Language of document : ECLI:EU:T:2019:354

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla)

23 ta’ Mejju 2019 (*)

“Kompetizzjoni – Konċentrazzjonijiet – Suq Olandiż tas-servizzi televiżivi u tas‑servizzi ta’ telekomunikazzjonijiet – Impriża konġunta li topera b’mod sħiħ – Deċiżjoni li tiddikjara l-konċentrazzjoni kompatibbli mas-suq intern u mal-Ftehim ŻEE – Impenji – Suq inkwistjoni – Effetti vertikali – Żball manifest ta’ evalwazzjoni – Obbligu ta’ motivazzjoni”

Fil-Kawża T‑370/17,

KPN BV, stabbilita f’Den Haag (il-Pajjiżi l-Baxxi), irrappreżentata minn P. van Ginneken u G. Béquet, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn H. van Vliet, G. Conte, J. Szczodrowski u F. van Schaik, bħala aġenti,

konvenuta,

sostnuta minn

VodafoneZiggo Group Holding BV, stabbilita f’Amsterdam (il-Pajjiżi l-Baxxi),

Vodafone Group plc, stabbilita fi Newbury (ir-Renju Unit),

u

Liberty Global Europe Holding BV, stabbilita f’Amsterdam,

irrappreżentati minn W. Knibbeler, E. Raedts u A. Pliego Selie, avukati,

intervenjenti,

li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni finali C(2016) 5165, tat-3 ta’ Awwissu 2016, li tiddikjara kompatibbli mas-suq intern u mal-Ftehim ŻEE l-konċentrazzjoni intiża għall-akkwist minn Vodafone Group u Liberty Global Europe Holding tal-kontroll konġunt ta’ impriża konġunta li topera b’mod sħiħ (Każ COMP/M.7978 – Vodafone – Liberty Global – Dutch JV),

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla),

komposta minn A. M. Collins (Relatur), President, M. Kancheva u R. Barents, Imħallfin,

Reġistratur: N. Schall, Amministratur,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara s-seduta tad-29 ta’ Novembru 2018,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

 L-entitajiet inkwistjoni

1        Ir-rikorrenti, KPN BV, hija attiva fis-settur tan-netwerks bil-kejbil għas-servizzi televiżivi, internet b’veloċità għolja, telefonija fissa u ta’ telekomunikazzjoni mobbli fil-Pajjiżi l-Baxxi.

2        Vodafone Group plc hija grupp internazzjonali ta’ telekomunikazzjonijiet, li hija attiva fil-qasam tas-servizzi tat-telekomunikazzjonijiet mobbli fil-Pajjiżi l-Baxxi permezz ta’ Vodafone Libertel BV (iktar ’il quddiem “Vodafone”). Barra minn hekk, Vodafone hija attiva wkoll fis-settur tas-servizzi televiżivi, tal-internet b’veloċità għolja u tat-telefonija fissa permezz tan-netwerk tar-rikorrenti.

3        Liberty Global Europe Holding BV (iktar ’il quddiem “Liberty Global”), li tappartjeni lill-grupp internazzjonali Liberty Global plc, hija operatur tal-kejbil għas-servizzi televiżivi, tal-internet b’veloċità għolja u tat-telefonija fissa fil-Pajjiżi l-Baxxi. Hija tipprovdi wkoll servizzi ta’ telekomunikazzjoni mobbli lill-klijenti fissi tagħha permezz tan-netwerk ta’ Vodafone.

 Il-proċedura amministrattiva

4        Fl-14 ta’ Ġunju 2016, Vodafone u Liberty Global (iktar ’il quddiem “il-partijiet notifikanti”) innotifikaw lill-Kummissjoni Ewropea, skont l-Artikolu 4(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 tal-20 ta’ Jannar 2004 dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 3, p. 40), abbozz ta’ konċentrazzjoni li tikkonsisti fl-akkwist tal-kontroll konġunt ta’ impriża konġunta li topera b’mod sħiħ ta’ kwalunkwe espansjoni ulterjuri, li l-partijiet notifikanti ttrasferewlha l-attivitajiet kummerċjali tagħhom fil-Pajjiżi l-Baxxi. Wara l-konċentrazzjoni, kull waħda mill-partijiet notifikanti jkollha 50 % tal-ishma tal-impriża konġunta, ikollha l-istess drittijiet tal-vot u l-istess drittijiet biex taħtar id-diretturi tal-kunsill ta’ sorveljanza.

5        Bil-għan li jiġu eliminati d-dubji serji identifikati mill-Kummissjoni matul il-fażi ta’ eżaminazzjoni inizjali, fit-12 ta’ Lulju 2016, il-partijiet notifikanti offrew impenji skont l-Artikolu 6(2) tar-Regolament Nru 139/2004.

6        Il-Kummissjoni ssottomettiet dawn l-impenji inizjali għal konsultazzjoni tas-suq. Fid-dawl tar-riżultat ta’ din il-konsultazzjoni u tal-analiżi tal-Kummissjoni tal-impenji proposti, fis-26 ta’ Lulju 2016, il-partijiet notifikanti pproponew l-impenji finali tagħhom.

 Id-deċiżjoni kkontestata

7        Fit-3 ta’ Awwissu 2016, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni finali C(2016) 5165, li tiddikjara kompatibbli mas-suq intern u mal-Ftehim ŻEE l-konċentrazzjoni intiża għall-akkwist minn Vodafone u Liberty Global tal-kontroll konġunt ta’ impriża konġunta li topera b’mod sħiħ (Każ COMP/M.7978 – Vodafone – Liberty Global – Dutch JV, iktar ’il quddiem id- “deċiżjoni kkontestata”).

 Delimitazzjoni tas-swieq inkwistjoni

8        Skont id-deċiżjoni kkontestata, it-tranżazzjoni proposta tikkombina l-attivitajiet tal-partijiet notifikanti fil-Pajjiżi l-Baxxi. Minn din id-deċiżjoni jirriżulta li l-Kummissjoni kkunsidrat li t-tranżazzjoni proposta twassal għal sovrappożizzjonijiet orizzontali u relazzjonijiet vertikali bejn l-attivitajiet tal-partijiet f’għadd ta’ swieq tul il-katina ta’ distribuzzjoni ta’ kontenut televiżiv u l-forniment ta’ servizzi ta’ telekomunikazzjoni (telefonija fissa u mobbli u għall-internet b’veloċità għolja) fil-Pajjiżi l-Baxxi.

9        Għall-finijiet tad-delimitazzjoni tas-swieq inkwistjoni, fir-rigward tas-swieq marbutin mas-servizzi televiżivi, il-Kummissjoni stabbiliet distinzjoni bejn is-swieq li ġejjin, li kollha jitqiesu li huma ġeografikament ta’ portata nazzjonali:

–        is-suq għal-liċenzjar u l-akkwist tad-drittijiet għax-xandir ta’ kontenut televiżiv;

–        is-suq tal-provvista u l-akkwist bl-ingrossa ta’ stazzjonijiet televiżivi;

–        is-suq għall-forniment bl-imnut ta’ servizzi televiżivi.

10      L-ewwel nett, rigward is-suq għal-liċenzjar u l-akkwist tad-drittijiet għax-xandir ta’ kontenut televiżiv, il-Kummissjoni qieset li kienu possibbli segmentazzjonijiet addizzjonali, jiġifieri d-drittijiet televiżivi mingħajr ħlas u d-drittijiet televiżivi bi ħlas, id-drittijiet ta’ xandir lineari u mhux lineari, kif ukoll segmentazzjoni magħmula minn tieqa ta’ esibizzjoni, kontenut primjum u mhux primjum, u t-tip ta’ kontenut, jiġifieri films, sports, eċċ.

11      It-tieni nett, fir-rigward tas-suq għall-provvista u l-akkwist bl-ingrossa ta’ stazzjonijiet televiżivi, il-Kummissjoni kkunsidrat ukoll li kienu possibbli segmentazzjonijiet addizzjonali, jiġifieri stazzjonijiet tat-televiżjoni mingħajr ħlas u stazzjonijiet televiżivi bi ħlas, stazzjonijiet televiżivi bi ħlas bażiku u stazzjonijiet televiżivi bi ħlas primjum, stazzjonijiet televiżivi tal-films primjum bi ħlas u stazzjonijiet televiżivi sportivi primjum bi ħlas, u skont l-infrastrutturi tad-distribuzzjoni. Madankollu, f’dak li jikkonċerna dawn is-segmentazzjonijiet oħra, u b’mod partikolari dik ta’ stazzjonijiet televiżivi tal-films primjum bi ħlas u stazzjonijiet televiżivi primjum sportivi bi ħlas, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-kwistjoni dwar jekk is-suq għandux jiġi segmentat iktar tista’ titħalla miftuħa peress li t-tranżazzjoni maħsuba ma kinitx tqajjem problemi ta’ kompetizzjoni tkun xi tkun is-segmentazzjoni tas-suq. B’mod partikolari, fir-rigward tal-istazzjonijiet televiżivi sportivi primjum bi ħlas, il-Kummissjoni rrilevat, fil-premessa 176 tad-deċiżjoni kkontestata, li, skont uħud minn dawk li rrispondew għall-investigazzjoni tas-suq magħmula mill-Kummissjoni, l-istazzjonijiet Ziggo Sport Totaal u Fox Sports kienu fil-kompetizzjoni għall-klijenti u kontenut simili u kienu fil-proċess li jsiru iktar sostituti. L-istazzjon Ziggo Sport Totaal għandu jiġi distint mill-istazzjon Ziggo Sport, stazzjon li jxandar inqas kontenut sportiv mill-istazzjon Ziggo Sport, propost minn Liberty Global biss lill-abbonati tagħha, u dan mingħajr ħlas.

12      It-tielet nett, f’dak li jikkonċerna s-suq għall-provvista bl-imnut ta’ servizzi televiżivi, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-kwistjoni ta’ segmentazzjoni addizzjonali bejn servizzi televiżivi mingħajr ħlas u servizzi televiżivi bi ħlas, kif ukoll servizzi televiżivi bi ħlas lineari u mhux lineari, tista’ titħalla miftuħa peress li l-evalwazzjoni tat-tranżazzjoni prevista għandha tibqa’ l-istess. Fir-rigward ta’ eventwali segmentazzjoni skont it-teknoloġiji ta’ distribuzzjoni użati, il-Kummissjoni identifikat ċerti indikazzjonijiet li l-provvista bl-imnut tas-servizzi televiżivi permezz tat-teknoloġija mobbli (3G u 4G) ma kinitx sostitwibbli għal teknoloġija oħra ta’ distribuzzjoni, jiġifieri t-televiżjoni analoga terrestri, il-kejbil, it-televiżjoni fuq l-internet (jew “TVIP” bl-Ingliż) u s-satellita. Madankollu, hija qieset li din il-kwistjoni setgħet titħalla miftuħa peress li l-evalwazzjoni tat-tranżazzjoni maħsuba ser tibqa’ l-istess.

13      Barra minn hekk, il-Kummissjoni għamlet sensiela ta’ kunsiderazzjonijiet dwar is-swieq tal-provvista bl-imnut tas-servizzi ta’ telefonija fissa, ta’ telefonija mobbli u tal-aċċess għall-internet, kif ukoll fuq swieq oħra ġirien, li ma humiex rilevanti għal din il-kawża.

14      Fl-aħħar nett, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni eżaminat il-kwistjoni dwar jekk il-pakketti ta’ servizzi “multiple play” ipprovduti bl-imnut għall-konsumaturi finali, jiġifieri pakketti li jinkludu mill-inqas żewġ tipi ta’ servizzi fost is-servizzi tat-telefonija mobbli, tat-telefonija fissa, tal-aċċess għall-internet u tat-televiżjoni, fihom innifishom jikkostitwixxux swieq distinti għal kull wieħed mis-servizzi sottostanti. Il-Kummissjoni rrilevat li s-servizzi “multiple play” kienu popolari ħafna u li l-pakkett ta’ servizzi fissi “triple play”, jiġifieri servizzi tat-telefonija fissa, servizzi ta’ aċċess għall-internet u tat-televiżjoni, kien l-iktar popolari. Madankollu, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-kwistjoni ta’ delimitazzjoni eżatta tas-suq setgħet titħalla miftuħa peress li fi kwalunkwe każ it-tranżazzjoni prevista qajmet dubji serji.

 Effetti tal-konċentrazzjoni fuq il-kompetizzjoni

15      Fir-rigward tal-analiżi tal-effetti tat-tranżazzjoni prevista fuq il-kompetizzjoni, il-Kummissjoni eżaminat l-effetti orizzontali, vertikali u ta’ konglomerat fuq il-kompetizzjoni kif ukoll l-effetti kkoordinati.

–       Effetti orizzontali

16      Fil-kuntest tal-analiżi tagħha tal-effetti orizzontali dwar il-kompetizzjoni, l-ewwel nett, fir-rigward tal-kuntratt ta’ liċenzja u l-akkwist tad-drittijiet għax-xandir ta’ kontenut televiżiv, il-Kummissjoni rrilevat fid-deċiżjoni kkontestata li Liberty Global hija attiva f’dan is-suq min-naħa tad-domanda bħala xerrej, filwaqt li Vodafone la kellha u lanqas xtrat drittijiet direttament. Għaldaqstant, skont il-Kummissjoni, ma kienx ser ikun hemm żieda fil-kapaċità tal-akkwist li tirriżulta mit-tranżazzjoni prevista.

17      It-tieni nett, fir-rigward tas-suq għall-provvista u l-akkwist bl-ingrossa ta’ stazzjonijiet televiżivi, min-naħa tal-offerta, il-Kummissjoni rrilevat fid-deċiżjoni kkontestata li Liberty Global biss kienet attiva f’dan is-suq, b’sehem mis-suq ta’ inqas minn 40 % f’kull segmentazzjoni possibbli u b’mod partikolari tal-ishma tas-suq ta’ inqas minn 10 % fis-suq tal-provvista bl-ingrossa ta’ stazzjonijiet televiżivi sportivi primjum bi ħlas. Peress li Vodafone ma hijiex attiva bħala fornitur bl-ingrossa ta’ stazzjonijiet televiżivi bi ħlas, it-tranżazzjoni prevista ma twassal għal ebda sovrappożizzjoni orizzontali.

18      Fis-suq tal-provvista u l-akkwist bl-ingrossa ta’ stazzjonijiet televiżivi, min-naħa tad-domanda, il-Kummissjoni kkonstatat li l-partijiet notifikanti kienu attivi bħala xerrejja ta’ stazzjonijiet għall-inklużjoni tagħhom fl-offerta ta’ servizzi televiżivi bl-imnut. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni rrilevat li Vodafone kellha preżenza modesta, b’ishma tas-suq ta’ inqas minn 5 %, u li Liberty Global kellha ishma mis-suq ta’ bejn 40 u 60 %, skont is-segmentazzjoni tas-suq. B’mod partikolari, il-Kummissjoni rrilevat fid-deċiżjoni kkontestata li, f’kull suq eventwali tal-akkwist bl-ingrossa ta’ stazzjonijiet televiżivi sportivi primjum bi ħlas, l-entità amalgamata jkollha sehem mis-suq ta’ bejn 40 u 50 %. Minkejja l-eżistenza ta’ sovrappożizzjoni orizzontali, il-Kummissjoni kkunsidrat li ma kienx hemm żieda fil-kapaċità tal-akkwist bħala riżultat tat-tranżazzjoni prevista, partikolarment minħabba l-fatt li s-sehem tas-suq ta’ Vodafone kien minimu. Għalhekk, il-Kummissjoni kkonkludiet li t-tranżazzjoni prevista ma kinitx tqajjem problemi ta’ kompetizzjoni f’dan is-suq.

19      It-tielet nett, il-Kummissjoni qieset li t-tranżazzjoni prevista qajmet dubji serji dwar is-swieq possibbli ta’ pakketti ta’ servizzi fissi u tas-servizzi fissi-mobbli “multiple play”, b’mod partikolari minħabba l-eliminazzjoni ta’ Vodafone, kompetitur importanti f’dawn is-swieq konċentrati.

–       Effetti vertikali

20      Fil-kuntest tal-analiżi tagħha tal-effetti vertikali, il-Kummissjoni eżaminat jekk it-tranżazzjoni prevista tistax tipproduċi effetti ta’ esklużjoni fir-rigward tal-input jew tal-klijenti (“input or client foreclosure” bl-Ingliż).

21      Rigward ir-riskju ta’ esklużjoni fir-rigward tal-input fis-suq tal-provvista u l-akkwist bl-ingrossa ta’ stazzjonijiet televiżivi bi ħlas, l-ewwel nett, il-Kummissjoni eżaminat jekk it-tranżazzjoni prevista kinitx tipproduċi l-bidliet fil-kapaċità tal-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni li tieħu sehem fi strateġija ta’ esklużjoni li tikkonċerna l-istazzjon tagħha Ziggo Sport Totaal, it-tieni nett, hija eżaminat l-inċentiv tagħha li tagħmel dan, u, it-tielet nett, hija eżaminat jekk dan setax ikollu effetti negattivi fuq il-kompetizzjoni, b’mod partikolari fuq is-suq tal-output għall-forniment bl-imnut ta’ pakketti ta’ servizzi fissi-mobbli “multiple play”. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni rrilevat li Liberty Global kienet tikkontrolla Ziggo Sport Totaal qabel it-tranżazzjoni u li, għaldaqstant, l-uniku bidla li tirriżulta minn din kienet iż-żieda tan-netwerk mobbli u ta’ klijenti essenzjalment mobbli ta’ Vodafone, fid-dawl taċ-ċessjoni tal-attivitajiet fissi ta’ Vodafone fil-Pajjiżi l-Baxxi wara l-impenji. Għal dik ir-raġuni, il-Kummissjoni ffukat l-analiżi tagħha dwar ir-riskju tal-esklużjoni tal-aċċess għal Ziggo Sport Totaal fin-netwerks mobbli.

22      L-ewwel nett, fir-rigward tal-kapaċità ta’ esklużjoni, li tirrikjedi setgħa sinjifikattiva tas-suq tal-input, il-Kummissjoni rrilevat li s-sehem tas-suq ta’ Liberty Global fil-qasam tad-dħul fis-suq tal-provvista bl-ingrossa ta’ stazzjonijiet televiżivi kien inqas minn 10 %, anki fil-każ ta’ segmentazzjonijiet tas-suq l-iktar stretti, b’mod partikolari fuq l-eventwali suq għall-forniment ta’ stazzjonijiet televiżivi sportivi primjum bi ħlas. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni rrilevat li l-klijenti kellhom aċċess għal stazzjonijiet primjum alternattivi bħal Fox Sports, filwaqt li żżid li stazzjonijiet oħra kienu jeżerċitaw ukoll ċerta pressjoni kompetittiva, bħal BBC One HD, RTL, Veronica HD u Eurosport. Skont il-biċċa l-kbira tal-parteċipanti fl-investigazzjoni tas-suq, Ziggo Sport Totaal ixandar kontenut essenzjali (“must-have content” bl-Ingliż) għall-fornituri ta’ servizzi televiżivi bl-imnut, anki jekk dan ma kienx l-unika stazzjon li jxerred kontenut indispensabbli. Barra minn hekk, skont dawk li rrispondew, Fox Sports kien joffri kontenut ukoll attraenti — jew saħansitra iktar attraenti — minn dak ta’ Ziggo Sport Totaal, liema fatt huwa kkonfermat min-numru sinjifikattiv ogħla ta’ abbonati ta’ Fox Sports għalkemm kien iktar għali. Barra minn hekk, skont id-deċiżjoni kkontestata, il-maġġoranza ta’ dawk li rrispondew l-istħarriġ qieset li kien essenzjali għall-fornituri ta’ servizzi televiżivi bl-imnut li joffru mill-inqas stazzjon televiżiv sportiv primjum bi ħlas, filwaqt li minoranza biss qieset li kien neċessarju li joffru l-istazzjonijiet televiżivi kollha sportivi primjum bi ħlas disponibbli fil-Pajjiżi l-Baxxi.

23      Abbażi ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, kif ukoll minħabba l-għadd baxx ħafna ta’ abbonati ta’ Ziggo Sport Totaal, jiġifieri madwar 3 % tat-total ta’ abbonati ta’ stazzjonijiet televiżivi bi ħlas fil-Pajjiżi l-Baxxi, il-Kummissjoni esprimiet dubji dwar il-fatt li dan l-istazzjon ikun jista’ jitqies bħala indispensabbli għal kompetizzjoni effettiva fis-suq tal-output għall-forniment bl-imnut tas-servizzi televiżivi. Għalhekk hija kkonkludiet li l-entità amalgamata ma jkollhiex il-kapaċità li timpenja ruħha fi strateġija ta’ esklużjoni li tikkonċerna Ziggo Sport Totaal.

24      It-tieni nett, il-Kummissjoni osservat li l-inċentiv li timpenja ruħha fi strateġija ta’ esklużjoni ta’ Ziggo Sport Totaal kien jiddependi mill-kwistjoni dwar jekk dan ikunx ekonomikament profittabbli. Dan ikun il-każ, b’mod partikolari, jekk it-telf ta’ introjtu mill-bejgħ ta’ Ziggo Sport Totaal mhux imwettaq minn fornituri kompetituri tal-input kien ikkumpensat minn żieda tal-abbonamenti tal-output. Skont il-Kummissjoni, din l-ipoteżi ma kinitx plawżibbli fl-assenza ta’ indikazzjonijiet tal-eżistenza ta’ għadd suffiċjenti ta’ klijenti li d-disponibbiltà ta’ Ziggo Sport Totaal fuq l-apparat mobbli tagħhom kienet importanti wkoll biex possibbilment jibdlu l-fornitur.

25      It-tielet nett, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkunsidrat bħala improbabbli li strateġija ta’ esklużjoni possibbli jista’ jkollha effetti negattivi sinjifikattivi fuq il-kompetizzjoni fis-suq tal-output, minħabba d-disponibbiltà tal-istazzjonijiet televiżivi l-oħra sportivi primjum bi ħlas li għandhom kontenut attraenti, b’mod partikolari Fox Sports. Barra minn hekk, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni rrilevat li madwar 3 % tal-abbonati għas-servizzi televiżivi bi ħlas kienu abbonati ma’ Ziggo Sport Totaal. Fl-aħħar nett, hija nnutat li, għalkemm il-konsum ta’ kontenut awdjoviżiv fuq apparat mobbli żdied dan l-aħħar, dokumenti interni ta’ Vodafone juru li dan il-konsum baqa’ baxx ħafna, inqas minn 3 % tal-konsum totali tas-servizzi televiżivi, u dan iktar u iktar meta kien meħtieġ li wieħed jara t-televiżjoni live u b’mod partikolari l-avvenimenti sportivi live. Fil-fatt, 12 % biss tal-konsumaturi li jużaw apparat mobbli biex jinkiseb aċċess għal kontenut awdjoviżiv jaraw it-televiżjoni live. Barra minn hekk, skont studju indipendenti, fl-aħħar kwart tal-2015, 4 % biss tal-abbonati ta’ Ziggo Sport Totaal kienu jaraw dan l-istazzjon fuq l-apparat mobbli tagħhom.

26      Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, il-Kummissjoni kkonkludiet, fid-deċiżjoni kkontestata, li strateġija ta’ esklużjoni tal-input li jkollha effetti negattivi sinjifikattivi fuq il-kompetizzjoni kienet improbabbli.

27      Fl-aħħar nett, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkunsidrat li strateġija ta’ esklużjoni tal-klijenti kienet improbabbli wkoll, minħabba raġunijiet li ma humiex rilevanti għal din it-tilwima.

–       Effetti konglomerattivi u effetti koordinati

28      Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonkludiet li t-tranżazzjoni prevista ma tipproduċix effetti konglomerattivi antikompetittivi. Fil-fatt, il-konsumaturi jkunu vvantaġġati minn iktar kompetizzjoni fis-suq tal-pakketti ta’ servizzi fissi-mobbli bejn l-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni u r-rikorrenti.

29      Fir-rigward tal-analiżi ta’ effetti koordinati li jirriżultaw mit-tranżazzjoni, il-Kummissjoni qieset li t-tranżazzjoni prevista ma kinitx tqajjem dubji serji.

 Il-gwadann ta’ effikaċja, impenji u konklużjoni

30      Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-allegati gwadanji ta’ effikaċja mressqa mill-partijiet notifikanti ma kinux biżżejjed biex ineħħu d-dubji serji tagħha dwar il-kompatibbiltà tat-tranżazzjoni.

31      Minkejja dak li ntqal hawn fuq, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-impenji finali offruti mill-partijiet notifikanti kienu jippermettu li jiġu kkoreġuti l-problemi ta’ kompetizzjoni kkonstatati. Essenzjalment, il-partijiet notifikanti huma impenjati li jċedu l-attivitajiet fissi ta’ Vodafone fil-Pajjiżi l-Baxxi sabiex jirrispondu għall-pressjoni kompetittiva eżerċitata minn dawn fis-swieq possibbli ta’ pakketti ta’ servizzi fissi u fissi-mobbli “multiple play”. Fil-fatt, dawn l-impenji strutturali jeliminaw kompletament kwalunkwe sovrappożizzjoni orizzontali bejn l-attivitajiet tal-partijiet notifikanti fuq dawn is-swieq potenzjali.

32      Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, skont l-Artikolu 6(1)(b) u (2) tar-Regolament Nru 139/2004, il-Kummissjoni ddeċidiet li tiddikjara kompatibbli mas-suq intern u mal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) il-konċentrazzjoni prevista, suġġetta għall-konformità sħiħa mal-impenji proposti.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

33      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-12 ta’ Ġunju 2017, ir-rikorrenti ppreżentat dan ir-rikors.

34      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-11 ta’ Settembru 2017, VodafoneZiggo Group Holding, Vodafone u Liberty Global talbu li jintervjenu fil-proċedura preżenti insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni.

35      Permezz ta’ digriet tad-19 ta’ Ottubru 2017, il-President tat-Tmien Awla tal-Qorti Ġenerali laqa’ dan l-intervent. L-intervenjenti ppreżentaw in-nota ta’ intervent tagħhom u r-rikorrenti ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha dwar din fit-termini mogħtija.

36      It-trattazzjoni tal-partijiet u r-risposti tagħhom għall-mistoqsijiet orali tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tad-29 ta’ Novembru 2011. Waqt is-seduta, il-partijiet irrinunzjaw għat-talbiet għal trattament kunfidenzjali tal-informazzjoni li tidher fil-proċess quddiem il-Qorti Ġenerali.

37      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

38      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

39      L-intervenjenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

40      Insostenn tar-rikors, ir-rikorrenti tinvoka tliet motivi bbażati, l-ewwel wieħed, fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni dwar id-definizzjoni tas-suq inkwistjoni, it-tieni wieħed, fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni dwar l-effetti vertikali tal-konċentrazzjoni fis-suq għall-provvista u l-akkwist bl-ingrossa ta’ stazzjonijiet televiżivi sportivi primjum bi ħlas kif ukoll fis-suq tal-output għall-forniment bl-imnut ta’ pakketti ta’ servizzi fissi-mobbli “multiple play” u, it-tielet, fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni dwar id-definizzjoni tas-suq inkwistjoni

41      Permezz tal-ewwel motiv, ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata minn żball manifest ta’ evalwazzjoni dwar id-definizzjoni tas-suq inkwistjoni.

42      Preliminarjament, ir-rikorrenti tinnota l-importanza tal-kontenut sportiv biex jattira klijenti fis-suq għall-forniment bl-imnut ta’ servizzi televiżivi, u dan jispjega għaliex il-ġlieda għad-drittijiet ta’ distribuzzjoni esklużiva tinsab fil-proċess li tintensifika ruħha.

43      Ir-rikorrenti ssostni li jeżistu fil-Pajjiżi l-Baxxi biss żewġ operaturi attivi fis-suq tal-provvista bl-ingrossa ta’ stazzjonijiet televiżivi sportivi primjum bi ħlas min-naħa tal-offerta, jiġifieri Liberty Global mal-istazzjon Ziggo Sport Totaal u Fox mal-istazzjon Fox Sports, għalkemm hija tammetti li l-istazzjon Eurosport, li jappartjeni għall-grupp Discovery, joffri wkoll kontenut sportiv ġeneralment bażiku. Skont ir-rikorrenti, Ziggo Sport Totaal u Fox Sports għandhom kontenut uniku u esklużiv li huwa mutur importanti ta’ abbonamenti. Uħud mill-kontenuti huma essenzjali għall-konsumaturi u ma jistgħux jiġu sostitwiti minn kontenut ieħor. Pereżempju, għal dilettant ta’ dawn l-isports, il-Formula 1 u l-futbol ma humiex sostitwibbli. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti ssostni li, l-isports li l-iktar jarawhom nies fil-Pajjiżi l-Baxxi huma l-kampjonat tal-futbol Olandiż (Eredivisie), il-kompetizzjonijiet prinċipali tal-futbol nazzjonali u internazzjonali (Champions League, il-Premier League Ingliż u Liga Spanjola) u l-Formula 1. Skont ir-rikorrenti, dan it-tip ta’ kontenut għandu jitqies bħala essenzjali għall-fornituri ta’ servizzi televiżivi, ma’ avvenimenti sportivi internazzjonali ewlenin, bħal-Logħob Olimpiku, it-Tazza tad-Dinja tal-futbol, il-Kampjonat Ewropew tal-futbol, it-Tour de France u l-Giro d’Italia taċ-ċikliżmu. Għalhekk, segmentazzjoni ulterjuri tas-suq għandha tiġi identifikata għal dan il-kontenut.

44      Konsegwentement, ma hemmx sostitwibbiltà bejn l-istazzjonijiet televiżivi sportivi primjum bi ħlas Ziggo Sport Totaal u Fox Sports minħabba n-nuqqas ta’ sostitwibbiltà tal-kontenut sportiv. Skont ir-rikorrenti, dawn l-istazzjonijiet huma kumplimentari u dan huwa input essenzjali għall-fornituri ta’ servizzi televiżivi bl-imnut sabiex issir kompetizzjoni effettiva fis-suq tal-output.

45      Għalhekk, skont ir-rikorrenti, il-fornituri ta’ servizzi televiżivi bl-imnut li ma jistgħux jipproponu żewġ stazzjonijiet ser jiġu pperċepiti mill-konsumaturi bħala li għandhom offerta inqas attraenti u ser jirriskjaw li jitilfu numru sostanzjali ta’ abbonati. Dan l-argument huwa kkonfermat minn serje ta’ dokumenti annessi mar-rikors. Barra minn hekk, jirriżulta mill-prattika deċiżjonali tal-Kummissjoni li ma hemmx sostitwibbiltà bejn l-isports u li l-avvenimenti tal-futbol regolari huma muturi importanti ta’ abbonamenti.

46      Ir-rikorrenti tippreċiża li, meta kompetizzjoni sportiva indispensabbli hija mxandra minn stazzjon, dan l-istazzjon qed isir essenzjali biex jagħmel il-kompetizzjoni. Il-fatt li stazzjonijiet oħra għandhom ukoll kontenut indispensabbli ma jfissirx li l-ewwel stazzjon ma huwiex indispensabbli, skont ir-rikorrenti.

47      Ir-rikorrenti ssostni li l-fatt, rikonoxxut mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, li l-prezz ta’ Fox Sports huwa ogħla minn dak ta’ Ziggo Sport Totaal tikkonferma li dawn l-istazzjonijiet ma humiex sostitwibbli.

48      Barra minn hekk, fl-osservazzjonijiet tagħha dwar in-nota ta’ intervent, ir-rikorrenti ssostni li, fil-proċedura ta’ kontroll tal-konċentrazzjonijiet quddiem l-awtorità tal-kompetizzjoni fil-Pajjiżi l-Baxxi fl-2012, UPC, operatur li jifforma parti mill-grupp Liberty Global, sostna li l-kampjonat tal-futbol Olandiż (Eredivisie) kien indispensabbli għal fornitur ta’ servizzi televiżivi bl-imnut.

49      Fir-replika, ir-rikorrenti ssostni li, għalkemm hija ma għamlitx riferiment fir-rikors għall-premessi ivvizzjati minn żball manifest ta’ evalwazzjoni dwar id-definizzjoni tas-suq inkwistjoni, dan hu peress li d-deċiżjoni kkontestata ma fiha l-ebda analiżi tas-suq tal-kontenut sportiv. Fi kwalunkwe każ, fil-kuntest tal-ewwel motiv imqajjem fir-rikors, ir-rikorrenti kienet indikat b’mod espliċitu serje ta’ premessi li jinsabu taħt il-punt tad-deċiżjoni kkontestata dwar l-analiżi kompetittiva.

50      Barra minn hekk, l-iżball manifest ta’ evalwazzjoni li jivvizzja d-deċiżjoni kkontestata fir-rigward tad-definizzjoni tas-suq inkwistjoni kellu konsegwenzi fuq l-analiżi tal-effetti tal-konċentrazzjoni fuq il-kompetizzjoni fis-suq tal-output.

51      Fl-aħħar nett, matul is-seduta, ir-rikorrenti ppreċiżat li, fil-fehma tagħha, kull wieħed mill-istazzjonijiet televiżivi primjum bi ħlas Ziggo Sport Totaal u Fox Sports kien jikkostitwixxi suq distint.

52      Il-Kummissjoni, sostnuta mill-intervenjenti, tikkontesta l-argumenti mressqa mir-rikorrenti.

53      Preliminarjament, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 76(d) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, ir-rikors jinkludi l-motivi u l-argumenti invokati kif ukoll espożizzjoni sommarja tal-imsemmija motivi.

54      Barra minn dan, skont ġurisprudenza stabbilita, indipendentement minn kull kwistjoni ta’ terminoloġija, din l-espożizzjoni għandha tkun ċara u preċiża biżżejjed sabiex tippermetti lill-konvenuta tipprepara d-difiża tagħha u lill-Qorti Ġenerali tiddeċiedi fuq ir-rikors, jekk ikun il-każ mingħajr ma tintalab informazzjoni oħra. Sabiex rikors ikun ammissibbli jeħtieġ li l-elementi essenzjali ta’ fatt u ta’ dritt li fuqhom dan huwa bbażat, jirriżultaw, tal-inqas fil-qosor, iżda b’mod koerenti u li jinftiehem, mit-test tar-rikors innifsu, u dan sabiex ikunu ggarantiti ċ-ċertezza legali u amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja (ara s-sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2015, Corporación Empresarial de Materiales de Construcción vs Il-Kummissjoni, T‑250/12, EU:T:2015:749, punt 101 u l-ġurisprudenza ċċitata).

55      F’dan il-każ, ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni billi kkunsidrat li Ziggo Sport Totaal u Fox Sports kienu attivi fl-istess suq, jiġifieri s-suq għall-forniment u l-akkwist bl-ingrossa ta’ stazzjonijiet televiżivi sportivi primjum bi ħlas, peress li l-kontenut sportiv li joffru ma kienx sostitwibbli. Dan jirriżulta b’mod partikolari mill-punt 28 tar-rikors u huwa barra minn hekk ikkonfermat fil-punt 29 tar-replika, li fih ir-rikorrenti tippreċiża li l-kritika tagħha tirrigwarda l-assenza ta’ segmentazzjoni addizzjonali tal-imsemmi suq.

56      Għaldaqstant, hemm lok li jiġi konkluż li r-rikors jissodisfa r-rekwiżiti minimi tal-Artikolu 76(d) tar-Regoli tal-Proċedura, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 54 iktar ’il fuq. Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni kienet f’pożizzjoni li tidentifika l-argumenti mressqa mir-rikorrenti sabiex tikkontestahom fl-atti tagħha. Għalhekk, l-oġġezzjonijiet imqajma mill-Kummissjoni fir-rigward tal-ammissibbiltà tal-ewwel motiv għandhom jiġu miċħuda.

57      Fir-rigward tal-eżami tal-fondatezza tal-ewwel motiv, għandu jitfakkar li, fir-rigward tal-applikazzjoni tar-regoli li jikkonċernaw il-kontroll tal-konċentrazzjonijiet, id-definizzjoni adegwata tas-suq inkwistjoni hija kundizzjoni neċessarja u preliminari għall-evalwazzjoni tal-effetti fuq il-kompetizzjoni tal-konċentrazzjoni notifikata (sentenzi tal-31 ta’ Marzu 1998, Franza et vs Il-Kummissjoni, C‑68/94 u C‑30/95, EU:C:1998:148, punt 143; tas-6 ta’ Ġunju 2002, Airtours vs Il-Kummissjoni, T‑342/99, EU:T:2002:146, punt 19; u tas-7 ta’ Mejju 2009, NVV et vs Il-Kummissjoni, T‑151/05, EU:T:2009:144, punt 51).

58      Skont ġurisprudenza stabbilita, ir-regoli bażiċi li jikkonċernaw il-kontroll tal-konċentrazzjonijiet u, b’mod partikolari, dawk li jikkonċernaw l-evalwazzjoni tal-konċentrazzjonijiet, bħall-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 139/2004, jagħtu lill-Kummissjoni ċertu setgħa diskrezzjonali, b’mod partikolari fir-rigward ta’ evalwazzjonijiet ta’ natura ekonomika. Konsegwentement, l-istħarriġ mill-qorti tal-Unjoni tal-mod kif tiġi eżerċitata din is-setgħa, li huwa essenzjali sabiex jiġu ddefiniti r-regoli dwar il-konċentrazzjonijiet, għandu jiġi effettwat fid-dawl tal-marġni ta’ diskrezzjoni impliċita fid-dispożizzjonijiet ta’ natura ekonomika li jiffurmaw parti mir-regoli dwar il-konċentrazzjonijiet (sentenzi tal-31 ta’ Marzu 1998, Franza et vs Il-Kummissjoni, C‑68/94 u C‑30/95, EU:C:1998:148, punti 223 u 224; tas-6 ta’ Ġunju 2002, Airtours vs Il-Kummissjoni, T‑342/99, EU:T:2002:146, punt 64; u tas-7 ta’ Mejju 2009, NVV et, T‑151/05, EU:T:2009:144, punt 53).

59      B’mod partikolari, id-definizzjoni tas-suq inkwistjoni, sa fejn timplika evalwazzjonijiet ekonomiċi kumplessi min-naħa tal-Kummissjoni, tista’ tkun suġġetta biss għal stħarriġ limitat min-naħa tal-qorti tal-Unjoni (sentenzi tas-17 ta’ Settembru 2007, Microsoft vs Il-Kummissjoni, T‑201/04, EU:T:2007:289, punt 482, u tas-7 ta’ Mejju 2009, NVV et vs Il-Kummissjoni, T‑151/05, EU:T:2009:144, punt 53).

60      Madankollu, għalkemm il-Kummissjoni għandha marġni ta’ diskrezzjoni fil-qasam tal-ekonomija, dan ma jfissirx li l-qorti tal-Unjoni għandha tastjeni milli tivverifika l-interpretazzjoni, mill-Kummissjoni, ta’ informazzjoni ta’ natura ekonomika. Fil-fatt, il-qorti tal-Unjoni għandha, b’mod partikolari, mhux biss tivverifika l-eżattezza materjali tal-provi prodotti, l-affidabbiltà tagħhom u l-koerenza tagħhom, iżda għandha tistħarreġ ukoll jekk dawn il-provi jikkostitwixxux l-intier tad-data rilevanti li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni sabiex tiġi evalwata sitwazzjoni kumplessa u jekk din hijiex ta’ natura li tissostanzja l-konklużjonijiet misluta minnha (sentenzi tas-17 ta’ Settembru 2007, Microsoft vs Il-Kummissjoni, T‑201/04, EU:T:2007:289, punt 482, u tas-7 ta’ Mejju 2009, NVV et vs Il-Kummissjoni, T‑151/05, EU:T:2009:144, punt 54).

61      Skont it-Taqsima 6 tal-Formola CO rigward in-notifika ta’ konċentrazzjoni konformement mar-Regolament dwar il-konċentrazzjonijiet, li tinsab fl-Anness I tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 802/2004 tas-7 ta’ April 2004 li jimplementa r-Regolament Nru 139/2004 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 3, p. 88), li jirreferi għall-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar id-definizzjoni tas-suq inkwistjoni għall-finijiet tad-dritt Komunitarju tal-kompetizzjoni (ĠU 1997, C 372, p. 5, iktar ’il quddiem il-“Komunikazzjoni dwar id-definizzjoni tas-suq inkwistjoni”), is-suq ta’ prodotti inkwistjoni jinkludi dawk il-prodotti kollha u/jew servizzi li l-konsumatur iqis bħala interkambjabbli jew sostitwibbli minħabba l-karatteristiċi tagħhom, il-prezz tagħhom u l-użu li għalih huma intiżi.

62      Mill-paragrafu 15 tal-Komunikazzjoni dwar id-definizzjoni tas-suq inkwistjoni jirriżulta li l-evalwazzjoni tal-possibbiltà ta’ sostituzzjoni tat-talba tinvolvi determinazzjoni tal-medda ta’ prodotti illi huma kkunsidrati bħala sostitwibbli mill-konsumatur.

63      Skont il-punt 17 ta’ din il-komunikazzjoni, id-domanda magħmula hija dik dwar jekk il-klijenti tal-partijiet kinux jirrikorru lejn prodotti ta’ sostituzzjoni faċilment aċċessibbli jew lejn fornituri stabbiliti xi mkien ieħor, f’każ ta’ żieda żgħira minn 5 % għal 10 %, iżda permanenti, tal-prezzijiet relatati mal-prodotti kkunsidrati fit-territorji kkonċernati.

64      Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandhom jiġu eżaminati l-argumenti mressqa mir-rikorrenti fil-kuntest tal-ewwel motiv.

65      Kif jirriżulta mill-punt 55 iktar ’il fuq, ir-rikorrenti essenzjalment tikkritika n-nuqqas ta’ segmentazzjoni addizzjonali tas-suq għall-provvista u l-akkwist bl-ingrossa ta’ stazzjonijiet televiżivi sportivi primjum bi ħlas. Fil-fehma tagħha, l-istazzjonijiet Ziggo Sport Totaal u Fox Sports ma humiex sostitwibbli minħabba n-nuqqas ta’ sostitwibbiltà tal-kontenut sportiv li jxandru u, għaldaqstant, għandhom jiġu kkunsidrati bħala li jikkostitwixxu swieq distinti. Fil-fatt, kull wieħed minn dawn l-istazzjonijiet fih innifisu jikkostitwixxi suq distint.

66      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont il-premessi 158 sa 163 tad-deċiżjoni kkontestata, is-suq tal-provvista u l-akkwist bl-ingrossa ta’ stazzjonijiet televiżivi sportivi primjum bi ħlas huwa kompost, min-naħa tal-offerta, mill-fornituri ta’ stazzjonijiet televiżivi li jixtru jew jipproduċu kontenut awdjoviżiv u jintegrawh fi stazzjonijiet televiżivi u, mil-lat tat-talba, mill-fornituri bl-imnut tas-servizzi televiżivi li jakkwistaw drittijiet fuq l-istazzjonijiet sabiex iqassmuhom lill-utenti finali.

67      Mill-premessa 162 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta wkoll li Liberty Global hija attiva f’dan is-suq kemm min-naħa tal-offerta, billi tipprovdi Ziggo Sport Totaal lil terzi, u fuq in-naħa tat-talba, billi takkwista drittijiet fuq stazzjonijiet sabiex ikunu inklużi fl-offerta tagħha ta’ servizzi televiżivi bl-imnut. Fir-rigward ta’ Vodafone, skont il-premessa 163 tad-deċiżjoni kkontestata, hija attiva f’dan is-suq biss min-naħa tat-talba.

68      Kif ġie indikat fil-punti 61 u 63 iktar ’il fuq, il-kwistjoni dwar jekk żewġ prodotti jew servizzi humiex parti mill-istess suq timplika d-determinazzjoni ta’ jekk dawn jitqisux li huma interkambjabbli jew sostitwibbli minħabba l-karatteristiċi tagħhom, il-prezz tagħhom u l-użu li għalih huma intiżi, u dan primarjament mill-perspettiva tal-klijent.

69      F’dan il-każ, fir-rigward tas-suq għall-provvista u l-akkwist bl-ingrossa ta’ stazzjonijiet televiżivi sportivi primjum bi ħlas, it-talba jew, fi kliem ieħor, il-klijenti, hija komposta minn fornituri bl-imnut tas-servizzi televiżivi li jinkorporaw dawn l-istazzjonijiet fl-offerta tagħhom lill-konsumaturi finali, kif din hija indikata fil-punt 66 iktar ’il fuq.

70      Għandu jiġi rrilevat li, skont il-premessa 176 tad-deċiżjoni kkontestata, għadd ta’ dawk li rrispondew għall-investigazzjoni tas-suq indikaw li l-istazzjonijiet Ziggo Sport Totaal u Fox Sports kienu f’kompetizzjoni għall-klijenti u kontenut simili u kienu fil-proċess li jsiru iktar sostituti. Barra minn hekk, fil-premessa 500 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni rrilevat li l-klijenti, jiġifieri l-fornituri bl-imnut, kellhom aċċess għal numru ta’ stazzjonijiet televiżivi sportivi primjum bi ħlas, b’mod partikolari Fox Sports, bħala alternattiva għal Ziggo Sport Totaal. Barra minn hekk, jirriżulta mill-premessa 502 tad-deċiżjoni kkontestata li l-maġġoranza tal-parteċipanti fl-investigazzjoni tas-suq tqis li Fox Sports għandha offerta tal-kontenut ukoll — u saħansitra iktar — attraenti minn dik ta’ Ziggo Sport Totaal, liema fatt huwa kkonfermat min-numru konsiderevolment ogħla ta’ abbonati għal Fox Sports minkejja prezz ogħla. Barra minn hekk, jirriżulta wkoll mill-premessa 504 tad-deċiżjoni kkontestata li l-maġġoranza tar-rispondenti għall-istħarriġ kienet tal-fehma li kien essenzjali għall-fornituri bl-imnut tas-servizzi televiżivi li joffru mill-inqas stazzjon televiżiv sportiv primjum bi ħlas, filwaqt li minoranza biss qieset li kien neċessarju li joffru l-istazzjonijiet televiżivi kollha sportivi primjum bi ħlas disponibbli fil-Pajjiżi l-Baxxi.

71      Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet jirriżulta li huwa mingħajr ma wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni li l-Kummissjoni ma ssegmentatx iktar, fid-deċiżjoni kkontestata, is-suq tal-provvista u l-akkwist bl-ingrossa ta’ stazzjonijiet televiżivi sportivi primjum bi ħlas, minħabba s-sostitwibbiltà tal-istazzjonijiet, b’mod partikolari Ziggo Sport Totaal u Fox Sports, fuq in-naħa tat-talba, jiġifieri mill-perspettiva ta’ fornitur bl-imnut tas-servizzi televiżivi.

72      L-ebda wieħed mill-argumenti mressqa mir-rikorrenti ma jista’ jinvalida din il-konklużjoni.

73      L-ewwel nett, għandu jiġi rrilevat li, għalkemm ir-rikorrenti ssostni li Ziggo Sport Totaal u Fox Sports għandhom jappartjenu għal swieq distinti u anki jekk hija sostniet fis-seduta li kull wieħed minn dawn il-kanali għandu jikkostitwixxi suq distint fih innifsu, hija ma tindikax b’mod ċar liema hija d-definizzjoni l-oħra tas-suq inkwistjoni li tipproponi b’mod ġenerali li kien hemm lok li tinżamm, inkluż l-isem u l-karatteristiċi tiegħu. Jidher li, skont ir-rikorrenti, kull stazzjon televiżiv sportiv primjum bi ħlas li jxandar kontenut primjum jew indispensabbli, bħall-kampjonat tal-futbol Olandiż, il-kompetizzjonijiet tal-futbol ewlenin nazzjonali u internazzjonali jew il-Formula 1, għandhom jappartjenu għal suq distint. Ir-raġuni hija li dawn it-tipi differenti ta’ kontenuti ma humiex sostitwibbli għad-dilettanti tal-isports.

74      Issa, kif ġie indikat fil-punti 70 u 71 iktar ’il fuq, dak li huwa deċiżiv huwa s-sostitwibbiltà ta’ dawn l-istazzjonijiet min-naħa tat-talba f’dan is-suq, kompost minn fornituri bl-imnut tas-servizzi televiżivi.

75      Barra minn hekk, fir-rigward tas-suq tal-output, anki jekk jitqies li, kif issostni r-rikorrenti, għall-konsumatur finali, il-kontenut sportiv mhuwiex perfettament interkambjabbli ma’ prodott ieħor, għandu jitfakkar li, skont il-premessi 55 u 56 tad-deċiżjoni kkontestata, is-suq inkwistjoni huwa dak possibbli għall-provvista bl-imnut ta’ servizzi televiżivi bi ħlas u mhux dak tal-provvista bl-imnut ta’ servizzi televiżivi bi ħlas ta’ kontenuti sportivi u wisq inqas dak tal-provvista ta’ servizzi televiżivi bi ħlas ta’ kontenut tal-futbol. Fil-fatt, il-kontenuti sportivi mxandra minn stazzjonijiet bħal Ziggo Sport Totaal u Fox Sports jagħmlu parti minn offerta globali ta’ servizzi televiżivi proposti lill-konsumaturi finali b’diversi elementi, li l-kontenut sportiv huwa biss parti minnhom, anki jekk jista’ jkun importanti sabiex jiġbed lill-klijenti. Għalhekk, mill-perspettiva ta’ konsumatur finali medju tas-servizzi televiżivi b’mod ġenerali, ma hemmx indikazzjoni li offerta globali ta’ servizzi televiżivi li tinkorpora l-istazzjon Ziggo Sport Totaal ma hijiex komparabbli ma’ offerta globali ta’ servizzi televiżivi li tinkorpora l-istazzjon Fox Sports, minkejja l-fatt li l-kontenut sportiv ta’ dawn iż-żewġ stazzjonijiet ma jkunx identiku. Barra minn hekk, anki jekk jista’ jkun mixtieq mil-lat kummerċjali għal fornitur bl-imnut tas-servizzi televiżivi li jkun jista’ jipproponi lill-klijenti tiegħu l-istazzjonijiet Ziggo Sport Totaal u Fox Sports, jeħtieġ li jitfakkar li, skont il-premessa 504 tad-deċiżjoni kkontestata, numru żgħir biss ta’ dawk li rrispondew għall-investigazzjoni tas-suq jikkunsidra li kien neċessarju li jkunu offruti l-istazzjonijiet televiżivi kollha sportivi primjum bi ħlas disponibbli fil-Pajjiżi l-Baxxi.

76      It-tieni nett, fir-rigward tal-argument dwar id-differenza fil-prezz bejn Fox Sports u Ziggo Sport Totaal, hemm lok li jiġi rrilevat li, kif ġie indikat fil-punt 61 iktar ’il fuq, il-prezz jidher fost l-elementi rilevanti sabiex jiġi eżaminat jekk iż-żewġ prodotti humiex sostitwibbli. Issa, sabiex prodotti jkunu jistgħu jitqiesu bħala sostituti min-naħa tat-talba, ma huwiex neċessarju li dawn jiġu proposti bl-istess prezz. Prodott jew servizz ta’ kwalità baxxa li jinbiegħ bi prezz baxx jista’ jissostitwixxi effettivament prodott ta’ kwalità aħjar li jinbiegħ bi prezz ogħla. Dak li huwa importanti hija r-reazzjoni probabbli tal-konsumaturi għal żieda fil-prezz relattiv (ara, b’analoġija, il-Linji Gwida tal-Kummissjoni dwar l-analiżi tas-suq u l-evalwazzjoni tas-saħħa fis-suq skont il-Qafas Regolatorju Komunitarju għal netwerks u servizzi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi (ĠU 2002, C 165, p. 6, punt 46) [traduzzjoni mhux uffiċjali].

77      Barra minn hekk, hemm lok li jiġi rrilevat li l-punti 17 u 18 tal-Komunikazzjoni dwar id-definizzjoni tas-suq inkwistjoni, iċċitati mir-rikorrenti, jiddeskrivu l-applikazzjoni tat-“test SSNIP” (small but significant and non-transitory increase in price), li għandha l-għan li teżamina r-reazzjoni ta’ klijenti fir-rigward ta’ żieda fil-prezz tal-prodott inkwistjoni, waqt li l-fatturi l-oħra kollha jibqgħu kostanti, inkluż il-prezz tal-prodott kandidat jiġi inkluż fl-istess suq inkwistjoni. Issa, f’dan il-każ, ir-rikorrenti tillimita ruħha li ssemmi differenza fil-prezz, indeterminat barra minn hekk, tal-istazzjonijiet Fox Sports u Ziggo Sport Totaal. Fid-dawl tal-punti 17 u 18 tal-Komunikazzjoni dwar id-definizzjoni tas-suq inkwistjoni, dan l-element waħdu ma huwiex biżżejjed sabiex jikkontesta l-konklużjoni tad-deċiżjoni kkontestata li tipprovdi li dawn iż-żewġ stazzjonijiet huma sostitwibbli.

78      It-tielet nett, fir-rigward tal-osservazzjonijiet ippreżentati minn UPC, operatur li issa jifforma parti mill-grupp Liberty Global, fil-kuntest ta’ proċedura ta’ kontroll tal-konċentrazzjonijiet quddiem l-awtorità tal-kompetizzjoni tal-Pajjiżi l-Baxxi, għandu jiġi rrilevat li dikjarazzjonijiet magħmula minn operatur erba’ snin qabel fi proċedura differenti ma jistgħux jorbtu lill-Kummissjoni, u lanqas iqiegħdu inkwistjoni minnhom innifishom il-legalità ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni, li barra minn hekk hija bbażata fuq serje ta’ kunsiderazzjonijiet u provi, b’mod partikolari dawk indikati fil-punt 70 hawn fuq. Barra minn hekk, id-dikjarazzjonijiet inkwistjoni sempliċement jikkonfermaw li l-kampjonat tal-futbol Olandiż huwa parti mill-kontenut hekk imsejjaħ “indispensabbli” tipikament imxandar permezz ta’ stazzjonijiet tat-televiżjoni sportivi primjum bi ħlas, li ma huwiex ikkontestat fid-deċiżjoni kkontestata.

79      Ir-raba’ nett, għandu jiġi kkonstatat li l-argument tar-rikorrenti li jgħid li d-definizzjoni tas-swieq inkwistjoni f’dan il-każ tikkontradixxi ċerti deċiżjonijiet preċedenti tal-Kummissjoni ma jistax jintlaqa’. Fil-fatt, skont il-ġurisprudenza, il-Kummissjoni hija marbuta twettaq analiżi individwalizzata taċ-ċirkustanzi ta’ kull każ, mingħajr ma tkun marbuta minn deċiżjonijiet preċedenti li jikkonċernaw operaturi ekonomiċi oħra, swieq oħra ta’ prodotti u servizzi jew swieq ġeografiċi oħra f’mumenti differenti. B’hekk, ir-rikorrenti ma għandhiex dritt li tikkontesta l-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni minħabba li dawn ikunu differenti minn dawk li saru preċedentement f’każ ieħor, anki jekk wieħed jippreżumi li s-swieq inkwistjoni fiż-żewġ każijiet ikunu simili, jew saħansitra identiċi (sentenza tal-25 ta’ Marzu 2015, Slovenská pošta vs Il-Kummissjoni, T‑556/08, mhux ippubblikata, EU:T:2015:189, punti 196 u 197).

80      Anki jekk wieħed jippreżumi li dan l-argument jista’ jiġi kkwalifikat mill-ġdid bħala li huwa bbażat fuq ksur tal-prinċipju tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, l-operaturi ekonomiċi ma humiex iġġustifikati li jibbażaw l-aspettattivi leġittimi tagħhom fuq li tinżamm il-prassi deċiżjonali preċedenti li tista’ tinbidel, skont il-bidla taċ-ċirkustanzi jew tal-iżvilupp tal-analiżi tal-Kummissjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta’ Mejju 2015, Niki Luftfahrt vs Il-Kummissjoni, T‑162/10, EU:T:2015:283, punt 143).

81      Fi kwalunkwe każ, id-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni invokati mir-rikorrenti ma jippermettux li ssostni l-argument tagħha, peress li din hija bbażata fuq interpretazzjoni żbaljata ta’ dawn id-deċiżjonijiet. Fil-fatt, mill-qari tal-punti u mill-premessi ċċitati mir-rikorrenti jirriżulta li dawn id-deċiżjonijiet ikopru s-sostitwibbiltà tad-domanda fis-suq tal-input għal ħruġ ta’ liċenzji u l-akkwist tad-drittijiet għax-xandir ta’ kontenut televiżiv, filwaqt li l-ewwel motiv jirrigwarda d-definizzjoni tas-suq tal-output għall-provvista u l-akkwist bl-ingrossa ta’ stazzjonijiet televiżivi sportivi primjum bi ħlas (deċiżjonijiet tat-13 ta’ Novembru 2001 fil-Każ COMP/M.2483 – Group Canal +/RTL/GJCD/JV, punt 19, u tat-2 ta’ April 2003 fil-Każ COMP/M.2876 – Newscorp/Telepiù, punt 66).

82      Il-ħames nett, għandu jiġi kkonstatat li d-dokumenti annessi mar-rikors ma jistgħux jinvalidaw il-konklużjoni tad-deċiżjoni kkontestata fir-rigward tal-fatt li l-istazzjonijiet Fox Sports u Ziggo Sport Totaal jikkostitwixxu alternattivi għall-fornituri bl-imnut tas-servizzi tat-televiżjoni. B’mod partikolari, id-dokument li jinsab fl-Anness 10 tar-rikors ma jiħux inkunsiderazzjoni d-disponibbiltà ta’ Fox Sports u, għaldaqstant, ma jippermettix li jinsiltu konklużjonijiet fir-rigward tas-sostitwibbiltà ta’ Fox Sports u Ziggo Sport Totaal.

83      L-istess jgħodd għall-istudju ta’ TelecomPaper, tas-17 ta’ Frar 2016, li jidher fl-Anness 11 tar-rikors, li ma jsemmix lil Fox Sports u, barra minn hekk, ma jirrigwardax lil Ziggo Sport Totaal, iżda lil Ziggo Sport. Barra minn hekk, dan l-istudju jindika biss li dan l-istazzjon huwa waħda mir-raġunijiet li jibqgħu ma’ Liberty Global għal 14 % tal-abbonati tiegħu, liema fatt ma jissuġġerixxix la li din hija r-raġuni ewlenija għal dawn il-persuni u lanqas li hija tkun waħda mir-raġunijiet għall-maġġoranza tal-abbonati.

84      Bl-istess mod, l-istqarrija għall-istampa li tidher fl-Anness 12 tar-rikors sempliċement tindika li Ziggo Sport, u mhux Ziggo Sport Totaal, huwa waħda mir-raġunijiet għal abbonament ma’ Liberty Global għal kważi 20 % tal-abbonati, mingħajr ma dan jeskludi s-sostitwibbiltà ta’ Fox Sports u Ziggo Sport Totaal u mingħajr ma dan jimplika li din kienet ir-raġuni ewlenija għall-biċċa l-kbira tal-abbonati.

85      Rigward il-kontijiet annwali tal-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni għas-sena 2016, li tidher fl-Anness 13 tar-rikors, għandu jiġi osservat li dan id-dokument jidher li jirreferi għal Ziggo Sport minflok Ziggo Sport Totaal. Fi kwalunkwe każ, kif ġie indikat, peress li huwa ma jsemmix Fox Sports, dan ma jfissirx li ma hemmx sostitwibbiltà ta’ dan l-istazzjon u Ziggo Sport Totaal.

86      Rigward l-istudju mħejji mill-Awtorità Olandiża għall-midja, li jinsab fl-Anness 14 tar-rikors, huwa biżżejjed li jiġi osservat li dan jillimita ruħu li jindika li l-kontenut tal-offerta tas-servizzi televiżivi, fi kliem ieħor il-kontenut tat-taħlita, jidher fost ir-raġunijiet tal-għażla mill-klijenti tal-fornitur, peress li l-ewwel motiv ta’ għażla huwa l-prezz. Issa, kif ġie indikat, dan ma jeskludix is-sostitwibbiltà ta’ Fox Sports u Ziggo Sport Totaal, iktar id-data dwar il-perċentwali tat-telespettaturi li jaraw Ziggo Sport Totaal u Fox Sports okkażjonalment u kuljum ma jagħtu ebda indikazzjoni fir-rigward tas-sostitwibbiltà taż-żewġ stazzjonijiet.

87      L-istess konklużjoni hija applikabbli għall-istudju li jinsab fl-Anness 15 tar-rikors li ma jinkludi ebda kunsiderazzjoni li tista’ tikkontesta s-sostitwibbiltà ta’ Ziggo Sport Totaal u Fox Sports u jillimita ruħu li jenfasizza l-importanza tal-kontenut sportiv bħala strateġija kummerċjali tal-fornituri bl-imnut tas-servizzi televiżivi.

88      Bl-istess mod, id-dokument ta’ konsultazzjoni mħejji mill-awtorità tal-kompetizzjoni Olandiża, li jidher fl-Anness 9 tar-rikors, sempliċement jindika, fis-silta ċċitata mir-rikorrenti, li l-fornituri bl-imnut jippruvaw jiddistingwu lilhom infushom mill-kompetituri tagħhom permezz tal-kontenut tal-offerta tagħhom, ħaġa li ma tikkontestax is-sostitwibbiltà ta’ Ziggo Sport Totaal u Fox Sports.

89      Fl-aħħar nett, għandu jiġi kkonstatat li, sa fejn l-istudju li jidher fl-Anness 16 tar-rikors sempliċement jindika li l-konsumaturi jagħtu ċerta importanza għall-possibbiltà ta’ aċċess għal ċertu kontenut, inkluż il-kontenut sportiv, huwa ma jinkludi ebda kunsiderazzjoni li tappoġġja l-argument tar-rikorrenti, li jgħid li Ziggo Sport Totaal u Fox Sports ma humiex sostitwibbli.

90      Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni dwar l-effetti vertikali

91      Permezz tat-tieni motiv, ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata minn żball manifest ta’ evalwazzjoni dwar l-effetti vertikali tal-konċentrazzjoni, b’mod partikolari l-effett ta’ esklużjoni fir-rigward tal-input fis-suq tal-provvista u l-akkwist bl-ingrossa ta’ stazzjonijiet televiżivi sportivi primjum bi ħlas.

92      Preliminarjament, ir-rikorrenti ssostni li huwa b’mod żbaljat li l-Kummissjoni eżaminat, fid-deċiżjoni kkontestata, l-effetti ta’ esklużjoni fir-rigward tal-input marbuta ma’ Ziggo Sport Totaal fir-rigward biss ta’ netwerks mobbli. F’dan ir-rigward, hija tirrileva li l-entità li toħroġ mill-konċentrazzjoni tkun kapaċi toffri aċċess għal Ziggo Sport Totaal permezz ta’ pakketti ta’ servizzi fissi-mobbli “multiple play”.

93      Ir-rikorrenti ssostni li l-entità li toħroġ mill-konċentrazzjoni għandha l-abbiltà li tieħu sehem fi strateġija ta’ esklużjoni fir-rigward tal-input, li kien ikollha l-inċentiv li tagħmel dan u li din l-istrateġija jkollha effetti negattivi sinjifikattivi fuq il-kompetizzjoni.

94      L-ewwel nett, f’dak li jirrigwarda l-abbiltà li tieħu sehem fi strateġija ta’ esklużjoni tal-input, ir-rikorrenti ssostni li, anki qabel il-konċentrazzjoni prevista, Liberty Global kellha sehem mis-suq ta’ iktar minn 50 % fis-suq ta’ pakketti ta’ servizzi “multiple play”. Għalhekk, mal-attivitajiet fis-suq tas-servizzi mobbli wara t-tranżazzjoni proposta, l-entità li toħroġ mill-konċentrazzjoni jkollha l-abbiltà li teskludi swieq ġodda, fosthom is-swieq għal pakketti ta’ servizzi fissi-mobbli “multiple play”.

95      Fir-replika, ir-rikorrenti ssostni li l-analiżi, fid-deċiżjoni kkontestata, tal-kapaċità tal-entità li toħroġ minn konċentrazzjoni li tieħu sehem fi strateġija ta’ esklużjoni hija żbaljata peress li Ziggo Sport Totaal u Fox Sports ma għandhomx jiġu inklużi fl-istess suq inkwistjoni. Skont ir-rikorrenti, il-premessa 501 tad-deċiżjoni kkontestata tikkonferma li dawn l-istazzjonijiet jappartjenu għal swieq distinti, peress li kull wieħed minnhom jipprovdi kontenut indispensabbli. Barra minn hekk, il-fatt li Fox Sports kellu ferm iktar abbonati minn Ziggo Sport Totaal, minkejja l-fatt li Fox Sports kien iktar għali, kif indikat fil-premessa 502 tad-deċiżjoni kkontestata, jikkonferma li huma ma humiex sostitwibbli.

96      Ir-rikorrenti toġġezzjona wkoll għal dak li hija tqis bħala “bidla inaċċettabbli” tad-deċiżjoni kkontestata fejn il-Kummissjoni rrilevat, fil-kuntest ta’ din it-tilwima, l-allegat żball tipografiku fil-premessa 500 tad-deċiżjoni kkontestata li jikkonċerna data ta’ ishma fis-suq.

97      Hija tinvoka s-sentenza tas-26 ta’ Ottubru 2017, KPN vs Il-Kummissjoni (T-394/15, mhux ippubblikata, EU:T:2017:756), li tgħid li l-preżenza ta’ kompetitur importanti bħal Fox Sports fis-suq ma hijiex suffiċjenti sabiex jiġi eskluż li operatur ieħor ikun jista’ jkollu setgħa fis-suq.

98      Ir-rikorrenti ssostni li l-premessa 504 tad-deċiżjoni kkontestata, li tgħid li maġġoranza tal-parteċipanti fl-investigazzjoni tas-suq tqis li l-fornituri ta’ servizzi televiżivi għandhom joffru mill-inqas stazzjon televiżiv sportiv primjum bi ħlas, ma teskludix li diversi stazzjonijiet huma meħtieġa sabiex titwettaq kompetizzjoni effikaċi. Barra minn hekk, hija ssostni li d-domanda magħmula mill-Kummissjoni waqt l-investigazzjoni tas-suq kienet ambigwa.

99      Għaldaqstant, fid-dawl tas-setgħa tagħha tas-suq, l-entità li toħroġ mill-konċentrazzjoni għandha l-abbiltà li teskludi l-aċċess tal-kompetituri tagħha għal input indispensabbli.

100    It-tieni nett, fir-rigward tal-inċentivi biex timpenja ruħha fi strateġija ta’ esklużjoni, ir-rikorrenti ssostni li l-entità li toħroġ mill-konċentrazzjoni tkun tista’ tikseb vantaġġ kompetittiv fis-suq tal-output.

101    It-tielet nett, f’dak li jirrigwarda l-eventwali effetti tal-istrateġija ta’ esklużjoni fuq il-kompetizzjoni fis-suq ta’ pakketti ta’ servizzi fissi-mobbli “multiple play”, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni ma eżaminatx korrettement l-effetti negattivi minħabba l-assenza tagħha ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-importanza tal-kontenut sportiv.

102    Il-Kummissjoni, sostnuta mill-intervenjenti, tikkontesta l-argumenti mressqa mir-rikorrenti.

103    Permezz tat-tieni motiv, ir-rikorrenti tallega, essenzjalment, li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta ma qisitx li l-konċentrazzjoni prevista kienet tqajjem problemi vertikali ta’ kompetizzjoni fis-suq tal-provvista u l-akkwist bl-ingrossa ta’ stazzjonijiet televiżivi sportivi primjum bi ħlas, b’mod partikolari effetti ta’ esklużjoni tal-input rigward Ziggo Sport Totaal.

104    Skont l-Artikolu 2(2) tar-Regolament Nru 139/2004, il-konċentrazzjonijiet li ma jfixklux b’mod sinjifikattiv kompetizzjoni effettiva fis-suq intern jew parti sostanzjali minnu, b’mod partikolari minħabba l-ħolqien jew minħabba t-tisħiħ ta’ pożizzjoni dominanti, għandhom jiġu ddikjarati kompatibbli mas-suq intern. Min-naħa l-oħra, skont l-Artikolu 2(3) tal-istess regolament, il-konċentrazzjonijiet li jostakolaw b’mod sinjifikattiv kompetizzjoni effettiva fis-suq intern jew parti sostanzjali tiegħu, b’mod partikolari minħabba l-ħolqien jew it-tisħiħ ta’ pożizzjoni dominanti, għandhom jiġu ddikjarati inkompatibbli mas-suq intern.

105    Barra minn hekk, skont l-Artikolu 8(2) tar-Regolament Nru 139/2004, meta l-Kummissjoni tikkonstata li wara bidliet mill-impriżi konċernati, konċentrazzjoni notifikata tissodisfa l-kriterju stabbilit fl-Artikolu 2(2) tal-imsemmi regolament, hija għandha toħroġ deċiżjoni li fiha tiddikjara li l-konċentrazzjoni hija kompatibbli mas-suq intern.

106    Kif din ġiet indikata fil-punt 58 iktar ’il fuq, skont ġurisprudenza stabbilita, ir-regoli bażiċi li jikkonċernaw il-kontroll tal-konċentrazzjonijiet u, b’mod partikolari, dawk li jikkonċernaw l-evalwazzjoni tal-konċentrazzjonijiet, bħall-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 139/2004, jagħtu lill-Kummissjoni ċertu setgħa diskrezzjonali, b’mod partikolari fir-rigward ta’ evalwazzjonijiet ta’ natura ekonomika. Konsegwentement, l-istħarriġ mill-qorti tal-Unjoni tal-mod kif tiġi eżerċitata din id-diskrezzjoni, li huwa essenzjali sabiex jiġu ddefiniti r-regoli dwar il-konċentrazzjonijiet, għandu jikkunsidra l-marġni ta’ diskrezzjoni impliċita fid-dispożizzjonijiet ta’ natura ekonomika li jifformaw parti mis-sistema dwar il-konċentrazzjonijiet.

107    B’mod partikolari, ma huwiex l-obbligu tal-Qorti Ġenerali li tissostitwixxi l-evalwazzjoni ekonomika tagħha għal dik tal-Kummissjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-9 ta’ Lulju 2007, Sun Chemical Group et vs Il-Kummissjoni, T‑282/06, EU:T:2007:203, punt 60, u tas-7 ta’ Ġunju 2013, Spar Österreichische Warenhandels vs Il-Kummissjoni, T‑405/08, mhux ippubblikata, EU:T:2013:306, punt 51).

108    Madankollu, kif ġie indikat fil-punt 60 iktar ’il fuq, għalkemm il-Kummissjoni għandha marġni ta’ diskrezzjoni fil-qasam ekonomiku, dan ma jimplikax li l-qorti tal-Unjoni għandha tastjeni ruħha milli tistħarreġ l-interpretazzjoni li l-Kummissjoni tat tad-data ta’ natura ekonomika. Fil-fatt, il-qorti għandha, b’mod partikolari, tivverifika mhux biss l-eżattezza materjali tal-provi invokati, l-affidabbiltà tagħhom u l-koerenza tagħhom, iżda għandha wkoll tistħarreġ jekk dawn il-provi jikkostitwixxux id-data rilevanti li għandha tiġi kkunsidrata sabiex tiġi evalwata sitwazzjoni kumplessa u jekk humiex tali li jsostnu l-konklużjonijiet li jinsiltu minnhom.

109    Tali kontroll ta’ konċentrazzjonijiet mill-Kummissjoni jeħtieġ analiżi prospettiva li tikkonsisti f’eżami ta’ kif tali tranżazzjoni tista’ tbiddel il-fatturi li jiddeterminaw l-istat tal-kompetizzjoni f’suq partikolari sabiex tistabbilixxi jekk minn dan jirriżultax ostakolu sinjifikattiv għal kompetizzjoni effettiva. Din l-analiżi prospettiva teħtieġ li jiġu mbassra diversi xejriet ta’ kawża u effett bil-għan li jiġi stabbilit liema minnhom huma l-iktar probabbli (sentenzi tad-19 ta’ Ġunju 2009, Qualcomm vs Il-Kummissjoni, T‑48/04, EU:T:2009:212, punt 88, u tad-9 ta’ Marzu 2015, Deutsche Börse vs Il-Kummissjoni, T‑175/12, mhux ippubblikata, EU:T:2015:148, punt 62; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ Frar 2005, Il-Kummissjoni vs Tetra Laval, C‑12/03 P, EU:C:2005:87, punt 43).

110    Għaldaqstant huwa l-obbligu tal-Kummissjoni li turi, bi probabbiltà suffiċjenti, fid-deċiżjoni tagħha li tiddikjara konċentrazzjoni kompatibbli mas-suq intern, li din it-tranżazzjoni kif emendata permezz tal-impenji proposti mill-partijiet fit-tranżazzjoni, mhux ser tfixkel b’mod sinjifikattiv kompetizzjoni effettiva fis-suq intern jew parti sostanzjali minnu. Għalhekk huma t-terzi kkonċernati li r-rikors tagħhom għandu bħala għan l-annullament ta’ deċiżjoni li tiddikjara li l-konċentrazzjoni flimkien mal-impenji tagħha hija kompatibbli mas-suq intern li għandhom l-obbligu li l-Kummissjoni wettqet żball meta evalwat it-tranżazzjoni b’tali mod li l-kompatibbiltà tagħha mas-suq intern hija kkontestata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta’ Ġunju 2009, Qualcomm vs Il-Kummissjoni, T‑48/04, EU:T:2009:212, punti 89 u 90).

111    Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandu jiġi analizzat it-tieni motiv.

112    Preliminarjament, ir-rikorrenti ssostni li huwa b’mod żbaljat li l-Kummissjoni eżaminat fid-deċiżjoni kkontestata l-effetti ta’ esklużjoni tal-input biss f’dak li kien jirrigwarda netwerks mobbli.

113    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza, fil-kuntest tal-eżami tal-kompatibbiltà ta’ tranżazzjoni ta’ konċentrazzjoni mas-suq intern, il-Kummissjoni hija obbligata li tevalwa l-effetti fuq il-kompetizzjoni tat-tranżazzjoni ta’ konċentrazzjoni fis-swieq fejn hemm sovrappożizzjoni bejn l-attivitajiet tal-partijiet f’konċentrazzjoni. Minn dan isegwi li, jekk waħda mill-partijiet kienet diġà tinsab f’sitwazzjoni ta’ pożizzjoni dominanti fis-suq inkwistjoni, qabel il-konċentrazzjoni, din is-sitwazzjoni tevita b’definizzjoni l-analiżi ta’ effetti tal-kompetizzjoni tal-konċentrazzjoni. Għall-kuntrarju, dan ma jgħoddx meta s-sitwazzjoni ta’ pożizzjoni dominanti fis-suq inkwistjoni tirriżulta mill-konċentrazzjoni jew hija msaħħa minnha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta’ Mejju 2015, Niki Luftfahrt vs Il-Kummissjoni, T‑162/10, EU:T:2015:283, punti 248 u 249).

114    Huwa għalhekk li, kif ġie indikat fil-punt 109 iktar ’il fuq, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet jeħtieġ analiżi prospettiva li tikkonsisti f’eżami ta’ kif tranżazzjoni bħal din tista’ tbiddel il-fatturi li jiddeterminaw l-istat tal-kompetizzjoni f’suq partikolari.

115    Barra minn hekk, mill-punt 20 tal-linji gwida fuq l-evalwazzjoni ta’ konċentrazzjonijiet mhux orizzontali fir-rigward tar-Regolament tal-Kunsill dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn l-impriżi (ĠU 2008, C 265, p. 6, iktar ’il quddiem il-“Linji gwida dwar il-konċentrazzjonijiet mhux orizzontali”) li, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tagħhom tal-effetti antikompetittivi ta’ konċentrazzjoni, il-Kummissjoni tqabbel il-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni li jirriżultaw mit-tranżazzjoni notifikata ma’ dawk li għandu konjizzjoni s-suq jekk il-konċentrazzjoni ma seħħitx.

116    F’dan il-każ, jirriżulta mill-premessa 498 tad-deċiżjoni kkontestata li l-Kummissjoni kkonċentrat l-analiżi tagħha fuq il-bidliet prodotti minn konċentrazzjoni. Wara li saru l-impenji, l-unika bidla speċifika li tirriżulta mill-konċentrazzjoni kienet iż-żieda tan-netwerk mobbli u ta’ klijenti essenzjalment mobbli ta’ Vodafone. Għaldaqstant, huwa mingħajr ma wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni li l-Kummissjoni setgħet tillimita l-analiżi tagħha, kif għamlet, bir-riskju tal-esklużjoni ta’ aċċess għall-istazzjon Ziggo Sport Totaal b’effetti fuq is-swieq li għandhom komponent mobbli, b’mod partikolari s-suq għall-forniment bl-imnut ta’ pakketti ta’ servizzi fissi-mobbli “multiple play”. Fil-fatt, mill-premessi 499 sa 522 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni wettqet analiżi ta’ dan it-tip, kuntrarjament għal dak li jidher li qed tissuġġerixxi r-rikorrenti, billi ffokat fuq eventwali esklużjoni tal-aċċess għall-istazzjon Ziggo Sport Totaal b’effetti partikolari fuq il-komponent mobbli ta’ pakketti ta’ servizzi fissi-mobbli “multiple play”.

117    Għaldaqstant, l-ilment imressaq mir-rikorrenti f’dan ir-rigward għandu jiġi miċħud.

118    Mill-punt 31 tal-Linji gwida dwar il-konċentrazzjonijiet mhux orizzontali jirriżulta li l-esklużjoni tas-suq tal-input isseħħ meta, b’riżultat tal-konċentrazzjoni, l-entità l-ġdida tkun tirrestrinġi l-aċċess għall-prodotti jew għas-servizzi pprovduti minnha kieku l-konċentrazzjoni ma seħħitx. Skont il-punt 32 ta’ dawn il-linji gwida, fl-evalwazzjoni tal-probabbiltà ta’ xenarju ta’ esklużjoni antikompetittiva tas-suq tal-input, il-Kummissjoni għandha teżamina, l-ewwel nett, jekk l-entità li ħarġet mill-konċentrazzjoni jkollhiex, wara l-konċentrazzjoni, l-abbiltà li teskludi l-aċċess tal-input b’mod sinjifikattiv, it-tieni nett, jekk hija jkollhiex interess li tagħmel dan u, it-tielet nett, jekk strateġija ta’ esklużjoni jkollhiex impatt negattiv fuq il-kompetizzjoni tal-output. Mill-premessi 497 sa 522 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni eżaminat dawn it-tliet kundizzjonijiet fil-każ preżenti, mingħajr ma dan l-approċċ ġie kkritikat mir-rikorrenti.

119    Għandu jiġi rrilevat, kif issostni l-Kummissjoni fir-risposta tagħha, mingħajr ma ġiet ikkontestata mir-rikorrenti fuq dan il-punt, li dawn it-tliet kundizzjonijiet huma kumulattivi, b’mod li l-assenza ta’ waħda minnhom hija suffiċjenti sabiex jiġi eskluż ir-riskju ta’ esklużjoni tal-input antikompetittiv.

120    F’dak li jirrigwarda l-ewwel waħda minn dawn il-kundizzjonijiet, jiġifieri l-kapaċità li timpenja ruħha fi strateġija ta’ esklużjoni tal-input, jirriżulta mill-punt 35 tal-Linji gwida dwar il-konċentrazzjonijiet mhux orizzontali u mill-premessa 499 tad-deċiżjoni kkontestata li kumpannija integrata vertikalment li ħierġa mill-konċentrazzjoni għandu jkollha setgħa sostanzjali fis-suq tal-input, jiġifieri s-suq għall-forniment bl-ingrossa ta’ stazzjonijiet televiżivi sportivi primjum bi ħlas f’dan il-każ.

121    Skont il-premessi 409 u 500 tad-deċiżjoni kkontestata, l-entità li toħroġ mill-konċentrazzjoni kellha sehem tas-suq ta’ inqas minn 10 %, fir-rigward tad-dħul, fis-suq għall-provvista u l-akkwist bl-ingrossa ta’ stazzjonijiet sportivi primjum bi ħlas, li kien is-segmentazzjoni tas-suq prevista l-iktar stretta. Barra minn hekk, skont il-premessa 502 tad-deċiżjoni kkontestata, Ziggo Sport Totaal kellu inqas abbonati b’mod sinjifikattiv minn Fox Sports, minkejja prezz ogħla. Barra minn hekk, skont il-premessa 517 tad-deċiżjoni kkontestata, Ziggo Sport Totaal kellu inqas minn 5 % tat-total ta’ abbonati għat-televiżjoni bi ħlas fl-Olanda. Barra minn hekk, skont il-premessi 518 u 519 tad-deċiżjoni kkontestata, il-konsum ta’ kontenut awdjoviżiv fuq apparat mobbli kien jirrappreżenta inqas minn 3 % tal-konsum totali ta’ prodotti televiżivi, u 12 % biss tal-konsumaturi li jużaw apparat mobbli biex jinkiseb aċċess għal kontenut awdjoviżiv jaraw it-televiżjoni diretta u b’mod partikolari l-avvenimenti sportivi. B’mod iktar speċifiku, skont studju indipendenti, fl-aħħar kwart tal-2015, 4 % biss ta’ abbonati ta’ Ziggo Sport Totaal kienu jaraw dan l-istazzjon fuq l-apparat mobbli tagħhom, li jindika li biss frazzjoni żgħira ħafna ta’ 3 % tat-total ta’ abbonati għat-televiżjoni bi ħlas li huma abbonati ta’ Ziggo Sport Totaal huma interessati jaċċessaw dan l-istazzjon fuq l-apparat mobbli tagħhom.

122    Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li mingħajr ma wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni l-Kummissjoni kkonkludiet fid-deċiżjoni kkontestata li l-entità li toħroġ mill-konċentrazzjoni ma jkollhiex il-kapaċità li timpenja ruħha fi strateġija ta’ esklużjoni ta’ input fir-rigward b’mod partikolari ta’ Ziggo Sport Totaal fis-suq tal-provvista ta’ pakketti ta’ servizzi fissi-mobbli “multiple play”.

123    L-ebda argument imressaq mir-rikorrenti ma jista’ jinvalida din il-konklużjoni.

124    Fl-ewwel lok, għandu jiġi miċħud l-argument dwar il-pożizzjoni tal-entità li toħroġ mill-konċentrazzjoni fis-suq ta’ pakketti ta’ servizzi “multiple play” bħala ineffettiv u, fi kwalunkwe każ, bħala infondat. Minn naħa, kif ġie indikat fil-punt 121 iktar ’il fuq, sabiex tiġi evalwata l-kapaċità li timpenja ruħha fi strateġija ta’ esklużjoni ta’ input dik li tgħodd hija l-pożizzjoni tal-input u mhux il-pożizzjoni fis-suq tal-output. Min-naħa l-oħra, fi kwalunkwe każ, jirriżulta mit-tabella numru 11 li tinsab fil-premessa 364 tad-deċiżjoni kkontestata li s-sehem mis-suq tal-entità li toħroġ mill-konċentrazzjoni fis-suq tal-provvista ta’ pakketti ta’ servizzi fissi-mobbli “multiple play” hija inqas minn 20 %, filwaqt li s-sehem tas-suq tar-rikorrenti kien ta’ iktar minn 80 %.

125    F’dan ir-rigward, għandu jiġi ppreċiżat li, hekk kif osservat il-Kummissjoni, id-data pprovduta mir-rikorrenti, li l-entità li toħroġ mill-konċentrazzjoni jkollha sehem mis-suq ta’ iktar minn 50 % fis-suq ta’ pakketti ta’ servizzi “multiple play”, tikkonċerna s-swieq kollha ta’ pakketti ta’ servizzi, waqt li biss is-suq tal-pakketti li għandu komponent mobbli huwa rilevanti għall-finijiet ta’ din l-analiżi, għar-raġunijiet indikati fil-punti 112 sa 117 iktar ’il fuq. Għaldaqstant, id-dokument imfassal mill-awtorità tal-kompetizzjoni Olandiża, li jidher fl-Anness 20 tar-rikors, ma jistax ikun b’sostenn tal-argument tar-rikorrenti, minħabba li l-istimi tal-ishma tas-suq li jinsabu fih jikkonċernaw il-pakketti kollha ta’ servizzi “multiple play”.

126    Fit-tieni lok, għandu jiġi miċħud l-argument li Ziggo Sport Totaal u Fox Sports ma għandhomx jiġu inklużi fl-istess suq inkwistjoni sabiex tiġi evalwata l-kapaċità tal-entità li toħroġ mill-konċentrazzjoni li timpenja ruħha fi strateġija ta’ esklużjoni għar-raġunijiet indikati fil-punti 65 sa 71 iktar ’il fuq.

127    Fit-tielet lok, l-argument dwar allegata bidla tad-deċiżjoni kkontestata mill-Kummissjoni fil-kuntest ta’ din it-tilwima għandu jiġi miċħud ukoll. Lil hinn mill-ispjegazzjonijiet tal-Kummissjoni li l-premessa 500 tal-verżjoni mhux kunfidenzjali tad-deċiżjoni kkontestata kienet tinkludi sempliċi żball tal-pinna, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li n-nota ta’ qiegħ il-paġna nru 269 imdaħħla taħt il-premessa 409 tad-deċiżjoni kkontestata, kien fiha parametru b’ċifri korretti. Din il-kontradizzjoni apparenti bejn iż-żewġ premessi tad-deċiżjoni kkontestata tikkonferma li l-verżjoni mhux kunfidenzjali tad-deċiżjoni kkontestata kienet tinkludi sempliċi żball tal-pinna fil-premessa 500, kif spjegat il-Kummissjoni.

128    Fir-raba’ lok, ir-rikorrenti tagħmel interpretazzjoni żbaljata tas-sentenza tas-26 ta’ Ottubru 2017, KPN vs Il-Kummissjoni (T-394/15, mhux ippubblikata, EU:T:2017:756). Fil-fatt, f’din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali ma kkunsidratx li operatur jista’ jkollu saħħa fis-suq anki fil-preżenza ta’ kompetitur ferm ikbar fis-suq. Kien osservat biss li s-sempliċi preżenza ta’ żewġ operaturi fis-suq ma teskludix, fiha nnifisha, li wieħed minnhom jista’ jkollu setgħa fis-suq, fin-nuqqas ta’ kull analiżi tal-pożizzjoni tagħhom fis-suq.

129    Fil-ħames lok, ir-rikorrenti tagħmel ukoll interpretazzjoni żbaljata tal-premessa 504 tad-deċiżjoni kkontestata, peress li, kuntrarjament għal dak li tissuġġerixxi, il-maġġoranza ta’ dawk li rrispondew għall-investigazzjoni tas-suq indikat li ma kienx neċessarju li jkunu offruti l-istazzjonijiet televiżivi sportivi primjum bi ħlas kollha, jiġifieri Ziggo Sport Totaal u Fox Sports. Barra minn hekk, kuntrarjament għal dak li hija ssostni, jirriżulta minn qari tad-domanda magħmula mill-Kummissjoni waqt l-investigazzjoni tas-suq li din kienet ċara biżżejjed dwar dan il-punt.

130    Fis-sitt lok, għandu jiġi kkonstatat li d-dokumenti annessi mar-rikors ma jistgħux jinvalidaw il-konklużjoni dwar in-nuqqas ta’ kapaċità biex jimpenjaw ruħhom fi strateġija ta’ esklużjoni tal-input fir-rigward ta’ Ziggo Sport Totaal.

131    B’mod partikolari, l-artiklu tat-TelecomPaper, li jidher fl-Anness 17 tar-rikors, li għal azzjoni promozzjonali dwar Ziggo Sport, ma jinkludi ebda kunsiderazzjoni li tista’ tikkontesta n-nuqqas ta’ setgħa fis-suq tal-input tal-entità li toħroġ mill-konċentrazzjoni. L-istess jgħodd fir-rigward tal-artiklu li jidher fl-Anness 18 tar-rikors, li ma jippermettix li jappoġġja l-eżistenza ta’ setgħa fis-suq tal-input li tirriżulta minn Ziggo Sport Totaal, minħabba li l-artiklu inkwistjoni ma jagħmel l-ebda riferiment għal dan l-istazzjon.

132    Fir-rigward tas-silta mis-sit internet tal-entità li toħroġ minn konċentrazzjoni, li tinsab fl-Anness 19 tar-rikors, li fiha ħabbret żieda fil-prezz lill-klijenti finali tagħha li tkun iġġustifikata minn żieda tal-ispejjeż proprji tagħha, hemm lok li jiġi rrilevat li ma huwiex ċert li dan jiddependi mill-eżistenza ta’ riskju ta’ effetti vertikali. B’mod partikolari, dan id-dokument ma jippermettix li tiġi ssostanzjata t-teżi li l-entità li toħroġ mill-konċentrazzjoni jkollha setgħa fis-suq tal-input li tirriżulta minn Ziggo Sport Totaal, li hija kundizzjoni indispensabbli għall-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ esklużjoni tal-input.

133    Għaldaqstant, l-ewwel parti tat-tieni motiv għandha tiġi miċħuda. Fid-dawl tan-natura kumulattiva tat-tliet kundizzjonijiet dwar l-eżistenza ta’ riskju ta’ esklużjoni tal-input, li barra minn hekk ma huwiex ikkontestat mir-rikorrenti, ma hemmx lok li jiġu eżaminati t-tieni u t-tielet partijiet tat-tieni motiv. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, it-tieni motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

 Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni

134    Fil-kuntest tat-tielet motiv, ir-rikorrenti ssostni li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kisret l-obbligu ta’ motivazzjoni f’dak li jirrigwarda d-definizzjoni tas-suq inkwistjoni u l-assenza ta’ riskju ta’ esklużjoni tal-input fir-rigward tal-kompetituri fis-suq ta’ pakketti ta’ servizzi fissi-mobbli “multiple play”.

135    B’mod partikolari, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ma tipprovax li Fox Sports u Eurosport huma alternattivi attraenti għal Ziggo Sport Totaal, bl-istess mod li hija ma tispjegax għalfejn hemm sostitwibbiltà bejn il-kontenuti sportivi, pereżempju, bejn il-futbol u l-Formula 1. Barra minn hekk, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ma tikkunsidrax l-importanza tal-kontenut fl-analiżi tagħha tal-effetti tal-konċentrazzjoni fis-suq ta’ pakketti ta’ servizzi fissi-mobbli “multiple play”. Skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni lanqas ma tagħti raġuni għalfejn, fil-fehma tagħha, ma huwiex plawżibbli li ż-żieda possibbli ta’ introjtu tal-abbonati ġodda tista’ tikkumpensa t-telf ta’ dħul tal-liċenzji fuq Ziggo Sport Totaal mogħtija lill-operaturi oħra.

136    Fir-replika, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kellha timmotiva d-deċiżjoni tagħha li ma jitqiesx li s-suq għall-istazzjonijiet televiżivi sportivi primjum bi ħlas kellu jiġi ssegmentat iktar skont il-kontenut sportiv. Fid-dawl tal-fatt li r-rikorrenti ressqet dawn l-argumenti matul il-proċedura amministrattiva, il-Kummissjoni kien imissha eżaminathom.

137    Il-Kummissjoni, sostnuta mill-intervenjenti, tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

138    Kif jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita, il-motivazzjoni mitluba mill-Artikolu 296 TFUE għandha tiġi adattata għan-natura tal-att inkwistjoni u għandha turi b’mod ċar u mhux ekwivoku r-raġunament tal-istituzzjoni, awtriċi tal-att, b’tali mod li tippermetti lill-persuni interessati li jsiru jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura meħuda u lill-qorti kompetenti li teżerċita l-istħarriġ tagħha. Ir-rekwiżit ta’ motivazzjoni għandu jiġi evalwat skont iċ-ċirkustanzi tal-każ, b’mod partikolari mill-kontenut tal-att, min-natura tal-motivi invokati u mill-interess li d-destinatarji tal-att jew persuni oħra kkonċernati direttament u individwalment minn dan l-att jista’ jkollhom li jirċievu spjegazzjonijiet. Ma huwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika l-punti ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti kollha, sa fejn il-kwistjoni ta’ jekk il-motivazzjoni ta’ att tissodisfax ir-rekwiżiti tal-imsemmi Artikolu 296 ma għandhiex tiġi evalwata biss fid-dawl tal-formulazzjoni tiegħu iżda fid-dawl ukoll tal-kuntest tiegħu u tat-totalità tad-dispożizzjonijiet legali li jirregolaw is-suġġett inkwistjoni (ara s-sentenza tal-10 ta’ Lulju 2008, Bertelsmann u Sony Corporation of America vs Impala, C‑413/06 P, EU:C:2008:392, punt 166 u l-ġurisprudenza ċċitata).

139    Madankollu, l-awtur ta’ tali att ma jeħtieġx jieħu pożizzjoni fuq fatturi kjarament sekondarji jew jantiċipa oġġezzjonijiet potenzjali. Barra minn hekk, il-grad ta’ preċiżjoni tal-motivazzjoni ta’ deċiżjoni għandu jkun proporzjonali għall-possibbiltajiet materjali u għall-kundizzjonijiet tekniċi jew ta’ żmien li fih hija għandha tintervjeni. B’hekk, il-Kummissjoni ma tiksirx l-obbligu tagħha ta’ motivazzjoni jekk, meta teżerċita s-setgħa tagħha ta’ kontroll ta’ konċentrazzjonijiet, hija ma tinkludix fid-deċiżjoni tagħha motivazzjoni preċiża fir-rigward tal-evalwazzjoni ta’ ċertu numru ta’ aspetti tal-konċentrazzjoni li jidhrilha li huma manifestament irrilevanti, insinjifikattivi jew b’mod ċar sekondarji għall-evalwazzjoni ta’ din il-konċentrazzjoni. Tali rekwiżit huwa fil-fatt diffiċilment kompatibbli mal-ħtieġa ta’ kjarezza u mat-termini qosra ta’ proċedura li għandha l-Kummissjoni meta teżerċita s-setgħa tagħha ta’ kontroll tat-tranżazzjonijiet ta’ konċentrazzjoni u li jagħmlu parti miċ-ċirkustanzi partikolari ta’ proċedura ta’ kontroll ta’ dawn it-tranżazzjonijiet (sentenza tal-10 ta’ Lulju 2008, Bertelsmann u Sony Corporation of America vs Impala, C‑413/06 P, EU:C:2008:392, punt 167).

140    F’dan ir-rigward, għalkemm huwa veru li l-Kummissjoni ma hijiex obbligata, fil-motivazzjoni ta’ deċiżjonijiet adottati b’applikazzjoni tar-regolament, tieħu pożizzjoni fuq l-elementi u l-argumenti kollha mqajma quddiemha, inkluż dawk li bla dubju ta’ xejn huma sekondarji għall-evalwazzjoni li għandha tagħti, xorta jibqa’ l-fatt li hija għandha turi l-fatti u l-kunsiderazzjonijiet ġuridiċi ta’ importanza essenzjali fil-kuntest tad-deċiżjoni. Barra minn hekk, il-motivazzjoni għandha tkun loġika, u ma jkollhiex b’mod partikolari kuntradizzjoni interna (sentenza tal-10 ta’ Lulju 2008, Bertelsmann u Sony Corporation of America vs Impala, C‑413/06 P, EU:C:2008:392, punt 169).

141    Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza jirriżulta li n-nuqqas jew l-insuffiċjenza tal-motivazzjoni tikkostitwixxi motiv ibbażat fuq ksur tar-rekwiżiti formali essenzjali, distint, bħala tali, mill-motiv mittieħed mill-ineżattezza tal-motivi tad-deċiżjoni, li jiġi mistħarreġ mill-Qorti meta teżamina l-fondatezza ta’ din id-deċiżjoni (sentenza tad-19 ta’ Ġunju 2009, Qualcomm vs Il-Kummissjoni, T‑48/04, EU:T:2009:212, punt 175).

142    Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandu jiġu eżaminat it-tielet motiv invokat mir-rikorrenti.

143    L-ewwel nett, ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni kkontestata tikser l-obbligu ta’ motivazzjoni f’dak li jirrigwarda d-definizzjoni tas-suq inkwistjoni. B’mod partikolari, id-deċiżjoni kkontestata ma tispjegax għalfejn Fox Sports hija alternattiva attraenti għal Ziggo Sport Totaal u għaliex hemm sostitwibbiltà bejn id-diversi kontenuti sportivi. Għaldaqstant, il-Kummissjoni kellha timmotiva d-deċiżjoni tagħha li ma jitqiesx li s-suq għal stazzjonijiet televiżivi sportivi primjum bi ħlas kellu jiġi ssegmentat iktar skont il-kontenut sportiv.

144    Dawn l-argumenti ma jistgħux jintlaqgħu.

145    Fil-fatt, kif jirriżulta b’mod partikolari mill-punti 70 u 71 iktar ’il fuq, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni bbażat il-konklużjoni tagħha dwar id-definizzjoni tas-suq inkwistjoni fuq il-kunsiderazzjonijiet li ġejjin. L-ewwel nett, għadd ta’ dawk li rrispondew għall-investigazzjoni tas-suq indikaw li l-istazzjonijiet Ziggo Sport Totaal u Fox Sports kienu f’kompetizzjoni għall-klijenti u kontenut simili u kienu fil-proċess li jsiru iktar sostituti. Barra minn hekk, il-Kummissjoni rrilevat li l-klijenti, jiġifieri l-fornituri bl-imnut, kellhom aċċess għal numru ta’ stazzjonijiet televiżivi sportivi primjum bi ħlas, b’mod partikolari Fox Sports, bħala alternattiva għal Ziggo Sport Totaal. Barra minn hekk, il-maġġoranza ta’ dawk li rrispondew għall-investigazzjoni tas-suq indikat li Fox Sports joffri kontenut daqs — saħansitra iktar — attraenti minn dak ta’ Ziggo Sport Totaal. Barra minn hekk, il-maġġoranza ta’ dawk li rrispondew għall-istħarriġ argumentat li kien essenzjali għall-fornituri bl-imnut tas-servizzi televiżivi li joffru mill-inqas stazzjon televiżiv sportiv primjum bi ħlas, iżda minoranza biss indikat li kien neċessarju li joffru l-istazzjonijiet televiżivi sportivi primjum bi ħlas kollha disponibbli fil-Pajjiżi l-Baxxi.

146    B’mod partikolari fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, ma jistax jiġi kkritikat li d-deċiżjoni kkontestata tikser l-obbligu ta’ motivazzjoni billi ma tissegmentax iktar is-suq tal-provvista u l-akkwist bl-ingrossa ta’ stazzjonijiet televiżivi sportivi primjum bi ħlas, fid-dawl tas-sostitwibbiltà tal-istazzjonijiet Ziggo Sport Totaal u Fox Sports fuq in-naħa tat-talba, jiġifieri mill-perspettiva tal-fornituri bl-imnut tas-servizzi televiżivi.

147    It-tieni nett, ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni kkontestata tikser l-obbligu ta’ motivazzjoni billi ma kkunsidratx l-importanza tal-kontenut fl-analiżi tagħha tal-effetti tal-konċentrazzjoni fis-suq ta’ pakketti ta’ servizzi fissi-mobbli “multiple play”.

148    Dan l-argument ma jistax jintlaqa’.

149    Kif jirriżulta b’mod partikolari mill-premessi 502, 504 u 507 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni bbażat il-konklużjoni tagħha dwar in-nuqqas ta’ riskju ta’ esklużjoni tal-input antikompetittiv b’mod partikolari fuq l-eżistenza ta’ alternattiva għal Ziggo Sport Totaal li għandu kontenut daqs — u saħansitra iktar — attraenti, jiġifieri Fox Sports, disponibbli għall-kompetituri tal-output tal-entità li toħroġ mill-konċentrazzjoni.

150    Fl-aħħar nett, sa fejn l-argumenti mressqa mir-rikorrenti fil-kuntest tat-tielet motiv jistgħu jiġu inklużi fir-realtà bħala kontestazzjoni tal-evalwazzjoni dwar il-mertu magħmula mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, kif issostni din tal-aħħar, f’kull każ, dawn l-argumenti għandhom jiġu miċħuda għar-raġunijiet esposti fil-kuntest tal-analiżi tal-ewwel u tat-tieni motiv fil-punti 57 sa 90 u 118 sa 133 iktar ’il fuq.

151    Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, it-tielet motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

152    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, hemm lok li r-rikors jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

 Fuq l-ispejjeż

153    Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress illi r-rikorrenti tilfet, hemm lok li din tiġi kkundannata għall-ispejjeż, skont it-talbiet tal-Kummissjoni u tal-intervenjenti.

154    Għalhekk, ir-rikorrenti għandha tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha stess, dawk sostnuti mill-Kummissjoni u mill-intervenjenti.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      KPN BV għandha tbati l-ispejjeż tagħha stess kif ukoll dawk sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea, VodafoneZiggo Group Holding BV, Vodafone Group plc u Liberty Global Europe Holding BV.

Collins

Kancheva

Barents

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-23 ta’ Mejju 2019.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.