Language of document :

Appell ippreżentat fil-15 ta’ Frar 2019 minn Edison SpA mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (It-Tielet Awla) fis-7 ta’ Diċembru 2018 fil-Kawża T-471/17, Edison vs EUIPO

(Kawża C-121/19 P)

Lingwa tal-kawża: it-Taljan

Partijiet

Appellanti: Edison SpA (rappreżentanti: D. Martucci, F. Boscariol de Roberto, avukati)

Parti oħra fil-proċedura: L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea

Talbiet

L-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

prinċipalment, tannulla s-sentenza appellata, tagħti deċiżjoni definittiva fuq il-kawża u tilqa’ r-rikors, billi tiddikjara li l-“Energia Elettrica” taqa’ taħt il-klassi 4 tat-tmien edizzjoni tal-Klassifikazzjoni ta’ Nice u konsegwentement tikkonferma li t-trade mark Nru 003315991 li hija proprjetà ta’ Edison S.p.A. tkopri, inter alia, l-“Energia Elettrica”;

sussidjarjament, tannulla s-sentenza appellata u tirrinvijja l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali;

fi kwalunkwe każ, tikkundanna lill-EUIPO għall-ispejjeż.

Aggravji u argumenti prinċipali

1.    Il-Qorti Ġenerali żbaljat meta ddikjarat li l-prova tan-nuqqas ta’ inklużjoni tal-enerġija elettrika fis-sinifikat komuni u ordinarju tat-titoli kif previst fil-klassi 4 tat-tmien edizzjoni tal-Klassifikazzjoni ta’ Nice tirriżulta mill-indikazzjoni tal-prodott tal-enerġija elettrika fil-Grey-list żviluppata mill-EUIPO għall-preżentazzjoni tad-dikjarazzjonijiet fis-sens tal-Artikolu 28(8) tar-Regolament dwar it-trademark tal-Unjoni Ewropea (punti 41, 46 u 54). Fl-ewwel lok, l-iżball ta’ liġi jirriżulta mill-fatt li t-talba ta’ limitazzjoni tar-rikorrenti tressqet fil-15 ta’ Ġunju 2015, filwaqt li d-dokument li tagħmel riferiment għalih l-EUIPO ġie żviluppat bl-Avviż Nru 1/2016 tat-8 ta’ Frar 2016. Fit-tieni lok, tikkostitwixxi wkoll żball ta’ liġi l-preżunzjoni li l-esklużjoni ta’ terminu mill-Grey-list hija prova peress din ma hija xejn iktar ħlief kumpless ta’ interpretazzjoni mhux vinkolanti.

2.    Il-Qorti Ġenerali ddeċidiet b’mod żbaljat li jistgħu biss jitqiesu “illuminants” dawk il-prodotti tanġibbli li per se jipproduċu d-dawl b’mod spontanju. L-iżball ta’ liġi jikkonsisti fil-fatt li huma l-awtoritajiet kompetenti u l-operaturi ekonomiċi li jikklassifikaw il-prodotti skont il-funzjoni tagħhom ta’ illuminazzjoni, u b’hekk jikklassifikaw liema minnhom jiġġeneraw dawl u profitt, irrispettivament mill-korporjetà fis-sens tipikament fiżiku tal-prodott.

3.    Il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi peress li billi tindika li “fuel” jinkludi wkoll il-kombustibbli għall-magni huwa ċar li t-terminu “fuel” għandhu jinftiehem b’mod tant ampju li jinkludi prodotti li min-natura tagħhom ma jidderminawx l-attivazzjoni tal-magni permezz tal-kombustjoni nnifisha, bħall-elettriku.

4.    Il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ interpretazzjoni meta qieset li l-enerġija elettrika ma hijex inkluża f’“motor fuel”, u b’hekk warrbet kompletament il-karatteristiċi funzjonali.

5.    Il-Qorti Ġenerali wettqet żball manifest ta’ liġi meta ddeċidet li l-provi prodotti mir-rikorrenti ma kinux suffiċjenti sabiex juru l-inklużjoni tal-enerġija fil-klassi 4.

6.    Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali bbażat id-deċiżjoni tagħha ukoll fuq id-dokumento 1 ippreżentat mill-EUIPO filwat li ddikjarat li d-dokument kien ta’ Awwissu 2003 minkejja li kien ċar li d-dokument kienet datat Ġunju 2003.

7.    Il-Qorti Ġenerali sempliċiment approvat sitwazzjoni legali u deċiżjonijiet li ma humiex immotivati, minkejja l-ammissjoni ta’ provi prodotti mir-rikorrenti u mill-EUIPO. Li jiġi kkonfermat li kien hemm fiċ-ċrikulazzjoni vetturi elettriċi u li jiġi nnegat li l-operaturi ekonomiċi (jiġifieri l-istess produttori ta’ dawk il-vetturi) kienu jqisu l-enerġija elettrika bħala karburant, minkejja li alternattiv, jkun kontra kull loġika, u jirrendi mingħajr motivazzjoni d-deċiżjonijiet tal-EUIPO u tal-Qorti Ġenerali.

____________