Language of document : ECLI:EU:C:2010:114

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

4 ta’ Marzu 2010 (*)

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Direttiva 92/43/KEE – Artikolu 6(2) u (3) – Traspożizzjoni inkorretta – Żoni speċjali ta’ konservazzjoni – Effetti sinjifikattivi ta’ proġett fuq l-ambjent – Natura ‘bla tfixkil’ ta’ ċerti attivitajiet – Evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent”

Fil-Kawża C-241/08,

li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu taħt l-Artikolu 226KE, ippreżentat fit-2 ta’ Ġunju 2008,

Il-Kummissjoni Ewropea, rrappreżentata minn D. Recchia u J.‑B. Laignelot, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

rikorrenti

vs

Ir-Repubblika Franċiża, irrappreżentata minn G. de Bergues u A.‑L.During, bħala aġenti,

konvenuta

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn J.-C. Bonichot, President tar-Raba’ Awla li qed jaġixxi bħala President tat-Tieni Awla, C. W. A. Timmermans, K. Schiemann, P. Kūris u L. Bay Larsen (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: R. Grass,

wara li rat il-proċedura bil-miktub

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-25 ta’ Ġunju 2009,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tikkonstata li, billi ma adottatx il-miżuri kollha leġiżlattivi u regolamentari neċessarji għal traspożizzjoni korretta tal-Artikolu 6(2) u (3) tad-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE, tal-21 ta’ Mejju 1992, dwar il-konservazzjoni tal-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 102, iktar ’il quddiem id-Direttiva “dwar il-habitats”), ir-Repubblika Franċiża naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt din id-direttiva.

 Il-kuntest ġuridiku

 Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

2        L-Artikolu 2(3) tad-Direttiva “dwar il-habitats” jipprovdi li l-miżuri meħuda skont din id-direttiva għandhom iqisu l-ħtiġijiet ekonomiċi, soċjali u kulturali, kif ukoll il-karatteristiċi reġjonali u lokali.

3        L-Artikolu 6(2) sa (4) tad-Direttiva “dwar il-habitats” jipprovdi li:

“2.      L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri xierqa biex jevitaw, fiż-żoni speċjali ta’ konservazzjoni, id-deterjorament ta’ l-habitat naturali u l-habitat ta’ l-ispeċi kif ukoll t-tfixkil ta’ l-ispeċi li għalihom ġew nominati ż-żoni, safejn dak it-tfixkil jista’ jkun sinifikanti meta jitqies skond l-għanijiet ta’ din id-Direttiva.

3.       Kull pjan jew proġett li mhux marbut direttament ma’ jew li ma hux meħtieġ għat-tmexxija tas-sit iżda li x’aktarx se jkollu effett sinjifikanti fuqu, jew b’mod individwali jew inkella flimkien ma’ xi pjanijiet jew proġetti oħra, għandu jkun suġġett għal evalwazzjoni xierqa ta’ l-implikazzjonijiet [effetti] tiegħu għas-sit in vista ta’ l-għanjiet ta’ konservazzjoni tas-sit. Fl-isfond tar-riżultati ta’ l-evalwazzjoni ta’ l-implikazzjonijiet għas-sit u skond id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 4, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom jaqblu dwar il-pjan jew il-proġett biss wara li jkunu żguraw li dan ma jaffettwax ħażin l-integrità tas-sit konċernat u, jekk xieraq, wara li jkunu raw l-opinjoni tal-pubbliku ġenerali.

4.       Jekk, minkejja li jkun hemm evalwazzjoni negattiva ta’ l-implikazzjonijiet għas-sit u fin-nuqqas ta’ soluzzjonijiet oħra [alternattivi], pjan jew proġett irid isir xorta waħda għal raġunijiet obbligatorji oħra li huma konnessi ma’ l-interess pubbliku, inklużi dawk ta’ tip soċjali jew ekonomiku, l-Istat Membru irid jieħu l-miżuri kollha kumpensatorji meħtieġa biex jiżgura li tkun protetta l-koerenza globali ta’ Natura 2000. Hu jrid jgħarraf lill-Kummissjoni dwar il-miżuri kumpensatorji adottati.

[…]”

 Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

4        L-Artikolu L. 414-1(V) tal-Kodiċi tal-Ambjent jipprovdi li:

“Is-siti Natura 2000 għandhom jibbenifikaw minn miżuri intiżi għall-konservazzjoni jew għar-restawr, fi stat favorevoli għaż-żamma tagħhom fit-tul, tal-habitats naturali u tal-popolazzjonijiet ta’ speċijiet ta’ fawna u flora selvaġġa li ġġustifikaw in-nomina tagħhom. Is-siti Natura 2000 għandhom ukoll jibbenifikaw minn miżuri ta’ prevenzjoni xierqa sabiex jiġi evitat id-deterjorament tal-istess habitats naturali u t-tfixkil li jista’ jaffettwa b’mod sinjifikattiv lill-istess speċijiet.

Dawn il-miżuri għandhom jiġu ddefiniti b’konsultazzjoni, b’mod partikolari, ma’ awtoritajiet lokali interessati u l-gruppi tagħhom ikkonċernati, kif ukoll ma’ rappreżentanti tal-proprjetarji, operaturi u utenti tal-art u spazji inklużi fis-sit.

Huma għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni l-ħtiġijiet ekonomiċi, soċjali, kulturali u dawk tad-difiża, kif ukoll il-karatteristiċi reġjonali u lokali. Huma għandhom ikunu adattati għat-theddidiet speċifiċi li jkollhom dawn il-habitats naturali u l-ispeċijiet. Huma ma għandhomx iwasslu sabiex jipprojbixxu l-attivitajiet tal-bniedem sakemm ma jkollhomx effetti sinjifikattivi fuq iż-żamma jew ir-restawr fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli ta’ dawn il-habitats naturali u l-ispeċijiet. Is-sajd, l-attivitajiet relatati mal-molluski, il-kaċċa u l-attivitajiet l-oħra analogi għall-kaċċa, imwettqa taħt il-kundizzjonijiet u fit-territorji awtorizzati mil-liġijjiet u r-regolamenti fis-seħħ ma jikkostitwixxux attivitajiet ta’ tfixkil jew attivitajiet b’effetti simili.

Il-miżuri għandhom jittieħdu fil-kuntest tal-kuntratti jew statuti provduti fl-Artikolu L.414-3 jew skont il-liġijiet jew ir-regolamenti, b’mod partikolari, dawk relattivi għall-parkijiet nazzjonali, għall-parkijiet naturali tal-baħar, għar-riżervi naturali, għall-bijotipi jew għas-siti kklassifikati.”

5        L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu L. 414-2(I) tal-Kodiċi tal-Ambjent jipprovdi li għal kull sit Natura 2000, dokument tal-għanijiet għandu jiddefinixxi l-linji gwida tat-tmexxija, il-miżuri provduti fl-Artikolu L. 414-1, ir-regoli għall-implementazzjoni tagħhom u d-dispożizzjonijiet finanzjarji li jakkumpanjawhom.

6        L-Artikolu L. 414-3(I) ta’ dan il-kodiċi jipprovdi li:

“Għal fini tad-dokument tal-għanijiet, il-proprjetarji tad-drittijiet in rem u in personam fuq l-art inkluża fis-sit, kif ukoll il-professjonisti u l-utenti taż-żoni tal-baħar li jinsabu fis-sit, jistgħu jikkonkludu kuntratti mal-awtorità amministrattiva, imsejħa ‘kuntratti Natura 2000’. […]

Il-kuntratt Natura 2000 jinkludi għadd ta’ impenji konformi mal-linji gwida u mal-miżuri ddefiniti mid-dokument tal-għanijiet, dwar il-konservazzjoni u jekk ikun il-każ, ir-restawr ta’ habitats naturali u ta’ speċijiet li ġġustifikaw il-ħolqien tas-sit Natura 2000. […]

[…]”

7        Skont l-Artikolu L. 414-4(I) tal-imsemmi kodiċi:

“Il-programmi jew proġetti ta’ xogħlijiet jew ta’ titjib suġġetti għall-awtorizazzjoni jew għall-approvazzjoni amministrattiva u li s-seħħ tagħhom huwa tali li jaffettwa b’mod notevoli sit ta’ Natura 2000, huma suġġetti għall-evalwazzjoni tal-effetti tagħhom fid-dawl tal-għanijiet tal-konservazzjoni tas-sit. Għal kwalunkwe fost dawn il-programmi li huma previsti f’liġijiet u regolamenti u li ma humiex suġġetti għal studju tal-effett, l-evalwazzjoni għandha titmexxa skont il-proċedura stabbilita fl-Artikoli L. 122-4 et seq ta’ dan il-kodiċi.

Ix-xogħlijiet u t-titjib previsti fil-kuntratti Natura 2000 huma eżentati mill-proċedura ta’ evalwazzjoni msemmija fis-subparagrafu preċedenti.”

8        Skont il-punt 1 tal-Artikolu R-414-21(III) tal-Kodiċi tal-Ambjent, min jilmenta għandu jindika r-raġunijiet li ma teżisti ebda soluzzjoni sodisfaċenti oħra għat-twettiq ta’ pjan jew ta’ proġett, meta dan tal-aħħar jista’ jkollu effetti dannużi partikulari fuq l-istat ta’ konservazzjoni tal-habitats naturali u tal-ispeċijiet.

 Il-proċedura prekontenzjuża

9        Fit-18 ta’ Ottubru 2005, il-Kummissjoni bagħtet ittra ta’ intimazzjoni lir-Repubblika Franċiża li fiha esprimiet id-dubji tagħha rigward il-konformità tal-leġiżlazzjoni Franċiża mal-Artikolu 6(2) u (3) tad-Direttiva “dwar il-habitats”.

10      Peress li r-risposta tal-awtoritajiet Franċiżi, tas-7 ta’ Frar 2006, ma kinitx meqjusa konvinċenti mill-Kummissjoni, din tal-aħħar bagħtet opinjoni motivata, fil-15 ta’ Diċembru 2006, fejn stiednet lil dan l-Istat Membru sabiex jieħu l-miżuri neċessarji bl-għan li jirregola ruħu fi żmien xahrejn mid-data tan-notifika. L-awtoritajiet Franċiżi rrispondew għall-imsemmija opinjoni motivata permezz ta’ ittra tat-28 ta’ Frar 2007.

11      Il-Kummissjoni ppreżentat ir-rikors preżenti fit-2 ta’ Ġunju 2008.

 Fuq ir-rikors

 Għal dak li jirrigwarda l-Artikolu 6(2) tad-direttiva “dwar il-habitats”

 Fuq l-ammissibbiltà

12      Għandu jiġi kkonstatat li, għalkemm il-Liġi Nru 2006-1772, tat-30 ta’ Diċembru 2006, dwar l-ilma u l-ambjenti akwatiċi (JORF tal-31 ta’ Diċembru 2006, p. 20285) emendat id-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni, kif tenfasizza l-Kummissjoni mingħajr ma ġiet kontradetta mir-Repubblika Franċiża, il-modifiki introdotti, ma jbiddlux b’mod sostanzjali l-imsemmija dispożizzjonijiet u ma għandhomx effett fuq l-ilmenti li l-Kummissjoni esponiet fl-ittra ta’ intimazzjoni u fl-opinjoni motivata.

13      Min dan isegwi li l-ilmenti bbażati fuq in-nonkonformità tat-tielet u r-raba’ sentenzi tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu L. 414‑1(V) tal-Kodiċi tal-Ambjent huma ammissibbli.

 Fuq l-ewwel ilment ibbażat fuq l-applikazzjoni tal-kriterju relattiv għall-“effett sinjifikattiv” mingħajr distinzjoni bejn id-deterjorazzjoni tal-habitats u t-tfixkil tal-ispeċijiet

–       L-argumenti tal-partijiet

14      Il-Kummissjoni ssostni li peress li t-tielet sentenza tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu L. 414-1(V) tal-Kodiċi tal-Ambjent tipprovdi li l-attivitajiet tal-bniedem huma biss pprojbiti fis-siti Natura 2000 jekk ikollhom effetti sinjifikattivi fuq iż-żamma jew ir-restawr, fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli għall-habitats naturali u tal-ispeċijiet, tapplika l-kriterju bbażat fuq l-“effett sinjifikattiv” mingħajr distinzjoni bejn kemm id-deterjorament tal-habitats kif ukoll it-tfixkil tal-ispeċijiet u hija, konsegwentement, impreċiża u inqas stretta mill-Artikolu 6(2) tad-Direttiva “dwar il-habitats”. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni tal-aħħar teżiġi li l-Istati Membri jieħdu l-miżuri xierqa sabiex fiż-żoni speċjali ta’ konservazzjoni jiġi evitat, minn naħa, id-deterjorament tal-habitats naturali u tal-habitats tal-ispeċijiet u, min-naħa l-oħra, it-tfixkil tal-ispeċijiet sa fejn dan ikollu effett sinjifikattiv fid-dawl tal-għanijiet ta’ din id-direttiva. Fi kliem ieħor, it-tfixkil tal-ispeċijiet li ħafna drabi jseħħ għal perijodu qasir, jista’ jiġi ttollerat sa ċertu livell, b’differenza għad-deterjorament tal-habitats li jista’ jiġi definit bħala degradazzjoni fiżika li tolqot dawn il-habitats u li huwa awtomatikament ipprojbit peress li t-tqegħid ta’ habitat fil-periklu huwa iktar gravi mit-tfixkil ta’ speċi.

15      Għalkemm il-Kummissjoni tirrikonoxxi li l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu L.414-1(V) tal-Kodiċi tal-Ambjent jistabbilixxi, skont l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva “dwar il-habitats”, distinzjoni bejn il-ħtieġa li jiġi evitat id-deterjorament tal-habitats u dik li jiġi evitat it-tfixkil li jolqot l-ispeċijiet, peress li l-kriterju bbażat fuq l-“effett sinjifikattiv” huwa previst biss għal dan tal-aħħar, hija tikkritika madankollu, lil-leġiżlazzjoni Franċiża inkwistjoni, li ma tagħmilx din id-distinzjoni meta tirregola l-attivitajiet tal-bniedem, b’mod partikolari, fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu L. 414-1(v) tal-Kodiċi tal-Ambjent, liema attivitajiet ma jistgħux jiġu pprojbiti mill-awtoritajiet kompetenti sakemm ma jkollhomx effetti sinjifikattivi.

16      Ir-Repubblika Franċiża ssostni li, skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu L. 414‑1(V) tal-Kodiċi tal-Ambjent, għandu jiġi evitat f’kull każ, id-deterjorament tal-habitat, b’konformità mar-rekwiżiti tal-Artikolu 6(2) tad-Direttiva “dwar il-habitats”. Madankollu, it-tielet subparagrafu tal-Artikolu L. 414-1(V) ta’ dan il-Kodiċi jipprevjeni l-impożizzjoni ta’ projbizzjoni assoluta għall-attivitajiet tal-bniedem li ma għandhomx effetti sinjifikattivi fuq il-konservazzjoni tal-habitats. Taħt l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu L.414-1(V) tal-imsemmi Kodiċi, attivitajiet bħal dawn jistgħu jiġu suġġetti għal miżuri speċifiċi sabiex jiġu evitati d-deterjoramenti tal-habitats kif ukoll it-tfixkil li jolqot lill-ispeċijiet.

17      Skont ir-Repubblika Franċiża, billi għaqqad flimkien il-ħtieġa ta’ konservazzjoni tal-habitats u tal-ispeċijiet, maż-żamma tal-attivitajiet tal-bniedem li josservaw dan ir-rekwiżit, it-tielet subparagrafu tal-Artikolu L.414-1(V) tal-Kodiċi tal-Ambjent, huwa konformi mal-għanijiet tad-Direttiva “dwar il-habitats” u mal-Artikolu 2(3) ta’ din tal-aħħar li jipprovdi li l-miżuri għandhom jittieħdu fid-dawl tal-ħtiġijiet ekonomiċi, soċjali u kulturali, kif ukoll tal-karatteristiċi reġjonali u kulturali. Bil-kontra, il-pożizzjoni tal-Kummissjoni ma hijiex kompatibbli mar-rekwiżiti tal-imsemmija direttiva.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

18      L-Artikolu 6(2) tad-Direttiva “dwar il-habitats” jistabbilixxi obbligu ġenerali li jittieħdu miżuri ta’ protezzjoni xierqa inklużi li jiġi evitat li jseħħu deterjoramenti tal-habitats, kif ukoll tfixkil tal-ispeċijiet, li jista’ jkollhom effetti sinjifikattivi fid-dawl tal-għanijiet ta’ din id-direttiva.

19      F’dan ir-rigward hemm lok li jiġi rrilevat li l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu L.414-1(V) tal-Kodiċi tal-Ambjent jipprovdi li s-siti Natura 2000 għandhom jibbenefikaw minn miżuri ta’ prevenzjoni xierqa sabiex jiġi evitat id-deterjorament tal-habitats naturali u t-tfixkil li jista’ jaffettwa b’mod sinjifikattiv il-popolazzjonijiet tal-ispeċi ta’ fawna u flora selvaġġa, li ġġustifikaw in-nomina tagħhom.

20      Fir-rigward tal-attivitajiet tal-bniedem, it-tielet subparagrafu tal-Artikolu L.414‑1(V) tal-Kodiċi tal-Ambjent jippreċiża li miżuri bħal dawn ma jwasslux għal projbizzjoni tal-attivitajiet tal-bniedem, sakemm ma jkollhomx effetti sinjifikattivi fuq iż-żamma jew ir-restawr, fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli tal-habitats naturali u tal-ispeċi.

21      F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi kkonstatat li t-tielet subparagrafu tal-Artikolu L. 414-1(V) tal-Kodiċi tal-Ambjent għandu jinqara flimkien, u fid-dawl tal-ewwel subparagrafu ta’ dan l-artikolu.

22      Sabiex ikun jista’ jiġi stabbilit jekk l-ilment imqajjem mill-Kummissjoni huwiex fondat, huwa importanti li jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, hija l-Kummissjoni li għandha tipprova l-eżistenza tal-allegat nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu. Fil-fatt, hija din tal-aħħar li għandha tipprovdi l-provi kollha neċessarji lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex din tkun tista’ tivverifika l-eżistenza ta’ dan in-nuqqas, mingħajr ma tista’ tibbaża ruħha fuq kwalunkwe preżunzjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-11 ta’ Diċembru 2008, Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja, C‑293/07, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).

23      F’dan il-każ, il-Kummissjoni essenzjalment illimitat ruħha għall‑allegazzjoni li, sabiex tiġi żgurata traspożizzjoni konformi mal-Artikolu 6(2) tad-Direttiva “dwar il-habitats”, it-tielet subparagrafu tal-Artikolu L. 414-1(V) tal-Kodiċi tal-Ambjent għandu jipprojbixxi kull deterjorament anki jekk ma jkollux effetti sinjifikattivi. Billi iżolat din id-dispożizzjoni b’dan il-mod u billi ma ħaditx biżżejjed inkunsiderazzjoni l-kuntest normattiv dirett li fih tinsab din id-dispożizzjoni, il-Kummissjoni naqset, b’mod partikolari, milli turi li l-miżuri xierqa adottati skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu L. 414‑1(V) tal-imsemmi Kodiċi, effettivament ma jippermettux li jiġi evitat id-deterjorament tal-habitats fis-sens tal-Artikolu 6(2) tal-imsemmija direttiva.

24      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma ġiex stabbilit li l-Artikolu L. 414-1(V) tal-Kodiċi tal-Ambjent, meqjus fl-intier tiegħu, ma jikkostitwixxix traspożizzjoni konformi mal-Artikolu 6(2) tad-Direttiva “dwar il-habitats”, kif allegat fl-ewwel ilment.

25      Konsegwentement, dan l-ilment għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-tieni lment ibbażat fuq id-dikjarazzjoni ġenerali tan-natura bla tfixkil ta’ ċerti attivitajiet

–       L-argumenti tal-partijiet

26      Il-Kummissjoni ssostni li r-raba’ sentenza tat-tielet subparagrafu tal‑Artikolu L. 414-1(V) tal-Kodiċi tal-Ambjent li jipprovdi li s-sajd, l‑attivitajiet relatati mal-molluski, il-kaċċa u l-attivitajiet l-oħra analogi għall-kaċċa, imwettqa taħt il‑kundizzjonijiet u fit-territorji awtorizzati mil-liġijiet u r-regolamenti fis-seħħ ma jikkostitwixxux attivitajiet ta’ tfixkil jew attivitajiet b’effetti simili, ma jiżgurax traspożizzjoni ċara, preċiża u kompluta tal‑Artikolu 6(2) tad-Direttiva “dwar il-habitats”. Fil-fatt, il-konformità ma’ leġiżlazzjoni mingħajr assigurazzjoni li din tieħu inkunsiderazzjoni l-ħtiġijiet speċifiċi ta’ sit partikolari, ma tistax a priori twassal għad-dikjarazzjoni ġenerali li dawn l-attivitajiet ma humiex ta’ tfixkil.

27      Il-Kummissjoni tqis, b’mod partikolari, li d-dokument tal-għanijiet, li għandu s-setgħa leġiżlattiva, ma huwiex tali li jieħu inkunsiderazzjoni l-ħtiġijiet speċifiċi ta’ sit partikolari, sa fejn l-imsemmi dokument, li huwa stabbilit fuq bażi kuntrattwali, ma huwiex intiż sabiex jirregola l-attivitajiet bħall-kaċċa jew bħas-sajd u ma huwiex ta’ natura vinkolanti minħabba li ma huwa akkumpanjat minn ebda sanzjoni.

28      Ir-Repubblika Franċiża ssostni li hija ttrasponiet b’mod korrett l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva “dwar il-habitats” billi stabbilixxiet il-prinċipju li, sa fejn attivitajiet relatati mal-molluski u mal-kaċċa huma mwettqa skont il-liġijiet u r-regolamenti fis-seħħ, huma ma humiex ta’ tfixkil u li, konsegwentement, huma preżunti kompatibbli mal-għanijiet ta’ konservazzjoni li jridu jintlaħqu fil-kuntest tan-Netwerk Ekoloġiku Ewropew Natura 2000.

29      Filwaqt li tirrikonoxxi li d-dokument tal-għanijiet ma jinkludix miżuri regolamentorji li japplikaw direttament, ir-Repubblika Franċiża tenfasizza li l-miżuri regolatorji neċessarji, li huma speċifiċi għal sit ikkonċernat, huma approvati sussegwentement permezz ta’ deċiżjoni tal-awtoritajiet kompetenti, filwaqt li jikkumplementaw ir-regoli ġenerali eżistenti. Barra minn hekk hija tindika li r-regoli ġenerali tal-attivitajiet relatati mas-sajd u mal-kaċċa jistgħu jirrigwardaw territorji definiti u delimitati skont il-kriterji ekoloġiċi u jistgħu jagħtu lok għall-iffissar ta’ kwoti għall-kampjuni tal-kaċċa u tas-sajd.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

30      L-ewwel nett hemm lok li jitfakkar li skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-Artikolu 6(2) u (3) tad-Direttiva “dwar il-habitats” huwa intiż sabiex jiżgura l-istess livell ta’ protezzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-7 ta’ Settembru 2004, Waddenvereniging u Vogelsbeschermingsvereniging, C‑127/02, Ġabra p. I-7405, punt 36 u tat-13 ta’ Diċembru 2007, Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda, C‑418/04, Ġabra p. I‑10947, punt 263).

31      It-tieni nett, għandu jiġi rilevat li fir-rigward tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva “dwar il-habitats” il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-possibbiltà tal-eżenzjoni ġenerali ta’ ċerti attivitajiet skont il-leġiżlazzjoni fis-seħħ, mill-ħtieġa tal-evalwazzjoni tal-effetti fuq is-sit ikkonċernat, ma huwiex konformi ma din id-dispożizzjoni. Fil-fatt, din l-eżenzjoni ma hijiex tali li tiggarantixxi li dawn l-attivitajiet ma jaffettwawx b’mod ħażin l-integrità tas-siti protetti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ Jannar 2006, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja, C‑98/03, Ġabra p. I‑53, punti 43 u 44).

32      Konsegwentement, b’kunsiderazzjoni tal-livell ta’ protezzjoni simili intiż mill-Artikolu 6(2) tad-Diretiva “dwar il-habitats” u mill-Artikolu 6(3) ta’ din id-direttiva, billi r-raba’ sentenza tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu L. 414‑1(V) tal-Kodiċi tal-Ambjent tiddikjara b’mod ġenerali li ċerti attivitajiet bħall-kaċċa jew is-sajd ma humiex imfixkla, jista jitqies biss konformi mal-Artikolu 6(2) ta’ din id-direttiva jekk jiġi ggarantit li l-imsemmija attivitajiet ma joħolqu ebda tfixkil li jista jaffettwa b’mod sinjifikattiv l-għanijiet tal-imsemmija direttiva.

33      F’dan ir-rigward, ir-Repubblika Franċiża ssostni li jiġi mfassal dokument tal-għanijiet għal kull sit u li dan iservi bħala bażi għal adozzjoni ta’ miżuri mmirati, li huma intiżi sabiex jieħdu inkunsiderazzjoni l-ħtiġijiet ekoloġiċi speċifiċi għas-sit ikkonċernat. Hija żżid tgħid ukoll li t-twettiq tal-attivitajiet inkwistjoni skont ir-regoli ġenerali applikabbli għalihom, jippermetti li jittieħdu inkunsiderazzjoni t-territorji ddefiniti u delimitati skont il-kriterji ekoloġiċi jew li jiġu ffisati kwoti għall-kampjuni tal-kaċċa u tas-sajd.

34      Konsegwentement, għandu jiġu eżaminat jekk tali miżuri jew regoli jippermettux effettivament li jiġi ggarantit li l-attivitajiet ikkonċernati ma joħolqu ebda tfixkil li jista’ jkollu effetti sinjifikattivi.

35      Fir-rigward tad-dokument tal-għanijiet, ir-Repubblika Franċiża tindika li ma jinkludix miżuri regolatorji li japplikaw direttament u li, huwa għodda dijanjostika li, abbażi tal-għarfien xjentifiku disponibbli, tippermetti lill-awtoritajiet kompetenti li jipproponu miżuri li jagħmlu possibbli li l-għanijiet ta’ konservazzjoni tad-direttiva jintlaħqu. Hija tgħid ukoll li attwalment huma biss nofs is-siti kkonċernati li għandhom dan id-dokument tal-għanijiet.

36      Min dan isegwi li d-dokument għall-għanijiet ma jistax jiggarantixxi, b’mod awtomatiku, u fi kwalunkwe każ, li l-attivitajiet ikkonċernati ma joħolqux tfixkil li jista’ jaffettwa b’mod sinjifikattiv l-imsemmija għanijiet ta’ konservazzjoni.

37      Konklużjoni bħal din tapplika a fortiori fir-rigward ta’ miżuri maħsuba, li huma intiżi li jieħdu inkunsiderazzjoni l-ħtiġijiet ekoloġiċi speċifiċi għas-sit ikkonċernat, peress li l-adozzjoni tagħhom hija bbażata fuq id-dokument tal-għanijiet.

38      Għal dak li jirrigwarda r-regoli ġenerali applikabbli għall-attivitajiet ikkonċernati, għandu jiġi kkonstatat li għalkemm tali regoli jistgħu ċertament inaqqsu r-riskju ta’ tfixkil sinjifikattiv, madankollu, huma ma jistgħux jeskludu totalment dan ir-riskju ħlief jekk jipprevedu, b’mod imperattiv, l-osservanza tal-Artikolu 6(2) tad-Direttiva “dwar il-habitats”. Madankollu, ir-Repubblika Franċiża ma ssostnix li dan huwa l-każ hawnhekk.

39      Minn dak li ntqal qabel jirriżulta li billi pprovdiet, b’mod ġenerali, li s-sajd, l-attivitajiet relatati mal-molluski, il-kaċċa u l-attivitajiet l-oħra analogi mal-kaċċa mwettqa taħt il-kundizzjonijiet u fit-territorji awtorizzati mil-liġijiet u r-regolamenti fis-seħħ ma jikkostitwixxux attivitajiet ta’ tfixkil jew attivitajiet b’effetti simili, ir-Repubblika Franċiża naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva “dwar il-habitats”.

 Għal dak li jirrigwarda l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva “dwar il-habitats”

 Fuq l-ewwel ilment ibbażat fuq l-eżenzjoni tax-xogħlijiet jew titjib previsti mill-kuntratti Natura 2000, mill-proċedura ta’ evalwazzjoni tal-effetti fuq is-sit

–       L-argumenti tal-partijiet

40      Il-Kummissjoni tikkritika t-tieni subparagrafu tal-Artikolu L. 414-4(1) tal-Kodiċi tal-Ambjent li ma huwiex traspożizzjoni korretta tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva “dwar il-habitats” sa fejn jeżenta awtomatikament ix-xogħlijiet jew it-titjib previsti mill-kuntratti ta’ Natura 2000, mill-proċedura ta’ evalwazzjoni tal-effetti fuq is-sit, imsemmija fl-Artikolu 6(3).

41      Skont id-dritt Franċiż, il-kuntratti Natura 2000 huma konkluzi “għal fini tad-dokument tal-għanijiet”, liema kuntratti jinkludu b’mod partikolari, wieħed jew diversi speċifikazzjonijiet standard, applikabbli għall-kuntratti Natura 2000, li jippreċiżaw liema prattiki tajbin għandhom jiġu osservati fit-twettiq tal-miżuri kuntrattwali, l-għan li jrid jintlaħaq u l-ispeċi u l-habitats ikkonċernati. Għalkemm dawn il-kuntratti għandhom ikunu konformi mad-dokument tal-għanijiet, skont il-Kummissjoni, xejn ma jindika li dawn jinkludu esklużivament miżuri marbuta direttament jew meħtieġa għat-tmexxija tas-sit.

42      Ir-Repubblika Franċiża tammetti li x-xogħlijiet u t-titjib previsti mill-kuntratti Natura 2000 huma eżenti mill-proċedura ta’ evalwazzjoni tal-effetti u hija tqis li l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva “dwar il-habitats” ma jitlobx li l-imsemmija xogħlijiet jew titjib jiġu suġġetti għal din il-proċedura ta’ evalwazzjoni sakemm, fil-fehma tagħha, ma jaffettwawx b’mod sinjifikattiv lis-sit.

43      Fil-fatt, il-kuntratti Natura 2000 huma konklużi skont l-Artikolu L. 414‑3 tal-Kodiċi tal-Ambjent, għal fini tad-dokument tal-għanijiet u huwa eskluż li jistgħu jiksru l-għanijiet ta’ konservazzjoni tal-habitats u tal-ispeċijiet, jew jinkludu attivitajiet li ma jkunux meħtieġa għal stat tajjeb ta’ konservazzjoni tas-sit.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

44      Hemm lok li jitfakkar li skont l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva “dwar il-habitats”, kull pjan jew proġett li mhux marbut direttament jew meħtieġ għat-tmexxija tas-sit, iżda li jista’ jaffettwa lil dan is-sit b’mod sinjifikattiv, għandu jkun suġġett għal evalwazzjoni xierqa tal-effetti fuq is-sit, fid-dawl tal-għanijiet ta’ konservazzjoni ta’ dan is-sit.

45      F’dan ir-rigward, ma huwiex ikkontestat li x-xogħlijiet jew it-titjib previsti mill-kuntratti Natura 2000 jistgħu jiġu kklassifikati bħala pjanijiet jew proġetti fis-sens tal-imsemmi Artikolu 6(3).

46      Għaldaqstant, għandu jiġi eżaminat jekk ix-xogħlijiet jew it-titjib previsti mill-kuntratti Natura 2000 humiex marbuta direttament jew meħtieġa għat-tmexxija tas-sit, b’tali mod li l-awtorizzazzjoni tagħhom ma hijiex suġġetta għall-obbligu li ssir l-evalwazzjoni tal-effetti, imsemmija fl-Artikolu 6(3) tad-Direttiva “dwar il-habitats”.

47      Mill-Artikolu L. 414-3(I) tal-Kodiċi tal-Ambjent jirriżulta li l-kuntratt Natura 2000 huwa konkluż “għal-fini tad-dokument tal-għanijiet” u li jinkludi “għadd ta’ impenji konformi mal-linji gwida u mal-miżuri ddefiniti mid-dokument tal-għanijiet, dwar il-konservazzjoni u jekk ikun il-każ, ir-restawr ta’ habitats naturali u ta’ speċijiet li ġġustifikaw il-ħolqien tas-sit Natura 2000.”

48      Taħt l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu L. 414-2(I) tal-imsemmi Kodiċi, id-dokument tal-għanijiet jiddefinixxi, b’mod partikolari, il-linji gwida tat-tmexxija kif ukoll il-miżuri ta’ konservazzjoni jew ta’ restawr.

49      Skont ir-Repubblika Franċiża l-eżenzjoni awtomatika tax-xogħlijiet jew titjib previst mill-kuntratti Natura 2000, mill-obbligu tal-evalwazzjoni tal-effetti fuq is-sit, prevista fl-Artikolu 6(3) tad-Direttiva “dwar il-habitats” hija ġġustifikata mill-ħsieb li sa fejn dawn il-kuntratti għandhom l-objettiv li jwettqu l-għanijiet ta’ żamma jew restawr stabbiliti għas-sit, dawn huma marbuta direttament jew meħtieġa għat-tmexxija tal-imsemmi sit.

50      Għaldaqstant, approċ bħal dan jissoponi li l-miżuri previsti mill-kuntratti Natura 2000, li huma intiżi sabiex jintlaħqu l-għanijiet ta’ konservazzjoni u ta’ restawr huma wkoll, f’kull ċirkustanza, miżuri marbuta direttament jew meħtieġa għat-tmexxija tas-sit.

51      Madankollu, ma jistax jiġi eskluż li x-xogħlijiet jew it-titjib previsti minn dawn il-kuntratti, filwaqt li għandhom l-għan ta’ konservazzjoni jew ta’ restawr ta’ sit, ma humiex għalhekk, marbuta direttament jew meħtieġa għat-tmexxija tiegħu.

52      Barra minn hekk, f’dan ir-rigward ir-Repubblika Franċiża tirrikonoxxi, fil-kuntest tal-ilment ibbażat fuq applikazzjoni bla distinzjoni tal-kriterju bbażat fuq l-“effett sinjifikattiv”, li l-miżuri ta’ konservazzjoni tal-habitats jistgħu jkunu favorevoli għal ċerti habitats ikkonċernati iżda jistgħu jwasslu għal deterjorament ta’ tipi oħra ta’ habitats. Hija tikkwota, bħala eżempju, il-produzzjoni tal-melħ li għaliha hemm bżonn jitħaffru toqob fil-blat imsejħa “salini” (oeillets), li għall-finijiet ta’ attività industrijali ta’ produzzjoni ta’ melħ, twassal għal deterjorament tal-habitat li jikkostitwixxi l-laguni, anki jekk, apparti dan, din l-attitvità jista’ jkollha benefiċċji għar-riġenerazzjoni tal-ambjent, minħabba li żżomm ċertu tipi ta’ bassasa.

53      Minn dan isegwi li d-determinazzjoni tal-għanijiet ta’ konvservazzjoni u ta’ restawr, fil-kuntest ta’ Natura 2000, tista’ teżiġi r-riżoluzzjoni ta’ kunflitti ta’ diversi għanijiet, kif ġustament tirrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 71 tal-konklużjonijiet.

54      Sabiex ikun żgurat li jintlaħqu kompletament l-għanijiet ta’ konservazzjoni msemmija mid-Direttiva “dwar il-habitats”, huwa għaldaqstant meħtieġ li, skont l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva “dwar il-habitats”, kull pjan jew proġett li ma huwiex marbut direttament jew meħtieġ għat-tmexxija tas-sit iżda li jista’ jaffettwa lil dan is-sit b’mod sinjifikattiv, għandu jkun suġġett għal evalwazzjoni individwali tal-effetti tiegħu fuq is-sit ikkonċernat, fid-dawl tal-għanijiet ta’ konservazzjoni tiegħu.

55      Min dan isegwi li s-sempliċi fatt li l-kuntratti Natura 2000 jikkonformaw mal-għanijiet ta’ konservazzjoni tas-sit, ma jistax jiġi kkunsidrat bħala biżżejjed, fid-dawl tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva “dwar il-habitats”, sabiex ix-xogħlijiet u t-titjib previsti mill-imsemmija kuntratti jiġu eżentati awtomatikament mill-evalwazzjoni tal-effetti fuq is-sit.

56      Konsegwentement, billi eżentat awtomatikament ix-xogħlijiet u t-titjib previsti mill-kuntratti Natura 2000 mill-proċedura ta’ evalwazzjoni tal-effetti fuq is-sit, ir-Repubblika Franċiża naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva “dwar il-habitats”.

 Fuq it-tieni lment ibbażat fuq l-eżistenza ta’ attivitajiet li ma humiex suġġetti għal awtorizzazzjoni

–       L-argumenti tal-partijiet

57      Il-Kummissjoni ssostni li l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu L. 414-4(I) tal-Kodiċi tal-Ambjent ma huwiex konformi mal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva “dwar il-habitats” sa fejn jissuġġetta biss għall-proċedura ta’ evalwazzjoni tal-effetti fuq is-sit, prevista minn din id-dispożizzjoni tal-aħħar, l-operazzjonijiet li huma suġġetti għal awtorizzazzjoni jew approvazzjoni amministrattiva. Il-programmi jew proġetti suġġetti għal sistema ta’ dikjarazzjoni, huma esklużi minnha. Madankollu, dawn tal-aħħar għandhom effetti sinjifikattivi fuq is-sit, fid-dawl tal-għanijiet ta’ konservazzjoni, li huwa kriterju deċiżiv għall-applikazzjoni tal-Artikolu 6(3) tal-imsemmija direttiva.

58      Ir-Repubblika Franċiża ma tikkontestax il-fondatezza ta’ dan l-ilment u tillimta ruħha sabiex tinvoka l-emendi leġiżlattivi li daħħlet sabiex tikkonforma mal-leġiżlazzjonijiet Komunitarji, liema emendi daħlu permezz tal-Liġi Nru 2008‑757, tal-1 ta’ Awwissu, dwar ir-responsabbiltà ambjentali u d-diversi dispożizzjonijiet għall-adozzjoni tad-dritt Komunitarju fil-qasam tal-ambjent (JORF, tat-2 ta’ Awwissu 2008, p. 12361).

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

59      Għandu jitfakkar li skont ġurisprudenza stabbilita, l-eżistenza tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu għandha tiġi evalwata fid-dawl ta’ kif kienet is-sitwazzjoni tal-Istat Membru fit-tmiem tat-terminu mogħti fl-opinjoni motivata u li l-bidliet li jkunu seħħew sussegwentement ma jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja (ara s-sentenza tal-25 ta’ Lulju 2008, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja, C‑504/06, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).

60      F’dan il-każ, ir-Repubblika Franċiża ma tikkontestax li, fil-15 ta’ Frar 2007, fl-iskadenza tat-terminu mogħti fl-opinjoni motivata, jiġifieri qabel l-adozzjoni tal-Liġi Nru 2008-757, id-dispożizzjoni nazzjonali inkwistjoni ma kinitx tikkostitwixxi traspożizzjoni korretta tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva “dwar il-habitats”.

61      F’dawn iċ-ċirkustanzi, mingħajr ma huwa neċessarju li tiġi eżaminata l-konformità tal-Liġi Nru 2008-757 mad-Direttiva “dwar il-habitats”, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li din il-liġi ġiet adottata wara l-iskadenza tat-terminu mogħti fl-opinjoni motivata.

62      Konsegwentement, billi eżentat awtomatikament il-programmi u l-proġetti ta’ xogħlijiet jew titjib suġġetti għal sistema ta’ dikjarazzjoni, mill-proċedura ta’ evalwazzjoni tal-effetti fuq is-sit, ir-Repubblika Franċiża naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva “dwar il-habitats”.

 Fuq it-tielet ilment ibbażat fuq in-nuqqas ta’ eżami ta’ soluzzjonijiet alternattivi

–       L-argumenti tal-partijiet

63      Il-Kummissjoni tikkritika l-punt 1 tal-Artikolu R. 414-21(III) tal-Kodiċi tal-Ambjent li, fil-kuntest tal-evalwazzjoni xierqa tal-effetti fuq is-sit prevista mill-Artikolu 6(3) tad-Direttiva “dwar il-habitats”, ma jitlobx lil min jilmenta li jiddeskrivi d-diversi soluzzjonijiet alternattivi li jistgħu jitqiesu għat-twettiq ta’ pjan jew proġett. Fil-fatt, din l-evalwazzjoni titlob, minn naħa, li ssir deskrizzjoni tad-diversi soluzzjonijiet alternattivi eżaminati, flimkien ma’ analiżi tal-effetti tagħhom fuq is-sit u, min-naħa l-oħra, li l-awtoritajiet pubbliċi jistudjaw dawn l-effetti u dan anki jekk ma jaffettwawx b’mod ħażin l-integrità tas-sit, qabel ma jieħdu deċiżjoni abbażi tal-imsemmi Artikolu 6(3).

64      Il-Kummissjoni tqis li s-sempliċi obbligu impost fuq min jilmenta li jindika r-raġunijiet li ma teżisti ebda soluzzjoni sodisfaċenti oħra, ma huwiex biżżejjed sabiex jiggarantixxi l-eżami ta’ soluzzjonijiet alternattivi fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-effetti fuq is-sit. Għaldaqstant, il-leġiżlazzjoni Franċiża ma hijiex konformi mal-obbligu li jirriżulta mill-Artikolu 6(3) tad-Direttiva “dwar il-habitat”, li jiġi vverifikat in-nuqqas ta’ soluzzjonijiet alternattivi.

65      Ir-Repubblika Franċiża ssostni li d-dispożizzjoni kkontestata tikkostitwixxi traspożizzjoni korretta tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva “dwar il-habitats”. Barra minn hekk, fir-realtà, il-leġiżlazzjoni Franċiża twassal, lil min jilmenta sabiex jistudja, jiddeskrivi u jfassal is-soluzzjonijiet alternattivi u jispjega l-vantaġġi u l-iżvantaġġi ta’ kull soluzzjoni, fid-dawl tal-għanijiet ta’ konservazzjoni tas-sit.

66      Ir-Repubblika Franċiża tippreċiża li fi kwalunkwe każ, bl-għan li telimina kull ambigwità f’dan ir-rigward, id-digrieti għall-implementazzjoni tal-Liġi Nru 2008‑757 jipprovdu, esspressament, l-obbligu għal min jilmenta li jiddeskrivi s-soluzzjonijiet alternattivi.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

67      Permezz ta’ dan l-ilment, il-Kummissjoni ssostni li l-evalwazzjoni xierqa li għandha titwettaq skont l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva “dwar il-habitats” għandha wkoll tinkludi eżami tas-soluzzjonijiet alternattivi.

68      F’dan ir-rigward għandu jiġi kkonstatat li dan l-ilment jirriżulta minn interpretazzjoni żbaljata tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva “dwar il-habitats” kemm għal dak li jirrigwarda l-kunċett ta’ evalwazzjoni xierqa, kif ukoll tal-istadju proċedurali li, fil-kuntest tiegħu, għandu jitwettaq l-eżami tas-soluzzjonijiet alternattivi.

69      Fil-fatt, minn naħa, skont ġurisprudenza stabbilita, peress li l-evalwazzjoni xierqa tal-effetti fuq is-sit għandha titwettaq skont l-imsemmi Artikolu 6(3), dan jimplika li, fid-dawl tal-aħjar għarfien xjentifiku f’dan il-qasam, għandhom jiġu identifikati l-aspetti kollha tal-pjan jew tal-proġett li jistgħu, fihom infushom jew flimkien ma’ pjanijiet jew proġetti oħra, jaffettwaw l-għanijiet ta’ konservazzjoni ta’ dan is-sit ikkonċernat (ara s-sentenzi Waddenvereniging u Vogelbeschermingsvereniging, iċċitata iktar ’il fuq, punt 54, u Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda, iċċitata iktar ’il fuq, punt 243). Għaldaqstant, evalwazzjoni bħal din ma tinkludix eżami tal-alternattivi ta’ pjan jew proġett.

70      Min-naħa l-oħra, hemm lok li jiġi rrilevat li l-obbligu li jiġu eżaminati s-soluzzjonijiet alternattivi ta’ pjan jew proġett ma jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva “dwar il-habitats”, iżda dak tal-Artikolu 6(4) ta’ din id-direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-14 ta’ April 2005, Il‑Kummissjoni vs Il‑Pajjiżi l-Baxxi, C‑441/03, Ġabra p. I‑3043, punt 27 et seq.).

71      Fil-fatt, skont l-Artikolu 6(4) tad-Direttiva “dwar il-habitats”, l-eżami msemmi f’dan l-artikolu, li jirrigwarda, b’mod partikolari, in-nuqqas ta’ soluzzjonijiet alternattivi, ma jistax jitwettaq ħlief jekk il-konklużjonijiet li jirriżultaw mill-evalwazzjoni tal-effetti mwettqa skont l-Artikolu 6(3) ta’ din id-direttiva huma negattivi u fil-każ fejn il-pjan jew il-proġett għandu madankollu jsir minħabba raġunijiet obbligatorji oħra li huma konnessi mal-interess pubbliku (ara, f’dan is-sens, is-sentenza, Il‑Kummissjoni vs Il‑Pajjiżi l-Baxxi, iċċitata iktar ’il fuq, punti 26 u 27).

72      Għaldaqstant, wara l-evalwazzjoni tal-effetti mwettqa skont l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva “dwar il-habitats”, u fil-każ ta’ riżultat negattiv ta’ din l-evalwazzjoni, l-awtoritajiet kompetenti għandhom l-għażla jew li jirrifjutaw l-awtorizzazzjoni għat-twettiq ta’ dan il-pjan jew proġett, jew li jawtorizzaw dan skont l-Artikolu 6(4) ta’ din id-direttiva, sakemm il-kundizzjonijiet stabbiliti f’din id-dispożizzjoni huma sodisfatti (ara s-sentenza tas-26 ta’ Ottubru 2006, Il‑Kummissjoni vs Il‑Portugall, C‑239/04, Ġabra p. I‑10183, punt 25 u, f’dan is-sens, is-sentenza Waddenvereniging u Vogelbeschermingsvereniging, iċċitata iktar ’il fuq, punti 57 u 60).

73      F’dawn il-kundizzjonijiet, l-eżami tas-soluzzjonijiet alternattivi, li huwa rekwiżit elenkat fl-Artikolu 6(4) tad-Direttiva “dwar il-habitats”, ma jistax jikkostitwixxi element li l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom jikkunsidraw meta jwettqu l-evalwazzjoni xierqa prevista mill-Artikolu 6(3) ta’ din id-direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il‑Kummissjoni vs Il‑Pajjiżi l-Baxxi, iċċitata iktar ’il fuq, punt 28).

74      Min dan isegwi li l-Kummissjoni ma hijiex iġġustifikata li tinvoka n-nonkonformità tal-punt 1 tal-Artikolu R.414-21(III) tal-Kodiċi tal-Ambjent, mal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva “dwar il-habitats” f’dan ir-rigward.

75      Konsegwentement, dan l-ilment ma jistax jintlaqà.

76      Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal qabel, hemm lok li jiġi kkonstatat li,

–        minn naħa, billi pprovdiet b’mod ġenerali li s-sajd, l-attivitajiet relatati mal-molluski, il-kaċċa u l-attivitajiet l-oħra analogi mal-kaċċa mwettqa taħt il-kundizzjonijiet u fit-territorji awtorizzati mil-liġijiet u r-regolamenti fis-seħħ ma jikkostitwixxux attivitajiet ta’ tfixkil jew attivitajiet b’effetti simili, u

–        min-naħa l-oħra, billi eżentat awtomatikament ix-xogħlijiet u t-titjib previsti mill-kuntratti Natura 2000 mill-proċedura ta’ evalwazzjoni tal-effetti fuq is-sit, u

–        billi eżentat awtomatikament il-programmi u l-proġetti ta’ xogħlijiet jew titjib suġġetti għal sistema ta’ dikjarazzjoni, minn din il-proċedura,

ir-Repubblika Franċiża naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva “dwar il-habitats”, u l-Artikolu 6(3) ta’ din id-direttiva, rispettivament.

 Fuq l-ispejjeż

77      Skont l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Taħt l-Artikolu 69(3), ta’ dawn ir-regoli, il-Qorti tista’ tiddeċiedi li taqsam l-ispejjeż jew tiddeċiedi li kull parti tbati l-ispejjeż tagħha jekk il-partijiet ikunu telliefa rispettivament fuq kap jew iktar tat-talbiet tagħhom.

78      F’din il-kawża, għandu jiġi kkunsidrat il-fatt li ċerti lmenti tal-Kummissjoni ma ntlaqgħux.

79      Konsegwentement, hemm lok li r-Repubblika Franċiża tiġi kkundannata tbati żewġ terzi tal-ispejjeż u l-Kummissjoni tiġi kkundannata tbati t-terż l-ieħor.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja, (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-Repubblika Franċiża,

–        minn naħa, billi pprovdiet b’mod ġenerali, li s-sajd, l-attivitajiet relatati mal-molluski, il-kaċċa u l-attivitajiet l-oħra analogi mal-kaċċa mwettqa taħt il-kundizzjonijiet u fit-territorji awtorizzati mil-liġijiet u r-regolamenti fis-seħħ ma jikkostitwixxux attivitajiet ta’ tfixkil jew attivitajiet b’effetti simili, u

–        min-naħa l-oħra, billi eżentat awtomatikament ix-xogħlijiet u t-titjib previsti mill-kuntratti Natura 2000 mill-proċedura ta’ evalwazzjoni tal-effetti fuq is-sit, u

–        billi eżentat awtomatikament il-programmi u l-proġetti ta’ xogħlijiet jew titjib suġġetti għal sistema ta’ dikjarazzjoni, minn din il-proċedura,

naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE, tal‑21 ta’ Mejju 1992, dwar il-konservazzjoni tal-habitat naturali u tal‑fawna u l-flora selvaġġa, u l-Artikolu 6(3) ta’ din id-direttiva, rispettivament.

2)      Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

3)      Ir-Repubblika Franċiża hija kkundannata tbati ż-żewġ terzi tal-ispejjeż. Il-Kummissjoni Ewropea hija kkundannata tbati t-terż l-ieħor.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.