Language of document :

Rikors ippreżentat fit-23 ta' Settembru 2010 - AI vs Il-Qorti tal-Ġustizzja

(Kawża F-85/10)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrenti: AI (rappreżentant: M. Erniquin, avukat)

Konvenuta: Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea

Suġġett u deskrizzjoni tal-kawża

Minn naħa, l-annullament tad-deliberazzjonijiet tal-Bord tal-Għażla rigward ir-riżultati tal-eżami bil-Franċiż tal-kompetizzjoni interna Nru CJ 12/09 u, sa fejn hemm bżonn, l-annullament tal-kuntratti u tal-ħatriet tal-persuni li għaddew mill-imsemmija kompetizzjoni kif ukoll, min-naħa l-oħra, l-annullament tad-deċiżjoni li ma jiġġeddidx il-kuntratt bħala membru tal-persunal temporanju tar-rikorrenti u t-talba għall-kumpens għad-danni.

Talbiet tar-rikorrenti

L-annullament tad-deliberazzjonijiet tal-Bord tal-Għażla rigward l-eżami bil-Franċiż tal-kompetizzjoni interna Nru CJ 12/09;

sa fejn hemm bżonn, l-annullament tal-ħatriet tat-8 kandidati li għaddew minn dan l-eżami;

il-komunikazzjoni tal-kriterji ta' evalwazzjoni li ntużaw għall-għażla li saret;

prinċipalment il-klassifikazzjoni mill-ġdid tal-kuntratt ta' xogħol għal żmien determinat tar-rikorrenti f'kuntratt ta' xogħol għal żmien indeterminat, u għaldaqstant l-annullament tad-deċiżjoni li ma jiġġeddidx il-kuntratt tagħha bħala membru tal-persunal temporanju ta' Jannar 2009, u, għaldaqstant, l-integrazzjoni mill-ġdid tagħha bħala membru tal-persunal temporanju; sussidjarjament, l-annullament tad-deċiżjoni li ma jiġġeddidx il-kuntratt tagħha bħala membru tal-persunal temporanju ta' Jannar 2009, u, għaldaqstant, l-integrazzjoni tagħha mill-ġdid bħala membru tal-persunal temporanju;

konsegwentement, ir-rikonoxximent tad-dritt għal kumpens li jikkorrispondi għad-differenza bejn ir-remunerazzjoni li hija kienet tirċievi kieku l-imsemmi kuntratt kien jitkompla fl-1 ta' Jannar 2010 u l-emolumenti li hija rċeviet effettivament minn din id-data sad-data tal-integrazzjoni mill-ġdid effettiva tagħha;

il-ħlas ta' kumpens għad-danni morali sostnuti b'mod partikolari minħabba n-nuqqas abużiv ta' tiġdid tal-kuntratt ta' xogħol tagħha, stmat għal EUR 100 000 fil-każ li tiġi ordnata l-integrazzjoni mill-ġdid tar-rikorrenti, inkella kumpens ta' EUR 500 000, fil-każ li jirriżulta li l-integrazzjoni mill-ġdid tar-rikorrenti tkun impossibbli;

tikkundanna lill-Qorti tal-Ġustizzja għall-ispejjeż.

____________