Language of document : ECLI:EU:F:2015:115

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU

TAL-UNJONI EWROPEA

(L‑Ewwel Awla)

6 ta’ Ottubru 2015

Kawża F‑132/14

CH

vs

Il-Parlament Ewropew

“Servizz pubbliku – Assistenti parlamentari akkreditati – Artikolu 266 TFUE – Miżuri ta’ eżekuzzjoni ta’ sentenza ta’ annullament tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku – Annullament ta’ deċiżjoni ta’ tkeċċija – Annullament ta’ deċiżjoni li tiċħad talba għal assistenza mressqa skont l-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal – Portata tal-obbligu ta’ assistenza fil-preżenza ta’ provi prima facie ta’ fastidju – Obbligu għall-ASTK li tmexxi investigazzjoni amministrattiva – Possibbiltà għall-uffiċjal jew għall-membru tal-persunal li jibda proċedura ġudizzjarja nazzjonali – Kumitat konsultattiv dwar il-fastidju u l-prevenzjoni tiegħu fuq il-post tax-xogħol li jitratta lmenti ta’ assistenti parlamentari akkreditati fir-rigward ta’ membri tal-Parlament – Rwol u prerogattivi – Danni materjali u morali”

Suġġett:      Rikors ippreżentat skont l-Artikolu 270 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEEA skont l-Artikolu 106a tiegħu, li permezz tiegħu CH titlob: l-annullament tad-deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tat-3 ta’ Marzu 2014, sa fejn din l-istituzzjoni rrifjutat, skont il-miżuri li kienu jinvolvu l-eżekuzzjoni tas-sentenza tat-12 ta’ Diċembru 2013, CH vs Il‑Parlament (F‑129/12, EU:F:2013:203, iktar’ il quddiem is-“sentenza CH”), fis-sens tal-Artikolu 266 TFUE, li tinfetaħ investigazzjoni amministrattiva intiża sabiex tistabbilixxi l-verità tal-fatti, li jinvolvu membru tal-Parlament, kif stabbiliti fit-talba għal assistenza tagħha mressqa fit-22 ta’ Diċembru 2011; l-annullament tad-deċiżjoni tal-Parlament, tat-2 ta’ April 2014, sa fejn, permezz ta’ din id-deċiżjoni, irrifjuta li jħallasha ammont ta’ EUR 5 686 korrispondenti mad-differenza fir-remunerazzjoni li għaliha r-rikorrenti qieset li kellha dritt skont miżuri ta’ eżekuzzjoni tas-sentenza CH fis-sens tal-Artikolu 266 TFUE; l-annullament tad-deċiżjoni tal-Parlament, tal-4 ta’ Awwissu 2014, li permezz tagħha l-Parlament ċaħad l-ilment imressaq mir-rikorrenti kontra ż-żewġ deċiżjonijiet fuq imsemmija tat-3 ta’ Marzu u tat-2 ta’ April 2014; il-kundanna tal-Parlament sabiex iħallas lir-rikorrenti l-ammonti, rispettivament, ta’ EUR 144 000 u ta’ EUR 60 000, bħala kumpens għad-dannu materjali u morali tagħha.

Deċiżjoni:      Id-deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tat-2 ta’ April 2014, kif ikkonfermata bid-deċiżjoni tal-4 ta’ Awwissu 2014 li ċaħdet l-ilment, hija annullata sa fejn, bi ksur tal-Artikolu 266 TFUE, il-Parlament Ewropew irrifjuta li jħallas lil CH ammont supplimentari ta’ EUR 5 686 bħala eżekuzzjoni tas-sentenza tat-12 ta’ Diċembru 2013, CH vs Il‑Parlament (F‑129/12, EU:F:2013:203). Id-deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tat-3 ta’ Marzu 2014, kif ikkonfermata bid-deċiżjoni tal-4 ta’ Awwissu 2014 li ċaħdet l-ilment, hija annullata sa fejn, wara l-annullament bis-sentenza tat-12 ta’ Diċembru 2013, CH vs Il‑Parlament (F‑129/12, EU:F:2013:203), tad-deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta’ Marzu 2012 li ċaħdet it-talba għal assistenza ta’ CH tat-22 ta’ Diċembru 2011, il-Parlament Ewropew ma ddeċidiex li jiftaħ investigazzjoni amministrattiva fuq il-fatti allegati ta’ fastidju psikoloġiku u b’hekk kiser l-Artikolu 266 TFUE. Il-kumplament tat-talbiet għal annullament huma miċħuda. Il-Parlament Ewropew huwa kkundannat iħallas lil CH ammont ta’ EUR 5 686, flimkien mal-interessi moratorji bir-rata ffissata mill-Bank Ċentrali Ewropew għat-tranżazzjonijiet prinċipali ta’ finanzjament mill-ġdid, miżjuda b’żewġ punti, b’effett mill-1 ta’ Lulju 2014, data tat-tmiem ta’ reklutaġġ ta’ CH. Il-Parlament Ewropew huwa kkundannat iħallas lil CH ammont ta’ EUR 25 000 bħala kumpens għad-dannu morali mġarrab, flimkien mal-interessi moratorji bir-rata ffissata mill-Bank Ċentrali Ewropew għat-tranżazzjonijiet prinċipali ta’ finanzjament mill-ġdid, miżjuda b’żewġ punti, b’effett mill-4 ta’ Awwissu 2014. Il‑kumplament tat-talbiet għal kumpens huma miċħuda. Il‑Parlament Ewropew għandu jbati l-ispejjeż tiegħu stess u huwa kkundannat ibati l-ispejjeż imġarrba minn CH.

Sommarju

1.      Rikorsi tal-uffiċjali – Sentenza ta’ annullament – Effetti – Obbligu li jiġu adottati miżuri ta’ eżekuzzjoni – Annullament ta’ deċiżjoni ta’ tkeċċija ta’ assistent parlamentari akkreditat – Kalkolu tar-remunerazzjonijiet dovuti – Tnaqqis tal-bonus ta’ vaganzi rċevut minn persuna li timpjega privata – Inammissibbiltà

(Artikolu 266 TFUE)

2.      Rikorsi tal-uffiċjali – Sentenza ta’ annullament – Effetti – Obbligu li jiġu adottati miżuri ta’ eżekuzzjoni – Annullament ta’ deċiżjoni ta’ tkeċċija ta’ assistent parlamentari akkreditat – Eżenzjoni milli jitwettqu kompiti professjonali fl-interess tas-servizz – Obbligu ta’ restituzzjoni lill-persuna kkonċerna tal-għodda tax-xogħol marbuta mal-pożizzjoni tagħha – Assenza

(Artikolu 266 TFUE)

3.      Rikorsi tal-uffiċjali – Sentenza ta’ annullament – Effetti – Obbligu li jiġu adottati miżuri ta’ eżekuzzjoni – Setgħa diskrezzjonali tal-amministrazzjoni – Ċaħda mill-Awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi kuntratti ta’ reklutaġġ ta’ talba għal assistenza mingħajr investigazzjoni amministrattiva – Assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-elementi pprovduti mill-awtur tat-talba u dawk magħrufa mill-amministrazzjoni – Inammissibbiltà

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 12a u 24)

4.      Rikorsi tal-uffiċjali – Rikors għad-danni – Annullament tal-att ikkontestat li ma jiżgurax kumpens adegwat għad-dannu materjali – Kumpens għal telf ta’ opportunità ta’ reklutaġġ – Kriterji

(Artikolu 340 TFUE)

1.      Wara l-annullament ta’ deċiżjoni ta’ tkeċċija mill-qorti tal-Unjoni, skont l-Artikolu 266 TFUE, l-istituzzjoni konvenuta hija obbligata li tieħu l-miżuri involuti fl-eżekuzzjoni tas-sentenza billi tqiegħed lilha nnifsiha fid-data li fiha kienet ittieħdet id-deċiżjoni ta’ tkeċċija, annullata b’din is-sentenza. F’dan il-każ, fir-rigward ta’ persuna kkonċernata marbuta minn kuntratt ta’ reklutaġġ inkwantu assistent parlamentari akkreditat (APA), l-istabbiliment mill-ġdid tas-sitwazzjoni legali li kienet tinsab fiha qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ tkeċċija annullata jimplika li titħallas id-differenza bejn, minn naħa, l-ammont tar-remunerazzjoni li l-persuna kkonċernata setgħet tistenna li tirċievi kieku baqgħet fil-funzjonijiet tagħha u kienet effettivament eżerċitat attivitajiet bħala APA u, min-naħa l-oħra, ir-remunerazzjoni jew l-allowances tal-qgħad li hija barra minn hekk effettivament irċeviet . Issa, it-teħid inkunsiderazzjoni tal-ammont ta’ dan il-bonus ta’ vaganzi mingħand persuna li timpjega privata jew bħala remunerazzjoni jew bħala allowance alternattiva rċevuta matul il-perijodu ta’ dħul doppju, jiġifieri l-perijodu bejn id-data tat-tkeċċija illegali u d-data li fiha l-persuna kkonċernata kienet waqfet milli tirċievi remunerazzjoni mill-persuna li timpjega privata, iwassal sabiex jittieħed inkunsiderazzjoni dħul li, ċertament, kien diġà tħallas bil-quddiem, iżda li, fil-verità, bħala regola għandu sussegwentement jitnaqqas mis-salarju rċevut u, għalhekk, jirrappreżenta remunerazzjoni għal perijodi ta’ vaganzi li għandhom jittieħdu barra l-perijodu ta’ dħul doppju u li dan il-bonus għandu jkopri bħala remunerazzjoni.

(ara l-punti 61, 62, u 65)

2.      Skont miżuri ta’ eżekuzzjoni ta’ sentenza għal annullament ta’ deċiżjoni ta’ tkeċċija ta’ assistent parlamentari akkreditat (APA), u peress illi l-APA ma humiex intiżi, inkunsiderazzjoni tal-istatus partikolari tagħhom ikkaratterizzat u ġġustifikat bl-eżistenza ta’ rabta ta’ fiduċja ma’ membru tal-Parlament li huma inkarigati sabiex jassistu, sabiex jokkupaw impjieg permanenti, l-Awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi l-kuntratti ta’ reklutaġġ tal-istituzzjoni setgħet tqis li hija ma kellhiex tassenja lill-persuna kkonċernata, temporanjament jew b’mod permanenti, impjieg f’wieħed mid-dipartimenti tagħha li jista’ jiġi okkupat minn membru tal-persunal temporanju fis-sens tal-Artikolu 2 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg għall-aġenti l-oħra jew minn membru tal-persunal bil-kuntratt fis-sens tal-Artikolu 3a tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg.

F’dan ir-rigward, anki jekk l-uffiċjali u l-membri tal-persunal oħra tal-istituzzjoni kkonċernata li jkunu attivi għandhom normalment ikollhom għad-dispożizzjoni tagħhom, għall-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħhom, dritt ta’ aċċess permanenti fil-bini tal-istituzzjoni u li għandu jingħatalhom dritt ta’ aċċess speċifiku, fil-forma ta’ badge, u, jekk ikun il-każ, tikketta ta’ aċċess għall-parkings tal-istituzzjoni li tippermettilhom li jagħmlu użu minnn dan id-dritt, minħabba l-eżenzjoni li l-persuna kkonċernata kienet tibbenefika minnha, jiġifieri li kienet eżentata milli twettaq il-kompiti tagħha bħala APA għat-tul ta’ żmien li kien fadal mill-kuntratt ta’ xogħol tagħha, l-istituzzjoni kkonċernata ma kellhiex l-obbligu li tirrestitwixxi l-badge u t-tikketta mitluba minnha bħala miżura ta’ eżekuzzjoni li tirriżulta direttament mis-sentenza għal annullament.

Minbarra dan, jekk l-istituzzjoni tista’, meta tara li jkun xieraq, tippermetti lill-uffiċjali u lill-membri tal-persunal li jutilizzaw, barra mill-ħin iddedikat għax-xogħol, l-infrastrutturi tagħha, inklużi dawk informatiċi, għal għanijiet mhux relatati mas-servizz, din il-possibbiltà għall-istituzzjoni ma tistax tiġi elevata għal dritt statutorju tal-uffiċjali u tal-membri tal-persunal, speċjalment f’sitwazzjoni fejn il-persuna kkonċernata ġiet eżentata milli twettaq il-kompiti professjonali tagħha fl-interess tas-servizz.

(ara l-punti 68, 70, 71 u 74)

3.      L-obbligu ta’ assistenza jinkludi, b’mod partikolari quddiem allegazzjonijiet ta’ fastidju, id-dmir tal-amministrazzjoni li teżamina serjament, malajr u bil-kunfidenzjalità kollha, l-ilment minħabba fastidju u li tinforma lil-lanjant bis-segwitu mogħti lill-ilment tiegħu Fir-rigward tal-miżuri li għandhom jittieħdu f’sitwazzjoni, l-amministrazzjoni għandha setgħa diskrezzjonali wiesgħa, suġġetta għall-istħarriġ tal-qorti tal-Unjoni, fl-għażla tal-miżuri u tal-mezzi ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal. L-istħarriġ tal-qorti tal-Unjoni jikkonsisti għalhekk unikament sabiex jiġi evalwat jekk l-istituzzjoni kkonċernata żammitx ruħha fil-limiti raġonevoli u ma użatx is-setgħa diskrezzjonali tagħha b’mod manifestament żbaljat.

Madankollu, fil-qasam dwar il-fastidju, fejn il-persuna inkwistjoni hija persuna li tissodisfa mandat elettiv previst mit-trattati, l-istituzzjoni tista’ tieħu sanzjonijiet dixxiplinari jew sanzjonijiet oħra kontra persuna msemmija f’ilment għal fastidju, kemm jekk din tkun jew ma tkunx superjur ġerarkiku tal-allegata vittima, biss jekk il-miżuri istruttorji ordnati jistabbilixxu b’ċertezza l-eżistenza, fir-rigward tal-persuna akkużata mill-uffiċjal jew mill-membru tal-persunal, ta’ aġir li jippreġudika l-funzjonament tajjeb tas-servizz jew id-dinjità u r-reputazzjoni tal-allegata vittima.

Għalhekk, meta l-elementi ta’ informazzjoni pprovduti mat-talba għal assistenza miċħuda mingħajr ma kienet infetħet investigazzjoni amministrattiva u dawk żvelati sussegwentement, fil-każ tat-talba għal miżuri ta’ eżekuzzjoni ta’ sentenza għal annullament, jikkostitwixxu indizji li jistgħu joħolqu dubji serji dwar il-kwistjoni jekk il-kundizzjonijiet stabbiliti bl-Artikolu 12a tar-Regolamenti tal-Persunal humiex issodisfatti, l-Awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi kuntratti ta’ reklutaġġ, permezz tal-effett tal-annullament tad-deċiżjoni ta’ ċaħda tat-talba għal assistenza, ikollha mill-ġdid imressqa quddiemha t-talba għal assistenza li baqgħet pendenti. Konsegwentement, l-Awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi kuntratti ta’ reklutaġġ tal-Parlament għandha l-obbligu, fil-kuntest tal-miżuri ta’ eżekuzzjoni tas-sentenza għal annullament, li ssegwi debitament it-talba għal assistenza, b’mod partikolari billi tiftaħ investigazzjoni amministrattiva, iktar u iktar għaliex, xejn ma jżomm lill-Parlament, filwaqt li jinvoka l-Artikolu 9(2) tar-regoli interni tiegħu, milli jistieden lil membru tal-Parlament sabiex jikkollabora f’investigazzjoni amministrattiva, sabiex jiġi vverifikat l-allegat aġir li kien jikser l-Artikolu 12a tar-Regolamenti tal-Persunal li tiegħu il-persuna kkonċernata sostniet li kienet vittma.

(ara l-punti 86, 88 sa 90, 93 sa 94)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: sentenza tad-9 ta’ Novembru 1989, Katsoufros vs Il‑Qorti tal-Ġustizzja, 55/88, EU:C:1989:409, punt 16

Il‑Qorti tal-Prim’ Istanza: sentenzi tat-28 ta’ Frar 1996, Dimitriadis vs Il‑Qorti tal-Awdituri, T‑294/94, EU:T:1996:24, punt 39; tal-15 ta’ Settembru 1998, Haas et vs Il‑Kummissjoni, T‑3/96, EU:T:1998:202, punt 54; tal-4 ta’ Mejju 2005, Schmit vs Il‑Kummissjoni, T‑144/03, EU:T:2005:158, punti 98 u 108; tal-25 ta’ Ottubru 2007, Lo Giudice vs Il‑Kummissjoni, T‑154/05, EU:T:2007:322, punt 137

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: sentenzi tas-27 ta’ Novembru 2008, Klug vs EMEA, F‑35/07, EU:F:2008:150, punt 74; tas-16 ta’ Settembru 2013, Faita vs KESE, F-92/11, EU:F:2013:130, punt 98; tas-26 ta’ Marzu 2015, CN vs Il‑Parlament, F‑26/14, EU:F:2015:22, punt 56, u tas-26 ta’ Marzu 2015, CW vs Il‑Parlament, F‑124/13, EU:F:2015:23, punti 38, 39 u 143, li hija suġġetta għal appell quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea, Kawża  T‑309/15 P

4.      Fil-kuntest ta’ talba għal kumpens tad-dannu materjali li jirriżulta minn telf ta’ opportunità li tiġi rreklutata, minn naħa, l-opportunità mitlufa għandha tkun reali u, min-naħa l-oħra, dan it-telf għandu jkun definittiv. Għalhekk, fir-rigward tal-livell ta’ ċertezza tar-rabta kawżali, dan jintlaħaq meta l-illegalità mwettqa minn istituzzjoni tal-Unjoni tkun, b’mod ċert, ċaħdet lil persuna mhux neċessarjament minn reklutaġġ, li għalih il-persuna kkonċernata ma tista’ qatt tipprova li dan seħħ, iżda minn opportunità serja li tiġi rreklutata bħala uffiċjal jew bħala membru tal-persunal, bil-konsegwenza għall-persuna kkonċernata ta’ dannu materjali li jikkonsisti fit-telf ta’ dħul.

F’każ bħal dak ta’ assistent parlamentari akkreditat (APA), fejn kien jidher li r-reklutaġġ u l-possibbli kontinwazzjoni tar-relazzjoni ta’ xogħol tiegħu jew it-tiġdid tal-kuntratt ta’ xogħol tiegħu huma, b’definizzjoni, dipendenti mill-eżistenza ta’ rabta ta’ fiduċja ma’ membru tal-Parlament li lilu jassisti, APA li jaqdi funzjonijiet fis-servizz ta’ membru tal-Parlament ma jistax jiġi żgurat li ser jiġi rreklutat sabiex jassisti membru tal-Parlament ieħor u lanqas ma jkun ċert li, wara r-reklutaġġ tiegħu, l-istess membru tal-Parlament, elett mill-ġdid, ser jibqa’ jimpjegah. Fir-rigward tat-tnaqqis tal-opportunità li jiġi rreklutat minn membru tal-Parlament elett mill-ġdid minħabba t-tqegħid għad-dispożizzjoni tardiv tal-għodda tax-xogħol, għandu jiġi enfasizzat li, jekk dawn l-aspetti jistgħu jiffaċilitaw li jsiru kuntatti, dawn ma jikkonsistux u lanqas ma jipprovdu bi kwalunkwe mod garanzija ta’ impjieg jew ta’ aċċess għal impjieg. Għaldaqstant ma jistgħux jiġu elevati, b’mod spekulattiv, għal elementi li jikkostitwixxu opportunità reali u ċerta ta’ reklutaġġ.

(ara l-punti 109 sa 112)

Referenza:

Il‑Qorti tal-Ġustizzja: sentenza tal-21 ta’ Frar 2008, Il‑Kummissjoni vs Girardot, C‑348/06 P, EU:C:2008:107, punt 54

Il‑Qorti tal-Prim’ Istanza: sentenzi tal-5 ta’ Ottubru 2004, Eagle et vs Il‑Kummissjoni, T‑144/02, EU:T:2004:290, punt 165, u tas-6 ta’ Ġunju 2006, Girardot vs Il‑Kummissjoni, T‑10/02, EU:T:2006:148, punt 96

It‑Tribunal għas-Servizz Pubbliku: sentenzi tal-5 ta’ Lulju 2011, V vs Il‑Parlament, F‑46/09, EU:F:2011:101, punt 159; tas-17 ta’ Ottubru 2013, BF vs Il‑Qorti tal-Awdituri, F-69/11, EU:F:2013:151, punt 73, u tad-19 ta’ Mejju 2015, Brune vs Il‑Kummissjoni, F‑59/14, EU:F:2015:50, punt 76