Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Kúria (l-Ungerija) fit-3 ta’ April 2018 – Gazdasági Versenyhivatal vs Budapest Bank Nyrt et

(Kawża C-228/18)

Lingwa tal-kawża: l-Ungeriż

Qorti tar-rinviju

Kúria

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: Gazdasági Versenyhivatal

Konvenuti: Budapest Bank Nyrt., ING Bank NV Magyarországi Fióktelepe, OTP Bank Nyrt., Kereskedelmi és Hitelbank Zrt., Magyar Külkereskedelmi Bank Zrt., ERSTE Bank Hungary Nyrt., Visa Europe Ltd, MasterCard Europe SA

Domandi preliminari

L-Artikolu 81(1) KE (li sar l-Artikolu 101(1) TFUE) jista’ jiġi interpretat fis-sens li l-istess aġir jista’ jiġi kklassifikat bħala ksur ta’ din id-dispożizzjoni kemm minħabba l-għan antikompetittiv tiegħu kif ukoll minħabba l-effetti antikompetittivi tiegħu, għalkemm fuq bażijiet ġuridiċi differenti?

L-Artikolu 81(1) KE (li sar l-Artikolu 101(1) TFUE) jista’ jiġi interpretat fis-sens li l-ftehim konkluż bejn banek membri Ungeriżi, inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jikkostitwixxi restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan tiegħu, sa fejn dan jistabbilixxi f’ammont uniformi għaż-żewġ impriżi ta’ karti ta’ kreditu Visa u MasterCard it-tariffa ta’ skambju li titħallas lill-banek ta’ ħruġ inkambju għall-użu tal-karti ta’ kreditu tal-imsemmija impriżi?

L-Artikolu 81(1) KE (li sar l-Artikolu 101(1) TFUE) jista’ jiġi interpretat fis-sens li jistgħu jitqiesu wkoll bħala partijiet għall-ftehim interbankarju l-impriżi tal-karti ta’ kreditu, li ma pparteċipawx direttament fid-determinazzjoni tal-kontenut tal-ftehim iżda ppermettew li dan jiġi konkluż, u aċċettawh u implimentawh ukoll, jew għandu jiġi konkluż li hemm prattika miftiehma bejn dawn l-impriżi u l-banek li kkonkludew il-ftehim?

L-Artikolu 81(1) KE (li sar l-Artikolu 101(1) TFUE) jista’ jiġi interpretat fis-sens li, sabiex jiġi stabbilit ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni, ma huwiex meħtieġ li ssir distinzjoni bejn jekk il-kawża, fid-dawl tas-suġġett tagħha, tirrigwardax parteċipazzjoni bħala parti għall-ftehim interbankarju jew prattika miftiehma mal-banek li huma partijiet għall-ftehim?

____________