Appell ippreżentat fit-23 ta’ Novembru 2018 mill-Bank for Development and Foreign Economic Affairs (Vnesheconombank) mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Is-Sitt Awla) fit-13 ta’ Settembru 2018 fil-Kawża T-737/14, Vnesheconombank (VEB) vs Il-Kunsill
(Kawża C-731/18 P)
Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol
Partijiet
Appellant: Bank for Development and Foreign Economic Affairs (Vnesheconombank) (rappreżentanti: J. Viñals Camallonga u J. Iriarte Angel, avukati)
Partijiet oħra fil-proċedura: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
L-appellant jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali (Is-Sitt Awla) tat-13 ta’ Settembru 2018, Vnesheconombank vs Il-Kunsill (T-737/14, mhux ippubblikat, EU:T:2018:543);
tiddeċiedi definittivament il-kawża billi tilqa’ t-talbiet tal-appellant magħmula fl-ewwel istanza, jiġifieri tannulla l-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni 2014/512/PESK 1 , tal-31 ta’ Lulju 2014, l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 833/2014 2 , tal-31 ta’ Lulju 2014, l-Artikolu 1 il-ġdid skont id-Deċiżjoni 2014/659/PESK 3 , tat-8 ta’ Settembru 2014, u l-Artikolu 5 l-ġdid skont ir-Regolament (UE) Nru 960/2014 4 , tat-8 ta’ Settembru 2014, f’dak li jikkonċerna lil VEB, u tħassar ismu mill-annessi tad-dispożizzjonijiet iċċitati meta huwa msemmi fihom;
tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż sostnuti fil-kuntest taż-żewġ istanzi.
Aggravji u argumenti prinċipali
Insostenn tal-appell tiegħu, l-appellant jinvoka erba’ aggravji:
Żball ta’ liġi bbażat fuq li l-Qorti Ġenerali sostniet b’mod żbaljat li l-Kunsill osserva l-obbligu ta’ motivazzjoni tiegħu;
Żball ta’ liġi bbażat fuq li l-Qorti Ġenerali sostniet b’mod żbaljat li ma hemmx żball manifest ta’ evalwazzjoni tal-fatti li huma bbażati fuqhom id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-atti kkontestati. Barra minn hekk, dan jikkostitwixxi użu ħażin ta’ poter;
Żball ta’ liġi bbażat fuq li l-Qorti Ġenerali sostniet b’mod żbaljat li d-dritt għal-protezzjoni ġudizzjarja effettiva ġie rrispettat;
Żball ta’ liġi bbażat fuq li l-Qorti Ġenerali sostniet b’mod żbaljat li d-dritt ta’ proprjetà ta’ VEB ġie rrispettat. Barra minn hekk, dan jikkostitwixxi ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza.
____________
1 Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/512/PESK tal-31 ta’ Lulju 2014 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-azzjonijiet tar-Russja li jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukraina (ĠU
2014, L 229, p. 13).
2 Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 833/2014 tal-31 ta’ Lulju 2014 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-azzjonijiet tar-Russja li jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukraina (ĠU 2014, L 229, p. 1).
3 Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/659/PESK tat-8 ta’ Settembru 2014 li temenda d-Deċiżjoni 2014/512/PESK dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-azzjonijiet tar-Russja li jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukraina (ĠU 2014, L 271, p. 54).
4 Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 960/2014 tat-8 ta’ Settembru 2014 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 833/2014 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-azzjonijiet tar-Russja li jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukraina (ĠU 2014, L 271, p. 3).