Language of document : ECLI:EU:F:2007:123

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU (It-Tieni Awla)

5 ta’ Lulju 2007

Kawża F-26/06

Marli Bertolete et

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

“Servizz Pubbliku – Membri tal-persunal bil-kuntratt – Klassifikazzjoni u remunerazzjoni – Uffiċċju ‘Infrastruttura u Loġistika’ fi Brussell (OIB) – Għalliema fi skejjel tat-trabi – Ex impjegati taħt id-dritt Belġjan – Bdil fis-sistema applikabbli – Trattament ugwali”

Suġġett: Rikors, ippreżentat taħt l-Artikoli 236 KE u 152 KEEA, li permezz tiegħu M. Bertolete u tmien membri tal-persunal bil-kuntratt oħra tal-Kummissjoni jitolbu l-annullament tad-deċiżjonijiet ta’ l-awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi l-kuntratti li jistabbilixxu/jiffissaw il-klassifikazzjoni u r-remunerazzjoni tagħhom, fir-rigward ta’ kuntratti ta’ membri tal-persunal bil-kuntratt iffirmati f’April 2005 u li saru effettivi mill-1 ta’ Mejju segwenti, kif ukoll l-annullament tad-deċiżjonijiet ta’ din l-awtorità, tal-21 ta’ Novembru 2005, li jiċħdu l-ilmenti li kienu ppreżentaw/ressqu kontra l-ewwel deċiżjonijiet.

Deċiżjoni: Id-deċiżjonijiet li bihom il-Kummissjoni stabbilixxiet/iffissat ir-remunerazzjoni tar-rikorrenti, fir-rigward tal-kuntratti ta’ membri tal-persunal bil-kuntratt iffirmati f’April 2005, huma annullati. Il-bqija tar-rikors huwa miċħud. Il-Kummissjoni għandha tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll nofs l-ispejjeż tar-rikorrenti. Ir-rikorrenti għandhom ibatu nofs l-ispejjeż tagħhom.

Sommarju

1.      Uffiċjali – Membri tal-persunal bil-kuntratt – Klassifikazzjoni

(Kondizzjonijiet ta’ l-impjieg ta’ ħaddiema oħra tal-Komunitajiet Ewropej, Artikoli 80(2) u 82(2))

2.      Uffiċjali – Membri tal-persunal bil-kuntratt – Remunerazzjoni

(Kondizzjonijiet ta’ l-impjieg ta’ ħaddiema oħra tal-Komunitajiet Ewropej, Anness, Artikolu 2(2))

3.      Uffiċjali – Membri tal-persunal bil-kuntratt – Remunerazzjoni

(Kondizzjonijiet ta’ l-impjieg ta’ ħaddiema oħra tal-Komunitajiet Ewropej, Anness, Artikolu 2(2))

1.      Skond l-Artikolu 82(2) tal-Kondizzjonijiet ta’ l-impjieg ta’ uffiċjali oħra, il-kundizzjonijiet minimi ta’ taħriġ u ta’ esperjenza professjonali meħtieġa għar-reklutaġġ bħala membru tal-persunal kontrattwali li jaqgħu taħt il-gruppi funzjonali II u III huma identiċi/l-istess: il-persuna kkonċernata għandu jkollha livell ta’ edukazzjoni post-sekondarja attestat permezz ta’ diploma, jew livell ta’ edukazzjoni sekondarja attestat permezz ta’ diploma li tagħti aċċess għal edukazzjoni post-sekondarja, kif ukoll, f’dan il-każ, esperjenza professjonali adegwata ta’ mill-inqas tlett snin, jew, barra minn hekk, fejn ikun ġustifikat fl-interess tas-servizz, taħriġ professjonali jew esperjenza professjonali ta’ livell ekwivalenti.

Il-kjarifiki magħmula f’dan ir-rigward fl-Artikolu 2(1)(b) u (ċ), tad-dispożizzjonijiet ġenerali ta’ eżekuzzjoni dwar il-proċeduri li jirregolaw l-ingaġġ u l-impjieg tal-membri tal-persunal bil-kuntratt tal-Kummissjoni mhumiex tali li jikkontestaw din il-konstatazzjoni, fir-rigward, b’mod partikolari, tal-kundizzjoni ta’ ġustifikazzjoni ta’ taħriġ sekondarju, attestat permezz ta’ diploma li tagħti aċċess għal edukazzjoni post-sekondarja. Jekk il-persuna fil-pussess ta’ din id-diploma turi li għandha esperjenza professjonali adegwata ta’ mill-inqas tlett snin, din tagħti fil-fatt aċċess kemm għal impjieg li jaqa’ taħt il-grupp ta’ funzjonijiet II kif ukoll għal impjieg li jaqa’ taħt il-grupp ta’ funzjonijiet III.

F’dawn il-kundizzjonijiet, il-fatt li l-membri tal-persunal ikkonċernati jistgħu jagħmlu użu minn diploma li tagħti aċċess għall-edukazzjoni post-sekondarja ma tistax, waħedha/fiha nnifisha, tiġġustifika r-reklutaġġ tagħhom fil-grupp ta’ funzjonijiet III pjuttost milli fil-grupp ta’ funzjonijiet II.

Barra minn hekk, il-Kummissjoni adottat dispożizzjonijiet ġenerali għall-implementazzjoni ta’ miżuri tranżitorji applikabbli għall-membri tal-persunal impjegati mill-Uffiċċju ta’ l-Infrastruttura fi Brussell fiċ-ċentri għall-kura tat-tfal matul il-jum fi Brussell sabiex il-marġini ta’ diskrezzjoni tagħha tidħol fl-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 80(2), tal-Kondizzjonijiet ta’ l-impjieg ta’ uffiċjali oħra, li jiddefinixxi l-kompetenzi li jaqgħu taħt il-gruppi ta’ funzjonijiet differenti. Jirriżulta kjarament mill-Artikolu 1(2)(b) u (ċ) ta’ l-imsemmija dispożizzjonijiet ġenerali għall-implementazzjoni li l-persuni impjegati bħala infirmiera pedjatriċi//tat-tfal jappartjenu għall-grupp ta’ funzjonijiet II, sakemm dawn ma jkunux “koordinaturi amministrativi tal-persunal skond id-dritt Belġjan”, f’liema każ jappartjenu għall-grupp ta’ funzjonijiet III.

(ara l-punti 38 sa 41)

2.      Jirriżulta kjarament mill-kliem ta’ l-Artikolu 2(2) ta’ l-anness għall-Kondizzjonijiet ta’ l-impjieg ta’ uffiċjali oħra li l-għoti ta’ ħlas addizzjonali, fil-każ li titnaqqas il-paga, wara l-ingaġġ bħala membru tal-persunal bil-kuntratt ta’ ħaddiem li kien preċedentement marbut ma’ l-istituzzjoni permezz ta’ kuntratt tax-xogħol irregolat mid-dritt nazzjonali, b’kuntrast mal-paga li rċieva f’dan l-impjieg preċedenti, jaqa’ taħt is-sempliċi diskrezzjoni ta’ l-istituzzjoni/huwa sempliċi għażla ta’ l-istituzzjoni. Barra minn hekk, dan l-Artikolu 2(2) jagħti lill-istituzzjoni marġini wiesgħa ta’ diskrezzjoni sabiex tiffissa l-ammont addizzjonali safejn din għandha tieħu in kunsiderazzjoni ċertu differenzi li jeżistu bejn il-leġiżlazzjoni nazzjonali li kienet tapplika fir-rigward ta’ taxxa, ta’ sigurtà soċjali u ta’ pensjoni u r-regoli applikabbli għall-membru tal-persunal bil-kuntratt.

Il-Kummissjoni implementat l-Artikolu 2(2) ta’ l-anness għall-Kondizzjonijiet ta’ l-impjieg ta’ uffiċjali oħra billi adottat l-Artikolu 7 u 8 tad-dispożizzjonijiet ġenerali għall-implementazzjoni ta’ miżuri tranżitorji applikabbli għall-membri tal-persunal impjegati ma’ l-Uffiċċju ta’ l-Infrastruttura fi Brussell, kif ukoll l-annessi I sa III ta’ dawn id-dispożizzjonijiet ġenerali għall-implementazzjoni. Issa, skond dawn id-dispożizzjonijiet, hija impenjat ruħha sabiex tħallas ammont addizzjonali lil ċertu kategorija ta’ membri tal-persunal bil-kuntratt skond kif ipprovdut minn dawn id-dispożizzjonijiet. Madankollu dawn l-imsemmija provvedimenti għall-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 2(2) ta’ l-anness għall-Kondizzjonijiet ta’ l-impjieg ta’ uffiċjali oħra ma jistgħux jiksru regoli superjuri tad-dritt tas-servizz pubbliku.

(ara l-punti 80, 81 u 83)

3.      Sabiex isir magħruf jekk l-inklużjoni tal-benefiċċji għall-familja fid-definizzjoni tar-remunerazzjonijiet netti, għal membru tal-persunal bil-kuntratt, minn naħa, u għal ħaddiem impjegat irregolat mid-dritt nazzjonali, min-naħa l-oħra, hijiex tali li tippenalizza l-membri tal-persunal bil-kuntratt li, fid-dati msemmija mill-Artikoli 7 u 8 tad-dispożizzjonijiet ġenerali għall-implementazzjoni tal-miżuri tranżitorji applikabbli għall-membri tal-persunal impjegati mill-Uffiċċju ta’ l-Infrastruttura fi Brussell, kellhom tfal dipendenti minnhom fiċ-ċentri għall-kura tat-tfal matul il-jum fi Brussell meta mqabbla ma’ dawk li fl-istess dati, ma kellhomx/ma kienux fl-istess sitwazzjoni, jeħtieġ, fl-ewwel lok, li jiġi kkonstatat li dawn iż-żewġ kategoriji ta’ membri tal-persunal bil-kuntratt jinsabu f’sitwazzjonijiet paragunabbli fir-rigward ta’ l-Artikolu 2(2) ta’ l-anness għall-Kondizzjonijiet ta’ l-impjieg ta’ uffiċjali oħra, li għandu t-tendenza li jikkumpensa tnaqqis fil-paga eventwali kkaġunat mill-bidla fl-istatus tal-persuni kkonċernati bħala membri tal-persunal bil-kuntratt.

Fit-tieni lok, l-inklużjoni tal-benefiċċji tal-familja fid-definizzjoni tar-remunerazzjonijiet netti, għal membru tal-persunal bil-kuntratt, minn naħa, u għal ħaddiem impjegat irregolat mid-dritt nazzjonali, min-naħa l-oħra, għandha effett dirett fuq l-iffissar ta’ l-ammont addizzjonali derivanti mill-paragun bejn dawn ir-remunerazzjonijiet netti, magħmula skond id-dispożizzjonijiet ta’ l-Anness I ta’ dawn id-dispożizzjonijiet ġenerali għall-implementazzjoni. Fil-każ fejn l-ammont ta’ benefiċċji Komunitarji tal-familja, inkluż fl-ewwel terminu tal-paragun, ikun ogħla minn dak tal-benefiċċji miġbura skond il-leġiżlazzjoni ta’ l-Istat Membru ta’ impjieg, inklużi fit-tieni terminu tal-paragun, iż-żieda fir-remunerazzjoni mħallsa lill-persuni li diġà għandhom tifel jew tfal dipendenti minnhom fid-data tal-bidla fl-istatus tal-persuni kkonċernati bħala membri tal-persunal bil-kuntratt jitnaqqas b’daqstant.

Minn dan jirriżulta li l-inklużjoni tal-benefiċċji tal-familja fid-definizzjoni tar-remunerazzjonijiet hija tali li toħloq differenzi fil-paga skond jekk, fid-dati previsti mill-Artikoli 7 sa 8 tad-dispożizzjonijiet ġenerali għall-implementazzjoni, il-membru tal-persunal bil-kuntratt ikkonċernat kellux jew le tfal dipendenti minnu, u dan b’detriment għall-membru tal-persunal b’tifel jew numru ta’ tfal dipendenti minnu f’dawn l-istess dati. F’dan ir-rigward, il-fatt li l-benefiċċji tal-familja jikkostitwixxu parti mir-remunerazzjoni li l-Komunitajiet huma marbuta jħallsu lill-uffiċjali jew lill-membri tal-persunal tagħhom ma jistax madankollu jwassal għall-ġustifikazzjoni tad-differenzi fil-pagi bejn membri tal-persunal bil-kuntratt meta dan ikun biss sabiex ikunu jistgħu jibbenefikaw minn żieda fil-paga bħala kumpens għal tnaqqis fir-remunerazzjoni minħabba bidla minn kundizzjonijiet irregolati mid-dritt nazzjonali lejn kundizzjonijiet irregolati mid-dritt Komunitarju.

Għaldaqstant, fin-nuqqas ta’ kull ġustifikazzjoni oġġettiva, l-Anness I, fil-punti tiegħu A u B, tad-dispożizzjonijiet ġenerali għall-implementazzjoni tal-miżuri tranżitorji applikabbli għall-membri tal-persunal impjegati mill-Uffiċċju ta’ l-Infrastruttura fi Brussell fiċ-ċentri għall-kura tat-tfal matul il-jum fi Brussell, li għalihom jirreferi l-Artikolu 7 ta’ l-istess dispożizzjonijiet ġenerali għall-implementazzjoni, jikser il-prinċipju ġenerali ta’ trattament ugwali.

(ara l-punti 84 sa 89)