Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Curtea de Apel Pitești (ir-Rumanija) fit-18 ta’ Frar 2019 – Asociaţia “Forumul Judecătorilor din România”, Asociaţia “Mişcarea pentru Apărarea Statutului Procurorilor” vs Consiliul Superior al Magistraturii

(Kawża C-127/19)

Lingwa tal-kawża: ir-Rumen

Qorti tar-rinviju

Curtea de Apel Pitești

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Asociația “Forumul Judecătorilor din România” u Asociația “Mișcarea pentru Apărarea Statutului Procurorilor”

Konvenut: Consiliul Superior al Magistraturii

Domandi preliminari

Il-mekkaniżmu ta’ kooperazzjoni u ta’ verifika (MKV), stabbilit bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/928/KE tat-13 ta’ Diċembru 2006 1 , għandu jitqies bħala att meħud minn istituzzjoni tal-Unjoni, fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE, li jista’ jiġi suġġett għall-interpretazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea?

Il-kontenut, in-natura u t-tul ratione temporis tal-mekkaniżmu ta’ kooperazzjoni u ta’ verifika (MKV), stabbilit bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/928/KE tat-13 ta’ Diċembru 2006, jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tat-Trattat ta’ Adeżjoni tar-Repubblika tal-Bulgarija u tar-Rumanija mal-Unjoni Ewropea, iffirmat mir-Rumanija fil-Lussemburgu fil-25 ta’ April 2005? Ir-rekwiżiti fformulati fir-rapporti stabbiliti fil-kuntest ta’ dan il-mekkaniżmu għandhom natura obbligatorja għar-Rumanija?

L-Artikolu 2, moqri flimkien mal-Artikolu 4(3) TUE, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-obbligu għar-Rumanija li tosserva r-rekwiżiti imposti mir-rapporti stabbiliti fil-kuntest tal-mekkaniżmu ta’ kooperazzjoni u ta’ verifika (MKV), stabbilit bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/928/KE tat-13 ta’ Diċembru 2006, jaqa’ taħt l-obbligu tal-Istat Membru li josserva l-prinċipji tal-Istat tad-dritt?

L-Artikolu 2 TUE, b’mod partikolari l-obbligu li jiġu osservati l-valuri tal-Istat tad-dritt, jipprekudi leġiżlazzjoni li permezz tagħha tinħoloq u tiġi organizzata t-taqsima inkarigata mill-investigazzjonijiet dwar il-ksur imwettaq fi ħdan is-sistema ġudizzjarja, fil-kuntest tal-uffiċċju tal-prosekuzzjoni mal-Înalta Curte de Casație și Justiție (il-Qorti Għolja tal-Kassazzjoni u tal-Ġustizzja, ir-Rumanija), minħabba l-possibbiltà li tiġi eżerċitata pressjoni indiretta fuq il-ġudikatura?    

Il-prinċipju ta indipendenza tal-Imħallfin, stabbilit fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE u fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, kif interpretat mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (sentenza tas-27 ta’ Frar 2018, Associação Sindical dos Juízes Portugueses, C-64/16, EU:C:2018:117), jipprekludi l-ħolqien tat-taqsima inkarigata mill-investigazzjonijiet dwar il-ksur imwettaq fi ħdan is-sistema ġudizzjarja, fil-kuntest tal-uffiċċju tal-prosekuzzjoni mal-Înalta Curte de Casație și Justiție (il-Qorti Għolja tal-Kassazzjoni u tal-Ġustizzja), fir-rigward tal-modalitajiet ta’ ħatra/tneħħija ta’ prosekuturi li jagħmlu parti minn din it-taqsima, tal-modalitajiet ta’ eżerċizzju tal-funzjonijiet fil-kuntest tagħha kif ukoll tal-mod kif il-kompetenza hija stabbilita, b’rabta man-numru mnaqqas ta’ pożizzjonijiet fil-kuntest ta’ din it-taqsima?

____________

1     Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta’ Diċembru 2006 dwar it-twaqqif ta’ mekkaniżmu għall-kooperazzjoni u l-verfika tal-progress fir-Rumanija sabiex jiġu indirizzati punti ta’ riferiment speċifiċi fl-oqsma tar-riforma ġudizzjarja u tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni (ĠU 2006, L 142M, p. 825).