Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Administrativen sad - Varna (il-Bulgarija) fil-25 ta’ Frar 2020 – “VARCHEV FINANS” EOOD vs Komisia za finansov nadzor

(Kawża C-95/20)

Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru

Qorti tar-rinviju

Administrativen sad - Varna

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: “VARCHEV FINANS” EOOD

Konvenuta: Komisia za finansov nadzor

Domandi preliminari

L-Artikolu 56(2), ikkunsidrat flimkien mal-Artikolu 72(2) u mal-Anness I tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/565 tal-25 ta’ April 2016 li jissupplimenta d-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward rekwiżiti organizzazzjonali u kundizzjonijiet għall-operat għal ditti tal-investiment u termini definiti għall-finijiet ta’ dik id-Direttiva 1 jirrikjedi:

li l-impriżi ta’ investiment iżommu aġġornat reġistru individwali u separat (bħala database bl-informazzjoni) b’entrati dwar l-evalwazzjonijiet imwettqa fir-rigward tal-adegwatezza u tal-adattabbiltà ta’ kull klijent, bil-kontenut previst fl-Artikolu 25(2) u (3) tad-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji u li temenda d-Direttiva 2002/92/KE u d-Direttiva 2011/61/UE u fl-Artikolu 50 tar-Regolament Delegat 2017/656?

Jew huwa biżżejjed li l-informazzjoni msemmija iktar ’il fuq tkun disponibbli għand l-impriża ta’ investiment u tkun annessa mal-fajl tal-klijent ikkonċernat konformement mal-Artikolu 25(5) tad-Direttiva 2014/65 u li din l-informazzjoni tinżamm b’mod li tkun aċċessibbli għal użu futur mill-awtorità kompetenti u b’mod li jkunu ssodisfatti r-rekwiżiti tal-Artikolu 72(1) tar-Regolament Delegat 2017/656?

L-Artikolu 72(2), flimkien mal-Anness I tar-Regolament Delegat 2017/565 jirrikjedi:

li l-impriżi ta’ investiment iżommu aġġornat reġistru individwali u separat (bħala database bl-informazzjoni) b’entrati dwar l-informazzjoni dwar l-ispejjeż u l-ħlasijiet assoċjati mogħtija lil kull klijent, bil-kontenut previst fl-Artikolu 45 tar-Regolament Delegat 2017/565 fir-rigward tal-klijenti kollha?

Jew huwa biżżejjed li l-informazzjoni msemmija iktar ’il fuq tkun disponibbli għand l-impriża ta’ investiment u tkun annessa mal-fajl tal-klijent ikkonċernat konformement mal-Artikolu 25(5) tad-Direttiva 2014/65 u li din l-informazzjoni tinżamm b’mod li tkun aċċessibbli għal użu futur mill-awtorità kompetenti u b’mod li jkunu ssodisfatti r-rekwiżiti tal-Artikolu 72(1) tar-Regolament Delegat 2017/656?

____________

1     ĠU 2017, L 87, p. 1.