Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Corte costituzionale (l-Italja) fil-21 ta’ Ġunju 2019 – DB vs Commissione Nazionale per le Società e la Borsa (Consob)

(Kawża C-481/19)

Lingwa tal-kawża: it-Taljan

Qorti tar-rinviju

Corte costituzionale

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: DB

Konvenuta: Commissione Nazionale per le Società e la Borsa (Consob)

Domandi preliminari

L-Artikolu 14(3) tad-Direttiva 2003/6/KE, sa fejn dan huwa applikabbli ratione temporis, u l-Artikolu 30(1)(b) tar-Regolament (UE) Nru 596/2014 għandhom jiġu interpetati fis-sens li jippermettu lill-Istati Membri li ma jissanzjonawx lil min jirrifjuta li jwieġeb għal mistoqsijiet tal-awtorità kompetenti, li minnhom tista’ tirriżulta r-responsabbiltà tiegħu għal ksur punibbli b’sanzjonijiet amministrattivi ta’ natura “punittiva”?

Fil-każ ta’ risposta negattiva għall-ewwel domanda, l-Artikolu 14(3) tad-Direttiva 2003/6/KE, sa fejn dan huwa applikabbli ratione temporis, u l-Artikolu 30(1)(b) tar-Regolament (UE) Nru 596/2014 huma kompatibbli mal-Artikoli 47 u 48 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, inkluż fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem inkonnessjoni mal-Artikolu 6 tal-KEDB u tat-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni fost l-Istati Membri, sa fejn dawn jistabbilixxu li għandu jiġi ssanzjonat ukoll kull min jirrifjuta li jwieġeb għal mistoqsijiet tal-awtorità kompetenti, li minnhom tista’ tirriżulta r-responsabbiltà tiegħu għal ksur punibbli b’sanzjonijiet amministrattivi ta’ natura “punittiva”?

____________