Language of document : ECLI:EU:F:2010:20

DIGRIET TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU
(It-Tieni Awla)

25 ta’ Marzu 2010

Kawża F-47/08

Willy Buschak

vs

Fondazzjoni Ewropea għal titjib tal-kondizzjonijiet tal-ħajja u tax-xogħol

“Servizz pubbliku — Fondazzjoni Ewropea għal titjib tal-kondizzjonijiet tal-ħajja u tax-xogħol — Deskrizzjoni tal-impjieg ta’ viċi direttur — Rikors għal annullament — Rikors għad-danni — Interess ġuridiku — Inammissibbiltà manifesta”

Suġġett: Rikors, ippreżentat skont l-Artikoli 236 KE u 152 KEEA, li permezz tiegħu W. Bushak jitlob, minn naħa, l-annullament tad-deċiżjoni li tbiddel id-deskrizzjoni tal-impjieg ta’ viċi direttur tal-Fondazzjoni Ewropea għal titjib tal-kondizzjonijiet tal-ħajja u tax-xogħol (Eurofound) u, sa fejn ikun meħtieġ, l-annullament tad-deċiżjoni li tiċħad l-ilment tiegħu, min-naħa l-oħra, l-kundanna ta’ Eurofound sabiex tħallsu EUR 50 000 għad-danni.

Deċiżjoni: Ir-rikors huwa miċħud bħala manifestament inammissibbli. Ir‑rikorrent huwa kkundannat għall-ispejjeż kollha.

Sommarju

1.      Uffiċjali — Rikors — Interess ġuridiku

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 90 u 91)

2.      Uffiċjali — Rikors — Talba għad-danni marbuta ma’ talba għal annullament

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 90 u 91)

3.      Uffiċjali — Rikors — Rikors għad-danni ppreżentat fl-assenza ta’ proċedura prekontenzjuża skont ir-Regolamenti tal-Persunal — Inammissibbiltà

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 90 u 91)

1.      Sabiex membru tal-persunal jew ex membru tal-persunal ikun jista’ jippreżenta rikors skont l-Artikoli 90 u 91 tar-Regolamenti tal-Persunal, b’mod validu, huwa għandu jiġġustifika l-annullament tal-att ikkontestat b’interess personali. Barra minn hekk, l-evalwazzjoni ta’ dan l-interess ma għandhiex issir fl-astratt iżda fid‑dawl tas-sitwazzjoni tar-rikorrent fid-data tal-preżentata tar-rikors.

Sa fejn id-deskrizzjoni tal-impjieg ta’ membru tal-persunal ma taffettwax, bħala prinċipju, l-interess ta’ dan il-membru tal-persunal ħlief meta jkun qiegħed iwettaq il-funzjonijiet ta’ dan l-impjieg, ir-rikors għal annullament ta’ deċiżjoni li tbiddel din id-deskrizzjoni, ippreżentat mill-membru tal-persunal wara t-tmiem tat-twettiq tal-funzjonijiet tiegħu fl-imsemmi impjieg, huwa inammissibbli, ħlief għal rikorrent li jistabbilixxi l-eżistenza ta’ ċirkustanza partikolari li tiġġustifika interess personali u attwali ġuridiku, f’dan is-sens.

(ara l-punti 25 u 27)

Referenza: Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 30 ta’ Novembru 1998, N vs Il‑Kummissjoni, T‑97/94, ĠabraSP p. I‑A‑621 u II‑1879, punti 23 u 26; 21 ta’ Frar 2006, V vs Il‑Kummissjoni, T‑200/03 u T‑313/03, ĠabraSP p. I‑A‑2‑15 u II‑A‑2‑57, punt 181; It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 15 ta’ Mejju 2006, Schmit vs Il‑Kummissjoni, F‑3/05, ĠabraSP p. I‑A‑1‑9 u II‑A‑1‑33, punti 41 u 42; 19 ta’ Ottubru 2006, Combescot vs Il‑Kummissjoni, F‑114/05, ĠabraSP p. I‑A‑1‑115 u II‑A‑1‑435, punti 44 u 46; 25 ta’ Settembru 2008, Strack vs Il‑Kummissjoni, F‑44/05, ĠabraSP p. I‑A‑1‑303 u II‑A‑1‑1609, punt 74

2.      Fil-każ ta’ rikorsi ppreżentati minn uffiċjali, it-talbiet għall-kumpens għad‑danni għandhom jiġu miċħuda sa fejn huma jkunu marbuta mill-qrib mat‑talbiet għal annullament li huma stess kienu ġew miċħuda bħal inammissibbli jew bħala infondati.

(ara l-punt 33)

Referenza: Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 16 ta’ Lulju 1992, Della Pietra vs Il‑Kummissjoni, T‑1/91, Ġabra p. II‑2145, punt 34; 10 ta’ Ġunju 2004, Liakoura vs Il‑Kunsill, T‑330/03, ĠabraSP p. I‑A‑191 u II‑859, punt 69; 16 ta’ Mejju 2006, Magone vs Il‑Kummissjoni, T‑73/05, ĠabraSP p. I‑A‑2‑107 u II‑A‑2‑485, punt 103; It‑Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 13 ta’ Lulju 2006, E vs Il‑Kummissjoni, F‑5/06, ĠabraSP p. I‑A‑1‑93 u II‑A‑1‑337, punt 57; 12 ta’ Marzu 2009, Arpaillange et vs Il‑Kummissjoni, F‑104/06, ĠabraSP p. I‑A‑1‑57 u II‑A‑1‑273, punt 137

3.      Meta l-allegat dannu ma jirriżultax minn att li jkun qed jintalab l-annullament tiegħu, iżda minn diversi żbalji u ommissjonijiet allegatament imwettqa mill‑amministrazzjoni, il-proċedura prekontenzjuża għandha bilfors tibda minn talba li tistieden lill-Awtorità tal-Ħatra sabiex tikkumpensa dan id-dannu.

(ara l-punt 39)

Referenza: Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 15 ta’ Lulju 1993, Camara Alloisio et vs Il‑Kummissjoni, T‑17/90, T‑28/91 u T‑17/92, Ġabra p. II‑841, punt 47; 11 ta’ Mejju 2005, de Stefano vs Il‑Kummissjoni, T‑25/03, ĠabraSP p. I‑A‑125 u II‑573, punt 78; It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: Schmit vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 48