Language of document :

Sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku (L-Ewwel Awla) tat-2 ta' Ottubru 2012 - Psarras vs ENISA

(Kawża F-118/10) 

(Servizz Pubbliku - Assenjazzjoni - Assenjazzjoni mill-ġdid - Interess tas-servizz - Leave għal raġunijiet personali)

Lingwa tal-kawża: Il-Franċiż

Partijiet

Rikorrent: Aristidis Psarras (Héraklion, il-Greċja) (rappreżentanti: inizjalment É. Boigelot u S. Woog, avukati, sussegwentement É. Boigelot, avukat)

Konvenuta: Aġenzija Ewropea dwar is-Sigurtà tan-Networks u l-Informazzjoni (rappreżentanti: E. Maurage, aġent, assistit minn D. Waelbroeck u A. Duron, avukati)

Suġġett

Servizz pubbliku - Minn naħa, talba għall-annullament tad-deċiżjoni li r-rikorrent jitneħħa mill-kariga tiegħu ta' kontabbli tal-Aġenzija u li tinħatar persuna oħra sabiex taqdi din il-kariga. Min-naħa l-oħra, talba sabiex ir-rikorrent jitħallas somma bħala kumpens għad-dannu subit minħabba l-atti kkontestati u minħabba l-fastidju li huwa jallega li subixxa.

Dispożittiv

Id-deċiżjoni tas-7 ta' Frar 2010 tal-Bord ta' Ġestjoni tal-Aġenzija Ewropea dwar is-Sigurtà tan-Networks u l-Informazzjoni li ttemm, b'effett immedjat, is-servizzi ta' A. Psarras bħala kontabbli u li taħtar lil X, membru tal-persunal tal-baġit, fil-pożizzjoni ta' kontabbli għal żmien indeterminat, kif ukoll id-deċiżjoni tal-1 ta' Marzu 2010 adottata konsegwentement mid-Direttur Eżekuttiv u li tassenja mill-ġdid f'funzjonijiet ġodda lil A. Psarras, huma annullati.

Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

L-Aġenzija Ewropea dwar is-Sigurtà tan-Networks u l-Informazzjoni għandha tbati l-ispejjeż tagħha u hija kkundannata għall-ispejjeż sostnuti minn A. Psarras.

____________

1 - ĠU C 63, 26.02.2011, p. 34.