KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
HENRIK SAUGMANDSGAARD ØE
ppreżentati fis-6 ta’ Diċembru 2018 (1)
Kawża C‑24/17
Österreichischer Gewerkschaftsbund, Gewerkschaft Öffentlicher Dienst
vs
Ir-Repubblika tal-Awstrija
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Oberster Gerichtshof (il-Qorti Suprema, Awstrija))
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika soċjali – Direttiva 2000/78/KE – Projbizzjoni ta’ diskriminazzjonijiet ibbażati fuq l-età – Sistema nazzjonali ta’ remunerazzjoni u ta’ avvanz ta’ membri tal-persunal bil-kuntratt tas-servizz pubbliku – Leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru kkunsidrata diskriminatorja – Adozzjoni ta’ leġiżlazzjoni ġdida biex tirrimedja din id-diskriminazzjoni – Modalitajiet ta’ trasferiment tal-persuni kkonċernati lejn is-sistema l-ġdida – Twettiq ta’ differenza ta’ trattament – Ġustifikazzjonijiet – Dritt għal kumpens – Dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva – Artikolu 45 TFUE – Regolament (UE) Nru 492/2011 – Moviment liberu tal-ħaddiema – Nuqqas ta’ ostakolu”
I. Introduzzjoni
1. It-talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Oberster Gerichtshof (il-Qorti Suprema, l-Awstrija) tirrigwarda l-interpretazzjoni tal‑Artikolu 45 TFUE, tal-Artikoli 20, 21 u 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), tal‑Artikoli 1, 2, 6 u 17 tad-Direttiva 2000/78/KE, li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol (2), u tal‑Artikolu 7(1) tar-Regolament (UE) Nru 492/2011 dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema fi ħdan l-Unjoni (3).
2. Din it-talba saret fil-qafas ta’ kawża bejn l-Österreichischer Gewerkschaftsbund, Gewerkschaft Öffentlicher Dienst (il-Konfederazzjoni Awstrijaka tas-sindakati, Sindakat tas-Servizz Pubbliku, iktar ’il quddiem l-“ÖGB”), kontra r-Repubblika tal-Awstrija (iktar ’il quddiem ir‑“Repubblika tal-Awstrija”) u li kellha bħala suġġett il-legalità tas‑sistema federali ta’ remunerazzjoni u ta’ avvanz ta’ membri tal‑persunal bil-kuntratt tas-servizz pubbliku li ġiet adottata mill‑Awstrija fil-bidu tas-sena 2015, sabiex ittemm diskriminazzjoni bbażata fuq l-età, wara s-sentenza Schmitzer (4).
3. Essenzjalment, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, qabel kollox, dwar jekk id-dritt tal-Unjoni – u b’mod iktar partikolari, l-Artikoli 1, 2 u 6 tad‑Direttiva 2000/78 u l-Artikolu 21 tal-Karta – jipprekludix il‑modalitajiet magħżula mil-leġiżlatur Awstrijak sabiex jittrasferixxi l‑membri tal-persunal bil-kuntratt mis-sistema qadima ta’ remunerazzjoni u ta’ avvanz lejn din is-sistema l-ġdida. Jiena nikkunsidra li dan huwa l-każ, għar-raġunijiet li ser nesponi f’dawn il-konklużjonijiet.
4. Sussegwentement, f’każ li, kif qed nirrakkomanda, il-Qorti tal‑Ġustizzja tagħti risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda magħmula, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk għandux jingħata kumpens finanzjarju, b’mod partikolari bis-saħħa tal-Artikolu 17 tad‑Direttiva 2000/78, lill-membri tal-persunal bil-kuntratt li sofrew diskriminazzjoni bis-sistema l-qadima. Jiena nikkunsidra li għandha tingħata risposta kkwalifikata għal din id-domanda, ibbażata iktar fuq l‑Artikolu 16 ta’ din id-direttiva.
5. Fil-każ oppost, li tingħata risposta negattiva għall-ewwel domanda, din il-qorti tistaqsi jekk leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik ikkontestata tipprekludix lill-persuni kkonċernati mid-dritt għal rimedju effettiv, fis-sens tal-Artikolu 47 tal-Karta. Anki jekk ma nikkunsidrax li ser ikun il-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi dwar din id-domanda sussidjarja, xorta ser nippreżenta xi osservazzjonijiet dwar dan is-suġġett.
6. Finalment, il-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba tistabbilixxi jekk id‑dritt tal-Unjoni – b’mod partikolari, l-Artikolu 45 TFUE, l‑Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 492/2011 u l-Artikoli 20 u 21 tal‑Karta – jipprekludix li perijodi ta’ servizz imwettqa preċedentement minn membru tal‑persunal bil-kuntratt tas-servizz pubbliku milli jittieħdu inkunsiderazzjoni b’mod differenti, jiġifieri hux b’mod sħiħ jew parzjalment, skont min kienet il-persuna li timpjega ta’ qabel. Jiena tal‑fehma li d-dritt tal‑Unjoni ma jipprekludix dispożizzjonijiet nazzjonali bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali.
7. Nenfasizza li hemm rabtiet mill-qrib ferm bejn din il-kawża u l‑Kawża C‑396/17, Leitner, li hija s-suġġett ta’ konklużjonijiet differenti iżda mogħtija fl-istess jum bħal dawn il-konklużjonijiet (5).
II. Il-kuntest ġuridiku
A. Id-dritt tal-Unjoni
1. Id-Direttiva 2000/78
8. L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2000/78 jipprevedi li “[l]-iskop ta’ din id-Direttiva huwa li tniżżel parametru ġenerali biex tikkumbatti diskriminazzjoni fuq bażi ta’ […] età […] f’dak li għandu x’jaqsam ma’ l‑impjieg u x-xogħol, bi skop li timplimenta fl-Istati Membri il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.”
9. L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, intitolat “Il-kunċett ta’ diskriminazzjoni”, fil-paragrafu 1 tiegħu jiddefinixxi, il-“prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament” bħala “li m’għandux ikun hemm diskriminazzjoni diretta jew indiretta għall-ebda raġuni msemmija fl‑Artikolu 1.” Fil-paragrafu 2(a) tiegħu jiddikjara li “għandu jitqies li jkun hemm diskriminazzjoni diretta meta persuna tiġi trattata b’mod inqas favorevoli milli kienet tiġi trattata oħra f’sitwazzjoni simili, għar‑raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 1”.
10. L-Artikolu 6 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Il-ġustifikazzjoni għal trattament differenti fuq bażi ta’ età”, fl-ewwel sentenza tal-ewwel paragrafu tiegħu jipprevedi li “[m]inkejja l-Artikolu 2(2), l-Istati Membri jistgħu jipprovdu li trattament differenti fuq bażi ta’ età m’għandux jikkostitwixxi diskriminazzjoni, jekk, fil-kuntest tal-liġi nazzjonali, hu objettivament u raġonevolment iġġustifikat b’għan leġittimu, inkluża politika leġittima ta’ l-impjieg, tas-suq tax-xogħol u ta’ objettivi ta’ taħriġ professjonali, u jekk il-mezzi biex jintlaħqu dawk l-għanjiet ikunu approprjati u neċessarji”. It-tieni sentenza tispjega li “[d]an it-trattament differenti jista’ b’mod partikolari jinkludi […] l-iffissar ta’ kondizzjonijiet minimi ta’ età, esperjenza professjonali jew anzjanità f’servizz għall‑aċċess ta’ mpjieg jew għal ċerti vantaġġi marbuta ma’ l-impjieg […]”.
11. L-Artikolu 9 tal-istess direttiva, intitolat “Id-difiża ta’ drittijiet”, fil-paragrafu 1 tiegħu jipprevedi li “[l]-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-proċeduri ġudizzjarji u/jew amministrattivi, inklużi meta jitqies approprjat proċeduri ta’ konċiljazzjoni, għall-eżekuzzjoni ta’ obbligi taħt din id-Direttiva, ikunu disponibbli għal-persuni kollha li jikkunsidraw ruħhom trattati ħażin minħabba nuqqas ta’ applikazzjoni tal-prinċipju ta’ l-ugwaljanza fit-trattament, anke wara li r-relazzjoni li fiha jkun allegat li saret id-diskriminazzjoni tkun spiċċat”.
12. L-Artikolu 16 tad-Direttiva 2000/78, intitolat “Il-konformità”, fil‑punt a) tiegħu jipprevedi li “[l]-Istati Membri għandhom jieħdu l‑miżuri neċessarji biex jiżguraw li […] kwalunkwe liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi kuntrarji għall-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament huma aboliti”.
13. L-Artikolu 17 ta’ din id-direttiva, intitolat “Is-Sanzjonijiet”, jiddikjara li “[l]-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli dwar sanzjonijiet applikabbli għall-ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skond din id-Direttiva u għandhom jieħdu l-miżuri kollha neċessarji biex jiżguraw li jiġu applikati. Is-sanzjonijiet, li jistgħu jinvolvu l-pagament ta’ kumpens lill-vittma, għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi […]”.
2. Ir-Regolament Nru 492/2011
14. Fit-taqsima 2 tal-Kapitolu I tar-Regolament Nru 492/2011, intitolat “Impjieg u ugwaljanza fit-trattament”, l-Artikolu 7(1) jipprevedi li “[ħ]addiem ċittadin ta’ xi Stat Membru ma jistax, fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor, ikun trattat b’mod differenti minn ħaddiema nazzjonali minħabba ċ-ċittadinanza tiegħu fir-rigward ta’ kwalunkwe kondizzjoni tal-impjieg u tax-xogħol, partikolarment fir-rigward ta’ paga, tkeċċija u jekk hu jisfa’ mingħajr xogħol, ingaġġ mill-ġdid jew impjieg mill-ġdid”.
B. Id-dritt Awstrijak
1. Il-VBG 2010
15. Il-klassifikazzjoni tal-membri tal-persunal bil-kuntratt fl-iskali ta’ salarji u l-avvanz tagħhom, li bħala regola ssir kull sentejn, huma rregolati mill-Vertragsbedienstetengesetz 1948 (6) (il-Liġi tal-1948 dwar il-membri tal-persunal bil-kuntratt, iktar ’il quddiem il‑“VBG 1948”), kif emendata diversi drabi, b’mod partikolari sabiex tieħu inkunsiderazzjoni s-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja mogħtija fil‑kuntest ta’ kawżi relatati mad‑dispożizzjonijiet tad-dritt Awstrijak f’dan il‑qasam.
16. Wara s-sentenza Hütter (7), il-VBG 1948 ġiet emendata permezz ta’ liġi federali ppubblikata fit-30 ta’ Awwissu 2010 (8) (VBG 1948 fil‑verżjoni li ħarġet minn din il-liġi, iktar ’il quddiem il-“VBG 2010”).
17. L-Artikolu 19(1) tal-VBG 2010 jipprevedi li “[l]-avvanz huwa ddeterminat skont data ta’ referenza” u li “[ħ]lief għal dispożizzjoni kuntrarja f’dan l-artikolu, il-perijodu neċessarju għal avvanz għat-tieni skala ta’ kull kategorija ta’ impjieg huwa ta’ ħames snin u ta’ sentejn għall-iskali l-oħra”.
18. L-Artikolu 26(1) tal-VBG 2010 jipprevedi li “[b]la ħsara għar‑restrizzjonijiet imsemmija fil-paragrafi 4 sa 8, id-data ta’ referenza li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-avvanz fl-iskala għandha tiġi kkalkolata billi wieħed imur lura għall-jum tar-reklutaġġ fir‑rigward ta’ perijodi sussegwenti għat-30 ta’ Ġunju tas-sena li matulha jkunu twettqu disa’ snin ta’ skola jew kienu jitwettqu wara ammissjoni fl-ewwel livell ta’ tagħlim […]”.
2. Il-VBG emendata
19. Wara s-sentenza Schmitzer (9), il-kontenut tal-Artikoli 19 u 26 tal‑VBG 1948 reġa’ ġie emendat, b’effett retroattiv, bis-saħħa ta’ liġi federali ppubblikata fil-11 ta’ Frar 2015 (10) (VBG 1948 fil-verżjoni li ħarġet minn din il-liġi, iktar ’il quddiem il-“VBG 2015”).
20. Barra minn hekk, sabiex tiġi konformi mas-sentenza tal‑Verwaltungsgerichtshof (il-Qorti Amministrattiva, Awstrija) (11), il-liġi federali ppubblikata fis-6 ta’ Diċembru 2016 (12) emendat għal darb’oħra l‑VBG 1948 (fil-verżjoni li ħarġet minn din il-liġi, iktar ’il quddiem il‑“VBG 2016” u, flimkien mal-VBG 2015, il-“VBG emendata”), f’dak li jirrigwarda d-data tad-dħul fis-seħħ tal-Artikoli 19 u 26 tal-VBG 2015.
21. Taħt it-titolu “Klassifikazzjoni u avvanz”, l‑Artikolu 19(1) tal‑VBG 2015 jipprevedi li “[i]l-klassifikazzjoni u l‑avvanz fil-karriera ulterjuri huma stabbiliti abbażi tal-anzjanità fis‑sistema ta’ remunerazzjoni”.
22. Taħt it-titolu “Anzjanità fis-sistema ta’ remunerazzjoni”, l‑Artikolu 26 tal-VBG 2015 jipprevedi:
“1. L-anzjanità fis-sistema ta’ remunerazzjoni tinkludi l-perijodi ta’ servizz utli għall-avvanz, miżjuda bil-perijodi ta’ servizz preċedenti li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni.
2. L-anzjanità fis-sistema ta’ remunerazzjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni, bħala perijodi ta’ servizz preċedenti, il-perijodi mwettqa
1) fil-qafas ta’ relazzjoni ta’ xogħol ma’ kollettività territorjali jew ma’ komun ta’ Stat Membru taż-Żona Ekonomika Ewropea, tar‑Repubblika tat-Turkija jew tal-Konfederazzjoni Svizzera;
2) fil-qafas ta’ relazzjoni ta’ xogħol ma’ korp tal-Unjoni Ewropea jew ma’ organizzazzjoni intergovernattiva li [r-Repubblika tal‑]Awstrija hija membru tagħhom;
3) il-perijodi li matulhom il-membru tal-persunal bil-kuntratt kellu dritt għal pensjoni tal-invalidità bis-saħħa tal‑Heeresversorgungsgesetz (il-Liġi dwar il-Protezzjoni tal-Forzi Armati) […], u
4) il-perijodi mwettqa […] fis-servizz militari […], fis-servizz ta’ taħriġ militari […], fis-servizz ċivili […], fis-servizz militari obbligatorju […].
3. Minbarra l-perijodi msemmija fil-paragrafu 2, jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni, bħala perijodi ta’ servizz preċedenti, il-perijodi ta’ eżerċizzju ta’ attività professjonali jew ta’ stage ma’ amministrazzjoni rilevanti, għal mhux iktar minn total ta’ għaxar snin. […]”
23. Skont il-punt 3 tal-Artikolu 100(70) tal-VBG 2016, “l-Artikoli 19 u 26, inkluż it-titoli tagħhom, fil-verżjoni li tirriżulta mil-liġi federali ppubblikata fil-BGBl. I, 32/2015 […], jidħlu fis-seħħ fl-1 ta’ Lulju 1948; il-verżjonijiet kollha ta’ dawn id-dispożizzjonijiet ippubblikati qabel il‑11 ta’ Frar 2015 ma jistgħux jiġu applikati iktar fil-proċeduri pendenti jew futuri […]”.
3. Il-GehG emendata
24. Il-Gehaltsgesetz 1956 (13) (il-Liġi dwar is-Salarji tal-1956, iktar ’il quddiem il-“GehG 1956”) ukoll ġiet emendata bis-saħħa ta’ liġijiet federali li ġew ippubblikati rispettivament fil-11 ta’ Frar 2015 u fis‑6 ta’ Diċembru 2016 hawn fuq imsemmija (14) (GehG 1956 fil-verżjoni li toħroġ minn dawn iż-żewġ liġijiet, iktar ’il quddiem il-“GehG emendata”).
25. Mill-Artikolu 94a tal-VBG emendat jirriżulta li, “għall-finijiet tat‑trasferiment tal-membri tal-persunal bil-kuntratt fis-sistema ta’ remunerazzjoni maħluqa mill-ġdid permezz tal-liġi federali ppubblikata fil-BGBl. I, 32/2015, għandhom jiġu applikati l-Artikoli 169c, 169d u 169e tal-GehG [emendata]”, li jirrigwardaw il-klassifikazzjoni mill‑ġdid tal-uffiċjali diġà fis-servizz fis-sistema ġdida ta’ remunerazzjoni u ta’ avvanz.
26. Taħt it-titolu “Trasferiment ta’ relazzjonijiet ta’ xogħol pendenti”, l-Artikolu 169c tal-GehG emendata jipprevedi, fil-paragrafi 1 sa 9 tiegħu:
“1. L-uffiċjali kollha ta’ kategoriji ta’ remunerazzjoni u ta’ impjieg imsemmija fl-Artikolu 169d, li huma fis-servizz fil-11 ta’ Frar 2015, ser jiġu kklassifikati mill-ġdid, skont id-dispożizzjonijiet li ġejjin u abbażi biss tas-salarju preċedenti tagħhom, fis-sistema l-ġdida ta’ remunerazzjoni maħluqa b’din il-liġi federali. Fl-ewwel stadju, l‑uffiċjali ser jiġu kklassifikati, skont is-salarju preċedenti tagħhom, fi skala tas‑sistema l-ġdida ta’ remunerazzjoni li fiha jinżamm is-salarju preċedenti. […]
2. It-trasferiment tal-uffiċjal fis-sistema l-ġdida ta’ remunerazzjoni jsir permezz ta’ kalkolu globali tal-anzjanità tiegħu fis-sistema ta’ remunerazzjoni. L-ammont ta’ trasferiment huwa determinanti għall‑kalkolu globali. L-ammont ta’ trasferiment jikkorrispondi għas‑salarju sħiħ mingħajr eventwali avvanz eċċezzjonali, kif użat għall‑kalkolu tas-salarju tal-uffiċjal għax-xahar ta’ Frar 2015 (ix-xahar tat-trasferiment). […]
2a. L-ammont li għandu jintuża bħala ammont ta’ trasferiment huwa dak tal-iskala ta’ salarju li kien effettivament determinanti għar‑remunerazzjoni mħallsa għax-xahar tat-trasferiment (klassifikazzjoni skont id-dikjarazzjoni tas-salarju). Huwa eskluż li jsir eżami dwar il-korrettezza tal-bażi tas-salarju kif ukoll tal‑ammont tiegħu. Ma għandhiex tiġi kkunsidrata korrezzjoni ulterjuri tas-salarji mħallsa għall-kalkolu tal-ammont ta’ trasferiment ħlief jekk
1) din il-korrezzjoni ssir minħabba żbalji fattwali li saru meta d-data ddaħħlet f’sistema awtomatika ta’ trattament tal-informazzjoni, u
2) id-data mdaħħla bi żball hija differenti b’mod ċar mid-data li kellha tiddaħħal, kif jipprovaw d-dokumenti diġà eżistenzi fil-mument meta ddaħħlet.
[…]
2d. Il-paragrafi 2a u 2b jittrasponu fid-dritt Awstrijak, fil-qasam tar‑Regolamenti tal-Persunal Federali u tal-Għalliema tal-Länder, l‑Artikoli 2 u 6 tad-Direttiva 2000/78 […] kif interpretati mis-sentenza [Specht et (15)]. Il-modalitajiet ta’ trasferiment tal-uffiċjali identifikati qabel id-dħul fis-seħħ tar-riforma federali tar-remunerazzjonijiet tal-2015 għalhekk ġew stabbiliti fis-sistema l-ġdida ta’ remunerazzjoni u jipprevedu li, minn naħa waħda, l-iskala ta’ remunerazzjoni li issa huma marbuta magħha hija stabbilita biss abbażi tas-salarju li kellhom taħt is‑sistema ta’ remunerazzjoni qadima, minkejja li din is-sistema kienet ibbażata fuq diskriminazzjoni bbażata fuq l-età tal-uffiċjal u li, min-naħa l-oħra, l-avvanz ulterjuri għal skala ta’ remunerazzjoni ogħla issa hija kkalkolata biss skont l-esperjenza professjonali miksuba mid‑dħul fis-seħħ tar-riforma tar-remunerazzjonijiet tal-2015.
3. L-anzjanità fis-sistema ta’ remunerazzjoni tal-uffiċjal ikklassifikat mill-ġdid hija stabbilita abbażi tal-perijodu neċessarju għall-avvanz mill‑ewwel skala ta’ salarju (mill-ewwel ġurnata) sal-iskala ta’ salarju tal-istess kategorija ta’ impjieg li għaliha huwa previst, fil‑verżjoni fis‑seħħ fit‑12 ta’ Frar 2015, is-salarju inqas l-iktar qrib tal-ammont ta’ trasferiment. Jekk l-ammont ta’ trasferiment jikkorrispondi għall‑ammont l-iktar baxx ta’ skala ta’ salarju fl-istess kategorija ta’ impjieg, allura tinżamm din l-iskala. L-ammonti kollha pparagunati għandhom jitqarrbu għall-eqreb unità f’EUR.
[…]
6. […] Jekk is-salarju l-ġdid tal-uffiċjal huwa inqas mill‑ammont ta’ trasferiment, jitħallas allowance sad-differenza tal‑ammont, meħud inkunsiderazzjoni għall-kalkolu tal-pensjoni tal‑irtirar, bħala allowance kumplimentari […], sakemm jilħaq skala ta’ salarju ogħla mill-ammont ta’ trasferiment. Il-paragun tal‑ammonti jinkludi l-eventwali allowances ta’ anzjanità u l-avvanzi straordinarji.
[…]
9. Sabiex jiġu protetti l-aspettativi għall-avvanz suċċessiv, għall‑avvanz straordinarju jew għall-allowance ta’ anzjanità fis-sistema ta’ remunerazzjoni l-qadima, meħuda inkunsiderazzjoni għall-kalkolu tal-pensjoni tal-irtirar, l-uffiċjal huwa intitolat għal allowance kumplimentari […], malli jilħaq l-iskala tranżitorja […].”
III. Il-kawża prinċipali, id-domandi preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
27. L-ÖGB, li tirrappreżenta b’mod partikolari l-membri tal-persunal bil-kuntratt li għandhom relazzjoni ta’ xogħol ta’ natura privata mar‑Repubblika tal-Awstrija, ippreżentat rikors kontra din tal-aħħar, quddiem l-Oberster Gerichtshof (il-Qorti Suprema), sabiex jiġi kkonstatat li d-dispożizzjonijiet tas-sistema ta’ remunerazzjoni u ta’ avvanz applikabbli għal dawn il-membri tal-persunal wara r-riforma tal‑VBG 1948 li saret fil-bidu tas-sena 2015 (16) baqgħu kuntrarji għad‑dritt tal-Unjoni u sabiex jiġi ddikjarat li għandhom jiġu implimentati modalitajiet oħra għall-benefiċċju tal-persuni kkonċernati.
28. Insostenn tar-rikors tagħha, l-ÖGB argumentat li d‑diskriminazzjoni bbażata fuq l-età li tirriżulta mis-sistema l-qadima nżammet mis-sistema l-ġdida, minħabba l-fatt li tieħu s-salarju dovut għax-xahar ta’ Frar 2015 bħala punt ta’ riferiment għall-klassifikazzjoni mill-ġdid tas-salarju tal-membri tal-persunal ikkonċernati. Hija żżid li dawn tal-aħħar ma għandhom l-ebda possibbiltà sabiex jistħarrġu l‑legalità ta’ dan is-salarju, minħabba t-tneħħija b’mod retroattiv tad‑“data ta’ referenza għall-finijiet tal-avvanz” li kienet applikabbli sa dakinhar.
29. Barra minn hekk, hija sostniet li d-distinzjoni prevista bejn il‑perijodi ta’ servizz mwettqa ma’ kollettività territorjali ta’ Stat Membru taż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) jew ma’ entità simili, li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni kollha kemm huma, u dawk imwettqa ma’ persuni oħra li jimpjegaw, li huma meħuda inkunsiderazzjoni b’mod limitat, huma kuntrarji għall-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja (17).
30. Ir-Repubblika tal-Awstrija kkontestat dawn l-allegazzjonijiet, minn naħa waħda, billi argumentat li l-leġiżlazzjoni adottata fl-2015 kienet konformi mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (18). Hija rrifjutat ukoll l-argument ibbażat fuq allegat ksur tad-dritt għal rimedju effettiv.
31. Min-naħa l-oħra, hija sostniet li kien konformi mad-dritt tal‑Unjoni li din il-leġiżlazzjoni tieħu inkunsiderazzjoni fit-totalità tagħhom biss dawk il-perijodi ta’ servizz preċedenti mwettqa fil-qafas ta’ relazzjoni ta’ xogħol li jimplika rabta partikolari mas-servizz pubbliku.
32. F’dan il-kuntest, permezz ta’ digriet tad-19 ta’ Diċembru 2016 li wasal fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-18 ta’ Jannar 2017, l-Oberster Gerichtshof (il-Qorti Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:
“1) a) Id-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari l-Artikoli 1, 2 u 6 tad‑Direttiva 2000/78 […], moqrija flimkien mal-Artikolu 21 tal‑Karta […], għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li (fir-rigward tat-teħid inkunsiderazzjoni tal-perijodi ta’ servizz imwettqa qabel l-età ta’ 18-il sena) tissostitwixxi sistema ta’ remunerazzjoni diskriminatorja abbażi tal-età b’sistema ġdida ta’ remunerazzjoni, iżda li tipprevedi t‑trasferiment tal-impjegati eżistenti lejn is-sistema l-ġdida ta’ remunerazzjoni billi tiffissa b’mod retroattiv id-dħul fis-seħħ tas‑sistema l-ġdida ta’ remunerazzjoni għad-data tad-dħul fis-seħħ tal-liġi inizjali, filwaqt li tiddetermina l-ewwel klassifikazzjoni fis‑sistema l-ġdida ta’ remunerazzjoni skont is-salarju effettivament imħallas konformement mas-sistema preċedenti ta’ remunerazzjoni, għal xahar ta’ trasferiment speċifiku (Frar 2015), b’tali mod li d-diskriminazzjoni eżistenti preċedentement abbażi tal-età tinżamm fl-effetti finanzjarji tagħha?
b) Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda [punt a)]: [i]d-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari l-Artikolu 17 tad-Direttiva 2000/78 […], għandu jiġi interpretat fis-sens li l-impjegati eżistenti li ġew iddiskriminati fis-sistema preċedenti ta’ remunerazzjoni fir-rigward tat-teħid inkunsiderazzjoni tal-perijodi ta’ servizz imwettqa qabel ma għalqu t-18-il sena, għandhom jiksbu kumpens finanzjarju jekk din id-diskriminazzjoni abbażi tal-età tinżamm fl-effetti finanzjarji tagħha anki wara t-trasferiment lejn is-sistema l-ġdida ta’ remunerazzjoni?
c) Fil-każ ta’ risposta fin-negattiv għall-ewwel domanda [punt a)]: [i]d-dritt tal‑Unjoni, b’mod partikolari l-Artikolu 47 tal-Karta […], għandu jiġi interpretat fis-sens li d-dritt fundamentali għal rimedju effettiv li huwa msemmi fih jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi li s-sistema preċedenti ta’ remunerazzjoni diskriminatorja ma tistax tibqa’ tiġi applikata fil-proċeduri pendenti jew futuri u li r-riklassifikazzjoni salarjali tal-impjegati eżistenti fis‑sistema l-ġdida ta’ remunerazzjoni hija ddeterminata biss abbażi tas-salarju li għandu jiġi kkalkolat u mħallas għax-xahar tat‑trasferiment?
2) Id-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari l-Artikoli 45 TFUE, 7(1) tar‑Regolament [Nru 492/2011] u 20 et seq. tal-Karta, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni li tipprevedi li l‑perijodi ta’ servizz imwettqa preċedentement minn membru tal‑persunal bil-kuntratt għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni:
– fl-integralità tagħhom meta jkunu twettqu fil-kuntest ta’ relazzjoni ta’ xogħol ma’ kollettività territorjali jew ma’ komun ta’ Stat Membru taż-[ŻEE], tar-Repubblika tat-Turkija jew tal-Konfederazzjoni Svizzera, ma’ korp tal-Unjoni Ewropea jew ma’ organizzazzjoni intergovernattiva li [r-Repubblika tal-]Awstrija hija membru tagħhom, jew ma’ entitajiet simili oħra,
– għal mhux iktar minn total ta’ għaxar snin meta jkunu twettqu fil-kuntest ta’ relazzjoni ta’ xogħol ma’ persuna oħra li timpjega, biss meta l-attività professjonali jew l-istage ma’ amministrazzjoni jkunu rilevanti?”
33. Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja mill-ÖGB, mill-Gvern Awstrijak kif ukoll mill‑Kummissjoni.
34. Permezz ta’ posta elettronika mibgħuta fl-14 ta’ Ġunju 2018, il‑Qorti tal-Ġustizzja talbet kjarifika, li l-qorti tar-rinviju wieġbet, u għamlet mistoqsija bil-miktub, li għaliha wieġbu l-ÖGB, il-Gvern Awstrijak u l-Kummissjoni.
35. Waqt is-seduta tat-12 ta’ Settembru 2018, dawn l-istess partijiet u l-partijiet ikkonċernati ressqu s-sottomissjonijiet orali tagħhom.
IV. Analiżi
A. Osservazzjonijiet preliminari
36. Din il-kawża tikkonċerna l-leġiżlazzjoni Awstrijaka ġdida dwar il‑modalitajiet li jipprevedu li l-esperjenza miksuba qabel id-dħul fis‑servizz hija meħuda inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal‑klassifikazzjoni u tal-avvanz tal-membri tal-persunal bil-kuntratt tas‑servizz pubbliku. Din is-sistema ta’ remunerazzjoni, li tirriżulta mir‑riforma tal-VBG 1948 li saret fil-bidu tas-sena 2015, hija simili għal dik li saret fl-istess żmien fir-rigward tal-uffiċjali (19).
37. Bis-saħħa ta’ din is-sistema l-ġdida, il-klassifikazzjoni ta’ membru tal-persunal bil-kuntratt fis-sistema ta’ remunerazzjoni u tal-avvanz ulterjuri tiegħu fl-iskali ma baqgħux stabbiliti skont “data ta’ referenza”, punt ta’ tluq fittizju, iżda skont l-“anzjanità” fl-imsemmija sistema (20). Sabiex din tal-aħħar tiġi kkalkolata, jiġu kkunsidrati, apparti l-perijodu tar-relazzjoni tal-impjieg pendenti, il-perijodu ta’ servizz preċedenti għad-dħul fis-servizz, inkwantu dawn huma espressament ikkunsidrati bħala rilevanti, u dan b’mod differenti skont it-tip tal-persuna li timpjega, jiġifieri, kollha fit-totalità tagħhom meta dawn l-attivitajiet ikunu ġew eżerċitati fi ħdan entitajiet pubbliċi speċifikati, iżda sa mhux iktar minn għaxar snin fil-każijiet l-oħra (21).
38. Il-membri tal-persunal bil-kuntratt li kienu fis-servizz meta daħlet fis-seħħ ir-riforma (22), li hija applikabbli b’mod retroattiv (23), huma ttrasferiti lejn is-sistema l-ġdida ta’ remunerazzjoni permezz ta’ klassifikazzjoni mill-ġdid li topera b’mod sistematiku bil-mod segwenti (24). Qabel kollox, il-membri tal-persunal kollha kkonċernati huma kklassifikati fi skala ta’ din is-sistema l-ġdida abbażi tas-salarju preċedenti tagħhom. Sussegwentement, l-anzjanità tagħhom hija stabbilita b’mod globali fis-sistema ta’ remunerazzjoni, skont “ammont ta’ trasferiment” li jikkorrispondi mal-iskala ta’ salarju effettivament determinanti għas-salarju li jkun tħallas mill-persuna li timpjega għax‑xahar ta’ Frar 2015, imsejjaħ “xahar ta’ trasferiment”, filwaqt li huwa speċifikat eżami dwar jekk din ir-remunerazzjoni hijiex korretta jew le jsir biss jekk ikun hemm żbalji materjali u ċari meta tkun qed tinġabar id-data (25).
39. Id-domandi magħmula mill-Oberster Gerichtshof (il-Qorti Suprema) jistiednu lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex, essenzjalment, tistabbilixxi jekk il-leġiżlazzjoni l-ġdida inkwistjoni twassalx, fir-rigward tal-membri tal‑persunal bil-kuntratt diġà fis-servizz, għal diskriminazzjoni bbażata fuq l-età bi ksur tad-dritt tal-Unjoni kif murija fis-sentenza Schmitzer (26), kif tiddikjara l-ÖGB, jew jekk dan ma huwiex il-każ, kif issostni l‑konvenuta fil-kawża prinċipali.
40. Din il-qorti, qabel kollox, tistaqsi dwar il-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni tal-modalitajiet li bihom jitwettaq it-trasferiment tal-membri tal-persunal bil-kuntratt tas-sistema qadima Awstrijaka ta’ remunerazzjoni u ta’ avvanz, iddikjarata diskriminatorja, lejn is-sistema l-ġdida (taqsima B). Hija ssostni, b’mod iktar partikolari, dwar il-fatt li t‑trasferiment isir mingħajr kumpens finanzjarju għall-membri tal‑persunal li jkunu ġew żvantaġġati mis-sistema l-qadima (taqsima C). B’mod sussidjarju, hija tirrileva wkoll, li din is-sistema l-ġdida ma tippermettix lill-membri tal-persunal ikklassifikati mill-ġdid jeżaminaw mill-ġdid tal-element ta’ riferiment stabbilit skont ir-regoli tas-sistema l‑qadima, fatt li jista’ jċaħħadhom mid-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva (taqsima D). Finalment, hija tistaqsi jekk id-dritt tal-Unjoni jipprekludix ir-regoli li permezz tagħhom il-perijodi ta’ servizz preċedenti għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fit-totalità tagħhom jew inkella parzjalment, skont il-persuna li timpjega li magħhom ikunu twettqu (taqsima E).
B. Fuq il-modalitajiet tat-trasferiment tal-membri tal-persunal bil-kuntratt tas-sistema l-qadima ta’ remunerazzjoni u ta’ avvanz lejn is-sistema l-ġdida [l-ewwel domanda, punt a)]
41. Permezz tal-ewwel parti tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar‑rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari l-Artikoli 1, 2 u 6 tad-Direttiva 2000/78 flimkien mal‑Artikolu 21 tal-Karta, għandux jiġi interpretat li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li permezz tagħha sistema ta’ remunerazzjoni diskriminatorja hija ssostitwita b’sistema ġdida, meta t-trasferiment lejn din tal-aħħar tal‑membri tal-persunal bil-kuntratt fis-servizz kollha jsir b’tali mod li l‑ewwel klassifikazzjoni fis-sistema l-ġdida ssir skont is‑salarju mħallas għal xahar partikolari li ġie kkalkolat skont is-sistema l-qadima (27). Qabel kollox, nirrileva li, bil-kliem użat fi tmiem id‑domanda tagħha (28), din il‑qorti tindika espressament li hija tikkunsidra a priori li d-diskriminazzjoni preċedenti hija mwettqa mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni (29).
42. Dwar dan, l-ÖGB targumenta li, peress li l-leġiżlazzjoni li hija s‑suġġett tal-kawża prinċipali tipprevedi li l-klassifikazzjoni mal-ġdid tal‑membri tal-persunal bil-kuntratt diġà fis-servizz issir abbażi tas‑salarju mħallas fix-xahar ta’ Frar 2015, stabbilita b’mod diskriminatorju, id-diskriminazzjoni bbażata fuq l-età li tirriżulta mis‑sistema l-qadima ta’ remunerazzjoni tippersisti minħabba din ir‑rabta (30) u li l-motivi invokati sabiex jiġġustifikaw din il-leġiżlazzjoni ma humiex konformi mad-dritt tal-Unjoni. Il-Gvern Awstrijak ma jinnegax li l-effetti tad‑diskriminazzjoni maħluqa mis-sistema l-qadima jistgħu b’hekk ikomplu, iżda jiddikjara li l-modalitajiet użati sabiex isir it‑trasferiment tal-imsemmija membri tal-persunal lejn is-sistema l-ġdida ta’ remunerazzjoni huma mhux biss iġġustifikati minn għanijiet leġittimi, iżda wkoll adattati u neċessarji sabiex dawn l-għanijiet jintlaħqu. Għall‑kuntrarju, il-Kummissjoni tikkunsidra li tali leġiżlazzjoni ma hijiex kompatibbli mar-rekwiżiti li jirriżultaw mill-Artikoli 2 u 6 tad‑Direttiva 2000/78, inkwantu jżommu differenza fit-trattament ibbażata fuq l-età li ma hijiex iġġustifikata. Jiena wkoll tal-istess opinjoni, għar-raġunijiet hawn taħt esposti.
43. Qabel xejn, fir-rigward ta’ dispożizzjonijiet li huma msemmija f’din id-domanda preliminari, nirrileva li l-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni bbażata fuq l-età huwa stabbilit fl‑Artikolu 21 tal‑Karta u spjegat bid-Direttiva 2000/78, iżda li din il-kwistjoni għandha tiġi eżaminata fid-dawl ta’ din tal-aħħar, fil-kuntest ta’ kawża bħal dik fil-kawża prinċipali, peress li l-miżuri nazzjonali inkwistjoni jaqgħu fil‑kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija direttiva (31). Barra minn hekk, peress li la l-għan tad-Direttiva 2000/78 u lanqas il-fatturi ta’ diskriminazzjoni pprojbiti minnha, kif iddefiniti fl-Artikolu 1, ma huma direttament ikkontestati f’din il-kawża, ma jidhirlix li huwa neċessarju li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni.
44. Sussegwentement, fil-każ tal-ilmenti mressqa fir-rigward tal‑leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jidhirli li din hija kkontestata fir-rigward tal-modalitajiet li permezz tagħhom il‑membri tal-persunal li kienu fis-servizz waqt l-adozzjoni tar-riforma tal-2015 huma ttrasferiti mis-sistema qadima ta’ remunerazzjoni, ikkunsidrata diskriminatorja (32), lejn is-sistema l-ġdida. Fi kliem ieħor, għandu jiġi stabbilit jekk id-dispożizzjonijiet inkwistjoni jistgħux iwasslu d‑diskriminazzjoni bbażata fuq l-età li tirriżulta minn din is-sistema qadima, qabel ma jiġi eżaminat jekk dawn id-dispożizzjonijiet humiex oġġettivament u raġonevolment iġġustifikati, b’tali mod li ma jaqgħux fil-projbizzjoni prevista bid-Direttiva 2000/78.
45. Fl-ewwel lok, f’dak li jirrigwarda l-eżistenza ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq l-età, ninnota li skont l-Artikolu 2(2)(a) tad‑Direttiva 2000/78, ikun hemm diskriminazzjoni diretta meta persuna tiġi trattata b’mod inqas favorevoli milli kienet tiġi trattata oħra f’sitwazzjoni simili, b’mod partikolari, abbażi tal-età.
46. Barra minn hekk, infakkar li fis-sentenza Schmitzer (33), li minnha oriġinat ir-riforma inkwistjoni hawnhekk (34), il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li l-leġiżlazzjoni Awstrijaka kif kienet qabel din ir-riforma kellha differenza fit-trattament direttament ibbażata fuq l-età fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni u li din id-differenza ma kinitx debitament iġġustifikata minn għanijiet leġittimi, b’tali mod li taqa’ fil-projbizzjoni deskritta fl-imsemmi Artikolu 2(2)(a).
47. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet b’mod ripetut li meta l-klassifikazzjoni mill-ġdid ta’ kategorija ta’ persuni f’sistema ta’ remunerazzjoni ġdida ssir b’mod esklużiv skont parametru marbut mal‑età li jirriżulta mis-sistema l-qadima, dispożizzjonijiet nazzjonali ta’ dan it-tip jistgħu jikkawżaw differenza fit-trattament, ibbażata fuq l-età, fi ħdan din is-sistema l-ġdida (35).
48. F’dan il-każ, l-Artikolu 169c tal-GehG emendata, flimkien mal‑Artikolu 94a tal-VBG emendata, jipprevedi li l-klassifikazzjoni mill‑ġdid tal-membri tal-persunal bil-kuntratt fis-servizz issir “abbażi biss tas-salarju preċedenti tagħhom” (36), li kienet ukoll ibbażata fuq l-età. B’dan il-mod, dawn id-dispożizzjonijiet iwasslu għal sitwazzjoni diskriminatorja li permezz tagħha l-membri tal-persunal li kienu żvantaġġati bis-sistema l-qadima jirċievu salarju inqas minn dak li jirċievu l-membri tal-persunal l-oħra, minkejja li s-sitwazzjonijiet tagħhom kienu komparabbli, u dan sempliċement minħabba l-età li huma kellhom meta wettqu s-servizzi preċedenti li għandhom jiġu kkunsidrati.
49. Il-qorti tar-rinviju tiddeċiedi bl-istess mod. Filwaqt li jirreferi għall-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja hawn fuq imsemmija, il‑Gvern Awstrijak barra minn hekk jirrikonoxxi li dawn id‑dispożizzjonijiet tas-sistema l-ġdida ta’ remunerazzjoni jestendu l‑effetti diskriminatorji tas-sistema l-qadima (37). Fuq kollox, il‑Kummissjoni tesponi li mix-xogħlijiet preparatorji nazzjonali jirriżulta li l-leġiżlatur Awstrijak deliberatament għażel metodu li għandu tali konsegwenzi (38).
50. Għalhekk, fl-opinjoni tiegħi, ma hemmx dubju li leġiżlazzjoni bħal din inkwistjoni tirriżulta f’sitwazzjoni diskriminatorja, jiġifieri d‑differenza ta’ trattament ibbażata fuq l-età fis-sens tal-Artikolu 2(2)(a) tad-Direttiva 2000/78 kif ikkonstatata mill-Qorti tal-Ġustizzja fis‑sentenza Schmitzer (39). Id-diskriminazzjonijiet li kienu jeżistu qabel ir‑riforma inkwistjoni huma b’hekk mistennija jippersistu, u dan, mhux sempliċement b’mod provviżorju, iżda b’mod permanenti jew definittiv (40).
51. It-tieni nett, fir-rigward tal-eventwali ġustifikazzjoni tad‑differenza ta’ trattament li tkompli b’dan il-mod, għandu jitfakkar li l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2000/78 jippermetti li titwarrab il‑klassifikazzjoni ta’ diskriminazzjoni diretta fis-sens tal-Artikolu 2, u b’hekk il-projbizzjoni li tirriżulta minnha, meta d-differenzi ta’ trattament ibbażati fuq l-età huma “fil-kuntest tal-liġi nazzjonali, objettivament u raġonevolment iġġustifikat[i] b’għan leġittimu”, bħal dawk elenkati f’dan l-Artikolu 6 (41), u li “l-mezzi biex jintlaħqu dawk l-għanjiet ikunu approprjati u neċessarji”.
52. Skont ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari, għalkemm hija fl-aħħar mill-aħħar il-qorti nazzjonali, li hija l-uniku organu kompetenti sabiex jevalwa l-fatti, li għandha tistabbilixxi jekk u sa fejn il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija konformi ma’ dawn ir-rekwiżiti, il-Qorti tal‑Ġustizzja, li tintalab tagħti risposti utli lill-qorti nazzjonali, hija kompetenti sabiex tagħti indikazzjonijiet, abbażi tal-proċess tal-kawża prinċipali kif ukoll tal-osservazzjonijiet li jkunu sarulha, li jistgħu jippermettu lill-qorti tar-rinviju tagħti deċiżjoni fil-kawża li hija adita minnha (42).
53. Fir-rigward tal-għanijiet li jistgħu jiġġustifikaw il-kontenut tal‑leġiżlazzjoni inkwistjoni, il-qorti tar-rinviju (43) u l-Gvern Awstrijak jindikaw li l-modalitajiet ta’ trasferiment użati fir-riforma tal-2015 kienu, minn naħa waħda, intiżi sabiex jevitaw diffikultajiet sinjifikattivi wisq li jirriżultaw minn iffissar ta’ ammont għal kull wieħed mid-diversi membri tal-persunal ikkonċernati (44), u min-naħa l-oħra, sabiex it-tranżazzjoni tibqa’ newtrali f’termini ta’ spejjeż għall-Istat u, finalment, sabiex tipprevjeni tnaqqis sinjifikattiv fil-livell ta’ remunerazzjoni għal dawn il‑membri tal-persunal.
54. Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l‑ġustifikazzjonijiet ibbażati fuq eventwali diffikultajiet amministrattivi u ż-żieda fl-ispejjeż finanzjarji, ma jistgħux, bħala regola, jibbażaw in-nuqqas ta’ osservanza tal-obbligi li jirriżultaw mill-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni minħabba tal-età prevista fid‑Direttiva 2000/78. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat li ma jistax jintalab eżami individwali ta’ kull każ partikolari sabiex jiġu stabbiliti a posteriori u individwalment il-perijodi ta’ esperjenza preċedenti, sa fejn il-ġestjoni tal-iskema kkonċernata għandha tibqa’ vijabbli mil-lat tekniku u ekonomiku (45).
55. Barra minn hekk, huwa stabbilit li l-volontà, espressa b’mod ċar mil-leġiżlatur Awstrijaku (46), li joffri lil kategorija ta’ persuni l-garanzija ta’ trasferiment fis-sistema l-ġdida ta’ remunerazzjoni mingħajr telf finanzjarju, u għalhekk b’osservanza tad-drittijiet kweżiti u tal‑protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, tikkostitwixxi għan leġittimu ta’ politika tal‑impjieg u tas-suq tax-xogħol (47), li tista’ tiġġustifika, matul perijodu tranżitorju, iż-żamma tas-salarji preċedenti u, konsegwentement, iż-żamma ta’ sistema diskriminatorja bbażata fuq l‑età (48).
56. Peress li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali effettivament issegwi għan leġittimu fis-sens tal-Artikolu 6 tad‑Direttiva 2000/78, sussegwentement għandu jiġi eżaminat jekk il‑metodi użati humiex adattati u neċessarji sabiex jintlaħaq dan il-għan, skont din id-dispożizzjoni.
57. Fir-rigward tan-natura adattata ta’ tali dispożizzjonijiet, bħall‑qorti tar-rinviju u l-Kummissjoni, niddubita bil-qawwa li l‑element ikkontestat tar-riforma tal-2015, jiġifieri l-klassifikazzjoni mill‑ġdid tal‑membri tal-persunal bil-kuntratt fis-servizz kollha taħdem “biss abbażi tas-salarju preċedenti tagħhom” (49), jista’ jiġi kkunsidrat bħala adattat sabiex jintlaħaq l-għan ta’ protezzjoni kemm tad-drittijiet kweżiti kif ukoll tal-aspettattiva leġittima tal-persuni kollha kkonċernati b’dan id-dispożittiv.
58. Fil-fatt, mill-indikazzjonijiet ipprovduti mill-qorti tar-rinviju jirriżulta li l-leġiżlatur Awstrijaku adotta diversi miżuri li għandhom l-għan li jevitaw lil dawn il-persuni kollha, irrispettivament minn jekk ġewx vantaġġati jew le mis-sistema l-qadima, isofru telf sinjifikattiv ta’ salarju minħabba din ir-riforma (50). Issa, is-sempliċi fatt li tali miżuri tranżitorji kellhom jiġu adottati, flimkien mad-dispożittiv ibbażat fuq is‑salarju preċedenti li huwa kkontestat, jippermetti li jiġi preżunt li dan waħdu, u għalhekk fih innifsu, ma huwiex adattat sabiex jippreżerva d‑drittijiet kweżiti u l-aspettattivi leġittimi tal-persuni kkonċernati.
59. Fuq kollox, fir-rigward tan-natura neċessarja ta’ dispożizzjonijiet bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, nikkunsidra li d-dispożittiv adottat fl-2015 imur lil hinn minn dak neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan hawn fuq imsemmi. Kif tindika l-Kummissjoni (51), u minkejja l-opinjoni kuntrarja tal-Gvern Awstrijak, tipi oħra ta’ miżuri, li ma jippenalizzawx daqstant lill-persuni li kienu żvantaġġati bis-sistema l-qadima (52), setgħu jiġu implimentati biex jipproteġu d-drittijiet kweżiti u l-aspettattiva leġittima tal-membri tal-persunal kollha kkonċernati (53), fl-opinjoni tiegħi, mingħajr mal-ġestjoni tas-sistema l-ġdida ma ssir mhux vijabbli minn perspettiva teknika u ekonomika (54).
60. Fl-opinjoni tiegħi, din il-konstatazzjoni tirriżulta, fuq kollox, fir‑rigward tal-perijodu mingħajr limitu tad-dispożittiv il-ġdid, li ma jippermettix konverġenza progressiva tas-salarju riżervat għall-membri tal-persunal żvantaġġati bis-sistema l-qadima lejn is-salarju mogħti lill‑membri tal-persunal vantaġġati, b’tali mod li tal-ewwel jibbenefikaw fi żmien qasir jew medju, u fi kwalunkwe każ fi tmiem perijodu prevedibbli, minn aġġustament tal-benefiċċji mogħtija lil dawn tal‑aħħar (55).
61. F’dan ir-rigward, infakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-għan inkwistjoni ma għandux jiġġustifika miżura li, bħal f’dan il-każ, iżomm definittivament id-differenza fit-trattament skont l-età li r-riforma ta’ sistema diskriminatorja hija intiża li telimina. Tali miżura, minkejja li tista’ tiżgura l-protezzjoni tad-drittijiet kweżiti u tal-aspettattivi leġittimi fir-rigward tal-uffiċjali vantaġġati mis-sistema preċedenti, ma hijiex idonea sabiex tistabbilixxi sistema nondiskriminatorja għall-uffiċjali żvantaġġati mill-imsemmija sistema preċedenti (56).
62. Finalment, nispjega li l-argument, imressaq mill-Gvern Awstrijak, li l-Gewerkschaft Öffentlicher Dienst (is-Sindakat tas-Servizz Pubbliku, l-Awstrija) ta l-kunsens tiegħu fir-rigward tal-modalitajiet tar-riforma inkwistjoni ma għandux jikkontesta mill-ġdid l-analiżi li għadha kif saret. Fil-fatt, bħall‑Istati Membri, l-imsieħba soċjali għandhom jaġixxu b’osservanza tal-obbligi li jirriżultaw mid-Direttiva 2000/78 (57), anki jekk ir-rwol ta’ dawn tal-aħħar jista jkun ċentrali waqt it-tħejjija ta’ ċerti regolamenti (58).
63. Għalhekk, nikkunsidra li, minkejja l-marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ mogħti lill-Istati Membri u lill-imsieħba soċjali fl-għażla mhux biss ta’ tfittxija ta’ għan partikolari fil-qasam tal-politika soċjali u tal‑impjieg, iżda wkoll fl-adozzjoni tal-miżuri biex jintlaħaq tali għan (59), il-leġiżlatur Awstrijak ma setax raġonevolment jikkunsidra bħala adattat u neċessarju li jadotta dispożizzjonijiet nazzjonali bħall-Artikolu 169c tal-GehG emendata flimkien mal-Artikolu 94a tal-VBG emendata.
64. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, jiena tal‑opinjoni li l-Artikoli 2 u 6 tad-Direttiva 2000/78 għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu li modalitajiet li permezz tagħhom il‑membri tal-persunal bil-kuntratt fis-servizz huma ttrasferiti minn sistema qadima ta’ remunerazzjoni diskriminatorja lejn sistema ġdida bħal dawk previsti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali.
C. Dwar il-ħtieġa li jitħallas kumpens finanzjarju lill-membri tal-persunal bil-kuntratt żvantaġġati [l-ewwel domanda, punt b)]
65. Għandu jiġi nnotat li l-qorti tar-rinviju tagħmel it-tieni parti tal‑ewwel domanda tagħha fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi qabel xejn li qed issir diskriminazzjoni bbażata fuq l-età minn leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Fid-dawl tar-risposta fl-affermattiv li nipproponi li għandha tingħata għall-ewwel parti tal‑ewwel domanda, nikkunsidra li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tirrispondi t-tieni parti ta’ din id-domanda.
66. Essenzjalment, il-qorti tar-rinviju tistaqsi hawnhekk x’inhuma l‑konsegwenzi legali li għandhom jiġu misluta mill-konstatazzjoni li ksur tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni nżamm b’dispożittiv bħal dak inkwistjoni, li jipprevedi t-trasferiment ta’ membri tal-persunal bil‑kuntratt lejn sistema ġdida ta’ remunerazzjoni u ta’ avvanz. B’mod iktar preċiż, hija tistaqsi jekk “[i]d-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari l‑Artikolu 17 tad-Direttiva 2000/78”, jimponix jew le l-għoti ta’ kumpens finanzjarju (60) lil membri tal-persunal diġà fis-servizz li ġew iddiskriminati abbażi tal‑età minħabba s-sistema l-qadima ta’ remunerazzjoni u ta’ avvanz, fid‑dawl tas-sentenzi preċedenti tal-Qorti tal-Ġustizzja (61).
67. Mingħajr ma ssemmi espliċitament l-Artikolu 17 tad‑Direttiva 2000/78, l-ÖGB issostni li, sakemm id-dritt tal-Unjoni jiġi implimentat b’mod korrett, il-persuni żvantaġġati għandhom igawdu mill-istess benefiċċji bħall-persuni vantaġġati. Il-Gvern Awstrijak ma ppreżentax osservazzjonijiet speċifiċi dwar din it-tieni parti tal-ewwel domanda preliminari (62). Il-Kummissjoni, wara li semmiet b’mod speċjali l-imsemmi Artikolu 17 fl-osservazzjonijiet tagħha u fid‑dawl tal-fatt li kumpens finanzjarju jista’ jkun dovut f’dan il-każ, finalment tissuġġerixxi li għandha tingħata risposta li fin-nuqqas ta’ sistema konformi ma’ din id-direttiva, il-membri tal-persunal żvantaġġati bis‑sistema preċedenti għandhom jingħataw l-istess benefiċċji bħal dawk li minnhom setgħu jibbenefikaw il-membri tal-persunal vantaġġati b’din is-sistema, fir-rigward tat-teħid inkunsiderazzjoni tal-perijodi ta’ servizz imwettqa qabel l-età ta’ 18-il sena, kif ukoll fl-avvanz fl-iskala tar‑remunerazzjonijiet.
68. Anki jekk essenzjalment naqbel mal-proposta finali ta’ din l‑istituzzjoni, madankollu nikkunsidra li l-Artikolu 17 tad‑Direttiva 2000/78, li huwa msemmi f’din id-domanda preliminari, ma huwiex il-bażi legali adattata tingħata deċiżjoni dwar hux meħtieġ jew le li jingħata kumpens finanzjarju lill-persuni li sofrew diskriminazzjoni, f’tali ċirkustanzi (63).
69. Fil-fatt, nirrileva li dan l-Artikolu 17, li huwa relatat mas‑sanzjonijiet li l-Istati Membri għandhom jimponu fuq min jikser dispożizzjonijiet nazzjonali adottati sabiex tiġi trasposta din id‑direttiva (64), ma jkoprix dan l-eżempju, li hija kwistjoni dwar kif Stat Membru għandu eventwalment jirrimedja (65) diskriminazzjoni maħluqa mhux bi ksur ta’ dawn id-dispożizzjonijiet nazzjonali li għandu jiġi ssanzjonat b’mod adattat (66), iżda bin-nuqqas ta’ osservanza ta’ rekwiżiti tad-dritt tal-Unjoni minn dawn id-dispożizzjonijiet nazzjonali stess.
70. Nikkunsidra li huwa aktar adattat li jsir riferiment, f’dan il-każ, għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 16 tad-Direttiva 2000/78 li huwa relatat mal-obbligu li għandhom l-Istati Membri li jemendaw ir-regoli nazzjonali tagħhom sabiex jiġu konformi mal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni, kif sar mill-Qorti tal-Ġustizzja, diversi drabi fosthom iktar reċenti, f’kuntesti simili ta’ riformulazzjoni ta’ sistemi nazzjonali ta’ remunerazzjoni minħabba diskriminazzjoni (67). Għalhekk, nipproponi li din id-domanda tingħata risposta billi jittieħdu inkunsiderazzjoni d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 16 ta’ din id‑direttiva (68).
71. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li minkejja li l-imsemmi Artikolu 16 jimponi lill-Istati Membri sabiex il‑leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom tkun konformi mad-dritt tal-Unjoni, iħallilhom il-libertà jagħżlu, minn fost is-soluzzjonijiet differenti adattati sabiex tintemm id-diskriminazzjoni pprojbita, dik fosthom li huma jqisu bħala l-iktar adattata għal dan il-għan. Skont din il-ġurisprudenza, it‑tneħħija ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq l-età, bħal din inkwistjoni fil‑kawża prinċipali, mhux neċessarjament tfisser li ħaddiem li ġie ddiskriminat taħt is-sistema legali preċedenti awtomatikament jibbenefika mid-dritt li jirċievi kumpens finanzjarju retroattivament, li jikkorrispondi għad-differenza bejn is-salarju li huwa kien jirċievi fl‑assenza ta’ diskriminazzjoni u dak li huwa effettivament irċieva, jew żieda fis-salarji futuri. Dan ikun il-każ biss jekk, u sakemm, miżuri li jistabbilixxu mill-ġdid l-ugwaljanza fit-trattament ma jkunux ġew adottati mil-leġiżlatur nazzjonali. Fil-fatt, f’dan il-każ, l-osservanza tal‑prinċipju ta’ ugwaljanza tista’ tiġi żgurata biss permezz tal-għoti lill‑persuni tal-kategorija żvantaġġata tal-istess benefiċċji li jibbenefikaw minnhom il-persuni tal-kategorija vantaġġata, sistema li, fin-nuqqas tal-applikazzjoni korretta tad-dritt tal-Unjoni, tibqa’ l-unika sistema ta’ riferiment valida (69).
72. Fl-opinjoni tiegħi, il-leġiżlazzjoni inkwistjoni tikkorrispondi għal dan l-aħħar każ, peress li nikkunsidra, għar-raġunijiet esposti fir-rigward tal-punt a) tal-ewwel domanda preliminari (70), li l-miżuri li ġew adottati mil-leġiżlatur Awstrijak, fid-dawl tat-trasferiment tal-membri tal‑persunal bil-kuntratt fis-servizz lejn is-sistema ġdida ta’ remunerazzjoni u ta’ avvanz, ma jippermettux li terġa’ tiġi stabbilita ugwaljanza fit-trattament għall-benefiċċju tal-membri tal-persunal li ġew żvantaġġati bis-sistema l-qadima (71). Filwaqt li l-leġiżlazzjoni l-ġdida żżomm l-effetti diskriminatorji tal-leġiżlazzjoni preċedenti (72), l‑osservanza tal-prinċipju tal-ugwaljanza fit-trattament jimplika li dawn il‑persuni jingħataw l-istess benefiċċji bħal dawk li minnhom kienu jibbenefikaw il-membri tal-persunal bil-kuntratt li kienu ġew vantaġġati bis-sistema l-qadima, f’dak li jirrigwarda kemm it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ perijodi ta’ servizz imwettqa qabel l-età ta’ 18-il sena kif ukoll l-avvanz fl-iskala ta’ remunerazzjonijiet (73). B’mod iktar preċiż, jiena nifhem li l-ġurisprudenza msemmija hawn fuq bħala li tfisser li sabiex terġa’ tiġi stabbilita l-ugwaljanza fit-trattament jista’ jkun hemm bżonn li jingħata kumpens finanzjarju lill-membri tal-persunal żvantaġġati jekk ma jintlaħaqx bilanċ mill-ġdid favur tagħhom, fl-iqsar żmien possibbli (74), permezz ta’ kwalunkwe mezz ieħor adattat sabiex jiżgura l-konformità mitluba skont id-dritt tal-Unjoni.
73. Huwa f’dan is-sens li, fl-opinjoni tiegħi, għandu jiġi interpretat l‑Artikolu 16 tad-Direttiva 2000/78 sabiex tingħata risposta utli fir‑rigward tat-tieni parti tal-ewwel domanda preliminari.
D. Fuq l-ammissibbiltà tas-sistema l-ġdida ta’ remunerazzjoni u ta’ avvanz fir-rigward tad-dritt ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva [l-ewwel domanda, punt c)]
74. Qabel xejn, nenfasizza li l-punt c) tal-ewwel domanda sar biss f’każ li tingħata risposta negattiva għall-punt a) tal-ewwel domanda, jiġifieri jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma għadhiex tikser id‑dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, inkwantu din temmet id‑diskriminazzjoni bbażata fuq l-età kkonstatata preċedentement. Peress li għall-kuntrarju, qed nipproponi li tingħata risposta affermattiva għal dan il-punt a) tal-ewwel domanda, nikkunsidra li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex għalfejn tiddeċiedi dwar din id-domanda. Madankollu, sabiex inkun eżawrjenti, ser nippreżenta xi osservazzjonijiet dwar din il‑kwistjoni.
75. Permezz ta’ din id-domanda (75), l-Oberster Gerichtshof (Qorti Suprema) tixtieq tkun taf jekk id-dritt tal-Unjoni, u b’mod iktar partikolari l-Artikolu 47 tal-Karta, għandux jiġi interpretat fis-sens li d‑dritt fundamentali għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi li s-sistema qadima ta’ remunerazzjoni u ta’ avvanz, iddikjarata diskriminatorja, ma tistax tiġi applikata iktar fil-proċeduri kollha, kemm preżenti kif ukoll futuri (76), u li t-trasferiment tal-membri tal-persunal bil-kuntratt diġà fis-servizz lejn is‑sistema l-ġdida għandu jsir biss abbażi tas-salarju mħallas għax-xahar li matulu jsir it-trasferiment (77). Din il-qorti tidher li tikkunsidra li tali leġiżlazzjoni hija kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni minħabba li “l‑Artikolu 47(1) tal-Karta jirrikjedi biss proċedura ġudizzjarja li fil‑qafas tagħha jistgħu jittieħdu l-miżuri adattati u indikati sabiex jiġi kkonstatat u jintemm ksur tad-dritt fil-każ ikkonċernat”.
76. Għall-kuntrarju, l-ÖGB tiddikjara li t-tneħħija retroattiva tal-fattur ta’ avvanz li kien applikabbli sal-adozzjoni tar-riforma kkontestata (78) tneħħi l-possibbiltà, għall-persuni kkonċernati, li jistħarrġu, permezz ta’ qorti indipendenti, il-legalità tas-salarju li minn issa ’l quddiem jittieħed inkunsiderazzjoni bħala bażi ta’ klassifikazzjoni mill-ġdid (79), u b’hekk itellef lill-persuni kkonċernati mid-dritt ta’ rimedju ġudizzjarju effettiv stabbilit fl-Artikolu 47 tal-Karta (80). Il-Gvern Awstrijak ma ppreżentax osservazzjonijiet dwar din id-domanda (81). Minn naħa tagħha, il‑Kummissjoni tikkunsidra, b’mod sussidjarju, li l-imsemmi Artikolu 47 fi kwalunkwe każ għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix tali dispożizzjonijiet nazzjonali. Jiena naqbel ma’ din il-pożizzjoni, għar‑raġunijiet segwenti.
77. Qabel xejn, nikkunsidra li huwa inkontestabbli li din il-kawża tirrigwarda sitwazzjoni li fiha Stat Membru implimenta d-dritt tal-Unjoni, fis-sens tal-Artikolu 51(1) tal-Karta, b’tali mod li l-leġiżlatur federali kien obbligat josserva d-drittijiet fundamentali stabbilit fl-Artikolu 47 tagħha, u b’mod iktar speċifiku d-dritt tal-partijiet fil-kawża li jibbenefikaw minn protezzjoni ġudizzjarja effettiva tal-prerogattivi li jagħtihom id-dritt tal-Unjoni (82). Nirrileva li tali protezzjoni hija, qabel xejn, prevista wkoll b’mod espress bid-Direttiva 2000/78 (83), li t‑traspożizzjoni tagħha kienet espliċitament imsemmija fil-leġiżlazzjoni inkwistjoni hawnhekk (84).
78. Barra minn hekk, infakkar li kull Stat Membru għandu ċerta awtonomija fil-qasam, li tippermettilu jiddefinixxi l-modalitajiet proċedurali tal-kawżi intiżi sabiex jissalvagwardjaw id-drittijiet li l‑individwi għandhom mid-dritt tal-Unjoni, sakemm dawn il-modalitajiet josservaw iż-żewġ rekwiżiti stabbiliti minn ġurisprudenza stabbilita tal‑Qorti tal-Ġustizzja, jiġifieri l-prinċipju ta’ ekwivalenza u l-prinċipju ta’ effettività (85). Kif diġà intwera, ir-rekwiżiti li jirriżultaw mill‑Artikolu 47 tal-Karta li setgħu jintużaw mill-Qorti tal-Ġustizzja huma ristretti kif ukoll dipendenti fuq diversi fatturi u, b’mod partikolari, jidher li d-dritt għal rimedju effettiv ma jimplikax li l-qrati nazzjonali kompetenti jkunu neċessarjament f’pożizzjoni, fi kwalunkwe każ, li jemendaw id-deċiżjonijiet ikkontestati fir-rigward tal-elementi kollha li fuqhom dawn id-deċiżjonijiet huma bbażati (86).
79. Barra minn hekk, minħabba r-rabtiet li jeżistu bejn l-ewwel sentenza tal-Artikolu 47 tal-Karta u l-Artikolu 13 tal-Konvenzjoni Ewropea għall‑Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali (87), għandha tiġi kkunsidrata l-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-drittijiet tal-bniedem relatata ma’ din l-aħħar dispożizzjoni (88). Issa, minn din il-ġurisprudenza jirriżulta li d-dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti għandu jippermetti lill-partijiet fil-kawża li jużaw drittijiet u libertajiet stabbilita minn din il-konvenzjoni, filwaqt li dan id-dritt jimponi fuq l-Istati obbligu li l-portata tiegħu tvarja skont in-natura tal-ilment tar-rikorrent u li n-natura effettiva tar-rimedju ma tiddependix miċ-ċertezza ta’ deċiżjoni favur il-persuna kkonċernata (89).
80. F’dan il-każ, ninnota li, fil-kuntest tas-sistema l-ġdida Awstrijaka ta’ remunerazzjoni u ta’ avvanz, il-portata tal-istħarriġ materjali li l-qrati nazzjonali kompetenti jistgħu jeżerċitaw fir-rigward tal-“ammont ta’ trasferiment”, li jistabbilixxi l-klassifikazzjoni mill-ġdid tal-membri membri tal-persunal bil-kuntratt ikkonċernati (90), hija mnaqqsa (91). Fil-fatt, dan l-istħarriġ jista’ jsir biss fir-rigward ta’ ineżattezzi li jirriżultaw minn żbalji fil-ġbir tad-data rilevanti (92), u mhux fuq eventwali irregolarità fil‑kalkolu tas-salarju li fuqu huwa bbażat l-imsemmi ammont, kalkolu magħmul abbażi tas-sistema qadima ta’ remunerazzjoni.
81. Madankollu, kif jindikaw kemm il-qorti tar-rinviju kif ukoll il‑Kummissjoni, il-persuni kollha affettwati bir-riforma kkontestata – jiġifieri l-membri tal-persunal bil-kuntratt diġà fis-servizz, irrispettivament minn jekk ġewx vantaġġati jew żvantaġġati bis‑sistema l-qadima – għandhom rimedji li jippermettulhom jistħarrġu l‑legalità tas-sistema li permezz tagħha ġew ittrasferiti lejn is-sistema l‑ġdida ta’ remunerazzjoni u ta’ avvanz (93). Dan l-istħarriġ ġudizzjarju tal‑validità tar-regoli inkwistjoni jista’ jiġi eżerċitat, b’mod partikolari, fir-rigward tar-rekwiżiti tad-dritt tal-Unjoni (94), b’mod li eventwali inkompatibbiltà tar-riforma ma’ dawn ir-rekwiżiti tista’ tiġi żvelata. Il‑kawża prinċipali introdotta (95), li wasslet għal din it-talba għal deċiżjoni preliminari, barra minn hekk turi l-eżistenza u l-effikaċja ta’ dawn ir‑rimedji. Il-persuni kkonċernati għandhom għalhekk il-possibbiltà li jmorru quddiem il-qrati Awstrijaċi sabiex isostnu d-drittijiet li huma għandhom mid-dritt tal-Unjoni, f’ċirkustanzi li, fl-opinjoni tiegħi, huma kompatibbli mal-kontenut imsemmi hawn fuq tad-dritt fundamentali għal rimedju effettiv, fis-sens tal-Artikolu 47 tal-Karta, u li jippermetti, b’mod iktar speċifiku, li jiġu osservati l-obbligi li jirriżultaw mid‑Direttiva 2000/78.
82. Konsegwentement, f’każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi dwar il‑punt c) tal-ewwel domanda, nipproponi li tingħata risposta li l‑Artikolu 47 tal-Karta għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix dispożizzjonijiet nazzjonali bħal dawk imsemmija f’din id-domanda.
E. Dwar il-varjabbiltà tat-teħid inkunsiderazzjoni tal-perijodi ta’ servizz preċedenti (it-tieni domanda)
83. Permezz tal-aħħar domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja, essenzjalment, dwar jekk id-dritt tal-Unjoni – b’mod partikolari, l-Artikolu 45 TFUE, l-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 492/2011 u l-Artikoli 20 u 21 tal-Karta – għandux jiġi interpretat fis‑sens li jopponi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil‑kawża prinċipali, li tipprevedi li l-perijodi ta’ servizz preċedenti ta’ membru tal-persunal bil-kuntratt tas-servizz pubbliku jittieħdu inkunsiderazzjoni, għall-finijiet tal-klassifikazzjoni u l-avvanz ta’ dan il‑membru tal-persunal bil-kuntratt, b’mod differenti skont il-kwalità tal‑ex persuna li timpjegah, jiġifieri b’mod totali, meta dawn is-servizzi ikunu ġew eżerċitati f’kollettività territorjali ta’ Stat Membru taż-ŻEE jew ta’ entità tas-settur pubbliku simili, jew inkella sempliċement parzjalment, fil-każijiet l-oħra (96).
84. Dwar dan is-suġġett, l-ÖGB issostni li leġiżlazzjoni ta’ dan it-tip hija kuntrarja għall-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament bejn iċ‑ċittadini ta’ Stat Membru u dawk ta’ Stati Membri oħra, mingħajr ma tispjega l-elementi li jikkostitwixxu din l-allegata diskriminazzjoni, u tiddikjara li din ma hija ġġustifikata bl-ebda motiv leġittimu. Għall‑kuntrarju, il-Gvern Awstrijak u l-Kummissjoni jsostnu li d-dritt tal‑Unjoni ma jipprekludix tali leġiżlazzjoni. Jiena naqbel ma’ din l‑opinjoni, għar-raġunijiet segwenti.
85. Qabel xejn, fir-rigward tal-“Artikoli 20 et seq. tal-Karta” relatati mal-ugwaljanza fid-dritt u n-nondiskriminazzjoni, li jidhirli li huma intiżi sempliċement bħala kumplimentari għad-dispożizzjonijiet l-oħra ċċitati f’din id-domanda preliminari (97), nirrileva li l-Artikolu 52(2) tal-Karta jipprevedi li d-drittijiet espressament irrikonoxxuti minnha li huma s‑suġġett ta’ dispożizzjonijiet fit-trattati, drittijiet li fosthom hemm il‑moviment liberu tal-ħaddiema stabbilit bl-Artikolu 45 TFUE, huma eżerċitati skont il-kundizzjonijiet u l-limitazzjonijiet iddefiniti minn dawn l-aħħar strumenti. Minn dan isegwi li, sabiex tingħata risposta għad-domanda magħmula, l-analiżi tal-imsemmi Artikolu 45 huwa biżżejjed (98).
86. Sussegwentement, infakkar li l-Artikolu 45(2) TFUE jipprevedi li l-moviment liberu tal-ħaddiema jimplika t-tneħħija ta’ kull diskriminazzjoni, ibbażata fuq in-nazzjonalità, bejn il-ħaddiema tal-Istati Membri, f’dak li jirrigwarda l-impjieg, ir-remunerazzjoni u l‑kundizzjonijiet l-oħra ta’ xogħol. Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal‑Ġustizzja jirriżulta li l-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 492/2011 jikkostitwixxi espressjoni partikolari ta’ din il-projbizzjoni fil-qasam speċifiku tal-kundizzjonijiet ta’ impjieg u ta’ xogħol, b’tali mod li dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet għandhom jiġu interpretati bl-istess mod (99).
87. Kif jispjegaw kemm il-qorti tar-rinviju kif ukoll il-Kummissjoni, il-paragrafu 4 tal-imsemmi Artikolu 45 jipprevedi li d-dispożizzjonijiet ta’ dan tal-aħħar ma humiex applikabbli għall-impjiegi fl‑amministrazzjoni pubblika (100), iżda nikkunsidra li din l-eċċezzjoni ma hijiex effettiva f’dan il-każ, peress li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni ma tillimitax l-aċċess għal tali impjiegi għaċ-ċittadini Awstrijaċi biss u li l‑kawża prinċipali jidhirli li tirrigwarda persuni diġà aċċettati sabiex jeżerċitaw is-servizzi tagħhom fi ħdan l-amministrazzjoni pubblika Awstrijaka (101).
88. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet b’mod stabbilit li l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament stabbilit kemm fl-Artikolu 45 TFUE kif ukoll fl-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 492/2011 jipprojbixxi mhux biss id‑diskriminazzjoni diretta, ibbażati b’mod ċar fuq in-nazzjonalità, iżda wkoll il-forom kollha ta’ diskriminazzjoni indiretta li, skont kriterji oħra ta’ distinzjoni, iwasslu fil-fatt għall-istess riżultat (102).
89. F’dan il-każ, nikkunsidra li l-eżistenza ta’ diskriminazzjoni diretta tista’ faċilment titwarrab, peress li l-leġiżlazzjoni kkontestata ma toħloqx differenza ta’ trattament ibbażata fuq in-nazzjonalità tal‑membri tal‑persunal bil-kuntratt ikkonċernati (103). Fil-fatt, il-perijodi ta’ servizz preċedenti jittieħdu inkunsiderazzjoni b’mod sħiħ jew inkella parzjalment biss mhux skont jekk il-persuni kkonċernati humiex ċittadini Awstrijaċi jew ċittadini barranin, iżda skont jekk dawn il-perijodi ġewx imwettqa fi ħdan waħda mill-entitajiet tas-settur pubbliku elenkati mil-leġiżlatur federali jew ma’ persuna li timpjega ta’ xi kategorija oħra.
90. Fir-rigward tal-eżistenza eventwali ta’ diskriminazzjoni indiretta, infakkar li l-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, minkejja li applikabbli irrispettivament min-nazzjonalità, għandha tiġi kkunsidrata bħala diskriminatorja b’mod indirett, fis-sens tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal‑Unjoni hawn fuq imsemmija, peress li tista’, min-natura tagħha stess, taffettwa iktar lill-ħaddiema migranti milli lill-ħaddiema nazzjonali, bir‑riskju, konsegwentement, li tiżvantaġġa b’mod iktar partikolari lil dawk tal-ewwel, sakemm ma tkunx oġġettivament iġġustifikata u proporzjonata għall-għan li għandu jiġi segwit (104).
91. F’dan il-każ, il-kriterju li abbażi tiegħu ssir id-differenza fit‑trattament ikkontestat jista’ jiġi kklassifikat bħala li huwa dak li jkun magħruf jekk il-membru tal-persunal ikkonċernat eżerċitax l-attivitajiet preċedenti tiegħu, li talab li jiġu kkunsidrati, fis-servizz pubbliku jew fis‑servizz privat, irrispettivament mill-Istat Membru fejn eżerċitahom (105). Issa, nikkunsidra li tali kriterju ta’ distinzjoni, ibbażat fuq in-natura u mhux fuq il-post ta’ dawn l-attivitajiet, ma jistax, fid-dawl tan-newtralità tiegħu fuq livell ġeografiku, jaffettwa iktar lill-ħaddiema ta’ Stati Membri oħra milli lill-ħaddiema Awstrijaċi. Għalhekk ma jistax jiżvantaġġa din l-ewwel kategorija ta’ persuni u joħloq b’hekk diskriminazzjoni indiretta. Inżid li, fir-rigward tal-elementi preċedenti, id-dispożizzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma għandhiex tiġi kkunsidrata bħala li hija analoga għal dik li minnha oriġinat s-sentenza li l-ÖGB tixtieq tinvoka insostenn tal-ilment tagħha li huwa s-suġġett ta’ din id-domanda preliminari (106).
92. Barra minn hekk, peress li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni tipprevedi espressament li l-perijodi ta’ servizz preċedenti fis-settur pubbliku li ġew imwettqa fit-territorju ta’ Stati Membri oħra taż-ŻEE huma kkunsidrati bl-istess mod bħal dawk li twettqu fit-territorju Awstrijak (107), jiena nikkunsidra li, f’dan ir-rigward, ma toħloqx ostakolu għal-libertà ta’ moviment tal-ħaddiema prevista fl-Artikolu 45 TFUE. Fil-fatt, minn naħa waħda, din il-leġiżlazzjoni ma tostakolax id-dħul ta’ ħaddiema li ġejjin minn Stati Membri oħra fis-servizz pubbliku Awstrijak, peress li l‑anzjanità tagħhom hija kkunsidrati bl-istess mod bħall-ħaddiema Awstrijaċi u, min-naħa l-oħra, l-imsemmija leġiżlazzjoni ma għandhiex l‑effett li ttellef jew tiddiswadi lill-ħaddiema Awstrijaċi milli jintegraw fis‑suq tax-xogħol ta’ Stat Membru ieħor (108).
93. B’mod sussidjarju, fil-każ fejn il-Qorti tal-Ġustizzja madankollu tiddeċiedi li hemm diskriminazzjoni indiretta jew li hemm ostakolu fir‑rigward ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik applikabbli għall-kawża prinċipali, infakkar li hija ġurisprudenza stabbilita, minn naħa waħda, li nuqqas ta’ ugwaljanza ta’ trattament indirettament ibbażata fuq in‑nazzjonalità ma hijiex ipprojbita sakemm tkun oġġettivament iġġustifikata u proporzjonata mal-għan li għandu jiġi segwit u, min-naħa l-oħra, li ostakolu għall-moviment liberu tal-ħaddiema jista’ jiġi wkoll iddikjarat kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni fl-istess ċirkustanzi (109).
94. Fl-opinjoni tiegħi, tali leġiżlazzjoni, tista’ tkun debitament iġġustifikata permezz ta’ għan leġittimu li għandu jiġi segwit. Fil-fatt, kif il-Gvern Awstrijak jinvoka, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà aċċettat b’mod ripetut li l-fatt li tiġi kkumpensata l-esperjenza miksuba fis-settur ikkonċernat, li tpoġġi lill-ħaddiem f’pożizzjoni li jwettaq b’mod aħjar il‑funzjonijiet tiegħu, jikkostitwixxi għan leġittimu ta’ politika ta’ remunerazzjoni, li minnu jirriżulta li l-persuni li jimpjegaw huma, bħala regola, (110), liberi li jikkunsidraw biss tali perijodi ta’ servizz imwettqa preċedentement meta jistabbilixxu salarju (111). Għalhekk, fl‑opinjoni tiegħi, huwa konformi mad-dritt tal-Unjoni li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni hawnhekk għandha bħala effett li tiffavorixxi b’mod speċifiku l‑esperjenza professjonali miksuba fis-settur pubbliku meta mqabbla ma’ dik miksuba fis-settur privat, sabiex tiġi stabbilita l-klassifikazzjoni fl‑iskali u, għalhekk, is-salarju tal-membri tal-persunal bil-kuntratt tas‑servizz pubbliku.
95. F’dak li jirrigwarda l-proporzjonalità tal-miżuri adottati mil‑leġiżlatur Awstrijak, sempliċement nindika – dejjem b’mod sussidjarju –, minn naħa waħda, li l-Istati Membri għandhom marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ fid-definizzjoni tal-miżuri li jistgħu iwasslu għat‑twettiq ta’ għan li huma stabbilixxew fil-qasam ta’ politika soċjali u tal-impjieg (112) u, min-naħa l-oħra, li ma jidhirlix li miżuri ta’ tali tip jistgħu ma jkunux adattati jew imorru lil hinn minn dak li huwa meħtieġ (113) sabiex jintlaħaq l-għan leġittimu hawn fuq imsemmi (114).
96. Konsegwentement, nipproponi li r-risposta għall-aħħar domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju tkun li l-Artikolu 45 TFUE u l‑Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 492/2011 għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux li leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi li, għall-finijiet tal-klassifikazzjoni u tal-avvanz ta’ membru tal-persunal bil-kuntratt fis-servizz pubbliku, jittieħdu inkunsiderazzjoni biss il‑perijodi ta’ servizz preċedenti li huwa jkun wettaq fis-servizz ta’ kollettività territorjali ta’ Stat Membru taż-ŻEE u ta’ entitajiet simili oħra tas-settur pubbliku.
V. Konklużjoni
97. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja li tirrispondi għad-domandi preliminari magħmula mill‑Oberster Gerichtshof (il-Qorti Suprema, Awstrija) bil-mod segwenti:
1) L-Artikoli 2 u 6 tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE, tas‑27 ta’ Novembru 2000, li tistabbilixxi qafas ġenerali għall‑ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li, sabiex jiġu kkunsidrati perijodi ta’ servizz imwettqa qabel l-età ta’ 18-il sena, tissostitwixxi sistema ta’ remunerazzjoni kkunsidrata diskriminatorja minħabba l-età b’sistema ġdida ta’ remunerazzjoni, iżda tipprevedi li t-trasferiment lejn din tal-aħħar tal-persuni kollha diġà fis-servizz isir billi l-ewwel klassifikazzjoni tagħhom f’din is‑sistema l-ġdida tiġi stabbilita abbażi ta’ salarju mħallas għal xahar partikolari u kkalkolat skont is-sistema l-qadima, b’tali mod d-diskriminazzjoni bbażata fuq l-età tinżamm fl-effetti finanzjarji tagħha.
2) L-Artikolu 16 tad-Direttiva 2000/78 għandu jiġi interpretat fis-sens li, f’każ bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fejn sistema li tneħħi d-diskriminazzjoni bbażata fuq l-età b’mod konformi għal dak li tipprevedi din id-direttiva għadha ma ġietx adottata, sabiex ikun hemm mill-ġdid ugwaljanza fit-trattament il-persuni żvantaġġati mis-sistema preċedenti għandhom jingħataw l-istess benefiċċji bħal dawk li minnhom setgħu jibbenefikaw il-persuni vantaġġati minn din is-sistema, f’dak li jirrigwarda mhux biss it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ perijodi ta’ servizz imwettqa qabel l-età ta’ 18-il sena, iżda wkoll l-avvanz fl-iskala tas-salarji.
3) L-Artikolu 45 TFUE u l-Artikolu 7(1) tar-Regolament (UE) Nru 492/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal‑5 ta’ April 2011, dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema fi ħdan l-Unjoni, għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux li leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi li, għall-finijiet tal‑klassifikazzjoni u tal-avvanz tal-membri tal-persunal bil‑kuntratt tas-servizz pubbliku, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni b’mod totali l-perijodi ta’ servizz preċedenti li l‑persuni kkonċernati jkunu wettqu fis-servizz ta’ kollettività territorjali ta’ Stat Membru taż-Żona Ekonomika Ewropea jew ta’ entitajiet simili oħra tas-settur pubbliku biss, filwaqt li dawn il‑perijodi jiġu kkunsidrati biss b’mod parzjali fil-każijiet l-oħra.