Language of document : ECLI:EU:F:2008:26

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU

(It-Tieni Awla)

6 ta’ Marzu 2008

Kawża F-46/06

Carina Skareby

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

“Servizz pubbliku – Uffiċjali – Evalwazzjoni – Rapport tal-iżvilupp tal-karriera – Proċedura ta’ evalwazzjoni 2004 – Għanijiet – Obbligu ta’ motivazzjoni – Żball manifest ta’ evalwazzjoni”

Suġġett: Rikors, ippreżentat skont l-Artikoli 236 KE u 152 KEEA, li permezz tiegħu C. Skareby titlob, essenzjalment, minn naħa, l-annullament tar-rapport tal-iżvilupp tal-karriera bejn l-1 ta’ Jannar sal-31 ta’ Diċembru 2004 u, min-naħa l-oħra, il-kundanna tal-Kummissjoni għall-ħlas tad-danni bħala kumpens tad-danni professjonali, materjali u morali allegatament subiti minnha.

Deċiżjoni: Ir-rikors huwa miċħud. Kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Sommarju

1.      Uffiċjali – Evalwazzjoni – Rapport tal-iżvilupp tal-karriera – Redazzjoni – Komunikazzjoni tal-abbozz ta’ rapport tal-iżvilupp tal-karriera

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 43)

2.      Uffiċjali – Evalwazzjoni – Rapport tal-iżvilupp tal-karriera – Obbligu li jiġu stabbiliti għanijiet li għandhom jintlaħqu – Portata

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 43)

3.      Uffiċjali – Evalwazzjoni – Rapport tal-iżvilupp tal-karriera – Redazzjoni -Tardività

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 43)

4.      Uffiċjali – Rikors – Motivi

5.      Uffiċjali – Evalwazzjoni – Rapport tal-iżvilupp tal-karriera – Koerenza neċessarja bejn l-evalwazzjonijiet analitiċi u l-kummenti

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 43)

6.      Uffiċjali – Evalwazzjoni – Rapport tal-iżvilupp tal-karriera – Stħarriġ ġudizzjarju – Limiti

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 43)

7.      Uffiċjali – Rikors – Motivi

1.      Skont is-sitt subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tad-Dispożizzjonijiet Ġenerali ta’ Implementazzjoni dwar is-servizz estern tal-Kummissjoni, adottati mill-Kummissjoni, ir-rapport tal-iżvilupp tal-karriera ffinalizzat mit-tieni evalwatur u mill-validatur huwa kkomunikat lill-persuna impjegata. L-imsemmija Dispożizzjonijiet Ġenerali ta’ Implementazzjoni ma jipprevedux it-trażmissjoni ta’ abbozz ta’ rapport tal-iżvilupp tal-karriera lill-imsemmi persuna, fi stadju preċedenti għall-finalizzazzjoni tiegħu.

Uffiċjal ma jistax għalhekk jibbaża ruħu fuq paragun bejn l-abbozz ta’ rapport tal-iżvilupp tal-karriera u r-rapport tal-iżvilupp tal-karriera għall-perijodu ta’ prova inkwistjoni sabiex jitlob l-annullament ta’ dan tal-aħħar, minħabba differenza bejn l-evalwazzjonijiet ta’ dawn iż-żewġ dokumenti, peress li l-komunikazzjoni tal-abbozz ta’ rapport ta’l-iżvilupp tal-karriera ma tagħmilx parti mill-proċedura vera u proprja tar-redazzjoni tar-rapport tal-iżvilupp tal-karriera inkwistjoni. B’hekk, l-evalwaturi ma humiex obbligati li jispjegaw, fir-rapport tal-iżvilupp tal-karriera, ir-raġunijiet tal-modifikazzjoni tal-evalwazzjonijiet meta mqabbla mal-abbozz tar-rapport tal-iżvilupp tal-karriera.

(ara l-punti 54 u 58)

2.      Mir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 8(5) tad-Dispożizzjonijiet Ġenerali ta’ Implementazzjoni tal-Artikolu 43 tar-Regolamenti tal-Persunal adottati mill-Kummissjoni jirriżulta li l-amministrazzjoni hija obbligata li tistabbilixxi għall-persuna impjegata għanijiet u kriterji ta’ evalwazzjoni. Skont din id-dispożizzjoni, id-djalogu formali bejn l-evalwatur u l-persuna impjegata fil-bidu ta’ kull proċedura ta’ evalwazzjoni għandu jirrigwarda mhux biss l-evalwazzjoni tal-prestazzjonijiet tal-imsemmija persuna matul il-perijodu ta’ referenza, li jestendi ruħu mill-1 ta’ Jannar sal-31 ta’ Diċembru tas-sena li tippreċedi dik li matulha saret il-proċedura ta’ evalwazzjoni, iżda wkoll l-għanijiet li għandhom jiġu stabbiliti għas-sena li tiġi wara l-perijodu ta’ referenza. Dawn l-għanijiet jikkostitwixxu l-bażi ta’ referenza għall-evalwazzjoni tar-rendiment.

(ara l-punt 64)

Referenza: It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku 13 ta’ Diċembru 2007, Sundholm vs Il‑Kummissjoni, F‑42/06, Ġabra p. I‑0000, punt 31

3.      Rapport tal-iżvilupp tal-karriera ma jistax jiġi annullat, ħlief f’ċirkustanzi eċċezzjonali, għar-raġuni biss li ġie redatt tard. Jekk id-dewmien fir-redazzjoni ta’ rapport tal-iżvilupp tal-karriera jista’ jagħti dritt għal kumpens għall-benefiċċju tal-uffiċjal ikkonċernat, dan id-dewmien ma jistax jaffettwa l-validità tar-rapport tal-iżvilupp tal-karriera, u lanqas, għaldaqstant, jiġġustifika l-annullament tiegħu.

(ara l-punt 75)

Referenza: Il-Qorti tal-Prim’Istanza 7 ta’ Mejju 2003, Den Hamer vs Il‑Kummissjoni, T‑278/01, ĠabraSP p. I‑A‑139 u II‑665, punt 32; 13 ta’ Diċembru 2005, Cwik vs Il‑Kummissjoni, T‑155/03, T‑157/03 u T‑331/03, ĠabraSP p. I‑A‑411 u II‑1865, punt 96; 7 ta’ Marzu 2007, Sequeira Wandschneider vs Il‑Kummissjoni, T‑110/04, Ġabra p. I‑0000, punt 39

4.      Huwa ta’ ftit rilevanza li n-nuqqas jew l-insuffiċjenza ta’ motivazzjoni ta’ att ta’ istituzzjoni ġie mqajjem tard minn rikorrent, peress li, bħala motiv ta’ ordni pubbliku, dan jista’, u saħansitra għandu, f’kull każ, jiġi eżaminat ex officio mill-qorti Komunitarja. Ebda rikorrent ma jista’ jiġi mċaħħad milli jagħmel użu minn dan il-motiv għar-raġuni biss li huwa ma qajmux qabel.

(ara l-punt 96)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja 20 ta’ Frar 1997, Il‑Kummissjoni vs Daffix, C‑166/95 P, Ġabra p. I‑983, punt 24; Il-Qorti tal-Prim’Istanza 21 ta’ Mejju 1996, Kaps vs Il‑Qorti tal‑Ġustizzja, T‑153/95, ĠabraSP p. I‑A‑233 u II‑663, punt 75; 3 ta’ Ottubru 2006, Nijs vs Il‑Qorti tal‑Awdituri, T‑171/05, Ġabra p. II‑A‑2‑999, punti 31 u 32

5.      Ir-rapport tal-iżvilupp tal-karriera ma huwiex ivvizzjat b’inkoerenza manifesta jekk ċerti taqsimiet tal-imsemmi rapport jinkludu deċiżjoni pożittiva kkontradetta minn rimarka ta’ kritika. Fil-fatt, ma huwiex manifestament inkoerenti li tiġi rrikonoxxuta, fuq livell ġenerali, il-kwalità tax-xogħol tal-uffiċjal, filwaqt li jiġu enfasizzati xi punti debboli jew diffikultajiet tiegħu.

(ara l-punt 103)

Referenza: Il-Qorti tal-Prim’Istanza 13 ta’ Lulju 2006, Vounakis vs Il‑Kummissjoni, T‑165/04, ĠabraSP p. I‑A‑2‑155 u II‑A‑2‑735, punt 94

6.      It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ma jistax jissostitwixxi l-evalwazzjoni tiegħu għal dik tal-persuni inkarigati li jevalwaw ix-xogħol tal-persuna evalwata. Fil-fatt, l-istituzzjonijiet Komunitarji għandhom setgħa diskrezzjonali wiesgħa sabiex jevalwaw ix-xogħol tal-uffiċjali tagħhom. Id-deċiżjonijiet ta’ valur li jirrigwardaw l-uffiċjali fir-rapporti tal-iżvilupp tal-karriera huma esklużi mill-istħarriġ ġudizzjarju, li huwa eżerċitat biss fuq l-eventwali irregolaritajiet proċedurali, l-iżbalji manifesti dwar il-fatti li jivvizzjaw il-kunsiderazzjonijiet magħmula mill-amministrazzjoni, u kif ukoll fuq abbuż eventwali ta’ poter.

(ara l-punt 119)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja 1 ta’ Ġunju 1983, Seton vs Il‑Kummissjoni, 36/81, 37/81 u 218/81, Ġabra p. 1789, punt 23; Il-Qorti tal-Prim’ Istanza 10 ta’ Diċembru 1992, Williams vs Il‑Qorti tal‑Awdituri, T‑33/91, Ġabra p. II‑2499, punt 43; 4 ta’ Mejju 2005, Schmit vs Il‑Kummissjoni, T‑144/03, Ġabra p. I‑A‑101 u II‑465, punt 70

7.      Hemm użu ħażin ta’ poter, li l-applikazzjoni ħażina tal-proċedura hija forma waħda biss tiegħu, biss fil-preżenza ta’ indizji oġġettivi, rilevanti u konkordanti li jippermettu li jistabbilixxu li l-att ikkontestat għandu għan ieħor minn dak li huwa assenjat lilu skont id-dispożizzjonijiet legali applikabbli.

F’dan ir-rigward, ma huwiex biżżejjed li jiġu invokati ċerti fatti insostenn tal-allegazzjonijiet tiegħu; jeħtieġ ukoll li jipprovdi indizji suffiċjentement preċiżi, oġġettivi u konkordanti tali li jsostnu l-veraċità tagħhom jew, tal-inqas, il-probabbiltà tagħhom, li fin-nuqqas ta’ dan l-eżatezza materjali tal-affermazzjonijiet ta’ parti ma tistax tiġi kkontestata.

(ara l-punti 156 u 157)

Referenza: Il-Qorti tal-Prim’Istanza 5 ta’ Lulju 2000, Samper vs Il‑Parlament, T‑111/99, ĠabraSP p. I‑A‑135 u II‑611, punt 64; 19 ta’ Settembru 2001, E vs Il‑Kummissjoni, T‑152/00, ĠabraSP p. I‑A‑179 u II‑813, punt 69