Language of document :

Appell ippreżentat fl-24 ta’ Settembru 2018 minn Nexans France, Nexans mis-sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla) fit-12 ta’ Lulju 2018 fil-Kawża T-449/14: Nexans France u Nexans vs Il-Kummissjoni

(Kawża C-606/18 P)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Appellanti: Nexans France, Nexans (rappreżentanti: G. Forwood, advocate, M. Powell, A. Rogers, Solicitors)

Parti oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

L-appellanti jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tat-12 ta’ Lulju 2018 fil-kawża Nexans France u Nexans vs Il-Kummissjoni (Kawża T‑449/14, EU:T:2018:456);

tibgħat il-kawża lura lill-Qorti Ġenerali sabiex tieħu deċiżjoni fuq l-azzjoni tagħha għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata sa fejn tikkonċerna lill-apellanti;

tnaqqas il-multi imposti fuq l-appellanti b’ammont li jikkorrispondi għall-fattur ta’ gravita mnaqqas; u

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż tal-appell u tal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali.

Aggravji u argumenti prinċipali

L-ewwel aggravju bbażat fuq żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni tal-Artikolu 20(2)(b) u (c) tar-Regolament 1/20031 fir-rigward tal-ikkupjar ta’ data elettronika mhux eżaminata, peress li l-ikkupjar ta’ data elettronika mhux eżaminata kienet taqa’ barra mis-setgħat tal-Kummissjoni;

It-tieni aggravju bbażat fuq żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni tal-Artikolu 20(2) tar-Regolament 1/2003 fir-rigward tal-ispezzjoni kontinwata fil-bini tal-Kummissjoni fi Brussell, peress li s-setgħat tal-Kummissjoni taħt dik id-dispożizzjoni huma llimitati għall-bini tal-impriżi inkwistjoni;

It-tielet aggravju bbażat fuq żball ta’ liġi meta ġie kkonstatat li l-Kummissjoni ma marritx lil hinn mil-limiti tad-deċiżjoni ta’ spezzjoni, peress li d-deċiżjoni ta’ spezzjoni għandha tinftihem korrettament li tispeċifika li l-ispezzjoni setgħet isseħħ biss fil-bini kollu kkontrollat mill-appellanti;

Ir-raba’ aggravju bbażat fuq żball ta’ liġi fir-rigward tan-nuqqas ta’ effetti tal-ksur, peress li l-Qorti Ġenerali naqset milli teżerċita l-kompetenza illimitata tagħha taħt l-Artikolu 261 TFUE u l-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1/2003, u naqset milli hija stess tnaqqas il-fattur ta’ gravità sabiex tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li l-parti l-kbira tal-bejgħ kopert mid-deċiżjoni kkontestata kienet fil-fatt mhux affettwata mill-ksur; u

Il-ħames aggravju bbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni u nuqqas ta’ raġjonevolezza fir-rigward tat-2% żieda addizzjonali għall-“konfigurazzjoni Ewropea”, peress li ebda raġunijiet ma tressqu għala l-konfigurazzjoni Ewropea kkawżat distorsjoni addizzjonali tal-kompetizzjoni fiż-ŻEE għall-konfigurazzjoni Ewropa-Ażja.

____________

1 Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas-16 Diċembru 2002 fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205).