Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Cour de cassation (il-Belġju) fil-11 ta’ Jannar 2019 – État belge vs Pantochim SA, fi stralċ

(Kawża C-19/19)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Qorti tar-rinviju

Cour de cassation

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: État belge

Konvenuta: Pantochim SA, fi stralċ

Domandi preliminari

Id-dispożizzjoni li l-kreditu li huwa s-suġġett ta’ talba għal irkupru “għand[u] [j]iġi ttrattat[…] bħala talba [kreditu] ta’ l-Istat Membru li fih l-awtorità mitluba tkun tinsab”, kif huwa previst fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 6, tad-Direttiva tal-Kunsill 2008/55/KE tas-26 ta’ Mejju 2008 dwar l-assistenza reċiproka għall-irkupru ta’ talbiet rigward ċerti imposti, dazji, taxxi u miżuri oħra 1 , li jissostitwixxi l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 76/308/KEE tal-15 ta’ Marzu 1976 dwar l-assistenza bejn xulxin għall-irkupru ta’ pretensjonijiet relatati ma’ ċerti imposti, dazji, taxxi u miżuri oħra 2 , għandha tinftiehem fis-sens li l-kreditu tal-Istat li jagħmel it-talba għandu jiġi assimilat għal dak tal-Istat li lilu ssir it-talba b’tali mod li l-kreditu tal-Istat li jagħmel it-talba jikseb il-kwalità ta’ kreditu tal-Istat li lilu ssir it-talba?

It-terminu “privileġġ” imsemmi fl-Artikolu 10 tad-Direttiva tal-Kunsill 2008/55/KE tas-26 ta’ Mejju 2008 u, qabel il-kodifikazzjoni, mill-Artikolu 10 tad-Direttiva tal-Kunsill 76/308/KEE tal-15 ta’ Marzu 1976 għandu jinftiehem bħala d-dritt preferenzjali marbut mal-kreditu li jagħtih dritt ta’ prijorità fuq il-krediti l-oħra fil-każ ta’ kompetizzjoni, jew bħala kwalunkwe mekkaniżmu li għandu bħala effett li jwassal, fil-każ ta’ kompetizzjoni, għal ħlas preferenzjali tal-kreditu?

Il-fakultà li għandu l-uffiċċju tat-tassazzjoni li jagħti kumpens fil-każ ta’ kompetizzjoni, taħt il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 334 tal-Liġi-Programm tas-27 ta’ Novembru 2004, għandha titqies bħala privileġġ fis-sens tal-Artikolu 10 tad-direttivi ċċitata iktar ’il fuq?

____________

1     ĠU L 150, p. 28.

2     ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 1, p. 44. Id-Direttiva 2008/55/KE tindika (nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 3) li t-titolu oriġinali tad-Direttiva 76/308/KEE ġie emendat permezz tad-Direttiva 79/1071/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 1, p. 299), tad-Direttiva 92/12/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 179, rettifika fil-ĠU 2015, L 210, p. 39) u tad-Direttiva 2001/44/KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 12, p. 27).