Language of document : ECLI:EU:F:2012:178

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU
TAL-UNJONI EWROPEA

(It-Tieni Awla)

11 ta’ Diċembru 2012

Kawża F‑65/10

José Manuel Mata Blanco

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Servizz pubbliku — Kompetizzjoni interna COM/INT/OLAF/09/AD 10 — Ġlieda kontra l-frodi — Kompetenzi rispettivi tal-EPSO u tal-Bord tal-Għażla — Testijiet ta’ aċċess sorveljat mill-Bord tal-Għażla — Eżami orali — Ksur tal-avviż ta’ kompetizzjoni — Differenzi fil-marki — Kriterji ta’ evalwazzjoni — Ugwaljanza fit-trattament tal-kandidati — Żball manifest ta’ evalwazzjoni — Prinċipji ta’ trasparenza u ta’ amministrazzjoni tajba — Obbligu ta’ motivazzjoni”

Suġġett: Rikors, ippreżentat skont l-Artikolu 270 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEEA abbażi tal-Artikolu 106a tiegħu, li bih J. M. Mata Blanco jitlob, essenzjalment, l-annullament tad-deċiżjoni tal-Bord tal-Għażla tal-kompetizzjoni interna COM/INT/OLAF/09/AD 10 tal-11 ta’ Mejju 2010, li tikkonferma, wara eżami mill-ġdid, id-deċiżjoni tiegħu tad-9 ta’ Marzu 2010 li ismu ma jitniżżilx fil-lista ta’ riżerva.

Deċiżjoni: Ir-rikors huwa miċħud. Ir-rikorrent għandu jbati l-ispejjeż tiegħu u huwa kkundannat ibati l-ispejjeż tal-Kummissjoni.

Sommarju

1.      Uffiċjali — Kompetizzjoni — Żvolġiment tal-kompetizzjoni — Tqassim tal-kompetenzi bejn l-Uffiċċju Ewropew għas-Selezzjoni tal-Persunal (EPSO) u l-Bord tal-Għażla — Test ta’ aċċess — Kontroll preliminari tal-eliġibbiltà tal-kandidati mill-Bord tal-Għażla

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 30(1); Anness III, Artikolu 5 u 7)

2.      Uffiċjali — Kompetizzjoni — Kompetizzjoni bbażata fuq kwalifiki u eżamijiet — Kontenut tal-eżamijiet u implementazzjoni tal-kriterji ta’ evalwazzjoni u tal-piż tagħhom — Setgħa diskrezzjonali tal-Bord tal-Għażla — Stħarriġ ġudizzjarju — Limiti

(Regolamenti tal-Persunal, Anness III)

3.      Uffiċjali — Kompetizzjoni — Bord tal-Għażla — Osservanza tas-sigriet tax-xogħlijiet — Kamp ta’ applikazzjoni — Kriterji ta’ korrezzjoni tal-eżamijiet bil-miktub u parametri ta’ evalwazzjoni tal-eżamijiet orali — Inklużjoni

(Regolamenti tal-Persunal, Anness III, Artikolu 6)

4.      Uffiċjali — Kompetizzjoni — Kompetizzjoni bbażata fuq kwalifiki u eżamijiet — Żvolġiment tal-eżamijiet — Dati u kontenut differenti tal-eżamijiet orali — Ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament — Assenza

5.      Uffiċjali — Kompetizzjoni — Kompetizzjoni bbażata fuq kwalifiki u eżamijiet — Evalwazzjoni tal-kompetenzi tal-kandidati — Setgħa diskrezzjonali tal-Bord tal-Għażla — Stħarriġ ġudizzjarju — Limiti

(Regolamenti tal-Persunal, Anness III)

6.      Uffiċjali — Kompetizzjoni — Bord tal-Għażla — Ċaħda ta’ kandidatura — Obbligu ta’ motivazzjoni — Portata — Osservanza tas-sigriet tax-xogħlijiet

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 25; Anness III, Artikolu 6)

1.      Ma jistax jitqies li l-ewwel fażi ta’ kompetizzjoni, jiġifieri dik tal-preselezzjoni bbażata fuq testijiet ta’ aċċess, ġiet organizzata biss mill-Uffiċċju Ewropew għas-Selezzjoni tal-Persunal u fin-nuqqas totali tal-Bord tal-Għażla, sa fejn ikunu ġew mistiedna għat-testijiet ta’ aċċess għall-kompetizzjoni msemmija l-kandidati kollha li, wara kontroll preliminari ta’ eliġibbiltà mwettaq mill-Bord tal-Għażla, kienu jissodisfaw il-kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà tal-avviż ta’ kompetizzjoni. Fil-fatt, meta għamel il-kontroll preliminari ta’ eliġibbiltà tal-kandidati li jistgħu jiġu ammessi għat-testijiet ta’ aċċess, il-Bord tal-Għażla kien f’pożizzjoni li jissorvelja, sa mill-bidu tal-proċedura ta’ għażla, l-eżamijiet kollha tal-kompetizzjoni.

(ara l-punt 31)

2.      Madankollu, il-Bord tal-Għażla tal-kompetizzjoni, li għandu setgħa diskrezzjonali wiesa’ fir-rigward tal-metodi u tal-kontenut dettaljat tal-eżamijiet maħsuba fil-qafas ta’ kompetizzjoni, huwa marbut mill-kliem tal-avviż ta’ kompetizzjoni. Il-qorti tal-Unjoni tista’ biss tikkritika l-kontenut tal-eżamijiet jekk dan ma jkunx jagħmel parti mill-qafas indikat fl-avviż ta’ kompetizzjoni jew ma jkunx jikkorrispondi għall-finalità tal-eżami jew tal-kompetizzjoni. Isegwi li l-Bord tal-Għażla għandu setgħa diskrezzjonali wiesa’ fir-rigward tal-kwistjoni jekk il-kriterji ta’ evalwazzjoni indikati fl-avviż ta’ kompetizzjoni humiex preċiżi biżżejjed biex jippermettulu jissodisfa l-inkarigu tiegħu jew jekk huwiex neċessarju li jiġu ffissati, qabel l-eżamijiet, kriterji iktar dettaljati. Barra minn hekk, huwa mixtieq ukoll li dan, meta l-avviż ta’ kompetizzjoni ma jipprevedix kriterji ta’ evalwazzjoni, jiffissa tali kriterji jew, meta l-avviż ta’ kompetizzjoni jipprevedihom iżda madankollu mingħajr ma jsemmi xejn dwar il-piż rispettiv tagħhom, li jiddetermina dan tal-aħħar. It-Tribunal ma jistax jinvalida deċiżjoni adottata minn Bord tal-Għażla ta’ kompetizzjoni fl-eżerċizzju ta’ din is-setgħa diskrezzjonali, ħlief sa fejn ikun neċessarju biex tiġi żgurata l-ugwaljanza fit-trattament tal-kandidati.

(ara l-punti 46, 47 u 55)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 14 ta’ Lulju 1995, Pimley-Smith vs Il-Kummissjoni, T‑291/94, punt 48; 5 ta’ April 2005, Christensen vs Il-Kummissjoni, T‑336/02, punti 85 u 94

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 8 ta’ Lulju 2010, Wybranowski vs Il-Kummissjoni, F‑17/08, punt 32, u l-ġurisprudenza ċċitata

3.      Il-kriterji ta’ korrezzjoni tal-eżamijiet bil-miktub, adottati mill-Bord tal-Għażla ta’ kompetizzjoni qabel l-eżamijiet imsemmija, jifformaw parti sħiħa mill-evalwazzjonijiet ta’ natura komparattiva li jwettaq il-Bord tal-Għażla ta’ kompetizzjoni fuq il-merti rispettivi tal-kandidati. Dawn il-kriterji huma intiżi biex jiżguraw, fl-interess ta’ dawn tal-aħħar, ċerta konsistenza fl-evalwazzjonijiet tal-Bord tal-Għażla, b’mod partikolari meta n-numru ta’ kandidati jkun għoli, u dawn huma koperti mis-sigriet tad-deliberazzjonijiet, l-istess bħall-evalwazzjonijiet tal-Bord tal-Għażla. L-istess raġunament għandu jiġi applikat għall-parametri adottati mill-Bord tal-Għażla, qabel l-eżami orali, biex dan ikun jista’ jevalwa l-kriterji ta’ evalwazzjoni differenti, iffissati mill-avviż ta’ kompetizzjoni, tal-eżami msemmi.

Isegwi li l-parametri ta’ evalwazzjoni ffissati mill-Bord tal-Għażla għall-evalwazzjoni tar-risposti mogħtija fl-eżami orali, bħall-koerenza interna tar-risposti msemmija u l-istrutturazzjoni tal-argumentazzjoni, ma jistgħux, evidentement, jissemmew fl-avviż ta’ kompetizzjoni.

(ara l-punti 68 u 69)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 4 ta’ Lulju 1996, Il-Parlament vs Innamorati, C‑254/95 P, punt 29

4.      Għalkemm il-prinċipju ta’ ugwaljanza jimponi li l-eżamijiet bil-miktub isiru fl-istess data għall-kandidati kollha, tali kundizzjoni ma tistax tiġi imposta għall-eżamijiet orali li, min-natura tagħhom, ma jistgħux iseħħu fl-istess mument għall-kandidati kollha u li, barra minn hekk, mhux neċessarjament ikollhom l-istess kontenut għall-kandidati kollha.

F’dan ir-rigward, il-fatt li l-iżvolġiment tal-eżamijiet orali estenda fuq għaxart ijiem ta’ xogħol u li, matul erbat ijiem ta’ xogħol ma seħħ ebda eżami orali, ma jistax jikkostitwixxi ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament tal-kandidati. Fil-fatt, differenza ta’ erbat ijiem ta’ xogħol biex jiġi ppreparat l-eżami orali ta’ kompetizzjoni li kienet ġiet ippubblikata kważi għaxar xhur qabel ma saru l-eżamijiet orali, u li kienet indirizzata lil persuni li kellu jkollhom mill-inqas ħmistax-il sena esperjenza professjonali f’funzjonijiet ikkonċernati hija negliġibbli. Konsegwentement, il-fatt li ġie msejjaħ mal-ewwel biex jagħmel l-eżami orali u li kellu ftit ġranet ta’ preparazzjoni inqas mill-kandidati msejħa ulterjorment ma huwiex ta’ natura li jiżvantaġġja lil kandidat meta mqabbel ma’ dawn il-kandidati l-oħra bi ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

(ara l-punti 83 u 85)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 16 ta’ Ottubru 1990, Gallone vs Il-Kunsill, T‑132/89, punt 36

5.      L-evalwazzjonijiet magħmula minn Bord tal-Għażla ta’ kompetizzjoni meta jevalwa l-konoxxenzi u l-kompetenzi tal-kandidati huma ta’ natura komparattiva. Issa, dawn l-evalwazzjonijiet, kif ukoll id-deċiżjonijiet li permezz tagħhom il-Bord tal-Għażla jikkonstata li kandidat ma jkunx għadda minn eżami, jikkostitwixxu l-espressjoni ta’ deċiżjoni ta’ valur fir-rigward tal-prestazzjoni tal-kandidat waqt l-eżami, li jifformaw parti mis-setgħa diskrezzjonali wiesgħa li għandu l-Bord tal-Għażla u jistgħu jiġu suġġetti għall-istħarriġ tal-qorti tal-Unjoni biss f’każ ta’ ksur tar-regoli li jirregolaw ix-xogħlijiet tal-Bord tal-Għażla.

B’hekk, fil-qasam tar-reklutaġġ permezz ta’ kompetizzjoni, l-istħarriġ tal-qorti tal-Unjoni huwa limitat għall-eżami tar-regolarità tal-proċeduri użati mill-amministrazzjoni, għall-verifika tal-eżattezza materjali tal-fatti li l-amministrazzjoni bbażat ruħha fuqhom biex tadotta d-deċiżjoni tagħha u, finalment, għall-konstatazzjoni ta’ nuqqas ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni, ta’ żball ta’ liġi u ta’ użu ħażin ta’ poter li jistgħu jivvizzjaw lid-deċiżjoni amministrattiva.

(ara l-punti 93 u 94)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 23 ta’ Jannar 2003, Angioli vs Il-Kummissjoni, T‑53/00, punti 91 u 92

6.      L-obbligu ta’ motivazzjoni ta’ deċiżjoni li tikkawża preġudizzju għandu l-għan, minn naħa, li jipprovdi lill-persuna kkonċernata bl-indikazzjonijiet meħtieġa sabiex tkun taf jekk id-deċiżjoni hijiex fondata jew le u, min-naħa l-oħra, li jagħmel possibbli l-istħarriġ ġudizzjarju tagħha. Madankollu, f’dak li jikkonċerna d-deċiżjonijiet adottati minn Bord tal-Għażla ta’ kompetizzjoni, dan l-obbligu għandu jiġi rrikonċiljat mal-osservanza tas-sigriet tax-xogħlijiet tal-Bord tal-Għażla skont l-Artikolu 6 tal-Anness III tar-Regolamenti tal-Persunal. L-osservanza ta’ din is-segretezza tipprekludi kemm l-iżvelar tal-pożizzjonijiet adottati mill-membri individwali tal-Bord tal-Għażla kif ukoll l-iżvelar ta’ kull element marbut mal-evalwazzjonijiet ta’ natura personali jew komparattiva fir-rigward tal-kandidati. Ir-rekwiżit ta’ motivazzjoni tad-deċiżjonijiet ta’ Bord tal-Għażla ta’ kompetizzjoni għandu, f’dawn iċ-ċirkustanzi, jieħu inkunsiderazzjoni n-natura tax-xogħlijiet inkwistjoni li jinvolvu, b’mod ġenerali, mill-inqas żewġ stadji distinti, jiġifieri, l-ewwel stadju, li jikkonsisti fl-eżami tal-kandidaturi biex jintgħażlu l-kandidati ammessi biex jipparteċipaw fil-kompetizzjoni u t-tieni stadju, li jikkonsisti fl-eżami tal-kompetenzi tal-kandidati għall-pożizzjoni li għandha timtela.

It-tieni stadju tax-xogħlijiet tal-Bord tal-Għażla ta’ kompetizzjoni huwa qabel kollox ta’ natura komparattiva u, b’hekk, kopert bis-sigriet inerenti għal dawn ix-xogħlijiet. Il-parametri ta’ evalwazzjoni adottati mill-Bord tal-Għażla qabel l-eżamijiet jifformaw parti sħiħa mill-evalwazzjonijiet ta’ natura komparattiva li l-Bord tal-Għażla jagħmel fuq il-merti rispettivi tal-kandidati. Dawn il-parametri ta’ evalwazzjoni huma għalhekk koperti bis-sigriet tad-deliberazzjonijiet, l-istess bħall-evalwazzjonijiet tal-Bord tal-Għażla. L-evalwazzjonijiet ta’ natura komparattiva li jagħmel il-Bord tal-Għażla huma riflessi fil-marki li dan tal-aħħar jattribwixxi lill-kandidati. Dawn huma l-espressjoni tad-deċiżjonijiet ta’ valur adottati fuq kull wieħed minnhom. Fid-dawl tas-sigriet tax-xogħlijiet li għandu jkollu l-Bord tal-Għażla, il-komunikazzjoni tal-marki mogħtija fl-eżamijiet differenti tikkostitwixxi motivazzjoni suffiċjenti tad-deċiżjonijiet tal-Bord tal-Għażla. Tali motivazzjoni ma tippreġudikax id-drittijiet tal-kandidati.

Barra minn hekk, fid-dawl tas-setgħa diskrezzjonali wiesgħa li għandu Bord tal-Għażla ta’ kompetizzjoni biex jevalwa r-riżultati tal-eżamijiet ta’ kompetizzjoni, il-Bord tal-Għażla ma jistax ikun marbut, meta jimmotiva r-raġunijiet għalfejn kandidat ma għaddiex minn eżami, li jippreċiża r-risposti tal-kandidati li tqiesu insuffiċjenti jew li jispjega għalfejn dawn ir-risposti tqiesu insuffiċjenti. Tali livell ta’ motivazzjoni ma huwiex neċessarju biex jippermetti li l-qorti teżerċita l-istħarriġ ġudizzjarju tagħha u, konsegwentement, biex jippermetti li l-kandidat jevalwa l-opportunità li jressaq ilment jew, jekk ikun il-każ, li jippreżenta rikors.

(ara l-punti 106 sa 109)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: Il-Parlament vs Innamorati, iċċitata iktar ’il fuq, punti 23 sa 29 u 32

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: Pimley-Smith vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punti 63 u 64; 19 ta’ Frar 2004, Konstantopoulou vs Il-Qorti tal-Ġustizzja, T‑19/03, punt 34

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 30 ta’ April 2008, Dragoman vs Il-Kummissjoni, F‑16/07, punt 63 u l-ġurisprudenza ċċitata