perindopril kien, skont il-Kummissjoni, xjentifikament irrikonoxxut għal ċerti karatteristiċi li kienu jiddistingwuh minn IEK oħra.

1412 Il-Kummissjoni kkunsidrat ukoll, kif jirriżulta b’mod partikolari mill‑premessi 2496 sa 2513 tad-deċiżjoni kkontestata, iddedikati għall‑iskemi ta’ trasferiment, l-eżistenza ta’ mekkaniżmu ta’ “inerzja” tat-tobba u ta’ grupp dejjem jikber ta’ dawk li jippreskrivu li huma “leali” għall‑perindopril li kien tali li jillimita l-pressjonijiet kompetittivi fir‑rigward ta’ pazjenti ġodda kif ukoll il-predispożizzjoni dgħajfa tal‑pazjenti li qed jiġu ttrattati bil-perindopril sabiex jibdlu l-prodott mediċinali.

1413 Barra minn hekk, fl-analiżi tagħha tas-suq rilevanti, il-Kummissjoni semmiet l-isforzi ta’ reklamar ta’ Servier, filwaqt li kkunsidrat b’mod partikolari li l-istabbiltà tal-ispejjeż tar-reklamar kienet turi n-nuqqas ta’ espożizzjoni għal pressjonijiet kompetittivi qawwija.

1414 Finalment, meta wettqet analiżi tal-avvenimenti naturali ta’ natura tariffarja, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-pressjoni eżerċitata mill‑ġeneriċi tal-perindopril kellha tiġi kkunsidrata bħala kruċjali fl‑analiżi tas-suq rilevanti u li l-fatt li l-pressjoni eżerċitata mill-ġeneriċi kienet tegħleb kull restrizzjoni potenzjali oħra kien iwassal b’mod naturali għal restrizzjoni tas-suq rilevanti għall-molekula tal‑perindopril biss (premessa 2546 tad-deċiżjoni kkontestata). Barra minn hekk, fir-rigward tal-impatt tal-qafas regolatorju, il-Kummissjoni rrilevat li l‑qafas regolatorju kien illimita ħafna l-espożizzjoni ta’ Servier għar-restrizzjonijiet ta’ prezz, u b’hekk ippermetta lil Servier jaġixxi b’mod liberu minn kull pressjoni kompetittiva (premessa 2527 tad-deċiżjoni kkontestata).

1415 Konsegwentement, mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni ma hijiex limitata għall-fattur tal-prezz biss sabiex tiddefinixxi s-suq rilevanti. B’mod partikolari, l-użu terapewtiku tal-perindopril ġie kkunsidrat bħala element rilevanti tal-analiżi tas-suq. Għalhekk, jekk, kif jirriżulta mill-qafas tal-analiżi spjegat fil-punti 1380 sa 1404 hawn fuq, ir-rikorrenti huma fondati li josservaw li hemm lok li jiġu kkunsidrati l‑karatteristiċi terapewtiċi tal-prodotti mediċinali sabiex jiġi ddefinit is‑suq rilevanti, huma ma għandhomx iressqu b’mod validu l-argument li l-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni, f’dan il-każ, il-kuntest ekonomiku kollu, b’mod partikolari l-użu terapewtiku tal-prodotti mediċinali.

1416 Il-Kummissjoni għalhekk ma kkommettietx l-iżball ta’ liġi li r-rikorrenti jallegaw fil-konfront tagħha.

1417 L-ewwel parti tal-ewwel ilment għalhekk għandha tiġi miċħuda.

3)      Fuq it-tieni ilment, ibbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni interpretat b’mod żbaljat is-sostitwibbiltà terapewtika tal-IEK

1418 Permezz tat-tieni ilment tagħhom, ir-rikorrenti jsostnu, essenzjalment, li l-Kummissjoni interpretat b’mod żbaljat is-sostitwibbiltà terapewtika bejn l-IEK. L-ewwel nett, huma jsostnu li l-Kummissjoni kkunsidrat b’mod żbaljat li l-perindopril kien differenti mill-IEK l-oħra minħabba kwalitajiet partikolari, it-tieni nett, li l-kompetizzjoni bejn l-IEK kienet ħajja fir-rigward ta’ pazjenti ġodda, it-tielet nett, li l-Kummissjoni ssottovalutat il-predispożizzjoni għal bidla tal-prodott mediċinali ta’ pazjenti li qed jiġu ttrattati bil-perindopril u, finalment, li r-reklamar huwa wieħed mid-dimensjonijiet essenzjali tal-kompetizzjoni fis-suq inkwistjoni.

i)      Fuq id-distinzjoni bejn il-perindopril u l-IEK l-oħra f’termini ta’ effikaċja u ta’ effetti sekondarji

1419 Fid-deċiżjoni kkontestata, b’mod partikolari fil-premessi 2449, 2499 u 2519, il-Kummissjoni kkunsidrat, essenzjalment, li l-inibituri tal-EKA kienu klassi ta’ prodotti mediċinali eteroġeni fuq il-livell terapewtiku, li din l-eteroġenità setgħet tkun marbuta ma’ differenzi fl-effikaċja u t‑toleranza fuq livell individwali u li l-perindopril kellu użu terapewtiku differenti minn dak ta’ IEK oħra. Hija rrilevat li, jekk l-IEK kienu jiffurmaw klassi ta’ prodotti mediċinali skont it-tielet livell tas-sistema ta’ klassifikazzjoni ATC użata mill-WHO, madankollu ma jkunx korrett li l-inibituri tal-EKA jiġu kkunsidrati bħala sempliċi klassi omoġenja. Fl‑opinjoni tagħha, il-perindopril kien xjentifikament irrikonoxxut għal ċerti karatteristiċi li kienu jiddistingwuh minn IEK oħra. Insostenn ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, il-Kummissjoni bbażat ruħha, b’mod partikolari, fuq rakkomandazzjonijiet mediċi, fuq numru ta’ studji xjentifiċi, fuq dokumenti interni ta’ Servier u fuq kwestjonarju magħmul ma’ dawk li jippreskrivu l-perindopril.

1420 Ir-rikorrenti jikkontestaw l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni li l-IEK l-oħra ma jistgħux jissostitwixxu l-perindopril fuq il-livell terapewtiku, fid-dawl b’mod partikolari tal-karatteristiċi partikolari f’termini ta’ effikaċja u ta’ effetti sekondarji tiegħu. Huma jsostnu li l-IEK jagħmlu parti minn klassi omoġenja li fi ħdanha ma teżisti l-ebda differenza sinjifikattiva li tiġġustifika li l-molekula waħda tal-perindopril kienet tikkostitwixxi suq differenti.

1421 Għandhom jiġu eżaminati l-elementi rilevanti kollha li jippermettu li jiġi evalwat li l-perindopril kien meqjus mit-tobba li jippreskrivuh bħala li huwa ta’ natura li l-IEK l-oħra jistgħu jissostitwixxuh fuq il-livell terapewtiku. F’dan il-każ, b’mod suċċessiv ser tiġi kkunsidrata informazzjoni bażika relatata ma’ dan il-prodott mediċinali msemmija fid-deċiżjoni kkontestata, s-sistema ta’ klassifikazzjoni ATC, ir‑rakkomandazzjonijiet mediċi, l-istudji mediċi, il-politika implimentata minn ċerti awtoritajiet lokali fir-Renju Unit, id-dokumenti interni ta’ Servier, il-kwestjonarju magħmul mill-Kummissjoni ma’ dawk li jippreskrivu u r-risposti minn produtturi ta’ IEK oħra għal mistoqsijiet magħmula mill-Kummissjoni.

1422 Fl-ewwel lok, id-deċiżjoni kkontestata tagħti preliminarjament, fil‑premessi 2143 sa 2164, l-informazzjoni bażika dwar il-perindopril fir‑rigward b’mod partikolari tal-mod ta’ azzjoni, l-indikazzjonijiet prinċipali, il-kontro-indikazzjonijiet u l-effetti sekondarji ta’ dan il‑prodott mediċinali.

1423 Għandu jiġi rrilevat li l-ebda differenza bejn il-perindopril u l-IEK l-oħra ma tirriżulta minn din id-deskrizzjoni ta’ informazzjoni bażika relatata mal-perindopril.

1424 Fir-rigward tal-effetti sekondarji, id-deċiżjoni kkontestata tirrileva b’mod ċar, fil-premessa 2149, li, skont il-litteratura medika, il-perindopril huwa ġeneralment ittolerat tajjeb, bi profil ta’ effetti mhux mixtieqa simili għal dawk ta’ IEK oħra, u li Servier, fid-dokumenti interni tiegħu, kien faħħar il‑prodott tiegħu għal-livell għoli ta’ toleranza u ta’ rispett. Madankollu, għandu jiġi enfasizzat li mit-test stess tal-litteratura medika ċċitata mill‑Kummissjoni fil-premessa 2149 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-profil ta’ effetti mhux mixtieqa tal-perindopril huwa simili għal dak ta’ IEK oħra. Fir-risposta tagħha, il-Kummissjoni espressament tirrikonoxxi li l-IEK għandhom effetti sekondarji simili, li ma ssemmiex fid-deċiżjoni kkontestata.

1425 Mill-preżentazzjoni tal-informazzjoni bażika dwar il-perindopril li tinsab fid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta għalhekk li l-mod ta’ azzjoni, l‑indikazzjonijiet prinċipali, il-kontro-indikazzjonijiet u l-effetti sekondarji tal-IEK huma simili.

1426 Fit-tieni lok, is-sistema ta’ klassifikazzjoni ATC, li l-awtoritajiet tal‑kompetizzjoni jikkunsidraw sabiex jevalwaw is-sostitwibbiltà terapewtika bejn prodotti mediċinali u sabiex jistabbilixxu s-suq rilevanti, tikklassifika l-prodotti farmaċewtiċi f’ħames livelli differenti skont l‑organi li fuqhom huma jaġixxu u skont il-proprjetajiet kimiċi, farmakoloġiċi u terapewtiċi tagħhom. It-tielet livell tal-klassifikazzjoni ATC jiġbor il-prodotti farmaċewtiċi skont l-indikazzjonijiet terapewtiċi tagħhom, ir-raba’ jieħu inkunsiderazzjoni l-mod ta’ azzjoni u l-ħames jiddefinixxi l-klassijiet l-iktar stretti inklużi s-sustanzi attivi meħuda individwalment.

1427 Mill-prassi deċiżjonali tal-Kummissjoni fis-settur farmaċewtiku jirriżulta li, fil-qasam tad-definizzjoni tas-suq, l-analiżi ġeneralment tibda mit‑tielet livell. Madankollu, il-livelli l-oħra tal-klassifikazzjoni ATC jistgħu jittieħdu wkoll inkunsiderazzjoni meta jidher li restrizzjonijiet kompetittivi suffiċjentement qawwija jirriżultaw f’livelli oħra u li, konsegwentement, it-tielet livell ma jidhirx li jippermetti definizzjoni korretta tas-suq (sentenza tal-1 ta’ Lulju 2010, AstraZeneca vs Il‑Kummissjoni, T‑321/05, EU:T:2010:266, punt 154).

1428 F’dan il-każ, il-Kummissjoni ma waqqfitx l-analiżi tagħha fit-tielet livell tal-klassifikazzjoni ATC, iżda ddefinixxiet is-suq rilevanti fil-ħames livell ta’ din il-klassifikazzjoni, jiġifieri l-molekula tal-perindopril, ingredjent attiv tal-Coversyl. Jekk il-fatt li s-suq rilevanti ġie ddefinit fil‑ħames livell tal-klassifikazzjoni ATC ma huwiex kritikabbli fih innifsu, għandu jiġi kkonstatat li l-IEK, li huma sittax, jerġgħu jingħaqdu, kemm fit-tielet livell tal-klassifikazzjoni ATC, li jikkorrispondi għall‑indikazzjonijiet terapewtiċi, kif ukoll fir-raba’ livell ta’ din il‑klassifikazzjoni, li jikkorrispondi għal mod ta’ azzjoni, fi grupp wieħed imsejjaħ “[IEK] tal-anġjotensin, biss”.

1429 B’hekk, is-sistema ta’ klassifikazzjoni ATC ma tippermettix li tiġi stabbilita distinzjoni ta’ xi tip bejn il-perindopril u l-IEC l-oħra f’dak li jirrigwarda l-użu terapewtiku. Hija tikkonferma, li barra minn hekk ma huwiex ikkontestat, li l-IEK ma humiex differenti bejniethom f’termini ta’ indikazzjonijiet u ta’ mod ta’ azzjoni.

1430  Fit-tielet lok, kif korrettament tindika l-Kummissjoni fil-premessa 2172 tad-deċiżjoni kkontestata, l-analiżi tar-relazzjonijiet bejn il-prodotti mediċinali differenti kontra l-pressjoni arterjali għolja tikkunsidra rakkomandazzjonijiet mediċi rilevanti.

1431 Ir-rakkomandazzjonijiet mediċi huma intiżi sabiex joffru informazzjoni bbilanċjata lit-tobba sabiex jgħinuhom jieħdu deċiżjonijiet fl-attività ta’ kuljum tagħhom. Huma bbażati fuq is-sorsi kollha disponibbli ta’ provi xjentifiċi, inklużi l-istħarriġ kliniku kbar u l-meta-analiżi tagħhom. Huma jagħtu sommarji tal-għarfien mediku disponibbli matul il-perijodu eżaminat.

1432 Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni wettqet analiżi tar‑rakkomandazzjonijiet komuni tal-WHO u tas-Soċjetà internazzjonali tal-pressjoni arterjali għolja tal-1999, tar-rakkomandazzjonijiet tas‑Soċjetà Ewropea tal-pressjoni arterjali għolja, tas-Soċjetà Ewropea tal‑kardjoloġija tal-2003 u tal-2007, tar-rakkomandazzjonijiet tas-Soċjetà Brittanika tal-pressjoni arterjali għolja tal-1999 u tal-2004 u tar‑rakkomandazzjonijiet tan-National Institute for Health and Clinical Excellence (NICE, Istitut nazzjonali għas-saħħa u eċċellenza klinika, ir-Renju Unit) tal-2004 u tal-2006.

1433 Issa, ir-rakkomandazzjonijiet komuni tal-WHO u tas-Soċjetà internazzjonali tal-pressjoni arterjali għolja tal-1999 isemmu, fir-rigward tal-IEK, l-istess indikazzjonijiet prinċipali u sekondarji u l-istess kontro-indikazzjonijiet prinċipali u sekondarji. Id-deċiżjoni kkontestata ma tirrilevax, f’dawn ir-rakkomandazzjonijiet, xi differenza bejn l-IEK.

1434 Ir-rakkomandazzjonijiet tas-Soċjetà Ewropea tal-pressjoni arterjali għolja u tas-Soċjetà Ewropea tal-kardjoloġijatal-2003 u tal-2007, li ġew approvati mis-Soċjetajiet tal-kardjoloġija fuq livell nazzjonali, b’mod partikolari fi Franza, fil-Pajjiżi l-Baxxi u fil-Polonja, janalizzaw b’mod globali l-proprjetajiet, l-effetti u l-indikazzjonijet tal-IEK kollha u ma jinkludux rakkomandazzjonijiet intiżi speċifikament għal waħda mill‑molekuli ta’ din il-klassi ta’ prodotti mediċinali. Huma ma jinkludu l-ebda suddiviżjoni bejn l-prodotti mediċinali tal-klassi tal-IEK, kuntrarjament pereżempju għall-prodotti mediċinali li jaqgħu fil-klassi tal-inibituri tal-kalċju u ta’ dijuretiċi. Dawn ir-rakkomandazzjonijiet jinkoraġġixxu sabiex il-klassifikazzjoni ta’ prodott mediċinali tinbidel jekk dan ma jkunx effikaċi jew ittolerat.

1435 Ir-rakkomandazzjonijiet tas-Soċjetà Ewropea tal-pressjoni arterjali għolja u tas-Soċjetà Ewropea tal-kardjoloġija jindikaw li, bla dubju, anki prodotti differenti ta’ klassi waħda ta’ prodotti mediċinali huma differenti skont it-tipi u l-frekwenza tal-effetti sekondarji. Madankollu, din il‑kunsiderazzjoni ma tkoprix speċifikament il-klassi tal-IEK u ma fiha l-ebda preċiżazzjoni fir-rigward tal-prodotti mediċinali kkonċernati u dwar in-natura tal-effetti sekondarji inkwistjoni. Konsegwentement, is‑sempliċi riferiment għar-rakkomandazzjonijiet relatati mad-differenza ta’ effetti sekondarji li jirriżultaw minn prodotti differenti tal-istess klassi medika ma jippermettix li tiġi stabbilita l-eżistenza konkreta ta’ differenza bejn il-perindopril u l-IEK l-oħra f’dak li jirrigwarda l-effetti sekondarji.

1436 Bl-istess mod, il-Kummissjoni tiddikjara, fil-premessa 2181 tad‑deċiżjoni kkontestata, li, skont ir-rakkomandazzjonijiet tas-Soċjetà Ewropea tal-pressjoni arterjali għolja u tas-Soċjetà Ewropea tal-kardjoloġija, l-għażla ta’ prodott mediċinali kontra l-pressjoni arterjali għolja għandha tkun ibbażata fuq il-pazjent individwali, li għandha importanza kunsiderevoli għall-evalwazzjoni tas-suq rilevanti. Iżda l-fatt li dawn ir‑rakkomandazzjonijiet isemmu li l-individwi huma differenti fir-rigward ta’ kif jiġu affettwati minn tali jew tali effett sekondarju ma jippermettix li jiġi dedott li teżisti differenza bejn l-IEK f’dak li jirrigwarda l-effetti sekondarji. Minn dan jirriżulta li r‑rakkomandazzjonijiet Ewropej għall-ġestjoni tal-pressjoni arterjali għolja ma jinkludu l-ebda element li jippermetti li ssir distinzjoni bejn il-perindopril u l-IEK l-oħra f’termini ta’ użu terapewtiku.

1437 Ir-rakkomandazzjonijiet tas-Soċjetà Brittanika tal-pressjoni arterjali għolja tal‑1999 u tal-2004 isemmu l-eżistenza ta’ indikazzjonijiet, ta’ kontro-indikazzjonijiet u ta’ effetti sekondarji, b’mod partikolari s‑sogħla, li huma komuni għall-prodotti mediċinali kollha tal-klassi tal‑IEK. Ir‑rakkomandazzjonijiet tan-NICE tal-2004 u tal-2006 jinkludu suġġerimenti dwar il-prodotti mediċinali li għandhom jiġu preskritti fl-ewwel jew fit-tieni lok, iżda li, minn din il-perspettiva, ma jagħmlu l-ebda distinzjoni bejn l-IEK.

1438 B’hekk ir-rakkomandazzjonijiet mediċi analizzati fid-deċiżjoni kkontestata, li jagħtu informazzjoni bbilanċjata lit-tobba bbażata fuq is‑sorsi kollha disponibbli ta’ provi xjentifiċi, inkluż l-istħarriġ kliniku u l-meta-analiżi tagħhom, ma jistabbilixxu l-ebda differenza bejn il‑prodotti mediċinali tal-klassi tal-IEK. Dawn ir‑rakkomandazzjonijiet jikkonfermaw, bħall-klassifikazzjoni ATC, l-omoġeneità tal-klassi tal‑IEK f’termini ta’ użu terapewtiku.

1439 Fir-raba’ lok, il-Kummissjoni bbażat ruħha, fid-deċiżjoni kkontestata, fuq l-istudji mediċi relatati mal-perindopril, kemm studji disponibbli fil‑bidu tal-perijodu eżaminat kif ukoll studji ppubblikati fis-snin 2000.

1440 Fir-rigward tal-istudji mediċi relatati mal-perindopril disponibbli fil‑bidu tas-snin 2000, id-deċiżjoni kkontestata hija bbażata fuq żewġ artikoli ppubblikati fl-2001.

1441 L-ewwel artikolu jsemmi b’mod partikolari l-fatt li l-perindopril huwa IEK ttolerat ħafna, li, għall-pazjenti li jkollhom pressjoni għolja ħafifa jew medja, huwa sinjifikattivament aħjar f’termini ta’ rispons kliniku mill‑captopril u effikaċi daqs l-IEK l-oħra. It-tieni artikolu jindika li l‑kapaċità tal-perindopril sabiex inaqqas il-pressjoni arterjali hija komparabbli jew aħjar minn dik tal-aġenti l-oħra kontra l-pressjoni arterjali għolja fil-klassi terapewtika tiegħu u li l-pressjoni arterjali baxxa tal-ewwel doża kkawżata bi tnaqqis qawwi tal-pressjoni arterjali hija inqas frekwenti bil-perindopril milli bl-IEK l-oħra, vantaġġ għal ċerti kategoriji ta’ pazjenti.

1442 Minn dan id-deċiżjoni kkontestata tiddeduċi li, fid-data tal‑pubblikazzjoni ta’ dawn l-artikoli, kien hemm diġà korpus xjentifiku li jissuġġerixxi li l-perindopril kellu jiġi kkunsidrat bħala IEC tal-ewwel livell. Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li, jekk dawn iż-żewġ artikoli effettivament jikkunsidraw li l-perindopril huwa effikaċi jew aħjar mit‑terapiji l-oħra f’termini ta’ tnaqqis tal-pressjoni arterjali, is‑superjorità tal-perindopril f’dan ir-rigward hija allegata, minn wieħed miż-żewġ artikoli biss, fil-konfront biss ta’ wieħed mis-sittax-il IEK, il‑captopril. Barra minn hekk, dawn l-artikoli ma jippermettux li jiġi ddikjarat li l-perindopril jiddistingwi ruħu b’mod pożittiv, fir-rigward tat-tnaqqis tal-pressjoni arterjali, mill-IEK l-oħra, b’mod partikolari ta’ prodotti mediċinali, bħar-ramipril, il-lisinopril jew l-enalapril, li Servier tikkunsidra bħala kompetituri tal-perindopril.

1443 Barra minn hekk, jekk it-tieni artikolu jiddikjara li l-perindopril jiddistingwi ruħu b’mod pożittiv mill-IEK l-oħra fir-rigward tal-pressjoni arterjali baxxa tal-ewwel doża kkawżata minn tnaqqis qawwi tal-pressjoni arterjali, ma jiħux pożizzjoni dwar l-importanza li għandha tingħata lil din is-superjorità relattiva tal-perindopril u ma jeżaminax il-vantaġġi terapewtiċi li l-IEK l-oħra jistgħu jippreżentaw, min-naħa tagħhom, fir‑rigward tal-perindopril.

1444 Fir-rigward tal-istudji mediċi ppubblikati fis-snin 2000, jiġifieri matul il‑perijodu eżaminat, il-Kummissjoni tindika, fil-premessa 2208 tad‑deċiżjoni kkontestata, li hija analizzat l-istudji prinċipali li jinvolvu l‑użu tal-perindopril li għalihom jirreferu d-dokumenti ta’ strateġija interna ta’ Servier.

1445 B’hekk, l-istudji Progress (ippubblikat fl-2001), Europa (ippubblikat fl‑2003), ASCOT-BPLA (ippubblikat fl-2005), Preami u CAFE (ippubblikati fl-2006), Advance (ippubblikat fl-2007) u HYVET (ippubblikat fl-2008) juru li għall-perindopril, waħdu jew ma’ prodotti mediċinali oħra, kienu jeżistu provi xjentifiċi ta’ effikaċja fit-tnaqqis ta’ riskji ta’ inċidenti vaskulari ċerebrali, il-prevenzjoni ta’ riskji ta’ avvenimenti kardjovaskulari kbar li jwasslu għal pataloġiji koronari u t‑tnaqqis progressiv ta’ mudellar mill-ġdid tal-funzjoni ventrikulari tax‑xellug.

1446 Madankollu, l-ebda studju mediku msemmi fil-punt 1445 hawn fuq ma jipparaguna l-effikaċja tal-perindopril ma’ dik tal-IEK l-oħra u ma jiddikjara li l-perindopril huwa relattivament iktar effikaċi mill-IEK l‑oħra. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-istudji analizzati mill-Kummissjoni ma jippermettux li jiġi kkunsidrat li l-perindopril huwa differenti mill-IEK l‑oħra f’termini ta’ effikaċja.

1447 Barra minn hekk, fid-deċiżjoni kkontestata ma ġewx analizzati l-istudji kollha li jinvolvu l-użu tal-perindopril fis-snin 2000, b’mod partikolari dak fosthom li ma jidhirx favur dan il-prodott mediċinali. L-istudju PEP‑CHF (ippubblikat fl-2006), li kellu bħala għan li juri l-effikaċja tal‑perindopril fit-trattament tal-insuffiċjenza kardijaka, ma ġiex analizzat mill-Kummissjoni. Skont ir-rapport tal-Professur V., li sar fuq talba ta’ Servier u prodott minnu fil-qafas tal-osservazzjonijiet tiegħu bħala risposta għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, ir-riżultati ta’ dan l‑istudju, li ġie interrott, iżda li r-riżultati tiegħu xorta ġew ippubblikati, ma urew l-ebda effikaċja tal-perindopril fil-qasam tal-insuffiċjenza kardijaka. Dan l-istudju mediku jwassal sabiex jirrelativizza l-provi xjentifiċi li kienu jeżistu għall-perindopril matul il-perijodu eżaminat.

1448 Barra minn hekk, id-deċiżjoni kkontestata ma analizzatx l-istudji mediċi ppubblikati fis-snin 2000 li jimplikaw l-użu tal-IEK l-oħra, minkejja li dawn l-istudji kienu inklużi fid-dokumenti ta’ strateġija interni ta’ Servier. Il-Kummissjoni ma eżaminatx l-istudji mediċi relatati mar‑ramipril (ASCOT-BPLA, HOPE), mal-enalapril (SOLVD u ANBP2) u mat-trandolapril (TRACE), imsemmija fil-premessa 2234 tad-deċiżjoni kkontestata. L-istudju Cochrane, li għalih irrefera Servier fil-qafas tal-osservazzjonijiet tiegħu bħala risposta għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u li tanalizza l-effikaċja relatata ma’ erbatax-il IEC f’termini ta’ effikaċja kontra l-pressjoni għolja, ma huwiex imsemmi fid‑deċiżjoni kkontestata.

1449 In-nuqqas ta’ analiżi mill-Kummissjoni tal-istudji li jinvolvu l-użu ta’ IEK oħra jipprekludi, għal finijiet ta’ kompletezza, li l-istudji mediċi ppreżentati fid‑deċiżjoni kkontestata jiġu kkunsidrati bħala li juru l‑eżistenza ta’ effikaċja partikolari tal-perindopril fost l-IEK.

1450 Fost dawn l-istudji, l-istudju HOPE (ippubblikat fl-2000) ma ġiex analizzat mill-Kummissjoni minkejja li huwa ċċitat diversi drabi fid‑dokumenti ta’ strateġija interna ta’ Servier u li jikkostitwixxi, skont il-pjani ta’ direzzjoni ta’ Servier, studju importanti li ppermetta lil ramipril li jibbenefika minn indikazzjoni ġdida li tikkontribwixxi għal suċċess kummerċjali importanti u li intuża minn Sanofi-Aventis fil-qafas tal-kommunikazzjoni li turi l-kapaċità tar-ramipril li jsalva l-ħajjiet. Kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, il-kontenut tal-istudju HOPE ma ġiex analizzat fid-deċiżjoni kkontestata, peress li din indikat biss, fil-premessa 2493, li l-interpretazzjoni potenzjali mogħtija lil dan l‑istudju tiddependi ħafna mill-mod li bih l-istudji huma kkomunikati lil dawk li jippreskrivu fil-kuntest tal-isforzi ta’ reklamar tal-produtturi, kunsiderazzjoni li ma tikkostitwixxix analiżi tal-kontenut ta’ dan l‑istudju.

1451 L-istudju mediku Cochrane (ippubblikat f’April 2009) huwa meta-analiżi li jevalwa l-effikaċja relattiva tal-IEK fit-tnaqqis tal-pressjoni arterjali billi bbaża ruħu fuq 92 studju preċedenti dwar erbatax-il IEK. Għandu jiġi rrilevat li l-kapaċità għat-tnaqqis tal-pressjoni arterjali tikkostitwixxi b’mod ċar element essenzjali għall-evalwazzjoni tal-effikaċità relattiva tal-IEK. Issa, l-istudju Cochrane, kif korrettament enfasizzaw ir‑rikorrenti, jikkonkludi li l-ebda IEK ma jidher aħjar jew agħar mill‑oħrajn f’termini ta’ effikaċja kontra l-pressjoni arterjali għolja. Jekk l-istudju Cochrance ġie ppubblikat fi tmiem il-perijodu eżaminat, huwa xorta rilevanti sabiex tiġi evalwata l-effikaċja relattiva tal-IEK, safejn huwa bbażat fuq numru kbir ta’ studji preċedenti, inkluż dawk li ma ġewx analizzati mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata.

1452 Il-Kummissjoni ssostni li l-konklużjoni tal-istudju Cochrane hija li ma jistax jiġi eskluż li teżisti differenza bejn prodott mediċinali wieħed jew iktar ikkonċernati f’dak li jirrigwarda l-kapaċità tagħhom li jbaxxu l‑pressjoni arterjali u li, sabiex jiġi analizzat jekk tali differenzi jeżistux jew le bejn il-prodotti mediċinali differenti, hemm bżonn testijiet komparattivi ta’ IEK differenti għal dożi ekwivalenti ta’ tnaqqis ta’ pressjoni arterjali. Dan l-argument għandu jiġi miċħud, peress li l‑kunsiderazzjoni tal-istudju dwar l-eżistenza ta’ inċertezza dwar id‑differenzi fil-kapaċità tal-IEK sabiex ibaxxu l-pressjoni arterjali tinsab fil-parti “Diskussjoni” tal-istudju u ma hijiex waħda minn dawn il‑konklużjonijiet. Il-paragrafu rilevanti tal-parti “Diskussjoni” tal‑istudju ttemm bil-konstatazzjoni li huwa probabbli ħafna li l-effett kważi massimu ta’ tnaqqis tal-pressjoni arterjali tad-diversi IEK huwa l-istess.

1453 Barra minn hekk, il-Kummissjoni tesponi li l-istudju Cochrane ma setax janalizza b’mod korrett, abbażi tal-informazzjoni li l-awturi tiegħu kellhom, il-kwistjoni tal-effetti sekondarji. Iżda dan il-fatt huwa, fi kwalunkwe każ, mingħajr effett fuq il-konklużjoni tal-istudju relatat man-nuqqas ta’ differenza sinjifikattiva bejn l-IEK f’termini ta’ tnaqqis tal-pressjoni arterjali. Barra minn hekk, fir-rigward tal-argument tal‑Kummissjoni li l-istudju juri differenzi bejn IEK f’dak li jirrigwarda r-relazzjoni doża-effikaċja, id-disponibbiltà tad-diversi dożi u l-ħin sabiex jinħass l-effett, għandu jiġi indikat li l-istudju ma jenfasizzax l‑eżistenza ta’ differenzi sinjifikattivi bejn l-IEK fuq il-livell terapewtiku u jikkonkludi għall-kuntrarju li jekk jiġi preskritt l-IEK l-inqas ogħli bl‑iżgħar doża jippermetti ffrankar sostanzjali.

1454 B’hekk, l-argument tal-Kummissjoni ma jippermettix li tiġi kkontestata waħda mill-konklużjonijiet essenzjali tal-istudju Cochrane, li tinsab espliċitament fil-konklużjonijiet tagħha u fis-sommarju tagħha, li l-ebda IEK ma jidher aħjar jew agħar mill-oħrajn f’termini ta’ effikaċja kontra l-pressjoni arterjali għolja.

1455 In-nuqqas ta’ differenza bejn il-perindopril u l-IEK l-oħra, b’mod partikolari f’termini ta’ effikaċja, hija kkonfermata mir-rapport tal‑professur V, magħmul fuq talba ta’ Servier, li ma huwiex ikkontesat mill-Kummissjoni. Dan ir-rapport, li jeżamina r-riżultati tal-istudji mediċi li jimplikaw l-użu tal-perindopril kif ukoll ir-riżultati ta’ studji mediċi tas-snin 1980, 1990 u 2000 li jimplikaw l-użu ta’ IEK oħra, b’mod partikolari l-istudji SAVE dwar il-captopril, AIRE u HOPE dwar ir‑ramipril, Consensus u SOLVD dwar l-enalapril, jindika li, bl‑eċċezzjoni tal-captopril u, b’mod ħafna inqas, tal-enalapril, l-IEK kollha huma kompatibbli ma’ amministrazzjoni waħda kuljum fiż-żewġ indikazzjonijiet prinċipali ta’ din il-klassi, jiġifieri l-pressjoni għolja arterjali u l-insuffiċjenza kardijaka. Ir-rapport jenfasizza, bħall-istudju Cochrane, li l-istudji mediċi ma joħorġu l-ebda differenza fl-effikaċja kontra l-pressjoni għolja tad-diversi IEK. Huwa jesponi li, fil-qasam tal-insuffiċjenza kardijaka, l-effetti favorevoli ta’ din il-klassi terapewtika huma, skont l-istudji disponibbli għall-captopril, l-enalapril, ir-ramipril, il-quinapril u l-lisinopril, komuni għall-IEK kollha. Jekk il‑perindopril għandu provi ta’ effikaċja fil-qasam tal-prevenzjoni kardjovaskulari, għall-kuntrarju ma għandux tali provi fl-oqsma tal‑insuffiċjenza kardijaka.

1456 Ir-rapport tal-Professeur V. jikkonkludi li, għal kull waħda mill-ħames klassijiet terapewtiċi użati fit-trattament tal-pressjoni għolja arterjali, b’mod partikolari l-IEK, l-effetti terapewtiċi huma attribwibbli għal effetti ta’ klassi u mhux għall-proprjetajiet individwali ta’ molekuli preskritti. Ir-ramipril huwa, skont dan ir-rapport, l-IEK tat-tieni ġenerazzjoni li għalih huwa possibbli li tingħata iktar informazzjoni bbażata fuq provi xjentifiċi li jirriżultaw minn testijiet kliniċi magħmula għall‑għarrieda u li sar, abbażi tal-profil eċċellenti farmakoloġiku tiegħu u tal-kwalità tajba tal-evidenza tiegħu, l-iktar fil-qasam tal-insuffiċjenza kardijaka, il-prodott li jinsab fuq quddiem mingħajr kontestazzjoni tas-suq tal‑prodotti mediċinali kontra l-pressjoni arterjali għolja. Skont dan ir‑rapport, il-perindopril huwa IEK bħall-oħrajn, li la huwa l-iktar qawwi u lanqas dak li jippreżenta l-aħjar profil farmakoloġiku. Għall-perindopril, jista’ jkun hemm informazzjoni bbażata fuq evidenza fil-qasam tal-prevenzjoni kardjovaskulari, anki jekk ir-riżultati miksuba mhux neċessarjament juru li l-effett osservat huwa attribwibbli għall‑perindopril. Għall-kuntrarju ma huwiex possibbli li jkun hemm informazzjoni bbażata fuq evidenza fl-oqsma tal-insuffiċjenza kardijaka u tan-nefropatija dijabetika.

1457 Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-istudji mediċi ppubblikati ma jirrilevawx li l-perindopril huwa differenti mill-IEK oħra fuq il-livell terapewtiku, b’mod partikolari f’termini ta’ effikaċja. L‑analiżi tal-istudji mediċi juru barra minn hekk li, jekk huwa possibbli li għall-perindopril ikun hemm provi ta’ effikaċja, dan huwa wkoll il-każ għal IEK oħra, bħall-enalapril, il-lisinopril jew ir-ramipril, filwaqt li dan tal‑aħħar għandu iktar provi ta’ effikaċja fil-qasam tal-insuffiċjenza kardijaka.

1458 Fil-ħames lok, ir-rikorrenti jsostnu li l-politiki implimentati minn awtoritajiet lokali kompetenti fil-qasam tas-saħħa fir-Renju Unit jikkorroboraw il-fatt li huwa possibbli li l-perindopril jiġi ssostitwit b’IEK oħra mill-perspettiva terapewtika. Huma jipproduċu, insostenn tal-argument tagħhom, diversi annessi relatati mal-politika implimentata mill-PCT.

1459 F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni ssostni, minn naħa waħda, li l-anness C 29 relatat mal-PCT tal-Iskozja u tal-Irlanda ta’ Fuq prodott mir‑rikorrenti għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli u, min-naħa l‑oħra, li l-użu mir-rikorrenti tal-annessi kollha A 286, A 287 u C 29 relatati mal‑politiki implimentati mill-awtoritajiet lokali tar-Renju Unit japplika b’mod żbaljat l-Artikolu 21 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 76 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali.

1460 Skont l-Artikolu 85(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-partijiet prinċipali jistgħu jipproduċu jew jipproponu provi ġodda insostenn tal-argumenti tagħhom anki fir-replika u fil-kontroreplika, bil-kundizzjoni li jiġġustifikaw għaliex dawn il-provi ġew prodotti jew proposti tard. Madankollu, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-prova kuntrarja u l‑elaborazzjoni tal-provi mressqa wara li titressaq prova kuntrarja mill‑korrispettiv fir-risposta tagħha ma jaqgħux taħt ir-regola ta’ dekadenza prevista mill-imsemmija dispożizzjoni. Fil-fatt, din id‑dispożizzjoni tikkonċerna l-offerti ta’ produzzjoni ta’ provi ġodda u għandha tinqara fid-dawl tal-Artikolu 92(7) tal-imsemmija regoli, li jipprevedi espressament li l-prova kuntrarja u l-elaborazzjoni tal-provi mressqa jibqgħu riżervati (sentenzi tas-17 ta’ Diċembru 1998, Baustahlgewebe vs Il-Kummissjoni, C‑185/95 P, EU:C:1998:608, punti 71 u 72, u tal‑5 ta’ Diċembru 2006, Westfalen Gassen Nederland vs Il‑Kummissjoni, T‑303/02, EU:T:2006:374, punt 189).

1461 F’dan il-każ, il-provi relatati mal-PCT tal-Iskozja u tal-Irlanda ta’ Fuq ippreżentati mir-rikorrenti fl-anness C 29 ma jistgħux jiġu ddikjarati inammissibbli minħabba li allegatament ġew prodotti fir-replika bi ksur tal‑Artikolu 85(2) tar-Regoli tal-Proċedura. Fil-fatt, kif jindikaw ir‑rikorrenti fil-punt 417 tar-replika, l-elementi mressqa fl-anness C 29 jirrispondu l-kritika li tinsab fir-risposta tal-Kummissjoni dwar in-natura individwali u dwar l-impatt sempliċement teoretiku tal-politiki implimentati mill-PCT. Għalhekk, ir-regola ta’ dekadenza prevista fl‑Artikolu 85(2) tar-Regoli tal-Proċedura ma hijiex applikabbli fir‑rigward tagħhom, b’tali mod li l-provi inkwistjoni huma ammissibbli.

1462 Fir-rigward sussegwentement tal-użu tal-annessi A 286 u A 287, annessi mar-rikors ippreżentat fil-21 ta’ Settembru 2014 u relatati mar‑rakkomandazzjonijiet u mal-politiki implimenti mill-awtoritajiet lokali fir-Renju Unit, għandu jiġi kkonstatat li l-użu tagħhom huwa konformi mal-Artikolu 21 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 44(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali tat-2 ta’ Mejju 1991, applikabbli dakinhar. Bl-istess mod, l-użu tal‑anness C 29, anness mar-replika ppreżentata fid-29 ta’ Lulju 2015 u relatata mad-dokumenti li ġejjin mill-PCT tal-Iskozja u tal-Irlanda ta’ Fuq, huwa konformi mal-Artikolu 21 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 76 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali. Skont ġurisprudenza stabbilita, sabiex rikors ikun ammissibbli, huwa meħtieġ li l-elementi essenzjali ta’ fatt u ta’ dritt li fuqhom ikun ibbażat jirriżultaw, minn tal-inqas fil-qosor iżda b’mod koerenti u li jinftiehem, mit-test tar-rikors stess. Din l-interpretazzjoni tal-Artikolu 21 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u tal-Artikolu 44(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali tat-2 ta’ Mejju 1991 tapplika wkoll għall-kundizzjonijiet ta’ ammissibbiltà tar-replika, li hija intiża li tikkompleta r-rikors (sentenza tas-17 ta’ Settembru 2007, Microsoft vs Il-Kummissjoni, T‑201/04, EU:T:2007:289, punti 94 u 95 u l‑ġurisprudenza ċċitata). F’dan il-każ, anki jekk l-annessi A 286, A 287 u C 29 huma voluminużi u fihom diversi dokumenti, ir-rikorrenti jindikaw fir-rikors, imbagħad fir-replika, l-argumenti ta’ fatt u ta’ dritt li jinvokaw. Ir-rikorrenti jsostnu, bil-produzzjoni ta’ dawn l-annessi li jinkludu dokumenti li ġejjin mill-PCT tar-Renju Unit, inkluż tal-Iskozja u tal‑Irlanda ta’ Fuq, l-argument tagħhom li huwa intiż sabiex juri li l-PCT iddeċidew dwar l-ekwivalenza terapewtika bejn il-perindopril u l-IEK l‑oħra, inkoraġġixxew lit-tobba ġeneralisti sabiex jissostitwixxu l‑perindopril b’IEK oħra u li dawn il-politiki, li ma għandhomx natura individwali, kellhom impatt reali fuq id-domanda fuq il-livell lokali.

1463 Il-Kummissjoni għalhekk ma hijiex korretta li ssostni li l-annessi A 286, A 287 u C 29 prodotti mir-rikorrenti għandhom jitwarbbu mid-dibattitu.

1464 Mill-bqija, mid-dokumenti tal-proċess, b’mod partikolari mill‑premessa 2280 tad-deċiżjoni kkontestata, jirriżulta li ċerti PCT ikkunsidraw espressament, b’effett mis-sena 2005, li l-perindopril ma kienx iktar effikaċi minn IEK ieħor u rrakkomandaw, għal raġunijiet ta’ spejjeż, l-użu ta’ IEK oħra minbarra l-perindopril, u saħansitra s-sostituzzjoni ta’ IEK ieħor minflok il-perindopril, b’mod partikolari l-lisinopril jew ir‑ramipril. Il-Kummissjoni kienet żbaljata li sostniet li d-dokumenti relatati mal-PCT prodotti mir-rikorrenti jirrilevaw kunsiderazzjonijiet u riflessjonijiet individwali. Fil-fatt, dawn il-politiki implimentati minn awtoritajiet kompetenti, li barra minn hekk jirriżultaw minn numru mhux żgħir ta’ PCT li jinsabu f’diversi reġjuni tar-Renju Unit, ma għandhomx jiġu kkunsidrati bħala sempliċi riflessjonijiet individwali. Ikunu xi jkunu l-effetti konkreti tal-inizjattivi tal-PCT, l-evalwazzjoni ta’ dawn l‑entitajiet fuq il-possibbiltà li jissostitwixxu l-IEK l-oħra minflok il‑perindopril għandha t-tendenza li tikkontradixxi l-analiżi tal‑Kummissjoni dwar l-eteroġeneità tal-klassi tal-IEK.

1465 Konsegwentement, il-politiki implimentati minn awtoritajiet lokali kompetenti fil-qasam tas-saħħa fir-Renju Unit jikkorroboraw il-fatt li l‑perindopril ma huwiex differenti mill-IEK l-oħra mill-perspettiva terapewtika.

1466 Fis-sitt lok, il-Kummissjoni siltet argument, b’mod żbaljat, mid‑dokumenti interni ta’ Servier sabiex tistabbilixxi l-eżistenza ta’ kwalitajiet terapewtiċi partikolari tal-perindopril meta mqabbel mal-IEK l-oħra.

1467 Preliminarjament, għandu jitfakkar li, skont ir-regoli ġeneralment applikabbli fil-qasam tal-prova, il-kredibbiltà u, għalhekk, il-valur probatorju ta’ dokumenti jiddependu mill-oriġini tiegħu, miċ-ċirkustanzi tar-redazzjoni tiegħu, mid-destinatarju tiegħu u min-natura irraġunata u affidabbli tal-kontenut tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-24 ta’ Ottubru 1991, Atochem vs Il-Kummissjoni, T‑/89, EU:T:1991:58, punti 31 sa 38, u tal-11 ta’ Marzu 1999, Ensidesa vs Il‑Kummissjoni, T‑157/94, EU:T:1999:54, punt 312; konklużjonijiet tal‑Imħallef Vesterdorf bħala Avukat Ġenerali fil-Kawża Rhône-Poulenc vs Il-Kummissjoni, T‑1/89, EU:T:1991:38).

1468 F’dan il-każ, id-dokumenti interni ta’ Servier, inkwantu fihom evalwazzjonijiet dwar l-użu terapewtiku tal-IEK intiżi sabiex jiżguraw il‑promozzjoni tal-perindopril, ma jikkostitwixxux, b’differenza għar‑rakkomandazzjonijiet mediċi, sommarju bbilanċjat tal-għarfien xjentifiku. Lanqas ma huma bbażati, kuntrarjament għall-istudji mediċi, fuq metodoloġija intiża sabiex tiżgura l-affidabbiltà tar-riżultati miksuba. L-estratti ta’ dawn id-dokumenti interni għandhom għalhekk jiġu analizzati billi jiġi kkunsidrat li kienu jsegwu, għal uħud minnhom, għan promozzjonali.

1469 Mid-dokumenti ta’ strateġija interna jirriżulta li Servier ippreżenta l‑karatteristiċi tal-perindopril b’mod favorevoli fil-kuntest tal-messaġġi promozzjonali intiżi għat-tobba. Id-dokumenti li jiġbru fil-qosor ir-reklamar ta’ Servier jenfasizzaw ir-riżultati pożittivi tal-perindopril u jsemmu wkoll, billi jibbażaw ruħhom fuq l-istudji mediċi, mod ta’ azzjoni uniku, jiġifieri l-possibbiltà li ssir distinzjoni pożittiva bejn il-perindopril u l-kompetituri tiegħu, u saħansitra superjorità tal-perindopril fir-rigward ta’ IEK oħra f’oqsma bħar-ratio ta’ varjazzjoni tal-konċentrazzjoni plasmika tiegħu, l-effikaċja għat-tnaqqis tal-pressjoni arterjali, is‑sinerġija ta’ assoċjazzjoni ma’ dijuretiku jew il-protezzjoni kardjovaskulari.

1470 Madankollu, kif intqal preċedentement, il-kontenut ta’ dawn il-messaġġi għandu jiġi analizzat fid-dawl tal-għan promozzjonali tagħhom. F’dan ir‑rigward, għandu jiġi rrilevat, qabel xejn, li l-Kummissjoni ma tikkontestax id-dikjarazzjoni tar-rikorrenti li l-IEK jippreżentaw ruħhom kollha bħala li huma l-aħjar fil-kuntest tal-messaġġi promozzjonali rispettivi tagħhom. Barra minn hekk, id-dokumenti ta’ strateġija interna ta’ Servier, kif ukoll il-pjani ta’ direzzjoni, il-pjani ta’ tnedija u l‑messaġġi promozzjonali ta’ IEK oħra li jinsabu fil-proċess, juru li l‑kampanji promozzjonali ta’ IEK oħra, bħal dawk tar-ramipril, tal‑lisinopril jew tat-trandolapril, ukoll ifaħħru ferm il-karatteristiċi terapewtiċi ta’ dawn il-prodotti mediċinali. Il-kampanji promozzjonali tal-IEK l-oħra ħafna drabi jiddeskrivu l-prodott mediku tagħhom bħala prodott ewlieni, prodott mediku uniku fost l-IEK u jikklassifikawh bħala prodott ta’ riferiment jew tal-aħjar għażla. Dawn il-kampanji ta’ komunikazzjoni jenfasizzaw il-vantaġġi allegati tal-prodott mediku inkwistjoni fi ħdan il-klassi tal-IEK, f’termini ta’ indikazzjonijiet, ta’ effikaċja jew ta’ toleranza. Xi drabi jinkludu paraguni diretti mal-perindopril u jinvokaw, għal uħud minn fosthom, superjorità tal-prodott mediċinali meta mqabbel mal-perindopril. F’dawn iċ-ċirkukstanzi, il-kontenut tal-messaġġi li huwa intiż sabiex jippromwovi l-perindopril li jinsab fid-dokumenti ta’ strateġija interna ta’ Servier ma jippemettix li jiġi kkunsidrat li dan il-prodott mediku jiddistingwi ruħu minn IEK oħra fuq il-livell terapewtiku.

1471 Barra minn hekk, id-dokumenti ta’ strateġija interna ta’ Servier, ikkunsidrati flimkien, ma jurux superjorità terapewtika tal-perindopril fuq l-IEK l-oħra. Minn dawn id-dokumenti jirriżulta li IEK oħra, bħar‑ramipril, il-lisinopril u l-enalapril, għandhom vantaġġi f’termini ta’ provi ta’ indikazzjonijiet u ta’ effikaċja, bis-saħħa ta’ studji bħal TRACE, AIRE jew HOPE. B’mod partikolari, ir-ramipril jissemma bħala prodott mediċinali li għalih jeżistu provi ta’ effikaċja fil-qasam tal-insuffiċjenza kardijaka f’pazjenti b’riskju għoli kardjovaskulari u f’pazjenti dijabetiċi.

1472 Finalment, il-Kummissjoni tesponi, b’mod partikolari fil-premessi 2224 sa 2236 tad-deċiżjoni kkontestata, li, skont id-dokumenti interni ta’ Servier, il-kampanji promozzjonali kellhom b’mod partikolari bħala għan il jiddistingwu bejn il-perindopril mill-IEK l-oħra. Madankollu, minn dawn l-istess dokumenti jirriżulta li l-kampanji ta’ komunikazzjoni ma ppermettewx biżżejjed, mill-perspettiva tat-tobba, li ssir distinzjoni bejn il-perindopril u IEC oħra. Dawn id-dokumenti jsemmu pereżempju studju kwalitattiv li sar f’Lulju 2007 ma’ tobba ġeneralisti u kardjoloġisti li jipprevedi li l-perindopril u r-ramipril kienu meqjusa simili. Il-pjan ta’ direzzjoni tas-snin 2009-2010 jenfasizza, fi tmiem il-perijodu eżaminat, in‑nuqqas ta’ differenza fir-rigward tar-ramipril. Fir-rigward tal-Pajjiżi l‑Baxxi, il-pjanijiet ta’ direzzjoni 2006-2007, 2007-2008 u 2008-2009 jindikaw li ħafna tobba ġeneralisti kienu jikkunsidraw l-lisinopril bħala ekwivalenti għall-perindopril.

1473 Konsegwentement, id-dokumenti interni ta’ Servier ma jurux li l‑perindopril kien rikonoxxut għal kwalitajiet terapewtiċi partikolari li jiddistingwuh minn IEK oħra. Jekk l-impriża ppruvat, bħal impriżi oħra li jikkummerċjalizzaw l-IEK, li tippromwovi u tiddistingwi b’mod pożittiv il-perindopril permezz ta’ komunikazzjoni ta’ tifħir, din l‑istrateġija ma ppermettietx, skont dawn l-istess dokumenti, li l‑perindopril jiġi distint b’mod suffiċjenti mill-IEK l-oħra.

1474 Fis-seba’ lok, il-Kummissjoni bbażat l-evalwazzjoni tagħha tas‑sostitwibbiltà terapewtika tal-perindopril fuq kwestjonarju li sar ma’ dawk li jippreskrivu.

1475 Sabiex tistabbilixxi d-destinatarji tal-kwestjonarji, il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq lista ta’ dawk li jippreskrivu l-perindopril pprovduta minn Servier u li kellha tinkludi, b’mod partikolari, il-kardjoloġisti u t-tobba ġeneralisti kollha li magħhom Servier kellu relazzjoni professjonali u kummerċjali. Jekk uħud minn dawn il-listi kien fihom kważi dawk li jippreskrivu kollha, dan ma kienx il-każ tal-lista ta’ tobba ġeneralisti Franċiżi u tar-Renju Unit. F’dawn iċ-ċirkustanzi, kif isostni Servier, kien hemm preferenza ta’ għażla li tirrigwarda dawn iż-żewġ kategoriji ta’ destinatarji. Għandu jiġi kkonstatat li din il-preferenza jista’ jkun li kellha effett fuq ir-riżultati tal-kwestjonarju għal dawn iż-żewġ kategoriji, inkwantu huwa possibbli li xi tobba li għandhom relazzjoni professjonali ma’ Servier ikunu ppreferew, iktar minn dawk li jippreskrivu oħrajn li ma humiex f’din is-sitwazzjoni, il-preskrizzjoni tal-perindopril fil-kuntest tal-prattika professjonali tagħhom.

1476 Barra minn hekk, il-preżentazzjoni ta’ ċerti riżultati tal-kwestjonarju ma tikkorrispondix mad-domandi magħmula lit-tobba li jippreskrivu. B’hekk, il-Kummissjoni ppreżentat, fil‑premessa 2392 tad-deċiżjoni kkontestata, il-perċentwali ta’ dawk li rrispondew li għalihom il‑perindopril kien trattament tal-ewwel jew tat-tieni preferenza għall‑pressjoni arterjali għolja essenzjali (primarja), għall-mard tal-qalb iskemiku kroniku u għall-insuffiċjenza kardijaka. Issa, ir‑rikorrenti jenfasizzaw, mingħajr ma ġew ikkontestati li l-kwestjonarju fih innifsu ma jsemmi l-ebda trattament “favorit”, iżda jsaqsi d-domanda dwar għal liema pataloġiji kardjovaskulari l-perindopril huwa preskritt bħala “trattament tal-ewwel/tieni preferenza meta mqabbel ma’ trattamenti oħra”. Risposta pożittiva għal din id-domanda ma timplikax li l-perindopril huwa preskritt bi preferenza meta mqabbel ma’ IEK oħra u ma tippermettix li jkun magħruf f’liema proporzjon il-perindopril huwa preskritt bħala trattament tal-ewwel għażla għall-pressjoni għolja arterjali. Bl-istess mod, risposta pożittiva għad-domandi dwar l-effikaċja partikolari tal‑perindopril fuq ċerti kategoriji ta’ pazjenti u l-effetti sekondarji tiegħu iktar rari fi ħdan ċerti kategoriji ta’ pazjenti mhux neċessarjament jimplikaw, fid-dawl tal-formulazzjoni tad-domandi, li l-perindopril kien differenti mill-IEK l-oħra, skont it-tabib li jippreskrivi.

1477 Mill-bqija, mir-riżultati ta’ dan il-kwestjonarju jirriżulta li, għal 51 % ta’ dawk li rrispondew, kien hemm, għal 81 sa 100 % tal-pazjenti li kienu bdew jieħdu trattament tal-perindopril, prodott mediku ekwivalenti. Minn dan jiġi dedott li, għal maġġoranza ta’ tobba interrogati, kien possibbli, mill‑perspettiva terapewtika, li l-perindopril jiġi ssostitwit bi prodott mediku ieħor, u dan għall-parti l-kbira tal-pazjenti li kienu se jibdew trattament. Barra minn hekk, il-Kummissjoni rrikonoxxiet, fil‑premessa 2454 tad-deċiżjoni kkontestata, li maġġoranza ta’ dawk li rrispondew kienet tikkunsidra prodotti mediċinali oħra bħala alternattivi terapewtiċi ekwivalenti għall-perindopril. Il-Kummissjoni tindika wkoll li dawk li jippratikaw il-professjoni medika ħafna darbi kienu jindikaw bħala alternattiva r-ramipril fi Franza, fil-Polonja u fir‑Renju Unit u l-enalapril u l-lisinopril fil-Pajjiżi l-Baxxi.

1478 Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-kwestjonarju magħmul mill-Kummissjoni ma jikkorroborax l-argument li kien hemm distinzjoni bejn il-perindopril u l-IEK l-oħra.

1479 Fit-tmien lok, mir-risposti għall-mistoqsijiet magħmula mill‑Kummissjoni lill-produtturi ta’ IEK oħra, analizzati fil-premessi 2255 et seq. tad‑deċiżjoni kkontestata, jirriżulta li AstraZeneca, fabbrikant tal‑lisinopril, kienet tikkunsidra l-perindopril minn fost ħames IEK oħra bħala sostitut tal‑lisinopril tagħha sad-data tal-iskadenza tal-privattiva tagħha. Bl-istess mod, Merck Sharp & Dohme (MSD), li tipproduċi l-enalapril u l‑lisinopril, iddikjarat li Servier kienet waħda mill-impriżi li kienet tikkompeti magħha fil-qasam tal-pressjoni għolja u li l-prodott tiegħu, il‑perindopril, huwa wieħed mit-trattamenti li jista’ jintuża bħala trattament alternattiv għat-trattamenti kontra l-pressjoni għolja tagħha. Barra minn hekk, jekk Sanofi-Aventis tikkunsidra, kif semmiet il-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, li l-perindopril u r‑ramipril ma humiex “sostituti ta’ xulxin”, dan huwa fir-rigward, minn naħa waħda, tal-popolazzjoni ħafna iktar sinjifikattiva li tista’ tibbenefika mir-ramipril fid-dawl tal-indikazzjonijiet iktar wiesa’ tiegħu fil-qasam tat-tnaqqis tal-mewt għal raġunijiet kardjovaskulari u, min-naħa l-oħra, tal‑firxa ta’ dożi tal-bidu iktar wiesgħa tar-ramipril. Jekk dawn l-elementi, meqjusa stabbiliti, jistgħu jillimitaw il-possibbilitajiet li l-perindopril jissostitwixxi r-ramipril, ma humiex, fi kwalunkwe każ, ta’ natura li jillimitaw il-possibbilitajiet li r-ramipril jissostitwixxi l‑perindopril. Għalhekk ma jipprekludux il-fatt li r-ramipril jista’ jiġi kkunsidrat bħala prodott sostitwibbli għall-perindopril fuq il-livell terapewtiku.

1480 Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li r-risposti tal-produtturi ta’ verżjonijiet tal-bidu għall-mistoqsijiet magħmula mill-Kummissjoni jikkonfermaw li l-IEK l-oħra jistgħu jissostitwixxu, fuq il-livell terapewtiku, il-perindopril.

1481 Fid-dawl tad-dokumenti kollha tal-proċess, għandu jiġi konkluż li ma hemmx differenza sinjifikattiva bejn il-perindopril u l-IEK l-oħra fuq il‑livell terapewtiku, inkluż f’termini ta’ effikaċja u ta’ effetti sekondarji. Fil-proċess ma hemmx prova xjentifika oġġettiva ta’ superjorità tal‑perindopril meta mqabbel mal-IEK l-oħra. L-IEK huma ħafna drabi meqjusa bħala sostitwibbli bejniethom minn dawk li jippreskrivu u jeżistu numru ta’ prodotti mediċi oħra kkunsidrati mit-tobba bħala prodotti ekwivalenti terapewtiċi għall-perindopril. Konsegwentement, il‑Kummissjoni kienet żbaljata meta kkunsidrat li l-klassi tal-IEK kienet eteroġenja u li l-perindopril kien jippreżenta karatteristiċi terapewtiċi partikolari fi ħdan din il-klassi ta’ prodotti mediċinali.

1482 Għalhekk hemm lok li jintlaqa’ l-argument tar-rikorrenti li l‑Kummissjoni kkommettiet żball fl-analiżi tas-sostitwibbiltà terapewtika tal-IEK.

ii)    Fuq il-fenomenu ta’ “inerzja” tat-tobba fir-rigward ta’ pazjenti ġodda

1483 Mill-premessi 2388, 2511 et seq, u 2539 et seq. tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni kkunsidrat il-perindopril bħala prodott mediċinali b’“esperjenza tajba” suġġett għal pressjoni kompetittiva ristretta fuq il-pazjenti ġodda, minħabba l-fenomenu magħruf sew ta’ “inerzja” tat-tobba. Fil-fatt, anki jekk it-tobba għandhom aċċess għal diversi terapiji, huma għandhom tendenza naturali li jippreskrivu lill‑pazjenti ġodda prodotti mediċinali li fil-passat urew li kienu effikaċi.

1484 Skont il-Kummissjoni, il-perindopril kien ġabar, minn qabel il-perijodu eżaminat, bażi qawwija ta’ pazjenti li jużawh b’mod kontinwu. Il‑fenomenu ta’ “inerzja” tat-tobba, li jillimita s-sostitwibbiltà bejn it‑terapiji disponibbli, ikkostitwixxa mekkaniżmu li jippermetti li tiġi kkonsolidata l-bażi ta’ klijenti tal-perindopril. L-eżistenza ta’ grupp dejjem jiżdied ta’ dawk li jippreskrivu leali fost it-tobba jispjega ż-żieda kontinwa tal-bażi ta’ pazjenti ttrattati bil-perindopril.

1485 Ir-rikorrenti jikkontestaw din l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni billi jsostnu, essenzjalment, li l-kompetizzjoni kienet ħajja bejn il-produtturi ta’ IEK fir-rigward ta’ pazjenti ġodda u li ma kienx hemm “inerzja” sinjifikattiva tat-tobba, iżda sempliċement nuqqas ta’ sensibbiltà ta’ dawk li jippreskrivu għall-prezzijiet.

1486 Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li l-fenomenu ta’ “inerzja” tat‑tobba, li l-Kummissjoni tiddefinixxi bħala t-tendenza “naturali” li tippreskrivi lill-pazjenti ġodda prodotti mediċinali li taw riżultati tajbin fuq pazjenti ta’ qabel hija, kif tirrileva l-Kummissjoni stess fil‑premessa 2540 tad-deċiżjoni kkontestata, element li jista’ jvarja maż‑żmien u jiddependi mit-tip ta’ patoloġija. Din hija kwistjoni empirika li tirrikjedi eżami b’attenzjoni li jsir każ b’każ.

1487 Kif iddeċidiet il-Qorti Ġenerali fil-kawża li wasslet għas-sentenza tal‑1 ta’ Lulju 2010, AstraZeneca vs Il-Kummissjoni (T‑321/05, EU:T:2010:266), l-“inerzja” li tikkaratterizza l-prattiki ta’ preskrizzjoni tista’, b’mod partikolari, issib l-oriġini tagħha fil-prudenza li normalment tikkaratterizza l-attitudni tat-tobba li jkunu għadhom ma jafux sewwa il-proprjetajiet ta’ prodott ġdid u, b’mod iktar partikolari, fit-tħassib kbir tagħhom fir-rigward tal-effetti sekondarji eventwali ta’ dan il-prodott, pereżempju ta’ effetti karċinoġeni possibbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑1 ta’ Lulju 2010, AstraZeneca vs Il-Kummissjoni, T‑321/05, EU:T:2010:266, punti 91, 92 u 98).

1488 Għalhekk, fiċ-ċirkustanzi tal-każ, għandu jiġi evalwat safejn il-fenomenu ta’ “inerzja” tat-tobba seta’ jillimita s-sostitwibbiltà tat-terapiji disponibbli u jispjega l-evoluzzjoni tal-bażi ta’ pazjenti ttrattati bil‑perindopril, deskritta bħala li dejjem tikber mill-Kummissjoni.

1489 Fl-ewwel lok, mid-dokumenti tal-proċess ma jirriżultax, kif intqal preċedentement, li l-IEK kienu eteroġenji fuq il-livell terapewtiku. Għall‑kuntrarju, ma hemmx differenza sinjifikattiva bejn il‑perindopril u l-IEK l-oħra fuq il-livell terapewtiku, inkluż f’termini ta’ effikaċja u ta’ effetti sekondarji. Fin-nuqqas ta’ eteroġenjità tal-klassi tal‑IEK, l-ebda element ma kien jillimita konsegwentement il-libertà li t‑tobba kellhom biex jippreskrivu IEK oħra minflok il-perindopril. Id‑dokumenti tal-proċess b’mod partikolari ma jissuġġerixxux li l-IEK l‑oħra kienu jikkawżaw xi tħassib partikolari dwar l-eventwali effetti sekondarji tagħhom. F’dawn iċ-ċirkustanzi, f’dan il-każ ma hemmx tħassib partikolari dwar l-użu terapewtiku jew dwar eventwali effetti sekondarji ta’ IEK li setgħu jikkawżaw grad għoli ta’ “inerzja” tat-tobba li kellhom diġà l-okkażjoni li jippreskrivu l-perindopril, meta dawn it‑tobba kienu jagħżlu li jippreskrivu IEK wieħed jew ieħor għal pazjenti ġodda.

1490 Għandu jiġi enfasizzat li s-sitwazzjoni tal-perindopril fir-rigward tal-IEK l-oħra hija differenti minn dik tal-IPP fir-rigward tal-anti-H2 fil-kawża li wasslet għas-sentenza tal-1 ta’ Lulju 2010, AstraZeneca vs Il‑Kummissjoni (T‑321/05, EU:T:2010:266). Fil-fatt, f’din il-kawża, l‑IPP u l-anti-H2 kienu suġġetti għal użu ddifferenzjat, peress li l-IPP kienu essenzjalment preskritti għat-trattament tal-forom severi ta’ kundizzjonijiet gastrointestinali marbuta mal-iperaċidità u l-anti-H2 kienu preskritti għat-trattament tal-forom inqas severi jew tal-forom leġġeri tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-1 ta’ Lulju 2010, AstraZeneca vs Il-Kummissjoni, T‑321/05, EU:T:2010:266, punt 72). L‑anti-H2 ma setgħux jeżerċitaw restrizzjoni kompetttiva sinjifikattiva fuq l-IPP, fid-dawl b’mod partikolari tal-importanza mogħtija mit-tobba u l-pazjenti għas-superjorità terapewtika tal-IPP (ara, f’dan is-sens, is‑sentenza tas-6 ta’ Diċembru 2012, AstraZeneca vs Il-Kummissjoni, C‑457/10 P, EU:C:2012:770, punt 58). F’dan il-każ, ma ġiet murija l‑ebda superjorità terapewtika tal-perindopril meta mqabbla mal-IEK l-oħra li tista’ tipprekludi l-eżerċizzju ta’ pressjoni kompetittiva sinjifikattiva tal-IEK fil-konfront tal-perindopril fir-rigward tal-pazjenti ġodda.

1491 Barra minn hekk, il-perindopril ġie mniedi wara diversi IEK oħra, b’mod partikolari wara l-lisinopril u l-enalapril fis-swieq ta’ Franza, tal-Pajjiżi l-Baxxi u tar-Renju Unit, u wara l-enalapril fis-suq tal-Polonja. Għalhekk, il-perindopril ma setax jibbenefika, meta mqabbel mal-IEK mqiegħda fis-suq qablu, minn fenomenu ta’ “inerzja” marbut mal‑prudenza li normalment tikkaratterizza l-attitudni tat-tobba fir‑rigward ta’ prodott ġdid li jkunu għadhom ma jafux il‑proprjetajiet tiegħu tajjeb biżżejjed.

1492 B’hekk, mid-dokumenti tal-proċess ma jirriżultax li l-perindopril seta’ jibbenefika, meta mqabbel mal-IEK l-oħra, minn grad partikolari ta’ “inerzja” tal-prattiki ta’ preskrizzjoni tat-tobba fir-rigward tal‑proprjetajiet terapewtiċi tal-IEK u tad-data ta’ tqegħid fis-suq ta’ dan il-prodott mediku.

1493 Fit-tieni lok, il-motiv tad-deċiżjoni kkontestata li jipprevedi li l‑perindopril kien ġabar, minn qabel il-perijodu eżaminat, bażi qawwija ta’ pazjenti li kellhom trattament kontinwu għandu jiġi kkwalifikat.

1494 Mid-dokumenti tal-proċess jirriżulta li, f’Jannar 2000, il-perindopril kellu, fil-pajjiżi kollha kkonċernati, bażi ta’ pazjenti ħafna inqas mill-IEK l-oħra bħar-ramipril, l-enalapril jew il-lisinopril. F’termini ta’ bejgħ ta’ pilloli u ta’ kapsuli, il-perindopril kien fir-raba’ post fir-Renju Unit, wara l-lisinopril, l-enalapril u r-ramipril, b’volum ta’ bejgħ ta’ iktar minn tliet darbiet inqas minn dak tal-lisinopril, fit-tielet post fil-Pajjiżi l-Baxxi, wara l-enalapril u l-lisinopril, b’volum ta’ bejgħ ta’ iktar minn għaxar darbiet inqas minn dak tal-enalapril, fit-tieni post fi Franza, wara r‑ramipril, u fit-tieni post fil-Polonja, wara l-enalapril, b’volum ta’ bejgħ ta’ kważi sitt darbiet inqas minn dak tal-enalapril.

1495 F’dawn iċ-ċirkustanzi, anki jekk jiġi preżunt li kien hemm mekkaniżmu ta’ “inerzja” fil-prattiki ta’ preskrizzjoni tat-tobba, tali fenomenu ma setgħax jibbenefika b’mod partikolari lill-perindopril fir-rigward tal‑importanza relattiva tal-bażi ta’ pazjenti tiegħu fi trattament kontinwu meta mqabbla ma’ dik ta’ IEK oħra li kellhom pożizzjoni iktar b’saħħitha f’termini ta’ volumi ta’ bejgħ.

1496 Fit-tielet lok, il-konstatazzjoni mid-deċiżjoni kkontestata taż-żieda kontinwa tal-bażi ta’ pazjenti ttrattati bil-perindopril u, b’mod iktar ġenerali, il-konstatazzjoni tas-suċċess kummerċjali tal-perindopril għandhom jiġu kkwalifikati wkoll fir-rigward tas-sitwazzjoni tal‑IEK l‑oħra.

1497 Fost l-IEK, mid-dokumeni tal-proċess jirriżulta li l-perindopril ma huwiex prodott mediku tal-klassi tal-IEK li kellu l-ikbar suċċess matul il‑perijodu inkwistjoni. Jekk id-deċiżjoni kkontestata tindika, fil‑premessa 2129, li l-bejgħ globali ta’ prodotti li kien fihom perindopril ta’ Servier laħaq iktar minn EUR 800 miljun waqt l-aħħar sena, l-ebda ordni ta’ kobor ta’ ċifri ta’ dħul mill-bejgħ globali magħmul mill-produtturi l-oħra ta’ IEK ma tinsab fl‑imsemmija deċiżjoni. F’dan ir-rigward, waqt is-seduta r‑rikorrenti indikaw, mingħajr ma ġew ikkontestati, li l-perindopril, fiż‑żmien tal-fatti, kien fil-143 pożizzjoni fuq livell globali ta’ molekuli l-iktar mibjugħa fid-dinja, filwaqt li, pereżempju, ir-ramipril ta’ Sanofi‑Aventis kien fit-72 pożizzjoni globali. Preżenti fuq ċerti swieq nazzjonali, il-perindopril huwa kważi assenti mis-swieq tant importanti bħas-suq Ġermaniż, li fuqu l-perindopril fiż-żmien tal-fatti kien jirrapreżenta inqas minn 1 % tal-bejgħ ta’ prodotti mediċinali tal‑klassi tal-IEK. Ir-ramipril kien jikkostitwixxi, kif isostnu r-rikorrenti, il‑prodott ewlieni fost il-prodotti mediċinali tal-klassi tal-IEK matul il‑perijodu inkwistjoni.

1498 Fir-raba’ swieq ġeografiċi nazzjonali magħżula mill-Kummissjoni, mid-dokumenti tal-proċess jirriżulta li l-perindopril ta’ Servier, minkejja ż-żieda fil-bejgħ tiegħu, qatt ma sab ruħu f’pożizzjoni ewlenija fost l-IEK f’termini ta’ bejgħ ta’ pilloli u ta’ kapsuli, matul il-perijodu ta’ prattiki msemmija mid-deċiżjoni kkontestata. Skont l-informazzjoni ta’ bejgħ ta’ pilloli u ta’ kapsuli li tinsab fid‑deċiżjoni kkontestata, il-perindopril kien jinsab fit-tielet pożizzjoni fil-Pajjiżi l-Baxxi (f’Novembru 2007) u fir‑Renju Unit (f’Ġunju 2007), fit-tieni post fi Franza (f’Awwissu 2008) u fil-Polonja (f’Mejju 2006), b’volumi ta’ bejgħ, f’kull suq nazzjonali minbarra ta’ Franza, ferm ’il bogħod minn dawk tal-prodott ewlieni.

1499 F’termini ta’ żieda, jekk il-bejgħ tal-perindopril kellu, fl-erba’ swieq nazzjonali kkunsidrati flimkien, żieda matul il-perijodu kkonċernat, l‑istess ġara fil-każ tal-IEK l-oħra, bħar-ramipril u l-lisinopril. Fir‑rigward tal-informazzjoni dwar il-bejgħ ta’ pilloli u ta’ kapsuli li tinsab fid-deċiżjoni kkontestata, għandu jiġi kkunsidrat li ż-żieda fil‑bejgħ tal-lisinopril seħħet matul is-snin 2000, filwaqt li ż-żieda fil‑bejgħ tar-ramipril kienet nettament superjuri għal dik tal-bejgħ tal‑perindopril f’dan il-perijodu.

1500 Fid-dawl tal-evoluzzjoni tal-bejgħ tal-IEK l-oħra, l-importanza tal‑fenomenu ta’ żieda kontinwa ta’ bejgħ tal-perindopril imsemmi fid‑deċiżjoni kkontestata għandha tiġi kkwalifikata.

1501 Fir-raba’ lok, il-varjazzjonijiet sinjifikattivi tal-bejgħ relattiv tal-IEK matul is-snin 2000 jikkontestaw l-eżistenza ta’ grad għoli ta’ “inerzja” fil-prattiki ta’ preskrizzjoni tal-IEK mit-tobba.

1502 Qabel xejn, mir-rapport ta’ CRA, ordnat minn Servier u datat Jannar 2013, jirriżulta li l-bejgħ relattiv tal-IEK kien suġġett ta’ varjazzjonijiet sinjifikattivi bejn l-2001 u l-2010, filwaqt li l‑pożizzjonijiet rispettivi tal-prodotti mediċinali inbidlu b’mod kontrastanti. Pereżempju, bejn l-2001 u l-2010, is-sehem tal-bejgħ tal‑perindopril mill-bejgħ totali ta’ IEC, espress f’dożi speċifikati ta’ kuljum, ma żdiedx wisq fir-Renju Unit (baqa’ bejn 5 u 10 %), filwaqt li dak tar-ramipril kważi rdoppja (minn sehem ta’ bejn 30 u 40 % għadda għal sehem ta’ bejn 60 u 70 %), u dak tal-lisinopril naqas ħafna. Fil-Polonja, matul l-istess perijodu, il-perindopril ra s-sehem tiegħu ta’ bejgħ jonqos bil-qawwa (minn sehem ta’ bejn 15 u 20 % għadda għal sehem ta’ bejn 10 u 15 %), filwaqt li r-ramipril ra żieda kunsiderevoli (minn sehem ta’ bejn 0 u 5 % għadda għal sehem ta’ bejn 60 u 70 %). Fil-Pajjiżi l-Baxxi, il-perindopril u r-ramipril ftit żiedu, bis-sehem tal-bejgħ ta’ kull wieħed minn dawn iż-żewġ prodotti jistabbilixxi ruħu f’livell ta’ bejn 10 u 20 % fl-2010, filwaqt li l‑enalapril baqa’ jirrapreżenta bejn 40 u 50 % tal-ishma tal-bejgħ f’din id‑data. Fi Franza, il-lisinopril naqas ħafna (minn sehem ta’ bejgħ ta’ bejn 30 u 40 % fl-2001 għadda għal sehem ta’ bejn 5 u 10 % fl-2010), filwaqt li s-sehem tal-bejgħ tal-perindopril ra żieda sostanzjali (minn sehem ta’ bejn 10 u 15 % għadda għal sehem ta’ bejn 20 u 30 %), iżda madankollu inqas sinjifikattiva minn dik tar-ramipril (li żdied minn sehem ta’ bejn 20 u 30 % għal sehem ta’ bejn 50 u 60 %).

1503 Il-Kummissjoni ssostni li l-kalkolu tas-sehem ta’ bejgħ ta’ kull IEK fil‑bejgħ totali ta’ din il-klassi ta’ prodotti mediċinali huwa inkorrett, inkwantu dan il-kalkolu huwa bbażat fuq il-bejgħ espress f’dożi speċifiċi ta’ kuljum, li jwassal għal stima ikbar tal-iżvilupp tal-bejgħ tal-IEK l-oħra, b’mod partikolari tar-ramipril.

1504 F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni, hija stess, analizzat prinċiparjament il-volumi tal-bejgħ tal-IEK billi użat id-dożi speċifikati ta’ kuljum u għalhekk ma tistax tikkunsidra a priori li tali kalkolu ma huwiex rilevanti sabiex tiġi analizzata l-evoluzzjoni tal-bejgħ tal-IEK fuq perijodu ta’ żmien, mingħajr ma tikkontestax l-analiżi tagħha stess. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma tagħti l-ebda analiżi alternattiva tal‑evoluzzjoni tal-bejgħ relatat mad-diversi IEK ibbażata fuq informazzjoni li hija iktar dgħajfa. Barra minn hekk, jekk il‑Kummissjoni tindika li dan il-mod ta’ kalkolu jwassal sabiex tkabbar il‑valur tal-bejgħ tar-ramipril b’fattur ta’ tnejn jew iktar, hija ma tressaq l-ebda spjegazzjoni insostenn tal-argument li dan il-mod ta’ kalkolu jwassal ukoll għal stima ikbar tas-sehem tal-bejgħ tal-IEK l-oħra minbarra r-ramipril. Finalment, fi kwalunkwe każ, mill‑informazzjoni limitata ta’ bejgħ ta’ IEK espressa f’termini ta’ pilloli u ta’ kapsuli li tinsab fid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li, f’kull pajjiż li dwaru saret analiżi fid-deċiżjoni kkontestata, kien hemm bidliet sinjifikattivi, li l‑eżistenza tagħhom ma ġietx ikkontestata mill-Kummissjoni, li seħħew fil‑pożizzjonijiet rispettivi tad-diversi IEK bejn Jannar 2000 u s-snin 2006 sa 2008.

1505 Barra minn hekk, il-Kummissjoni tesponi, minn naħa waħda, li l-paragun bejn l-ishma tas-suq tal-IEK huwa bbażat fuq il-premessa ta’ suq kompost mill-IEK kollha filwaqt li d-delimitazzjoni tas-suq hija intiża preċiżament sabiex tiddelimita s-suq rilevanti u, min-naħa l-oħra, li l-analiżi ma tippermettix li jiġi ddikjarat direttament li ż-żieda fil-bejgħ tar-ramipril saret a spejjeż tal-bejgħ tal-perindopril.

1506 Madankollu, jekk huwa korrett li l-kalkolu tal-ishma tas-suq tal‑perindopril jeħtieġ id-delimitazzjoni minn qabel tas-suq u li, konsegwentement, il-kunċett ta’ ishma tas-suq tad-diversi IEK ma jistax jintuża f’dan il-każ, l-analiżi tal-evoluzzjoni tal-bejgħ relatat mal‑IEK, li ma tippresupponix, min-naħa tagħha, l-eżistenza ta’ suq tal‑IEK, ma hijiex irrilevanti għall-finijiet tad-delimitazzjoni tas-suq rilevanti.

1507 Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma jsostnux li l-varjazzjonijiet tal-bejgħ relatati mal-IEK jippermettu li jiġi ddikjarat b’mod dirett li l-perindopril huwa suġġett għall-pressjoni kompetittiva tal-IEK l-oħra. Huma jsostnu li l-varjazzjonijiet fil-bejgħ relatati tal-IEK fi ħdan l-istess pajjiż ma jikkorrobarawx l-eżistenza ta’ livell qawwi ta’ “inerzja” tat-tobba fil‑prattiki ta’ preskrizzjoni ta’ IEK. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni ma tagħti l-ebda spjegazzjoni dwar il-kompatibbiltà bejn il-mekkaniżmu ta’ “inerzja” tat-tobba li hija enfasizzat fid-deċiżjoni kkontestata u l-bidliet fil-perijodu partikolari tal-bejgħ relatat mal-IEK. F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkunsidrat, kif korrettament isostnu r-rikorrenti, li l-bidliet sinjifikattivi fil-bejgħ relatat mal-IEK matul il-perijodu eżaminat għandhom it-tendenza li jikkontestaw l-importanza tal-mekkaniżmu allegat ta’ “inerzja” tat-tobba fil-prattiki tagħhom ta’ preskrizzjoni tal‑IEK.

1508 Fil-ħames lok, id-dokumenti tal-proċess, b’mod partikolari l-istudju Thalès, ordnat minn Servier fil-kuntest tal-pjanifikazzjoni strateġika tiegħu, il‑kwestjonarju magħmul mill-Kummissjoni ma’ dawk li jippreskrivu u r-risposti tal-produtturi tal-IEC għall-mistoqsijiet tal-Kummissjoni ma jistabbilixxux l-eżistenza ta’ livell ta’ “inerzja” sinjifikattiv fl-aġir tat‑tobba fil-prattiki tagħhom ta’ preskrizzjoni tal-perindopril.

1509 L-istudju Thalès, magħmul minn Diċembru 2003 sa Frar 2004, jirrigwarda l-evoluzzjoni tal-profil ta’ preskrizzjoni tal-perindopril mit‑tobba ġeneralisti Franċiżi. Dan l-istudju jikklassifika lil dawk li jippreskrivu l-perindopril fi tliet kategoriji: “dawk li jippreskrivu ħafna”, b’iktar minn għaxar preskrizzjonijiet, “dawk li jippreskrivu b’mod medju”, b’bejn sitta sa għaxar preskrizzjonijiet, u “dawk li jippreskrivu ftit”, b’bejn preskrizzjoni waħda sa ħamsa, kull tliet xhur. L-istudju janalizza l-evoluzzjoni tat-tipoloġija ta’ dawk li jippreskrivu bejn il‑perijodu ta’ April sa Ġunju 2003 (T 0) u l-perijodu minn Diċembru 2003 sa Frar 2004 (T 2). Il-Kummissjoni tirrileva, insostenn tad-dikjarazzjoni tagħha tal-eżistenza ta’ grupp dejjem jiżdied ta’ dawk li jippreskrivu “leali” għall-perindopril, li bejn 80 sa 90 % ta’ “dawk li jippreskrivu ħafna”, 50 sa 60 % ta’ “dawk li jippreskrivu b’mod medju” u 60 sa 70 % ta’ “dawk li jippreskrivu ftit” f’T 0 baqgħu jappartjenu wkoll għall-kategorija f’T 2.

1510 Dawn l-iżviluppi ma jurux livell qawwi ta’ “inerzja” tat-tobba fil‑preskrizzjoni tal-perindopril, peress li, minn naħa waħda, huma kkonstatati fuq perijodu ta’ żmien limitat għal tmien sa għaxar xhur u li, min-naħa l-oħra, il-proporzjon ta’ tobba li bidlu l-kategorija huwa sinjifikattiv fuq dan il-perijodu limitat fiż-żmien. Barra minn hekk, għandu jiġi indikat, li l-istudju Thalès li fuqu bbażat ruħha l-Kummissjoni jikklassifika t-tobba ġeneralisti f’erba’ gruppi ta’ tobba, dawk “leali”, dawk “li jabbandunaw”, “klijenti ġodda” jew “okkażjonali”, skont l-iżvilupp tal‑abitudnijiet tagħhom ta’ preskrizzjoni bejn il-perijodu T 0 u T 2. L‑istudju jindika li l‑proporzjon ta’ tobba ġeneralisti “leali”, “li jabbandunaw”, “klijenti ġodda” jew “okkażjonali” jilħaq 30 sa 40 %, 5 sa 10 %, 10 sa 15 % u 40 sa 50 % rispettivament mit-tobba ġeneralisti kollha. Mill-istudju Thalès b’hekk jirriżulta li l-proporzjon ta’ tobba ġeneralisti “leali” huwa minoritarju u inqas mill-proporzjoni ta’ tobba ġeneralisti “okkażjonali”. Ir-riżultati tal-istudju Thalès, li barra minn hekk huwa limitat biss għat-tobba ġeneralisti Franċiżi, għalhekk ma jistabbilixxux l-importanza tal-mekkaniżmu ta’ “inerzja” tat-tobba fir‑rigward tal-preskrizzjoni tal-perindopril u l-proporzjon għoli ta’ tobba li jippreskrivu li huma “leali” għall-perindopril.

1511 Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma tikkontestax id-dikjarazzjoni tar‑rikorrenti li 52 % tat-tobba mistoqsija fil-kuntest tal-kwestjonarju magħmul mill-Kummissjoni lil dawk li jippreskrivu l-perindopril irrispondew li huma kienu jippreskrivu iktar prodotti mediċinali alternattivi għall-perindopril. Issa, il-fatt li maġġoranza ta’ tobba jippreskrivu iktar il-prodotti mediċinali alternattivi għall-perindopril milli dan il-prodott mediċinali għandu t-tendenza li jikkontesta wkoll l‑eżistenza ta’ mekkaniżmu ta’ “inerzja” li minnu allegatament jibbenefika b’mod partikolari l-perindopril.

1512 Finalment, mir-risposti tat-tliet produtturi ta’ IEK interrogati mill‑Kummissjoni jirriżulta li dawn jikkunsidraw lill-perindopril bħala kompetitur tal-prodott mediċinali tagħhom. B’mod partikolari, Sanofi‑Aventis, fir-risposta tagħha lill-Kummissjoni, tikkunsidra espressament li l-perindopril huwa l-ewwel kompetitur tagħha fil-Pajjiżi l-Baxxi, fil‑Polonja u, mill-2001, fi Franza, u t-tieni kompetitur fir-Renju Unit. L-ebda element fir-risposti tal-produtturi ta’ verżjonijiet tal-bidu ta’ IEK interrogati ma jistabbilixxi li l-pressjoni kompetittiva bejn l-IEK kienet limitata minn fenomenu sinjifikattiv ta’ “inerzja” tat-tobba fir‑rigward ta’ pazjenti ġodda.

1513 Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi konkluż li l‑Kummissjoni ma stabbilixxietx fenomenu ta’ “inerzja” tat-tobba u l‑eżistenza ta’ grupp dejjem jiżdied ta’ dawk li jippreskrivu “leali” għall‑perindopril kienu illimitaw b’mod sinjifikattiv il-pressjoni kompetittiva eżerċitata fuq il-perindopril mill-IEK l-oħra għall-pazjenti ġodda.

iii) Fuq it-tendenza għall-bdil tal-pazjenti fi trattament kontinwu

1514 Il-Kummissjoni kkunsidrat, b’mod partikolari fil-premessi 2496 sa 2510 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-pazjenti fi trattament kontinwu tal-perindopril ftit setgħu jgħaddu għal prodotti mediċinali alternattivi ladarba jkunu adottaw il-perindopril. Fid-dawl tan-natura ta’ “esperjenza tajba” tal-perindopril, Servier kien jibbenefika minn vantaġġ fuq livell informattiv fis-sens li l-pazjenti fi trattament kontinwu kienu jafu iktar fuq dan il-prodott milli fuq it-trattamenti l-oħra li kienu għadhom ma ġewx ippruvati.

1515 Minħabba l-eteroġenjità bejn il-prodotti mediċinali tal-klassi tal-IEK, li tista’ tiġi marbuta ma’ differenzi ta’ effikaċja u ta’ toleranza fil-livell individwali, għandu jiġi kkunsidrat, skont il-Kummissjoni, li ftit hemm ċans li sseħħ bidla ta’ terapija bejn prodotti mediċinali tal-istess klassi terapewtika. Fil-fatt, din il-bidla ta’ terapija tista’ tkun assoċjata ma’ spejjeż li jirriżultaw minn konsultazzjonijiet mediċi supplimentari u riskji potenzjalment gravi ħafna marbuta ma’ effetti sekondarji li jista’ jkun hemm kif ukoll ma’ kontroll mhux ottimali tal-pressjoni arterjali.

1516 In-natura improbabbli ta’ bidla fit-trattament mill-pazjenti li kellhom trattament kontinwu li kien jissodisfa l-bżonnijiet tagħhom hija kkorroborata b’mod partikolari, skont il-Kummissjoni, minn serje ta’ studji lonġitudinali, mir-riżultati tal-kwestjonarju li sar ma’ dawk li jippreskrivu u mir-risposta ta’ Sanofi-Aventis għall-kwestjonarju tal‑Kummissjoni li l-bidliet bejn ir-ramipril u l-perindopril kienu limitati ferm. Il-Kummissjoni ssostni li l-perijodu medju ta’ trattament tal‑perindopril jista’ jiġi stmat bħala li jkopri minn seba’ sa tmien snin u li r-rata ta’ “lealtà” ta’ 90 % ikkwantifikata permezz tat-tiġdid ta’ preskrizzjoni tal-perindopril tikkonferma l-effetti ta’ esklużjoni tal-bażi tal‑pazjenti ttrattati bil-perindopril.

1517 Ir-rikorrenti jsostnu, filwaqt li jressqu numru ta’ provi quddiem il-Qorti Ġenerali, li l-Kummissjoni ssottovalutat it-tendenza għal bidliet tal‑pazjenti fi trattament kontinwu.

1518 Fl-ewwel lok, għandu jiġi rrilevat li l-analiżi tal-Kummissjoni dwar l‑iskedi ta’ trasferiment ta’ pazjenti fi trattament kontinwu hija bbażata fuq l-eteroġenjità tal-prodotti mediċinali li jappartjenu għall-klassi tal‑IEK. Mill-motivi tad-deċiżjoni kkontestata, b’mod partikolari mill‑premessi 2496 u 2499, jirriżulta li l-Kummissjoni bbażat ruħha fuq l-eteroġenjità tal-klassi tal-IEK fil-kuntest tal-analiżi tagħha tal-iskedi ta’ trasferiment bejn il-perindopril u l-prodotti mediċinali l-oħra ta’ kontra l-pressjoni għolja. Kien fir-rigward tal-allegata eteroġenjità tal-prodotti mediċinali tal-klassi tal-IEK li l-Kummissjoni kkunsidrat li l-bdil ta’ terapija bejn prodotti mediċinali tal-istess klassi terapewtika seta’ jiġi assoċjat ma’ riskji potenzjalment gravi ferm li jakkumpanjaw il-bdil ta’ trattament.

1519 Issa, kif intqal preċedentement, il-Kummissjoni ma urietx in-natura eteroġenja tal-prodotti mediċinali li jappartjenu għall-klassi tal-IEK. Għall-kuntrarju, ma hemm l-ebda differenza sinjifikattiva bejn il‑perindopril u l-IEK l-oħra fuq il-livell terapewtiku, inkluż f’termini ta’ effikaċja u ta’ effetti sekondarji. B’mod partikolari, mid-dokumenti tal‑proċess ma jirriżultax li l-IE l-oħra kienu jqajmu f’dawk li jippreskrivu xi biżgħat partikolari relatati mal-effetti sekondarji tagħhom jew dwar l-effikaċja inqas tagħhom. Minn dan jirriżulta li, fin-nuqqas ta’ eteroġenjità tal-IEK mill-perspettiva tat-tobba, l-analiżi tal-Kummissjoni dwar ir-rabta tal-bidla tat-trattament bejn prodotti mediċinali tal-istess klassi ma’ riskji potenzjalment gravi ferm hija kkontestata. Fin-nuqqas ta’ differenzi ta’ effikaċja u ta’ toleranza bejn IEK, ma huwiex stabbilit li l-bidla ta’ trattament bejn IEK twassal għal biżgħat partikolari min-naħa tat-tobba.

1520 Fit-tieni lok, il-Kummissjoni bbażat l-evalwazzjoni tagħha tat-tendenza dgħajfa għal bdil ta’ pazjenti li huma ttrattati bil-perindopril fuq studji lonġitudinali ppreparati minn Thalès. Dawn l-istudji janalizzaw l‑abitudnijiet ta’ preskrizzjoni ta’ tobba ġeneralisti bejn Lulju 2005 u Ġunju 2006 fi Franza u fir-Renju Unit. Skont dawn l-istudji, iktar minn 90 % tal-preskrizzjonijiet tal-perindopril jikkorrispondu għal tiġdid. Minn dan il-Kummissjoni tiddeduċi l-eżistenza ta’ rata ta’ “lealtà” għall‑perindopril għolja ħafna ta’ 90 %. Hija tikkunsidra li l-fatt li tiġi analizzata t-tendenza għall-bidla ta’ pazjenti abbażi tan-numru ta’ preskrizzjonijiet maħruġa jirrifletti aħjar in-natura tat-talba tal-perindopril milli kieku tkun ibbażata fuq in-numru ta’ pazjenti.

1521 Madankollu, il-proporzjon ta’ preskrizzjonijiet ta’ tiġdid fin-numru totali ta’ preskrizzjonijiet jagħti biss informazzjoni parzjali dwar it-tendenza għall-bidla tal-pazjenti ttrattati bil-perindopril. Fil-fatt, ir-rata ta’ preskrizzjonijiet ta’ tiġdid tiddependi b’mod partikolari mill-frekwenza tal-viżiti tal-pazjenti fil-klinika tat-tobba, li tista’ tvarja b’mod sinjifikativ, u li barra minn hekk ma tissemmiex fid-deċiżjoni kkontestata. Barra minn hekk, in-numru ta’ preskrizzjonijiet ta’ tiġdid meta mqabbel man-numru totali ta’ preskrizzjonijiet ma jikkalkolax ir-rata ta’ lealtà tal-pazjenti, fir-rigward tas-sehem tal-pazjenti ttrattati bil-perindopril fil-perijodu N li baqgħu ttrattati bil-perindopril fil-perijodu N + 1.

1522 F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-istudji Thalès ma humiex biżżejjed sabiex tinftiehem il-lealtà lejn il-peridropil tal-pazjenti li bdew trattament b’dan il-prodott mediċinali.

1523 Fit-tielet lok, l-istudji Cegedim u IMS Health jagħtu informazzjoni, fir-rigward ta’ Franza u tar-Renju Unit, dwar it-tendenza ta’ pazjenti ttrattati bil-perindopril sabiex jibdlu t-trattament matul perijodu ta’ ħames snin.

1524 L-istudju Cegedim, iddatat Ottubru 2012 u prodott minn Servier fil-qafas tal-osservazzjonijiet tagħha bħala risposta għad-dikjarazzjoni tal‑oġġezzjonijiet, janalizza, fuq perijodu ta’ ħames snin, il-persistenza tal-pazjenti taħt il-perindopril mat-tobba ġeneralisti fi Franza. L-analiżi tirrigwarda l-pazjenti ttrattati bil-perindopril li kkonsultaw l-istess tabib ġeneralista matul perijodu ta’ ħames snin. Minn dan jirriżulta li 20 sa 30 % tal-pazjenti li jibdew trattament bil-perindopril iwaqqfu t‑trattament f’terminu ta’ sitt xhur u li, fost il-pazjenti li jibqgħu bil‑perindopril għal iktar minn sitt xhur, bejn 30 sa 40 % huma ttrasferiti lejn prodotti mediċinali oħra ta’ kontra l-pressjoni għolja u ma jibqgħux jieħdu dan it-trattament wara ħames snin. Fost it-trasferimenti lejn prodotti mediċinali oħra ta’ kontra l-pressjoni għolja magħmula wara sitt xhur, it‑trasferimenti jkunu l-iktar lejn trattament li jinkludu sartans, filwaqt li madwar 40 % tal-pazjenti huma ttrasferiti lejn trattament li jinkludi IEK ieħor użat waħdu jew assoċjat. Finalment, iktar minn 50 % tal-pazjenti li jibdew trattament bil-perindopril ma jibqgħux jirċievu trattament b’dan il-prodott mediċinali wara ħames snin. Minn dan jirriżulta li, fir-rigward ta’ pazjenti segwiti b’mod regolari mill-istess tabib ġeneralista Franċiż, il-bidliet ta’ trattament ta’ pazjenti li jibdew trattament bil-perindopril huma sinjifikattivi fuq perijodu ta’ ħames snin. Mill-istudju Cegedim jirriżulta wkoll li, fis-sena 2005, il-flussi ta’ pazjenti li jidħlu u joħorġu (jiġifieri, rispettivament, proporzjon ta’ 30 sa 40 % u ta’ 15 sa 20 %) jirrapreżentaw nofs il-pazjenti ttrattati bil-Coversyl.

1525 L-istudju IMS Health, datat Diċembru 2013 u prodott minn Servier, janalizza l-preskrizzjonijiet ta’ ramipril, ta’ lisinopril u ta’ perindopril matul il-perijodu ta’ bejn l-2003 u l-2008, fir-rigward tal-pazjenti segwiti mit-tobba ġeneralisti fir-Renju Unit.

1526 Il-Kummissjoni topponi li l-istudju IMS Health jista’ jiġi kkunsidrat mill‑Qorti Ġenerali, inkwantu dan l-istudju ġie kkomunikat mir-rikorrenti lill-Kummissjoni tardivament fil-proċedura amministrattiva. Madankollu, kif tfakkar fil-punt 1373 hawn fuq, il-Qorti Ġenerali tiżgura stħarriġ fid-dettall tal-legalità filwaqt li tikkunsidra l-elementi kollha sottomessi mir-rikorrenti, kemm jekk dawn ikunu qabel jew wara d‑deċiżjoni meħuda, safejn dawn l-aħħar elementi huma rilevanti għall‑istħarriġ tal-legalità tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni. F’dan il-każ, l‑istudju IMS Health ta’ Diċembru 2013, imressaq minn Servier lill‑Kummissjoni matul il-proċedura amministrativa, bħala risposta għall‑espożizzjoni tal-fatti tat-18 ta’ Diċembru 2013, jissodisfa l‑argument tal-Kummissjoni li l-pazjenti ttrattati bil-perindopril ftit għandhom tendenza li jibdlu t-trattament. Għalhekk ma għandux jiġi kkunsidrat li dan l-istudju jikkostitwixxi element tardiv li ma jistax jiġi kkunsidrat fl-istadju tal-istħarriġ tal-legalità tad-deċiżjoni kkontestata.

1527 Fir-rigward tal-kredibbiltà tal-istudju, il-Kummissjoni ma tistax tiċħad l‑istudju IMS Health minħabba l-fatt li dan kien sar “apposta” għar‑rikorrenti. Il-fatt li r-rikorrenti kienu talbu huma stess lil IMS Health sabiex tipproduċi dan l-istudju mhux neċessarjament jaffettwa l-valur probatorju tiegħu, b’mod partikolari peress li hu ma ġiex stabbilit abbażi ta’ informazzjoni mogħtija mir-rikorrenti stess. Fil-fatt, kif il-Qorti Ġenerali diġà ddeċidiet (sentenza tat-3 ta’ Marzu 2011, Siemens vs Il‑Kummissjoni, T‑110/07, EU:T:2011:68, punt 137), analiżi ma għandhiex kredibbiltà u, għalhekk, valur probatorju li jmur lil hinn minn dak ta’ sempliċi dikjarazzjoni kkonċernata tar-rikorrenti meta hija stabbilita fuq informazzjoni li ġiet ipprovduta mir-rikorrenti, mingħajr ma l-eżattezza u r-rilevanza ta’ din id-data jkunu ġew suġġetti għal xi verifika indipendenti. F’dan il-każ, l-istudju ordnat minn Servier huwa bbażat fuq informazzjoni li ġejja minn terzi, IMS Health, li fir-rigward tagħha l‑Kummissjoni ma kkontestatx, kif jirriżulta b’mod partikolari min-nota ta’ qiegħ il-paġna nru 2843 tad-deċiżjoni kkontestata, li hija kienet istituzzjoni ta’ riferiment fil-provvista ta’ data fis-settur farmaċewtiku. Il‑Kummissjoni nnifisha bbażat ruħha, diversi drabi, fuq id-data IMS Health, fil-kuntest tad-delimitazzjoni tas-suq rilevanti.

1528 Barra minn hekk, il-fatt li l-ordni tal-istudju ma ġietx ipprovduta lill-Kummissjoni u li l-Kummissjoni ma setgħetx tirriproduċi b’mod komplet ir-riżultati tiegħu ma humiex biżżejjed sabiex jikkontestaw, fiċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ, il-kredibbiltà tal-istudju. Fil-fatt, Servier ta, fir-risposta tiegħu għall-kwestjonarju tal-Kummissjoni tas-17 ta’ Frar 2014, deskrizzjoni sostanzjata tal-istruzzjonijiet mogħtija lil IMS Health. Din tal-aħħar iddeskriviet, fl-istudju, il-metodoloġija, is-suppożizzjonijiet u d‑definizzjonijiet użati u tat id-data mhux ipproċessata kif ukoll l‑algoritmu li ppermetta r-replika tal-istudju. Jekk huwa veru li IMS Health ma tatx it-tab relatata mal-pazjenti ġodda, għandu jiġi rrilevat li l‑Kummissjoni ma ġibditx l-attenzjoni ta’ Servier, wara li ntbagħtu l‑algoritmu u l-bażi ta’ data, dwar l-eżistenza ta’ ostakolu ta’ metodoloġija li jista’ jippreġudika l-kredibbiltà tal-istudju. Barra minn hekk, fl-istudju, IMS Health semmiet li l-pazjenti ġodda kienu jikkorrispondu ma’ dawk li ma rċevewx il-prodott mediċinali inkwistjoni fl-aħħar tnax-il xahar qabel din il-preskrizzjoni u indikat, f’ittra tal‑1 ta’ Settembru 2014, li Servier ma kienx involut fl-analiżi tal‑istudju, li dan kien sar minn IMS Health bl-użu tal-metodoloġija u d‑definizzjonijiet deskritti fl-istudju, li t-tab ta’ pazjenti ġodda kien jikkorrispondi għal definizzjoni standard użata fi studji simili u li d-data li fuqha ġiet ibbażata l-bażi ta’ pazjenti ġodda kienet ibbażata fuq bażi ta’ data li użat rapporti integrali aċċessibbli minn post tax-xogħol tal-impriża jew meta klijent ikun irreġistra ma’ din il-bażi ta’ data. F’dawn iċ‑ċirkustanzi, fid-dawl b’mod partikolari tal-ispjegazzjonijiet suffiċjenti mogħtija minn Servier u IMS Health, il-Kummissjoni ma hijiex korretta li ssostni li l-istudju IMS Health ma jistax jiġi aċċettat bħala prova affidabbli.

1529 L-istudju IMS Health juri, fir-rigward tal-pazjenti segwiti mit-tobba ġeneralisti Ingliżi matul is-snin 2003 sa 2008, li, f’sena partikolari, il‑pazjenti ġodda fuq il-perindopril jirrappreżentaw terz mit-total tal‑pazjenti li kienu jsegwu dan it-trattament. Huwa juri wkoll li s‑sostituzzjonijiet li jikkonċernaw il-perindopril jitwettqu essenzjalment favur klassijiet oħra ta’ prodotti mediċinali kontra l-pressjoni għolja, iżda wkoll favur IEK oħra. Huwa jindika li, fost il-pazjenti li jibdew trattament bil-perindopril, il‑perijodu ta’ trattament medju, li jeskludi l-interuzzjonijiet ta’ trattament, huwa inqas minn sitt xhur sa sitt xhur għal 24 % tal-pazjenti, inqas minn tliet snin għal 57 % tal-pazjenti u inqas minn ħames snin għal 76 % minn fosthom.

1530 Il-Kummissjoni tikkunsidra li l-proċess ta’ trasferiment huwa rigressiv, jiġifieri li l-pazjenti kienu inqas u inqas suxxettibbli li jabbandunaw il‑perindopril biż-żieda fil-perijodu ta’ trattament. Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li, skont l-istudju Cegedim, it-telf nett ta’ pazjenti trattati bil-perindopril matul ir-raba’ u l-ħames snin ta’ trattament huwa ta’ kważi 5 % kull sena għall-pazjenti segwiti minn tobba ġeneralisti Ingliżi li l-perijodu medju ta’ trattament tagħhom, li jeskludi l-interruzzjonijiet ta’ trattament, huwa ta’ bejn tliet u erba’ snin , min-naħa waħda, u erba’ u ħames snin, min-naħa l-oħra, huwa ta’ 12 % u 7 % rispettivament. Konsegwentement, mid-dokumenti tal-proċess jirriżulta li s-sehem tal‑pazjenti li jista’ jwaqqaf it-trattament tagħhom bil-perindopril matul ir-raba’ u l-ħames sena ta’ trattament bil-perindopril huwa sinjifikattiv.

1531 B’hekk, mill-istudji Cegedim u IMS Health jirriżulta li l-pazjenti ttrattati bil-perindopril u segwiti minn tobba ġeneralisti ta’ Franza u tar-Renju Unit matul il-perijodu eżaminat kellhom tul medju ta’ trattament ta’ inqas minn ħames snin. Huma kienu jibdlu t-trattament f’proporzjonijiet sinjifikattivi matul l-ewwel is-sitt xhur ta’ trattament, iżda anki matul il-ħames snin wara l-bidu tat-trattament.

1532 Fir-raba’ lok, id-dokumenti relatati mal-PCT jikkorroboraw l-eżistenza, fir-rigward tar-Renju Unit, ta’ bidliet ta’ trattament ta’ pazjenti ttrattati bil-perindopril lejn IEK oħra.

1533 B’hekk kif intqal preċedentement, ċertu numru ta’ PCT kienu jikkunsidraw, mis-sena 2005, li l-perindopril ma kienx iktar effikaċi minn IEK ieħor u kienu jirrakkomandaw l-użu ta’ IEK oħra minbarra l‑perindopril, jiġifieri s-sostituzzjoni ta’ IEK ieħor għall-perindopril. Dawn il-politiki, li xi drabi ħadu l-forma ta’ linji gwida, ta’ formularji jew ta’ mudelli ta’ ittri li għandhom jiġu indirizzati lill-pazjenti sabiex jibdlu t-trattament tal-perindopril bir-ramipril jew bil-lisinopril huma sinjifikattivi, fid-dawl tan-numru ta’ PCT ikkonċernati u tal-fatt li dawn il-PCT kienu jappartjenu għal reġjuni differenti tar-Renju Unit.

1534 Mid-dokumenti tal-proċess jirriżulta li dawn il-politiki, identifikati bħala theddid mid-dokumenti ta’ strateġija interna ta’ Servier sa mis-sena 2005, kellhom effett negattiv reali fuq il-bejgħ tal-perindopril fil-livell lokali. Huwa minnu li, kif enfasizzat il-Kummissjoni, ma huwiex muri li l‑politiki implimentati mill-PCT kellhom impatt negattiv fuq livell nazzjonali. Jekk l-iskeda li tinsab fil-premessa 2286 tad-deċiżjoni kkontestata turi kważi staġnar ta’ bejgħ tal-perindopril espress f’dożi ddefiniti ta’ kuljum minn  Settembru 2006, id-dokumenti tal-proċess ma jippermettux li tiġi stabbilita li teżisti rabta ta’ kawżalità bejn ir‑rakkomandazzjonijiet tal-PCT u l-evoluzzjoni tal-bejgħ relatat mal‑perindopril u mal-IEK l-oħra fil-livell tar-Renju Unit kollu. Dawn ir‑rakkomandazzjonijiet madankollu ma humiex irrilevanti, inkwantu juru konkretament il-possibilitajiet ta’ trasferiment bejn IEK f’wieħed mis-swieq ġeografiċi użati mill-Kummissjoni fl-analiżi tagħha.

1535 Il-Kummissjoni ma għandhiex tallega li l-argument tar-rikorrenti li jinvoka li l-politiki implimentati mill-PCT jikkontradixxu d‑dikjarazzjoni tagħhom li l-fattur prezz għandu rwol limitat fir‑relazzjonijiet bejn id-diversi IEK. Fil-fatt, kif jirriżulta mill‑kunsiderazzjonijiet żviluppati fil-punti 1380 sa 1404 hawn fuq, is‑settur farmaċewtiku huwa settur “mhux [...] normali” li l-partikolaritajiet tiegħu jirrikjedu li s-suq jiġi ddefinit permezz ta’ approċċ fondat fuq diversi kriterji, b’mod partikolari l-użu terapewtiku tal-prodotti. F’dan il-każ, il‑politiki tal-PCT ma jikkontestawx din il-konstatazzjoni. Jekk dawn il‑politiki jikkorraboraw is-sostitwibbiltà terapewtika bejn IEK u l‑possibilitajiet ta’ bidliet ta’ trattament għall-pazjenti ttrattati bil‑perindopril, minn dan ma jirriżultax li l-fattur prezz għandu rwol determinanti fl-analiżi tal-pressjonijiet kompetittivi bejn dawn il-prodotti mediċinali.

1536 Fil-ħames lok, il-Kummissjoni tikkunsidra, filwaqt li tibbaża ruħha b’mod partikolari fuq ir-riżultati tal-kwestjonarju magħmul ma’ dawk li jippreskrivu, li l-bidliet ta’ trattament ta’ pazjenti ttrattati bil-perindopril huma ftit li xejn probabbli meta l-pazjenti huma ttrattati “b’suċċess” bil‑perindopril.

1537 Madankollu, ir-riżultati tal-kwestjonarju ma’ dawk li jippreskrivu organizzat mill-Kummissjoni, li juru li l-maġġoranza l-kbira ta’ tobba (76 %) qiesu li l-pazjenti ttrattati “b’suċċess” matul il-perijodu inizjali u li għalihom dan it-trattament ma nbidilx probabbilment kienu se jkomplu t-trattament bil-perindopril għal iktar minn ħames snin, ma jikkontestawx il-konstatazzjonijiet tal-istudji Cegedim u IMS Health relatati mal‑perijodu medju ta’ trattament u mal-bidliet ta’ pazjenti ttrattati bil‑perindopril. Fil-fatt, il-mistoqsija magħmula lil dawk li jippreskrivu hija bbażata fuq stima tal-probabbiltà li t-trattament bil-perindopril ikompli u mhux fuq stima tal-proporzjon reali ta’ pazjenti li jkomplu t‑trattament lil hinn mill-ħames snin. Barra minn hekk, il-mistoqsija magħmula lil dawk li jippreskrivu tirrigwarda biss il-pazjenti ttrattati “b’suċċess” u li għalihom it-trattament ma nbidilx, filwaqt li l-istudji Cegedim u IMS Health jagħtu informazzjoni dwar il-perijodu medju ta’ trattament ta’ pazjenti ttrattati bil-perindopril u dwar il-bidliet ta’ trattament kollha li saru, tkun xi tkun l-evalwazzjoni mogħtija mit-tobba fuq ir-riżultati tat-trattament bil-perindopril. Finalment, anki fir-rigward ta’ pazjenti ttrattati “b’suċċess” bil-perindopril u li għalihom dan it-trattament ma nbidilx, huma biss minoranza tat-tobba interrogati li jqisu li dawn il-pazjenti probabbilment kienu se jkomplu t-trattament bil‑perindopril għal iktar minn għaxar snin.

1538 Jekk il-pazjenti ttrattati bil-perindopril “b’suċċess” għandhom naturalment inqas tendenza li jibdlu t-trattament minn dawk li ma jaqgħux f’din il-kategorija, il-konstatazzjonijiet tal-istudji Cegedim u IMS Health jibqgħu rilevanti sabiex jiġi evalwat, fuq il-pjan kwantitattiv, sa fejn il-pazjenti li jibdew trattament jibqgħu “leali” għall-perindopril fuq perijodu ta’ ħames snin. Dawn l-istudji juru l-eżistenza ta’ bidliet ta’ trattament sinjifikattivi li jikkontestaw id-dikjarazzjonijiet magħmula mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata dwar l-effetti ta’ esklużjoni tal-bażi ta’ pazjenti ttrattati bil-perindopril.

1539 Fis-sitt lok, il-Kummissjoni tibbaża ruħha, fid-deċiżjoni kkontestata, fuq il-fatt li Sanofi-Aventis indikat, fir-risposta għall-kwestjonarju tagħha, li l-bidliet ta’ trattament bejn ir-ramipril u l-perindopril kienu limitati ferm u li ż-żewġ prodotti kienu jibbażaw iż-żieda tagħhom fuq il-pazjenti l-ġodda li kienu qed jibdew it-trattament. Madankollu, minbarra li din id‑dikjarazzjoni tirrigwarda biss is-suq Franċiż, Sanofi-Aventis fir‑risposta tagħha tesponi, kif intqal preċedentement, li l-popolazzjoni ta’ pazjenti li jistgħu jiġu ttrattati bir-ramipril kienet ikbar minn dak tal‑perindopril u li l-firxa ta’ dożi tar-ramipril kienet wiesgħa iktar minn dik tal-perindopril sal-2007, u dawn huma elementi li iktar jistgħu jillimitaw it-trasferimenti ta’ pazjenti mir-ramipril lejn il-perindopril milli bil‑kontra. Barra minn hekk, Sanofi-Aventis ma ddikjaratx ruħha dwar il‑bidliet ta’ trattamenti fil-Pajjiżi l-Baxxi u fir-Renju Unit u indikat, fir‑rigward tas-suq Pollakk, li hija kienet tikkunsidra l-perindopril bħala prodott li a spejjeż tiegħu r-ramiprimil kien kiseb xi pazjenti. Minn dan isegwi li r-risposti ta’ Sanofi-Aventis għall-kwestjonarju tal‑Kummissjoni ma jikkontestawx id-daqs tal-bidliet ta’ trattament għall-pazjenti ttrattati bil-perindopril.

1540 Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-Kummissjoni ssottovalutat it-tendenza għall-bidliet tal-pazjenti ttrattati bil-perindopril, billi bbażat ruħha, fost l-oħrajn, fuq l-ipoteżi żbaljata tal-eteroġenjità tal‑prodotti mediċinali tal-klassi tal-IEK. Mid-dokumenti tal-proċess jirriżulta li l-bidliet ta’ trattament ta’ pazjenti li jibdew trattament bil‑perindopril huma sinjifikattivi fuq perijodu ta’ ħames snin, li jikkontesta l-perijodu medju ta’ trattament evalwat mill-Kummissjoni u l-importanza tal-effetti ta’ esklużjoni tal-bażi tal-pazjenti.

iv)    Fuq l-isforzi ta’ reklamar

1541 Fil-premessi 2515 sa 2521 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkunsidrat li r-reklamar seta’ jestendi l-grad ta’ kompetizzjoni jekk, bis-saħħa tiegħu, il-komunità medika kienet informata b’alternattivi terapewtiċi addizzjonali, b’mod partikolari l-prodotti ġodda u l‑indikazzjonijiet sinjifikattivi ġodda għall-prodotti eżistenti. Madankollu hija kkunsidrat li, f’dan il-każ, il-kompetizzjoni fil-livell tar-reklamar ma għandhiex tiġi kkunsidrata bħala sors ta’ pressjoni kompetittiva sinjifikattiva mill-perspettiva tar-relazzjoni bejn il‑perindopril u l‑kompetituri potenzjali tiegħu, safejn kull sforz ġdid ta’ reklamar, għal prodotti mediċinali li kienu mibjugħa għal ċertu żmien, kien sempliċement iżid il-volum ta’ fiduċja diġà akkwistat fi ħdan dawk li jippreskrivu li huma “leali”. Il-Kummissjoni rrilevat li, fid-dawl tal-ostakoli għall-bdil ta’ trattament u tal-predominanza tal-pazjenti fi trattament kontinwu, l-impatt potenzjali tal-isforzi ta’ reklamar magħmula mill‑produtturi ta’ IEK oħra fuq il-bejgħ tal-perindopril kien limitat. Il‑Kummissjoni żiedet li n-nuqqas ta’ pressjoni kompetittiva tal-prodotturi l-oħra ta’ IEK kien ukoll muri bil-kategoriji ta’ pazjenti mmirati minn Servier fil-qafas tal-politika promozzjonali tiegħu, permezz tal-analiżi tar-reklamar li tinsab fid-dokumenti ta’ strateġija interna ta’ Servier u permezz tal-istabbilità tal-ispejjeż tiegħu ta’ reklamar.

1542 Ir-rikorrenti essenzjalment isostnu li l-Kummissjoni kkommettiet żball meta ma ħaditx inkunsiderazzjoni kif suppost sforzi ta’ reklamar sinjifikattivi tal-laboratorji, li jikkostitwixxu waħda mid‑dimensjonijiet prinċipali tal-kompetizzjoni u neċessità, fin-nuqqas ta’ “inerzja” tal-pazjenti u tat-tobba, sabiex jilqgħu għall-kompetizzjoni.

1543 Fl-ewwel lok, il-Kummissjoni bbażat l-analiżi tagħha tal-isforzi ta’ reklamar fuq il-fenomenu ta’ “inerzja” tat-tobba u tal-eżistenza ta’ ostakoli għall-bidliet ta’ trattament.

1544 Issa, kif intqal preċedentement, l-aġir tal-preskrizzjoni tat-tobba ma kienx ikkaratterizzat minn livell għoli ta’ “inerzja” u l-bidliet ta’ trattament ta’ pazjenti fi trattament kontinwu kienu sinjifikattivi. Kien għalhekk billi bbażat ruħha fuq ipoteżi żbaljati li jivvizzjaw l-analiżi tagħha li l‑Kummissjoni kkunsidrat li l-impatt potenzjali tal-isforzi ta’ reklamar magħmula mill-produtturi ta’ prodotti mediċinali oħra fuq il-bejgħ tal‑perindopril kellu jiġi kkunsidrat bħala partikolarment limitat.

1545 Fit-tieni lok, il-Kummissjoni bbażat l-analiżi tagħha tal-isforzi ta’ reklamar fuq il-kategoriji ta’ pazjenti fil-mira ta’ Servier fil-qafas tar‑reklamar tiegħu u fuq l-allegati kwalitajiet partikolari tal‑perindopril mill-perspettiva tal-użu terapewtiku. Fil-premessi 2366 u 2519 tad‑deċiżjoni kkontestata hija rrilevat li l-ispejjeż ta’ reklamar ta’ Servier kienu kkonċentrati fuq il-pazjenti ġodda potenzjali, li jinkludu l-pazjenti li reġa’ kellhom dijanjosi ta’ pressjoni għolja, il-pazjenti li l‑pressjoni arterjali tagħhom ma kinitx ikkontrollata b’mod sodisfaċenti bi prodott mediċinali ieħor kontra l-pressjoni għolja kif ukoll ċerti gruppi ta’ pazjenti li fil-konfront tagħhom il-perindopril kien wera kwalitajiet partikolari.

1546 F’dan ir-rigward, għandu jiġi indikat li r-reklamar jista’ jkun strument ta’ kompetizzjoni, b’mod partikolari meta l-prodotti huma simili ħafna. In‑nuqqas ta’ distinzjoni pożittiva tal-perindopril fir-rigward tal-IEK l-oħra huwa koerenti man-neċessità għal Servier li jwettaq sforzi ta’ reklamar kbar sabiex jibqa’ fis-suq u jasal għand it-tobba li jippreskrivu. Fil‑fatt, fin-nuqqas ta’ superjorità terapewtika tal‑perindopril, dawk li jippreskrivu ma humiex inċentivati, fuq din il‑bażi biss, sabiex jippreskrivu l-perindopril minflok prodott mediċinali ieħor.

1547 Barra minn hekk, mill-kliem stess tal-premessi 2366 u 2519 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li Servier wettaq sforzi ta’ reklamar li kienu jkopru kemm il-pazjenti ġodda kif ukoll il-pazjenti li kienu diġà użaw prodott mediċinali ieħor ta’ kontra l-pressjoni għolja. Barra minn hekk, il‑Kummissjoni ma urietx, kif intqal preċedentement, li l-perindopril kellu kwalitajiet partikolari li kienu jiddistingwuh minn IEK oħra fuq il‑livell terapewtiku. Jekk Servier ipprova jiddistingwi l-perindopril mill‑IEK l‑oħra, dawn l-isforzi ta’ Servier ma kellhomx is-suċċess mixtieq u ma ppermettewx li l-perindopril jiġi distint b’mod suffiċjenti mill-IEK l-oħra.

1548 Peress li l-istrateġija promozzjonali tal-perindopril tkopri ċerti kategoriji ta’ pazjenti ma jistax għalhekk jiġi konkluż li l-impatt tal-kompetizzjoni permezz tar-reklamar bejn l-IEK kien limitat.

1549 Fit-tielet lok, id-dokumenti interni ta’ Servier, ir-risposti tal-produtturi tal-IEK l-oħra u d-dokumenti l-oħra tal-proċess għandhom tendenza juru, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, li l-azzjonijiet ta’ reklamar tal‑produtturi l-oħra ta’ IEK setgħu jeżerċitaw pressjoni kompetittiva fuq il-perindopril.

1550 B’hekk, mid-dokumenti ta’ strateġija interna ta’ Servier, b’mod partikolari mid-dokument intitolat “2005/2006 orientation plan” u mid‑dokument intitolat “Pjan ta’ orjentament Coversyl 2006/2007”, jirriżulta li Servier kien jikkunsidra, fis-snin 2000 sa 2009, li l‑kompetizzjoni fis-suq tal-pressjoni għolja arterjali u fuq dak tal‑insuffiċjenza kardijaka kienet qawwija. Minn dawn id-dokumenti jirriżulta wkoll li Servier kien jikkunsidra IEK oħra bħala kompetituri, b’mod partikolari r-ramipril, il-captopril, il-lisinopril, l-enalapril, il‑fosinopril u t-trandolapril. Ir-ramipril jinsab fil-parti tad-dokumenti strateġiċi ddedikati għat-theddid kontra l-iżvilupp tal-perindopril diversi drabi. Pereżempju, it-tnedija fl-2005 ta’ prodott ġdid, il-Co-Triatec, li ppermettiet li tkun żgurata kontinwità tal-komunikazzjoni tas-serje ta’ prodotti tar-ramipril, hija ppreżentata bħala theddida.

1551 It-tliet produtturi ta’ verżjonijiet tal-bidu ta’ IEK interrogati mill‑Kummissjoni jikkunsidraw ukoll lill-perindopril bħala kompetitur jew rivali tal-prodott mediċinali tagħhom. Ċertament, kif irrilevat il‑Kummissjoni, il-fatt li impriżi oħra jieħdu ċertu prodott bħala l-mira prinċipali kompetittiva ma jfissirx li l-prodott inkwistjoni huwa suġġett għal restrizzjoni kompetittiva sostanzjali min-naħa ta’ dawn l-impriżi l‑oħra. Madankollu, din is-serje ta’ indizji jista’ jkollha ċerta utilità, inkwantu tippermetti li jiġi kkunsidrat il-mod kif l-impriżi jivvalutaw huma stess il‑pożizzjoni tagħhom fis-suq. F’dan ir-rigward, mir-risposti tal-impriżi interrogati mill‑Kummissjoni dwar il-perċezzjoni tagħhom tal‑kompetizzjoni jirriżulta li Sanofi-Aventis, produttur tar-ramipril, AstraZeneca AB, produttur tal-lisinopril, u MSD, produttur tal-enalapril u tal-lisinopril, kienu jikkunsidraw il-perindopril bħala kompetitur tal‑prodott mediċinali tagħhom. Mid-dokumenti pprovduti minn Sanofi‑Aventis, jiġifieri l-preżentazzjonijiet dwar is-suq Pollakk u l-pjani kummerċjali għas-snin 2008-2009, jirriżulta b’mod partikolari li l‑perindopril u l-enalapril kienu, skont din l-impriża, l-ewwel u t-tieni rivali l-iktar qrib tar-ramipril u li dan tal-aħħar kien jibbenefika b’mod ġenerali mill-aħjar perċezzjoni bħala marka.

1552 Barra minn hekk, id-dokumenti tal-proċess jissuġġerixxu li l‑komunikazzjoni promozzjonali tal-IEK l-oħra seta’ kellha impatt sinjifikattiv fuq il-bejgħ tal-perindopril.

1553 Id-dokumenti ta’ strateġija interna ta’ Servier kif ukoll id-dokumenti relatati mal-promozzjoni tal-IEK l-oħra juru li l-IEK l-oħra kienu jippreżentaw ruħhom bħala l-aħjar fi ħdan din il-klassi ta’ prodotti mediċinali, jiġifieri kienu jippreżentaw ruħhom bħala superjuri għall-IEK l-oħra. Ċerti pjanijiet ta’ promozzjoni tal-IEK l-oħra kienu jkopru direttament il-perindopril ta’ Servier.

1554 Minkejja li l-pressjoni qawwija ta’ reklamar tas-sartans flimkien mat‑tnaqqis tar-reklamar tal-IEK hija ppreżentata bħala theddida mid‑dokumenti interni ta’ Servier, ir-reklamar tar-ramipril huwa ppreżentat bħala theddida għall-perindopril, filwaqt li t-tnaqqis ta’ dan ir-reklamar huwa kkunsidrat bħala perspettiva pożittiva. Id-dokumenti interni ta’ Servier jinsistu dwar il-fatt li r-reklamar tar-ramipril huwa bbażat fuq l-istudju HOPE, ippreżentat bħala avveniment maġġuri tas‑sena 2001, li ppermetta lir-ramipril li jkollu żieda qawwija u jikseb indikazzjonijiet ġodda. Fid-dokumenti ta’ strateġija ta’ Servier huwa spjegat li r-riżultati tal-istudju HOPE u l-pożizzjonament tar-ramipril kellhom effett qawwi fuq il-bejgħ tal-Coversyl 4 mg ta’ Servier.

1555 Barra minn hekk, mid-dokumenti l-oħra tal-proċess, b’mod partikolari informazzjoni mogħtija minn IMS Health li tinsab fid-deċiżjoni kkontestata u mir-risposta ta’ Sanofi-Aventis għat-talba għal informazzjoni tal-Kummissjoni, jirriżulta li l-ispejjeż ta’ reklamar użati mill-produtturi l-oħra ta’ IEK kienu sinjifikattivi f’ċerti perijodi, b’mod partikolari dawk li jirrigwardaw ir-ramipril fil-Pajjiżi l-Baxxi u fir-Renju Unit sal-2003 u fi Franza sal-bidu tas-sena 2006.

1556 Konsegwentement, id-dokumenti tal-proċess, b’mod partikolari d‑dokumenti ta’ strateġija interna ta’ Servier kif ukoll ir-risposti tal-produtturi l-oħra ta’ IEC, huma intiżi sabiex juru li l-operazzjonijiet ta’ reklamar tal-IEK l-oħra seta’ jkollhom impatt sinjifikattiv fuq il-bejgħ ta’ Servier.

1557 Fir-raba’ lok, l-importanza tal-ispejjeż ta’ reklamar ta’ Servier matul il‑perijodu eżaminat hija koerenti wkoll mal-fatt li l-kompetizzjoni bir‑reklamar setgħet tikkostitwixxi sors ta’ pressjoni kompetittiva fir‑relazzjonijiet bejn IEK, mingħajr ma dan jiġi kkontestat bl-allegata stabbilità ta’ dawn l-ispejjeż ta’ reklamar.

1558 L-importanza tal-ispejjeż ta’ reklamar ta’ Servier, li ma hijiex ikkontestata, tirriżulta b’mod partikolari mill-informazzjoni relatata mal‑entrati prinċipali ta’ spejjeż li kkontribwixxew għall-ispejjeż totali tal-varjanti tal-perindopril. Dawn l-ispejjeż kienu sinjifikattivi b’mod partikolari fi Franza, fil-Pajjiżi l-Baxxi u fir-Renju Unit, kif tindika l‑informazzjoni mogħtija minn IMS Health li tinsab fid-deċiżjoni kkontestata. Bħala eżempju, fis-sena 2000, EUR 70 sa 80 miljun intefqu minn Servier fi Franza għar-reklamar tal-perindopril, filwaqt li d-dħul mill‑bejgħ globali tal-prodotti kien ta’ bejn EUR 180 u 200 miljun. Fl-2004, l-ispejjeż ta’ reklamar f’dan il-pajjiż laħqu l-EUR 100 sa 120 miljun, jiġifieri madwar terz tad-dħul mill-bejgħ globali tal-prodott (EUR 300 sa 350 miljun).

1559 Għandu jintqal ukoll li l-fatt li, minkejja l-livell għoli ħafna tal-ispejjeż ta’ reklamar ta’ Servier għall-perindopril, il-vijabbilità finanzjarja tal‑perindopril baqgħet għolja matul il-perijodu eżaminat ma jfissirx li l‑perindopril ma kienx suġġett għal pressjoni kompetittiva sinjifikattiva min-naħa tal-IEK l-oħra. Barra minn hekk, jekk il-Kummissjoni tikkonstata l‑livell għoli tal-vijabbilità finanzjarja ġenerali tal-perindopril fil‑premessi 2369 sa 2371 tad-deċiżjoni kkontestata, hija ma tislitx minnhom xi konsegwenzi fil-kuntest tad-delimitazzjoni tas-suq rilevanti u ma tibbażax ruħha fuq din il-vijabbiltà finanzjarja sabiex tikkonkludi, fil-premessi 2403 sa 2546 tad-deċiżjoni kkontestata, li s-suq ta’ prodotti rilevanti huwa limitat għall-verżjonijiet tal-bidu u ġeneriċi tal‑perindopril.

1560 Id-dokumenti ta’ strateġija interna ta’ Servier jenfasizzaw ir-rabta bejn l‑ambjent kompetittiv u l-ispejjeż ta’ reklamar ta’ Servier, u jindikaw li l‑isfond kompetittiv jeħtieġ sforz ta’ reklamar qawwi ħafna, iddominat mill-viżita medika. Dawn id-dokumenti jesprimu l-volontà ta’ Servier li jakkwista klijenti ġodda, b’detriment għal prodotti mediċinali oħra kontra l-pressjoni għolja, b’mod partikolari l-IEK, u jsemmu d-diffikultà għal Servier li jkun preżenti fost tobba ġeneralisti fid-dawl b’mod partikolari tal-investimenti finanzjarji u ta’ riżorsi umani tal-produtturi l-oħra ta’ prodotti kontra l-pressjoni għolja.

1561 Il-Kummissjoni ssostni li l-istabbilità tal-ispejjeż ta’ reklamar ta’ Servier matul il-perijodu eżaminat tissuġġerixxi n-natura indipendenti ferm tar‑reklamar tal-perindopril u n-nuqqas ta’ espożizzjoni għal pressjonijiet kompetittivi qawwija.

1562 Madankollu, l-istabbilità tal-ispejjeż ta’ reklamar ta’ Servier ma tirriżultax mid-dokumenti tal-proċess, b’mod partikolari mid-data tal‑istudju IMS Health, peress li l-livell tal-ispejjeż kien varja bi proporzjonijiet sinjifikattivi matul il-perijodu eżaminat. Mill-bqija, l‑istabbilità tal-ispejjeż ta’ reklamar, jekk tiġi stabbilita, mhux neċessarjament tfisser nuqqas ta’ pressjoni kompetittiva sinjifikativa min-naħa tal-IEK l-oħra. Iż-żamma ta’ livell daqstant għoli ta’ spejjeż ta’ reklamar tista’ turi l-volontà tal-impriża li żżomm il-bejgħ tagħha fid-dawl ta’ prodotti sostitwibbli fuq il-livell terapewtiku, li teżerċita pressjoni kompetittiva sinjifikattiva fir-rigward tal-perindopril. Il-Kummissjoni ma tispjegax ir-raġunijiet li għalihom operatur f’pożizzjoni dominanti bħal Servier għandu jkollu l-bżonn, fin-nuqqas ta’ pressjoni kompetittiva sinjifikattiva, li jiddedika matul perijodu daqstant twil parti daqstant kbira tad-dħul mill-bejgħ globali tagħha għall-ispejjeż ta’ reklamar.

1563 In-nuqqas ta’ kontinwità tal-isforzi ta’ reklamar ta’ Servier fil-mument tad-dħul tal-ġeneriċi lanqas ma jindika n-nuqqas ta’ pressjoni kompetittiva sinjifikattiva qabel id-dħul fis-suq tal-ġeneriċi. Fil-fatt, jekk in-nuqqas mistenni ta’ riżultati huwa tali li jiddiswadi lill-produttur milli jwettaq sforzi ta’ reklamar, il-perspettiva li jikseb qligħ hija tali li tinċentivah jinvesti fr-reklamar tal-prodott. Issa, huwa possibbli li, qabel id-dħul tal-ġeneriku fis-suq, Servier seta’ leġittimament jittama li jkollu riżultati pożittivi tal-investiment promozzjonali tiegħu. Qabel id‑dħul fis-suq tal-ġeneriċi, Servier seta’ jkun inċentivat sabiex iwettaq sforzi ta’ reklamar f’kuntest ta’ kompetizzjoni bejn IEK, li jirriżulta b’mod partikolari min-nuqqas ta’ eteroġenjità tal-prodotti mediċinali ta’ din il-klassi.

1564 Konsegwentement, l-ispejjeż ta’ reklamar ta’ Servier matul il-perijodu eżaminat ma jindikawx li Servier ma kienx suġġett għal pressjonijiet kompetittivi sinjifikattivi tal-IEK l-oħra.

1565 Għalhekk, mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni kif suppost l-isforzi ta’ reklamar tal‑laboratorji u l-importanza tagħhom fl-analiżi tar-rapporti ta’ kompetizzjoni bejn il-perindopril u l-IEK l-oħra.

1566 Mill-kunsiderazzjonijiet kollha esposti fil-punt 1418 sa 1565 hawn fuq jirriżulta li t-tieni ilment imqajjem mir-rikorrenti huwa fondat.

4)      Fuq it-tieni parti tal-ewwel ilment, ibbażata fuq l-importanza eċċessiva mogħtija lill-kriterju tal-prezz fl-analiżi tas-suq, u fuq ittielet ilment, sussidjarju, ibbażat fuq il-fatt li l-analiżi ekonometrika tal-Kummissjoni hija vvizzjata

1567 Fil-premessi 2460 sa 2495 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni wettqet, sabiex tiddelimita s-suq tal-prodotti inkwistjoni, analiżi tal‑avvenimenti msejħa “naturali” li seħħew fis-swieq ta’ Franza, tal‑Pajjiżi l-Baxxi, tal-Polonja u tar-Renju Unit.

1568 Il-Kummissjoni kkunsidrat li, meta żewġ prodotti kienu sostituti simili, tnaqqis sostanzjali tal-prezz ta’ wieħed kellu jwassal għal tnaqqis fid-dħul tal-bejgħ tal-ieħor. Il-Kummissjoni ppruvat tevalwa, permezz ta’ evalwazzjoni viżwali preliminari, imbagħad permezz ta’ kalkolu ekonometriku, l-impatt ta’ tnaqqis tal-prezzijiet tal-prodotti mediċinali l-oħra kontra l-pressjoni għolja fuq il-bejgħ tal-perindopril. Għal dan, il‑Kummissjoni pparagunat b’mod partikolari l-effett tad-dħul tal‑ġeneriċi tal-perindopril fuq il-bejgħ tal-perindopril mal-effett tad-dħul ta’ ġeneriċi ta’ IEK oħra fuq il-bejgħ tal-perindopril. Skont il‑Kummissjoni, il-fatt li l-bejgħ tal-perindopril kien affettwat inqas bid‑dħul tal-ġeneriċi tal-IEK l-oħra milli minn dak tal-ġeneriċi proprja tiegħu juri li l-IEK ma kinux jeżerċitaw restrizzjonijiet sinjifikattivi fuq il-perindopril f’termini ta’ prezz (premessa 2494 tad-deċiżjoni kkontestata).

1569 Fi tmiem l-analiżi tagħha tal-avvenimenti naturali, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-perindopril ma kienx suġġett għal restrizzjonijiet sostanzjali fuq il-prezzijiet tiegħu minn prodotti oħra, b’mod partikolari tal-IEK oħra, minbarra r-restrizzjonijet eżerċitati mill-perindopril ġeneriku. It-tnaqqis tal-prezzijiet tal-IEK l-oħra ma kellhomx, skont il‑Kummissjoni, impatt negattiv sinjifikattiv fuq il-bejgħ u d-dħul mill‑bejgħ tal-perindopril.

1570 Permezz tat-tieni parti tal-ewwel ilment tagħhom, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni tat importanza eċċessiva lill-fattur prezz fl-analiżi tas-suq ta’ prodotti rilevanti. Huma jsostnu, sussidjarjament, fil-kuntest tat-tielet ilment tagħhom, li l-analiżi ekonometrika tal-Kummissjoni hija vvizzjata.

1571 Fl-ewwel lok, kif intqal preliminarjament fil-punti 1385 sa 1404 hawn fuq, mill-ġurisprudenza jirriżulta li aspetti partikolari li jikkaratterizzaw il-mekkaniżmi ta’ kompetizzjoni fis-settur farmaċewtiku ma jiċħdux ir‑rilevanza tal-fatturi marbuta mal-prezzijiet fl-evalwazzjoni tar‑restrizzjonijiet kompetittivi, għalkemm dawn il-fatturi għandhom jiġu evalwati fil-kuntest speċifiku tagħhom (sentenza tal-1 ta’ Lulju 2010, AstraZeneca vs Il-Kummissjoni, T‑321/05, EU:T:2010:266, punt 183).

1572 F’dan il-każ, il-Kummissjoni setgħet għalhekk teżamina, fid-definizzjoni tas-suq rilevanti, jekk il-perindopril kienx suġġett għal pressjonijiet kompetittivi sinjifikattivi li jirriżultaw minn varjazzjonijiet relattivi għall-prezz tal-IEC l-oħra u tieħu inkunsiderazzjoni r-riżultat ta’ dan l-eżami.

1573 Mill-analiżi tagħha tal-varjazzjonijiet ta’ prezz tal-IEK l-oħra l‑Kummissjoni ddeduċiet li l-perindopril ma kienx suġġett għal pressjonijiet kompetittivi sostanzjali li kienu jirriżultaw minnhom. Is‑sensittività mhux qawwija tal-perindopril għall-varjazzjonijiet fil‑prezz tal-IEK l-oħra effettivament tirriżulta minn diversi dokumenti tal‑proċess, b’mod partikolari mid-dokumenti interni ta’ Servier jew mill‑kwestjonarju ma’ dawk li jippreskrivu li sar mill-Kummissjoni. Din il-konklużjoni barra minn hekk ma hijiex ikkontestata bħala tali mir‑rikorrenti. Ir-rikorrenti stess jindikaw li t-tobba ġeneralment ma humiex sensittivi wisq għall-prezz, li l-għażliet tat-tobba huma prinċiparjament iggwidati mir-rilevanza u l-effikaċja terapewtika tad-diversi prodotti mediċinali iktar milli mill-prezz tagħhom u li l-kompetizzjoni bejn laboratorji sseħħ prinċiparjament fuq dimensjonijiet oħra minbarra l‑prezz, bħall-innovazzjoni, il-kwalità tal-prodotti u r-reklamar.

1574 Madankollu, kif ġustament isostnu r-rikorrenti, l-analiżi tal-avvenimenti naturali, kif mifhuma mill-Kummissjoni, jiġifieri s-sensiela ta’ varjazzjonijiet ta’ prezz, ma tippermettix li jiġi konkluż li ma kienx hemm pressjonijiet kompetittivi ta’ natura kwalitattiva u mhux tariffarja.

1575 Fil-fatt, kif intqal fil-punti 1395 u 1397 hawn fuq, il-libertà tal-għażla tat‑tobba, bejn il-prodotti mediċinali ta’ verżjonijiet tal-bidu disponibbli fis-suq jew bejn il-prodotti mediċinali ta’ verżjonijiet tal-bidu u l‑verżjonijiet ġeneriċi ta’ molekuli oħra, u l-attenzjoni li dawk li jippreskrivu jagħtu bi prijorità lill-aspetti terapewtiċi jippermettu, jekk ikun il-każ, li jkun hemm restrizzjonijet kompetittivi sinjifikattivi li jiġu eżerċitati, ta’ natura kwalitattiva u mhux tariffarja, minbarra l‑mekkaniżmi abitwali ta’ pressjoni minħabba l-prezzijiet. Tali restrizzjonijiet jistgħu jeżistu kemm fil-każ fejn il-vantaġġi terapewtiċi ta’ prodott mediċinali jidhru b’mod ċar li huma superjuri għal dawk tal-prodotti mediċinali l-oħra disponibbli għat-trattament tal-istess pataloġija kif ukoll fil-każ fejn il-prodotti mediċinali disponibbli huma rrikonoxxuti jew ikkunsidrati bħala ekwivalenti minn dawk li jippreskrivu.

1576 Meta, għat-trattament tal-istess marda, dawk li jippreskrivu għandhom l‑għażla bejn prodotti mediċinali li fosthom l-ebda wieħed ma huwa rrikonoxxut jew ikkunsidrat bħala superjuri għall-oħrajn, b’mod partikolari minħabba l-identiċità tal-mod ta’ azzjoni tagħhom jew minħabba li l-benefiċċji terapewtiċi tagħhom jew l-effetti mhux mixtieqa jew sekondarji tagħhom ma jippermettux li dawn jiġu sseparati, l-analiżi tal-kompetizzjoni bejn dawn il-prodotti mediċinali hija bbażata wkoll, fil‑parti l-kbira tagħha, fuq paragun kwalitattiv. L-għażla tat-tabib, ġeneralment, ma ssirx l-ewwel nett skont il-prezz rispettiv ta’ dawn it‑trattamenti, iżda skont il-grad ta’ differenza terapewtika tagħhom, l‑adegwatezza tagħhom għall-profil tal-pazjent, l-għarfien tat-tabib tad-diversi prodotti mediċinali jew inkella l-esperjenza personali tiegħu jew dik tal-pazjenti tiegħu.

1577 Barra minn hekk, kif jirriżulta mir-risposta għat-tieni lment, il‑perindopril seta’ jkun espost, fid-dawl tan-nuqqas ta’ differenza sinjifikattiva bejn il-perindopril u l-IEK l-oħra fuq il-livell terapewtiku, għal pressjonijiet kompetittivi ta’ natura mhux tariffarja u kwalitattiva, li l-Kummissjoni kellha tieħu inkunsiderazzjoni b’mod xieraq. Dawn il‑pressjonijiet kompetittivi, li setgħu b’mod partikolari jiġu eżerċitati permezz tal-azzjonijiet ta’ reklamar tal-produtturi ta’ IEK oħra, kienu jikkonċernaw kemm il-pazjenti ġodda kif ukoll il-pazjenti li kienu diġà bdew trattament bil-perindopril.

1578 Il-fatt li l-perindopril ftit huwa sensittiv għall-varjazzjonijiet fil-prezz tal-IEK l-oħra ma jfissirx għalhekk neċessarjament li dan il-prodott mediċinali ma kienx suġġett għal pressjoni kompetittiva sinjifikattiva ta’ dawn il‑prodotti mediċinali. Dan il-fatt ma jippermettix li jiġi dedott li l‑perindopril kien protett minn pressjoni kompettitiva sinjifikattiva li kienet tirriżulta, kif isostnu r-rikorrenti, minn dimensjonijiet oħra minbarra l-prezzijiet bħall-innovazzjoni, il-kwalità tal-prodotti u r‑reklamar. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tfakkar hija stess, fil‑premessa 2543 tad-deċiżjoni kkontestata, li s-sostitwibbiltà ekonomika tista’ teżisti meta bidliet li jaffettwaw varjanti ekonomiċi sinjifikattivi minbarra l-prezz jittrasferixxu sehem sinjifikattiv mill-bejgħ ta’ prodott lejn ieħor.

1579 Konsegwentement, il-fatt li l-bejgħ u l-prezzijiet tal-perindopril naqsu biss wara d-dħul tal-perindopril ġeneriku u baqgħu stabbli jew kienu affettwati inqas waqt li seħħew avvenimenti naturali relatati mal‑varjazzjonijiet ta’ prezz ta’ molekuli oħra ma jippermettix li jiġi konkluż li ma kienx hemm restrizzjonijiet kompetitittivi sad-dħul tal‑ġeneriċi tal-perindopril.

1580 Fit-tieni lok, mid-dokumenti tal-proċess jirriżulta li l-Kummissjoni, kif ġustament jenfasizzaw ir-rikorrenti, tat importanza eċċessiva għall-fattur prezz fid-definizzjoni tas-suq ta’ prodotti, billi mill-analiżi tal‑avvenimenti naturali ddeduċiet li ma kienx hemm pressjoni kompetittiva sinjifikattiva eżerċitata mill-IEK fir-rigward tal-perindopril.

1581 Fil-fatt, mid-dokumenti tal-proċess jirriżulta li l-fattur prezz kellu rwol deċiżiv fl-analiżi tal-Kummissjoni sabiex jeskludi mis-suq rilevanti l-IEK l-oħra. Mit-termini stess tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l‑Kummissjoni essenzjalment ibbażat ruħha fuq l-analiżi tal-avvenimenti naturali ta’ natura tariffarja sabiex teskludi mis-suq rilevanti xi IEK, bħar‑ramipril, l-enalapril jew il-lisinopril, ippreżentati minn Servier bħala kompetituri qrib tiegħu. Il-Kummissjoni enfasizzat, pereżempju fil-premessa 2460 u fin-nota ta’ qiegħ il-paġna nru 3245 tad-deċiżjoni kkontestata, l-importanza tar-riżultati tal-analiżi ekonometrika tagħha intiża sabiex tivverifika jekk it-tnaqqis fil-prezz ta’ ċerti prodotti mediċinali tal-klassi tal-IEK, wara l-introduzzjoni tal-ġeneriċi ta’ dawn il-prodotti mediċinali, kellux jew le effett fuq il-bejgħ tal-perindopril. Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni indikat, diversi drabi, b’mod partikolari fil-premessi 2527 u 2534, li n-nuqqas ta’ restrizzjonijiet fuq il-prezzijiet li jirriżulta mill-kuntest leġiżlattiv u żvelat mill-analiżi tal‑avvenimenti naturali kien jippermetti li jiġi konkluż li l-ebda molekula oħra ma kienet eżerċitat restrizzjoni kompetittiva sinjifikattiva fuq il‑perindopril. Fil-premessa 2546 tad-deċiżjoni kkontestata hija qieset li l-fatt li l-pressjoni kompettitiva eżerċitata mill-ġeneriċi għandha effett, f’termini ta’ daqs, iktar minn kull restrizzjoni kompetittiva oħra potenzjali li l-perindopril kien jiffaċċja kien iwassal b’mod naturali għad-definizzjoni ta’ suq ristrett li jinkludi biss il-prodott mediċinali inkwistjoni.

1582 L-importanza, fid-definizzjoni tas-suq użata mill-Kummissjoni, tal‑analiżi tal-avvenimenti naturali relatati mal-varjazzjonijiet ta’ prezz hija, qabel xejn, enfasizzata bir-risposta tal-Kummissjoni, li ssemmi li din l-analiżi tindika, għall-erba’ Stati Membri inkwistjoni, li r-rikorrenti ma kellhomx pressjoni kompetittiva sinjifikattiva mill-produtturi ta’ IEK oħra. Ir-risposta tesponi, fir-rigward tal-Polonja, li l-analiżi tal‑avvenimenti naturali turi li l-prodotti mediċinali l-oħra tal-istess klassi ma jeżerċitawx restrizzjonijiet kompetittivi fuq il-perindopril.

1583 Waqt is-seduta, il-Kummissjoni enfasizzat ukoll li l-konstatazzjoni tan‑nuqqas ta’ tnaqqis tal-bejgħ tal-perindopril waqt id-dħul fis-suq tal‑verżjonijiet ġeneriċi tal-IEK l-oħra, ħafna inqas għoljin mill‑perindopril, kienet ċentrali għall-analiżi tagħha u kienet tippermetti li jiġi konkluż li ma kienx hemm pressjoni kompettitiva sinjifikattiva eżerċitata mill-IEK l-oħra.

1584 Billi tat b’dan il-mod importanza deċiżiva għar-riżultati tal-analiżi tagħha tal-avvenimenti naturali essenzjalment ibbażata fuq l-impatt tal-varjazzjonijiet tal-prezz, il-Kummissjoni ma kkunsidratx b’mod sħiħ il‑kuntest tas-settur farmaċewtiku u ma tatx biżżejjed attenzjoni għall‑elementi li jippermettu li tiġi identifikata l-eżistenza ta’ pressjonijiet kompetittivi ta’ natura kwalitattiva u mhux tariffarja.

1585 F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandha tintlaqa’ t-tieni parti tal-ewwel ilment imqajjem minn Servier, dwar l-importanza eċċessiva mogħtija mill‑Kummissjoni għall-evoluzzjonijiet tal-prezzijiet relatati mal‑prodotti mediċinali. Il-Kummissjoni ma setgħetx tiddeduċi mill‑analiżi tal-avvenimenti naturali u tas-sensittività dgħajfa tal‑perindopril għall-varjazzjonijiet ta’ prezz tal-IEK l-oħra li Servier ma kienx suġġett, min-naħa ta’ prodotti oħra, għal restrizzjonijiet kompetittivi ta’ kwalunkwe natura, esklużi r-restrizzjonijiet eżerċitati mill‑perindopril ġeneriku.

1586 Inkwantu l-Qorti Ġenerali tilqa’ t-tieni parti tal-ewwel ilment, relatata mal‑analiżi tal-prezzijiet u mqajma mat-talba prinċipali mir-rikorrenti, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tielet ilment imqajjem mir‑rikorrenti li permezz tiegħu huma jsostnu, sussidjarjament, li l‑analiżi ekonometrika tal-prezzijiet imwettqa mill-Kummissjoni hija vvizzjata b’difett metodoloġiku.

5)      Konklużjoni

1587 Preliminarjament, għandu jitfakkar li, kif intqal fil-punti 1373 sa 1375 hawn fuq, il-portata tal-istħarriġ tal-legalità previst fl-Artikolu 263 TFUE testendi għall-elementi kollha tad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni dwar il‑proċeduri ta’ applikazzjoni tal-Artikoli 101 TFUE u 102 TFUE li l‑Qorti Ġenerali tiżgura stħarriġ fid-dettall tagħhom, fid-dritt kemm fil‑fatt, fid-dawl tal-motivi mqajma mir-rikorrenti u b’teħid inkunsiderazzjoni tal-provi kollha prodotti minn dawn tal-aħħar (sentenza tal-21 ta’ Jannar 2016, Galp Energía España et vs Il‑Kummissjoni, C‑603/13 P, EU:C:2016:38, punt 72).

1588 Barra minn hekk, għalkemm, fl-oqsma li jwasslu għal evalwazzjonijiet ekonomiċi kumplessi, il-Kummissjoni għandha marġni diskrezzjonali fil‑qasam ekonomiku, dan ma jfissirx li l-qorti tal-Unjoni għandha tastjeni milli tistħarreġ l-interpretazzjoni, mill-Kummissjoni, ta’ data ta’ natura ekonomika. Fil-fatt, il-qorti tal-Unjoni għandha b’mod partikolari mhux biss tivverifika l-eżattezza materjali tal-provi invokati, jekk humiex affidabbli u koerenti, iżda għandha tistħarreġ ukoll jekk dawn il-provi jikkostitwixxux l-informazzjoni kollha rilevanti li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni sabiex tiġi evalwata sitwazzjoni kumplessa u jekk din hijiex kapaċi ssostni l-konklużjonijiet misluta minnha (sentenzi tal‑15 ta’ Frar 2005, Il-Kummissjoni vs Tetra Laval, C‑12/03 P, EU:C:2005:87, punt 39; tat-8 ta’ Diċembru 2011, Chalkor vs Il‑Kummissjoni, C‑386/10 P, EU:C:2011:815, punt 54, u tal‑10 ta’ Lulju 2014, Telefónica u Telefónica de España vs Il‑Kummissjoni, C‑295/12 P, EU:C:2014:2062, punt 54). Meta, sabiex tikklassifika prattika fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tal‑Artikolu 102 TFUE, il-Kummissjoni tagħti importanza reali lil analiżi ekonomika tal-kapaċità tal-prattika ta’ tnaqqis li tipproduċi effett ta’ esklużjoni ta’ kompetituri daqstant effettiv (test AEC), il-Qorti tal‑Unjoni għandha teżamina l-argumenti kollha magħmula mill-impriża ssanzjonata dwar dan it-test (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Settembru 2017, Intel vs Il-Kummissjoni, C‑413/14 P, EU:C:2017:632, punti 141 sa 144).

1589 F’dan il-każ, fi tmiem l-evalwazzjoni globali tal-elementi li fuqhom il‑Kummissjoni bbażat l-evalwazzjoni tagħha u l-eżami tal-ilmenti magħmula mir-rikorrenti, hemm lok li jiġi konkluż li l-Kummissjoni kkommettiet serje ta’ żbalji fl-analiżi tad-definizzjoni tas-suq rilevanti. Fil-fatt, il-Kummissjoni:

–        ikkunsidrat b’mod żbaljat, fir-rigward tal-użu terapewtiku, li l-IEK kienu klassi ta’ prodotti mediċinali eteroġenji u li l-perindopril kellu karatteristiċi partikolari fi ħdan din il-klassi ta’ prodotti mediċinali;

–        ikkonkludiet b’mod żbaljat li mekkaniżmu ta’ “inerzja” tat-tobba kien illimita b’mod sinjifikattiv il-pressjoni kompetittiva eżerċitata fuq il-perindopril mill-IEK l-oħra għall-pazjenti l-ġodda;

–        issottovalutat it-tendenza ta’ pazjenti ttrattati bil-perindopril sabiex jibdlu t-trattament;

–        ma ħaditx inkunsiderazzjoni kif suppost l-isforzi ta’ reklamar tal‑laboratorji u l-importanza tagħhom fl-analiżi tar-rapporti ta’ kompetizzjoni;

–        interpretat b’mod żbaljat il-karatteristiċi partikolari tal‑kompetizzjoni fis-settur farmaċewtiku, billi ddeduċiet b’mod żbaljat minn analiżi tal-avvenimenti naturali bbażati essenzjalment fuq il-varjazzjonijiet ta’ prezz li l-perindopril ma kienx suġġett għal pressjonijiet kompetittivi sinjifikattivi min-naħa tal-IEK l‑oħra.

1590 Billi bbażat ruħha fuq analiżi vvizzjata bl-iżbalji li għadhom kemm tfakkru, il-Kummissjoni illimitat is-suq rilevanti għall-unika molekula tal-perindopril, filwaqt li d-dokumenti tal-proċess juru li l-perindopril seta’ kien espost, min-naħa tal-IEK l-oħra, għal pressjonijiet kompetittivi sinjifikattivi ta’ natura mhux tariffarja. F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li jiġi kkunsidrat li l-iżbalji kommessi mill-Kummissjoni huma ta’ natura li jivvizzjaw ir-riżultat tal-analiżi tagħha.

1591 Għandu għalhekk jiġi konkluż, fi tmiem evalwazzjoni magħmula mill‑Qorti Ġenerali skont il-limitazzjonijiet tal-istħarriġ ġudizzjarju mfakkra fil-punti 1587 u 1588 hawn fuq, li ma huwiex stabbilit li s-suq ta’ prodotti rilevanti huwa limitat biss għall-perindopril fil-verżjonijiet tal-bidu u ġeneriku.

1592 Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, l-erbatax-il motiv, indirizzat kontra d-definizzjoni tas-suq tal-prodotti lesti bħala li huwa dak tal-perindopril fil-verżjonijiet tal-bidu u ġeneriku, għandu jintlaqa’.

13.    Fuq l-iżbalji ta’ evalwazzjoni relatati mal-eżistenza ta’ pożizzjoni dominanti fis-suq tal-prodotti lesti

a)      L-argumenti tal-partijiet

[omissis]

b)      L-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali

1595 Preliminarjament, għandu jitfakkar li minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-pożizzjoni dominanti msemmija fl-Artikolu 102 TFUE tirrigwarda pożizzjoni ta’ saħħa ekonomika ta’ impriża, li tagħtiha l-poter li tostakola ż-żamma ta’ kompetizzjoni effettiva fis-suq rilevanti billi tagħtiha l-possibbiltà li taġixxi b’mod notevolment indipendenti fir-rigward tal‑kompetituri tagħha, tal-klijenti tagħha u, fl-aħħar mill-aħħar, tal‑konsumaturi (sentenzi tal-14 ta’ Frar 1978, United Brands u United Brands Continentaal vs Il-Kummissjoni, 27/76, EU:C:1978:22, punt 65, u tat-13 ta’ Frar 1979, Hoffmann-La Roche vs Il-Kummissjoni, 85/76, EU:C:1979:36, punt 38).

1596 F’dan il-każ, il-Kummissjoni kkonkludiet, fil-premessa 2593 tad‑deċiżjoni kkontestata, li Servier kellu pożizzjoni dominanti skont l‑Artikolu 102 TFUE fis-suq tal-perindopril fil-verżjonijiet tal-bidu u ġeneriku, fir‑Renju Unit, minn Jannar 2000 sa Ġunju 2007, fil-Pajjiżi l‑Baxxi, minn Jannar 2000 sa Diċembru 2007, fi Franza, minn Jannar 2000 sa Diċembru 2009, u fil-Polonja, minn Jannar 2000 sa Diċembru 2009.

1597 Sabiex tasal għall-konklużjoni li Servier kellu pożizzjoni dominanti fis‑suq tal-perindopril fil-verżjonijiet tal-bidu u ġeneriku, il‑Kummissjoni bbażat ruħha fuq l-ishma tas-suq ta’ Servier fis-suq inkwistjoni, fuq l-eżistenza ta’ ostakoli għad-dħul fis-suq, fuq l-eżistenza ta’ dħul ekonomiku sostanzjali kif ukoll fuq in-nuqqas ta’ saħħa ta’ xiri kompensatorja eżerċitata mill-awtoritajiet pubbliċi. Fil-premessi 2594 sa 2600 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni żiedet li, irrispettivament mid-definizzjoni tas-suq li hija użat, provi solidi, jiġifieri l-eżistenza ta’ dħul ekonomiku sostanzjali, kienu jirriflettu direttament is-saħħa tas-suq li minnha Servier kien jibbenefika.

1598 Ir-rikorrenti jikkontestaw l-eżistenza ta’ pożizzjoni dominanti u jsostnu b’mod partikolari li s-suq tal-prodotti ma huwiex limitat għall-perindopril fil-verżjonijiet tal-bidu u ġeneriku.

1599 Peress li d-definizzjoni tas-suq hija, kif intqal bħala risposta għall‑motiv preċedenti, żbaljata inkwantu tillimita s-suq ta’ prodotti għall-perindopril fil-verżjonijiet tal-bidu u ġeneriku biss, bħala konsegwenza għandu jiġi kkunsidrat li l-eżami tas-saħħa ekonomika ta’ Servier fis-suq huwa vvizzjat ukoll.

1600 Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali tirrileva li, talinqas, tnejn mill-kriteriji ta’ evalwazzjoni prinċipali tas-saħħa ekonomika ta’ Servier, jiġifieri l-ishma tas-suq u l-eżistenza ta’ dħul ekonomiku sostanzjali, huma kkontestati bid-delimitazzjoni żbaljata tas-suq rilevanti.

1601 Fir-rigward tal-ishma tas-suq, il-Kummissjoni indikat, fil-premessa 2561 tad-deċiżjoni kkontestata, li ishma tas-suq żgħar ġeneralment huma indikazzjoni tajba tan-nuqqas ta’ saħħa qawwija tas-suq. Hija kkunsidrat ukoll li ishma tas-suq ta’ iktar minn 50 % jikkostitwixxu ishma sinjifikattivi ħafna u kienu fihom infushom, ħlief f’ċirkustanzi eċċezzjonali, prova tal-eżistenza ta’ pożizzjoni dominanti u li ishma tas‑suq li jitilgħu bejn 70 sa 80 % jikkostitwixxu indizju ċar ta’ pożizzjoni dominanti.

1602 Il-Kummissjoni kkunsidrat, fil-premessi 2563 sa 2567 tad-deċiżjoni kkontestata, li Servier kellu ishma tas-suq għoljin ferm fis-suq rilevanti (b’mod partikolari sehem tas-suq ta’ 90 sa 100 % fi Franza, fil‑Polonja u fir-Renju Unit, mill-2000 sal-2005), u fi kwalunkwe każ dejjem iktar minn 50 % anki meta jiġi kkunsidrat ir-rwol tal-importaturi paralleli fil-Pajjiżi l-Baxxi.

1603 Peress li l-Kummissjoni kkommettiet żball meta kkunsidrat li s-suq tal‑prodotti rilevanti kien limitat għall-perindopril fil-verżjonijiet tal-bidu u ġeneriku biss, il-kalkolu tal-ishma tas-suq imwettaq mill-Kummissjoni huwa neċessarjament żbaljat.

1604 Il-Qorti Ġenerali tirrileva li ma huwiex ikkontestat li, jekk is-suq rilevanti kien ġie ddefinit mill-Kummissjoni fil-livell tal-IEK kollha u mhux fil-livell tal-molekula tal-perindopril, is-sehem tas-suq medju ta’ Servier fl-erba’ Stati Membri analizzati mill-Kummissjoni kien ikun inqas minn 25 %, inqas mil-livelli ta’ ishma tas-suq li jikkostitwixxu, skont id-deċiżjoni kkontestata, indizji tal-eżistenza ta’ pożizzjoni dominanti.

1605 F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tindika, fid-deċiżjoni kkontestata, li l‑kalkoli ta’ ishma tas-suq ta’ Servier fi ħdan l-IEK ma humiex ibbażati fuq il-valur tal-bejgħ, iżda fuq il-volum tal-bejgħ espress f’dożi ddefiniti ta’ kuljum, li jwassal sabiex ikun hemm sopravalutazzjoni tal-valur tal‑bejgħ tar-ramipril. Madankollu, minbarra l-fatt li l-Kummissjoni ma tipprovdi l-ebda analiżi alternattiva tal-bejgħ relatati mad-diversi IEK, mill-punti 1494 u 1498 hawn fuq jirriżulta li, f’Jannar 2000, il‑perindopril kellu, fil-pajjiżi kollha kkonċernati, bażi ta’ pazjenti ħafna inqas mill-IEK l-oħra bħar-ramipril, l-enalapril jew il-lisinopril. Irrispettivament mis-suq ġeografiku, il-perindopril ta’ Servier qatt ma sab ruħu fuq quddiem fost l-IEK f’termini ta’ bejgħ ta’ pilloli u ta’ kapsuli, matul il-perijodu tal-prattiki msemmija mid-deċiżjoni kkontestata.

1606 Fir-rigward tad-dħul ekonomiku, il-Kummissjoni kkunsidrat li Servier kien jibbenefika minn dħul ekonomiku sostanzjali. Hija ddefinixxiet id‑dħul ekonomiku bħala profitti partikolarment sinjifikattivi u sostenibbli meta mqabbla ma’ dawk li jeżistu f’suq kompetittiv għall-prodott inkwistjoni. Hija kkalkolat id-dħul li Servier kellu qabel id-dħul tal‑ġeneriċi billi mmultiplikat id-differenza bejn il-prezz preċedenti u sussegwenti għad-dħul tal-ġeneriċi bil-kwantitajiet mibjugħa mill‑produttur tal-verżjonijiet tal-bidu. Madankollu, dan ir-raġunament huwa bbażat fuq il-premessa li s-suq huwa limitat għall-perindopril fil‑verżjonijiet tal-bidu u ġeneriku biss u li, minħabba dan il-fatt, ma kienx hemm suq kompetittiv qabel id-dħul tal-ġeneriku tal-perindopril. Peress li l-Kummissjoni ma ppruvatx li s-suq kien limitat għall‑perindopril fil‑verżjonijiet tal-bidu u ġeneriku biss, hija ma setgħetx, billi tibbaża ruħha fuq tali kalkolu, tikkunsidra l-livell tad-dħul ekonomiku ta’ Servier. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-eżistenza ta’ dħul ekonomiku sostanzjali ta’ Servier ma ġietx ippruvata.

1607 B’hekk, l-evalwazzjoni magħmula mill-Kummissjoni fuq żewġ elementi essenzjali tal-argument tagħha, jiġifieri l-ishma tas-suq u l-eżistenza ta’ dħul ekonomiku, hija kkontestata bid-delimitazzjoni żbaljata tas-suq. Konsegwentement, mingħajr ma kien hemm lok li tiġi evalwata l‑eżistenza ta’ ostakoli għad-dħul u s-saħħa ta’ xiri kompensatorju tal‑awtoritajiet pubbliċi, il-Kummissjoni ma setgħetx, fi kwalunkwe każ, tikkonkludi permezz tal-motivi li użat li Servier kellu pożizzjoni dominanti u kien f’pożizzjoni li jaġixxi, sa ċertu punt notevoli, indipendentement mill-kompetituri tiegħu, mill-klijenti tiegħu u mill-konsumaturi.

1608 Għalhekk, dan il-motiv, ibbażat fuq in-nuqqas ta’ pożizzjoni dominanti fis-suq ta’ prodotti lesti, għandu jintlaqa’.

14.    Fuq l-iżbalji ta’ liġi u l-iżbalji ta’ evalwazzjoni relatati mależistenza ta’ pożizzjoni dominanti fis-suq tat-teknoloġija

a)      L-argumenti tal-partijiet

[omissis]

b)      L-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali

1611 Fil-premessi 2667 u 2758 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkunsidrat li s-suq tat-teknoloġija rilevanti kien limitat għat-teknoloġija ta’ IFA ta’ perindopril u li Servier kien jokkupa pożizzjoni dominanti f’dan is-suq skont l-Artikolu 102 TFUE.

1612 Ir-rikorrenti jikkontestaw il-konklużjonijet tal-Kummissjoni u jsostnu b’mod partikolari li l-iżbalji kommessi mill-Kummissjoni fid‑definizzjoni tas-suq ta’ prodotti lesti jivvizjaw ukoll id-definizzjoni tas-suq tat-teknoloġija u l-analiżi tal-pożizzjoni dominanti ta’ Servier f’dan is-suq.

1613 F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali għamlet mistoqsijiet lill-partijiet, waqt is-seduta, dwar il-konsegwenzi li għandhom jiġu misluta dwar il‑legalità tad-deċiżjoni inkwantu hija bbażata fuq l-Artikolu 102 TFUE, f’każ li l-motiv ibbażat fuq id-definizzjoni żbaljata tas-suq tal-prodotti lesti kellu jintlaqa’.

1614 Il-Kummissjoni kkunsidrat li eventwali żball fid-delimitazzjoni tas-suq ta’ prodotti lesti ma jikkontestax il-pożizzjoni dominanti ta’ Servier fis-suq tat-teknoloġija. Il-Kummissjoni ssostni li l-prova tal-pożizzjoni dominanti ta’ Servier hija bbażata fuq l-evalwazzjoni ta’ numru ta’ kriterji rilevanti, b’mod partikolari d-domanda għal IFA tal-perindopril, li ma hijiex dipendenti fuq id-definizzjoni tas-suq tal-prodotti lesti.

1615 Fir-rigward tad-delimitazzjoni tas-suq tat-teknoloġija, mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li, sabiex jiġi konkluż li s-suq tat-teknoloġija rilevanti kien dak tat-teknoloġija ta’ IFA tal-perindopril, il-Kummissjoni bbażat ruħha b’mod partikolari fuq il-fatt li s-suq tal-prodotti lesti, marbut mas-suq tat-teknoloġija b’relazzjoni vertikali, kien limitat għall‑perindopril fil‑verżjonijiet tal-bidu u ġeneriku biss. Hija għalhekk ikkunsidrat li d-domanda għat-teknoloġija ta’ IFA ġejja mid-domanda għall-prodott mediċinali lest ta’ perindopril (premessi 2648 sa 2651 tad-deċiżjoni kkontestata). Il‑Kummissjoni għalhekk użat id-delimitazzjoni żbaljata tas-suq rilevanti li hija użat għas-suq tal-prodotti lesti fil-kuntest tal‑analiżi tagħha tas-suq tat-teknoloġija, b’mod partikolari fir-rigward tad-domanda f’dan l-aħħar suq.

1616 Madankollu, kif issostni l-Kummissjoni, hija użat ukoll, fil-kuntest tal‑analiżi tagħha tas-suq tat-teknoloġija, elementi oħra sabiex tiddelimita s-suq tat-teknoloġija, b’mod partikolari analiżi tas-sostitwibbiltà min‑naħa tal-offerta (premessi 2657 et seq. tad-deċiżjoni kkontestata).

1617 F’dan il-każ, madankollu ma huwiex neċessarju li tingħata deċiżjoni dwar in-natura żbaljata, jew le, tad-delimitazzjoni tas-suq tat-teknoloġija, sabiex jiġi evalwat il-motiv ibbażat fuq żbalji fit-turija, tal‑Kummissjoni, tal-eżistenza ta’ pożizzjoni dominanti ta’ Servier f’dan is-suq.

1618 Fil-fatt, mill-premessi 2668 u 2669 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni kkunsidrat li Servier kienet f’pożizzjoni dominanti fis‑suq tat-teknoloġija fir-rigward tal-manifestazzjonijiet ta’ din il‑pożizzjoni fis-suq tal-prodotti lesti.

1619 B’mod partikolari, il-Kummissjoni evalwat il-pożizzjoni ta’ Servier fis‑suq tat-teknoloġija ta’ IFA billi bbażat ruħha, fil-premessi 2735 et seq. tad-deċiżjoni kkontestata, fuq l-ishma tas-suq ta’ Servier fis-suq tal‑prodotti lesti. Il-Kummissjoni indikat espressament, fil‑premessa 2738 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-pożizzjoni tas-suq ta’ teknoloġija ta’ IFA partikolari kienet tiddependi fundamentalment mill‑kapaċità jew le tal-prodott farmaċewtiku lest li jitqiegħed fis-suq b’mod vijabbli. Huwa b’dan il-mod li l-Kummissjoni kkunsidrat, fil‑premessi 2743, 2746, 2751 u 2755 tad-deċiżjoni kkontestata, li Servier kien, ħlief għal ċerti eċċezzjonijiet, l-unika impriża li tikkumerċjalizza l-perindopril, sabiex tiddeduċi minnha li kien jinsab f’pożizzjoni dominanti fis-suq tat-teknoloġija tal-perindopril. Kif analizzata mill-Kummissjoni, il-pożizzjoni ta’ Servier fis-suq ’il fuq (upstream) f’termini ta’ ishma tas-suq hija għalhekk essenzjalment ir‑riflessjoni tal-pożizzjoni ta’ Servier fis-suq tal-prodotti lesti.

1620 Minn dan isegwi li l-Kummissjoni bbażat ruħha b’mod determinanti fuq id-delimitazzjoni tas-suq tal-prodotti lesti sabiex tikkonkludi dwar il‑pożizzjoni dominanti ta’ Servier fis-suq tat-teknoloġija.

1621 Peress li d-delimitazzjoni tas-suq tal-prodotti lesti kienet żbaljata, il‑Kummissjoni ma setgħetx, fuq din il-bażi, turi li Servier kellu pożizzjoni dominanti fis-suq tat-teknoloġija.

1622 Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, il-motiv ibbażat fuq żbalji fit-tueija, mill-Kummissjoni, tal-eżistenza ta’ pożizzjoni dominanti ta’ Servier fis-suq tat-teknoloġija, għandu jintlaqa’, mingħajr il-bżonn li tingħata risposta għall-ilment tar-rikorrenti dwar in-natura żbaljata tad‑delimitazzjoni tal-imsemmi suq.

15.    Fuq l-iżbalji ta’ liġi u ta’ fatt relatati mal-eżistenza ta’ abbuż minn pożizzjoni dominanti

a)      L-argumenti tal-partijiet

[omissis]

b)      L-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali

1625 Il-Kummissjoni kkunsidrat, fil-premessa 2997 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-istrateġija ta’ Servier li kienet tiġbor l-akkwist ta’ teknoloġija ta’ IFA u l-konklużjoni ta’ ftehimiet dwar soluzzjoni bonarja fil-qasam tal‑privattivi inkambju ta’ ħlas invertit kienet tikkostitwixxi ksur uniku u kontinwu tal-Artikolu 102 TFUE.

1626 Madankollu, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha esposti bħala risposti għat-tliet motivi preċedenti, hemm lok li jiġi konkluż li l-iżbalji kommessi mill-Kummissjoni fl-eżami tal-pożizzjoni dominanti ta’ Servier fis-suq tal-prodotti lesti u fis-suq tat-teknoloġija neċessarjament jikkontestaw l-eżistenza ta’ abbuż minn pożizzjoni dominanti. Fil-fatt, fin-nuqqas ta’ pożizzjoni dominanti, il-kwistjoni tal-abbuż minn din il-pożizzjoni tilfet kull rilevanza.

1627 Għal finijiet ta’ kompletezza, il-Qorti Ġenerali tirrileva li n-nuqqas ta’ pożizzjoni dominanti ta’ Servier fis-suq ta’ prodotti lesti biss jikkontesta, fih innifsu, l-eżistenza tal-abbuż minn pożizzjoni dominanti li dwaru Servier huwa kkritikat fid-deċiżjoni kkontestata.

1628 F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali, kif intqal fil-punt 1613 hawn fuq, waqt is-seduta staqsiet lill-partijiet dwar il-konklużjonijiet li għandhom jiġu misluta dwar l-eżistenza ta’ ksur tal-Artikolu 102 TFUE jekk il‑motiv ibbażat fuq id-definizzjoni skorretta tas-suq tal-prodotti lesti kellu jintlaqa’.

1629 F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni sostniet li, anki jekk id-definizzjoni tas-suq tal-prodotti lesti ma kinitx aċċettata mill-Qorti Ġenerali, l‑eżistenza tal-ksur tal-Artikolu 102 TFUE ma għandhiex tiġi kkontestata. Hija esponiet b’mod partikolari li ż-żewġ tipi ta’ aġir abbużiv koperti bl-abbuż minn pożizzjoni dominanti li dwarhom huwa kkritikat Servier, jiġifieri l-akkwist tat-teknoloġija ta’ Azad u s-sensiela ta’ ftehimiet dwar soluzzjoni bonarja fil-qasam tal-privattivi ma’ kumpanniji ta’ ġeneriċi, kienu marbuta mas-suq tat-teknoloġija.

1630 Madankollu, għandu jiġi rrilevat li l-Kummissjoni kkunsidrat l-eżistenza ta’ abbuż minn pożizzjoni dominanti intiż essenzjalment, skont it-termini tal-premessa 2765 tad-deċiżjoni kkontestata, sabiex jipproteġi l‑pożizzjoni ta’ Servier fis-suq tal-perindopril kontra kull dħul ta’ ġeneriċi, bil-għan li jipproteġi d-dħul ta’ Servier li ġej mill-perindopril. Il-Kummissjoni b’hekk akkużat lil Servier bi ksur uniku u kontinwu intiż essenzjalment sabiex jipproteġi l-pożizzjoni u d-dħul ta’ Servier fis-suq tal-prodotti lesti tal-perindopril billi jiġi ttardjat id-dħul tal-ġeneriċi. Għalhekk, sabiex tispjega u tiddefinixxi l-prattika li dwarha ġie kkritikat Servier, il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq il-volontà attribwita lil din l‑impriża li tiddefendi l-pożizzjoni tagħha fis-suq tal-prodotti lesti.

1631 Barra minn hekk, il-Kummissjoni, li essenzjalment irreferiet għas-suq tal-prodotti lesti sabiex tikkaratterizza l-prattika, ikkwalifikat il-fatti ta’ ksur uniku u kontinwu li jkopri kemm is-suq upstream tat-teknoloġija u s-suq tal-prodotti lesti. Jekk id-deċiżjoni kkontestata tiddistingwi, kif tfakkar il-Kummissjoni, bejn prattika ta’ akkwist tat-teknoloġija ta’ Azad u prattiki ta’ ftehim dwar soluzzjoni bonarja, għall-kuntrarju hija ma tiddistingwixxix, fi ħdan il-ksur uniku u kontinwu, bejn aġir ta’ Servier li jikkonċerna biss is-suq tat-teknoloġija u aġir ieħor ta’ Servier li huwa bbażat fuq il-konstatazzjoni ta’ pożizzjoni dominanti ta’ Servier fis-suq tal-prodotti lesti. La l-prattika ta’ akkwist tat-teknoloġija ta’ Azad u lanqas dik ta’ ftehimiet dwar soluzzjoni bonarja fil-qasam tal‑privattivi ma huma kklassifikati mid-deċiżjoni kkontestata bħala ksur tal-Artikolu 102 TFUE abbażi biss tal-pożizzjoni dominanti ta’ Servier fis-suq tat-teknoloġija. Fin-nuqqas ta’ pożizzjoni dominanti ta’ Servier fis-suq tal-prodotti lesti, l-evidenza tal-eżistenza tal-ksur uniku u kontinwu ma għandhiex wieħed mill-motivi meħtieġa tagħha, mingħajr ma huwa possibbli li jintwera aġir separat ta’ Servier li n-natura ta’ ksur tiegħu ma tiddependix mill-eżistenza ta’ pożizzjoni dominanti tal‑impriża fis-suq tal-perindopril u li jikkonċerna biss is-suq tat-teknoloġija.

1632 Għalhekk, dan il-motiv għandu jintlaqa’.

1633 Mill-eżami tal-erba’ motivi preċedenti jirriżulta li d-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi parzjalment annullata, inkwantu tikkonstata l-eżistenza ta’ ksur tal-Artikolu 102 TFUE. Konsegwentement, l-Artikolu 6 ta’ din id‑deċiżjoni għandu jiġi annullat.

16.    Fuq it-talbiet sussidjarji intiżi għall-annullament tal-multi jew għattnaqqis tal-ammont tagħhom

1634 Ir-rikorrenti jitolbu l-annullament tal-multi li ġew imposti fuqhom jew it‑tnaqqis tal-ammont tagħhom.

1635 Sabiex jinkiseb l-annullament ta’ dawn il-multi jew it-tnaqqis tal-ammont tagħhom, ir-rikorrenti jibbażaw ruħhom fuq seba’ motivi li ser jiġu eżaminati wara xulxin.

1636 Preliminarjament, sabiex jiġi kkunsidrat l-annullament tal-Artikolu 4 tad‑deċiżjoni kkontestata inkwantu f’dan l-artikolu l-Kummissjoni kkonstatat il‑parteċipazzjoni tar-rikorrenti fi ksur tal-Artikolu 101(1) TFUE dwar il‑ftehimiet konklużi bejn Servier u Krka (ara, hawn fuq, il-parti ddedikata għall-ftehimiet konklużi ma’ Krka), għandu jiġi annullat l‑Artikolu 7(4)(b) tad-deċiżjoni kkontestata, li permezz tiegħu l‑Kummissjoni imponiet multa ta’ EUR 37 661 800 kontra Servier minħabba dan il-ksur.

1637 Fid-dawl ta’ dan l-annullament, ma huwiex neċessarju li jiġi eżaminat il‑mertu tal-motivi jew tal-ilmenti li tqajmu insostenn tat-talbiet dwar il‑multa msemmija fil-punt 1636 hawn fuq.

1638 Bl-istess mod, sabiex jiġi kkunsidrat l-annullament tal-Artikolu 6 tad‑deċiżjoni kkontestata, li permezz tiegħu l-Kummissjoni kkonstatat ksur tal-Artikolu 102 TFUE (ara, hawn fuq, il-partijiet iddedikati għad‑definizzjoni tas-suq rilevanti, għall-eżistenza ta’ pożizzjoni dominanti fuq iż-żewġt’iswieq rilevanti u għall-abbuż minn pożizzjoni dominanti), għandu jiġi annullat l-Artikolu 7(6) tad-deċiżjoni kkontestata, li permezz tiegħu l-Kummissjoni imponiet multa ta’ EUR 41 270 000 kontra Servier minħabba dan il-ksur.

1639 Fid-dawl ta’ dan l-annullament, ma huwiex neċessarju li jiġi eżaminat il‑mertu tal-motivi jew tal-ilmenti li tqajmu insostenn tat-talbiet dwar il‑multa msemmija fil-punt 1638 hawn fuq.

1640 Konsegwentement, fl-argumenti li ġejjin, l-ilmenti u l-argumenti relatati mal-ftehimiet konklużi ma’ Krka jew mal-abbuż minn pożizzjoni dominanti, bħala regola mhux se jkunu eżaminati, u lanqas imsemmija. Meta, bħala eċċezzjoni, se jiġu eżaminati jew imsemmija, dan l-eżami se jsir għal finijiet ta’ kompletezza.

a)      Fuq in-natura imprevedibbli tal-interpretazzjoni użata fiddeċiżjoni kkontestata

1)      L-argumenti tal-partijiet

[omissis]

2)      L-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali

1655 Preliminarjament, għandu jiġi enfasizzat li r-ripressjoni effikaċi tal-ksur fil-qasam tad-dritt tal-kompetizzjoni ma tistax tasal sal-punt li tikser il‑prinċipju ta’ nullum crimen, nulla poena sine lege, kif stabbilit fl‑Artikolu 49 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali (ara, b’analoġija fir‑rigward ta’ sanzjonijiet kriminali u l-obbligu tal-Istati Membri li jiġġieldu kontra attivitajiet illegali li jippreġudikaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, is-sentenza tal-5 ta’ Diċembru 2017, M.A.S. u M.B., C‑42/17, EU:C:2017:936, punt 61).

1656 Sussegwentement, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-prinċipju ta’ nullum crimen, nulla poena sine lege jeżiġi li l-liġi tiddefinixxi b’mod ċar ir-reati u l-pieni li jikkastigawhom. Din il‑kundizzjoni hija ssodisfatta meta l-persuna suġġetta għal-liġi tkun tista’ tagħraf, mill-kliem tad-dispożizzjoni rilevanti u, jekk meħtieġ, bl‑għajnuna tal-interpretazzjoni li hija mogħtija mill-qrati dwar dan, liema atti jew ommissjonijiet jimplikaw ir-responsabbiltà kriminali tagħha (ara s-sentenza tat-22 ta’ Ottubru 2015, AC-Treuhand vs Il‑Kummissjoni, C‑194/14 P, EU:C:2015:717, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).

1657 Il-prinċipju ta’ nullum crimen, nulla poena sine lege ma jistax jiġi interpretat bħala li jipprojbixxi l-kjarifika gradwali tar-regoli tar‑responsabbiltà kriminali permezz tal-interpretazzjoni ġudizzjarja ta’ kawża għal oħra, sakemm ir-riżultat ikun raġonevolment prevedibbli meta twettaq il-ksur, fid-dawl b’mod partikolari tal-interpretazzjoni mogħtija dak iż-żmien fil-ġurisprudenza relattiva għad-dispożizzjoni legali inkwistjoni (ara s-sentenza tat-22 ta’ Ottubru 2015, AC-Treuhand vs Il-Kummissjoni, C‑194/14 P, EU:C:2015:717, punt 41 u l‑ġurisprudenza ċċitata).

1658 Il-portata tal-kunċett ta’ prevedibbiltà tiddependi kunsiderevolment mill‑kontenut tat-test inkwistjoni, mill-qasam li huwa jkopri kif ukoll min-numru u mill-kwalità tad-destinatarji tiegħu. Il-prevedibbiltà tal-liġi ma tipprekludix li l-persuna kkonċernata jkollha tasal sabiex tirrikorri għal konsulenza esperta sabiex tevalwa, b’mod raġonevoli fiċ-ċirkustanzi tal-każ, il-konsegwenzi li jistgħu jirriżultaw minn att speċifiku. Dan huwa applikabbli speċjalment għall-professjonisti, li huma mdorrijin jeżerċitaw prudenza kbira fl-eżerċizzju tal-professjoni tagħhom. Huwa mistenni wkoll li huma jkollhom attenzjoni partikolari fl-evalwazzjoni tar-riskji li dan jinkludi (ara s-sentenza tat-22 ta’ Ottubru 2015, AC‑Treuhand vs Il-Kummissjoni, C‑194/14 P, EU:C:2015:717, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata).

1659 Għandu jingħad ukoll li l-użu ta’ pariri minn professjonisti jidher b’mod iktar ċar meta jkun hemm bżonn, bħal ma kien il-każ f’dan il-każ, li jiġu ppreparati u redatti ftehimiet intiżi sabiex jipprevjenu jew jirregolaw il‑konklużjoni bonarja ta’ kawżi.

1660 F’dan il-kuntest, minkejja li, fiż-żmien meta seħħ il-ksur li wassal għad‑deċiżjoni kontenzjuża, il-qrati tal-Unjoni Ewropea kien għad ma kellhomx l-opportunità li jiddeċiedu speċifikament dwar ftehim dwar soluzzjoni bonarja bħal dawk konklużi minn Servier, dan seta’ tistenna, jekk hemm bżonn wara konsulenza esperta, li l-aġir tiegħu jista’ jkun iddikjarat inkompatibbli mar-regoli tal-kompetizzjoni tad-dritt tal‑Unjoni, fid-dawl, b’mod partikolari, tal-portata wiesgħa tal-kunċetti ta’ “akkordju [ftehim]” u “prattika miftiehma” li tirriżulta mill‑ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-22 ta’ Ottubru 2015, AC-Treuhand vs Il-Kummissjoni, C‑194/14 P, EU:C:2015:717, punt 43).

1661 Servier seta’ jippreżumi b’mod partikolari li, billi jinċentiva lil kumpanniji ta’ ġeneriċi sabiex jissottomettu lilhom infushom għal klawżoli ta’ nuqqas ta’ kummerċjalizzazzjoni u ta’ nuqqas ta’ kontestazzjoni, li minnhom infushom jirrestrinġu l-kompetizzjoni, kien qed ixejjen kull leġittimità tal-inklużjoni ta’ tali klawżoli fi ftehim dwar soluzzjoni bonarja fil-qasam tal-privattivi. Fil-fatt, tali inklużjoni ma kinitx għadha bbażata fuq ir-rikonoxximent mill-partijiet tal-ftehimiet tal‑validità tal-privattiva u b’hekk kienet tiżvela użu anormali tal‑privattiva, mingħajr ebda rabta mal-għan speċifiku tagħha (ara l‑punt 267 hawn fuq). Għalhekk Servier seta’ raġonevolment jipprevedi li kien qiegħed jadotta aġir li jaqa’ fil-projbizzjoni stabbilita fl‑Artikolu 101(1) TFUE (ara, f’dan is‑sens, is-sentenzi tat‑22 ta’ Ottubru 2015, AC-Treuhand vs Il‑Kummissjoni, C‑194/14 P, EU:C:2015:717, punt 46, u tat‑8 ta’ Settembru 2016, Lundbeck vs Il‑Kummissjoni, T‑472/13, taħt appell, EU:T:2016:449, punt 764).

1662 Barra minn hekk, kif il-Qorti Ġenerali diġà rrilevat, ħafna qabel id-data tal-konklużjoni tal-ftehim ikkontestat, il-ġurisprudenza kienet iddeċidiet dwar il-possibbiltà li jiġi applikat id-dritt tal-kompetizzjoni f’oqsma kkaratterizzati mill-preżenza ta’ drittijiet ta’ proprjetà intelletwali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-8 ta’ Settembru 2016, Xellia Pharmaceuticals u Alpharma vs Il-Kummissjoni, T‑471/13, mhux ippubblikata, taħt appell, EU:T:2016:460, punti 314 u 315).

1663 B’hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset, sa mill-1974, li, għalkemm id-drittijiet irrikonoxxuti mil-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru fil-qasam tal-proprjetà industrijali ma humiex affettwati mill‑Artikolu 101 TFUE, il-kundizzjonijiet tal-eżerċizzju tagħhom jistgħu jaqgħu fil-projbizzjonijiet stabbiliti minn dan l-artikolu u li dan seta’ jkun il-każ kull darba li l-eżerċizzju ta’ tali dritt deher li huwa l-għan, il-motiv jew il-konsegwenza ta’ akkordju (sentenza tal‑31 ta’ Ottubru 1974, Centrafarm u de Peijper, 15/74, EU:C:1974:114, punti 39 u 40).

1664 Sussegwentement, sa mis-sentenza tas-27 ta’ Settembru 1988, Bayer u Maschinenfabrik Hennecke (65/86, EU:C:1988:448), huwa ċar li s-soluzzjonijiet bonarji ta’ kawżi marbuta ma’ privattivi jistgħu jiġu kklassifikati bħala ftehimiet fis-sens tal-Artikolu 101 TFUE.

1665 Barra minn hekk, hemm lok li jiġi enfasizzat li, bil-ftehimiet ikkontestati, Servier u l-kumpanniji ta’ ġeneriċi, fir-realtà iddeċidew li jikkonkludu ftehimiet ta’ esklużjoni mis-suq (ara, b’mod partikolari, il-punti 271, 562 u 704 hawn fuq). Issa, għalkemm huwa minnu li kien biss f’sentenza mogħtija wara l-adozzjoni tal-ftehimiet ikkontestati li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-ftehimiet ta’ esklużjoni mis-suq, li fihom dawk li jibqgħu fis-suq jikkumpensaw lil dawk li joħorġu minnu, kienu jikkostitwixxu restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan, hija madankollu speċifikat li dan it-tip ta’ ftehimiet imur kontra “b’mod evidenti” l-idea inerenti għad-dispożizzjonijiet tat-Trattat marbuta mal-kompetizzjoni, li skontha kull operatur ekonomiku għandu jiddetermina b’mod awtonomu l-politika li huwa jintendi jsegwi fis-suq (sentenza tal‑20 ta’ Novembru 2008, Beef Industry Development Society u Barry Brothers, C‑209/07, EU:C:2008:643, punti 8 u 32 sa 34). Bil-konklużjoni ta’ tali ftehimiet, Servier ma setax għalhekk jinjora n-natura antikompetittiva tal-aġir tiegħu.

1666 Ċertament, għalkemm, minħabba l-fatt li l-ftehimiet inkwistjoni ġew konklużi fil-forma ta’ ftehimiet dwar soluzzjoni bonarja marbuta ma’ privattiva, in-natura ta’ ksur ta’ dawn il-ftehimiet setgħet ma tkunx tidher, b’mod ċar, għal osservatur esterjuri bħall-Kummissjoni jew avukati speċjalizzati fl-oqsma inkwistjoni, dan ma kienx jgħodd ukoll għall-partijiet fil-ftehimiet.

1667 Id-diffikultajiet li setgħet tiffaċċja l-Kummissjoni fl-identifikazzjoni ta’ ksur kienu, barra minn hekk, tali li jiġġustifikaw, tal-inqas parzjalment, it‑tul tal-proċedura jew dak tad-deċiżjoni kkontestata.

1668 Il-konklużjoni ppreżentata fil-punt 1661 hawn fuq ma għandhiex tiġi kkontestata permezz tal-argumenti l-oħra ppreżentati mir-rikorrenti.

1669 Fl-ewwel lok, l-argument ibbażat fuq l-eżistenza ta’ prattika tal‑Kummissjoni li skontha din tal-aħħar tastjeni milli timponi multi jew sempliċiment timponi multi simboliċi meta teżamina kwistjonijiet legali kumplessi li ma jkunux ġew riżolti qabel mill-qrati tal-Union ma jistax jintlaqa’ għaliex minkejja n-novità ta’ ċerti kwistjonijiet imqajma fil‑kuntest ta’ din il-kawża, Servier seta’ raġonevolment jipprevedi li, bl‑aġir tiegħu, jiġifieri billi ħallas kumpanniji ta’ ġeneriċi sabiex jibqgħu barra mis-suq, huwa adotta aġir li jaqa’ fil-projbizzjoni stabbilita fl‑Artikolu 101(1) TFUE (ara l-punt 1661 hawn fuq). F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li, f’waħda mid-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni li jiċċitaw ir-rikorrenti, kien jidher li “għall-persuni kkonċernati ma kienx suffiċjentement ċar li l-aġir tagħhom kien jikkostitwixxi ksur” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Il-Kummissjoni għalhek kienet f’sitwazzjoni differenti minn dik ta’ din il-kawża.

1670 Barra minn hekk, fil-punt 1665 hawn fuq intqal li Servier ma setax jinjora n-natura antikompetittiva tal-aġir tiegħu.

1671 Fi kwalunkwe każ, skont il-ġurisprudenza, il-Kummissjoni għandha marġni diskrezzjonali fl-istabbiliment tal-ammont tal-multi sabiex torjenta l-aġir tal-impriżi fis-sens tal-osservanza tar-regoli tal‑kompetizzjoni. Il-fatt li l-Kummissjoni kienet applikat, fil-passat, multi ta’ ċertu livell għal ċerti tipi ta’ ksur ma jistax iċaħħadha mill‑possibbiltà li tgħolli dan il-livell fil-limiti indikati mir-Regolament Nru 1/2003, jekk dan ikun neċessarju sabiex tiżgura l-implimentazzjoni tal-politika ta’ kompetizzjoni tal-Unjoni. Għall-kuntrarju, l-applikazzjoni effikaċi tar-regoli tal-Unjoni fil-qasam tal-kompetizzjoni tirrikjedi li l‑Kummissjoni tkun tista’ f’kull mument tadatta l-livell tal-multi għall‑bżonnijiet ta’ din il-politika (sentenza tat-8 ta’ Settembru 2016, Lundbeck vs Il-Kummissjoni, T‑472/13, taħt appell, EU:T:2016:449, punt 773).

1672 Fit-tieni lok, minkejja li r-rikorrenti jirreferu għall-eżistenza ta’ parir legali li ntalab minn waħda mill-kumpanniji ta’ ġeneriċi inkwistjoni u li jissemma fil-premessa 3074 tad-deċiżjoni kkontestata, huma ma jipprovdux provi suffiċjenti sabiex ikun jista’ jiġi konkluż li kien hemm inċertezza reali dwar in-natura tal-ksur, fir-rigward tar-regoli tal-Unjoni fil-qasam tad-dritt tal-kompetizzjoni, tal-ftehimiet ikkontestati.

1673 Fit-tielet lok, għalkemm ir-rikorrenti jsostnu li s-soluzzjoni użata mill‑Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata tikser il-prinċipji stabbiliti fil-Linji Gwida tal-2004 għall-ftehimiet dwar it-trasferiment ta’ teknoloġija, dan l-argument għandu jiġi miċħud.

1674 Fil-fatt, anki jekk wieħed jippresupponi li r-rikorrenti riedu b’hekk jinvokaw ksur tal‑paragrafu 209 tal-Linji Gwida tal-2004 għall-ftehimiet dwar it‑trasferiment ta’ teknoloġija, minn dan il-paragrafu jirriżulta li klawżoli ta’ nuqqas ta’ kontestazzjoni huma “ġeneralment” ikkunsidrati bħala li ma jaqgħux taħt l-Artikolu 101(1) TFUE. B’hekk, fid-dawl tal-użu ta’ dan it-terminu, din id-dispożizzjoni ma teskludix li l-inklużjoni ta’ klawżoli ta’ nuqqas ta’ kontestazzjoni tista’, f’ċerti ċirkustanzi, tikkostitwixxi ksur tal-kompetizzjoni.

1675 Barra minn hekk, il-paragrafu 209 tal-Linji Gwida tal-2004 għall‑ftehimiet dwar it-trasferiment ta’ teknoloġija jipprevedi li klawżoli ta’ nuqqas ta’ kontestazzjoni jistgħu ma jaqgħux taħt l‑Artikolu 101(1) TFUE, inkwantu dawn il-klawżoli, billi jevitaw il‑kontestazzjonijiet futuri tad-drittijiet tal-proprjetà intelletwali koperti bil-ftehimiet, għandhom “l-għan veru […] li jirregolaw il-kawżi eżistenti u/jew li jevitaw kawżi futuri” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

1676 Issa, fil-każ fejn, bħal f’dan il-każ, huwa ħlas invertit, u mhux ir‑rikonoxximent minn kull parti tal-validità tal-privattiva, li wassal għall-adozzjoni tal-ftehimiet ikkontestati, dawn il-ftehimiet, li fir-realtà huma ftehimiet ta’ esklużjoni mis-suq li jsegwu għanijiet antikompetittivi, ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala li għandhom “l-għan veru […] li jirregolaw il-kawżi eżistenti u/jew li jevitaw kawżi futuri” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

1677 Barra minn hekk, l-ebda prova ma tippermetti li jiġi konkluż, kuntrarjament għal dak li jidhru li qed isostnu r-rikorrenti, li s-soluzzjoni użata mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata kienet imprevedibbli sal-punt li l-Kummissjoni ħasset il-ħtieġa li tibdel id-dispożizzjonijiet tal‑Linji Gwida tal-2004 għall-ftehimiet dwar it-trasferiment ta’ teknoloġija.

1678 Ċertament, huwa previst, fil-paragrafu 243 tal-Linji Gwida tal-2004 għall-ftehimiet dwar it-trasferiment ta’ teknoloġija, li l-klawżoli ta’ nuqqas ta’ kontestazzjoni jistgħu jiksru l-Artikolu 101(1) TFUE jekk min jitrasferixxi, apparti t-trasferiment tad-drittijiet fuq it-teknoloġija, jinċentiva lil min jirċievi, finanzjarjament jew b’xi mod ieħor, li jaċċetta li ma jikkontestax il-validità tad-drittijiet fuq it-teknoloġija.

1679 Madankollu, din id-dispożizzjoni l-ġdida kienet limitata sabiex tispjega d-dispożizzjonijiet preċedentement inklużi fil-Linji Gwida tal-2004 għall-ftehimiet dwar it-trasferiment ta’ teknoloġija.

1680 Fir-raba’ lok, fir-rigward tal-argument ibbażat fuq l-eżistenza ta’ kontradizzjonijiet fid-deċiżjoni kkontestata relatati mal-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ kompetizzjoni potenzjali, għandu jiġi rrilevat li dan l‑argument diġà ġie miċħud u għandu jsir riferiment għall‑kunsiderazzjonijiet diġà esposti f’dan ir-rigward (ara l-punti 374 sa 377 hawn fuq).

1681 Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li dan il-motiv, inkwantu jirrigwarda l-ksur tal-Artikolu 101 TFUE msemmija fid-deċiżjoni kkontestata, għandu jiġi miċħud.

b)      Fuq l-iżball ta’ liġi relatat mal-kumulu tal-multi

1682 Ir-rikorrenti jinvokaw żewġ ilmenti, ibbażati, l-ewwel wieħed, fuq l‑eżistenza ta’ ksur wieħed li jiġbor il-ftehimiet kollha dwar soluzzjoni bonarja kkontestati konklużi minn Servier, li jipprekludi lill‑Kummissjoni milli timponi fuq Servier ħames multi distini, u, it-tieni, fuq in-natura illegali tal-kumulu tal-multa imposta bis-saħħa tal‑Artikolu 101 TFUE u ta’ dik imposta bis-saħħa tal‑Artikolu 102 TFUE.

1)      Fuq il-ksur tal-kunċett ta’ ksur uniku

i)      L-argumenti tal-partijiet

[omissis]

ii)    L-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali

1685 Ir-rikorrenti jinvokaw żewġ argumenti, relatati t-tnejn li huma mal‑kunċett ta’ ksur uniku u bbażati, l-ewwel wieħed, fuq l-eżistenza ta’ ksur uniku li jiġbor fih il-ftehimiet kollha dwar soluzzjoni bonarja kkontestati konklużi minn Servier u, it-tieni, b’mod sussidjarju, fuq l-eżistenza ta’ ksur uniku li jiġbor fih il-ftehimiet Niche u Matrix.

1686 Fir-rigward tal-ewwel argument, kif jirriżulta mill-punt 1282 hawn fuq, l-eżistenza ta’ għan komuni għal Servier u għal kull waħda mill‑kumpanniji ta’ ġeneriċi u għalhekk ta’ pjan ġenerali ma setgħetx tiġi kkonstatata mill-Kummissjoni.

1687 Fin-nuqqas ta’ tali għan komuni kif ukoll ta’ pjan ġenerali, il‑Kummissjoni ma setgħetx tikkonkludi dwar l-eżistenza ta’ ksur uniku. Hija kienet għalhekk korretta li timponi multa distinta fuq Servier għal kull ksur ikkonstatat.

1688 B’hekk, il-kumulu tal-multi li wettqet il-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, li huwa bbażat fuq il-konstatazzjoni ġġustifikata tal‑eżistenza tal-ksur distinti, ma jistax jiġi kkunsidrat, kuntrarjament għal dak li jsostnu r-rikorrenti, bħala “inġust u sproporzjonat”.

1689 Għall-kuntrarju, ikun inġust fir-rigward tal-kumpanniji ta’ ġeneriċi jekk Servier, bħalhom, jiġi ssanzjonat biss darba waħda, minkejja li, kuntrarjament għalihom, Servier ipparteċipa f’diversi ftehimiet distinti.

1690 Barra minn hekk, il-kumulu tal-multi huwa, bħala tali, inqas u inqas peress li l-Kummissjoni qieset, fid-deċiżjoni kkontestata (premessa 3128), il-fatt li Servier kien ikkommetta diversi ksur, ċertament distinti, iżda li kienu jirrigwardaw l-istess prodott, il-perindopril, u, sa ċertu punt, l-istess żoni ġeografiċi u l-istess perijodi. F’dan il-kuntest partikolari, sabiex tevita riżultat potenzjalment sproporzjonat, hija ddeċidiet li tillimita, għal kull ksur, il-proporzjoni tal-valur tal-bejgħ magħmul minn Servier ikkunsidrat sabiex jiġi stabbilit l-ammont bażiku tal-multa. Hija għalhekk wettqet korrezzjoni li wasslet għal tnaqqis medju ta’ 54.5 % tal-valur totali tal-bejgħ relatati mal-ksur differenti tal‑Artikolu 101 TFUE.

1691 Għalhekk dan l-argument għandu jiġi miċħud.

1692 Fir-rigward tal-argument speċifiku dwar il-ftehimiet Niche u Matrix, kif jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 1295 sa 1302 hawn fuq, dawn il-ftehimiet kienu jikkostitwixxu żewġ ksur distinti tal‑Artikolu 101 TFUE.

1693 Madankollu, kif indikat fil-punt 1296 hawn fuq, mill-analiżi tal-kuntest u tal-kundizzjonijiet ta’ dawn il-ftehimiet jista’ jiġi dedott li Servier kellu “l-istess motivazzjonijiet” meta kkonkluda l-ftehimiet inkwistjoni u kien qed isegwi f’dan ir-rigward għan identiku, jiġifieri li jirregola b’mod definittiv il-kawża pendenti u jevita kwalunkwe kawża futura li tirrigwarda l-prodott ta’ Niche/Matrix kif ukoll li jelimina dan il-prodott inkwantu sors ta’ kompetizzjoni potenzjali permezz ta’ pagament. B’mod partikolari, dan l‑istess għan segwit minn Servier waqt il-konklużjoni tal-ftehimiet Niche u Martrix jintwera effettivament mill-fatt li dawn il-ftehimiet ġew iffirmati fl-istess jum u fl-istess post mill-istess rappreżentant tar‑rikorrenti, il-fatt li l-kamp ta’ applikazzjoni ratio temporis u ġeografiku tagħhom kienu identiċi, il-fatt li l-ftehimiet kienu jirrigwardaw b’mod partikolari l-istess prodott u li jimponu obbligi simili fuq Niche u Matrix u, finalment, il-fatt mhux ikkontestat li kien fl-interess ta’ Servier li jikkonkludi ftehimiet maż-żewġ partijiet li ħadu sehem fil-proġett tal-perindopril komuni kkonċernat.

1694 Jekk l-informazzjoni fattwali esposta fil-punt 1693 hawn fuq ma tippermettix li jiġi stabbilit li Niche u Matrix kienu jsegwu flimkien l‑istess għan, li juri li kien hemm pjan ġenerali bil-konklużjoni tal‑ftehimiet inkwistjoni, u lanqas a fortiori li kienu jaqsmu dan il-pjan komuni ma’ Servier, hija turi li Servier kien isegwi l-istess għan waqt il‑konklużjoni tal-ftehimiet Niche u Matrix (ara l-punti 1296 sa 1301 hawn fuq).

1695 Barra minn hekk, l-effetti dannużi tal-ftehimiet kienu jirrigwardaw parzjalment il-prodott żviluppat b’mod komuni minn Niche u Matrix, li l-kummerċjalizzazzjoni tiegħu kienet ipprojbita matul l-istess perijodu u fl-istess territorju. B’hekk, il-grad ta’ sovrappożizzjoni tal-effetti antikompetittivi ta’ dawn il-ftehimiet kien partikolarment għoli.

1696 Fid-dawl tal-elementi msemmija fil-punt preċedenti, li huma speċifiċi għall-ftehimiet Niche u Matrix u li għalhekk jiddistinwuhom mill-ftehimiet dwar soluzzjoni bonarja li Servier ikkonkluda ma’ kumpanniji oħra ta’ ġeneriċi, għandu jiġi kkonstatat li t-tnaqqis minħabba l-kumulu ta’ ksur użat mill-Kummissjoni (ara l-punt 1690 hawn fuq), peress li hija ma applikatx trattament partikolari għall-ftehim Matrix, ma ħax inkunsiderazzjoni b’mod suffiċjenti r-rabtiet li dan il-ftehim kellu mal‑ftehim Niche.

1697 Barra minn hekk, l-ammont tal-multa użat mill-Kummissjoni ma jikkunsidrax, b’mod adegwat, il-livell ta’ gravità tal-ksur ikkostitwit mill‑ftehim Matrix, li, f’dak li jirrigwarda lil Servier, huwa inqas mil‑livell ta’ gravità tal-ksur ikkostitwit mill-ftehim Niche, peress li l‑ftehim Matrix ġie konkluż minn Servier sabiex isostni l-effetti tal‑ftehim Niche (ara l-punt 1300 hawn fuq) u peress li, fid-dawl tal-ftehim Biogaran, it‑trasferiment tal-valur globali li minnu bbenefikaw Niche u Unichem huwa ogħla minn dak li minnu bbenefikat Matrix.

1698 Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali, fl-eżerċizzju tas-setgħa tal‑ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, iddeċidiet, sabiex tosserva l-prinċipju ta’ proporzjonalità, (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-4 ta’ Settembru 2014, YKK et vs Il-Kummissjoni, C‑408/12 P, EU:C:2014:2153, punt 66), li tnaqqas l-ammont tal-multa imposta fuq Servier fir-rigward tal-ftehim Matrix bi 30 %, jiġifieri EUR 23 736 510.

1699 Konsegwentement, l-ammont tal-multa imposta fuq Servier minħabba l‑ksur imsemmi fl-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata, kif jirriżulta mill‑Artikolu 7(2)(b) tagħha, huwa stabbilit għal EUR 55 385 190 minflok EUR 79 121 700.

2)      Fuq il-kumulu tal-multi skont l-Artikoli 101 u 102 TFUE

i)      L-argumenti tal-partijiet

[omissis]

ii)    L-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali

1702 Fir-rigward tal-annullament tal-Artikolu 7(6) tad-deċiżjoni kkontestata (ara l-punt 1638 hawn fuq), Servier hija ssanzjonata biss skont l‑Artikolu 101 TFUE. Fin-nuqqas ta’ kumulu ta’ sanzjonijiet skont l‑Artikoli 101 u 102 TFUE, ma huwiex neċessarju, fi kwalunkwe każ, li jiġi eżaminat il-mertu ta’ dan l-ilment, li għandu jiġi miċħud.

c)      Fuq il-kalkolu tal-valur tal-bejgħ

1703 Ir-rikorrenti jibbażaw ruħhom fuq tliet ilmenti distinti li għandhom jiġu eżaminati b’mod separat.

1)      Fuq it-teħid inkunsiderazzjoni tal-bejgħ fin-netwerk tal-isptarijiet

i)      L-argumenti tal-partijiet

[omissis]

ii)    L-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali

1706 Għandu jiġi rrilevat li insostenn ta’ dan l-ilment, ir-rikorrenti jirreferru għall-premessi 2408 sa 2412 tad-deċiżjoni kkontestata, li fihom il‑Kummissjoni tindika li hija teskludi s-settur tal-isptarijiet mill-analiżi tagħha tas-suq.

1707 Il-premessi 2408 sa 2412 tad-deċiżjoni kkontestata huma inklużi fil‑punt 6.5 tal-imsemmija deċiżjoni, iddedikata għall-evalwazzjoni tal‑pożizzjoni dominanti ta’ Servier fis-suq tal-prodotti lesti.

1708 Fil-premessa 2412 tad-deċiżjoni kkontestata l-Kummissjoni indikat li l‑perindopril kien essenzjalment imqassam permezz tan-netwerk tal‑konsum bl-imnut u li għalhekk, il-bejgħ li sar fl-isptarijiet ma setax jaffettwa l-prezzijiet u l-volumi globali miksuba fin-netwerk tal-konsum bl-imnut. Għalhekk, il-Kummissjoni qieset li r-restrizzjonijiet kompetittivi li ġejjin mis-settur tal-isptarijiet ma kellhomx ir-riskju li jipprekludu lil Servier milli jaġixxi indipendentement minn kull pressjoni kompetittiva. Hija għalhekk eskludiet is-settur tal-isptarijiet mill-analiżi tas-swieq ta’ prodotti lesti.

1709 Barra minn hekk, il-Kummissjoni spjegat, fil-premessa 2595 tad‑deċiżjoni kkontestata, li l-konstatazzjoni ta’ indipendenza fir-rigward tal-pressjoni kompetittiva kienet tippermetti li tiġi kkonstatata l-eżistenza ta’ setgħa tas-suq.

1710 Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-Kummissjoni riedet teskludi s-settur tal-isptarijiet mill-analiżi tas-suq, minħabba li hija qieset li dan il-porzjon tas-suq ma kienx rilevanti sabiex tistabbilixxi jekk Servier kellux jew le setgħa tas-suq.

1711 Waqt l-eżami tal-ftehimiet ikkontestati abbażi tal-Artikolu 101 TFUE, il‑Kummissjoni rreferiet għall-punt 6.5 tad-deċiżjoni kkontestata fil‑kuntest tal-analiżi tar-restrizzjoni minħabba l-effett li għaliha l‑konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ setgħa tas-suq ta’ Servier kienet tippreżenta interess, kif jirriżulta, b’mod partikolari, mill-premessi 1397, 1503, 1656, 1847 u 2048 tad-deċiżjoni kkontestata u, fuq kollox, mill‑premessa 1224 tagħha, li fih il-Kummissjoni indikat li l-kunċett ta’ setgħa tas-suq kien ċentrali għall-analiżi tal-effetti restrittivi tal-ftehimiet.

1712 Il-Kummissjoni għalhekk riedet teskludi s-settur tal-isptarijiet mill-analiżi tar-restrizzjoni minħabba l-effett.

1713 Fir-rigward tal-analiżi tagħha tar-restrizzjoni minħabba l-għan, il‑Kummissjoni ma rreferietx għall-punt 6.5 tad-deċiżjoni kkontestata u fl-ebda ħin ma indikat li hija kienet eskludiet is-settur tal-isptarijiet mill‑analiżi tagħha. Barra minn hekk, tali esklużjoni ma kienet tippreżenta l-ebda interess għall-Kummissjoni, għaliex l-analiżi tar‑restrizzjoni minħabba l-għan ma wasslithiex biex tistabbilixxi jekk Servier kellux jew le setgħa tas-suq.

1714 Barra minn hekk, sabiex tikkonstata l-eżistenza ta’ restrizzjoni minħabba l-għan, il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq il-preżenza ta’ klawżoli restrittivi fil-ftehimiet ikkontestati. Kienet għalhekk il-preżenza ta’ dawn il-klawżoli u, konsegwentement, il-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom li ppermettew lill-Kummissjoni li tiddelimita l-portata tar-restrizzjoni minħabba l-għan. Pereżempju, fir-rigward tal-kamp ġeografiku tar‑restrizzjoni minħabba l-għan użat, għal kull ftehim, mill‑Kummissjoni, dan kien jinkludi biss l-Istati Membri li fihom kienu japplikaw il‑klawżoli restrittivi, kif jirriżulta mit-tabella nru 50, li tinsab fil‑premessa 3134 tad-deċiżjoni kkontestata.

1715 Issa, il-klawżoli ta’ nuqqas ta’ kummerċjalizzazzjoni li jinsabu fil‑ftehimiet ikkontestati ma kinux jeskludu s-settur tal-isptarijiet mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom. Bl-istess mod, anki jekk jitqies li tali esklużjoni hija possibbli għal klawżola ta’ nuqqas ta’ kontestatazzjoni, il-klawżoli ta’ nuqqas ta’ kontestazzjoni li jinsabu f’dawn il-ftehimiet lanqas ma kienu jeskludu l-imsemmi settur mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom.

1716 Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi konkluż li l‑Kummissjoni ma eskludietx is-settur tal-isptarijiet meta kkonstatat l‑eżistenza ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan.

1717 Sabiex jiġi stabbilit jekk ir-rikorrenti jistgħux, minħabba l-esklużjoni tas‑settur tal-isptarijiet mill-analiżi tar-restrizzjoni minħabba l-effett ikkonstatata iktar ’il fuq, xorta jiksbu tnaqqis tal-ammont tal-multi imposti skont l-Artikolu 101 TFUE, għandu jiġi żgurat li t-teħid inkunsiderazzjoni tal-konstatazzjoni ta’ restrizzjoni minħabba l-effett mill-Kummissjoni ma ppermettilhiex li tikkundanna lil Servier lil hinn minn dak li l-unika konstatazzjoni tar-restrizzjoni minħabba l-għan kienet tippermettilha tagħmel.

1718 F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, fl-ebda mument, il-Kummissjoni ma indikat fid-deċiżjoni kkontestata li hija estendiet il-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae, temporis jew ġeografiku tal-ksur lil hinn minn dak li l-konstatazzjoni tar-restrizzjoni minħabba l-għan kien jippermettilha li tagħmel.

1719 Għall-kuntrarju, il-Kummissjoni kkonstatat l-eżistenza ta’ restrizzjoni minħabba l-effett f’erba’ Stati Membri biss, jiġifieri Franza, il-Pajjiżi l‑Baxxi, il-Polonja u r-Renju Unit, filwaqt li, għall-kalkolu tal-ammont tal-multa, fir-rigward tal-ksur li jikkonċerna lil Niche u Unichem, Matrix, Krka u Lupin, hija estendiet il-portata ġeografika tal-ksur għall-Istati Membri kollha li fihom il-ftehimiet kienu applikati.

1720 Barra minn hekk, jista’ jiġi rrilevat li kien biss b’mod sussidjarju, “sabiex tkun eżawrjenti” (premessa 1213 tad-deċiżjoni kkontestata), li l‑Kummissjoni analizzat l-effetti restrittivi fuq il-kompetizzjoni tal‑ftehimiet ikkontestati.

1721 Finalment, ir-rikorrenti jindikaw huma stess li l-kalkolu tal-ammont tal‑multa “huwa bbażat esklużivament fuq il-premessa li l-ftehimiet jikkostitwixxu restrizzjonijiet minħabba l-għan”.

1722 B’hekk, it-teħid inkunsiderazzjoni tal-konstatazzjoni tar-restrizzjoni minħabba l-effett mill-Kummissjoni ma ppermettilhiex li tikkundanna lil Servier lil hinn minn dak li l-unika konstatazzjoni tar-restrizzjoni minħabba l-għan kienet tippermettilha tagħmel.

1723 Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-Kummissjoni kienet korretta li ma eskludietx is-settur tal-isptarijiet mill-kalkolu tal-ammont tal-multa għall-parti tagħha relatata mal-Artikolu 101 TFUE.

1724 Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li dan l-ilment għandu jiġi miċħud.

2)      Fuq l-insuffiċjenza tal-motivazzjoni tal-kalkolu tal-valur tal-bejgħ

i)      L-argumenti tal-partijiet

[omissis]

ii)    L-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali

1727 Għandu jitfakkar li minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li, fid‑determinazzjoni tal-ammont tal-multa f’każ ta’ ksur tar-regoli tal‑kompetizzjoni, il-Kummissjoni tissodisfa l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha meta hija tindika fid-deċiżjoni tagħha l-elementi ta’ evalwazzjoni li ppermettewlha tkejjel is-serjetà u t-tul tal-ksur, mingħajr ma tkun obbligata li tindika ċ-ċifri marbuta mal-metodu tal-kalkolu tal-ammont tal-multa (ara s-sentenza tat-22 ta’ Ottubru 2015, AC-Treuhand vs Il-Kummissjoni, C‑194/14 P, EU:C:2015:717, punt 68 u l‑ġurisprudenza ċċitata).

1728 F’dan il-każ, ir-rikorrenti jikkritikaw biss il-koeffiċjent ta’ korrezzjoni li l-Kummissjoni applikat għall-valur tal-bejgħ.

1729 F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni indikat, fil-premessa 3128 tad‑deċiżjoni kkontestata, li, fid-dawl tal-fatt li Servier kien ikkommetta diversi ksur, ċertament distinti, iżda li kienu jirrigwardaw l-istess prodott, il-perindopril, u, sa ċertu punt, għall-istess żoni ġeografiċi u għall-istess perijodi, hija applikat fattur ta’ korrezzjoni li kien jippermetti li jillimita, għal kull ksur, il-proporzjon tal-valur tal‑bejgħ imwettaq minn Servier meħud inkunsiderazzjoni sabiex jiġi stabbilit l-ammont bażiku tal-multa. Hija spjegat ukoll li dan il-fattur ta’ korrezzjoni kien iwassal sabiex tapplika, bħala medja, għal kull wieħed mill-ħames ksur tal‑Artikolu 101 TFUE, tnaqqis tal-valur tal-bejgħ ta’ 54.5 %.

1730 Billi għamlet dan, il-Kummissjoni, fid-dawl tal-ġurisprudenza ċċitata fil‑punt 1727 hawn fuq u tal-fatt li l-applikazzjoni tal-koeffiċjent ta’ korrezzjoni inkwistjoni, anki jekk mhux prevista fil-Linji Gwida għall‑kalkolu tal-multi, hija miżura favur ir-rikorrenti, immotivat suffiċjentement id-deċiżjoni tagħha, mingħajr ma l-fatt li dawn ma jinsabux f’pożizzjoni li jipproduċu mill-ġdid il-kalkoli kollha li wasslu, min-naħa, għar-rata ta’ 54.5 % imsemmija iktar ’il fuq u, min-naħa l-oħra, għall-ammont ta’ multa finalment użat għal kull ksur tal‑Artikolu 101 TFUE, jippermetti li tasal għal konklużjoni kuntrarja.

1731 Ċertament, jista’ jiġi rrilevat li, wara miżura ta’ organizzazzjoni tal‑proċedura meħuda mill-Qorti Ġenerali sabiex tiffaċilita, jekk ikun il‑każ, l-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, il-Kummissjoni bagħtet informazzjoni iktar preċiża fuq il-kalkolu li ppermettitilha tasal għar-rata ta’ 54.5 % imsemmija iktar ’il fuq kif ukoll għall-ammont tal-multa finalment użat għal kull ksur tal-Artikolu 101 TFUE, u li din l‑informazzjoni ppermettiet lill-Qorti Ġenerali u lir-rikorrenti jifhmu, b’mod iktar iddettaljat, kif il-Kummissjoni kienet stabbilixxiet din ir-rata u dawn l-ammonti.

1732 Madankollu, il-fatt li informazzjoni iktar preċiża relatata mal‑kalkolu tal-ammont tal-multa f’każ ta’ ksur tar-regoli tal‑kompetizzjoni tiġi kkomunikata ulterjorment matul il-proċedura kontenzjuża ma jurix li d-deċiżjoni kkontestata kienet, f’dan ir-rigward, ivvizzjata b’insuffiċjenza ta’ motivazzjoni. Fil-fatt, spjegazzjonijiet mogħtija mill-awtur ta’ deċiżjoni kkontestata, li jikkompletaw motivazzjoni li fiha nnifisha kienet diġà suffiċjenti, fil-verità ma jaqgħux taħt l-osservanza tal-obbligu ta’ motivazzjoni, anki jekk jistgħu jiġu użati għall-istħarriġ intern tal-motivazzjonijiet tad-deċiżjoni, eżerċitat mill‑qorti tal-Unjoni, inkwantu jippermettu lill-istituzzjoni li tispjega r-raġunijiet li huma l-bażi tad-deċiżjoni tagħha (ara, f’dan is-sens, is‑sentenza tas-16 ta’ Novembru 2000, Weig vs Il‑Kummissjoni, C‑280/98 P, EU:C:2000:627, punt 45).

1733 Barra minn hekk, kuntrarjament għal dak li jsostnu r-rikorrenti, in-natura parzjali tat-tnaqqis applikat skont il-koeffiċjent ta’ korrezzjoni hija ġġustifikata bil-fatt li, kif intqal bħala risposta għall-motiv relatat mal‑eżistenza ta’ ksur uniku u kontinwu, id-diversi ftehimiet inkwistjoni ma jikkostitwixxux ksur uniku, iżda ksur distinti li għal kull wieħed minnhom il-Kummissjoni kienet korretta tapplika multa distinta.

1734 Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li dan l-ilment għandu jiġi miċħud.

3)      Fuq il-kamp ġeografiku tal-valur tal-bejgħ

i)      L-argumenti tal-partijiet

[omissis]

ii)    L-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali

1738 Ir-rikorrenti jsostnu li, fid-deċiżjoni kkontestata, b’mod partikolari fit‑tabella nru 50, li tinsab fil-premessa 3134 tagħha, il-Kummissjoni ddefinixxiet b’mod żbaljat il-kamp ġeografiku tal-ksur tal‑Artikolu 101 TFUE, peress li, minn naħa waħda, il-privattiva 947 ingħatat fil-Polonja biss wara li l-ksur kollu kien intemm, min-naħa l‑oħra, il-Bulgarija, ir-Repubblika Ċeka, l-Estonja, Ċipru, il-Litwanja, l‑Ungerija, Malta, il-Polonja, ir-Rumanja, is-Slovenja, is-Slovakkja u l‑Finlandja ma kinux koperti bil-privattivi 939 sa 941.

1739 Għandu jiġi spjegat li t-tabella nru 50 hawn fuq imsemmija turi d-dati tal‑bidu u tat-tmiem ta’ kull ksur mill-Istat Membru.

1740 Preliminarjament, il-ksur li jirrigwarda lil Teva għandu jiġi eskluż mill‑analiżi. Fil-fatt, dan il-ksur ma jirrigwardax ir-Renju Unit. L-ebda wieħed mill-argumenti tar-rikorrenti ma jirrigwarda dan l-Istat Membru. Huma għalhekk mingħajr effett fuq il-kamp ġeografiku ta’ dan il-ksur.

1741 Fir-rigward tal-ksur l-ieħor, hemm lok li jiġi rrilevat li l-kamp ta’ applikazzjoni, b’mod partikolari dak ġeografiku, ta’ kull ksur jiddependi neċessarjament minn dak tal-klawżoli ta’ nuqqas ta’ kummerċjalizzazzjoni u ta’ nuqqas ta’ kontestazzjoni li jinsabu fil-ftehim inkwistjoni. Fil-fatt, huma dawn il-klawżoli li jirrestrinġu l‑kompetizzjoni u li, meta jkunu mingħajr leġittimità, jippreżentaw għalhekk livell ta’ dannu għall-funzjonament tajjeb tal-kompetizzjoni suffiċjenti sabiex tkun tista’ tintuża klassifikazzjoni ta’ restrizzjoni minħabba l-għan (ara l-punt 270 hawn fuq).

1742 F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti jillimitaw ruħhom sabiex jiddeduċu min‑nuqqas ta’ privattiva waħda jew iktar fi Stat Membru partikolari li ma kien hemm l-ebda ksur għal dan l-Istat, mingħajr ma jiddistingwu bejn il-ksur u, fuq kollox, fi ħdan kull ksur, bejn l-effetti potenzjalment differenti tan-nuqqas ta’ privattiva fuq il-portata ġeografika tal-klawżola ta’ nuqqas ta’ kummerċjalizzazzjoni u fuq dik tal-klawżola ta’ nuqqas ta’ kontestazzjoni.

1743 B’hekk, ir-rikorrenti ma jispjegawx, u lanqas isemmu, il-konsegwenzi fuq l-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur li nuqqas ta’ qbil mal-livell tal-kampijiet ġeografiċi rispettivi tal-klawżola ta’ nuqqas ta’ kummerċjalizzazzjoni u dik ta’ nuqqas ta’ kontestazzjoni jista’ jġib miegħu.

1744 L-argument tar-rikorrenti huwa intiż għalhekk biex jeskludi biss, għal Stat Membru partikolari, l-eżistenza ta’ kwalunkwe ksur.

1745 Issa, huwa biżżejjed li waħda mill-klawżoli ta’ nuqqas ta’ kummerċjalizzazzjoni u ta’ nuqqas ta’ kontestazzjoni tkun ġiet applikata fi Stat Membru matul perijodu partikolari sabiex il-Kummissjoni setgħet, korrettament, tinkludi lil dan l-Istat fil-kamp ġeografiku ta’ dan il-ksur għall-perijodu inkwistjoni.

1746 Il-motiv, kif invokat mir-rikorrenti, ma jistax għalhekk jintlaqa’ ħlief jekk jippermetti li jiġi konkluż li la l-klawżola ta’ nuqqas ta’ kummerċjalizzazzjoni u lanqas dik ta’ nuqqas ta’ kontestazzjoni ma kienu japplikaw fi Stat Membru partikolari matul perijodu li fir-rigward tiegħu l-Kummissjoni madankollu kkonstatat l-eżistenza ta’ ksur f’dan l-Istat Membru.

1747 Qabel xejn għandu jiġi eżaminat, fir-rigward tad-diversi argumenti tar‑rikorrenti, il-kamp ta’ applikazzjoni ġeografiku tal-klawżola ta’ nuqqas ta’ kummerċjalizzazzjoni għal kull wieħed mill-ftehimiet minbarra l-ftehim Teva.

1748 Ir-rikorrenti jippreżentaw żewġ argumenti, l-ewwel wieħed relatat mal‑privattiva 947 u t-tieni mal-privattivi 339, 340 u 341.

1749 F’dak li jirrigwarda l-ftehim Lupin, l-Artikolu 1.6 tiegħu jipprevedi li Lupin ma tista’ tbiegħ il-“prodott” fl-ebda Stat Membru. It-terminu “prodott” jirreferi, b’mod partikolari, għall-prodotti mediċinali li fihom l-erbumina. F’dan il-ftehim, il-klawżola ta’ nuqqas ta’ kummerċjalizzazzjoni għalhekk ma hijiex suġġetta għall-preżenza ta’ privattiva, irrispettivament minn jekk hux il-privattiva 947 jew il-privattivi 339, 340 u 341. B’hekk, hija kienet tapplika għall-Istati Membri kollha mingħajr il-bżonn li jiġi stabbilit jekk, f’kull wieħed minnhom, il-privattivi li għadhom kemm issemmew kinux jeżistu fil-mument tal-ksur. Peress li l‑Kummissjoni ma ddefinixxietx b’mod żbaljat il-kamp ġeografiku tal‑ksur f’dak li jirrigwarda l-klawżola ta’ nuqqas ta’ kummerċjalizzazzjoni, il-motiv tar-rikorrenti jista’ għalhekk jiġi miċħud f’dak li jikkonċerna l‑ftehim Lupin (ara l-punti 1741 sa 1746 hawn fuq).

1750 F’dak li jirrigwarda l-ftehimiet Niche u Matrix u l-ftehim dwar soluzzjoni bonarja konkluż ma’ Krka, il-portata tal-klawżola ta’ nuqqas ta’ kummerċjalizzazzjoni hija, għall-kuntrarju, suġġetta għall-preżenza ta’ privattivi ta’ Servier. L-argumenti tar-rikorrenti għalhekk jistgħu jiġu invokati b’mod utili.

1751 L-ewwel nett, għandu jiġi eżaminat l-argument relatat mal‑privattiva 947.

1752 Ir-rikorrenti jsostnu li din il-privattiva ma kinitx mogħtija fil-Polonja fil‑mument tal-ksur.

1753 Fir-rigward, fi kwalunkwe każ (ara l-punti 1636, 1637 u 1640 hawn fuq), tal-ftehim dwar soluzzjoni bonarja konkluż ma’ Krka, kif jirriżulta mit‑tabella nru 50, li tinsab fil-premessa 3134 tad-deċiżjoni kkontestata, li ma huwiex ikkontestat fuq dan il-punt, il-Kummissjoni ma kkonstatatx l‑eżistenza ta’ ksur li jirrigwarda l-Polonja. Għalhekk ma tagħmilx differenza jekk dan l-Istat Membru kienx kopert jew le mill‑privattiva 947 matul il-perijodu tal-ksur.

1754 Fir-rigward tal-ftehim Niche, il-klawżola ta’ nuqqas ta’ kummerċjalizzazzjoni prevista fl-Artikolu 3 tapplika fil-pajjiżi fejn jeżisti, b’mod partikolari, “dritt ta’ privattiva alpha”, li jinkludi l‑privattiva 947 u l-privattivi jew applikazzjonijiet għal privattivi ekwivalenti kollha, kif jipprevedi l-Artikolu 1(ii) li jinsab fit-taqsima 1, intitolata “Definizzjonijiet”.

1755 Bl-istess mod, fir-rigward tal-ftehim Matrix, il-klawżola ta’ nuqqas ta’ kummerċjalizzazzjoni prevista fl-Artikolu 1 tapplika fit-“territorju”, jiġifieri fil-pajjiżi kollha li fihom jeżisti, b’mod partikolari, “dritt ta’ privattiva alpha”, li jinkludi l‑privattiva 947 u l-privattivi jew applikazzjonijiet għal privatti ekwivalenti kollha, kif jipprevedi l‑Artikolu 1(ii) li jinsab fit-taqsima 1, intitolata “Definizzjonijiet”.

1756 Issa, kif jirriżulta mill-premessa 120 u min-nota ta’ qiegħ il‑paġna nru 155 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li ma huwiex ikkontestat li Servier kien ippreżenta applikazzjoni għal privattiva għall-“forma kristallina alpha tal-perindopril erbumina (li tikkorrispondi mal-privattiva 947)” fil-Polonja fis-6 ta’ Lulju 2001.

1757 Konsegwentement, l-argument tar-rikorrenti relatat mal-privattiva 947 (ara l-punt 1752 hawn fuq) għandu jiġi miċħud inkwantu jirrigwarda l‑ftehimiet Niche u Matrix.

1758 Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li dan l-argument għandu jiġi miċħud fir-rigward tal-ftehimiet kollha.

1759 It-tieni nett, għandu jiġi eżaminat l-argument tar-rikorrenti relatat mal‑privattivi 339, 340 u 341.

1760 Ir-rikorrenti jsostnu li, fil-mument tal-ksur, il-Bulgarija, ir-Repubblika Ċeka, l-Estonja, il-Latvja, il-Litwanja, l-Ungerija, Malta, il-Polonja, ir‑Rumanija, is-Slovenja, is-Slovakkja u l-Finlandja ma kinux koperti bil‑privattivi inkwistjoni.

1761 F’dak li jirrigwarda l-ftehim dwar soluzzjoni bonarja konkluż ma’ Krka, huwa biżżejjed, fi kwalunkwe każ (ara l-punti 1636, 1637 u 1640 hawn fuq), li jiġi rrilevat li l-portata tal-klawżola ta’ nuqqas ta’ kummerċjalizzazzjoni ma hijiex suġġetta għall-preżenza tal‑privattivi 339 sa 341. Għalhekk huwa irrilevanti li dawn il-privattivi jew applikazzjoni għalihom ma kinitx ingħatat f’kull Stat Membru li fir‑rigward tiegħu r-rikorrenti jsostnu li dawn il-privattivi ma kinux japplikaw.

1762 F’dak li jirrigwarda l-ftehimiet Niche u Matrix, il-klawżola ta’ nuqqas ta’ kummerċjalizzazzjoni li tinsab fil-ftehimiet tapplika fil-pajjiżi fejn il‑privattivi 339 sa 341 “u/jew” il-privattiva 947 kienu jeżistu, kif jipprevedu l-Artikolu 3 tal-ftehim Niche u l-Artikolu 1(xiii) tat-taqsima 1 tal-ftehim Matrix u l-Artikolu 1 tat-taqsima 2 tal-istess ftehim.

1763 Issa, bl-eċċezzjoni tal-argument relatat mal-Polonja, li diġà ġie miċħud iktar ’il fuq, ir-rikorrenti ma jallegawx u, a fortiori, ma jistabbilixxux li l‑privattiva 947 kienet assenti f’wieħed mill-Istati Membri msemmija fil‑punt 1760 hawn fuq.

1764 Issa, peress li huma kellhom konoxxenza preċiża tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-ftehimiet minħabba l-fatt li kienu ko-redatturi tagħhom, kienu huma li kellhom jipproduċu provi li jippermettu li tiġi stabbilita tali assenza jew, talinqas, kellhom jallegawha.

1765 B’hekk, anki jekk wieħed jippresupponi li l-Istati Membri msemmija fil-punt 1760 hawn fuq ma kinux koperti bil-privattivi 339, 340 u 341, tali ċirkustanza ma tippermettix li, fir-rigward tal-argument żviluppat mir-rikorrenti, jiġi konkluż li l-klawżoli ta’ nuqqas ta’ kummerċjalizzazzjoni li jinsabu fil-ftehimiet Niche u Matrix ma kinux applikabbli f’dawn l-Istati Membri, peress li r‑rikorrenti ma jikkontestawx li l-privattiva 947 kienet tkoprihom.

1766 Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-argumenti u l-provi prodotti mir-rikorrenti ma jippermettux li jiġi konkluż li l-Kummissjoni ddefinixxiet b’mod żbaljat il-kamp ġeografiku tal-ksur f’dak li jirrigwarda l-klawżola ta’ nuqqas ta’ kummerċjalizzazzjoni.

1767 Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet żviluppati fil-punti 1741 sa 1746 hawn fuq, dan il-motiv jista’ jiġi miċħud mingħajr il-bżonn li jiġi stabbilit jekk il-Kummissjoni kinitx iddefinixxiet b’mod żbaljat il-kamp ġeografiku tal-ksur f’dak li jirrigwarda l-klawżola ta’ nuqqas ta’ kontestazzjoni.

d)      Fuq il-gravità tal-ksur

1)      L-argumenti tal-partijiet

[omissis]

2)      L-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali

1784 Fl-ewwel lok, għandu jiġi eżaminat l-ilment tar-rikorrenti relatat man‑nuqqas ta’ intenzjoni antikompetittiva.

1785 Ir-rikorrenti, fir-realtà, jikkritikaw il-premessi 3064 et seq. tad-deċiżjoni kkontestata, li fihom il-Kummissjoni llimitat ruħha sabiex tikkonstata jekk il-ksur inkwistjoni kienx ġie kommess b’intenzjoni jew b’negliġenza, li kien jippermettilha, kif jipprevedi l-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, timponi multi fuq l-impriżi kkonċernati.

1786 F’dan ir-rigward, fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk ksur ġiex kommess b’intenzjoni jew b’negliġenza u, b’hekk, jistax jiġi ssanzjonat b’multa skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, mill‑ġurisprudenza jirriżulta li din il-kundizzjoni tiġi ssodisfatta meta l‑impriża kkonċernata ma tistax ma tkunx konxja tan-natura antikompetittiva tal-aġir tagħha (sentenzi tat-18 ta’ Ġunju 2013, Schenker & Co. et, C‑681/11, EU:C:2013:404, punt 37; tal-10 ta’ Lulju 2014, Telefónica u Telefónica de España vs Il-Kummissjoni, C‑295/12 P, EU:C:2014:2062, punt 156, u tat-8 ta’ Settembru 2016, Lundbeck vs Il-Kummissjoni, T‑472/13, taħt appell, EU:T:2016:449, punt 762).

1787 Issa, mill-eżami tal-ftehimiet ikkontestati differenti, bl‑eċċezzjoni tal-ftehimiet konklużi ma’ Krka, jirriżulta li Servier ħallas lil xi kumpanniji ta’ ġeneriċi sabiex jibqgħu barra mis-suq. Huwa ma setax għalhekk ma jkunx konxju tan-natura antikompetittiva ta’ tali aġir. Fil-fatt, l‑esklużjoni ta’ kompetituri mis-suq tikkostitwixxi forma estrema ta’ tqassim tas-suq u ta’ limitazzjoni tal-produzzjoni (ara, f’dan is-sens, is‑sentenza tat-8 ta’ Settembru 2016, Lundbeck vs Il-Kummissjoni, T‑472/13, taħt appell, EU:T:2016:449, punt 435), li tirrappreżenta, skont il-ġurisprudenza, ksur “evidenti” (ara l-punt 1665 hawn fuq).

1788 Għalkemm, minħabba l-fatt li l-ftehimiet inkwistjoni kienu ġew konklużi fil-forma ta’ soluzzjoni bonarja relatata ma’ privattiva, in‑natura ta’ ksur ta’ dawn il-ftehimiet setgħet ma tidhirx, b’mod evidenti, għal osservatur minn barra, dan ma jgħoddx għall-partijiet ta’ dawn il-ftehimiet (ara l-punt 1666 hawn fuq).

1789 Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li l-ftehimiet ikkontestati, bl‑eċċezzjoni tal-ftehimiet konklużi ma’ Krka, kellhom għanijiet antikompetittivi.

1790 Fil-fatt, fil-każ li, kif inhu l-każ għal kull wieħed mill-ftehimiet ikkontestati, ħlas invertit, u mhux ir-rikonoxximent minn kull parti tal‑validità tal-privattiva, iwassal għall-adozzjoni ta’ ftehim dwar soluzzjoni bonarja, jiġifieri meta l-kumpannija ta’ ġeneriċi hija inċentivata sabiex tissuġġetta ruħha għal klawżoli ta’ nuqqas ta’ kummerċjalizzazzjoni u ta’ nuqqas ta’ kontestazzjoni, ir-restrizzjonijiet għal kompetizzjoni li dawn il-klawżoli jintroduċu ma jibqgħux marbuta mas-soluzzjoni bonarja tat-tilwima – irrispettivament minn jekk din hijiex reali jew fittizja – relatata ma’ privattiva. Huwa għalhekk l‑inċentiv, u mhux ir-rikonoxximent mill-partijiet tal-ftehim tal-validità tal-privattiva inkwistjoni, li huwa l-vera kawża tar-restrizzjonijet għall‑kompetizzjoni li jintroduċu dawn il-klawżoli. F’tali każ, dan il‑ftehim, kollu kemm hu, jista’ korrettament jiġi kkunsidrat bħala ftehim ta’ esklużjoni tas-suq li għandu għanijiet antikompetittivi.

1791 B’hekk, l-eżistenza ta’ għan antikompetittiv hija stabbilita u f’dan ir‑rigward ma tagħmilx differenza jekk Servier ikkonkludiex jew le ftehim mal-kumpanniji ta’ ġeneriċi kollha li jikkontestaw il-privattivi tiegħu, irrispettivament minn jekk kinux taw lok għall-ftehimiet jew le jew jekk il-ftehimiet inkwistjoni kinux sigrieti jew le.

1792 Madankollu, dawn l-elementi ser jiġu kkunsidrati sussegwentement sabiex jiġi stabbilit jekk ir-rati applikati mill-Kummissjoni kinux sproporzjonati.

1793 Fit-tieni lok, għandu jiġi eżaminat l-ilment tar-rikorrenti dwar in-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni tal-eżistenza ta’ privattivi ta’ Servier.

1794 F’dan ir-rigward, kuntrarjament għal dak li jsostnu r-rikorrenti, il‑Kummissjoni ma warrbitx il-fatt li l-ftehimiet kienu jirrigwardaw drittijiet ta’ proprjetà intelletwali.

1795 Fil-fatt, il-konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ inċentiv timplika li l-esklużjoni tar-rikorrenti mis-suq li fih il-ftehim tirriżulta mhux mill-effetti tal‑privattivi inkwistjoni u mill-użu leġittimu tagħhom, b’mod partikolari fil-kuntest ta’ soluzzjoni bonarja, iżda mit-trasferiment ta’ valur, li jirrappreżenta l-korrispettiv finanzjarju ta’ din l-esklużjoni (ara l‑punti 253 sa 276 hawn fuq).

1796 Għandu jiġi enfasizzat ukoll li l-Kummissjoni osservat il-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-kompetizzjoni għad-drittijiet ta’ proprjetà intelletwali kif ukoll il-preżunzjoni ta’ validità relatata ma’ tali drittijiet, peress li hija rriżervat il-klassifikazzjoni ta’ restrizzjoni minħabba l-għan għall-ftehimiet li jiżvelaw użu anormali tal-privattiva inkwantu kienu bbażati fuq inċentiv u mhux fuq ir-rikonoxximent tal-validità tal-privattiva (ara l‑punti 266 u 267 hawn fuq).

1797 Finalment, meta, kif inhu l-każ għall-ftehimiet ikkontestati kollha, bl‑eċċezzjoni tal-ftehimiet konklużi ma’ Krka, l-eżistenza ta’ inċentiv hija kkonstatata, il-partijiet ma jistgħux jużaw iktar ir-rikonoxximent tagħhom, fil-kuntest tas-soluzzjoni bonarja, tal-validità tal‑privattiva. Il-fatt li l-validità tal-privattiva hija kkonfermata minn awtorità ġudizzjarja jew amministrattiva huwa, f’dan ir-rigward, indifferenti. L-istess japplika għall-validazzjoni tal-privattiva 947 mid‑Diviżjoni tal-Oppożizzjoni tal-UEP jew għall-konstatazzjonijiet, favur ir-rikorrenti, li għamlu l-qrati Brittaniċi (ara l-punt 269 hawn fuq).

1798 Barra minn hekk, l-argument tar-rikorrenti bbażat fuq il-fatt li huwa “paradossali u illeġittimu” li t-tul tal-ksur kien jiddependi fuq it-tul u r‑riżultati tal-proċeduri ġudizzjarji li jikkonċernaw il-privattivi ta’ Servier għandu jiġi miċħud.

1799 Fil-fatt, it-tul tal-ksur li dwarhom huma kkritikati r-rikorrenti jiddependi fuq il-kamp ta’ applikazzjoni ratione temporis tal-klawżoli ta’ nuqqas ta’ kummerċjalizzazzjoni u ta’ nuqqas ta’ kontestazzjoni li jinsabu fil‑ftehimiet ikkontestati, li min-naħa tiegħu jiddependi mill-eżistenza tal-privattivi ta’ Servier u għalhekk mir-riżultati ta’ proċeduri intiżi għall‑kontestazzjoni ta’ dawn il-privattivi.

1800 Għandu jiżdied li Servier jista’ wisq inqas jikkontesta r-rabta li teżisti bejn it-tul tal-proċeduri ġudizzjarji dwar il-privattivi tiegħu u t-tul tal‑ksur peress li d-dipendenza reċiproka msemmija fil-punt 1799 hawn fuq, li toħloq tali rabta, tirriżulta minn klawżoli kuntrattwali li tagħhom Servier kien ko-redattur.

1801 Fit-tielet lok, għandu jiġi eżaminat l-ilment tar-rikorrenti relatat man‑nuqqas ta’ impatt konkret tal-ksur fuq is-suq.

1802 F’dan ir-rigward, l-ewwel nett għandu jitfakkar li l-Artikolu 23(3) tar‑Regolament Nru 1/2003 jipprevedi li, sabiex jiġi stabbilit l-ammont tal-multa, għandhom jiġu kkunsidrati t-tul tal-ksur u l-gravità tiegħu, mingħajr ma jiġi speċifikat jekk din tal-aħħar għandhiex tiġi evalwata meta mqabbla mar-riżultati effettivament miksuba fis-suq (konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mischo fil-Kawża Mo och Domsjö vs Il-Kummissjoni, C‑283/98 P, EU:C:2000:262, punt 96).

1803 Ċertament, il-Linji ta’ gwida dwar il-metodi tal-kalkoli tal-multi mposti skont l‑Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u l-Artikolu 65(5) tat-Trattat KEFA (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 171) jipprevedu li l-evalwazzjoni tan-natura tal‑gravità tal-ksur għandha tikkunsidra, b’mod partikolari, l-impatt konkret tagħha fuq is-suq meta jista’ jitkejjel.

1804 Madankollu, tali rekwiżit ma għadux imsemmi fil-Linji Gwida għall‑kalkolu tal-multi, imposti skont l-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament Nru 1/2003.

1805 F’dan ir-rigward, jista’ jiġi rrilevat li l-fattur relatat mal‑“implimentazzjoni jew le tal-ksur”, imsemmi fil-paragrafu 22 tal‑Linji Gwida għall-kalkolu tal-multi, jirrigwarda l-aġir tal-parteċipanti fil-ksur u mhux l-effetti tiegħu fis-suq.

1806 Għalhekk, il-Kummissjoni ma kellhiex l-obbligu, bil-Linji Gwida għall‑kalkolu tal-multi, li tikkunsidra l-impatt konkret fuq is-suq tal-ksur sabiex tistabbilixxi l-proporzjon tal-valur tal-bejgħ li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni abbażi tal-gravità skont il-paragrafi 19 sa 24 tal-Linji Gwida għall-kalkolu tal-multi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Marzu 2013, Fresh Del Monte Produce vs Il-Kummissjoni, T‑587/08, EU:T:2013:129, punti 773 sa 775, u tas-16 ta’ Ġunju 2015, FSL et vs Il-Kummissjoni, T‑655/11, EU:T:2015:383, punt 539).

1807 It-tieni nett, il-ġurisprudenza tal-Unjoni lanqas ma timponi fuq il‑Kummissjoni li tikkunsidra l-impatt konkret tal-ksur fuq is-suq.

1808 Fil-fatt, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-gravità tal-ksur għandha tiġi stabbilita fuq il-bażi ta’ għadd kbir ta’ elementi bħal, b’mod partikolari, iċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ, il-kuntest tiegħu u l-effett disważiv tal-multi, u dan mingħajr ma tkun ġiet stabbilita lista restrittiva jew eżawrenti tal-kriterji li għandhom jiġu kkunsidrati b’mod obbligatorju (digriet tal-25 ta’ Marzu 1996, SPO et vs Il-Kummissjoni, C‑137/95 P, EU:C:1996:130, punt 54; sentenzi tas-17 ta’ Lulju 1997, Ferriere Nord vs Il-Kummissjoni, C‑219/95 P, EU:C:1997:375, punt 33, u tat-28 ta’ Ġunju 2005, Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, C‑189/02 P, C‑202/02 P, C‑205/02 P sa C‑208/02 P u C‑213/02 P, EU:C:2005:408, punt 241).

1809 L-effetti fis-suq jistgħu ċertament jiġu kkunsidrati fost l-“għadd kbir ta’ elementi” imsemmija fil-punt 1808 hawn fuq, iżda ma għandhomx importanza essenzjali ħlief fil-każ ta’ ftehimiet, deċiżjonijiet jew prattiki miftehma li ma għandhomx direttament bħala għan il-prevenzjoni, ir‑restrizzjoni jew id-distorsjoni tal-kompetizzjoni, u li għalhekk ma jistgħux jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE ħlief minħabba l-effetti konkreti tagħhom (konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mischo fil-Kawża Mo och Domsjö vs Il-Kummissjoni, C‑283/98 P, EU:C:2000:262, punt 101).

1810 Fil-fatt, jekk il-Kummissjoni tiġi obbligata, fl-istadju tal-kalkolu tal-ammont tal-multa, tikkunsidra l-impatt konkret fuq is-suq tal-ksur ifisser li jkun qed jiġi impost fuqha obbligu li, skont ġurisprudenza stabbilita, hija ma għandhiex għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE meta l-ksur inkwistjoni għandu għan antikompetittiv (ara s‑sentenza tat-3 ta’ Settembru 2009, Prym u Prym Consumer vs Il‑Kummissjoni, C‑534/07 P, EU:C:2009:505, punt 64 u l-ġurisprudenza ċċitata).

1811 Huwa veru li, kif jirrilevaw ir-rikorrenti, il-Kummissjoni ma bbażatx ruħha, fid-deċiżjoni kkontestata, esklużivament fuq il-konstatazzjoni tal‑eżistenza ta’ restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni minħabba l-għan, iżda hija użat ukoll l-eżistenza ta’ restrizzjonijiet minħabba l-effett.

1812 Madankollu, huwa biss b’mod sussidjarju, “għal finijiet ta’ kompletezza” (premessa 1213 tad-deċiżjoni kkontestata), li l-Kummissjoni analizzat l‑effetti restrittivi fuq il-kompetizzjoni tal-ftehimiet ikkontestati. Barra minn hekk, jista’ jiġi rrilevat li l-Kummissjoni ma kkunsidratx li stabbilixxiet l-eżistenza ta’ restrizzjoni minħabba l-effett ħlief f’erba’ Stati Membri, jiġifieri Franza, il-Pajjiżi l-Baxxi, il-Polonja u r-Renju Unit. Issa, għall-kalkolu tal-ammont tal-multa, hija ħadet inkunsiderazzjoni portata ġeografika tal-ksur li kienet tinkludi l-Istati Membri kollha li fihom il-ftehimiet kienu applikati.

1813 Barra minn hekk, ir-rikorrenti jindikaw huma stess li l-kalkolu tal‑ammont tal-multa “huwa bbażat esklużivament fuq il-premessa li l‑ftehimiet jikkostitwixxu restrizzjonijiet minħabba l-għan”.

1814 Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-Kummissjoni ma kinitx obbligata tikkunsidra l-allegat nuqqas ta’ impatt konkret tal-ksur fuq is‑suq meta stabbilixxiet l-ammont tal-multa għall-ksur tal‑Artikolu 101 TFUE.

1815 Fi kwlaunkwe każ, anki jekk il-Kummissjoni kellha tistabilixxi l‑eżistenza ta’ impatt konkret fuq is-suq tal-ksur inkwistjoni u li hi ma għamiltx dan b’mod suffiċjenti, dan ma jkollux konsegwenzi fuq ir-rati li hija użat, inkwantu jista’ jiġi konkluż, anki fin-nuqqas ta’ tali impatt, li dawn ir-rati ma humiex sproporzjonati.

1816 F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-ftehimiet inkwistjoni huma ftehimiet ta’ esklużjoni mis-suq li għandhom għanijiet antikompetittivi (ara l-punt 1790 hawn fuq). Issa, l-esklużjoni ta’ kompetituri mis-suq hija forma estrema ta’ tqassim ta’ suq u ta’ limitazzjoni tal-produzzjoni (ara l-punt 271 hawn fuq). B’hekk skont il-paragrafu 23 tal-Linji Gwida għall-kalkolu tal-multi, tali ftehimiet għandhom, bħala regola, jiġu ssanzjonati b’mod sever.

1817 Għandu jingħad ukoll li l-klawżoli li jirrestrinġu l-kompetizzjoni li jinsabu fil-ftehimiet ikkontestati ġew implimentati.

1818 Fid-dawl ta’ dawn il-punti, il-proporzjon tal-valur tal-bejgħ użat mill‑Kummissjoni, jiġifieri 10 jew 11 %, skont il-każ, li jikkostitwixxi biss madwar terz tal-proporzjon massimu li jista’ jintuża, ma jidhirx li huwa sproporzjonat. Għall-kuntrarju, dawn il-perċentwali jirriflettu b’mod adegwat kemm il-gravità tal-ksur ikkonstatati, li jirrappreżentaw dannu partikolari minħabba l-għan antikompetittivi tagħhom, u l-kuntest speċifiku li fihom daħlu, ikkaratterizzat mid-difiża tad-drittijiet ta’ proprjetà intelletwali u l-inċertezza fir-rigward tal-kwistjoni tal-kawżi relatati mal-privattivi ta’ Servier.

1819 F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti għandhom inqas u inqas bażi sabiex jużaw in-nuqqas ta’ effetti reali tal-ftehimiet ikkontestati fuq il-kompetizzjoni peress li dawn il-ftehimiet, ibbażati fuq inċentiv u mhux fuq ir-rikonoxximent mill-partijiet tal-validità tal-privattiva inkwistjoni, ippermettewlhom jissostitwixxu r-riskji tal-kawżi fil-qasam tal-privattivi u l-inċertezzi fir-rigward tal-kundizzjonijiet u l-possibbilitajiet ta’ dħul fis-suq tal-kumpanniji ta’ ġeneriċi biċ-ċertezza li żżomm lil dawk li għalihom ġie konkluż ftehim barra mis-suq.

1820 Bl-istess mod, il-konklużjoni esposta fil-punt 1818 hawn fuq ma tistax tiġi kkontestata, inkluż jekk l-elementi invokati mir-rikorrenti u msemmija fil-punt 1791 hawn fuq ġew stabbiliti.

1821 Barra minn hekk, fir-rigward ta’ nuqqas ta’ motivazzjoni invokata, mingħajr spjegazzjoni, mir-rikorrenti, din ma għandhiex tintlaqa’. Servier kien fil-fatt, fid-dawl tal-konstatazzjonijiet kollha magħmula mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, b’mod partikolari fil‑premessa 3130 tagħha, u fid-dawl tal-kuntest li fih din id-deċiżjoni kienet ġiet adottata, f’pożizzjoni li jifhem għaliex rati ta’ 10 u ta’ 11 % tal-valur tal‑bejgħ kienu ġew użati.

1822 B’mod partikolari, il-Kummissjoni ġġustifikat b’mod suffiċjenti l‑applikazzjoni ta’ proporzjonijiet differenti tal-valur tal-bejgħ skont il‑ftehimiet. Hija fil-fatt indikat li r-rata użata għall-ftehimiet Niche, Matrix u Lupin kienet ogħla minn dik użata għall-ftehimiet Teva u Krka, għaliex il-portata ġeografika tal-ewwel kienet iktar sinjifikattiva minn dik tat-tieni (premessa 3131 tad-deċiżjoni kkontestata).

1823 Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud.

e)      Fuq it-tul tal-ksur

1824 Ir-rikorrenti jinvokaw żewġ ilmenti, ibbażati, l-ewwel, fuq żbalji relatati mad-determinazzjoni tal-punt ta’ tluq tal-ksur u, it-tieni, fuq żbalji relatati mad-determinazzjoni tat-tmiem tal-ksur.

1)      Fuq il-punt ta’ tluq tal-ksur

i)      L-argumenti tal-partijiet

[omissis]

ii)    L-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali

1833 Fl-ewwel lok, għandu jiġi eżaminat l-argument li l-kontestazzjoni tal‑privattivi ta’ Servier qatt ma ntemmet, u lanqas ma ġiet ittardjata.

1834 F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti ma jistabilixxux, u lanqas jallegaw, li xi waħda mill-kumpanniji ta’ ġeneriċi li kkonkludew il‑ftehimiet ikkontestati kienet, minkejja l-preżenza ta’ klawżola ta’ nuqqas ta’ kontestazzjoni li għaliha kienet suġġetta, ikkontestat waħda mill-privattivi ta’ Servier.

1835 Ir-rikorrenti għalhekk ma jinvokawx nuqqas ta’ implimentazzjoni tal‑ftehimiet, iżda jillimitaw ruħhom sabiex jużaw il-fatt li kumpanniji ta’ ġeneriċi oħra minbarra dawk li kkonkludew l-ftehimiet ikkontestati kienu kkontestaw il-privattivi ta’ Servier.

1836 B’hekk, l-argument tar-rikorrenti jikkonsisti esenzjalment illi jinvokaw in-nuqqas ta’ effetti konkreti fuq il-kompetizzjoni tal-ftehimiet ikkontestati.

1837 F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, fir-rigward ta’ restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni minħabba l-għan, it-teħid inkunsiderazzjoni tal-effetti konkreti tagħhom fuq is-suq huwa superfluwu sabiex tiġi stabbilita l‑eżistenza tal-ksur (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-8 ta’ Lulju 1999, Il‑Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, C‑49/92 P, EU:C:1999:356, punti 98 u 99) u, konsegwentement, sabiex dan il-ksur jiġi delimitat ratione temporis u b’hekk jiġi stabbilit it-tul tiegħu (ara, f’dan is-sens, is‑sentenza tad-19 ta’ Marzu 2009, Archer Daniels Midland vs Il‑Kummissjoni, C‑510/06 P, EU:C:2009:166, punti 113, 114 u 140).

1838 Nuqqas ta’ effett tal-ftehimiet ikkontestati fuq il-kompetizzjoni ma għandux għalhekk jiġi invokat b’mod utili sabiex jiġi kkontestat it-tul tal‑ksur, peress li dan huwa stabbilit b’mod suffiċjenti abbażi tal‑konstatazzjoni ta’ restrizzjoni minħabba l-għan.

1839 Fi kwalunkwe każ, jekk il-kontestazzjoni tar-rikorrenti kellha tiġi kkunsidrata bħala li ma tkoprix il-konstatazzjoni tal-ksur, inkwantu t-tul tagħhom ġie stabbilit b’mod żbaljat, iżda tkopri l-evalwazzjoni tal-gravità tal‑ksur użata mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, ikollu jitfakkar li l-ilment relatat man-nuqqas ta’ effetti konkreti tal-ftehimiet u mal-konsegwenzi ta’ dan in-nuqqas fuq l-evalwazzjoni tal-gravità tal‑ksur diġà ġie miċħud (ara l-punti 1801 sa 1820 hawn fuq).

1840 Fit-tieni lok, fir-rigward ta’ argumenti li ċerti ksur ma setgħux jiġu kkonstatati peress li Teva u Lupin ma kellhomx ATS, dawn l-argumenti diġà ġew eżaminati fil-kuntest tar-risposta għall-motivi relatati man‑nuqqas ta’ kompetizzjoni potenzjali (ara l-punti 604 u 743 hawn fuq). Minn din ir-risposta jirriżulta li l-Kummissjoni kkunsidrat b’mod korrett li Teva u Lupin kienu, fid-data tal-konklużjoni tal-ftehimiet, kompetituri potenzjali ta’ Servier. Il-Kummissjoni għalhekk ma kinitx żbaljata meta bdiet il-ksur inkwistjoni b’effett minn din id-data.

1841 Fir-rigward tal-argument ibbażat fuq in-nuqqas ta’ skadenza taċ-ĊPS relatat mal-privattiva li tipproteġi l-molekula ta’ perindopril, dan jista’ jiġi miċħud abbażi tal-kunsiderazzjonijiet esposti fil-kuntest tar-risposta għall-motiv relatat man-nuqqas ta’ kompetizzjoni potenzjali.

1842 Fil-fatt, kif intqal fil-punt 359 hawn fuq, huwa possibbli għal operatur li jieħu r-riskju li jidħol fis-suq bi prodott, inkluż potenzjalment bi ksur tal‑privattiva fis-seħħ, u dan id-dħul jew din it-tnedija “b’riskju” tista’ tkun ta’ suċċess jekk il-proprjetarju tal-privattiva jirrinunzja milli jippreżenta azzjoni ta’ ksur ta’ privattiva jew jekk din l-azzjoni ta’ ksur ta’ privattiva tiġi miċħuda f’każ li tkun introdotta. Din il-possibbiltà ta’ dħul “b’riskju” tikkontribwixxi sabiex jintwera li l-privattivi ma jikkostitwixxux ostakoli insurmontabbli għad-dħul fis-suq ta’ kumpanniji ta’ ġeneriċi.

1843 Barra minn hekk, il-privattiva ma tipprekludix lil operaturi milli jipproċedu b’operazzjonijiet meħtieġa mill-fabrikazzjoni u l‑kummerċjalizzazzjoni ta’ prodott li ma jiksirx privattiva. Huma għalhekk ikkunsidrati bħala kompetituri potenzjali tal-proprjetarju tal-privattiva sad-dħul tagħhom fis-suq, u wara dan isiru kompetituri reali tiegħu (ara l-punt 357 hawn fuq).

1844 F’dan ir-rigward, fil-premessa 3137 tad-deċiżjoni kkontestata l‑Kummissjoni indikat li l-kumpanniji ta’ ġeneriċi kienu bdew jippreparaw id-dħul tagħhom fis-suq xi drabi diversi snin qabel l‑iskadenza taċ-ĊPS relatat ma’ privattiva u li, fir-rigward tal-perindopril, dan il-perijodu kien madwar sentejn jew tliet snin. Dawn il‑kunsiderazzjonijiet kienu jsaħħu l-konstatazzjoni li l-ksur inkwistjoni kien beda qabel id-data tal-iskadenza taċ-ĊPS relatat mal-privattiva li kienet tipproteġi l-molekula ta’ perindopril.

1845 Madankollu, il-Kummissjoni żiedet li, meta ċ-ĊPS kien skada fi Stat Membru wara li saret it-tnedija tal-perindopril ġeneriku fi Stati Membri oħra, hija kienet ippreferiet, “fid-dawl tal-eżistenza ta’ proċedura ta’ rikonoxximent reċiproku aċċellerat li bis-saħħa tagħha l-Istati Membri [kienu jaq]blu li jirrikonoxxu l-validità tal-awtorizzazzjoni ta’ tqegħid fis-suq mogħtija minn Stat Membru ieħor” (nota ta’ qiegħ il-paġna nru 4073 tad‑deċiżjoni kkontestata), tadotta approċċ prudenti u tistabbilixxi d-data tal-bidu tal-ksur fil-mument tal-iskadenza taċ-ĊPS. Il-Kummissjoni sussegwentement spjegat li hija kienet adottat tali approċċ għall-Italja. Hija indikat li, fi Franza, għall-kuntrarju, ma kien tnieda l-ebda prodott ġeneriku fi Stat Membru ieħor qabel l-iskadenza taċ-ĊPS (nota ta’ qiegħ il-paġna nru 4073 tad-deċiżjoni kkontestata).

1846 Il-punti esposti fil-punti 1845 u 1845 hawn fuq ma humiex ikkontestati mir-rikorrenti.

1847 Fir-rigward tal-kunsiderazzjonijiet li jinsabu fil-punti 1842 sa 1846 hawn fuq, hemm lok li jiġi konkluż li l-Kummissjoni korrettament ikkunsidrat li ċertu ksur kien beda fi Franza fit-8 ta’ Frar 2005, qabel l-iskadenza taċ‑ĊPS.

1848 Barra minn hekk, l-ilment tar-rikorrenti huwa effettiv biss għall-ksur li jirriżulta mill-ftehimiet Niche et Matrix, li huma l-uniċi ftehimiet konklużi qabel l-iskadenza fi Franza taċ-ĊPS.

1849 Issa, dawn ġew konklużi fit-8 ta’ Frar 2005, jiġifieri ftit iktar minn xahar qabel l-iskadenza fi Franza taċ-ĊPS, jiġifieri fit‑22 ta’ Marzu 2005.

1850 Għalhekk huwa iktar faċli li jiġi kkonstatat li, fit-8 ta’ Frar 2005, il‑kumpanniji ta’ ġeneriċi kkonċernati kienu f’pożizzjoni li jippreparaw dħul fis-suq li jista’ jseħħ qabel l-iskadenza taċ-ĊPS u b’hekk jeżerċitaw pressjoni kompetittiva.

1851 Barra minn hekk, anki jekk wieħed jippresupponi li r-rikorrenti jistgħu jiġu kkunsidrati bħala li jinvokaw il-ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u li l-invokazzjoni ta’ dan il-motiv ma hijiex tardiva, il-fatt li Servier seta’ jibbenefika, fir-rigward tad-determinazzjoni tal-bidu tal-ksur għall-Italja, minn trattament favorevoli li ma kienx impost (fid-dawl, b’mod partikolari, tal-premessi li jinsabu fil-punt 1842 hawn fuq) ma jiġġustifikax li huwa jibbenefika minn tali trattament għall-Istati Membri l-oħra kollha, ħlief jekk jiġi stabbilit li tali differenza ta’ trattament hija arbitrarja (ara l-punti 1868 sa 1871 iktar ’il quddiem).

1852 Issa, dan ma huwiex il-każ fil-każ ineżami. Fil-fatt, kien hemm differenza oġġettiva ta’ sitwazzjoni bejn Franza u l-Italja li kienet marbuta mal‑possibbiltà li jiġi kkonstatat ksur (ara l-punt 1845 hawn fuq).

1853 Għal finijiet ta’ kompletezza, id-differenza fis-sitwazzjoni ta’ Franza u l‑Italja li fuqha bbażat ruħha l-Kummissjoni (ara l-punti 1844 u 1845 hawn fuq) setgħet tiġġustifika l-applikazzjoni ta’ trattament differenti.

1854 Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li dan l-ilment għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

2)      Fuq id-data ta’ tmiem il-ksur

i)      L-argumenti tal-partijiet

[omissis]

ii)    L-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali

1859 Fil-kuntest ta’ dan l-ilment, ir-rikorrenti jużaw id-dħul fis-suq ta’ diversi Stati Membri ta’ kumpanniji ta’ ġeneriċi li ma kinux parti minn xi wieħed mill-ftehimiet ikkontestati u t-tnaqqis sussegwenti tal-prezzijiet tal‑perindopril.

1860 L-argument tagħhom essenzjalment jammonta għal invokazzjoni ta’ nuqqas ta’ effett konkret fuq il-kompetizzjoni tal-ftehimiet ikkontestati mid-data tad-dħul fis-suq ta’ dawn il-kumpanniji ta’ ġeneriċi.

1861 F’dan ir-rigward, għandha titfakkar, fir-rigward ta’ restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni minħabba l-għan, il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 1837 hawn fuq.

1862 Nuqqas ta’ effett ta’ ftehimiet ikkontestati fuq il-kompetizzjoni ma għandux għalhekk jiġi invokat b’mod utili sabiex jikkontesta t-tul tal-ksur peress li dan huwa stabbilit b’mod suffiċjenti abbażi tal‑konstatazzjoni ta’ restrizzjoni minħabba l-għan.

1863 Fi kwalunkwe każ, jekk il-kontestazzjoni tar-rikorrenti kellha tiġi kkunsidrata bħala li ma tkoprix il-konstatazzjoni tal-ksur, inkwantu t-tul tiegħu ġie stabbilit b’mod żbaljat, iżda l-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur magħmula mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, ikollu jitfakkar li l-ilment relatat man-nuqqas ta’ effetti konkreti tal-ftehimiet u mal‑konsegwenzi ta’ dan in-nuqqas fuq l-evalwazzjoni tal-gravità tal‑ksur diġà ġie miċħud (ara l-punti 1801 sa 1820 hawn fuq).

1864 Madankollu, ir-rikorrenti jinvokaw ukoll ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

1865 F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti jinvokaw il-fatt li l-Kummissjoni naqqset it‑tul tal-ksur fil-Pajjiżi l-Baxxi u fir-Renju Unit sabiex tieħu inkunsiderazzjoni d-dħul ta’ prodotti ġeneriċi fuq dawn iż-żewġt’iswieq, minkejja li ma għamlitx dan fi swieq oħra li fil-konfront tagħhom, bħala regola ġenerali, ibbażat ruħha fuq id-data ta’ skadenza jew ta’ nullità tal‑privattivi ta’ Servier (premessa 3133 tad-deċiżjoni kkontestata).

1866 Madankollu, għandu jiġi spjegat, fir-rigward tar-Renju Unit, li d-data ta’ tmiem il-ksur użata tikkorrispondi b’mod ċert mad-dħul fis-suq ta’ prodott ġeneriku (premessa 776 tad-deċiżjoni kkontestata), iżda wkoll ma’ sentenza ta’ qorti ta’ dan l-Istat li annullat il-privattiva 947 (premessi 180, 776 u 2125 tad-deċiżjoni kkontestata).

1867 Ir-rilevanza tal-argument tar-rikorrenti, ibbażat fuq differenza ta’ trattament skont l-Istati Membri li fihom il-ksur kien kommess, ma hijiex għalhekk stabbilita fir-rigward tar-Renju Unit.

1868 Barra minn hekk, il-fatt li Servier seta’ jibbenefika, għal ċerti Stati Membri, fir-rigward tad-determinazzjoni ta’ tmiem il-ksur, minn trattament iktar favorevoli li ma kienx neċessarju – peress li kien ibbażat fuq nuqqas ta’ effetti restrittivi li ma għandux effett meta l-Kummissjoni tikkonstata, bħal f’dan il-każ, l-eżistenza ta’ restrizzjoni minħabba l-għan (ara l-punt 1862 hawn fuq) – ma jiġġustifikax li Servier jibbenefika minn tali trattament għall-Istati Membri l-oħra kollha kkonċernati. Fil-fatt, il‑prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament ma għandux l-għan li jiżgura lil impriża li tibbenefika minn trattament favorevoli, li ma joħroġx minn leġiżlazzjonijiet jew mill-ġurisprudenza, dritt li ma tkunx issanzjonata meta l-Kummissjoni korrettament tikkonstata l-eżistenza ta’ ksur.

1869 Madankollu, huwa veru li l-Kummissjoni ma għandhiex tapplika, inkluż għall-istess impriża, metodi ta’ kalkolu tal-ammont tal-multa li jvarjaw b’mod arbitrarju fis-sens li tali varjazzjonijiet ma għandhomx ġustifikazzjoni rilevanti.

1870 F’dan il-każ, l-eżistenza ta’ tali varjazzjoni madankollu ma hijiex stabbilita. Fil-fatt, il-Kummissjoni indikat li għall-Pajjiżi l-Baxxi u għar‑Renju Unit kienet adottat approċċ speċifiku, li hija ddeskriviet bħala “prudenti”, u dan l-approċċ wassalha sabiex tnaqqas it-tul tal-perijodi ta’ ksur sabiex tikkunsidra dati ta’ dħul fuq skala kbira f’dawn iż-żewġ Stati Membri ta’ prodotti ġeneriċi li kellhom impatt sinjifikattiv fuq il-bejgħ tal-perindopril ta’ Servier (premessa 3133 tad-deċiżjoni kkontestata).

1871 Issa, l-uniċi elementi invokati mir-rikorrenti f’dan ir-rigward, jiġifieri l‑eżistenza ta’ tnaqqis sinjifikattiv fil-prezz tal-perindopril ta’ Servier u l-eżistenza ta’ tnaqqis kontinwu tal-ishma tiegħu ta’ suq wara l-introduzzjoni ta’ prodott ġeneriku fi Franza, ma humiex biżżejjed sabiex jistabbilixxu li s‑sitwazzjonijiet fil-Pajjiżi l-Baxxi u fir-Renju Unit, minn naħa waħda, u fi Franza, min-naħa l-oħra, tant kienu jixxiebhu li trattament differenti kien arbitrarju. A fortiori, l-elementi invokati ma jippermettux li tiġi stabbilita n-natura arbitrarja ta’ trattament differenti bejn il-Pajjiżi l-Baxxi u r-Renju Unit, minn naħa waħda, u l-Belġju, ir-Repubblika Ċeka u l-Irlanda, min-naħa l-oħra, peress li dawn l-elementi ma jikkonċernawx is-sitwazzjoni ta’ dawn it-tliet Stati Membri.

1872 Għall-finijiet ta’ kompletezza, minkejja li mit-tabelli nri 43 u 44 tad‑deċiżjoni kkontestata jirriżulta li d-dħul ta’ prodotti ġeneriċi wassal għal tnaqqis kbir u serju tal-valur tal-bejgħ ta’ perindopril ta’ Servier fil-Pajjiżi l-Baxxi u fir-Renju Unit, mit-tabella nru 45 tad-deċiżjoni kkontestata ma jirriżultax li tali tnaqqis kien ġie kkonstatat fi Franza wara dan id-dħul. Id-differenza tas-sitwazzjoni bejn il-Pajjiżi l-Baxxi u r‑Renju Unit, minn naħa waħda, u Franza, min-naħa l-oħra, kienet għalhekk tippermetti lill-Kummissjoni li korrettament tapplika differenza fit-trattament billi tikkonstata, għall-Pajjiżi l-Baxxi u r-Renju Unit biss, it-tmiem tal-ksur mid-data tad-dħul tal-prodotti ġeneriċi f’dawn is‑swieq.

1873 L-eżistenza ta’ differenza ta’ sitwazzjoni, ikkonstata fil-punt 1872 hawn fuq, ma hijiex ikkontestata bil-fatt li d-dħul fis-suq Franċiż ta’ prodott ġeneriku kien ġab miegħu tnaqqis ta’ 30 % fil-prezz tal‑perindopril u “tnaqqis kontinwu fis-sehem tas-suq ta’ Servier”. Fil‑fatt, dawn l‑elementi ma jurux tnaqqis tal-valur tal-bejgħ ta’ Servier fi Franza daqstant kbir u serju bħal dak osservat fil-Pajjiżi l-Baxxi u fir‑Renju Unit.

1874 Fir-rigward tal-Belġju, tar-Repubblika Ċeka u tal-Irlanda, l-ebda prova mill-proċess invokata mir-rikorrenti ma turi li, fis-swieq ta’ dawn l-Istati Membri, kien ġie ikkonstatat, mad-dħul ta’ prodotti ġeneriċi, tnaqqis kbir u serju tal-valur tal-bejgħ ta’ perindopril ta’ Servier, ekwivalenti għal dak osservat għall-Pajjiżi l-Baxxi u r-Renju Unit.

1875 Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li dan l-ilment u, għalhekk, il-motiv kollu, għandhom jiġu miċħuda.

f)      Fuq l-applikazzjoni ta’ ammont addizzjonali

1)      L-argumenti tal-partijiet

[omissis]

2)      L-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali

1883 Għandu jitfakkar li l-ftehimiet inkwistjoni huma ftehimiet li jippermettu lil Servier jeskludi kompetituri mis-suq, peress li l-fatt li dawn il‑kompetituri kienu potenzjali ma jibdilx din l-evalwazzjoni. Issa, tali ftehimiet, konklużi bejn kompetituri, jikkostitwixxu ftehimiet orizzontali. Barra minn hekk, l-esklużjoni ta’ kompetituri mis-suq tikkostitwixxi forma estrema ta’ tqassim ta’ suq u ta’ limitazzjoni tal‑produzzjoni (sentenza tat-8 ta’ Settembru 2016, Lundbeck vs Il‑Kummissjoni, T‑472/13, taħt appell, EU:T:2016:449, punt 435). B’hekk, il-Kummissjoni setgħet, korrettament, tapplika l-paragrafu 25 tal-Linji Gwida għall-kalkolu tal-multi, li jipprevedi ż-żieda ta’ ammont ta’ multa addizzjonali għall-ftehimiet orizzontali ta’ limitazzjoni tal‑produzzjoni.

1884 Il-konklużjoni preċedenti ma għandhiex tiġi kkontestata bl-argumenti l‑oħra tar-rikorrenti.

1885 Fl-ewwel lok, kuntrarjament għal dak li jsostnu r-rikorrenti, il‑Kummissjoni ma warrbitx il-fatt li l-ftehimiet ikkontestati kienu jirrigwardaw drittijiet ta’ proprjetà intelletwali (ara l-punti 1794 sa 1797 hawn fuq).

1886 Fit-tieni lok, kuntrarjament għal dak li jsostnu r-rikorrenti u kif diġà ġie kkonstatat fid-diversi partijiet iddedikati għar-risposta għall-motivi bbażati fuq in-nuqqas ta’ kompetizzjoni potenzjali, il-kumpanniji ta’ ġeneriċi kienu kompetituri potenzjali ta’ Servier fil-mument li fih kull waħda minnhom iffirmaw il-ftehim jew il-ftehimiet ikkontestati li kienu jikkonċernawha.

1887 Fit-tielet lok, kuntrarjament għal dak li jsostnu r-rikorrenti, Servier seta’ raġonevolment jipprevedi li kien qiegħed adotta aġir kopert bil-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 101(1) TFUE (ara l-punt 1661 hawn fuq). Barra minn hekk, huwa ma setax jinjora n-natura antikompetittiva tal-aġir tiegħu (ara l-punt 1665 hawn fuq).

1888 Fir-raba’ lok, fir-rigward tan-nuqqas ta’ “effetti reali” tal-ksur, invokat mir-rikorrenti, għandu jiġi rrilevat li dawn jillimitaw ruħhom, mingħajr spjegazzjoni, sabiex jinvokaw dan l-allegat nuqqas sabiex jiġi konkluż li l-ammont addizzjonali użat mill‑Kummissjoni kien ta’ natura sporporzjonata. Dan l-argument għalhekk ma għandux spjegazzjonijiet suffiċjenti li jippermettu li jiġi evalwat il-mertu tiegħu u għalhekk għandu jiġi miċħud.

1889 Fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni ma kinitx obbligata iktar f’dan l-istadju tal-kalkolu tal-ammont tal-multa milli kienet fl-istadju tad-determinazzjoni tal-proporzjon tal-valur tal-bejgħ li hija użat (ara l‑punti 1802 sa 1810 hawn fuq) li tieħu inkunsiderazzjoni eventwali nuqqas ta’ impatt konkret fis-suq. Fil-fatt, la r-Regolament Nru 1/2003, la l-Linji Gwida għall-kalkolu tal-multi, u lanqas il-ġurisprudenza tal‑Unjoni ma kienu jimponulha tagħmel dan.

1890 Fil-ħames lok, il-fatt li l-Kummissjoni ma applikatx ammont addizzjonali għall-kumpanniji ta’ ġeneriċi ma jippermettix li jiġi konkluż li kien hemm ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.  

1891 F’dan ir-rigward, jeżistu differenzi fundamentali bejn il-metodu espost fil-Linji Gwida għall-kalkolu tal-multi li l-Kummissjoni applikat għal Servier u dak li l-Kummissjoni applikat għall-kumpanniji ta’ ġeneriċi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-8 ta’ Settembru 2016, Xellia Pharmaceuticals u Alpharma vs Il-Kummissjoni, T‑471/13, mhux ippubblikata, taħt appell, EU:T:2016:460, punt 423).

1892 Fil-fatt, fil-qafas tal-metodu previst fil-Linji Gwida għall-kalkolu tal‑multi, it-teħid inkunsiderazzjoni tal-valur tal-bejgħ fil-paragrafu 13 għandu bħala għan li jżomm bħala punt ta’ tluq għall-kalkolu tal-ammont tal-multa imposta fuq impriża ammont li jirrifletti l-valur ekonomiku tal‑ksur u l-piż relattiv tal-impriża fih. Sussegwentement, skont il‑paragrafi 19 u 21 ta’ dawn il-linji gwida, il-Kummissjoni, skont il‑gravità tal-ksur, tistabbilixxi l-proporzjon ta’ dan il-valur ta’ bejgħ li għandu jiġi applikat sabiex jiġi stabbilit l-ammont bażiku. Dan il‑proporzjon jista’ bħala regola jitla’ sa 30 % u għandu jiġi mmultiplikat b’koeffiċjent skont it-tul tal-akkordju, skont il-paragrafu 24 tal-Linji Gwida tal-2006. Sussegwentement, skont il-paragrafu 25 tagħhom, irrispettivament mit-tul tal-parteċipazzjoni ta’ impriża fi ksur, il‑Kummissjoni tinkludi fl-ammont bażiku somma ta’ bejn 15 u 25 % tal‑valur ta’ bejgħ, sabiex tiddiswadi lill-impriżi milli jipparteċipaw fi ftehimiet orizzontali ta’ ffissar ta’ prezzijiet, ta’ tqassim tas-suq u ta’ limitazzjoni ta’ produzzjoni, jew fi ksur ieħor (sentenza tat‑8 ta’ Settembru 2016, Xellia Pharmaceuticals u Alpharma vs Il‑Kummissjoni, T‑471/13, mhux ippubblikata, taħt appell, EU:T:2016:460, punt 424).

1893 Għall-kuntrarju, il-metodu użat fir-rigward tal-kumpanniji ta’ ġeneriċi, peress li jippermetti lill-Kummissjoni tuża direttament bħala ammont bażiku t-trasferimenti ta’ valur minn Servier lill-kumpannija ta’ ġeneriċi inkwistjoni, ma jipprevedix dawn l-istadji kollha, b’mod partikolari l‑applikazzjoni ta’ ammont addizzjonali skont il-paragrafu 25 tal-Linji Gwida għall-kalkolu tal-multi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Settembru 2016, Xellia Pharmaceuticals u Alpharma vs Il‑Kummissjoni, T‑471/13, mhux ippubblikata, taħt appell, EU:T:2016:460, punt 425).

1894 Issa, l-applikazzjoni tal-ewwel metodu għal Servier u tat-tieni għall‑kumpanniji ta’ ġeneriċi kienet iġġustifikata.

1895 Fil-fatt, l-ewwel nett, minħabba s-suġġett stess tal-ftehimiet ikkontestati, li huma ftehimiet ta’ esklużjoni mis-suq, il-kumpanniji ta’ ġeneriċi ma kinux, kuntrarjament għal Servier, preżenti, matul il-perijodu tal-ksur, fis-swieq fejn kienu ġew kommessi.

1896 B’hekk, il-Kummissjoni ma setgħetx tuża l-valuri tal-bejgħ magħmul mill-kumpanniji ta’ ġeneriċi fis-settur ġeografiku kkonċernat matul l‑aħħar sena sħiħa tal-parteċipazzjoni tagħhom fil-ksur, kif jipprevedi l‑paragrafu 13 tal-Linji Gwida għall-kalkolu tal-multi.

1897 Hija għalhekk ma setgħetx tapplika għall-kumpanniji ta’ ġeneriċi l‑metodu ta’ kalkolu tal-ammont tal-multa espost fil-Linji Gwida għall‑kalkolu tal-multi u, b’mod partikolari, tapplikalhom ammont addizzjonali kkalkolat abbażi tal-valur tal-bejgħ magħmul mill-impriża skont il-ksur ikkonċernat.

1898 Il-kunsiderazzjonijiet preċedenti japplikaw għall-kumpanniji ta’ ġeneriċi kollha, għaliex l-ebda waħda minnhom ma setgħet tidħol fis-swieq li fihom il-ksur li jikkonċernaha kien ġie kkonstatat mill-Kummissjoni.

1899 Fir-rigward b’mod partikolari ta’ Krka, anki jekk wieħed jippresupponi li r-rikorrenti jistgħu utilment jipprevalixxu ruħhom, insostenn tal-ilment dwar il-ksur tal‑prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, mill-metodu ta’ kalkolu tal‑ammont tal-multa imposta fuq din il-kumpannija ta’ ġeneriċi minkejja li r-responsabbiltà ta’ Servier bis-saħħa tal-ftehimiet konklużi ma’ Krka ma għandhiex tintuża (ara l-punt 1636 hawn fuq), tali ilment għandu jiġi miċħud.

1900 Ċertament, il-paragun li fuqu huwa bbażat l-ilment tar-rikorrenti ma japplikax, għal kull ftehim ikkontestat, għas-sitwazzjoni ta’ Servier u dik tal-kumpannija ta’ ġeneriċi kkonċernata, iżda, għall-ftehimiet kollha, għas-sitwazzjoni ta’ Servier u dik tal-kumpanniji ta’ ġeneriċi kollha inkwistjoni. B’hekk, il-fatt li ammont addizzjonali ma ġiex applikat fuq Servier fir-rigward tal-ftehimiet konklużi ma’ Krka ma jipprekludix li tittieħed inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni ta’ Krka sabiex jiġi eżaminat l‑ilment tar-rikorrenti.

1901 Sussegwentement, huwa veru li wieħed mill-ftehimiet li Krka kienet ikkonkludiet ma’ Servier kien jipprevedi l-għoti ta’ liċenzja għall‑privattiva 947 li kienet tapplika f’seba’ Stati Membri. Konsegwentement, Krka setgħet tbiegħ il-prodotti tagħha f’dawn l-Istati Membri matul it-tul tal-ksur.

1902 Madankollu, il-Kummissjoni ma kkonstatax ksur għall-Istati Membri li fihom kienet tapplika l-liċenzja. Hija ma tikkritikax lill-partijiet fil‑ftehim dwar id-dħul ta’ Krka fis-seba’ swieq li għalihom kienet tapplika l-liċenzja, iżda r-rinunzja tagħha milli tidħol fis-swieq ta’ Stati Membri oħra fejn il-klawżoli ta’ nuqqas ta’ kummerċjalizzazzjoni u ta’ nuqqas ta’ kontestazzjoni kienu japplikaw mingħajr ftehim dwar liċenzja.

1903 Issa, il-kunċett ta’ valur ta’ bejgħ imsemmi fil-paragrafu 13 tal-Linji Gwida għall-kalkolu tal-multi ma għandux jiġi estiż sabiex jinkludi l‑bejgħ magħmul mill-impriża inkwistjoni li ma jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-akkordju kkritikat (sentenza tat-12 ta’ Novembru 2014, Guardian Industries u Guardian Europe vs Il-Kummissjoni, C‑580/12 P, EU:C:2014:2363, punt 57).

1904 B’hekk, is-sebat’iswieq li kienu koperti bil-ftehim dwar liċenzja ma setgħux jiġu kkunsidrati bħala inklużi fis-“settur ġeografiku kkonċernat” skont il-paragrafu 13 tal-Linji Gwida għall-kalkolu tal-multi.

1905 Għandu jingħad ukoll li, anki jekk il-vantaġġ li jagħti ftehim dwar liċenzja jista’, taħt ċerti kundizzjonijiet, jiġi kklassifikat bħala inċentiv, il-fatt li kumpannija ta’ ġeneriċi titħalla, permezz ta’ tali ftehim, tidħol jew tibqa’ mingħajr riskju f’suq huwa, bħala regola, favur il‑kompetizzjoni, għaliex id-dħul ta’ kumpannija ta’ ġeneriċi fis-suq huwa tali li jbaxxi kunsiderevolment il-prezzijiet. Issa, jidher li ma huwiex adegwat li jiġi kkunsidrat il-valur tal-bejgħ magħmul fi swieq li fihom il‑kompetizzjoni ssaħħet sabiex tiġi imposta multa fuq kumpannija ta’ ġeneriċi partikolari li tkun meqjusa li pparteċipat f’restrizzjoni ta’ kompetizzjoni fi swieq oħra.

1906 Il-Kummissjoni għalhekk ma kinitx f’pożizzjoni li tapplika fil-konfront ta’ Krka u, a fortiori, fil-konfront tal-kumpanniji ta’ ġeneriċi l-oħra partijiet fil‑ftehimiet ikkontestati l-metodu ta’ kalkolu tal-ammont tal-multa espost fil-Linji Gwida għall-kalkolu tal-multi u b’mod partikolari, li timponi fuqhom ammont addizzjonali kkalkolat abbażi tal-valur tal-bejgħ magħmul mill-impriża b’rabta mal-ksur ikkonċernat.

1907 Issa, dan ma kienx il-każ fir-rigward ta’ Servier, li kien ibiegħ il‑perindopril fis-setturi ġeografiċi kkonċernati mill-ksur.

1908 It-tieni nett, il-metodu ta’ kalkolu tal-ammont tal-multa użat mill‑Kummissjoni fir-rigward tal-kumpanniji ta’ ġeneriċi kien adattat għall-karatteristiċi partikolari tal-kuntest, peress li l-ammont tat-trasferiment ta’ valur użat fil-ftehim kien jikkunsidra l-profitt li kull kumpannija ta’ ġeneriċi kienet tieħu mill-ksur li kien jikkonċernaha. Tali metodu ma kienx adattat għal Servier, li kellu l-għan li jikseb profitt biż‑żamma ta’ prezz għoli tal-perindopril.

1909 Tali differenzi fis-sitwazzjoni kienu jiġġustifikaw l-applikazzjoni fil‑konfront tal-kumpanniji ta’ ġeneriċi ta’ trattament differenti minn dak ta’ Servier, jiġifieri metodu ta’ kalkolu speċifiku li kien differenti mill‑metodu li jinsab fil-Linji Gwida għall-kalkolu tal-multi u li ma kienx jeħtieġ l-applikazzjoni tal-ammont addizzjonali previst fl-imsemmija Linji Gwida.

1910 Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-Kummissjoni applikat b’mod korrett ammont addizzjonali għall-kalkolu tal-multa imposta fuq Servier għall-ewwel ksur tal-Artikolu 101 TFUE, jiġifieri dak li jikkonċerna lil Niche u Unichem (premessa 3139 tad-deċiżjoni kkontestata).

1911 Fir-rigward tal-ilment differenti bbażat fuq il-motivazzjoni insuffiċjenti tad-deċiżjoni kkontestata fir-rigward tan-nuqqas ta’ applikazzjoni ta’ ammont addizzjonali għall-kalkolu tal-ammont tal-multa tal-kumpanniji ta’ ġeneriċi, għandu jiġi rrilevat li l-Kummissjoni indikat dan li ġej fil‑premessa 3146 tad-deċiżjoni kkontestata:

“Il-kumpanniji ta’ ġeneriċi aċċettaw li ma jbiegħux perindopril ġeneriku fiż-żona ġeografika kkonċernata minn kull ftehim, u għalhekk ma wettqux bejgħ fiż-żona ġeografika kkonċernata. Il-paragrafu 37 tal-Linji Gwida [għall-kalkolu tal-multi] għandu għalhekk jiġi applikat għall‑kumpanniji ta’ ġeneriċi. Il-paragrafu 37 ta’ dawn il-Linji Gwida jippermetti lill-Kummissjoni twarrab il-metodoloġija normali tal-Linji Gwida [għall-kalkolu tal-multi] minħabba l-karatteristiċi partikolari ta’ każ speċifiku jew il-ħtieġa li jintlaħaq livell dissważiv f’każ partikolari.”

1912 Fil-premessa 3152 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ddikjarat b’mod partikolari dan li ġej:

“Skont ir-Regolament Nru 1/2003 u l-Linji Gwida [għall-kalkolu tal‑multi], il-multa għandha tiddependi mill-fatturi segwenti: i) il-gravità tal-ksur, ii) it-tul tiegħu, iii) kull ċirkustanza aggravanti jew attenwanti u iv) il-bżonn li jkun hemm effett dissważiv. Il-Kummissjoni, fl-eżerċizzju tal-setgħa diskrezzjonali tagħha, għandha tikkunsidra li, f’dan il-każ u fid-dawl tal‑karatteristiċi partikolari tal-kawża, l-ammont tat-trasferiment tal-ħlas riċevut mill-kumpanniji ta’ ġeneriċi jagħti indikazzjonijiet sinjifikattivi fir-rigward ta’ dawn il-fatturi.”

1913 Mill-estratti tad-deċiżjoni kkontestata hawn fuq imsemmija jirriżulta, l‑ewwel nett, li l-Kummissjoni ma applikatx il-metodu previst fil-Linji Gwida għall-kalkolu tal-multi, li huwa bbażat fuq il-valur tal-bejgħ matul l-aħħar sena sħiħa tal-parteċipazzjoni tal-impriża fil-ksur, iżda metodu li juża l-ammont tat-trasferiment tal-valur li minnu bbenefikaw il‑kumpanniji ta’ ġeneriċi bħala ammont bażiku għall-kalkolu tal‑ammont tal-multa, it-tieni nett, li għalhekk hija pproċediet billi bbażat ruħha fuq is-suġġett stess tal-ftehimiet, li kienu ftehimiet dwar esklużjoni mis-suq li minħabba fihom il-kumpanniji ta’ ġeneriċi ma kinux preżenti fih fil-mument tal-ksur, u, it-tielet nett, li hija kkunsidrat li l‑metodu magħżul kien jippermettilha tikkunsidra, b’mod partikolari, il‑gravità tal-ksur u t-tul tiegħu.

1914 Tali motivazzjoni kienet tippermetti lir-rikorrenti jifhmu r-raġunijiet li għalihom il-Kummissjoni użat, għall-kumpanniji ta’ ġeneriċi, metodu differenti, b’mod partikolari inkwantu ma kienx jimplika l‑applikazzjoni ta’ ammont addizzjonali, minn dak previst fil-Linji Gwida għall-kalkolu tal-multi. Hija tpoġġi wkoll lill-qorti tal-Unjoni f’pożizzjoni li teżerċita l-istħarriġ ta’ legalità tagħha u li tissodisfa r-rwol tagħha bħala qorti ta’ ġurisdizzjoni sħiħa.

1915 L-ilment ibbażat fuq motivazzjoni mhux suffiċjenti f’dan ir-rigward għandu għalhekk jiġi miċħud.

1916 Bħala konklużjoni, għandu jiġi rrilevat li l-applikazzjoni, għall-ewwel ksur tal-Artikolu 101 TFUE, ta’ ammont addizzjonali kkalkolat abbażi ta’ rata ta’ 11 % tal-valur tal-bejgħ, li huwa inqas mill-firxa ta’ rati prevista fil-paragrafu 25 tal-Linji Gwida, u li, barra minn hekk, japplika biss għal ksur wieħed tal-Artikolu 101 TFUE minn dawk użati kontra Servier ma tistax tiġi kkunsidrata bħala sproporzjonata fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha rilevanti tal-każ, kif imfakkra fil-punti 1816 sa 1818 hawn fuq.

1917 Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li dan il-motiv għandu jiġi miċħud.

g)      Fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità u tal-prinċipju ta’ individwalità tal-pieni

1918 Ir-rikorrenti jinvokaw żewġ ilmenti, ibbażati, l-ewwel wieħed, fuq in‑nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-karatteristiċi partikolari ta’ Servier u, it-tieni, fuq it-tul tal-proċedura amministrattiva.

1)      Fuq in-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-karatteristiċi partikolari ta’ Servier

i)      L-argumenti tal-partijiet

[omissis]

ii)    L-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali

1922 Fl-ewwel lok, il-fatt, allegatament stabbilit, li Servier hija impriża “monoprodott” ma kienx jobbliga, fih innifsu, lill-Kummissjoni sabiex tnaqqas l-ammont tal-multi. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li r‑rikorrenti, insostenn ta’ dan l-argument, ma jużaw l-ebda dispożizzjoni vinkolanti tad-dritt tal-Unjoni u lanqas xi preċedent ġurisprudenzjali.

1923 Barra minn hekk, impriża bħar-rikorrenti, li tikseb il-biċċa l-kbira tad‑dħul mill-bejgħ globali tagħha permezz tal-prodott kopert bl‑akkordju, konsegwentement tikseb benefiċċju partikolarment sinjifikattiv minnu (ara, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott fil-Kawża Pilkington Group et vs Il-Kummissjoni, C‑101/15 P, EU:C:2016:258, punt 100). B’hekk, il-fatt li Servier hija impriża “monoprodott” waħdu ma jiġġustifikax li l-ammont tal-multi jitnaqqas.

1924 Fir-rigward tal-użu tal-prassi deċiżjonali tal-Kummissjoni li permezz tagħha din naqqset l-ammont tal-multi abbażi tal-eżistenza ta’ impriża “monoprodott”, għandu jiġi rrilevat li l-preċedent imsemmi mir-rikorrenti, kif ippreżentat minnhom, kien relatat ma’ ċirkustanzi differenti minn dawk f’dan il-każ, peress li l-Kummissjoni kienet naqqset l-ammont tal-multa inkwistjoni sabiex tevita li din tilħaq l-10 % tad-dħul mill-bejgħ imsemmi fl-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003.

1925 Barra minn hekk, skont il-ġurisprudenza, il-Kummissjoni għandha marġni ta’ diskrezzjoni fl‑iffissar tal-ammont tal-multi sabiex tiggwida l-aġir tal-impriżi lejn l‑osservanza tar-regoli tal-kompetizzjoni. Il-fatt li l-Kummissjoni tkun applikat, fil-passat, multi ta’ ċertu livell għal ċerti tipi ta’ ksur ma jċaħħadhiex mill-possibbiltà li tgħolli dan il-livell fil-limiti stabbiliti mir‑Regolament Nru 1/2003 jekk dan ikun neċessarju sabiex tiġi żgurata l-implementazzjoni tal-politika tal-kompetizzjoni tal-Unjoni. L‑applikazzjoni effikaċi tar-regoli tal-Unjoni dwar il-kompetizzjoni teżiġi, għall-kuntrarju, li l-Kummissjoni tkun tista’, f’kull mument, taġġusta l-livell tal-multi għall-ħtiġijiet ta’ din il-politika (ara, f’dan is‑sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Settembru 2016, Lundbeck vs Il‑Kummissjoni, T‑472/13, taħt appell, EU:T:2016:449, punt 773).

1926 Barra minn hekk, skont ġurisprudenza stabbilita, id-dritt li jiġi invokat il‑prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi japplika għal kull individwu li fil-konfront tiegħu istituzzjoni tal-Unjoni tkun ħolqot aspettattivi fondati. Id-dritt li jiġu invokati l-aspettattivi leġittimi jippresupponi li jkunu ssodisfatti tliet kundizzjonijiet kumulattivi. Fl-ewwel lok, l‑amministrazzjoni tal-Unjoni għandha tkun tat lill-persuna kkonċernata garanziji preċiżi, bla kundizzjonijiet u konsistenti, li joriġinaw minn sorsi awtorizzati u affidabbli. Fit-tieni lok, dawn il-garanziji għandhom ikunu tali li jnisslu aspettattivi leġittimi fil-persuna indirizzata. Fit-tielet lok, dawn il-garanziji għandhom ikunu konformi mar-regoli applikabbli (ara s-sentenza tal-5 ta’ Settembru 2014, Éditions Odile Jacob vs Il‑Kummissjoni, T‑471/11, EU:T:2014:739, punt 91 u l-ġurisprudenza ċċitata).

1927 Issa, l-elementi invokati mir-rikorrenti, jiġifieri riżoluzzjoni tal‑Parlament u dikjarazzjoni tal-membru tal-Kummissjoni inkarigat mill-kompetizzjoni, jippermettu, l-iktar l-iktar, li jiġi konkluż li kien hemm possibbiltà li l-Linji Gwida għall-kalkolu tal-multi jiġu emendati fil-futur sabiex jikkunsidraw il-karatteristiċi speċifiċi ta’ impriżi “monoprodott”. Għalhekk ma kienx hemm garanziji preċiżi, bla kundizzjonijiet u konsistenti li jnisslu aspettattiva leġittima f’Servier.

1928 Fit-tieni lok, il-fatt, preżunt stabbilit, li Servier huwa amministrat minn fondazzjoni mingħajr skop ta’ lukru li ma jagħti l-ebda dividend lil benefiċjarji li huma persuni fiżiċi u li għalhekk jista’ jiddedika sehem sinjifikattiv, jekk mhux l-ammont sħiħ, tal-profitti tiegħu għar-riċerka, bl-ebda mod ma kien jimponi lill-Kummissjoni li tnaqqas l-ammont tal-multi.

1929 Barra minn hekk, il-Kummissjoni għandha marġni diskrezzjonali fl-iffissar tal-ammont tal-multi (ara l-punt 1925 hawn fuq).

1930 Anki jekk ir-rikorrenti kellhom il-ħsieb li jikkontestaw it-tip ta’ impriża, fis-sens tad-dritt tal-kompetizzjoni, ta’ Servier, madankollu għandu jiġi rrilevat li t-tliet kumpanniji destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata, li huma wkoll ir-rikorrenti, ma humiex fondazzjonijiet.

1931 Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja spjegat li l-fatt li l-offerta ta’ prodotti u ta’ servizzi ssir mingħajr għan li jsir profitt ma huwiex ta’ ostakolu sabiex l-entità li twettaq dawn l-operazzjonijiet fis-suq ikollha tiġi kkunsidrata bħala impriża, ladarba din l-offerta tikkompeti ma’ dik ta’ operaturi oħra li jfittxu li jagħmlu profitt (ara, f’dan is-sens, is‑sentenza tal-1 ta’ Lulju 2008, MOTOE, C‑49/07, EU:C:2008:376, punt 27).

1932 Fit-tielet lok, ir-rikorrenti jinvokaw ksur tal-prinċipju ta’ individwalità ta’ pieni.

1933 F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-prinċipju ta’ individwalità ta’ pieni u ta’ sanzjonijiet jirrikjedi li, skont l-Artikolu 23(3) tar-Regolament Nru 1/2003, l-ammont tal-multa li għandha titħallas b’mod solidali għandu jiġi stabbilit skont il-gravità tal-ksur li bih l-impriża kkonċernata hija akkużata individwalment u t-tul tiegħu (sentenzi tal-10 ta’ April 2014, Il‑Kummissjoni et vs Siemens Österreich et, C‑231/11 P sa C‑233/11 P, EU:C:2014:256, punt 52, u tad-19 ta’ Ġunju 2014, FLS Plast vs Il‑Kummissjoni, C‑243/12 P, EU:C:2014:2006, punt 107).

1934 Issa, l-argument tar-rikorrenti ma jirrigwardax il-kontestazzjoni ta’ relazzjoni ta’ solidarjetà li l-Kummissjoni applikat meta imponiet l-istess multa lil impriżi differenti.

1935 Barra minn hekk, il-fatt li l-Kummissjoni ma naqqsitx l-ammont tal-multi imposti fuq Servier biex tikkunsidra l-fatt li din kienet fondazzjoni mingħajr skop ta’ lukru li ma tagħti l-ebda profitt lil benefiċjarju li jkun persuna fiżika u li b’hekk hija setgħet tiddedika parti sinjifikattiva mill‑profitti tagħha, jekk mhux kollha, għar-riċerka ma jippermettix li jiġi stabbilit li l-Kummissjoni ma stabbilixxietx l-ammont totali tal-multa imposta fuq Servier skont il-gravità tal-ksur li dwaru kienet ġiet ikkritikata u t-tul tiegħu, kif tipprevedi l-ġurisprudenza ċċitata fil‑punt 1933 hawn fuq.

1936 Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li dan l-ilment għandu jiġi miċħud.

2)      Fuq it-tul tal-proċedura amministrattiva

i)      L-argumenti tal-partijiet

[omissis]

ii)    L-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali

1941 Għandu jitfakkar li, għalkemm il-ksur tal-prinċipju ta’ osservanza tat‑terminu raġonevoli jista’ jiġġustifika l-annullament ta’ deċiżjoni meħuda fi tmiem proċedura amministrattiva bbażata fuq l-Artikolu 101 jew 102 TFUE, peress li huwa jwassal ukoll għal ksur tad-drittijiet tad‑difiża tal-impriża kkonċernata, il-ksur min-naħa tal-Kummissjoni tat‑terminu raġonevoli ta’ tali proċedura amministrattiva, jekk jiġi preżunt li ġie stabbilit, ma jistax iwassal għal tnaqqis tal-ammont tal‑multa imposta (ara s-sentenza tad-9 ta’ Ġunju 2016, PROAS vs Il‑Kummissjoni, C‑616/13 P, EU:C:2016:415, punt 74 u l-ġurisprudenza ċċitata).

1942 F’dan il-każ, ir-rikorrenti bl-ebda mod ma jsostnu li l-ksur tal-prinċipju ta’ osservanza tat‑terminu raġonevoli allegat wassal għal ksur tad‑drittijiet tad-difiża ta’ Servier. Għalhekk, dan il-ksur, anki jekk jiġi stabbilit, ma jistax jiġġustifika l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata. Lanqas jista’, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 1941 hawn fuq, jippermetti lir-rikorrenti jiksbu tnaqqis tal-ammont tal-multa li hija imposta fuqhom.

1943 Fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni tindika dan li ġej fil-punt 1037 tar‑risposta tagħha:

“Il-Kummissjoni tqis li osservat l-obbligi legali kollha tagħha dwar it-tul tal‑proċedura amministrattiva. F’dan il-każ, il-Kummissjoni bdiet l‑investigazzjoni ex officio tagħha fl-24 ta’ Novembru 2008. Id‑Deċiżjoni ġiet adottata fid-9 ta’ Lulju 2014. Id-Deċiżjoni diġà enfasizzat id-diversi miżuri meħuda matul l-investigazzjoni […] Skont il‑Kummissjoni, il-portata u l-importanza tal-kawża – fil-livell kemm tad-diversi prattiki li huma s-suġġett tal-investigazzjoni kif ukoll tan-numru ta’ impriżi u ta’ awtoritajiet involuti – jikkontribwixxu sabiex jiġi spjegat it-tul tal-investigazzjoni. Il-Kummissjoni tenfasizza li d-Deċiżjoni kienet indirizzata lil tlettax-il impriża, tikkonċerna l-applikazzjoni tal‑Artikoli 101 u 102 TFUE, sitt ksur distinti u żewġ definizzjonijiet ta’ suq u kienet tirrikjedi l-analiżi ta’ dokumentazzjoni kunsiderevoli. Il‑Kummissjoni bagħtet iktar minn 200 [talbiet għal informazzjoni], wettqet spezzjonijiet ta’ 6 impriżi, organizzat iktar minn 15-il laqgħa ta’ xogħol mal-impriżi kkonċernati u kkompilat fajl b’iktar minn 11 000 entrata […]”

1944 Dawn l-elementi, li ma humiex ikkontestati mir-rikorrenti, li magħhom tiżdied il-kumplessità kemm ġuridika kif ukoll fattwali tal-kawża inkwistjoni, li tirriżulta, talinqas parzjalment, mill-kliem tal-ftehimiet li tagħhom ir-rikorrenti kienu ko-awturi, jippermettu li jiġi konkluż li t-tul tal-proċedura amministrattiva f’dan il-każ ma kinitx taqbeż terminu raġonevoli.

1945 Għandu jingħad ukoll li l-konstatazzjoni ta’ kumplessità li saret fil‑punt 1944 hawn fuq ma tikkontradixxix dak li l-Kummissjoni rrilevat, barra minn hekk, fil-premessa 3110 tad-deċiżjoni kkontestata, li fiha indikat dan li ġej:

“[...] Fi kwalunkwe każ, il-prattiċi ta’ din il-kawża, li kellhom bħala għan l-esklużjoni mis-suq inkontrakambju ta’ trasferiment ta’ valur, ma jistgħux jiġu kkunsidrati, inkwantu jirrigwardaw l-impożizzjoni ta’ multi, bħala ġuridikament kumplessi u l-illegalità tagħhom kienet prevedibbli għall-partijiet.”

1946 Fil-fatt, għandu jitfakkar li, jekk, minħabba l-fatt li l-ftehimiet inkwistjoni kienu ġew konklużi fil-forma ta’ ftehimiet dwar soluzzjoni bonarja relatati ma’ privattiva, in-natura ta’ ksur ta’ dawn il-ftehimiet setgħet ma tidhirx, b’mod ċar, għal osservatur estern bħall-Kummissjoni, dan ma kienx japplika għall-partijiet fil-ftehim.

1947 Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li dan l-ilment u, għalhekk, il-motiv kollu kemm hu għandhom jiġu miċħuda.

h)      Sinteżi dwar l-annullament tal-multi u t-tnaqqis tal-ammonti tagħhom

1948 Għandu jitfakkar li l-ftehimiet ikkontestati huma, bl-eċċezzjoni tal‑ftehimiet konklużi ma’ Krka, ftehimiet dwar esklużjoni mis-suq li għandhom għanijiet antikompetittivi. Issa, l-esklużjoni ta’ kompetituri mis-suq hija forma estrema ta’ qsim ta’ suq u ta’ limitazzjoni tal‑produzzjoni (ara l-punt 1816 hawn fuq). B’hekk, ftehimiet bħal dawn għandhom, skont il-paragrafu 23 tal-Linji Gwida għall-kalkolu tal-multi, bħala regola, ikunu ssanzjonati b’mod sever (ara l-punt 1816 hawn fuq).

1949 Barra minn hekk, dawn il-ftehimiet, ibbażati fuq inċentiv u mhux fuq ir‑rikonoxximent mill-partijiet tal-validità tal-privattiva inkwistjoni, ippermettew lil Servier li jissostitwixxi r-riskji tal-kawżi fil-qasam tal‑privattivi u l-inċertezzi dwar il-kundizzjonijiet u l-possibbilitajiet ta’ dħul fis-suq tal-kumpanniji ta’ ġeneriċi biċ-ċertezza li jżomm dawk li fil-konfront tagħhom kien ġie konkluż ftehim biex ma jidħlux fis-suq (ara l‑punt 1819 hawn fuq).

1950 Finalment, għandu jiġi rrilevat li dawn il-ftehimiet ġew implimentati.

1951 Barra minn hekk, għandu jitfakkar li l-Kummissjoni kkunsidrat, fid‑deċiżjoni kkontestata (premessa 3128), il-fatt li Servier kien ikkommetta diversi ksur, ċertament distinti, iżda li jirrigwardaw l-istess prodott, il-perindopril, u, sa ċertu punt, l-istess żoni ġeografiċi u l-istess perijodi. F’dan il-kuntest partikolari, sabiex tevita riżultat potenzjalment sproporzjonat, iddeċidiet li tillimita, għal kull ksur, il‑proporzjon tal-valur tal-bejgħ magħmul minn Servier ikkunsidrat sabiex jiġi stabbilit l-ammont bażiku tal-multa. Għaldaqstant hija wettqet korrezzjoni li waslitha għal tnaqqis medju ta’ 54.5 % tal-valuri kollha tal‑bejgħ relatati mal-ksur differenti tal-Artikolu 101 TFUE.

1952 Barra minn hekk, il-proporzjon tal-valur tal-bejgħ użat għall-finijiet tal‑kalkolu tal-ammont tal-multa mill-Kummissjoni, jiġifieri 10 jew 11 %, skont il-każ, jikkostitiwixxi biss madwar terz tal-proporzjon massimu li seta’ jintuża.

1953 Finalment, il-Qorti Ġenerali, filwaqt li qieset ir-rabtiet li l-ftehim Matrix kellu mal-ftehimiet Niche, naqqset l-ammont tal-multa imposta fuq Servier fir-rigward tal-ftehim Matrix.

1954 Fid-dawl tal-elementi li għadhom kemm tfakkru fil-punti 1948 sa 1953 hawn fuq kif ukoll mill-kunsiderazzjonijiet kollha li jinsabu f’din is-sentenza, għandu jiġi konkluż li l-ammonti tal-multi imposti fuq Servier skont l-Artikolu 101 TFUE ma humiex, fid-dawl tat-tnaqqis li diġà sar mill-Qorti Ġenerali fil-qafas tas-setgħat ta’ ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, sproporzjonati, minkejja li l-Kummissjoni, fil-premessa 3130 tad‑deċiżjoni kkontestata, qieset, b’mod żbaljat, kif jirriżulta mir-risposta għall-motiv ibbażat fuq żbalji ta’ evalwazzjoni relatati mad-definizzjoni tas-suq rilevanti, li Servier “kellu ishma tas-suq għoljin ferm fis-swieq rilevanti ddefiniti għall-finijiet ta’ din id-deċiżjoni u affettwati mill-ksur tal-Artikolu 101 [TFUE]”.

1955 Hemm lok li jiġi spjegat ukoll, peress li l-Kummissjoni, korrettament, qieset li l-ksur ikkonstatati kienu ksur distinti (ara l-punti 1685 sa 1691 hawn fuq), il-fatt li l-ammont akkumulat tal-multi jirrappreżenta perċentwali mhux żgħir tad-dħul mill-bejgħ ta’ Servier ma jippermettix li jiġi konkluż li dawn il-multi huma sproporzjonati. In-natura sproporzjonata tagħhom tidher inqas għaliex dan il-perċentwali tnaqqas sostanzjalment mill-Qorti Ġenerali fil-qafas tas-setgħat ta’ ġurisdizzjoni sħiħa tagħha.

1956 Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li t-talbiet sussidjarji tar‑rikorrenti għandhom jiġu miċħuda, inkwantu jirrigwardaw il-multi imposti fuq Servier għall-ksur relatati mal-Artikolu 101 TFUE, bl‑eċċezzjoni tat-talbiet intiżi għal, minn naħa waħda, l-annullament tal‑multa imposta fuq Servier minħabba l-ksur relatat mal-ftehimiet konklużi ma’ Krka u, min-naħa l-oħra, tnaqqis tal-ammont tal-multa imposta fuq Servier minħabba l-ksur relatat mal-ftehim Matrix. Fir‑rigward tat-talbiet sussidjarji tar-rikorrenti inkwantu jirrigwardaw il‑ksur relatat mal-Artikolu 102 TFUE, dawn għandhom jintlaqgħu, konsegwentement, peress li l-Artikolu 6 tad-deċiżjoni kkontestata, li permezz tiegħu l-Kummissjoni kkonstatat ksur tal-Artikolu 102 TFUE, huwa annullat (ara l-punt 1638 hawn fuq).

1957 Fl-aħħar nett għandu jingħad ukoll li l-Kummissjoni, fil-qafas tal‑modalitajiet ta’ kalkolu tal-ammont ta’ kull multa marbuta mad-diversi ksur differenti tal-Artikolu 101 TFUE li hija kkonstatat, introduċiet fattur ta’ korrezzjoni li jiddependi fuq numru ta’ ksur li seħħew fl-istess ħin fi Stat Membru. B’hekk, il-konklużjoni li wieħed mill-ksur tal‑Artikolu 101 TFUE ma huwiex stabbilit tista’ eventwalment twassal lill-Qorti Ġenerali tistaqsi dwar l-opportunità li jista’ jkun hemm li żżid il-multi imposti fuq Servier minħabba l-ksur l-ieħor tal-Artikolu 101 TFUE.

1958 Madankollu, fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha tal-każ, b’mod partikolari dawk imfakkra fi tmiem il-punt 1954 hawn fuq, ma hemmx lok li ssir tali żieda, li, barra minn hekk, bl-ebda mod ma ġiet mitluba mill‑Kummissjoni.

IV.    Konklużjoni ġenerali

1959 Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-Artikolu 101 TFUE, mill‑kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-Kummissjoni setgħet, korrettament, tikkonstata restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan għall-ftehimiet Niche, Matrix, Teva u Lupin. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma huwiex neċessarju, fi kwalunkwe każ, li jiġi eżaminat jekk il‑konstatazzjoni ta’ kompetizzjoni minħabba l-effett relatata ma’ dawn l‑istess ftehimiet hijiex fondata.

1960 Għall-kuntrarju, minn naħa waħda, fir-rigward tal-ksur ikkonstatat minħabba l-ftehimiet konklużi ma’ Krka, il-Qorti Ġenerali tikkonkludi li l‑Kummissjoni ma stabbilixxietx l-eżistenza ta’ restrizzjoni tal‑kompetizzjoni minħabba l-għan. Filwaqt li eżaminat il-konstatazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-eżistenza ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-effett, il-Qorti Ġenerali tikkonkludi wkoll li din ma ġietx stabbilita. L-Artikolu 4 tad-deċiżjoni kkontestata għandu għalhekk jiġi annullat inkwantu, b’dan l-artikolu, il-Kummissjoni kkonstatat il‑parteċipazzjoni ta’ Servier fi ksur tal-Artikolu 101(1) TFUE fir-rigward tal-ftehimiet konklużi bejn Servier u Krka. Konsegwentement, l‑Artikolu 7(4)(b) tad-deċiżjoni kkontestata, li permezz tiegħu l‑Kummissjoni stabbilixxiet multa ta’ EUR 37 661 800 kontra Servier minħabba dan il-ksur, għandu wkoll jiġi annullat.

1961 Minn naħa l-oħra, fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, il-Qorti Ġenerali tikkunsidra li l-ammont tal-multa imposta fuq Servier minħabba l-ksur relatat mal-ftehim Matrix ikkonstatat fl-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata huwa għoli wisq. Konsegwentement, dan l-ammont, li jirriżulta mill-Artikolu 7(2)(b) tad-deċiżjoni kkontestata, għandu jitnaqqas u jiġi stabbilit fl-ammont ta’ EUR 55 385 190.

1962 Il-kumplament, f’dak li jirrigwarda l-multi imposti mill-Kummissjoni fuq Servier minħabba l-ftehimiet Niche, Teva u Lupin, l-ammonti tagħhom għandhom jiġu kkonfermati.

1963 Fit-tieni lok, fir-rigward tal-Artikolu 102 TFUE, il-Qorti Ġenerali tikkunsidra li ma huwiex stabbilit li s-suq tal-prodotti lesti rilevanti kien limitat għall-perindopril. Peress li l-pożizzjoni dominanti ta’ Servier ma kinitx ipprovata la f’dan is-suq u lanqas fis-suq tat-teknoloġija, l‑eżistenza ta’ abbuż minn din il-pożizzjoni hija kkontestata, b’tali mod li l-Artikolu 6 tad-deċiżjoni kkontestata, relatat mal-konstatazzjoni ta’ dan il-ksur, għandu jiġi annullat. Konsegwentement, l-Artikolu 7(6) tad‑deċiżjoni kkontestata, li permezz tiegħu l-Kummissjoni stabbilixxiet multa ta’ EUR 41 270 000 kontra Servier minħabba dan il-ksur, għandu wkoll jiġi annullat.

V.      Fuq l-ispejjeż

1964 Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

1965 Skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 134(3) tar-Regoli tal-Proċedura, jekk il-partijiet jitilfu rispettivament fuq waħda jew iktar mit-talbiet tagħhom, kull parti għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha.

1966 Peress li r-rikorrenti u l-Kummissjoni parzjalment tilfu t-talbiet tagħhom, kull parti għandha tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż tagħha.

1967 Skont l-Artikolu 138(3) tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti Ġenerali tista’ tiddeċiedi li l-parti intervenjenti minbarra dawk imsemmija fil-paragrafi 1 u 2 tal-imsemmi artikolu għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

1968 Peress li d-dispożizzjoni msemmija fil-punt 1967 hawn fuq hija applikabbli għall-EFPIA, hemm lok li tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż tagħha.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla Estiża)

tiddikjara u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Nru°C(2014) 4955 finali tad-9 ta’ Lulju 2014 dwar proċedura skont l-Artikolu 101 u l-Artikolu 102 TFUE [Każ AT.39612 – Perindopril (Servier)], huwa annullat, inkwantu jikkonstata l-parteċipazzjoni ta’ Servier SAS u ta’ Laboratoires Servier SAS fil-ftehimiet imsemmija f’dan l-artikolu.

2)      L-Artikolu 6 tad-Deċiżjoni C(2014) 4955 finali huwa annullat.

3)      L-Artikolu 7(4)(b) u (6) tad-Deċiżjoni C(2014) 4955 finali huwa annullat.

4)      L-ammont tal-multa imposta fuq Servier u fuq Laboratoires Servier għall-ksur imsemmi fl-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni C(2014) 4955 finali, kif jirriżulta mill-Artikolu 7(2)(b) tagħha, huwa stabbilit għal EUR 55 385 190.

5)      Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

6)      Servier, Servier Laboratories Ltd u Laboratoires Servier, minn naħa, u l-Kummissjoni Ewropea, min-naħa l-oħra, għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom stess.

7)      Il-European Federation of Pharmaceutical Industries and Associations (EFPIA) għandha tbati l-ispejjeż tagħha stess.

Gervasoni

Bieliūnas

Madise

da Silva Passos

 

      Kowalik-Bańczyk

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-12 ta’ Diċembru 2018.

Firem


Werrej


I. Il-fatti li wasslu għall-kawża

A. Fuq ir-rikorrenti

B. Fuq il-perindopril u l-privattivi tiegħu

1. Perindopril

2. Privattiva marbuta mal-molekula

3. Privattivi sekondarji

4. Perindopril tat-tieni ġenerazzjoni

C. Fuq il-kawżi marbuta mal-perindopril

1. Kawżi quddiem l-UEP

2. Kawżi quddiem il-qrati nazzjonali

a) Kawża ta’ Servier kontra Niche u Matrix

b) Kawżi ta’ Servier kontra Ivax u Teva

c) Kawżi ta’ Servier kontra Krka

d) Kawża ta’ Servier kontra Lupin

e) Kawżi ta’ Servier kontra Apotex

D. Fuq il-ftehimiet dwar soluzzjoni bonarja dwar it-tilwimiet filqasam tal-privattivi

1. Ftehimiet konklużi minn Servier ma’ Niche u Unichem u ma’ Matrix

2. Ftehim konkluż minn Servier ma’ Teva

3. Ftehimiet konklużi minn Servier ma’ Krka

4. Ftehim konkluż minn Servier ma’ Lupin

E. Fuq l-akkwist ta’ teknoloġiji awtorizzanti

F. Fuq l-investigazzjoni settorjali

G. Fuq il-proċedura amministrattiva u d-deċiżjoni kkontestata

II. Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

III. Id-dritt

A. Fuq l-ammissibbiltà

1. Fuq l-ammissibbiltà tat-tielet kap tat-talbiet

a) L-argumenti tal-partijiet

[omissis]

b) L-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali

2. Fuq l-ammissibbiltà ta’ ċerti annessi tar-rikors

a) L-argumenti tal-partijiet

b) L-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali

B. Fuq il-mertu

1. Fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ imparzjalità u tad-dritt għal amministrazzjoni tajba

a) L-argumenti tal-partijiet

b) L-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali

2. Fuq in-nuqqas ta’ konsultazzjoni effettiva tal-Kumitat Konsultattiv fil-qasam tal-akkordji u ta’ pożizzjonijiet dominanti

a) L-argumenti tal-partijiet

b) L-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali

3. Fuq il-ksur tad-dritt għal rimedju effettiv, tad-drittijiet tad-difiża u tal-prinċipju ta’ opportunitajiet ugwali għall-partijiet

a) L-argumenti tal-partijiet

b) L-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali

4. Fuq l-iżnaturament tal-fatti

a) L-argumenti tal-partijiet

b) L-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali

5. Fuq l-iżbalji ta’ liġi relatati mad-definizzjoni tal-kunċett ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan

a) Fuq in-natura restrittiva minħabba l-għan tal-ftehimiet dwar soluzzjoni bonarja fil-qasam tal-privattivi

1) Fuq ir-restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni minħabba l-għan

2) Fuq id-drittijiet ta’ proprjetà intelletwali u, b’mod partikolari, ilprivattivi

3) Fuq il-ftehimiet dwar soluzzjoni bonarja dwar it-tilwimiet filqasam talprivattivi

4) Fuq il-konċilazzjoni bejn il-ftehimiet dwar soluzzjoni bonarja filqasam tal-privattivi u d-dritt tal-kompetizzjoni

5) Fuq l-inċentiv

6) Fuq l-applikabbiltà tat-teorija tar-restrizzjonijiet anċillari għallftehimiet dwar soluzzjoni bonarja

7) Fuq il-konċiljazzjoni bejn il-ftehimiet dwar soluzzjoni bonarja filqasam tal-privattivi u l-liġi Amerikana tal-kompetizzjoni

8) Fuq l-effetti ta’ natura ambivalenti tal-ftehimiet dwar soluzzjoni bonarja

b) Fuq il-kriterji ta’ klassifikazzjoni ta’ restrizzjoni minħabba lgħan tal-ftehimiet dwar soluzzjoni bonarja użati millKummissjoni

1) Fuq il-kriterju relatat mal-kompetizzjoni potenzjali

i) L-argumenti tal-partijiet

ii) L-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali

– Fuq il-kriterji ta’ evalwazzjoni tal-kompetizzjoni potenzjali

– Fuq l-ostakoli għall-kompetizzjoni potenzjali magħmula millprivattivi tar-rikorrenti

2) Fuq il-kriterju relatat mal-impenn tal-kumpanniji ta’ ġeneriċi li jillimitaw l-isforzi indipendenti tagħhom biex jidħlu fissuq

i) L-argumenti tal-partijiet

ii) L-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali

3) Fuq il-kriterju relatat mat-trasferiment ta’ valur għall-benefiċċju tal-kumpanniji ta’ ġeneriċi

i) L-argumenti tal-partijiet

ii) L-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali

6. Fuq il-ftehimiet konklużi ma’ Niche u ma’ Matrix

a) Fuq il-kwalità ta’ kompetitur potenzjali ta’ Niche u ta’ Matrix

[omissis]

b) Fuq l-iżbalji ta’ liġi u ta’ evalwazzjoni relatati malklassifikazzjoni ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba lgħan tal-ftehimiet Niche u Matrix

1) L-argumenti tal-partijiet

2) L-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali

i) Fuq in-nuqqas ta’ trasferiment ta’ valur bħala inċentiv

ii) Fuq in-nuqqas tan-natura suffiċjentement dannuża tal-klawżoli ta’ nuqqas ta’ kontestazzjoni u ta’ nuqqas ta’ kummerċjalizzazzjoni

c) Fuq l-iżbalji ta’ liġi u ta’ evalwazzjoni relatati malklassifikazzjoni ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan tal-ftehimiet Niche u Matrix

7. Fuq il-ftehim konkluż ma’ Teva

a) Fuq il-kwalità ta’ kompetitur potenzjali ta’ Teva

[omissis]

b) Fuq l-iżbalji ta’ liġi u ta’ evalwazzjoni relatati malklassifikazzjoni ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba lgħan tal-ftehim Teva

1) L-argumenti tal-partijiet

2) L-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali

i) Fuq in-nuqqas ta’ restrizzjoni tal-isforzi tal-kumpannija ta’ ġeneriċi biex tikkompeti mal-kumpannija ta’ verżjonijiet tal-bidu

ii) Fuq in-nuqqas ta’ vantaġġ ta’ inċentiv

– Fuq il-kumpens b’rata fissa finali

– Fuq l-ammont oriġinali

iii) Fuq l-ilment, imqajjem sussidjarjament, dwar il-perijodu talksur

c) Fuq l-iżbalji ta’ liġi u ta’ evalwazzjoni relatati malklassifikazzjoni bħala restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-effett tal-ftehim Teva

8. Fuq il-ftehim konkluż ma’ Lupin

a) Fuq il-kwalità ta’ kompetitur potenzjali ta’ Lupin

b) Fuq l-iżbalji ta’ liġi u ta’ evalwazzjoni relatati malklassifikazzjoni bħala restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba lgħan tal-ftehim konkluż ma’ Lupin

1) L-argumenti tal-partijiet

2) L-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali

i) Fuq in-nuqqas ta’ vantaġġ ta’ inċentiv

ii) Fuq in-nuqqas ta’ restrizzjoni tal-isforzi tal-kumpannija ta’ ġeneriċi biex tikkompeti mal-kumpannija ta’ verżjonijiet tal-bidu

iii) Fuq in-nuqqas ta’ ksur

iv) Fuq il-motiv invokat b’mod sussidjarju minn Servier u relatat maliżball fid-determinazzjoni tat-tul tal-ksur

c) Fuq l-iżbalji ta’ liġi u ta’ evalwazzjoni relatati malklassifikazzjoni ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-effett tal-ftehim konkluż ma’ Lupin

9. Fuq il-ftehimiet konklużi ma’ Krka

a) Fuq l-iżbalji ta’ liġi u ta’ evalwazzjoni relatati malklassifikazzjoni ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba lgħan tal-ftehimiet konklużi ma’ Krka

1) Fuq il-ftehimiet dwar soluzzjoni bonarja u dwar liċenzja

i) L-Argumenti tal-partijiet

ii) L-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali

2) Fuq il-ftehim dwar trasferiment

i) L-argumenti tal-partijiet

ii) L-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali

b) Fuq l-iżbalji ta’ liġi u ta’ evalwazzjoni relatati malklassifikazzjoni ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba leffett tal-ftehimiet konklużi ma’ Krka

1) L-argumenti tal-partijiet

2) L-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali

i) Fuq l-approċċ segwit mill-Kummissjoni

ii) Fuq il-ġurisprudenza rilevanti f’dan il-każ

iii) Fuq l-iżball ta’ evalwazzjoni

– Fuq il-klawżola ta’ nuqqas ta’ kummerċjalizzazzjoni li tinsab filftehim dwar soluzzjoni bonarja

– Fuq il-klawżola ta’ nuqqas ta’ kontestazzjoni li tinsab fil-ftehim dwar soluzzjoni bonarja

– Fuq it-trasferiment b’liċenzja tat-teknoloġija ta’ Krka

iv) Fuq l-iżball ta’ liġi

10. Fuq il-motiv relatat mad-definizzjoni tal-kunċett ta’ restrizzjoni ta’ kompetizzjoni minħabba l-għan

a) L-argumenti tal-partijiet

b) L-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali

11. Fuq l-iżbalji ta’ liġi u ta’ evalwazzjoni relatati malklassifikazzjoni ta’ ksur distinti

a) Fuq il-klassifikazzjoni ta’ ksur distinti ta’ ħames ftehimiet

1) L-argumenti tal-partijiet

2) L-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali

b) Fuq il-klassifikazzjoni bħala ksur distint tal-ftehimiet konklużi ma’ Niche u ma’ Matrix

1) L-argumenti tal-partijiet

2) L-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali

12. Fuq l-iżbalji ta’ liġi u ta’ evalwazzjoni relatati mad-definizzjoni tas-suq tal-prodotti lesti rilevanti

a) L-argumenti tal-partijiet

b) L-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali

1) Osservazzjonjiet preliminari

i) Fuq il-portata tal-istħarriġ tal-qorti tal-Unjoni

ii) Fuq id-delimitazzjoni ta’ suq rilevanti ta’ prodotti fis-settur farmaċewtiku

2) Fuq l-ewwel parti tal-ewwel ilment, ibbażata fuq in-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-elementi kollha tal-kuntest ekonomiku

3) Fuq it-tieni ilment, ibbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni interpretat b’mod żbaljat is-sostitwibbiltà terapewtika tal-IEK

i) Fuq id-distinzjoni bejn il-perindopril u l-IEK l-oħra f’termini ta’ effikaċja u ta’ effetti sekondarji

ii) Fuq il-fenomenu ta’ “inerzja” tat-tobba fir-rigward ta’ pazjenti ġodda

iii) Fuq it-tendenza għall-bdil tal-pazjenti fi trattament kontinwu

iv) Fuq l-isforzi ta’ reklamar

4) Fuq it-tieni parti tal-ewwel ilment, ibbażata fuq l-importanza eċċessiva mogħtija lill-kriterju tal-prezz fl-analiżi tas-suq, u fuq ittielet ilment, sussidjarju, ibbażat fuq il-fatt li l-analiżi ekonometrika tal-Kummissjoni hija vvizzjata

5) Konklużjoni

13. Fuq l-iżbalji ta’ evalwazzjoni relatati mal-eżistenza ta’ pożizzjoni dominanti fis-suq tal-prodotti lesti

a) L-argumenti tal-partijiet

b) L-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali

14. Fuq l-iżbalji ta’ liġi u l-iżbalji ta’ evalwazzjoni relatati mależistenza ta’ pożizzjoni dominanti fis-suq tat-teknoloġija

a) L-argumenti tal-partijiet

b) L-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali

15. Fuq l-iżbalji ta’ liġi u ta’ fatt relatati mal-eżistenza ta’ abbuż minn pożizzjoni dominanti

a) L-argumenti tal-partijiet

b) L-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali

16. Fuq it-talbiet sussidjarji intiżi għall-annullament tal-multi jew għattnaqqis tal-ammont tagħhom

a) Fuq in-natura imprevedibbli tal-interpretazzjoni użata fiddeċiżjoni kkontestata

1) L-argumenti tal-partijiet

2) L-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali

b) Fuq l-iżball ta’ liġi relatat mal-kumulu tal-multi

1) Fuq il-ksur tal-kunċett ta’ ksur uniku

i) L-argumenti tal-partijiet

ii) L-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali

2) Fuq il-kumulu tal-multi skont l-Artikoli 101 u 102 TFUE

i) L-argumenti tal-partijiet

ii) L-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali

c) Fuq il-kalkolu tal-valur tal-bejgħ

1) Fuq it-teħid inkunsiderazzjoni tal-bejgħ fin-netwerk tal-isptarijiet

i) L-argumenti tal-partijiet

ii) L-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali

2) Fuq l-insuffiċjenza tal-motivazzjoni tal-kalkolu tal-valur tal-bejgħ

i) L-argumenti tal-partijiet

ii) L-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali

3) Fuq il-kamp ġeografiku tal-valur tal-bejgħ

i) L-argumenti tal-partijiet

ii) L-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali

d) Fuq il-gravità tal-ksur

1) L-argumenti tal-partijiet

2) L-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali

e) Fuq it-tul tal-ksur

1) Fuq il-punt ta’ tluq tal-ksur

i) L-argumenti tal-partijiet

ii) L-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali

2) Fuq id-data ta’ tmiem il-ksur

i) L-argumenti tal-partijiet

ii) L-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali

f) Fuq l-applikazzjoni ta’ ammont addizzjonali

1) L-argumenti tal-partijiet

2) L-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali

g) Fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità u tal-prinċipju ta’ individwalità tal-pieni

1) Fuq in-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-karatteristiċi partikolari ta’ Servier

i) L-argumenti tal-partijiet

ii) L-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali

2) Fuq it-tul tal-proċedura amministrattiva

i) L-argumenti tal-partijiet

ii) L-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali

h) Sinteżi dwar l-annullament tal-multi u t-tnaqqis tal-ammonti tagħhom

IV. Konklużjoni ġenerali

V. Fuq l-ispejjeż


*      Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.


1      Qed jiġu riprodotti biss il-punti ta’ din is-sentenza li l-Qorti Ġenerali tqis li l-pubblikazzjoni tagħhom hija utli.