Language of document : ECLI:EU:C:2006:5

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

10 ta’ Jannar 2006(*)

"Assoċjazzjoni KEE-Turkija – Moviment liberu tal-ħaddiema – Artikolu 6 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni – Dritt għal proroga tal-permess ta’ residenza – Kundizzjonijiet – Ċittadin Tork li okkupa impjiegi fin-navigazzjoni marittima ta’ Stat Membru għal ħmistax-il sena – L-istess sid ix-xogħol għal aktar minn sena mingħajr interruzzjoni, iżda mhux sa l-aħħar tal-perjodu ta’ tliet snin – Perjodi ta’ impjieg interrotti 17-il darba minħabba n-natura tal-professjoni"

Fil-kawża C-230/03

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Bundesverwaltungsgericht (il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tat-18 ta’ Marzu 2003, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-26 ta’ Mejju 2003, fil-proċedura

Mehmet Sedef

vs

Freie und Hansestadt Hamburg,

fil-preżenza ta’:

Vertreter des Bundesinteresses beim Bundesverwaltungsgericht,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn C. W. A. Timmermans, President ta’ l-Awla, C. Gulmann, R. Schintgen (Relatur), G. Arestis u J. Klučka, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: D. Ruiz-Jarabo Colomer,

Reġistratur: K. Sztranc, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-30 ta’ Ġunju 2005,

wara li rat is-sottomissjonijiet ippreżentati bil-miktub:

–       għal M. Sedef, minn U. Jacob, Rechtsanwalt,

–       għall-Freie und Hansestadt Hamburg, minn A. Feil, bħala aġent,

–       għall-Gvern Ġermaniż, minn W.-D. Plessing u A. Tiemann, bħala aġenti,

–       għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn D. Martin u B. Martenczuk, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-6 ta’ Settembru 2005,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1       It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni ta’ l-Artikolu 6 (1) u (2) tad-Deċiżjoni Nru 1/80 tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni, tad-19 ta’ Settembru 1980, dwar l-iżvilupp ta’ l-Assoċjazzjoni (iktar ’il quddiem "id-Deċiżjoni Nru 1/80"). Il-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni ġie stabbilit bil-ftehim li ħoloq assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u t-Turkija, li ġie ffirmat fit-12 ta’ Settembru 1963, f’Ankara mir-Repubblika tat-Turkija minn naħa, kif ukoll mill-Istati Membri tal-KEE u l-Komunità, min-naħa l-oħra, u li ġie kkonkluż, approvat u kkonfermat f’isem il-Komunità bid-Deċiżjoni 64/732/KEE tal-Kunsill, tat-23 ta’ Diċembru 1963 (ĠU 1964, 217, p. 3685, iktar ’il quddiem "il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni").

2       Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn M. Sedef, ċittadin Tork, u Freie und Hansestadt Hamburg dwar id-deċiżjonijiet ta’ dan ta’ l-aħħar li rrifjutaw li jikkonċedu l-proroga tal-permess tiegħu ta’ residenza fil-Ġermanja u li jordnaw it-tkeċċija tiegħu mit-territorju ta’ dan l-Istat Membru.

 Il-kuntest ġuridiku

3       Skond l-Artikolu 6(1) u (2) tad-Deċiżjoni Nru 1/80:

"1.      Suġġett għad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 7 dwar l-aċċess liberu għal xogħol għal membri tal-familja tiegħu, il-ħaddiem Tork, li jappartjeni b’mod regolari għas-suq tax-xogħol ta’ Stat Membru:

–       għandu dritt, f’dak l-Istat Membru, wara sena ta’ impjieg regolari, għat-tiġdid tal-permess tax-xogħol tiegħu mingħand l-istess sid ix-xogħol, jekk dan għandu xogħol x’joffri;

–       għandu d-dritt, f’dak l-Istat Membru, wara tlett snin ta’ impjieg regolari u suġġett għall-prijorità li jingħata lill-ħaddiema ta’ Stati Membri tal-Komunità, li jwieġeb għall-offerta oħra ta’ xogħol fl-istess professjoni lil sid ix-xogħol ta’ l-għażla tiegħu, magħmula taħt kundizzjonijiet normali, irreġistrati mas-servizzi ta’ xogħol ta’ dak l-Istat Membru;

–       wara erba’ snin ta’ impjieg regolari, jibbenefika, f’dak l-Istat Membru, minn aċċess liberu għall-attivitajiet kollha bil-paga ta’ l-għażla tiegħu.

2.      Il-leave annwali u l-assenzi minħabba maternità, inċident fuq ix-xogħol jew ta’ mard għal żmien qasir huma meqjusa bħala perjodi ta’ impjieg regolari. Il-perjodi ta’ qgħad involontarju, debitament ikkostatati mill-awtoritajiet kompetenti, u l-assenzi minħabba mard għal żmien twil, ma jkunu meqjusa bħala perjodi ta’ impjieg regolari, iżda ma jaffettwawx id-drittijiet akkwistati bis-saħħa tal-perjodu ta’ impjieg preċedenti."

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

4       Jirriżulta mill-atti ppreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja mill-qorti tar-rinviju li s-Sur Sedef, imwieled fit-Turkija fl-1952, kien jigħix legalment fil-Ġermanja sa mill-1977, għalkemm martu u t-tliet itfal tiegħu għadhom jirrisjedu t-Turkija.

5       Mix-xahar ta’ Awwissu 1977 sa dak ta’ Settembru 1992, huwa eżerċita attività ta’ baħri fuq vapuri tal-gwerra Ġermaniżi differenti u b’dan il-mod kiseb permessi ta’ residenza suċċessivi, mogħtija għal terminu determinat u limitat għall-eżerċizzju ta’ impjieg fil-marina jew, eventwalment, fil-każ ta’ għoti ta’ ħlas għal qgħad, il-validità ta’ l-aħħar ta’ dawn il-permessi ta’ residenza skada fid-9 ta’ Settembru 1993. L-ebda permess tax-xogħol ma kien meħtieġ għall-eżerċizzju ta’ din l-attività bil-paga.

6       Waqt dan il-perjodu ta’ aktar minn ħmistax-il sena, ir-rikorrent effettivament ħadem total ta’ aktar minn tmien snin u nofs, mingħajr ma wieħed jgħodd l-interruzzjonijiet tal-perjodi ta’ impjieg minħabba mard u qgħad involontarju debitament iċċertifikati mill-awtoritajiet kompetenti.

7       Huwa kostanti li l-perjodi ta’ attività tas-Sur Sedef kienu interrotti 17-il darba, għal perjodi ta’ bejn 1 sa 70 jum u bħala total jammontaw għal bejn wieħed u ieħor 13-il xahar, għal raġunijiet barra minn leave annwali, leave minħabba mard jew perjodu ta’ qgħad debitament iċċertifikat fl-Istat Membru li jilqgħu. Ir-rikorrent jikkwalifika l-interruzzjonijiet ta’ perjodi ta’ "leave mhux imħallsa". Skond hu, waqt dawn l-intervalli ta’ tul differenti bejn żewġ kuntratti ta’ xogħol għal terminu determinat fil-marina merkantili, huwa kien jibqa l-Ġermanja, fil-każ ta’ interruzzjonijiet qosra sabiex jistenna l-wasla (f’xi każijiet ittardjata) ta’ vapuri li fuqhom diġà kellu xogħol ġdid, b’mod li huwa kkunsidra inutili li jieħu passi sabiex jirreġistra bħala qiegħed, fejn kien jisfrutta l-perjodi ta’ interruzzjoni li kienu itwal, li jaqbżu bejn wieħed u ieħor tliet ġimgħat, sabiex iżur il-familja tiegħu residenti t-Turkija. Skond il-qorti tar-rinviju, interruzzjonijiet ta’ dan it-tip jikkaratterizzaw l-impjiegi fin-navigazzjoni marittima.

8       Wara inċident tax-xogħol li seħħ fuq vapur fis-sena 1979, is-Sur Sedef kellu jisottometti ruħu għall-bosta operazzjonijiet li waslu għal inkapaċità li jaħdem għal perjodi itwal u iqsar.

9       Sa mit-18 ta’ Jannar 1993, is-Sur Sedef kien iddikjarat mhux idoneu għas-servizz fuq il-baħar minħabba raġunijiet ta’ saħħa, mingħajr ma ġie totalment inkapaċitat minn xogħol. Fil-fatt jirriżulta minn ċertifikati mediċi li huwa kapaċi jeżerċita attività fuq l-art sakemm din ma teħtieġx sforzi fiżiċi fit-tul.

10     Fit-22 ta’ Jannar 1992, is-Sur Sedef applika għal permess ta’ residenza li mhix limitata għall-attività ta’ baħri, sabiex ikun jista’ jokkupa impjieg bil-paga fuq l-art. Għal dan il-għan, huwa sostna li, minn naħa, huwa jissodisfa l-kundizzjonijiet previsti fit-tielet inċiż ta’l-Artikolu 6(1) tad-Deċizjoni Nru 1/80, minħabba l-fatt li ġie impjegat għal aktar minn erba’ snin fuq vapuri tal-gwerra Ġermaniżi u li, min-naħa l-oħra, is-sitwazzjoni tiegħu kienet tikkostitwixxi każ ta’ sitwazzjoni gravi, għaliex l-istat tas-saħħa tiegħu ma kinitx tippermettilu aktar li jkompli jeżerċita l-professjoni ta’ baħri. Huwa żied li ma setgħax jaċċetta l-offerti tax-xogħol fuq l-art li sarulu, peress li ma kellux il-permess ta’ residenza meħtieġ.

11     Kemm dik id-domanda kif ukoll l-oġġezzjoni sussegwenti tas-Sur Sedef ġew miċħuda mill-Freie und Hansestadt Hamburg, li hedditu li jiġi mkeċċi jekk ma jitlaqx mill-Ġermanja fi żmien tliet ġimgħat. Minkejja dan, l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ta’ tkeċċija ġiet sospiża, biex b’hekk l-interessat ikompli jirrisjedi legalment fil-Ġermanja.

12     Fl-10 ta’ Diċembru 1996, il-Verwaltungsgericht Hamburg laqgħet ir-rikors tas-Sur Sedef bħala fondat u ordnat lill-Freie und Hansestadt Hamburg li toħroġlu u l-permess ta’ residenza mitlub.

13     Skond din il-qorti, is-Sur Sedef jibbenefika mill-aċċess liberu għal kull attività bil-paga ta’ l-għażla tiegħu skond it-tielet inċiż ta’ l-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Nru 1/80, b’mod li l-Istat Membru li jilqgħu m’għaddx għandu dritt li jimponi l-kundizzjonijiet għall-aċċess ta’ l-interessat għall-impjieg u lanqas għall-eżerċizzju tiegħu. L-interruzzjonijiet differenti li mmarkaw il-karriera ma jippreġudikawx, sa fejn, skond l-imsemmi Artikolu 6(2), il-leave annwali u l-assenzi minħabba inċident fuq ix-xogħol jew ta’ mard għal żmien qasir jiġu meqjusa bħala perjodi ta’ impjieg, peress li l-perjodi ta’ qgħad involontarju, li għalihom is-Sur Sedef filfatt irċieva benefiċċji tal-qgħad, u l-assenzi minħabba mard għal żmien twil ma jaffettwawx id-drittijiet akkwiżiti minħabba l-perjodu ta’ impjieg preċedenti. Fir-rigward tal-perjodi qosra ta’ inattività bejn żewġ kuntratti tax-xogħol, hemm lok li jiġi riżervat għalihom l-istess trattament bħal dak mogħti għal-leave legali jew kuntrattwali, peress li huma karatterizzati minn attivitajiet fin-navigazzjoni marittima.

14     Il-Freie und Hansestadt Hamburg ressqet appell kontra din is-sentenza quddiem il-Hamburgisches Oberverwaltungsgericht, li fiha qalet li l-perjodu ta’ erba’ snin ta’ impjieg regolari previst fit-tielet inċiż ta’ l-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Nru 1/80 irid ikun mingħajr interruzzjoni, filwaqt li l-kuntratti ta’ xogħol konklużi suċċessivament mis-Sur Sedef ma jikkostitwixxuux perjodu kontinwu tali.

15     Il-Hamburgisches Oberverwaltungsgericht, permezz ta’ sentenza tat-13 ta’ Diċembru 2000, annulla s-sentenza ta’ l-ewwel istanza, li biha qal li s-Sur Sedef ma setgħax jagħmel użu mill-imsemmi tielet inċiż ta’ l-Artikolu 6(1), peress li ma setgħax jiġġustifika impjieg mingħajr interruzzjoni f’perjodu ta’ erba’ snin, kif meħtieġ minn din id-dispożizzjoni. L-interruzzjonijiet tar-relazzjoni tax-xogħol kkostatati f’dan il-każ ma jammontawx la għal leave u lanqas għal perjodi ta’ qgħad skond il-paragrafu 2 ta’ l-imsemmi artikolu, li tinkludi, skond din il-qorti, lista eżawrjenti ta’ kawżi ta’ diskontinwità ta’ relazzjoni tax-xogħol. L-imsemmija interruzzjonijiet għalhekk jinkludu t-telf tad-drittijiet akkwiżiti preċedentement, peress li l-interessat kien ikun bla xogħol iżda ma kienx irreġistra bħala applikant għal xogħol. Kwalunkwe tip ieħor ta’ interpretazzjoni jista’ jwassal għal abbuż. Min-naħa l-oħra, il-leġiżlazzjoni Ġermaniża tieħu suffiċentement in kunsiderazzjoni d-detalji partikolari ta’ l-attivitajiet tan-nies li jaħdmu fuq il-baħar.

16     Peress li rċeviet appell ippreżentat mis-Sur Sedef, il-Bundesverwaltungsgericht iddeċidiet li r-rifjut tat-tiġdid tal-permess ta’ residenza huwa konformi mad-dritt Ġermaniż, iżda hija saqsiet jekk tistax issib soluzzjoni aktar favorevoli għall-interessat mit-tielet inċiż ta’ l-Artikolu 6(1), tad-Deċiżjoni Nru 1/80.

17     F’dan ir-rigward, l-imsemmija qorti tagħmel is-segwenti kostatazzjonijiet fid-deċiżjoni tar-rinviju:

–       Is-Sur Sedef eżerċita, għal aktar minn ħmistax-il sena, xogħol regolari, skond l-Artikolu 6(1), fejn kien jaħdem fin-navigazzjoni marittima ta’ Stat Membru u għalhekk huwa integrat fis-suq tax-xogħol ta’ l-Istat Membru li jilqgħu, skond is-sens ta’ din id-dispożizzjoni;

–       ħafna drabi huwa okkupa impjieg regolari bħal dan għand l-istess sid ix-xogħol għal aktar minn sena mingħajr interruzzjoni, b’mod li huwa ssodisfa l-kundizzjonijiet ta’ l-ewwel inċiż ta’ l-imsemmija dispożizzjoni;

–       l-interessat mhux idoneu għal servizz fuq il-baħar minħabba raġunijiet ta’ saħħa, iżda jkompli jappartjeni għas-suq regolari tax-xogħol fil-Ġermanja, peress li l-inċident tax-xogħol fejn huwa kien vittma ma kkawżax inkapaċità permanenti tax-xogħol (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-6 ta’ Ġunju 1995, Bozkurt, C-434/93, Ġabra p. I-1475, punti 37 sa 40) u li huwa jżomm ruħhu għad-dispożizzjoni tas-servizzi ta’ xogħol għall-attività imfittxija fuq l-art. Il-fatt li huwa ma eżerċitax aktar l-attività professjonali wara l-1993 huwa dovut, għall-inqas parti minnha, għal nuqqas ta’ permess ta’ residenza u dan ma jistgħax jintuża kontrih.

18     Madankollu, fl-ewwel lok, mhux ċert li l-perjodi ta’ interruzzjoni, ikkwalifikati mis-Sur Sedef tal-"leave mhux imħallas", ma affettwawx dritt preċedenti akkwistat minn dan ta’ l-aħħar abbażi ta’ l-ewwel inċiż ta’ l-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Nru 1/80 u li dawn il-perjodi ma jostakolawx il-ksib ta’ dritt abbażi tat-tielet inċiż ta’ l-istess paragrafu.

19     Minn naħa, il-Qorti għadha ma ppronunzjatx ruħha espressament fuq tali interruzzjonijiet. Min-naħa l-oħra, il-Bundesverwaltungsgericht sal-lum ddeċidiet li l-enumerazzjoni tal-kawżi ta’ interruzzjoni ta’ l-impjieg imsemmi fl-Artikolu 6(2) tad-Deċiżjoni Nru 1/80 għandu natura eżawrjenti.

20     Madankollu hemm dubju li din l-aħħar teżi tista’ tkun mantnuta, fid-dawl tas-sentenzi tas-17 ta’ April 1997, Kadiman (C-351/95, Ġabra p. I-2133, b’mod partikolari punti 47 u 48), kif ukoll ta’ l-10 ta’ Frar 2000, Nazli (C‑340/97, Ġabra p. I-957).

21     In segwitu tal-kawżi li taw lok għal dawn iż-żewġ sentenżi, ikun possibbli f’dan il-każ li wieħed jibbaża fuq il-fatt li s-Sur Sedef interrompa l-impjieg tiegħu kull darba fin-navigazzjoni marittima Ġermaniża b’mod temporanju biss u qatt ma abbanduna s-suq tax-xogħol Ġermaniż b’mod definittiv. Fil-fatt, skond il-kostatazzjonijiet tal-Hamburgisches Oberverwaltungsgericht, huwa ġeneralment mingħajr ebda problema u rapidament sab impjieg ġdid wara kull wieħed mill-interruzzjonijiet tiegħu.

22     Fil-każ fejn jiġi meqjus li xi interruzzjonijiet ta’ dan it-tip ġeneralment inaqqsu d-drittijiet miksuba mill-ħaddiem ikkonċernat, jeħtieġ li jiġi determinat jekk hemmx lok li jiġu aċċettati eċċezzjonijiet għal din ir-regola meta l-interruzzjonijiet huma karatteristika ta’ professjoni partikolari, bħal, kif fil-kawża preżenti, l-attività subordinata ta’ baħri, li hija distinta minn impjieg fuq l-art minħabba l-fatt li din timplika, minn naħa, kuntratti għal terminu stabbilit konkluż ma’ sidien ix-xogħol suċċessivi u, min-naħa l-oħra, għal perjodi ta’ stennija jew ta’ interruzzjoni, dovuti per eżempju għad-dewmien tal-wasla ta’ vapur fil-port li fuqu l-ħaddiem għandu l-prospetti li jikseb impjieg.

23     Fl-ipoteżi ta’ tweġiba pożittiva ta’ waħda miż-żewġ partijiet ta’ l-ewwel domanda, il-qorti tar-rinviju ssaqsi, fit-tieni lok, jekk, kif il-ġurisprudenza tal-Qorti tidher li qed tindika (ara s-sentenzi tat-23 ta’ Jannar 1997, Tetik, C-171/95, Ġabra p. I‑329, punt 39; tad-29 ta’ Mejju 1997, Eker, C-386/95, Ġabra p. I-2697, punti 23 u 25, kif ukoll tat-30 ta’ Settembru 1997, Ertanir C-98/96, Ġabra p. I‑5179, punti 31 u 35), id-dritt għall-għoti ta’ permess ta’ residenza abbażi tat-tielet inċiż ta’ l-Artikolu 6(1), tad-Deċiżjoni Nru 1/80 tippreżupponi li l-ħaddiem preċedentement issodisfa l-kundizzjonijiet meħtieġa mit-tieni inċiż ta’ l-istess paragrafu.

24     Xorta waħda jkun possibbli li wieħed jikkunsidra li l-imsemmi tielet inċiż irid jiġi meqjus bħala kundizzjoni awtonoma li twassal għal drittijiet tal-ħaddiem ikkonċernat.

25     Skond il-qorti tar-rinviju, jekk ġie deċiż li l-imsemmi tielet inċiż ta’l-Artikolu 6(1) normalment ma jagħti l-ebda dritt lis-Sur Sedef peress li hu ma jistgħax jinvoka impjieg mhux interrott għal tliet snin għand l-istess sid ix-xogħol, jeħtieġ li jiġi ppreċiżat jekk hemmx lok li b’eċċezzjoni għandux jittieħed in kunsiderazzjoni l-fatt li t-tibdil ta’ sid ix-xogħol qabel l-iskadenza ta’ tliet snin hija karatteristika tal-professjoni tal-baħri.

26     Peress li, f’dawn iċ-ċirkustanzi, is-soluzzjoni tal-kawża li tressqet quddiemha teħtieġ interpretazzjoni tad-dritt komunitarju, il-Bundesverwaltungsgericht iddeċidiet li tissospendi l-proċedimenti u li ssaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

"1)      It-tielet inċiż ta’ l-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 6(2) tad-Deċiżjoni Nru 1/80 […] trid tiġi interpretata fis-sens li ħaddiem Tork, li okkupa sa mill-1977, għal perjodu ta’ aktar minn 15-il sena, impjieg regolari li għalih permess ta’ residenza mhix meħtieġa minn għand sidien tax-xogħol suċċessivi, fin-navigazzjoni marittima ta’ Stat Membru, li jappartjeni għas-suq regolari tax-xogħol, u li ssodisfa f’dan il-perjodu l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-ewwel inċiż ta’ l-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Nru 1/80, għandu dritt għall-għoti ta’ permess ta’ residenza meta l-impjieg tiegħu fin-navigazzjoni marittima tkun ġiet interrotta – minbarra bosta interruzzjonijiet minħabba mard u qgħad involontarju kkonstatat mill-awtoritajiet kompetenti – 17-il darba bejn 2 kuntratti ta’ xogħol, minn 1 sa 70 jum (għal total ta’ bejn wieħed u ieħor 13-il xahar), u li l-ħaddiem Tork kien, skond ma qal, ittraskorra l-perjodi ta’ interruzzjoni mtawla mal-familja tiegħu fit-Turkija, mingħajr ma ġie kkonstatat f’dan ir-rigward qgħad involontarju? F’dan ir-rigward, huwa rilevanti li tali interruzzjonijiet huma karatteristiċi tal-professjoni (f’dan il-każ […] tan-navigazzjoni marittima)?

2)      Id-dritt għall-permess ta’ residenza abbażi tat-tielet inċiż ta’ l-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Nru 1/80 jimplika li l-ħaddiem Tork kien diġà ssodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti tat-tieni inċiż ta’ l-Artikolu 6(1), tad-Deċiżjoni Nru 1/80? F’dan ir-rigward, huwa rilevanti li tibdil ta’ sid ix-xogħol qabel l-iskadenza ta’ 3 snin tkun karatteristika tal-professjoni (f’dan il-każ […] tan-navigazzjoni marittima)?"

 Fuq id-domandi preliminari

 Osservazzjonijiet preliminari

27     Hemm lok li jingħad li l-kawża prinċipali tikkonċerna s-sitwazzjoni ta’ ċittadin Tork li, għal perjodu twil, kien impjegat b’mod legali fi Stat Membru u talab il-proroga tal-permess tiegħu ta’ residenza billi għamel użu mid-dritt ta’ aċċess liberu għall-attivitajiet kollha bil-paga ta’ l-għażla tiegħu li joħorġu mit-tielet inċiż ta’ l-Artikolu 6(1), tad-Deċiżjoni Nru 1/80, għar-raġuni li t-total tal-perjodi ta’ impjieg preċedenti għad-domanda tiegħu jammontaw għal perjodu li hu itwal minn erba’ snin.

28     Il-qorti tar-rinviju f’dan ir-rigward ikkonstatat li s-Sur Sedef kien, f’bosta okkazzjonijiet, ħadem għall-istess sid ix-xogħol għal aktar minn sena mingħajr interruzzjoni u li, minħabba dan il-fatt, jissodisfa l-kundizzjonijiet previsti fl-ewwel inċiż ta’ l-Artikolu 6(1), ta’ l-imsemmija deċiżjoni.

29     Min-naħa l-oħra, fit-tieni domanda magħmula, hija ssaqsi jekk l-interessat jistgħax validament jirrikorri għat-tielet inċiż ta’ l-imsemmija dispożizzjoni, minħabba ċ-ċirkustanza li hu qatt ma ħadem għall-istess sid ix-xogħol għal perjodu mhux interrott ta’ tliet snin, kif jipprovdi t-tieni inċiż ta’ l-istess dispożizzjoni.

30     Minbarra dan, permezz ta’ l-ewwel domanda tagħha, l-imsemmija qorti ssaqsi x’inhu l-effett fuq il-perjodi ta’ xogħol imwettqa mis-Sur Sedef ta’ ċerti interruzzjonijiet, peress li huwa ma rreġistrax ruħhu bħala applikant għax-xogħol waqt dawn l-interruzzjonijiet.

31     Jeħtieġ li jiġi ppreċiżat li ma ġiex ikkontestat li, f’dan il-każ, is-Sur Sedef huwa ħaddiem li jappartjeni għas-suq regolari tax-xogħol ta’ l-Istat Membru li jilqgħu fejn huwa wettaq impjieg regolari, skond l-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Nru 1/80.

32     L-uniċi domandi li jibqgħu huma allura dawk dwar jekk il-perjodi ta’ l-impjieg ta’ l-interessat jissodisfawx il-kundizzjonijiet ta’ tul ta’ żmien ta’ l-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Nru 1/80 kif ukoll, b’mod partikolari, jekk l-interruzzjonijiet previsti mid-deċiżjoni tar-rinviju huma tat-tip li jaffettwaw il-perjodi u x’inhuma l-kriterji xierqa għall-finijiet ta’ l-interpretazzjoni ta’ dan l-artikolu f’sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali.

33     Qabel ma jsir eżami wieħed wara l-ieħor ta’ dawn it-tliet aspetti, hemm lok li jiġi mfakkar li, in segwitu tad-Deċiżjoni Nru 2/76, dwar id-dħul fis-seħħ ta’ l-Artikolu 12 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, adottat permezz tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni fl-20 ta’ Diċembru 1976, id-dispożizzjonijiet b’finijiet soċjali tad-Deċiżjoni Nru 1/80 jikkostitwixxu stadju supplementari lejn it-twettiq gradwali tal-moviment ħieles tal-ħaddiema Torok fil-Komunità Ewropea. B’mod partikolari, l-Artikolu 6(1), ta’ din l-aħħar deċiżjoni tirrikonoxxi, għall-ħaddiema migranti Torok li jissodisfaw il-kundizzjonijiet, drittijiet preċiżi fil-qasam ta’ l-eżerċizzju tax-xogħol. Kif jirriżulta minn ġurisprudenza kostanti, dik id-dispożizzjoni, li lilha ġie rrikonoxxut effett dirett, tagħti lill-interessati dritt individwali fil-qasam tax-xogħol u dritt korrelattiv ta’ residenza (ara s-sentenza tat-2 ta’ Ġunju 2005, Dörr et Ünal, C‑136/03, li għadha ma ġietx ippublikata fil-Ġabra, punt 66 u l-ġurisprudenza ċċitata).

 Fuq il-ħtiġijiet tas-sistema ta’ integrazzjoni gradwali tal-ħaddiema Torok fis-suq tax-xogħol ta’ l-Istat Membru li jilqgħu

34     Il-Qorti kemm-il darba ddikjarat, minn naħa, li d-drittijiet fil-qasam tax-xogħol u, korrelattivament, ta’ residenza li huma kkonferiti għall-ħaddiema Torok permezz tad-dispożizzjonijiet imsemmija fit-tliet inċiżi ta’ l-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Nru 1/80 huma gradwalment aktar immessa proporzjonalment għat-tul ta’ l-eżerċizzju ta’ attività regolari bil-paga u għandhom bħala għan li jikkonsolidaw progressivament is-sitwazzjoni ta’ l-interessati fl-Istat Membru li jilqgħu. Min-naħa l-oħra, skond ġurisprudenza bl-istess mod kostanti, l-awtoritajiet nazzjonali m’għandhomx il-fakultà li jissottomettuhom għal kundizzjonijiet jew jillimitaw l-applikazzjoni ta’ tali drittijiet, bir-riskju li jiġi kompromess l-effett utili ta’ l-imsemmija deċiżjoni (ara s-sentenzi tat-30 ta’ Settembru 1997, Günaydin, C-36/96, Ġabra p. I‑5143, punti 37 sa 40 u 50; tas-26 ta’ Novembru 1998, Birden, C-1/97, Ġabra p. I‑7747, punt 19; tad-19 ta’ Novembru 2002, Kurz, C-188/00, Ġabra p. I‑10691, punt 26, u tal-21 ta’ Ottubru 2003, Abatay et, C-317/01 u C‑369/01, Ġabra p. I‑12301, punt 78).

35     B’mod aktar partikolari, kif jirriżulta mill-istess kliem tat-tliet inċiżi ta’ l-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Nru 1/80, id-drittijiet stess li bihom il-ħaddiema Torok jistgħu jagħmlu użu minn dawn id-dispożizzjonijiet ivarjaw u huma suġġetti għall-kundizzjonijiet li jvarjaw skond il-perjodu ta’ okkupazzjoni ta’ impjieg regolari fl-Istat Membru li jilqagħhom (ara s-sentenza tal-5 ta’ Ottubru 1994, Eroglu, C-355/93, Ġabra p. I‑5113, punt 12, kif ukoll is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Tetik, punt 23; Eker, punt 21; Günaydin, punt 25, u Ertanir, punt 25).

36     Għalhekk, jirriżulta mill-imsemmija dispożizzjonijiet li, wara sena ta’ impjieg regolari, il-ħaddiem Tork għandu d-dritt li jkompli jeżerċità attività bil-paga għas-servizz ta’ l-istess sid ix-xogħol (l-ewwel inċiż). Wara tliet snin ta’ ħidma regolari u suġġett għat-trattament ta’ priorità ta’ ħaddiema ċittadini ta’ l-Istati Membri, huwa għandu d-dritt li jirrispondi għal offerta oħra ta’ impjieg, magħmula minn sid ix-xogħol ta’ l-għażla tiegħu fl-istess professjoni (it-tieni inċiż). Wara erba’ snin ta’ impjieg regolari, huwa jibbenefika minn dritt mingħajr kundizzjonijiet li jfittex u li jaċċedi għal attività bis-salarju, tkun xi tkun, magħżula liberament (it-tielet inċiż) (ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Eroglu, punt 12; Tetik, punt 26, u Nazli, punt 27).

37     Issa, jirriżulta mill-ekonomija u mill-effett utili ta’ din is-sistema ta’ integrazzjoni gradwali tal-ħaddiema Torok għas-suq ta’ l-impjieg ta’ l-Istat Membru li jilqagħhom, stabbilit mill-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Nru 1/80, li l-kundizzjonijiet rispettivament imsemmija fit-tliet inċiżi ta’ din id-dispożizzjoni jridu jkunu sodisfatti suċċessivament mill-interessati. Kull soluzzjoni oħra taffettwa ħażin il-koerenza tas-sistema mqegħda fis-seħħ mill-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni sabiex tikkonsolida progressivament is-sitwazzjoni tal-ħaddiema Torok fl-Istati Membri li jilqgħuhom.

38     Din l-interpretazzjoni tirriżulta minn ġurisprudenza, stabbilita sew, tal-Qorti.

39     Fil-fatt, fil-punti 13 sa 15 tas-sentenza Eroglu, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti qieset li l-ewwel inċiż ta’ l-Artikolu 6(1), tad-Deċiżjoni Nru 1/80 tipprovdi biss għall-garanzija biss tal-kontinwità tax-xogħol għas-servizz ta’ l-istess sid ix-xogħol u li, konsegwentement, din id-dispożizzjoni ma tapplikax għas-sitwazzjoni ta’ ħaddiem Tork li, f’perjodu ta’ sena ta’ impjieg regolari, biddel sid ix-xogħol u talab il-proroga tal-permess tiegħu tax-xogħol sabiex jeżerċità mill-ġdid attività bil-paga fl-intrapriża ta’ l-ewwel sid tax-xogħol tiegħu.

40     Bl-istess mod, fil-punti 30 u 31 tas-sentenza Eker, iċċitata, hija qieset li l-imsemmija dispożizzjoni ma tagħtix dritt lil ħaddiem Tork li biddel sid ix-xogħol qabel l-iskadenza ta’ l-ewwel sena ta’ impjieg fl-Istat Membru li jilqgħu u japplika għall-proroga tal-permess ta’ residenza tiegħu sabiex ikompli jaħdem għall-sid ix-xogħol ġdid qabel ma jkun għadda miegħu perjodu ta’ impjieg regolari ta’ sena.

41     Din l-interpretazzjoni ta’ l-ewwel inċiż ta’ l-Artikolu 6(1), tad-Deċiżjoni Nru 1/80 reġgħet ġiet ikkonfermata fis-sentenzi tal-5 ta’ Ġunju 1997, Kol (C‑285/95, Ġabra p. I‑3069, punti 19 u 20), kif ukoll Birden, iċċitat, (punti 44, 62 u 69).

42     Għal motivi identiċi għal dawk imsemmija fil-punti 39 sa 41 ta’ l-imsemmija sentenza, dawk l-istess kunsiderazzjonijiet iridu japplikaw għal dak li jirrigwarda l-interpretazzjoni tat-tieni inċiż ta’ l-Artikolu 6(1) ta’ l-imsemmija deċiżjoni.

43     Jirriżulta li l-benefiċċju tad-drittijiet mogħtija lil ħaddiem Tork permezz tat-tielet inċiż ta’ l-Artikolu 6(1), tad-Deċiżjoni Nru 1/80 tippresupponi bħala prinċipju li l-interessat kien, preċedentement, issodisfa l-kundizzjonijiet imsemmija fit-tieni inċiż ta’ l-istess paragrafu.

44     F’dawn iċ-ċirkustanzi, ħaddiem migrant Tork ma jistgħax, bħala regola ġenerali, jinvoka dritt abbażi tat-tielet inċiż ta’ l-Artikolu 6(1), , tad-Deċiżjoni Nru 1/80 biss minħabba l-fatt li huwa legalment eżerċità attività bil-paga fl-Istat Membru li jilqgħu għal aktar minn erba’ snin, jekk huwa ma ħadimx, l-ewwel, għal aktar minn sena għall-istess sid ix-xogħol u, wara, għal sentejn oħra għal dan ta’ l-aħħar.

 Fuq l-interruzzjonijiet tal-perjodi ta’ impjieg regolari mwettqa mill-ħaddiem Tork

45     F’dan ir-rigward, jeħtieġ, skond ġurisprudenza kostanti, li ssir distinzjoni fundamentali bejn, minn naħa, il-fażi ta’ kostituzzjoni tad-drittijiet li jiżdiedu gradwalment skond it-tul ta’ l-eżerċizzju ta’ attività regolari bil-paga, imsemmija fit-tliet inċiżi ta’ l-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Nru 1/80, u, min-naħa l-oħra, l-ipoteżi fejn il-ħaddiem Tork diġà ssodisfa l-ħtiġijiet suċċessivi u konsgwentement, fl-iskadenza tal-perjodu ta’ erba’ snin previsti fit-tielet inċiż ta’ din id-dispożizzjoni, ibbenefika mid-dritt ta’ aċċess ħieles għal kwalunkwe attività bil-paga ta’ l-għażla tiegħu (sentenzi ċċitati Tetik, punt 26; Nazli, punt 27, u tas-7 ta’ Lulju 2005, Dogan, C‑383/03, li għadhom ma ġewx ippubblikati fil-Ġabra, punt 13).

46     Għalhekk, is-sitwazzjoni ta’ ħaddiem Tork li, fil-passat, issodisfa l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 6(1), it-tielet inċiż, ta’ l-imsemmija deċiżjoni, ma tiddependix aktar miż-żamma tal-kudizzjonijiet ta’ aċċess għad-drittijiet imsemmija fit-tielet inċiż ta’ l-imsemmi paragrafu. Fil-fatt, ħaddiem bħal dan irid jiġi kkunsidrat bħala integrat biżżejjed fl-Istat Membru li jilqgħu sabiex ikun jista’ jiterrompi temporanjament ir-relazzjoni tiegħu tax-xogħol. Kull interpretazzjoni oħra tkun ta’ tip li tneħħi d-dritt ta’ aċċess liberu ta’ dak il-ħaddiem għal kull attività bil-paga ta’ l-għażla tiegħu (ara s-sentenzi ċċitati Tetik, punt 31, u Dogan, punti 14, 18 u 19).

47     Min-naħa l-oħra, ħaddiem Tork li għadu ma jibbenefikax mid-dritt previst fit-tielet inċiż huwa marbut li jeżerċita impjieg regolari waqt sena, tliet snin u erba’ snin rispettivament, bħala prinċipju mingħajr ebda interruzzjoni (ara s-sentenza Dogan, ċċitata, punt 18).

48     Huwa sabiex tiġi mmoderata s-severità ta’ din l-aħħar imsemmija regola li l-Artikolu 6(2), tad-Deċiżjoni Nru 1/80 jsemmi ċerti kawżi leġittimi ta’ interruzzjoni ta’ l-attività bil-paga sabiex jiġu kkalkolati l-perjodi differenti ta’ impjieg regolari neċessarji għall-kostituzzjoni tad-drittijiet gradwalment iktar wiesa previsti fil-paragrafu 1, l-ewwel sat-tielet inċiż, ta’ l-istess artikolu (sentenzi ċċitati Bozkurt, punt 38; Tetik, punt 36; Nazli, punt 40, u Dogan, punt 15).

49     L-imsemmi Artikolu 6(2) jagħmel distinzjoni skond it-tip u t-tul ta’ dawn il-perjodi ta’ inattività tal-ħaddiem Tork.

50     Għalhekk, l-ewwel frażi ta’ din id-dispożizzjoni tittratta l-perjodi ta’ inattività tal-ħaddiem li ġeneralment jinvolvi biss waqfa qasira mix-xogħol, bħalma huma l-assenzi minħabba leave annwali, leave tal-maternità, minħabba inċident fuq il-post tax-xogħol jew ta’ mard għal żmien qasir, li jikkostitwixxu avvenimenti li jridu jkunu meqjusa bħala li normalment jagħmlu parti minn kull relazzjoni ta’ xogħol. L-assenzi ta’ dan it-tip tal-ħaddiem huma, bħala konsegwenza, it-trattati bħal parti sħiħa tal-perjodi ta’ impjieg regolari skond l-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Nru 1/80.

51     Fir-rigward tat-tieni frażi ta’ l-imsemmi paragrafu 2, din tirreferi għall-perjodi ta’ inattività minħabba mard għal żmien twil jew minħabba qgħad involontarju. Din id-dispożizzjoni tipprovdi li l-perjodi ta’ inattività ta’ dan it-tip, li jirriżultaw f’assenza aktar twila jew li t-tul ta’ żmien tagħha mhux prevedibbli, jekk ma jistgħux jiġu assimilati ma’ perjodi ta’ impjieg regolari, ma jistgħux ikollhom bħala effett li jtellfu lil ħaddiem Tork il-benefiċċju tad-drittijiet diġà miksuba minħabba l-perjodi ta’ impjieg preċedenti mwettqa regolarment.

52     Għalhekk l-imsemmija dispożizzjoni għandha bħala għan li tevita li ħaddiem Tork li jibda’ jaħdem wara li jkollu jieqaf temporanjament mill-attivitajiet professjonali tiegħu minħabba kawża leġittima ma jkunx obbligat li jerġa’ jibda, bħal fil-każ ta’ ċittadin Tork li għadu ma bediex jeżerċità impjieg bil-paga fl-Istat Membru kkonċernat, il-perjodi ta’ impjieg regolari previst mill-ewwel u t-tielet inċiż ta’ l-Artikolu 6(1), tad-Deċiżjoni Nru 1/80.

53     Jirriżulta minn dak li ntqal qabel li ħaddiem Tork li għadu ma bbenefikax minn dritt ta’ aċċess liberu għall-attivitajiet kollha bil-paga ta’ l-għażla tiegħu skond it-tielet inċiż ta’ l-Artikolu 6(1), tad-Deċiżjoni Nru 1/80 huwa, in ġeneral, marbut li jokkupa fl-Istat Membru li jilqgħu impjieg regolari mingħajr interruzzjoni waqt il-perjodu meħtieġ, sakemm mhux f’pożizzjoni li jinvoka motiv leġittimu ta’ interruzzjoni tal-perjodi tiegħu ta’ impjieg, bħal dawk previsti fil-paragrafu 2 ta’ l-imsemmi artikolu.

54     Min-naħa l-oħra, mill-mument li l-ħaddiem Tork issodisfa l-kundizzjonijiet imsemmija fit-tielet inċiż ta’ l-imsemmi paragrafu 1, l-effet utili tad-dritt mingħajr kundizzjoni mogħti lilu minn din id-dispożizzjoni li jkollu aċċess liberu għal kull attività bil-paga ta’ l-għażla tiegħu timplika neċessarjament dan, għall-ħaddiem li jieqaf temporanjament mill-eżerċizzju ta’ attività professjonali u li jfittex impjieg ieħor fi żmien raġonevoli, b’mod li l-paragrafu 2 ta’ l-istess Artikolu 6 ma japplikax f’sitwazzjoni bħal din (ara s-sentenza Dogan, iċċitat, punti 16, 18 u 19).

55     Fir-rigward aktar partikolarment tas-17-il interruzzjoni tar-relazzjoni ta’ impjieg tas-Sur Sedef, bħal dawk deskritti b’mod detaljat mill-qorti tar-rinviju fl-ewwel domanda tagħha, ma jidhirx possibbli li jiġu assimilati ma kawżi leġittimi ta’ interruzzjoni tal-perjodi ta’ impjieg ta’ l-istess tip bħal dawk previsti fl-ewwel frażi ta’ l-Artikolu 6(2), tad-Deċiżjoni Nru 1/80.

56     Iżda, fir-rigward taċ-ċirkustanzi fattwali speċifiċi tal-kawża prinċipali bħalma huma dawk li ġew ippreżentati bħala evidenza fid-domanda tad-deċiżjoni preliminari, xejn ma jwaqqaf lill-qorti tar-rinviju li tikkunsidra l-imsemmija interruzzjonijiet bħala perjodi ta’ qgħad involontarju, skond it-tieni frażi ta’ l-Artikolu 6(2), ta’ l-imsemmija deċiżjoni, anki jekk il-parti interessata ma rreġistratx ruħha bħala applikanta għal xogħol kif din id-dispożizzjoni teħtieġ bħala prinċipju.

57     Fil-fatt, kif ġie rrilevat mill-Avukat Ġenerali fil-punti 53 sa 56 tal-konklużjonijiet tiegħu, f’każ bħal dak tas-Sur Sedef, dawk l-interruzzjonijiet jirriżultaw li kienu indipendenti mill-volontà ta’ dan ta’ l-aħħar, kif jirriżulta mill-fatt li hu ġie ingaġġat biss permezz ta’ kuntratti suċċessivi għal terminu fiss.

58     Minbarra dan, il-fatt għas-Sur Sedef, li sfrutta kemm setgħa l-interruzzjonijet l-aktar twal − ta’ xi ġimgħat − ta’ l-attività professjonali tiegħu sabiex iżur il-familja diretta tiegħu, li jkomplu jirresjedu t-Turkija, ma jistgħux ikunu kkunsidrati bħala ċirkustanza ta’ natura li teżerċità influenza rilevanti fuq is-sitwazzjoni tiegħu fir-rigward tad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 6(1), tad-Deċiżjoni Nru 1/80 peress li huwa kostanti li assenzi temporanji bħal dawn mit-territorju ta’ l-Istat Membru li jilqgħu huma bbażati fuq motiv leġittimu u li t-tul tagħhom ikkonserva natura raġonevoli.

59     Il-Qorti fil-fatt diġà sabet, fir-rigward ta’ l-ewwel inċiż ta’ l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 7, tad-Deċiżjoni Nru 1/80 li jimponi kundizzjoni ta’ residenza regolari ta’ ċertu tul, simili għal dik ta’ impjieg regolari previst fl-Artikolu 6(1), ta’ l-istess deċiżjoni, li l-obbligu fuq membru tal-familja ta’ ħaddiem Tork sabiex jirrisjedi bħala prinċipju b’mod mhux interrott fl-ewwel tliet snin ma dan ta’ l-aħħar ma jwaqqafx li l-persuna kkonċernata tassenta ruħha mir-residenza komuni għal perjodu raġonevoli u għall-motivi leġittimi, per eżempju sabiex iżur il-familja tiegħu fil-pajjiż ta’ l-oriġini tiegħu (ara s-sentenza Kadiman, iċċitata, punti 47 u 48).

60     Minbarra dan, jirriżulta mill-atti mibgħuta lil-Qorti tal-Ġustizzja mill-qorti tar-rinviju li l-assenzi tas-Sur Sedef ma kellhomx bħala effett li jkun hemm dubju fuq l-integrazzjoni tiegħu fis-suq tax-xogħol ta’ l-Istat Membru li jilqgħu. Għal kuntrarju, wara l-vjaġġi tiegħu fit-Turkija, is-Sur Sedef kull darba rritorna fil-Ġermanja sabiex ikompli l-attivitajiet professjonali tiegħu.

61     Iċ-ċirkustanza li l-interruzzjonijiet tar-relazzjoni tax-xogħol ma kienux debitament ikkonstatati bħala perjodi ta’ qgħad mill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat Membru li jilqgħu huwa, f’dan il-każ, nieqes minn xi rilevanza. Fil-fatt, l-interessat setgħa leġittimament ikkunsidra ruħu bħala eżenti milli jwettaq il-formalitajiet neċessarji sabiex iqiegħed lilu nnifsu disponibbli għal servizzi nazzjonali tax-xogħol, peress li jirriżulta mill-imsemmi atti li, fil-parti l-kbira tal-każijiet, is-Sur Sedef kien diġà kellu kuntratt ġdid tax-xogħol, li pproduċa biss l-effetti tiegħu aktar tard, jew li, ta’ l-inqas, kellu prospetti reali li jerġa jiġi impjegat u li, mill-fatti, huwa dejjem reġa beda l-attivitajiet professjonali tiegħu ftit żmien wara li hu kien temm il-kuntratt preċedenti tiegħu. Konsegwentement, ma jidhirx li r-reġistrazzjoni tas-Sur Sedef bħala applikant għal xogħol tista’ tiġi meqjusa, f’ċirkustanzi bħal dawn, bħala li għandha natura utili fir-rigward tas-sitwazzjoni tiegħu li hija karatterizzata b’ interruzzjonijiet ta’ impjieg ripetut, iżda ta’ żmien qasir.

62     F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-interruzzjonijiet tar-relazzjoni tax-xogħol bħal dawk deskritti fid-deċiżjoni tar-rinviju fl-ewwel domanda magħmula ma jistgħux ikunu meqjusa, għall-ħtiġijiet tal-kalkolu tal-perjodi ta’ impjieg regolari previst fl-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Nru 1/80, li wasslu għat-telf tad-drittijiet miksuba miċ-ċittadin Tork ikkonċernat abbażi tal-perjodi preċedenti ta’ impjieg regolari.

63     Jeħtieġ li jingħad ukoll li l-Qorti, f’bosta okkażjonijiet, kienet imġegħla tieħu in kunsiderazzjoni l-imġiba ta’ l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għall-finijiet ta’ l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet b’finijiet soċjali tad-Deċiżjoni Nru 1/80, fejn ibbażat ruħha b’mod partikolari fuq il-fatt li dawk l-awtoritajiet ma kienux ikkontestaw ir-regolarità ta’ residenza taċ-ċitttadin Tork ikkonċernat fit-territorju ta’ l-Istat Membru li jilqgħu (ara, f’dan is-sens, għal dak li jirrigwarda l-Artikolu 6(1) ta’ l-imsemmija deċiżjoni, is-sentenza Ertanir, iċċitata, punti 67 u 69, kif ukoll, b’analoġija, għal dak li jirrigwarda l-Artikolu 7, l-ewwel paragrafu, ta’ l-imsemmija deċiżjoni, is-sentenzi Kadiman, iċċitati, punti 52 u 54; tas-16 ta’ Marzu 2000, Ergat, C‑329/97, Ġabra p. I‑1487, punt 51, u tat-22 ta’ Ġunju 2000, Eyüp, C‑65/98, Ġabra p. I‑4747, punti 35 u 36).

64     Issa, jirriżulta mill-atti tal-kawża prinċipali li l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti kienu, ripetutament u mingħajr interruzzjoni għal aktar minn ħmistax-il sena, ħarġu permessi ta’ residenza lis-Sur Sedef.

65     Skond l-informazzjoni li tirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, huwa biss meta ċittadin Tork kkonċernat talab l-awtorizzazzjoni sabiex jaħdem fuq l-art li l-istess awtoritajiet biddlu l-pożizzjoni tagħhom.

66     Fir-rigward ta’ ċirkustanzi partikolari bħal dawn, l-imsemmija awtoritajiet nazzjonali ma jistgħux ikunu intitolati li jikkontestaw, a posteriori, l-istatus tas-Sur Sedef fl-Istat Membru li jilqgħu.

67     Tali approċċ jirriżulta li huwa partikolarment fondat f’dan il-każ, fejn is-Sur Sedef isib lilu nnifsu f’pożizzjoni fejn irid japplika għal permess ta’ residenza għall-finijiet li jeżerċità impjieg fuq l-art għar-raġuni biss li huwa jsib ruħu inkapaċi li jkompli l-attivitajiet professjonali tiegħu fuq il-baħar wara inċident fuq ix-xogħol fejn huwa kien vittma fuq vapur.

68     F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Artikolu 6(2), tad-Deċiżjoni Nru 1/80 jkopri interruzzjonijiet, bħalma huma dawk fil-kawża prinċipali, ta’ perjodi ta’ impjieg regolari mwettqa mill-ħaddiem Tork ikkonċernat u l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti mhumiex intitolati li jikkontestaw ir-residenza ta’ l-interessat fl-Istat Membru li jilqgħu. L-imsemmi ħaddiem jista’, konsegwentement, leġittimament jinvoka t-tielet inċiż ta’ l-Artikolu 6(1), ta’ l-istess deċiżjoni sabiex jikseb proroga tal-permess tiegħu ta’ residenza sabiex ikun jista’ jkompli jeżerċita l-attivitajiet tiegħu bil-paga fl-Istat Membru.

69     Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet imsemmija, hemm lok li tingħata tweġiba għad-domandi magħmula li l-Artikolu 6, tad-Deċiżjoni Nru 1/80 jrid jiġi interpretat f’dan is-sens li:

–       il-benefiċċju tad-drittijiet mogħtija lil ħaddiem Tork permezz tat-tielet inċiż tal-paragrafu 1, ta’ dan l-Artikolu jippresupponi bħala prinċipju li l-interessat kien, preċedentement, issodisfa l-kundizzjonijiet imsemmija fit-tieni inċiż ta’ l-istess paragrafu;

–       ħaddiem Tork li għadu ma bbenefikax minn dritt ta’ aċċess liberu għall-attivitajiet kollha bil-paga ta’ l-għażla tiegħu skond l-imsemmi tielet inċiż irid jokkupa fl-Istat Membru li jilqgħu impjieg regolari mingħajr interruzzjoni, sakemm mhux f’pożizzjoni fejn jista’ jagħmel użu minn motiv leġittimu bħal dawk previsti fil-paragrafu 2 ta’ l-imsemmi artikolu, li jiġġustifika l-assenza temporanja tiegħu mis-suq tax-xogħol;

–       din l-aħħar dispożizzjoni tkopri interruzzjonijiet, bħalma huma dawk fil-kawża prinċipali, ta’ perjodi ta’ impjieg regolari u l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti mhumiex intitolati li jikkontestaw id-dritt ta’ residenza tal-ħaddiem Tork ikkonċernat fl-Istat Membru li jilqgħu.

 Fuq l-ispejjeż

70     Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta’ l-osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk ta’ l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 6 tad-Deċiżjoni Nru 1/80, tad-19 ta’ Settembru 1980, dwar l-iżvilupp ta’ l-assoċjazzjoni, adottat mill-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni li ġie stabbilit bil-ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u t-Turkija, irid jiġi interpretat fis-sens li:

–       il-benefiċċju tad-drittijiet mogħtija lil ħaddiem Tork permezz tat-tielet inċiż ta’ l-paragrafu 1, ta’ dan l-Artikolu jippresupponi bħala prinċipju li l-interessat kien, preċedentement, issodisfa l-kundizzjonijiet imsemmija fit-tieni inċiż ta’ l-istess paragrafu;

–       ħaddiem Tork li għadu ma bbenefikax minn dritt ta’ aċċess liberu għall-attivitajiet kollha bil-paga ta’ l-għażla tiegħu skond l-imsemmi tielet inċiż irid jokkupa fl-Istat Membru li jilqgħu impjieg regolari mingħajr interruzzjoni, sakemm mhux f’pożizzjoni fejn jista’ jagħmel użu minn motiv leġittimu bħal dawk previsti fil-paragrafu 2 ta’ l-imsemmi artikolu, li jiġġustifika l-assenza temporanja tiegħu mis-suq tax-xogħol;

–       din l-aħħar dispożizzjoni tkopri interruzzjonijiet, bħalma huma dawk fil-kawża prinċipali, ta’ perjodi ta’ impjieg regolari u l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti mhumiex intitolati li jikkontestaw id-dritt ta’ residenza tal-ħaddiem Tork kkonċernat fl-Istat Membru li jilqgħu.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.