Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mir-Rayonen sad - Pazardzhik (il-Bulgarija) fid-29 ta’ Jannar 2020 – SF vs Teritorialna direktsia na Natsionalna agentsia za prihodite - Plovdiv

(Kawża C-49/20)

Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru

Qorti tar-rinviju

Rayonen sad - Pazardzhik

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: SF

Konvenuta: Teritorialna direktsia na Natsionalna agentsia za prihodite - Plovdiv

Domandi preliminari

L-ewwel domanda:

L-Artikolu 2(1) tad-Direttiva (UE) 2015/849 1 , ikkunsidrat fid-dawl tal-premessa 6 tal-preambolu tagħha u tal-Artikoli 4 u 5 tagħha, għandu jiġi interpretat fis-sens li jippermetti dispożizzjoni legali ġenerali nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali – li tipprovdi li l-pagamenti fit-territorju nazzjonali għandhom jitwettqu biss permezz ta’ trasferiment jew ta’ depożitu f’kont ta’ ħlas meta l-ammont tagħhom ikun ta’ 10 000 lev Bulgaru (BGN) jew iktar – mingħajr ma tieħu inkunsiderazzjoni s-suġġett u r-raġuni għall-ħlas fi flus kontanti billi tkopri l-ħlasijiet kollha fi flus kontanti bejn persuni fiżiċi u ġuridiċi?

It-tieni domanda:

Bil-għan li jintlaħqu l-għanijiet tad-Direttiva, previsti fil-premessa 59 tal-preambolu tagħha, il-pagamenti għandhom ikunu permessi fuq il-bażi biss tal-ammont tagħhom, irrispettivament minn jekk hemmx korrispettiv jew le għat-tranżazzjoni?

It-tielet domanda:

Liema huma l-kriterji għal livell ta’ vulnerabbiltà, jew rispettivament għal livell għoli ta’ riskju, tat-tranżazzjonijiet?

____________

1     Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2015 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu, li temenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li tħassar id-Direttiva 2005/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/70/KE (ĠU 2015, L 141, p. 73).