Language of document : ECLI:EU:C:2009:398

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

KOKOTT

ippreżentati fil-25 ta’ Ġunju 2009 1(1)

Kawża C‑241/08

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

vs

Ir-Repubblika Franċiża

“Rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu – Traspożizzjoni tad-Direttiva 92/43/KEE (Direttiva dwar il-Habitat) – Żoni speċjali ta’ konservazzjoni – Effetti sinjifikattivi ta’ proġett – Natura bla tfixkil ta’ ċerti attivitajiet – Applikabbiltà tal-evalwazzjoni tal-effetti fuq is-sit – Ħtieġa ta’ proposta għal soluzzjonijiet alternattivi f’każ ta’ riżultat tal-evalwazzjoni negattiva”





I –    Introduzzjoni

1.        In-nuqqas ta’ qbil bejn il-partijiet jirrigwarda l-kwistjoni dwar jekk ir-Repubblika Franċiża ttrasponietx korrettament l-Artikolu 6 tad-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal-21 ta’ Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni tal-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa (2) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar il-Habitat”) permezz tal-adozzjoni tal-Artikoli L. 414-1, L.4141-4 u R. 414-21 tal-Kodiċi tal-Ambjent Franċiż (iktar ’il quddiem il-“Kodiċi tal-Ambjent”). Id-dispożizzjonijiet inkwistjoni jikkonċernaw iż-żoni li, minħabba l-importanza tagħhom għall-konservazzjoni u għar-restawr ta’ ċerti habitats naturali u/jew il-konservazzjoni tal-ispeċijiet, huma protetti mil-liġi Komunitarja.

2.        Il-punti kkontestati huma s-segwenti:

–        L-Istat Membru jista’, billi jaċċetta li ma jiġux ipprojbiti ċerti attivitajiet umani, neqsin minn effetti sinjifikattivi, jillimita l-portata tal-miżuri applikabbli kontra d-deterjorament taż-żoni inkwistjoni?

–        Il-projbizzjoni ta’ tfixkil sinjifikattiv li jaffettwa lill-ispeċijiet, tawtorizza lil-leġiżlatur jiddikjara li ċerti attivitajiet ma jikkawżaw l-ebda tfixkil sinjifikattiv?

–        Il-evalwazzjoni tal-effetti fuq is-sit tapplika għall-pjanijiet u l-proġetti kollha?

–        Ir-regoli Franċiżi jiggarantixxu l-eżami ta’ soluzzjonijiet alternattivi għal proġetti li jistgħu jaffettwaw lis-siti?

II – Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

3.        Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej (iktar ’il quddiem il-“Kummissjoni”) informat lir-Repubbika Franċiża dwar l-ilmenti tagħha permezz ta’ ittra ta’ intimazzjoni tat-18 ta’ Ottubru 2005. Wara li l-Kummissjoni rċeviet ir-risposta Franċiża tas-7 ta’ Frar 2006, fil-15 ta’ Diċembru 2006, hija bagħtet opinjoni motivata lill-awtoritajiet Franċiżi, li biha tagħthom terminu ta’ xahrejn biex jirrimedjaw għall-kritiki tagħhom.

4.        Peress li l-Kummissjoni ma kinitx sodisfatta bir-risposta tat-28 ta’ Frar 2007, fit-30 ta’ Mejju 2008 ippreżentat rikors b’mod elettroniku u fit-2 ta’ Ġunju 2008 bagħtet ir-rikors tagħha bil-posta.

Il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li, billi ma adottatx il-miżuri kollha leġiżlattivi u regolamentari meħtieġa għat-traspożizzjoni korretta tal-Artikolu 6(2) u (3), tad-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal-21 ta’ Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni tal-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa, ir-Repubblika Franċiża naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt din id-direttiva u titlob li l-istess Repubblika Franċiża tiġi kkundannata għall-ispejjeż.

5.        Ir-Repubblika Franċiża titlob, min-naħa tagħha, li r-rikors għandu jiġi miċħud u l-ispejjeż jiġu sostnuti mill-Kummissjoni.

6.        Il-partijiet ippreżentaw biss l-argumenti tagħhom bil-miktub.

III – L-analiżi legali

7.        Il-Kummissjoni tqis li r-Repubblika Franċiża ma ttrasponietx korrettament l-Artikolu 6(2) u (3) tad-Direttiva dwar il-Habitat.

A –    Fuq l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva dwar il-Habitat

8.        L-Artikolu 6(2) tad-Direttiva dwar il-Habitat jipprovdi li:

“L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri xierqa biex jevitaw, fiż-żoni speċjali ta’ konservazzjoni, id-deterjorament ta’ l-habitat naturali u l-habitat ta’ l-ispeċi kif ukoll t-tfixkil ta’ l-ispeċi li għalihom ġew nominati ż-żoni, safejn dak it-tfixkil jista’ jkun sinjifikanti [sinjifikattiv] meta jitqies skond l-għanjiet ta’ din id-Direttiva”.

9.        Il-Qorti diġà ddeċidiet li l-implementazzjoni tal-Artikolu 6(2) tad-Direttiva dwar il-Habitat, tista’ tinħtieġ kemm miżuri li jkunu maħsuba biex jiġu evitati ħsarat u tfixkil estern kkawżati mill-bniedem kif ukoll miżuri li jimpedixxu l-evoluzzjonijiet naturali li jistgħu jiddeterjoraw l-istat ta’ konservazzjoni tal-ispeċijiet u tal-habitats naturali fiż-żoni speċjali ta’ konservazzjoni (3).

10.      Il-paragrafu V tal-Artikolu L.414-1 tal-Kodiċi tal-Ambjent jistabbilixxi, għal dan il-għan, li għal kull żona, il-miżuri meħtieġa għall-manteniment u għar-restawr, għandhom jiġu ddefiniti bi ftehim mal-varji gruppi li għandhom interess. Il-Kummissjoni tikkontesta r-restrizzjonijiet għal dawn il-miżuri, stipulati fit-tielet u r-raba’ sentenzi tat-tielet subparagrafu ta’ din id-dispożizzjoni.

1.      Fuq l-ammissibilità

11.      L-ammissibilità tal-motiv tar-rikors kontra t-tielet u r-raba’ sentenzi tat-tielet subparagrafu tal-paragrafu V tal-Artikolu L.414-1 tal-Kodiċi tal-Ambjent hija dubjuża, peress li fir-rikors tagħha l-Kummissjoni kkritikat verżjoni differenti minn dik li kienet imsemmja fil-kuntest tal-proċedura prekontenzjuża.

12.      Waqt il-proċedura prekontenzjuża, il-Kummissjoni, fil-fatt, irreferiet għall-verżjoni li kienet fis-seħħ dak iż-żmien, li tirriżulta mil-Liġi Nru 2005-157 tat-23 ta’ Frar 2005 dwar l-iżvilupp ta’ territorji rurali (4):

“Huma ma jwasslux biex jipprojbixxu l-attivitajiet umani sakemm ma jkollhomx effetti sinjifikattivi meta mqabbla mal-għanijiet stabbiliti fis-subparagrafu imsemmi iktar ’il fuq. L-attivitajiet relatati mas-sajd, mal-kaċċa u l-attivitajiet l-oħra analogi għall-kaċċa, imwettqa taħt il-kundizzjonijiet u fit-territorji awtorizzati mil-liġijiet u r-regolamenti fis-seħħ, ma jikkostitwixxux attivitajiet ta’ tfixkil jew attivitajiet b’effetti simili.”

13.      Fir-rikors, il-Kummissjoni ssemmi t-tielet u r-raba’ sentenzi tat-tielet subparagrafu tal-paragrafu V tal-Artikolu L.414-1, tal-verżjoni li tirriżulta mil-Liġi Nru 2006-1772 tat-30 ta’ Diċembru 2006 dwar l-ilma u l-ambjenti akwatiċi (5), jiġifieri emendi li saru wara li ntbagħtet l-opinjoni motivata, iżda qabel l-iskadenza tat-termimu stabbilit.

“Huma ma jwasslux biex jipprojbixxu l-attivitajiet umani sakemm ma jkollhomx effetti sinjifikattivi fuq il-manteniment jew r-restawr fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli ta’ dawn il-habitats naturali u ta’ dawn l-ispeċijiet. Is-sajd, l-attivitajiet relatati mal-molluski, il-kaċċa u l-attivitajiet l-oħra analogi għall-kaċċa, imwettqa taħt il-kundizzjonijiet u fit-territorji awtorizzati mil-liġijjiet u r-regolamenti fis-seħħ, ma jikkostitwixxux attivitajiet disturbanti jew attivitajiet b’effetti simili (6).”

14.      L-għan ta’ rikorsi ppreżentati abbażi tal-Artikolu 226 KE huwa limitat mill-proċedura prekontenzjuża. L-ittra ta’ intimazzjoni indirizzata lill-Istat Membru mill-Kummissjoni kif ukoll l-opinjoni motivata jiddefinixxu s-suġġett tal-kawża b’tali mod li dan ma jkunx sussegwentement jista’ jiġi estiż. Fil-fatt, il-possibbiltà għall-Istat Membru kkonċernat li jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu tikkostitwixxi, anki jekk jidhirlu li ma għandux jagħmel użu minnha, garanzija essenzjali mixtieqa mit-Trattat u l-osservanza tagħha hija forma sostanzjali tar-regolarità tal-proċedura li tistabbilixxi n-nuqqas tal-Istat Membru li jwettaq obbligu. Konsegwentement, l-opinjoni motivata u r-rikors tal-Kummissjoni għandhom ikunu bbażati fuq l-istess ilmenti bħal dawk tal-ittra ta’ intimazzjoni, li tagħti bidu għall-proċedura prekontenzjuża (7).

15.      Barra minn hekk, l-eżistenza tan-nuqqas tat-twettiq ta’obbligu għandha tiġi evalwata skont is-sitwazzjoni tal-Istat Membru kif kienet fil-mument tal-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata (8).

16.      Jekk dawn ir-regoli kellhom jiġu applikati b’mod purament formalistiku, l-estensjoni tal-proċedura għall-emendi li introduċiet il-Liġi tal-2006 tkun tirrappreżenta estensjoni illegali tas-suġġett tal-kawża, meta mqabbel mal-opinjoni motivata. Ir-rikors, kien ikun min-naħa l-oħra infondat, jekk kien jikkonċerna l-forma stabbilita fil-proċedura prekontenzjuża, peress li dawn id-dispożizzjonijiet ikkontestati ma kinux għadhom jeżistu fid-data tal-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata, fil-verżjoni kkontestata mill-Kummissjoni.

17.      Jekk, madankollu, il-leġiżlazzjoni kkontestata waqt il-proċedura prekontenzjuża tinżamm, b’mod globali, mid-dispożizzjonijiet il-ġodda adottati mill-Istat Membru wara l-opinjoni motivata u kkontestati fil-qafas tar-rikors, il-proċedura prekontenzjuża tkun tista’ tiġi estiża għas-sitwazzjoni legali l-ġdida (9). Kif tenfasiżża l-Kummissjoni, mingħajr kontestazzjoni, l-emendi tal-liġi Franċiża introdotti fl-2006, ma jaffettwawx, ħlief marġinalment, il-kontenut tar-regoli: l-inklużjoni tagħhom fir-rikors tikkostitwixxi għalhekk emenda ġġustifikata tas-suġġett tal-kawża.

18.      Għaldaqstant, il-motivi tar-rikors ippreżentat kontra t-tielet u r-raba’ sentenzi tat-tielet subparagrafu tal-paragrafu V tal-Artikolu L.414-1 tal-Kodiċi tal-Ambjent huma ammissibbli.

2.      Fuq il-limitazzjoni tal-kunċett tal-“effetti sinjifikattivi”

19.      Il-Kummissjoni tilmenta l-ewwel nett li t-tielet sentenza tat-tielet subparagrafu tal-paragrafu V tal-Artikolu L.414-1 tal-Kodiċi tal-Ambjent, tistabbilixxi li l-attivitajiet umani ma jistgħux jiġu limitati ħlief fil-każ li jipproduċu effetti sinjifikattivi fuq il-manteniment u r-restawr tal-habitats naturali u tal-ispeċijiet fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli.

20.      Il-Kummissjoni tosserva ġustament li l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva dwar il-Habitat jimpedixxi kull forma ta’ deterjorament tal-habitats naturali u tal-ispeċi, u li huwa biss għat-tfixkil tal-ispeċi li wieħed jeżiġi l-eżistenza tal-effetti sinjifikattivi sabiex jiġġustifika miżura ta’ limitazzjoni. Dan imur kontra l-projbizzjoni esklużiva ta’ attivitajiet umani li jkollhom effetti sinjifikattivi.

Fuq il-kunċett ta’ deterjorament

21.      Huwa minnu li l-Qorti tal-Ġustizzja għadha ma ddefinitx espressament il-kunċett tad-deterjorament tal-habitats, iżda l-ġurisprudenza relatata mal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-Habitat tista’ sservi ta’ gwida għal dan il-għan. Bħala regola, huwa stabbilit li l-Artikolu 6(2) u l-Artikolu 6(3) għandhom l-għan li jistabbilixxu l-istess livell ta’ protezzjoni (10).

22.      L-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-Habitat jikkunsidra l-ħsara kkawżata lis-siti protetti f’żewġ istanzi. Fl-ewwel sentenza, jistabbilixxi li l-pjanijiet u l-proġetti li jistgħu jaffettwaw sit b’mod sinjifikattiv, għandhom ikunu suġġetti għal evalwazzjoni xierqa tal-effetti tagħhom fuq is-sit, fid-dawl tal-għanijiet ta’ konservazzjoni ta’ dan is-sit. It-tieni sentenza tistabbilixxi li l-pjan jew il-proġett ikunu biss jistgħu jiġu awtorizzati jekk jirriżulta mill-evalwazzjoni tal-effetti li s-sit ma jkun ser iġarrab l-ebda ħsara.

23.      Kif issostni wkoll ir-Repubblika Franċiża, jista’ jkun li pjanijiet jew proġetti jaffettwaw sit b’mod sinjifikattiv, fis-sens tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-Habitat, jekk ikun hemm r-riskju li l-għanijiet ta’ konservazzjoni stipulati għaż-żona inkwistjoni, jiġu mhedda (11). F’din l-ipoteżi, jeħtieġ li jkun verifikat jekk il-miżura għandhiex effett fuq l-għanijiet ta’ konservazzjoni stabbiliti għas-sit inkwistjoni.

24.      Għandu jiġi enfasizzat li l-ħsara għall-għanijiet ta’ konservazzjoni ma tippreżupponix l-eżami separat biex jiġi stabbilit jekk l-effetti humiex sinjifikattivi. Huwa biżżejjed, fil-fatt, li jkun hemm il-probabbiltà li l-għanijiet ta’ konservazzjoni se jiġu affettwati biex jinbeda l-mekkaniżmu tal-evalwazzjoni tal-effetti fuq is-sit. Min-naħa l-oħra, l-effetti possibbli jkunu nieqsa minn kull rilevanza jekk ma jaffettwawx l-għanijiet ta’ konservazzjoni (12).

25.      Ir-riżultat tal-evalwazzjoni tal-effetti fuq is-sit jiddetermina jekk il-pjan jew il-proġett jistax jiġi awtorizzat abbażi tat-tieni sentenza tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-Habitat. L-awtoritajiet kompetenti japprovaw il-proġett biss jekk huma kkonstataw li, fid-dawl tal-evalwazzjoni tal-effetti fuq is-sit, l-“integrità” tas-sit mhux ser tiġi affettwata.

26.      Abbażi ta’ din il-premessa, il-Gvern Franċiż isostni li l-pjanijiet u l-proġetti jistgħu jiġu awtorizzati anki jekk jaffettwaw b’mod sinjifikattiv is-sit, sakemm huma ma jaffettwawx l-integrità. Għaldaqstant, huwa jqis li jkun illoġiku li jiġu esklużi b’mod sistematiku l-miżuri b’effetti sinjifikattivi skont l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva dwar il-Habitat.

27.      Dan l-argument huwa bbażat fuq id-distinzjoni żbaljata bejn l-effetti sinjifikattivi fuq sit u l-effetti fuq l-integrità ta’ dan is-sit. L-għanijiet ta’ konservazzjoni ma humiex biss validi biss sabiex tiġi evalwata l-eżistenza ta’ effetti sinjifikattivi, iżda wkoll biex jiġi stabbilit jekk l-integrità ta’ żona tistax tiġi affettwata (13).

28.      Għalhekk għandu jitqies li hemm ukoll deterjorament tal-habitat fis-sens tal-Artikolu 6(2) tad-Direttiva dwar il-Habitat meta l-għanijiet ta’ konservazzjoni tas-sit protett inkwistjoni jiġu affettwati.

Dwar il-ħsara għall-għanijiet ta’ konservazzjoni

29.      Ir-Repubblika Franċiża ssostni manifestament l-opinjoni li huma biss l-effetti sinjifikattivi fuq il-manteniment jew ir-restawr tal-habitats naturali fi stat favorevoli ta’ konservazzjoni li jistgħu jaffettwaw l-għanijiet ta’ konservazzjoni ta’ sit. Skont l-Artikolu 1(a), 4(4) u l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva dwar il-Habitat, l-għanijiet ta’ konservazzjoni ta’ sit għandhom bħala objettiv preċiżament il-manteniment jew ir-restawr tal-habitats naturali fi stat favorevoli. Din hija r-raġuni għalfejn l-effetti kollha fuq il-habitats jaffettwaw ukoll l-għanijiet ta’ konservazzjoni ta’ sit, indipendentement mill-fatt jekk dawn jitqisux bħala sinjifikattivi jew le.

30.      Il-kwistjoni dwar jekk l-effetti ta’ ċerti attivitajiet, b’mod partikolari l-varji attivitajiet iċċitati bħala eżempji mill-partijiet, jistgħux effettivament jaffettwaw l-għanijiet ta’ konservazzjoni tista’ tiġi riżolta biss każ b’każ fid-dawl tal-għanijiet konkretament ikkonċernati. Din tirrigwarda deċiżjoni pronjostika ta’ natura xjentifika, li tippreżupponi ċerta marġni ta’ diskrezzjoni lill-awtoritajiet nazzjonali.

31.      Il-leġiżlazzjoni Franċiża kkontestata madankollu ma tagħtix lok għal tali marġni ta’ diskrezzjoni, peress li ma tippermettix li jiġu pprojbiti l-attivitajiet umani li jikkawżaw biss effetti “mhux sinjifikattivi” fuq il-habitats. Fi kliem ieħor, dawn l-attivitajiet huma bħala regola awtorizzati. Anki jekk l-ispeċjalisti huma konvinti li attività partikolari tista’ taffettwa l-għanijiet ta’ konservazzjoni, għandu wkoll jiġu pprovat li dawn l-effetti huma sinjifikattivi biex l-attività tkun tista’ tiġi pprojbita.

Fuq l-interpretazzjoni tat-tieni u t-tielet subparagrafi tal-paragrafu V tal-Artikolu L.414-1 tal-Kodiċi tal-Ambjent

32.      Ir-Repubblika Franċiża tallega barra minn hekk li l-Kummissjoni ma fehmitx sewwa l-ewwel u t-tielet subparagrafi tal-paragrafu V tal-Artikolu L.414-1 tal-Kodiċi tal-Ambjent. L-attivitajiet umani li għandhom effetti sinjifikattivi fuq il-manteniment u r-restawr ta’ stat favorevoli ta’ konservazzjoni, huma fi kwalunkwe każ ipprojbiti. Fin-nuqqas ta’ dawn l-effetti sinjifikattivi, l-attivitajiet ma jistgħux ċertament jiġu pprojbiti, iżda l-għan stabbilit fl-ewwel subparagrafu, jiġifieri li jkun evitat id-deterjorament tal-habitats, jibqa’ validu. Dan għandu jiġi żgurat permezz ta’ miżuri xierqa.

33.      Jekk l-ewwel u t-tielet subparagrafi tal-paragrafu V tal-Artikolu L.414-1, tal-Kodiċi tal-Ambjent kellu jiġi interpretat u applikat b’dan il-mod, l-elementi essenzjali tal-Artikolu 6(2) tad-Direttiva dwar il-Habitat, ikunu qed jiġu applikati. Jibqa’ inċert x’jiġri f’każ li l-ebda miżura, li tippermetti li titwettaq attività mingħajr dannu, ma tkun possibbli. Din l-inċertezza tqum ukoll jekk – kif isostni l-Gvern Franċiż fil-kontroreplika tiegħu – kull deterjorament fis-sens tal-Artikolu 6(2) tad-Direttiva dwar il-Habitat jikkostitwixxi effetti sinjifikattivi fis-sens tat-tielet sentenza tat-tielet subparagrafu tal-paragrafu V tal-Artikolu L.414-1 tal-Kodiċi tal-Ambjent.

34.      It-teżi tal-Gvern Franċiż tinjora, madanakollu, li mhux biżżejjed li d-Direttiva dwar il-Habitat tiġi trasposta b’tali mod li l-għanijiet tagħha jkunu jistgħu jintlaħqu permezz tal-interpretazzjoni – li wara kollox mhix evidenti – konformi mal-liġi nazzjonali. Anki s-sempliċi prattiki amministrattivi, li min-natura tagħhom jistgħu jinbidlu skont il-volontà tal-amministrazzjoni u li huma neqsin minn pubbliċità adegwata, ma jistgħux jitqiesu li jikkostitwixxu t-twettiq validu tal-obbligi ta’ traspożizzjoni ta’ direttiva (14).

35.      Min-naħa l-oħra, l-eżattezza tat-traspożizzjoni tad-Direttiva dwar il-Habitat hija ta’ importanza partikolari inkwantu t-tmexxija tal-patrimonju komuni huwa fdat, fit-territorji rispettivi tagħhom, fl-Istati Membri (15). Għalhekk, fil-kuntest tad-Direttiva dwar il-Habitat li tistabbilixxi regoli kumplessi u tekniċi fil-qasam tad-dritt tal-ambjent, l-Istati Membri huma partikolarment marbuta li jaċċertaw li l-leġiżlazzjoni tagħhom maħsuba biex tiżgura t-traspożizzjoni ta’ din id-direttiva tkun ċara u preċiża (16).

36.      It-tielet sentenza tat-tielet subparagrafu tal-paragrafu V tal-Artikolu L.414-1 tal-Kodiċi tal-Ambjent ma tissodisfax dawn ir-rekwiżiti. L-interpretazzjoni li qed jiddefendi l-Gvern Franċiż mhix totalment eskluża, iżda huwa iktar probabbli li l-qarrejja li ma jkunux avżati, ser jifhmu li l-attivitajiet huma awtorizzati kemm-il darba ma jkollhomx effetti sinjifikattivi fuq il-habitat. Din il-konklużjoni għandha b’mod partikolari tiġi imposta fuq il-gruppi kkonċernati li għandhom interess li, skont it-tieni subparagrafu tal-paragrafu V tal-Artikolu L.414-1, jieħdu sehem f’konsultazzjoni dwar miżuri intiżi li jipproteġu s-sit. Wieħed jista’ jitħasseb dwar il-fatt, li din tista’ tagħti lok għal konflitti inutli biex jiġi determinat jekk ċerti ħsarat għall-għanijiet ta’ konservazzjoni humiex sinjifikattivi jew le.

37.      Kif tenfasizza l-Kummissjoni, l-interpretazzjoni tat-tielet sentenza tat-tielet subparagrafu tal-paragrafu V tal-Artikolu L.414-1 tal-Kodiċi tal-Ambjent esposta mill-Gvern Franċiż hija barra minn hekk kuntrarja għall-Artikolu 6(2) tad-Direttiva dwar il-Habitat, difiża mill-istess gvern. Dan isostni fil-fatt li l-projbizzjoni ta’ kwalunkwe deterjorament tal-habitats tkun pożizzjoni radikali (17), u jipprova sussegwentement juri kif ma għandux ikun hemm il-projbizzjoni tad-deterjoramenti kollha.

Fuq it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ interessi oħra

38.      Ir-Repubblika Franċiża tinvoka wkoll l-Artikolu 2(3) tad-Direttiva dwar il-Habitat u t-tielet premessa ta’ din id-direttiva. Tindika li l-applikazzjoni tad-direttiva għandha tqis il-ħtiġiet ekonomiċi, soċjali, kulturali u reġjonali. Il-paragrafu V tal-Artikolu L.414-1 tal-Kodiċi tal-Ambjent għandu jirrifletti għalhekk, minn din il-perspettiva, traspożizzjoni korretta u proporzjonata tad-direttiva.

39.      Madankollu din il-pożizzjoni hija kontradittorja mal-ġurisprudenza relatata mal-ewwel sentenza tal-Artikolu 4(4) tad-Direttiva tal-Kunsill 79/409/KEE tat-2 ta’ April 1979 dwar il-konservazzjoni tal-għasafar selvaġġi (18) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar l-Għasafar”). Din id-dispożizzjoni timponi fuq l-Istati Membri, kif jagħmel l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva dwar il-Habitat, il-kompitu li jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jevitaw, fiż-żoni ta’ protezzjoni, id-deterjorament tal-habitats kif ukoll it-tfixkil tal-ispeċijiet, li għalihom ġew klassifikati ż-żoni ta’ protezzjoni abbazi tad-Direttiva dwar l-Għasafar (19). Il-ksur tal-obbligu stabbilit mill-ewwel sentenza tal-Artikolu 4(4) tad-Direttiva dwar l-Għasafar ma jistax jiġi ġġustifikat abbażi tal-interessi tal-ordni ekonomiku jew soċjali, għaliex ir-riferiment għal dawn l-interessi fid-Direttiva dwar l-għasafar mhix suffiċjenti għall-finijiet tad-deroga (20).

40.      Bħala regola, id-Direttiva dwar il-Habitat ma tistax tiġi applikata b’mod differenti. F’din il-kawża, mhux meħtieġ li jiġi ddeterminat jekk, eċċezzjonalment, l-interessi msemmija fil-kuntest tal-Artikolu 6(2) tad-Direttiva dwar il-Habitat jistgħux jipprevalu fuq il-protezzjoni tas-sit (21) jew jekk il-kunsiderazzjoni tal-interessi predominanti tippreżupponix dejjem l-applikazzjoni tal-Artikolu 6(3) u (4). Fil-fatt, it-tieni sentenza tat-tielet subparagrafu tal-paragrafu V tal-Artikolu L.414-1 tal-Kodiċi tal-Ambjent ma jiddistingwix skont l-eżistenza tal-interessi predominanti, marbuta mat-twettiq tal-attività kkontestata, jew in-nuqqas tagħhom. Għal din ir-raġuni, din il-leġiżlazzjoni ma tistax tiġi ġġustifikata abbażi ta’ dawn l-interessi.

Fuq il-miżuri ta’ konservazzjoni dannużi

41.      Il-Gvern Franċiż josserva sussegwentement li anki l-miżuri ta’ konservazzjoni u ta’ żvilupp tal-habitats jista’ jkollhom effett ta’ deterjorament fuq dawn tal-aħħar, u madanakollu xorta huma awtorizzati. Għaldaqstant għandu wkoll ikun possibbli li jiġu ammessi l-attivitajiet umani li ma jkollhomx effetti sinjifikattivi.

42.      Biex turi l-effetti dannużi tal-miżuri ta’ manteniment u ta’ restawr, ir-Repubblika Franċiża tagħti diversi eżempji: b’mod partikolari, li iktar minn tip wieħed ta’ habitat jista’ jiġi stabbilit fuq l-istess territorju. Kwalunkwe tibdil bilfors li jġib miegħu l-eliminazzjoni ta’ xi tip ta’ habitat. Ċerti miżuri ta’ konservazzjoni jistgħu wkoll ikunu ta’ dannu għal tipi oħra ta’ habitats jew anki jikkawżaw dannu b’mod tranżitorju lill-habitat ikkonċernat. Ir-Repubblika Franċiża tikkwota f’dan ir-rigward in-nixfa tal-għadajjar li jekk min-naħa, tevita l-akkumulu tal-ħama, tikkawża l-għejbien temporanju ta’ ċerti habitats. Fl-aħħar nett, l-attività agrikola ċertament li tikkawża ħsara lil ċerti aspetti tal-habitats, għalkemm hija wkoll mezz ta’ kif il-ħamrija tintuża kontinwament mill-għasafar.

43.      Dawn l-argumenti jinjoraw, madanakollu, li bħala regola, il-miżuri meħtieġa u xierqa biex jintlaħqu l-għanijiet ta’ konservazzjoni ma jistgħux jitqiesu li jikkostitwixxu deterjorament tas-sit fis-sens tal-Artikolu 6(2) tad-Direttiva dwar il-Habitat. Jekk ċerti għanijiet ta’ konservazzjoni stabbiliti jkunu kontradittorji, għaliex il-miżuri ta’ konservazzjoni meħtieġa għat-twettiq ta’ wieħed minnhom, jikkawżaw ħsara lit-twettiq ta’ xi għan ieħor, għaldaqstant il-konflitt għandu jissolva fil-kuntest tad-definizzjoni ta’ dawn l-għanijiet.

44.      Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li, kif jirriżulta mill-Artikoli 3 u 4 tad-Direttiva dwar il-Habitat u b’mod partikolari mill-Artikolu 4(4) tagħha (22), dawn l-għanijiet ta’ konservazzjoni jistgħu jiġu ddeterminati skont, b’mod partikolari, l-importanza tas-siti għall-manteniment jew għar-restawr, fi stat favorevoli ta’ konservazzjoni, ta’ tip ta’ habitat naturali msemmi fl-Anness I tad-Direttiva dwar il-Habitat, jew ta’ speċi imsemmi fl-Anness II tagħha jew għall-koerenza ta’ Natura 2000, kif ukoll ta’ theddid ta’ degradazzjoni jew ta’ distruzzjoni li jistgħu jkunu suġġetti għalihom (23). Għalhekk, dawn l-għanijiet għandhom, jekk ikun meħtieġ, jiġu prijoritizzati. Biex inkun semmejt kollox, irrid ukoll inżid li deċiżjoni bħal din, li hija kumplessa ħafna, bilfors li tippreżupponi marġni wiesgħa ta’ diskrezzjoni lill-awtoritajiet kompetenti, li mhix madanakollu totalment suġġetta għall-kontroll tal-qrati (24).

45.      Peress li l-attivitajiet umani ma humiex definiti, jistgħu jvarjaw fin-natura tagħhom, għaldaqstant ma jistgħux jitqabblu ma’ miżuri ta’ konservazzjoni meħtieġa u lanqas ma’ konflitt bejn l-għanijiet ta’ konservazzjoni.

Konklużjoni fir-rigward tat-tielet sentenza tat-tielet subparagrafu tal-paragrafu V tal-Artikolu L.414-1 tal-Kodiċi tal-Ambjent

46.      Għaldaqstant għandu jiġi kkonstatat li t-tielet sentenza tat-tielet subparagrafu tal-paragrafu V tal-Artikolu L.414-1 tal-Kodiċi tal-Ambjent ma hijiex konformi mal-Artikolu 6(2) tad-Direttiva dwar il-Habitat.

3.      Fuq l-eċċezzjonijiet favur ċerti attivitajiet

47.      Permezz tat-tieni motiv tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni tikkritika r-raba’ sentenza tat-tielet subparagrafu tal-paragrafu V tal-Artikolu L.414-1 tal-Kodiċi tal-Ambjent. Is-sajd, l-akwakultura, il-kaċċa u attivitajiet oħra analogi għall-kaċċa, imwettqa fil-kuntest tar-regoli fis-seħħ, huma ddikjarati bħala bla tfixkil f’din id-dispożizzjoni. Il-Kummissjoni tqis li din id-dikjarazzjoni hija inkompatibbli mal-Artikolu 6(2) tad-Direttiva dwar il-Habitat.

48.      Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà eliminat, taħt l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-Habitat, il-possibbiltà tal-eżenzjoni ġenerali ta’ ċerti attivitajiet, anki jekk legali, mill-ħtieġa tal-evalwazzjoni tal-effetti fuq is-sit. Mhux iggarantit, fil-fatt li dawn l-attivitajiet ma jistgħux jaffettwaw b’mod sinjifikattiv iż-żoni ta’ konservazzjoni u b’hekk jikkawżaw ħsara lill-integrità tagħhom (25).

49.      Dan il-prinċipju japplika wkoll, minħabba l-istess għan ta’ protezzjoni, għall-Artikolu 6(2) tad-Direttiva dwar il-Habitat. Ċerti attivitajiet ma jistgħux, b’mod ġenerali, jiġu kklasifikati bħala bla tfixkil fil-kuntest ta’ din id-dispożizzjoni, ħlief jekk jiġi garantit li ma joħolqu l-ebda tfixkil li jista’ jkollu effetti sinjifikattivi fuq l-għanijiet tad-direttiva.

50.      Il-fatt li t-trobbija tal-molluski jista’ jkollha effett sinjifikattiv fuq is-siti protetti diġà ġie rikonoxxut mill-Qorti tal-Ġustizzja (26). Mhux biss l-installazzjoni tas-sit għat-trobbija tal-molluski, iżda wkoll l-isfruttament tiegħu jistgħu joħolqu ċertu tfixkil. L-istess jista’ jingħad għas-siti tat-trobbija tal-ħut. Is-sajd u l-qbid tal-ħut forsi jġibu magħhom riskji minimi, iżda jista’ jkun hemm għanijiet ta’ konservazzjoni li jiġu affettwati minn tali tfixkil. Għal din ir-raġuni għandu jkun possibbli li dawn l-attivitajiet jiġu pprojbiti meta jkunu jistgħu joħolqu tfixkil lil ċerti żoni ta’ konservazzjoni, li jistgħu jaffettwaw b’mod sinjifikattiv l-għanijiet tad-direttiva.

51.      Din il-konklużjoni ma hijiex imqiegħda fid-dubju mill-fatt li dawn l-attivitajiet għandhom jitwettqu b’osservanza tar-regoli ġenerali.

52.      Ir-Repubblika Franċiża ssostni li r-regoli applikabbli għall-akwakultura, b’mod partikolari, għandhom jiddefenixxu ż-żoni li fihom din l-attività hija awtorizzata u li għandhom iqisu ż-żoni sensittivi. Barra minn hekk, jistgħu wkoll jiġu stabbiliti kwoti għall-kampjuni tal-kaċċa u tas-sajd.

53.      Miżuri bħal dawn jistgħu jnaqqsu r-riskju ta’ tfixkil sinjifikattiv. Ir-regoli applikabbli għal dawn il-miżuri ma jistgħux madanakollu jeskludu totalment dan ir-riskju ħlief billi jistabbilixxu b’mod mandatorju li l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva dwar il-Habitat għandu jiġi osservat, jiġifieri jekk l-objettiv partikolari tagħhom ikun dak li jiżguraw li jintlaħqu l-għanijiet ta’ konservazzjoni stabbiliti fid-Direttiva dwar il-Habitat (27). Madankollu r-Repubblika Franċiża ma tallegax li dan għandu jkun il-każ fil-kuntest preżenti.

54.      Il-Gvern Franċiż jikkonferma, barra minn hekk, li dokument (intitolat “id-dokument tal-għanijiet”) għandu jiġi redatt għal kull żona u li għandu jservi ta’ bażi għal-leġiżlazzjoni tal-attivitajiet iċċitatati iktar ’il fuq b’tali mod li jimpedixxi li huma ma jikkawżawx tfixkil serju.

55.      Ma hemmx qbil bejn il-partijiet dwar il-fatt jekk jeżistix obbligu biex jiġu stabbiliti dawn ir-regoli. Il-Kummissjoni tibbaża ruħha fuq it-test tad-dispożizzjoni inkwistjoni, il-paragrafu IV tal-Artikolu L.414-2 tal-Kodiċi tal-Ambjent, li ma jiġġustifikax dan l-obbligu. Ir-Repubblika Franċiża tiddeduċi, minn naħa l-oħra, l-eżistenza ta’ tali obbligu mill-ewwel subparagrafu tal-paragrafu V tal-Artikolu L.414-1 tal-Kodiċi tal-Ambjent.

56.      Dan il-punt madanakollu mhux deċiżiv għall-eżami tal-motiv tar-rikors. Fil-fatt huwa loġiku li wieħed jifhem li r-raba’ sentenza tat-tielet subparagrafu tal-paragrafu V tal-Artikolu L.414-1 tal-Kodiċi tal-Ambjent tfisser li l-attivitajiet iċċitati hemmhekk ma humiex ekwivalenti għall-miżuri li għandhom l-għan li jeliminaw it-tfixkil. Fil-każ oppost, din id-dispożizzjoni ma jkollha l-ebda portata regolatorja.

57.      Anki jekk ir-raba’ sentenza tat-tielet subparagrafu tal-paragrafu V tal-Artikolu L.414-1 tal-Kodiċi tal-Ambjent kellha, fil-prattika, tiġi applikata kif issostni l-Gvern Franċiż, din tibqa’ xorta ekwivoka. Il-gruppi kkonċernati li għandhom interess jippretendu, fil-fatt, li l-attivitajiet tagħhom ma jitqisux bħala attivitajiet li għandhom natura ta’ tfixkil u li ma humiex għaldaqstant is-suġġett ta’ limitazzjonijiet.

58.      Din hija r-raġuni għalfejn ir-raba’ sentenza tat-tielet subparagrafu tal-paragrafu V tal-Artikolu L.414-1 Kodiċi tal-Ambjent ma tissodisfax il-kundizzjonijiet ta’ traspożizzjoni ċara (28) tal-Artikolu 6(2) tad-Direttiva dwar il-Habitat.

B –    Fuq l-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-Habitat

59.      Il-Kummissjoni tikkritika wkoll it-traspożizzjoni Franċiża tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-Habitat. L-ewwel sentenza ta’ din id-dispożizzjoni tindika liema pjanijiet u proġetti għandhom jiġu eżaminati mill-perspettiva tal-effetti tagħhom fuq l-għanijiet ta’ konservazzjoni taż-żoni speċjali ta’ protezzjoni:

“Kull pjan jew proġett li mhux marbut direttament ma’ jew li ma hux meħtieġ għat-tmexxija tas-sit iżda li x’aktarx se jkollu effett sinjifikanti fuqu, jew b’mod individwali jew inkella flimkien ma’ xi pjanijiet jew proġetti oħra, għandu jkun suġġett għal evalwazzjoni xierqa ta’ l-implikazzjonijiet [effetti] tiegħu għas-sit in vista ta’ l-għanjiet ta’ konservazzjoni tas-sit.”

60.      Din id-dispożizzjoni ġiet trasposta b’dan il-mod fil-liġi Franċiża permezz tal-paragrafu I tal-Artikolu L.414-4 tal-Kodiċi tal-Ambjent, li jistipula kif ġej:

“Il-programmi jew proġetti ta’ xogħlijiet jew ta’ titjib suġġetti għall-awtorizazzjoni jew għall-approvazzjoni amministrattiva u li n-natura tagħhom hija tali li taffettwa b’mod notevoli sit ta’ Natura 2000, huma suġġetti għall-evalwazzjoni tal-effett tagħhom fid-dawl tal-għanijiet tal-konservazzjoni tas-sit. Għal dawk is-siti, fi ħdan dan il-programm li huma previsti f’dispożizzjonijiet leġiżlattivi u regolamentari u li ma humiex suġġetti għal studju tal-effett, l-evalwazzjoni għandha titmexxa skont il-proċedura stabbilita fl-Artikoli L. 122-4 et seq ta’ dan il-kodiċi.

Ix-xogħlijiet jew it-titjib previsti fil-kuntratti Natura 2000 huma eżentati mill-proċedura ta’ evalwazzjoni msemmija fl-inċiż preċedenti.”

61.      Il-Kummissjoni tikkritika din it-traspożizzjoni għaż-żewġ raġunijiet segwenti:

–        L-eċċezzjoni fir-rigward tax-xogħlijiet u t-titjib prevista fil-kuntratti msemmija “Natura 2000” hija wiesgħa wisq;

–        u

–        il-proġetti li ma humiex suġġetti għall-awtorizazzjoni għandhom ukoll ikunu s-suġġett ta’ evalwazzjoni tal-effetti tagħhom fuq is-sit meta huma jistgħu jkollhom effetti sinjifikattivi fuq l-għanijiet ta’ konservazzjoni.

1.      Fuq il-kuntratti Natura 2000

62.      Il-Kummissjoni tikkontesta l-fatt li t-tieni subparagrafu tal-paragrafu I tal-Artikolu L.414-4 tal-Kodiċi tal-Ambjent jeżenta x-xogħlijiet jew it-titjib previsti fl-imsemmija kuntratti Natura 2000 mill-evalwazzjoni tal-effetti fuq is-sit skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-Habitat.

63.      Il-kuntratti Natura 2000 huma, skont il-liġi Franċiża, ftehim stabbilit mal-utenti ta’ ċerti siti f’żoni protetti skont id-Direttiva dwar il-Habitat.

64.      Huwa paċifiku li x-xogħlijiet jew it-titjib jistgħu jikkostitwixxu pjanijiet jew proġetti fis-sens tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-Habitat, filwaqt li, barra minn hekk, il-pjanijiet jew il-proġetti li huma direttament marbuta jew meħtieġa għat-tmexxija tas-sit ma jeħtiġux li jiġu suġġetti għal evalwazzjoni tal-effetti tagħhom.

65.      Jekk ir-rikors jintlaqa’ fuq dan il-punt, il-liġi Franċiża jkollha tirrikonoxxi li x-xogħlijiet jew it-titjib previsti fil-kuntratti Natura 2000 ikunu jistgħu jitwettqu minkejja li ma jkunux direttament marbuta jew meħtieġa għat-tmexxija tas-sit.

66.      Il-kontenut tal-kuntratti huwa rregolat mill-ewwel sentenza tat-tieni subparagrafu tal-paragrafu I tal-Artikolu L.414-3, paragrafu I, it-tieni inċiż, l-ewwel sentenza tal-Kodiċi tal-Ambjent:

“Il-kuntratt Natura 2000 jinkludi għadd ta’ impenji konformi mal-linji gwida u mal-miżuri ddefiniti mid-dokument tal-għanijiet, dwar il-konservazzjoni u jekk ikun il-każ, ir-restawr ta’ habitats naturali u ta’ speċijiet li ġġustifikaw il-ħolqien tas-sit Natura 2000.”

67.      Huwa għalhekk stabbilit li, f’kuntratt Natura 2000, ma jistgħux jiġu adottati miżuri, ikunu xi jkunu, u lanqas teżenthom b’dan il-mod mill-evalwazzjoni tal-effetti fuq is-sit. Iżda, il-ftehim għandu jkun konformi mad-dokument tal-għanijiet għas-sit kkonċernat. Dan id-dokument għandu essenzjalment jirrapreżenta t-traspożizzjoni tal-Artikolu 4(4) (29) u 6(1) (30) tad-Direttiva dwar il-Habitat, u b’mod partikolari jistabbilixxi l-għanijiet ta’ konservazzjoni u l-pjanijiet għall-implementazzjoni tagħhom għas-siti differenti.

68.      Ir-Repubblika Franċiża tosserva għalhekk u x’aktarx bir-raġun li l-miżuri tat-traspożizzjoni stabbiliti fil-kuntratti Natura 2000 ma jmorrux kontra l-għanijiet ta’ konservazzjoni u ta’ restawr tas-siti.

69.      Madankollu, il-Kummissjoni ma taqbilx fuq din il-konformità mal-għanijiet. Fil-fatt, il-miżuri li ma humiex kuntrarji għall-għanijiet mhux bilfors li jikkostitwixxu rabta diretta mat-tmexxija tas-sit. Il-leġiżlazzjoni Franċiża teżenta konsegwentement numru kbir ta’ miżuri mill-evalwazzjoni tal-effetti fuq is-sit.

70.      Id-deroga għall-miżuri tat-tmexxija tas-sit tibbaża fuq l-idea li dawn il-miżuri għandhom l-objettiv li jintħalqu l-għanijiet ta’ manteniment u ta’ restawr stabbiliti għas-sit. Id-definizzjoni ta’ dawn l-għanijiet, min-natura tagħha, ma tvarjax wisq minn evalwazzjoni tal-effetti. Hija tippreżupponi evalwazzjoni xjentifika ta’ data kumplessa dwar is-sit kkonċernat u l-ispeċi li wieħed jiltaqa’ magħhom hemmhekk, il-habitats u l-potenzjal ta’ żvilupp. Għaldaqstant, l-evalwazzjoni tal-effetti ta’ dawn il-miżuri twassal biex tikkostitwixxi eżami doppju.

71.      Kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-Habitat lanqas ma jimponi l-obbligu li jiġi żgurat in-nuqqas tal-effett tal-miżuri tat-tmexxija tas-sit, f’dawk il-każijiet meta dawn ikunu jistgħu jippreġudikaw l-għanijiet ta’ konservazzjoni. Id-definizzjoni tal-għanijiet ta’ konservazzjoni u ta’ restawr tista’ fil-fatt teżiġi r-riżoluzzjoni ta’ konflitti ta’ diversi għanijiet. Ir-rikonoxximent tal-ħsara kkawżata lil ċerti tipi ta’ habitats jew speċijiet, tista’ għalhekk tkun meħtieġa, biex tagħti lok għal żviluppi oħrajn. L-importanza tad-diversi għanijiet ta’ konservazzjoni u ta’ restawr għal Natura 2000 hija determinanti (31).

72.      Is-sostituzzjoni tal-evalwazzjoni tal-effetti fuq is-sit b’deċiżjonijiet għat-tmexxija tas-sit, ma tistax madankollu tkun estiża għall-miżuri li ma għandhomx ir-rekwiżit tar-rabta diretta mat-tmexxija tas-sit. Fil-fatt, il-Kummissjoni tenfasizza ġustament li d-derogi mir-regoli ġenerali għandhom jiġu interpretati b’mod strett. Bis-saħħa tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-Habitat, il-pjanijiet u l-proġetti għandhom bħala regola jiġu eżaminati individwalment. Fil-kuntest ta’ din il-proċedura, l-effetti konkreti tal-miżura inkwistjoni jistgħu jiġu esposti.

73.      Min-naħa l-oħra, il-kuntratti Natura 2000 huma, mid-definizzjoni tagħhom, ta’ natura ġenerali. Huwa limitat kemm jistgħu jqisu b’mod konkret is-sit ikkonċernat jew l-istat tiegħu, fil-mument tal-adozzjoni tal-miżura. Barra minn hekk, l-esperjenzi miksuba minn dawn il-miżuri fil-perijodu bejn il-konklużjoni tal-kuntratt u l-implementazzjoni tal-miżura ma jistgħux jiġu integrati fil-kuntratt jekk mhux permezz ta’ emenda tiegħu. Jekk din l-emenda twassal biex tillimita l-attivitajiet, x’aktarx li tkun il-kawża ta’ kontroversji u għaldaqstant l-implementazzjoni tagħha tkun diffiċli.

74.      Għal din ir-raġuni mhux biżżejjed, biex tiġi evitata l-evalwazzjoni tal-effetti fuq is-sit, li l-miżuri jkunu kompatibbli mad-dokument tal-għanijiet, iżda jridu jkunu wkoll direttament meħtieġa għat-twettiq tal-għanijiet ta’ konservazzjoni. L-effetti ta’ adattament tal-liġi Franċiża f’dan is-sens jistgħu jkunu minimi, iżda jistgħu jikkontribwixxu biex jiġu evitati l-malintiżi.

75.      Konsegwentement, it-tieni subparagrafu tal-paragrafu I tal-Artikolu L.414-4 u l-ewwel sentenza tat-tieni subparagrafu tal-paragrafu I tal-Artikolu L.414-3 tal-Kodiċi tal-Ambjent huma inkompatibbli mal-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-Habitat, inkwantu jistabbilixxu li huwa biżżejjed li l-kuntratti Natura 2000 jikkorrispondu mad-dokument tal-għanijiet taż-żona kkonċernata.

76.      Fil-kuntest tar-replika – jiġifieri probabbilment fi stadju tardiv – il-Kummissjoni tikkritika lir-Repubblika Franċiża li tippermetti l-konklużjoni tal-kuntratti Natura 2000 qabel mad-dokument tal-għanijiet ikun ġie adottat u konsegwentement indipendentement minnu, iżda dan l-ilment – li mhux ikkontestat mir-Repubblika Franċiża − ma ġiex ipprovat.

2.      Fuq l-operazzjonijiet li ma humiex suġġetti għal awtorizazzjoni

77.      Skont l-ewwel sentenza tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu L.414-4 tal-Kodiċi tal-Ambjent, fil-verżjoni li tapplika f’dan il-kuntest, ix-xogħlijiet u t-titjib iridu jkunu suġġetti għall-proċedura tal-evalwazzjoni tal-effetti fuq is-sit, biex jiġu awtorizzati.

78.      Skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-Habitat, f’każ ta’ dubju fir-rigward tan-nuqqas ta’ effetti sinjifikattivi, il-pjanijiet u l-proġetti għandhom jiġu suġġetti għal evalwazzjoni tal-effetti tagħhom fuq is-sit. Għaldaqstant, uħud minn dawn il-proġetti jistgħu jiġu eżentati mill-evalwazzjoni tal-effetti biss fuq il-bażi ta’ kriterji li huma adatti biex jiggarantixxu li dawn il-proġetti ma jistgħux jaffettwaw is-siti protetti b’mod sinjifikattiv (32).

79.      Il-Kummissjoni tikkritika, abbażi ta’ dan, lil-liġi Franċiża li tirrikonoxxi proġetti li la jeħtieġu l-awtorizazzjoni u lanqas l-approvazzjoni tal-amministrazzjoni u li għaldaqstant jaħarbu l-proċedura tal-evalwazzjoni. Uħud minn dawn il-proġetti għandhom effetti sinjifikattivi fuq iż-żoni ta’ konservazzjoni, fid-dawl tal-għanijiet ta’ konservazzjoni tal-ispeċijiet.

80.      Ir-Repubblika Franċiża ma tikkontestax din l-affermazzjoni, iżda tinvoka l-emendi tad-dispożizzjonijiet ikkonċernati, introdotti permezz ta’ Liġi tal-1 ta’ Awwissu 2008 (33) u barra minn hekk ippreparati.

81.      Dawn id-dispożizzjonijiet jistabbilixxu li, bħala regola, il-miżuri kollha, ta’ kwalunkwe natura, kemm jekk ikunu suġġetti għall-awtorizazzjoni kif ukoll jekk ma jkunux, għandhom ikunu s-suġġett tal-proċedura tal-evalwazzjoni tal-effetti fuq is-sit. Madankollu, huma għandhom ukoll jidhru fuq lista nazzjonali jew lokali, stabbilita fir-rigward tal-għanijiet ta’ konservazzjoni kkonċernati.

82.      Huwa konċepibbli li l-listi lokali, b’mod partikolari, jippermettu l-limitazzjoni tal-obbligu tal-evalwazzjoni tal-effetti fuq is-sit għall-miżuri li min-natura tagħhom għandhom effetti minimi. Il-listi lokali jistgħu, fil-fatt, jirrikonoxxu, kemm il-miżuri inkwistjoni kif ukoll ir-riskji għall-għanijiet ta’ konservazzjoni u ta’ stabbiliment. B’dan il-mod, jistgħu jiġu evitati l-eżamijiet superfluwi u r-riskji speċifiċi jistgħu jiġu identifikati bi preċiżjoni. Madanakollu, jekk il-listi inkwistjoni ma jiġux stabbiliti jew ma jiġux ikkompletati, il-protezzjoni tas-siti żgur li tiġi affettwata. Fil-qasam tal-miżuri speċifiċi għal ċerti siti, il-Kummissjoni tkun tista’ tivverifikhom biss b’mod limitat.

83.      Kif il-Kummissjoni bir-raġun tikkonferma, dawn ir-regoli l-ġodda huma ta’ importanza minima fil-kuntest ta’ din il-proċedura. Il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tinjorhom, għaliex huwa l-istat tal-liġi fl-iskadenza tat-terminu stabbilit mill-Kummissjoni fl-opinjoni motivata, jiġifieri fil-15 ta’ Frar 2007, li jgħodd (34). Ir-Repubblika Franċiża ma tikkontestax li l-leġiżlazzjoni applikabbli dak iż-żmien ma kinitx konformi mal-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-Habitat.

84.      Għaldaqstant għandu jiġi kkonstatat li l-ewwel sentenza tal-ewwel subparagrafu tal-paragrafu I tal-Artikolu L.414-4 tal-Kodiċi tal-Ambjent hija inkompatibbli mal-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-Habitat, inkwantu hija tillimita l-proċedura tal-evalwazzjoni tal-effetti fuq is-sit għax-xogħlijiet u t-titjib suġġetti għall-awtorizazzjoni.

C –    Fuq l-eżami tas-soluzzjonijiet alternattivi

85.      Finalment, il-Kummissjoni tikkritika l-fatt li l-evalwazzjoni tal-effetti fuq is-sit li għandha ssir għall-pjanijiet u l-proġetti ma għandhiex ikun fiha preżentazzjoni ta’ soluzzjonijiet alternattivi, meta tirriżulta f’riżultat negattiv. Evalwazzjoni tajba tal-effetti fuq is-sit fis-sens tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-Habitat għandu madankollu jkun fiha dawn l-alternattivi.

86.      Jidher, mal-ewwel daqqa t’għajn, li din il-kwistjoni hija diġà riżolta, kuntrarjament għall-opinjoni tal-Kummissjoni. L-alternattivi għal pjan jew proġett fil-fatt, ma jikkonċernawx l-applikazzjoni tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-Habitat, iżda l-awtorizazzjoni ta’ pjanijiet u proġetti skont l-Artikolu 6(4). Inkwantu huwa ta’ interess għalina, din id-dispożizzjoni tipprovdi kif ġej:

“Jekk, minkejja li jkun hemm evalwazzjoni negattiva ta’ l-implikazzjonijiet [effetti] għas-sit u fin-nuqqas ta’ soluzzjonijiet oħra, pjan jew proġett irid isir xorta waħda għal raġunijiet obbligatorji oħra li huma konnessi ma’ l-interess pubbliku, inklużi dawk ta’ tip soċjali jew ekonomiku, l-Istat Membru irid jieħu l-miżuri kollha kumpensatorji meħtieġa biex jiżgura li tkun protetta l-koerenza globali ta’ Natura 2000. […]”

87.      L-applikazzjoni tal-Artikolu 6(4) tad-Direttiva dwar il-Habitat mhix mandatorja. Anzi, f’każ ta’ riżultat negattiv tal-evalwazzjoni tal-effetti fuq is-sit, l-awtoritajiet kompetenti għandhom l-għażla li jirrifjutaw l-awtorizazzjoni għat-twettiq ta’ dak il-proġett jew li jawtorizzawh skont l-Artikolu 6(4) tad-Direttiva dwar il-Habitat, kemm-il darba l-kundizzjonijiet stabbiliti f’din id-dispożizzjoni jiġu sodisfatti (35). Għal din ir-raġuni l-evalwazzjoni tal-effetti fuq is-sit prevista fl-Artikolu 6(3) ma tistax tiġi estiża għall-aspetti stabbiliti fl-Artikolu 6(4) (36).

88.      Ħarsa iktar mill-viċin, jidher madanakollu li l-Kummissjoni qed tqajjem punt ieħor hawnhekk. Il-paragrafu III tal-Artikolu R.414-21 tal-Kodiċi tal-Ambjent, ikkritikat mill-Kummissjoni, jikkonċerna espressament il-każ li fih pjan jew proġett, minkejja ir-riżultat negattiv tal-evalwazzjoni tal-effetti fuq is-sit, għandu jiġi implementat. F’dan il-każ, huwa meħtieġ eżami ta’ soluzzjonijiet alternattivi.

89.      Madankollu wieħed jista’ jirribatti li l-ilment tal-Kummissjoni ma jikkonċernax it-traspożizzjoni tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-Habitat, iżda l-ksur tal-Artikolu 6(4). Fil-kuntest tad-definizzjoni preċiża tal-portata tar-rikors skont il-konklużjonijiet tiegħu, wieħed jista’ jikkunsidra li dan l-argument għandu jiġi miċħud (37).

90.      Madanakollu, l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-Habitat kif ukoll il-motiv tar-rikors u, iktar qabel, l-opinjoni motivata jirreferu għar-rabta mal-Artikolu 6(4) tad-Direttiva dwar il-Habitat. Għaldaqstant, il-konklużjonijiet tar-rikors għandhom jiġu interpretati, fis-sens li l-Kummissjoni kellha effettivament l-intenzjoni tinvoka l-ksur tal-Artikolu 6(4).

91.      Ir-Repubblika Franċiża madanakollu, kienet konxja mill-eżistenza ta’ din ir-rabta peress li l-argumentazzjoni tagħha kemm fil-fażi prekontenzjuża kif ukoll fin-noti tagħha ta’ din il-proċedura, dejjem jitilqu mill-prinċipju ta’ ksur tal-Artikolu 6(4). Id-difiża li topponi l-motivi tal-Kummissjoni, ma ġietx għalhekk ippreġudikata min-nuqqas tal-invokazzjoni formali tal-Artikolu 6(4) tad-Direttiva dwar il-Habitat.

92.      Skont il-punt 1 tal-paragrafu III tal-Artikolu R-414-21 min jilmenta għandu jindika, għal dan il-għan, ir-raġunijiet għan-nuqqas ta’ soluzzjoni sodisfaċenti:

“Meta, minkejja l-miżuri previsti fi II, il-programm jew il-proġett jista’ jkollu effeti dannużi partikulari fuq l-istat ta’ konservazzjoni tal-habitats naturali u tal-ispeċijiet li jkunu ġġustifikaw l-għażla tas-sit jew tas-siti, id-dokumenti tal-evalwazzjoni għandhom juru wkoll:

1. Ir-raġunijiet li għalihom ma teżistix soluzzjoni oħra sodisfaċenti u l-elementi li jippermettu li jiġi ġġustifikat it-twettiq tal-programm jew tal-proġett fil-kundizzjonijiet previsti fi III jew IV tal-Artikolu L. 414-4;

2.      […]”

93.      Il-Kummissjoni hija tal-opinjoni li dawn l-indikazzjonijiet ma humiex biżżejjed biex jirrikjedu l-eżami ta’ soluzzjonijiet alternattivi. L-awtoritajiet kompetenti għandhom, min-naħa l-oħra, ikunu huma li jfittxu soluzzjonijiet alternattivi.

94.      Il-Gvern Franċiż jirribatti, minn naħa, li l-Artikolu 6(4) tad-Direttiva dwar il-Habitat ma jeħtieġx espressament preżentazzjoni tal-alternattivi, iżda biss in-nuqqas ta’ soluzzjoni alternattiva.

95.      Il-pożizzjoni Franċiża hija ċertament preċiża jekk wieħed jikkunsidra l-kontenut b’mod iżolat, iżda jirriżulta mill-kuntest u mill-għan tal-leġiżlazzjoni li n-nuqqas tal-alternattivi tippreżupponi l-paragun (38).

96.      Ir-Repubblika Franċiża ssostni, min-naħa l-oħra, li l-ispjegazzjoni dwar in-nuqqas tal-alternattivi, meħtieġa mill-punt 1 tal-paragrafu III tal-Artikolu R.414-21 tal-Kodiċi tal-Ambjent, tippreżupponi fil-prattika u fi kwalunkwe każ, li min jilmenta jeżamina s-soluzzjonijiet alternattivi, jiddiskrivihom, jillustrahom u jpinġihom. Dan għandu jiġi ċċarat sussegwentement fid-dispożizzjonijiet implementattivi.

97.      Anki jekk, fil-prattika, l-alternattivi jiġu ppreżentati, il-punt 1 tal-paragrafu III tal-Artikolu R.414-21 tal-Kodiċi tal-Ambjent mhux intiż biex jeżiġi eżami tas- soluzzjonijiet alternattivi kif previst fl-Artikolu 6(4) tad-Direttiva dwar il-Habitat.

98.      Dan jirriżulta l-ewwel nett mill-fatt li mhux min japplika li għandu jistabbilixxi n-nuqqas tas-soluzzjonijiet alternattivi, iżda huma l-awtoritajiet inkarigati li jagħtu l-awtorizazzjonijiet. Dawn jistgħu, wara li jwieżnu l-vantaġġi u l-iżvantaġġi kollha ta’ kull varjant ta’ pjan jew proġett li għalih tkun qed tintalab l-awtorizazzjoni, jaslu għal konklużjoni oħra għajr dik ta’ min jilmenta. Dan tal-aħħar ikun ġeneralment influwenzat mill-interess tiegħu fl-għażla bejn diversi soluzzjonijiet alternattivi. L-Artikolu 6(4) tad-Direttiva dwar il-Habitat ma jawtorizzax madanakollu l-ħsarat lil sit protett, ħlief jekk dawn ikunu meħtieġa fl-interess ġenerali. Huma biss l-awtoritajiet inkarigati li jagħtu l-awtorizazzjonijiet li jistgħu jiddeċiedu dwar din il-kwistjoni.

99.      Mhux eskluż, huwa minnu, li min jilmenta jiddeċiedi li jagħmel l-eżami preliminarja tas-soluzzjonijiet alternattivi, iżda x-xogħlijiet preparatorji tiegħu ma jistgħu jippreġudikaw il-konklużjoni. Min-naħa l-oħra, il-paragun għandu jwassal għall-ħtieġa biex il-proġett jitwettaq b’mod differenti, biex is-sit inkwistjoni jiġi protett. Barra minn hekk, diġà indikajt li l-alternattivi l-iktar simili għandhom għallinqas, jiġu eżaminati abbażi ta’ kriterji xjentifiċi komparabbli, għal dak li għandu x’jaqsam mal-effett tagħhom fuq iż-żona kkonċernata u r-raġunijiet rispettivi tal-interess pubbliku (39).

100. Il-punt 1 tal-paragrafu III tal-Artikolu R.414-21 tal-Kodiċi tal-Ambjent ma jistipulax b’mod ċar ir-rekwiżit biex l-awtoritajiet ikkonċernati jipproċedu għall-paragun li jkopri l-ipoteżi kollha, mingħajr l-esklużjoni ta’ kwalunkwe riżultat. B’mod partikolari, mhux biżżejjed li wieħed jillimita ruħu biex jindika r-raġunijiet li għalihom ma teżisti l-ebda raġuni alternattiva, anki jekk dan ikun jinvolvi l-preżentazzjoni tal-alternattivi. L-awtoritajiet kompetenti għandhom, min-naħa l-oħra, ikunu konxji tal-argumenti favur l-alternattivi, biex ikunu jistgħu sussegwentement jikkunsidrawhom.

101. Għaldaqstant, il-punt 1 tal-paragrafu III tal-Artikolu R.414-21 tal-Kodiċi tal-Ambjent ma huwiex konformi mal-Artikolu 6(4) tad-Direttiva dwar il-Habitat.

IV – Konklużjoni

102. Għaldaqstant nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi kif ġej:

1.      Ir-Repubblika Franċiża naqset milli twettaq l-obbligi tagħha skont l-Artikolu 6(2)(3) u (4) tad-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal-21 ta’ Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni tal-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa, billi ma adottatx il-miżuri leġiżlattivi u regolamentari kollha meħtieġa għat-traspożizjoni eżatta ta’ dawn id-dispożizzjonijiet.

2.      Ir-Repubblika Franċiża hija kkundannata għall-ispejjeż.


1 – Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2  – ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 102; il-verżjoni applikabbli hija dik tad-Direttiva dwar il-Habitat emendata bl-Att li jirrigwarda l-kundizzjonijiet tal-adeżjoni mal-Unjoni Ewropea tar-Repubblika Ċeka, tar-Repubblika tal-Estonja, tar-Repubblika ta’ Ċipru, tar-Repubblika tal-Latvija, tar-Repubblika tal-Litwanja, tar-Repubblika tal-Ungerija, tar-Repubblika ta’ Malta, tar-Repubblika tal-Polonja, tar-Repubblika tas-Slovenja u tar-Repubblika tas-Slovakkja, u l-aġġustamenti għat-trattati li fuqhom hija stabbilita l-Unjoni Ewropea, ĠU 2003, L 236, p. 33.


3 – Sentenza tal-20 ta’ Ottubru 2005, Il‑Kummissjoni vs Ir‑Renju Unit (C‑6/04, Ġabra p. I‑9017, punt 34).


4 – JORF Nru 46 tal-24 ta’ Frar 2005.


5 – JORF Nru 303 tal-31 ta’ Diċembru 2006.


6 –      Il-korsiv huwa tiegħi.


7 – Sentenza tat-18 ta’ Diċembru 2007, Il‑Kummissjoni vs Spanja (C‑186/06, Ġabra p. I‑12093, punt 15, u l-ġurisprudenza ċċitata).


8 – Sentenza tat-18 ta’ Mejju 2006, Il‑Kummissjoni vs Spanja (C‑221/04, Ġabra p. I‑4515, punt 23, u l-ġurisprudenza ċċitata).


9 – Sentenza tat-22 ta’ Settembru 2005, Il‑Kummissjoni vs Il‑Belġju (C‑221/03, Ġabra p. I‑8307, punt 39, u l-ġurisprudenza ċċitata).


10 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-7 ta’ Settembru 2004, Waldenvereniging u Vogelsbeshermingsvereniging (Waddenzee) (C‑127/02, Ġabra p. I‑7405, punt 36), u tat-13 ta’ Diċembru 2007, Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda (C‑418/04, Ġabra p. I‑10947, punt 263), kif ukoll il-konklużjonijiet tat-30 ta’ Jannar 2004 fil-kawża Waldenvereniging u Vogelsbeshermingsvereniging (Waddenzee) (C‑127/02; Ġabra p. I‑7405, punt 118) u tad-19 ta’ April 2007, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja (C‑304/05, Ġabra p. I‑10947, punt 173).


11 – Sentenza Waddenzee (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 10, punt 48).


12 – Sentenza tal-4 ta’ Ottubru 2007, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja (C‑179/06, Ġabra p. I‑131, punt 35).


13 – Sentenza Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 10, punt 259).


14 – Sentenza tat-12 ta’ Lulju 2007, Il‑Kummissjoni vs L‑Awstrija (C‑507/04, Ġabra p. I‑5939, punt 162, u l-ġurisprudenza ċċitata).


15 – Sentenzi Il Kummissjoni vs Ir-Renju Unit (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota’ ta’ qiegħ il-paġna 3, punt 25); tal-10 ta’ Jannar 2006, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja (C‑98/03, Ġabra p. I‑53, punt 59), u tal-10 ta’ Mejju 2007, Il‑Kummissjoni vs L‑Awstrija (C‑508/04, Ġabra p. I‑3787, punt 58).


16 – Sentenza Il‑Kummissjoni vs Ir‑Renju Unit (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3, punt 26).


17 – Punt 34 tar-risposta.


18 – ĠU L 103, p. 1.


19 – Sentenzi tal-25 ta’ Novembru 1999, Il‑Kummissjoni vs Franza (C‑96/98, Ġabra p. I‑8531, punt 35); tat-13 ta’ Lulju 2002, Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda (C‑117/00, Ġabra p. I‑5335, punt 26), u tal-20 ta’ Settembru 2007, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja (C‑388/05, Ġabra p. I‑7555, punt 26).


20 – Sentenzi tat-28 ta’ Frar 1991, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja (C‑57/89, Ġabra p. I‑883, punt 22), u Il‑Kummissjoni vs Spanja (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 7, punt 37).


21 – Ara f’dan ir-rigward il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Waddenzee (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 10, punt 119). Soluzzjoni prattika, li diġà hija applikata mil-liġi Franċiża l-iktar reċenti (ara l-punti 80 et seq), hija dik tal-estensjoni tal-proċedura tal-awtorizazzjoni skont l-Artikolu 6(3) u (4) tad-Direttiva dwar il-Habitat – eventwalment għal kull każ individwalment – għall-attivitajiet inkwistjoni, peress li huwa possibbli f’dan il-kuntest li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-interessi l-iktar dominanti.


22 – Din id-dispożizzjoni hija abbozzata kif ġej: “Ladarba sit li huwa ta’ importanza Komunitarja ġie kkonservat skont il-proċedura stabbilita fil-paragrafu 2, l-Istat Membru kkonċernat għandu jistabbilixxi dan is-sit bħala żona speċjali ta’ konservazzjoni mill-iktar fis possibbli u fi kwalunkwe każ qabel l-iskadenza tas-sitt sena, billi jiddetermina l-prijoritajiet skont l-importanza tas-siti, għall-manteniment jew l-istabbiliment fi stat favorevoli ta’ konservazzjoni, ta’ tip ta’ habitat naturali tal-Anness I jew ta’ speċi tal-Anness II u għall-koerenza ta’ Natura 2000, kif ukoll skont ir-riskji ta’ degradazzjoni jew ta’ distruzzjoni li jaffetwawhom.”


23 – Sentenza Waddenzee (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 10, punt 54).


24 – Ara l-konklużjonijiet tiegħi tat-23 ta’ April 2009 fil-kawża Futura Immobiliare et (C‑254/08, Ġabra p. I‑6995, punt 58).


25 – Ara s-sentenza Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 15, punti 43 u 44).


26 – Ara f’dan ir-rigward is-sentenza Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 10, punti 236 et seq).


27 – Ara s-sentenza Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 15, punt 43).


28 – Ara l-punt 34 iktar ’il fuq.


29 – Dwar it-test ta’ din id-dispożizzjoni ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 22.


30 – Din id-dispożizzjoni hija abbozzata kif ġej: “Għaż-żoni speċjali ta’ konservazzjoni, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu l-miżuri ta’ konservazzjoni meħtieġa li jinkuldu, jekk ikun il-każ, il-pjanijiet tat-tmexxija meħtieġa, speċifiċi għas-sit jew integrati fi pjanijiet oħra ta’ titjib u l-miżuri regolatorji, amministrattivi jew kuntrattwali adattati, li jikkorrispondu għall-eżiġenzi ekoloġiċi tat-tipi ta’ habitats naturali tal-Anness I jew l-ispeċijiet tal-Anness II preżenti fis-sit”.


31 – Ara l-punti 43 et seq.


32 – Sentenza Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 15, punt 41).


33 – Il-Liġi Nru 2008-757 tal-1 ta’ Awwissu 2008 dwar ir-responsabbiltà ambjentali u l-varji dispożizzjonijiet għall-adozzjoni tad-dritt Komunitarju fil-qasam tal-ambjent (JORF Nru 179, tat-2 ta’ Awwissu 2008, p. 12361).


34 – Ara l-punt 15 iktar ’il fuq.


35 – Sentenza tas-26 ta’ Ottubru 2006, Il‑Kummissjoni vs Il‑Portugall (C‑239/04, Ġabra p. I‑10183, punt 25). Ara wkoll is-sentenza Waddenzee (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 10, punti 57 u 60).


36 – Sentenza tal-14 ta’ April 2005, Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi (C‑441/03, Ġabra p. I‑3043, punti 28 et seq).


37 – Ara s-sentenza Il‑Kummissjoni vs Ir‑Renju Unit (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3, punti 57 et seq).


38 – Sentenza Il‑Kummissjoni vs Il‑Portugall (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 35, punti 36 et seq).


39 – Ara l-konklużjonijiet tiegħi tas-27 ta’ April 2006, Il‑Kummissjoni vs Il‑Portugall (C‑239/04, Ġabra p. I‑10183, punt 46). Ara wkoll is-sentenza Il‑Kummissjoni vs L‑Italja (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 10, punt 83).