Language of document : ECLI:EU:C:2011:402

Kawża C-152/10

Unomedical A/S

vs

Skatteministeriet

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Højesteret)

“Tariffa Doganali Komuni — Klassifikazzjoni tariffarja — Nomenklatura Magħquda — Boroż ta’ tbattil għad-dijalisi tal-plastik esklużivament maħsuba għall-apparat ta’ dijalisi (kliewi artifiċjali) — Boroż tal-plastik li titbattal fihom l-awrina esklużivament maħsuba għall-kateteri — Intestaturi 9018 u 3926 — Kunċetti ta’ ‘bċejjeċ’ u ta’ ‘aċċessorji’ — Oġġetti oħrajn tal-plastik”

Sommarju tas-sentenza

1.        Tariffa Doganali Komuni — Intestaturi tariffarji — Borża ta’ tbattil għad-dijalisi, immanifatturata mill-plastik u użata biss ma’ apparat ta’ dijalisi (kilwa artifiċjali) — Borża li titbattal fiha l-awrina, immanifatturata mill-plastik u użata biss ma’ kateter

(Regolament tal-Kunsill Nru 2658/87, Anness I)

2.        Tariffa Doganali Komuni — Intestaturi tariffarji — Interpretazzjoni — Rikors għall-opinjonijiet ta’ klassifikazzjoni tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali u tal-Organizzazzjoni Dinjija tad-Dwana

1.        In-Nomenklatura Magħquda li tinsab fl-Anness 1 tar-Regolament Nru 2658/87, dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it‑Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana, għandha tiġi interpretata fis-sens li borża ta’ tbattil għad-dijalisi, immanifatturata mill-plastik, li hija ddisinjata speċifikament għal apparat ta’ dijalisi (kilwa artifiċjali) u tista’ tintuża biss b’dan il-mod, bejn ix-xahar ta’ Mejju tas-sena 2001 u dak ta’ Diċembru tas-sena 2003, għandha tiġi klassifikata taħt is-subintestatura 3926 90 99 ta’ din in-nomenklatura bħala “plastik u oġġetti tiegħu” u li borża li titbattal fiha l-awrina, immanifatturata mill-plastik, li hija ddisinjata speċifikament għal kateter u konsegwentement tista’ tintuża biss b’dan il-mod, għall-istess perijodu, għandha tiġi kklassifikata taħt is-subintestatura 3926 90 99 tal-imsemmija nomenklatura bħala “plastik u oġġetti tiegħu”.

L-ebda mill-prodotti ma jista’ jiġi kklassifikat la bħala “biċċa” u lanqas bħala “aċċessorju”, ta’ kateter (subintestatura 9018 39 00) jew ta’ apparat ta’ dijalisi (kilwa artifiċjali) (subintestatura 9018 90 30), sa fejn, minn naħa, la l-borża li titbattal fiha l-awrina għall-kateteri u lanqas il-borża ta’ tbattil maħsuba għall-apparat tad-dijalisi ma huma indispensabbli għall-funzjonament ta’ tali istrumenti jew apparat u li, min-naħa l-oħra, l-imsemmija boroż ma jippermettux li l-istrumenti u l-apparat imsemmi iktar ’il fuq jiġu adattati għal xogħol partikolari, u lanqas jikkonferulhom possibbiltajiet addizzjonali jew iqegħduhom f’pożizzjoni li jiżguraw servizz partikolari b’relazzjoni mal-għan prinċpali tagħhom.

(ara l-punti 35, 36, 38, 43 u d-dispożittiv)

2.        L-opinjonijiet interpretattivi ta’ klassifikazzjoni tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali kif ukoll dawk tal-Organizzazzjoni Dinjija tad-Dwana fuq il-klassifikazzjoni tal-prodotti, rispettivament, fin-Nomenklatura Magħquda u fis-Sistema armonizzata tad-Deskrizzjoni u l‑kodifikazzjoni ta’ oġġetti, li ma tawx lok għall-adozzjoni ta’ regolament, jistgħu validament jintużaw fir-relazzjonijiet legali li jkunu nħolqu u ġew stabbiliti qabel l-adozzjoni tal-imsemmija opinjonijiet.