Language of document : ECLI:EU:F:2007:228

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU

(It-Tieni Awla)

13 ta’ Diċembru 2007

Kawża F-28/06

Paulo Sequeira Wandschneider

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

“Servizz pubbliku – Uffiċjali – Evalwazzjoni – Rapport ta’ l-iżvilupp tal-karriera – Proċedura ta’ evalwazzjoni 2004 – Rikors għal annullament – Motivazzjoni – Żball manifest ta’ evalwazzjoni”

Suġġett: Rikors, ippreżentat skond l-Artikoli 236 KE u 152 KEEA, li permezz tiegħu P. Sequeira Wandschneider jitlob l-annullament tar-rapport ta’ l-iżvilupp tal-karriera tiegħu li sar għall-perijodu bejn l-1 ta’ Jannar u l-31 ta’ Diċembru 2004 u l-kundanna tal-Kummissjoni sabiex tħallsu s-somma ta’ EUR 5 000 bħala kumpens għad-danni materjali u morali subiti minnu minħabba r-rapport ta’ l-iżvilupp tal-karriera 2004.

Deċiżjoni: Ir-rikors huwa miċħud. Kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Sommarju

1.      Uffiċjali – Evalwazzjoni – Rapport ta’ l-iżvilupp tal-karriera – Intervent ta’ l-uffiċjal li jikkontrofirma r-rapport fil-proċedura ta’ evalwazzjoni

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 43)

2.      Uffiċjali – Evalwazzjoni – Rapport ta’ l-iżvilupp tal-karriera – Redazzjoni – Evalwaturi differenti fl-istess perijodu ta’ evalwazzjoni

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 43)

3.      Uffiċjali – Evalwazzjoni – Rapport ta’ l-iżvilupp tal-karriera – Kompożizzjoni tal-Kumitat Konġunt ta’ Evalwazzjoni

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 43)

4.      Uffiċjali – Evalwazzjoni – Rapport ta’ l-iżvilupp tal-karriera – Rwol ta’ l-evalwatur ta’ appell

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 43)

5.      Uffiċjali – Evalwazzjoni – Rispett tad-drittijiet tad-difiża

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 43)

6.      Uffiċjali – Evalwazzjoni – Rapport ta’ l-iżvilupp tal-karriera – Bżonn ta’ koerenza bejn il-kummenti deskrittivi u l-punti

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 43)

7.      Uffiċjali – Drittijiet u obbligi – Libertà ta’ espressjoni – Proċedura ta’ evalwazzjoni – Limiti

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 12 u 21)

1.      Mill-Artikolu 2(3) tad-dispożizzjonijiet ġenerali ta’ implementazzjoni ta’ l-Artikolu 43 tar-Regolamenti tal-Persunal adottati mill-Kummissjoni, li jipprovdi li r-rapport ta’ l-iżvilupp tal-karriera għandu jiġi kontrofirmat minn uffiċjal wara li jkun ġie redatt mill-evalwatur, u mill-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 8(8) ta’ l-imsemmija dispożizzjonijiet ġenerali ta’ implementazzjoni, li jipprovdi li l-evalwatur u l-uffiċjal li jikkontrofirma r-rapport għandhom jiffinalizzaw dan ir-rapport, jirriżulta li l-uffiċjal li jikkontrofirma r-rapport għandu jitqies bħala evalwatur fis-sens sħiħ tal-kelma. Konsegwentement, il-fatt li sistema informatika tgħid li l-uffiċjal li jikkontrofirma r-rapport temm l-evalwazzjoni ma jistax jintuża sabiex jiġi konkluż li l-evalwatur ħalla l-funzjonijiet tiegħu lill-uffiċjal li jikkontrofirma r-rapport.

(ara l-punt 43)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 25 ta’ Ottubru 2005, Fardoom u Reinard vs Il‑Kummissjoni, T‑43/04, ĠabraSP p. I‑A‑329 u II‑1465, punt 64

2.      Mid-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 1(1) u (2) u ta’ l-Artikolu 4(1) u (2) tad-dispożizzjonijiet ġenerali ta’ implementazzjoni ta’ l-Artikolu 43 tar-Regolamenti tal-Persunal adottati mill-Kummissjoni jirriżulta li l-għan tar-rapport ta’ l-iżvilupp tal-karriera huwa li jiġu evalwati l-produzzjoni, il-kapaċitajiet u l-kondotta fis-servizz li l-persuna li tkun qed tokkupa kariga partikolari tkun uriet matul il-perijodu kollu ta’ evalwazzjoni. L-evalwatur huwa b’hekk marbut li jevalwa, fid-dawl ta’ l-għanijiet stabbiliti preċedentement, is-servizzi mwettqa mill-persuna li tkun qed tokkupa l-kariga fil-perijodu kollu ta’ evalwazzjoni, anki jekk ma kienx is-superjur ġerarkiku tagħha matul parti partikolari ta’ l-imsemmi perijodu. L-għan tar-rapport simplifikat huwa għalhekk li jagħti lill-evalwatur l-informazzjoni neċessarja għall-evalwazzjoni tal-funzjonijiet li l-persuna evalwata wettqet f’dak il-perijodu partikolari ta’ evalwazzjoni. Konsegwentement, il-fatt li t-tieni evalwatur irriproduċa l-evalwazzjonijiet ta’ l-ewwel evalwatur, għall-istess perijodu ta’ evalwazzjoni, mhuwiex ta’ natura li jistabbilixxi li huwa ma kienx ser jagħmel l-evalwazzjoni tal-persuna kkonċernata.

(ara l-punt 49)

3.      Il-fatt li waqt il-laqgħa tal-Kumitat ta’ evalwazzjoni, li fih ġie eżaminat l-appell ta’ uffiċjal kontra r-rapport ta’ l-iżvilupp tal-karriera li jikkonċernah, kien preżenti membru li qabel l-imsemmi uffiċjal kellu xi kunflitti miegħu ma jivvizzjax il-proċedura quddiem dan il-kumitat, peress li dan il-membru, li kien biss membru supplenti ta’ dan il-kumitat, ma pparteċipax fil-votazzjoni u xejn ma jindika li huwa seta’, bil-preżenza tiegħu biss, jinfluwenza l-eżitu ta’ dan il-vot.

(ara l-punti 59 sa 61)

4.      Mit-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 9(7) tad-dispożizzjonijiet ġenerali ta’ implementazzjoni ta’ l-Artikolu 43 tar-Regolamenti tal-Persunal adottati mill-Kummissjoni, jirriżulta li r-rwol ta’ l-evalwatur ta’ l-appell m’għandux jiġi konfuż ma’ dak ta’ l-evalwatur jew ta’ l-uffiċjal li jikkontrofirma r-rapport u li l-evalwatur ta’ l-appell jista’ għaldaqstant, fil-każ li l-Kumitat Konġunt ta’ Evalwazzjoni ma jkunx għamillu rakkomandazzjonijiet, jillimita ruħu li jadotta definittivament ir-rapport ta’ l-iżvilupp tal-karriera mingħajr ma jiġġustifika d-deċiżjoni tiegħu permezz ta’ motivazzjoni dettaljata.

(ara l-punt 78)

5.      Ir-rispett tad-drittijiet tad-difiza, f’kull proċedura mibdija kontra persuna u li tista’ twassal għal att li jikkawża dannu lil din ta’ l-aħħar, jikkostitwixxi prinċipju fundamentali tad-dritt Komunitarju. Dan il-prinċipju jitlob li l-persuna kkonċernata tkun f’pożizzjoni li tgħarraf l-opinjoni tagħha fir-rigward ta’ dak kollu li tista’ tiġi akkużata bih fl-att in kwistjoni. Dan l-għan jintlaħaq, b’mod partikolari, permezz tad-dispożizzjonijiet ġenerali ta’ implementazzjoni ta’ l-Artikolu 43 tar-Regolamenti tal-Persunal adottati mill-Kummissjoni li l-għan tagħhom huwa li jiżguraw ir-rispett tal-prinċipju tal-kontradittorju matul il-proċedura kollha ta’ evalwazzjoni ta’ l-uffiċjali. Rikorrent li seta’ jressaq l-ilmenti tiegħu f’kull stadju ta’ din il-proċedura ma jistax jallega li d-drittijiet tiegħu tad-difiża kienu ġew miksura.

(ara l-punti 87 sa 90)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 10 ta’ Lulju 1986, Il-Belġju vs Il-Kummissjoni, 234/84, Ġabra p. 2263, punt 27; 5 ta’ Ottubru 2000, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, C‑288/96, Ġabra p. I‑8237, punt 99

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 8 ta’ Marzu 2005, Vlachaki vs Il-Kummissjoni, T‑277/03, ĠabraSP p. I‑A‑57 u II‑243, punt 64

6.      Fil-kuntest tar-redazzjoni tar-rapporti ta’ l-iżvilupp tal-karriera, l-għan tal-kummenti deskrittivi inklużi f’tali rapport huwa li jiġġustifikaw l-evalwazzjonijiet espressi f’punti. Dawn il-kummenti deskrittivi jservu bħala bażi għar-redazzjoni ta’ l-evalwazzjoni, li tikkostitwixxi t-traskrizzjoni f’punti tagħhom, u jippermettu lill-uffiċjal jifhem il-punti miksuba. Konsegwentement, f’tali rapport, il-kummenti deskrittivi għandhom ikunu koerenti meta mqabbla ma’ l-evalwazzjonijiet espressi f’punti. Fid-dawl tas-setgħa diskrezzjonali wiesgħa mogħtija lill-evalwaturi fid-deċiżjonijiet relattivi għax-xogħol tal-persuni li huma inkarigati jevalwaw, inkoerenza fir-rapport ta’ l-iżvilupp tal-karriera ma tistax madankollu tiġġustifika l-annullament tiegħu ħlief fil-każ li din tkun manifesta.

(ara l-punt 109)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 25 ta’ Ottubru 2006, Carius vs Il-Kummissjoni, T‑173/04, ĠabraSP p. II‑A‑2‑1269, punt 106

7.      Għalkemm il-libertà ta’ l-espressjoni huwa dritt fundamentali li jgawdu l-uffiċjali Komunitarji, libertà bħal din ma tiġġustifikax li uffiċjal jista’ jagħmel, kontra s-superjuri ġerarkiċi tiegħu, allegazzjonijiet mhux fondati, li jistgħu jiskreditaw l-integrità ta’ dawn ta’ l-aħħar.

(ara l-punt 143)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 13 ta’ Diċembru 1989, Oyowe u Traore vs Il-Kummissjoni, C‑100/88, Ġabra p. 4285, punt 16

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 26 ta’ Novembru 1991, Williams vs Il-Qorti ta’ l‑Awdituri, T‑146/89, Ġabra p. II‑1293, punti 72 u 76